Proċedura : 2011/2147(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0409/2011

Testi mressqa :

A7-0409/2011

Dibattiti :

PV 14/12/2011 - 23
CRE 14/12/2011 - 23

Votazzjonijiet :

PV 15/12/2011 - 9.11
CRE 15/12/2011 - 9.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


RAPPORT     
PDF 293kWORD 252k
1 ta' Diċembru 2011
PE 469.808v02-00 A7-0409/2011

dwar ir-rieżami ta' nofs il-perjodu tal-istrateġija Ewropea 2007-2012 dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol

(2011/2147(COM))

Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

Rapporteur: Karima Delli

ERRATA/ADDENDA
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-rieżami ta' nofs il-perjodu tal-istrateġija Ewropea 2007-2012 dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol

(2011/2147(COM))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-preambolu u l-Artikoli 3 u 6 tiegħu,

–   wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari l-Artikoli 3, 6, 9, 20, 151, 152, 153, 154, 156, 159 u 168 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 1, 3, 27, 31, 32 u 33 tagħha(1),

–   wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea tat-3 ta' Mejju 1996, u b'mod partikolari l-Parti I u l-Artikolu 3 tal-Parti II tagħha,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Philadelphia tal-10 ta' Mejju 1944 dwar il-miri u l-għanijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol,

–   wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-ILO fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1338/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-istatistika Komunitarja dwar is-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol(2),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta' Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (direttiva qafas) u d-direttivi individwali tagħha(3),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol(4),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2007/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE, id-Direttivi partikulari tagħha kif ukoll id-Direttivi tal-Kunsill 83/447/KEE, 91/383/KEE, 92/29/KEE u 94/33/KE, bil-ħsieb li jiġu simplifikati u razzjonalizzati r-rapporti dwar l-implimentazzjoni prattika(5),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2010/32/UE tal-10 ta' Mejju 2010 li timplimenta l-Ftehim Qafas dwar il-prevenzjoni ta’ korrimenti kkawżati minn oġġetti li jaqtgħu fis-settur tal-isptarijiet u l-kura tas-saħħa li ġie konkluż mill-HOSPEEM u l-EPSU(6),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "Intejbu l-kwalità u l-produttività fuq ix-xogħol: Strateġija Komunitarja 2007-2012 għas-saħħa u s-siġurtà fuq il-post tax-xogħol" (COM(2007)0062),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "Aġenda soċjali mġedda: Opportunitajiet, aċċess u solidarjetà fl-Ewropa tas-seklu 21" (COM(2008)0412),

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim Qafas dwar l-istress fuq il-post tax-xogħol adottat mis-sħab soċjali (COM(2011)0241),–  wara li kkunsidra "EWROPA 2020 - Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv"(COM(2010)2020), u l-objettiv ewlieni tagħha li żżid il-livelli ta' impjieg sa 75% sal-aħħar tad-deċennju fl-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Frar 2005 dwar il-promozzjoni tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol(7),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2006 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-ħarsien tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa Ewropej minn infezzjonijiet ġejjin mid-demm minħabba korrimenti li jirriżultaw minn labar tas-siringi(8),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Mejju 2007 intitolata "Promozzjoni ta' xogħol deċenti għal kulħadd(9),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2008 dwar l-istrateġija Komunitarja 2007-2012 għas-saħħa u s-sigurta fuq il-post tax-xogħol(10),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Marzu 2009 dwar ir-responsabilità soċjali tal-kumpaniji fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali(11),

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2011 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv (2012)(12),

–   wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-24 ta' April 2011 intitolat "L-evalwazzjoni ta' nofs il-perjodu tal-istrateġija Ewropea 2007-2012 għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol" (SEC(2011)0547),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-fastidju fuq il-post tax-xogħol(13),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0409/2011),

A. billi d-dritt għas-saħħa huwa dritt fundamentali, u li kull ħaddiem jibbenefika mill-garanzija legali tal-kundizzjonijiet ta' impjieg li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu,

B.  billi l-Istrateġija Ewropa 2020 għandha l-għan li sal-2020, tikseb rata ta' impjieg ta' 75% għas-sezzjoni tal-popolazzjoni li għandhom età bejn l-20 u l-64 sena, bi prijorità għall-impjieg ta' nisa, żgħażagħ, ħaddiema anzjani, ħaddiema ftit kwalifikati u immigranti legali, u li ttejjeb il-koeżjoni soċjali;

C. billi l-iżvilupp teknoloġiku u l-bidliet fil-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali qed ibidlu b'mod kostanti l-postijiet tax-xogħol u l-prattiki, u billi tweġibiet rapidi politiċi, amministrattivi u tekniċi huma għalhekk essenzjali sabiex jigarantixxu livell għoli ta' saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol;

D. billi l-prevenzjoni tar-riskji huwa essenzjali għat-tnaqqis ta' inċidenti u mard relatati max-xogħol; wara li kkunsidra l-impatt pożittiv ta' ġestjoni tajba tas-saħħa u tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol kemm fil-livell nazzjonali u Ewropew kif ukoll għall-kumpaniji;

;E. billi l-prevenzjoni adegwata tal-ħaddiema tippromwovi min-naħa tagħha benessri, kwalità ta' xogħol u produttività; billi l-ispejjeż ta' mard u inċidenti fuq il-post tax-xogħol għall-impriżi u s-sistemi tas-sigurtà soċjali, huma stmati li jlaħħqu 5,9 %(14) tal-PDG,

F.  billi, minħabba n-nuqqas ta' ħaddiema, huwa mixtieq li titwal il-ħajja attiva ta' xogħol tal-ħaddiema akbar fl-età u billi l-miżuri li jippromwovu s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għandhom ikunu effettivi fil-futur qrib;

G. billi l-protezzjoni ta' ħaddiema żgħażagħ tista' tipprevjeni problemi ta' saħħa relatati max-xogħol li jistgħu jseħħu aktar tard fil-ħajja;

H. billi fis-settur tas-servizzi, ħaddiema żgħażagħ u nisa mhumiex biżżejjed koperti mill-politiki ta' reintegrazzjoni u taż-żamma tal-impjieg(15);

I.   billi l-esternalizzazzjoni tax-xogħol permezz ta' sottokuntrattar u xogħol temporanju jistgħu jinvolvu l-impjieg ta' ħaddiema bi ftit kwalifiki jew ħaddiema mhux iddikjarati u relazzjonijiet ta' xogħol inqas stretti, u dan jagħmilha iktar diffiċli li tiġi identifikata r-responsabbiltà fir-rigward tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol (OHS);

J.   billi d-Direttiva qafas 89/391/KEE tpoġġi r-responsabbiltà fuq min iħaddem biex tiġi stabbilita politika ta' prevenzjoni sistematika li tikkonċerna r-riskji kollha, irrispettivament mill-pożizzjoni tal-ħaddiem, billi jiġi garantit li l-impjegati ma jbatux minn fatturi relatati max-xogħol, partikolarment minħabba bullying;

K. billi inċidenti, MSDs u stress relatat max-xogħol huma l-oqsma ewlenin ta' tħassib għall-impriżi Ewropej rigward l-OHS(16);

L.  billi l-istrateġija 2020 tal-UE timmira għal rata globali tal-impjieg ta' 75% tal-popolazzjoni ta' età bejn l-20 u l-64; billi l-ħaddiema li jsofru minn mard kroniku jew mard fit-tul ġeneralment ma jerġgħux immorru lura għal xogħolhom għalkemm saħħithom tkun tippermetti li jagħmlu dan;

M. billi l-impatt li qed jiżdied tal-problema ta' saħħa kronika marbuta max-xogħol bħal pereżempju mard muskoluskeletali (MSD) u riskji psikosoċjali,

N. billi riskji psiko-soċjali huma riskji relatati ma' stress, vjolenza simbolika u fastidju fuq il-post tax-xogħol; billi l-istress huwa marbut mal-insikurezza fl-impjieg, mal-kunflitti etiċi, ma' organizzazzjoni ħażina tax-xogħol (pereżempju l-pressjoni tal-iskadenzi jew ammont żejjed ta' xogħol), ma' kuntatt kunflittwali mal-klijent, ma' nuqqas ta' appoġġ fix-xogħol, mal-instabilità tar-relazzjonijiet professjonali, kif ukoll ma' żbilanċ bejn il-ħajja professjonali u dik privata;

O. wara li kkunsidra t-tixjiħ tal-popolazzjoni tal-UE, it-tendenza lejn ħajja ta' xogħol itwal u l-ħtieġa li tiżdied l-aspetattiva ta' ħajja b'saħħitha; billi l-inugwaljanzi fl-esperjenza tal-ħajja fir-rigward tal-kategoriji soċjoprofessjonali u d-diffikultà fix-xogħol; billi, minbarra l-problemi skeletro-muskolari (MSDs), il-ħaddiema ta' 'l fuq minn 55 sena huma partikolarment sensittivi għall-kanċer, il-mard tal-qalb, il-problemi respiratorji u l-problemi tal-irqad(17);

P.  billi n-nuqqas ta' skeda ta' żmien regolari għall-ħaddiema f'impjiegi li jinvolvu xogħol ta' bil-lejl ħafna drabi jikkawża diffikultajiet li jistgħu jwasslu għal mard relatat max-xogħol;

Q. billi 168 000 ċittadin Ewropew imutu kull sena minħabba inċidenti jew mard relatati max-xogħol(18) u 7 miljuni jweġġgħu f'inċidenti, u billi għadna ma ninsabux f'pożizzjoni li nevalwaw b'mod preċiż kemm l-inċidenti huma marbuta mal-użu ta' teknoloġiji ġodda u ma' forom oħra ta' xogħol,

R.  billi ġiex ippruvat li teżisti ebda rabta bejn in-numru ta' inċidenti u d-daqs tal-kumpanija; billi, madankollu, ir-rata tal-inċidenti tiddependi fuq it-tip ta' produzzjoni li impriża twettaq u s-settur li topera fih, il-grad ta' dipendenza huwa l-ogħla fis-setturi li jinvolvu xogħol manwali u fejn hemm relazzjoni stretta bejn il-bniedem u l-magni;

S.  billi l-iżvilupp teknoloġiku jinvolvi riskji ta' saħħa u sigurtà għall-ħaddiema li għandhom jiġu evalwati;

T.  billi l-kanċers huma l-kawża prinċipali tal-imwiet relatati max-xogħol, segwiti minn mard kardjovaskulari u respiratorji, filwaqt li l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol huma biss minorità żgħira tal-imwiet(19);

U. billi n-nisa jirrappurtaw livell ogħla ta' problemi ta' saħħa relatati ma' xogħol b'paragun mal-irġiel irrispettivament mit-tip ta' xogħol(20); billi, għalhekk, miżuri ta' saħħa u sigurtà fuq ix-xogħol jeħtieġu approċċ ibbażżat fuq is-sess u ċ-ċiklu tal-ħajja,

V. billi n-nisa huma ugwalment, jekk mhux iktar, affettwati minn mard muskoskeletali, anke meta jaħdmu fis-settur tas-servizzi;

W. billi n-nisa li qed jixjieħu huma partikolarment vulnerabbli għal mard relatat mal-età li għandu jiġi indirizzat b'mod xieraq fil-politiki tal-OHS;

X. billi l-kapaċità riproduttiva tista' tkun f'periklu minħabba problemi ta' saħħa li jistgħu jinħolqu meta ġenituri futuri jew t-tfal li jkunu għandhom ma twieldux ikunu esposti għall-effetti tat-tniġġis ambjentali u fatturi ta' riskju preżenti fl-ambjent ta' xogħol;

Rieżami ta' nofs il-perjodu tal-Istrateġija

1.  Ifakkar li l-qafas Ewropew ta' referenza rigward is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol (OHS) ma jippermettix titjib awtomatiku tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, fatturi importanti għal dan it-titjib huma l-implimentazzjoni tajba fuq il-post, speċjalment permezz tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema, kif ukoll il-mekkaniżmu ta' djalogu tripartitiku, il-ġbir u t-tqassim tad-dejta, il-kampanji ta' sensibilizzazzjoni u t-tqegħid f'netwerk ta' servizzi ta' taħriġ u ta' informazzjoni, u s-superviżjoni tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fl-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni taġixxi malajr meta tinnota li sar ksur u, jekk ikun meħtieġ, issaħħaħ is-sanzjonijiet;

2.  Jinnota li l-għanijiet prinċipali tal-istrateġija Komunitarja 2007-2012 jinkludu kemm il-garanzija tal-implimentazzjoni adegwata tal-leġiżlazzjoni tal-UE, kif ukoll it-titjib u s-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni attwali, inter alia permezz tal-implimentazzjoni ta' strumenti mhux vinkolanti; ifakkar għalhekk li, skont l-Artikolu 4 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Unjoni Ewropea ma għandhiex ħlief kompetenza konkorrenti mal-Istati Membri fil-qasam tal-impjiegi u f'dak tas-saħħa pubblika, u li fil-komunikazzjoni tal-2007, il-Kummissjoni Ewropea tinsisti fuq l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' strateġiji nazzjonali; jinsisti għalhekk dwar il-ħtieġa li l-leġiżlazzjoni Ewropea tiġi adattata b’mod koerenti għat-tibdiliet soċjali u li ma jsirx leġiżlar bla bżonn fil-livell Ewropew;

3.  Jiddeplora l-fatt li fl-2009 diversi Stati Membri ma ffukawx l-istrateġiji nazzjonali tagħhom fuq it-tliet prijoritajiet tal-istrateġija tal-UE: l-istress u l-"burn-out" fuq il-post tax-xogħol, RSI kif ukoll ir-riċerka u l-ġbir regolari ta' dejta dwar ir-riskji l-ġodda; iqis li l-istrateġiji nazzjonali għandhom jallokaw aktar sforzi u mezzi għall-prevenzjoni;

4.  Għandu l-fehma li l-adozzjoni, l-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali għandhom jikkunsidraw is-sitwazzjoni speċifika ta' kull Stat Membru, biex b'hekk jimmira s-setturi u l-kumpaniji l-aktar affettwati minn inċidenti okkupazzjonali;

5.  Iqis neċessarju li f'livell Ewropew kif ukoll nazzjonali, il-politiki tal-OHS isiru konsistenti ma' politiki pubbliċi oħrajn u li tal-ewwel jiġu integrati bis-sħiħ f'dawn tal-aħħar: saħħa, xogħol, industrija, riċerka, ambjent, trasport, sigurtà tat-toroq, edukazzjoni, enerġija, żvilupp reġjonali, kuntratti pubbliċi u suq intern; l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi għandha tiġi implimentata fil-politiki kollha sabiex tirrifletti aħjar ir-riskji speċifiċi li jiffaċċjaw il-ħaddiema nisa;

6.  Jinnota li – minbarra r-reputazzjoni tal-intrapriża u l-fatturi ekonomiċi – ir-rekwiżiti legali u t-talbiet tal-ħaddiema huma ż-żewġ fatturi ewlenin li jimmotivaw lill-ħaddiema biex jieħdu azzjoni;

7.  Jitlob, meta jingħataw kuntratti pubbliċi, li l-livelli ta' sigurtà u l-prattiki ta' prevenzjoni kontra l-inċidenti jiġu kkunsidrati iktar;

8.  Iqis li l-politika Ewropea dwar ir-riskji kimiċi, il-prevenzjoni tal-kanċers marbuta max-xogħol u l-protezzjoni tal-kapaċità ta' riproduzzjoni għandhom ikunu aktar ambizzjużi u reattivi;

9.  Jissottolinja l-importanza tal-implimentazzjoni integrali ta' REACH u l-ħtieġa ta' sinerġija ħafna akbar bejn din u l-politiki tal-OHS kemm f'livell Ewropew kif ukoll fl-Istati Membri;

10. Jitlob li l-istrateġija Ewropea li jmiss tistabbilixxi iktar għanijiet li jistgħu jitkejlu, akkumpanjati minn kalendarji vinkolanti u evalwazzjoni perjodika; jixtieq li l-għan ta' spettur tax-xogħol għal 10 000 ħaddiema, irrakkomandat mill-ILO, isir obbligatorju,

11. Jirrimarka l-ekonomiji li saru minħabba l-kriżi ekonomika ma jridux ifissru li s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol jintnesew u jenfasizza li baġits ta' awsterità u tnaqqis fl-infiq soċjali m'għandhomx ikunu ta' ħsara għall-azzjoni biex tippromwovi s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol;

12. Jemmen li l-effetti ekonomiċi tal-kriżi u r-riċessjoni ekonomika qawwija f'ċerti Stati Membri m'għandhomx iservu bħala skuża għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni difettuża dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, jew ifixklu l-politiki ta' prevenzjoni kontra r-riskji relatati max-xogħol;

13. Iqis li l-Istati Membri u l-impriżi għandhom jinvestu aktar fil-politiki ta' prevenzjoni tar-riskji u jiggarantixxu l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema f'dawn il-politiki; iqis li tali investiment jitħallas lura fil-forma ta' produttività mtejba tax-xogħol, żieda fil-kompetittività tal-intrapriżi u t-tnaqqis fl-ispejjeż tas-sigurtà soċjali u li, barra minn hekk, dan jippermetti li tiġi żgurata l-vijabilità tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali;

14. Jemmen li politika ta' prevenzjoni tal-inċidenti li tkun ġenwinament effikaċi trid tibda mill-istadju tal-ippjanar sabiex tiżgura li s-sigurtà akbar li tirriżulta mill-innovazzjoni se testendi kemm għall-prodott kif ukoll għall-proċess kollu ta' produzzjoni; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġaw u jħeġġu r-riċerka f'dan il-qasam;

15. Jemmen li l-problema tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għandha tiġi ttrattata permezz tal-implimentazzjoni ta' strateġija fuq żewġ livelli, billi jsiru sforzi fil-ġlieda kontra r-riskji ambjentali u billi jsir titjib fil-post tax-xogħol mill-aspett psikosoċjali; iqis li s-suċċess ta' din l-istrateġija se jiddependi fil-parti l-kbira fuq il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema u tas-sħab soċjali f'livelli nazzjonali, lokali u fuq il-postijiet tax-xogħol; jitlob lill-Kummissjoni ssegwi u ssaħħaħ id-diskussjonijiet u l-konsultazzjonijiet mas-sħab soċjali bl-għan li tikseb azzjoni konġunta u konċertata dwar kwistjonijiet partikolari;

16. jenfasizza li l-istress fuq il-post tax-xogħol huwa rikonoxxut bħala ostaklu importanti għall-produttività fl-Ewropa; Jiddeplora ż-żieda dejjem tikber tal-patoloġiji u inċidenti dovuti għal problemi psikosoċjali fost il-ħaddiema; ifakkar l-inċidenza tas-suwiċidju fuq il-post tax-xogħol u l-impatt reali li n-nuqqas ta' sigurtà tax-xogħol ikollu fuq il-fattur tal-istress; jiddispjaċih bl-implimentazzjoni mhux ugwali fl-UE kollha tal-Ftehim Qafas dwar l-istress fuq il-post tax-xogħol tat-8 ta' Ottubru 2004; jitlob lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri kollha neċessarji biex tiżgura li dan il-ftehim jiġi implimentat f'kull Stat Membru u jitlob lis-sħab soċjali jaħdmu iżjed biex iżidu l-għarfien u l-fehim tal-istress relatati max-xogħol fost min iħaddem, il-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom;

17. Jinnota l-proliferazzjoni ta' forom ta' xogħol mhux standard (xogħol temporanju, staġonali, nhar ta' Ħadd, part time, xogħol mid-dar) li jeħtieġu approċċ speċifiku għall-protezzjoni tal-ħaddiema;

18. Jikkritika l-fatt li l-Kummissjoni naqset milli tagħti biżżejjed attenzjoni lill-approċċ ta' integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi meta titratta kwistjonijiet dwar saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol, jew fl-istrateġija tal-Komunità dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol jew fil-valutazzjoni tagħha ta' nofs il-perjodu; għalhekk jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tistieden li jsir il-preparament ta’ metodi uniċi ta’ analiżi tal-impatt fl-OHS fir-rigward tal-ispeċifiċità tas-sessi; jitlob lill-Kummissjoni biex, fil-livell Komunitarju, tivverifika l-istatistiċi li juru l-ispeċifiċitajiet għal kull sess fir-rigward tal-mard professjonali, kemm jekk mortali kif ukoll jekk le; iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkunsidraw ir-riskji speċjali li qed jiffaċċjaw l-ħaddiema nisa fil-politiki ta' prevenzjoni u metodi ta' assessjar tar-riskji;

19. Għandu l-fehma, li peress li r-rata tal-impjieg teħtieġ tiżdied b'medja annwali ta' madwar 1% fl-UE, huwa partikolarment importanti li tiġi żgurata l-protezzjoni tas-saħħa ta' ħaddiema akbar fl-età u/jew dawk b'diżabbiltajiet, u li l-iżvilupp tal-kundizzjonijiet tax-xogħol jiġi adattat għas-sitwazzjoni mibdula tagħhom;

20. Jinnota li la s-settur pubbliku u lanqas dak privat m'huwa verament ippreparat biex jiffaċċja s-sitwazzjoni demografika u jqisu bħala possibbiltà l-impjieg ta' aktar nies b'diżabbiltajiet, bi problemi ta' saħħa fit-tul bħal pereżempju mard kroniku jew b'kapaċitajiet anqas ta' xogħol; jemmen li għanda titpoġġa enfażi akbar fuq l-aċċessibbiltà u s-sigurtà tal-impjiegi għal dawk il-ħaddiema;

21. Jiddispjaċih minħabba d-dewmien tal-Kummissjoni biex tippreżenta proposta leġiżlattiva ġdida dwar il-preskrizzjonijiet minimi tas-sigurtà u s-saħħa rigward l-espożizzjoni tal-ħaddiema għar-riskji kkaġunati mill-kampijiet elettromanjetiċi wara r-rapport tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/40/KE u jitlob li l-leġiżlazzjoni f’dan il-qasam tiġi implimentata malajr wara l-adozzjoni tagħha;

22. Iqis r-responsabbiltà soċjali korporattiva bħala mod importanti u effikaċi ta' kif jiġu garantiti kundizzjonijiet ta' xogħol aktar siguri u ambjent ta' xogħol aħjar u għalhekk jemmen li din ir-responsabbiltà għandha tiġi mħeġġa;

23. Iqis neċessarju li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-UE, l-ILO u d-WHO bl-għan li jinstabu soluzzjonijiet għall-kompetizzjoni soċjali bejn il-ħaddiema Ewropej u dawk ta' pajjiżi terzi;

Ġbir ta' dejta statistika

24. Jissottolinja li l-Kummissjoni għandha tiżviluppa mezzi statistiċi speċifiċi għas-sess u l-età, sabiex tevalwa l-prevenzjoni mhux biss rigward inċidenti iżda wkoll rigward patoloġiji u l-persentaġġ tal-ħaddiema esposti għall-aġenti kimiċi, fiżiċi jew bijoloġiċi u għal sitwazzjonijiet perikolużi mil-lat tal-organizzazzjoni tax-xogħol;

25. Jenfasizza l-importanza ta' miżuri bbażati fuq is-sess u approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja biex jeliminaw ir-riskju ta' irtirar kmieni minħabba problemi ta' saħħa;

26. Jissottolinja d-diffikultajiet biex tinġabar id-dejta f'diversi Stati Membri; jitlob sabiex il-ħidma tal-aġenziji EU-OSHA u Eurofound (Fondazzjoni Ewropea għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol) tiġi msaħħa u mxerrda ferm sew;

27. Jitlob lill-Aġenzija Ewropea għas-saħħa u s-sigurtà tax-xogħol (UE-OSHA) tiġbor l-indikaturi nazzjonali rigward l-espożizzjoni għall-kanċers u teżamina mill-ġdid l-għarfien dwar l-espożizzjoni ta' ħaddiema li huma partikolarment vulnerabbli;

28. Jissottolinja l-importanza ta' kooperazzjoni bejn l-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol u l-Kumitati speċjali tal-Kummissjoni Ewropea, bħal pereżempju l-Kumitat tal-Ispetturi Anzjani tax-Xogħol u l-Kumitat Konsultattiv dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol għat-twettiq ta' riżultati aħjar u għall-preżentazzjoni ta' proposti;

29. Jitlob lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri jiżviluppaw programm Ewropew ta’ sorveljanza tar-riskji relatati max-xogħol (b’mod partikolari l-problemi muskuloskeletali u psikosoċjali), li jkun ibbażat fuq indikaturi u definizzjonijiet tas-saħħa u għodod epidemjoloġiċi komuni għas-27 Stat Membru; jinsisti fuq il-ħtieġa ta’ approċċ integrat għas-sorveljanza, li jqis fl-istess ħin it-triq professjonali tal-impjegati attwali u l-istat tas-saħħa ta’ min ikun irtira;

30. Jinnota t-tnaqqis tan-numru ta' inċidenti fuq il-post tax-xogħol fl-UE u jistieden lill-Kummissjoni teżamina kemm fil-fatt dan huwa dovut għal tnaqqis tal-livell ta' impjiegi u għall-bidla kontinwa lejn is-settur terzjarju; jixtieq li l-għanijiet stabbiliti f'livelli Ewropej u nazzjonali u l-evalwazzjoni tat-tlestija tagħhom jikkunsidraw iżjed din id-dimensjoni makroekonomika;

31. Jieħu nota tar-riżultati tal-proġett "Scoreboard 2009" tal-Kummissjoni li juri l-prestazzjoni individwali tal-Istati Membri; iqis li jeħtieġ li jkopri l-oqsma kollha tal-istrateġija Ewropea 2007-2012; jiddispjaċih li l-eżattezza u s-suffiċjenza tad-dejta mhumiex dejjem ivverifikati imparzjalment u li d-dejta hija pprovduta b'mod fakultattiv; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li dejta affidabbli u komprensiva pprovduta mill-Istati Membri kollha u li d-dejta pprovduta tiġi kkontrollata minn awtoritajiet indipendenti f'livell nazzjonali;

32. Jikkritika l-fatt li mhux l-Istati Membri kollha ffissaw objettivi li jistgħu jitkejlu relatati mal-istrateġiji nazzjonali tagħhom tal-OHS, u li l-parti l-kbira fosthom ma ffissawx objettivi relatati mal-mard professjonali, il-problemi u l-mard relatati max-xogħol, il-fatturi ta' riskju professjonali jew is-setturi f'riskju għoli; jenfasizza li la r-rieżami ta' nofs it-terminu u lanqas is-scoreboard 2009 tal-istrateġija fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol ma jagħtu informazzjoni solida dwar il-progress tal-Istati Membri f'dak li jikkonċerna l-uniku objettiv kwantifikat imħabbar fl-istrateġija tal-UE, jiġifieri tnaqqis b' 25 % tal-inċidenti tax-xogħol sal-2012; jitlob li r-rapporti ta' evalwazzjoni fil-ġejjieni jevalwaw b'mod iktar sodisfaċenti r-rispett konkret tal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fl-Istati Membri;

33. Jirrimarka li huwa importanti, l-ewwel u qabel kollox, li tingħata definizzjoni ċara lill-inċidenti u mard relatati max-xogħol, inklużi inċidenti matul l-ivvjaġġar (mid-dar sal-post tax-xogħol), apparti l-istress relatat max-xogħol, li għandhom jitkejlu skont indikaturi speċifiċi;

34. Jemmen li jeħtieġ li tiġi studjata r-rabta bejn is-sofferenza fuq il-post tax-xogħol u l-organizzazzjoni tax-xogħol, inkluż il-ħinijiet tax-xogħol; jitlob li jsiru investigazzjonijiet fil-problemi ta' saħħa li għandhom ikunu bbażati fuq approċċ olistiku li jkopri organizzazzjoni tax-xogħol, fatturi statistiċi u fraġilitajiet individwali;

35. Jitlob lill-Kummissjoni tfassal u tipprovdi statistiċi li juru l-punt sa fejn ir-riċerka mmirata lejn il-prevenzjoni sa mill-fażi ta' ppjanar għandha impatt fuq it-tnaqqis fir-rati ta' inċidenti;

36. Jiġbed l-attenzjoni dwar id-diffikultà li tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol fir-rigward tal-ħaddiema li jwettqu attivitajiet mhux iddikjarati; għandu l-fehma li din l-inġustizzja tista' tiġi evitata biss permezz ta' kontrolli aktar stretti u sanzjonijiet xierqa u jħeġġeġ li jittieħdu miżuri qawwija kontra l-organizzazzjoni ta' tali attivitajiet; jissottolinja li l-OHS hija dritt tkun xi tkun il-pożizzjoni tal-ħaddiem u li dan id-dritt għandu jkun effettiv permezz tal-leġiżlazzjoni.

37. Jirrimarka l-importanza tat-trasferiment tad-dejta xjentifika lill-industrija sabiex iwaqqfu riskji ġodda u emerġenti;

38.    Jinnota li l-pajjiżi Ewropej bil-livelli l-aktar baxxi ta' inċidenti fuq il-post tax-xogħol huma wkoll l-aktar kompetittivi(21); iqis li jeħtieġ li tinġabar dejta li tevalwa l-impatt ta' prevenzjoni tajba tar-riskji fuq il-kompetittività tal-impriżi;

39.    Jitlob lil UE-OSHA u Eurofound janalizzaw kawzi ta' irtirar kmieni fost in-nisa u l-irġiel;

40.    Jitlob lil UE-OSHA twettaq riċerka dwar ix-"xift doppju" fuq is-saħħa tal-ħaddiema nisa, jiġifieri meta n-nisa jridu jkomplu jaħdmu b'xogħol mhux imħallas f'darhom wara xogħol imħallas regolari u rikonuxxut;

41.    Jitlob skambju transkonfinali ta' informazzjoni bejn id-diversi awtoritajiet nazzjonali fir-rigward ta' spezzjonijiet aktar effiċjenti meta l-ħaddiema jiġu trasferiti lejn Stati Membri oħra tal-UE;

Kultura ta' prevenzjoni

42.    Jiddispjaċih bin-nuqqas ta' informazzjoni dwar ir-riskji u s-soluzzjonijiet fost l-impjegati, min iħaddem, is-sħab soċjali jew anke s-servizzi tas-saħħa; ifakkar fir-rwol pożittiv tal-parteċipazzjoni u r-rappreżentazzjoni tal-impjegati f'dan ir-rigward;

43.    Jemmen li r-rappreżentanti tal-ħaddiema jgħinu jtejbu l-OHS, speċjalment fl-SMEs u jekk ir-rappreżentazzjoni hija organizzata fuq bażi formali; iqis li l-parteċipazzjoni tal-impjegati hija fattur ewlieni ieħor ta' suċċess għall-ġestjoni tar-riskji tal-OHS(22);

44.    Ifakkar li l-OHS hija neċessarjament multidixxiplinarja, peress li hi tinkludi - b'mod partikolari - mediċina, sigurtà, ergonomija, tossikoloġija, iġjene industrijali u psikoloġija

45.    Iqis li huwa importanti li titjieb l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti permezz ta' strumenti vinkolanti bħal pereżempju l-iskambju ta' prattiki tajba, kampanju ta' sensibilizzazzjoni u informazzjoni aħjar;

46.    Jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni ifasslu linji gwida dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema li huma aktar faċli li jkunu applikati fil-prattika, mingħajr ma jipperikolaw ir-regoli dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol;

47.    Jirrimarka li madwar 50 % tal-ħaddiema tal-UE għad ma għandhomx aċċess għas-servizzi ta' prevenzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-SMEs u s-sottokuntrattar; Jenfasizza li l-biċċa l-kbira tas-servizzi eżistenti mhumiex multidixxiplinarji u li għadd minnhom ma jirriflettux b'mod xieraq il-ġerarkija tal-miżuri preventivi previsti fid-Direttiva Qafas; Iqis li l-ħaddiema kollha, kemm dawk tas-settur pubbliku kif ukoll dawk tas-settur privat, għandhom ikunu koperti minn arranġamenti ta' prevenzjoni tar-riskji kif ukoll politiki ta' prevenzjoni effikaċi, inklużi arranġamenti ta' aċċessibbiltà, korsijiet ta' taħriġ u laqgħat ta' ħidma għall-ħaddiema, u li għandha tingħata attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni ta' ħaddiema vulnerabbli, b'mod partikolari dawk li jkollhom jieħdu sehem fi skemi ta' attività obbligatorja mingħajr ma jkollhom il-kwalifiki neċessarji u mingħajr ma jkunu ngħataw taħriġ preċedenti; jemmen ukoll li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-forom il-ġodda ta' impjiegi sabiex il-miżuri ta' prevenzjoni u ta' kontroll ikopru l-ħaddiema kollha irrispettivament mit-tip ta' xogħol imwettaq u l-modalitajiet tal-impjieg tagħhom; jispera li l-mira tkun ta' spettur ta' sigurtà għal kull 3 000 impjegat;

48.    Iqis li r-responsabbiltà soċjali korporattiva għandha rwol fil-promozzjoni tal-OHS;

49.    Iqis li l-indipendenza tas-servizzi ta' prevenzjoni lejn min iħaddem għandha tkun garantita; Iqis, fir-rigward tas-saħħa relatata max-xogħol, li l-monitoraġġ, twissijiet, għarfien espert dwar is-saħħa pubblika u l-pariri tajba relatati jistgħu jiġu trattati biss minn professjonisti indipendenti tas-saħħa; jiddispjaċih li l-ġestjoni tas-servizzi tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol baqgħet fdata, f'ċerti Stati Membri, f'idejn assoċjazzjonijiet ta' min iħaddem, li jaġixxu kemm bħala imħallef kif ukoll bħala konvenut; peress li l-laqgħat ġenerali tagħhom huma l-korpi reali li jieħdu d-deċiżjonijiet;

50.    Għandu l-fehma li l-progress tar-riċerka fis-settur tas-saħħa, il-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi li dejjem jevolvu, l-iżviluppi fit-teknoloġiji l-ġodda u l-bidliet fis-suq tax-xogħol jeħtieġu viġilanza f'livell Ewropew u nazzjonali dwar l-emerġenza ta' riskji ġodda relatati max-xogħol u aġġornament f'waqtu tal-leġiżlazzjoni rilevanti, tal-qafas ta' implimentazzjoni tagħha u tal-lista ta' xogħlijiet iebsa u mhux tajbin għas-saħħa.

51.    Jirrimarka li l-ispetturi tax-xogħol għandhom rwol indispensabbli permezz tal-edukazzjoni, persważjoni u inkoraġġiment u fil-verifika tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti u b'hekk fil-prevenzjoni, b'mod partikolari billi jiġi vverifikat ir-rispett ta' kundizzjonijiet diċenti ta' xogħol għall-gruppi ta' ħaddiema vulnerabbli jew il-professjonijiet li jistgħu jiġu eżerċitati b'mod mhux iddikjarat; jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu standards għoljin għal dak li jirrigwarda t-taħriġ tal-ispetturi tax-xogħol; iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-livelli tal-persunal, u r-riżorsi disponibbli għall-ispetturi tax-xogħol sabiex jilħqu l-mira ta' spettur għal kull 10 000 impjegat, kif rakkomandat mill-ILO; iħeġġeġ it-tisħiħ tas-sanzjonijiet kontra l-impriżi li ma jikkonformawx mal-obbligi tagħhom dwar id-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema u jqis li l-penali f'tali każijiet jeħtieġ li jkunu effikaċi, proporzjonali u disważivi.

52.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiġġieldu kontra l-piż tal-burokrazija u l-istruttura kumplessa tal-mekkaniżmi tal-kontroll tal-istat għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u għall-ispezzjonijiet tax-xogħol, billi jsaħħu d-dinamiċi tagħhom u jissimplifikaw proċeduri interni li jieħdu ħafna ħin bl-għan li jimplimentaw kontrolli aktar numerużi u aktar effikaċi;

53.    Jitlob lill-Istati Membri jeżerċitaw kontroll aktar rigoruż fuq in-nuqqas ta' dikjarazzjoni ta' inċidenti fuq ix-xogħol;

54.    jitlob lill-Kummissjoni tipproponi direttiva li tipproteġi l-individwi li b'mod leġittimu jwissu lill-OHS b'riskji mhux magħrufa, speċjalment billi jinnotifikaw l-ispettorat tax-xogħol xieraq; dawn l-individwi għandhom jiġu protetti sabiex tiġi evitata kull pressjoni li ssir fuqhom (theddid ta' tkeċċija, eċċ); f'dan ir-rigward jitlob lill-Kummissjoni ttemm l-elenkar f'lista sewda ta' tali ħaddiema billi tiżgura li tali ksur ta' dritt fundamentali tax-xogħol jiġi evitat permezz ta' sanzjonijiet effikaċi, proporzjonati u disważivi;

55.    Jitlob li l-prevenzjoni ta' problemi relatati mas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol tingħata l-istess attenzjoni kemm fis-settur privat kif ukoll f'dak pubbliku; ifakkar li l-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni huwa vinkolanti;

56.    Jiddeplora n-nuqqas ċerti Stati Membri milli jikkoordinaw politiki pubbliċi dwar is-saħħa relatata max-xogħol;

57.    Jitlob lill-Istati Membri jsegwu eżaminazzjonijiet mediċi perjodiċi b'mod aktar effikaċi u jevalwaw ir-riżultati tagħhom, sabiex jiżguraw li l-istat ta' saħħa tal-ħaddiema tkun konformi mad-domandi tal-post tax-xogħol;

58.    Jitlob lill-Kummissjoni tfassal sett ta' prattiki tajba f'dan il-qasam; jenfasizza li huwa neċessarju li l-Istati Membri jistabbilixxu skambji tal-aħjar prattiki sabiex tiżdied l-effikaċja fuq il-post tax-xogħol;

59.    Jemmen li l-Istati Membri jistgħu jiġu appoġġati fir-riċerka dwar riskji ġodda u fl-introduzzjoni ta' prattiki ġodda li jikkontribwixxu għall-applikazzjoni b'mod aktar effettiv tar-regoli ta' sigurtà, permezz tas-Seba' Programm Qafas dwar ir-Riċerka u l-Innovazzjoni;

60.    Iqis li l-valutazzjoni tar-riskji għandha tkun multidixxiplinarja u bbażata fuq il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema;

61.    Jinnota li l-valutazzjoni tar-riskji titwettaq fil-maġġoranza tal-kumpaniji, għalkemm din issir xi ftit inqas f'impriżi żgħar u f'ċerti Stati Membri(23);

62.    Iqis li l-SMEs mhumiex minnhom infushom anqas siguri iżda li r-riskji huma pjutost marbuta ma' organizzazzjoni tax-xogħol ineffikaċi kif ukoll mar-riżorsi anqas sostanzjali maħsuba għall-OHS; jemmen li l-SMEs jeħtieġ li jiġu megħjuna jistabbilixxu l-politiki tagħhom ta' prevenzjoni tar-riskji; jirrimarka l-użu tal-OiRA u inizjattivi simili u tal-inċentivi ekonomiċi; jistieden l-Istati Membri jiskambjaw l-aħjar prattiki tagħhom;

63.    Iqis importanti li l-awtorità pubblika responsabbli għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni relatata mas-saħħa u s-sikurezza fl-Istati Membri tagħmel dak li tista' sabiex tevalwa u tnaqqas ir-riskji kollha u tiżgura li l-ħaddiema jkunu protetti b'mod xieraq; iqis importanti li l-SMEs jiġu megħjuna jistabbilixxu l-politiki tagħhom ta' prevenzjoni tar-riskji; jissottolinja r-rwol pożittiv ta' inizjattivi sempliċi, mingħajr ħlas u mmirati, bħal pereżempju l-OiRa; jemmen li l-valutazzjoni tar-riskji f'livell tal-kumpanija għandha titwettaq f'intervalli regolari u tkun aġġustata gradwalment sabiex jiġu kkunsidrati ċirkostanzi ġodda u riskji emerġenti;

64.    Jirrimarka li kampanji ta' informazzjoni u għarfien huma essenzjali sabiex jwissu kumpaniji - inklużi l-SMEs - dwar riskji u jiżguraw li jwettqu l-miżuri ta' prevenzjoni neċessarji;

65.    Jitħasseb dwar l-impatt tas-sottokuntrattar, pereżempju fil-qasam tal-installazzjonijiet nukleari ċivili u militari, u jissottolinja li kull min iħaddem, inkluż is-sottokuntrattur, għandu responsabbiltà lejn l-impjegati tiegħu u li miżuri ta' prevenzjoni għandhom jindirizzaw dawn l-impjegati;

66.    Iqis li l-ħaddiema kollha, u b'mod partikolari l-ħaddiema temporanji u part time u dawk b'kuntratt, jeħtieġu taħriġ speċifiku u aġġornat dwar is-saħħa sabiex jitjiebu l-livelli ta' sigurtà fuq il-post tax-xogħol; huwa mħasseb dwar in-numru li dejjem qed jikber tal-mard relatat mal-istress u jinnota n-nuqqas ta' edukazzjoni dwar il-ġestjoni tal-istress fuq il-post tax-xogħol; jitlob li jsiru azzjonijiet ta' prevenzjoni għal kulħadd, iżda partikolarment għaż-żgħażagħ, bl-involviment tas-sħab soċjali, fil-forma ta' korsijiet ta' taħriġ dwar il-ġestjoni tal-istress, li għandhom jinkludu ħiliet soċjali, komunikazzjoni interpersonali u l-abilità li wieħed ilaħħaq ma' sitwazzjonijiet ta' kunflitt u fil-forma ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni fl-iskola u fil-post tax-xogħol; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu aktar użu effikaċi tal-Fond Soċjali Ewropew għal dan l-għan;

67.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jinvestu fix-xjenza tax-xogħol; jixtieq aktar riċerka fil-livelli tal-UE u nazzjonali dwar dan is-suġġett;

68.    Jenfasizza li l-ostakli ewlenin għall-kunsiderazzjoni tar-riskji prikoloġiċi fuq il-post tax-xogħol huma rispons personali għal din il-kwistjoni, nuqqas ta' għarfien, nuqqas ta' riżorsi u nuqqas ta' kompetenza(24);

69.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiffaċilita l-iżvilupp tal-istandards Ewropej tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol; jenfasizza f’dan ir-rigward il-ħtieġa li jkun hemm kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, kemm f’dak li għandu x’jaqsam mal-inkjesti fuq il-kawżi tal-inċidenti tax-xogħol, kif ukoll f’dak li hu skambju ta’ prattiki tajba;

70.    Jitlob lill-Istati Membri jinkorporaw l-OHS mill-bidu tat-taħriġ u sussegwentement bħala parti mill-edukazzjoni tul il-ħajja; iqis li ta' min jagħmel l-edukazzjoni dwar ir-riskji obbligatorja f'xi oqsma tat-teknoloġija, xjentifiċi, artistiċi u sportivi, kif wkoll fil-korsijiet ta' taħriġ dwar ġestjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri jintegraw l-OHS fil-korsijiet tal-università, sabiex ikunu konxji minnha l-inġiniera, il-periti, l-irġiel u n-nisa fin-negozju, il-maniġers eċċ. futuri;

71.    Jemmen li sabiex jitnaqqas l-istress fuq ix-xogħol, taħriġ speċjalizzat dwar xogħol f'kundizzjonijiet ta' stress għandu jiġi introdott u żviluppat, kif ukoll laqgħat ta' ħidma dwar ħidma fi grupp u t-titjib tal-integrazzjoni ta' grupp partikolari ta' ħaddiema;

72.    Jitlob lill-Istati Membri jivvalutaw il-kwalità tat-taħriġ tal-maniġers għall-prevenzjoni tar-riskji fuq il-post tax-xogħol u jappoġġa l-iskambju tal-aħjar prattiki tagħhom;

73.    Isostni li programmi ta' taħriġ jeħtieġ li jiġu appoġġati permezz ta' koordinazzjoni aħjar tal-politiki ta' Komunità u li programmi eżistenti għandhom jiġu intensifikati, bl-għan li jsegwu politiki ta' prevenzjoni tar-riskji b'kunsiderazzjoni tal-esperjenzi lokali, reġjonali u nazzjonali;

74.    Jenfasizza li l-emerġenza ta' tipi ġodda ta' xogħlijiet (pereżempju xogħlijiet ekoloġiċi) hija sors ta' opportunitajiet ġodda biex jipproteġu lill-ħaddiema(25) u jadattaw it-taħriġ professjonali;

75.    Iqis li sabiex jiġi evitat ir-riskju ta' mard fit-tul, għandha tiġi żgurata konformità stretta mal-leġiżlazzjoni dwar il-liv għall-mard u l-liv għall-maternità, peress li l-pressjoni eżerċitata minn min iħaddem matul dan il-perjodu tista' twassal għall-estensjoni ta' dan il-liv;

76.    Ifakkar li l-post tax-xogħol għandu jitqies bħala l-aħjar pjattaforma għall-istrateġiji ta’ prevenzjoni tal-UE u tal-Istati Membri, li jittrattaw kemm mard li jittieħed u kemm mard li ma jitteħidx, u li dawk li jħaddmu, l-organizzazzjonijiet tal-impjegati u sħab soċjali l-oħra għandhom rwol importanti xi jwettqu fil-promozzjoni tal-modi ta’ ħajja tajba għas-saħħa u tal-għarfien dwar is-saħħa fil-popolazzjoni attiva;

77.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw il-ġlieda kontra l-inugwaljanzi fil-qasam tas-saħħa u jnaqqsu d-disparitajiet li għandhom x'jaqsmu mal-kundizzjonijiet tax-xogħol u mal-aċċess għas-servizzi bil-għan li jitjiebu s-saħħa tal-ħaddiema, il-prevenzjoni u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol;

Ħaddiema vulnerabbli u riskji speċifiċi

78.    Jissottolinja li - apparti l-ħaddiema li jagħmlu xogħol stressanti - il-migranti, iż-żgħażagħ, in-nies avvanzati fl-età, in-nisa li jinsabu fl-età li fiha jista’ jkollhom it-tfal, il-persuni b'diżabilità, il-membri ta' minoranzi etniċi, il-ħaddiema ftit kwalifikati u l-ħaddiema li ilhom qiegħda żmien li jidħlu lura fis-suq tax-xogħol huma kategoriji li jinsabu partikolarment f'riskju; jissottolinja li għandu jkun hemm inċentivi għal applikazzjoni aktar effikaċi tar-regoli dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol, speċjalment għal dawn il-kategoriji; iqis li qabel ma dawn il-ħaddiema jirritornaw għax-xogħol, hu meħtieġ taħriġ speċjali minn qabel;

79.    Jinnota li ħaddiema żgħażagħ bejn l-età ta' 15 u 24 sena jinsabu f'riskju ta' korriment partikolarment għoli(26), u li l-konsegwenzi fit-tul ta' mard jew korriment f'età żgħira jistgħu jkunu sinifikanti; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni teżamina l-possibilità li tagħti protezzjoni wkoll lill-ħaddiema żgħażagħ ta' iktar minn 18-il sena skont id-Direttiva 94/33/KE; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa tal-inkorporazzjoni tas-saħħa u s-sigurtà fil-programmi eżistenti tal-UE, pereżempju 'Żgħażagħ mobbli';

80.    Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw il-proċess ta' bidla demografika billi jadattaw aħjar il-miżuri ta' saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-bżonnijiet ta' ħaddiema akbar fl-età; jenfasizza l-effetti pożittivi tat-tagħlim tul il-ħajja biex tinżamm ħajja l-motivazzjoni għax-xogħol, kif ukoll ta' miżuri li jantiċipaw inqas saħħa fiżika, bħal postijiet tax-xogħol ergonomiċi; jenfasizza li ftehim ta' qafas bejn is-sieħba soċjali jkun impuls kostruttiv;

81.    Jemmen li ħaddiema mingħajr kwalifiki u dawk li ilhom qiegħda m'għandhomx jiġu impjegati mingħajr it-taħriġ preliminari neċessarju dwar ir-riskji ta' saħħa u sigurtà relatati max-xogħol;

82.    Huwa mħasseb dwar iż-żieda ta' arranġamenti mhux normali ta' xogħol bħal pereżempju x-xogħol part time, xogħol mid-dar, ħinijiet maqsuma, nhar ta' Ħadd u xogħol ta' bilejl meta jiġu infurzati tali arranġamenti ta' xogħol; jitlob li jiġu vvalutati r-riskji li jinqalgħu minħabba arranġamenti ta' xogħol infurzati u xogħlijiet multipli, speċjalment għan-nisa, iżda jinnota li meta dawn jintgħażlu b'mod volontarju, dawn l-arranġamenti jistgħu jintlaqgħu tajjeb mill-ħaddiema;

83.    Jiddeplora n-nuqqas ta' inizjattivi li jitrattaw is-sitwazzjonijiet ta' ħaddiema li jaħdmu għal rashom, temporanji, domestiċi jew b'kuntratt ta' żmien qasir, peress li huma wkoll għandhom jibbenefikaw mid-dritt li jkollhom l-OHS tagħhom;

84.    Jirrimarka li forom ta' impjieg temporanju huma mifruxa f'setturi bħal pereżempju l-kostruzzjoni u l-agrikoltura, fejn hemm numru għoli ta' inċidenti u mard relatat max-xogħol, u fis-setturi tas-servizzi, fejn l-għarfien huwa limitat(27);

85.    Iqis li l-miżuri biex iħeġġu x-xogħol part time għall-ħaddiema akbar fl-età jistgħu jipprovdu bidla progressiva lejn l-irtirar u jsaħħu l-benessri u l-kapaċitajiet ta' ħaddiema ixjeħ;

86.    Itenni r-rakkomandazzjoni tar-rapport Ewropew HIRES li ħaddiema temporanji u impjegati tal-kumpaniji għandhom jingħataw l-istess drittijiet għall-promozzjoni tas-saħħa fejn it-tip tax-xogħol ikun xogħol fit-tul immexxi minn min iħaddem.

87.    Jissottolinja li l-irġiel u n-nisa jintlaqtu b'mod differenti mir-riskji marbuta max-xogħol kemm jekk ikunu psikosoċjali kemm jekk ikunu fiżiċi (partikolarment dawk muskoloskeletali); ifakkar għalhekk li wieħed jista’ jistabbilixxi rabta bejn il-kuntratti prekarji, partikolarment dawk temporanji u part-time, u ż-żieda fir-riskji fiżiċi u psikosoċjali marbuta max-xogħol; għal din ir-raġuni jistieden lill-Istati Membri jqisu d-dimensjoni tas-sessi u r-riskji marbuta mal-kuntratti differenti tax-xogħol fl-istrateġiji nazzjonali tagħhom;

88.    Jinsab imħasseb minħabba li ma hemmx biżżejjed evalwazzjonijiet tar-riskji li għalihom huma esposti n-nisa tqal fuq il-post tax-xogħol; jitlob li ssir riċerka dettaljata dwar l-effetti tal-espożizzjoni ta' nisa tqal għal ċerti kundizzjonijiet fuq il-post tax-xogħol (pereżempju l-espożizzjoni għal aġenti kimiċi, ir-radjazzjoni jonizzanti, il-mewġiet elettromanjetiċi, l-istress, is-sħana eċċessiva, it-tqandil ta' piżijiet eċċessivi eċċ.); f'dan ir-rigward, jitlob li jiġu studjati l-korrelazzjonijiet bejn, minn naħa, il-korrimenti tat-tqala, il-kumplikazzjonijiet tat-twelid, it-tfal li jitwieldu bi problemi tas-saħħa u, min-naħa l-oħra, il-kundizzjonijiet tax-xogħol li huma ta' riskju għan-nisa tqal;

89.    Jitlob valutazzjoni tal-impatt tar-riskji potenzjali tat-teknoloġiji ġodda, sustanzi dannużi u fatturi ta' riskji inkluż l-organizzazzjoni tax-xgħol fuq il-post tax-xogħol; jemmen li aktar riċerka, skambju ta' għarfien u applikazzjoni prattika tar-riżultati jgħinu fl-identifikazzjoni u l-valutazzjoni aħjar ta' riskji potenzjali ġodda; jitlob li jsiru azzjonijiet leġiżlattivi biex jiżguraw li nanomaterjali jkunu koperti bis-sħiħ minn regolamenti tal-OHS Ewropej attwali;

90.    Jikkunsidra li t-tul eċċessiv ta' xogħol u perjodi mhux biżżejjed ta' mistrieħ, flimkien ma’ obbligi sproporzjonati ta’ prestazzjoni, jikkostitwixxu fattur maġġuri ta' żieda tal-livell ta' inċidenti u mard relatati max-xogħol; jenfasizza li dawn id-dispożizzjonijiet jiksru prinċipji fundamentali tal-OHS; jitlob li jsir bilanċ sodisfaċenti bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja; jistieden lill-Istati Membri japplikaw bis-sħiħ id-Direttiva 2003/88/KE,

91.    Huwa tal-fehma li l-Ħadd għandu jkun parti mill-leġiżlazzjoni tal-UE dwar ix-xogħol jekk jista' jiġi ppruvat b'mod xjentifiku li l-Ħadd huwa preferut minn kull jum ieħor tal-ġimgħa fl-interess tal-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema;

92.    Għandu l-fehma li hemm bżonn urġenti għal rieżami xjentifiku konklussiv tal-effetti tax-xogħol tal-Ħadd fuq is-saħħa tal-ħaddiema; iqis li l-Kummissjoni għandha titlob fil-futur qrib li jsir studju newtrali li janalizza r-riżultati attwali kollha biex jinstiltu konklużjonijiet xjentifikament solidi;

93.    Jiddeplora l-fatt li fil-livell Ewropew ma teżistix definizzjoni komuni u unika tal-fenomenu tal-fastidju morali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji nazzjonali għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq il-post tax-xogħol li jkunu effikaċi u bbażati fuq definizzjoni tal-fastidju morali li tkun komuni għas-27 Stat Membru;

94.    Għandu l-fehma li l-istress li ħafna drabi jkun ikkawżat mill-bullying fuq il-post tax-xogħol huwa fattur li jżid l-mard muskoskeletali u r-riskji psikosoċjali u dawn il-fatturi għandhom ikunu soġġetti għal studju profond min-naħa tal-Kummissjoni

95.    Jixtieq li l-proposta leġiżlattiva futura dwar il-mard muskoluskeletali jkopru l-ħaddiema kollha;

96.    Huwa favur l-inizzjattiva leġiżlattiva għall-protezzjoni tal-ħaddiema mid-duħħan tat-tabakk waqt ix-xogħol, peress li attwalment mhijiex garantita protezzjoni komprensiva;

97.    Jitlob lill-Kummissjoni tissottometti proposta lill-Parlament u lill-Kunsill fl-2012 bl-għan li tipprojbixxi t-tipjip kullimkien fuq il-post tax-xogħol, inklużi stabbilimenti ġewwa tal-ikel, fuq it-trasport pubbliku kollu u fil-bini magħluq pubbliku kollu fl-UE kollha;

98.    Jitlob lill-Kummissjoni tniedi konsultazzjoni wiesgħa dwar il-lista ta' mard relatat max-xogħol mas-sħab soċjali Ewropej bbażata fuq analiżi xjentifika u medika dettaljata tal-oqsma ewlenin perikolużi rikonoxxuti llum (partikolarment mard mentali u asbestos); jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta bir-reqqa l-benefiċċji potenzjali għas-saħħa tal-ħaddiema li r-Rakkomandazzjoni 2003/670/KE dwar l-iskeda Ewropa tal-mard relatat max-xogħol tiġi aġġornata u ssir obbligatorja;

99.    Jemmen li riċerka addizzjonali hija meħtieġa sabiex jiġu determinati l-effetti tas-saħħa ta' xogħlijiet partikolari, inklużi fit-tul, sabiex - fejn ikun possibbli - jevitaw każijiet fejn il-bidu ta' mard jseħħ wara t-tmiem tal-ħajja tax-xogħol; jemmen li l-prijoritajiet l-aktar urġenti tas-sħab soċjali għandhom jiġu kkunsidrati meta jiddeterminaw xogħlijiet li jirrikjedu aktar riċerka dwar is-saħħa u s-sigurtà;

100.  Jitlob lill-Kummissjoni, jekk studji ġodda jew ix-xjenza jagħtu prova li ċerti xogħlijiet għandhom riskji għoljin ta' saħħa u sigurtà, immedjatament tieħu l-miżuri xierqa biex tipproteġi s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema;

101.  Iqis li r-rijabilitazzjoni u impjieg mill-ġdid wara marda jew inċident huma essenzjali u għandhom għalhekk jiġu mħeġġa;

102.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw mill-aktar fis id-Direttiva 2010/32/UE dwar il-prevenzjoni ta’ korrimenti kkawżati minn oġġetti li jaqtgħu fis-settur tal-isptarijiet u l-kura tas-saħħa u jiggarantixxu livell ta’ ħarsien massimu lill-pazjenti u lil dawk li jieħdu ħsiebhom li huma esposti għall-infezzjonijiet marbuta mal-kura tas-saħħa;

103.  Huwa allarmat dwar in-numru persistenti ta' kanċers assoċjati mal-eżerċizzju ta' attività professjonali; jiddispjaċih li numru kbir ta' ħaddiema għadhom esposti għall-perikli tal-asbestos; partikolarment fil-manutenzjoni u d-dekontaminazzjoni tas-setturi; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni torganizza sessjoni ta' smigħ dwar kif għandhom jiġu trattati l-problemi kbar tal-OHS relatati ma' asbestos eżistenti fil-bini u kostruzzjonijiet oħra bħall-vapuri, ferroviji u makkinarji; jistieden ukoll lill-Istati Membri biex jimxu 'l quddiem bit-tneħħija tal-asbestos, pereżempju billi jiġu intraċati asbestos bil-bini u jipprovdu għat-tneħħija sigura tal-asbestos;

104.  jenfasizza l-valur miżjud tal-politika tal-Unjoni dwar il-kimiki u l-potenzjal għal titjib li għandu jkun użat sabiex jipprevjeni kanċers relatati max-xogħol;

105.  Jenfasizza li riskji minn karċinoġeni jaffettwaw prinċipalment lill-ħaddiema fis-setturi industrijali, tas-snajja u agrikoli, flimkien man-nisa fis-setturi tas-servizzi li huma ripetutament esposti għalihom(28); jitlob li ssir valutazzjoni tal-impatt dwar l-espożizzjoni tal-ħaddiema agrikoli għall-kimiki;

106.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jgħaġġlu l-implimentazzjoni tar-REACH, u b'mod partikolari s-sostituzzjoni tas-sustanzi kimiċi li huma l-aktar ta' tħassib;

107.  Iqis li l-istrateġija ġdida tal-Komunità għandha tiffoka fuq l-użu potenzjali tar-REACH għat-titjib tal-protezzjoni tal-ħaddiema minn perikli kimiċi, sforz imġedded għall-prevenzjoni ta' mard rekatat max-xogħol u titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema, tisħiħ tar-responsabbiltajiet ta' monitoraġġ u nfurzar ta' spettorati fuq ix-xogħol u l-parteċipazjoni tal-ħaddiema fit-tfassil, il-monitoraġġ u l-implimentazzjoni ta' politiki ta' prevenzjoni, titjib tar-rikonoxximent ta' mard relatat max-xogħol u l-indirizzar ta' fatturi bħal flessibilità, nuqqas ta' sikurezza u ssekondar ta' kuntratti, eċċ. bħala ostakoli għall-prevenzjoni xierqa tar-riskju.

108.  Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tagħmel proposta ta' reviżjoni tad-Direttiva 2004/37 dwar is-sustanzi kanċeroġeni qabel l-aħħar tal-2012 sabiex testendi l-ambitu tagħha biex tinkludi s-sustanzi reprotossiċi f'analoġija mas-sustanzi li huma l-aktar ta' tħassib taħt REACH u ssaħħaħ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' sostizzjoni; jitlob li ssir rabta mas-saħħa riproduttiva;

109.  Jitlob lill-Kummissjoni biex, f'leġiżlazzjoni futura dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol, fejn applikabbli, tippromwovi l-użu ta' teknoloġiji li jnaqqsu r-riskji minn sustanzi perikolużi f'każ ta' inċidenti marbuta max-xogħol u, fejn ikun possibbli, biex dawn it-teknoloġiji jissostitwixxu l-użu tas-sustanzi kimiċi u radjuattivi;

110.  Jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jipproponu miżuri biex il-kundizzjonijiet tax-xogħol jiġu adattati aħjar għall-bżonnijiet ta' dawk li jsofru minn kanċer jew mard ieħor relatat max-xogħol u mard kroniku;

111.  Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tevita li jiġi kompromess il-livell ta' protezzjoni miksub fid-direttivi Ewropej tal-OHS meta teżamina l-possibbiltajiet għas-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni;

112.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-parlamenti nazzjonali u l-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1)

ĠU C 303, 14.12.2007, p. 1.

(2)

ĠU L 354, 31.12.2008, p. 70.

(3)

ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1.

(4)

ĠU L 299, 18.11.2003, p. 9.

(5)

ĠU L 165, 27.6.2007, p. 21.

(6)

ĠU L 134, 1.6.2010, p. 66.

(7)

ĠU C 304E, 1.12.2005, p. 400.

(8)

ĠU C 303E, 13.12.2006, p. 754.

(9)

ĠU C 102E, 24.4.2008, p.321.

(10)

ĠU C 41E, 19.2.2009, p. 14.

(11)

ĠU C 117E, 6.5.2010, p. 176.

(12)

Testi adottati, P7_TA(2011)0332.

(13)

ĠU C 77 E, 28.3.2002, p. 138.

(14)

Il-Gvern Awstraljan: The Cost of Work-Related Injury and Illness for Australian Employers, Workers and the Community. Australian Safety and Compensation Council, Commonwealth of Australia 2009, 41 p., Marzu 2009.

(15)

EU-OSHA, ‘Young Workers – Facts and Figures’ (http://osha.europa.eu/en/publications/reports/7606507/view) and the related fact sheet (http://osha.europa.eu/en/publications/factsheets/70), 2007; ‘Facts and Figures – Musculoskeletal disorders’, 2010 (http://osha.europa.eu/en/publications/reports/TERO09009ENC/view); and ‘Facts and Figures – The Transport Sector’, 2011

(16)

EU-OSHA, Stħarriġ Esener 2009, http://osha.europa.eu/sub/esener/en/front-page/document_view?set_language=en

(17)

EUROFOUND ‘Working conditions of an ageing workforce’

(18)

Hämäläinen P, Saarela KL, Takala J: Global trend according to estimated number of occupational accidents and fatal work-related diseases at region and country level. Journal of Safety Research 40 (2009) 125–139. Elsevier B.V.

(19)

International Labour Organisation, 2005, stima għall-EU27; http://www.ilo.org/public/english/protection/safework/wdcongrs17/index.htm.

(20)

Occupational health and safety risks for the most vulnerable workers, EP Policy Department A, Economic and Scientific Policy, 2011, p. 40

(21)

EU-OSHA and World Economic Forum 2011.

(22)

EU-OSHA, stħarriġ ESENER.

(23)

EU-OSHA, stħarriġ ESENER.

(24)

UE-OSHA, stħarriġ ESENER.

(25)

UU-OSHA, Foresight of new and emerging risks to occupational safety and health associated with new technologies in green jobs by 2020, Phase 1 : (http://osha.europa.eu/en/publications/reports/foresight-green-jobs-drivers-change_TERO11001ENN/view) and Phase 2 (http://osha.europa.eu/en/publications/reports/foresight-green-jobs-key-technologies/view; and NIOSH http://www.cdc.gov/niosh/topics/PtD/greenjobs.html

(26)

Verjans M., de Broeck V., Eckelaert L., OSH in figures: Young workers - Facts and figures, European Agency for Safety and Health at work, European Risk Observatory Report, Luxembourg, 2007, p.133

(27)

Health and safety at work in Europe (1999-2007) – a statistical portrait (http://epp.eurostat.ec.europa.eu/cache/ITY_OFFPUB/KS-31-09-290/EN/KS-31-09-290-EN.PDF); Causes and circumstances of accidents at work in the EU, European Commission 2008, http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/product_details/publication?p_product_code=KS-SF-09-063

(28)

ETUI, 2010, http://hesa.etui-rehs.org/uk/publications/pub54.htm


NOTA SPJEGATTIVA

I. Titjib tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni

Jeżisti acquis Komunitarju konsistenti dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol (OHS), flimkien mad-direttiva qafas tal-1989 u d-direttivi dwar ir-riskji jew is-setturi partikolari, u mingħajr ma wieħed jinsa r-REACH. Dan il-korp leġiżlattiv li jippermetti l-implimentazzjoni tat-Trattati Ewropej u l-Karta tad-Drittijiet fundamentali fil-qasam tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol, jiggarantixxi r-rispett tad-dritt fundamentali tas-saħħa.

Madankollu, l-Istrateġija tissottolinja li dan mhuwiex biżżejjed. Din il-leġiżlazzjoni għandha tiġi żviluppata sabiex tiġi adattata għal riskji ġodda, bħal pereżempju r-riskji psikosoċjali. Ir-riskji psikosoċjali mhumiex trattati biżżejjed fl-Istrateġija Komunitarja 2007-2012, kif ukoll f'ċertu numru ta' Stati Membri. Madankollu, illum il-ġurnata dan huwa riskju maġġuri ta' saħħa fuq il-post tax-xogħol.

L-impriżi ġeneralment jittrattaw ir-riskji psikosoċjali billi jipprovdu informazzjoni, iżda l-ħaddiema jbatu l-ewwel u qabel kollox għaliex l-organizzazzjoni tax-xogħol u l-istil ta' ġestjoni huma dgħajfa. Għalhekk jaqbel li tiġi studjata iktar fil-fond ir-rabta bejn it-tbatija fuq il-post tax-xogħol u l-organizzazzjoni tax-xogħol jekk nixtiequ nsibu soluzzjonijiet sostenibbli għall-iżvilupp tar-riskji psikosoċjali.

Barra minn hekk jeħtieġ li tiġi żviluppata l-armonizzazzjoni Ewropea għaliex din hija rilevanti. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni ma tistax tagħmel kollox. Jeħtieġ li l-ittra u l-ispirtu tad-direttiva qafas u d-direttivi settorjali jiġu rispettati bis-sħiħ mill-Istati Membri meta jiġu biex jimplimentaw din il-leġiżlazzjoni. Il-verifika tal-implimentazzjoni tajba tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-OHS tagħti rwol kruċjali lill-ispezzjonijiet tax-xogħol fil-prevenzjoni u l-kontroll tar-riskji. L-ispezzjonijiet għandhom ukoll rwol pożittiv għat-titjib tal-informazzjoni u l-għarfien fl-impriża. Jeħtieġ li l-Istati Membri jsaħħu l-persunal u r-riżorsi tal-ispezzjoni tagħhom tax-xogħol u jilħqu l-għan ta' spettur għal kull 10 000 ħaddiem, skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni tal-Ispezzjoni tax-Xogħol. Dan huwa għan li diġà deher fir-rapport Wilmott tal-Parlament Ewropew dwar l-Istrateġija Komunitarja 2007-2012. Barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea wkoll għandha rwol permezz tal-proċeduri ta' ksur li tista' tniedi kontra l-Istati Membri. Fl-aħħar, jeħtieġ li l-atturi direttament ikkonċernati, jiġifieri l-ħaddiema u l-persuni kollha li jmorru fil-postijiet tax-xogħol, ikollhom il-possibbiltà li jipparteċipaw fil-proċess ta' identifikazzjoni u ta' prevenzjoni tar-riskji.

Fl-aħħar, ta' min wieħed isemmi r-rwol pożittiv tal-persuni msejħa "whistleblowers" li jiġbdu l-attenzjoni b'mod leġittimu fuq ir-riskji mhux rikonoxxuti ġewwa stabbiliment. Dan il-proċess ta' twissija għandu jkun protett bħalma huwa l-każ f'diversi pajjiżi fl-Ewropa u fid-dinja. Sa mill-1998 fir-Renju Unit, l-Att ta’ Żvelar tal-Interess Pubbliku pproteġiet il-whistleblowers kontra t-tkeċċija u forom varji ta' pressjoni. Fl-Istati Uniti l-protezzjoni tal-whistleblowers tiddependi b'mod partikolari fuq is-suġġett tal-whistleblowing u l-istatus tal-whistleblower, u hija parti mill-Att tal-Protezzjoni tal-Whistleblower tal-1989.

Huwa importanti li jiġi preċiżat li r-rapporteur jemmen li fl-isforzi għat-titjib tal-OHS hemm loġika ta' vantaġġi biss . L-implimentazzjoni tal-politiki u l-prattiki li jippromwovu s-saħħa fuq il-post tax-xogħol għandha riżultati pożittivi f'erba' oqsma: benefiċċji ekonomiċi, benefiċċji soċjali, benefiċċji tal-persunal u benefiċċji relatati mal-imaġini tal-impriża.

II. L-inklużjoni tal-ħaddiema fil-politiki ta' prevenzjoni

L-ewwel nett, huwa importanti li jiġu identifikati l-kategoriji tal-ħaddiema li jinsabu f'riskju, kif ukoll il-ħaddiema mhux koperti, sabiex jinstabu tweġibiet xierqa. Jeħtieġ li l-ħaddiema jkunu koperti kollha mill-politiki ta' prevenzjoni u jibbenefikaw b'mod effettiv mir-rispett tad-dritt fundamentali tagħhom għas-saħħa.

L-ewwel nett hemm gruppi ta' ħaddiema li jinsabu f'riskju: impjegati tal-SMEs, ħaddiema f'setturi partikolarment perikolużi bħal pereżempju l-kostruzzjoni, ħaddiema b'diżabilità u nisa. Barra minn hekk, hemm ħafna iktar nisa fost il-ħaddiema foqra minħabba l-proposti li jirċievu għal xogħol part time mhux mixtieq, ta' ħinijiet maqsumin f'2 jew fi 3 xifts kuljum u kuntratti prekarji, b'mod partikolari fis-setturi ta' distribuzzjoni kbira, it-tindif, servizzi ta' kura personali u djar ta' residenza għal persuni anzjani.

Il-protezzjoni tal-impjegati tal-SMEs hija sfida oħra, għaliex għad hemm x'jista' jsir biex isir żvilupp. Żvilupp wieħed li jista' jsir huwa s-simplifikazzjoni tal-proċedura ta' valutazzjoni tar-riskji tal-SMEs. Is-softwer imqassam minn UE-OSHA, OiRA, għandu rwol. Min-naħa l-oħra, l-istudju Ewropew Esener juri li min iħaddem jirrikonoxxi li m'għandux l-informazzjoni u r-riżorsi, u li huma l-obbligi legali li jimmotivawh biex jistabilixxi miżuri ta' prevenzjoni.

It-tieni nett, jeżistu gruppi mhux koperti mill-politiki ta' prevenzjoni għaliex jitpoġġew lil hinn mill-ambitu tal-prevenzjoni : ħaddiema b'sottokuntratt, ħaddiema mhux reġistrati, ħaddiema domestiċi, ħaddiema għal rashom foloz, ħaddiema każwali, eċċ. L-esternalizzazzjoni tax-xogħlijiet qed tiżdied fis-suq tax-xogħol Ewropew: katini ta' sottokuntrattar, issekondar ta' ħaddiema, kuntratti ta' aġenziji, eċċ. Fil-każ ta' kuntratti temporanji, pereżempju ċertu persentaġġ jikkorrispondi għall-għażla tal-individwu stess, iżda f'każijiet oħra dawn jiġu imposti fuq l-individwu. Iżda fil-każijiet kollha, hemm problema ta' informazzjoni u ta' taħriġ dwar ir-riskji. Eżempju ċar huwa s-settur nukleari.

Tabilħaqq, b'kunsiderazzjoni tal-effetti potenzjalment diżastrużi ta' żball tal-bniedem fil-ġestjoni tal-iskart radjuattiv u ta' fjuwil użat, huwa essenzjali li jkunu jeżistu standards rigorużi ta' taħriġ, sigurtà fuq il-post tax-xogħol u spezzjoni minn entitajiet differenti. Il-ħaddiema stess, jew ir-rappreżentanti tagħhom, għandhom jiġu kkonsultati u involuti fil-ħolqien u fl-implimentazzjoni tal-proċeduri ta' sigurtà. Għandu jiġi pprovdut taħriġ kontinwu għall-ħaddiema kollha fis-siti fejn jiġi ttrattat materjal perikoluż jew għal dawk li jkunu involuti fit-trasport ta’ materjal bħal dan : dan ma jfissirx biss il-persunal tekniku, iżda l-ħaddiema kollha, ikun kemm ikun it-tul tal-kuntratt tagħhom ta' xogħol jew tar-rwol tagħhom fuq il-post.

III. It-teħid ta' miżuri tar-riskji kimiċi u bijoloġiċi

Ir-riskji kimiċi u bijoloġiċi huma kumplessi u d-dejta dwarhom għadha mhijiex biżżejjed, iżda m'hemmx dubju li għandhom impatt negattiv ħafna fuq il-ħaddiema. Jeħtieġ li tittieħed azzjoni minnufih dwar l-asbestos, is-silika u l-karċinoġeni oħra magħrufa sew. Jeħtieġ li jiġu vvalutati u identifikati l-prodotti li jistgħu jieħdu post dawn il-karċinoġeni, u jiġu żviluppati proċessi ta' kontroll għal dawk li ma jistgħux jinbidlu. REACH għandu rwol importanti ħafna fil-prevenzjoni tal-kanċers u mard ieħor kroniku marbut max-xogħol : jeħtieġ li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu aġġornati u implimentati b'mod komplut. Fl-aħħar, għandha tingħata attenzjoni partikolari lin-nisa li jinsabu fl-età li fiha jista’ jkollhom it-tfal, minħabba l-impatt fuq il-fetu.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (27.10.2011)

għall-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

dwar ir-rieżami ta' nofs il-perjodu tal-istrateġija Ewropea 2007-2012 dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol

(2011/2147(COM))

Rapporteur: Karin Kadenbach

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jistieden lill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jenfasizza li, huma u jippromwovu s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, l-UE u l-Istati Membri għandhom jagħtu l-ogħla prijorità lil approċċ preventiv u jippermettu lil kull impjegat r-rikonċiljazzjoni sħiħa tax-xogħol u tal-ħajja privata, filwaqt li jieħdu inkonsiderazzjoni l-programmi nazzjonali ta' prevenzjoni tas-servizzi pubbliċi fil-qasam tas-saħħa, l-iġjene u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, fl-interessi tal-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol;

2.  Jitlob lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri jiżviluppaw programm Ewropew ta’ sorveljanza tar-riskji relatati max-xogħol (b’mod partikolari l-problemi muskoloskeletali u psikosoċjali), li jkun ibbażat fuq indikaturi u definizzjonijiet tas-saħħa u għodod epidemjoloġiċi komuni għas-27 Stat Membru; jinsisti fuq il-ħtieġa ta’ approċċ integrat għas-sorveljanza, li jqis fl-istess ħin it-triq professjonali tal-impjegati attwali u l-istat tas-saħħa ta’ min ikun irtira;

3.  Ifakkar li l-post tax-xogħol għandu jitqies bħala l-aħjar pjattaforma għall-istrateġiji ta’ prevenzjoni tal-UE u tal-Istati Membri, li jittrattaw kemm mard li jittieħed u kemm mard li ma jitteħidx, u li dawk li jħaddmu, l-organizzazzjonijiet tal-impjegati u sħab soċjali l-oħra għandhom rwol eminenti xi jwettqu fil-promozzjoni tal-modi ta’ ħajja tajba għas-saħħa u tal-għarfien dwar is-saħħa fil-popolazzjoni attiva;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw il-ġlieda kontra l-inugwaljanzi fil-qasam tas-saħħa u jnaqqsu d-disparitajiet li għandhom x'jaqsmu mal-kundizzjonijiet tax-xogħol u mal-aċċess għas-servizzi bil-għan li jtejbu s-saħħa tal-ħaddiema, il-prevenzjoni u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol;

5.  Jenfasizza l-fatt li ċerti gruppi ta’ ħaddiema – pereżempju ż-żgħażagħ, dawk ikbar fl-età, il-migranti u dawk b’impjiegi prekarji (li jinkludu l-kuntratti ta’ tul definit, l-impjiegi temporanji u dawk part-time) – huma esposti aktar spiss għar-riskji relatati max-xogħol; jenfasizza li jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni tal-ħaddiema vulnerabbli, inklużi l-persuni li għandhom jipparteċipaw fi programmi ta' attività obbligatorji mingħajr ma jkollhom il-kwalifiki meħtieġa jew mingħajr ma jkunu rċevew taħriġ minn qabel; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jistabbilixxu miżuri preventivi aktar speċifiċi għal dawn il-gruppi; jemmen li jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lin-nisa u lill-kwistjonijiet tal-maternità u jfakkar li l-impjiegi stabbli, akkumpanjati minn drittijiet, huma fattur importanti għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol;

6.  Jenfasizza l-importanza ewlenija li għandhom il-programmi ta’ taħriġ fil-qasam tas-sigurtà u tas-superviżjoni taż-żgħażagħ matul l-ewwel xhur tax-xogħol; f'dan il-kuntest, iqis li l-programmi ta’ taħriġ li joffru tagħrif speċifiku għas-settur ikkonċernat, u s-superviżjoni ta' kwalità għolja, jistgħu jwettqu rwol essenzjali, minħabba l-impatt dirett tagħhom fuq is-sigurtà tal-ħaddiema, ;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, qabel tmiem l-2012, tipproponi dispożizzjonijiet leġiżlattivi vinkolanti sabiex il-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-saħħa u tas-sigurtà tiġi applikata kompletament għas-sottokuntratturi fil-livelli kollha bil-għan li tintemm il-prattika ta' xi wħud li jħaddmu li jillimitaw il-miżuri ta’ prevenzjoni għall-impjegati tagħhom biss;

8.  Jinnota li l-għanijiet prinċipali tal-istrateġija Komunitarja 2007-2012 għandhom jinkludu kemm il-garanzija tal-implimentazzjoni kif suppost tal-leġiżlazzjoni tal-UE, kif ukoll it-titjib u s-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni attwali, inter alia permezz tal-implimentazzjoni ta' strumenti mhux vinkolanti; ifakkar għalhekk li, skont l-Artikolu 4 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Unjoni Ewropea ma għandhiex ħlief kompetenza konkorrenti mal-Istati Membri fil-qasam tal-impjiegi u f'dak tas-saħħa pubblika, u li fil-komunikazzjoni tal-2007, il-Kummissjoni Ewropea tinsisti fuq l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' strateġiji nazzjonali; jinsisti għalhekk dwar il-ħtieġa li l-leġiżlazzjoni Ewropea tiġi adattata b’mod koerenti għat-tibdiliet soċjali u li ma jsirx leġiżlar bla bżonn fil-livell Ewropew;

9.  Jenfasizza li s-suċċess tal-Istrateġija 2007-2012 dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol ifisser li jkun hemm ‘tnaqqis kontinwu, sostenibbli u omoġenju ta' inċidenti waqt ix-xogħol u ta' mard marbut max-xogħol,’ inkluż l-ilħiq tal-għan espliċitu li jkun hemm tnaqqis ta' 25% fl-okkorrenza tal-inċidenti waqt ix-xogħol, u jinnota li dan jeħtieġ li jintwera permezz ta' dejta kwantitattiva adegwata dwar it-tendenzi fuq il-livell tal-UE ta' inċidenti u ta' mard marbut max-xogħol;

10. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiffaċilita l-iżvilupp tal-istandards Ewropej tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol; jenfasizza f’dan ir-rigward il-ħtieġa li jkun hemm kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, kemm f’dak li għandu x’jaqsam mal-inkjesti fuq il-kawżi tal-inċidenti tax-xogħol, kif ukoll f’dak li hu skambju ta’ prattiki tajba;

11. Jinnota li d-direttiva qafas dwar is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (89/391/KEE) hija eqdem minn 20 sena u s'issa għadha ma ġietx emendata sostanzjalment u b'hekk għandha tiġi adattata għall-isfidi ġodda f'dinja tax-xogħol li qed tinbidel u għall-evoluzzjonijiet fl-immaniġġjar tal-kura, bħal pereżempju ż-żieda fil-problemi tas-saħħa mentali u fil-problemi muskoloskeletali, bil-għan li tingħata prijorità lill-politiki tax-xogħol li jkollhom il-għan li jiffavorixxu l-kapaċità tax-xogħol, is-saħħa u l-benesseri tal-ħaddiem;

12. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra l-mard mentali, bħalma hi d-dipressjoni, bħala prijorità hija u twettaq rieżami tal-istrateġija u tal-leġiżlazzjoni Ewropea fil-qasam tas-saħħa u tas-sigurtà quddiem il-problema dejjem tikber tad-depressjoni u tal-problemi tal-konjizzjoni relatati mal-post tax-xogħol;

13. Jitlob lill-Kummissjoni tirrevedi d-Direttiva 2004/37/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-esposizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol, bil-għan li jiġi mwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tas-sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni; jinnota li l-istabbiliment ta' valuri limiti għal sustanzi li jipperikolaw is-saħħa sar biss għal ftit sustanzi; fl-interess tal-ħaddiema, jitlob li jiġi implimentat ir-Regolament REACH malajr kemm jista' jkun speċjalment fl-applikazzjoni effettiva tar-rekwisiti ta’ sostituzzjoni mħabbra fid-Direttiva 2004/37/KE;

14. Jinsab imħasseb minħabba li ma hemmx biżżejjed evalwazzjonijiet tar-riskji li għalihom huma esposti n-nisa tqal fuq il-post tax-xogħol; jitlob li ssir riċerka dettaljata dwar l-effetti tal-espożizzjoni ta' nisa tqal għal ċerti kundizzjonijiet fuq il-post tax-xogħol (e.ż. l-espożizzjoni għal aġenti kimiċi, ir-radjazzjoni jonizzanti, il-mewġiet elettromanjetiċi, l-istress, is-sħana eċċessiva, it-tqandil ta' piżijiet eċċessivi eċċ.); f'dan ir-rigward, jitlob li jiġu studjati l-korrelazzjonijiet bejn, minn naħa, il-korrimenti tat-tqala, il-kumplikazzjonijiet tat-twelid, it-tfal li jitwieldu bi problemi tas-saħħa u, min-naħa l-oħra, il-kundizzjonijiet tax-xogħol li huma ta' riskju għan-nisa tqal;

15. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Parlament qies fl-2007 li l-leġiżlazzjoni fis-seħħ fir-rigward tal-problemi muskoloskeletali ma kinitx adegwata, u stieden għalhekk lill-Kummissjoni teżamina l-possibilità li tippreżenta proposti ta' direttiva; jinnota li, erba’ snin aktar tard, il-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-problemi muskoloskeletali għadha mhix adegwata, peress li l-Kummissjoni ttardjat il-proposta tagħha għal direttiva ġdida;

16. Jiddeplora l-fatt li fil-livell Ewropew ma teżistix definizzjoni komuni u unika tal-fenomenu tal-fastidju morali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji nazzjonali għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq il-post tax-xogħol li jkunu effikaċi u bbażati fuq definizzjoni tal-fastidju morali li tkun komuni għas-27 Stat Membru;

17. Jiddispjaċih minħabba d-dewmien tal-Kummissjoni biex tippreżenta proposta leġiżlattiva ġdida dwar il-preskrizzjonijiet minimi tas-sikurezza u s-saħħa rigward l-espożizzjoni tal-ħaddiema għar-riskji kkaġunati mill-kampijiet elettromanjetiċi wara r-rapport tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/40/KE u jitlob li l-leġiżlazzjoni f’dan il-qasam tiġi implimentata malajr wara l-adozzjoni tagħha;

18. Jissottolinja li l-irġiel u n-nisa jintlaqtu b'mod differenti mir-riskji marbuta max-xogħol kemm jekk ikunu psikosoċjali kemm jekk ikunu fiżiċi (partikolarment dawk muskoloskeletali); ifakkar għalhekk li wieħed jista’ jistabbilixxi rabta bejn il-kuntratti prekarji, partikolarment dawk temporanji u part-time, u ż-żieda fir-riskji fiżiċi u psikosoċjali marbuta max-xogħol; għal din ir-raġuni jistieden lill-Istati Membri jqisu d-dimensjoni tas-sessi u r-riskji marbuta mal-kuntratti differenti tax-xogħol fl-istrateġija nazzjonali tagħhom;

19. Jitlob li jiġu garantiti r-riżorsi għall-ispezzjoni tax-xogħol, standards għoljin ta' kwalità fit-taħriġ u t-taħriġ avanzat tal-ispetturi tax-xogħol, kif ukoll iż-żieda fl-intensità tal-kontrolli; jesiġi li jkun żgurat li l-ispezzjoni tax-xogħol tkun indipendenti mill-impriżi;

20. Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu li d-dejta disponibbli tikkonferma li t-tendenza tal-inċidenti tax-xogħol qiegħda tonqos; jirrimarka madankollu li l-għadd tal-inċidenti tax-xogħol għadu għoli ħafna;

21. Jinnota li fil-komunikazzjoni tagħha tal-2007, il-Kummissjoni ddikjarat li wieħed mill-għanijiet tagħha kien li tappoġġa l-impriżi żgħar u medji (SMEs) fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE u tal-politika tagħhom għall-prevenzjoni tar-riskji;

22. Jinnota li taħriġ xieraq għall-ħaddiema jagħti kontribuzzjoni sinifikanzi għas-saħħa u s-sigurtà tagħhom, u li fil-futur dan għandu jingħata aktar attenzjoni;

23. Jitlob lill-Kummissjoni biex, f'leġiżlazzjoni futura dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol, fejn applikabbli, tippromwovi l-użu ta' teknoloġiji li jnaqqsu r-riskji minn sustanzi perikolużi f'każ ta' inċidenti marbuta max-xogħol u, fejn ikun possibbli, biex dawn it-teknoloġiji jissostitwixxu l-użu tas'sustanzi kimiċi u radjuattivi;

24. Jitlob, bħala rekwiżit minimu għall-Istati Membri, li tiġi stabbilita lista Ewropea vinkolanti tal-mard relatat max-xogħol li fiha t-tipi ta’ stress ġodda li jistgħu jkunu fl-oriġini tal-mard relatat max-xogħol , bħalma huma l-problemi psikiċi tal-apparat lokomottiv u skeletriku li jirriżultaw mix-xogħol, għandhom jiġu rikonoxxuti bħala mard relatat max-xogħol;

25. Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw mill-aktar fis id-Direttiva 2010/32/UE dwar il-prevenzjoni ta’ korrimenti kkawżati minn oġġetti li jaqtgħu fis-settur tal-isptarijiet u l-kura tas-saħħa u jiggarantixxu livell ta’ ħarsien massimu lill-pazjenti u lil dawk li jieħdu ħsiebhom li huma esposti għall-infezzjonijiet marbuta mal-kura tas-saħħa;

26. Jenfasizza l-ħtieġa għal titjib kontinwu fil-ġbir tad-dejta sabiex tiġi garantita l-komparabilità tad-dejta fl-UE kollha;

27. Jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jfasslu linji gwida dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema li huma aktar faċli li jkunu applikati fil-prattika, mingħajr ma jipperikolaw ir-regoli dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol;

28. Huwa favur l-inizzjattiva leġiżlattiva għall-protezzjoni tal-ħaddiema mid-duħħan tat-tabakk waqt ix-xogħol, peress li attwalment mhijiex garantita protezzjoni komprensiva;

29. Jinnota li l-ekonomiji li saru fil-kriżi ekonomika ma jfissirx li ma nibqgħux inżommu quddiem għajnejna s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol;

30. Jenfasizza r-responsabbiltà ta' min iħaddem biex jieħdu ħsieb is-saħħa fiżika u mentali tal-ħaddiema; jitlob li l-intrapriżi jistabbilixxu konvenzjonijiet li jagħmlu obbligatorja l-promozzjoni tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol taħt sura ta’ sistema ċċertifikata ta’ mmaniġġjar tas-sikurezza u tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol f’konformità mal-kriterji ta’ kwalità tan-Netwerk Ewropew għall-Promozzjoni tas-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol.

31. Jitlob ż-żieda tad-djalogu soċjali dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol fuq il-livell tal-UE u tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema;

32. Jitlob skambju transkonfinali ta' informazzjoni bejn id-diversi awtoritajiet nazzjonali fir-rigward ta' spezzjonijiet aktar effiċjenti meta l-ħaddiema jiġu trasferiti lejn Stati Membri oħra tal-UE;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

26.10.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

55

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

János Áder, Elena Oana Antonescu, Kriton Arsenis, Sophie Auconie, Pilar Ayuso, Sergio Berlato, Martin Callanan, Nessa Childers, Chris Davies, Bairbre de Brún, Esther de Lange, Anne Delvaux, Bas Eickhout, Edite Estrela, Jill Evans, Karl-Heinz Florenz, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Julie Girling, Françoise Grossetête, Satu Hassi, Jolanta Emilia Hibner, Dan Jørgensen, Karin Kadenbach, Jo Leinen, Peter Liese, Linda McAvan, Radvilė Morkūnaitė-Mikulėnienė, Miroslav Ouzký, Gilles Pargneaux, Antonyia Parvanova, Andres Perello Rodriguez, Mario Pirillo, Pavel Poc, Anna Rosbach, Oreste Rossi, Daciana Octavia Sârbu, Carl Schlyter, Richard Seeber, Theodoros Skylakakis, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Salvatore Tatarella, Anja Weisgerber, Åsa Westlund, Glenis Willmott, Sabine Wils, Marina Yannakoudakis

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Matthias Groote, Romana Jordan Cizelj, Philippe Juvin, Jiří Maštálka, Michail Tremopoulos, Kathleen Van Brempt, Andrea Zanoni

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) prezenti għall-votazzjoni finali

Peter Šťastný


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

23.11.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

36

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Regina Bastos, Heinz K. Becker, Jean-Luc Bennahmias, Philippe Boulland, Milan Cabrnoch, David Casa, Alejandro Cercas, Derek Roland Clark, Sergio Gaetano Cofferati, Marije Cornelissen, Frédéric Daerden, Karima Delli, Sari Essayah, Ilda Figueiredo, Thomas Händel, Marian Harkin, Liisa Jaakonsaari, Danuta Jazłowiecka, Jean Lambert, Olle Ludvigsson, Elizabeth Lynne, Thomas Mann, Elisabeth Morin-Chartier, Csaba Őry, Konstantinos Poupakis, Sylvana Rapti, Licia Ronzulli, Jutta Steinruck, Traian Ungureanu, Andrea Zanoni

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Georges Bach, Raffaele Baldassarre, Jürgen Creutzmann, Jelko Kacin, Ria Oomen-Ruijten, Evelyn Regner, Csaba Sógor, Emilie Turunen

Aġġornata l-aħħar: 25 t'Ottubru 2012Avviż legali