Proċedura : 2011/2175(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0430/2011

Testi mressqa :

A7-0430/2011

Dibattiti :

PV 19/01/2012 - 5
CRE 19/01/2012 - 5

Votazzjonijiet :

PV 19/01/2012 - 10.13
CRE 19/01/2012 - 10.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


RAPPORT     
PDF 251kWORD 197k
30 ta' Novembru 2011
PE 467.138v02-00 A7-0430/2011

dwar kif nevitaw il-ħela tal-ikel: strateġiji għal katina tal-ikel aktar effiċjenti fl-UE

(2011/2175(INI))

Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

Rapporteur: Salvatore Caronna

ERRATA/ADDENDA
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
 OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

Kif nevitaw il-ħela tal-ikel: strateġiji għal katina tal-ikel aktar effiċjenti fl-UE

(2011/2175(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 191 u 192 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, rigward is-salvagwardja, il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament u l-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-Iskart u li tħassar ċerti Direttivi(1),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Lulju 2010 rigward il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-ġestjoni tal-bijoskart fl-Unjoni Ewropea(2),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Settembru 2010 dwar dħul ġust għall-bdiewa: Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar(3),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Jannar 2011 dwar ir-rikonoxximent tal-agrikoltura bħala settur strateġiku fil-kuntest tas-sigurtà tal-ikel(4),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Ġunju 2011 dwar il-PAK fid-dawl tas-sena 2020: Nindirizzaw l-isfidi tal-futur fl-ambitu tal-ikel, tar-riżorsi naturali u dak territorjali(5),

   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2011 dwar suq tal-konsumaturi aktar effiċjenti u aktar ġust(6),

–   wara li kkunsidra l-istudju preparatorju dwar l-iskart tal-ikel fost l-UE 27 – DĠ Ambjent, Kummissjoni Ewropea (2010),

–   wara li kkunsidra l-istudju tal-FAO (2011) dwar it-telf tal-ikel globali u l-ħela tal-ikel (‘Global food losses and food waste’),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A7-0430/2011),

A. billi kull sena fl-Ewropa ammont dejjem ikbar ta’ ikel tajjeb għas-saħħa u li jista’ jittiekel – skont xi kalkoli, sal-50% minn dan – jintilef tul il-proċessi tal-katina tal-ikel, f'ċerti każijiet mal-katina sħiħa sal-konsumatur, u jsir skart;

B.  billi studju li ġie ppubblikat mill-Kummissjoni jikkalkula li l-ġenerazzjoni annwali ta’ skart mill-ikel fis-27 Stati Membru hija ta’ madwar 89 miljun tunnellata, jiġifieri 179 kg għal kull persuna, b’varjabbiltà għolja bejn il-pajjiżi individwali u bejn is-setturi differenti, mingħajr ma jiffoka fuq il-ħela li sseħħ waqt il-produzzjoni fil-qasam agrikolu jew il-qabdiet tal-ħut li jitwaddab lura fil-baħar; billi sal-2020 il-ħela tal-ikel totali se tkun żdiedet għal bejn wieħed u ieħor 126 miljun tunnellata (żieda ta' 40%), sakemm ma jittiħdux azzjonijiet jew miżuri preventivi addizzjonali;

C. billi fl-Unjoni Ewropea għad hemm 79 miljun persuna jgħixu taħt il-livell tal-faqar, li jfisser li aktar minn 15% taċ-ċittadini tal-UE għandhom dħul nett ta’ inqas minn 60% tad-dħul medju tal-pajjiż ta’ residenza tagħhom; billi, minn dawn, 16-il miljun persuna ngħataw għajnuna għall-ikel mingħand entitajiet tal-karità;

D. billi ċ-ċifri allarmanti li ġew żvelati mill-FAO, li skonthom bħalissa 925 miljun persuna fid-dinja jinsabu f’riskju ta’ malnutrizzjoni, u billi dawn iċ-ċifri juru li qed isir dejjem aktar diffiċli li jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju li għandhom il-mira li jnaqqsu l-faqar u l-ġuħ bin-nofs sal-2015;

E.  billi, skont studji mwettqa mill-FAO, iż-żieda mistennija fil-popolazzjoni dinjija minn 7 sa 9 biljun persuna se tfisser żieda ta’ mill-inqas 70% fil-provvista tal-ikel sal-2050;

F.  billi l-produzzjoni dinjija tal-qamħ żdiedet minn 824 miljun tunnellata fl-1960 għal madwar 2.2 biljun tunnellata fl-2010, b'27 miljun tunnellata miżjuda mal-produzzjoni kull sena; billi, jekk il-produzzjoni agrikola globali tkompli b'din ix-xejra, sal-2050 iż-żieda fil-produzzjoni tal-qamħ meta mqabbla maċ-ċifri ta’ llum għandha tkun biżżejjed biex titma' l-popolazzjoni tad-dinja; billi, sadanittant, it-telf wara l-ħsad jammonta għal madwar 14% tal-produzzjoni totali, filwaqt li 15% oħra jintilef fid-distribuzzjoni u fil-ħela fid-djar, tlieta minn kull ħamsa taż-żieda totali tal-provvista li se jkun hemm bżonn fl-2050 jistgħu jinġabru sempliċiment jekk nieqfu naħlu l-ikel;

G. billi t-tnaqqis fil-ħela mill-ikel huwa pass preliminari sinjifikanti fil-ġlieda kontra l-ġuħ fid-dinja, iwieġeb għaż-żieda fid-domanda mbassra mill-FAO kif ukoll biex jitjieb il-livell ta' nutrizzjoni tal-popolazzjoni;

H. billi anqas ħela tal-ikel tkun tfisser użu aktar effiċjenti tal-art, immaniġġjar aħjar tar-riżorsi tal-ilma, u riperkussjonijiet pożittivi għas-settur agrikolu sħiħ mad-dinja kollha, kif ukoll it-tħeġġiġ tal-ġlieda kontra n-nuqqas ta' nutrizzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

I.   billi l-ħela tal-ikel toħloq konsegwenzi mhux biss etiċi, ekonomiċi, soċjali u nutrittivi iżda wkoll dawk tas-saħħa u ambjentali, ladarba l-muntanji ta' ikel mhux ikkunsmat iwasslu għal aktar tisħin globali u l-ħela tal-ikel tipproduċi l-metanu, li bħala gass b'effett ta' serra huwa 21 darba aktar b'saħħtu mid-dijossidu tal-karbonju;

J.   billi l-ħela tal-ikel mill-konsumaturi f'pajjiżi li qed jiżviluppaw hija minima; u billi kwalunkwe ħela tal-ikel f'dawk il-pajjiżi hija prinċipalment dovuta għal limitazzjonijiet finanzjarji u tekniċi tul il-katina sħiħa tal-produzzjoni tal-ikel;

K. billi fl-Ewropa u fl-Amerika ta’ Fuq, fid-deċennji preċedenti, meta l-produzzjoni tal-ikel kienet abbundanti, il-ħela tal-ikel ma kinitx prijorità politika, u dan wassal għal żieda ġenerali fil-ħela tal-ikel fil-katina tal-provvista tal-ikel; billi fl-Ewropa u fl-Amerika ta’ Fuq l-ħela tal-ikel hija marbuta fil-biċċa l-kbira tagħha mal-istadju tal-bejgħ bl-imnut u tal-konsum, għall-kuntrarju tas-sitwazzjoni tad-dinja li qed tiżviluppa, fejn il-produzzjoni, il-ħsad, l-ipproċessar u t-trasport huma l-istadji fejn it-telf huwa l-aktar komuni;

L.  billi, skont l-istudji riċenti, għal kull kilogramma ta' ikel prodott 4.5kg ta' CO jiġu rilaxxati fl-atmosfera; billi fl-Ewropa il-madwar 89Mt ta' ikel moħli jipproduċi 170Mt CO ekwi./fis-sena, maqsum kif ġej: l-industrija tal-ikel 59 Mt CO ekwi./fis-sena, konsum domestiku 78 Mt CO ekwi./fis-sena, oħrajn 33 Mt CO ekwi./fis-sena; billi l-produzzjoni tat-30% tal-ikel li jispiċċa ma jittikilx hija responsabbli għal 50% addizzjonali ta' użu tar-riżorsi tal-ilma għall-irrigazzjoni, filwaqt li l-produzzjoni ta' kilogramma ċanga teħtieġ 5-10 tunnellati ilma;

M. billi t-theddida għas-sigurtà tal-ikel hija akkumpanjata minn flaġelli opposti fil-pajjiżi sinjuri bħall-obeżità, il-mard kardjovaskulari u l-kanċers li jirriżultaw minn dieta li fiha wisq xaħmijiet u proteini, bir-riżultat li l-għadd ta’ persuni fid-dinja li jieklu żżejjed hu daqs l-għadd ta’ dawk li ma jiklux biżżejjed u għandhom nutrizzjoni ħażina;

N. billi t-tnaqqis reċenti fil-fatturi ta' produzzjoni jmur kontra l-bżonn li tiżdied il-provvista tal-ikel fl-UE;

O. billi l-appoġġ li jingħata lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex itejbu l-effiċjenza tal-katini tal-provvista tal-ikel tagħhom jista’ jkun ta’ benefiċċju dirett għall-ekonomiji lokali u għat-tkabbir sostenibbli ta’ dawn it-territorji u, b’mod indirett, jgħin il-bilanċ tal-kummerċ dinji tal-prodotti agrikoli u r-ridistribuzzjoni tar-riżorsi naturali;

P.  billi l-iskambju tal-aħjar prattiki fil-livelli Ewropew u internazzjonali, kif ukoll l-għajnuna għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, huma ta' importanza ewlenija fil-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel mad-dinja kollha;

Q. billi għadd li kulma jmur dejjem jikber ta’ Stati Membri qed jieħdu inizjattivi biex iqajmu kuxjenza pubblika dwar il-kawżi u l-konsegwenzi tal-ħela tal-ikel, kif ukoll dwar kif din tista’ titnaqqas u dwar il-promozzjoni ta’ kultura xjentifika u ċivili ggwidata mill-prinċipji tas-sostenibbiltà u tas-solidarjetà;

R.  billi l-ħela tal-ikel isseħħ mal-katina tal-provvista tal-ikel kollha – mill-istadju tal-produzzjoni agrikola, għall-istadji tal-ħżin, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni, il-ġestjoni u l-konsum;

S.  billi r-responsabbiltà primarja għas-sigurtà tal-ikel u għall-indirizzar tal-ħela tal-ikel li tista’ tiġi evitata hi tal-atturi tal-katina tal-provvista tal-ikel;

T.  billi ċerti Stati Membri jipprojbixxu l-ikel milli jinbiegħ bi prezz aktar baxx mill-prezz ta' kemm iqum, li jtellef l-opportunità lill-bejjiegħa li jbiegħu ikel frisk mhux mibjugħ bi prezz aktar baxx lil konsumaturi lejn l-aħħar tal-ġurnata u b'hekk jikkontribwixxu aktar għall-ħela fil-katina tal-provvista tal-ikel;

U. billi r-Regolament dwar l-Informazzjoni dwar l-Ikel lill-Konsumaturi li ġie adottat reċentement jistabbilixxi b'mod ċar li l-ikel li jkollu data 'uża sa' jrid jitqies bħala mhux sikur wara l-iskadenza tad-data msemmija;

V. billi l-Forum ta' Livell Għoli għal Katina tal-Provvista tal-Ikel fl-Ewropa li Tiffunzjona Aħjar u r-Roundtable dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli qed jaħdmu favur it-titjib tal-effiċjenza u s-sostenibbiltà tul il-katina kollha tal-provvista tal-ikel;

1.  Jemmen li s-sigurtà tal-ikel hija dritt bażiku tal-bniedem li jista’ jitwettaq permezz tad-disponibbiltà, l-aċċessibbiltà, l-użu u l-istabbiltà temporali ta’ dieta tajba, suffiċjenti, xierqa u nutrittiva; jenfasizza li l-produzzjoni tal-ikel mad-dinja hija kkundizzjonata minn numru ta' fatturi, inkluża n-natura limitata tar-riżorsi naturali vis-à-vis l-popolazzjoni globali dejjem tikber u l-aċċess limitat għall-ikel mill-klassijiet l-aktar vulnerabbli;

2.  Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri u l-atturi fil-katina tal-provvista tal-ikel biex jindirizzaw b'mod urġenti l-problema tal-ħela tal-ikel tul il-katina tal-provvista u tal-konsum u biex jitfasslu linji gwida u mezzi ta' appoġġ biex titjieb l-effiċjenza tal-katina tal-provvista tal-ikel settur b'settur u jħeġġiġhom sabiex dan isir prijorità fl-aġenda politika Ewropea; f'dan il-kuntest, jitlob lill-Kummissjoni biex tqajjem kuxjenza tal-ħidma li għaddejja kemm fil-Forum ta' Livell Għoli għal Katina tal-Provvista tal-Ikel fl-Ewropa li Taħdem Aħjar kif ukoll ir-Roundtable dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli, fosthom rigward ir-rakkomandazzjonijiet dwar kif għandha tiġi ttrattata l-ħela tal-ikel;

3.  Jesprimi tħassib dwar il-fatt li ammont konsiderevoli ta’ ikel jintrema kuljum, minkejja li jkun perfettament tajjeb biex jittiekel u li l-ħela tal-ikel twassal għal problemi ambjentali u etiċi u prezz ekonomiku u soċjali, li joħolqu sfidi għas-suq intern għan-negozji u għall-konsumaturi; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni biex tanalizza l-kawżi u l-konsegwenzi tar-rimi, il-ħela u r-rimi f’landfills kull sena fl-Ewropa ta’ madwar 50% tal-ikel li jiġi prodott, u sabiex tiżgura li din l-analiżi tkun tinkludi analiżi preċiża tal-ħela kif ukoll valutazzjoni tal-impatti ekonomiċi, ambjentali, nutrittivi u soċjali; jitlob ukoll lill-Kummissjoni biex barra minn hekk tiżviluppa miżuri prattiċi biex sal-2025 il-ħela tal-ikel titnaqqas b'nofs u biex fl-istess ħin tiġi evitata l-produzzjoni tal-bijoskart;

4   Jinnota li l-ħela tal-ikel għandha numru ta' kawżi: produzzjoni żejda, immirar ħażin tal-prodotti (daqs jew forma mhux adattati), deterjorament tal-prodott jew tal-imballaġġ tiegħu, regoli tal-kummerċjalizzazzjoni (problemi ta' apparenza jew imballaġġ difettuż), u l-ġestjoni tal-istokk jew strateġiji tas-suq mhux adegwati;

5.  Jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt ta' politika ta' infurzar fir-rigward tal-ħela tal-ikel; jispera li l-politika ta' infurzar tat-trattament tal-iskart tul il-katina tal-ikel se tkun adottata billi jiġi applikat il-prinċipju ta' 'min iniġġes iħallas';

6.  Iqis li, sabiex tonqos kemm jista' jkun il-ħela tal-ikel, huwa meħtieġ li jkunu involuti l-parteċipanti kollha fil-katina tal-provvista tal-ikel u biex jidħlu fil-mira l-kawżi varji tal-ħela settur b'settur; jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel analiżi tal-katina tal-provvista kollha biex tidentifika liema setturi tal-ikel għandhom l-ikbar ammont ta’ ħela tal-ikel u x’soluzzjonijiet jistgħu jinstabu biex tiġi evitata l-ħela tal-ikel;

7.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkoopera mal-FAO biex tistabbilixxi miri komuni fir-rigward tat-tnaqqis dinji fil-ħela tal-ikel;

8.  Jinnota li l-kwistjoni tal-ħela tal-ikel għandha tiġi indirizzata mill-perspettiva tal-effiċjenza tar-riżorsi u jappella lill-Kummissjoni tieħu inizjattivi speċifiċi ffukati fuq il-ħela tal-ikel taħt l-inizjattiva ewlenija “Ewropa li tuża r-riżorsi b’effiċjenza” biex tiżgura li din il-kwistjoni tingħata l-attenzjoni u l-ħolqien ta’ kuxjenza daqs il-kwistjoni tal-effiċjenza fl-enerġija, minħabba li dawn huma importanti bl-istess mod għall-ambjent u għall-futur tagħna;

9.  Jappella lill-Kummissjoni tistabbilixxi miri speċifiċi għall-prevenzjoni tal-iskart mill-ikel għall-Istati Membri, bħala parti mill-miri għall-prevenzjoni tal-iskart għall-Istati Membri sal-2014, kif rakkomandat fid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart tal-2008;

10. Jikkunsidra li huwa essenzjali li l-ħela tal-ikel titnaqqas tul il-katina tal-ikel, mill-għalqa sal-mejda tal-konsumatur; jinsisti dwar il-ħtieġa li tiġi adottata strateġija koordinata segwita minn azzjonijiet konkreti, inkluż skambju tal-aħjar prattiki, f’livell Ewropew u nazzjonali, bil-għan li tittejjeb il-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri ħalli tiġi evitata l-ħela tal-ikel u biex titjieb l-effiċjenza tal-katina tal-provvista tal-ikel; jemmen li dan jista’ jinkiseb billi jiġu promossi relazzjonijiet diretti bejn il-produtturi u l-konsumaturi u billi tiqsar il-katina tal-provvista tal-ikel, kif ukoll billi jsir appell lill-partijiet konċernati kollha biex jieħdu responsabbiltà kondiviża akbar u jinkoraġġihom isaħħu l-koordinazzjoni sabiex itejbu aktar il-loġistika, it-trasport, il-ġestjoni tal-istokk u l-imballaġġ;

11. Jitlob lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati biex ikun hemm skambju tal-aħjar prattiki, billi jinġabar it-tagħrif minn fora u pjattaformi relevanti bħall-Forum tal-Bejgħ bl-Imnut tal-UE dwar is-Sostenibbiltà, ir-Roundtable Ewropea għall-Produzzjoni u l-Konsum Sostenibbli tal-Ikel, il-Forum ta' Livell Għoli dwar it-Titjib fil-Funzjonament tal-Katina tal-Provvista tal-Ikel, in-Netwerk Informali tal-Istati Membri 'Friends of Sustainable Food', il-Forum tal-Prodotti tal-Konsumatur, eċċ.;

12. Jappella lill-Kummissjoni biex waqt it-tfassil tal-politiki ta’ żvilupp tappoġġja azzjonijiet immirati lejn it-tnaqqis tal-ħela tul il-katina kollha tal-provvista tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, fejn il-metodi tal-produzzjoni, il-ġestjoni wara l-ħsad, l-infrastrutturi u l-proċessi tal-ipproċessar u tal-imballaġġ huma problematiċi u inadegwati; jissuġġerixxi t-tħeġġiġ tal-modernizzazzjoni tat-tagħmir u l-infrastruttura agrikoli sabiex jitnaqqas it-telf ta' wara l-ħsad u jiġi estiż iż-żmien li l-prodott jibqa’ tajjeb għall-ikel; barra minn hekk jemmen li titjib fl-effiċjenza tal-katina tal-provvista tal-ikel jista' jgħin lill-pajjiżi kkonċernati biex jilħqu l-awtosuffiċjenza tal-ikel;

13. Jitlob biex il-miżuri ta' appoġġ jiġu mmirati mill-ġdid fil-livell tal-UE rigward id-distribuzzjoni tal-prodotti tal-ikel għaċ-ċittadini l-aktar żvantaġġati tal-Unjoni, l-għajnuna Komunitarja għall-provvista tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib għat-tfal tal-iskola, u l-programm għat-tħeġġiġ tal-konsum ta' frott fl-iskejjel bil-għan li tiġi evitata l-ħela tal-ikel;

14. Jinnota li teżisti konfużjoni dwar id-definizzjoni tal-espressjonijiet ‘ħela tal-ikel’ u ‘bijoskart’; jikkunsidra li, skont it-tifsira komuni tiegħu, ‘ħela tal-ikel’ tfisser l-ikel li jintrema mill-katina tal-provvista tal-ikel għal raġunijiet ekonomiċi jew estetiċi jew minħabba li d-data ‘uża sa’ tkun qorbot, iżda li xorta waħda jkun perfettament tajjeb biex jittiekel u jiġi kkunsmat mill-bniedem u li, fin-nuqqas ta’ użu alternattiv, jitneħħa u jintrema bir-riżultat li joħloq esternalitajiet negattivi mil-lat ambjentali, spejjeż ekonomiċi u ta’ telf ta’ qligħ għan-negozji;

15. Jinnota li fl-Ewropa ma hemm l-ebda definizzjoni armonizzata għall-ħela tal-ikel; jitlob lill-Kummissjoni biex tressaq proposta leġiżlattiva li tiddefinixxi l-‘ħela tal-ikel’ u f’dan il-kuntest biex tistabbilixxi wkoll definizzjoni separata ta' residwi tal-ikel għall-bijofjuwils jew bijoskart, li huma differenti minn ħela tal-ikel ordinarju għax jerġgħu jintużaw għal skopijiet enerġetiċi;

16. Jemmen li l-Istati Membri kollha għandhom jagħmluha possibbli għall-bejjiegħa bl-imnut li jnaqqsu b'mod sostanzjali l-prezz tal-ikel frisk b’mod li jkun irħas mill-ispiża tal-produzzjoni meta toqrob id-data tal-iskadenza tiegħu, sabiex jonqos l-ammont ta' ikel mhux mibjugħ li jintrema u joffri possibbiltà lill-konsumaturi b'introjtu disponibbli aktar baxx biex jixtru ikel ta' kwalità tajba bi prezzijiet irħas;

17. Jixtieq jenfasizza li minħabba l-karatteristiċi tagħha l-agrikoltura hija effiċjenti f'sens ta' riżorsi u jista’ jkollha rwol importanti u minn ta’ quddiem nett fil-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex fil-proposti leġiżlattivi l-ġodda dwar l-agrikoltura, il-kummerċ u d-distribuzzjoni tal-ikel tinkludi miżuri ambizzjużi f'din id-direzzjoni; jittama li jsir investiment konġunt fir-riċerka, ix-xjenza, it-teknoloġija, l-edukazzjoni, pariri u innovazzjoni fil-qasam tal-agrikoltura biex titnaqqas il-ħela tal-ikel kif ukoll biex il-konsumaturi jiġu edukati u mħeġġa biex jadottaw imġiba aktar responsabbli u konxja li tipprevjeni l-ħela tal-ikel;

18. Huwa tal-opinjoni li r-rekwiżiti tal-kwalità relatati mal-apparenza, sew jekk huma imposti minn leġiżlazzjoni Ewropea jew nazzjonali u sew jekk huma imposti minn regoli interni tal-kumpaniji, li jistipolaw b’mod partikolari d-daqs u l-għamla tal-frott u l-ħaxix frisk, huma l-kawża ta’ ħafna rimi bla bżonn, li jżid l-ammont ta’ ikel moħli; jitlob lill-partijiet konċernati jirrikonoxxu u jispjegaw il-valur nutrittiv tal-prodotti agrikoli b'għamla jew qies mhux perfetti sabiex jitnaqqas il-volum ta' prodotti mormija;

19. Jappella lill-Kummissjoni biex tiżviluppa gwida dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva ta' Qafas dwar l-Iskart (2008/98/KE) li tiddefinixxi l-prodotti sekondarji, minħabba li n-nuqqas ta’ ċarezza legali taħt il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-distinzjoni bejn dak li hu skart u dak li mhux, jista’ jxekkel l-użu effiċjenti tal-prodotti sekondarji;

20. Jitlob lill-Kummissjoni, l-Istati Membri, lill-proċessuri u lill-bejjiegħa bl-imnut biex jiżviluppaw linji gwida ħalli jindirizzaw il-ħela tal-ikel li tista' tiġi evitata u biex jimplimentaw effiċjenza tar-riżorsi akbar fis-sezzjoni tagħhom tal-katina tal-provvista tal-ikel, biex kontinwament jaħdmu ħalli jtejbu l-ipproċessar, l-imballaġġ u t-trasport ħalli tonqos il-ħela tal-ikel bla bżonn;

21. Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jinkoraġġixxu l-iskambju tal-aħjar prattiki u jippromwovu kampanji li jqajmu l-kuxjenza pubblika biex jinformaw lill-pubbliku dwar il-valur tal-ikel u l-prodotti agrikoli, il-kawżi u l-konsegwenzi tal-ħela tal-ikel u dwar kif din tista’ titnaqqas, u b’hekk irawmu kultura xjentifika u ċivili ggwidata mill-prinċipji tas-sostenibbiltà u tas-solidarjetà; jappella lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu l-introduzzjoni ta’ korsijiet ta’ edukazzjoni tal-ikel, fil-livelli kollha tal-edukazzjoni, inklużi l-kulleġġi, li jispjegaw, pereżempju, kif wieħed jaħżen, isajjar u jarmi l-ikel, u b'hekk tiġi mħeġġa imġiba aħjar; jenfasizza r-rwol importanti tal-awtoritajiet lokali u l-intrapriżi muniċipali, flinkien mal-bejjiegħa bl-imnut u l-midja, fl-għoti ta’ informazzjoni u appoġġ liċ-ċittadini rigward il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-ħela tal-ikel;

22. Jilqa’ l-inizjattivi li diġà ġew żviluppati f’diversi Stati Membri u li għandhom l-għan li jirkupraw, fuq livell lokali, prodotti mhux mibjugħa u mormija tul il-katina kollha tal-provvista tal-ikel biex jiddistribwuhom mill-ġdid għall-benefiċċju taċ-ċittadini li d-dħul tagħhom huwa inqas mil-limitu minimu u li għaldaqstant m’għandhomx poter tal-akkwist; jisħaq fuq l-importanza tal-iskambju tal-aħjar prattiki f'dan ir-rigward bejn l-Istati Membri, kif ukoll tal-inizjattivi fil-livell lokali; f'dan ir-rigward jenfasizza l-kontribut siewi, minn naħa waħda, ta’ voluntiera fit-tqassim u d-distribuzzjoni ta’ prodotti u, min-naħa l-oħra, dak ta’ kumpaniji professjonali li jiżviluppaw sistemi u azzjonijiet li jipprevjenu l-ħela;

23. Jitlob lill-bejjiegħa bl-imnut biex jimpenjaw ruħhom għall-programmi ta' ridistribuzzjoni tal-ikel għaċ-ċittadini li huma nieqsa mill-poter tal-akkwist u biex jimplimentaw miżuri li jippermettu li prodotti li jkunu qed joqorbu lejn id-data tal-iskadenza jiġu mraħħsa;

24. Jilqa' l-ħidma tal-kumpaniji u s-sħubiji professjonali fis-setturi pubbliku, privat, akkademiku u komunitarju ħalli jitfasslu u jiġu implimentati, fil-livell Ewropew, programmi ta' azzjoni kkoordinati biex jiġġieldu kontra l-ħela tal-ikel;

25. Iqis li l-investiment f'metodi li jwasslu għal tnaqqis fil-ħela tal-ikel jaf jirriżulta fi tnaqqis fit-telf li jkollhom l-impriżi agroalimentari u, konsegwentement, tnaqqis fil-prezzijiet tal-ikel, filwaqt li jitjieb l-aċċess għall-ikel ta’ gruppi ifqar tal-popolazzjoni; jappella lill-Kummissjoni tidentifika l-mezzi biex tiġi stimolata parteċipazzjoni akbar fil-prattiki kontra l-ħela min-naħa tal-impriżi agroalimentari, tas-swieq bl-ingrossa, tal-ħwienet, tal-katini ta’ distribuzzjoni, tal-caterers pubbliċi u privati; tar-ristoranti, l-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-NGOs; iħeġġeġ, għal dan il-għan, l-użu tal-internet u ta' teknoloġiji ġodda; jinnota, f’dan il-kuntest, l-importanza tal-istabbiliment tal-Komunitajiet ta’ Għarfien u Innovazzjoni (KIC) għall-ikel b’attenzjoni partikolari fuq, inter alia, il-prevenzjoni tal-ħela tal-ikel; jappella lill-Kummissjoni titlob lis-settur agroalimentari u lill-partijiet konċernati jerfgħu il-parti tagħhom tar-responsabbiltà għall-problema tal-ħela tal-ikel, b’mod partikolari billi jipprovdu porzjonijiet ta’ diversi daqsijiet u b’hekk jevalwaw x’benefiċċji joffru l-prodotti tal-ikel bi kwantitajiet kbar u jqisu aħjar lill-persuni li jgħixu weħidhom biex titnaqqas il-ħela tal-ikel u l-marka tal-karbonju tal-konsumaturi;

26. Jitlob lill-Istati Membri jintroduċu inċentivi ekonomiċi ħalli tiġi limitata l-ħela tal-ikel;

27. Jenfasizza li l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra marbuta mal-produzzjoni, l-imballaġġ u t-trasport tal-ikel li jintrema huma emissjonijiet bla bżonn addizzjonali; jinnota li titjib fl-effiċjenza tal-katina tal-provvista tal-ikel, sabiex tiġi evitata l-ħela tal-ikel u eliminata l-ħela tal-ikel li jista’ jittiekel, huwa pass ewlieni favur il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima;

28. Jappella lill-Kummissjoni tikkunsidra bidliet possibbli fir-regoli li jirregolaw l-appalt pubbliku għal servizzi tal-catering u tal-ospitalità sabiex fejn il-kundizzjonijiet l-oħra kollha jkunu l-istess, tingħata prijorità fl-għoti tal-kuntratti lill-impriżi li jiggarantixxu li jiddistribwixxu mill-ġdid bla ħlas kwalunkwe prodotti li ma jinbigħux lil kategoriji ta’ ċittadini li ma jkollhomx poter tal-akkwist, u li jippromwovu attivitajiet speċifiċi biex titnaqqis il-ħela upstream, bħal pereżempju billi tingħata preferenza lill-prodotti agrikoli u tal-ikel manifatturati kemm jista' jkun viċin tal-post tal-konsum;

29. Jappella lill-Kummissjoni tagħti l-eżempju billi tindirizza l-ħela tal-ikel fl-istituzzjonijiet tal-UE, u biex tieħu l-miżuri neċessarji u ta’ urġenza biex tonqos il-kwantità partikolarment kbira ta' ikel mormi kuljum fil-canteens tad-diversi istituzzjonijiet tal-UE;

30. Jappella lill-Kummissjoni tevalwa u tinkoraġġixxi miżuri biex titnaqqas il-ħela tal-ikel upstream, bħal pereżempju l-ittikkettar b’żewġ dati ('biegħ sa' u 'uża sa') u l-bejgħ bi prezz imraħħas tal-prodotti li jkunu qorbu biex jiskadu jew li jkollhom xi tip ta’ ħsara; jinnota li l-ottimizzazzjoni u l-użu effiċjenti tal-imballaġġ jaf ikollu rwol importanti għall-prevenzjoni tal-ħela tal-ikel billi jitnaqqas l-impatt ambjentali globali tal-prodott, mhux l-inqas permezz ta’ disinni ekoloġiċi industrijali, li jinkludu miżuri bħall-varjetà ta' daqsijiet tal-pakketti biex tgħin lill-konsumaturi jixtru l-ammont it-tajjeb għal għoti ta' pariri dwar kif għandhom jinħażnu u jintużaw il-prodotti, u d-disinn tal-imballaġġ b’tali mod li jiżdied it-tul tal-ħajja tal-prodotti u jibqgħu friski, filwaqt li jkun żgurat li jintużaw il-materjali xierqa li ma jagħmlux ħsara lis-saħħa jew għad-durabbiltà tal-prodotti għall-imballaġġ u l-preservazzjoni tal-ikel;

31. Jitlob lill-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri, biex toħroġ rakkomandazzjonijiet rigward it-temperaturi ta' tkessiħ, abbażi tal-evidenza li temperatura mhux ideali jew ħażina twassal biex l-ikel, qabel ma jiskadi, ma jibqax tajjeb biex jittiekel u tikkawża ħela bla bżonn; jenfasizza l-fatt li l-livelli armonizzati tat-temperatura fil-katina tal-provvista jtejbu l-konservazzjoni tal-prodotti u jnaqqsu l-ħela tal-ikel għal prodotti ttrasportati u kkumerċjalizzati b’mod transkonfinali;

32. Ifakkar fir-riżultati tal-istħarriġ tal-Kummissjoni (L-għoti ta' kapaċità lill-konsumaturi fl-UE - SEC(2011)0469), skont liema stħarriġ 18% taċ-ċittadini Ewropej ma jifhmux it-tikketta ‘preferibbilment uża qabel’ (‘best before’); għaldaqstant jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiċċaraw it-tifsira tat-tikketti tad-dati (‘preferibbilment uża qabel (best before)’, ‘data ta' skadenza (expiry date)’ u ‘uża sa (use by)’) sabiex inaqqsu l-inċertezza tal-konsumaturi dwar jekk l-ikel ikunx għadu tajjeb biex jittiekel u jagħtu informazzjoni eżatta lill-pubbliku, b'mod partikolari li d-data tad-durabbiltà minima ‘preferibbilment uża qabel’ li tirreferi għall-kwalità, filwaqt li l-frażi ‘uża sa’ hija marbuta mas-sikurezza tal-prodott, ħalli tgħin lill-konsumaturi jagħmlu għażliet informati; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippubblika manwal faċli għall-utent dwar l-użu ta' ikel qrib id-data ta' skadenza tiegħu, filwaqt li tkun żgurata s-sikurezza tad-donazzjonijiet u l-għalf tal-annimali, u tibni fuq l-aħjar prattiki mill-partijiet konċernati fil-katina tal-provvista tal-ikel, sabiex, pereżempju, tlaqqa' l-provvista u d-domanda aktar malajr u b'mod aktar effettiv;

33. Jappella lill-Istati Membri jinkoraġġixxu u jappoġġjaw inizjattivi maħsuba biex jippromwovu l-produzzjoni sostenibbli fuq skala żgħira u medja marbuta mas-swieq u mal-konsum lokali u reġjonali; jagħraf li s-swieq lokali huma sostenibbli mill-perspettiva ambjentali u li dawn jikkontribwixxu għall-istabbiltà tas-settur primarju; jitlob li l-politika agrikola komuni tal-ġejjieni tiżgura finanzjament xieraq għall-promozzjoni tal-istabbiltà fis-settur primarju, pereżempju permezz tal-bejgħ dirett, is-swieq lokali u l-mezzi kollha ta’ promozzjoni ta’ ikel prodott fl-istess post fejn se jiġi kkonsmat, jew qribu;

34. Jitlob lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-produtturi lokali żgħar u l-gruppi ta' produtturi lokali jkunu jistgħu jieħdu sehem f'proċeduri tal-appalt pubbliku għall-implimentazzjoni ta' programmi speċifiċi li jħeġġu b'mod partikolari l-konsum tal-frott u tal-prodotti tal-ħalib fl-iskejjel;

35. Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex is-sena 2013, nominata bħala s-Sena Ewropea kontra l-Ħela tal-Ikel, isservi bħala sors importanti ta’ informazzjoni u promozzjoni biex titqajjem kuxjenza fost iċ-ċittadini Ewropej u biex l-attenzjoni tal-gvernijiet nazzjonali tinġibed lejn din il-kwistjoni importanti bl-għan li jiġu allokati fondi adegwati għall-isfidi li għandhom jiġu ffaċċjati fil-futur qarib;

36. Jitlob lill-President tiegħu jibgħat din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3.

(2)

Testi adottati, P7_TA(2010)0264.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2010)0302.

(4)

Testi adottati, P7_TA(2011)0006.

(5)

Testi adottati, P7_TA(2011)0297.

(6)

Testi adottati, P7_TA(2011)0307.


NOTA SPJEGATTIVA

Il-ħela tal-ikel kibret tant li tista’ titqies bħala problema globali li tirrifletti ruħha tul il-ħoloq kollha tal-katina agroalimentari, mill-għalqa sal-mejda tal-konsumatur.

Skont data li nġabret mill-1974 sal-lum, huwa kkalkulat li l-ħela tal-ikel fid-dinja żdiedet b’50%.

Il-ħela tirriżulta fl-oqsma agrikoli, fl-industriji tal-ipproċessar, fil-kumpaniji ta’ distribuzzjoni, fil-djar tal-konsumaturi; il-ħela qiegħda kemm fil-pajjiżi industrijalizzati kif ukoll fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Hija ħela ta’ ikel li toħloq katina li timxi b’mod parallel ma’ dik tal-produzzjoni u li tiġġenera sensiela twila ta’ effetti negattivi.

Il-kwistjoni tal-ħela tal-ikel tikkuntrasta mal-problema fondamentali tal-provvista tal-ikel, li hija kompromessa serjament minn għadd ta’ fatturi li jinkludu l-fatt li r-riżorsi naturali huma limitati meta mqabbla mal-popolazzjoni dinjija li qed dejjem tikber u n-nuqqas ta’ aċċess għall-ikel mill-ifqar strata tal-popolazzjoni.

Din li ġejja hija analiżi u riflessjonijiet rigward l-użu li nagħmlu mill-ikel għad-dispożizzjoni tagħna.

Studju li sar dan l-aħħar u li ġie kkummissjonat mill-FAO jippreżenta ċifri pjuttost allarmanti, b’mod speċjali fejn jirrigwarda d-dinja industrijalizzata: iċ-ċittadini Ewropej u dawk tal-Amerika ta’ Fuq jaħlu bejn 95 u 115 kg ta’ ikel fis-sena, filwaqt li persuni li jgħixu fl-Afrika sub-Saħarjana jaħlu biss minn 6 sa 11 kg.

Il-raġunijiet għall-ħela mhumiex dejjem l-istess: dawn jinbidlu skont il-livelli differenti tal-katina agroalimentari, skont it-tip ta' prodott, kif ukoll skont il-post fejn tirriżulta l-ħela. Meta l-katina tinqasam f’ħames setturi (produzzjoni agrikola, ġestjoni u ħażna, ipproċessar, distribuzzjoni u konsum), naraw kif imgiba differenti f’kull wieħed minn dawn is-setturi twassal għall-ħela ta’ ikel tajjeb biex jittiekel: mit-telf fl-istadju tal-ħsad u dak tal-ħażna, minħabba n-nuqqas ta’ sikurezza tal-kondizzjonijiet ta’ trasport, l-żbalji fl-imballaġġ, sad- drawwiet ħżiena tal-konsumaturi aħħarija fix-xiri u l-użu tal-ikel.

Fil-pajjiżi industrijalizzati, il-parti l-kbira tal-ħela tirriżulta fl-istadji tal-aħħar, jiġifieri dawk tad-distribuzzjoni u tal-konsum, u dan prinċipalment minħabba l-produzzjoni żejda ta’ ikel, filwaqt li f'pajjiżi li qed jiżviluppaw il-ħela tinsab l-aktar fl-istadji tal-bidu, minħabba n-nuqqas ta’ sistemi agrikoli avvanzati u ta’ sistemi u infrastrutturi tat-trasport effiċjenti (pereżempju l-katina tal-kesħa), kif ukoll ta’ faċilitajiet ta’ ħażna sikura.

Dawn iċ-ċifri juru kif illum il-kwantità ta’ ikel prodotta tista’ fil-fatt terġa’ tintuża għal skopijiet ta’ ikel minflok ma tintrema bħal kwalunkwe skart ieħor b’impatti kbar mill-perspettiva ambjentali u ekonomika u b’implikazzjonijiet etiċi.

Fil-fatt, il-produzzjoni tal-ikel żejjed li ma nikkunsmawx għandha prezz ambjentali għoli, rappreżentat mill-użu tal-enerġija u ta’ riżorsi naturali (b’mod partikolari tal-ilma), kif ukoll mill-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-atmosfera; ġie kkalkulat li l-madwar 89 miljun tunnellata ta’ ikel li jintrema fl-Ewropa jipproduċu 170 miljun tunnellata ta’ CO2 ekwivalenti fis-sena.

Flimkien mal-ħsara ambjentali kkawżata mill-produzzjoni ta’ ikel li ma jiġix ikkunsmat, iridu jingħaddu l-ispejjeż tat-trattament u r-rimi tal-materjal bħala skart u l-qligħ mitluf tal-produtturi.

Il-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel għandha ssir prijorità fl-aġenda politika Ewropea; il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Istati Membri huma mitluba jfasslu strateġiji u miżuri konkreti bl-għan li sal-2025 l-ħela tal-ikel tul il-katina tal-provvista tonqos bin-nofs, biex tittejjeb l-effiċjenza tal-katina u biex titqajjem kuxjenza pubblika dwar kwistjoni li għadha qed tiġi pjuttost injorata.

Jeħtieġ li ċ-ċittadini jkunu mgħarrfa mhux biss dwar ir-raġunijiet u l-konsegwenzi tal-ħela, iżda anki dwar kif din tista’ titnaqqas; hemm bżonn li tiġi promossa kultura xjentifika u ċivili orjentata lejn il-prinċipji tas-sostenibbiltà u s-solidarjetà, biex jiġu mħeġġa bidliet għall-aħjar fl-imġiba.

L-esperjenza turi li l-inizjattivi volontarji ta’ assoċjazzjonijiet, kemm dawk professjonali kif ukoll dawk volontarji, maħsuba biex jippubbliċizzaw u jimplimentaw kultura kontra l-ħela, kisbu suċċess kbir fit-territorji fejn ġew implimentati.

F’dan il-kuntest jidħol l-appell biex l-2013 tiġi ddikjarata bħala s-Sena Ewropea kontra l-Ħela tal-Ikel, biex isservi ta’ strument ta’ informazzjoni ta’ tqajjim ta’ kuxjenza dwar din il-kwistjoni importanti.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (22.11.2011)

għall-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

dwar kif nevitaw il-ħela tal-ikel: strateġiji għal katina tal-ikel aktar effiċjenti fl-UE

(2011/2175(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Anna Rosbach

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jistieden lill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi fl-Ewropa t-telf tal-ikel fl-istadji tal-produzzjoni, ta’ wara l-ħsad u tal-ipproċessar u l-ħela tal-ikel matul l-istadji tal-bejgħ bl-imnut u tal-konsum jammonata għal 179kg fis-sena għal kull persuna(1);

B.  billi 60% tal-ħela tal-ikel mid-djar Ewropej tista’ tiġi evitata, u 20% tal-ikel jintrema minħabba li jkun hemm konfużjoni dwar id-dati fuq it-tikkettar tal-prodotti;(2)

C. billi fl-Ewropa u fl-Amerika tat-Tramuntana fid-deċennji preċedenti, meta l-produzzjoni tal-ikel kienet abbundanti, il-ħela tal-ikel ma kinitx prijorità politika, u dan wassal għal żieda ġenerali fil-ħela tal-ikel fil-katina tal-provvista tal-ikel; billi fl-Ewropa u fl-Amerika tat-Tramuntana l-ħela tal-ikel hija marbuta fil-biċċa l-kbira tagħha mal-istadju tal-bejgħ bl-imnut u tal-konsum, għall-kuntrarju tad-dinja li qed tiżviluppa, fejn il-produzzjoni, il-ħsad, l-ipproċessar u t-trasport huma l-istadji fejn it-telf jippreżenta l-problemi prinċipali;

D. billi tinħtieġ bidla fil-paradigma biex l-imġiba tal-konsumatur tinbidel b’mod pożittiv għal waħda b’inqas ħela tal-ikel, iżda jista’ diġà jsir titjib fil-katina tal-provvista tal-ikel tal-UE fil-ġestjoni tal-istadju tal-ħażna, it-trasport u t-tqassim;

E.  billi l-ħela tal-ikel mhux biss twassal għal spejjeż ekonomiċi iżda lanqas ma tista tiġi ġġustifikata f’termini etiċi u ambjentali;

F.  billi l-produzzjoni tal-ikel hija marbuta mal-livell għoli ta’ emissjonijiet tas-CO2 u mal-użu tar-riżorsi (inklużi l-art u l-ilma);

G. billi, barra minn hekk, jiġi kkunsidrat li fl-Ewropa biss huwa stmat li kull sena jkun hemm telf ta’ 4 biljun euro wara l-ħsad;

1.  Jinsab konvint li l-prevenzjoni tat-telf tal-ikel għandha tkun il-prijorità fuq quddiem nett, billi l-ikel huwa riżorsa skarsa u prezzjuża u miljuni ta’ nies qed ibatu mill-ġuħ;

2.  Jitlob biex jittieħdu miżuri biex titnaqqas il-ħela tal-prodotti tal-ikel fl-industrija tal-ikel, fil-kummerċ, fir-ristoranti, fl-istabbilimenti tal-kura tas-saħħa, fl-iskejjel u fi stabbilimenti oħra, billi bosta tipi ta’ skart bijoloġiku jirriżultaw mill-konsum tal-ikel mill-komunitajiet;

3.  Jindika li m’hemmx definizzjoni armonizzata tal-ħela tal-ikel, u dan iwassal għal diskrepanzi serji fil-ġbir ta’ dejta statistika u jfixkel it-twettiq ta’ azzjoni effikaċi fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali;

4.  Iqis li l-politika tal-UE dwar l-iskart bijoloġiku għandha tiġi kkunsidrata sew u adattata kemm minn aspett etiku kif ukoll minn perspettiva ambjentali;

5.  Jirrikonoxxi li t-tnaqqis fil-ħela tal-ikel għandu benefiċċji ambjentali sinifikanti, mhux biss fil-prevenzjoni tal-effetti negattivi tar-rimi tal-iskart, imma anke f’termini ta’ ffrankar tal-enerġija, emissjonijiet, użu tal-ilma u tal-art fil-proċess tal-produzzjoni u fil-prevenzjoni ta’ effetti negattivi relatati mal-possibilità ta’ prassi tal-produzzjoni agrikola mhux sostenibbli, bħat-tniġġis tal-ilma u t-telfien tal-bijodiversità;

6.  Huwa tal-fehma li ħafna mill-iskart tal-ikel jista' jiġi prevenut jekk il-katina tal-provvista tal-ikel tinżamm qasira, b'distribuzzjoni u produzzjoni lokali effikaċi, li tikkontribwixxi għal tnaqqis fl-iskart tal-ikel;

7.  Jinsab imħasseb mill-fatt li l-ispejjeż ambjentali tal-produzzjoni mhumiex riflessi kif suppost fil-prezzijiet tal-konsumatur;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi miri ċari għat-tnaqqis fl-iskart tal-ikel fil-kuntest tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart; jistieden lill-Kummissjoni biex tiffoka b’mod speċjali fuq il-ħela tal-ikel meta tevalwa l-programmi, l-objettivi u l-indikaturi tal-Istati Membri għall-prevenzjoni tal-iskart f’konformità mad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart; jitlob għal valutazzjoni tal-effetti fuq il-ġenerazzjoni ta’ ħela tal-ikel fil-valutazzjoni tal-impatt ta’ kull proposta leġiżlattiva relatata mal-ikel;

9.  Jistieden lill-Istati Membri jiffukaw b’mod speċjali fuq il-ħela tal-ikel fil-programmi tagħhom għall-prevenzjoni tal-iskart u biex jieħdu azzjoni leġiżlattiva maħsuba għall-prevenzjoni tal-ħela tal-ikel fil-katina tal-provvista kollha, fosthom fil-livell tal-bejjiegħ bl-imnut u l-kummerċ bl-ingrossa; dan għandu jinkludi l-iffissar ta’ miri għall-prevenzjoni, is-separazzjoni u t-tqassim mill-ġdid tal-iskart;

10. Jitlob biex il-ġerarkija tal-iskart kif stipulat fid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart tkun applikata b'mod strett għall-iskart tal-ikel ukoll, i.e.

 l-evitar bħala l-ewwel prijorità, biex b'hekk jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra (GHG) u l-użu tal-ilma,

 l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ (eż. tal-kompost) bħala l-alternattivi li jmiss,

 l-użu tal-produzzjoni tal-bijogass bħala l-pass li jmiss fil-ġerarkija, u

 l-inċinerazzjoni jew ir-rimi ta’ skart jintużaw biss bħala l-aħħar għażla;

11. Jenfasizza l-ħtieġa għal aktar faċilitajiet tal-bijoriċiklaġġ u għal aktar ġbir mid-djar ta’ skart tal-ikel li ma jistax jiġi evitat bħala komponenti żejda tal-oġġetti tal-ikel; jappoġġja azzjonijiet bħall-kompost magħmul fid-djar u l-bijoriċiklaġġ fl-agrikoltura;

12. Jemmen li, sabiex tiġi protetta s-saħħa tal-bniedem, il-prinċipju ta’ prekawzjoni għandu jkun prijorità fit-trattament u l-użu tal-iskart bijoloġiku, partikolarment fir-rigward tar-ritorn indirett possibbli tiegħu għall-ikel/il-katina tal-ikel u l-użu tiegħu fl-ikel u l-għalf importati;

13. Huwa tal-fehma li l-imballaġġ għandu jittejjeb u jitnaqqas. ir-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-imballaġġ intelliġenti għandhom jiġu promossi sabiex jinstabu soluzzjonijiet tajbin għad-data ta’ skadenza propja ta’ prodotti individwali;

14. Jemmen bis-sħiħ li kuxjenza ambjentali għandha titrawwem fost il-konsumaturi f’termini tal-valutazzjoni u l-preservazzjoni tar-riżorsi ambjentali sabiex jifhmu li kull azzjoni ta’ konsum jkollha impatt fuq l-ambjent li ngħixu fih;

15. Jenfasizza li l-emissjonijiet GHG marbuta mal-produzzjoni, l-imballaġġ u t-trasport tal-ikel li jintrema, huma emissjonijiet żejda oħra; jinnota li t-titjib fl-effiċjenza tal-katina tal-provvista tal-ikel, sabiex tiġi evitata l-ħela tal-ikel u tiġi eliminata l-ħela tal-ikel li jista’ jittiekel, huwa azzjoni ewlenija favur il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima;

16. Jemmen li l-bejgħ bl-użin u l-bejgħ f’porzjonijiet personalizzati fis-supermarkets għandhom jiġu appoġġjati biex jiġi kontrollat ix-xiri ta’ ikel żejjed;

17. Jitlob biex jiġi investigat jekk ir-regolamentazzjoni preċedenti tikkawżax regoli bla bżonn li jġiegħlu lis-supermarkets u lill-ħwienet tal-ikel jarmu ikel li jista’ jintuża perfettament;

18. Jirrikonoxxi li l-konfużjoni tal-konsumatur, nuqqas ta' fehim, u interpretazzjoni żbaljata tad-dati tad-durabilità tal-ikel fuq tikketti tal-ikel hija waħda mir-raġunijiet għalfejn jintrema l-ikel; ifakkar li l-leġiżlazzjoni dwar l-informazzjoni tal-ikel lill-konsumaturi teħtieġ dati u istruzzjonijiet "uża sa" u "l-aħjar li jintuża sa" dwar kundizzjonijiet speċjali ta' ħżin u użu tal-imballaġġ; jistieden lill-Istati Membri u lill-industrija tal-ikel jorganizzaw kampanji tal-informazzjoni li jippermettu lill-konsumaturi jifhmu t-tikkettiu jinterpretaw b’mod korrett d-dati ta’ durabilità minima, biex b'hekk il-komsumaturi ma jiġux imqarrqa; madankollu, huwa konxju li, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, il-produtturi tal-ikel huma partikolarment kawti fid-determinazzjoni tad-dati ta’ durabilità minima;

19. Jinnota, f’dan il-kuntest, l-importanza tal-istabbiliment ta' Komunità ta’ Għarfien u Innovazzjoni (KIC) għall-ikel b’attenzjoni partikolari fuq, inter alia, il-prevenzjoni tal-ħela tal-ikel;

20. Huwa konxju li fl-Ewropa, fejn il-ħela tal-ikel hija l-għola fil-livell tal-bejgħ bl-imnut u tal-konsum, l-orjentazzjoni prinċipali tal-isforzi għat-tnaqqis tal-iskart għandha tkun lejn skambju tal-aħjar prassi, rutini mtejba fit-trattament tal-ikel u bidla fl-imġiba min-naħa tal-kumpaniji u l-individwi fil-katina tal-ikel kollha, mill-bidu sal-aħħar, biex il-ħela tal-ikel titnaqqas b'mod sinifikanti, filwaqt li azzjoni kkoordinata biss bejn l-UE u r-regolaturi nazzjonali, l-industrija u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur jistgħu jiksbu riżultati tanġibbli; għalhekk, iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu l-appoġġ tagħhom għal miżuri u kampanji li jqajmu l-kuxjenza mmirati lejn dawk l-għanijiet, u b'mod aktar partikolari lejn il-kultivazzjoni tal-kuxjenza tar-rabta bejn il-konsum u l-produzzjoni, l-ispejjeż, l-iskart, is-saħħa u l-ambjent, iżda li jkunu mmirati wkoll biex jiġu edukati ż-żgħażagħ, minn tfulithom, dwar kif għandhom jittrattaw l-ikel, ir-rimi tal-ikel u l-fdalijiet tal-ikel;

21. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkludu miżuri fil-pakkett leġiżlattiv dwar ir-riforma tal-politika agrikola komuni fir-rigward tal-prevenzjoni tal-ħela tal-ikel fl-istadji tal-produzzjoni, il-ħsad, l-ipproċessar u t-trasport u biex jippreżentaw azzjonijiet konkreti li jtejbu l-kuxjenza pubblika u r-responsabilità tal-konsumatur fl-istadji tal-bejgħ bl-imnut u tal-konsum;

22. Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel analiżi tal-katina tal-provvista kollha biex tidentifika liema setturi tal-ikel għandhom l-ikbar ammont ta’ skart tal-ikel u x’soluzzjonijiet jistgħu jinstabu biex tiġi evitata l-ħela tal-ikel;

23. Jistieden ukoll lill-Kummissjoni tinvestiga liema proporzjon tal-ħela tal-ikel globali diġà qed iseħħ matul il-ħsad; iqis li, jekk dan il-proporzjon huwa sostanzjali, il-Kummissjoni għandha tipproponi approċċi u miżuri li jagħmluha aktar faċli għall-bdiewa biex jevitaw dan;

24. Huwa tal-opinjoni li rekwiżiti ta’ kwalità, li jirrigwardaw l-apparenza, sew jekk ġew imposti minn leġiżlazzjoni tal-UE jew nazzjonali u sew jekk ġew imposti minn regoli interni tal-kumpaniji, li jistipolaw b’mod partikolari d-daqs u l-forma tal-frott u l-ħaxix frisk, huma l-bażi ta’ ħafna rimi bla bżonn, li jżidu l-ammont ta’ ikel li jinħela;

25. Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet pubbliċi, is-settur tal-ospitalità, l-iskejjel, l-isptarijiet u l-banek tal-ikel biex jiġbru u jqassmu mill-ġdid ikel mhux użat li għadu tajjeb għall-konsum tal-bniedem lil dawk fil-bżonn, u jagħmlu dan bħala suppliment għas-sistemi eżistenti tas-saħħa u mhux bħala sostituzzjoni għalihom;

26. Jemmen li żviluppi teknoloġiċi ġodda bħall-friġġijiet u l-imballaġġ intelliġenti li jużaw in-nanoteknoloġija, jista’ jkollhom rwol importanti fit-tnaqqis tal-ħela tal-ikel; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni speċjali lit-tnaqqis tal-ħela tal-ikel fil-programmi ta’ riċerka tagħha;

27. Jistieden lill-bejjiegħa bl-imnut ikunu responsabbli biex inaqqsu b’mod serju l-ħela tal-ikel; pereżempju billi jillaxkaw ir-rekwiżiti għall-istandards ta’ kummerċjalizzazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiġbor u tippubblika l-politiki dwar l-aqwa prassi biex tiġi evitata l-ħela tal-ikel fis-settur Ewropew tal-bejgħ bl-imnut, kif ukoll soluzzjonijiet prattiċi biex jiġu trattati jew jitqassmu oġġetti tal-ikel li ma jistgħux jinbiegħu bil-mezzi tas-soltu;

28. Jinnota li l-kwistjoni tal-iskart tal-ikel għandha tiġi indirizzata fl-ambitu tal-użu effikaċi tar-riżorsi u jappella lill-Kummissjoni biex tieħu inizjattivi speċifiċi mmirati lein l-iskart tal-ikel taħt l-inizjattiva ewlenija Ewropa li Tuża r-Riżorsi b’Effiċjenza;

29. Iqis, f’dan il-kunest, li hemm ħtieġa globali li ċ-ċittadini tal-UE jkunu jafu aktar dwar l-ikel u n-nutrizzjoni;

30. Jirreferi għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2010 dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-ġestjoni tal-iskart bijoloġiku fl-Unjoni Ewropea(3), b'mod partikolari l-paragrafi 1 sa 4 tiegħu, li fihom il-Parlament Ewropew ħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva speċifika dwar it-trattament tal-iskart bijoloġiku, li minnu l-iskart tal-ikel jagħmel biss parti;

31. Jinnota li l-iskart ġenwin tal-ikel jista’ jipprovdi sors sinifikanti u sostenibbli tal-bijomassa, u jista’ jintuża biex jissostitwixxi l-bijoenerġija ġġenerata mill-importazzjonijiet ta’ injam mhux sostenibbli;

32. Iqis li r-riċikalġġ tal-bijoskart permezz tal-kompost u l-użu fl-impjanti tal-bijogass ikun jaqbel ferm aktar milli l-inċinerazzjoni tiegħu li għandha tiġi evitata u tista' tiġi aċċettata wara ġerarkija tkun ġiet segwita u l-iskart ikun intuża kemm jista' ikun;

33. Jenfasizza li l-potenzjal tal-iskart tal-ikel għall-fini ta’ rkupru tal-enerġija m’għandux jaffettwa jew joħloq dewmien fit-teħid ta’ azzjoni favur il-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel;

34. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-kwistjoni tal-effiċjenza fl-ikel u l-qawmien tal-kuxjena jingħataw attenzjoni daqs il-kwistjoni tal-effiċjenza enerġetika, peress li dawn huma importanti bl-istess mod għall-ambjent u għall-futur tagħna;

35. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi rekwiżiti ta’ rappurtar għall-Istati Membri dwar il-ħela tal-ikel u standardizzazzjoni ta’ metodoloġiji għall-kalkolu ta’ kwantitajiet ta’ skart tal-ikel fil-livell ta’ Stat Membru biex tiġi żgurata l-komparabbiltà;

36. Jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi miri speċifiċi għall-ħela tal-ikel għall-Istati Membri, bħala parti mill-miri għall-prevenzjoni tal-iskart għall-Istati Membri, kif rakkomandat fid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart tal-2008;

37. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu introdotti sistemi ta' ġbir separati għall-bijomassa, biex fejn possibbli dan it-tip ta' skart jista' jiġi riċiklat u jsir użu tajjeb minnu u jistieden lill-Kummissjoni tevalwa r-rakkomandazzjoni possibbli lill-Istati Membru biex jadottaw ġbir separat tal-iskart tal-ikel, għall-familji u/jew is-settur tas-servizzi tal-ikel. Għandu jiġi evalwat ukoll l-iżvilupp ta’ infrastruttura separata għall-ġbir u t-trattament tal-iskart.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

22.11.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

38

0

15

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

János Áder, Elena Oana Antonescu, Pilar Ayuso, Paolo Bartolozzi, Martin Callanan, Chris Davies, Esther de Lange, Anne Delvaux, Edite Estrela, Jill Evans, Karl-Heinz Florenz, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Julie Girling, Françoise Grossetête, Cristina Gutiérrez-Cortines, Satu Hassi, Jolanta Emilia Hibner, Dan Jørgensen, Karin Kadenbach, Holger Krahmer, Jo Leinen, Corinne Lepage, Peter Liese, Kartika Tamara Liotard, Linda McAvan, Radvilė Morkūnaitė-Mikulėnienė, Miroslav Ouzký, Antonyia Parvanova, Mario Pirillo, Pavel Poc, Vittorio Prodi, Frédérique Ries, Anna Rosbach, Oreste Rossi, Dagmar Roth-Behrendt, Carl Schlyter, Richard Seeber, Theodoros Skylakakis, Bogusław Sonik, Salvatore Tatarella, Anja Weisgerber, Åsa Westlund, Glenis Willmott, Marina Yannakoudakis

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Miroslav Mikolášik, Alojz Peterle, Birgit Schnieber-Jastram, Renate Sommer, Bart Staes, Csaba Sándor Tabajdi, Michail Tremopoulos, Andrea Zanoni

(1)

Studju preparatorju dwar il-Ħela tal-Ikel fost l-UE27, il-Kummissjoni Ewropea, Pariġi, 2010, S. 11.

(2)

Ir-rivista “L-Ambjent għall-Ewropew”, ippubblikata mid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea, Lussemburgu 2011, p. 8.

(3)

Testi adottati, P7_TA (2010)0264.


OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (18.10.2011)

għall-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

dwar kif nevitaw il-ħela tal-ikel: strateġiji għal katina tal-ikel aktar effiċjenti fl-UE

(2011/2175(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Anna Maria Corazza Bildt

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jistieden lill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, bħala l-Kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jenfasizza li l-ħela tal-ikel tirrappreżenta kemm problemi ambjentali u etiċi kif ukoll spejjeż ekonomiċi u soċjali, li joħolqu sfidi għas-suq intern kemm għan-negozji kif ukoll għall-konsumaturi;

2.  Jenfasizza li hemm bżonn ta' rieda politika sabiex tinstab soluzzjoni għall-ħela tal-ikel; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex fl-aġenda politika Ewropea tagħti l-prijorità lill-elementi kollha tal-ħela tal-ikel; jitlob lill-Kummissjoni, b'konsultazzjoni mal-Istati Membri, biex tiddefinixxi objettivi għal tnaqqis fil-ħela tal-ikel, u jitlob lill-Istati Membri u lill-partijiet kollha kkonċernati jieħdu miżuri prattiċi biex jintlaħqu dawk l-objettivi;

3.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkoopera mal-FAO biex tistabbilixxi miri komuni fir-rigward tat-tnaqqis dinji fil-ħela tal-ikel;

4.  Ifakkar fir-riżultati tal-istħarriġ tal-Kummissjoni (L-għoti ta' kapaċità lill-konsumaturi fl-UE - SEC(2011)0469), skont liema stħarriġ 18% taċ-ċittadini Ewropej ma jifhmux it-tikketta 'L-aħjar qabel'; għaldaqstant jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jispjegaw it-tifsira tad-dati li jidhru fuq it-tikketti ('L-aħjar qabel', 'Data ta' skadenza' u 'Uża sa') sabiex inaqqsu l-inċertezza tal-konsumaturi dwar jekk l-ikel ikunx jista’ jittiekel u jfornu lill-pubbliku b'informazzjoni eżatta, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mad-data tad-durabbiltà minima 'L-aħjar qabel', li tirreferi għall-kwalità, kif ukoll il-frażi 'Uża sa' li hija marbuta mas-sikurezza tal-prodott, ħalli tgħin lill-konsumaturi biex jagħmlu għażliet informati;

5.  Jinnota li r-Regolament dwar l-Informazzjoni dwar l-Ikel lill-Konsumaturi, li ġie adottat reċentement, jistabbilixxi b'mod ċar li l-ikel li jaqa' taħt 'Uża sa' jrid jitqies bħala mhux sikur wara l-iskadenza tad-data msemmija;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-partijiet interessati kollha ħalli jħeġġu inizjattivi ta’ informazzjoni u ta’ edukazzjoni, billi jibdew bit-tagħlim tat-tfal fl-iskejjel, rigward il-prevenzjoni tal-ħela tal-ikel, li jgħinu lill-konsumaturi individwali ħalli jiżviluppaw għarfien akbar u jagħmlu għażliet responsabbli, u jsaħħu l-perċezzjoni tagħhom tal-valur tal-ikel u l-abbiltà tagħhom biex jagħrfu jekk l-ikel jistax jittiekel mid-dehra, ir-riħa, it-togħma u minn kif jinħass; jinkoraġġixxi wkoll l-implimentazzjoni ta' miżuri prattiċi fil-kantins tal-iskejjel kif ukoll fil-kantins tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, tan-negozji kemm pubbliċi kif ukoll privati u tal-istituzzjonijiet Ewropej biex tiġi evitata l-ħela tal-ikel;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra emendi eventwali għar-regoli dwar l-akkwist pubbliku, b'mod partikolari fil-qasam tas-servizzi tal-catering, sabiex titqies aħjar il-problema tal-ħela tal-ikel;

8.  Jitlob lill-partijiet interessati kollha biex jassumu aktar responsabbiltà maqsuma; jinkoraġġihom isaħħu l-koordinazzjoni sabiex itejbu aktar il-loġistika, it-trasport, il-ġestjoni tal-istokk u l-imballaġġ biex tiġi kkonfrontata l-ħela tal-ikel mal-katina sħiħa tal-provvista; jitlob ukoll lill-partijiet interessati biex jirrikonoxxu u jispjegaw il-valur nutrittiv tal-prodotti agrikoli b'forom jew qisien mhux perfetti sabiex jitnaqqas il-volum ta' prodotti mormija;

9.  Jisħaq fuq l-importanza li jitkompla l-investiment fl-iżvilupp ta' tekniki innovattivi tal-produzzjoni bħal metodi effiċjenti tal-ippakkjar u l-ħżin tal-prodotti;

10. Jitlob lill-industrija tal-ikel u l-partijiet interessati l-oħrajn biex jipproponu qisien differenti għall-imballaġġ tal-ikel, biex jevalwaw x'inhuma l-benefiċċji jekk joffru aktar prodotti tal-ikel bi kwantitajiet kbar u biex iqisu aħjar id-djar li fihom tgħix persuna waħda ħalli titnaqqas il-ħela tal-ikel kif ukoll il-marka tal-karbonju tal-konsumatur;

11. Iħeġġeġ lill-bejjiegħa u l-awtoritajiet lokali jużaw il-kuntatt tagħhom ta' kuljum mal-konsumaturi ħalli jikkomunikaw modi aktar effiċjenti tal-ħżin u l-użu tal-ikel kif ukoll biex iħeġġuhom jippjanaw ix-xiri tagħhom tal-ikel (eż. suġġerimenti prattiċi u kampanji li jqajmu kuxjenza); jemmen li l-offerti ta' skont għandhom ikunu applikati aktar għal stokk żejjed u għal ikel sikur li jkun ġarrab xi dannu u jkun wasal biex jiskadi, per eżempju billi jiġi propost tnaqqis ta' 50% 24 siegħa qabel ma jiskadi;

12. Jitlob lill-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri, biex toħroġ rakkomandazzjonijiet rigward it-temperaturi ta' tkessiħ abbażi tal-evidenza li temperatura ħażina jew mhux ottimali twassal biex l-ikel, qabel ma jiskadi, ma jkunx għadu tajjeb biex jittiekel u tikkawża skart bla bżonn; jenfasizza l-fatt li l-livelli armonizzati tat-temperatura fil-katina tal-provvista jtejbu l-konservazzjoni tal-prodotti u jnaqqsu l-ħela tal-ikel għal prodotti li jridu jiġu ttrasportati u kkumerċjalizzati b’mod transkonfinali;

13. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippubblika manwal faċli għall-utent dwar l-użu ta' ikel li javviċina d-data ta' skadenza, waqt li tiggarantixxi s-sikurezza tad-donazzjonijiet tal-ikel u l-għalf tal-annimali, u tibni fuq l-aħjar prattiki mill-partijiet interessati fil-katina tal-provvista alimentari, sabiex, pereżempju, tlaqqa' l-provvista u d-domanda aktar malajr u b'mod aktar effettiv;

14. Jinnota l-interess fl-iżvilupp tal-kompost mill-ikel bijodegradabbli bħala alternattiva għar-rimi tal-ikel; jifraħ għall-inizjattivi fl-Istati Membri li jipproponu liċ-ċittadini żoni kollettivi ddedikati għal dan il-għan; jitlob lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ dan l-isforz billi tippromwovi l-iskambji tal-esperjenzi u tal-aħjar prattiki fil-livell Ewropew;

15. Jitlob biex l-Istati Membri jintroduċu inċentivi ekonomiċi ħalli tiġi limitata l-ħela tal-ikel;

16. Jinnota li l-ġestjoni tal-iskart fl-Istati Membri tista' titjieb sabiex tikkontribwixxi għat-titjib tal-effikaċja tal-katina tal-ikel; jitlob lill-Kummissjoni biex tinvestiga r-rabta bejn il-ħela tal-ikel u l-kwalità tal-ġestjoni tal-iskart u biex tevalwa l-miżuri li jistgħu jittieħdu fir-rigward tal-ġestjoni tal-iskart biex titnaqqas il-ħela tal-ikel;

17. Jemmen li tista' titnaqqas il-ħela tal-ikel billi tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-konsumaturi, il-produtturi, il-manufatturi, il-bejjiegħa bl-imnut, il-caterers pubbliċi, ir-restoranti, l-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-NGOs; iħeġġeġ, għal dan il-għan, l-użu tal-internet u ta' teknoloġiji ġodda;

18. Jitlob lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati biex ikun hemm skambju tal-aħjar prattiki, billi jikkombinaw it-tagħrif minn fora u pjattaformi relevanti bħall-Forum tal-Bejgħ bl-Imnut tal-UE dwar is-Sostenibbiltà, ir-Roundtable Ewropea għall-Produzzjoni u l-Konsum Sostenibbli tal-Ikel, il-Forum ta' Livell Għoli dwar it-Titjib fil-Funzjonament tal-Katina tal-Provvista tal-Ikel, in-Netwerk Informali tal-Istati Membri bl-isem 'Friends of Sustainable Food', il-Forum tal-Prodotti tal-Konsumatur, eċċ.;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

17.10.2011

 

 

 

Rizultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

32

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Cristian Silviu Buşoi, Lara Comi, Anna Maria Corazza Bildt, António Fernando Correia De Campos, Jürgen Creutzmann, Cornelis de Jong, Christian Engström, Evelyne Gebhardt, Malcolm Harbour, Iliana Ivanova, Sandra Kalniete, Hans-Peter Mayer, Gianni Pittella, Mitro Repo, Robert Rochefort, Heide Rühle, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Bernadette Vergnaud, Barbara Weiler

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Ashley Fox, Anna Hedh, María Irigoyen Pérez, Othmar Karas, Constance Le Grip, Emma McClarkin, Antonyia Parvanova, Konstantinos Poupakis, Olga Sehnalová, Kyriacos Triantaphyllides, Anja Weisgerber


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

23.11.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

38

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew, Liam Aylward, José Bové, Luis Manuel Capoulas Santos, Michel Dantin, Paolo De Castro, Albert Deß, Herbert Dorfmann, Robert Dušek, Iratxe García Pérez, Sergio Gutiérrez Prieto, Martin Häusling, Esther Herranz García, Peter Jahr, Elisabeth Jeggle, Jarosław Kalinowski, Elisabeth Köstinger, George Lyon, Gabriel Mato Adrover, Mairead McGuinness, James Nicholson, Rareş-Lucian Niculescu, Georgios Papastamkos, Marit Paulsen, Britta Reimers, Ulrike Rodust, Czesław Adam Siekierski, Sergio Paolo Francesco Silvestris, Alyn Smith, Marc Tarabella, Janusz Wojciechowski

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Luís Paulo Alves, Salvatore Caronna, Spyros Danellis, Giovanni La Via, Astrid Lulling, Hans-Peter Mayer, Maria do Céu Patrão Neves, Valdemar Tomaševski

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Anna Maria Corazza Bildt

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Diċembru 2011Avviż legali