RAPPORT dwar il-politika barranija tal-UE rigward il-BRICS u setgħat emerġenti oħra: objettivi u strateġiji

10.1.2012 - (2011/2111(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Jacek Saryusz-Wolski

Proċedura : 2011/2111(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0010/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-politika barranija tal-UE rigward il-BRICS u setgħat emerġenti oħra: objettivi u strateġiji

(2011/2111(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-punt (h) tiegħu, li jistipula li l-Unjoni għandha tiddefinixxi u twettaq politiki u azzjonijiet komuni, u għandha taħdem biex tikseb grad ta' kooperazzjoni għoli fl-oqsma kollha tar-relazzjonijiet internazzjonali, sabiex tippromwovi sistema internazzjonali bbażata fuq il-kooperazzjoni multilaterali aktar b'saħħitha u fuq governanza globali tajba,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta' Lulju 2010 li tistabilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna[1],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar ir-rapport annwali mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar l-aspetti ewlenin u l-għażliet bażiċi tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) fl-2008, ippreżentat lill-Parlament Ewropew b’applikazzjoni tal-Parti II, Taqsima G, paragrafu 43 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006[2],

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-16 ta' Settembru 2010 rigward ir-relazzjonijiet tal-UE mas-sħab strateġiċi tagħha,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ April 2011 dwar il-flussi tal-migrazzjoni li qed jirriżultaw mill-instabilità: l-ambitu u r-rwol tal-politika barranija tal-UE[3]

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011 lill-Kunsill dwar is-66 Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti[4],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2011 dwar strateġija effikaċi dwar il-materja prima għall-Ewropa[5],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2011 dwar politiki esterni tal-UE favur id-Demokratizzazzjoni[6],

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Qafas Finanzjarju 2014-2020 bl-isem ta' "Baġit għall-Ewropa 2020" (COM(2011)0500),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0010/2012),

A. billi t-tkabbir tar-rilevanza politika u ekonomiku tal-Brażil, ir-Russja, l-Indja, iċ-Ċina u l-Afrika t'Isfel (il-BRICS) ifisser rilevanza akbar f'termini ta' politika barranija għal dawn il-pajjiżi;

B.  billi l-BRICS u ekonomiji emerġenti oħra jistgħu jiksbu relevanza dejjem akbar f’termini tal-politika barranija fix-xena dinjija, jekk it-tkabbir ekonomiku tagħhom ikun aktar ikkonsolidat;

C. billi seba’ pajjiżi emerġenti (il-Brażil, ir-Russja, l-Indja, iċ-Ċina, l-Indoneżja, il-Messiku u t-Turkija), hu previst li se jkollhom ekonomiji akbar minn dawk tal-pajjiżi tal-G-7 flimkien (l-Istati Uniti tal-Amerika, il-Ġappun, il-Kanada, ir-Renju Unit, il-Ġermanja, Franza u l-Italja) fl-2050; billi, f’termini tal-prodott domestiku gross, huwa stmat li ċ-Ċina se ssir l-akbar ekonomija tad-dinja qabel l-2020; billi l-Indja tista’ ssir l-ekonomija li tikber bl-aktar pass mgħaġġel fid-dinja qabel l-2050; billi, fl-2050, iċ-Ċina, l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Indja jistgħu jirrappreżentaw flimkien 50% tal-ekonomija tad-dinja; billi l-UE jista’ jkollha skala komparabbli ikbar meta mqabbla ma’ dik ta’ xi pajjiżi bħal dawn jekk taġixxi bħala entità politika waħda u b’saħħitha; billi tali skala komparabbli hija essenzjali biex tinżamm influwenza politika u biex tkun tista’ titkompla l-promozzjoni tal-valuri universali fis-sistema multipolari ġdida tal-governanza globali li qed tissawwar; billi dan għandu jsir fil-qafas ta’ approċċ ta’ politika barranija li jkollha l-għan li tippromwovi sħubija, kooperazzjoni u governanza konġunta bbażata fuq valuri komuni;

D. billi, bil-proċess ta' konsolidazzjoni ta' setgħat ta' politika ekonomika u barranija b'saħħitha bħall-BRICS, feġġet sistema multipolari, fejn it-tmexxija globali qed tinqasam dejjem aktar fost bosta pajjiżi u blokki reġjonali ta' pajjiżi; billi din is-sistema multipolari tfisser ċaqliq progressiv fis-setgħa ekonomika globali fid-direzzjoni tal-BRICS u ta’ ekonomiji emerġenti oħrajn u tista’ tfisser ukoll ċaqliq ta’ tmexxija u spinta pożittiva, f’termini ta’ politika barranija, mis-setgħat eżistenti lejn dawk emerġenti; billi l-kriżi ekonomika attwali ħaffet din it-tranżizzjoni lejn sistema multipolari; billi l-emerġenza ta’ atturi globali ġodda tista’ tkun opportunità imprezzabbli għal sħubija bejn is-setgħat li emerġew u dawk emerġenti u għal azzjoni kkoordinata dwar kwistjonijiet u sfidi globali;

E.  billi sfidi transnazzjonali – bħat-tibdil fil-klima, il-kwistjonijiet regolatorji globali, l-aċċess għall-materja prima u għall-elementi naturali rari, it-terroriżmu, u l-ġlieda kontra movimenti radikali bbażati fi Stati oħra, l-iżvilupp sostenibbli, l-istabilità politika globali u s-sigurtà – se jkunu jeħtieġu approċċ inklussiv ibbażat fuq ir-regoli dwar is-sħubija, il-valuri komuni, il-kunsens, il-konsultazzjoni mill-qrib u l-kooperazzjoni mas-setgħat emerġenti ġodda, jekk verament kondiviżi, għandu jkun possibbli li jinstabu soluzzjonijiet effettivi għall-isfidi transnazzjonali; billi l-UE tista’ u għandha tieħu inizjattiva f’dan ir-rispett;

F.  billi mingħajr sistema ta’ governanza inklussiva globali ġdida bbażata fuq konsultazzjoni u kooperazzjoni mill-qrib mal-BRICS u ekonomiji emerġenti oħra, m’hemmx inċentiv biżżejjed għal kooperazzjoni internazzjonali u għal azzjoni komuni fuq azzjoni dwar kwistjonijiet globali ewlenin b’potenzjal ta’ riskju ta’ (i) frammentazzjoni politika u ekonomika u l-emerġenza ta’ aġendi dinjija kompetittivi u ta’ żoni reġjonali separati, (ii) it-tnawwir ta’ strutturi ekonomiċi globali u ta’ flussi ta’ investiment u (iii) il-ħolqien ta’ blokki ta’ influwenza reġjonali b’koordinament internazzjonali limitat u mingħajr il-possibilità li tinstab soluzzjoni komuni għall-isfidi transnazzjonali;

G. billi d-dimensjonijiet demografiċi kbar tal-BRICS u setgħat emerġenti oħrajn, imqabbla mad-demografija tal-Punent li dejjem qed tonqos, se jagħtu aktar awtorità lil pajjiżi bħal dawn f’fora internazzjonali, billi l-BRICS u setgħat emerġenti oħrajn se jkunu jistgħu jitolbu aktar rappreżentanza tal-maġġoranza vasta tal-popolazzjoni tad-dinja; billi dan ifisser il-ħtieġa li jiġu rriformati s-sistema ta’ governanza globali u l-istruttura tal-governanza ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, sabiex huma jkunu jistgħu jsiru aktar rappreżentattivi tax-xena ekonomika u politika ġdida u jkomplu jżommu rwol ċentrali fil-bini ta’ kunsens globali u fil-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet;

H. billi fid-dawl tal-kriżi ekonomika attwali u r-restrizzjonijiet baġitarji tal-UE u tal-USA jesiġu l-ħtieġa urġenti biex isir il-qsim tar-riżorsi ma’ setgħat emerġenti oħrajn biex tiġi żgurata struttura globali koerenti u effiċjenti ta’ sigurtà u stabbilità u intervent effettiv f’oqsma sensittivi abbażi ta’ objettivi komuni u strateġiji u sforzi koordinati;

I.   billi t-tranżizzjoni b'suċċess fid-direzzjoni ta' ekonomija bi dħul medju tista', skont ċerti kundizzjonijiet, tippromwovi politika barranija aktar moderata u ffokata fuq l-istabilità; billi, madankollu, f'ċerti pajjiżi tal-BRICS u f'pajjiżi emerġenti oħrajn, il-konsolidazzjoni tas-setgħa ekonomika u politika tagħhom mhux dejjem wasslet għal din it-transizzjoni;

J.   billi, minkejja li reċentement kien hemm tkabbir ekonomiku spettakolari f'bosta mill-pajjiżi BRICS, dawn l-istess pajjiżi huma wkoll dawk bl-akbar konċentrazzjoni individwali ta' faqar fid-dinja; billi dan juri li fil-maġġoranza assoluta tal-każijiet, mingħajr tkabbir favur il-fqar u l-ħolqien ta' xbieki ta' sigurtà, tkabbir ekonomiku mgħaġġel jista' jimplika żieda fl-inugwaljanzi;

K. billi l-BRICS u l-ekonomiji emerġenti attwali ma jifformawx, jew ma jintegrawx, gruppi formali ta’ pajjiżi maħsuba biex ikollhom rwol speċifiku fl-affarijiet internazzjonali u, għalhekk, l-UE għandha tiżviluppa relazzjoni ma’ kull wieħed minn dawk il-pajjiżi, waqt li jitqiesu l-karatteristiċi uniċi u l-objettivi u l-miri speċifiċi tal-politika barranija tagħhom; billi l-UE għandha tinvesti fi sħubiji strateġiċi ma’ kull pajjiż tal-BRICS u ta’ ekonomiji emerġenti oħra, billi dawn, iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar qed ikollhom rwol fix-xena internazzjonali, jiġifieri f’organizzazzjonijiet internazzjonali, bħan-NU, bħala mezz biex imexxu ’l quddiem għanijiet komuni, b'mod partikolari l-paċi u s-sigurtà globali, l-istat tad-dritt domestikament jew internazzjonalment, il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, l-iżvilupp sostenibbli u r-regolamentazzjoni finanzjarja globali;

L.  billi l-BRICS u ekonomiji emerġenti oħra jeħtieġu struttura ta’ politika barranija stabbli u ambjent ta’ politika pubblika u regolatorja stabbli, li jkunu jistgħu jsostnu l-interess u l-investiment fl-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħhom; billi l-BRICS u ekonomiji emerġenti oħra jeħtieġ li jinvestu u jkunu appoġġjati fit-tisħiħ tal-istabilità demokratika, politika, ekonomika u soċjali;

M. billi l-UE għandu jkollha rwol prinċipali fit-tranżizzjoni tas-setgħa globali bħal promotur tas-sħubija u governanza inklussiva, iżda jeħtiġilha taġixxi malajr jekk trid iżżomm l-influwenza tagħha (inkella din tista’ titwarrab b’mod strateġiku); billi dan se jfisser bidliet strateġiċi kemm ġewwa l-UE kif ukoll rigward il-politika barranija tagħha, fost l-oħrajn l-introduzzjoni ta’ koerenza politika akbar;

N. billi fi tmiem it-tielet laqgħa tal-mexxejja tal-BRICS fl-14 ta' April 2011, il-mexxejja tal-BRICS ħarġu stqarrija konġunta li talbet għal kooperazzjoni internazzjonali akbar u għat-tisħiħ tal-governanza globali, u fejn esprimew appoġġ għad-diplomazija multilaterali man-Nazzjonijiet Uniti u mal-G20; billi tul l-2011, il-ħames pajjiżi tal-BRICS kienu kollha preżenti fl-istess ħin fuq il-Kunsill ta’ Sigurtà tan-NU; billi l-BRICS talbu li ssir bidla fl-istrutturi regolatorji tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u li n-NU jirriflettu l-bidliet fl-ekonomija dinjija u jġestu aħjar l-isfidi globali tal-lum;

O. billi l-BRICS juru diverġenzi konsiderevoli fis-sistemi politiċi u ekonomiċi tagħhom, fix-xejriet demografiċi u soċjali, u fil-prospetti tal-politika barranija;

P.  billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-16 ta’ Settembru 2011 enfasizzaw li skont it-Trattat ta’ Lisbona, u skont l-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà, l-UE u l-Istati Membri tagħha jistgħu jaġixxu b’mod aktar strateġiku sabiex l-importanza reali tal-Ewropa tinfluwenza b’mod internazzjonali u sabiex is-sħubiji strateġiċi tal-UE ma’ atturi ewlenin fid-dinja jipprovdu strument utli biex jintlaħqu l-objettivi u l-interessi Ewropej;

Q. billi l-ftehimiet ta’ kummerċ attwali bejn l-UE u l-pajjiżi tal-BRICS huma mhux biss ta’ benefiċċju reċiproku għaż-żewġ naħat f’termini ekonomiċi iżda wkoll politikament;

R.  billi l-UE għandu jkollha sehem proattiv fil-bini ta’ sistema inklussiva u rappreżentattiva tan-Nazzjonijiet Uniti li tista’ tikkontribwixxi b’mod effikaċi għal governanza u soluzzjonijiet globali, għall-paċi u s-sigurtà, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u għal ordni internazzjonali bbażata fuq l-istat tad-dritt; billi, bi qbil mal-Artikolu 21 tat-TUE, l-UE hi formalment impenjata favur multilateraliżmu effikaċi, b’NU b’saħħitha fil-qalba ta’ dan il-proċess;

S.  billi matul is-snin l-UE żviluppat sħubiji strateġiċi bilaterali mal-BRICS, ibbażati fuq valuri u interessi komuni bl-għan li jitjiebu r-relazzjonijiet u tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-livelli kollha; billi ta’ spiss irriżulta li dawn is-sħubiji strateġiċi kienu inadegwati rigward, b’mod partikolari, il-promozzjoni tad-demokrazija, it-tisħiħ tal-istat tad-dritt u d-definizzjoni ta’ approċċ komuni għas-soluzzjoni tal-kunflitti;

T.  billi hemm ħtieġa urġenti li jinstabu modi kif tissaħħaħ il-kooperazzjoni fi ħdan is-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti u fi ħdan il-gruppi tal-pajjiżi ewlenin (G-7, G-20) u kif jitjieb il-mod li bih tiġi kkoordinata ħidmiethom;

U. billi l-Grupp tal-20 (G-20), li l-pajjiżi membri tiegħu jikkontribwixxu għal 88% tal-PDG globali u 65% tal-popolazzjoni dinjija, sar forum importanti għall-kooperazzjoni fil-livell globali, iżda billi huwa meħtieġ li tinstab soluzzjoni għall-problema tar-rappreżentanza tiegħu u li jiġi stabbilit ir-rwol preċiż tiegħu fl-istruttura multilaterali;

1.  Jenfasizza kif il-kriżi ekonomika attwali wriet l-interdipendenza bejn is-setgħat li emerġew u l-BRICS u pajjiżi emerġenti oħrajn; jagħmel referenza għar-rabta profonda u reċiproka bejn it-tkabbir ekonomiku stabbli ta' ekonomiji li żviluppaw u t-tkabbir ekonomiku stabbli ta' ekonomiji emerġenti; jenfasizza li n-natura pożittiva ta' din l-interdipendenza u l-karattru ta' benefiċċju reċiproku tar-rabtiet politiċi u ekonomiċi bejn l-ekonomiji żviluppati u dawk emerġenti; jemmen li l-UE għandha għalhekk tfittex li tikseb għarfien u djalogu politiku ulterjuri mal-BRICS u ma' pajjiżi emerġenti oħrajn, inkluż fuq bażi individwali, u l-Istati Membri tiegħu fi spirtu ta' sħubija u bl-għan ġenerali li tinkiseb sistema ta' governanza ġdida u inklussiva; jemmen, barra minn hekk, li l-laqgħat ta' livell għoli regolari bejn l-UE u l-pajjiżi BRICS individwali għandha toffri opportunità akbar biex jinbnew relazzjonijiet ta' fiduċja, għar-rikonċiljazzjoni ta' pożizzjonijiet u tħeġġeġ lill-pajjiżi BRICS jassumu responsabilità akbar f'sistema ġdida ta' governanza globali, msejsa fuq responsabilità maqsuma, approċċi komuni u azzjonijiet iktar ikkoordinati mill-qrib; hu tal-fehma li l-istrument ta' sħubiji strateġiċi jistgħu joħolqu sinerġiji siewja fil-kisba ta' dawn l-obbjettivi;

2.  Jemmen li relazzjonijiet bejn, minn naħa, il-poteri stabbiliti u l-BRICS u poteri emerġenti oħrajn min-naħa l-oħra jżommu dimensjoni ekonomika rilevanti, iżda dawn huma essenzjalment ta' natura politika u għalhekk għandhom jinżammu f'qafas politiku, peress li l-pajjiżi kollha kkonċernati għandhom interess li jiżguraw sistema effikaċi ta' governanza globali u li jittrattaw flimkien, fi spirtu ta' kooperazzjoni u konsultazzjoni u ta' konverġenza ta' pożizzjonijiet ta' politika, dawk ir-riskji ta' stabilità globali u ta' sigurtà li jistgħu jkunu ta' theddida għat-tkabbir ekonomiku globali sostenibbli u l-potenzjal tagħha fil-futur; jitlob għalhekk, għal kooperazzjoni msaħħa bejn l-UE u l-BRICS, inkluż f'termini ta' sħubija mal-pajjiżi BRICS individwali, dwar il-kwistjonijiet kollha ta' preokkupazzjoni internazzjonali;

3.  Jenfasizza li filwaqt li l-BRICS jistgħu jkollhom pożizzjonijiet simili f'termini ta' politika barranija, huma għandhom ukoll differenzi kbar f'termini politiċi, ekonomiċi u soċjali; jinnota, b'mod partikolari, li s-sistemi politiċi tagħhom ivarjaw minn reġimi awtoritarji b'saħħithom sa demokraziji kredibbli u stabbli; jistieden, f’dan ir-rigward, lill-UE biex ittejjeb ir-relazzjonijiet u tiżviluppa sinerġiji, b’mod partikolari ma’ dawk il-pajjiżi tal-BRICS li ġenwinament jikkondividu u jirrispettaw il-valuri demokratiċi u li jagħmlu ħilithom għal ekonomija tas-suq soċjali;

4.  Jemmen, li bl-emerġenza ta' poteri ekonomiċi u ta' politika barranija ġodda, l-UE mhux se ssofri minn tnaqqis tal-infuwenza tagħha, iżda ser ikollha rwol ewlieni xi twettaq fil-promozzjoni ta' għarfien komuni fuq għażliet ta' politika u għalhekk għandha tkun minn ta' quddiem fit-trattament ta' sfidi globali; hu tal-fehma li l-UE u s-sħab trans-Atlantiċi tagħha għandhom jiffukaw fuq il-kisba ta' ekonomiji ta' skala meħtieġa u fuq l-iżvilupp ta' sforzi komuni li jħalluhom jikkomunikaw b'mod kostruttiv u effikaċi kemm b'mod bilaterali u multilaterali, u bi spirtu ta' sħubija vera u kooperazzjoni tajba; jinnota l-ħtieġa li tiġi żviluppata sistema ta’ governanza globali inklussiva bbażata fuq il-kooperazzjoni u l-koordinament mal-BRICS u ma’ pajjiżi emerġenti oħrajn, kif xieraq, għall-benefiċċju ta' kulħadd; jindika wkoll ir-rwol ewlieni tal-UE u s-sħab trans-Atlantiċi tagħha fil-promozzjoni ta’ sistema ta’ governanza globali inklussiva bħal din; jenfasizza li l-UE għandha taġixxi b'mod aktar strateġiku biex il-piż veru tal-Ewropa jkollu influwenza fil-livell internazzjonali b'mod partikolari billi ġġesti l-implikazzjonijiet ta’ interdipendenza, tinstiga riformi ta’ governanza globali, u timmobilizza azzjoni kollettiva f’oqsma bħall-istat tad-dritt, ambjent sostenibbli, sigurtà reġjonali, permezz ta’ interazzjoni kostruttiva mal-BRICS u s-setgħat emerġenti l-oħrajn;

5.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-kunċett ta’ sħubiji strateġiċi bilaterali u jħeġġeġ lill-Kunsill u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex iħaddmuh; iqis li sħubiji strateġiċi huma għodda inkoraġġanti u potenzjalment trasformattivi fl-organizzazzjoni u l-iżvilupp tar-relazzjonijiet tal-UE ma’ atturi ewlenin fix-xena globali, inklużi l-BRICS u s-setgħat emerġenti l-oħrajn; jirrakkomanda li dan l-istrument jintuża mill-UE biex jiġu segwiti aġendi multilaterali kif ukoll bilaterali u biex jiġu żviluppati rabtiet sinifikanti bejn it-tnejn; jenfasizza li l-koerenza interna hija vitali biex l-UE taġixxi u tkun meqjusa bħala interlokutur strateġiku genwin għall-BRICS u s-setgħat emerġenti l-oħrajn;

6.  Jinnota li fil-passat il-BRICS dehru li, f'ċerti okkażjonijiet, dawn ikkoordinaw il-pożizzjonijiet tagħhom fil-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU f'termini ta' politika barranija, b'mod partikolari fil-bidu tal-kriżi fil-Libja u fis-Sirja, kif ukoll billi ddeferixxew il-votazzjoni dwar ir-rwol tal-UE fl-AĠNU u billi kkoordinaw il-pożizzjonijiet tagħhom dwar il-Côte d’Ivoire u s-Sudan; jinnota f'dan ir-rigward li l-BRICS jistgħu jidhru li qegħdin jisfidaw is-sistema attwali ta’ governanza internazzjonali, iżda li d-djalogu demokratiku, l-impenn politiku, anki fuq bażi individwali, u s-sħubiji reali jistgħu jippromwovu sinerġiji pożittivi u jiffaċilitaw sistema inklussiva ġdida ta’ governanza globali; jemmen li, għaldaqstant, l-UE għandha tagħti kunsiderazzjoni lis-setgħa l-ġdida tal-BRICS u ta’ setgħat emerġenti oħrajn, f’termini politiċi u ekonomiċi, billi din tista’ twassal għal riforma ordnata tal-governanza globali, abbażi ta' pjattaforma ta' konverġenza, mingħajr effetti destabbilizzanti;

7.  Jinnota li l-BRICS urew kapaċità għall-integrazzjoni reġjonali u għalhekk il-kapaċità li jimpenjaw ruħhom f’sistemi ta’ governanza multipolari; jemmen li dan juri aktar l-interess potenzjali tal-BRICS biex jikkontribwixxu fil-governanza globali; għalhekk hu tal-fehma li l-BRICS u l-pajjiżi emerġenti l-oħrajn jinsabu fil-proċess li jiddefinixxu d-direzzjoni strateġika tagħhom fit-termini ta’ politika barranija u b’hekk isiru sħab tas-setgħat emerġenti u sostenituri ta’ sistema ta’ governanza globali bbażata fuq il-valuri universali, is-sħubija u l-inklużjoni;

8.  Jemmen li, fid-dawl tal-interessi u l-iskala fil-qasam politiku u ekonomiku, ir-rwol u l-aspirazzjonijiet reġjonali, il-BRICS jistgħu jippruvaw jaġixxu bħala grupp f’termini ta’ politika barranija, iżda jirrikonoxxi li d-dimensjonijiet individwali huma rilevanti wkoll. Iqis, f'dan il-mument, li barra l-iffukar fuq il-BRICS bħala blokk ta' Stati potenzjalment magħqud f'termini ta' politika barranija, l-UE għandha tiffoka wkoll fuq kull pajjiż tal-BRICS b’mod individwali, filwaqt li żżomm approċċ sistematiku u koordinat; huwa tal-fehma, f’dan ir-rigward, li tali approċċ se jippermetti lill-UE tibni ekonomiji ta’ skala permezz ta’ sħubiji mal-BRICS individwali, timmassimizza l-interessi u r-rwol tagħha f’diversi reġjuni u tikkontribwixxi għat-tisħiħ ta’ ordni multipolari b’bilanċ politiku u ekonomiku bejn ekonomiji li emerġew u dawk emerġenti abbażi ta’ sistema inklussiva mibnija fuq id-djalogu, is-sħubija u s-sħubiji bilaterali jew multilaterali;

9.  Jemmen barra minn hekk li d-diverġenzi konsiderevoli fis-sistemi politiċi u ekonomiċi, ix-xejriet demografiċi u soċjali, u l-perspettivi tal-politika barranija tal-BRICS, li għandha tipprovdi informazzjoni, u tiġi riflessa f’politika kemmxejn differenti tal-UE lejn dawn il-pajjiżi, immirata lejn il-ħolqien ta' sinerġiji mal-pajjiżi BRICS individwali u ma' pajjiżi emerġenti oħrajn u li tiskoraġġixxi l-ħolqien jew il-konsolidazzjoni ta' gruppi ta' Stati alternattivi potenzjalment magħqudin f'termini ta' politika barranija; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri biex f’dan il-kuntest jiskoraġġixxu l-protezzjoni tal-kompetizzjoni strateġika bejn il-blokki tas-setgħat li emerġew u dawk emerġenti, rispettivament; jargumenta li, sabiex jiġu promossi l-azzjoni kollettiva internazzjonali u r-riforma tal-governanza globali, l-UE għandha tinfluwenza medda vasta ta’ interazzjonijiet bilaterali, multilaterali u mhux statali, u ġġib flimkien koalizzjonijiet bejn il-pajjiżi li emerġew u dawk emerġenti;

10. Jemmen li l-UE trid tifformula l-pożizzjoni tagħha rigward relazzjoni iktar mill-qrib mal-BRICS, anke meta wieħed iqis li l-viżjoni tal-UE u dik tal-pajjiżi BRICS rigward impenji li jorbtu u reġimi istituzzjonalizzati jista’ jkun li mhux neċessarjament se tkun dejjem l-istess; jemmen ukoll li l-appoġġ mill-pajjiżi BRICS għal multilateraliżmu effettiv jista' jinkiseb bi skambju għal rappreżentanza iktar b'saħħitha f'istituzzjonijiet internazzjonali rilevanti; jinsisti li l-isfidi kkawżati mill-qawmien tal-BRICS għandhom jitqiesu bħala opportunità iktar milli problema;

11. Hu tal-fehma li r-relazzjonijiet mal-pajjiżi tal-BRICS għandhom ikunu mibnija fuq djalogi bilaterali li jiffukaw fuq id-demokratizzazzjoni, u t-trawwim iktar mifrux tagħha, u tat-tisħiħ tal-istat tad-dritt, governanza tajba, konverġenza regolatorja, koordinament ta’ pożizzjonijiet komuni f’fora internazzjonali u relazzjonijiet imsaħħa mal-UE;

12. Jenfasizza l-importanza tal-Brażil bħala setgħa ewlenija tal-proċess ta’ integrazzjoni reġjonali MERCOSUR; jilqa’ b’sodisfazzjon il-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt ta’ Sħubija Strateġika mġedda bejn l-UE u l-Brażil 2012-2014 u l-impenji reċiproċi li saru fl-oqsma tal-promozzjoni tad-demokrazija u r-riformi tas-sistema multilaterali tal-governanza; iħeġġeġ liż-żewġ naħat biex jonoraw l-impenji tagħhom u jikkontribwixxu għar-riforma tal-istruttura finanzjarja tad-dinja; ifakkar fl-offerta li għamel il-President Rousseff rigward l-appoġġ għall-UE biex tingħeleb il-kriżi tad-dejn sovran, u jirrikonoxxi l-interrelazzjoni ta’ bejniethom it-tnejn; jesprimi l-appoġġ tiegħu għal konklużjoni bilanċjata u ġusta tal-Aġenda ta’ Doha dwar l-Iżvilupp u l-Ftehima ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l- MERCOSUR, li se tkun l-aktar ftehima ta’ assoċjazzjoni importanti li qatt ġiet iffirmata mill-UE, li tinkludi 750 miljun persuna u b'valur kummerċjali ta' USD 125 biljun dollaru fis-sena; jieħu nota tat-talba tal-Brażil biex ikollu liberalizzazzjoni sħiħa tal-viża u jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tressaq proposta f’dan ir-rigward;

13. Jenfasizza r-rwol indispensabbli tas-sħubija strateġika bejn l-UE u r-Russja għaż-żamma tal-paċi u s-sigurtà fl-Ewropa, għat-tisħiħ tal-kummerċ u l-iżvilupp ekonomiku, għall-preservazzjoni tas-sigurtà tal-enerġija, u għall-indirizzar tal-isfidi transnazzjonali; iqis, li fuq terminu twil ta’ żmien, il-qawmien tas-setgħat Asjatiċi aktarx se jiffaċilita aktar l-allinjament tal-interessi u l-kooperazzjoni strateġika iktar mill-qrib bejn l-UE u r-Russja; jemmen li tali kooperazzjoni hija vitali għall-progress dwar kwistjonijiet ta’ importanza globali, bħall-proliferazzjoni nukleari, it-terroriżmu, it-tibdil fil-klima jew l-immigrazzjoni illegali;

14. Jenfasizza l-importanza u l-potenzjal tas-sħubija strateġika bejn l-UE u l-Indja; iqis li, fil-kriżi ekonomika globali attwali, kwistjonijiet bħall-kriżi soċjali, it-tibdil fil-klima, il-flussi ta’ immigrazzjoni u s-sigurtà globali għandhom jiġu indirizzati fi sħubija aktar komprensiva bejn l-Indja u l-UE; jinnota wkoll li n-negozjati li għadhom għaddejjin dwar ftehim ta’ kummerċ ħieles qegħdin isaħħu r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Indja: iqis, madankollu, li din ir-relazzjoni m’għandhiex tkun limitata għal kwistjonijiet kummerċjali; jilqa' l-ħolqien mill-ġdid ta' raggruppament kontraparti għad-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għar-relazzjonijiet mal-Indja, b'segwitu tal-esperjenza tal-Grupp ta' Ħbiberija bejn l-Indja u l-Ewropa, li kien jeżisti fil-Parlament Indjan qabel l-elezzjonijiet tal-2009;

15. Jenfasizza l-importanza taċ-Ċina bħala setgħa ekonomika kbira u jenfasizza r-rwol essenzjali tagħha fl-irkupru tal-ekonomija globali; ifakkar, f’dan ir-rigward, dwar il-ħtieġa li ċ-Ċina tissodisfa l-obbligi tagħha miftiehma mad-WTO, għaxar snin wara l-adeżjoni tagħha; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha u liċ-Ċina biex jindirizzaw sfidi u theddidiet komuni għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali, b'mod partikolari permezz ta' kooperazzjoni mtejba dwar soluzzjoni diplomatika għall-kriżi nukleari tal-Iran; iħeġġeġ liż-żewġ naħat biex jippromwovu kummerċ aktar ibbilanċjat bejniethom, l-aktar billi jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jiġu konklużi n-negozjati dwar ftehim ġdid għal sħubija u kooperazzjoni, sabiex dan il-qafas jissodisfa l-potenzjal tas-sħubija strateġika bejn l-UE u ċ-Ċina;

16. Jenfasizza n-natura strateġika tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika t’Isfel; jilqa’ b’sodisfazzjon ir-riżultat pożittiv tar-raba’ samit ta’ Settembru 2011 bejn l-UE u l-Afrika, b’mod partikolari l-konverġenza ta’ opinjonijiet dwar is-sitwazzjoni fil-Libja; iħeġġeġ lill-UE u lill-Afrika t’Isfel biex jikkonkludu, malajr kemm jista’ jkun, in-negozjati dwar Ftehim Ekonomiku u ta’ Sħubija ġdid; jargumenta li l-Afrika t’Isfel, meta wieħed iqis ir-rekord tagħha tat-tranżizzjoni għad-demokrazija, liema tranżizzjoni kienet ta’ suċċess u paċifika, u r-rwol tagħha bħala setgħa reġjonali, tista’ tkun forza kbira li tippromwovi d-demokrazija u l-governanza tajba, trawwem integrazzjoni ekonomika reġjonali, u tappoġġja rikonċiljazzjoni nazzjonali madwar l-Afrika kollha, u sieħeb ewlieni għall-UE f’dawn l-isforzi; jenfasizza l-importanza ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-UE u l-Afrika t’Isfel dwar it-tibdil fil-klima, l-iżvilupp sostenibbli u r-riformi ta’ istituzzjonijiet internazzjonali;

17. Jemmen li fid-dawl tar-rilevanza dejjem akbar tal-BRICS u ta’ setgħat emerġenti oħrajn u tas-sistema ta’ governanza globali multipolari li qed tissawwar, il-G20 hu l-forum adegwat għall-bini ta’ kunsens u għal proċess ta’ bini ta' kunsens, ta' teħid ta’ deċiżjonijiet inklussiv, ibbażat fuq sħubija u li jkun kapaċi jippromwovi l-konverġenza, inkluża l-konverġenza regolatorja; hu tal-fehma li minkejja r-rilevanza akbar tal-G-20, il-G-7 għad għandu rwol ewlieni bħala forum konsultattiv, ta’ koordinament u ta’ bini ta’ kunsens għas-setgħat stabbiliti bil-għan li jinħoloq djalogu mal-BRICS u ma’ setgħat emerġenti oħrajn, u dan qabel il-laqgħat tal-G-20; iqis li l-fatt li jeżisti l-G-8 għandu jintuża wkoll fit-tentattiv biex jerġgħu jiġu stabbiliti r-relazzjonijiet mar-Russja bl-għan li jiġu affrontati l-isfidi b’mod ikkoordinat u effikaċi; jappoġġja d-dimensjoni parlamentari tal-G-20 u jemmen li din għandha tissaħħaħ aktar u għandha tinkludi l-proċessi għat-teħid ta' deċiżjoni biex ikun żgurat djalogu u skrutinju demokratiku msaħħaħ; jappoġġja wkoll il-ħolqien ta’ forum konsultattiv parallel tal-G-20 li jgħaqqad organizzazzjonijiet mhux governattivi u rappreżentanti ewlenin tas-soċjetà ċivili u tan-negozju mill-Istati tal-G-20;

18. Jemmen li l-kriżi attwali tad-dejn sovran ser tirrappreżenta prova ewlenija għall-G-20 bħala forum effikaċi għal djalogu politiku strutturat li jkun kapaċi jippromwovi sistema ta' governanza ekonomika u finanzjarja realment globali li tirrifletti l-interdipendenza bejn l-ekonomiji żviluppati u dawk emerġenti, billi jinħolqu s-sisien għat-tneħħija ta' żbilanċi sistematiċi li jistgħu jkunu ta' ħsara partikolari kemm għall-ekonomiji żviluppati kif ukoll għall-ekonomiji emerġenti fuq perjodu twil ta' żmien, u l-promozzjoni tas-solidarjetà fil-fora finanzjarji internazzjonali bħall-Fond Monetarju Internazzjonali;

19. Jitlob lill-UE ttejjeb id-djalogu politiku u l-kooperazzjoni mal-BRICS biex tmexxi ’l quddiem ir-riforma tal-istituzzjonijiet ta’ governanza dinjija fis-settur finanzjarju u dak ekonomiku, jiġifieri l-istituzzjonijiet ta' Bretton Woods, bl-għan li tkun żgurata rappreżentanza wiesgħa tal-pajjiżi membri kollha filwaqt li jiġu riflessi l-bidliet fis-saħħa ekonomika;

20. Iqis li s-setgħat li emerġew għandhom jappoġġjaw organizzazzjonijiet reġjonali li jinkludu l-BRICS u l-pajjiżi emerġenti l-oħrajn, bħall-ASEAN jew il-Mercosur, inklużi l-proċessi ta’ bini istituzzjonali u ta’ bini tal-kapaċità tagħhom, u li għandhom jiżguraw preżenza diplomatika ta’ livell għoli fil-laqgħat ta’ organizzazzjonijiet bħal dawn;

21. Jinnota li minkejja r-rilevanza globali u reġjonali akbar taċ-Ċina, l-Indja u ta' pajjiżi emerġenti oħrajn fl-Asja, kemm l-Istati Uniti tal-Amerika kif ukoll l-UE jistgħu jċaqalqu b’mod progressiv l-attenzjoni primarja tagħhom, l-investiment politiku u r-riżorsi lejn il-Paċifiku u b’hekk iqisu d-dimensjoni tal-Atlantiku tat-Tramuntana u l-kooperazzjoni reċiproka bħala anqas importanti strateġikament; jinnota barra minn hekk, li l-Asja għandu jkollha rwol aktar importanti fuq l-aġenda barranija tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tal-UE; appella għal aktar koordinament bejn il-politiki tal-Istati Uniti u tal-UE fir-rigward taċ-Ċina u ta’ pajjiżi emerġenti oħrajn fl-Asja sabiex jiġu evitati diverġenzi ta' dawn il-politiki; jemmen bil-qawwa li hu biss bil-koordinament tal-isforzi tagħhom li l-Istati Uniti tal-Amerika u l-UE jistgħu jiksbu s-sinerġiji politiċi biex jidħlu għal djalogu effikaċi, pożittiv u kostruttiv mal-BRICS u ma' pajjiżi emerġenti oħrajn; hu tal-fehma, li mingħajr preġudizzju għall-G-7, samits regolari bejn l-UE u l-Istati Uniti għandhom joffru l-opportunità li jiġu identifikati objettivi komuni u strateġiji kkoordinati dwar kwistjonijiet ta' rilevanza globali, inkluż dwar governanza ekonomika, sabiex jintlaħaq ftehim dwar approċċ komuni rigward is-setgħat emerġenti; ifakkar li r-relazzjonijiet trans-Atlantiċi huma tal-akbar importanza kemm ekonomikament kif ukoll politikament u jenfasizza r-relazzjoni ekonomika b'saħħitha u reċiproka bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-UE; iqis li l-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku u d-Djalogu Trans-Atlantiku tal-Leġiżlaturi jistgħu wkoll joffru opportunità ta’ djalogu u evalwazzjoni u għaldaqstant għandhom jinkludu riflessjoni dwar impenn strateġiku mill-UE u l-Istati Uniti tal-BRICS u pajjiżi emerġenti oħrajn rilevanti u dwar kif titrawwem konverġenza regolatorja ma’ tali pajjiżi; ifakkar il-ħtieġa għall-ħolqien ta' Kunsill Politiku Trans-Atlantiku bħala korp ad hoc ta' konsultazzjoni u koordinament ta' livell għoli dwar il-politika barranija u ta' sigurtà bejn l-UE u l-Istati Uniti;

22. Jenfasizza li għal kwistjonijiet ta’ natura globali jew marbuta mal-governanza globali hija l-UE li, aktar mill-Istati Membri tagħha, li għandha tkun l-interlokutur tas-setgħat li emerġew, tal-BRICS u ta’ pajjiżi emerġenti oħrajn; jemmen li, bil-għan li tinkiseb pożizzjoni ta’ politika koerenti rigward il-BRICS u setgħat emerġenti oħrajn, tkun ta’ importanza fundamentali li l-Istati Membri janalizzaw ir-relazzjonijiet bilaterali tagħhom bi trasparenza massima u jżommu f’moħħhom l-impatt potenzjali ta’ tali relazzjonijiet dwar il-politiki u l-pożizzjoni tal-UE; jemmen li l-UE għandha tagħmel ħilitha biex tikseb aktar koeżjoni u tkabbir politiku u ekonomiku sabiex iżżomm l-influwenza politika u rwol ewlieni fis-sistema multipolari li qed tissawwar u biex tiġi meqjusa bħala kontraparti meħtieġa mill-BRICS u l-pajjiżi emerġenti l-ġodda, u siewja għalihom;

23. Jenfasizza l-importanza li l-koordinament globali tal-politika barranija tal-UE rigward il-BRICS u setgħat emerġenti oħrajn għandha tkun żgurata mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà/ Viċi President tal-Kummissjoni bi qbil mal-Artikoli 18(4) u 21(3) TUE; jemmen li l-UE għandha tistinka biex, b’koordinament mar-Rappreżentant Għoli, toħloq rabta aħjar bejn il-politika barranija u tas-sigurtà mal-politiki settorjali tal-UE, bħall-iżvilupp, is-sigurtà tal-enerġija, il-kummerċ, l-aċċess għall-materja prima u għall-elementi naturali rari, it-tibdil fil-klima u l-immigrazzjoni, bil-għan li jiġu vvalorizzati s-sinerġiji u li tkun żgurata politika barranija koerenti u sistematika li l-għan tagħha jkun ir-rispett universali tal-istat tad-dritt, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-governanza demokratika; iqis li l-kunċett ta’ “sħab strateġiċi” tal-UE għandu jitjieb aktar u għandu jiġi implimentat aħjar biex jirrifletti dawn l-objettivi fundamentali; jindika f’dan ir-rigward il-konklużjonijiet tal-COP 17 għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u jenfasizza l-ħtieġa kontinwa għal sforz koerenti u koordinat mal-BRICS biex jintlaħaq ftehim progressiv;

24. Hu tal-fehma li approċċ ta' politika barranija koerenti fil-livell tal-UE tfisser ukoll koordinament imsaħħaħ bejn il-President tal-Kunsill Ewropew, ir-Rappreżentant Għoli, il-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-aġendi tal-G-7, tal-G-8 u tal-G-20;

25. Jinnota li l-UE għandu jkollha l-kapaċità li taġġusta u tirriforma l-istrutturi ta’ governanza interna tagħha sabiex tiżgura proċess għat-teħid ta’ deċiżjoni li jirrifletti l-pluralità tagħha u li jiġġenera l-kunsens; jenfasizza l-importanza li approċċ ta’ politika barranija koerenti fil-livell tal-UE rigward il-BRICS u pajjiżi emerġenti oħrajn għandu jkun rifless fl-organizzazzjoni tas-SEAE; jemmen li s-SEAE għandha tirrevedi u ssaħħaħ is-sħubiji strateġiċi mal-pajjiżi individwali tal-BRICS, b'konsultazzjoni mill-qrib mal-Parlament, billi tisfrutta l-partikolaritajiet u l-potenzjal għal sinerġiji u kooperazzjoni mal-UE; iħeġġeġ lis-SEAE biex tfassal mekkaniżmi ta’ koordinament orizzontali u vertikali li jkunu jistgħu jgħinu l-politika barranija tal-UE tibbenefika minn sinerġiji istituzzjonali tal-UE u mid-densità u l-profondità tar-rabtiet bilaterali tal-Istati Membri mas-sħab strateġiċi, inklużi l-BRICS u s-setgħat emerġenti l-oħrajn; hu tal-fehma li fir-rigward tal-BRICS, flimkien mal-organizzazzjoni abbażi ta’ argumenti ġeografiċi u tematiċi, is-SEAE għandha toħloq mekkaniżmu ta’ koordinament ad hoc li jiżgura li kull politika individwali rigward il-BRICS tkun kompatibbli sistematikament u li l-linji ta’ politika adottati jiġu riflessi fid-djalogu tal-UE mas-setgħat li emerġew bħall-Istati Uniti tal-Amerika, il-Kanada u l-Ġappun; jemmen li d-delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi tal-BRICS u f’pajjiżi emerġenti rilevanti oħrajn, għandhom jaħdmu aktar id f’id sabiex jiżguraw monitoraġġ u analiżi kontinwa tar-relazzjonijiet bejn il-BRICS u dwar kwistjonijiet sensittivi rilevanti komuni, biex b’hekk jitwettaq approċċ aktar sistematiku; hu tal-fehma f'dan ir-rigward li d-Delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi tal-BRICS għandhom janalizzaw il-pożizzjonijiet tal-pajjiżi tal-BRICS dwar il-governanza u l-isfidi globali u dwar ir-relazzjonijiet ma' pajjiżi oħrajn tal-BRICS; jemmen li l-UE għandha tiffoka l-isforzi mġedda u r-riżorsi tagħha għat-tmexxija tal-proċess tar-riforma ta’ sistema ta’ governanza globali u tal-organizzazzjonijiet internazzjonali, sabiex tiżgura bini ta’ kunsens u proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet aktar inklussiv fil-livell globali, b’mod partikolari r-riforma tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU u l-multilateraliżmu finanzjarju globali;

26. Jemmen li l-“multilateraliżmu effettiv” u koordinament akbar fil-fora multilaterali biex jiġu indirizzati kwistjonijiet tal-governanza dinjija għandhom jibqgħu l-qalba ta' sħubija msaħħa mal-pajjiżi BRICS; jirrakkomanda b’mod partikolari, lill-UE tkompli bl-isforzi tagħha biex tinvolvi lil dawk il-pajjiżi f’dan ir-rigward;

27. Jemmen li l-Parlament għandu jipparteċipa fis-samits bilaterali bejn l-UE u s-sħab strateġiċi tagħha;

28. Jemmen li l-persunal tad-Delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi tal-BRICS għandu jinkludi uffiċjali ta’ kollegament tal-Parlament sabiex jippromwovu għarfien akbar tad-dimensjoni parlamentari nazzjonali f’kull wieħed minn dawn il-pajjiżi biex jippromwovu kooperazzjoni u djalogu aktar mill-qrib bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali fuq bażi bilaterali u biex jippromwovu responsabilità aktar demokratika rigward il-proċessi għat-teħid ta' deċiżjonijiet fil-fora internazzjonali bħall-G-8 u l-G-20; jemmen li flimkien mad-delegazzjonijiet eżistenti għar-relazzjonijiet mar-Russja, l-Indja, iċ-Ċina u l-Afrika t’Isfel rispettivament, għandha tiġi kkunsidrata wkoll delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Brażil;

29. Jemmen li bil-għan li jiġi żgurat skrutinju demokratiku effettiv tal-politika tal-UE rigward il-BRICS u pajjiżi emerġenti oħrajn u sabiex jiġi ffaċilitat djalogu interparlamentari msaħħaħ ma’ dawn il-pajjiżi, il-persunal rilevanti tal-Parlament għandu jiżviluppa kompetenza speċjalizzata u għalhekk għandu jkollu għodod analitiċi adegwati u kapaċità ta’ monitoraġġ u għandu jkun kapaċi li jassisti lill-Membri fil-promozzjoni ta’ djalogu effettiv; jemmen ukoll li sistema ta’ skambju ta’ persunal bejn il-Parlament u s-SEAE għandha tiġi stabbilita biex timmassimizza s-sinerġiji, id-djalogu u l-kooperazzjoni interistituzzjonali u biex tippromwovi l-iskambju tal-għarfien espert;

30. Jenfasizza li kwalunkwe profondiment tar-relazzjonijiet u tisħiħ tal-kooperazzjoni politika mal-BRICS fil-livell tal-gvern għandu jiġi kkumplimentat bi djalogu sostnut bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jistieden lid-delegazzjonijiet tas-SEAE u tal-UE biex dwar dan joħolqu qafas sabiex jiġu ffaċilitati u mtejba l-kuntatti bejn poplu u ieħor u l-iskambji kulturali u akkademiċi bbażati fuq programmi eżistenti u ad hoc bil-għan li jitjieb il-fehim reċiproku u jiġu żviluppati azzjonijiet u inizjattivi komuni;

31. Jinsisti fuq il-ħtieġa li jittejjeb id-djalogu politiku mal-pajjiżi BRICS dwar l-osservanza tad-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali; ifakkar f'dan ir-rigward li l-osservanza tal-istandards tax-xogħol ewlieni (CLS) u l-aġenda tal-ILO dwar xogħol deċenti huma essenzjali biex jintlaħqu l-MDGs, peress li permezz tal-fatt li jiggarantixxu stabilità soċjopolitika u jgħollu l-livell tal-ħiliet tal-forza ta' ħidma tal-pajjiż, dawn għandhom impatt pożittiv fuq l-ekonomija tiegħu;

32. Jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija dwar “Baġit għall-Ewropa 2020” li tfassal proposta għall-ħolqien ta’ strumenti u programmi finanzjarji skont il-Qafas Finanzjarju Multiannwali 2014-2020 li jmiss; jenfasizza li l-istrument ta’ sħubija l-ġdid immirat lejn l-appoġġ tal-interessi politiċi u ekonomiċi tal-UE fil-bqija tad-dinja u inklużi l-attivitajiet mhux eliġibbli għall-ODA, għandu jkun strument ta’ politika barranija; jemmen li dan l-istrument ta’ sħubija jista’ jgħin biex isaħħaħ rabtiet politiċi aktar qawwija u b’hekk rabtiet ekonomiċi aktar qawwija ma’ pajjiżi partikolari, u jilqa’ l-promozzjoni ta’ konverġenza regulatorja bħala wieħed mill-għanijiet tiegħu; jemmen ukoll li l-Istrument ta’ Sħubija għandu jinkludi linji ta’ finanzjament għad-diplomazija pubblika bil-għan li jissaħħu r-relazzjonijiet ta’ pajjiżi individwali mal-UE u li jitrawwem sens ta’ appoġġ, sħubija u lealtà; huwa tal-fehma, madankollu, li linji ta’ finanzjament addizzjonali li jappoġġjaw id-demokratizzazzjoni, it-tisħiħ tal-istat tad-dritt, edukazzjoni aħjar u t-tnaqqis ta’ differenzi soċjali għandhom ukoll ikunu previsti; jemmen li t-tfassil ta’ strumenti u programmi finanzjarji ġodda għandu jagħti rilevanza partikolari għal linji ta’ finanzjament ad hoc għall-appoġġ ta’ setgħat emerġenti u dawk potenzjalment emerġenti fit-tisħiħ tal-istrutturi demokratiċi u fl-iżvilupp ta’ governanza tajba u l-istat tad-dritt, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, sistemi edukattivi tajbin u inklużjoni soċjali progressiva; jilqa’ l-proposta mill-Kummissjoni għall-inklużjoni tal-prinċipju ta’ kundizzjonalità fil-programmi u l-istrumenti kollha tal-UE u jemmen li dan hu essenzjali biex jinkiseb appoġġ akbar għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u ta’ governanza tajba universalment;

33. Jistieden lill-pajjiżi BRICS jieħdu rwol fil-politika għall-iżvilupp internazzjonali li jkun jirrifletti aħjar is-sehem tagħhom fil-PDG globali;

34. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jappoġġaw inizjattivi ta’ kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tan-Nofsinhar u jieħdu sehem fi proġetti ta’ kooperazzjoni trijangolari li jkunu qed jipparteċipaw fihom il-BRICS;

35. Iqis li huwa mill-aktar importanti li tiġi mħeġġa aktar kooperazzjoni tal-UE mal-BRICS u l-ekonomiji emerġenti l-oħrajn fis-sistema tal-governanza globali u fl-organizzazzjonijiet internazzjonali; jemmen li l-UE u l-Istati Uniti għandhom jidħlu fi djalogu strateġiku mal-BRICS dwar l-għażliet ta’ riformi tal-organizzazzjonijiet internazzjonali; iqis li għandha tiżdied riflessjoni fil-livell tal-UE dwar kif jiġu mmassimizzati r-rwol, il-vuċi u s-setgħa tal-votazzjoni tal-UE f’fora internazzjonali u kif jinkiseb koordinament aktar razzjonalizzat fost l-Istati Membri tal-UE f’tali fora u b’hekk pożizzjoni aktar koeżiva bil-għan li jkun hemm djalogu, sħubija u kooperazzjoni pożittivi mal-BRICS;

36. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-President tal-Kummissjoni, lill-Viċi President/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/ Viċi President tal-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Presidenza Polakka tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, lill-Kummissjoni u lid-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti.

ĠUSTIFIKAZZJONI:

Il-BRICS (il-Brażil, ir-Russja, l-Indja, iċ-Ċina u l-Afrika t'Isfel) u ekonomiji emerġenti oħrajn jistgħu jiġbru flimkien rilevanza qawwija fix-xena globali f'termini ta' politika barranija, sakemm it-tkabbir ekonomiku tagħhom jibqa’ jissaħħaħ. F'perspettiva ekonomika globali, hu previst li seba' pajjiżi emerġenti (il-Brażil, ir-Russja, l-Indja, iċ-Ċina, l-Indoneżja, il-Messiku u t-Turkija) ser ikollhom ekonomiji akbar mill-pajjiżi tal-G-7 kollha flimkien (l-Istati Uniti tal-Amerika, il-Ġappun, il-Kanada, ir-Renju Unit, il-Ġermanja, Franza u l-Italja) fl-2050. F'termini ta' prodott domestiku gross, hu previst li ċ-Ċina sejra ssir l-ikbar ekonomija dinjija qabel l-2020 filwaqt li l-Indja tista' ssir l-akbar ekonomija li qed tikber fid-dinja qabel l-2050.

Hekk kif tixhed il-kriżi ekonomika attwali, jeżisti grad ta' interdipendenza qawwi bejn is-setgħat li emerġew u s-setgħat emerġenti u t-tisħiħ tat-tmexxija ekonomika ta' dawn tal-aħħar hi kkundizzjonata biċ-ċar fuq il-benesseri u t-tkabbir ta' dawk tal-ewwel. Dan joffri l-potenzjal li jmorru lil hinn mill-comitas u mill-kooperazzjoni f'termini ekonomiċi, u minflok dawn għandhom jippruvaw joħolqu pjattaforma komuni f'termini ta' politika barranija, sakemm titfassal sistema ta' governanza globali, li tkun inklussiva biżżejjed għall-BRICS u għas-setgħat emerġenti oħrajn u li tkun ibbażata fuq valuri komuni.

F'dan ir-rigward għandu jkun innutat li l-BRICS diġà urew ambizzjonijiet ċari f'termini ta' politika barranija: żammew laqgħat regolari sa mill-2009 u qegħdin ifittxu li jipparteċipaw flimkien fil-livell internazzjonali. B'mod partikolari, fi tmiem it-tielet laqgħa tal-mexxejja tal-BRICS fl-14 ta' April 2011, il-mexxejja tal-BRICS ħarġu stqarrija konġunta li titlob għal kooperazzjoni internazzjonali akbar u għat-tisħiħ tal-governanza globali, u li tesprimi appoġġ għad-diplomazija multilaterali man-Nazzjonijiet Uniti u mal-G20; Il-BRICS ukoll qegħdin ifittxu li jiksbu spinta akbar bil-koordinament tal-pożizzjoni tagħhom f'bosta okkażjonijiet: astjenew mill-votazzjoni dwar ir-Riżoluzzjoni tal-KSNU Nru. 1973 (2011) dwar il-Libja (f'dak iż-żmien l-Afrika t'Isfel kienet għadha ma saritx membru tal-BRICS), billi ddeferixxew il-votazzjoni dwar ir-rwol tal-UE fl-AĠNU u fittxew pożizzjonijiet li jikkoinċidu dwar il-votazzjoni fuq il-Côte d’Ivoire, is-Sudan u t-tqegħid ta' armamenti fl-ispazju. Għalhekk jidher li l-BRICS qegħdin jisfidaw is-sistema ta' governanza internazzjonali attwali; Madankollu, li kieku kellha titfassal sistema ta' governanza ġdida, dawn ikunu jistgħu jsiru sħab ta' valur għall-Punent, kif muri mir-riforma reċenti tal-Fond Monetarju Internazzjonali, bil-ħatra tad-Direttur Ġenerali l-ġdid u fid-diskussjonijiet kontinwi dwar il-ġestjoni tal-kriżi ekonomika fl-Ewropa.

L-UE għandha tagħti kunsiderazzjoni ċara tar-rilevanza l-ġdida, f'termini politiċi u ekonomiċi tal-BRICS u tas-setgħat emerġenti oħrajn u għandha tuża s-saħħa politika tagħha biex tkompli tippromwovi valuri universali fis-sistema multipolari ta' governanza globali imminenti u tista' tkun fuq quddiem nett tal-proċess ta' riforma tas-sistema ta' governanza internazzjonali. Madankollu, biex tagħmel dan, l-UE teħtieġ li taġixxi bħala entità politika u ekonomika unika u b'saħħitha. Dan hu aktar ta' ħtieġa meta jitqies li l-isfidi transnazzjonali - bħat-tibdil fil-klima, kwistjonijiet regolatorji globali, l-aċċess għall-materja prima u għall-elementi naturali rari, it-terroriżmu, l-iżvilupp sostenibbli, l-istabilità u s-sigurtà politika globali – jeħtieġu approċċ inklussiv ibbażat fuq ir-regoli u fuq valuri komuni, kunsens, konsultazzjoni u kooperazzjoni mill-qrib mas-setgħat emerġenti l-ġodda, jekk dawn ikunu tassew komuni, biex jinstabu soluzzjonijiet effettivi għall-isfidi transnazzjonali. L-UE tista' u għandha tieħu l-inizjattiva f'dan ir-rigward, b'kull mezz possibbli, u għandha twettaq rwol ewlieni.

L-għan ta' dan ir-rapport hu li tiddiskuti l-pedament ta' sistema ta' governanza globali, ġdida u inklussiva u għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet, filwaqt li jidentifika oqsma ta' riforma ewlenin, fejn l-UE tista' tfittex li tallinja l-azzjoni u l-istruttura istituzzjonali tagħha biex b'hekk iżżid il-potenzjal u l-effikaċja tagħha bħala attur globali.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (7.12.2011)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar il-politika barranija tal-UE rigward il-BRICS u setgħat emerġenti oħra: objettivi u strateġiji
(2011/2111(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Birgit Schnieber-Jastram

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi, bl-eċċezzjoni tar-Russja, il-pajjiżi kollha tal-BRICS huma, skont il-klassifikazzjoni tal-OECD/DAC, pajjiżi li qed jiżviluppaw;

B.  billi, minkejja li reċentement kien hemm tkabbir ekonomiku spettakolari f'bosta mill-pajjiżi BRICS, dawn l-istess pajjiżi huma wkoll dawk bl-akbar konċentrazzjoni individwali ta' faqar fid-dinja, skont il-Bank Dinji (pereżempju fiċ-Ċina, 207 miljun persuna tgħix b'anqas minn 1.25 dollaru Amerikan kuljum, waqt li fl-Indja 41.6% tal-popolazzjoni tagħmel hekk); billi dan juri li fil-maġġoranza assoluta tal-każijiet, mingħajr tkabbir favur il-fqar u l-ħolqien ta' miżuri ta' sigurtà, tkabbir ekonomiku mgħaġġel jista' jimplika żieda fl-inugwaljanzi;

1.  Jirrimarka li l-pajjiżi BRICS huma wisq differenti biex l-UE timplimenta qafas wieħed ta' politika fil-konfront tagħhom u jħeġġeġ sabiex tiġi stabbilita forma ġdida u divrenzjata ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp; madankollu jissuġġerixxi li filwaqt li l-UE għandha tipprova ssib xejriet koerenti u oqsma ta' interess għall-BRICS (kooperazzjoni u assistenza teknika, allinjament tar-rekwiżiti leġiżlattivi, eċċ.) li jistgħu jippermettu lill-UE tistabbilixxi lilha nfisha bħala sieħeb primarju tal-BRICS u timmassimizza l-vantaġġi komparattivi tagħha, bħal leġiżlazzjoni ambjentali avvanzata, esperjenza fil-kooperazzjoni reġjonali u kompetenza esperta fit-twaqqif ta’ sistemi biex inaqqsu l-inugwaljanzi soċjali (pereżempju sistemi fiskali u ta' protezzjoni soċjali effikaċi), l-UE għandha tistinka biex tinvolvi aktar il-pajjiżi BRICS fi sfondi multilaterali biex jiġu indirizzati kwistjonijiet globali, bħal fil-każ tat-tibdil fil-klima, l-iżvilupp sostenibbli (fil-kuntest ta' Rio + 20), il-ġlieda kontra l-faqar, eċċ u billi tieħu rwol responsabbli f'taħdidiet dwar it-tibdil fil-klima;

2.  Hu konxju tal-fatt li l-BRICS hu grupp ekonomiku aktar b’saħħtu u huwa aktar adattat biex jindirizza kwistjonijiet politiċi u ekonomiċi globali, filwaqt li l-grupp IBSA (l-Indja, il-Brażil u l-Afrika ta’ Isfel) diġà għandu l-mekkaniżmi biex jitratta l-kwistjonijiet soċjoekonomiċi u ta' żvilupp;

3.  Bl-istess mod, jitlob lill-UE ttejjeb id-djalogu politiku u l-kooperazzjoni mal-BRICS biex tmexxi ’l quddiem ir-riforma tal-istituzzjonijiet ta’ governanza dinjija fis-settur finanzjarju u dak ekonomiku, jiġifieri l-istituzzjonijiet ta' Bretton Woods, bl-għan li tkun żgurata rappreżentanza wiesgħa tal-pajjiżi membri kollha filwaqt li jiġu riflessi l-bidliet fis-saħħa ekonomika;

4.  Jemmen li l-UE trid tifformula l-pożizzjoni tagħha rigward relazzjoni iktar mill-qrib mal-BRICS, anke meta wieħed iqis li l-viżjoni tal-UE u dik tal-pajjiżi BRICS rigward impenji li jorbtu u reġimi istituzzjonalizzati jista’ jkun li mhux neċessarjament se tkun dejjem l-istess; jemmen ukoll li l-appoġġ mill-pajjiżi BRICS għal multilateraliżmu effettiv jista' jinkiseb bi skambju għal rappreżentanza iktar b'saħħitha f'istituzzjonijiet internazzjonali relevanti; jinsisti li l-isfidi kkawżati mill-qawmien tal-BRICS għandhom jitqiesu opportunità iktar milli problema;

5.  Jitlob lill-UE tħaddan l-istandards ta’ responsabilità soċjali korporattiva anke meta qed tħabbat wiċċha ma’ kompetizzjoni dejjem tiżdied għar-riżorsi biex tiżgura ċ-ċertezza legali u sħubiji sostenibbli fit-tul;

6.  Jemmen li l-“multilateraliżmu effettiv” u koordinament akbar fil-fora multilaterali biex jiġu indirizzati kwistjonijiet tal-governanza dinjija għandhom jibqgħu il-qalba ta' sħubija msaħħa mal-pajjiżi BRICS; b’mod partikolari, jirrakkomanda lill-UE tkompli bl-isforzi tagħha li tinvolvi lil dawk il-pajjiżi f’dan ir-rigward;

7.  Jilqa’ l-inizjattivi fil-kuntest tal-tieni Pjan ta’ Azzjoni 2011-2013 tal-Istrateġija Konġunta UE-Afrika li jipprovdu taħriġ dwar l-aħjar prattiki fin-negozjar ta’ kuntratti dwar minerali u fit-trawwim tal-kooperazzjoni xjentifika fis-settur tal-minjieri peress li inizjattivi bħal EITI se jkollhom biss effett fit-tul u xi pajjiżi BRICS għadhom ma ddeċidewx li jipparteċipaw fihom;

8.  Jenfasizza li l-vantaġġi ta' sottoskrizzjoni mal-prinċipji tal-effikaċja tal-għajnuna huma wkoll relevanti għal donaturi emerġenti u jenfasizza li d-djalogi fil-kuntest ta' appoġġ baġitarju u l-bini ta' kapaċità fil-pajjiżi Afrikani ppruvaw li huma produttivi fir-rigward tad-diskussjonijiet intensifikati mal-BRICS;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi oqsma ta' kooperazzjoni speċifiċi mal-BRICS fil-qasam tal-politika ta' żvilupp, pereżempju l-kooperazzjoni fil-qasam tas-saħħa (inkluż l-aċċess għas-servizzi bażiċi u l-infrastruttura tal-kura tas-saħħa), il-ġlieda kontra l-faqar, il-ġlieda kontra l-AIDS, differenzi bejn iż-żoni urbani u rurali u l-korruzzjoni - żoni li huma mhux biss importanti fiċ-Ċina u pajjiżi oħra tal-BRICS innifishom iżda jirrappreżentaw ukoll enfasi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tagħhom - kooperazzjoni fil-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima, u kooperazzjoni mal-pajjiżi BRICS fl-iżvilupp agrikolu;

10. Jinsisti fuq il-ħtieġa li jittejjeb id-djalogu politiku mal-pajjiżi BRICS dwar l-osservanza tad-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali; ifakkar f’dan ir-rigward li l-osservanza tal-istandards prinċipali tax-xogħol (core labour standards - CLS) u l-aġenda tal-ILO dwar xogħol deċenti huma essenzjali biex jintlaħqu l-MDGs, peress li permezz tal-fatt li jiggarantixxu stabilità soċjopolitika u jgħollu l-livell tal-ħiliet tal-forza ta' ħidma tal-pajjiż, dawn għandhom impatt pożittiv fuq l-ekonomija tiegħu;

11. Jinnota li l-BRICS saru atturi importanti fil-qasam tal-assistenza esterna, xi drabi billi jqajmu dubji dwar is-sostenibilità tal-proġetti ffinanzjati; jitlob lill-UE timpenja ruħha sabiex il-BRICS japprovaw il-Prinċipji tal-Ekwatur (Equator Principles), li huma għadd ta’ standards volontarji għad-determinazzjoni, il-valutazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji soċjali u ambjentali fil-qasam tal-finanzjament ta' proġetti;

12. Jenfasizza l-potenzjal tal-politika ta' riċerka għal titjib fir-relazzjonijiet bejn il-BRICS u l-UE b'mod ġenerali u b'mod partikolari għall-politika tal-iżvilupp; jappella, għaldaqstant, lill-Kummisjoni biex tappoġġja l-iżvilupp ta' kapaċità fix-xjenza fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw permezz ta' investiment ikbar fl-infrastruttura tar-riċerka, jew taħt il-programmi qafas jew permezz tal-istrument ta' finanzjament għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp (DCI), pereżempju fi proġetti tar-radjuastronomija fl-Afrika li fihom jipparteċipaw kemm il-pajjiżi tal-BRICS kif ukoll l-UE;

13. Jindika li żieda fit-trasparenza tal-flussi finanzjarji, l-iżgurar ta’ proċeduri ta’ offerti kompetittivi fil-proġetti, u l-valutazzjoni sħiħa tal-impatt makroekomoniku tal-finanzjament fil-qasam tal-politiki ta' żvilupp huma fl-interess ta’ pajjiżi bi dħul baxx, il-BRICS u l-UE;

14. Jipproponi li l-enfasi tal-UE fuq 'l-effettività tal-għajnuna' għandha tiġi kkumplimentata b’fokus fuq 'l-effettività tal-iżvilupp' (jiġifieri l-livell ta' produzzjoni u r-riżultati tal-politika u l-għajnuna għall-iżvilupp), li hija l-kunċett preferut ta' donaturi emerġenti; huwa tal-fehma li l-kunċett ta' 'effettività tal-iżvilupp' jaf għaldaqstant jipprovdi mhux biss opportunità għal djalogu iktar sustanzjali bejn il-BRICS u l-UE iżda wkoll ċans biex fl-UE nnifisha jissaħħaħ il-kunċett tal-koerenza tal-politika għall-iżvilupp stabbilit fl-Artikolu 208 TFUE;

15. Jistieden lill-pajjiżi BRICS jieħdu rwol fil-politika għall-iżvilupp internazzjonali li jkun proporzjonali għas-sehem tagħhom fil-PDG globali;

16. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jappoġġaw inizjattivi ta’ kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tan-Nofsinhar u jieħdu sehem fi proġetti ta’ kooperazzjoni trijangolari li jkunu qed jipparteċipaw fihom il-BRICS;

17. Jiġbed l-attenzjoni li minħabba li l-BRICS mhux membri tal-OECD, mhumiex marbutin li josservaw il-kriterji tal-OECD għal għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) u lanqas il-linji gwida tal-OECD dwar finanzjament ta' krediti għall-esportazzjoni li jillimitaw l-għajnuna marbuta, jirregolaw il-prattiki tal-kreditu, jirrikjedu skambju ta' informazzjoni, u jimponu standards soċjali, ambjentali u governattivi għal attivitajiet ta' finanzjament;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

5.12.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Véronique De Keyser, Leonidas Donskis, Charles Goerens, Catherine Grèze, Eva Joly, Filip Kaczmarek, Miguel Angel Martínez Martínez, Norbert Neuser, Maurice Ponga, Michèle Striffler, Alf Svensson, Anna Záborská, Iva Zanicchi, Gabriele Zimmer

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Fiona Hall, Eduard Kukan, Krzysztof Lisek, Linda McAvan, Judith Sargentini

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Vittorio Prodi

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

20.12.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

49

2

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Pino Arlacchi, Bastiaan Belder, Frieda Brepoels, Elmar Brok, Tarja Cronberg, Arnaud Danjean, Mário David, Michael Gahler, Ana Gomes, Andrzej Grzyb, Takis Hadjigeorgiou, Richard Howitt, Anneli Jäätteenmäki, Ioannis Kasoulides, Tunne Kelam, Nicole Kiil-Nielsen, Maria Eleni Koppa, Andrey Kovatchev, Wolfgang Kreissl-Dörfler, Vytautas Landsbergis, Ryszard Antoni Legutko, Krzysztof Lisek, Sabine Lösing, Ulrike Lunacek, Mario Mauro, Kyriakos Mavronikolas, Francisco José Millán Mon, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Norica Nicolai, Kristiina Ojuland, Alojz Peterle, Hans-Gert Pöttering, Cristian Dan Preda, Tokia Saïfi, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Jacek Saryusz-Wolski, György Schöpflin, Werner Schulz, Marek Siwiec, Charles Tannock, Inese Vaidere, Geoffrey Van Orden, Kristian Vigenin, Sir Graham Watson

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Elena Băsescu, Tanja Fajon, Kinga Gál, Othmar Karas, Monica Luisa Macovei, Norbert Neuser, Judith Sargentini, Marietje Schaake, Traian Ungureanu

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Eider Gardiazábal Rubial, Siiri Oviir