RAPPORT dwar il-kontribut għall-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir għall-2012

26.1.2012 - (2011/2319(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Jean-Paul Gauzès


Proċedura : 2011/2319(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0018/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kontribut għall-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir għall-2012

(2011/2319(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-23 ta' Novembru 2011 dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2012 (COM(2011)0815),

–   wara li kkunsidra l-pakkett leġiżlattiv dwar il-governanza ekonomika adottat fis-16 ta’ Novembru 2011, u b’mod partikolari r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi[1],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar it-Tabella għas-sorveljanza tal-iżbilanċi makroekonomiċi: id-disinn inizjali previst[2],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Diċembru 2011 dwar is-Semestru Ewropew għall-Koordinament tal-Politika Ekonomika[3],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2011 dwar il-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali: rakkomandazzjonijiet rigward il-miżuri u l-inizjattivi li għandhom jittieħdu[4],

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-9 ta' Diċembru 2011,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7‑0018/2012),

A. billi l-evidenza statistika l-aktar reċenti tenfasizza ż-żieda fl-inugwaljanzi u fil-qgħad fl-Unjoni Ewropea,

B.  billi l-maġġoranza tal-Istati Membri tilfu l-fokus tal-għanijiet prinċipali tal-objettivi tal-istrateġija UE 2020;

L-isfidi ekonomiċi u l-politiki makroekonomiċi ewlenin

1.  Jilqa' l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (AGS) 2012, kif preżentat mill-Kummissjoni bħala bażi soda għas-Semestru Ewropew ta' din is-sena; jenfasizza li s-soluzzjonijiet li huma mmirati speċifikament għall-kriżi tad-dejn sovran u dik finanzjarja, u li fuqhom qed jaħdmu ta' kuljum l-istituzzjonijiet kollha, għandhom jimxu id f'id ma' fokus ewlieni fuq il-miżuri - fuq żmien medju u fit-tul - li jsaħħu t-tkabbir, kif ukoll ma' reviżjoni tal-qafas ekonomiku ġenerali, sabiex jittejbu s-sostenibbiltà u l-kompetittività tal-Ekonomija Ewropea, u jiġi żgurat is-suċċess dejjiemi tagħha;

2.  Iqis, madankollu, li l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ma jissodisfax il-bżonn li terġa' titrabba l-fiduċja fid-djar u fl-impriżi Ewropej, kif ukoll fis-swieq finanzjarji, peress li l-Istħarriġ ma jarax il-bżonn li tittieħed azzjoni urġenti li tappoġġja l-attività u l-impjiegi fiż-żmien qasir, għal investiment fl-objettivi tal-istrateġija UE 2020;

3.  Ifakkar li l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2011 u għadd ta' inizjattivi oħra, li jeħtieġ li jiġu implimentati permezz ta' leġiżlazzjoni nazzjonali u Ewropea, diġà kien fihom ħafna mill-elementi meħtieġa biex terġa' titrabba l-fiduċja, tiżdied il-kompetittività, u jiġi promoss it-tkabbir intelliġenti u sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi;

4.  Ifakkar fit-talbiet li huwa indirizza lill-Kunsill u lill-Kummissjoni fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Diċembru 2011 dwar is-Semestru Ewropew għall-Koordinament tal-Politiki Ekonomiċi u jitlob tweġiba pubblika għall-elementi f'dik ir-riżoluzzjoni;

5.  Jiddeplora n-nuqqas ta' implimentazzjoni, jew l-implimentazzjoni mhux uniformi, ta' linji gwida miftiehma fil-livell tal-UE, filwaqt li jitqies il-marġni ta' diskrezzjoni meħtieġ li l-Istati Membri jgawdu minnu biex iħaddmu l-politiki tagħhom, li qed iżommu li l-linji gwida miftiehma jagħtu l-potenzjal sħiħ tagħhom biex jinkisbu l-għanijiet tal-UE 2020; jilqa' l-fatt li din is-sena l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir jagħmel enfasi fuq il-ħtieġa ta' implimentazzjoni kif ukoll fuq azzjonijiet li jsaħħu t-tkabbir; jenfasizza l-fatt li l-leġittimità demokratika u s-sjieda fil-livell nazzjonali tat-tibdiliet deċiżi f'termini ta' governanza ekonomika fil-ġejjieni jeħtieġ li jitkabbru b'mod sostanzjali;

6.  Jaqbel li l-AGS u l-pożizzjonijiet uffiċjali meħuda mill-Parlament Ewropew u minn istituzzjonijiet Ewropej oħra f'dan ir-rigward jiffissaw il-prijoritajiet għall-azzjoni fil-livell nazzjonali u tal-UE għat-tnax il-xahar li jmiss, inkluż sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija UE 2020, li jridu jiġu integrati fid-deċiżjonijiet ekonomiċi u baġitarji nazzjonali, b'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-UE speċifiċi għal kull pajjiż;

7.   Jaqbel mal-analiżi tal-Kummissjoni li l-isforzi fil-livell nazzjonali u tal-UE għandhom jikkonċentraw fuq il-ħames prijoritajiet li ġejjin:

–  issir ħidma fuq il-konsolidazzjoni fiskali differenzjata li tgħin fit-tkabbir filwaqt li jkunu żgurati r-rilanċ ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi;

–  l-iżgurar tal-finanzjament fuq żmien fit-tul tal-ekonomija reali;

–  jiġi promoss it-tkabbir sostenibbli permezz ta' aktar kompetittività u investimenti;

–  jiġu indirizzati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi;

–  jiġu mmodernizzati l-amministrazzjoni pubblika tal-UE u s-servizzi ta' interess ġenerali;

8.  Jilqa' l-evalwazzjoni tal-progress tal-inizjattivi ewlenin tal-istrateġija UE 2020, iżda jenfasizza li l-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u l-faqar għandha tibqa' prijorità ewlenija ta' kull politika;

9.  Jemmen li l-aċċess għas-servizzi bażiċi bankarji jibqa' fattur ewlieni fl-inklużjoni soċjali u għalhekk jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tieħu azzjoni aktar kuraġġuża biex tiggarantixxi dan l-aċċess;

Issir ħidma fuq il-konsolidazzjoni fiskali differenzjata li tgħin fit-tkabbir filwaqt li jkunu żgurati r-rilanċ ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi;

10. Jagħraf l-interdipendenza u għalhekk ir-riperkussjonijiet bejn l-ekonomiji u l-politiki fiskali tal-Istati Membri; jenfasizza li l-prospetti ta' tkabbir tal-Istati Membri kollha, kemm dawk attwalment fiż-żona tal-Euro kif ukoll dawk barra, huma dipendenti ħafna minn kemm tiġi indirizzata b'determinazzjoni l-kriżi tad-dejn sovran u fuq kemm il-politiki ekonomiċi kkoordinati jiżguraw li jkun hemm fokus aħjar fuq l-investiment għat-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu l-passi adegwati biex jikkoreġu d-defiċits eċċessivi tagħhom sal-iskadenzi stipulati mill-Kunsill u jnaqqsu d-dejn sovran tagħhom għal livell sostenibbli;

11. Jieħu nota tal-proposti leġiżlattivi l-ġodda dwar il-governanza ekonomika; jemmen li dawn il-proposti għandhom joffru l-opportunità tat-tisħiħ tar-rwol tal-Parlament Ewropew rigward id-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-proċeuri ta' sorveljanza tal-politika ekonomika fi ħdan il-qafas tas-Semestru Ewropew f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 121 u 136 tat-Trattat;

12. Ifakkar li fil-kuntest attwali fejn diversi Stati Membri huma konfrontati b'għażliet stretti u diffiċli rigward l-allokazzjoni tar-riżorsi pubbliċi, huwa urġenti li tiġi żgurata l-konsistenza tal-istrumenti politiċi ekonomiċi differenti u b'mod partikolari ta' politiki li jwasslu għar-rispett tal-objettivi tal-istrateġija UE 2020 u tal-għanijiet prinċipali fuq bazi ugwali;

13. Ifakkar, f'din il-perspettiva, fil-ħtieġa li jiġu identifikati, ivvalutati u indirizzati r-riperkussjonijiet tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri, kif ukoll li jsiru valutazzjonijiet dwar l-impatt soċjali tal-istrumenti tal-politika ekonomika inklużi fil-qafas tas-Semestru tal-UE;

14. Jenfasizza l-fatt li l-Istati Membri għandhom iħaddmu strateġiji differenzjati skont il-qagħda baġitarja tagħhom u jinsisti li l-Istati Membri għandhom iżommu ż-żieda tan-nefqa pubblika taħt ir-rata tat-tkabbir tal-PDG fuq żmien medju sakemm nefqa akbar ma tiġix kumplimentata b'miżuri tad-dħul diskrezzjonali addizzjonali; jistieden lill-Istati Membri biex, fir-rigward tal-aspetti ta' nfiq u dħul fil-baġit, jagħtu prijorità lil politika li jiffavorixxu t-tkabbir, bħal l-edukazzjoni, ir-riċerka, l-innovazzjoni, l-infrastruttura u l-enerġija, u sabiex jiżguraw li dawn l-infiq u d-dħul ikunu effiċjenti; jappella għal riforma effiċjenti, soċjalment ġusta u sostenibbli:

– tas-sistemi tal-pensjoni u tas-sigurtà soċjali,

– ta' politiki dwar taxxa li jiffavorixxu t-tkabbir fl-Istati Membri, ta' koordinazzjoni fiskali mtejba u, fejn ikun il-każ, armonizzazzjoni fl-UE; jinkuraġġixxi lill-Istati Membri biex, kif miftihem, itejbu l-oqfsa fiskali domestiċi tagħhom bil-għan li jippromwovu politiki fiskali effiċjenti u sostenibbli[5]; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-koordinament ta' miżuri kontra l-evażjoni fiskali;

L-iżgurar tal-finanzjament fuq żmien fit-tul tal-ekonomija reali;

15. Jilqa' l-fatt li tinsab għaddejja reviżjoni maġġuri tar-regolamentazzjoni u tas-superviżjoni tas-settur finanzjarju; jemmen li jinħtieġu miżuri aktar diliġenti u ambizzjużi sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistema finanzjarja tal-UE; jenfasizza li dan isaħħaħ il-kompetittività tal-Unjoni Ewropea; jenfasizza li dan għandu jsir b'mod li jiskoraġġixxi l-arbitraġġ regolatorju u li ma jinkoraġġix il-ħarba tal-kapital jew ir-rilokazzjoni tal-attività finanzjarja mill-UE;

16. Jenfasizza l-fatt li biex terġa' tinkiseb il-fiduċja tal-investituri jeħtieġ li jkun hemm tisħiħ tas-sitwazzjoni tal-kapital tal-banek u tal-miżuri maħsuba biex isostnu l-aċċess tagħhom għall-finanzjament, b'mod li kemm jista' jkun jitnaqqsu s-sistemi ta' rimunerazzjoni għal żmien qasir u l-mudelli ta' negozju mhux adegwati; jemmen li hemm bżonn ta' riforma ulterjuri fir-regolamentazzjoni u s-superviżjoni tas-settur finanzjarju sabiex jiġu riflessi r-riskji akbar fis-swieq tad-djun sovrani u privati, li tinkludi t-tisħiħ tas-sitwazzjoni tal-kapital tal-banek sistemiċi, għalkemm din m'għandhiex iddgħajjef il-pożizzjoni kompetittiva tal-istituzzjonijiet finanzjarji mhux sistemiċi; jenfasizza li, wara li jkunu ġew kapitalizzati kif suppost, il-banek m'għandhomx jirrestrinġu bla bżonn it-tislif lill-ekonomija reali, u għalhekk l-azzjonijiet regolatorji għandhom iqiegħdu l-bażi għaż-żieda fil-kapaċità tagħhom li jisilfu; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li s-sistema Ewropea tas-sorveljanza finanzjarja żżomm s-self mill-banek, b'mod partikolari minn dawk l-istituzzjonijiet li bbenefikaw mill-għajnuna mill-Istat relatata mal-kriżi u mill-appoġġ tal-linji tal-likwidità tal-BĊE; jistenna li l-Kummissjoni tressaq il-proposti tagħha dwar il-ġestjoni tal-kriżi tal-banek qabel is-sajf tal-2012; jiddeplora s-soċjalizzazzjoni tat-telf privat b'injezzjonijiet tal-likwidità fis-settur bankarju u l-imġiba spekulattiva tal-aġenziji tal-kreditu u taċ-ċentri finanzjarji internazzjonali;

17. Jappoġġja l-ħolqien ta' bonds ta' proġetti mfassla biex jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-proġetti tal-infrastruttura ewlenin sabiex jippromwovu t-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi;

18. Jenfasizza r-rwol ewlieni tal-grupp BEI fl-appoġġ tal-ekonomija reali u tal-SMEs b'mod partikulari, u biex jiżgura l-investimenti fil-proġett infrastrutturali għal żmien twil skont l-istrateġija UE 2020; jemmen li l-UE għandha tuża r-riżorsi eżistenti u toħloq strumenti innovattivi tal-finanzjament għal dawk l-Istati Membri bi spazju limitat għal stimolu finanzjarju;

Il-promozzjoni tat-tkabbir sostenibbli permezz ta' aktar kompetittività u investimenti

19. Jinsab imħasseb dwar l-iżbilanċi makroekonomiċi fi ħdan l-UE u l-fatt li ħafna Stati Membri, l-aktar dawk taħt pressjoni mis-suq, qed jaqgħu lura f'termini ta' produttività; jinsisti dwar ir-rwol tat-koordinament imsaħħaħ tal-politiki ekonomiċi u tar-riformi strutturali biex jiġu indirizzati dawn il-problemi kemm f'pajjiżi b'defiċit kif ukoll f'pajjiżi b'surplus; jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-biċċa l-kbira tat-tkabbir globali fis-snin li ġejjin huwa mistenni li jiġi minn barra l-UE, u dan se jkun jeħtieġ tisħiħ tal-kapaċità ta' esportazzjoni tal-Istati Membri, kif ukoll il-provvista ta' qafas stabbli għall-investiment dirett barrani li joħloq valur destinat għall-ekonomija reali tal-UE;

Jiġu indirizzati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi (kompetenza tal-Kumitat EMPL)

20. Jemmen li l-ispariġġ strutturali bejn il-provvista u d-domanda għax-xogħol se jfixkel l-irkupru u t-tkabbir fuq żmien fit-tul u għaldaqstant jappella biex jitwettqu riformi strutturali fis-suq tax-xogħol, filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà u tiġi żgurata l-koeżjoni soċjali; jiġbed l-attenzjoni għar-rwol u r-responsabilitajiet tas-sħab soċjali fid-disinn u l-implimentazzjoni tar-riformi strutturali;

Il-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika tal-UE u tas-servizzi ta' interess ġenerali

21. Ifakkar li l-kwalità tal-amministrazzjoni pubblika fil-livell tal-UE u dawk nazzjonali, reġjonali u lokali hija element determinanti tal-kompetittività, u fattur importanti fil-produttività; jinnota li r-riformi fis-settur pubbliku huma parti essenzjali mill-proċess biex terġa' tinkiseb il-kompetittività; iqis li l-kwalità għolja tal-ħtiġijiet amministrattivi teħtieġ riżorsi baġitarji u riformi xierqa, filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fil-protokoll Nru 26 dwar is-Servizzi ta' Interess Ġenerali;

22. Jieħu nota tal-Qafas tal-Kwalità dwar is-Servizzi ta' Interess Ġenerali tat-tisħiħ taċ-ċarezza u ċ-ċertezza ġuridiċi dwar kif ir-regoli tal-UE japplikaw għal servizzi ta' interess ġenerali (SGI), jiżgura l-aċċess għal servizzi essenzjali u jippromwovi l-kwalità;

23. Jiddispjaċih għall-pass bil-mod li mexjin bih ċerti Stati Membri fl-implimentazzjoni tagħhom tal-leġiżlazzjoni tal-UE, u jħeġġiġhom jaslu għar-riżultati miftiehma fir-rigward tal-kwalità tal-istatistika; huwa konvint bis-sħiħ li d-disponibbiltà ta' data affidabbli, eżatta u aġġornata tipprovdi element prinċipali tal-proċess politiku tat-teħid tad-deċiżjonijiet; jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex ittejjeb l-affidabilità tad-data provduta mill-Istati Membri għall-Kummissjoni (Eurostat); jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw id-Direttiva tal-Kunsill li ġiet adottata reċentement dwar ir-Rekwiżiti għall-Qafas Baġitarju tal-Istati Membri mill-aktar fis possibbli;

24. Jappella għal aktar effiċjenza fl-għoti tas-servizzi pubbliċi kif ukoll għal żieda fit-trasparenza u fil-kwalità tal-amministrazzjoni pubblika u tal-ġudikatura, u jħeġġeġ ukoll sabiex il-piż amminsitrattiv u l-burokrazija mhux meħtieġa jitnaqqsu; jenfasizza l-importanza tas-sorveljanza u tal-valutazzjonii tal-prestazzjoni tas-servizz pubbliku f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

25. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni, peress li l-AGS tkopri ħafna aktar minn elementi ekonomiċi biss, tiżviluppa programmi għal setturi politiċi speċifiċi, bħad-difiża, fejn il-ġestjoni konġunta jew is-sjieda konġunta bejn diversi Stati Membri tista' tipprovdi ekonomiji ta' skala, li jistgħu jagħtu valur miżjud u ffrankar finanzjarju lill-Istati Membri involuti;

26. Jenfasizza, fil-kuntest ekonomiku attwali, ir-rwol aktar kruċjali li għandhom programmi b'fondi tal-UE u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tipproponi proposta għall-finanzjament ta' azzjonijiet tal-istrateġija UE 2020 permezz tat-trasferiment ta' approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet li ma ntużawx;

Qafas proċedurali

27. Jiddeplora l-fatt li t-Trattat ma jipprevedix formalment l-involviment tal-Parlament Ewropew fit-tħejjija tal-BEPG (Linji Gwida Wiesgħa dwar il-Politika Ekonomika)/AGS, filwaqt li fit-temi dwar l-impjiegi l-kontribut tal-Parlament jingħata taħt il-proċedura ta' konsultazzjoni (Artikolu 148(2) TFUE); ifakkar li l-AGS għandu jkun suġġett għal proċedura ta' kodeċiżjoni li għandha tiġi introdotta sal-bidla li jmiss fit-trattati; jixtieq iżid id-djalogu bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-istituzzjonijiet nazzjonali, b'mod partikolari l-istituzzjonijiet parlamentari, fejn huwa xieraq u b'rispett u kunsens reċiproċi;

28. Ifakkar li s-Semestru Ewropew issa huwa parti mil-leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE (ara l-Artikolu 2a fir-Regolament (UE) Nru 1175/2011)[6];

29. Ifakkar li l-qafas ġuridiku tal-governanza ekonomika (is-"six pack") jipprovdi l-għodda għal djalogu ekonomiku: "sabiex isaħħaħ id-djalogu bejn l-istituzzjonijiet Ewropej, b'mod partikolari il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, u jiżgura aktar trasparenza u responsabilità, il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista' jistieden lill-President tal-Kunsill, il-Kummissjoni u, fejn ikun xieraq, il-President tal-Kunsill Ewropew jew il-President tal-Grupp tal-euro, jidhru quddiem il-kumitat biex jiddiskutu d-deċiżjonijiet li ttieħdu...Il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista' joffri l-opportunità lill-Istat Membru konċernat mit-tali deċiżjonijiet biex jipparteċipa fi skambju tal-opinjonijiet"; jitlob li din l-għodda, li tiffaċilita l-kooperazzjoni ekonomika u l-ftehim reċiproku, tintuża kemm jista' jkun spiss;

30. Jinnota li l-edizzjoni tal-2012 tas-Semestru Ewropew hija l-ewwel waħda wara l-ftehim dwar il-qafas ġuridiku tal-governanza ekonomika msaħħa (is-"six pack"), li fih regoli msaħħa għall-Patt dwar l-Istabilità u t-Tkabbir u regoli dwar il-fiskalità nazzjonali, kif ukoll proċeduri ġodda għall-monitoraġġ u l-korrezzjoni ta' żbilanċi makroekonomiċi;

31. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi valutazzjoni dettaljata tal-implimentazzjoni mill-Istati Membri tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż u li hi għandha tippubblika qabel il-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2012;

32. Jitlob lill-Kummissjoni taħdem f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kunsill sabiex tiżviluppa nomenklatura ġenwina u komuni tal-baġit u tal-kontabilità;

33. Ifakkar il-fatt li l-Kunsill għandu jispjega l-pożizzjoni tiegħu pubblikament bħala parti mid-djalogu ekonomiku fil-Parlament meta ma jaqbilx b'mod sinifikanti mar-rakkomandazzjonijiet u l-proposti tal-Kummissjoni;

34. Jenfasizza, f'dan ir-rigward, li r-rakkomandazzjonijiet u l-proposti tal-Kummissjoni għandhom jirrispettaw u jippreservaw id-diskrezzjoni politika meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Istat Membru, bi qbil mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 126, peress li hemm bosta mezzi li jistgħu iwasslu għall-kisba tal-għanijiet u tal-objettivi rakkomandati;

35. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tispjega r-raġuni għaliex hija vvalutat b'mod negattiv il-Programm ta' Riforma Nazzjonali (NRP) jew il-Programm ta' Stabilità u Konverġenza (SCP) u kull dokument ieħor sottomess mill-Istati Membri fil-qafas tal-governanza ekonomika; jistenna li billi tagħmel hekk, il-Kummissjoni se tipprovdi lill-Istat Membru konċernat il-metodoloġija dettaljata tiegħu u l-ipotesi ta' ħidma li ssejjes l-valutazzjoni tagħha;

36. Ifakkar li l-qafas ġuridiku l-ġdid jistipula li l-Parlament Ewropew għandu jkun involut kif xieraq fis-Semestru Ewropew sabiex tiżdied it-trasparenza u r-responsabilità tad-deċiżjonijiet meħuda, partikolarment permezz tad-djalogu ekonomiku, kif speċifikat fil-leġiżlazzjoni sekondarja relevanti;

37. Ifaħħar lill-Kummissjoni talli ppubblikat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tagħha sal-aħħar ta' Novembru u jistenna li din l-iskadenza ssir permanenti sabiex il-Parlament ikollu żmien biżżejjed biex jesprimi l-fehmiet tiegħu qabel ma l-linji gwida annwali jiġu deċiżi mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa;

38. Jenfasizza l-fatt li l-Presidenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 121 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, jekk ikun il-każ, il-President tal-Ewrogrupp, għandhom jippreżentaw annwalment ir-riżultati tas-sorveljanza multilaterali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Ewropew;

39. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Kunsill Ewropew jaqblu mal-Parlament dwar kalendarju ssimplifikat għas-Semestru Ewropew sabiex dan isir kemm jista' jkun effettiv, trasparenti u leġittimu;

40. Jagħti mandat lill-President tiegħu biex jiddefendi l-pożizzjoni tiegħu waqt il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa (1-2 ta' Marzu 2012);

41. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill Ewropew.

  • [1]  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25
  • [2]  Testi adottati, P7­_TA(2011)0583.
  • [3]  Testi adottati, P7­_TA(2011)0542.
  • [4]  Testi adottati, P7_TA(2011)0331.
  • [5]  Ara, pereżempju, id-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat- 8 ta’ Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri.
  • [6]  Ara r-Regolament Nru 1175/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1466/97 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

24.1.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

35

3

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Burkhard Balz, Sharon Bowles, Udo Bullmann, Nikolaos Chountis, George Sabin Cutaş, Leonardo Domenici, Diogo Feio, Elisa Ferreira, Ildikó Gáll-Pelcz, Jean-Paul Gauzès, Sven Giegold, Sylvie Goulard, Liem Hoang Ngoc, Gunnar Hökmark, Syed Kamall, Wolf Klinz, Jürgen Klute, Philippe Lamberts, Werner Langen, Astrid Lulling, Juan Andrés Naranjo Escobar, Ivari Padar, Alfredo Pallone, Antolín Sánchez Presedo, Olle Schmidt, Edward Scicluna, Peter Simon, Theodor Dumitru Stolojan, Ivo Strejček, Kay Swinburne, Sampo Terho, Marianne Thyssen, Ramon Tremosa i Balcells, Corien Wortmann-Kool, Pablo Zalba Bidegain

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Pervenche Berès, Bas Eickhout, Sari Essayah, Ashley Fox, Danuta Jazłowiecka, Olle Ludvigsson, Gay Mitchell, Rolandas Paksas