RAPPORT dwar ir-Rapport tal-2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE: Inżarmaw l-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE

6.3.2012 - (2011/2182(INI))

Kumitat għall-Petizzjonijiet
Rapporteur: Adina-Ioana Vălean


Proċedura : 2011/2182(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0047/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-Rapport tal-2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE: Inżarmaw l-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE

(2011/2182(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet,

–   wara li kkunsidra d-dritt għall-petizzjoni inkluż fl-Artikolu 227 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 20 TFUE, li jiddefinixxi l-kunċett taċ-ċittadinanza,

–   wara li kkunsidra t-Tieni Parti tat-TFUE, bl-isem Non-diskriminazzjoni u Ċittadinanza tal-Unjoni, u t-Titolu III u t-Titolu V tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tat-TFUE, skont liema l-moviment liberu ggarantit għall-ħaddiema tal-UE jimplika l-abolizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadinanza bejn il-ħaddiema tal-Istati Membri fir-rigward tal-impjieg, ir-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol u tal-impjieg,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 3, 10 u 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 8 tat-TFUE,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Ottubru 2010 jisimha ‘Rapport 2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-Unjoni. Inżarmaw l-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE’ (COM (2010) 603),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-27 ta' Ottubru 2010 bit-titlu "Lejn Att dwar is-Suq Uniku, Għal ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna" (COM(2010)0608),

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità[1],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (minn hawn ‘l quddiem imsejjħa ‘d-Direttiva dwar il-Moviment Liberu’),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta' Kwalifiki Professjonali[2] (minn hawn ’l quddiem imsejjħa ‘d-Direttiva dwar il-Kwalifiki’),

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali[3],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' April 2009 dwar il-problemi u l-prospetti taċ-ċittadinanza Ewropea[4],

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-11 ta' Awwissu 2011 għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini (2013) (COM(2011)0489),

–   wara li kkunsidra l-Programm ta’ Stokkolma, li jpoġġi ċ-ċittadini fil-qalba tal-politiki Ewropej dwar il-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja, filwaqt li jkun żgurat ir-rispett għad-diversità u l-protezzjoni tal-persuni l-aktar vulnerabbli,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet u l-opinjonijiet tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A7-0047/2012),

A. billi ċ-ċittadini tal-Unjoni – anke irrispettivament mid-diżabbiltajiet tagħhom – għandhom, inter alia, id-dritt li jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, id-dritt tal-vot u li joħorġu bħala kandidati għall-elezzjonijiet fl-Istat Membru fejn jgħixu, id-dritt għad-dispożizzjoni ta’ protezzjoni konsulari mill-awtoritajiet diplomatiċi u konsulari ta’ Stat Membru ieħor f’pajjiżi terzi, u d-dritt li jressqu petizzjoni fil-Parlament Ewropew, li jirrikorru għall-Ombudsman, u li jindirizzaw l-istituzzjonijiet tal-UE u l-korpi konsultattivi fi kwalunkwe lingwa tat-Trattat[5];

B.  billi t-Trattat ta’ Lisbona kabbar u ta d-dettall lill-kunċett taċ-ċittadinanza tal-UE – imdaħħal l-ewwel fit-Trattat ta' Maastricht fl-1992 – u l-jeddijiet ġejjin mill-istess, li wkoll kien immexxi mill-każistika, billi saħħaħ l-istatus u l-immaġni tal-Unjoni Ewropea bħala d-difensur tal-jeddijiet taċ-ċittadini, billi ta l-mezzi leġiżlattivi għall-istimolu tal-involviment attiv taċ-ċittadini tal-UE u billi ħoloq jew rawwem jeddijiet ġodda, bħalma hija l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI) u l-jeddijiet individwali li jinsabu fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; billi ċ-ċittadinanza tal-UE għandha tiġi perċepita bħala għajn kemm ta’ jeddijiet kemm ta’ dmirijiet;

C. billi dan juri l-isforzi tal-UE biex iċ-ċittadini jkunu fil-qalba tal-azzjoni tagħha, u biex taħdem favur żona ta’ libertà, ġustizzja u drittijiet għaċ-ċittadini kollha tal-UE;

D. filwaqt li jilqa’ l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li fis-sentenza tal-ERT jenfasizza, li l-istituzzjonijiet tal-Istati Membri huma wkoll marbuta bid-drittijiet fundamentali supremi tal-Unjoni, jekk kemm-il darba permezz ta’ miżuri nazzjonali huma jkollhom il-ħsieb li jirrestrinġu l-libertajiet fundamentali stabbiliti permezz tat-TFUE;

E.  billi l-moviment liberu huwa inerenti fil-kunċetti tad-drittijiet tal-bniedem u ċ-ċittadinanza tal-Unjoni u jirrappreżenta wieħed mid-drittijiet u l-libertajiet fundamentali taċ-ċittadini tal-Unjoni rikonoxxuti mit-Trattati;

F.  billi seba’ snin wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva dwar il-Moviment Liberu, għad fadal ħafna problemi rigward l-implimentazzjoni tagħha; billi l-maġġoranza tal-ilmenti jikkonċernaw għaċ-ċittadin tal-UE, id-dritt ta’ dħul tiegħu, id-dritt ta’ residenza tiegħu għal aktar minn tliet xhur, il-validità tal-permessi ta’ residenza tiegħu, iż-żamma tad-dritt ta’ residenza tiegħu u d-dritt ta’ residenza permanenti tiegħu u d-drittijiet tal-membri tal-familja tiegħu;

G. billi ħafna ċittadini ma jkollhomx l-informazzjoni relevanti kollha dwar id-drittijiet tagħhom kif stipulati mid-Direttiva dwar il-Moviment Liberu, partikolarment meta jfittxu d-drittijiet għall-membri tal-familja li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi;

H.  billi ċ-ċittadini tal-UE li normalment jgħixu fir-Renju Unit u li japplikaw għal ċerti benefiċji tas-sigurtà soċjali huma meħtieġa jagħmlu “t-Test għad-Dritt ta’ Residenza” li jimponi kondizzjonijiet addizzjonali għal dawk li mhumiex ċittadini Brittaniċi;

I.   billi l-kwestjoni tad-deportazzjoni tar-Roma minn Franza fl-2010 kienet kontrovesjali mhux biss mill-perspettiva tad-drittijiet fundamentali, iżda anke mill-punt di vista tad-dritt għall-libertà tal-moviment u tad-diskriminazzjoni fuq il-bażi tan-nazzjonalità u tal-oriġini etnika u tar-razza;

J.   billi fil-15 ta’ Diċembru 2011 il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fl-Unjoni Ewropea, b’enfasi fuq il-jeddijiet tal-ħaddiema Rumeni u Bulgari fis-suq uniku[6]; billi diversi Stati Membri ddeċidew li jintroduċu jew ikomplu japplikaw arranġamenti tranżizzjonali li jillimitaw liċ-ċittadini Rumeni u Bulgari milli jkollhom aċċess għas-swieq tax-xogħol; billi tali miżuri jistgħu jwasslu għall-isfruttament tal-ħaddiema, xogħol illegali u nuqqas ta’ aċċess għall-benefiċji tas-sigurtà soċjali;

K. billi l-eżerċizzju ta' firxa wiesgħa ta' drittijiet mogħtija liċ-ċittadini mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jiddeppendi minn, jew jitħeġġeġ permezz ta', il-moviment liberu jew il-mobbiltà volontarja tal-ħaddiema; billi, għaldaqstant, il-faċilitazzjoni tal-moviment liberu tista’ tagħmilha eħfef għaċ-ċittadini li jieħdu vantaġġ sħiħ mis-suq uniku filwaqt li tkun il-mutur ewlieni tat-tkabbir;

L.  billi d-dritt li wieħed jiċċaqlaq jew jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri ma jippermettix fehim aħjar tal-valuri ta’ integrazzjoni Ewropea jekk ikun akkumpanjat minn miżuri konkreti meħuda mill-Unjoni u l-Istati Membri f’termini ta’ informazzjoni, ta’ taħriġ, ta’ rikonoxximent ta’ kwalifiki, ta’ mobbiltà tal-ħaddiema (fost il-ħaddiema staġjonali, tal-fruntieri, il-ħaddiema stazzjonati u l-ħaddiema trasferiti b'riżultat tar-rilokazzjoni tal-kwartieri ġenerali, eċċ.);

M. billi numru kbir ta’ petizzjonijiet kixfu problemi fil-qasam tal-aċċess għall-benefiċji soċjali, priniċpalment minħabba nuqqas ta’ kooperazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali, applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju tal-aggregazzjoni tal-benefiċċji pagabbli f'diversi Stati Membri (b’mod partikolari dwar il-portabilità tal-pensjonijiet), li ma jingħatax tagħrif korrett dwar ir-regoli applikabbli jew xkiel amministrattiv; billi d-deċiżjoni tal-QEĠ tal-21 ta’ Lulju 2011[7] jikkonferma jedd iċ-ċittadini tal-UE li jiċċaqilqu għal Stat Membru ieħor tal-UE u jkunu intitolati għall-kopertura tas-sigurtà soċjali;

N. billi skont il-Proċess ta’ Bolonja, diplomi aċċettati b'mod ġenerali għat-tlestija tal-istudji universitarji qed jingħataw bħala pass lejn ir-rikonoxximent aktar dirett tal-kwalifiki;

O. wara li kkunsidra l-problemi marbuta mal-implimentazzjoni mhux korretta tad-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali[8] (miżuri ta’ kumpens, talbiet għal dokumenti addizzjonali, deċiżjonijiet negattivi mhux sostanzjati mill-Istat Membru ospitant, dewmien żejjed fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet, impożizzjoni sistematika ta’ testijiet speċifiċi tal-lingwa), li huma ta' xkiel konsiderevoli għall-eżerċitar tad-drittijiet taċ-ċittadini fl-UE u li għalhekk, iċaħħdu liċ-ċittadini mill-benefiċċji tal-koeżjoni soċjali;

P.  billi l-petizzjonanti jakkużaw lill-Uffiċċju Ġermaniż għall-Protezzjoni taż-Żgħażagħ (Jugendamt) b'diskriminazzjoni kontra l-konjuġi li mhumiex Ġermaniżi fi żwiġijiet imħallta; billi, minħabba fl-indipendenza operattiva tiegħu, il-Jugendamt jikkontribwixxi f'xi każijiet għad-diffikultajiet li jaffaċċjaw il-ġenituri divorzjati barranin li jixtiequ jitilqu mit-territorju Ġermaniż ma’ wliedhom;

Q. billi l-Parlament adotta riżoluzzjoni[9] f’Ottubru 2011 dwar il-mobilità u l-integrazzjoni tan-nies b’diżabilitajiet; billi għadd kunsiderevoli ta’ petizzjonijiet ġew intavolati minn nies b’diżabilitajiet, li jiltaqgħu fuq bażi ta’ kuljum ma’ bosta ostakli li ma jħalluhomx igawdu l-jeddijiet ta’ ċittadini tal-UE, bħalma hu l-użu normali tas-sistema edukattiva u l-aċċess għall-assikurazzjoni jew għall-faċilitajiet ta' trasport pubbliku; billi hemm ħtieġa għal sistema koerenti tal-UE għad-determinazzjoni tal-grad ta’ diżabilità, u billi n-nuqqas ta’ tali sistema jista’ jwassal għall-inikwità u saħansitra għall-esklużjoni soċjali;

R.  billi ċ-ċittadini tal-UE kollha li jittellgħu quddiem il-qrati ta’ Stat Membru għandhom id-dritt ta' aċċess, għad-difiża tagħhom, għal dokumenti tradotti fil-lingwa nattiva tagħhom, sabiex tkun evitata kull diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-lingwa, u billi, b'mod partikolari, iċ-ċittadini kollha jridu jinżammu infurmati b’kull proċediment fil-qrati kontrihom, il-proċess kollu għandu jsir f'perjodu ta' żmien ġuridikament aċċettabbli;

S.  billi l-akbar ostakli għall-eżerċizzju attiv taċ-ċittadinanza attiva tal-Unjoni huma nuqqas ta' għarfien min-naħa tal-individwi tad-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-Unjoni kif ukoll fin-nuqqas ta' servizzi informattivi strutturati b'mod ċar u ppubbliċizzati fuq firxa wiesgħa; billi l-Parlament u l-Kummissjoni, fl-azzjoni tagħhom għat-tisħiħ taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, huma tenuti b’konsegwenza jagħmel fokus fuq komunikazzjoni aħjar, adegwatament iffinanzjata diretta lejn iċ-ċittadini u l-Istati Membri, kemm lokalment kemm nazzjonalment, filwaqt li jneħħu kull xkiel ġuridiku u amministrattiv li għad fadal li jipprevjeni liċ-ċittadini tal-UE milli jeżerċitaw jeddijiethom, u fl-istess waqt jiżguraw li jkollhom aċċess ħafif għal pariri ċari u akkurati;

1.  Jilqa’ r-Rapport 2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE, li jqiegħed l-objettiv tal-iżmantellament tax-xkiel għall-jeddijiet taċ-ċittadini tal-UE, u huwa tal-fehma li l-proposti li fih jirrappreżentaw miżuri tanġibbli għar-riduzzjoni ta’ nfiq bla ħtieġa u b’hekk jikkontribwixxi għall-poter tal-akkwist taċ-ċittadini tal-UE, li hu partikolarment importanti fi żminijiet ta' kriżi; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi li jinsabu fir-rapport jittresqu kemm jista’ jkun malajr u jiġu approvati, ħalli jiġi żgurat li l-jeddijiet taċ-ċittadini tal-UE jsiru effettivi u li l-Istati Membri kollha jġibu fit-tmiem l-ostakoli msemmijin u fl-istess waqt jintroduċu miżuri amministrattivi li jiffaċilitaw it-tgawdija komprensiva ta’ dawk il-jeddijiet, filwaqt li jitneħħew il-kontradizzjonijiet possibbli bejn id-Dritt nazzjonali u dak Ewropew;

2.  Jinnota li, minkejja l-jedd li ċ-ċittadini jressqu petizzjoni lill-Parlament Ewropew hemm dispożizzjoni espressa għalih fit-Trattati, xorta ma huwiex magħruf jew eżerċitat biżżejjed, u għaldaqstant jitlob sabiex ikun hemm komunikazzjoni mtejba u attiva diretta lejn iċ-ċittadini – inklużi l-ġustifikazzjonijiet u l-ispjegazzjonijiet – dwar jeddhom għall-petizzjoni f’wieħed mill-ilsna uffiċjali tal-Unjoni Ewropea; jitlob ukoll lill-Kummissjoni tingħaqad miegħu biex tagħmel aktar ħalli jiġi ppubbliċizzat il-jedd għall-petizzjoni permezz tal-uffiċċji tagħhom fl-Istati Membri, in-netwerks deċentralizzati tagħhom tal-informazzjoni, in-netwerk tal-Ombudsmen nazzjonali, u l-organizzazzjonijiet kollha li jaħdmu mal-Kummissjoni u mal-Parlament, ħalli jilħqu kemm jista' jkun ċittadini u jikkondividu l-aqwa prattiki;

3.  Huwa tal-fehma li l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI), li se tibda tapplika fl-1 ta’ April 2012, hija l-ewwel strument ta' demokrazija parteċipatorja transnazzjonali u se tagħti liċ-ċittadini l-possibbiltà li jkunu involuti b'mod aktar attiv fit-tfassil tal-politiki u l-leġiżlazzjoni Ewropea; jitlob li jkun hemm implementazzjoni effettiva, trasparenti u b’responsabilità politika tar-Regolament tal-ECI u b’mod partikolari jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jwettqu l-arranġamenti amministrattivi u prattiċi kollha neċessarji fil-ħin propizju, jieħdu rwol attiv u jipparteċipaw b’mod effettiv billi jinformaw liċ-ċittadini dwar dan l-istrument il-ġdid b’mod li ċ-ċittadini kollha tal-UE jkunu jistgħu jibbenefikaw minnu bis-sħiħ, u, b’mod speċjali, juża s-Sena Ewropea taċ-Ċittadini (2013) ħalli jiżviluppaw il-momentum għat-tqanqil tal-kuxjenza; huwa tal-fehma, barra minn hekk, li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet, minħabba fl-esperjenza tiegħu fil-kuntatt dirett maċ-ċittadini, għandha tingħatalu r-responsabilità li jagħmel smigħ pubbliku għall-organizzaturi ta' inizjattivi Ewropej taċ-ċittadini li jirnexxu, kif hemm dispost fl-Artikolu 11 tar-Regolament dwar l-ECI; jipproponi li l-Kummissjoni Ewropea tippreżenta fuq bażi regolari rapport lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni, meta tipprepara r-rapport annwali tagħha dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, biex tiffoka mhux biss fuq l-applikazzjoni tal-Karta, iżda wkoll fuq l-artikoli kollha tat-Trattati tal-UE rigward id-drittijiet fundamentali u dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi f'dan ir-rapport informazzjoni aktar iddettaljata dwar l-implimentazzjoni tal-Karta mill-Istati Membri meta dawn jimplimentaw id-dritt Ewropew u dwar il-kwistjonijiet imressqa miċ-ċittadini f'dan ir-rigward, il-mod li bihom ġew trattati dawn il-kwistjonijiet kif ukoll il-miżuri konkreti ta’ segwitu li ttieħdu;

5.  Jistieden lill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni sabiex jiżguraw li d-dritt tal-aċċess għal dokumenti stabbilit fir-Regolament 1049/2011[10], dritt importanti li jgawdu minnu ċ-ċittadini tal-UE, jiġi ggarantit permezz ta' titjib fit-trasparenza u billi l-aċċess għad-dokumenti u l-informazzjoni jkun aktar faċli u għall-użu faċli mill-utent u komprensiv – inkluż il-provvediment ta’ teknoloġiji mingħajr ostakoli –, sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jipparteċipaw aktar mill-qrib fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjoni; jirreferi f'dan ir-rigward għas-sinifikat ewlieni tal-ħidma tal-Ombudsman Ewropew fl-infurzar tad-dritt tal-aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni;

6.  Filwaqt li jirrikonoxxi d-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni bħala wieħed mill-pedamenti tad-demokrazija, jenfasizza li l-aċċess għall-informazzjoni ma għandux iwassal għall-ksur ta’ drittijiet fundamentali oħra bħad-dritt għas-sigurtà, il-privatezza u l-protezzjoni tad-data; jisħaq li l-aċċess għall-informazzjoni li għandhom l-istituzzjonjiet tal-UE huwa l-interess primarju taċ-ċittadini li jfittxu li jifhmu d-deliberazzjonijiet politiċi u ekonomiċi wara d-deċiżjonijiet li jittieħdu; huwa tal-fehma li li aċċess akbar għall-informazzjoni dwar il-fajls ta’ investigazzjoni u ta’ ksur jista’ jingħata mill-Kummissjoni mingħajr ma jiġi pperikolat l-għan tal-investigazzjoni u li interess pubbliku prevalenti jista’ jiġġustifika l-aċċess għal dawn il-fajls, partikularment fil-każijiet fejn id-drittijiet fundamentali, is-saħħa tal-bniedem u l-ħarsien tal-ambjent kontra ħsara irreparabbli jew fejn il-proċedimenti jkunu għaddejjin dwar diskriminazzjoni kontra minoranza jew vjolazzjonijiet tad-dinjità tal-bniedem, jistgħu jkunu f’riskju sakemm il-ħarsien ta’ sigrieti kummerċjali u informazzjoni sensittiva relatata ma' każijiet fil-qrati, każijiet relatati mal-kompetizzjoni u l-fajls tal-persunal jiġu salvagwardjati;

7.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli bl-isforzi attwali tagħha biex tiżgura li l-Istati Membri jittrasponu u jimplimentaw id-Direttiva dwar il-Moviment Liberu bis-sħiħ u b’mod korrett, billi tagħmel użu sħiħ tal-poteri tagħha fit-tnedija ta’ proċediment ta’ ksur; jistieden lill-Istati Membri jneħħu l-ostakoli legali u prattiċi għall-moviment liberu taċ-ċittadini, ma jintroduċux proċeduri amministrattivi ta’ xkiel u mhux iġġustifikati u ma jittollerawx prattiki mhux aċċettabbli li jillimitaw l-applikazzjoni ta’ dan id-dritt; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn dan, biex iżżid l-isforzi tagħha biex tqajjem kuxjenza dwar id-dritt taċ-ċittadini għall-moviment liberu u sabiex tgħinhom jeżerċitawh, partikolarment meta dan id-dritt jiġi miċħud jew illimitat, jew jekk jiġu implimentati prattiki li jirriżultaw f’diskriminazzjoni diretta jew indiretta; f’dan ir-rigward, jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta valutazzjoni tal-politiki tal-moviment liberu fl-2013 u tipproponi mezzi speċifiċi ta' appoġġ għall-applikazzjoni tal-moviment liberu; jirrimarka li, minkejja li l-kunċett taċ-ċittadinanza tal-Unjoni huwa marbut mill-qrib mad-dritt għall-moviment liberu, iċ-ċittadini kollha li ma jħallux l-Istat Membru ta' oriġini tagħhom ukoll jibbenefikaw mid-drittijiet ta' ċittadinanza tagħhom;

8.  Jitlob lill-Istati Membri jneħħu l-ostakli għall-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE u li jieħdu azzjoni ħalli jiggwidaw u jagħtu parir lill-ħaddiema li jiċċaqilqu dwar l-opportunitajiet ta' impjieg u kondizzjonijiet ta' għixien u xogħol fl-UE, filwaqt ukoll li liċ-ċittadini jagħmluhom konxji mir-riskji inerenti għax-xogħol illegali u għall-vantaġġi assoċjati mal-ksib ta' xogħol legali (taxxi, sigurtà soċjali, il-jedd għat-taħriġ professjonali, il-jedd għaċ-ċittadinanza, il-jedd għall-housing, il-jedd għar-riunifikazzjoni tal-familja, il-jedd għall-edukazzjoni u t-taħriġ għall-ulied), permezz tal-għodod eżistenti (EURES);

9.  Jitlob li jkun hemm koordinazzjoni bejn l-Istati Membri li jittrattaw mal-problemi bħalma huma t-tassazzjoni doppja u n-nuqqas ta’ tassazzjoni għall-pensjonijiet għaċ-ċittadini tal-UE, u jitlob, għalhekk, lill-Istati Membri jtejbu u jaġġornaw il-ftehimiet tagħhom ta’ kooperazzjoni bilaterali; jagħti sostenn lill-isforzi tal-Kummissjoni li tipproponi leġiżlazzjoni ġdida għall-eliminazzjoni tal-ostakli fiskali u huwa tal-fehma li għandha tingħata attenzjoni speċjali għat-taxxi ta’ reġistrazzjoni għall-vetturi bil-mutur ġa rreġistrati fi Stat Membru ieħor;

10. Iqis li l-konverġenza tar-regoli Ewropej dwar it-taxxi u s-sigurtà soċjali u l-armonizzazzjoni ta' skemi nazzjonali ta' sigurtà soċjali huma soluzzjonijiet vijabbli għad-diffikultajiet b'rabta mal-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri tal-proċeduri dettaljati fis-sistemi tagħhom stess; huwa għalhekk tal-fehma li, bħala riżultat ta' dan, l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jiltaqgħu ma’ anqas diffikultajiet biex japplikaw ir-regoli, u li ċ-ċittadini tal-UE se jaraw semplifikazzjoni fil-proċeduri;

11. Jitlob lil dawk l-Istati Membri li ddeċidew, skont it-Trattat ta’ Adeżjoni għall-UE għar-Rumanija u l-Bulgarija, li jdaħħlu moratorju ta’ seba’ snin, sal-1 ta’ Jannar 2014, dwar il-jedd għall-moviment liberu fl-UE għall-ħaddiema ta’ dawk iż-żewġ pajjiżi, jew li jibqgħu japplikaw l-arranaġamenti transitorji li jirrestrinġu l-aċċess min-nazzjonali Rumeni u Bulgari għas-swieq tagħhom tax-xogħol[11], li jirrevedu d-deċiżjoni tagħhom kemm jista' jkun malajr, billi jqisu l-prinċipju tal-ugwaljanza, il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni, in-natura mhux ġustifikata ta’ dawk id-deċiżjonijiet u l-prinċipju tas-solidarjetà, ħalli l-jeddijiet tal-impjieg marbutin maċ-ċittadinanza tal-UE ma jibqgħu ristretti għaċ-ċittadini Rumeni u Bulgari;

12. Jitlob lill-Kummissjoni tagħti aktar attenzjoni u tirrispondi aktar malajr għall-bosta petizzjonijiet riċevuti dwar id-diffikultajiet biċ-ċirkolazzjoni tad-dokumenti dwar l-istat ċivili, u dwar ir-rikonoxximent ta' dawk id-dokumenti u l-effetti tagħhom[12]; jaċċentwa l-importanza li jsir progress kemm jista’ jkun malajr lejn rikonoxximent reċiproku u l-iżgurar taċ-ċirkolazzjoni libera tad-dokumenti dwar l-istat ċivili, mingħajr diskriminazzjoni, fid-dawl tal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

13. Jenfasizza l-fatt li t-tkeċċijiet kollettivi jirrappreżentaw ksur tad-Direttiva tal-Moviment Liberu, apparti li dawn jiksur l-valuri u l-prinċipji bażiċi li fuqhom tissejjes l-Unjoni Ewropea; ifakkar li, skont id-Direttiva għall-Moviment liberu, ir-restrizzjonijiet tal-libertà tal-moviment u tar-residenza fuq il-bażi tal-politika pubblika jew tas-sigurtà pubblika jistgħu jiġu imposti esklussivament fuq il-bażi tal-kondotta personali, mingħajr ebda diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-oriġini etnika jew ta’ nazzjonalità, u li nuqqas ta’ mezzi ekonomiċi jew kwalunkwe skop relatat ma’ kumpens, ikkastigar jew tneħħija ta’ drittijiet jew privileġġi ma jistax jintuża bħala ġustifikazzjoni għat-tkeċċija awtomatika ta' ċittadin tal-UE (Premessa 16, Artikolu 14);

14. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jneħħu l-politiki li jiddiskriminaw u jannullaw u jabrogaw il-liġijiet diskriminanti, kemm b'mod dirett jew indirettament, kontra r-Roma u gruppi ta’ minoranza fuq il-bażi tar-razza u tal-etniċità, u jistedinhom iġibu fit-tmiem kull persekuzzjoni, tkeċċija mill-post fejn ikunu jgħixu u mill-pajjiż, jew kull konfiska tal-beni ta’ kull grupp ta’ minoranza; jistieden lill-Istati Membri kollha u lill-UE sabiex jerfgħu responsabilità konġunta biex jippromwovu u jiffaċilitaw l-integrazzjoni tar-Roma, jagħtuhom l-istess drittijiet u obbligi bħal ta’ ċittadini Ewropej oħra, filwaqt li jżommu mar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Marzu 2011 dwar l-istrateġija tal-UE dwar l-inklużjoni tar-Roma[13] u ‘Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma fl-2020’ (COM(2011)0173), u sabiex jippromwovu u jipproteġu l-jeddijiet fundamentali tagħhom;

15. Jistieden lill-Kummissjoni torbot il-prijoritajiet tal-inklużjoni soċjali ma' sett ta’ objettivi ċari li jinkludu l-ħarsien taċ-ċittadini kontra d-diskriminazzjoni fl-oqsma kollha tal-ħajja u l-promozzjoni tad-djalogu soċjali bejn ir-Roma u dawk li mhumiex Roma sabiex jiġu miġġielda r-razziżmu u l-ksenofobija; jistieden lill-Kummisjoni, bħala gwardjana tat-Trattati, sabiex tiżgura li l-leġiżlazzjoni kkonċernata hija implimetata bis-sħiħ u li jiġu imposti penali xierqa għar-reati mmotivati mir-razziżmu[14];

16. Ifisser it-tħassib għall-fatt li, minkejja li l-jedd għall-moviment liberu u għar-residenza huwa stabbilit b’mod sod fid-Dritt primarju tal-UE u żviluppat tajjeb fid-Dritt sekondarju, ir-regoli għadhom ma jiġux applikati b’mod sodisfaċenti; jirrimarka li l-Istati Membri għandhom jaħdmu id f'id biex jitneħħew l-ostakli kollha amministrattivi u ġuridiċi li fadal li jkunu qalulhom dwarhom l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta bir-reqqa jekk il-leġiżlazzjoni u l-prattiki tal-Istati Membri jiksrux id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE fl-ambitu tat-Trattati u d-Direttiva, u li ma jitfgħux piż mhux iġġustifikat fuq iċ-ċittadini tal-UE u l-familji tagħhom, u b’hekk jillimitaw indirettament jeddhom għall-moviment liberu;

17. ifakkar li kważi 80 miljun ruħ b'diżabbiltajiet fl-Unjoni Ewropea għadhom ta' spiss ikkonfrontati b'ostakli li ma jistgħux jingħelbu meta, f'diversi modi, ikunu qed jeżerċitaw jeddhom ta' ċittadini għall-moviment liberu; jitlob, għalhekk, lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jidentifikaw u jeliminaw l-ostakli u x-xkiel li jirrestrinġu l-abilità tan-nies b’diżabilitajiet milli jibbenefikaw mill-jeddijiet taċ-ċittadini tal-UE, u li jagħmluha eħfef għan-nies b’diżabilitajiet li jaċċedu għall-mezzi kollha tat-trasport, għall-faċilitajiet kollha tal-infrastruttura, għall-edukazzjonijiet u l-informazzjoni pubbliċi, mingħajr dewmien jew kostijiet żejda, kemm jista’ jkun malajr skont id-dispożizzjonijiet tal-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabilità 2010-2020 (COM(2010)0636) u r-rapport ta’ inizjattiva proprja tal-Parlament imsejjes fuq dik l-istrateġija[15]; jiġbed l-attenzjoni wkoll għan-numru sproporzjonatament kbir ta' persuni anzjani b'mobilità ridotta; jitlob li jitwaqqaf programm tat-tip Erasmus għan-nies b’diżabilitajiet;

18. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li persuni ssuspettati u akkużati neqsin mis-smigħ, inklużi l-vittmi f’każijiet kriminali, jingħatawlhom, jekk ikunu jeħtieġu, interpreti xierqa tal-lingwa tas-sinjali fl-interess tal-ħarsien ta’ jeddijiethom u l-preservazzjoni tad-dinjità tagħhom, u jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-ħtieġa għal faċilitajiet bħal dawn;

19. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri – f’dak li għandu x’jaqsam mal-proposti tal-Kummissjoni għall-faċilitizzazzjoni ta’ aċċess aħjar għall-kura tas-saħħa bejn il-fruntieri, u billi jedd il-pazjent għall-informazzjoni huwa fundamentali – jinfurmaw liċ-ċittadini tal-UE b’mod isħaħ dwar jeddijiethom u l-mezzi disponibbli għall-eżekuzzjoni tagħhom, inklużi l-aspetti prattiċi bħalma huwa r-rimborż tal-kostijiet fuq il-bażi tal-karta tal-assikurazzjoni tas-saħħa Ewropea; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu l-akbar użu possibbli mill-potenzjal eżistenti għat-telemediċina u s-servizzi tas-saħħa-e sal-2020, filwaqt li jottemperaw ruħhom kompletament mad-dispożizzjonijiet tal-ħarsien tad-data Ewropej; jilqa' bis-sħiħ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tiġi żviluppata sistema ġdida ta' skambju elettroniku ta' data tas-sigurtà soċjali u jitlob kooperazzjoni akbar bejn is-sistemi tas-sigurtà soċjali nazzjonali; jagħti s-sostenn tiegħu, barra minn hekk, għall-proġetti piloti mmirati lejn l-għoti liċ-ċittadini tal-UE għal aċċess sigur onlajn għad-data tagħhom ta’ pazjenti u li jiżguraw l-interoperabilità tar-reġistri tal-pazjenti;

20. Jinnota li l-akbar ostakli għaċ-ċittadini sabiex jibbenefikaw bis-sħiħ mill-firxa usa' ta' prodotti u minn prezzijiet kompetittivi fis-suq uniku huma, minn naħa, dovuti għan-nuqqas ta' għarfien tad-drittijiet tal-konsumaturi f'pajjiżi oħrajn tal-UE, u min-naħa l-oħra, għal nuqqas ta' tagħrif għall-konsumaturi li jkunu qed jixtru onlajn minn Stati Membri oħrajn; jemmen li l-informazzjoni intiżi għall-konsumaturi hi xi kultant kumpless u li hija meħtieġa s-semplifikazzjonijiet, ngħidu aħna fit-tikkettar;

21. Ifakkar li l-pubblikazzjonijiet reċenti tal-Kummissjoni dwar l-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi u l-’20 tħassib prinċipali’, li aċċentwaw il-lakuni fl-informazzjoni, fil-leġiżlazzjoni u fil-implementazzjoni, u li jippersistu fis-suq uniku, ngħidu aħna dwar il-prattiki abużivi minn ċerti servizzi tad-direttorju; jitlob lill-Kummissjoni tinvestiga l-iżvilupp tas-suq uniku diġitali bħala prijorità; jilqa' l-ħidma u l-impenn tal-Kummissjoni għall-implementazzjoni tal-Att dwar is-Suq Uniku; jitlob iktar azzjoni mill-Istati Membri f'koordinazzjoni mal-Kummissjoni biex jingħelbu l-ostakoli li jżommu liċ-ċittadini milli jkollhom aċċess għas-servizzi onlajn; jinnota, f'dan ir-rigward, il-proposta tal-Kummissjoni dwar Liġi Ewropea dwar il-Kuntratti;

22. Huwa tal-fehma li l-aċċess għas-servizzi bankarji għaċ-ċittadini tal-UE li jmorru jgħixu fi Stat Membru ieħor tal-UE għandu jkun iffaċilitat aktar; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri leġiżlattivi neċessarji biex jiġi żgurat aċċess għaċ-ċittadini kollha tal-UE għal kont ta' pagament bażiku; jisħaq fuq il-bżonn li titjieb it-trasparenza tal-ispejjeż bankarji;

23. Jinnota l-inugwaljanzi bejn l-Istati Membri fir-rigward tat-telefonija mobbli u l-kontijiet tal-internet; jenfasizza li t-tnaqqis fil-prezzijiet tar-roaming sar biss minħabba l-leġiżlazzjoni tal-UE; jitlob għalhekk biex jiġu ppubblikati l-ispejjeż netti f’kull Stat Membru għall-SMS, l-messaġġi MMS, it-telefonati li jitħallsu bil-minuta u l-konnessjonijiet tal-Internet, sabiex jiġi promoss il-ħolqien ta’ rati fissi Ewropej biex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-mobilità;

24. jikkundanna l-prattika tal-bejgħ marbut; jitlob li s-Sena Ewropea taċ-Ċittadini tkun ukoll opportunità biex tinġibed l-attenzjoni taċ-ċittadini għall-miżuri li pproteġewhom bħala konsumaturi u għenu biex jinżamm il-poter tal-akkwist tagħhom fi żminijiet ta’ kriżi;

25. Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja l-applikazzjoni korretta mill-Istati Membri tar-regolamenti dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, b’attenzjoni partikolari għall-aspetti l-ġodda introdotti mir-Regolamenti 883/2004 u 987/2009, li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2010;

26. Jinsab imħasseb dwar il-fatt li ħafna petizzjonanti ġew mitluba jagħmlu 't-Test għad-Dritt ta' Residenza' mill-awtoritajiet Brittaniċi sabiex jiksbu aċċess għad-djar soċjali u għal benefiċji oħra, bħall-allowance għal dawk li jfittxu xogħol[16]; jiġbed attenzjoni partikolari dwar il-fatt li tali rekwiżit jintroduċi diskriminazzjoni indiretta fuq il-bażi ta’ nazzjonalità, filwaqt li jmur kontra l-Artikolu 4 tar-Regolament 883/2004; iħeġġeġ lir-Renju Unit sabiex il-leġiżlazzjoni tiegħu tkun konformi mal-liġi tal-UE;

27. Iħeġġeġ lir-Renju Unit jimxi fuq id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea rigward l-esportabilità tal-benefiċji tal-mard fi flus kontanti[17] u sabiex ma japplikax l-hekk imsejjaħ ‘it-Test ta’ Preżenza fil-Passat’ meta elementi rappreżentattivi oħrajn jistgħu jintużaw biex jistabbilixxu rabta ġenwina mas-sistema tas-sigurtà soċjali ar-Renju Unit;

28. Huwa tal-fehma li Direttiva aġġornata dwar il-Kwalifiki għandha tiffoka fuq l-eliminazzjoni ta' ostakli għall-mobilità edukattiva, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari liż-żgħażagħ, u simultanjament ir-riorganizzazzjoni tal-għejun ta’ informazzjoni li attwalment jinsabu disponibbli għall-professjonisti u sabiex tiġi żgurata koordinazzjoni mal-portal tal-‘Ewropa Tiegħek’; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirriorganizza l-għoti ta’ tagħrif dwar il-mobilità għall-istudenti, l-għalliema u r-riċerkaturi tal-UE bit-twaqqif ta’ sistema ta' one-stop-shop; jaqbel li karta professjonali Ewropea volontarja tista' sservi bħala għodda biex tiffaċilita aħjar il-mobilità tal-Ewropej u tiswa ta’ mudell għal ‘Ewropa taċ-ċittadini’;

29. Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex iwaqqfu, f’każ li għandhom ma għamlux dan, is-sistema ta' miżuri ta' kumpens meħtieġa skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki, fil-qafas tas-Sistema Ġenerali, minħabba li n-nuqqas ta' tali sistema jista’ joħloq diskriminazzjoni fuq il-bażi tan-nazzjonalità; jindika f’dan ir-rigward li ċ-ċittadini tal-Istati Membri li daħlu fl-UE fl-2004 u fl-2007, partikolarment il-professjonisti tal-kura tas-saħħa (it-tobba, il-qwiebel u l-infermiera), irrappurtaw li kellhom problemi rigward ir-rikonoxximent tal-kwalifiki tagħhom jew tad-drittijiet miksubatagħhom fi Stat Membru ieħor li mhuwiex tagħhom[18];

30. Ifakkar li waħda mill-petizzjonijiet pendenti l-aktar antiki rigward it-trattament diskriminatorju ilhom isofru l-lekċerers li jgħallmu lingwa barranija (‘lettori’) f’diversi universitajiet Taljani[19]; jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga aktar l-hekk-imsejħa riforma ‘Gelmini’, li daħlet fis-seħħ f'Diċembru 2010; jistieden lill-awtoritajiet Taljani u l-universitajiet rispettivi biex isolvu dan il-każ b’mod urġenti; huwa tal-fehma madanakollu li dan mhuwiex każ iżolat u li għalhekk, il-mejdaturi tal-Istati Membri jistgħu jiltaqgħu għal skambju ta' fehmiet dwar is-soluzzjonijiet li għandhom jiġu introdotti fl-Ewropa;

31. Jipproponi l-ħolqien ta’ portal web speċifiku u aġġornat regolarment, li jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali li jaġġornaw dwar oqsma tal-ekonomija li jkunu qed ifittxu l-ħaddiema, biex tiġi ffaċilitata l-mobilità volontarja;

32. Ifakkar li r-Regolament (KE) Nru 2201/2003[20] jistabbilixxi l-prinċipju li jgħid li t-tfal għandhom ikunu jistgħu iżommu r-relazzjoni tagħhom maż-żewġ ġenituri wara li dawn ikunu sseparaw, anke jekk il-ġenituri jkunu jgħixu fi Stati Membri differenti; jinnota li, minkejja li l-introduzzjoni u l-applikazzjoni ta' regoli sostantivi dwar id-drittijiet tal-aċċess hija kwistjoni tal-Istat Membru, l-Istat Membru għandu jirrispetta l-liġi tal-UE meta jeżerċita l-poteri tiegħu, partikolarment id-dispożizzjonijet tat-Trattat rigward il-libertà taċ-ċittadini kollha tal-UE li jsiefru u joqogħdu fi Stat Membru ieħor[21] kif ukoll jippreservaw ir-rabtiet bejn il-ġenituri u t-tfal, in-nanniet u n-neputijiet, u l-aħwa; Iżid li kultant id-dewmien twil u n-numru ta’ proċeduri li jirrestrinġu lill-ġenituri li jixtiequ jmorru lura f'pajjiżhom ma' uliedhom huma ostaklu għall-moviment liberu taċ-ċittadini atl-UE; jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga d-diskriminazzjoni allegata kontra l-konjugi mhux Ġermaniż fi żwiġijiet imħallta fil-każ tal-Uffiċċju Ġermaniż għall-Benessri tat-Tfal u ż-Żgħażagħ (Jugendamt);

33. Jindika l-importanza tal-kooperazzjoni amministrattiva fi kwestjoni ta’ stat ċivili; jinnota, ngħidu aħna, li kull stat li jixtieq bidla fid-dokumenti ta' stat ċivili ta’ wild rikonoxxut fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni marbut jinforma lill-Istat Membru inkwestjoni dwar l-intenzjoni tiegħu li ssir din il-bidla, sabiex id-dokumenti bħaċ-ċertifikati tat-twelid ma jkunux jistgħu jiġu modifikati b’mod li jħassar l-oriġini tal-identità tal-wild;

34. jirrimarka li kull ċittadin tal-Unjoni rikonoxxut bħala ġenitur ta’ wild imwieled barra ż-żwieġ jew fiż-żwieġ, għandu jkun informat bid-dritt tiegħu ta’ appell fil-każ ta’ separazzjoni, sabiex ikollu drittijiet ta’ żjara, ħlief f’każijiet fejn b'deċiżjoni konġunta mill-pajjiżi kemm tal-ġenituri kif ukoll tal-wild, ikun ġie stabbilit periklu ġenwin għall-wild;

35. jitlob għall-ħatra ta’ medjatur, jew mill-inqas ta' medjatur għat-tfal, f’kull Stat Membru, b’poteri suffiċjenti biex ikollu aċċess għal kull dokument u jirrevedi kull deċiżjoni ta qorti, bl-għan li jikkoordina l-ilmenti u d-diffikultajiet legali ta' ġenituri li jkunu qed jisseparaw, sabiex dawn ma jitħallewx jagħżlu imġieba illegali biex jinfurzaw dak li huma jqisu bħala jeddhom u dak ta' wliedhom; iżid jgħid li kull ċittadin jista’ jirreferi għall-medjatur fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew fil-pajjiż fejn jinsab li d-drittijiet tiegħu ikunu ġew miksura;

36. Jistieden lill-Istati Membri li għadhom ma rratifikawx id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2010 li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tad-Dritt applikabbli għad-divorzju u s-separazzjoni legali biex, fl-interess tal-ugwaljanza bejn iċ-ċittadini tal-UE fil-qasam tal-għażla ta' Dritt dwar id-divorzju, jirratifikawha; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tippromwovi dan l-istrument ġdid matul is-Sena Ewropea taċ-Ċittadinanza, peress li huwa inevitabbli li jiżdied in-numru ta’ divorzji transnazzjonali, peress li qed jiżdied anke n-numru ta' żwiġijiet transnazzjonali;

37. Huwa tal-fehma li kwalunkwe ċittadin li jemmen li d-drittijiet tiegħu ġew miksura, għandu jkollu rimedju għall-anqas fil-livell lokali, nazzjonali jew Ewropew biex jiddefendihom;

38. Jiġbed l-attenzjoni għal darb’oħra dwar il-problemi li qed jaffaċjaw dawk iċ-ċittadini tal-UE li ddeċidew li jeżerċitaw id-dritt tal-istabbiliment skont l-Artikolu 49 tat-TFUE u li straw propertajiet legalment fi Spanja, li eventwalment jew illegalizzati; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Spanjoli biex jirrevedu b’mod komplet il-mod li bih il-liġi Ley de Costas (il-Liġi Kostali) hija implimentata sabiex jevitaw li jaffettwaw id-drittijiet individwali tas-sidien tal-proprjetà, billi jitqies il-fatt li dik il-liġi dwar il-proprjetà ma taqax taħt il-kompetenzi tal-UE u hija soġġetta għall-prinċipju tas-sussidjarjetà li jinsab fit-Trattati;

39. Jisħaq mill-ġdid dwar il-prijoritajiet ewlenin tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet: li tinstab soluzzjoni għall-kwestjonijiet dejjiema rigward il-beni; jinnota li ċ-ċittadini tal-UE, kemm nazzjonali u non-nazzjonali, kellhom numru ta’ problemi serji bit-tranżizzjonijiet tal-proprjetà u l-garanziji bankarji u l-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà, li kkontribwew għal nuqqas ta’ fiduċja fis-suq tal-proprjetà transkonfinali u għall-problemi ekonomiċi Ewropej; jitlob sabiex il-prinċipji tal-protezzjoni tal-konsumaturi tal-UE u tal-libertà tal-moviment jiġu estiżi biex ikopru l-proprjetà, u jtenni t-talba tiegħu għad-dritt għall-proprjetà miksuba b’mod leġittimu biex jiġi rrispettat bis-sħiħ;

40. Jirrikonoxxi li hemm għadd ta’ ostakli li jipprevjenu t-tgawdija sħiħa min-naħa taċ-ċittadini tal-UE tal-jeddijiet elettorali tagħhom meta jkunu jirrisjedu f'pajjiż li ma jkunx dak tagħhom, filwaqt li dan hu l-aktar jedd politikament tanġibbli taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-eżerċizzju tiegħu għandu jkun liberu minn kull formalità diskriminatorja u ostruttiva; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex jippropagaw b'mod aktar effettiv l-għarfien ġenerali ta' dan id-dritt fost iċ-ċittadini permezz ta' kampanji ta' informazzjoni mmirati fit-tħejjija ta’ elezzjoni rispettiva; jilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiffaċilita l-proċedura li tippermetti liċ-ċittadini tal-UE li joħorġu għall-elezzjonijiet Ewropej fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom u li tħejji l-ħidma teknika biex jittejbu l-mekkaniżmi għall-prevenzjoni ta’ votazzjoni doppja jew ta’ telf tal-jedd għall-vot; għal dan jipproponi l-ħolqien ta’ reġistru Ewropew għall-votazzjoni fl-elezzjonijiet Ewropej; jappoġġa l-ħidma tal-Kummissjoni bl-għan li jiġu ppubblikati r-riżultati tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-istess ħin f’kull Stat Membru; jitlob lill-Istati Membri jsibu soluzzjonijiet aħjar għat-titjib tar-regoli li jiggvernaw l-elezzjonijiet u jippromwovu l-aqwa prattiki; jisħaq li, inter alia, parteċipazzjoni aktar diretti miċ-ċittadini permezz tal-partiti politiċi Ewropej tkun pass deċiżiv lejn il-ksib ta’ ‘aktar’ Ewropa u demokrazija aktar awtentika;

41. Jipproponi li s-sħubija f'partit politiku Ewropew tista’ tkun aktar komunement issuġġerita lill-membri ta’ partit nazzjonali, sabiex jiġi promoss l-involviment politiku taċ-ċittadini fl-Ewropa;

42. Huwa tal-fehma li t-twaqqif ta’ one-stop shop fiżiku u onlajn għaċ-ċittadini, 'L-Ewropa Tiegħek', huwa ta' siwi kbir għall-individwi li jkunu qed ifittxu parir jew rimedju, kemm jekk ikunu residenti fit-tul kemm jekk ġodda; jirrikonoxxi fl-istess ħin li n-netwerks għas-soluzzjoni tal-problemi u għall-informazzjoni stabbiliti mill-Kummissjoni (bħalma huma Europe Direct, ‘Solvit’, Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi, eċċ.) huma msieħba importanti għas-soluzzjonijiet ta' lmenti rigward in-nuqqas ta' funzjoni fis-suq intern jew resitrizzjonijeit fuq jeddijiet iċ-ċittadini tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi dawn is-servizzi disponibbli online b’mod aktar attiv mhux biss billi tinvolvi l-għajnuna eżistenti fil-livell tal-UE u s-servizzi għas-soluzzjoni tal-problemi, iżda wkoll billi b'mod partikolari jittieħed approċċ iktar komprensiv u attiv aktar biex dawn jitwasslu liċ-ċittadini;

43. Iqis li l-ħaddiema transfronterjali, li jgħaddu minn ħafna burokrazija amministrattiva fl-Istati Membri, billi jeħtieġu informazzjoni aħjar u mmirati aktar għal jeddijiethom soċjali u professjonali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproduċi materjal informattiv li jiddelinea f’termini ċari u sempliċi l-jeddijiet gawduti miċ-ċittadini kollha tal-UE li jkunu qed jittraslokaw, jaħdmu, jistudjaw, jixtru, jivvjaġġaw u jeżerċitaw il-jeddijiet politiċi tagħhom bejn il-fruntieri; huwa tal-fehma li sistema ġdida tal-ADR (riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim) ibbażata fuq iċ-ċittadini mibnija fuq korpi konsultattivi u strutturi amministrattivi eżistenti tkun ta' għajnuna kbira fil-provvediment ta' proċeduri ta' soluzzjoni ta' tilwim barra mill-qrati li jkunu espedjenti, aċċessibbli u li jaffordjaw il-konsumaturi;

44. Jipproponi li l-Kummissjoni twettaq inkjesta sabiex tiskopri kif iċ-ċittadini tal-UE iridu jkunu informati dwar l-attivitajiet tal-Unjoni, biex l-aspettattivi tagħhom jiġu ssodisfati b'mod iktar dirett;

45. Jitlob lill-Kummissjoni ttejjeb l-għoti fl-UE tal-informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-Unjoni billi żżid il-għadd ta’ ċentri lokali ta’ informazzjoni;

46. Jitlob li l-volum ta’ dokumenti li jkunu jeħtieġu traduzzjoni ċċertifikata għal proċedimenti ġudizzjarji jitnaqqas għall-minimu assolut, ħalli jkun evitat dewmien fid-difiża taċ-ċittadini u ma jkunux iġġenerati kostijiet legali eċċessivi;

47. Jitlob li jkun faċli għal kull ċittadin Ewropew li jallega li jkun vittma ta’ trattament eċċessivament zelanti jew ta’ abbuż ta’ pożizzjoni ta' poter mill-awtoritajiet amministrattivi jew tal-pulizija ta’ Stat Membru ieħor ikun jista’ japproċa l-awtorità nazzjonali jew lokali responsabbli mill-ilmenti kontra dawn l-entitajiet;

48. Jitlob lill-Kummissjoni, li tappoġġja l-ġemellaġġi bejn l-ibliet u l-irħula Ewropej, li ma tiffokax biss fuq l-għoti tal-assistenza lill-iskemi ta’ ġemellaġġ li jinvolvu Stati Membri ġodda jew pajjiżi non-UE, imma jixtieq jara li arranġamenti ta’ ġemellaġġ ta’ durata itwal jibqgħu jirċievu l-assistenza tal-UE ħalli jiġi żgurat li jibqgħu jeżistu fit-tul, li bħalissa qed jiġi mhedded;

49. Jemmen li kull ċittadin tal-UE għandu jedd għall-aċċess liberu għall-informazzjoni newtrali u ta’ kwalità għolja; jikkunsidra bi tħassib kbir il-ħolqien ta’ awtoritajiet regolaturi tal-midja li jkunu qrib wisq tal-gvernijiet;

50. Jemmen li l-Unjoni Ewropea għandha tikkomunika b'mod iktar regolari permezz tat-televixin, li huwa għajn importanti ta’ għoti ta’ informazzjoni; għalhekk jilqa’ riżorsi baġitarji addizzjonali allokati għall-Euronews;

51. Jilqa’ l-proposta reċenti tal-Kummissjoni biex jissaħħaħ il-ħarsien taċ-ċittadini tal-UE mill-awtoritajiet diplomatiċi jew konsulari ta’ kwalunkwe Stat Membru, partikolarment billi jiġi ċċarat meta ċittadin huwa kkunsidrat bħala mhux irrappreżentat u jiġi speċifikat it-tip ta' għajnuna li normalment jipprovdu l-Istati Membri f’każijiet ta’ bżonn;

52. Jifraħ lill-Kummissjoni dwar it-twaqqif tal-portal ta’ Ġustizzja Elettronika, li jipprovdi kompendju tal-proċeduri u l-arranġamenti legali fl-Istati Membri;

53. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkoopera mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet fl-abbozzar ta’ rapport ġdid dwar iċ-ċittadinanza fl-2013; jiċċara f'dan ir-rigward li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet, b'mod partikolari fuq il-bażi tal-petizzjonijiet li jirċievi, se jeżamina bir-reqqa r-riżultati miksuba f'termini ta' tisħiħ taċ-ċittadinanza tal-Unjoni (qabel il-pubblikazzjoni tar-rapport li jmiss), u se jitlob li tittieħed azzjoni ulterjuri mill-Kummissjoni jekk dan ikun meħtieġ;

54. Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li tiddikjara l-2013 ‘Is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini’, li għandha tqanqal u tkattar il-kuxjenza dwar il-jeddijiet u l-vantaġġi marbutin maċ-ċittadinanza tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni – b’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali u mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili – tuża din l-opportunità biex iżżid l-isforzi tagħha għall-protezzjoni u l-promozzjoni tal-jeddijiet taċ-ċittadini, u għalhekk isaħħaħ l-istatus u l-immaġni tal-UE bħala d-difensur u l-faċilitatur ta’ jeddijiet iċ-ċittadini; jenfasizza l-importanza tal-użu tal-potenzjal strateġiku tas-sena 2013 għall-aċċellerament tal-bidliet soċjopolitiċi meħtieġ ħalli jintgħeleb in-nuqqas ta’ fiduċja min-naħa taċ-ċittadini li kompla żdied minħabba l-kriżijiet ekonomiċi; jitlob biex iċ-ċittadinanza tal-Unjoni tiddaħħal bħala prijorità tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li jmiss; ifisser it-tama li s-Sena Ewropea taċ-Ċittadini fl-2013 tindirizza l-problemi soċjo-ekonomiċi u taħdem favur suq li jibbenefika liċ-ċittadini, filwaqt li fl-istess waqt tkattar b’mod sinifikattiv il-kuxjenza ġenerali tal-istatus taċ-ċittadini tal-UE;

55. Jipproponi li l-Kummissjoni tniedi fis-sena 2012 kompetizzjoni madwar l-Unjoni bil-għan li jinħoloq logo għas-Sena Ewropea taċ-Ċittadini;

56. Jitlob lill-Parlament u lill-Kunsill jiżguraw li l-Istati Membri jkollhom riżorsi baġitarji biżżejjed biex jiżguraw li s-Sena Ewropea taċ-Ċittadini fl-2013 u l-attivitajiet marbutin minnha, partikolarment dawk li jinvolvu l-mezzi tax-xandir, jimxu ħarir, sabiex jintlaħqu l-objettivi prefissati;

57. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ombudsman Ewropew, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

  • [1]  ĠU L 257, 19.10.1968, p. 2.
  • [2]  ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22.
  • [3]  ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1.
  • [4]  ĠU C 137E, 27.5.2010, p. 14.
  • [5]  L-Artikolu 20(2) TFUE.
  • [6]  P7_TA(2011)0587.
  • [7]  Ara Lucy Stewart v Secretary of State for Work and Pensions, Kawża C‑503/09.
  • [8]  ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22.
  • [9]  P7_TA(2011)0453.
  • [10]  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).
  • [11]  Ara, inter alia, Petizzjonijiet 0810/2011 u 0900/2011.
  • [12]  Ara, inter alia, Petizzjoni 0632/2008.
  • [13]  P7_TA(2011)0092.
  • [14]  Ara, inter alia, Petizzjonijiet 1351/2008, 0945/2010 u 1300/2010.
  • [15]  P7_TA(2011)0453.
  • [16]  Ara, inter alia, Petizzjonijiet 0401/2009 and 1119/2009.
  • [17]  Kawża C-299/05 tat-18 ta’ Ottubru 2007 u, aktar reċenti, Kawża C-503/09 tal-21 ta' Lulju 2011.
  • [18]  Ara, inter alia, Petizzjoni 112/2009.
  • [19]  Ara, inter alia, Petizzjonijiet 511/1998 u 689/1998.
  • [20]  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, ĠU L 338, 23.12.2003, p. 1.
  • [21]  Ara, inter alia, Petizzjoni 1614/2009.

NOTA SPJEGATTIVA

‘Ir-Rapport tal-2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE. Inżarmaw l-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE’[1] ġie ppubblikat mill-Kummissjoni Ewropea f’Ottubru 2010. Il-Kummissjoni bdiet mis-suġġeriment inkluż fir-rapport tal-Parlament Ewropew dwar ‘Il-problemi u l-prospettivi taċ-ċittadinanza Ewropea’ tal-20 ta’ Marzu 2009[2], u kkonsultat is-soċjetà ċivili u ħejjiet tabella ta’ valutazzjoni tal-ostakoli l-aktar importanti li ċ-ċittadini jaffaċjaw meta jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri.

“Ir-Rapport tal-2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE” huwa wkoll aktar komprensiv mir-rapporti preċedenti, li bażikament jipprovdu deskrizzjoni fil-qosor, meħtieġa skont l-Artikolu 25 tat-TFUE, tal-iżviluppi ewlenin rigward iċ-ċittadinanza tal-UE fil-perjodu rilevanti ta’ tliet snin. Ir-rapport jidentifika 25 ostakolu li ċ-ċittadini jiffaċċjaw fi rwoli differenti (bħala individwi privati, konsumaturi, residenti, studenti, turisti u professjonisti jew atturi politiċi) u jressaq soluzzjonijiet sabiex jingħelbu dawn l-ostakoli.

Dan l-abbozz ta’ rapport jeżamina bir-reqqa l-azzjonijiet proposti mill-Kummissjoni Ewropea mill-perspettiva ta’ petizzjonijiet li rċieva l-Kumitat għall-Petizzjonijiet matul il-perjodu ta’ referenza 2008-2011 li ppermetta li jiġu kkunsidrati l-aktar żviluppi reċenti. Għal dan il-għan, ġew analizzati aktar minn 300 petizzjoni rilevanti li rċieva l-Kumitat.

Il-petizzjonijiet jipprovdu rispons dirett miċ-ċittadini dwar l-implimentazzjoni ta’ politiki differenti u jeżaminaw il-livell ta’ sodisfazzjoni bl-Unjoni Ewropea. Il-petizzjonanti jattendu l-laqgħat tal-kumitat u jingħataw l-opportunità li jinvolvu ruħhom fi djalogu trasparenti u dirett mal-Membri tal-Parlament Ewropew.

Matul dawn l-aħħar snin, ġiet irreġistrata żieda fin-numru ta' petizzjonijiet rigward il-problemi li iħabbtu wiċċhom magħhom iċ-ċittadini tal-UE li jeżerċitaw id-dritt tagħhom tal-moviment liberu. L-istatistiċi inklużi fir-rapporti annwali tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet juru li kwestjonijiet marbutin mal-moviment liberu jammontaw għal madwar 25% tan-numru totali tal-petizzjonijiet li jirċievu.

Il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat dejjem aktar importanza liċ-ċittadinanza Ewropea u poġġiet lill-moviment liberu fuq quddiem nett, bħala d-dritt bażiku li jwassal għal sensiela wiesgħa ta' drittijiet oħra importanti. Il-moviment liberu huwa wieħed mill-egħżeż kisbiet tal-UE. Stħarriġ riċenti tal-Ewrobarometru juri li ‘id-dritt l-aktar familjari maċ-ċittadini tal-UE għadu d-dritt tal-moviment liberu u tar-residenza’, b’88% tal-persuni jirrikonxxu dan id-dritt[3].

Madankollu, il-libertà tal-moviment tal-persuni hija l-aqas żviluppata fost l-erba’ libertajiet stabbiliti fit-Trattati (jiġifieri il-libertà tal-moviment tal-merkanzija, tal-kapital, tas-servizzi u tal-persuni). Minkejja li sar progress konsiderevoli f’dan ir-rigward, wara d-dħul fis-seħħ tad-‘Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza’[4], numru kbir ta’ petizzjonijiet juru li għad hemm ħafna problemi marbutin mal-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva.

Xi Stati Membri ma jirrikonoxxux bis-sħiħ id-drittijiet ta’ membri tal-familja li ġejjin minn pajjiżi terzi. Pereżempju, diversi petizzjonijiet juru li r-Renju Unit ma ħalliex membri tal-famija ġejjin minn pajjiżi li mhumiex fl-UE jidħlu mingħajr viża, minkejja li kellhom il-karta ta’ residenza maħruġa minn Stat Membru ieħor. L-awtoritajiet tar-Renju Unit talbu għal numru eċċessiv ta’ dokumenti, ipproċessaw applikazzjonijiet b’dewmien eċċessiv u żammew id-dokumenti oriġinali. Wara l-intervent tal-Kummissjoni Ewropea, ibbażat fuq ħafna ilmenti u petizzjonijiet li waslu, ingħata bidu għal xi titjib fil-prassi amministrattiva.

Xi pajjiżi ħarġu karta ta’ residenza għal perjodu limitat (liema prassi tmur kontra l-Artikolu 11(1)) jew kisru l-prinċipju tat-'trattament ugwali' (li jinsab fl-Artikolu 24), billi trattaw liċ-ċittadini Ewropej li jgħixu fit-territorju tagħhom f’konformità mad-Direttiva b’mod anqas favorevoli mill-persuni tan-nazzjonalità tagħhom stess.

Fl-Isvezja, id-deċiżjonijiet meħuda biex jiġu miċħuda l-applikazzjonijiet għal karta ta' residenza mhumiex suġġetti għal rieżami u għaldaqstant iċ-ċittadini huma mċaħħda mid-drittijiet bażiċi ta’ rimedju. Iċ-ċittadini Olandiżi li jgħixu barra mill-pajjiż jiffaċċjaw diffikultajiet meta jiġu biex iġeddu d-dokumenti tal-ivvjaġġar.

Iċ-ċittadini ta’ spiss ikollhom diffikultajiet għall-aċċess tal-intitolament tas-sigurtà soċjali partikularment minħabba li l-leġiżlazzjoni relevanti hija kumplessa, diffiċli biex tinftiehem u xi drabi ma tiġix applikata korrettament mill-awtoritajiet relevanti. Ta’ spiss jiġri li ċ-ċittadini ma jimlewx il-formoli li suppost jew jaqbżu d-data ta’ skadenza għas-sottomissjoni tad-dokumentazzjoni meħtieġa minħabba li ma jiġux infurmati kif xieraq jew ma jkunux sabu l-istruzzjonijiet meħtieġa qabel ma jitilqu minn pajjiżhom.

Waslu diversi petizzjonijiet minn ċittadini tar-Renju Unit li jgħixu f’pajjiż ieħor tal-UE rigward ir-rifjut tal-għoti ta’ benefiċċji mill-Gvern tar-Renju Unit bħall-Allowance għall-Għajxien għall-Persuni b'Diżabilità, l-Allowance Għall-Attendenza jew l-Allowance għall-Kuratur, minkejja l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kklassifikathom bħala benefiċċji tal-mard esportabbli fi flus[5].

Każ imressaq minn petizzjonanta[6] liema każ kien ukoll suġġett għal digriet preliminari, li rriżulta f’digriet importanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (C-503/09), mressaq f’Lulju 2011. Id-digriet stqarr li tali test ta' preżenza fil-passat jista' jiġi impost biss fl-assenza ta' rbit xieraq ieħor mas-sistema ta’ sigurtà soċjali tar-Renju Unit.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet enfasi kbir dwar il-kunċett ta’ ċittadinanza u d-drittijiet marbutin magħha. Hija enfasizzat ukoll li ma jkunx kompatibbli mad-drittijiet taċ-ċittadinanza jekk iċ-ċittadini jirċievu trattament anqas favorevoli fl-Istat Membru li tiegħu huma nazzjonali mit-trattament li jgawdu minnu li kieku ma bbenefikawx mill-opportunitajiet li joffrulhom it-Trattati.

Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet appoġġja bis-sħiħ il-petizzjoni minn meta rċiviha fl-2008 u qed jieħu sehem fi djalogi kostruttivi mal-awtoritajiet kompetenti Ingliżi u mal-Kummissjoni Ewropea dwar din il-kwestjoni. F’Novembru 2009 il-petizzjonanta u l-familja tagħha kellhom l-opportunità jattendu laqgħa tal-kumitat u jispjegaw bis-sħiħ il-każ tagħha quddiem il-Membri tal-Kumitat u r-rappreżentanti uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea.

Ir-regoli tar-Renju Unit ma jagħmlux referenza għall-fatt li ex-ħaddiem li għandu t-tfal li għadhom qed jistudjaw għandhom id-dritt ta' residenza fir-Renju Unit skont il-liġi tal-UE. B’riżultat ta’ dan, dan il-grupp ta’ persuni qed jiċċaħdu b’mod inġust mill-benefiċji fuq il-bażi li ma għandhomx dritt ta' residenza. Ir-regoli naqqsu milli jitrattaw id-drittijiet skont l-Artikolu 18 TFUE. Dan huwa qasam ikkumplikat, iżda huwa ċar mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea li persuna li kellha d-dritt ta’ residenza fi Stat Membru fil-passat għandha tirċievi trattament ugwali bħaċ-ċittadini tal-Istat Membru f'termini ta' aċċess għall-benefiċji.

Il-petizzjonanti taw ukoll rendikont tal-problemi li għandhom x'jaqsmu mar-rikonoxximent tad-diplomi u l-kwalifiki taħghom u xi drabi tan-nuqqas ta’ traspożizzjoni jew implimentazzjoni tad-Direttiva 2005/36/KE[7].

Il-Kodiċi tal-Kondotta li sar sabiex tiġi applikata d-Direttiva 2005/36/KE jidher li mhuwiex magħruf sewwa jew mhuwiex qed jiġu osservati kif xieraq mill-awtoritajiet kompetenti. F’ċerti każijiet, l-awtoritajiet talbu lill-applikanti jissottomettu dokumenti addizzjonali apparti dawk imsemmija fl-annessi jew imponew testijiet tal-lingwa sproporzjonati. F'diversi pajjiżi ġie ddenunzjat id-dewmien tat-trapożizzjoni tad-Direttiva. Spiżjara bil-kwalifiki minn Stati Membri oħra lmentaw minħabba li ma ngħatawx aċess għall-ġestjoni ta’ spiżeriji ġodda fir-Renju Unit, minħabba interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 21 (4) tad-Direttiva. Il-każ ġie solvut b’suċċess matul it-tieni nofs tas-sena 2011.

Il-pletora ta' awtoritajiet kompetenti, fil-livell nazzjonali jew lokali toħloq konfużjoni fost il-petizzjonanti minħabba li ma jkunux jafu fejn għandhom imorru. Proċeduri li jieħdu fit-tul u ħafna burokrazija żejda jistgħu wkoll ikunu ta’ deterrent.

Id-diskriminazzjoni sfaċċata fuq il-bażi tan-nazzjonalità ġiet żvelata f'diversi okkażjonijiet fil-każ tal-għalliema tal-lingwi barranin (‘lettori') fl-Italja, li ilhom jitħabtu għal deċennji kontra t-trattament diskriminatorju fir-rigward tas-sigurtà tal-impjieg, l-iżvilupp tal-karriera, il-pensjonijiet u s-sigurtà soċjali.

Il-petizzjonanti esprimew it-tħassib tagħhom dwar l-ostakoli li jiffaċċjaw il-persuni b’diżabilitajiet meta jeżerċitaw id-dritt tagħhom tal-moviment liberu, bħalma huwa n-nuqqas ta’ faċilitajiet xierqa tat-trasport.

Il-problemi fil-qasam tal-liġi tal-familja ġew żvelati prinċipalment fir-rigward tal-kustodja tat-tfal f’każijiet ta’ divorzju jew rikonoxximent ta’ sħubija rreġistrati fi Stat Membru ieħor.

Fir-rigward ta’ divorzji transkonfini, il-petizzjonanti ilmentaw primarjament dwar l-ispejjeż kbar involuti, il-proċeduri li jieħdu fit-tul, in-nuqqas ta’ informazzjoni xierqa dwar il-liġijiet u ġurisdizzjonijiet applikabbli.

Diversi petizzjonijiet jitfgħu d-dawl fuq problemi marbutin man-nuqqas ta’ rikonoxximent tad-dokumenti tal-istatut ċivili. Il-proċeduri għar-rikonoxximent ta’ dokumenti jistgħu jieħdu ħafna ħin u jinvolvu ħafna spejjeż, partikularment spejjeż marbuta mat-traduzzjoni jew l-awtentikazzjoni. Xi petizzjonanti rrappurtaw problemi rigward it-traspożizzjoni lingwistika tal-ismijiet tagħhom skont il-kultura tal-pajjiż fejn ikunu marru joqogħdu. Oħrajn ilmentaw dwar id-diffikultajiet li ltaqgħu magħhom meta pprovaw jirreġistraw lill-wild ġdid tagħhom fl-istat ta’ residenza ġdid tagħhom. Ġie żvelat li l-awtoritajiet Pollakki rrifjutaw li joħorġu ċertifikati tal-istat ċivili lill-persuni li kellhom l-intenzjoni jissieħbu fi sħubija tal-istess sess jew li jiżżewġu fi Stat Membru ieħor.

Diversi petizzjonijiet ilhom sospiżi għal diversi snin filwaqt li jitolbu soluzzjoni għall-problemi relatati mar-rikonoxximent reċiproku taż-żwieġ u s-sħubiji rrikonoxxuti bejn koppji tal-istess sess, li jwassal għad-diskriminazzjoni ta’ diversi drittijiet fundamentali mogħtija liċ-ċittadini tal-UE fuq il-bażi tal-orjentazzjoni sesswali.

It-tkeċċijiet kollettivi fuq il-bażi tal-oriġini etnika jew nazzjonali ġew kritikati u ġie nnutat li n-nuqqas ta' Strateġiji Nazzjonali tal-Integrazzjoni tar-Roma huwa wieħed mill-kawżi tal-problema.

Fl-aħħarnett, ir-rapport jikkonċentra fuq l-importanza ta’ netwerks informali għas-soluzzjoni tal-problemi (Solvit, is-sit elettroniku 'L-Ewropa Tiegħek') u l-importanza ta’ politika tal-komunikazzjoni mtejba, li għandha timmira sabiex tiżgura li ċ-ċittadini tagħha jgawdu bis-sħiħ id-drittijiet tagħhom stabbiliti fit-Trattati.

Minkejja li d-drittijiet taċ-ċittadini huma miġbura b’mod ċar fl-atti ġuridiċi tal-UE, fil-prattika mhux dejjem qed jiġu attwati. Għaldaqstant ħafna nies iħossuhom iddiżappuntati bil-proġett Ewropew. Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet jipprova jirrettifika dawn in-nuqqasijiet billi jqiegħed liċ-ċittadini fil-qalba tal-attivitajiet tiegħu. Il-Kumitat jagħmel użu mill-influenża politika tiegħu sabiex jidħol fi djalogu dirett mal-awtoritajiet nazzjonali jew reġjonali fl-Istati Membri kkonċernati u jipprova jsib rimedji mhux ġudizzjarji f'qasir żmien għall-kwestjonijiet imqajma. F’ċerti każijiet iressaq allegazzjonijiet ta’ ksur serju tad-Dritt Ewropew, liema każijiet jixirqilhom aktar konsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Kumitat PETI jikkoopera mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea għall-bidu ta' proċeduri ta' ksur. Konsegwentement, id-drittijiet taċ-ċittadini qed jiġu promossi b’mod kostanti u sikur permezz tal-proċess tal-petizzjonijiet.

  • [1]  COM(2010)0603 finali.
  • [2]  http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?type=TA&reference=P6-TA-2009-0204&language=EN&ring=A6-2009-0182.
  • [3]  EurobaRomaeter, European Union citizenship – analytical report, (Flash EB Series #294, October 2010).
  • [4]  Direttiva 2004/38/KE dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri ([2004] ĠU L158/77).
  • [5]  Kawża C-299/05 tat-18 ta’ Ottubru 2007.
  • [6]  Petizzjoni 0876/2008, imressqa mis-Sinjorina Lucy Jane Marie Stewart, ta’ ċittadinanza Ingliża, dwar id-dritt tagħha għall-pensjoni tal-invalidità meta qiegħda tgħix fi Stat Membru ieħor li mhix ċittadina tiegħu.
  • [7]  Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali.

OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (25.1.2012)

għall-Kumitat għall-Petizzjonijiet

dwar ir-Rapport tal-2010 dwar iċ-ċittadinanza tal-UE: inżarmaw l-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE
(2011/2182(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Louis Grech

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jistieden lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi r-Rapport tal-2010 dwar iċ-ċittadinanza tal-UE COM(2010)603 u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu "Lejn Att dwar is-Suq Uniku" COM(2010)608 huma inizjattivi komplementari li jqiegħdu liċ-ċittadini tal-UE fil-qalba tas-Suq Uniku u jgħinu biex tingħeleb il-frammentazzjoni attwali tal-UE;

B.  billi t-tendenza ekonomika negattiva attwali u l-adozzjoni mill-ġdid ta' attitudnijiet ekonomiċi protezzjonisti fl-Istati Membri heddew uħud mis-suċċessi l-aktar viżibbli tal-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea; billi l-proposta tal-Kummissjoni biex l-2013 issir is-"Sena Ewropea għaċ-Ċittadini" għandha tindirizza l-problemi soċjoekonomiċi tal-UE u għandha taħdem favur suq li jkun għas-servizz taċ-ċittadini;

C.    waqt li jfakkar fl-ispirtu tar-Riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2010[1] dwar ir-realizzazzjoni tas-suq uniku għall-konsumaturi u ċ-ċittadini, u b'appoġġ għar-Rapport Monti, li jippromwovi approċċ iffukat fuq iċ-ċittadini fejn it-tħassib taċ-ċittadini u tal-konsumaturi jkun integrat b'mod sħiħ fl-iżvilupp tas-Suq Uniku, biex b'hekk tingħata s-setgħa liċ-ċittadini tal-UE u jingħata impetu politiku ġdid lill-kunċett ta' ċittadinanza tal-UE;

D. wara li kkunsidra r-riżultat tal-ewwel Forum tas-Suq Uniku, li sar fi Krakovja fit-3 u l-4 ta' Ottubru 2011, u b'mod partikolari d-Dikjarazzjoni ta' Krakovja, li enfasizzat l-ostakli li ċ-ċittadini qed iħabbtu wiċċhom magħhom fil-ħajja tagħhom ta' kuljum u l-passi li hemm bżonn jittieħdu sabiex jitneħħew dawn l-ostakoli;

1.  Jenfasizza b'mod partikolari l-importanza li jitneħħew l-ostakoli għall-moviment ħieles taċ-ċittadini tal-Ewropa b'mod partikolari billi jiġi żgurat li ċ-ċittadini jgawdu d-drittijiet tagħhom tal-UE li għandhom x'jaqsmu mal-aspetti varji tal-ħajja tagħhom fi kwalunkwe Stat Membru li jridu jivvjaġġaw lejh; dan huwa partikolarment importanti fir-rigward tal-moviment ħieles tal-ħaddiema u l-professjonisti u għalhekk għall-ikkompletar tas-suq intern;

2.  Jisħaq fuq il-fatt li l-mobilità taċ-ċittadini tal-UE tista' tittejjeb billi jiġi ffaċilitat l-użu tad-drittijiet soċjali tagħhom u tingħata informazzjoni aħjar dwar dawn id-drittijiet fi Stati Membri oħrajn; jilqa' bis-sħiħ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tiġi żviluppata sistema ġdida ta' skambju elettroniku ta' data tas-sigurtà soċjali u jitlob kooperazzjoni akbar bejn is-sistemi tas-sigurtà soċjali nazzjonali;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta l-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari fir-rigward tar-reġjuni gżejjer u dawk muntanjużi li l-abitanti tagħhom m'għandhomx l-istess aċċess għas-saħħa, ix-xogħol u l-edukazzjoni bħaċ-ċittadini li jgħixu fi bliet kbar; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel sforzi akbar biex tiżgura li l-broadband jiddaħħal fir-reġjuni gżejjer u dawk muntanjużi u biex timplimenta l-politiki meħtieġa kollha fir-rigward tal-aċċess għad-drittijiet, biex ikun evitat li tonqos il-popolazzjoni f’dawn ir-reġjuni;

4.  Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni biex taġġorna d-Direttiva 2005/36/KE sabiex tippermetti rikonoxximent iktar veloċi u inqas burokratiku ta' kwalifiki professjonali; jenfasizza li huwa neċessarju li l-kwalifiki professjonali jkunu rikonoxxuti f'ħafna postijiet għaliex iċ-ċittadini qed isiru dejjem aktar mobbli, u li jkunu ggarantiti d-drittijiet tal-portabilità tal-ħaddiema mobbli, li jitħeġġeġ it-taħriġ informali li jwassal għal passaport ta' ħiliet, u li tiġi implimentata l-kard 'żgħażagħ mobbli'; jaqbel li kard professjonali Ewropea tista' sservi bħala għodda biex tiffaċilita aħjar il-mobilità tal-Ewropej u sservi bħala eżempju ta' Ewropa taċ-ċittadini;

5.  Ifakkar fl-importanza tal-portabilità tal-pensjonijiet madwar l-Istati Membri tal-UE, li n-nuqqas tagħha għadu ostakolu sinifikanti li jiskoraġġixxi liċ-ċittadini milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu;

6.  Jinnota li l-Kummissjoni taf li ċ-ċittadini m'għandhomx aċċess biżżejjed għall-informazzjoni u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tadatta kemm jista' jkun il-komunikazzjoni għall-bżonnijiet taċ-ċittadini ordinarji, pereżempju billi tqiegħed għad-dispożizzjoni l-konsultazzjonijiet pubbliċi kollha tal-Kummissjoni fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE; jafferma bis-sħiħ il-pożizzjoni rigward l-importanza tal-punti uniċi ta' servizz, ifaħħar lill-Kummissjoni għal xogħolha fuq il-portal l-Ewropa Tiegħek u jinkoraġġixxi li jitlesta l-iżvilupp ta' dan l-istrument innovattiv, partikolarment billi jingħataw iktar soluzzjonijiet għal punti uniċi ta' servizz fiżiċi li jkollhom riżorsi adegwati fil-livell nazzjonali billi jkun żgurat li dawn ikunu ġewwa l-bini tar-rappreżentanzi tal-Kummissjoni Ewropea fl-Istati Membri varji;

7.  Jirrikonoxxi li d-diffikultajiet amministrattivi jibqgħu ostakolu ewlieni fl-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni biex issib aktar soluzzjonijiet effettivi, billi tidentifika u tindirizza b'mod kostanti l-ostakoli u l-problemi għaċ-ċittadini li jħabbtu wiċċhom ma’ proċeduri amministrattivi transkonfinali, kemm direttament kif ukoll permezz ta' awtorità amministrattiva lokali;

8.  Jirrikonoxxi d-diffikultajiet lingwistiċi li jħabbtu wiċċhom magħom iċ-ċittadini meta jkollhom x'jaqsmu mal-qrati, l-istituzzjonijiet u l-amministrazzjonijiet nazzjonali meta jiċċaqalqu b'mod ħieles fl-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni toffri soluzzjonijiet tanġibbli u espedjenti li jgħinu liċ-ċittadini jegħlbu dan l-ostakolu sinifikanti, mingħajr ma jitqiegħed piż kbir fuq l-awtoritajiet tal-Istati Membri;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tadotta qafas komprensiv u kkonsolidat li jintegra d-drittijiet kollha tal-passiġġieri f'biċċa leġiżlazzjoni waħda, b'kunsiderazzjoni għall-bżonnijiet differenti tal-passiġġieri skont il-mezz ta' trasport, u jfaħħar il-pjanijiet tal-Kummissjoni għar-reviżjoni tar-Regolament (KE) 261/2004; jirrikjedi lill-Kummissjoni tieħu azzjonijiet effettivi f'dan il-qasam;

10. Jinnota li regoli tat-taxxa kumplessi applikabbli għal sitwazzjonijiet transkonfinali flimkien ma' taxxa doppja jaqtgħu qalb iċ-ċittadini milli jaqsmu l-fruntieri; jappoġġa l-isforzi tal-Kummissjoni biex telimina dawn l-ostakoli tat-taxxa u jqis li għandha tingħata attenzjoni speċjali lir-reġistrazzjoni ta' vetturi b'muturi li qabel kienu rreġistrati fi Stat Membru ieħor sabiex jitnaqqsu l-formalitajiet u l-burokrazija kkumplikati ta’ reġistrazzjoni mill-ġdid u jkunu evitati sitwazzjonijiet ta' ħlas doppju tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li proposta leġiżlattiva dwar dan tkun ippreżentata fl-2012;

11. Jilqa' l-proposti tal-Kummissjoni bl-għan li jkun iffaċilitat aċċess aħjar għal kura tas-saħħa transkonfinali sabiex tiggarrantixxi serħan il-moħħ u kura ta' kwalità għaċ-ċittadini li jinsabu barra l-Istat Membru tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw implimentazzjoni mgħaġġla u effettiva tad-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali, billi jitqiesu kif dovut il-prinċipji tal-universalità, l-aċċess għal kura ta' kwalità tajba, l-ekwità u s-solidarjetà[2]; jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jaħdmu għar-realizzazzjoni tal-objettiv ta' użu kbir mis-servizzi ta' telemediċina u saħħa elettronika sal-2020 u, barra minn hekk, jappoġġa l-proġetti pilota intiżi biex jagħtu liċ-ċittadini tal-UE aċċess onlajn sikur għad-data tagħhom bħala pazjenti u jiżguraw l-interoperabilità tar-rekords tal-pazjenti, u b'hekk jipprovdu lill-pazjenti b'kontinwità fil-kura;

12. Jemmen li waħda mill-kawżi ewlenin ta' frustrazzjoni għaċ-ċittadini li jirċievu l-kura tas-saħħa barra minn pajjiżhom hija li mhumiex konxji biżżejjed mid-drittijiet tagħhom u tal-mezzi disponibbli biex jinfurzawhom; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jinfurmaw liċ-ċittadini aħjar dwar dawn id-drittijiet, inklużi l-aspetti prattiċi tal-eżerċizzju tagħhom, b'mod partikolari rigward ir-rimbors tal-ispejjeż;

13. Jinnota l-pubblikazzjonijiet reċenti tal-Kummissjoni dwar is-setgħa lill-konsumaturi ("Consumer Empowerment") u l-20 suġġett prinċipali ta' tħassib ("The 20 main concerns"), li jenfasizzaw id-distakk fl-informazzjoni, il-leġiżlazzjoni u l-implimentazzjoni li għad hemm fis-Suq Uniku, kif ukoll in-nuqqas ta' għarfien fost il-konsumaturi u n-negozji dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom, li jżommhom milli jgawdu mill-benefiċċji tas-suq uniku; jimpenja ruħu, u jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jagħmlu l-istess, għat-titjib tal-komunikazzjoni maċ-ċittadini dwar id-drittijiet li huma intitolati għalihom mis-Suq Uniku;

14. Jemmen li, ladarba tkun identifikat il-problemi relatati mas-Suq Uniku, il-Kummissjoni għandha tgħaddi għall-fażi loġika li jmiss li tikkonsolida u ssib modi kif timplimenta effettivament is-Suq Uniku sabiex jerġa' jinkiseb l-appoġġ taċ-ċittadini Ewropej; jilqa' l-ħidma tal-Kummissjoni dwar l-20 suġġett prinċipali ta' tħassib, imnissla mir-riżoluzzjoni tal-20 ta' Mejju 2010[3], bħala pass inizjali utli; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta l-ewwel 20 soluzzjoni prinċipali, kif proposti waqt il-Forum tas-Suq Uniku ta' Krakovja, għal kull wieħed minn dawn is-sorsi ta' frustrazzjoni;

15. Jistieden lill-Kummissjoni tara l-iżvilupp tas-suq uniku diġitali bħala prijorità sabiex il-konsumaturi jkollhom aċċess sħiħ għal offerti aktar kompetittivi ta' prodotti u servizzi;

16. Iqis li l-aċċess għas-servizzi bankarji għaċ-ċittadini tal-UE li jmorru jgħixu fi Stat Membru ieħor tal-UE għandu jkun iffaċilitat aktar; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri leġiżlattivi neċessarji biex jiġi żgurat aċċess għaċ-ċittadini kollha tal-UE għal kont ta' pagament bażiku; jisħaq fuq il-bżonn li titjieb it-trasparenza tal-ispejjeż bankarji;

17. Ifakkar li l-Forum tas-Suq Uniku 2011 irnexxa bħala verifika tal-progress tas-Suq Uniku u għen biex iressaq fuq quddiem it-tħassib taċ-ċittadini; iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżomm dan il-momentum u kontinwament tevalwa s-sitwazzjoni attwali tas-suq uniku billi torganizza Fora tas-Suq Uniku regolarment u tissupplementahom bi żjarat annwali biex jiġi evalwat u mħeġġeġ is-suq uniku fl-Istati Membri individwali;

18. Jilqa' l-ħidma u l-impenn tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-Att dwar is-Suq Uniku; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-prijoritajiet prinċipali, filwaqt li tiżviluppa t-tieni sett ta' inizjattivi għal implimentazzjoni futura;

19. Ifakkar fl-importanza ta' mekkaniżmu ta' rimedju effettiv bħala mezz biex ikun żgurat li l-konsumaturi jkunu jistgħu jfittxu li jieħdu d-drittijiet tagħhom; jenfasizza l-fatt li, tul is-snin, metodi ta' soluzzjoni alternattiva tat-tilwim (ADR) u n-netwerk SOLVIT urew li huma sempliċi, rapidi u kosteffikaċi fis-soluzzjoni tal-problemi li jaffettwaw liċ-ċittadini, bħal dawk marbuta mar-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali, il-portabilità ta' fondi tal-pensjoni tal-ħaddiema mobbli u l-moviment liberu u r-residenza taċ-ċittadini tal-UE, jinnota, madankollu, li l-pajsaġġ tas-sistemi ADR tal-Ewropa għadu frammentat fil-parti l-kbira tiegħu u n-netwerk SOLVIT mhux qed jintuża daqskemm jista' jintuża; jenfasizza li ċ-ċittadini għandhom ikunu infurmati aħjar dwar dawn il-mekkaniżmi ta' rimedju u l-għodod għas-soluzzjoni tal-problemi bl-għan li jkun iffaċilitat ir-rimedju tal-konsumatur f'xiri transkonfinali ta' prodotti u servizzi; jilqa' l-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni dwar l-użu tal-ADR u s-soluzzjoni tat-tilwim onlajn (Online Dispute Resolution (ODR)) u jenfasizza l-importanza tal-adozzjoni effettiva tagħhom, kif ukoll tal-promozzjoni ta' użu iktar mifrux tal-medjazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li jkun ippreparat qafas li jorbot legalment fil-qasam tar-rimedju kollettiv;

20. Huwa tal-opinjoni li sistema ġdida tal-ADR ibbażata fuq iċ-ċittadini mibnija fuq korpi konsultattivi u strutturi amministrattivi eżistenti tkun ta' għajnuna kbira fil-provvediment ta' proċeduri ta' soluzzjoni ta' tilwim barra mill-qrati li jkunu espedjenti, aċċessibbli u li jaffordjaw il-konsumaturi;

21. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tadotta mingħajr dewmien Pjan ta' Azzjoni għat-tisħiħ ulterjuri tar-rwol tas-SOLVIT, tal-Pariri tal-Ewropa Tiegħek u taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi, fost servizzi ta' assistenza oħrajn, sabiex tagħmilhom aktar viżibbli għaċ-ċittadini u n-negozji;

22. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tikkunsidra li tadotta Karta tad-Drittijiet taċ-Ċittadini li tkun faċli biex tintuża, aġġornata regolarment u faċilment aċċessibbli, kif mitlub fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-20 ta' Mejju 2010[4] msemmija hawn fuq, li tiddeskrivi d-drittijiet u l-obbligi taċ-ċittadini u kwistjonijiet transkonfinali fi ħdan s-Suq Uniku; huwa tal-fehma li din il-Karta għandha tkun faċilment disponibbli u għandha sservi bħala manwal għaċ-ċittadini kollha li jaqsmu l-fruntieri, u jaħdmu, jixtru u jbigħu f'kuntest transkonfinali, u għandha tipprovdi aktar informazzjoni u soluzzjonijiet prattiċi għall-problemi ta' kuljum li jkollhom iċ-ċittadini Ewropej bħal ma huma l-kisba tal-aċċess għall-kura medika, ir-reġistrazzjoni tal-karozzi, il-ftuħ ta' kontijiet bankarji, ix-xiri onlajn ta' prodotti, eċċ;

23. Jitlob iktar azzjoni mill-Istati Membri f'koordinazzjoni mal-Kummissjoni biex jingħelbu l-ostakoli li jżommu liċ-ċittadini milli jkollhom aċċess għas-servizzi onlajn; jinnota, f'dan ir-rigward, il-proposta tal-Kummissjoni dwar Liġi Ewropea dwar il-Kuntratti;

24. Ifakkar lill-Kummissjoni Ewropea dwar id-dmir tagħha li tinvestiga ksur tal-liġi tal-UE, b'mod partikolari fir-rigward ta' ksur tad-drittijiet li ċ-ċittadini kisbu mill-UE; jenfasizza li l-piż tal-prova rigward tali ksur tal-liġi tal-UE ma jridx jitqiegħed fuq iċ-ċittadini, li m'għandhomx ir-riżorsi biex jipprovdu informazzjoni bħal din;

25. Jenfasizza li anke bit-titjib reċenti żvelat mit-Tabelli ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern ta' Diċembru 2010, l-Istati Membri xorta għadhom ma rnexxilhomx jissodisfaw għal kollox l-objettivi tagħhom ta' traspożizzjoni korretta u fil-ħin tal-leġiżlazzjoni Ewropea fil-liġi nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni u t-traspożizzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni dwar is-suq uniku permezz ta' monitoraġġ aktar sistematiku u indipendenti sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet indaqs madwar l-Unjoni kollha.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

25.1.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

36

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Adam Bielan, Cristian Silviu Buşoi, Sergio Gaetano Cofferati, Lara Comi, Anna Maria Corazza Bildt, Cornelis de Jong, Vicente Miguel Garcés Ramón, Evelyne Gebhardt, Louis Grech, Małgorzata Handzlik, Iliana Ivanova, Philippe Juvin, Sandra Kalniete, Eija-Riitta Korhola, Edvard Kožušník, Kurt Lechner, Toine Manders, Hans-Peter Mayer, Phil Prendergast, Mitro Repo, Robert Rochefort, Zuzana Roithová, Heide Rühle, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Bernadette Vergnaud, Barbara Weiler

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Simon Busuttil, Frank Engel, Ildikó Gáll-Pelcz, Anna Hedh, Liem Hoang Ngoc, Emma McClarkin, Olle Schmidt, Kyriacos Triantaphyllides

  • [1]  P7_TA(2010)0186.
  • [2]  Id-Direttiva 2011/24/UE tipprovdi regoli għall-iffaċilitar tal-aċċess għal kura tas-saħħa transkonfinali sikura u ta' kwalità għolja u tħeġġeġ il-kooperazzjoni dwar il-kura tas-saħħa bejn l-Istati Membri. Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva, il-kura tas-saħħa transkonfinali għandha tkun provduta billi jitqiesu l-prinċipji tal-universalità, l-aċċess għal kura ta' kwalità tajba, l-ekwità u s-solidarjetà.
  • [3]  P7_TA(2010)0186 (Rapport Grech).
  • [4]  P7_TA(2010)0186 (Rapport Grech)

OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (24.1.2012)

għall-Kumitat għall-Petizzjonijiet

dwar ir-Rapport tal-2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE: Inżarmaw l-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE
(2011/2182(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Morten Løkkegaard

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni jistieden lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Hu tal-fehma li n-nuqqasijiet fit-tixrid tal-informazzjoni hi waħda mir-raġunijiet ewlenin li minħabba fihom iċ-ċittadini Ewropej ma jistgħux jagħmlu użu sħiħ mid-drittijiet tagħhom; jerġa' jitlob lill-Kummissjoni, hekk kif qed tqarreb is-sena 2013 – is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini – biex tiggarantixxi, f'kollaborazzjoni mal-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali u mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili - strateġija tal-komunikazzjoni komprensiva sabiex tinforma liċ-ċittadini Ewropej dwar id-drittijiet tagħhom, filwaqt li b'hekk tinkoraġġixxi l-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza u tgħin liċ-ċittadini jesprimu l-opinjonijiet tagħhom u tiżgura li dawn l-opinjonijiet jinftiehmu aħjar; iqis li l-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom ikunu attivi fil-livell lokali u jikkomunikaw maċ-ċittadini fil-kostitwenzi tagħhom;

2.  Hu tal-opinjoni li aktar ma l-komunikazzjoni tkun qrib iċ-ċittadini, aktar tkun effettiva; jenfasizza r-rwol tal-Membri tal-Parlament Ewropew fil-komunikazzjoni attiva mal-kostitwenti; iħeġġeġ lill-entitajiet nazzjonali u reġjonali biex jieħdu f'idejhom ir-responsabilità tad-drittijiet garantiti mil-liġi tal-UE; u jistieden lill-Kummissjoni tidentifika n-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni f'dan il-qasam;

3.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jħabirku ħalli ssir aktar faċli li tfittex u tuża s-siti tal-web tagħhom u sabiex huma jagħmlu użu sħiħ mill-midja soċjali;

4.  Jilqa' l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej u jenfasizza li hemm bżonn ikun assigurat li din tidħol fis-seħħ malajr billi jkunu pprovduti l-mezzi li permezz tagħhom din issir mekkaniżmu li ġenwinament jippermetti liċ-ċittadini jipparteċipaw fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Unjoni Ewropea; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex iżżid il-kuxjenza pubblika dwar l-opportunitajiet għal azzjoni li dan il-mekkaniżmu joffri u jitlob biex ikunu kkunsidrati ġenwinament il-proposti li qed iressqu ċ-ċittadini;

5.  Jirreferi għall-Grupp Interistituzzjonali għall-Informazzjoni bħala forum li fih l-istituzzjonijiet tal-UE jistgħu jaħdmu biex iwettqu l-impenn tagħhom li 'jikkomunikaw l-Ewropa fi sħubija' u jikkoordinaw il-ħidmiet biex jikber l-għarfien tad-drittijiet mogħtija mill-UE; jinnota li reċentement naqset ferm il-kooperazzjoni fil-Grupp Interistituzzjonali dwar l-Informazzjoni, u jinkoraġġixxi lill-partijiet kollha involuti biex jaqblu dwar strateġiji ta' komunikazzjoni komuni sabiex l-impatt tal-isforzi tal-komunikazzjoni jilħaq il-massimu tiegħu;

6.  Jirrimarka li l-volontarjat hu mezz importanti li jkabbar l-ambitu għall-involviment ta' kull ċittadin tal-UE fis-soċjetà, filwaqt li jgħallem liċ-ċittadini dwar iċ-ċittadinanza attiva u jippermettilhom li jimmiraw għaliha, joħloq kapital soċjali u jinkoraġġixi sens aktar qawwi ta' identità Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ineħħu l-ostakoli għall-volontarjat, biex jiżviluppaw strateġiji li jippromwovuh u biex jagħrfu l-kontribut li jagħti fil-promozzjoni taċ-ċittadinanza tal-UE;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi mekkaniżmi li jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta' kultura li tipproteġi u tippromwovi d-drittijiet fundamentali fil-livelli kollha tal-politika, biex b'hekk tinkoraġġixxi djalogu politiku interattiv u tpoġġi fil-prattika l-prinċipju ta' demokrazija parteċipattiva;

8.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistandardizza l-għoti ta' informazzjoni dwar il-mobilità għall-istudenti, l-għalliema u r-riċerkaturi tal-UE billi tiġi stabbilita sistema b'punt uniku ta' servizz sabiex ikun aktar faċli għalihom jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet ipprovduti mill-programmi Ewropej; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi kampanji ta' informazzjoni li jippubbliċizzaw l-istrument tal-Europass u x-xogħol tal-EURES;

9.  Jenfasizza l-importanza tal-volontarjat u r-rwol tiegħu fil-bini ta' ċittadinanza ġenwina tal-UE, partikolarment fil-qasam tas-salvagwardja tad-drittijiet taċ-ċittadini u fit-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali u l-komprensjoni reċiproka bejn iċ-ċittadini tal-UE;

10. Jenfasizza d-dritt taċ-ċittadini tal-UE li jirċievu aħbarijiet oġġettivi u affidabbli minn mezzi ta' komunikazzjoni indipendenti, fuq il-bażi li l-libertà u l-pluraliżmu tal-mezzi ta' komunikazzjoni għandhom ikunu rispettati, kif stipulat fl-Artikolu 11 tal-Karta tal-UE dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

11. Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri jiżguraw, mhux l-inqas permezz tax-xogħol tal-organizzazzjonijiet tax-xandir pubbliku, li tkun provduta informazzjoni xierqa dwar l-istorja u l-kultura tal-Ewropa u l-istituzzjonijiet tagħha u dwar il-programmi Komunitarji fl-oqsma akkademiċi, soċjali u ekonomiċi, sabiex jiżdied l-aċċess għall-opportunitajiet li l-UE toffri;

12. Jistieden lid-Direttorati Ġenerali għall-Komunikazzjoni tal-Parlament u tal-Kummissjoni sabiex isaħħu u jkabbru l-ambitu għall-involviment tat-tfal u l-istudenti tal-iskejjel, kif ukoll l-għalliema tagħhom, f'kampanji ta' komunikazzjoni interattiva, li tinkludi l-internet u metodi innovattivi, sabiex tiżdied il-kuxjenza dwar argumenti relatati maċ-ċittadinanza tal-UE kif ukoll il-parteċipazzjoni attiva fihom;

13. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiffaċilitaw il-mobilità għaċ-ċittadini li jmorru minn pajjiż għall-ieħor tal-UE u jiżguraw ir-rikonoxximent akkademiku ta' diplomi, ċertifikati u perjodi ta' studji u ta' taħriġ vokazzjonali, biex b'hekk jitneħħew l-ostakli għall-mobilità tal-istudenti u ta' dawk li qed ifittxu x-xogħol, u jżidu l-isforzi tagħhom lejn tifrix usa' tal-informazzjoni li tirrigwarda l-possibilitajiet offruti liċ-ċittadini Ewropej permezz tal-programmi edukattivi u tat-taħriġ vokazzjonali; jirrakkomanda bil-qawwa t-twaqqif ta' kriterji komuni għar-rikonoxximent reċiproku ta' taħriġ vokazzjonali formali u mhux formali, pereżempju billi titħaffef l-adozzjoni tas-sistema tal-Qafas Ewropew għall-Kwalifiki biex ikunu rikonoxxuti l-kwalifiki, it-trasparenza kif ukoll il-validazzjoni tal-ħiliet;

14. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jappoġġjaw u jkabbru l-programmi edukattivi u kulturali kollha Ewropej li jippromwovu l-mobilità transkonfinali, u l-multilingwaliżmu, sabiex b'hekk jitrawmu u jikbru l-valuri komuni u l-interkulturaliżmu fil-kuntest taċ-ċittadinanza tal-UE;

15. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintervjeni b'mod attiv ħalli tiggarantixxi d-dritt taċ-ċittadini kollha tal-UE għal edukazzjoni bażika ta' kwalità għolja u għal taħriġ vokazzjonali ta' kwalità għolja;

16. Minbarra l-libertà ta' moviment u tal-edukazzjoni, jenfasizza l-importanza tat-tagħlim tul il-ħajja, it-taħriġ vokazzjonali u programmi ta' taħriġ addizzjonali sabiex jiġu eliminati l-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE;

17. Jenfasizza l-kontribut enormi li ta l-programm Erasmus u programmi oħra ta' mobilità biex jikber is-sens ta' ċittadinanza Ewropea; jitlob sabiex ikun hemm sforzi ġodda ħalli jiżdiedu r-rati ta' parteċipazzjoni;

18. Jindika l-importanza li jitjiebu l-ħiliet lingwistiċi billi l-istudenti, sa minn età żgħira, jiġu mgħallma mill-inqas żewġ lingwi barranin, kif rakkomandat mill-Kunsill Ewropew ta' Barċellona tal-15-16 ta' Marzu 2002, sabiex iċ-ċittadini tal-UE verament ikun jista' jkollhom aċċess għall-informazzjoni u jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom fl-Unjoni; jenfasizza l-ħtieġa li jiżdiedu l-isforzi tal-UE f'dan il-qasam billi l-programm ta' taħriġ tal-lingwi barranin jiġi inkorporat b'mod aktar attiv f'kull livell edukattiv u billi ssir enfasi speċjali biex ikun hemm aċċess ugwali għat-tagħlim tal-lingwi għat-tfal kollha;

19. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni sabiex l-2013 tkun is-Sena Ewropea għaċ-Ċittadini u jenfasizza l-importanza tar-rikonoxximent tal-istatus taċ-ċittadinanza tal-UE filwaqt li jirrikonoxxi d-drittijiet marbuta ma' dan; jenfasizza l-ħtieġa li jkunu promossi l-għarfien u l-informazzjoni dwar id-drittijiet fil-ħajja ta' kuljum tal-membri tal-pubbliku, b'referenza speċjali għall-ġenerazzjonijiet il-ġodda;

20. Jenfasizza l-importanza ta' aktar azzjoni li tappoġġja, tenfasizza u tippromwovi programmi ta' kooperazzjoni transkonfinali Ewropej fil-qasam tal-kultura u tal-edukazzjoni bħala mezzi importanti biex tiżdied il-kuxjenza tal-identità komuni Ewropea;

21. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tagħti l-attenzjoni ħalli jiġi stabbilit bilanċ fir-rigward tal-mobilità tal-professjonisti u ta' dawk involuti fir-riċerka, l-edukazzjoni u t-taħriġ fost id-diversi Stati Membri u r-reġjuni.

22. Jitlob li l-konsultazzjonijiet pubbliċi mwettqa mill-Kummissjoni jintużaw b'mod aktar effettiv bħala mezz li bih iċ-ċittadini jieħdu sehem fi djalogu sabiex l-objettivi tal-politika jaqblu aktar mal-aspettattivi; huwa tal-fehma li tali konsultazzjonijiet għandhom ikunu disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha u għandhom ikunu mmexxija b'mod proattiv flimkien ma' entitajiet nazzjonali u lokali, NGOs, trejdunjins u multiplikaturi oħra; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-linji gwida ta' konsultazzjoni fir-rigward ta' dan.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

24.1.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

23

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Badia i Cutchet, Zoltán Bagó, Malika Benarab-Attou, Piotr Borys, Santiago Fisas Ayxela, Lorenzo Fontana, Mary Honeyball, Petra Kammerevert, Morten Løkkegaard, Emma McClarkin, Marek Henryk Migalski, Katarína Neveďalová, Doris Pack, Chrysoula Paliadeli, Marie-Thérèse Sanchez-Schmid, Marco Scurria, Emil Stoyanov, Hannu Takkula, László Tőkés, Helga Trüpel, Marie-Christine Vergiat, Sabine Verheyen, Milan Zver

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Ivo Belet, Seán Kelly, Georgios Papanikolaou, Inês Cristina Zuber

OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (8.12.2011)

għall-Kumitat għall-Petizzjonijiet

dwar ir-Rapport tal-2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE – Inżarmaw l-ostakli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE
(2011/2182(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Zita Gurmai

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' l-approċċ proattiv pjutost milli deskrittiv tar-Rapport dwar iċ-Ċittidinanza tal-Kummissjoni tal-2010 , li jagħti ħarsa ġenerali aħjar tal-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Kummissjoni fil-futur;

2.  Ifakkar li ċ-ċittadinanza tal-UE għandha titqies bħala għadd ta' drittijiet u dmirijiet li japplikaw għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea f'konformità mal-Artikolu 20 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

3.  Jiddispjaċih, madankollu, li hemm hiatus bejn id-dispożizzjonijiet dwar iċ-ċittadinanza fit-Trattati u l-applikazzjoni tagħhom fil-prattika; ifakkar, f'dan ir-rigward, li ċ-ċittadinanza tal-UE tirrappreżenta sett addizzjonali ta' drittijiet li huma garantiti mit-Trattati tal-UE, imħaddna mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u żviluppati fil-liġi sekondarja;

4.  Jirrimarka li regolamentazzjoni aħjar ma tfissirx fil-prinċipju anqas regolamentazzjoni u li f'bosta oqsma tal-politika, dispożizzjonijiet vinkolanti huma ta' spiss meħtieġa għall-infurzar tal-leġiżlazzjoni;

5.  Ifakkar li l-parteċipazzjoni demokratika permezz tad-drittijiet elettorali ma tistax tiġi imposta fuq iċ-ċittadini, iżda għandha toriġina minnhom; iqis, f'dan ir-rigward, li l-proċess elettorali jikkostitwixxi mezz ta' kif iċ-ċittadini Ewropej jingħataw sens ta' sjieda tad-demokrazija; jirrimarka li l-partiti politiċi Ewropej għandhom rwol ewlieni fit-tiswir ta' demos Ewropew u li jikkontribwixxu għall-arrikkiment tal-“Identità Ewropea” taċ-ċittadini; jipprevedi wkoll li l-persuni naturali se jkunu jistgħu jissieħbu ma' kwalunkwe partit politiku Ewropew jekk jixtiequ dan; jistieden lill-partiti politiċi fil-livell nazzjonali u f'dak Ewropew biex jippromwovu d-dimensjoni Ewropea u t-temi Ewropej, billi pereżempju jiġi pprovdut taħriġ għall-uffiċjali tagħhom;

6.  Jenfasizza li l-partiti politiċi Ewropej u l-istituzzjonijiet politiċi Ewropej saru fatturi neċessarji fil-ħajja politika tal-Unjoni Ewropew billi jsawru u jirriflettu l-pożizzjonijiet rispettivi tad-diversi "familji politiċi";

7.  Ifakkar li l-partiti politiċi Ewropej u l-kisba mistennija, permezz tar-reviżjoni tar-Regolament 2004/2003, tal-personalità ġuridika tagħhom, se juri l-benefiċċji prattiċi li minnhom igawdu ċ-ċittadini bl-għoti taċ-ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea;

8.  Jiddispjaċih li bosta ċittadini tal-Unjoni Ewropea għadhom mhumiex infurmati sew dwar id-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-Unjoni Ewropea; jitlob lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom, b'mod sinifikanti, biex jipprovdu informazzjoni utli u prattika dwar id-drittijiet marbuta maċ-ċittadinanza tal-UE – inklużi d-drittijiet elettorali u l-isħubija mal-partiti politiċi u t-twaqqif tagħhom – biex b'hekk jgħinu liċ-ċittadini tagħhom jibbenefikaw bis-sħiħ minn dawn id-drittijiet, anke bħala residenti ta' Stat Membru tal-UE li mhuwiex pajjiżihom;

9.  Jirrikonoxxi l-isfida li jirrappreżenta t-tnaqqis ġenerali gradwali fil-parteċipazzjoni tal-votanti f'elezzjonijiet;

10. Jirrimarka li, minbarra l-prinċipji demokratiċi komuni, huma neċessarji wkoll ċerti kunsiderazzjonijiet prattiċi u simboli Ewropej b'saħħithom (pereżempju l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet Ewropej f'daqqa f'kull Stat Membru) biex tiżdied il-parteċipazzjoni tal-votanti;

11. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-publikazzjoni tar-riżultati tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ssir fl-istess żmien fl-UE kollha, sabiex jiġi evitat ir-riskju li r-riżultat fi Stat Membru wieħed jista' jaffettwa l-votazzjoni fl-oħrajn;

12. Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ttejjeb il-mekkaniżmu attwali għall-prevenzjoni ta' vvotar doppju fl-elezzjonijiet tal-Parlement Ewropew;

13. Jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-adeżjoni imminenti tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (KEDB) u l-ewwel protokoll tagħha, tindirizza l-prattika ta' ċerti Stati Membri biex ineħħu r-rappreżentanza taċ-ċittadini tagħhom stess li jagħżlu li jirresiedu fi stat ieħor għal perjodu estiż;

14. Jenfasizza bil-qawwi li ċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea se jibbenefikaw bis-sħiħ mill-istatus tal-UE tagħhom biss jekk huma, flimkiem mal-partijiet interessati kollha bħall-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-UE, eċċ, huma konxji tad-drittijiet u r-responsabbilitajiet li dan iġib miegħu; jesprimi t-tama li l-2013 bħala s-Sena Ewropea taċ-Ċittadini se żżid b'mod sinifikanti l-kuxjenza ġenerali tal-istatus taċ-ċittadini tal-UE;

15. Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tagħmilha aktar sempliċi għall-partijiet interessati biex jużaw l-appoġġ finanzjarju pprovdut għall-implimentazzjoni tad-drittijiet marbutin maċ-ċittadinanza tal-UE u jilqa' l-isforzi tagħha biex tikseb biżżejjed riżorsi finanzjarji għal dawn il-programmi; jitlob lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, telabora aktar dwar jekk dawn il-programmi humiex miftuħa għall-fondazzjonijiet politiċi, li huma, min-natura tagħhom stess, magni għall-promozzjoni taċ-ċittadinanza attiva;

16. Jenfasizza li għandha ssir enfasi fuq is-sensibilizzazzjoni tad-drittijiet u d-dmirijiet ikkonferiti miċ-ċittadinanza Ewropea fil-kuntest tal-Istrument għal Assistenza Qabel l-Adeżjoni;

17. Ifakkar li l-assoċjazzjonijiet, il-fondazzjonijiet u s-soċjetajiet mutwi jagħmlu parti integrali mis-soċjetà fl-Ewropa kollha, u l-fatt li dawn jingħataw statut Ewropew se jsaħħaħ d-dimensjoni Ewropea tagħhom; jistieden, f'dan il-kuntest, il-kumitat responsabbli jeżamina liema inizjattivi se jippromwovu l-aħjar l-adozzjoni ta' statut Ewropew għall-assoċjazzjonijiet, il-fondazzjonijiet u s-soċjetajiet reċiproċi;

18. Ifakkar u jilqa' l-fatt li s-sett ta' drittijiet marbutin maċ-ċittadinanza tal-UE issa huma kkumplimentati bi dritt ġdid, l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI), li se japplika minn April 2012;

19. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Istituzzjonijiet tal-UE jistabbilixxu fi żmien xieraq l-arranġamenti amministrattivi u prattiċi kollha neċessarji biex iċ-ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jipparteċipaw b'mod aktar intensiv fil-ħajja demokratika tal-Unjoni permezz tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini;

20. Jistieden lill-partijiet interessati kollha jużaw iż-żmien disponibbli qabel id-data li fiha r-Regolament dwar l-ECI jidħol fis-seħħ, biex jippromwovu b'mod estensiv dan l-istrument il-ġdid ta' demokrazija parteċipattiva;

21. Jitlob lill-partijiet interessati kollha jużaw ir-riżorsi tal-ICT biex jippromwovu l-komunikazzjoni maċ-ċittadini tal-UE.

22. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jirriflettu dwar l-istabbiliment tal-edukazzjoni ċivika Ewropea bl-għan li jiġi promoss ir-rwol tal-Unjoni Ewropea fost il-ġenerazzjoni żgħażugħa;

23. Jenfasizza li t-tneħħija tal-ostakli għall-kisba taċ-ċittadinanza u parteċipazzjoni aktar diretta taċ-ċittadini permezz tal-partiti politiċi Ewropej u tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini jikkostitwixxu passi deċiżivi għal "aktar" Ewropa u demokrazija aktar essenzjali.

24. Jappoġġa l-inizjattiva tal-Kummissjoni li żżid l-ammont ta' informazzjoni dwar l-UE fil-midja u jistieden lill-Istati Membri u lill-intrapriżi tal-istampa jwasslu l-informazzjoni dwar l-UE b'mod aktar effikaċi, pereżempju permezz tal-istazzjonijiet televiżivi nazzjonali.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

22.11.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

17

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Andrew Henry William Brons, Carlo Casini, Andrew Duff, Ashley Fox, Giuseppe Gargani, Matthias Groote, Roberto Gualtieri, Enrique Guerrero Salom, Gerald Häfner, Daniel Hannan, Stanimir Ilchev, Constance Le Grip, Morten Messerschmidt, Paulo Rangel, Algirdas Saudargas, György Schöpflin, József Szájer, Rafał Trzaskowski

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew, Zuzana Brzobohatá, Dimitrios Droutsas, Marietta Giannakou, Alain Lamassoure, Íñigo Méndez de Vigo

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

28.2.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

1

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Margrete Auken, Elena Băsescu, Heinz K. Becker, Victor Boştinaru, Simon Busuttil, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Ágnes Hankiss, Roger Helmer, Iliana Malinova Iotova, Carlos José Iturgaiz Angulo, Peter Jahr, Miguel Angel Martínez Martínez, Erminia Mazzoni, Willy Meyer, Mariya Nedelcheva, Nikolaos Salavrakos, Adina-Ioana Vălean, Rainer Wieland, Cecilia Wikström, Tatjana Ždanoka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Sonia Alfano, Vicente Miguel Garcés Ramón, Marian Harkin, Axel Voss, Angelika Werthmann

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Jill Evans, Sylvie Guillaume, Jan Kozłowski, Elisabeth Morin-Chartier