RAPPORT dwar in-nisa u t-tibdil fil-klima

9.3.2012 - (2011/2197(INI))

Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
Rapporteur: Nicole Kiil-Nielsen

Proċedura : 2011/2197(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0049/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar in-nisa u t-tibdil fil-klima

(2011/2197(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3(3), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Marzu 2011 bl-isem ‘Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050’ (COM(2011)0112),

–   wara li kkunsidra r-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa li saret f'Pekin f’Settembru 1995, id-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma għal Azzjoni adottata f'Pekin u d-dokumenti sussegwenti li rriżultaw adottati matul is-Sessjonijiet Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Beijing +5, +10 u +15 dwar aktar azzjonijiet u inizjattivi sabiex jiġu implimentati d-Dikjarazzjoni ta’ Pekin u l-Pjattaforma għal Azzjoni adottati rispettivament fid-9 ta' Ġunju 2000, fil-11 ta' Marzu 2005 u fit-2 ta' Marzu 2010,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 36/CP.7 tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) dwar it-Titjib fil-parteċipazzjoni tan-nisa fir-rappreżentazzjoni ta’ partijiet f’korpi stabbiliti skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Protokoll ta' Kyoto tad-9 ta' Novembru 2001,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti tat-18 ta’ Settembru 2000,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tat-18 ta’ Diċembru 1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tas-17 ta’ Novembru 2011 dwar l-approċċ integrat għat-trattament ugwali bejn is-sessi fil-qafas tal-ħidma tal-Parlament Ewropew[1],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-konferenza dwar it-tibdil fil-klima f'Durban (COP17)[2],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta’ Settembru 2011 dwar l-iżvilupp ta' pożizzjoni komuni tal-UE qabel il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (Rio+20)[3],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2009 dwar 'L-2050: Il-Ġejjieni jibda llum – Rakkomandazzjonijiet għal politika tal-UE integrata fil-ġejjieni dwar il-bidla fil-klima’[4],,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Marzu 2008 dwar l-Ugwaljanza tas-Sessi u Poter lin-Nisa fil-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp[5],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0000/2012),

A. billi t-tibdil fil-klima mhuwiex newtrali fir-rigward tal-ġeneru u ma għandux effetti divrenzjati skont il-ġeneru;

B.  billi l-konsum u t-tendenzi fl-istil tal-ħajja għandhom impatt sinifikanti fuq it-tibdil fil-klima;

C.  billi n-nisa jirrappreżentaw madwar 50% tal-popolazzjoni dinjija u billi dawn relattivament għad għandhom aktar responsabbiltà fir-rigward tal-għażliet ta' kuljum tal-konsum, l-attivitajiet għall-kura tat-tfal u dawk domestiċi; billi t-tendenzi tal-konsum ivarjaw bejn in-nisa u l-irġiel għaliex in-nisa jikkunsmaw b'mod aktar sostenibbli mill-irġiel u juru aktar disponibilità għall-preservazzjoni tal-ambjent billi jagħmlu għażliet konsumeristiċi sostenibbli;

D. billi minħabba r-rwoli bbażati fuq il-ġeneru, l-impatt tan-nisa fuq l-ambjent mhuwiex l-istess bħall-impatt tal-irġiel, u l-aċċess tagħhom għar-riżorsi u l-mod li bih jaffaċċjaw u jadattaw huwa affettwat bil-qawwi mid-diskriminazzjoni f’termini ta’ dħul, l-aċċess għar-riżorsi, il-poter politiku, l-edukazzjoni u r-responsabilità domestika;

E.  billi t-tibdil fil-klima se jamplifika l-inugwaljanzi u hemm riskju li l-politiki tat-tibdil fil-klima jkollhom impatt negattiv ukoll fuq il-bilanċ bejn il-ġeneru u d-drittijiet tan-nisa jekk id-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru ma tiġix ikkunsidrata mill-bidu nett;

F.  billi mhux ser ikun hemm l-ebda ġustizzja fir-rigward tal-klima mingħajr ugwaljanza reali bejn is-sessi, u billi l-eliminazzjoni tal-inugwaljanzi u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima m’għandhomx jitqiesu kontradittorji;

G.  billi d-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza fl-opportunità bejn l-irġiel u n-nisa jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli u l-protezzjoni ambjentali;

H. billi s-sorsi ta’ diskriminazzjoni u vulnerabilità apparti l-ġeneru (bħall-faqar, il-ġeografija, id-diskriminazzjoni tradizzjonali u istituzzjonali, ir-razza, eċċ.) flimkien joħolqu ostakolu għall-aċċess għar-riżorsi u l-mezzi sabiex ilaħħqu ma' tibdil drammatiku bħat-tibdil fil-klima;

I.   billi f’xi reġjuni, kważi 70% tan-nisa impjegati kollha jaħdmu fl-agrikoltura[6] u jipproduċu sa 90% ta’ xi prodotti tar-raba’[7], iżda madankollu huma kważi assenti mid-deliberazzjonijiet baġitarji u l-attivitajiet dwar it-tibdil fil-klima;

J.   billi, filwaqt li 70% tal-foqra li jgħixu b’anqas minn USD 1 kuljum huma nisa, in-nisa għandhom anqas minn 1% tal-proprjetà fid-dinja; billi, meta mqabbla mal-irġiel, in-nisa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jinvestu mill-ġdid parti konsiderevolment ikbar mid-dħul tagħhom fil-familji tagħhom;

K.  billi l-ippjanar tal-familja jista’ jtejjeb b’mod sinifikanti s-saħħa materna u l-kontroll fuq id-daqs tal-familja u fl-aħħar mill-aħħar iżid l-indipendenza u jnaqqas l-ammont ta’ xogħol tan-nisa, li għadhom meqjusin bħala dawk li prinċipalment jieħdu ħsieb it-tfal, filwaqt li jżid il-kapaċità tan-nisa u l-familji tagħhom li jirreżistu l-impatti tat-tibdil fil-klima, kif indikat fil-pjan fuq 20 sena adottat mill-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp;

L.  billi l-problemi ambjentali – ikkawżati u aggravati mit-tibdil fil-klima – huma attwalment responsabbli għaż-żieda fil-migrazzjoni furzata, u billi għaldaqstant hemm konnessjoni dejjem aktar b’saħħitha bejn dawk li jfittxu l-asil u ż-żoni ta’ ħsara ambjentali; billi tinħtieġ protezzjoni aħjar u riallokazzjoni ta’ 'rifuġjati tal-klima', kif ukoll attenzjoni speċjali lin-nisa li huma l-iżjed vulnerabbli;

M. billi madwar 75 u 80% mis-27 miljun rifuġjat fid-dinja huma nisa u tfal[8]; billi l-migrazzjoni li ssir minħabba t-tibdil fil-klima se taffettwa lill-irġiel u lin-nisa b’mod differenti u spiss in-nisa jiġu affettwati b’mod aktar gravi; billi d-dispożizzjonijiet partikolari rigward is-saħħa, is-sigurtà u l-indipendenza huma meħtieġa sabiex titnaqqas il-vulnerabilità tan-nisa f’każijiet ta’ migrazzjoni mġiegħla jew volontarja;

N. billi l-proporzjon ta’ nisa fit-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi u b’mod speċjali fin-negozjati dwar it-tibdil fil-klima għadu mhux sodisfaċenti u ftit li xejn sar progress dwar dan; billi n-nisa jammontaw biss għal 12 sa 15% tal-kapijiet tad-delegazzjonijiet u għal madwar 30% tad-delegati;

O. billi żewġ terzi tal-persuni illitterati fid-dinja huma nisa[9] u l-aċċess għall-informazzjoni u t-taħriġ permezz tal-mezzi ta’ komunikazzjoni xierqa huwa għaldaqstant importanti sabiex jiżgura l-indipendenza u l-inklużjoni tagħhom, partikolarment f’każijiet ta’ emerġenza bħad-diżastri naturali;

P. billi d-diżastri naturali għandhom effett qawwi fuq perjodu medju u twil fuq l-edukazzjoni, is-saħħa, il-faqar strutturali u l-ispustar tal-popolazzjoni, u billi t-tfal jirrappreżentaw grupp partikolarment vulnerabbli għall-effetti tad-diżastri naturali; billi hemm konnessjoni ċara bejn l-inċidenza tad-diżastri u t-tnaqqis fil-livell ta' attendenza tal-iskola, u billi d-diżastri jkabbru konsiderevolment id-differenza bejn il-ġeneru fil-livell skolastiku;

Q.  billi n-nixfa u n-nuqqas ta’ ilma minħabba l-bidla fil-klima jobbligaw lin-nisa jaħdmu aktar biex jipprovdu l-ilma, l-ikel u l-enerġija u billi ż-żgħażagħ spiss jabbandunaw l-iskola biex jgħinu lill- ommijiethom f'dawn il-kompiti;

R.  billi n-nisa huma wkoll aġenti tal-bidla b’saħħithom u huma aktar attivi globalment fir-rigward ta' attivitajiet tas-soċjetà ċivili, u l-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom f’kull aspett tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima tiżgura politiki aktar ġusti u aktar komprensivi u effettivi sabiex jiġi indirizzat it-tibdil tal-klima, kemm fl-aspetti tal-adattament kif ukoll tat-taffija;

S.  billi, minħabba r-responsabilitajiet tagħhom fir-rigward tal-ġestjoni ta’ riżorsi naturali skarsi, in-nisa jiksbu għarfien importanti dwar il-ħtieġa ta' ambjent aktar sostenibbli, li jagħtihom rwol potenzjali – li m’għandux ikun injorat – fit-titjib tal-istrateġiji ta’ adattament u taffija għall-bidla fil-klima;

T.  billi l-mekkaniżmi jew il-finanzjament għall-prevenzjoni, l-adattament u t-taffija tad-diżastri se jibqgħu insuffiċjenti sakemm ma jintegrawx il-parteċipazzjoni sħiħa tan-nisa fil-proċessi ta' tfassil, it-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-implimentazzjoni; billi prattiki tajba, pereżempju, mit-Tuneżija, in-Nikaragwa, El Salvador u l-Ħonduras urew li l-għarfien u l-parteċipazzjoni tan-nisa jsalvaw il-ħajjiet permezz tal-ġestjoni tad-diżastri, jagħtu spinta lill-bijodiversità, itejbu l-ġestjoni tal-ilma, itejbu s-sikurezza tal-ikel, jipprevjenu d-deżertifikazzjoni, jipproteġu l-foresti u jappoġġaw is-saħħa pubblika;

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.  Filwaqt li jirrikonoxxi li t-tibdil fil-klima, apparti l-effetti katastrofiċi tiegħu l-oħra, jaggrava d-diskriminazzjoni bejn il-ġeneri, jisħaq li l-prevenzjoni ta’ tibdil fil-klima perikoluż għandu jkun l-ogħla prijorità tal-UE kemm għall-politika interna kif ukoll għall-politika esterna;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jinkorporaw u jintegraw il-ġeneru f’kull pass tal-politiki dwar il-klima, mit-tfassil għall-finanzjament, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni, sabiex jiġi żgurat li l-azzjoni dwar il-klima ma żżidx l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri iżda twassal għal kobenefiċċji għas-sitwazzjoni tan-nisa;

3   Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkludu – fil-livelli kollha tat-teħid tad-deċiżjonijiet – objettivi għall-ugwaljanza u l-ġustizzja bejn is-sessi fil-politiki, il-pjanijiet ta' azzjoni u f'miżuri oħra relatati mal-iżvilupp sostenibbli, ir-riskju ta' diżastri u t-tibdil fil-klima, billi jwettqu analiżi sistematika tas-sessi, jistabbilixxu indikaturi u punti ta' referenza li jkunu sensittivi għall-ġeneru u jiżviluppaw għodod prattiċi; jenfasizza li l-proċess tan-negozjati dwar it-tibdil fil-klima għandu jikkunsidra l-prinċipji tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-istadji kollha tiegħu, mir-riċerka u l-analiżi għat-tfassil u l-implimentazzjoni u l-iżvilupp tal-istrateġiji ta' taffija u adattament;

4   Ifakkar li, fir-4 Rapport ta' Valutazzjoni tiegħu tal-2007, il-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) ikkonferma li l-impatt tat-tibdil fil-klima jvarja skont il-ġeneru, l-età u l-klassi soċjali, fejn il-foqra huma dawk li x'aktarx ibatu l-aktar; huwa tal-fehma li l-kisba tal-ugwaljanza bejn is-sessi hija essenzjali għall-iżvilupp tal-bniedem u objettiv fundamentali fil-ġlieda kontra l-faqar; jirrikjedi li fit-tfassil tal-politiki dwar l-iżvilupp, id-drittijiet tal-bniedem u t-tibdil fil-klima, jiġi applikat approċċ ġenerali bbażat fuq il-ġeneru; jitlob li jittieħdu passi biex jiżguraw li l-UNFCCC taġixxi skont l-oqfsa tad-drittijiet tal-bniedem u skont il-ftehimiet nazzjonali u internazzjonali dwar l-ugwaljanza u l-ekwità bejn is-sessi, inkluża l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW);

5.  Jenfasizza l-fatt li t-tibdil fil-klima u l-impatti negattivi tiegħu għandhom jiġu kkunsidrati bħala kwistjoni ta' żvilupp b'implikazzjonijiet għall-ġeneru li hija relevanti għas-setturi kollha (soċjali, kulturali, ekonomiċi u politiċi) mil-livell lokali għal dak globali, u li jeħtieġ li jkun hemm sforzi miftiehma mill-partijiet interessati kollha biex jiġi żgurat li t-tibdil fil-klima u l-miżuri ta' tnaqqis tar-riskju tad-diżastri jirrispondu għall-ġeneru, ikunu sensittivi għall-popli indiġeni u jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem;

6.  Jilqa’ s-sensibilizzazzjoni dejjem tikber tal-aspett tal-ġeneru tat-tibdil fil-klima fit-taħditiet ta’ livell għoli dwar il-klima, u fl-interventi mill-atturi ta’ livell għoli; jenfasizza madankollu l-ħtieġa li jara passi konkreti għall-inklużjoni ta’ iżjed nisa fid-diplomazija tal-UE għall-klima, fil-livelli kollha tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u b’mod speċjali fin-negozjati dwar it-tibdil fil-klima permezz ta’ miżuri bħall-introduzzjoni ta’ kwoti 40%+ fid-delegazzjonijiet;

7.  Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri dwar ir-riżoluzzjoni tiegħu għall-konferenza dwar it-tibdil fil-klima ġewwa Durban (COP 17) u jħeġġiġhom jaġixxu fuq l-impenn tiegħu biex jistinkaw għar-rappreżentanza tan-nisa ta' mill-anqas 40% fil-korpi rilevanti kollha għall-finanzjament fir-rigward tal-klima; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi applikat dan il-prinċipju għat-trasferiment tat-teknoloġija kif ukoll għall-korpi tal-adattament;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiġbru data speċifika skont il-pajjiż u separata skont il-ġeneru fl-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni ta' politiki dwar it-tibdil fil-klima, programmi u proġetti, sabiex jiġu vvalutati u indirizzati b'mod effikaċi l-effetti differenti tat-tibdil fil-klima dwar kull ġeneru u biex tinħoloq gwida dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima, li tiddefinixxi l-politiki li jistgħu jipproteġu lin-nisa u tagħtihom is-setgħa jiffaċċjaw l-effetti tat-tibdil fil-klima;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkorporaw l-istatistiki sensittivi għall-ġeneru fl-oqsma kollha tal-politika marbuta mal-ambjent sabiex itejbu l-kejl tas-sitwazzjoni ġenerali tan-nisa u l-irġiel fir-rigward tat-tibdil fil-klima;

10. Ifakkar li l-inklużjoni ta’ kwistjonijiet relatati mal-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni fil-politika għall-affarijiet barranin tal-UE għandha tkompli tikkontribwixxi sabiex in-nisa jkollhom rwol ċentrali fit-teħid tad-deċiżjonijiet, il-formazzjoni tal-politika, il-ġestjoni, il-konservazzjoni u l-monitoraġġ tar-riżorsi naturali u tal-ambjent u fl-isforzi kontra t-tibdil fil-klima;

11. Jitlob indikatur 'li ma jagħmilx ħsara għall-ambjent' (bħala alternattiva għall-PGN) għall-monitoraġġ ta’ kif it-tkabbir, il-konsum u t-tendenzi fl-istil tal-ħajja jinfluwenzaw it-tibdil fil-klima;

12. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jivvalutaw sa liema punt il-politiki relatati mal-klima jqisu l-ħtiġijiet tan-nisa, u jħeġġiġhom japplikaw perspettiva bbażata fuq il-ġeneru meta jifformulaw il-politika dwar l-iżvilupp sostenibbli li tkun sensittiva għall-ġeneru;

Adattament

13. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu għodod faċli għall-valutazzjoni tal-impatt skont il-ġeneru tal-proġetti matul iċ-ċikli tal-ħajja tal-proġett, bħal pereżempju għodod użati għall-proġetti tal-iżvilupp;

14. Jitlob soluzzjonijiet u proġetti lokali inklużivi, inkluż l-għarfien inkorporat tal-vulnerabilitajiet u l-kapaċitajiet eżistenti biex ikampaw, bħall-esperjenzi tradizzjonali u l-għarfien tal-popli indiġeni, u partikolarment in-nisa;

15. Jindika li n-nisa globalment huma attivi ħafna fil-livell tas-soċjetà ċivili, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita u tappoġġa n-networking tal-organizzazzjonijiet tan-nisa u tal-atturi tas-soċjetà ċivili;

16. Jistieden lill-Kummissjoni tipprevedi programmi li permezz tagħhom it-trasferiment tat-teknoloġiji u l-kompetenzi moderni jkunu jistgħu jgħinu komunitajiet u reġjuni li qed jiżviluppaw biex jadattaw għat-tibdil fil-klima;

17. Jindika li n-nisa għandhom rwol kruċjali fl-estrazzjoni u l-ġestjoni tal-ilma f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, peress li dawn spiss huma dawk li jiġbru, jużaw u jqassmu l-ilma, mhux biss fid-dar iżda wkoll fil-biedja; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi għajnuna għall-iżvilupp ta' programmi aċċessibbli għat-tħaffir ta' bjar permezz ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli u sistemi sempliċi u faċli li jinżammu għat-trattament tal-ilma;

18. Jitlob li jiġu integrati l-bini ta’ kapaċitajiet u t-taħriġ li jqisu l-ġeneru fis-soluzzjonijiet ta' adattament, li jridu jkunu kompatibbli mal-ħtiġijiet speċjali tan-nisa u jikkunsidraw l-ostakoli speċifiċi, iżda anke l-kapaċitajiet u l-esperjenzi tan-nisa;

19. Jenfasizza l-importanza li wieħed iserraħ fuq l-għarfien tan-nisa u t-tħeġġiġ ta' soluzzjonijet lokali li għandhom influwenza konkreta fuq il-ħajja ta’ kuljum tal-persuni, bħall-proġett ‘Girls in Risk Reduction Leadership’ fin-Nofsinhar tal-Afrika, jew diversi proġetti sabiex jgħinu lill-gruppi tan-nisa jinstallaw faċilitajiet għall-ilma tajjeb għax-xorb u faċilitajiet sanitarji fil-kwartieri foqra Indjani;

20. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintegraw il-kwistjoni dwar il-ġeneru fi strateġiji għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskji assoċjati mad-diżastri naturali, u jippromwovu s-setgħa u l-għarfien tan-nisa permezz tal-bini tal-kapaċità qabel, waqt u wara diżastri relatati mal-klima, flimkien mal-involviment attiv tagħhom fl-antiċipazzjoni tad-diżastri, is-sistemi ta' twissija bikrija u l-prevenzjoni tar-riskji bħala parti mir-rwol tagħhom fil-bini tar-reżistenza;

21. Jinnota li f'ħafna komunitajiet madwar id-dinja, ir-responsabilitajiet tan-nisa fil-familja jagħmluhom aktar vulnerabbli għat-tibdil fil-klima, li jiġi aggravat mill-impatt tat-tibdil fil-klima; jindika li dawn qed jiġu affettwati fir-rwoli multipli tagħhom bħala dawk li jipproduċu u jipprovdu l-ikel, jagħtu l-kura u bħala atturi ekonomiċi;

22. Jitlob li jiżdiedu t-trasparenza u l-inklużjoni tal-mekkaniżmi eżistenti u l-proċessi ta' ppjanar, bħall-Programmi Nazzjonali ta' Azzjoni għall-Adattament u Pjanijiet ta’ Adattament Nazzjonali futuri, u sabiex dawn il-prinċipji jiġu promossi fit-trattati futuri li jikkonċernaw il-klima, il-mekkaniżmi u l-isforzi ta’ kooperazzjoni bilaterali;

23. Jenfasizza li hemm provi qawwija li l-impatt fuq is-saħħa ta' kundizzjonijiet li huma sensittivi għall-klima, bħan-nutrizzjoni ħażina u l-inċidenza ta' mard infettiv bħall-malarja, ivarja skont is-sess; jinnota bi tħassib ir-rata għolja ta' mwiet fost in-nisa f'sitwazzjonijiet ta' diżastri; huwa tal-fehma li riċerka dwar l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq is-saħħa tan-nisa li tkun aktar speċifika għall-ġeneru tista' tgħin biex jinkiseb rispons aktar speċifiku; jitlob lill-gvernijiet kollha jagħmlu aktar sforzi sabiex jiżguraw prevenzjoni, trattament u aċċess għall-mediċini aħjar – speċjalment għan-nisa, billi dawn huma grupp vulnerabbli, b'mod partikolari fil-kompetenza tagħhom ta' fornituri tal-kura –, biex jieħdu l-impenn għal sensiela ta' azzjonijiet immirati li jindirizzaw ir-riskji għas-saħħa assoċjati mat-tibdil fil-klima, u biex jipprovdu qafas għall-valutazzjonijiet tar-riskji tas-saħħa speċifiċi għall-ġeneru u miżuri ta' adattament/taffija b'rabta mat-tibdil fil-klima;

24. Jenfasizza li 70 % tal-persuni l-aktar foqra fid-dinja huma nisa, li jwettqu żewġ terzi tax-xogħol kollu, iżda għandhom anqas minn 1 % tal-beni kollha; jinnota li dawn jiġu mċaħħda minn aċċess għal u kontroll ugwali tar-riżorsi, it-teknoloġiji, is-servizzi, is-sjieda tal-art, is-sistemi ta' kreditu u ta' assigurazzjoni u s-setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet u għalhekk huma vulnerabbli għat-tibdil fil-klima u milquta minnu b'mod sproporzjonat u għandhom anqas opportunitajiet biex jadattaw; jenfasizza li 85 % tan-nies li jmutu minħabba diżastri naturali kkawżati mill-klima huma nisa, li 75 % tar-rifuġjati ambjentali huma nisa, u li n-nisa għandhom probabbiltà akbar li jkunu l-vittmi inviżibbli ta' gwerer għar-riżorsi u ta' vjolenza li tirriżulta mit-tibdil fil-klima;

25. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżviluppaw il-prinċipju tal-‘ġustizzja tal-klima’; jinsisti li l-akbar inġustizzja fil-falliment tagħna li nittrattaw b'mod effikaċi t-tibdil fil-klima tkun l-effetti negattivi fuq il-pajjiżi l-foqra u fuq il-popolazzjonijiet, u b'mod partikolari fuq in-nisa;

It-taffija

26. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Presidenzi tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li ġejjin iniedu studju li jiffoka speċifikament fuq id-dimensjoni tal-ġeneru fil-politiki ta' taffija;

27. Jenfasizza li jinħtieġu politiki mmirati biex jiġu evitati s-segregazzjoni u d-diskriminazzjoni tas-sessi fl-ekonomija ekoloġika, fejn l-impjiegi ġodda fit-teknoloġija u x-xjenza huma kważi diġà esklussivament iddominati mill-irġiel; jenfasizza f’dan ir-rigward, l-importanza tal-intraprenditorija f’termini tal-ftuħ tal-ekonomija ekoloġika kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel;

28. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu lin-nisa jsegwu korsijiet ta’ taħriġ u karrieri tekniċi u xjentifiċi fl-oqsma tat-teknoloġija ambjentali u tal-enerġija, peress li l-ħtieġa ta’ għarfien espert f’dan il-qasam se jiggarantixxi lin-nisa impjiegi sikuri b'futur stabbili u jiżgura kuxjenza akbar tal-ħtiġijiet tan-nisa fid-definizzjoni ta' politiki għat-tibdil fil-klima;

29. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa riforma tal-mekkaniżmi u l-fondi eżistenti sabiex tagħmilhom aktar trasparenti, komprensivi u li jirriflettu l-kontribuzzjonijiet għat-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-komunitajiet lokali u partikolarment in-nisa u sabiex tippromwovi dawn il-prinċipji fit-trattati, il-mekkaniżmi u l-isforzi ta' kooperazzjoni bilaterali futuri li jikkonċernaw il-klima, bil-għan li joħolqu metodi aħjar għall-għoti tas-setgħa ekonomika tan-nisa;

30. Jirrikonoxxi li t-tkabbir fil-popolazzjoni għandu impatt fuq il-klima u jenfasizza l-ħtieġa għal reazzjoni adegwata f'każijiet fejn il-ħtieġa għal kontraċezzjoni għan-nisa u għall-irġiel fis-soċjetajiet kollha jibqgħu mhux sodisfatti;

31. Ifakkar li sabiex jiġu evitati konsegwenzi negattivi għan-nisa u għal popolazzjonijiet vulnerabbli oħra huwa meħtieġ u assolutament kritiku li jiġi evitat tibdil fil-klima perikoluż u li ż-żieda fit-temperaturi medji tkun limitata għal 2° C, jew għal 1.5° C jekk huwa possibbli, meta mqabbla mal-livelli preindustrijali;

32. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi sett ta’ għodda li jħeġġeġ it-teħid ta’ deċiżjonijiet komprensiv, kif sar fis-setturi tat-trasport u l-enerġija f’Malmö (l-Isvezja) u ż-żona ta' Vollsmose (id-Danimarka)[10];

33. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jiżviluppaw indikaturi biex jevalwaw l-impatt tal-proġetti u l-programmi fuq il-ġeneri u biex jiġi promoss l-ibbaġitjar għall-ġeneri fil-politiki li jikkonċernaw il-klima, kemm jekk dawn il-politiki jsiru fil-livell internazzjonali, nazzjonali, reġjonali jew lokali;

34. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw għodod u gwida għall-analiżi tal-ġeneri tal-politiki u l-programmi ta’ taffija, u programmi u attivitajiet ta' riċerka relatati;

35. Jenfasizza r-rwol importanti li għandhom in-nisa fl-implimentazzjoni ta' miżuri ta' taffija fil-ħajja ta' kuljum, pereżempju permezz ta' prattiki għall-iffrankar tal-enerġija u tal-ilma, miżuri ta' riċiklaġġ u l-użu ta' prodotti ekoloġiċi u organiċi, billi dawn jitqiesu bħala l-mexxejja primarji ta' dawn ir-riżorsi fid-dar; jistieden lill-Kummissjoni tniedi kampanji sabiex titqajjem kuxjenza mill-għeruq, li jiffukaw fuq l-għażliet ta' konsum ta' kuljum relatati mal-attivitajiet domestiċi u tal-kura tat-tfal;

36. Jirrikonoxxi għalhekk, il-kontribut sinifikanti li n-nisa jistgħu jagħtu għall-innovazzjoni b'suċċess permezz tal-kapaċità tagħhom li jedukaw, kemm fin-negozju kif ukoll fil-ġestjoni domestika;

37. Jenfasizza f'dan ir-rigward, l-importanza tat-tisħiħ tal-parteċipazzjoni attiva tan-nisa fl-innovazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli bħala mezz kif jiġu ttrattati l-isfidi serji tat-tibdil fil-klima;

38. Jindika li t-tibdil fil-klima b’mod inevitabbli se jwassal għal migrazzjonijiet mir-reġjuni milquta mid-diżastri bħal nixfiet jew għargħar u li l-UE għandha żżomm f’moħħha l-ħtieġa li jiġu protetti n-nisa fil-kampijiet stabbiliti għall-persuni spostati f’pajjiżhom u r-rifuġjati;

39. Jinnota li l-impatt tat-tibdil ambjentali fuq il-migrazzjoni u l-ispostament se jiżdied fil-futur u li, skont il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR), 80 % tar-rifuġjati fid-dinja huma nisa u tfal; itenni l-importanza tal-identifikazzjoni ta' strateġiji sensittivi għall-ġeneru biex jindirizzaw il-kriżijiet ambjentali u umanitarji kkawżati mit-tibdil fil-klima; jikkunsidra għalhekk, li jeħtieġ li ssir riċerka urġenti dwar kif tiġi ġestita l-migrazzjoni ambjentali b'mod sensittiv għall-ġeneru – din tinkludi l-għarfien tar-rwoli u tar-responsabilitajiet tas-sessi fil-qasam tar-riżorsi naturali u r-rispons għalihom, u tista' tinkludi li tkun żgurata d-disponibbiltà tar-riżorsi skarsi għall-komunitajiet fil-bżonn u li jkun ipprovdut l-ilma għar-rifuġjati;

Il-finanzjament

40. Jistieden lid-delegazzjonijiet tal-UE jirrispettaw il-prinċipju stabbilit fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq dwar it-tibdil fil-klima f'Durban (COP 17), sabiex jiġi żgurat li l-bilanċ tal-ġeneri fil-korpi kollha ta' teħid ta' deċiżjonijiet dwar il-finanzjament għall-klima jkun iggarantit, anke fil-Bord tal-Fond Ekoloġiku għall-Klima u f'sottokumitati eventwali għal perjodi individwali ta' finanzjament;

41. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw programmi u strateġiji ta' taffija u adattament għat-tibdil fil-klima li jużaw l-analiżi tal-ġeneru biex itejbu l-benesseri tan-nisa u l-bniet u jqisu l-inugwaljanzi bejn is-sessi fl-aċċess għall-kreditu, l-informazzjoni, it-teknoloġija, l-art, ir-riżorsi naturali, l-enerġija sostenibbli u l-informazzjoni u s-servizzi dwar is-saħħa riproduttiva; jitlob sabiex tali programmi u strateġiji jinkludu soluzzjonijiet ta' finanzjarji innovattivi bħal skemi ta' mikrokreditu, b'mod partikolari f'każijiet ta' emerġenza bħal dawk tar-rifuġjati minħabba l-klima;

42.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' mekkaniżmi ta' finanzjament li jirriflettu l-prijoritajiet u l-ħtiġijiet tan-nisa u l-parteċipazzjoni attiva tal-organizzazzjonijiet li jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-iżvilupp ta' kriterji għall-finanzjament u fl-allokazzjoni tar-riżorsi għal inizjattivi tat-tibdil fil-klima, partikolarment fuq il-livell lokali u fl-attivitajiet tal-Fond Ekoloġiku għall-Klima;

43. Jitlob li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tiġi integrata bħala kwistjoni trażversali fil-fondi u l-istrumenti kollha għall-klima; jenfasizza li din l-integrazzjoni tirrikjedi għarfien espert dwar il-ġeneru u għandha tiġi estiża għall-missjoni, il-governanza u l-modalitajiet operazzjonali ta’ tali mekkaniżmi finanzjarji, u li l-modalitajiet operattivi u l-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni għandhom jiżguraw li n-nisa u l-komunitajiet lokali jibbenefikaw minn finanzjament xieraq;

44. Jistieden lill-Kummissjoni u lid-delegazzjonijiet tal-UE jappoġġaw finanzjament ogħla, ġdid u addizzjonali partikolarment għall-azzjonijiet ta' adattament li minnhom jibbenefikaw in-nisa b’mod dirett, li ta’ spiss huma vulnerabbli b’mod sproporzjonat għall-impatti tat-tibdil fil-klima; jitlob li l-forniment ta' tali finanzjament għall-adattament ikun esklussivament f'forma ta' għotjiet;

45. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw l-iżvilupp ta’ sorsi ta' enerġija rinnovabbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, permezz ta’ skambji ta’ teknoloġija u għarfien li jinvolvu l-parteċipazzjoni bilanċjata tan-nisa, bil-ħsieb li jikkontribwixxu fl-istess ħin kemm lejn l-opportunitajiet indaqs u u kemm lejn it-taffija tat-tibdil fil-klima;

46. Jindika bi tħassib l-impatt negattiv li t-tibdil fil-klima jista’ jkollu fuq is-suċċess tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju tan-NU, b’mod partikolari dawk konnessi mal-kundizzjoni u l-protezzjoni tan-nisa;

47. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

NOTA SPJEGATTIVA

Il-kuxjenza dwar ir-rabtiet bejn il-ġeneru u t-tibdil fil-klima żviluppat reċentement u l-kwistjonijiet dwar il-ġeneru għadhom ma ġewx integrati bis-sħiħ fil-politiki dwar it-tibdil fil-klima.

Il-kuntest internazzjonali mhuwiex favorevoli: l-inċertezzi pendenti ta' wara Kyoto u r-riskju li ma jintlaħaq l-ebda ftehim internazzjonali legalment vinkolanti qed jinħassu kullimkien. Quddiem il-biża’ leġittima li naraw il-miri eżistenti dwar il-klima, li diġa' mhumiex biżżejjed, jagħmlu pass ieħor lura, il-kwistjonijiet li jikkonċernaw il-il-ġustizzja u l-vulnerabilità klimatika hemm ċans li jitwarrbu.

L-attenzjoni qiegħda fuq il-pajjiżi, li ltaqgħu f'Durban fl-2011, u li se jiltaqgħu f'Rio fl-2012, bl-eżitu tan-negozjati jiddependi mill-kapaċità tagħhom li jwarrbu d-differenzi tagħhom u l-preokkupazzjonijiet egoċentriċi tagħhom sabiex jintlaħaq ftehim, li jkun kemm legalment vinkolanti kif ukoll ambizzjuż biżżejjed biex ikun kredibbli.

Ir-rapport tagħna jappoġġa dan il-proċess. Billi l-effetti tat-tibdil fil-klima se jkollhom impatt sproporzjonat fuq in-nisa, nixtiequ nenfasizzaw li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima trid tkun prijorità assoluta għall-Unjoni Ewropea, kemm fil-politika barranija tagħha kif ukoll f'dik interna.

F'dawn in-negozjati, bħal fil-biċċa l-kbira tal-politiki u l-programmi nazzjonali, bħall-Programmi Nazzjonali ta' Azzjoni għall-Adattament, l-integrazzjoni ta' perspettiva tal-ġeneri hija żvilupp riċenti u fraġli. Għalkemm titqies bħala leġittima f'ċerti setturi (partikolarment l-agrikoltura fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-ġestjoni tar-riżorsi forestali), għadha 'l bogħod milli titqies bħala kwistjoni trażversali jew bħala prijorità, meta mqabbla mal-urġenza għall-azzjoni klimatika u mal-periklu għas-sopravivenza tal-umanità.

Ir-rapporteur mhux biss trid turi li l-ġustizzja klimatika hija esiġenza li ma tistax tiġi injorata, iżda li fuq kollox huwa bit-twessigħ tal-viżjoni tagħna dwar kwistjonijiet bħal dawn li jistgħu jinstabu soluzzjonijiet aktar effikaċi, b'inqas spejjeż u finalment aktar ġusti. Billi d-diskriminazzjoni marbuta mal-ġeneru tinsab kullimkien fis-soċjetajiet tagħna, nemmnu li huwa fundamentali li din tiġi kkunsidrata fil-politiki klimatiċi, sabiex is-sitwazzjoni ma teħżienx u fuq kollox sabiex nisfruttaw ġabra ta' ideat, azzjonijiet u mekkaniżmi ta' ingranaġġ li bihom nistgħu naffrontaw l-urġenza tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

Ir-rapporteur tixtieq tippreżenta tliet punti ewlenin:

- L-inklużjoni tal-kwistjonijiet dwar il-ġeneru huma opportunità sabiex il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima tkun aktar b'saħħitha, aktar ġusta u aktar effikaċi;

- Biex tkun effikaċi, l-integrazzjoni trid tkun ugwalment u simultanjament ibbażata fuq żewġ prinċipji: l-indirizzar tal-effetti tal-inugwaljanza u l-indirizzar tal-kawżi tagħhom partikolarment billi jiżdiedu l-indipendenza finanzjarja u l-mezzi ta' emanċipazzjoni tan-nisa fil-komunitajiet tagħhom;

- It-titjib tal-għarfien tagħna tar-rabtiet bejn in-nisa u t-tibdil fil-klima, jista' jsir b'rieda tajba, u bil-ġbir ta' data separata skont il-ġeneru. Għarfien imtejjeb jippermetti li nadattaw it-teħid ta' deċiżjonijiet tagħna, kif ġara fil-każ tal-politiki tal-iżvilupp matul l-aħħar għoxrin sena.

Vulnerabbiltà akbar

Jekk ir-rabta bejn in-nisa u t-tibdil fil-klima ma tidhirx daqshekk ovvja, dan huwa għaliex in-nisa mhumiex grupp omoġenju fid-dinja kollha. Id-differenzi li jeżistu fir-rigward tal-istandards tal-għajxien, l-opportunitajiet u l-edukazzjoni jistgħu joħolqu l-idea li l-ġeneru mhuwiex fattur universali biżżejjed biex ikun determinanti fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

Madankollu, fid-dinja kollha, in-nisa huma vittmi ta' diskriminazzjoni għaliex huma nisa, u l-ħtiġijiet, l-aspirazzjonijiet u l-opportunitajiet tagħhom huma aktar limitati u meqjusa anqas minn dawk tal-irġiel. Statistiki maqsuma skont il-ġeneru juri li dan huwa minnu għall-oqsma kollha tal-ħajja u fis-soċjetajiet kollha.

In-nisa għandhom inqas aċċess għar-riżorsi finanzjarji u għad-drittijiet tal-proprjetà (in-nisa għandhom anqas minn 1% tar-riżorsi tad-dinja, u jikkostitwixxu 70% tal-persuni li jgħixu b'anqas minn dollaru kuljum);

In-nisa huma sistematikament inqas rappreżentati fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi u ekonomiċi (17% tad-deputati parlamentari tad-dinja u 8% tal-ministri huma nisa);

In-nisa jwettqu parti kbira ħafna mix-xogħol li mhuwiex imħallas fid-dinja, li jinvolvi l-aktar il-kura ta' persuni (tfal, anzjani), u l-ġestjoni tad-dar (in-nisa jaħdmu żewġ terzi mis-sigħat f'livell dinji, għal 10% biss tad-dħul dinji);

In-nisa huma l-vittmi ewlenin tal-vjolenza sesswali, jirrappreżentaw 80% tar-rifuġjati u tal-persuni spostati fid-dinja, u r-rata ta' mortalità eċċessiva għan-nisa f'sitwazzjonijiet li joriġinaw mid-diżastri naturali hija sa ħames darbiet akbar minn dik għall-irġiel.

Nistgħu nżidu wkoll li n-nisa għandhom bżonnijiet speċifiċi fir-rigward tas-saħħa, marbuta partikolarment mar-riproduzzjoni u ma' fatturi assoċjati: il-mestrwazzjoni, il-kundizzjonijiet ta' saħħa u iġjene waqt it-tqala, it-twelid, u l-ġestjoni tad-drittijiet riproduttivi biex jippjanaw it-tqala.

Dawn iċ-ċifri huma r-riżultat ta' limitazzjonijiet kulturali, tradizzjonali u soċjali dwar l-ugwaljanza tad-drittijiet u tar-responsabilitajiet għan-nisa u l-irġiel. Id-diskriminazzjoni li n-nisa ffaċjaw tul l-istorja hija s-sors tal-vulnerabilità tagħhom. Minħabba s-sitwazzjoni ta' subordinazzjoni tagħhom fl-oqsma kollha: ekonomiċi, politiċi, soċjali, eċċ, in-nisa għandhom anqas kapaċità jirreaġixxu u jadattaw mill-ġdid meta jħabbtu wiċċhom ma' bidliet kbar bħat-tisħin dinji u l-konsegwenzi tiegħu.

In-nisa bħala aġenti tal-bidla

Madankollu sar xi progress sabiex din il-vulnerabilità titqies aktar fit-trattati internazzjonali. Il-Qafas ta' Hyogo tal-2005 dwar id-diżastri naturali, isemmi speċifikament l-importanza tas-senisitività għall-ġeneru fil-livelli kollha. l-Aġenda 21 u d-Dikjarazzjoni ta' Rio tal-1992 jinkludu wkoll diversi miżuri biex tittaffa d-diskriminazzjoni marbuta mal-ġeneru, u biex isir sforz attiv favur l-integrazzjoni tan-nisa fl-aspetti kollha tal-politiki klimatiċi.

Fil-fatt, il-kuxjenza dwar il-ġeneru tmur lil hinn mill-kwistjoni tal-vulnerabilità ġenerali tan-nisa. Il-kuxjenza dwar l-inugwaljanzi bejn l-irġiel u n-nisa tinvolvi żewġ aspetti inseparabbli: il-ħtieġa li tingħata attenzjoni speċifika lin-nisa biex titnaqqas il-vulnerabilità tagħhom u l-ħtieġa ta' miżuri mfassla sabiex joħolqu relazzjoni aktar ugwali bejn l-irġiel u n-nisa.

Dawn iż-żewġ aspetti - l-assistenza u l-għoti tas-setgħa - iridu jiġu integrati flimkien fil-politiki. Pereżempju, wara li jkun seħħ diżastru naturali, huwa importanti li jittieħdu miżuri adegwati għall-iġjene u s-sigurtà tan-nisa, iżda huwa importanti wkoll li n-nisa jiġu inklużi fit-timijiet ta' ħidma u ta' taħriġ tar-rikostruzzjoni. Dan l-approċċ doppju għandu japplika għall-proġetti u l-programmi kollha kemm biex tittaffa t-tbatija immedjata, iżda anke biex jiġu mħeġġa elementi ta' bidla fuq perjodu twil ta' żmien.

Huwa biss jekk jingħaqdu dawn iż-żewġ aspetti li l-integrazzjoni tista' tilħaq l-objettiv tagħha, dak li jittaffew l-effetti tad-diskriminazzjoni li jġarrbu n-nisa u li tiżdied l-indipendenza u l-emanċipazzjoni tagħhom.

In-nisa diġà huma aġenti tal-bidla, f'livell individwali u dak kollettiv, fir-rigward tal-kwistjonijiet klimatiċi. Kemm jekk huma nisa immigranti li jsiru 'ambaxxaturi ambjentali' fid-Danimarka, kif ukoll jekk nisa Indjani li jistabbilixxu kooperattivi agrikoli tradizzjonali, l-opportunitajiet ta' azzjoni jimmultiplikaw meta titqies id-dimensjoni tal-ġeneru.

Ir-rapport tagħna jisħaq fuq il-komplementarjetà bejn l-azzjonijiet bl-għan li jipproteġu lin-nisa f'sitwazzjonijiet diġà kritiċi, u l-importanza li l-mentalità tinbidel permezz ta' politiki klimatiċi, bl-integrazzjoni tal-gruppi li jiddefendu d-drittijiet tan-nisa fil-proċessi ta' negozjati u fil-mekkaniżmi ta' finanzjament, billi tittejjeb l-edukazzjoni tan-nisa u billi jiġu kkonsultati aktar, u billu jiġu promossi l-proġetti li jilliberaw u jagħtu s-setgħa lin-nisa fil-komunitajiet tagħhom, kemm fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw kif ukoll fl-UE.

Suġġett li għadu ma ġiex studjat biżżejjed fil-pajjiżi żviluppati

Minkejja li llum hemm aktar sensibilizzazzjoni, il-kunsiderazzjonijiet dwar il-ġeneru huma biss parzjalment inklużi fil-programmi u l-proġetti Ewropej marbuta mal-klima: għalkemm il-mekkaniżmi ta' għajnuna għall-iżvilupp u l-politiki mmirati lejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw qed jistabbilixxu din ir-rabta dejjem aktar, il-ġeneru għadu notevolment assenti mill-politiki klimatiċi intra-Ewropej kollha.

Il-pjan direzzjonali 2050, li jiddefinixxi l-prijoritajiet tal-Unjoni fir-rigward tat-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika u t-tnaqqis tal-emissjonijiet u jipproponi approċċ settorjali biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti, ma jqisx is-sitwazzjonijiet differenti tal-irġiel u tan-nisa.

Iżda fil-fatt jeżistu rabtiet bejn il-ġeneru u l-klima, anke fl-UE u fil-politiki rigward l-enerġija, it-trasport u l-agrikultura. Pereżempju, is-setturi ewlenin tal-ekonomija ekoloġika futura diġà huma ddominati mill-irġiel, u dan ma jaffettwax biss l-opportunitajiet ugwali fl-edukazzjoni u t-taħriġ, iżda jinkoraġġixxi wkoll kulturi ta' impriża li ma tantx jiffavorixxu l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa.

Il-kuxjenza dwar il-ġeneru tmur lil hinn mill-inugwaljanzi li jidhru, bħad-differenzi fis-salarji, jew is-segregazzjoni tal-impjiegi xjentifiċi u tas-settur tas-servizzi. Il-kawżi indiretti ta' dawn l-inugwaljanzi – il-kultura azjendali maskili, id-diskriminazzjoni fil-ħin iddedikat għax-xogħol tad-dar, eċċ, – joriġinaw mill-androċentriżmu. Jekk il-kwistjoni tal-ġeneru ma tiġix integrata fid-diskussjonijiet politiċi mill-bidu nett, hemm il-periklu li l-proġetti u l-proposti li jirriżultaw jxaqilbu awtomatikament lejn naħa waħda, billi jintuża b'mod impliċitu raġel abjad, b'saħħtu, eterosesswali u b'impjieg fiss bħala mudell ta' referenza.

It-twessigħ tal-perspettiva tagħna mhuwiex biss kwistjoni ta' ġustizzja, iżda fuq kollox sabiex l-azzjonijiet tagħna jkunu aktar effikaċi. In-nisa jirrappreżentaw nofs il-popolazzjoni u għandhom potenzjal ta' azzjoni u ta' impatt sinifikanti.

Ir-rapporteur riedet tinsisti fuq l-opportunitajiet li ġġib l-inklużjoni tan-nisa: attwalment, m'aħniex nisfruttaw sors immens ta' ideat, azzjonijiet u mekkaniżmi ta' ingranaġġ billi neskludu inkonxjament nofs iċ-ċittadini tad-dinja mill-politiki klimatiċi tagħna.

Il-ġeneru u t-tibdil fil-klima: il-ħolqa nieqsa?

Għalkemm l-Unjoni Ewropea għamlet sforzi biex tintegra l-kunsiderazzjoniiet ambjentali bħala politika trażversali, u li r-rabtiet bejn il-ġeneru u l-politiki ta' żvilupp huma stabbiliti sew, ir-rabta bejn il-ġeneru u l-politiki ta' taffija, partikolarment fl-Unjoni Ewropea, la ġiet studjata u lanqas utilizzata. Madankollu r-rapport tal-Parlament dwar l-integrazzjoni tal-ġeneri jinsisti fuq l-importanza tal-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fil-politiki kollha tal-Unjoni Ewropea.

Nittamaw li l-importanza tal-integrazzjoni tal-ġeneru ma tridx tiġi ġustifikata għal kull qasam, u li din il-kuxjenza ma tkunx limitata għall-kwistjonijiet ta' rappreżentanza tan-nisa fil-politka u fl-ekonomija. L-implimentazzjoni ta' politika komprensiva favur l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa tirrikjedi studju mill-qrib tal-kawżi l-inqas espliċiti tal-inugwaljanzi.

Meta l-politiki jitfasslu mingħajr sforz konxju li tiġi inkluża l-integrazzjoni tal-ġeneri, hemm ir-riskju li jostakolaw l-isforzi biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.

In-nuqqas ta' riċerka u ta' data separata skont il-ġeneru biex tkun tista' ssir din ir-riċerka, f'oqsma bħat-trasport, l-enerġija u l-politika agrikola, ixekkel il-progress lejn għarfien aħjar u kuxjenza akbar tal-kwistjonijiet dwar il-ġeneru.

Biex ikunu evitati spejjeż amministrattivi mhux raġonevoli, nipproponu li dan it-tip ta' ġbir ta' data għandu jintuża sistematikament biss għat-tnedija ta' proġetti ġodda jew għall-evalwazzjoni ta' dawk eżistenti. L-aċċess għal din id-data l-ġdida tippermetti lir-riċerkaturi jwettqu analiżijiet u jfasslu proposti ġodda għas-snin li ġejjin.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (25.1.2012)

għall-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

dwar in-nisa u t-tibdil fil-klima
(2011/2197(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Bairbre de Brún

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jistieden lill-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jenfasizza l-fatt li t-tibdil fil-klima u l-impatti negattivi tiegħu għandhom jiġu kkunsidrati bħala kwistjoni dwar żvilupp b'implikazzjonijiet għall-ġeneru, li hija relevanti għas-setturi kollha (soċjali, kulturali, ekonomiku u politiku) mil-livell lokali sa dak globali, u li jeħtieġ li jkun hemm sforzi miftiehma mill-partijiet interessati kollha biex jiżguraw li t-tibdil fil-klima u l-miżuri ta' tnaqqis tar-riskju tad-diżastri jirrispondu għall-ġeneru, ikunu sensittivi għall-popli indiġeni u jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem;

2.  Ifakkar, li jkun evitat tibdil fil-klima perikoluż u tkun limitata ż-żieda fit-temperaturi medji b'2° C, jew 1.5° C jekk huwa possibbli, meta mqabbla mal-livelli preindustrijali, huwa meħtieġ u assolutament kritiku sabiex jiġu evitati konsegwenzi negattivi għan-nisa u għal popolazzjonijiet vulnerabbli oħra;

3.  Ifakkar li, fir-raba' Rapport ta' Valutazzjoni tiegħu tal-2007, il-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil tal-Klima (IPCC) ikkonferma li l-impatt tat-tibdil fil-klima jvarja skont is-sess, l-età u l-klassi, fejn il-foqra huma dawk li x'aktarx ibatu l-aktar; jenfasizza li l-proċess tan-negozjati tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) għandu, fl-istadji kollha tiegħu, minn dak tar-riċerka u tal-analiżi sad-disinn u l-implimentazzjoni u l-ħolqien tal-istrateġiji ta' taffija u adattament, jikkunsidra l-prinċipji tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

4.  Jenfasizza li 70 % tal-persuni l-aktar foqra fid-dinja huma nisa, li jwettqu żewġ terzi tax-xogħol kollu, iżda għandhom anqas minn 1 % tal-beni kollha; huma jiġu mċaħħda minn aċċess għal u kontroll ugwali tar-riżorsi, it-teknoloġiji, is-servizzi, is-sjieda tal-art, is-sistemi ta' kreditu u ta' assigurazzjoni u s-setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet u għalhekk huma vulnerabbli għat-tibdil fil-klima u jiġu milquta minnu b'mod sproporzjonat u għandhom anqas opportunitajiet biex jadattaw; jenfasizza li 85 % tan-nies li jmutu minħabba diżastri naturali kkawżati mill-klima huma nisa, li 75 % tar-rifuġjati ambjentali huma nisa, u li n-nisa għandhom probabbiltà akbar li jkunu l-vittmi inviżibbli ta' gwerer għar-riżorsi u ta' vjolenza li tirriżulta mit-tibdil fil-klima;

5.  Jenfasizza li t-tisħiħ tar-rwol politiku, finanzjarju u edukattiv tan-nisa, li jirrappreżentaw madwar 50 % tal-popolazzjoni dinjija, iżda li jassumu relattivament aktar responsabbiltà fl-għażliet ta' kuljum dwar il-konsum, il-kura tat-tfal u l-attivitajiet domestiċi, li kollha kemm huma jaffettwaw l-ambjent u l-klima, huwa kruċjali fir-rigward tal-iżvilupp sostenibbli;

6.  Jinnota li f'diversi komunitajiet madwar id-dinja, ir-responsabbiltajiet tan-nisa fil-familja jagħmluhom aktar vulnerabbli għat-tibdil fil-klima, li jiġi aggravat mill-impatt tat-tibdil fil-klima; huma qed jiġu affettwati fir-rwoli multipli tagħhom bħala dawk li jipproduċu u jipprovdu l-ikel, jagħtu kura u bħala atturi ekonomiċi;

7.  Jenfasizza li hemm provi qawwija li l-impatt fuq is-saħħa ta' kundizzjonijiet li huma sensittivi għall-klima, bħan-nutrizzjoni ħażina u l-inċidenza ta' mard infettiv ivarja skont is-sess; jinnota bi tħassib ir-rata għolja ta' mortalità fin-nisa f'sitwazzjonijiet ta' diżastri; jikkunsidra li riċerka dwar l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq is-saħħa tan-nisa li tkun aktar speċifika għall-ġeneru tista' tgħin biex jinkiseb rispons aktar speċifiku; jitlob lill-gvernijiet kollha jiżguraw li jkun hemm aktar disponibbiltà ta' servizzi tas-saħħa, aċċess akbar għalihom u aktar appoġġ minnhom, speċjalment għan-nisa, fil-kompetenza tagħhom ta' fornituri tal-kura; biex jimpenjaw ruħhom għal sensiela ta' azzjonijiet li bihom jindirizzaw ir-riskji għas-saħħa assoċjati mat-tibdil fil-klima; u biex jipprovdu qafas għall-valutazzjonijiet tar-riskji tas-saħħa speċifiċi għall-ġeneru u għall-miżuri ta' adattament/taffija b'rabta mat-tibdil tal-klima;

8.  Jindika li n-nisa huma ġeneralment aktar attivi f'attivitajiet fuq il-livell tas-soċjetà ċivili, u għalhekk il-faċilitazzjoni u l-appoġġ tan-netwerks tal-organizzazzjonijiet tan-nisa u tal-attivitajiet tas-soċjetà ċivili huma passi 'il quddiem importanti;

9.  Jikkunsidra li l-ilħiq tal-ugwaljanza bejn is-sessi huwa essenzjali għall-iżvilupp tal-bniedem u huwa objettiv fundamentali fil-ġlieda kontra l-faqar; jitlob li fit-tfassil tal-politiki dwar l-iżvilupp, dwar id-drittijiet tal-bniedem u dwar it-tibdil tal-klima, jiġi applikat approċċ ġenerali bbażat fuq il-ġeneru; jitlob li jittieħdu passi biex jiżguraw li l-UNFCCC taġixxi skont l-oqfsa tad-drittijiet tal-bniedem u skont il-ftehimiet nazzjonali u internazzjonali dwar l-ugwaljanza u l-ekwità bejn is-sessi, inkluża l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW);

10. Jinnota li l-impatt tat-tibdil ambjentali fuq il-migrazzjoni u l-ispostament se jiżdied fil-futur u li, skont il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR), 80 % tar-rifuġjati fid-dinja huma nisa u tfal; jerġa' jtenni l-importanza tal-identifikazzjoni ta' strateġiji sensittivi għall-ġeneru biex iwieġbu għall-kriżijiet ambjentali u umanitarji kkawżati mit-tibdil fil-klima; jikkunsidra għalhekk, li jeħtieġ li ssir riċerka urġenti dwar kif tiġi ġestita l-migrazzjoni ambjentali b'mod sensittiv għall-ġeneru – din tinkludi l-għarfien tar-rwoli u tar-responsabilitajiet tas-sessi fil-qasam tar-riżorsi naturali u r-rispons għalihom, u tista' tinkludi li tkun żgurata d-disponibbiltà tar-riżorsi skarsi għall-komunitajiet fil-bżonn u li jkun provdut l-ilma għall-immigranti;

11. Jenfasizza li n-nisa għandhom ukoll għarfien u ħiliet prezzjużi u huma aġenti effikaċi ta' bidla fir-rigward tat-taffija tat-tibdil fil-klima u l-adattament għaliha, it-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri u l-bini tar-reżiljenza; jagħraf il-ħtieġa għal data aktar speċifika għall-pajjiż u diżaggregata fuq il-bażi tas-sessi biex tevalwa u tindirizza b'mod effikaċi l-effetti differenti tat-tibdil fil-klima fuq kull grupp ta' nies tal-istess sess;

12. Jagħraf li t-tkabbir tal-popolazzjoni għandu impatt fuq l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra u jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm rispons adegwat għal kwalunkwe ħtiġijiet mhux milħuqa tal-kontraċettivi tan-nisa u tal-irġiel fis-soċjetajiet kollha;

13. Jenfasizza r-rwol importanti tan-nisa fl-implimentazzjoni ta' miżuri ta' taffija fil-ħajja ta' kuljum, eż. permezz ta' prattiki ta' ffrankar ta' enerġija, miżuri ta' riċiklaġġ, u l-użu ta' prodotti organiċi u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent;

14. Jagħraf, għalhekk, il-kontribut sinifikanti li n-nisa jistgħu jagħtu għas-suċċess fl-innovazzjoni permezz tal-kapaċità edukattiva tagħhom, kemm fin-negozju u wkoll fil-ġestjoni domestika;

15. F'dan ir-rigward, jissottolinja l-importanza tat-tisħiħ tal-parteċipazzjoni attiva tan-nisa fl-innovazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli bħala mezz kif jiġu trattati l-isfidi serji tat-tibdil fil-klima;

16. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jivvalutaw liema politiki relatati mal-klima jqisu l-ħtiġijiet tan-nisa, u jħeġġiġhom japplikaw il-perspettiva fuq il-bażi tal-ġeneru meta jifformulaw il-politika dwar l-iżvilupp sostenibbli li tkun sensittiva għall-ġeneru;

17. Iħeġġeġ lill-gvernijiet fid-dinja kollha:

–  jikkunsidraw l-importanza kbira tal-perspettivi tas-sessi fil-politiki nazzjonali tagħhom, fil-pjanijiet ta' azzjoni u fil-miżuri oħra relatati mal-iżvilupp sostenibbli, ir-riskju ta' diżastri u t-tibdil fil-klima, billi jwettqu analiżijiet sistematiċi tas-sessi, jistabbilixxu indikaturi u punti ta' referenza li jkunu sensittivi għas-sessi u jiżviluppaw għodod prattiċi.

–  jiżviluppaw it-taffija tat-tibdil fil-klima u tal-programmi tal-adattament li jagħmlu użu mill-analiżi tal-ġeneru għat-titjib tal-benesseri tan-nisa u tal-bniet - eż., l-aċċess għall-kreditu, il-bini tal-kapaċità u s-servizzi ta' estensjoni, id-disseminazzjoni tal-informazzjoni, l-aċċess aħjar għar-riżorsi tal-art u dawk naturali, l-enerġija sostenibbli u t-teknoloġija u l-aċċess għall-informazzjoni u s-servizzi tas-saħħa riproduttiva;

–  jirriflettu l-prijoritajiet u l-ħtiġijiet tan-nisa fil-mekkaniżmi tal-finanzjament u jinkludu l-parteċipazzjoni attiva tan-nisa fl-iżvilupp tal-kriterji ta' finanzjament u fl-allokazzjoni tar-riżorsi għal inizjattivi tat-tibdil fil-klima, partikolarment fuq il-livell lokali;

18. Jitlob lill-UE u l-Istati Membri tagħha jiżviluppaw il-prinċipju tal-‘ġustizzja tal-klima’; jinsisti li l-akbar inġustizzja fil-falliment tagħna li nittrattaw b'mod effikaċi t-tibdil fil-klima, tkun l-effetti negattivi fuq il-pajjiżi l-foqra u fuq il-popolazzjonijiet, u b'mod partikolari fuq in-nisa;

19. Iħeġġeġ lill-gvernijiet fid-dinja kollha jippromwovu l-għoti tas-setgħa lin-nisa permezz tal-bini ta' kapaċitajiet għal qabel, waqt u wara d-diżastri relatati mal-klima, kif ukoll l-involviment attiv tagħhom fl-antiċipazzjoni tad-diżastri, fit-twissija bikrija u fil-prevenzjoni, bħala parti mill-bini tar-reżiljenza tagħhom;

20. Jenfasizza l-ħtieġa ta' żvilupp usa' u aktar effikaċi tad-diplomazija tal-klima tal-UE fin-negozjati internazzjonali kollha dwar il-klima; jikkunsidra li l-infurzar tal-involviment u tal-għoti tas-setgħa lin-nisa f'dan il-qasam permezz tal-introduzzjoni tal-kunċett tas-"soft power" (poter ta' persważjoni), jista' jkollu influwenza pożittiva;

21. Jinnota li n-nisa għandhom rwol kruċjali fl-estrazzjoni u l-ġestjoni tal-ilma f'pajjiżi tat-tielet dinja, peress li huma spiss dawk li jiġbru, jużaw u jqassmu l-ilma, mhux biss fid-dar iżda wkoll fil-biedja; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi għajnuna għall-iżvilupp ta' programmi aċċessibbli għat-tħaffir ta' bjar ibbażati fuq sorsi ta' enerġija rinnovabbli u sistemi sempliċi u faċli li jinżammu għat-trattament tal-ilma;

22. Jinnota li t-taħriġ għan-nisa dwar l-iffrankar tal-enerġija u l-ħtiġijiet tal-ilma għandu jiżdied, peress li huma l-amministraturi primarji ta' dawn ir-riżorsi fid-dar.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

24.1.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

47

7

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

János Áder, Elena Oana Antonescu, Kriton Arsenis, Pilar Ayuso, Paolo Bartolozzi, Milan Cabrnoch, Martin Callanan, Nessa Childers, Yves Cochet, Esther de Lange, Anne Delvaux, Bas Eickhout, Edite Estrela, Jill Evans, Karl-Heinz Florenz, Elisabetta Gardini, Julie Girling, Matthias Groote, Françoise Grossetête, Satu Hassi, Jolanta Emilia Hibner, Dan Jørgensen, Karin Kadenbach, Christa Klaß, Holger Krahmer, Jo Leinen, Peter Liese, Zofija Mazej Kukovič, Linda McAvan, Radvilė Morkūnaitė-Mikulėnienė, Miroslav Ouzký, Vladko Todorov Panayotov, Gilles Pargneaux, Andres Perello Rodriguez, Sirpa Pietikäinen, Mario Pirillo, Pavel Poc, Frédérique Ries, Oreste Rossi, Dagmar Roth-Behrendt, Daciana Octavia Sârbu, Horst Schnellhardt, Richard Seeber, Theodoros Skylakakis, Bogusław Sonik, Salvatore Tatarella, Anja Weisgerber, Åsa Westlund, Glenis Willmott, Sabine Wils, Marina Yannakoudakis

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Gaston Franco, Jutta Haug, Bill Newton Dunn, Michèle Rivasi, Eleni Theocharous, Andrea Zanoni

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Kārlis Šadurskis

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

28.2.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

25

0

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Regina Bastos, Edit Bauer, Andrea Češková, Edite Estrela, Iratxe García Pérez, Sophia in ‘t Veld, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Nicole Kiil-Nielsen, Silvana Koch-Mehrin, Constance Le Grip, Astrid Lulling, Elisabeth Morin-Chartier, Siiri Oviir, Raül Romeva i Rueda, Joanna Senyszyn, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Britta Thomsen, Angelika Werthmann, Marina Yannakoudakis, Anna Záborská, Inês Cristina Zuber

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Vilija Blinkevičiūtė, Kent Johansson, Christa Klaß, Kartika Tamara Liotard, Ana Miranda, Mariya Nedelcheva, Katarína Neveďalová, Antigoni Papadopoulou, Sirpa Pietikäinen