RAPPORT dwar il-funzjonamet u l-applikazzjoni tad-drittijiet stabbiliti ta' persuni li jivvjaġġaw bl-ajru

5.3.2012 - (2011/2150(INI))

Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
Rapporteur: Keith Taylor

Proċedura : 2011/2150(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0053/2012
Testi mressqa :
A7-0053/2012
Dibattiti :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-funzjonamet u l-applikazzjoni tad-drittijiet stabbiliti ta' persuni li jivvjaġġaw bl-ajru

(2011/2150(INI))

Il-Parlament Ewropew,

   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet (COM(2011)0174),

–   wara li kkunsidra r-Rapport mill-Kummissjoni dwar il-funzjonament u l-effetti tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-5 ta' Lulju 2006 dwar id-drittijiet ta’ persuni diżabbli u persuni b’mobbiltà mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru COM(2011)0166),

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-27 ta’ Ottubru 2011[1],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar il-mobilità u l-integrazzjoni tal-persuni b’diżabilitajiet u l-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020 u b’mod partikolari l-paragrafi 42, 43, 46, 82 u 97 tagħha[2],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A7-0053/2012),

A.  billi, filwaqt li r-Regolament (KE) Nru 261/2004 u r-Regolament (KE) Nru 1107/2006 (aktar ’il quddiem imsejħin ir-“Regolamenti”) huma passi pożittivi ’l quddiem f’termini ta’ ħarsien ta’ jeddijiet il-passiġġieri, hemm ħtieġa għal ċertezza ġuridika aħjar, aktar ċarezza interpretattiva u applikazzjoni uniformi tar-Regolamenti fl-UE kollha kemm hi;

B. billi, għad li r-Regolament (EC) Nru 261/2004 jipprovdi lill-passiġġieri b’salvagwardji b'saħħithom u ħadem b’mod effettiv minn mindu ġie introdott, il-Kriżi tal-Irmied Vulkaniku saħqet il-bżonn li jiġu ċċarati u riveduti ċerti aspetti tar-Regolament fil-każ li ċirkostanzi straordinarji bħal dawn jinqalgħu fil-futur;

C. billi l-aktar jedd importanti tal-passiġġieri hu l-jedd għas-servizzi mogħtijin skont ma jkun skedat, abbażi tad-dritt fundamentali tal-libertà tal-moviment u tal-obbligazzjoni kontrattwali naxxenti mill-bejgħ ta' biljett; billi huwa essenzjali li l-passiġġieri jingħataw tagħrif li jinftiehem u f’waqtu, li jkun jista' jinftiehem u li jkun aċċessibbli għal kulħadd;;

D. billi għandu jkun hemm sistemi ta’ ilmentar effettiv għad-dispożizzjoni tal-passiġġieri jekk kemm-il darba s-servizz ma jingħatax kif għandu jkun jew xi jedd ieħor iggarantit lill-passiġġieri jinkiser, l-aktar billi l-passiġġieri diġà jkunu ħallsu l-prezz tal-biljett qabel ma jingħatalhom is-servizz;

E.  billi l-qafas legali li jipproteġi d-drittijiet tal-passiġġieri għandu jiggarantixxi standard minimu ta’ protezzjoni għall-konsumatur li jiflaħ għall-prattiċi kummerċjali dejjem jevolvu tal-linji tal-ajru;

F.  billi l-iżvilupp tal-metodi ta’ skrining tal-passiġġieri qed twassal għal użu aktar wiesa’ ta’ metodi bħal skaners tas-sigurtà u profili ta’ imġieba, qed jitqajmu domandi ġodda rigward il-protezzjoni tal-passiġġieri li jikkonċernaw il-privatezza, in-nondiskriminazzjoni u s-saħħa pubblika;

G. billi l-persuni b’mobilità mnaqqsa (aktar ’il quddiem imsejħin il-‘PMRs’) u nies b’diżabilitajiet għandhom ikunu mgħarrfin b’jeddijiethom qabel il-vjaġġ u f'formati aċċessibbli għal kulħadd; billi l-persunal ajruportiwali u tat-trasportatur tal-ajru għandu jkun debitament imħarreġ fl-għoti tal-assistenza lin-nies b’diżabilitajiet u lill-PMRs ħalli jgħinu jiżguraw aċċess mingħajr xkiel u ugwali għall-ivvjaġġar bl-ajru f’konformità mar-rekwiżiti tad-disinn għad-disinn kollu/disinn universali;

Qafas ġenerali

1.  Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni biex tanalizza u tirrevedi r-regoli eżistenti dwar id-drittijiet tal-passiġġieri bl-ajru bl-għan li ttejjeb is-sitwazzjoni tal-passiġġieri speċjalment f'każ ta' dewmien twil jew kanċellazzjoni; jemmen li l-applikazzjoni xierqa tar-regoli eżistenti min-naħa tal-Istati Membri u tat-trasportaturi tal-ajru, l-infurzar ta' mezzi suffiċjenti u sempliċi ta' rimedju u l-għoti lill-passiġġieri ta' informazzjoni preċiża dwar id-drittijiet tagħhom għandhom ikunu s-sisien biex bihom tintrebaħ lura l-fiduċja tal-passiġġieri;

2.  Jiddispjaċih li l-korpi ta’ infurzar mwaqqfin mill-Istati Membri (imsejħin aktar ’l isfel ‘KE’) mhux dejjem jiżguraw protezzjoni effikaċi ta’ jeddijiet il-passiġġieri, għad-detriment tal-passiġġieri tal-ajru; jistieden għalhekk lill-Istati Membri jfasslu metodi ta’ ħidma għall-KE, l-aktar f'dak li għandu x'jaqsam mat-trattament tal-ilmenti u s-sanzjonijiet, li jippermettu l-infurzar ta' jeddijiet il-passiġġieri mill-punto di vista taċ-ċertezza ġuridika;

3.  Jisħaq li l-passiġġieri tal-ajru ma għandhomx biss id-drittijiet iżda anki obbligi, li r-rispett tagħhom ikun jippermetti fir-rigward tagħhom u tal-passiġġieri l-oħrajn li kollox jimxi b'mod sikur u sew, kemm qabel, matul kif ukoll wara t-titjira;

4.  Jenfasizza li l-ġestjoni uniformi tal-ilmenti fl-Istati Membri hi meħtieġa biex jinħolqu kundizzjonijiet ugwali u jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li jkun hemm interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi tar-Regolamenti u tiżviluppa koperazzjoni aħjar bejn l-KE, inkluż permezz tal-iskambju tal-aqwa prattika u tagħrif, ħalli jkun hemm aktar koordinazzjoni mad-dejtabejżis tagħhom;

5. Jitlob lill-Kummissjoni tifformalizza netwerk Ewropew ta’ KE billi toħloq mandat ċar u regoli interni ta’ ħidma sabiex ittejjeb il-kooperazzjoni u tiffaċilita l-proċess tal-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet relevanti komuni;

6. Iqis li hemm ħtieġa għal definizzjoni aħjar tar-rwol tal-KE, li l-KE għandhom ikunu indipendenti mit-trasportatur tal-ajru jew l-ajruporti u mingħajr kunflitti ta’ itneressi, li l-KE għandhom ikunu jistgħu jaġixxu fuq inizjattiva tagħhom stess,u li s-sanzjonijiet nazzjonali applikabbli għat-trasportatur tal-ajru f’każ ta’ ksur tar-regoli tal-UE għandhom ikunu aktar effettivi; jenfasizza l-importanza ta’ statistiċi sodi bħala l-każi għal valutazzjonijiet regolari bir-reqqa tal-impatt ta’ jeddijiet il-passiġġieri fl-Ewropa, u għaldaqstant iqis li l-KE għandhom ikunu obbligati jippubblikaw kull sena d-dettalji tal-ilmenti li jirċievu, inklużi dawk it-termini inġusti, u dwar is-sanzjonijiet li jkunu ħarġu lit-trasportaturi tal-ajru, u li l-inji tal-ajru u/jew l-ajruporti għandhom ikunu meħtieġa li jiġbru d-data fuq in-numru u t-tul tad-dewmien, kemm għal passiġġieri kemm għall-bagalji tagħhom; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tanalizza u tippubblika din l-istatistika;

7.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem mal-Istati Membri biex jidentifikaw u jegħlbu n-nuqqasijiet fil-korpi u l-proċeduri nazzjonali għall-ġestjoni tal-ilmenti u biex tiġi żgurata koordinazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru mal-miżuri mistennija tal-UE dwar mekkaniżmi alternattivi għar-riżoluzzjoni tat-tilwim;

8.  Huwa tal-fehma li rapporti regolari tal-linji tal-ajru u l-operaturi lill-KE fuq informazzjoni relevanti dwar l-applikazzjoni tar-Regolamenti li għandha tiġi ppubblikata jżidu l-effiċjenza tal-KE u jistimulaw il-kompetizzjoni;

9.  Jisħaq dwar ir-rwol utli tal-Grupp Konsultattiv dwar id-Drittijiet tal-Passiġġieri tal-Ajru, li l-istakeholder jista’ jagħtuh it-tagħrif dwar ir-rieżami tar-Regolamenti, u jisħaq dwar l-importanza tal-Grupp fil-promozzjoni tad-diskussjonijiet u l-kooperazzjoni bejn il-KE, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u l-kumpaniji tal-ajru bl-iskop li jkunu żviluppi u mxerrdin l-aqwa prattiki fil-kamp tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-jeddijiet tal-passiġieri tal-ajru, inkluż li jiġu prefissi skadenzi raġonevoli u preċiżi għat-trattament tal-pretiżi tal-passiġġieri;

10. Jisħaq li t-tagħrif komplet bid-dettalji ta' jeddijiet il-passiġġieri għandu jkun ikkomunikat kemm mit-trasportaturi tal-ajru kemm mill-operaturi turistiċi, fl-ilsien użat matul il-prenotazzjoni tal-biljett, matul l-istadji kjavi tal-vjaġġ, sa mill-punt li fih il-passiġġier ikun qed jikkunsidra jekk jixtrix il-biljett, f'format li jkun faċilment komprensibbli u aċċessibbli minn kulħadd; jirrakkomanda li dat-tagħrif ikun jinkludi d-dettalji tal-kuntatt affidabbli tad-dipartiment tar-relazzjonijiet mal-konsumatur tal-linja tal-ajru kkonċernata u tal-KE kompetenti tal-Istat Membru; jilqa’ l-inizjattiva tal-kummissjoni li jsir sit ċentrali tal-internet dwar jeddijiet il-passiġġieri tal-ajru li jkun aċċessibbli fl-ilsna uffiċjali kollha tal-UE u f'formati aċċessibbli għall-passiġġieri b'diżabilità u għall-PMM;

11. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli l-kampanja ta’ informazzjoni mnedija fl-2010 biex tqajjem kuxjenza fost il-passiġġieri dwar jeddijiethom, u tinkoraġġixxi netwerks ta’ konsumaturi f’koordinazzjoni mal-KE biex jikkontribwixxu wkoll;

12. Jistieden lill-Kummissjoni taġġorna il-mezzi kollha ta’ tagħrif li jiddelinea jeddijiet il-passiġġieri tal-ajru (ngħidu aħna, il-websajts relevanti tal-Kummissjoni, dokumenti, fuljetti) li jkunu jieħdu qies tal-aħħar deċizjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

13. Jisħaq fuq il-fatt li t-trasportaturi tal-ajru għandhom jiżguraw il-preżenza ta’ persunal ta’ kuntatt jew servizz li jista’ jipprovdi tali persunal f’kull ajruport li joperaw minnu li jkun jista' jieħu deċiżjonijiet immedjati f'każ ta' tħarbit, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-assistenza, rimborż, għoti ta' rotta ġdida u prenotazzjoni mill-ġdid, bagalji mitlufin jew li jitwasslu tard, u li jistgħu jirċievu l-ilmenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi li ssir obbligatorja li jiġi provdut punt ta’ informazzjoni ċentrali, u b’mod speċifiku websajt, u numru tat-telefon low-cost u indirizz tal-posta elettronika għat-trasportaturi tal-ajru kkonċernati, bl-għan li jiġi żgurat li l-konsumaturi huma infurmati kif xieraq;

14. Huwa tal-fehma li l-operaturi kollha tal-ajru għandhom jagħtu assistenza fuq it-telefon effikaċi għall-passiġġieri kollha ladarba l-vjaġġ ikun ġie prenotat; din l-assistenza għandha tagħti informazzjoni u proposti alternattivi f’kaz ta’ problemi u m’għandha fl-ebda kaz taqbez l-ispiza ta’ komunikazzjoni lokali;

15. Jitlob lill-Kummissjoni teżamina l-miżuri li jipprovdu protezzjoni għall-passiġġieri li jaslu kif ukoll li jitilqu, biex tiżgura li l-passiġġieri jkunu kkumpensati kif xieraq fil-każ ta’ telf jew dewmien twil inaċċettabbli tal-bagalji;

16. Jissottolinja li anke l-passiġġieri konxji mid-drittijiet tagħhom jistgħu jkunu mxekkla milli jfittxu kumpens minħabba proċeduri impenjattivi ta’ ilmenti; iqis li hemm bżonn li l-KE jkollhom ir-riżorsi neċessarji biex iżommu preżenza viżibbli fl-akbar ajruporti tal-Unjoni, biex joffru informazzjoni bażika u servizzi ta’ medjazzjoni;

17. Jikkunsidra li t-trasportaturi tal-ajru kollha għandhom joffru lill-passiġġieri kollha l-possibiltà li jressqu lment bil-miktub b’effett immedjat, sempliċi, aċċessibli u mingħajr l-ebda ħlas addizzjonali; jitlob lill-Kummissjoni tinkludi, fir-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 261/2004, id-dritt għal kull passiġġier li jista’ jagħmel klejm bil-miktub fl-istess ajruport jew fuq l-ajruplan b’kopja għat-t-trasportaturi tal-ajru u għall-KE, kif ukoll il-possibiltà li jagħmel ilment b’mezzi elettroniċi oħra; jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi formolarju standard tradott fil-lingwi kollha tal-Unjoni sabiex tiġi evitata kwalunkwe problema lingwistika, u jiġu armonizzati l-proċeduri relalati mal-ilmenti;

18. Huwa tal-fehma li sabiex il-jeddijiet tal-passiġġier jiġu osservati u jkunu jistgħu jressqu lmenti, il-passiġġieri għandhom ikunu jistgħu f’kull mument jidentifikaw l-persunal tat-trasportatur tal-ajru, tat-titjira, tas-sigurtà kif ukoll tal-ajruport;

19. Jisħaq li l-passiġġieri għandu jkollhom aċċess sħiħ għat-tagħrif dwar id-deja tagħhom tar-'Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri' (PNR) u li jkunu mgħarrfa bil-mod kif id-dejta tagħhom tal-PNR qed tintuża u ma’ min qed tiġi kondiviża; iqis ukoll li, bl-iskop li jkun iggarantit jedd il-passiġġieri għall-privatezza, it-trasportatur tal-ajru jista' biss jitlob id-dejta PNR mill-passiġġieri meta dan ikun neċessarju u proporzjonali b’konnessjoni mal-prenotazzjoni tal-biljett, u jisħaq li l-passiġġieri ma għandux ikun imċaħħad lilhom il-jedd għat-trasport, għajr f'każ li jkun imċaħħad l-imbark fuq talba mill-awtorità kompetenti f'każijiet ġustifikati għal raġunijiet ta' sigurtà pubbliku u jekk ikun spjegat lill-passiġġeri mill-awtorità kompetenti u kkonfermat bil-miktub;

20. Jisħaq illi ġaladarba l-passiġġier ikun diġa telgħa u mbagħad jiġi mitlub jinzel minn fuq l-ajruplan minħabba l-PNR tiegħu, dan l-iżbark għandu jiġi ordnat l-awtoritajiet kompetenti, u mhux mill-membri tal-ekwipaġġ;

21. Ifakkar lill-Istati Membri bl-obbligi tagħhom ta' sorveljanza tal-pożizzjoni finanzjarja tal-linji tal-ajru u l-possibilità tat-tneħħija tal-liċenzja tal-operatur jekk il-finanzi tagħhom ma jkunux biżżejjed; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-awtoritajiet nazzjonali jottemperaw ruħhom ma’ dawn l-obbligi u tiżgura li l-passiġġieri li jitħallew l-art ikunu rimpatrijati fil-każ ta’ insolvenza, falliment, ċessazzjoni tal-operazzjoni jew tneħħija ta’ liċenzja operattiva.

22. Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura l-implementazzjoni u l-eżekuzzjoni effettivi tal-leġiżlazzjoni eżistenti fuq it-trasparenza tal-prezzijiet u l-prattiki kummerċjali inġusti sabiex tiżgura li l-prezz reklamat hu riflessi ġusta tal-prezz finali u li l-ispejjeż operazzjonali kollha mhux obbligatorji huma inklużi fit-tariffi u indikati/distribwiti bl-informazzjoni meħtieġa; jitlob il-linji tal-ajru, fir-rigward tad-diversi mezzi ta' pagamenti, u, b'mod speċjali, pagament b'karti ta‘ kreditu, biex iżommu as flus għall-ispiża vera tas-servizzi tagħhom, skont id-Direttiva 2011/83/UE dwar id-drittijiet tal-konsumatur;

23. Jenfasizza l-proliferazzjoni mifruxa ta’ termini kuntrattwali inġusti fil-kuntratti tat-trasport bl-ajru u żieda fil-każistika nazzjonali li tipprojbixxi ċerti termini regolarment użati mil-linji tal-ajru; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni tindirizza din il-kwistjoni billi tqiegħed f’lista sewda t-termini inġusti speċifiċi fis-settur tat-trasport bl-ajru; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu adottati miżuri għall-protezzjoni tal-passiġġieri kontra termini oħra kuntrattwali inġusti implimentati mill-linji tal-ajru, bħal kwistjonijiet kuntrattwali relatati ma' bagalji li jintilfu, li damu ma wasslu jew ġew iddanneġġati, it-trasferibbiltà tal-biljetti tal-ajru, iċ-ċirkustanzi ta’ force majeure, l-iskedar mill-ġdid unilaterali ta' titjiriet, u l-projbizzjoni li tintuża l-parti tal-biljett ta' ritorn li għadha valida, sakemm mhux abbażi ta' kriterji "no show" oġġettivi u limitati ħafna

24. Jenfasizza li d-diskriminazzjoni fil-prezzijiet kontra l-passiġġieri fuq il-bażi tal-pajjiż tagħhom tar-residenza tagħhom għandha tkun investigata aktar bir-reqqa, u fejn tinstab, għandha tkun eliminata;

25. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri li jkunu jippermettu lill-passiġġieri jikkoreġu dettalji żgħar tal-prenotazzjoni faċilment u mingħajr ħlas u li joħorġu minn prenotazzjoni onlajn fi żmien sagħtejn mill-prenotazzjoni inizjali;

26. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tipproponi mizuri li jippermettu l-armonizzazzjoni tal-prattika kummerċjali tal-bagalji tal-idejn sabiex iħarsu lill-passiġġieri kontra l-prattiki ta’ restrizzjonijiet eċċessivi, u li jħalluhom itellgħu abbord kwantità raġonevoli ta’ bagalji tal-idejn, inkluzi l-akkwisti fil-ħwienet tal-ajruporti;

27. Jissottolinja l-jedd tal-passiġġieri li jkollhom aċċess faċli għal informazzjoni preċiża u oġġettiva li tkun tiddettalja l-impatt ambjentali u l-effiċjenza enerġetika tal-vjaġġ tagħhom, li għandhom ikunu ċarament viżibbli kemm fuq il-websajts tal-trasportatur tal-ajru kemm fuq il-biljetti nfushom; jitlob lill-Kummissjoni u lill-trasportatur tal-ajru jappoġġjaw il-ħidma li għaddejja bħalissa f’din id-direzzjoni sakemm il-passi meħuda huma raġonevoli f'termini tal-ispejjeż involuti;

28. Jissottolinja li l-passiġġieri kollha, inklużi t-tfal iżgħar minn sentejn, għandhom jinġarru b'mod sikur; jistieden lit-trasportaturi tal-ajru jiżguraw li l-passiġġieri bit-tfal ikunu jistgħu jimbarkaw faċilment bil-pushchairs b'rikonoxximent tal-fatt li t-tfal żgħar li jkunu qed jivvjaġġaw mal-adulti huma klassifikati bħala PMM; jistieden lit-trasportaturi tal-ajru joffru tariffi ridotti għat-tfal, inklużi dwar akbar minn sentejn, kif ġa hija l-prattika b'modi oħrajn ta' trasport; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiggarantixxi d-dritt tal-imbark bi preferenza lil dawk il-passiġġieri bit-tfal u li jkunu jistgħu iħallu s-sits ħdejn il-bieba tal-ajruplan u jeħduhom lura huma u nieżlin mill-ajruplan;

29. Jemmen li hemm bżonn ta’ reviżjoni tan-nuqqas ġenerali tmin-naħa tal-operaturi tat-trasport tal-passiġġieri li jservu l-ajruporti li jikkonformaw mal-obbligu li jipprovdu siġġijiet għat-tfal, u b’hekk inaqqsu l-għażliet ta’ trasport tal-ġenituri;

30. Jitlob lill-Kummissjoni teżamina l-kwestjonijiet ta’ protezzjoni tal-passiġġieri relatati ma’ metodi ġodda ta’ skrining, bħal skaners tas-sigurtà, tiftix bl-idejn u profiling tal-passiġġieri; jikkunsidra li d-dispożizzjonijiet tad-drittijiet tal-passiġġieri u korpi ta’ eżekuzzjoni eżistenti jistgħu jilagħbu rwol fl-għoti ta’ rimedju għall-problemi li jistgħu jinqalgħu;

31. Jitlob li tiġi żgurata konsistenza xierqa bejn il-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru u l-miżuri mistennija tal-UE rigward ir-rimedju kollettiv sabiex id-drittijiet tal-passiġġieri jiġu garantiti b’mod effiċjenti u jiġu indirizzati dawk il-kumpaniji li sistematikament jinjoraw dawn id-drittijiet;

32. Jipproponi li jiddaħħal Premju Ewropew ta’ kull sena għall-aktar linja tal-ajru favur il-konsumatur;

33. Jissuġġerixxi li tista’ titwettaq aktar riċerka biex tiġi eżaminata l-possibilità u l-fattibilità li jiġi stabbilit strument leġiżlattiv uniku li jkun jinkludi d-dispożizzjonijiet u l-prinċipji kollha dwar id-drittijiet tal-konsumatur fl-avjazzjoni ċivili sabiex titnaqqas il-frammentazzjoni u jiġu rrikonċiljati l-inkonsistenzi fl-oqsma differenti kollha tad-drittijiet tal-passiġġieri;

34. Japprezza d-diversità ta’ jeddijiet il-passiġġieri li tiddependi mill-mod ta’ trasport, kemm jekk fuq l-ilma, fuq l-art u fl-ajru; madankollu, jemmen li hemm bżonn ta’ approċċ olistiku biex jiġu integrati l-jeddijiet kollha tal-passiġġieri – fost l-oħrajn il-jedd għal kumpens, rimborż u informazzjoni – f’qafas leġiżlattiv komprensiv u kkonsolidat;

IIr-Regolament (KE) Nru 261/2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet

35. Jistieden lill-Kummissjoni, fir-reviżjoni li ġejja tar-Regolament, tadotta kjarifiki tan-nozzjoni ta’ ‘ċirkostanzi straordinarji’ u d-definizzjoni ta’ ‘kanċellazzjoni’ kull ukoll tar-regoli li jiggvernaw l-għoti ta’ assistenza u l-jedd għar-rimedju u l-kumpens; kull reviżjoni bħal din għandha tieħu nota tal-livell ta’ protezzjoni tal-passiġġieri mogħti mid-deċiżjonijiet tal-QEĠ kif ukoll l-interpretazzjoni min-naħa tal-Qorti taċ-‘ċirkostanzi straordinarji’; iqis dawn il-miżuri bħala importanti, minħabba fl-ambitu ta’ bħalissa għall-impunjazzjonijiet tar-regoli ta' kumpens, varjazzjoni fl-eżekuzzjoni nazzjonali u inċidenzi bħalma kienet il-kriżi tal-irmied vulkaniku tal-2010;

36. Jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex toħloq sistema uniformi, komprensiva u dettaljata tal-valutazzjoni tal-valur ta’ evidenza fornita mil-linji tal-ajru juru li kien hemm ‘ċirkostanzi straordinarji’;

37. Jistieden lill-Kummissjoni tiċċara li f’każ li titjira waħda f’rotazzjoni tittardja jew tiġi kkanċellata minħabba ċirkostanza straordinarja, il-linja tal-arju tkun tista’ tirreferi wkoll għal dik iċ-ċirkostanza straordinarja b'konnessjoni mal-ewwel titjira sussegwenti fl-istess rotazzjoni;

38. Jemmen li hemm ħtieġa qawwija għal regoli ċari dwar il-kontenut, l-aċċessibilità, il-ħin tal-għoti u r-reqqa tat-tagħrif mogħti lill-passiġġieri, li għandu jispeċifika r-raġuni għal kull dewmien jew kanċellament u durata mistennija tat-tħarbit u dak li jiġri meta jkun hemm prenotazzjonijiet żejda, kif ukoll l-opzjonijiet alternattivi ta’ vjaġġar li jkunu disponibbli għall-passiġġieri;

39. Jisħaq li l-verżjoni li jmiss tar-Regolament għandha wkoll tiddefinixxi l-korp li jkun responsabbli mill-għoti ta’ tagħrif fi żmien raġonevoli lill-passiġġieri li jixtru vjaġġi b'kollox inkluż dwar kull alterazzjoni għas-servizz, billi l-kuntratt ikun bejn il-passiġġieri u operatur turistiku u mhux direttament ma’ trasportatur tal-ajru;

40. Jaċċentwa li t-tliet għażliet ta’ tħarbit tal-vjaġġ, il-passiġġieri jistgħu jagħżlu bejn tliet possibiltajiet jiġifieri r-rifużjoni, l-għoti ta’ rotta ġdida u l-prenotazzjoni mill-ġdid u li tali għażla hija jedd bażiku u għandha tkun offerta minnufih lill-passiġġieri kollha li jkunu baqgħu l-art;

41. Jitlob lill-Kummissjoni tappoġġja miżuri li jippermettu użu aħjar u aktar effiċjenti tal-modi alternattivi ta’ trasport, b’mod partikolari fil-każ ta’ ċirkostanzi straordinarji;

42. Jemmen li l-passiġġieri li l-bagalji tagħhom intilfu jew damu ma waslu għandu jkunu infurmati immedjatament dwar jeddijiethom skont il-Konvenzjoni ta’ Montreal u r-Regolament (KE) Nru 889/2002 u li hija meħtieġa azzjoni leġiżlattiva jew ta’ sensibilizzazzjoni f’livell Ewropew ħalli tiżdied il-komprensjoni pubblika ta’ jeddijiet il-passiġġieri u l-proċeduri ta’ ilment relattivi għall-bagalji mitlufin jew li damu ma waslu; iqis li, jekk il-bagalji jdumu aktar minn sitt sigħat ma jaslu, għandu jkun offrut kumpens li jkun proporzjonat ma’ ħtiġiet il-passiġier li jkun ħalli jingħatawlhom l-oġġetti li jkunu jeħtieġa waqt l-istennija għall-bagalji; jisħaq li l-kwalità u l-prestazzjoni globali tas-servizzi tal-ġestjoni tal-bagalji għandha tkun indirizzata fir-reviżjoni tad-Direttiva 96/67/KE dwar il-groundhandling;

43. Iqis illi f’kaz ta’ telf jew ta’ dewmien ta’ bagalja jew ta’ ħsara fiha, il-kumpanniji tal-ajru għandhom l-ewwel jagħtu kumpens lill-passiġġieri li magħhom iffirmaw kuntratt, izda mbagħad, il-kumpanniji tal-ajru għandu jkollhom id-dritt ta’ riżarċiment mill-ajruporti jew mill-fornituri tas-servizzi għad-danni li għalihom ma kinux neċessarjament responsabbli huma;

44. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi terminu massimu ta’ xahrejn għall-industrija u xahrejn għall-KE għall-ipproċessar tal-ilmenti tal-passiġġieri; li jikkunsidra li l-avviż ta’ rċevuta tal-ilmenti għandu jkun mibgħut lill-passiġġieri fi żmien 48 siegħa; il-passiġġieri li jipprenotaw b’mezzi elettroniċi, bħall-internet, għandhom ukoll ikunu intitolati li jagħmlu kuntatt, bla ebda ħlas, mal-linja tal-ajru billi jużaw l-istess mezzi, bl-indirizz tal-linja mmarkat b’mod ċar, biex il-klijent ikun jista’ jaqbad malajr u faċilment mal-persunal relevanti tal-linja tal-ajru biex isolvi xi problemi; huwa tal-fehma, barra minn hekk, li għandha tiġi attivata linja tat-telefon u servizz fuq is-sit tal-internet li permezz tiegħu l-passiġġieri jista’ jkollhom informazzjoni dwar l-istat tal-ilment proprju tagħhom;

45. Fit-tiftix tar-responsabilità sħiħa fil-konfront tal-passiġġieri, huwa tal-fehma li għandhom ikunu esplorati u stabbiliti l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni mtejbin bejn l-atturi differenti bħalma huma t-trasportaturi tal-ajru, l-ajruporti u l-fornituri ta' servizzi relattivi, l-aktar f’każijiet ta’ ‘ċirkostanzi straordinarji’;

46. Iħeġġeġ li l-ispejjeż finanzjarji addizzjonali sostnuti minn trasportaturi tal-ajru skont ir-Regolament ma jiġux mgħoddija lill-passiġġieri fil-forma ta’ tariffi ogħla;

47. Jinnota li d-deċiżjonijiet reċenti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja rigward id-dritt tal-passiġġieri għal kumpens fil-każ ta' dewmien jikkonfermaw il-ħtieġa ta’ miżuri mmirati lejn trattament ekwu, filwaqt li jiġi żgurat kumpens xieraq fil-każ ta' dewmien twil irrispettivament mill-kawża ta' tali dewmien sabiex jitqiesu bis-sħiħ id-danni li jkun sofra l-passiġġier; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi miżuri f'dan is-sens, mingħajr ma jiġi kkanċellat id-dritt li passiġġier li jiġi ttrasferit għat-titjira disponibbli li jmiss;

48. Iħeġġeġ l-għoti tal-istess trattament għal dewmien twil u għall-ikkanċellar tat- titjiriet joħloq inċentiv għall-kumpaniji tal-ajru li jikkanċellaw titjira li qiegħda tard, li f'ċertu każijiet forsi setgħat saret;

49. Jemmen li, bla ħsara għall-obbligi tat-trasportaturi tal-ajru skont ir-Regolament (KE) 261/2004 u sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tal-passiġġieri u fl-istess ħin jiġu evitati l-abbużi, ir-Regolament għandu jiċċara d-dispożizzjonijiet, jekk u meta huwa permess li l-passiġġieri jgħinu lilhom infushom billi jixtru biex jitrejqu jew jipprenotaw il-ħotel jew titjiriet alternattivi u jitolbu lura spejjeż raġonevoli mit-trasportaturi bl-ajru; fl-istess ħin ir-Regolament għandu jinkludi mekkaniżmi li jipproteġu kontra abbuż mill-passiġġieri;

Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2006 dwar id-drittijiet ta’ persuni diżabbli u persuni b’mobbiltà mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru

50. Jenfasizza li l-PMM u l-passiġġieri b’mobilità mnaqqsa jew b’diżabilitajiet għandhom jibbenifikaw mill-istess opportunitajiet ta’ vjaġġar bl-ajru u minn aċċess mhux ristrett għas-servizzi;

51. Jenfasizza l-ħtieġa li tingħata protezzjoni speċjali lill-gruppi vulnerabbli tal-konsumaturi, b’mod partikolari l-PMM u l-persuni b’diżabilità u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa; jenfasizza li dawn il-gruppi vulnerabbli jeħtieġu garanziji addizzjonali meta jkunu qed jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom bħala passiġġieri u jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lit-trasportaturi tal-ajru biex jinfurzaw dawn id-drittijiet;

52. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw aċċess mingħajr xkiel għall-PMM u għan-nies b’diżabilitajiet għas-servizzi kollha tat-trasport bl-ajru; jissottolinja li, f’dan is-sens, il-jedd għall-użu ta’ inġenji tal-mobilità kif ukoll l-akkumpannjament minn gwida rikonoxxuta jew kelb gwida għandhom ikunu ffaċilitati; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni li tkun tkopri l-aċċessibilità fiżika għall-ajruplani u l-ajruporti, ħalli jkun żgurat li x-xkiel infrastrutturali u ta’ disinn ma jipprevjenix lin-nies b’diżabilitajiet u l-PMM milli jgawdu minn opportunitajiet ugwali ta’ vjaġġar;

53. Jistieden lill-Kummissjoni tfassal linji gwida dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006, b’mod partikolari dwar id-dispożizzjonijiet dwar is-sigurtà u l-persuni li jakkumpanjawhom;

54. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timplementa pjan ta’ azzjoni għall-UE kollha li jkun ikopri l-miżuri kollha li għandhom jittieħdu mill-awtoritajiet nazzjonali, u jistieden lill-Kummissjoni tikkopera mal-KE u mal-organizzjonijiet rappreżentattivi relevanti ħalli ttejjeb l-implementazzjoni tar-Regolament;

55. Jikkondividi l-fehma tal-Kummissjoni li d-definizzjoni kurrenti tal-PMM ma għandhiex tkun ristretta;

56. Jissottolinja li l-formati tat-tagħrif, il-proċess tal-prenotazzjoni u l-proċeduri għall-ilmenti, għandhom ikunu kompletament aċċessibbli, li l-PMM u n-nies b’diżabilitajiet għandhom ikunu jistgħu jikkomunikaw il-ħtiġiet tagħhom ta’ assistenza fl-istess waqt li jipprenotaw il-biljetti tagħhom u li konferma tan-notifika tal-assistenza għandha tingħata lill-passiġġier; jisħaq fuq il-bżonn tar-rikonoxximent ta' trabi jew tfal żgħar bħala persuni b'mobilità mnaqqsa minħabba l-età.

57. Jindika li, minkejja li s-sigurtà tat-titjiriet hija ta’ interess pubbliku ewlieni, linja tal-ajru ma tistax iċċaħħad l-imbark lill-PMM jew lin-nies b’diżabilitajiet fuq il-bażi li ma jkunux akkumpanjati; jenfassiza li l-kumpanija ma tistax teżiġi li dejjem ikun hemm akkumpanjatur;

58. Jissottolinja li t-taħriġ għall-persunal tat-titjiriet u tat-trasportaturi tal-ajru, tal-ajruporti u tal-KE għandu rwol kruċjali u għandu jkopri b’mod adegwat il-ħtiġiet differenti u individwali tal-PMM u tal-persuni b’diżabilitajiet, b’attenzjoni partikolari għat-trattament tat-tagħmir ta’ assistenza; jisħaq li t-taħriġ għandu jkun provdut f’koperazzjoni mal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-persuni b’diżabilitajiet u l-PMM;

59. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta li tiżgura li l-PMM u l-persuni b’diżabilitajiet jkollhom f’kull ħin il-jedd jużaw tagħmir tan-nifs approvat mil-lat ta' sikurezza fuq l-ajruplani, mingħajr ħlas; iqis li lista ta’ tagħmir approvat għall-ossiġnu mediku għandha titħejja f’koperazzjoni mal-industrija u mal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-persuni b’diżabilitajiet u l-PMM filwaqt li jitqiesu kif dovut ir-rekwiżiti tas-sikurezza;

60. Huwa tal-fehma li t-twaqqif ta’ standards minimi għat-tagħmir ta' assistenza għall-PMR u l-użu tiegħu fl-ajruporti kollha tal-UE huwa meħtieġ ħalli jkun żgurat approċċ armonizzat għall-ground handling u l-għoti ta' servizz ta' kwalità għolja lill-passiġġieri PMR fl-Ewropa;

61. Huwa tal-fehma li hemm bżonn li jiġu stabbiliti standards minimi għall-għoti ta’ informazzjoni f’formati aċċessibbli għal persuni b’diżabilitajiet fl-ajruporti kollha tal-UE, b’attenzjoni partikolari għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza; jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għal teknoloġiji ġodda li issa huma disponibbli, bħal servizzi ta’ lingwa tas-sinjali bbażati fuq vidjow u servizzi bbażati fuq test;

62. Jitlob tmiem għall-prattiċi abbużivi u/jew diskriminatorji użati minn xi kumpaniji tal-ajru li jirrikjedu l-passiġġieri li huma PMM jiffirmaw, qabel ma jitilgħu abbord, dikjarazzjoni li teżenta l-kumpanija tal-ajru minn responsabilità għal kwalunkwe ħsara kkawżata lit-tagħmir ta' mobilità tagħhom;

63. Jitlob lill-Kummissjoni tagħmel sforz fil-perspettiva ta’ modifika possibbli tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, biex tiżgura li t-tagħmir tal-mobilità tal-PMM għandu jkun ikkumpensat fis-sħiħ, u dan peress li tali tagħmir huwa importanti għall-integrità, id-dinjità u l-indipendenza tagħhom u għalhekk bl-ebda mod ma jista' jitqabbel mal-bagalji, u li l-passiġġieri għandu jkollhom il-jedd, kulfejn ikun possibbli, li jużaw is-siġġu tar-roti tagħhom sal-bieb tal-ajruplan, u li jingħatalhom lura mal-bieb tal-ajruplan mal-wasla; sadanittant jisħaq li l-PMM għandhom ikunu infurmati bid-dritt tagħhom li jitolbu kumpens għal ħsara fit-tagħmir tal-mobilità tagħhom u bid-dritt tagħhom li jagħmlu dikjarazzjoni speċjali ta’ interess skont il-Konvenzjoni ta’ Montreal;

64. Jisħaq li linja tal-ajru b’‘servizz sħiħ’ li tipprovdi ikel fit-titjira lill-passiġġieri ma tistax tiddiskrimina kontra passiġġieri li jeħtieġu ikliet speċjali minħabba kundizzjonijiet mediċi li diġà jeżistu (eż. intolleranza għall-glutina jew dijabete) u li dawn l-ikliet speċjali għandhom jingħataw mingħajr ebda ħlas żejjed mill-passiġġier fil-każi kollha ta' vjaġġar.

°

°    °

65. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  ĠU C 24, 28.1.2012, p. 125.
  • [2]  Testi adottati, P7_ TA-PROV(2011)0453.

NOTA SPJEGATTIVA

    Dan ir-rapport jirrigwarda l-Komunikazzjoni reċenti tal-Kummissjoni dwar 'l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet’ (COM(2011)0174) u r-Rapport mill-Kummissjoni dwar il-‘funzjonament u l-effetti tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar id-drittijiet ta’ persuni diżabbli u persuni b’mobbiltà mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru’ (COM(2011)0166).

Barra minn hekk, minħabba li jeddijiet il-passiġġieri jissemmew f’bosta liġijiet differenti tal-UE, l-abbozz ta' rapport tiegħu jidħol ukoll fil-kuntest usa' ta' jeddijiet il-passiġġieri f'livell Ewropew.

L-abbozz ta’ rapport tiegħi jidentifika l-ħtieġa għal ċertezza ġuridika mtejba, għal aktar ċarezza interpretattiva u applikazzjoni uniformi tar-regolamenti fl-UE kollha kemm hi. Hemm ukoll il-ħtieġa li s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja jkunu inkorporati fir-reviżjoni li jmiss tar-Regolament 261/2004. Fl-aħħar mill-aħħar, jien irrid inżid ir-responsabilità politika u t-trasparenza, ħalli nikkjarifika u nsaħħaħ il-jeddijiet eżistenti u niżgura li jkunu reżi ċari għall-konsumaturi.

Dan ir-rapport hu f’waqtu, billi l-Kummissjoni qed tippjana reviżjoni tar-Regolament 261/2004 is-sena d-dieħla. Nittama wkoll se jipprovdi informazzjoni għar-reviżjonijiet li jmiss ta’ leġiżlazzjoni oħra, bħalma hi d-Direttiva dwar il-Pakketti tal-Ivvjaġġar u l-Pakkett dwar l-Ajruporti, fost l-oħrajn. Hawn taħt, se naċċentwa l-punti ċentrali tal-abbozz tar-rapport tiegħu.

Qafas ġenerali

L-għarfien tal-jeddijiet huwa essenzjali biex ikun żgurat li l-passiġġieri jista’ jkollhom aċċess għalihom. Dan hu għaliex t-tagħrif dwar il-jeddijiet tal-passiġġieri għandhom ikunu kkomunikati b’mod sempliċi, xieraq u li jinftiehem matul l-istadji l-aktar importanti tal-vjaġġ, saħansitra meta l-passiġġier ikun għadu qed itella’ u jniżżel jixtrix biljett.

Bħala għajnuna għall-iżgurar li l-jeddijiet jiġu rispettati, jien qiegħed nitlob li jkun hemm persunal ta' kuntatt fl-ajruporti li jistgħu jieħdu deċiżjonijiet immedjati f’dak li għandu x’jaqsam mal-għoti tal-assistenza, rimborż, għoti ta’ rotot ġodda u kwistjonijiet oħrajn li jqumu meta jitħarbtu t-titjiriet.

Il-korpi ta' Eżekuzzjoni (KE) effiċjenti, trasparenti u indipendenti li jittrattaw l-ilmenti tal-passiġġieri, li jgħinu fir-riżoluzzjoni tat-tilwim bejn il-passiġġieri u t-trasportaturi tal-ajru u li fl-aħħar mill-aħħar jimponu l-kastigi jekk ikun meħtieġ, huma neċessarji. Qiegħed nitlob li jkun hemm il-formalizzazzjoni tan-netwerk Ewropew tal-KE, ikkordinat mill-Kummissjoni, u li l-KE jippubblikaw l-informazzjoni dwar l-ilmenti li jirċievu.

Elementi oħrajn fl-abbozz tar-rapport tiegħi jinkludu l-ħtieġa li l-passiġġieri jkunu kompletament koperti fil-każ ta' falliment jew insolvenza tal-linja tal-ajru u li jkun hemm implementazzjoni u eżekuzzjoni effettivi tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar it-trasparenza fil-prezzijiet, ħalli l-prezz irreklamat fuq il-wKEajts tal-linja tal-ajru jkun jirrifletti b’mod ġust il-prezz finali. Il-passiġġieri għandu wkoll ikollhom il-jedd ta’ aċċess għar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri miżmum dwarhom mit-trasportatur tal-ajru, u dan għandu jkun minqux fil-leġiżlazzjoni.

Nemmen ukoll li l-passiġġieri għandu jkollhom il-jedd jibdlu d-dettalji dwar il-biljett tagħhom f’każ ta’ żball mingħajr ma jinkorru ħlas għal dan (il-linjo tal-ajru bħalissa jistgħu jitolbu ammonti eżorbitanti biex jagħmlu dan). Dan l-eżempju jaċċentwa l-proliferazzjoni ġenerali tat-termini inġusti fil-kuntratti tat-trasportaturi tal-ajru, li jeħtieġu jiġu ttrattati.

Wieħed mill-jeddijiet l-aktar bażiċi tal-passiġġieri huwa l-jedd għal vjaġġ sikur. Jien għalhekk nemmen li hu essenzjali li l-passiġġieri kollha, inklużi t-tfal iżgħar minn sentejn, jiġu żgurati sit sikur fuq l-ajruplan. Fl-aħħar nett, il-passiġġieri għandu jkollhom il-jedd għat-tagħrif dwar l-impatt ambjentali tal-mod tagħhom ta’ vjaġġar. Għalhekk qiegħed nitlob lill-Kummissjoni u lil-linji tal-ajru jappoġġjaw il-ħidma li għaddejja li se tippermetti paraguni oġġettivi u bir-reqqa bejn l-impronti ekoloġiċi ta' titjiriet differenti, kif ukoll bejn it-trasport bl-ajru u modi oħrajn ta' trasport.

Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet

Iċ-ċarezza interpetattiva hija kruċjali u hu għalhekk li qed nistieden lill-Kummissjoni tinkorpora, fir-reviżjoni li jmiss tar-Regolament 261/2004, l-interpretazzjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar definizzjonijiet u termini varji, inklużi ċ-‘ċirkostanzi straordinarji’ u r-regoli dwar il-kumpens.

F’każ ta’ tħarbit ta’ vjaġġ, il-passiġġieri għandhom ikunu infurmati fil-ħin b'tagħrif dwar ir-raġunijiet għad-dewmien jew għall-kanċellazzjoni, id-durata mistennija tad-dewmien u l-opzjonijiet alternattivi ta' vjaġġar, inklużi modi oħrajn ta' trasport fejn dan ikun applikabbli. Il-possibblità ta' għażla għall-passiġġieri bejn ir-rifużjoni, l-għoti ta’ rotot alternattivi u l-prenotazzjoni mill-ġdid, bħala jedd bażiku, ukoll għandha tkun aċċentwata.

Barra minn hekk, il-passiġġieri li jkunu tilfu l-bagalji jew li jdumu ma jaslulhom għandhom ikunu intitolati għal jeddijiet ekwivalenti bħall-passiġġieri qed isoffru direttament minn dewmien. Biex il-linji tal-ajru jitħallew jieħdu ħsieb l-aktar gruppi vulnerabbli ta’ passiġġieri u jirriduċu l-għadd ta’ passiġġieri li jivvjaġġaw lejn l-ajruport ħalli jitolbu l-assistenza, il-passiġġieri għandhom ikunu f’qagħda li jgħinu ruħhom billi jixtru biex jitrejqu l-akkomodazzjoni jew titjiriet alternattivi u jitolbu r-rifużjoni ta’ spejjeż raġonevoli mil-linja tal-ajru.

Fl-aħħar nett, il-livelli, il-kriterji u l-mekkaniżmi ta' kumpens, għandhom ikunu riveduti mill-Kummissjoni, bil-kundizzjoni li l-livelli ta' bħalissa ma jisfawx imdgħajfa.

Regolament 1107/2006 dwar id-drittijiet ta’ nies b’mobilità mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru

L-aċċess mingħajr xkiel u l-opportunitajiet ta’ vjaġġar ugwali għall-persuni b’mobilità ridotta (‘PMM’) u għall-persuni b’diżabilitajiet, huwa jedd bażiku. In-nuqqas ta’ taħriġ għall-persunali u l-infrastruttura fiżika tal-ajruporti u l-ajruplani huma ostakli li jeħtieġ ikunu indirizzati urġentement. Huwa wkoll importanti li l-PMM u l-persuni b’diżabilità jistgħu jkunu akkumpanjati minn gwida rikonoxxuta jew klieb gwida abbord l-ajruplan jekk dan ikun meħtieġ u li jkunu wkoll iggarantiti aċċess għall-ossiġnu għal skopijiet mediċi, mingħajr ħlas.

Kull ħsara għat-tagħmir tal-mobilità tal-PMM għandha tkun ikkumpensata bis-sħiħ peress illi tali tagħmir jagħmel parti mill-integrità, id-dinjità u l-indipendenza tal-persuna. Fl-aħħar nett, it-tagħrif lill-PMM u lill-persuni b’diżabilità għandu jkun kompletament aċċessibbli u f’formati li jikkorrispondu ma' ħtiġiethom.

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦAS-SUQ INTERN U L-ĦARSIEN TAL-KONSUMATUR (12.1.2012)

għall-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

dwar il-funzjonament u l-applikazzjoni tad-drittijiet stabbiliti ta' persuni li jivvjaġġaw bl-ajru.
(2011/2150(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Antonyia Parvanova

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jistieden lill-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni biex tanalizza u tirrevedi r-Regolamenti eżistenti dwar id-drittijiet tal-passiġġieri bl-ajru bl-għan li ttejjeb is-sitwazzjoni tal-passiġġieri speċjalment f'każ ta' dewmien twil jew kanċellazzjoni; Jemmen li l-applikazzjoni xierqa tar-regoli eżistenti min-naħa tal-Istati Membri u tat-trasportaturi, l-infurzar ta' mezzi suffiċjenti u sempliċi ta' rimedju u l-għoti lill-passiġġieri ta' informazzjoni preċiża dwar id-drittijiet tagħhom għandhom ikunu s-sisien biex bihom tintrebaħ lura l-fiduċja tal-passiġġieri;

2.  Jenfasizza l-importanza ta' implimentazzjoni u infurzar uniformi fl-Istati Membri kollha tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 u r-Regolament (KE) Nru 1107/2006 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri bl-ajru, inklużi penali proporzjonati, effettivi u dissważivi biex jinħoloq ambjent b'kundizzjonijiet ekwi u jinħolqu inċentivi ekonomiċi b'saħħithom kemm għat-trasportaturi tal-ajru kif ukoll għall-atturi l-oħra involuti, sabiex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet;

3.  Jenfasizza l-importanza li jiġu indirizzati l-lakuni eżistenti fl-implimentazzjoni u l-infurzar min-naħa tal-Istati Membri, tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 u tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri bl-ajru", li jikkontribwixxu għal inċertezzi legali u jxekklu l-protezzjoni effiċjenti tal-konsumaturi;

4.  Jinnota li rarament jitwettqu azzjonijiet ta' nfurzar, u li dawn ivarjaw ħafna minn Stat Membru għall-ieħor, u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem b'kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti u mal-Korpi Nazzjonali ta' Infurzar (minn hawn ’il quddiem "NKE") u tesplora l-possibbiltà li jinħoloq network ibbażat fuq is-Solvit u/jew unità ċentrali tal-UE, għall-promozzjoni tal-infurzar uniformi u rapidu tad-drittijiet tal-passiġġieri bl-ajru, u biex jiġu ssanzjonati u monitorjati l-infrazzjonijiet u l-Istati Membri li ma jimplimentawx din il-leġiżlazzjoni;

5.  Filwaqt li jikkunsidra li n-nuqqas ta' informazzjoni lill-passiġġieri huwa ostaklu maġġuri għall-applikazzjoni effikaċi tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 u tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006; jistieden lill-Kummissjoni tiċċara l-obbligu, previst f'dawn iż-żewġ Regolamenti, li l-passiġġieri jkunu infurmati sabiex jiġi żgurat li l-passiġġieri kollha, b'mod partikolari dawk fil-pożizzjonijiet l-aktar vulnerabbli, jirċievu informazzjoni f'waqtha, komprensibbli u preċiza dwar id-drittijiet tagħhom u dwar il-proċeduri biex jingħataw l-għajnuna f'każ ta' dewmien twil u/jew kanċellazzjonijiet, inkluż id-dritt li jagħżlu bejn ir-rimborż tal-prezz tal-biljett tat-titjira, il-possibbiltà li jagħżlu rotta ġdida jew li jagħmlu prenotazzjoni ġdida, kif ukoll dwar il-proċeduri u l-punti ta' kuntatt f'każ ta' nuqqas ta' sodisfazzjon jew talba għal kumpens; tali informazzjoni għandha tingħata b'mod komprensiv u faċli għall-konsumatur matul l-istadji ewlenin tal-vjaġġ, jiġifieri fil-ħin tal-prenotazzjoni, iċ-check-in u t-tlugħ fuq l-ajruplan, u għandha tkun stampata wkoll fuq il-biljett;

6.  Jinnota li l-proċess ta' reviżjoni possibbli tar-Regolament 261/2004 u tar-Regolament 1107/2006 se jieħu ż-żmien biex jitlesta; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-introduzzjoni ta’ miżuri interim komplementari għat-titjib tal-applikazzjoni u l-infurzar ta' dawn ir-Regolamenti. Dawn jistgħu jinkludu, it-tqegħid ta' dokumenti informattivi aġġornati dwar id-drittijiet tal-passiġġieri bl-ajru fuq il-wKEajt tal-KE, kif ukoll it-trawwim ta' diskussjonijiet u kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri, l-NKE, l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u l-linji tal-ajru sabiex jinxterrdu l-aħjar prattiki u jkun hemm ftehim dwar il-partijiet kontroversjali tal-leġiżlazzjoni;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni torganizza kampanji ta' informazzjoni u tistabilixxi pjattaforma ta' tagħrif multilingwistika, fejn il-passiġġieri bl-ajru jista' jkollhom aċċess għall-informazzjoni dwar id-drittijiet u l-proċeduri, inklużi formoli uffiċjali għall-ilmenti u l-punti ta' kuntatt, jenfasizza li l-isforzi għall-pubblikazzjoni tad-drittijet tal-passiġġieri jistgħu jiġu estiżi u kondiviżi ma' atturi oħra fil-katina permezz ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali, l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur, l-NKE, l-ajruporti, it-trasportaturi tal-ajru, l-aġenti u l-operaturi tal-ġiti;

8.  Jisħaq li t-trasportaturi tal-ajru għandhom jiżguraw il-preżenza ta’ minn tal-anqas rappreżentant wieħed u/jew uffiċċju tal-ilmenti wieħed f’kull ajruport li joperaw minnu, li jkun jista' jieħu deċiżjonijiet immedjati f'każ ta' tħarbit, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-assistenza, ir-rimborż, l-għoti ta' rotta ġdida u l-prenotazzjoni mill-ġdid;

9.  Jenfasizza l-ħtieġa ta’ rieżami tar-Regolamenti sabiex tiġ inkluża l-każistika riċenti[1], wara evalwazzjoni tal-konsegwenzi u l-benefiċċji probabbli għall-passiġġieri, sabiex jiġu ċċarati d-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru u jissaħħew il-miżuri ta’ infurzar;

10. Iqis li għandha tingħata definizzjoni ċara tat-termini l-aktar rikorrenti li jservu biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà legali tat-trasportatur tal-ajru u/jew id-drittijiet xierqa tal-passiġġieri, li tinkludi t-termini "titjira", "rotta alternattiva", "konnessjoni", "devjazzjoni" , "kanċellazzjoni", "dewmien twil", "skeda", "destinazzjoni finali", "assistenza u kura" u "dritt għal rimedju"; jenfasizza l-ħtieġa ta’ definizzjoni ċara u linji gwida tal-Kummissjoni dwar dak l-ambitu ta’ "ċirkustanzi straordinarji", li għandu jiġi ddikjarat b'mod ċar fl-emendi futuri tar-Regolament 261/2004, għall-prevenzjoni ta' interpretazzjonijiet mhux ġustifikata taċ-ċirkustanzi li jkunu wasslu għal dewmien jew kanċellazzjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni terġa’ tevalwa r-responsabbiltà legali mingħajr limiti tat-trasportaturi tal-ajru fir-rigward tad-dritt li jieħdu ħsieb lill-passiġġieri taħt ċirkostanzi straordinarji lil hinn mill-kontroll tat-trasportatur;

11. Jistieden lill-Kummissjoni tiċċara li f’każ li titjira waħda f’rotazzjoni tittardja jew tiġi kkanċellata minħabba ċirkostanza straordinarja, il-linja tal-arju tista’ tirreferi wkoll għal dik iċ-ċirkostanza straordinarja anki għall-ewwel titjira sussegwenti fl-istess rotazzjoni;

12. Jenfasizza d-dritt li l-passiġġieri jkollhom aċċess faċli għal informazzjoni preċiża u oġġettiva, liema informazzjoni tagħti dettalji dwar l-impatt ambjentali u l-effiċjenza enerġetika tal-vjaġġ tagħhom u għandha tkun viżibbli b’mod ċar kemm fuq il-wKEajts tat-trasportaturi tal-ajru, kif ukoll fuq il-biljetti nnifishom; jistieden lill-Kummissjoni u lit-trasportaturi tal-ajru jappoġġaw il-ħidma li għaddejja bħalissa f'din id-direzzjoni;

13. Jirrikonoxxi d-diversità tad-drittijiet tal-passiġġieri skont il-mezz differenti tat-trasport bħal pereżempju l-ferrovija, u l-mezzi tal-ajru, tal-baħar u tal-art, fost oħrajn; Madankollu, huwa jemmen li hemm bżonn ta’ approċċ olistiku biex jiġu integrati d-drittijiet kollha tal-passiġġieri partikolarment id-dritt għal kumpens, rimborż u informazzjoni, fost oħrajn, f’qafas leġiżlattiv komprensiv u kkonsolidat;

14. Jinnota li d-deċiżjonijiet reċenti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja rigward id-dritt tal-passiġġieri għal kumpens fil-każ ta' dewmien jikkonfermaw il-ħtieġa ta’ miżuri mmirati lejn trattament ekwu, filwaqt li jiġi żgurat kumpens xieraq fil-każ ta' dewmien twil irrispettivament mill-kawża ta' tali dewmien sabiex jitqiesu bis-sħiħ id-danni li jkun sofra l-passiġġier; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi miżuri f'dan is-sens, mingħajr ma jiġi kkanċellat id-dritt li passiġġier li jiġi ttrasferit għat-titjira disponibbli li jmiss;

15. Jissuġġerixxi li tista’ titwettaq aktar riċerka biex tiġi eżaminata l-opportunità u l-vijabbiltà li jiġi stabbilit strument leġiżlattiv uniku li jkun jinkludi d-dispożizzjonijiet u l-prinċipji kollha dwar id-drittijiet tal-konsumatur fl-avjazzjoni ċivili sabiex titnaqqas il-frammentazzjoni u jiġu rrikonċiljati l-inkonsistenzi fl-oqsma differenti kollha tad-drittijiet tal-passiġġieri;

16. Jinnota li l-prattiki kummerċjali eżistenti (bħall-miżati għaċ-check-ins, għat-tlugħ abbord prijoritarju, għall-ħlas bil-kards, għall-bagalji, għall-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE jew l-ibblokkjar tal-ħlas doppju tal-prezz tal-biljett mill-kont bankarju tal-passiġġieri għal ċertu perjodu ta’ żmien) iwasslu għal differenzi sostanzjali bejn il-prezz irreklamat u dak finali u b’hekk jagħmluha diffiċli għall-konsumaturi biex jifhmu jew jipprevedu l-komponenti kollha li jagħmlu parti mill-prezzijiet finali tal-biljetti tal-ajru u għalhekk jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata t-trasparenza fil-prezzijiet, l-istess bħalma jiġri kawża tad-dispożizzjonijiet dwar servizzi tat-trasport tal-passiġġieri fid-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur li ġiet adottata reċentement li tiddikkjara li qabel ma l-konsumatur ikun marbut b'kuntratt jew bi kwalunkwe offerta, in-negozjant għandu jipprovdi lill-konsumatur il-prezz totali li jkun jinkludi t-taxxi; jinsisti li l-prezz reklamat għandu jirrifletti b'mod ġust il-prezz finali, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni għal aktar kontroll fuq il-prezzijiet reklamati u finali tal-biljetti tal-ajru, speċjalment fuq il-wKEajts tal-linji tal-ajru;

17. Jenfasizza l-proliferazzjoni mifruxa ta’ termini kuntrattwali inġusti fil-kuntratti tat-trasport bl-ajru u żieda fil-każistika nazzjonali li tipprojbixxi ċerti termini regolarment użati mil-linji tal-ajru; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni tindirizza din il-kwistjoni billi tqiegħed f’lista sewda t-termini inġusti speċifiċi fis-settur tat-trasport bl-ajru. jenfasizza l-ħtieġa li jiġu adottati miżuri għall-protezzjoni tal-passiġġieri kontra termini oħra kuntrattwali inġusti implimentati mill-linji tal-ajru, bħal kwistjonijiet kuntrattwali relatati ma' bagalji li jintilfu, li damu ma wasslu jew ġew iddanneġġati, it-trasferibbiltà tal-biljetti tal-ajru, iċ-ċirkustanzi ta’ force majeure, l-iskedar mill-ġdid unilaterali ta' titjiriet, u l-projbizzjoni li tintuża l-parti tal-biljett ta' ritorn li għadha valida, sakemm mhux abbażi ta' kriterji "no show" oġġettivi u limitati ħafna għandhom jiġu adottati wkoll miżuri li jipproteġu lill-passiġġieri kontra l-politiki relatati ma' restrizzjonijiet differenti fuq bagalji tal-idejn u x-xiri matul titjira, fejn il-passiġġieri m'għandhomx iħallsu aktar milli suppost; għandu jiġi żgurat li l-passiġġieri għandhom jibbenefikaw minn restrizzjonijiet uniformi dwar id-daqs u l-piż tal-bagalji tal-idejn;

18. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata konsistenza bejn il-leġiżlazzjonijiet differenti dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru u b’mod partikolari bejn il-protezzjoni legali għall-vjaġġaturi li jivvjaġġaw kollox kompriż u n-nuqqas ta’ protezzjoni simili għall-passiġġieri li xtraw biss il-biljett tal-ajru, biex b’hekk jiġu segwiti t-tendenzi fis-suq tal-ivvjaġġar fejn il-konsumaturi aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed jagħmlu l-arranġamenti tal-ivvjaġġar tagħhom stess u tiġi evitata kull diskriminazzjoni kontra l-passiġġieri bbażata fuq it-tip ta’ biljett tal-ajru li nxtara jew tiġi evitata l-kompetizzjoni inġusta bejn il-fornituri differenti tas-servizz (it-trasportaturi bl-arju, l-aġenziji tal-ivvjaġġar jew l-operaturi turistiċi); b'mod partikolari, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi miżuri vinkolanti, inklużi obbligi għat-trasportaturi tal-ajru li jipprevedu garanzija finali li tkopri r-responsabbiltajiet legali tagħhom lejn il-passiġġieri, biex jiġi żgurat li l-passiġġieri li xtraw biss il-biljett tal-ajru jingħataw l-istess livell ta' protezzjoni effikaċi offrut lil dawk li xtraw vjaġġ bħala pakkett sħiħ, f'każ tal-insolvenza jew il-falliment finanzjarju tal-linja tal-ajru jew it-tneħħija tal-liċenzja operattiva;

19. Jistieden lill-Kummissjoni tfassal linji gwida dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru b’mobbiltà mnaqqsa, b’mod partikolari dwar id-dispożizzjonijiet dwar is-sigurtà u l-persuni li jakkumpanjawhom;

20. Jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li d-definizzjoni attwali ta '"passiġġieri b'mobbiltà mnaqqsa" (PRM) jew "persuna b'diżabbiltà" ma għandhiex tkun ristretta, minħabba li dan se jipperikola l-iskop tad-definizzjoni attwali li tingħata assistenza wiesgħa lill-gruppi relevanti li jeħtieġu assistenza speċjali; jissuġġerixxi jekk l-anzjani li m’għandhomx mobbiltà mnaqqsa, nisa tqal u tfal mhux akkompanjati, minħabba li l-età tagħhom tillimita l-kapaċità tagħhom li jużaw it-trasport pubbliku b'mod awtonomu, għandhomx jiġu inklużi fid-definizzjoni, possibbilment taħt it-terminu “passiġġieri bi ħtiġijiet speċjali”;

21 Jenfasizza li l-passiġġieri b’mobbiltà mnaqqsa jew b’diżabilitajiet għandhom jibbenifikaw mill-istess opportunitajiet ta’ vjaġġar bl-ajru u minn aċċess mhux ristrett għas-servizzi;

22. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi pprovduta protezzjoni speċjali lill-gruppi vulnerabbli tal-konsumaturi, b’mod partikolari l-persuni b’diżabilità u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa; jenfasizza li dawn il-gruppi vulnerabbli jeħtieġu garanziji addizzjonali meta jkunu qed jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom bħala passiġġieri u jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lit-trasportaturi tal-ajru biex jinfurzaw dawn id-drittijiet;

23. Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi miżuri vinkolanti biex il-linji tal-ajru u l-ajruporti jarmonizzaw il-politiki tagħhom, partikolarment fir-rigward tal-proċeduri ta’ prenotazzjoni, il-proċeduri biex tintalab għajnuna u dawk tal-kontroll tas-sigurtà, u biex tingħata informazzjoni aħjar dwar dawn il-kwistjonijiet mill-ħin tal-prenotazzjoni sakemm il-Passiġġieri b’Mobbiltà Mnaqqsa (minn issa ’l quddiem “PMM”), u eventwalment il-Passiġġieri bi Ħtiġijiet Speċjali, iħallu l-ajruport lejn id-destinazzjoni tagħhom, sabiex jiġu garantiti opportunitajiet tal-ivvjaġġar indaqs u n-nondiskriminazzjoni, u biex il-PMM ikunu jafu x’għandhom jistennew mid-diversi linji tal-ajru fid-diversi ajruporti;

24. Jenfasizza l-fatt li t-taħriġ tal-persunal tat-trasportaturi tal-ajru u tal-ajruport għandu rwol ewlieni biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-partijiet kollha tar-Regolament 1107/2006 u huwa l-aktar mezz kosteffiċenti biex tiġi żgurata n-nondiskriminazzjoni; għalhekk, jenfasizza li għandu jingħata taħriġ adegwat lill-persunal fl-ajruporti u abbord l-inġenji tal-ajru f’koperazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa;

25. Jenfasizza l-fatt li hemm bżonn li jiġi żgurat li t-tagħmir ta' mobbiltà ma jitqiesx u/jew jiġi ttrattat bħala tgħabija ordinarja, iżda bħala għodda indispensabbli għall-indipendenza li hija insostitwibbli għall-passiġġier, u għal din ir-raġuni jenfasizza li t-tagħmir ta’ mobbiltà għandu jintuża b'kawtela minn persunal imħarreġ u skont proċeduri stretti u armonizzati għat-tlugħ fuq ajruplan u l-inżul minnu, fejn il-passiġġieri jkunu jistgħu jużaw dan it-tagħmir għall-aktar żmien possibbli;

26. Jemmen li huwa essenzjali li jiġi żgurat li n-nies li jeħtieġu ossiġnu mediku meta jivvjaġġaw, il-passiġġieri obeżi u l-passiġġieri li jeħtieġu jivvjaġġaw ma’ assistent ma jintalbux iħallsu imposti addizzjonali u anqas m’għandhom jiġu mwaqqfa milli jitilgħu sakemm mhux abbażi ta’ raġunijiet li strettament jirrigwardaw is-sikurezza;

27. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem mal-Istati Membri biex jidentifikaw u jegħlbu n-nuqqasijiet fil-korpi u l-proċeduri nazzjonali għall-ġestjoni tal-ilmenti u biex tiġi żgurata koordinazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru mal-miżuri mistennija tal-UE dwar mekkaniżmi alternattivi għar-riżoluzzjoni tat-tilwim.

28. Jenfasizza li l-konsumaturi għandu jkollhom aktar possibilità li jibbenifikaw mid-drittijiet tagħhom; Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri biex jiġu stabbiliti proċeduri għall-ġestjoni tal-ilmenti li jkunu armonizzati u aċċessibbli u biex jiġi stabbilit mezz ta’ rimedju li jiżgura l-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-passiġġieri u li jiżgura li dawn jirċievu l-kumpens li huma intitolati għalih fiż-żmien opportun u b’mod effiċjenti; jitlob korpi ta’ infurzar nazzjonali jew korp ta’ infurzar ġdid tal-UE biex jgħinu lill-konsumaturi fir-rigward tal-ilmenti tagħhom, partikolarment dawk transkonfinali; jenfasizza l-bżonn ta’ skadenzi fissi biex jingħata rispons għall-ilmenti tal-passiġġieri, b'mod simili għal Regolamenti oħra dwar id-drittijiet tal-passiġġieri, u li titqies il-possibbiltà li d-deċiżjonijiet tal-NKE isiru vinkolanti sabiex jiġi żgurat li jkunu rikonoxxuti mill-qrati u li segwiti mit-trasportaturi tal-ajru u l-atturi l-oħra involuti; jistieden lill-Istati Membri jimmobilizzaw riżorsi suffiċjenti għal -korpi nazzjonali ta' infurzar u jagħtuhom setgħa proporzjonata biex jimplimentaw is-sanzjonijiet;

29. Jitlob li tiġi żgurata konsistenza xierqa bejn il-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru u l-miżuri mistennija tal-UE rigward ir-rimedju kollettiv sabiex id-drittijiet tal-passiġġieri jiġu garantiti b’mod effiċjenti u jiġu indirizzati dawk il-kumpaniji li sistematikament jinjoraw dawn id-drittijiet;

30. Jipproponi l-introduzzjoni ta’ Premju Ewropew għal-linja tal-arju li taqdi bl-aħjar mod lill-konsumatur, u li dan jingħata kull sena lill-kumpanija bl-aqwa rekord ta’ servizz faċli għall-konsumatur;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

9.1.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

29

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Adam Bielan, Lara Comi, Jürgen Creutzmann, Cornelis de Jong, Christian Engström, Vicente Miguel Garcés Ramón, Małgorzata Handzlik, Sandra Kalniete, Kurt Lechner, Hans-Peter Mayer, Robert Rochefort, Heide Rühle, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Laurence J.A.J. Stassen, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Bernadette Vergnaud

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Simon Busuttil, Ashley Fox, Marielle Gallo, Constance Le Grip, Morten Løkkegaard, Antonyia Parvanova, Sylvana Rapti, Olga Sehnalová, Marc Tarabella, Rafał Trzaskowski, Wim van de Camp, Anja Weisgerber

  • [1]  pereżempju l-kawżi konġunti C 402/07 u C 432/07 Sturgeon

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

27.2.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

41

1

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Magdi Cristiano Allam, Inés Ayala Sender, Georges Bach, Izaskun Bilbao Barandica, Philip Bradbourn, Antonio Cancian, Michael Cramer, Joseph Cuschieri, Christine De Veyrac, Saïd El Khadraoui, Ismail Ertug, Carlo Fidanza, Knut Fleckenstein, Jacqueline Foster, Mathieu Grosch, Jim Higgins, Juozas Imbrasas, Dieter-Lebrecht Koch, Jaromír Kohlíček, Georgios Koumoutsakos, Werner Kuhn, Bogusław Liberadzki, Eva Lichtenberger, Gesine Meissner, Mike Nattrass, Hubert Pirker, David-Maria Sassoli, Vilja Savisaar-Toomast, Olga Sehnalová, Debora Serracchiani, Brian Simpson, Laurence J.A.J. Stassen, Keith Taylor, Silvia-Adriana Ţicău, Giommaria Uggias, Thomas Ulmer, Peter van Dalen, Dominique Vlasto, Artur Zasada, Roberts Zīle

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Spyros Danellis, Rosa Estaràs Ferragut, Nathalie Griesbeck, Ádám Kósa, Dominique Riquet, Alfreds Rubiks