RAPPORT dwar l-emenda tal-Artikoli 87a u 88 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew

27.3.2012 - (2009/2195(REG))

Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
Rapporteur: Carlo Casini


Proċedura : 2009/2195(REG)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0072/2012
Testi mressqa :
A7-0072/2012
Dibattiti :
Testi adottati :

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-emenda tal-Artikoli 87(a) u 88 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew

(2009/2195(REG))

Il-Parlament Ewropew

–   wara li kkunsidra l-ittra mingħand il-President tiegħu bid-data tad-9 ta' Ottubru 2009,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni[1],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 dwar is-setgħa tad-delega leġiżlattiva[2],

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 211 u 212 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A7-0072/2012),

1.  Jiddeċiedi li jemenda r-Regoli ta' Proċedura tiegħu kif jidher hawn taħt;

2.  Ifakkar li dawn l-emendi jidħlu fis-seħħ fl-ewwel ġurnata tas-sessjoni parzjali li jmiss;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għal skopijiet ta’ informazzjoni.

Emenda  1

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew

Artikolu 87a

Test fis-seħħ

Emenda

Meta att leġiżlattiv jiddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li tissuplimenta jew temenda ċerti elementi mhux essenzjali ta’ att leġiżlattiv, il-kumitat responsabbli:

1. Meta l-Kummissjoni tibgħat att delegat lill-Parlament, il-President għandu jgħaddih lill-kumitat responsabbli għall-att leġiżlattiv bażiku, li jista' jiddeċiedi li jaħtar rapporteur għall-analiżi ta’ att delegat wieħed jew iktar.

– għandu jeżamina kull abbozz ta' att delegat meta jintbagħat lill-Parlament għal skrutinju;

 

– jista' jippreżenta lill-Parlament permezz ta’ mozzjoni għal riżoluzzjoni kwalunkwe proposta xierqa f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-att leġiżlattiv.

 

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 88(1), (2) u (3) għandhom japplikaw mutatis mutandis.

 

Emenda  2

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew

Artikolu 87 a – paragrafu 1 a (ġdid)

Test fis-seħħ

Emenda

 

1a. Il-President għandu jħabbar lill-Parlament id-data meta l-att delegat ikun wasal fil-lingwi uffiċjali kollha, u l-perjodu li matulu jistgħu jitqajmu oġġezzjonijiet. Dan il-perjodu għandu jibda minn din id-data.

 

L-avviż għandu jiġi ppubblikat fil-minuti tas-seduta, flimkien mal-isem tal-kumitat responsabbli.

Emenda  3

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew

Artikolu 87a – paragrafu 1b (ġdid)

Test fis-seħħ

Emenda

 

1a. Il-kumitat responsabbli jista’, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-att leġiżlattiv bażiku u, jekk iqis li jkun xieraq, wara li jkun ikkonsulta lil kull kumitat konċernat, iressaq mozzjoni għal riżoluzzjoni motivata lill-Parlament. Dik il-mozzjoni għal riżoluzzjoni għandha tispeċifika jekk il-Parlament joġġezzjonax jew le għall-att delegat. Jekk ikun fiha oġġezzjonijiet, il-mozzjoni għal riżoluzzjoni għandha tispeċifika r-raġunijiet għall-oġġezzjoni u tista’ tinkorpora talba lill-Kummissjoni biex jiġi ppreżentat att delegat ġdid li jqis ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament.

Emenda  4

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew

Artikolu 87a – paragrafu 1 c (ġdid)

Test fis-seħħ

Emenda

 

1c. Jekk għaxart ijiem qabel il-bidu tas-sessjoni parzjali li l-Erbgħa ta’ dik il-ġimgħa tkun qabel u l-eqreb ġurnata għall-iskadenza msemmija fil-paragrafu 1d, il-kumitat responsabbli ma jkunx ressaq il-mozzjoni għal riżoluzzjoni, grupp politiku jew tal-inqas erbgħin membru jistgħu jressqu mozzjoni għal riżoluzzjoni dwar il-kwistjoni biex tiddaħħal fl-aġenda tas-sessjoni parzjali msemmija hawn fuq.

Emenda  5

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew

Artikolu 87a – paragrafu 1d (ġdid)

Test fis-seħħ

Emenda

 

1d. Il-Parlament għandu jiddeċiedi, fiż-żmien stipulat fl-att leġiżlattiv bażiku, dwar kull mozzjoni għal riżoluzzjoni mressqa, bil-maġġoranza prevista fl-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

 

Meta l-kumitat responsabbli jikkunsidra li hu xieraq li jestendi, skont l-att leġiżlattiv bażiku, l-iskadenza għat-tressiq ta' oġġezzjonijiet għall-att delegat, il-President tal-kumitat kompetenti għandu jinnotifika, f'isem il-Parlament, din l-estensjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Emenda  6

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew

Artikolu 87a – paragrafu 1e (ġdid)

Test fis-seħħ

Emenda

 

1e. Jekk il-kumitat responsabbli jirrakkomanda li, qabel l-iskadenza prevista fl-att leġiżlattiv bażiku, il-Parlament jiddikjara li mhux se joġġezzjona għall-att delegat:

 

– għandu jinforma lill-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati permezz ta’ ittra li tistipula r-raġunijiet tiegħu u jressaq rakkomandazzjoni dwar dan;

 

– jekk ma titressaq l-ebda oġġezzjoni kemm fil-laqgħa li jmiss tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati kif ukoll f’każ ta’ urġenza, permezz ta’ proċedura bil-miktub, il-President tagħha għandu javża lill-President tal-Parlament, li għandu jinforma lill-plenarja mill-iktar fis possibbli;

 

– jekk, fi żmien erbgħa u għoxrin siegħa wara t-tħabbir fil-plenarja, grupp politiku jew tal-inqas erbgħin Membru joġġezzjonaw għar-rakkomandazzjoni, trid issir votazzjoni dwarha;

 

– jekk fl-istess perjodu, ma ssir l-ebda oġġezzjoni, ir-rakkomandazzjoni proposta għandha titqies bħala approvata;

 

– l-adozzjoni ta’ tali rakkomandazzjoni għandha twassal biex kwalunkwe proposta ta’ oġġezzjoni sussegwenti għall-att delegat tkun inammissibbli.

Ġustifikazzjoni

Għandu jiġi żgurat li r-rakkomandazzjoni tiġi ttrattata fis-sessjoni plenarja mill-iktar fis possibbli. L-obbligu li jiġu infurmati l-Kunsill u l-Kummissjoni jissemma’ darba fl-aħħar tal-Artikolu.

Emenda  7

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew

Artikolu 87a - paragrafu 1f (ġdid)

Test fis-seħħ

Emenda

 

1f. Il-kumitat responsabbli jista’, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-att leġiżlattiv bażiku, jieħu l-inizjattiva li jressaq mozzjoni għal riżoluzzjoni motivata lill-Parlament biex tiġi revokata, kollha kemm hi jew parzjalment, id-delega tas-setgħat previsti għal dan l-att. Il-Parlament għandu jaġixxi skont il-maġġoranza prevista fl-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Emenda  8

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew

Artikolu 87a – paragrafu 1g (ġdid)

Test fis-seħħ

Emenda

 

1g. Il-President għandu jinforma lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar il-pożizzjonijiet meħuda skont dan l-Artikolu.

Emenda  9

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew

Artikolu 88 – titolu

Test fis-seħħ

Emenda

Miżuri ta' implimentazzjoni

Atti u miżuri ta’ implimentazzjoni

Ġustifikazzjoni

Il-Parlament, filwaqt li jitlob li l-miżuri ta’ regolamentazzjoni bi skrutinju jsiru atti delegati fl-adattament tal-leġiżlazzjoni eżistenti, jidher iktar favur iż-żamma ta' terminoloġija li tiddistingwi b’mod ċar bejn l-atti ta’ implimentazzjoni tal-Artikolu 291 TFUE u l-miżuri li, f’perjodu transitorju, jibqgħu rregolati minn proċedura regolatorja bi skrutinju.

Emenda  10

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew

Artikolu 88 – paragrafu 1

Test fis-seħħ

Emenda

1. Meta l-Kummissjoni tgħaddi abbozz ta' miżuri implimentattivi lill-Parlament, il-President għandu jirreferi l-abbozz ta’ miżuri lill-kumitat responsabbli għall-att li minnu joħorġu l-miżuri ta' implimentazzjoni. Jekk tkun ġiet applikata il-proċedura b'kumitati assoċjati fir-rigward ta' l-att bażiku, il-kumitat responsabbli għandu jistieden lil kwalunkwe kumitat assoċjat biex jistqarr il-fehmiet tiegħu bil-fomm jew permezz ta' ittra.

1. Meta l-Kummissjoni tgħaddi abbozz ta’ att jew miżura ta’ implimentazzjoni lill-Parlament, il-President għandu jibagħtu lill-kumitat responsabbli għall-att leġiżlattiv bażiku, li jista’ jiddeċiedi li jaħtar rapporteur għall-analiżi ta’ abbozz ta’ att jew miżuri ta’ implimentazzjoni wieħed jew iktar.

Emenda  11

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew

Artikolu 88 – paragrafu 2

Test fis-seħħ

Emenda

2. Il-president tal-kumitat responsabbli għandu jistipola skadenza biex il-Membri jipproponu li l-kumitat joġġezzjona għall-abbozz ta' miżuri. Jekk il-kumitat iqis li hu xieraq, jista’ jiddeċiedi li jaħtar rapporteur minn fost il-membri tiegħu jew minn fost is-sostituti permanenti. Jekk il-kumitat joġġezzjona għall-abbozz ta’ miżuri, għandu jqiegħed fuq il-Mejda mozzjoni għal riżoluzzjoni li topponi l-adozzjoni ta’ l-abbozz ta’ miżuri li tista’ tindika wkoll il-bidliet li għandhom isiru għall-abbozz ta’ miżuri.

2. Il-kumitat responsabbli jista’ jippreżenta mozzjoni għal riżoluzzjoni motivata lill-Parlament li tindika li abbozz ta’ att jew ta’ miżura ta’ implimentazzjoni jaqbeż il-kompetenzi ta’ implimentazzjoni previsti fl-att leġiżlattiv bażiku jew li ma jkunx konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għal raġunijiet oħra.

Jekk il-Parlament sa' l-iskadenza applikabbli ikkalkulata mid-data ta’ riċeviment ta' l-abbozz ta’ miżuri, jadotta riżoluzzjoni bħal din il-President għandu jitlob lill-Kummissjoni tirtira jew temenda l-abbozz ta’ miżuri jew tressaq proposta skond il-proċedura leġislattiva xierqa.

 

Emenda  12

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew

Artikolu 88 – paragrafu 3

Test fis-seħħ

Emenda

3. Jekk ma jkun hemm l-ebda sessjoni parzjali qabel ma jagħlaq iż-żmien, id-dritt ta’ tweġiba għandu jitqies li jkun ġie ddelegat lill-kumitat responsabbli. Din it-tweġiba għandha tieħu s-sura ta’ ittra mill-president tal-kumitat lill-Membru tal-Kummissjoni responsabbli, u għandha tinġieb għall-attenzjoni tal-Membri kollha tal-Parlament.

3. Il-mozzjoni għal riżoluzzjoni tista’ tinkludi talba lill-Kummissjoni biex tirtira l-att, il-miżura jew l-abbozz ta' att jew ta’ miżura, biex temendah filwaqt li jitqiesu l-oġġezzjonijiet formulati mill-Parlament jew li titressaq proposta leġiżlattiva ġdida. Il-President għandu jinforma lill-Kunsill u l-Kummissjoni bil-pożizzjoni li tittieħed.

Emenda  13

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew

Artikolu 88 - paragrafu 4 - parti introduttorja

Test fis-seħħ

Emenda

4. Jekk il-miżuri ta' implimentazzjoni previsti mill-Kummissjoni jaqgħu taħt il-proċedura regolatorja bi skrutinju, il-paragrafu 3 m’għandux japplika u l-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu ssupplimentati kif ġej:

4. Jekk il-miżuri ta' implimentazzjoni previsti mill-Kummissjoni jaqgħu taħt il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fid-Deċiżjoni 1999/468/KE tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni, japplikaw id-dispożizzjonijiet kumplimentarji li ġejjin:

Emenda  14

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew

Artikolu 88 – paragrafu 4 – punt a

Test fis-seħħ

Emenda

a) iż-żmien ta’ l-iskrutinju għandu jibda jgħodd meta l-abbozz ta’ miżuri jkun ġie mressaq lill-Parlament bil-lingwi uffiċjali kollha. Fejn japplikaw limiti iqsar ta’ żmien (Artikolu 5a(5)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni) u f’każijiet ta’ urġenza (Artikolu 5a(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE), il-perjodu taż-żmien għall-iskrutinju għandu jibda jgħodd mid-data meta l-Parlament jirċievi l-abbozz aħħari tal-miżuri ta’ implimentazzjoni fil-verżjonijiet lingwistiċi ppreżentati lill-membri tal-kumitat stabbilit skond id-Deċiżjoni 1999/468/KE, ħlief jekk ikun hemm oġġezzjoni mill-president tal-kumitat responsabbli. L-Artikolu 146 m'għandux japplika f'dan il-każ;

a) iż-żmien ta’ l-iskrutinju għandu jibda jgħodd meta l-abbozz ta’ miżuri jkun ġie mressaq lill-Parlament bil-lingwi uffiċjali kollha. Fejn japplikaw limiti ta’ żmien ta' skrutinju applikati kif previst fl-Artikolu 5a(5)(b) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE u f’każijiet ta’ urġenza previsti fl-Artikolu 5a(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, il-perjodu taż-żmien għall-iskrutinju għandu jibda jgħodd mid-data meta l-Parlament jirċievi l-abbozz aħħari tal-miżuri ta’ implimentazzjoni fil-verżjonijiet lingwistiċi ppreżentati lill-membri tal-kumitat stabbilit skond id-Deċiżjoni 1999/468/KE, ħlief jekk ikun hemm oġġezzjoni mill-president tal-kumitat responsabbli. L-Artikolu 146 m'għandux japplika f'dan il-każ;

Emenda  15

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew

Artikolu 88 – paragrafu 4 – punt aa (ġdid)

Test fis-seħħ

Emenda

 

A a) Jekk l-abbozz ta' miżura ta’ implimentazzjoni jkun ibbażat fuq il-paragrafu 5 jew 6 tal-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, li jistipula limiti ta' żmien imqassra għal oppożizzjoni mill-Parlament, tista' titqiegħed fuq il-Mejda mozzjoni għal riżoluzzjoni li topponi l-adozzjoni tal-abbozz tal-abbozz ta’ miżura mill-president tal-kumitat responsabbli jekk dak il-kumitat ma jkunx seta' jiltaqa' fiż-żmien disponibbli.

Emenda  16

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew

Artikolu 88 – paragrafu 4 – punt b

Test fis-seħħ

Emenda

b) Il-Parlament, billi jaġixxi b'maġġoranza tal-Membri kollha tiegħu, jista’ jopponi l-adozzjoni ta’ l-abbozz ta’ miżuri, filwaqt li jiġġustifika l-oppożizzjoni tiegħu billi jindika li l-abbozz ta’ miżuri jisboq s-setgħat ta' implimentazzjoni pprovduti fl-istrument bażiku, li mhux kompatibbli ma’ l-għan jew il-kontenut ta’ l-istrument bażiku jew li ma jirrispettax il-prinċipji tas- sussidjarjetà jew proporzjonalità;

b) Il-Parlament, billi jaġixxi b'maġġoranza tal-Membri kollha tiegħu, jista’ jopponi l-adozzjoni tal-abbozz ta’ miżura ta’ implimentazzjoni billi jindika li l-abbozz jisboq is-setgħat ta' implimentazzjoni pprovduti fl-att bażiku, li mhux kompatibbli mal-għan jew il-kontenut tal-att bażiku jew li ma jirrispettax il-prinċipji tas-sussidjarjetà jew proporzjonalità;

Emenda  17

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew

Artikolu 88 – paragrafu 4 – punt c

Test fis-seħħ

Emenda

c) Jekk l-abbozz ta' miżuri ikun ibbażat fuq il-paragrafu 5 jew 6 ta' l-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, li jistipula limiti ta' żmien imqassra għal oppożizzjoni mill-Parlament, tista' titqiegħed fuq il-Mejda mozzjoni għal riżoluzzjoni li topponi l-adozzjoni ta' l-abbozz ta' miżuri mill-president tal-kumitat responsabbli jekk dak il-kumitat ma jkunx seta' jiltaqa' fiż-żmien disponibbli.

imħassar

Emenda  18

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew

Artikolu 88 – paragrafu 4 – punt ca (ġdid)

Test fis-seħħ

Emenda

 

c a) fil-każ li l-kumitat responsabbli, wara talba motivata kif xieraq mill-Kummissjoni, jirrakkomanda permezz ta’ ittra motivata lill-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati li l-Parlament jiddikjara li ma jopponix il-miżura proposta, qabel l-iskadenza taż-żmien normali previst fl-Artikolu 5a(3)(c) u/jew l-Artikolu 5a(4)(e) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, tapplika l-proċedura prevista fl-Artikolu 87a(1)(e).

Emenda  19

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew

Artikolu 88 a – titolu (ġdid)

Test fis-seħħ

Emenda

 

Artikolu 88 (a)

 

Eżami tal-proċedura mal-kumitati assoċjati jew mal-laqgħat tal-kumitati konġunti

Emenda  20

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew

Artikolu 88 a – paragrafu 1 (ġdid)

Test fis-seħħ

Emenda

 

1. Jekk l-att leġiżlattiv bażiku ikun ġie adottat mill-Parlament permezz tal-proċedura prevista fl-Artikolu 50, id-dispożizzjonijiet kumplimentarji li ġejjin għandhom japplikaw għall-eżami ta’ atti delegati u abbozzi ta’ atti jew ta’ miżuri ta' implimentazzjoni:

 

- l-att delegat jew l-abbozz ta’ att jew ta’ miżura ta’ implimentazzjoni għandu jintbagħat lill-kumitat responsabbli u lill-kumitat assoċjat;

 

- il-President tal-kumitat responsabbli jistabbilixxi t-tul ta’ żmien li fih il-kumitat assoċjat jista’ jifformula proposti relatati mal-punti li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tiegħu jew il-kompetenza konġunta ta’ dawn iż-żewġ kumitati;

 

- jekk l-att delegat jew l-abbozz ta’ att jew ta’ miżura ta’ implimentazzjoni jaqgħu essenzjalment taħt il-kompetenzi esklużivi tal-kumitat assoċjat, id-dispożizzjonijiet tagħhom jiddaħħlu mingħajr vot mill-kumitat responsabbli; jekk dan ma jsirx, il-President jista’ jawtorizza lill-kumitat assoċjat iressaq mozzjoni għal riżoluzzjoni lill-Parlament.

Emenda  21

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew

Artikolu 88 a – paragrafu 2 (ġdid)

Test fis-seħħ

Emenda

 

2. Jekk l-att leġiżlattiv bażiku ikun ġie adottat mill-Parlament permezz tal-proċedura prevista fl-Artikolu 51, id-dispożizzjonijiet kumplimentarji li ġejjin għandhom japplikaw għall-eżami ta’ atti delegati u abbozzi ta’ atti jew ta’ miżuri ta' implimentazzjoni:

 

- il-President jiddetermina, meta jasal l-att delegat jew l-abbozz ta’ att jew ta’ miżura ta’ implimentazzjoni, liema jkun il-kumitat responsabbli jew il-kumitati konġunti responsabbli għall-eżami tagħhom, billi jitqiesu l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 51 u l-ftehimiet li jsiru bejn il-Presidenti tal-kumitati kkonċernati;

 

- jekk att delegat jew abbozz ta’ att jew ta’ miżura ta’ implimentazzjoni jerġa’ jintbagħat għal eżami skont il-proċedura tal-laqgħat tal-kumitati konġunti, kull kumitat jista’ jitlob li tissejjaħ laqgħa konġunta għall-eżami ta’ mozzjoni għal riżoluzzjoni. Jekk il-Presidenti tal-kumitati kkonċernati ma jirnexxilhomx jilħqu qbil, il-laqgħa konġunta għandha tissejjaħ mill-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati.

Emenda  22

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew

Artikolu 216 – paragrafu 4

Test fis-seħħ

Emenda

4. Il-corrigendum għandu jitħabbar fis-sessjoni parzjali li jkun imiss. Dan għandu jitqies bħala approvat ħlief jekk, sa mhux aktar tard minn tmienja u erbgħin siegħa wara t-tħabbir tiegħu, ma ssirx talba minn grupp politiku jew minn mhux inqas minn erbgħin Membru biex jitressaq għall-votazzjoni. Jekk il-corrigendum ma jiġix approvat, għandu jiġi rriferut lura lill-kumitat responsabbli li jista' jew jipproponi corrigendum immodifikat jew jagħlaq il-proċedura.

4. Il-corrigendum għandu jitħabbar fis-sessjoni parzjali li jkun imiss. Dan għandu jitqies bħala approvat ħlief jekk, sa mhux aktar tard minn erbgħa u għoxrin siegħa wara t-tħabbir tiegħu, ma ssirx talba minn grupp politiku jew minn mhux inqas minn erbgħin Membru biex jitressaq għall-votazzjoni. Jekk il-corrigendum ma jiġix approvat, għandu jiġi rriferut lura lill-kumitat responsabbli li jista' jew jipproponi corrigendum immodifikat jew jagħlaq il-proċedura.

Ġustifikazzjoni

Billi l-firma tal-atti leġiżlattivi dejjem issir nhar ta’ erbgħa wara nofsinhar, l-iskadenza ta’ tmienja u erbgħin siegħa toħloq problema għat-testi leġiżlattivi li jeħtieġu li korrezzjoni titħabbar, tiġi approvata u integrata u li, għal raġunijiet ġuridiċi jew politiċi, għandhom jiġu ffirmati mill-President tal-Parlament u l-President tal-Kunsill fl-istess perjodu ta’ sessjoni.

  • [1]  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.
  • [2]  ĠU C 81E, 15.3.2011, p. 6.

NOTA SPJEGATTIVA

Sfond

Id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona biddel il-proċedura tal-komitoloġija b’mod fundamentali, billi ġiet trasformata f’sistema ġdida għall-adozzjoni ta’ atti delegati u atti ta’ implimentazzjoni. L-implimentazzjoni tal-Artikolu 290 kienet is-suġġett ta’ fehim komuni[1] mhux vinkolanti bejn l-istituzzjonijiet. Dik tal-Artikolu 291 TFUE pprevediet l-adozzjoni ta’ Regolament li jistabbilixxi “minn qabel ir-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-miżuri ta' kontroll mill-Istati Membri fuq l-eżerċizzju tal-kompetenzi ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni.”[2]

L-adattament tar-Regolament implikat mill-emendi li jirriżultaw mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona jġiegħluna wkoll nissodisfaw talba mill-President tal-Parlament Ewropew għal proċedura li tiċċara l-modalitajiet ta’ approvazzjoni mħaffa ta’ att delegat jew att ta’ implimentazzjoni.

L-Artikolu 87a il-ġdid, flimkien mal-Artikolu 88 il-ġdid, jiddeterminaw il-proċedura li għandha tintuża fl-iktar każ ġenerali, li hu f’każ ta’ kumitat responsabbli mingħajr kumitati assoċjati jew kumitati konġunti responsabbli. Il-proċedura applikabbli f’każijiet li jinvolvu dawn tal-aħħar hi stipulata fl-Artikolu 88a il-ġdid.

Atti delegati (l-Artikolu 87a)

L-ewwel tliet paragrafi tal-Artikolu l-ġdid jistabbilixxu l-proċedura li għandha tintuża meta l-Kummissjoni tibgħat att delegat lill-Parlament. L-ewwel paragrafu jispeċifika li l-att delegat għandu jintbagħat lill-kumitat responsabbli għall-att leġiżlattiv bażiku u jagħti lil dan il-kumitat il-possibilità li jaħtar rapporteur. It-tieni paragrafu, skont il-punt 7 tal-fehim komuni jispeċifika l-punt meta jibda l-perjodu ta’ żmien għall-espressjoni ta’ oġġezzjoni u fil-paragrafu 5, hemm speċifikat li l-Parlament jista' jesprimi dan fiż-żmien previst fl-att leġiżlattiv bażiku bil-maġġoranza prevista fl-Artikolu 290 TFUE.

Minkejja li ġeneralment, il-kumitat responsabbli jkun dak li jniedi l-proċedura ta’ oġġezzjoni, ma jfissirx li dan għandu jingħata kwalunkwe tip ta’ monopolju fuq il-proċedura. Din hija r-raġuni għaliex ir-raba’ paragrafu jagħti l-possibilità li l-Konferenza tal-Presidenti ddaħħal din il-kwistjoni fl-abbozz ta’ aġenda tal-plenarja, abbażi ta’ mozzjoni għal riżoluzzjoni li titressaq minn grupp politiku jew tal-inqas erbgħin Membru.

Kien meħtieġ li tiġi formalizzata l-proċedura li tippermetti lill-Parlament jiddikjara, qabel l-iskadenza prevista fl-att leġiżlattiv bażiku, li mhux se joġġezzjona għall-att delegat, kif inhu stipulat fil-paragrafu 11 dwar il-fehim komuni; partikolarment sabiex id-deċiżjoni tingħata ċerta sigurtà legali. Il-proċedura magħżula mir-rapporteur hija fil-biċċa l-kbira bbażata fuq dik prevista fl-Artikolu 211 tar-Regolament, filwaqt li hu ċċarat li deċiżjoni ta' nonoġġezzjoni twassal biex kwalunkwe proposta għal oġġezzjoni ulterjuri tkun inammissibbli.

Bħala konklużjoni, l-aħħar punt jispeċifika l-proċedura ta’ revoka ta’ delegazzjoni ta’ setgħat prevista f’att bażiku.

Atti ta’ implimentazzjoni (Artikolu 88)

Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 291(3) TFUE jispeċifika l-modalitajiet tal-eżerċizzju (mill-Kummissjoni jew, f’każijiet speċifiċi, mill-Kunsill) tal-kompetenzi ta’ implimentazzjoni previsti fl-Artikolu 291(2) TFUE.

L-adattament tar-Regolament għal dawn id-dispożizzjonijiet il-ġodda, minbarra s-similaritajiet mal-proċedura stabbilita għall-atti delegati, kellu jqis ukoll ċerti speċifiċitajiet.

Qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, l-eżerċizzju tal-kompetenzi ta’ implimentazzjoni mill-Kummissjoni kien irregolat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999.

Minkejja li d-dispożizzjonijiet il-ġodda se japplikaw direttament għall-atti leġiżlattivi adottati wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament 182/2011 il-ġdid (u minkejja li, l-Artikolu 13 ta’ dan ir-Regolament jipprevedi dispożizzjonijiet tranżitorji għall-adattament ta’ atti bażiċi eżistenti meta jirreferu għall-Artikoli 3, 4 jew 5 tar-Regolament 1999/468/KE), matul il-perjodu meħtieġ għall-allinjament tal-leġiżlazzjoni eżistenti, ikomplu jkopru għadd ta’ atti leġiżlattivi li għalihom il-proċedura ta’ regolamentazzjoni bil-kontrolli tkompli tiddependi fuq l-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Għalhekk, għandhom jinżammu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5a ta’ din id-Deċiżjoni għall-atti bażiċi li huma bbażati fuqu. Il-paragrafu 4 tal-Artikolu 88 il-ġdid jipprovdi għal dan billi jkopri b’mod estensiv id-dispożizzjonijiet regolamentarji disponibbli, filwaqt li jissupplimentahom f’dak li għandu x’jaqsam b’mod partikolari mal-proċedura ta’ approvazzjoni mħaffa.

Dispożizzjonijiet speċifiċi għall-proċeduri tal-kumitati assoċjati jew tal-laqgħat konġunti (Artikolu 88a)

L-introduzzjoni tal-Artikolu 88a il-ġdid titqies bħala neċessarja sabiex jitqiesu l-każijiet li minħabba fihom ġie adottat l-att bażiku fl-applikazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 50 jew 51 tar-Regoli ta' Proċedura. Dan l-Artikolu l-ġdid, li jiddetermina l-proċedura li għandha tintuża f’dawn il-każijiet, b’hekk jissupplimenta d-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikoli preċedenti.

  • [1]  Fehim komuni dwar l-arranġamenti prattiċi għall-użu tal-atti delegati (l-Artikolu 290 TFUE)
  • [2]  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

20.3.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alfredo Antoniozzi, Andrew Henry William Brons, Carlo Casini, Andrew Duff, Ashley Fox, Roberto Gualtieri, Enrique Guerrero Salom, Zita Gurmai, Gerald Häfner, Daniel Hannan, Stanimir Ilchev, Constance Le Grip, Morten Messerschmidt, Paulo Rangel, Algirdas Saudargas, Indrek Tarand, Rafał Trzaskowski, Manfred Weber, Luis Yáñez-Barnuevo García

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Zuzana Brzobohatá, György Schöpflin, Alexandra Thein, Rainer Wieland