RAPPORT dwar il-futur tal-ajruporti reġjonali u tas-servizzi tal-ajru fl-UE
2.4.2012 - (2011/2196(INI))
Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
Rapporteur: Philip Bradbourn
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-futur tal-ajruporti reġjonali u tas-servizzi tal-ajru fl-UE
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni 'Pjan ta' azzjoni għall-kapaċità, l-effiċjenza u s-sikurezza tal-ajruporti fl-Ewropa’ (COM(2006)0819),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni ‘Linji gwida tal-Komunità dwar l-iffinanzjar tal-ajruporti u l-għajnuna tal-bidu lil-linji tal-ajru li jitilqu minn ajruporti reġjonali’ (2005/C 312/01),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ‘L-UE u r-reġjuni ġirien tagħha: approċċ imġedded għall-kooperazzjoni tat-trasport’ (COM(2011)0415),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Marzu 2011 dwar applikazzjonijiet għat-trasport tas-Sistema Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita – il-politika tal-UE għal perjodu qasir u medju ta' żmien[1],
– wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni ‘Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti’(COM(2011)0144),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0094/2012),
A. billi attwalment m'hemmx definizzjoni aċċettata nn kulħadd għat-terminu ‘ajruport reġjonali’; billi l-ajruporti li ż-żona prinċipali li jaqdu hija belt kapitali mhumiex inklużi fl-ambitu ta’ dan ir-rapport; billi huwa ssuġġerit li l-ajruporti reġjonali, jiġifieri ajruporti “mhux distributuri”, għandhom jinqasmu f’ajruporti minuri u maġġuri, abbażi tat-tipi ta’ konnessjonijiet li jipprovdu, il-volum tal-passiġġieri u l-konnessjonijiet ma’ bliet kbar u ma’ ajruporti maġġuri, u billi l-Kummissjoni mħeġġa tistabbilixxi kriterji komuni biex tiffaċilita definizzjoni adegwata ta’ “ajruport reġjonali” li tqis l-elementi kollha msemmija hawn fuq; billi, madankollu, “servizz tal-ajru reġjonali” għandu jiġi definit bħala titjira li titlaq minn u/jew tasal f'ajruport reġjonali;
B. billi l-avjazzjoni reġjonali, bħall-mezzi l-oħra tat-trasport, tirrappreżenta waħda mill-fatturi prinċipali li tiffaċilita l-mobilità taċ-ċittadini; billi konnettività mtejba u l-mobilità intermodali effiċjenti jistgħu jikkontribwixxu bil-kbir lit-titjib tal-aċċess għar-reġjuni, lin-negozji, lit-turiżmu, u lill-iżvilupp ta’ servizzi relatati, kif ukoll lit-tifrix tal-prosperità ekonomika;
C. billi l-istatus materjali diżugwali taċ-ċittadini u l-livelli differenti tal-iżvilupp tal-infrastruttura jwasslu għal nuqqas ta’ ugwaljanza fil-possibbiltà tal-użu ta’ konnessjonijiet b’titjiriet reġjonali fl-Istati Membri;
D. billi l-konnettività offruta mill-avjazzjoni liċ-ċittadini u n-negozji fir-reġjuni tal-UE, u b'mod partikolari f'reġjuni u gżejjer inaċċessibbli, hija estremament importanti u tgħin biex tiżgura l-vijabilità ekonomika ta' tali żoni; billi l-ajruporti tal-Ewropa jipprovdu netwerk kbir ta' 150 000 par ta’ bliet;
E. billi għadd konsiderevoli ta’ ajruporti reġjonali jħabbtu wiċċhom ma’ linja tal-ajru li jkollha monopolju virtwali u li tista’ tisfrutta din il-pożizzjoni biex tagħmel pressjoni billi timponi dejjem iżjed talbiet fuq l-ajruport ikkonċernat u fuq l-awtoritajiet lokali u/jew reġjonali, inter alia fir-rigward ta’ tariffi tal-ajruport u imposti għas-sikurezza tal-avjazzjoni;
F. billi l-bejgħ mill-ħwienet fl-ajruporti naqas b’mod sinifikanti minħabba l-introduzzjoni minn xi linji tal-ajru ta' politiki restrittivi għall-bagalji li jinġarru mill-passiġġieri stess fuq l-ajruplan; billi l-impatt tar-regola ta' 'baskett wieħed' applikata mill-kumpaniji, b'mod partikolari mil-linji low-cost, li joperaw prinċipalment f’dawn l-ajruporti, flimkien ma’ prattiki ulterjuri għat-trażżin tal-ispejjeż, għamilha aktar diffiċli li wieħed jivvjaġġa u ġab tnaqqis fil-bejgħ ta' 70% għal uħud mill-ajruporti reġjonali; billi terz tal-profitt mill-bejgħ ġewwa l-ajruporti jintuża biex il-linji tal-ajru jiġu ssusidjati permezz tat-tariffi marbuta mal-inżul;
G. jinnota li l-Gvern Spanjol ipprojbixxa lil-linji tal-ajru milli japplikaw ir-regola ta' 'baskett wieħed' meta l-ajruplani tagħhom jitilqu mill-ajruporti Spanjoli;
H. jirrikonoxxi li ajruporti ewlenin f’xi Stati Membri tal-UE għaddejjin minn tnaqqis fil-kapaċità;
I. jinnota li l-kriżi finanzjarja u tad-dejn sovran bidlet b’mod sostanzjali l-kundizzjonijiet għall-iffinanzjar tal-ajruporti fl-UE, speċjalment f'ajruporti li ma jinsabux fiż-żoni ċentrali;
J. billi l-bini ta’ ajruporti reġjonali ġodda għandu jkun ibbażat fuq analiżi tar-relazzjoni bejn il-benefiċċji u l-ispejjeż;
K. billi l-investimenti mis-settur pubbliku fir-riforma tal-ajruporti għandu juri ċerta relazzjoni bejn l-ammont ta’ flus minfuqa u n-numru ta’ passiġġieri li jużaw l-infrastruttura;
Aspetti ekonomiċi tas-servizzi reġjonali tal-ajru
1. Jisħaq fuq il-bżonn għal obbligu min-naħa tas-servizz pubbliku għal servizzi tal-ajru ta' interess ekonomiku u pubbliku, speċjalment dawk li jgħaqqdu reġjuni, gżejjer u r-reġjuni ultraperiferiċi mbiegħda, minħabba l-bogħod u l-karatteristiċi fiżiċi u naturali tagħhom sabiex jiġu żgurati l-aċċessibilità u l-integrazzjoni territorjali sħaħ tagħhom; jenfasizza li għandhom jinżammu l-obbligi eżistenti tas-servizz pubbliku; jemmen li dawn is-servizzi ma jistgħux ikunu ekonomikament vijabbli mingħajr fondi pubbliċi; jenfasizza l-importanza li tiżdied il-kompetittività tar-reġjuni ultraperiferiċi u tiġi promossa l-integrazzjoni tagħhom ma’ reġjuni oħra sabiex tingħeleb il-firda ekonomika li tisseparahom mill-bqija tal-Ewropa;
2. Jemmen li huwa mixtieq li tiġi evitata l-proliferazzjoni ta’ ajruporti reġjonali, u jinnota li l-iżvilupp ta’ ajruporti reġjonali għandu jkun immirat sabiex jiġi evitat il-ħolqien ta’ infrastrutturi tal-ajruporti li ma jintużawx jew li jintużaw b’mod mhux effiċjenti li jirriżultaw f’piż ekonomiku għall-awtoritajiet responsabbli; jisħaq, min-naħa l-oħra, li għandhom jissaħħu l-konnessjonijiet eżistenti, b'mod partikolari fiż-żoni kollha bi żvantaġġi ġeografiċi (bħal pereżempju l-gżejjer); jilqa', għaldaqstant, kwalunkwe inizjattiva immirata għall-iżvilupp tar-rwol tat-trasport pubbliku, anki dak tat-toroq, bil-promozzjoni tal-konnessjonijiet; Jissottolinja li l-finanzi pubbliċi lill-ajruporti reġjonali għandhom ikunu kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 106 u 107 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea rigward l-Għajnuna Statali; jemmen li għandha tkun prevista sistema ta’ sanzjonijiet li tiġi applikata għall-kumpaniji tal-ajru li jabbandunaw l-ajruporti reġjonali ffinanzjati qabel l-iskadenzi;
3. Jitlob lill-Kummissjoni biex tirrevedi d-Deċiżjoni 2012/21/UE dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) li permezz tiegħu l-livell limitu li għalih ajruport jista’ jirċievi għajnuna mill-Istat mingħajr ma jkollu jinnotifika lill-Kummissjoni ġie mnaqqas għal 200 000 passiġġier fis-sena, filwaqt li jitqies li l-Linji Gwida Komunitarji (2005/C312/01) jiddikjaraw li ajruport jista’ jsir kosteffiċjenti bi traffiku ta’ aktar minn 500 000 passiġġier fis-sena;
4. Hu tal-fehma li l-ajruporti reġjonali, minħabba l-impatt ambjentali u ekonomiku tagħhom, għandhom jiġu appoġġati b’mod xieraq mill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali, u għandhom ikunu soġġetti għal konsultazzjoni lokali u reġjonali, u – abbażi ta’ analiżi ta' kost-benefiċċju – għandhom jitqiesu bħala eliġibbli għal finanzjament b’fondi tal-UE, kif ukoll strumenti oħra tal-inġinerija finanzjarja ffinanzjati mill-UE skont il-qafas ta' programmazzjoni l-ġdid; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tikkunsidra l-opportunitajiet offruti mill-ajruporti reġjonali bħala parti min-netwerk tat-trasport ċentrali Ewropew;
5. Jitlob li l-kriterji għall-kisba ta’ sussidji u fondi pubbliċi jiġu definiti b’mod ċar u fformulati b’mod trasparenti;
6. Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu approċċ ibbilanċjat fir-reviżjonijiet futuri tal-linji gwida dwar l-avjazzjoni sabiex dawn jipprevedu żvilupp tas-servizzi reġjonali tal-ajru li jkun soċjalment u ekonomikament vijabbli, waqt li tqis l-iżvilupp tal-infrastruttura meħtieġa biex tiġi żgurata l-intermodalità filwaqt li tiżgura wkoll l-aċċessibilità għal dawk is-servizzi għaċ-ċittadini tal-UE u billi jitqiesu l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità;
7. Jistieden lill-Kummissjoni, fl-appoġġ tagħha għall-iżvilupp tal-ajruporti reġjonali u l-kostruzzjoni ta' ajruporti reġjonali ġodda (speċjalment f'pajjiżi li l-ajruporti nazzjonali tagħhom jinsabu f'żoni remoti), biex tqis b'mod partikolari l-iżvilupp territorjali bbilanċjat tar-reġjuni li jikkorrispondi għal-livelli I u II tan-Nomenklatura tal-Unitajiet Statistiċi Territorjali (NUTS) biex tiżgura l-innovazzjoni u l-kompetittività f’reġjuni li huma mbiegħda ħafna mill-belt kapitali u li m’għandhomx aċċess tajjeb għat-trasport, u biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċentri reali ekonomiċi u tat-trasport;
8. Jissottolinja li żvilupp xieraq tal-ajruporti reġjonali jikkontribwixxi għal żvilupp parallel tas-sistema turistika, tqabbil ta’ importanza vitali għal ħafna reġjuni Ewropej;
9. Jinnota li t-turiżmu qiegħed juri ruħu reżistenti għall-kriżi ekonomika, u li għandha tingħata attenzjoni speċjali lil kwalunkwe aspett jew deċiżjoni tal-politika ekonomika li x’aktarx jistgħu jappoġġaw jew jiżviluppaw it-turiżmu, bħalma hu l-każ tat-trasport bl-ajru u l-proġetti infrastrutturali fl-ajruporti;
10. Jisħaq li ċerti ajruporti reġjonali jistgħu jiffunzjonaw biss fi staġuni ta’ wasliet massivi ta’ turisti, ħaġa li spiss tippreżenta problema addizzjonali ta’ organizzazzjoni, prezzijiet ogħla għal kull unità, eċċ.; jitlob lill-Kummissjoni tqis il-karattru speċifiku u l-problemi ta’ dawn l-ajruporti reġjonali staġjonali waqt l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida għas-settur;
11. Jenfasizza li l-ajruporti reġjonali qed isiru aktar u aktar importanti għal-linji tal-ajru charter kif ukoll għal-linji tal-ajru bi prezzijiet baxxi (low cost carriers); jenfasizza li r-raġuni ewlenija llum għal-linji tal-ajru charter huwa li joperaw fuq distanzi twal għad-destinazzjonijiet tal-btajjel, b’inqas spazju bejn sit u ieħor u inqas servizz waqt it-titjira meta mqabbel ma’ linji tal-ajru tradizzjonali skedati, ta’ spiss minn ajruporti reġjonali li ma jifilħux għal servizz skedat u jtiru lil hinn mill-kapaċitajiet kompetittivi ta’ linji tal-ajru low cost bl-inġenji tal-ajru tagħhom għal titjiriet qosra; ifakkar li l-inġenji tal-ajru bi struttura iktar dejqa huma ppreferuti f’rotot b’distanzi qosra speċjalment fejn linji tal-ajru f’netwerk ikunu qegħdin jipprovdu servizzi għal ajruporti ewlenin minn ajruporti reġjonali u b’linji tal-ajru bi prezzijiet baxxi (LCCs - low cost carriers);
12. Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura l-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni Ewropea u nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet soċjali u t-termini tal-impjieg tal-linji tal-ajru, biex il-persunal impjegat f’ajruport reġjonali ma jsirx vittma ta’ dumping soċjali u biex jiġu żgurati l-kompetizzjoni ġusta u kundizzjonijiet ugwali għal kulħadd fil-qasam tal-avjazzjoni; jitlob li l-persunal tal-ajruporti jibbenefika minn kundizzjonijiet kuntrattwali diċenti, b’riferiment partikolari għall-ajruporti li fihom l-akbar parti tat-traffiku tiġi minn kumpaniji low-cost;
13. Jesprimi tħassib li ċerti prattiki ta' linji tal-ajru bi prezzijiet baxxi, li ta' spiss joperaw minn ajruporti reġjonali, jwasslu għal kwalità ifqar ta' servizzi għall-passiġġieri u deterjorament fil-kundizzjonijiet tax-xogħol; minħabba l-prattika aggressiva tan-negozju ta' ċerti kumpaniji tal-ajru low-cost li joperaw minn ajruporti reġjonali, li jieħdu vantaġġ mill-pożizzjoni dominanti tagħhom, u minħabba l-fatt li l-attivitajiet kummerċjali huma sors ewlieni ta' dħul għal ajruporti reġjonali, jinsab imħasseb mill-"baskett wieħed" u restrizzjonijiet oħra imposti minn ċerti kumpaniji tal-ajru rigward il-bagalji li jistgħu jinġarru mill-passiġġieri stess fuq l-ajruplan; huwa tal-opinjoni li dawn il-prattiki jirrappreżentaw ksur tal-liġi kummerċjali, u jemmen li dawn ir-restrizzjonijiet jistgħu jikkostitwixxu abbuż tal-pożizzjoni ta' linja tal-ajru; għalhekk jistieden lill-Istati Membri biex ifasslu limiti massimi komuni li jridu jiġu imposti fuq il-linji tal-ajru fir-rigward ta' tali restrizzjonijiet u jqis li kwalunkwe kontroll relatat mar-restrizzjonijiet tal-piż u d-daqs tal-bagalji għandu jsir qabel il-wasla għall-'gate' tat-tluq;
14. Jitlob biex oġġetti li jinxtraw mill-ajruport jiġu meqjusa bħala ‘oġġetti essenzjali’, bħal ma huwa attwalment il-każ għal oġġetti bħal kowtijiet; ifaħħar id-deċiżjoni ta' Spanja li twaqqaf il-prattiki msemmija f'paragrafu 13 milli jsiru fit-territorju tagħha[2], u jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tintroduċi miżura simili għas-servizzi kollha tal-ajru li joriġinaw mill-Ewropa;
15. Jemmen li t-trasport tal-merkanzija huwa fattur pożittiv għall-ajruporti reġjonali li kapaċi joħloq żvilupp u impjiegi anke permezz tat-tħaddim tas-servizzi relatati fuq l-art u mal-ħolqien ta’ ċentri kummerċjali marbuta mal-ajruport reġjonali; jistieden lill-Kummissjoni telabora strateġija li tiffavorixxi t-trasport tal-merkanzija, u tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-ajruporti reġjonali ġirien;
16. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Istati Membri biex jipproponu pjanijiet għall-iżvilupp tal-ajruporti reġjonali eżistenti u biex dawn isiru aktar effiċjenti;
17. Jemmen li l-ajruporti reġjonali m’għandhomx isaħħu l-għodod għad-defiċits pubbliċi u bħala regola ġenerali għandhom ikunu ekonomikament sostenibbli fuq perjodu ta’ żmien medju;
Ambjent u innovazzjoni
18. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jgħaġġlu l-proċess ta' żvilupp tal-Impriża Konġunta biex tiżviluppa l-ġenerazzjoni l-ġdida tas-sistema dwar il-ġestjoni tat-traffiku bl-ajru Ewropea (SESAR), l-inizjattiva ‘Clean Sky’ u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew bħala kwistjoni ta' urġenza; jinnota li, permezz tal-ħidma tas-SESAR u r-rwol importanti tas-Servizz ta' Overlay tan-Navigazzjoni Ewropea Ġeostazzjonarja (EGNOS), l-ajruporti reġjonali se jibbenefikaw minn proġetti bħal torrijiet remoti, il-ġestjoni tal-veloċità u l-konġestjoni u proċeduri operattivi mtejba;
19. Jirrikonoxxi li l-ġestjoni tal-kapaċità mhijiex l-istess f'ajruporti li għandhom slots koordinati u dawk li għandhom slots mhux koordinati; huwa tal-fehma li hemm ħafna kapaċità żejda x'tintuża f'ħafna ajruporti reġjonali u li bl-użu ta' din il-kapaċità żejda jkunu jistgħu jitnaqqsu l-konġestjoni u l-iffullar f'ajruporti ewlenin u jiġi llimitat ukoll l-impatt ambjentali; jirrikonoxxi li konnessjonijiet tajbin bejn ajruporti ewlenin u ajruporti reġjonali fil-qrib jistgħu jgħinu biex titnaqqas il-konġestjoni;
20. Jenfasizza r-rwol tal-ajruporti reġjonali li jaġixxu bħala xprun għall-iżvilupp ta' ċentri ta’ innovazzjoni, billi jnaqqsu l-ispejjeż ta' lokalizzazzjoni ta' negozji ġodda, speċjalment f’reġjuni ġeografikament imbiegħda;
21. Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex, apparti l-kunsiderazzjonijiet ta’ natura ekonomika u finanzjarja, jikkunsidraw ukoll il-fatturi ambjentali, territorjali, ġeoloġiċi u metereoloġiċi u kriterji razzjonali oħrajn meta jiddeċiedu fejn għandhom jinbnew l-ajruporti, jew meta faċilitajiet tal-ajruporti reġjonali jeħtieġu jiġu rinnovati jew estiżi; jenfasizza, fl-istess waqt, l-importanza tal-użu u tal-immodernizzar tal-istrutturi attwali qabel ma jinbnew oħrajn ġodda;
Konġestjoni u multimodalità
22. Jinnota li studji reċenti jiddikjaraw li r-reġjuni Ewropej qed jitilfu konnessjonijiet diretti ma' xi wħud mill-iktar ajruporti konġestjonati, u jinsab diżappuntat li l-istudji magħmula mill-Kummissjoni Ewropea jittrattaw biss l-ajruporti ewlenin; għalhekk jissuġġerixxi li l-ambitu ta' kwalunkwe studju futur jiġi estiż għal ajruporti reġjonali u, sakemm dan iseħħ, iħeġġeġ lill-Istati Membri u l-Kummissjoni biex iħeġġu l-konnessjonijiet bejn l-ajruporti reġjonali u l-ajruporti ewlenin fl-Istati Membri, b'hekk tingħata spinta lill-ekonomija fiż-żoni madwar l-ajruporti reġjonali filwaqt li tiġi offruta wkoll soluzzjoni waħda għall-problema tal-konġestjoni tat-traffiku bl-ajru fl-Ewropa;
23. Iħeġġeġ lill-partijiet u lill-istituzzjonijiet kollha involuti fir-reviżjoni tar-Regolament (KEE) Nru 95/93 (kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 793/2004) sabiex jiffukaw fuq il-provvista ta' kapaċitàjiet ġodda fl-ajruporti minflok jitfgħu s-servizzi tal-ajru reġjonali barra mis-suq minħabba nuqqas ta' kompetittività; jikkunsidra li huwa essenzjali għall-ajruporti reġjonali li jkollhom aċċess għall-ajruporti ewlenin, u huwa tal-fehma li dan għandu jiġi kkunsidrat waqt ir-reviżjoni tar-Regolament (KEE) Nru 95/93, speċjalment fil-kuntest tal-pjanijiet għal kummerċ sekondarju tas-slots u l-introduzzjoni gradwali ta' mekkaniżmi oħra tas-suq, inkluż il-kummerċ primarju, li jista' jirriżulta fil-qtugħ tal-konnessjonijiet bejn l-ajruporti reġjonali u dawk prinċipali;
24. Jistieden lill-Kummissjoni tadotta approċċ razzjonali fir-rigward tar-regolazzjoni amministrattiva u legali tal-ġestjoni ta' slots fl-ajruporti reġjonali, li n-nuqqas tiegħu jista’ jxekkel in-netwerk; billi l-ajruporti prinċipali jinsabu viċin li jilħqu l-kapaċità massima tagħhom, jistieden lill-Kummissjoni telabora strateġija għall-allokazzjoni ta’ slots ta’ ajruporti reġjonali li kapaċi tattira kumpaniji tal-ajru ġodda, u tiffavorixxi l-kompetizzjoni, id-dekonġestjoni tal-ajruporti prinċipali u l-iżvilupp tal-ajruporti reġjonali;
25. Jiddispjaċih mill-fatt li l-ajruporti reġjonali li jinsabu ’l bogħod minn ċentri urbani ħafna drabi ma jkunux konnessi man-netwerk tat-trasport fuq l-art; jitlob lill-Istati Membri biex jiżviluppaw il-politiki intermodali tagħhom u biex jinvestu f'dawn il-konnessjonijiet intermodali strateġikament importanti, per eżempju konnessjonijiet man-netwerk tal-ferroviji, għax netwerk aħjar tal-ajruporti reġjonali ma' partijiet oħra tan-netwerk tat-trasport, inklużi ajruporti oħrajn, iwassal għal użu akbar tal-ajruporti reġjonali f’każ ta’ konġestjonjiet tal-kapaċità f’ajruporti ċentrali;
26. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li n-nuqqas ta’ azzjoni deċiżiva biex tiżdied l-aċċessibbiltà tal-ajruporti reġjonali permezz ta’ komunikazzjoni xierqa maċ-ċentri urbani, inkluż permezz ta’ investimenti fl-infrastruttura tat-trasport, qed ixekkel l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjuni;
27. Jinnota l-bżonn għal integrazzjoni aħjar bejn il-modi ta' transport; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta komunikazzjoni li tinkoraġġixxi lill-industrija biex tiżviluppa biljetti multimodali bejn is-settur ferrovjarju u dak tal-ajru; jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li skemi ta' dan it-tip diġà qegħdin fis-seħħ f’ċerti Stati Membri u għalhekk iħeġġeġ lill-partijiet kollha jiskambjaw l-aħjar prattika f’dan il-qasam;
28. Jinnota l-ħtieġa urġenti li tiġi żgurata l-kapaċita tal-ajruporti fl-Unjoni Ewropea sabiex ma tintilifx il-kompetittività, meta mqabbla ma' reġjuni oħra li qed jesperjenzaw tkabbir, u biex b’dan il-mod jiġi evitat iċ-ċaqliq ta’ traffiku lejn żoni fil-qrib; huwa tal-opinjoni li l-ajruporti reġjonali jistgħu jgħinu biex titnaqqas il-konġestjoni fl-ajruporti prinċipali tal-Ewropa u jippermettu li jżommu pożizzjoni ta’ tmexxija;
29. Jemmen li l-pjanijiet għall-iżvilupp tan-netwerk tas-settur tal-ferroviji u tat-toroq għandhom iqisu l-lok tal-ajruporti, bil-għan li l-ajruporti jiġu inklużi fin-netwerks tat-trasport bl-art li qed jinbnew; jinnota l-ħtieġa għal żvilupp ta’ netwerks ta’ ajruporti reġjonali bbażat fuq konnessjonijiet integrati mal-ajruporti ewlenin biex il-mobilità tal-persuni titjieb u biex it-trasport tal-merkanzija jsir iżjed effiċjenti;
30. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li netwerk żviluppat sew ta’ ajruporti reġjonali jtejjeb ukoll is-sigurtà tal-passiġġieri, billi jiżgura, fost affarijiet oħra, li jkun disponibbli netwerk ta’ emerġenza jew ajruporti alternattivi f’każ ta’ deterjorament tat-temp jew ċirkustanzi oħra;
31. Iqis li hu essenzjali li tiġi inkluża l-ispeċjalizzazzjoni tat-traffiku tal-merkanzija bħala element essenzjali fil-ġestjoni tal-mappa tal-ajruporti, u li jsir l-aħjar użu tal-infrastruttura disponibbli; jinnota li użu adegwat ta’ dan il-prinċipju, flimkien ma’ maniġġ adegwat tas-slots biex jitqassam it-traffiku tal-passiġġieri u tal-merkanzija, għandu jikkontribwixxi biex tiġi evitata s-saturazzjoni fl-ajruporti ewlenin; jenfasizza l-importanza li għandhom l-ajruporti reġjonali f’din l-istrateġija;
In-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T)
32. Iqis li hu essenzjali r-rwol tal-ajruporti reġjonali għall-koeżjoni territorjali, l-iżvilupp soċjali u ekonomiku tar-reġjuni, speċjalment f’reġjuni fejn jeżisti nuqqas ta’ forom oħra tat-trasport; jitlob, għaldaqstant, li l-ajruporti reġjonali jitqiesu fil-politika futura tan-Netwerks Trans-Ewropej tat-Trasport; Barra minn hekk, jemmen bis-sħiħ li l-ajruporti reġjonali ewlenin bi traffiku konsistenti matul is-sena kollha li jagħtu kontribut dimostrabbli għall-iżvilupp ekonomiku, it-tiġdid industrijali u l-impjiegi ta’ reġjun għandhom ikunu inklużi fid-diskussjonijiet tal-ippjanar għan-Netwerk TEN-T, speċjalment dawk b'konnettività ta' volum għoli ma' pajjiżi terzi u mat-traffiku intra-Ewropew, u li jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-multimodalità tat-trasport fiż-żona kkonċernata u dawk l-ajruporti reġjonali li jistgħu jservu sabiex tittaffa l-konġestjoni;
33. Jenfasizza li ajruporti reġjonali f’reġjuni transkonfinali u li jinsabu viċin xulxin għandhom juru kooperazzjoni u koordinazzjoni fl-użu tal-kapaċitajiet eżistenti, bħala prekondizzjoni għall-kofinanzjament tal-UE mill-fondi tat-TEN-T, il-fondi ta’ koeżjoni u l-fondi reġjonali;
34. Jemmen li, bħala parti mit-TEN-T, l-ajruporti reġjonali jista’ jkollhom rwol prinċipali fil-ħolqien ta' Żona Komuni Ewropea tal-Avjazzjoni iktar wiesgħa li tkun tkopri biljun persuna fl-UE u fil-pajjiżi ġirien, b’konformità mal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni (COM(2011)0415);
35. Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma tatx attenzjoni lit-talba mill-Parlament u mill-Kunsill fl-Artikolu 10(4) tad-Deċiżjoni 884/2004/KE biex l-ajruporti reġjonali jkunu konnessi man-netwerk, speċjalment fid-dawl tal-ħtieġa li s-servizzi ta' trasport bl-ajru lejn ir-reġjuni tal-Ewropa jiġu żgurati flimkien mal-iżvilupp ta’ servizzi tal-ferrovija, minħabba li f'ċerti ċirkostanzi t-trasport bl-ajru jista' jkopri distanzi ikbar u jaqdi swieq iżgħar b'mod iktar effiċjenti f'dak li jirrigwarda ħin, spejjeż u l-impatt ambjentali; jenfasizza, għaldaqstant, l-importanza kbira li s-servizzi ferrovjarji – speċjalment dawk b’veloċità għolja u ta’ distanza twila – jiġu kkollegati mal-ajruporti;
36. Jemmen li inklużjoni iktar wiesgħa ta' ajruporti fil-linji gwida l-ġodda tat-TEN-T tiffaċilita l-aċċess għall-iffinanzjar privat għal proġetti infrastrutturali tal-ajruporti, u tibgħat sinjal pożittiv lis-swieq kapitali; jitlob lill-Kummissjoni biex waqt ir-reviżjoni tagħha tat-TEN-T tirrikonoxxi l-konnessjoni vitali bejn is-servizzi tal-ajru reġjonali u r-riġenerazzjoni ekonomika;
Sigurtà
37. Jinnota li l-ispejjeż involuti fl-implimentazzjoni ta’ miżuri ta' sigurtà f'ajruporti reġjonali iżgħar huma proporzjonalment ogħla minn dawk ta' ajruporti prinċipali, li jibbenefikaw minn ekonomiji tal-iskala; jemmen, madankollu, li kwalunkwe proposta dwar il-finanzjament tal-miżuri tas-sigurtà m’għandhiex tgħawweġ il-kompetizzjoni bejn l-ajruporti jew gruppi ta’ ajruporti;
38. Ifakkar li d-Direttiva tal-UE dwar it-tariffi tal-ajruporti4 tkopri biss ajruporti b'iktar minn 5 miljun passiġġier u/jew l-ikbar ajruport f'kull Stat Membru; jemmen li evalwazzjoni tal-impatt dwar ajruporti żgħar u medji għandha tkun parti integrali ta' kwalunkwe reviżjoni tad-direttivi rilevanti;
39. Iħeġġeġ lill-Kunsill sabiex jadotta pożizzjoni dwar it-tariffi ta' sigurtà tal-avjazzjoni u jemmen li miżuri ta' sigurtà iktar stretti għandhom jitħallsu mit-taxxi ġenerali mill-Istat Membru rispettiv, minħabba li s-sigurtà tal-avjazzjoni hija kwistjoni ta' sigurtà nazzjonali; jenfasizza li regoli simili għandhom jappliaw għall-mezzi ta' trasport l-oħra kollha sabiex tkun żgurata kompetizzjoni ġusta.
40. Jirrikonoxxi l-bżonn ta’ tagħmir għall-iskrinjar affidabbli ta’ LAG (likwidi, sprejs u ġellijiet) li jiżgura probabbilità għolja ta' detezzjoni ta' firxa wiesgħa ta' splussivi likwidi, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra l-konsegwenzi għall-ajruporti reġjonali tal-adeżjoni ma’ rekwiżiti futuri tal-iskrinjar għal LAGs;
41. Jiġbed l-attenzjoni fuq l-impatt tar-regolamenti l-ġodda għall-ġarr tal-merkanzija bl-ajru, b'referenza speċifika għall-fatt li ħafna ajruporti reġjonali jiddependu fuq il-ġarr tal-merkanzija; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jistudjaw il-konsegwenzi ekonomiċi ta' dawn ir-regolamenti, bl-għan li jiżguraw li dawk li jġorru l-merkanzija ma joħorġux l-operazzjonijiet tagħhom barra mill-UE;
Trasparenza
42. Jissuġġerixxi li l-kumpaniji għandhom joffru, lir-residenti kollha tal-Istati tal-UE kollha, għażla ta’ pagament permezz ta’ karta ta’ kreditu jew ta’ debitu li tkun bla ħlas, u barra minn hekk jirrakkomanda li karta bħal din m’għandux ikollha tariffi fix-xahar jew tariffi amministrattivi abbinati magħha, anke jekk tkun offruta minn kumpanija separata mil-linja tal-ajru, u li fejn il-linji tal-ajru għandhom maġġoranza kbira tal-passiġġieri tagħhom li jħallsu tariffa żejda relatata mal-pagament, din it-tariffa għandha tiġi pprojbita u meqjusa bħala tariffa li ma tistax tiġi evitata, u għalhekk għandha tkun inkluża bħala parti mill-prezz ewlieni;
43. Jirrimarka li, filwaqt li fuq xi ajruplani l-ispazju għall-bagalji jista' jkun limitat, ma jeżistu l-ebda linji gwida komuni, għal titjiriet fl-UE, dwar id-daqs jew il-piż tal-bagalji li l-passiġġieri jġorru f’idhom; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tħeġġeġ lill-industrija sabiex tfassal limiti massimi komuni għar-restrizzjonijiet, minħabba li dan jagħti iktar ċertezza lill-passiġġieri waqt li jivvjaġġaw; jemmen li sabiex arranġament bħal dan jaħdem f’suq globali, l-ICAO trid tkun involuta f'dan il-proċess;
44. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li xi tariffi mitluba minn linji tal-ajru speċifiċi għal bagalji li jitpoġġew fl-istiva tal-ajruplan jidhru li huma għolja b’mod sproporzjonat, u jistieden lill-Kummissjoni, fir-rigward tal-prattiki msemmija fil-Punt 13 u tal-politika dwar ipprezzar ġust u ċar, teżamina din il-prattika;
45. Jissuġġerixxi li l-ammont debitabbli mil-linji tal-ajru għall-bagalji żejda u għall-bagalji b’piż żejjed, għandu jkollu limitu massimu;
Aċċessibbiltà
46. Iħeġġeġ lill-kumpaniji li jiġġestixxu l-ajruporti reġjonali biex jagħmlu l-adattamenti strutturali meħtieġa bl-iskop li jakkomodaw persuni b’diżabilità, biex jagħtuhom lok li jaslu fiż-żoni differenti tal-ajruport mingħajr assistenza u biex ikunu jistgħu jużaw is-servizzi kollha mingħajr diffikultajiet;
47. Jisħaq li l-ajruporti reġjonali, minħabba d-daqs żgħar tat-terminals tagħhom, il-fatt li huma kompatti u t-tip ta’ organizzazzjoni li għandhom, jirrappreżentaw valur miżjud għal passiġġieri b’mobilità mnaqqsa, passiġġieri li jivvjaġġaw bil-familja, eċċ.; jistieden lill-Kummissjoni, ajruporti u partijiet oħra involuti biex jieħu eżempju mid-disinn u l-kostruzzjoni ta’ terminals li huma iżjed aċċessibbli għall-passiġġieri, u li jilqgħuhom iżjed;
48. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] Testi adottati, P7_TA(2011)0250.
- [2] Liġi 1/2011 (tal-4 ta' Marzu 2011) li tistabbilixxi l-Programm tal-Istat għas-Sikurezza fl-Avjazzjoni Ċivili, li temenda l-Liġi 21/2003 dwar is-Sikurezza tan-Navigazzjoni bl-Ajru (tas-7 ta' Lulju 2003).
NOTA SPJEGATTIVA
L-ajruporti u s-servizzi reġjonali mhumiex biss essenzjali bħala nodi tat-trasport, fejn jgħinu biex jiġi ffaċilitat it-tħaddin bla xkiel tas-suq uniku tal-UE fil-moviment tal-persuni u tal-merkanzija bejn ir-reġjuni, iżda huma wkoll essenzjali għax jiġġeneraw it-tkabbir ekonomiku. Flimkien, huma jwessgħu l-orizzont tar-rotot kummerċjali tradizzjonali u jipprovdu spinta sinifikanti lill-ibliet u lir-reġjuni li jaqdu. Fid-dawl tal-importanza ta' dawn l-infrastrutturi u s-servizzi għal persuni li jgħixu barra miż-żoni urbani ewlenin u għall-UE kollha kemm hi, ir-Rapporteur huwa tassew imħasseb dwar il-fatt li meta tiġi proposta leġiżlazzjoni dwar il-qasam tal-avjazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea għandha tendenza li tiffoka l-attenzjoni tagħha fuq ‘ajruporti ċentrali’ ewlenin.
F'dan ir-rapport ippreżentajt rakkomandazzjonijiet li għandhom l-għan li jsewwu dan l-għelt u jiġbdu l-attenzjoni lejn il-mod kif ta' sikwit, uħud mil-liġijiet tal-UE laqtu l-ajruporti u s-servizzi tal-ajru reġjonali, b'mod mhux intenzjonat, iżda sproporzjonat. Jien ftaħt ukoll għad-diskussjoni xi għażliet tal-politika li, jekk jiġu adottati mill-Kummissjoni, ikunu jistgħu jtejbu l-effiċjenza ekonomika u operattiva tal-ajruporti u tas-servizzi tal-ajru reġjonali, kif ukoll itejbu l-esperjenza tal-passiġġieri li jużaw dawn il-faċilitajiet u servizzi.
Fl-introduzzjoni tiegħi diġà għedt li l-ajruporti reġjonali jagħtu kontribut ekonomiku importanti lis-soċjetà, u għalhekk bqajt milqut minn kemm huwa diffiċli li ssib definizzjoni waħda u koerenti ta' dak li jikkostitwixxi ajruport reġjonali. Tkellimt mal-Kummissjoni kif ukoll ma’ partijiet interessati fl-industrija u madanakollu ngħatajt bosta definizzjonijiet mhux xierqa, kontradittorji u li ħafna drabi li jikkompetu kontra xulxin.
Jekk il-Kummissjoni trid tiżgura li tindirizza l-bżonnijiet tal-ħafna ajruporti reġjonali tal-UE fil-futur, allura jien nemmen li għandha bżonn definizzjoni ċara, konkreta, koerenti u preċiża. Jeżistu ħafna ajruporti reġjonali differenti mifruxa madwar l-UE, u dawn ivarjaw ħafna minn xulxin f'dak li jirrigwarda d-daqs tagħhom, is-servizzi li jipprovdu, is-swieq li jilħqu u s-servizzi tal-ajru li jservuhom. Għal din ir-raġuni, definizzjonijiet li sempliċiment jistabbilixxu limitu arbitrarju ta' passiġġieri jew jinkludu kwalunkwe ajruport li jinsab barra mill-ibliet kapitali/reġjuni mhumiex adegwati.
Minħabba l-fatt li attwalment ma teżisti l-ebda definizzjoni adegwata, ir-Rapporteur għażel, għall-finijiet ta' dan ir-rapport, li joffri definizzjoni sempliċi u wiesgħa li fiha ajruport reġjonali jiġi definit bħala ajruport 'mhux ċentrali' (in-numru ta' passiġġieri li jgħaddu minnu huwa irrilevanti) u servizz tal-ajru reġjonali bħala servizz tal-ajru li jitlaq minn ajruport reġjonali u/jew jillandja f'ajruport reġjonali.
L-avjazzjoni hija industrija ta' marġini żgħar u għalhekk huwa essenzjali li noħolqu żona ta' avjazzjoni tal-UE li tkun b'saħħitha, kompettitiva u ekonomikament vijabbli. Dan jgħodd speċjalment fuq livell reġjonali, fejn il-marġini jistgħu jkunu l-iżgħar. Minbarra l-ostakli ekonomiċi li qed niffaċċjaw, qed niffaċċjaw ukoll ostakli relatati mal-impatt tal-avjazzjoni fuq l-ambjent, il-konġestjoni, is-sigurtà, kif ukoll mal-bżonn li niddefinixxu b’mod aħjar il-kontribut essenzjali tagħha lin-netwerk tat-trasport tal-UE.
Ir-rapporteur tagħkom ipprova jolqot dawn l-oqsma prinċipali kollha u jindirizza mhux biss il-kwistjonijiet marbuta b’mod speċifiku mal-avjazzjoni reġjonali, iżda wkoll il-mezzi li bihom l-avjazzjoni reġjonali jista' jkollha rwol fil-ħolqien ta' avjazzjoni tal-UE iktar effiċjenti kollha kemm hi. Pereżempju, jien nemmen li l-ajruporti reġjonali li bħalissa qegħdin joperaw b'kapaċità baxxa jistgħu jintużaw sabiex inaqqsu mill-konġestjoni ta' xi ajruporti ewlenin li jbatu minn ħafna konġestjoni, speċjalment f’dak li jirrigwarda s-servizzi reġjonali. Jekk jiġi implimentat sew, dan jista' jwassal għal inqas konġestjoni u iktar effiċjenza ambjentali.
Bl-istess mond, fir-rigward tas-slots, jien kieku nitlob lill-Kummissjoni biex tagħti attenzjoni partikolari lill-ajruporti u lis-servizzi reġjonali minħabba li dawn jinsabu fir-riskju li jinqalgħu mis-suq meta ffaċċjati minn aktar konsolidazzjoni bejn l-ajruporti, il-linji tal-ajru u l-allejanzi tal-linji tal-ajru prinċipali. Suq monopolistiku u mhux kompettitiv ma jkunx biss ta' ħsara kbira għall-avjazzjoni reġjonali iżda wkoll għaċ-ċittadini tal-UE, li tonqsilhom l-għażla u li jkollhom iħallsu prezzijiet iktar għoljin.
Tlabt ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jgħaġġlu l-proċess ta' żvilupp tas-SESAR u tal-Ajru Uniku Ewropew bħala kwistjoni ta' urġenza, minħabba li ladarba jitlestew, dawn jistgħu jwasslu għal tfaddil ekonomiku u ambjentali kbir bħala riżultat ta’ effiċjenza akbar, kif ukoll biex xi ajruporti reġjonali iżgħar jibbenefikaw mill-proġetti tas-SESAR, bħal pereżempju torrijiet remoti.
Barra minn hekk, nemmen li l-qasam tat-trasport tal-UE jista’ jsir aktar effiċjenti permezz tal-inklużjoni ta' xi ajruporti reġjonali ewlenin fin-netwerk ewlieni TEN-T.
Nemmen tassew li s-servizzi tal-ajru reġjonali jridu jiġu meqjusa bħala parti integrali, u mhux parti periferali, tan-netwerk TEN-T. Ir-Rapporteur tagħkom jemmen li jekk l-ajruporti reġjonali tagħna jiġu integrati b’mod aħjar fin-netwerk tat-trasport, nistgħu ninkoraġġixxu lill-industrija toffri benefiċċji addizzjonali għaċ-ċittadini tal-UE, bħall-iżvilupp multimodali permezz tal-ħruġ ta' biljetti għal vjaġġi maqsuma bejn ferrovija u ajru.
Fl-aħħar nett, ippruvajt nitratta kwistjonijiet marbuta mat-trasparenza li jistgħu jkollhom impatt sinifikanti fuq l-esperjenza tal-passiġġieri, u kwistjonijiet relatati mal-libertà tal-ajruporti reġjonali li jagħżlu mudell ekonomiku ffukat fuq dħul importanti.
Dan ir-rapport għandu l-għan li jittratta prattiki ta’ ċerti linji tal-ajru low cost bħal ma hija l-prattika magħrufa li jiġu miżjuda xi tariffi mhux evitabbli fuq il-prezz ewlieni tal-biljett tal-ajru, jew l-impożizzjoni ta' regoli estremament stretti u onerużi ta' 'basket wieħed' li jistgħu jqiegħdu f’riskju serju l-vijabilità tal-bejgħ mill-ħwienet bħala sors ta' dħul għall-ajruporti reġjonali, li ħafna drabi jkunu nnegozjaw tariffi kompetittivi għall-inżul tal-ajruplani sabiex jattiraw lill-kumpaniji tal-ajru
Bħala konklużjoni, jien nemmen bis-sħiħ li l-ajruporti u s-servizzi tal-ajru reġjonali Ewropej iridu jiġu kkunsidrati bħala elementi prinċipali fil-ħolqien ta' netwerk tat-trasport tal-UE li jkun effiċjenti u jaħdem tajjeb, jiffaċilita n-negozju u jiżgura l-mobilità għal numru ikbar ta' persuni.
L-avjazzjoni reġjonali jista' jkollha rwol essenzjali biex jiżgura li l-moviment ħieles fl-UE ikun realtà mhux biss għal persuni li jgħixu fl-ibliet kapitali prinċipali iżda wkoll għal dawk iċ-ċittadini tal-UE li jgħixu barra minn dawn iż-żoni, u biex jiżgura li dawn l-ibliet u reġjuni jgawdu mhux biss mill-benefiċċji li ġġib magħha mobilità akbar iżda wkoll il-ġenerazzjoni tat-turiżmu, l-aċċess għal swieq ġodda u l-attrazzjoni ta' investiment ekonomiku ikbar lejhom.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (6.2.2012)
għall-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
dwar il-futur tal-ajruporti reġjonali u tas-servizzi tal-ajru fl-UE
(2011/2196(INI))
Rapporteur: Giommaria Uggias
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jistieden lill-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, bħala l-Kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jenfasizza l-importanza tal-ajruporti reġjonali fil-kuntest tat-trasport bl-ajru u r-rwol essenzjali tagħhom biex jassiguraw il-koeżjoni territorjali, ekonomika u soċjali, kemm internament fl-Istati Membri kif ukoll fl-Unjoni, billi jipprovdu konnessjonijiet bejn ir-reġjuni; jindika li għandhom jinżammu l-obbligi attwali ta’ servizzi pubbliċi, u kwalunkwe obbligu tali li jsir qbil dwaru fil-futur għandu jkun ġustifikat mill-ħtieġa li jkunu assigurati l-aċċessibilità u l-kontinwità territorjali tar-reġjuni, bħal tar-reġjuni l-aktar imbiegħda, dawk periferiċi jew reġjuni gżejjer, u żoni ċentrali li ma jinstabux fuq ir-rotot ta' trasport ewlenin, peress li l-konnessjonijiet xierqa tat-trasport bl-ajru jippermettulhom ilaħħqu mal-iżvantaġġi ġeografiċi inerenti tagħhom; jinnota li biex jinkiseb dan l-objettiv għandha tingħata prijorità għat-titjib tal-intermodalità; hu favur il-possibbiltà li jiġu konklużi ftehimiet ta' sħubija bl-appoġġ tal-awtoritajiet u tal-kumpaniji tal-ajru nazzjonali u reġjonali : jinnota l-importanza tal-ajruporti, li kultant huma l-unika konnessjoni bejn reġjun u l-kumplament tal-Ewropa; jisħaq li l-ajruporti reġjonali huma meħtieġa wkoll fir-reġjuni l-inqas żviluppati tal-Ewropa, li m’għandhomx netwerks ta’ toroq jew ferrovjarji tajbin; jemmen, għalhekk, li r-reġjuni għandu jingħataw konnessjonijiet xierqa; jinnota, fil-kuntest tas-sitwazzjoni tal-kriżi ekonomika attwali u tal-isforzi għal konsolidament fiskali, għandu jinsab bilanċ xieraq bejn il-ħtiġijiet tal-kompetittività u l-istabbiltà finanzjarja ta’ kull ajruport u l-ħtiġijiet soċjali u reġjonali li għandhom jiġu moqdija;
2. Hu tal-fehma li l-proliferazzjoni mingħajr ħsieb ta’ aktar ajruporti reġjonali tmur kontra l-kriterji tal-effiċjenza u s-sostenibbiltà; jisħaq, min-naħa l-oħra, li għandhom jissaħħu l-konnessjonijiet eżistenti, b'mod partikolari fiż-żoni kollha bi żvantaġġi ġeografiċi (bħal pereżempju l-gżejjer); jilqa', għaldaqstant, kwalunkwe inizjattiva immirata għall-iżvilupp tar-rwol tat-trasport pubbliku, anki dak tat-toroq, bil-promozzjoni tal-konnessjonijiet;
3. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali jikkunsidraw il-fatt li konnessjonijiet tajba tat-trasport bl-ajru huma importanti għall-iżvilupp tal-ekonomija lokali u t-turiżmu, biex jiġu attirati aktar investituri u biex ikun żgurat it-trasport rapidu ta’ passiġġieri u merkanzija; jirrikonoxxi l-importanza tal-ajruporti reġjonali fit-titjib tal-mobilità u l-konnettività interreġjonali u fl-assistenza biex ir-reġjuni jsiru aktar attraenti; jinnota li t-turiżmu qiegħed juri ruħu reżistenti għall-kriżi ekonomika, u għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-kwalunkwe aspett jew deċiżjoni tal-politika ekonomika li x’aktarx jistgħu jappoġġjaw jew jiżviluppaw it-turiżmu, bħalma hu l-każ tat-trasport bl-ajru u l-proġetti infrastrutturali fl-ajruporti;
4. Jenfasizza r-rwol tal-ajruporti reġjonali li jaġixxu bħala xprun għall-iżvilupp ta' ċentri ta’ innovazzjoni, billi jnaqqsu l-ispejjeż ta' lokalizzazzjoni ta' negozji ġodda, speċjalment f’reġjuni ġeografikament imbiegħda;
5. Jinnota l-importanza ekonomika tal-ajruporti reġjonali għall-ħolqien tal-impjiegi, partikolarment fir-reġjuni inqas żviluppati jew żvantaġġjati; jenfasizza, f’dan ir-rigward, il-bżonn li jiġi sfruttat b’mod iktar effettiv il-potenzjal għal impjiegi ambjentali; jiddispjaċih, madankollu, għan-numru qawwi ta' impjiegi inċerti f'dan is-settur, u jqis li l-persunal li jaħdem fl-ajruporti jew għal kumpaniji li jipprovdu servizzi ġewwa l-ajruporti jew linji tal-ajru li joperaw fihom, għandhom igawdu minn termini kuntrattwali u rati ta' pagi deċenti, u li għandhom jiġu rispettati l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persunal tal-ajruport, billi jkunu previsti standards minimi ta' protezzjoni , li spiss ma jeżistux fejn il-linji tal-ajru low-cost jikkostitwixxu l-parti l-kbira tat-traffiku;
6. Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali li, apparti l-kunsiderazzjonijiet ta’ natura ekonomika u finanzjarja, jikkunsidraw ukoll il-fatturi ambjentali, territorjali, ġeoloġiċi u metereoloġiċi u kriterji razzjonali oħrajn meta jiddeċiedu fejn għandhom jinbnew l-ajruporti, jew meta faċilitajiet ajruportwali jeħtieġu jiġu rinnovati jew estiżi; jenfasizza, fl-istess waqt, l-importanza tal-użu u tal-immodernizzar tal-istrutturi attwali qabel ma jinbnew oħrajn ġodda; jinnota li l-iżvilupp tat-trasport bl-ajru għandu jikkunsidra l-għanijiet stipulati fl-Istrateġija UE 2020; jirrakkomanda għalhekk li l-ajruporti jiksbu tnaqqis ta’ 30% fl-emissjonijiet ta’ CO2 mit-trasport bl-ajru fl-ispazju tal-ajru tal-UE sas-sena 2020;
7. Jikkunsidra li tkun ħaġa partikolarment importanti li jiġu applikati soluzzjonijiet ta’ trasport intermodali, fejn ikun possibbli; huwa tal-fehma li f’dan ir-rigward, b’kunsiderazzjoni tal-istat attwali tal-avvanzi teknoloġiċi f’dan il-qasam, għandhom jiġu żviluppati kollegamenti bil-ferrovija jew tal-linji kollettivi tat-trasport fit-toroq bejn l-ajruporti, għaliex joffru metodu ideali biex l-ajruporti jiġu inkorporati fin-netwerks ta' trasport nazzjonali u Ewropej kif ukoll biex inaqqsu l-problemi ta’ kapaċità tal-ajruporti kkonċernati; huwa tal-fehma li konnessjoni aħjar bejn l-ajruporti reġjonali u l-irħula tal-madwar permezz ta’ servizzi tat-trasport lokali bil-ferrovija jew bit-tramm jista' jkollha impatti pożittivi mill-perspettiva ambjentali u jgħinu biex jirrazzjonalizzaw it-trasport reġjonali kollu kemm hu; jitlob li s-sitwazzjoni partikolari ta’ xi reġjuni li fihom l-iżvilupp tal-intermodalità tkun affettwata mill-karatteristiċi fiżiċi u naturali tagħhom, ma għandhiex tiġi injorata; jirrikonoxxi l-kontribut possibbli li jistgħu jagħtu l-ajruporti reġjonali biex itaffu l-konġestjoni tat-trasport tal-passiġġieri, biex b'hekk jaġevolaw l-ajruporti ffullati ż-żejjed, u jwasslu għad-diversifikazzjoni tar-rotot tal-ajru; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Istati Membri biex jipproponu pjanijiet għall-iżvilupp tal-ajruporti reġjonali eżistenti u biex dawn isiru aktar effiċjenti;
8. Hu tal-fehma li l-ajruporti reġjonali, minħabba l-impatt ambjentali u ekonomiku tagħhom, għandhom jiġu appoġġati b’mod xieraq mill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali, u għandhom ikunu soġġetti għal konsultazzjoni lokali u reġjonali, u – abbażi ta’ analiżi ta' kost-benefiċċju – għandhom jitqiesu bħala eliġibbli għal finanzjament b’fondi tal-UE, kif ukoll strumenti oħra tal-inġinerija finanzjarja ffinanzjati mill-UE skont il-qafas ta' programmazzjoni l-ġdid; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tikkunsidra l-opportunitajiet offruti mill-ajruporti reġjonali bħala parti min-netwerk tat-trasport ċentrali Ewropew;
9. Hu tal-fehma li l-iżvilupp tal-ajruporti reġjonali għandu jiġi kkunsidrat fil-kuntest tal-azzjonijiet skont l-għan tal-kooperazzjoni territorjali għall-promozzjoni tal-bilanċ fost ir-reġjuni f’termini ta’ aċċess għall-ajruporti u l-iżvilupp koordinat ta’ netwerk ta’ konnessjonijiet tat-trasport, għall-koeżjoni territorjali;
10. Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jiżguraw li, b’konformità ma’ valutazzjonijiet territorjali speċifiċi, u b'kunsiderazzjoni tal-kooperazzjoni transkonfinali, l-ajruporti jkunu nklużi fi pjanijiet reġjonali tal-iżvilupp spazjali u jitqiesu fi strateġiji ta’ żvilupp reġjonali – partikolarment b'konnessjoni mal-pjanijiet integrati ta' mobilità sostenibbli ‑ u fejn ikun xieraq fl-istrateġiji makroreġjonali eżistenti u futuri; jistieden lill-awtoritajiet tal-Istati Membri jikkunsidraw l-importanza ta' ajruporti reġjonali fil-kuntest tan-negozjati dwar il-programmi operattivi futuri tagħhom;
11. F’dan ir-rigward ifakkar l-importanza li jitfasslu, jiġu ppjanati u jitħaddmu strateġiji konġunti fuq skala transkonfinali fir-rigward tal-iżvilupp u l-aċċess għal infrastrutturi tal-ajruporti; jenfasizza f’dan ir-rigward l-importanza tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea biex jintlaħqu dawn l-istrateġiji kkoordinati u l-urġenza ta' ċerti investimenti transkonfinali; jitlob li l-koordinazzjoni makroreġjonali kollha tinkludi fl-istrateġija tagħha studju profond dwar l-integrazzjoni tat-trasport, partikolarment bl-ajru, biex tinkiseb koeżjoni soċjali u territorjali reali;
12. Jenfasizza l-importanza li tiżdied il-kompetittività tar-reġjuni ultraperiferiċi u tiġi promossa l-integrazzjoni tagħhom ma’ reġjuni oħra sabiex tingħeleb il-firda ekonomika li tisseparahom mill-bqija tal-Ewropa.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
26.1.2012 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
41 1 3 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
François Alfonsi, Luís Paulo Alves, Catherine Bearder, Victor Boştinaru, John Bufton, Alain Cadec, Salvatore Caronna, Francesco De Angelis, Tamás Deutsch, Rosa Estaràs Ferragut, Brice Hortefeux, Danuta Maria Hübner, Filiz Hakaeva Hyusmenova, Vincenzo Iovine, María Irigoyen Pérez, Seán Kelly, Constanze Angela Krehl, Petru Constantin Luhan, Ramona Nicole Mănescu, Riikka Manner, Iosif Matula, Erminia Mazzoni, Ana Miranda, Jens Nilsson, Jan Olbrycht, Wojciech Michał Olejniczak, Younous Omarjee, Markus Pieper, Monika Smolková, Georgios Stavrakakis, Nuno Teixeira, Lambert van Nistelrooij, Oldřich Vlasák, Kerstin Westphal, Hermann Winkler, Joachim Zeller, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Evgeni Kirilov, Lena Kolarska-Bobińska, James Nicholson, Ivari Padar, Heide Rühle, Giommaria Uggias |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Julie Girling |
||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
27.3.2012 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
39 3 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Magdi Cristiano Allam, Georges Bach, Izaskun Bilbao Barandica, Philip Bradbourn, Antonio Cancian, Michael Cramer, Philippe De Backer, Luis de Grandes Pascual, Christine De Veyrac, Saïd El Khadraoui, Ismail Ertug, Carlo Fidanza, Knut Fleckenstein, Jacqueline Foster, Mathieu Grosch, Jim Higgins, Dieter-Lebrecht Koch, Georgios Koumoutsakos, Werner Kuhn, Jörg Leichtfried, Eva Lichtenberger, Marian-Jean Marinescu, Gesine Meissner, Hubert Pirker, David-Maria Sassoli, Vilja Savisaar-Toomast, Olga Sehnalová, Debora Serracchiani, Brian Simpson, Keith Taylor, Silvia-Adriana Ţicău, Giommaria Uggias, Thomas Ulmer, Peter van Dalen, Dominique Vlasto, Artur Zasada, Roberts Zīle |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Spyros Danellis, Eider Gardiazábal Rubial, Alfreds Rubiks, Janusz Władysław Zemke |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Petri Sarvamaa |
||||