RAPPORT dwar l-Implimentazzjoni tal-Leġiżlazzjoni dwar l-Ajru Uniku Ewropew

12.7.2012 - (2012/2005(INI))

Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
Rapporteur: Jacqueline Foster

Proċedura : 2012/2005(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0254/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-Implimentazzjoni tal-Leġiżlazzjoni dwar l-Ajru Uniku Ewropew

(2012/2005(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Ajru Uniku: iż-żmien għall-azzjoni (COM(2011)0731),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar mekkaniżmi ta' inċentivi u tmexxija għall-mobilizzazzjoni tas-SESAR, il-pilastru teknoloġiku tal-Ajru Uniku Ewropew (COM(2011)0923),

–   wara li kkunsidra l-White Paper "Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti" (COM(2011)0144),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0254/2012),

A. billi l-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew (SES) diġà għamlet ħafna passi pożittivi ’l quddiem;

B.  billi l-2012 mistennija tkun sena importanti fl-implimentazzjoni tas-SES;

C. billi t-tlestija tas-SES se twassal għal iffrankar konsiderevoli ekonomiku, ambjentali u fir-rigward tas-sikurezza bil-ħolqien ta’ settur tal-avjazzjoni aktar sostenibbli u sistema ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ajru aktar effikaċi f’livell Ewropew;

D. billi l-volum tat-traffiku tal-ajru qed jiżdied kostantement, u dan jirriżulta f'kapaċità insuffiċjenti u f'żieda fid-dewmien għall-passiġġieri, filwaqt li l-pjanijiet ta' tkabbir tal-linji tal-ajru jiġu affettwati wkoll; billi l-ispazju tal-ajru tal-Ewropa huwa wieħed mill-aktar traffikużi fid-dinja, b'aktar minn 750 miljun passiġġier li jużaw l-ajruporti tal-UE, u din iċ-ċifra mistennija tirdoppja sal-2030;

E.  billi s-suċċess tas-SES jiddependi fuq approċċ integrat mingħajr ma l-Istati Membri individwali jqiegħdu fir-riskju l-implimentazzjoni ġenerali tiegħu;

F.  billi l-4 ta’ Diċembru 2012 hija l-iskadenza għat-tlestija tal-implementazzjoni tal-Blokok ta’ Spazju tal-Ajru Funzjonali (FABs), iżda l-aħħar rapporti jindikaw li s-sitwazzjoni hija ’l bogħod milli tkun konformi ma’ din id-dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-SES;

G. billi skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (UE) Nru 691/2010, erba’ xhur wara li rċeviet il-pjanijiet ta’ prestazzjoni mill-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha toħroġ rakkomandazzjonijiet dwar l-adozzjoni tal-miri ta' prestazzjoni riveduti għal dawk li ma jkunux konsistenti mal-miri li jgħoddu għall-UE kollha kemm hi;

H. billi fil-preżent il-Fornituri nazzjonali ta' Servizz ta' Navigazzjoni bl-Ajru (ANSP) li jipprovdu servizzi ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru jirriflettu l-ġeografija politika frammentata tal-kontinent, u b’hekk sfortunatament jinħolqu ineffiċjenzi u konġestjoni;

I.   billi sabiex tiġi kkompletata l-implimentazzjoni tas-SES huwa neċessarju li jittieħdu miżuri ħalli jintlaħqu l-objettivi tal-UE tas-sikurezza fl-ajru, sabiex jittejbu l-istandards attwali u jkun żgurat livell uniformement għoli ta' sikurezza għall-pubbliku;

J.   billi programmi oħra bħal Galileo u s-Sistema Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) qed javvanzaw malajr;

K. billi għandu jintlaħaq ftehim mill-aktar fis possibbli dwar il-finanzjament u l-oqfsa finanzjarji meħtieġa;

Perjodu ta’ żmien

1.  Jirrikonoxxi r-restrizzjonijiet li jeżistu fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-SES; iqis, madankollu, li l-progress li sar s’issa jeħtieġ li jiżdied b’mod sinifikanti, filwaqt li jiġu stabbiliti perjodi ta' żmien vinkolanti għall-implementazzjoni tas-SES iżda filwaqt li jitqiesu wkoll kunsiderazzjonijiet kummerċjali;

2.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li titkompla malajr l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-SES, kif ukoll l-iskema ta' prestazzjoni għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u għall-funzjonijiet ta’ netwerks b’mod partikolari;

3.  Jinnota li l-fażi kritika tal-mobilizzazzjoni qed toqrob u għandha tiġi indirizzata b’mod f’waqtu, sinkronizzat u koordinat;

4.  Iwissi li ż-żieda fit-traffiku tal-ajru tfisser li l-ispazju tal-ajru tal-Ewropa qed jilħaq malajr il-kapaċità massima tiegħu u li jeħtieġ li din il-problema tiġi indirizzata b’mod urġenti, ħalli jiġu ggarantiti servizzi tat-trasport bl-ajru ta' kwalità għolja għall-pubbliku Ewropew u jkun żgurat li l-impatt fuq l-ambjent u l-klima ma jintensifikax;

5.  Jenfasizza l-importanza tal-ajruporti bħala punti ta’ dħul u ta’ ħruġ għan-netwerk Ewropew; jitlob li dawn jitqiesu bis-sħiħ fl-iżvilupp tas-SES, inklużi l-ajruporti reġjonali, minħabba r-rwol tagħhom li jgħinu fit-tneħħija tal-konġestjoni tan-netwerk u fiż-żieda tal-kapaċità;

6.  Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa urġenti li l-leġiżlazzjoni tas-SES tiġi implimentata b’suċċess, sabiex tiġi evitata iktar konġestjoni bi flussi tat-traffiku dejjem ikbar u teknoloġiji antikwati u biex tiġi żgurata konsistenza akbar fid-dispożizzjonijiet Ewropej dwar is-sikurezza fl-ajru;

7.  Jinnota li ż-żamma tal-livelli konsistentement għolja tal-Ewropa ta’ kundizzjonijiet ta’ sikurezza u operattivi qiegħda ssir dejjem iktar ta’ sfida; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiċċaraw ir-rwol tal-korpi Ewropej rilevanti, biex ikun żgurat li jinżammu standards internazzjonali affidabbli u trasparenti għas-sikurezza fl-ajru;

8.  Ifakkar fil-ħtieġa li l-ispazju tal-ajru tal-Ewropa jsir effiċjenti kemm jista’ jkun, mhux biss mill-perspettiva tal-vantaġġi ekonomiċi iżda anke minn dik tal-benefiċċji ambjentali, soċjali u rigward l-enerġija, fosthom dawk għall-passiġġieri tal-ajru;

9.  Jenfasizza l-fatt li fl-aħħar Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-suġġet kien stmat li jista’ jkun hemm impatt kumulattiv fuq il-PDG tal-UE ta’ EUR 419-il biljun matul il-perjodu 2013-2030 fl-UE-27, bil-ħolqien dirett u indirett ta’ 328 000 elf impjieg u ffrankar nett ta’ madwar 50 miljun tunnellata ta’ emissjonijiet ta’ CO2, jekk ikun hemm mobilizzazzjoni sħiħa u f’waqtha tat-teknoloġija ta’ Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR);

10. Jindika li, skont il-Kummissjoni, l-introduzzjoni f'waqtha tat-teknoloġija SESAR se ġġib benefiċċji prattiċi għall-passiġġieri, li jirriżultaw fi tnaqqis fil-ħinijiet tat-titjiriet b'madwar 10 % (jew disa’ minuti), tnaqqis fil-kanċellazzjonijiet u d-dewmien b'madwar 50 %, u tnaqqis possibbli fil-prezzijiet tal-biljetti; jenfasizza, madankollu, li jekk il-mobilizzazzjoni tas-SESAR tiġi posposta b’10 snin l-impatt globali jkun katastrofiku, billi jkun hemm telf ta' madwar EUR 268 biljun b'riżultat ta' impatt kumulattiv imnaqqas fuq il-PDG tal-UE, billi l-impjiegi li jinħolqu jonqsu b'190 000 u billi jiġu ffrankati 55 miljun tunnellata anqas ta' emissjonijiet ta' CO2;

11. Jinnota li pajjiżi u reġjuni importanti oħrajn qed jagħmlu progress mgħaġġel f'termini ta' riċerka u żvilupp ta’ teknoloġija innovattiva, u għaldaqstant jiddispjaċih li l-UE tista’ titlef il-vantaġġ li għandha favur atturi internazzjonali oħrajn sakemm l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-SES ma titħaffifx;

12. Huwa tal-opinjoni li l-funzjonament xieraq tas-SES jista' jkun żgurat biss jekk id-diversi dati tal-implimentazzjoni jiġu strettament onorati minn dawk kollha kkonċernati;

13. Jenfasizza li twettqu programmi pilota u li r-riżultati ta’ dawn kienu pożittivi;

14. Jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta lura lill-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-iskema ta' prestazzjoni mill-ANSPs kollha sa Diċembru 2012;

15. Jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta lura lill-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu dwar il-progress li sar fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-SES sa Marzu 2013, inkluża evalwazzjoni tal-konsegwenzi tad-dewmien fl-implementazzjoni tal-FABs;

Input politiku

16. Ifakkar lill-Istati Membri li impenjaw ruħhom pubblikament li jilħqu l-objettiv ta' Ajru Uniku Ewropew, meta l-leġiżlazzjoni rilevanti ġiet appoġġjata b'mod qawwi, u jinsisti li jridu jibqgħu proattivi u involuti fl-implimentazzjoni ta' din il-leġiżlazzjoni; jistieden lill-Istati Membri, f'dan ir-rigward, jippreżentaw pjanijiet ta’ prestazzjoni nazzjonali skont il-miri ta’ prestazzjoni tal-UE, u jadottaw il-miri ta' prestazzjoni riveduti proposti mill-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni xierqa f'każ ta' nuqqas li jinżammu l-iskadenzi għall-implimentazzjoni ta' din il-leġiżlazzjoni;

17. Ifakkar fl-objettivi għall-avjazzjoni deskritti kemm fil-White Paper dwar il-politika tat-trasport kif ukoll fid-dokument "Flightpath 2050 – Il-Viżjoni tal-Ewropa għall-Avjazzjoni – Rapport tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar ir-Riċerka fl-Avjazzjoni";

18. Jinsisti li għandha tingħata prijorità ikbar lil din il-kwistjoni u li jinħtieġ appoġġ politiku proattiv min-naħa tal-Istati Membri u ta’ dawk kollha involuti għall-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha tas-SES;

19. Jenfasizza li l-implimentazzjoni b’suċċess tal-leġiżlazzjoni tas-SES se jkollha impatt pożittiv u inkoraġġanti fuq il-kompetizzjoni madwar l-UE kollha u madwar id-dinja, b’żieda fit-tkabbir u l-impjiegi, b’mod partikolari fl-industriji tal-ajrunawtika u tal-avjazzjoni;

20. Jiddispjaċih għall-fatt li minkejja l-benefiċċji soċjali u ambjentali konsiderevoli tiegħu, il-proġett tas-SES m'huwiex magħruf jew mifhum biżżejjed mill-pubbliku, u jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati jżidu l-isforzi ta' komunikazzjoni mal-pubbliku;

21. Jagħraf l-isfidi tal-Ġestjoni Ewropea tat-Traffiku tal-Ajru (ATM), u jirrikonoxxi r-rwol kritiku tal-fattur uman u ta' djalogu soċjali effiċjenti fl-implimentazzjoni tas-SES; jagħraf il-ħtieġa ta' enfasi kontinwa fuq il-bidu mill-ġdid tal-proċeduri ta' rapportar; jenfasizza li l-implimentazzjoni tas-SES iġġib magħha domanda qawwija għal impjiegi ta' kwalità għolja u li jirrikjedu ħafna kwalifiki;

22. Jirrispetta b'mod sħiħ is-sovranità u l-prerogattivi nazzjonali tal-Istati Membri fir-rigward tal-ATM b'rabta ma' operazzjonijiet u taħriġ ta' inġenji tal-ajru militari u inġenji tal-ajru oħrajn statali; jinnota li l-impenn tal-Istati Membri biex jiżguraw li l-kunċett tal-użu flessibbli tal-ispazju tal-ajru[1] jkun applikat b'mod sħiħ u uniformi, u jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġu appoġġjati l-isforzi tagħhom għal dan l-iskop; jenfasizza l-fatt li l-inġenji tal-ajru statali jinkludu, minbarra l-avjazzjoni militari, dawk fuq missjonijiet tal-pulizija, tat-tifi tan-nar, tal-gwardja kostali, tad-dwana, tal-protezzjoni ċivili u oħrajn, li b'hekk jiġbru firxa wiesgħa ta' attivitajiet ta' sigurtà u ta' ġestjoni ta' kriżijiet fl-ambitu tal-operazzjonijiet tagħhom;

23. Jemmen li l-implimentazzjoni b'suċċess tas-SES iġġib benefiċċji għall-katina tal-provvista kollha, inklużi l-manifatturi, il-linji tal-ajru, l-SMEs, is-settur tat-turiżmu kollu, eċċ;

24. Jibqa’ mħasseb serjament li l-ħolqien ta’ FABs fl-Ewropa kollha mhux biss għadu lura iżda lanqas fih sustanza, u għalhekk, jappoġġja l-isforzi tal-koordinatur; jisħaq fuq l-importanza ta’ kooperazzjoni, koordinazzjoni u azzjoni politika minn u bejn l-Istati Membri sabiex jintlaħaq l-objettiv li l-FABs jiġu implimentati sal-4 ta' Diċembru 2012; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja bir-reqqa l-iżviluppi u, jekk ikun meħtieġ, tieħu azzjoni legali, inklużi sanzjonijiet, vis-à-vis l-Istati Membri li jiksru l-obbligi tagħhom skont il-leġiżlazzjoni tas-SES;

25.      Jisħaq fuq il-fatt li hemm bżonn li l-ħolqien tal-FABs ma jinftiehemx bħala rekwiżit indipendenti minn kollox imma bħala mezz biex jiġu sodisfatti l-objettivi tad-deframmentazzjoni tal-ispazju tal-ajru Ewropew u tat-titjib tar-rendiment, u li mingħajrhom l-SES ma jistax jitlesta; jitlob lill-Kummissjoni tipproponi strateġija għall-aċċelerazzjoni tal-implimentazzjoni tal-FABs li tkun tinkludi l-implimentazzjoni sħiħa tal-mudelli ċentralizzati (eż. il-Ġesturi tan-Netwerks, l-Impriża Konġunta SESAR, il-Ġesturi tal-Mobilizzazzjoni); jistieden lill-Kummissjoni tisfrutta aktar il-metodi ta' twissija tagħha, u fil-każ li dawn ma jirnexxux, tniedi proċedimenti ta' ksur kontra dawk l-Istati Membri li għadhom ma ffirmawx il-ftehimiet biex jistabbilixxu l-FABs tagħhom;

26. Iqis li l-mod l-aktar effikaċi u effiċjenti għall-ħolqien tas-SES huwa permezz ta’ approċċ minn fuq għal isfel, u għalhekk jitlob lill-Kummissjoni, abbażi tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 15, tipproponi miżuri biex telimina l-konsegwenzi tad-dewmien fl-implimentazzjoni tal-FABs, u taqleb malajr mill-approċ minn isfel għal fuq għal dak minn fuq għal isfel, sabiex ikun żgurat li l-objettivi tal-pakkett leġiżlattiv SES II jintlaħqu;

27. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-kwistjoni tan-nuqqas ta’ riżorsi, b’mod speċjali fir-rigward tal-Awtorità Nazzjonali ta’ Sorveljanza, tiġi indirizzata malajr fil-livell politiku nazzjonali;

28. Jenfasizza li biex iwettqu r-rwol tagħhom kif jixraq fis-SES, l-Awtoritajiet Nazzjonali ta’ Sorveljanza għandhom ikunu funzjonalment separati mill-ANSPs u għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b'mod imparzjali, indipendenti u trasparenti;

29. Jirrimarka li huwa importanti li l-ANSPs nazzjonali jiġu mistiedna jkunu proattivi fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-SES;

30. Jafferma mill-ġdid li l-użu sikur, effiċjenti u flessibbli tal-ispazju tal-ajru jista’ jinkiseb biss permezz ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni mill-qrib bejn l-utenti ċivili u militari tal-ispazju tal-ajru;

31. Jistieden lill-Istati Membri, bl-għajnuna tal-aġenziji Ewropej relevanti, jiffokaw fuq it-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni ċivili-militari ma’ pajjiżi tal-viċinat;

32. Jinsisti li l-Istati Membri jagħtu l-finanzjament neċessarju mill-aktar fis possibbli biex is-SES jiġi kkompletat; jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni pproponiet li s-SES u s-SESAR jiġu ttrattati bħala prijorità orizzontali għall-finanzjament fil-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa;

Strateġija ta' Mobilizzazzjoni tas-SESAR

33. Jirrikonoxxi li kien hemm investiment finanzjarju sostanzjali kemm mill-industrija kif ukoll mill-UE fir-riċerka u l-iżvilupp għat-teknoloġija SESAR, u jemmen li wasal iż-żmien li jiġu implimentati l-miżuri neċessarji sabiex jittieħdu l-benefiċċji ta' dak l-investiment bl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-SES;

34. Ifakkar fil-ħtieġa ta' koordinazzjoni bejn l-iskeda għall-implimentazzjoni tas-SES u l-iżvilupp u l-fażi ta’ mobilizzazzjoni tas-SESAR bħala parti mis-SES, kif iddikjarat fir-Regolament (KE) Nru 1070/2009;

35. Jinsisti li, minkejja l-investiment kbir meħtieġ, numru ta’ benefiċċji importanti u tanġibbli joriġinaw mill-armonizzazzjoni, inklużi l-ottimizzazzjoni tat-titjiriet, l-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil, it-tnaqqis tal-istorbju, anqas tniġġis tal-arja u impatt iżgħar fuq it-tibdil fil-klima, kif ukoll l-użu flessibbli u sikur ta’ ajru inqas frammentat; jenfasizza l-effiċjenza li tinkiseb b’koordinazzjoni ċivili-militari akbar, peress li l-użu ta’ infrastruttura komuni tirriżulta fi tnaqqis tal-ispejjeż; jenfasizza li interoperabbiltà msaħħa bejn l-Istati Membri u t-twettiq tal-FABs jipproduċu wkoll benefiċċji f’termini ta’ operazzjonijiet transkonfinali;

36. Jifhem li t-teknoloġija SESAR u l-implimentazzjoni tas-SES huma politiki intrinsikament marbutin li jeħtieġ li jiġu żviluppati biex ikun jista' jinkiseb il-benefiċċju sħiħ, u għalhekk iħeġġeġ lill-industrija biex tieħu l-fażi ta' mobilizzazzjoni tal-proġett SESAR bis-serjetà;

37. Jirrimarka li t-teknoloġiji diġà ġew żviluppati mill-manifatturi u huma attwalment disponibbli, u dan jagħmel l-implimentazzjoni b’suċċess tas-SESAR objettiv li jista’ jintlaħaq;

38. Jirrikonoxxi li motivazzjoni kummerċjali għal investiment fit-teknoloġiji tas-SESAR hija iktar qawwija fil-hubs akbar u aktar ikkonġestjonati milli fl-ajruporti reġjonali iżgħar jew fl-ajruporti li jservu r-rotot staġonali; huwa tal-fehma, madankollu, li l-prestazzjoni tan-netwerk ġenerali għandha titjieb b’firxa usa’ ta’ kapaċitajiet SESAR, megħjunin mill-finanzjament pubbliku;

39. Jemmen li jeħtieġ ikun hemm approċċ koordinat b’mod globali bħala rispons għall-isforz biex tinkiseb l-istandardizzazzjoni, bħal dawk li qed tipprova tikseb l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO), sabiex jiġi żgurat li t-teknoloġiji eżistenti u ġodda jkunu interoperabbli mad-dinja kollha u jitħeġġeġ l-iffirmar tal-protokolli ta' kooperazzjoni fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp;

40. Iqis li, biex l-ANSPs u l-partijiet interessati l-oħra jitħallew jiżviluppaw bl-aħjar mod is-sħubijiet strateġiċi tagħhom u jingħataw inċentivi biex jilħqu l-objettivi tagħhom, il-pilastru tal-prestazzjoni għandu jkun promoss aktar;

41. Jenfasizza li l-komunità militari hija attur prinċipali fil-kuntest tas-SES u għandha tiġi involuta b'mod sħiħ fil-livelli kollha u minn stadju bikri ħafna; jirrikonoxxi l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-SES, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jħaffu l-isforzi tagħhom sabiex jiksbu l-koordinazzjoni min-naħa militari; filwaqt li jirrikonoxxi l-ispeċifiċitajiet nazzjonali tar-relazzjonijiet ċivili-militari, jistieden lill-Istati Membri jiffukaw fuq it-tisħiħ tal-kooperazzjoni ċivili-militari u l-interoperabbiltà u japplikaw l-aħjar prassi f’dak il-qasam;

42. Huwa tal-opinjoni li jeħtieġ li titħeġġeġ il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi tal-viċinat bl-għan li s-SES jiġi estiż lil hinn mill-fruntieri tal-UE;

43. Jisħaq fuq il-ħtieġa tad-deframmentazzjoni tal-ispazju tal-ajru Ewropew permezz tal-implimentazzjoni ta’ innovazzjonijiet teknoloġiċi, it-tisħiħ tal-iskema ta’ prestazzjoni għas-servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru, u l-implimentazzjoni tal-FABs skont l-iskeda sabiex joħorġu l-effetti ta’ benefiċċju tas-SES;

44. Ifaħħar l-appoġġ kontinwu tal-Istati Membri u tal-partijiet interessati li qegħdin jgħinu biex jinkisbu l-armonizzazzjoni tal-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-SES;

45. Jappoġġja l-approċċ tas-sħubija pubblika-privata (PPP), billi din tista’ toħloq sitwazzjoni ta’ vantaġġ għal kulħadd meta tkun strutturata u mwettqa b’mod xieraq u effikaċi, abbażi ta' ħidma flimkien b'inċentivi u impenn;

46. Jinsisti li l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-SES se tkun ta’ benefiċċju kbir għall-partijiet interessati kollha, pereżempju bi spejjeż tal-utent imnaqqsa li jiġu mgħoddija lill-konsumatur aħħari, jiġifieri l-passiġġier;

47. Jemmen li għandu jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib il-ħin kollu u l-ebda kunflitt bejn il-korpi responsabbli għall-implimentazzjoni tas-SES;

48. Jitlob li t-tħejjijiet għal proposta leġiżlattiva dwar ir-rwol futur tal-Impriża Konġunta SESAR jiġu kkompletati fil-ħin sabiex tkun tista' tkompli twettaq ir-rwol tagħha għal żmien twil fil-ġejjieni, peress li għandha rwol essenzjali fl-iżgurar tas-suċċess tas-SES; jenfasizza l-isforzi li saru s’issa biex tintwera l-effikaċja tagħha;

49. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi malajr il-mekkaniżmi finanzjarji, ta' governanza u ta' inċentivi, inkluż il-finanzjament pubbliku, li huma meħtieġa biex tiġi żgurata l-mobilizzazzjoni f’waqtha u effettiva tat-teknoloġiji SESAR, bl-involviment tal-awtoritajiet u l-partijiet interessati rilevanti u b'attenzjoni partikolari għall-implimentazjzoni ta' strumenti finanzjarji innovattivi;

50. Jinnota li, filwaqt li l-kompetenza militari u ċivili-militari hija preżenti f’livelli differenti fi ħdan id-diversi istituzzjonijiet tal-partijiet interessati bħall-Kumitat għall-Ajru Uniku, il-Eurocontrol u l-Impriża Konġunta SESAR, xorta għad hemm il-ħtieġa għal analiżi koordinata u komprensiva tal-implikazzjonijiet tas-SES/SESAR għall-militar; jinnota l-bżonn tal-inklużjoni tal-Kumitat Militari tal-Unjoni Ewropea (EUMC) f’dan il-proċess, peress li dan jiżgura li l-kapijiet tad-difiża jkunu infurmati adegwatament;

51. Jirrikonoxxi, f’dan ir-rigward, ir-rwoli naturali tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) bħala pont bejn il-komunità tad-difiża u l-Kummissjoni u bħala faċilitatur bejn il-partijiet interessati militari; huwa favur it-tisħiħ tar-rwol tal-EDA fil-bini ta' kuxjenza politika, in-netwerking, l-assistenza fil-fażi ta' mobilizzazzjoni tas-SESAR u l-appoġġ lill-Istati Membri fl-analiżi finanzjarja u operattiva tar-riskji; jinnota li l-EDA hija f’pożizzjoni tajba biex tikkontribwixxi għall-isfidi futuri tas-SES, pereżempju fil-qasam tat-tagħmir u t-taħriġ; jilqa’ d-deċiżjoni tal-Istati Membri li jinvolvu lill-Persunal Militari tal-UE (EUMS) fl-appoġġ tagħhom lill-EDA b’rabta mas-SESAR; jilqa’ l-istabbiliment tal-Forum għall-Implimentazzjoni Militari tas-SES/SESAR iffaċilitat mill-EDA, u jinkoraġġixxi l-kontinwazzjoni effettiva ulterjuri tiegħu, peress li huwa għandu l-mertu kbir li jiġbor l-atturi rilevanti kollha fil-komunità tad-difiża madwar il-mejda; jenfasizza li l-kooperazzjoni man-NATO hija indispensabbli u jilqa’ l-iżviluppi kontinwi f’dan ir-rigward;

52. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  Dikjarazzjoni tal-Istati Membri dwar il-kwistjonijiet militari marbutin mal-Ajru Uniku Ewropew tal-10 ta' Marzu 2004,
    ĠU L 96, 31.3.2004, p. 9.

NOTA SPJEGATTIVA

Dan ir-rapport jindirizza r-Rapport riċenti tal-Kummissjoni dwar ‘L-Implimentazzjoni tal-Leġiżlazzjoni tal-Ajru Uniku: iż-żmien għall-azzjoni’. Għalkemm diġà saru ħafna passi pożittivi fid-direzzjoni t-tajba, għad fadal triq twila u l-2012 mistennija tkun sena importanti għall-implimentazzjoni tas-SES.

Perjodu ta’ żmien

Ir-Rapporteur hija mħassba b’mod partikolari dwar l-aspetti taż-żmien tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-SES. Hija tirrikonoxxi li kien hemm restrizzjonijiet fil-passat u li fil-preżent għad hemm ħafna sfidi quddiemna. Madankollu, il-progress li sar s’issa jeħtieġ li jiżdied, mhux biss b’mod sinifikanti iżda wkoll malajr. It-traffiku tal-ajru dalwaqt jilħaq il-kapaċità massima tiegħu u iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar tkompli tikber il-problema. Hemm iktar sens relattiv ta’ urġenza fir-rigward tal-ħtieġa li l-leġiżlazzjoni tas-SES tiġi implimentata b’suċċess sabiex jiġu evitati riskji ta’ sikurezza u operattivi bi flussi tat-traffiku dejjem ikbar u teknoloġiji antikwati.

Barra minn hekk, il-benefiċċji ta’ implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha tas-SES huma kbar wisq biex jiġu injorati. Fl-aħħar Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kwistjoni, hija tat ir-riżultati li ġejjin ta' studju mill-Impriża Konġunta tar-Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR) dwar ‘L-Impatt Makro-ekonomiku tas-SESAR’.

Jekk is-SESAR jiġi implimentat skont il-pjanijiet, il-previżjonijiet huma promettenti ħafna. Huwa mistenni li jkun hemm:  – impatt kumulattiv fuq il-PDG tal-UE ta’ EUR 419-il biljun

– 328 000 impjieg maħluqa

– 50 miljun tunnellata ta' CO2 ffrankati

Jekk il-mobilizzazzjoni tiddewwem b’10 snin, l-impatt globali jkun katastrofiku:                             – 30% inqas impatt kumulattiv fuq il-PDG tal-UE

– 58% inqas impjiegi maħluqa

– 110% inqas CO2 ffrankat

Għal dawn ir-raġunijiet biss, huwa ċar għaliex huwa daqsekk importanti li l-ispazju tal-ajru tal-Ewropa jsir effiċjenti kemm jista’ jkun, mhux biss għall-qligħ ekonomiku iżda wkoll għall-benefiċċji potenzjali għat-tkabbir, il-ħolqien tal-impjiegi u l-ambjent. Ir-Rapporteur temmen li huwa sempliċement negozju tajjeb.

     Huwa wkoll ta’ tħassib għar-Rapporteur li l-UE tista' titlef il-vantaġġ li għandha f'termini ta' riċerka u teknoloġija favur atturi internazzjonali oħrajn jekk l-implimentazzjoni tas-SES ma titħaffifx. Huwa għalhekk li hija temmen li l-funzjonament xieraq tas-SES jista' jiġi żgurat biss jekk id-diversi dati tal-implimentazzjoni jiġu onorati.

     Fl-aħħar nett, ir-Rapporteur titlob lill-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri biex jirrappurtaw lura lilha u lill-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu sa Ġunju tal-2013 dwar il-progress tagħhom fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-SES.

Input Politiku

Ir-Rapporteur tixtieq tieħu din l-opportunità biex tfakkar lill-Istati Membri dwar l-impenn pubbliku tagħhom li jintlaħaq l-objettiv tal-Ajru Uniku Ewropew. Għaxar snin ilu, dan il-Parlament u l-Kunsill appoġġjaw b’mod qawwi l-prinċipju tas-SES u dakinhar, ġie espress impenn qawwi. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jibqgħu proattivi u involuti fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-SES f’dan l-istadju importanti tal-implimentazzjoni. Meta wieħed iqis l-importanza ta’ din il-kwistjoni, il-prijoritajiet politiċi nazzjonali għandhom jirriflettu l-appoġġ mill-Istati Membri.

Il-potenzjal għal iktar kompetizzjoni u tkabbir huma benefiċċji li l-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha tas-SES iġġib lin-negozju Ewropew u madwar id-dinja. Fil-kriżi ekonomika diffiċli ta’ bħalissa, dawn il-vantaġġi huma sostanzjali għall-Istati Membri, kif inhuma l-impatti pożittivi fuq l-ekonomija, l-impjiegi u l-ambjent kif diskuss fit-taqsima preċedenti. Il-benefiċċji jestendu għall-katina tal-provvista kollha kemm hi, inklużi l-manifatturi, il-linji tal-ajru, l-SMEs, u setturi bħat-turiżmu, eċċ.

Għalkemm hemm tħassib fir-rigward tar-ristrutturar tal-industrija tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru tal-Ewropa, ir-Rapporteur hija fiduċjuża li l-implimentazzjoni tas-SES se ġġib magħha domanda qawwija għal impjiegi ta' kwalità għolja, li jirrikjedu ħahna kwalifiki u mħallsa tajjeb. Attwalment, il-proċessi fundamentali tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru bilkemm evolvew mit-Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn u għadu essenzjalment sengħa. Il-kontrolluri għad għandhom mappa mentali tal-pożizzjonijiet, id-direzzjonijiet u l-veloċità individwali tal-inġenji tal-ajru fis-settur tal-ispazju tal-ajru li jkunu qed jikkontrollaw. Huma għadhom iċċertifikati, ‘ikklassifikati’ u liċenzjati biex joperaw wieħed biss jew ftit minn dawn is-setturi. Huma għadhom jikkomunikaw l-istruzzjonijiet lill-piloti permezz tal-komunikazzjoni bil-vuċi permezz tar-radju. Is-SES, is-SESAR u l-FABs joffru l-possibilità ta’ progress lejn industrija iktar modernizzata u awtomatizzata. Dan jippermetti lill-kontrolluri biex ikunu ħaddiema iktar mobbli, kapaċi li jbigħu t-talenti tagħhom b’mod wiesa’ – bħalma qed jagħmlu iktar piloti llum – u għalhekk jikkontribwixxu għal industrija iktar flessibbli, robusta u innovattiva.

Ir-Rapporteur jiddispjaċiha li s-sitwazzjoni mhijiex ugwali fl-Istati Membri kollha, peress li approċċ bilanċjat u omoġenju għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni huwa wieħed mill-prinċipji ewlenin wara s-SES. B’mod speċjali fir-rigward tal-FABs, huwa preokkupanti ħafna li l-ħolqien tagħhom għadu lura fl-Ewropa kollha. Barra minn hekk, ċerti Stati Membri jeħtieġ li jindirizzaw il-problema ta’ nuqqas ta’ riżorsi li ilha tissemma mill-partijiet interessati kollha tal-industrija u jgħinu biex l-ANSPs nazzjonali jiġu persważi sabiex ikunu proattivi fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-SES.

Il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi tal-viċinat hija aspett importanti tas-SES kif ukoll il-kooperazzjoni ċivili-militari. Ir-Rapporteur titlob appoġġ politiku fil-livell nazzjonali sabiex issir enfasi fuq it-tisħiħ ta’ dawn l-oqsma ta’ kooperazzjoni.

Fl-aħħar nett, ir-Rapporteur ittenni li ma jdumx ma jkun hemm qbil dwar il-livell li jmiss ta' finanzjament.

Strateġija ta' Mobilizzazzjoni

L-investiment finanzjarju fir-Riċerka u l-Iżvilupp għat-teknoloġija tas-SES, l-FABs u s-SESAR s'issa kien sostanzjali. Ir-Rapporteur temmen li issa huwa l-mument li jiġu implimentati l-miżuri neċessarji sabiex jittieħdu l-benefiċċji ta’ dak l-investiment permezz tal-implimentazzjoni b’suċċess u f’waqtha tas-SES. Mingħajr it-teknoloġija SESAR, l-implimentazzjoni tas-SES sempliċement ma tkunx possibbli u għalhekk tħeġġeġ lill-industrija sabiex tieħu l-fażi tal-mobilizzazzjoni ta’ dan il-proġett bis-serjetà. Peress li t-teknoloġiji huma diġà disponibbli mill-manifatturi, l-implimentazzjoni tas-SES hija objettiv li jista’ jintlaħaq. Barra minn hekk, is-suċċess tal-Programmi Pilota juri wkoll li t-teorija tista’ taħdem fil-prattika. Għalkemm ir-Rapporteur tirrikonoxxi li dan mhuwiex mingħajr spejjeż, issa jeħtieġ li jkun hemm mobilizzazzjoni rapida. Barra minn hekk, jinħtieġ approċċ koordinat b’mod globali sabiex jiġi żgurat li t-teknoloġiji l-ġodda jkunu interoperabbli fid-dinja kollha.

Sħubija b’saħħitha hija neċessarja sabiex tinkiseb l-implimentazzjoni sinkronizzata tal-leġiżlazzjoni tas-SES mal-atturi kollha u l-Istati Membri kollha, inkluża l-kooperazzjoni ma' pajjiżi tal-viċinat ukoll.

Waħda mill-isfidi ewlenin li r-Rapporteur temmen li teħtieġ tkun indirizzata hija d-deframmentazzjoni tal-ispazju tal-ajru Ewropew. L-industrija li tipprovdi l-kontroll tat-traffiku tal-ajru tirrifletti strettament il-konfini ġeografiċi ta’ pajjiżhom, li kull wieħed minnhom għandu mill-inqas fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru (ANSP) wieħed. Dan l-approċċ nazzjonali fframmentat jeħtieġ jiġi sostitwit bl-FABs sabiex tiżdied l-effiċjenza u titnaqqas il-konġestjoni.

Ir-Rapporteur tfaħħar l-appoġġ kontinwu tal-Istati Membri u tal-partijiet interessati li qed jgħinu sabiex tinkiseb l-armonizzazzjoni tal-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-SES. Il-benefiċċji se jaffettwaw lill-partijiet interessati kollha, inkluż il-konsumatur aħħari, jiġifieri l-passiġġier, permezz ta’ tariffi tal-utent imnaqqsa.

Barra minn hekk, ir-Rapporteur tappoġġja l-approċċ tas-sħubija pubblika-privata (PPP) peress li din hija sitwazzjoni ta’ vantaġġ għal kulħadd fil-katina tal-provvista kollha, bl-użu ta’ inċentivi sabiex jitħeġġeġ l-impenn, u li ġġib benefiċċji soċjoekonomiċi numerużi.

Fl-aħħar nett, huwa importanti li jiġi żgurat li ma jkunx hemm kunflitt bejn il-korpi responsabbli għall-implimentazzjoni tas-SES. Għall-kuntrarju, għandu jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib il-ħin kollu. Barra minn hekk, ir-Rapporteur temmen li l-korp tal-Impriża Konġunta tas-SESAR huwa essenzjali għas-suċċess tas-SES u għandu jkompli jwettaq ir-rwol tiegħu għal żmien twil fil-ġejjieni. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tistabbilixxi malajr il-mekkaniżmi ta’ tmexxija u ta’ inċentivi xierqa li se jiżguraw il-mobilizzazzjoni f’waqtha u effettiva tat-teknoloġiji SESAR, bl-involviment tal-awtoritajiet u l-partijiet interessati rilevanti.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (25.6.2012)

għall-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew
(2012/2005(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Evgeni Kirilov

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jistieden lill-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, bħala l-kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jafferma mill-ġdid li l-użu sikur, effiċjenti u flessibbli tal-ispazju tal-ajru jista’ jinkiseb biss permezz ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni mill-qrib bejn l-utenti ċivili u militari tal-ispazju tal-ajru;

2.  Jirrispetta b'mod sħiħ is-sovranità u l-prerogattivi nazzjonali tal-Istati Membri fir-rigward tal-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru (ATM) b'rabta ma' operazzjonijiet u taħriġ ta' inġenji tal-ajru militari u inġenji tal-ajru oħrajn statali; jinnota li l-impenn tal-Istati Membri biex jiżguraw li l-kunċett tal-użu flessibbli tal-ispazju tal-ajru[1] jkun applikat b'mod sħiħ u uniformi u jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġu appoġġati l-isforzi tagħhom għal dan l-iskop; jenfasizza l-fatt li l-inġenji tal-ajru statali jinkludu, minbarra l-avjazzjoni militari, dawk fuq missjonijiet tal-pulizija, tal-pumpieri, tal-gwardja kostali, tad-dwana, tal-protezzjoni ċivili u oħrajn, li b'hekk jiġbru firxa wiesgħa ta' attivitajiet ta' sigurtà u ta' ġestjoni ta' kriżijiet fl-ambitu tal-operazzjonijiet tagħhom;

3.  Jisħaq li l-komunità militari hija attur prinċipali fil-kuntest tal-Ajru Uniku Ewropew (SES) u għandha tiġi involuta b'mod sħiħ fil-livelli kollha u minn stadju bikri ħafna; jirrikonoxxi l-progress magħmul fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-SES u jħeġġeġ lill-Istati Membri jħaffu l-isforzi tagħhom sabiex jiksbu l-koordinazzjoni min-naħa militari; filwaqt li jirrikonoxxi l-ispeċifiċitajiet nazzjonali tar-relazzjonijiet ċivili-militari, jistieden lill-Istati Membri sabiex jiffukaw fuq it-tisħiħ tal-kooperazzjoni ċivili-militari u l-interoperabbiltà, u sabiex japplikaw l-aħjar prattiki f’dak il-qasam;

4.  Jinnota li, filwaqt li l-kompetenza militari u ċivili-militari hija preżenti f’livelli differenti fi ħdan id-diversi istituzzjonijiet interessati bħall-Kumitat għall-Ajru Uniku, EUROCONTROL u l-Impriża Konġunta tas-SESAR, xorta għad hemm il-ħtieġa għal analiżi koordinata u komprensiva tal-implikazzjonijiet tas-SES/SESAR għall-militar; jinnota l-bżonn tal-inklużjoni tal-Kumitat Militari tal-Unjoni Ewropea (EUMC) f’dan il-proċess, peress li dan jiżgura li l-kapijiet tad-difiża jkunu infurmati adegwatament;

5.  Jirrikonoxxi, f’dan ir-rigward, ir-rwoli naturali tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) bħala pont bejn il-komunità tad-difiża u l-Kummissjoni u bħala faċilitatur bejn il-partijiet interessati tal-militar; huwa favur it-tisħiħ tar-rwol tal-EDA fil-bini ta' kuxjenza politika, in-netwerking, l-assistenza fil-fażi tal-implimentazzjoni tas-SESAR u l-appoġġ lill-Istati Membri fl-analiżi finanzjarja u operattiva tar-riskji; jinnota li l-EDA hija f’pożizzjoni tajba biex tikkontribwixxi għall-isfidi futuri tas-SES, pereżempju fil-qasam tat-tagħmir u t-taħriġ; jilqa’ d-deċiżjoni tal-Istati Membri li jinvolvu lill-Persunal Militari tal-UE (EUMS) fl-appoġġ lill-EDA b’rabta mas-SESAR; jilqa’ l-istabbiliment tal-Forum għall-Implimentazzjoni Militari tas-SES/SESAR iffaċilitat mill-EDA u jinkoraġġixxi l-kontinwazzjoni effettiva ulterjuri tiegħu, peress li huwa għandu l-mertu kbir li ġabar l-atturi rilevanti kollha fil-komunità tad-difiża madwar il-mejda; jenfasizza li l-kooperazzjoni man-NATO hija indispensabbli u jilqa’ l-iżviluppi kontinwi f’dan ir-rigward;

6.  Jitlob valutazzjoni urġenti u fid-dettall tal-impatt tal-leġiżlazzjoni tas-SES fuq l-avjazzjoni militari, li tqis ukoll ir-riskji finanzjarji u operattivi marbutin magħha u l-kostijiet tad-dewmien jew tan-nuqqas ta' sinkronizzazzjoni, u jinnota x-xogħol preliminari tal-EDA f’dan il-qasam; jiddispjaċih li r-rapport ta' analiżi tar-riskji ta' livell għoli rigward l-impatt tas-SES dam aktar milli mistenni biex isir u jistieden lill-EDA u lill-ministeri tad-difiża jikkonkluduh malajr kemm jista' jkun; jitlob lill-EDA tinforma lill-Parlament dwar l-eżitu tiegħu; jenfasizza l-piż finanzjarju sinifikanti previst għall-militar f'termini ta' investimenti għall-implimentazzjoni tas-SESAR mill-utenti tal-ispazju tal-ajru, l-operaturi tal-ajruporti u l-provvedituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru (ANSPs); iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tinvolvi b’mod sħiħ lill-EDA f’valutazzjonijiet ex ante futuri tal-leġiżlazzjoni u l-azzjonijiet tal-Unjoni li għandhom impatt fuq il-kapaċitajiet militari jew li huma inklużi fil-qasam tad-difiża u biex tinforma lill-Parlament dwar dan;

7.  Jinsisti li, minkejja l-investiment kbir meħtieġ, hemm numru ta’ benefiċċji importanti u tanġibbli li joħorġu mill-armonizzazzjoni, inklużi l-ottimizzazzjoni tat-titjiriet, l-effiċjenza tal-fjuwil, it-tnaqqis tal-istorbju, tat-tniġġis tal-arja u tat-tibdil fil-klima u l-użu flessibbli u sikur ta’ ajru inqas frammentat; jenfasizza l-effiċjenza li tinkiseb b’koordinazzjoni ċivili-militari akbar, peress li l-użu ta’ infrastruttura konġunta tirriżulta fi tnaqqis tal-ispejjeż; jenfasizza li interoperabbiltà msaħħa bejn l-Istati Membri u l-kisba tal-Blokok tal-Ispazju tal-Ajru Funzjonali (FABs) tipproduċi wkoll benefiċċji f’termini ta’ operazzjonijiet transkonfinali;

8.  Jinnota li l-fażi kritika tal-implimentazzjoni qed toqrob u għandha tiġi indirizzata b’mod f’waqtu, sinkronizzat u koordinat; jenfasizza li l-akbar sfida għall-militar huwa l-finanzjament tal-implimentazzjoni u l-investiment bikri f'teknoloġija ġdida; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li għandhom jinstabu malajr il-metodi u l-mezzi sabiex tiġi indirizzata din l-isfida; jitlob lill-EDA u lill-Kummissjoni biex jgħinu lill-Istati Membri biex itejbu l-inġenji tal-ajru statali tagħhom li ma jkunux manifatturati fl-UE u biex fl-istess ħin jiżguraw standards għoljin ta’ protezzjoni tat-teknoloġiji ewlenin abilitanti u tal-kompetenza tal-industriji tal-UE; jitlob approvazzjoni tat-tip, kull fejn dan ikun possibbli, għal teknoloġiji militari li diġà jeżistu li jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-SES, peress illi dan jiġġenera ffrankar kbir għall-ministeri tad-difiża; jitlob lill-Kummissjoni biex issib mezzi biex tiffinanzja direttament jew tikkofinanzja mill-baġit tal-UE proġetti li jkollhom impatt fuq l-avjazzjoni militari f’dan ir-rigward sabiex tiggarantixxi l-implimentazzjoni f’waqtha tas-SESAR mill-militar.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

21.6.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

34

0

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Elmar Brok, Tarja Cronberg, Arnaud Danjean, Michael Gahler, Marietta Giannakou, Ana Gomes, Anna Ibrisagic, Liisa Jaakonsaari, Ioannis Kasoulides, Tunne Kelam, Evgeni Kirilov, Maria Eleni Koppa, Andrey Kovatchev, Vytautas Landsbergis, Krzysztof Lisek, Ulrike Lunacek, Kyriakos Mavronikolas, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Norica Nicolai, Raimon Obiols, Ioan Mircea Paşcu, Alojz Peterle, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Marek Siwiec, Charles Tannock, Inese Vaidere, Geoffrey Van Orden, Kristian Vigenin

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Diogo Feio, Knut Fleckenstein, Indrek Tarand, Luis Yáñez-Barnuevo García, Janusz Władysław Zemke

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Ingeborg Gräßle, Petru Constantin Luhan

  • [1]  Dikjarazzjoni tal-Istati Membri dwar il-kwistjonijiet militari marbutin mal-Ajru Uniku Ewropew tal-10 ta' Marzu 2004,
    ĠU L 96, 31.3.2004, p. 9.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

10.7.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

37

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Magdi Cristiano Allam, Georges Bach, Izaskun Bilbao Barandica, Philip Bradbourn, Antonio Cancian, Michael Cramer, Joseph Cuschieri, Philippe De Backer, Luis de Grandes Pascual, Saïd El Khadraoui, Ismail Ertug, Carlo Fidanza, Jacqueline Foster, Mathieu Grosch, Jim Higgins, Juozas Imbrasas, Dieter-Lebrecht Koch, Georgios Koumoutsakos, Werner Kuhn, Jörg Leichtfried, Bogusław Liberadzki, Eva Lichtenberger, Marian-Jean Marinescu, Gesine Meissner, Dominique Riquet, David-Maria Sassoli, Vilja Savisaar-Toomast, Olga Sehnalová, Debora Serracchiani, Brian Simpson, Laurence J.A.J. Stassen, Silvia-Adriana Ţicău, Giommaria Uggias, Peter van Dalen, Dominique Vlasto, Artur Zasada

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Spyros Danellis, Isabelle Durant