RAPPORT dwar “Lejn suq Ewropew integrat għal pagamenti bil-kard, bl-internet u bil-mowbajl”

4.10.2012 - (2012/2040(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Sampo Terho

Proċedura : 2012/2040(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0304/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar “Lejn suq Ewropew integrat għal pagamenti bil-kard, bl-internet u bil-mowbajl”

(2012/2040(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 26 u 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Jannar 2012 bit-titolu “Lejn suq Ewropew integrat għal pagamenti bil-kard, bl-internet u bil-mowbajl” (COM(2011)0941, minn issa ’l quddiem “il-Green Paper”),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Qafas koerenti għall-bini ta’ fiduċja fis-Suq Uniku Diġitali tal-kummerċ elettroniku u tas-servizzi online” (COM(2011)0942),

–   wara li kkunsidra l-konsultazzjoni pubblika organizzata mill-Kummissjoni dwar il-Green Paper mill-11 ta’ Jannar 2012 sal-11 ta’ April 2012,

–   wara li kkunsidra l-konferenza dwar pagamenti bil-kard, bil-mowbajl u bl-internet, organizzata mill-Kummissjoni fl-4 ta’ Mejju 2012,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u tan-negozju għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009[1],

–   wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Informazzjoni ta’ Marzu 2012 dwar l-infurzar tal-kompetizzjoni fis-settur tal-pagamenti, maħruġ mis-Sottogrupp dwar il-Banek u l-Pagamenti tan-Netwerk għall-Kompetizzjoni Ewropea[2],

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew ta’ April 2012 għas-sigurtà tal-pagamenti bl-internet[3],

–   wara li kkunsidra r-reazzjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) tal-11 ta' April 2012 għall-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni dwar il-Green Paper "Lejn suq Ewropew integrat għal pagamenti bil-kard, bl-internet u bil-mowbajl"[4];

–   wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar il-Green Paper (INT/634),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Lulju 2002 dwar proċediment skont l-Artikolu 81 tat-Trattat tal-KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fil-Kawża Nru COMP/29.373 Visa International[5],

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2007 dwar proċediment skont l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fil-Każijiet Nru COMP/34.579 – MasterCard, COMP/36.518 – EuroCommerce u COMP/38.580 – Kards Kummerċjali[6],

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Mejju 2012 fil-kawża MasterCard u oħrajn v. il-Kummissjoni[7],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A7-0304/2012),

A. billi s-suq Ewropew għall-pagamenti bil-kard, bl-internet u bil-mowbajl attwalment għadu fframmentat minn naħa għal oħra tal-konfini nazzjonali u ftit atturi kbar biss jistgħu jiġu aċċettati mill-kummerċjanti u joperaw fuq bażi transkonfinali;

B.  billi l-pożizzjoni dominanti ta' żewġ fornituri, mhux Ewropej, ta' servizz ta' pagament bil-kard tista’ twassal għal tariffi eċċessivi u mhux ġustifikati kemm għall-konsumaturi u kemm għall-kummerċjanti, fejn il-banek rispettivi tagħhom (l-hekk imsejħa banek tal-ħruġ u tal-akkwist) jieħdu vantaġġ minn din is-sitwazzjoni, kif iddikjarat mill-Kummissjoni fil-Green Paper.

C. billi l-iżvilupp u l-użu usa’ ta’ pagamenti bil-kard, bl-internet u bil-mowbajl jistgħu jgħinu wkoll biex il-kummerċ elettroniku fl-Ewropa jikber fid-daqs u fid-diversità;

D. billi s-sehem u l-varjetà ta’ pagamenti bl-internet u bil-mowbajl żdiedu b’mod kostanti fl-Ewropa u fid-dinja;

E.  billi, minħabba progress tekniku, is-sistemi tal-pagament bil-kards jistgħu jinbidlu progressivament b’mezzi oħra ta’ pagament elettroniku jew bil-mowbajl;

F.  billi l-Green Paper ma tindirizzax l-ispejjeż u l-impatti soċjetali tal-pagament bi flus kontanti jew b’ċekk apparagun tal-pagamenti bil-kard, bl-internet u bil-mowbajl, u b’hekk ma tippermettix li ssir analiżi komparattiva tal-ispejjeż ekonomiċi u ta’ assistenza soċjali u l-impatti ta’ pagamenti bi flus kontanti jew b’ċekk;

G. billi l-mudell kummerċjali attwali għall-ħlasijiet bil-kard jippermetti livelli ta' tariffi multilaterali tal-interkambju (MIFs) eċċessivi, li xi kultant jidhru li jaqbżu l-ispiża reali fir-rigward tal-finanzjament tas-sistema, u li jikkostitwixxu xkiel kbir għall-kompetizzjoni fis-swieq tal-pagamenti;

H. billi l-akkwist transkonfinali huwa possibilità attwalment miftuħa biss għal numru limitat ta’ atturi, u billi dan l-arranġament jista’ jwessa’ l-għażliet li l-kummerċjanti jistgħu jagħmlu u b’hekk iżid il-kompetizzjoni u jnaqqas l-ispejjeż tal-konsumaturi;

I.   billi l-imposti għall-użu ta’ pagamenti bil-kard mhumiex permessi f’ċerti Stati Membri iżda jintużaw b’mod wiesa’ f’xi oħrajn; u billi l-imposti eċċessivi kienu ta' ħsara għall-konsumaturi minħabba li l-fornituri as-servizzi tal-pagamenti ta’ sikiwt ma jipprovdux metodi ta’ pagamanet alternattivi għall-pagamenti b’imposta;

J.   billi l-Qafas tal-Kards taż-Żona Unika ta' Pagamenti bl-Euro (SEPA) jirrikjedi li l-klijenti jkunu jistgħu "jużaw kards għal skopijiet ġenerali biex jagħmlu trasferimenti ta' pagamenti u ta' flus kontanti bl-ewro fis-SEPA kollha bl-istess faċilità u konvenjenza bħal meta jagħmluhom fil-pajjiżi tagħhom stess. Ma għandu jkun hemm l-ebda differenza jekk jużaw il-kard(s) tagħhom f’pajjiżhom jew ximkien ieħor fis-SEPA. L-ebda skema tal-kards bi skop ġenerali mfassla esklussivament għall-użu f’pajjiż uniku, u l-ebda skema ta' kards imfassla esklussivament għall-użu transkonfinali fi ħdan is-SEPA, m'għandha tibqa' teżisti."

K. billi wieħed jista’ jistenna li l-migrazzjoni b'suċċess tas-SEPA tagħti impetu għall-iżvilupp ta' mezzi ta' pagament pan-Ewropej innovattivi;

Il-metodi differenti ta’ pagament

1.  Ifaħħar lill-Kummissjoni għall-provvista tal-Green Paper, iqis li l-kunsiderazzjonijiet u l-kwistjonijiet imressqa fiha rilevanti ħafna, u jaqbel kompletament mal-għanijiet elenkati biex jinkisbu iktar kompetizzjoni, iktar għażla, iktar innovazzjoni u iktar sigurtà tal-pagamenti u fiduċja tal-klijent;

2.  Jaqbel mal-Kummissjoni li huwa neċessarju li ssir distinzjoni bejn tliet swieq tal-prodotti differenti fl-isfera ta' sistemi ta’ kards bankarji bejn erba' partijiet – l-ewwel nett suq li fih jikkompetu d-diversi sistemi tal-kards biex jakkwistaw istituzzjonijiet finanzjarji bħala l-klijenti tal-emissjonijiet u l-akkwisti tagħhom; imbagħad l-ewwel suq 'downstream' li fih il-banek emittenti jikkompetu għan-negozju tad-detenituri ta’ kard bankarja ('is-suq emittenti); fl-aħħar nett suq 'downstream' ieħor, fejn il-banek akkwirenti jikkompetu għan-negozju tal-kummerċjanti (‘is-suq tal-akkwirenti’) – u jikkunsidra li kompetizzjoni ħielsa għandha tissaħħaħ f’kull suq;

3.  Jimmarka l-importanza ta’ suq ibbażat fuq l-awtoregolazzjoni b'kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati kollha, iżda jirrikonoxxi li l-awtoregolazzjoni tista’ ma tiksibx l-eżitu mixtieq f'qafas ta' żmien aċċettabbli minħabba kunflitti ta' interessi; jistenna li l-Kummissjoni tressaq il-proposti leġiżlattivi neċessarji sabiex tiżgura SEPA reali għall-kard, l-internet u l-mowbajls permezz, u f'dan ir-rigward jinnota l-importanza tar-reviżjoni li jmiss tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Pagamenti;

4.  Jenfasizza l-bżonn ta’ viżjoni ċara u komprensiva għas-SEPA fir-rigward tal-għall-pagamenti bil-kards, bl-internet u bil-mowbajls u l-provvista ta' tali linji gwida u skedi ta’ żmien neċessarji biex jiġi żgurat li jintlaħaq l-għan bażiku li m'għandux ikun hemm differenza bejn il-pagamenti transkonfinali u dawk nazzjonali;

5.  Jenfasizza l-bżonn li jsir avvanzaw lejn sistema ta' kklerjar u likwidazzjoni f’ħin reali, li teknikament diġà hija aċċessibbli u użata għal xi ħlasijiet, u jenfasizza li l-pass lejn ekonomija f’ħin reali għandu jkun għan importanti għas-SEPA kollha u li sistema interbankarja avvanzata b’ħin reali għandha tkun aċċessibilità fis-SEPA kollha;

6.  Huwa għalhekk tal-opinjoni li l-iskemi kollha ta’ pagamenti nazzjonali bil-kards, bil-mowbajls u bl-internet għandhom jingħaqdu jew jaqilbu għal skema Pan-Ewropea konformi mas-SEPA, sabiex il-pagamenti bil- mowbajls u bl-internet kollha jkunu aċċettati kullimkien fis-SEPA, u li għandu jkun hemm perjodu neċessarju ssuġġerit mill-Kummissjoni għal din it-tranżizzjoni;

7.  Jirrimarka li t-terminals kollha għandhom ikunu kapaċi jaċċettaw il-kards kollha u jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ interoperabilità u, għaldaqstant, li kwalunkwe ostaklu tekniku li jirriżulta minn differenzi fil-funzjonalità u fir-rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni għat-terminals għandu jitneħħa peress li standards u regoli komuni, u terminal softwers standardizzati, jkabbru l-kompetizzjoni;

8.  Jemmen li l-approċċ tal-awtoregolazzjoni għas-suq Ewropew integrat għall-pagamenti mhuwiex suffiċjenti; jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni leġiżlattiva biex tiżgura sigurtà tal-pagamenti, kompetizzjoni ġusta, inklużjoni finanzjarja, protezzjoni tad-data personali u trasparenza għall-konsumaturi;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tirriforma l-governanza tas-SEPA u tiżgura li l-proċess tat-teħid tad-deċiżjoni jkun demokratiku, trasparenti u jservi l-interess pubbliku; jinnota li dan jirrikjedi rwol aktar attiv u mexxej tal-Kummissjoni u tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) fil-governanza tas-SEPA, kif ukoll rappreżentanza bbilanċjata tal-partijiet interessati rilevanti kollha fl-entitajiet ta’ teħid ta’ deċiżjoni u ta’ implimentazzjoni tas-SEPA kollha, bil-garanzija ta' involviment suffiċjenti tal-utenti finali;

10. Jesprimi tħassib fir-rigward ta’ kwalunkwe regolamentazzjoni stretta u bla bżonn tas-swieq tal-pagamenti bl-internet u bil-mowbajl f'dan l-istadju peress li tali metodi ta’ pagamenti għadhom fil-proċess ta’ żvilupp; jikkunsidra li kwalunkwe inizzjattiva regolatorja f'dan il-qasam għandha r-riskju li tkun ikkaratterizzata minn enfasi bla bżonn fuq strumenti ta' pagament diġà eżistenti, u b'hekk tista' tiskoraġġixxi l-innovazzjoni u tgħawweġ is-suq qabel ma tiġi żviluppata; jistieden lill-Kummissjoni tadotta approċċ xieraq għal kwalunkwe metodu futur ta’ pagament bl-internet u bil-mowbajl fi proposta futura, filwaqt li tiżgura livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur, speċjalment għall-konsumaturi vulnerabbli;

11. Jinnota li filwaqt li l-pagamenti elettroniċi qed ikollhom rwol dejjem aktar importanti fl-Ewropa u fid-dinja, għad hemm ostakli serji għal suq uniku diġitali Ewropew integrat b’mod sħiħ u effettiv, kompetittiv, innovattiv, sikur, trasparenti u favorevoli għall-konsumatur fir-rigward ta’ dawn il-forom ta’ pagamenti;

12. Jinnota li fil-kriżi attwali huwa essenzjali li tittieħed azzjoni biex tingħata spinta lit-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi u jiġi stimulat mill-ġdid il-konsum, li filwaqt li s-suq diġitali jipprovdi opportunità kbira biex jintlaħqu dawn l-objettivi, l-UE għandha għal dan l-iskop tkun f'pożizzjoni li tistabbilixxi suq intern totalment diġitali, u li huwa vitali li jingħelbu l-ostakoli eżistenti minn naħa waħda u tissaħħaħ il-fiduċja tal-konsumatur min-naħa l-oħra; jemmen, f'dan ir-rigward, li l-eżistenza ta' suq uniku Ewropew newtrali u sikur għal pagamenti bil-kard, bl-internet u bil-mowbajl li jiffaċilita l-kompetizzjoni ħielsa u l-innovazzjoni hija essenzjali għall-kisba ta' suq uniku diġitali ġenwin u tista' tikkontribwixxi ħafna biex tiżdied il-fiduċja tal-konsumaturi;

13. Jinnota li l-iżvilupp ta' sistemi ta' pagament trasparenti, sikuri u effikaċi fis-suq diġitali Ewropew huwa essenzjali biex tiġi żgurata ekonomija diġitali ġenwina u jiġi ffaċilitat kummerċ elettroniku transkonfinali;

14. Jinnota li qafas Ewropew sikur, affidabbli u trasparenti għal pagamenti elettroniċi huwa essenzjali għat-tnedija ta 'suq uniku diġitali; jenfasizza l-importanza ta' kampanji ta' informazzjoni biex il-konsumaturi jkunu konxji tal-għażliet disponibbli fis-suq u l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti għal pagamenti elettroniċi sikuri, u jqis li kampanji bħal dawn għandhom jiġu stabbiliti fil-livell tal-UE, ukoll biex jingħelbu l-biżgħat bla bażi rigward dawn il-forom ta’ pagament; jemmen li f'dan ir-rigward, il-punti ta' kuntatt favur il-konsumatur se jsaħħu l-fiduċja fil-pagamenti remoti;

15. Jenfasizza li, f'dan ir-rigward, għandhom jittieħdu miżuri biex iwaqqfu d-diskriminazzjoni frekwenti tal-konsumaturi Ewropej li l-pagamenti tagħhom għal tranżazzjonijiet transkonfinali online ma jiġux aċċettati minħabba l-provenjenza tagħhom;

16. Jiddispjaċih li fis-sitwazzjoni preżenti, il-biżża -kbira tal-ispejjeż tal-pagamenti mhumiex trasparenti, filwaqt li jinnota li dawk li ma jużawx metodi ta' pagamenti għoljin xorta jkopru l-ispejjeż tagħhom; ifakkar li kull metodu ta’ pagament għandu l-ispejjeż tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex fil-futur tikkunsidra wkoll l-ispejjeż ta’ pagamenti fi flus kontanti u ċekkijiet, għall-atturi u l-konsumaturi tas-suq kollha, apparagun ta’ metodi ta’ pagament oħrajn; ifakkar li l-Ewropej kollha għandu jkollhom aċċess għal servizzi bankarji bażiċi; jenfasizza li l-azzjonijiet favur standards tekniċi komuni għandhom jittieħdu fid-dawl tal-importanza, l-effettività u s-suffiċjenza tal-istandards attwalment fis-seħħ fl-Ewropa;

Standardizzazzjoni u interoperabilità

17. Jemmen li l-ħidma ulterjuri dwar standards tekniċi komuni, abbażi ta' aċċess miftuħ, tista’ ssaħħaħ il-kompetittività tal-ekonomija Ewropea u l-funzjonament tas-suq intern, iżda trawwem ukoll interoperabilità u twassal għal vantaġġi relatati mas-sigurtà fl-għamla ta’ standards ta’ sigurtà komuni, li jkunu ta’ benefiċċju kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-kummerċjanti;

18. Jinnota li għall-pagamenti bl-internet u bil-mowbajl, il-parti l-kbira tal-istandards għandhom ikunu l-istess għall-pagamenti tas-SEPA attwali, iżda huma meħtieġa standards ġodda għas-sigurtà u għall-identifikazzjoni tal-klijenti, u biex jipprovdu servizz interbankarju f’ħin reali fuq l-internet u jenfasizza li l-iżvilupp ta' standards ġodda mhux biżżejjed u li l-implimentazzjoni koordinata hija mill-inqas daqstant importanti;

19. Jenfasizza li l-istandardizzazzjoni m’għandhiex timponi ostakoli għall-kompetizzjoni u l-innovazzjoni, iżda minflok għandha tneħħi l-ostakoli sabiex jiġu żgurati opportunitajiet indaqs għall-partijiet kollha; jirrakkomanda, għalhekk, li l-istandards għandhom ikunu miftuħa biex jingħata lok għall-innovazzjoni u l-kompetizzjoni fis-suq, minħabba li l-obbligu ta' standard magħluq jew uniku jillimita l-iżvilupp u l-innovazzjoni tas-suq, jimponi restrizzjoni sproporzjonata, u ma jwassalx għal kundizzjonijiet kompetittivi u indaqs għal kulħadd; jinnota, madankollu, l-investigazzjoni antitrust tal-Kummissjoni fil-proċess ta' standardizzazzjoni għall-pagamenti bl-internet (pagamenti elettroniċi) imwettqa mill-Kunsill Ewropew tal-Pagamenti (EPC);

20. Jinnota li bażikament it-tranżazzjonijiet ta’ pagament kollha fihom l-istess tip ta' data, u jenfasizza li għandu jkun hemm komunikazzjoni sikura tad-data għal kwalunkwe pagament li tippermetti pproċessar sħiħ minn tarf sa tarf f’ħin reali, jara l-vantaġġ li s-sistemi kollha jużaw l-istess format tal-messaġġ, u jfakkar li l-aktar għażla ovvja hija dik użata għat-trasferiment tal-kreditu u għad-debitu dirett kif iddefinit fl-Anness tar-Regolament tas-SEPA dwar id-Data tat-Tmiem (jiġifieri ISO XML 20022); jirrakkomanda li għandu jintuża l-istess format tal-messaġġ fil-komunikazzjoni tat-tranżazzjonijiet tad-data kollha mit-terminal sal-klijenti bl-inklużjoni tal-informazzjoni rilevanti kollha;

21. Jenfasizza li, meta titqies il-fażi tal-iżvilupp tas-suq għall-pagamenti elettroniċi u bil-mowbajl li qed tikber b'rata mgħaġġla, li bħalissa madankollu hija immatura, l-impożizzjoni ta’ standards obbligatorji f'dawn l-oqsma ewlenin għat-titjib tas-suq uniku diġitali fl-Ewropa jimplika r-riskju ta' effetti negattivi għall-innovazzjoni, il-kompetizzjoni u t-tkabbir tas-suq;

22. Jinnota li skont id-dikjarazzjoni tal-feedback tal-Kummissjoni tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-Green Paper, l-implimentazzjoni tal-istandards żviluppati ta' spiss tirrappreżenta sfida kbira; jistieden lill-Kummissjoni tindaga l-possibilitajiet ta' mekkaniżmi ta' infurzar, bħall-istabbiliment tad-dati tat-tmiem tal-migrazzjoni;

23. Jinnota li t-tariffi għall-ġbid ta' flus kontanti mill-ATMs barra l-bank u l-iskema ta' kards ta’ utent ta’ servizz ta’ pagament (PSU) stess huma ta' spiss eċċessivi f'ħafna Stati Membri u għandhom ikunu bbażati skont l-ispejjeż mas-SEPA kollha;

24. Jenfasizza li kwalunkwe rekwiżit ta’ standardizzazzjoni u interoperabilità għandu jkun immirat lejn it-tisħiħ tal-kompetittività, it-trasparenza, in-natura innovattiva, is-sigurtà tal-pagament u tal-effikaċja tas-sistemi ta' pagament Ewropej, għall-vantaġġ tal-konsumaturi kollha u l-partijiet interessati kollha; jenfasizza li l-ebda rekwiżit ta’ standardizzazzjoni ma għandu jimponi ostakli permezz ta’ differenzi bla bżonn mas-suq globali; jemmen, barra minn hekk, li għandhom jiġu segwiti standards komuni anke fil-livell globali, b'kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab ekonomiċi ewlenin tal-UE;

25. Jitlob lill-Kummissjoni tevalwa l-metodi possibbli biex tippromwovi operaturi ġodda fis-suq tal-kards, per eżempju billi jitqiesu infrastruttura ta' pagament komuni għat-transazzjonijiet kollha irrispettivament mill-fornitur tal-kard;

26. Jinnota li s-separazzjoni tal-infrastrutturi tal-pagament mill-iskemi ta' pagament tista’ żżid il-kompetizzjoni billi l-atturi ta’ daqs iżgħar ma jitħallewx barra minħabba limitazzjonijiet tekniċi; jenfasizza li l-fornituri tas-servizz ta' pagament (PSPs) għandhom ikunu liberi biex jagħżlu kwalunkwe kombinazzjoni ta' servizzi ta’ emissjoni u ta’ akkwiżizzjoni disponibbli fi ħdan l-iskemi ta' pagament fis-suq, u li l-infrastrutturi tal-pagament għandhom jipproċessaw b’mod newtrali tranżazzjonijiet ta' skemi differenti ta' pagament paralleli għal strumenti simili;

27. Jinnota li għandha tingħata attenzjoni biex jiġi żgurat li kwalunkwe miżura bħal din tkun dejjem konformi mal-prinċipji ta' kompetizzjoni ħielsa u ġusta, u dħul u aċċess ħieles għas-suq, b'kunsiderazzjoni tal-innovazzjonijiet teknoloġiċi futuri f'dan is-settur, sabiex is-sistema tkun tista’ tadatta għal żviluppi futuri u tippromwovi u tiffaċilita b'mod konsistenti l-innovazzjoni u l-kompetittività;

Governanza

28. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi governanza aħjar tas-SEPA, li tkopri l-istruttura ta' organizzazzjoni relatata mal-iżvilupp tal-karatteristiċi prinċipali tas-servizzi ta’ pagament u tal-implimentazzjoni tar-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfati, u filwaqt li jingħata lok li l-iżvilupp ta' standards tekniċi u ta’ sigurtà jiġu organizzati separatament b’appoġġ għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni relatata; jitlob rappreżentanza iktar ibbilanċjata tal-partijiet interessati kollha fl-iżvilupp ulterjuri ta’ standards komuni tekniċi u ta’ sigurtà għall-iskemi ta’ pagament; iħeġġeġ lill-Kummissjoni twieġeb għat-talbiet preċedenti tiegħu għal riforma tal-governanza tas-SEPA biex b'hekk tiġi żgurata rappreżentanza aħjar tal-utenti tas-servizzi ta’ pagament fit-teħid tad-deċiżjonijiet u fil-proċess tal-istabbiliment tal-istandards; jinnota li dawn il-partijiet interessati jistgħu jinkludu – iżda mhux neċessarjament ristretti għal – l-EPC, l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur, l-organizzazzjonijiet tal-Kunsill Ewropew għall-Pagamenti (KEP), l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, l-organizzazzjonijiet tal-kummerċjanti u l-katini kbar ta' bejgħ bl-imnut, l-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE), il-Kummissjoni, esperti f’oqsma varji, fornituri ta’ servizzi ta’ pagament mhux bankarji, u l-kummerċ bil-mowbajl, l-internet u l-kards u operaturi ta' netwerks mobbli; jistieden lill-dawn il-partijiet interessati biex jadattaw il-ħidma tagħhom skont struttura ta’ governanza ġdida fejn il-Kunsill tas-SEPA jkollu rwol; iqis li l-Kunsill tas-SEPA għandu jiġi assistit minn kumitati tekniċi varji, jew "task forces" għal pagament elettroniku, m-payment, kards, flus kontanti u kwistjonijiet ta' standardizzazzjoni oħra, u minn gruppi ta' ħidma ad hoc; ifakkar fl-impenn tal-Kummissjoni, fid-dikjarazzjoni dwar il-governanza tas-SEPA dwar l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 260/2012, biex toħroġ bi proposta qabel tmiem l-2012; jistieden lill-korpi Ewropej għall-istandardizzazzjoni, bħall-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (Comité Européen de Normalisation, CEN) u l-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjonijiet (ETSI), b'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, jieħdu rwol iżjed attiv fl-istandardizzazzjoni tal-pagamenti bil-kard;

29. Jirrikonoxxi f'dan ir-rigward li s-SEPA hija l-pedament għall-ħolqien ta' suq tal-pagamenti tal-UE integrat u għandha sservi bħala bażi għall-iżvilupp ta' dan is-suq u biex tagħmlu aktar innovattiv u kompetittiv;

30. Iqis li l-infurzar tar-regoli fil-pagamenti elettroniċi huwa ħafna drabi diffiċli, mhux adegwat u differenti madwar l-Ewropa, u li għandhom isiru sforzi aktar b'saħħithom biex jiġi żgurat infurzar xieraq u uniformi tar-regoli;

31. Jafferma li approċċ awtoregolatorju mhuwiex biżżejjed; iqis li l-Kummissjoni u l-BĊE, b’kooperazzjoni mal-Istat Membri, għandhom jieħdu rwol aktar attiv u mexxej, u li l-partijiet interessati rilevanti kollha, inklużi l-assoċjazzjonijiet tal-konsumatur, għandhom jiġu involuti u kkonsultati b’mod xieraq fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

32. Iqis li x'aktarx se jkun hemm żieda fl-għadd ta' kumpaniji Ewropej li l-attivitajiet tagħhom huma effettivament dipendenti fuq il-kapaċità li jaċċettaw pagamenti bil-kard; iqis li huwa fl-interess pubbliku li jiġu ddefiniti regoli oġġettivi li jiddeskrivu ċ-ċirkustanzi u l-proċeduri li bihom l-iskemi ta’ pagament bil-kard jistgħu jirrifjutaw b’mod unilaterali l-aċċettazzjoni;

33. Iqis li huwa ta' importanti li tissaħħaħ il-governanza tas-SEPA u li l-Kunsill imġedded tas-SEPA jingħata rwol iktar b'saħħtu, u li dan il-korp governattiv ġdid għandu jikkonsisti minn rappreżentanti tal-partijiet interessati rilevanti ewlenin u għandu jiġi stabbilit b'mod li jipprovdi għal kontroll demokratiku permezz tal-Kummissjoni u awtoritajiet oħra tal-UE; jipproponi li Kunsill imġedded tas-SEPA għandu jmexxi l-ħidma, jidentifika skeda ta' żmien u pjan ta' ħidma, jiddeċiedi dwar il-prijoritajiet u l-kwistjonijiet ewlenin, u b'hekk jagħmel xogħol ta’ arbitraġġ bejn il-partijiet interessati f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil; jenfasizza li l-kontroll demokratiku għandu jiġi żgurat permezz tal-Kummissjoni, bil-BĊE u l-ABE li jkollhom rwol prominenti;

34. Jilqa' l-konsultazzjoni li qed issir mill-Kummissjoni flimkien mal-partijiet interessati bħala parti mill-Green Paper dwar is-suġġett tal-governanza tas-SEPA, skont il-premessa 5 tar-Regolament 260/2012, u jistenna bil-ħerqa l-proposta li beħsiebha tressaq il-Kummissjoni dwar is-suġġett fl-aħħar ta' din is-sena; jenfasizza li l-prijorità immedjata tal-partijiet interessati kollha tas-SEPA għandha tkun il-preparazzjoni għal migrazzjoni tas-SEPA skont il-kundizzjonijiet stabbiliti bir-Regolament 260/2012, sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni mingħajr ostakli mill-użu ta' skemi nazzjonali ta’ pagamenti għal dawk pan-Ewropej;

Akkwisti transkonfinali

35. Jinnota li l-istandardizzazzjoni u l-allinjament ulterjuri tal-prattiki, biex jingħelbu l-ostakoli tekniċi u rekwiżiti nazzjonali ta’ ħlas u kklerjar, jikkontribwixxi għall-promozzjoni ulterjuri tal-akkwsit transkonfinali, arranġament li jżid il-kompetizzjoni u għaldaqstant l-għażliet disponibbli għall-kummerċjanti, u jista’ jirriżulta f'metodi ta’ pagament iktar kosteffiċjenti għall-klijenti; jemmen li l-kummerċjanti għandhom jiġu infurmati aħjar dwar il-possibilitajiet ta' akkwist transkonfinali;

36. Iħeġġeġ li għandhom jinstabu soluzzjonijiet sabiex jiġi ffaċilitat aktar l-akkwist transkonfinali, fid-dawl tal-vantaġġi tiegħu għas-suq intern; jesprimi tħassib dwar l-ostakoli nazzjonali, legali u tekniċi eżistenti, bħama huma ċerti termini ta’ għoti ta’ liċenzji, li għandhom jitneħħew sabiex akkwirent kompatibbli mas-SEPA mhux domestiku ma jiġix trattat b'mod differenti minn akkwirent domestiku f'dak il-pajjiż;

37. Jenfasizza li ma għandu jkun hemm ebda differenza kbira bejn leġiżlazzjonijiet ta' kontijiet ta' pagament varji, u li min iħallas għandu jkun jista’ jagħmel trasferiment ta' fondi bl-internet jew bil-mowbajl lil kwalunkwe riċevitur li l-kont tiegħu ikun jinsab fi kwalunkwe istituzzjoni finanzjarja konnessa mas-SEPA;

38. Jenfasizza lil l-PSPs kollha awtorizzati għandu jkollhom l-istess dritt ta' aċċess għall-faċilitajiet ta’ kklerjar u ta’ ħlas, jekk ikollhom proċeduri ta’ ġestjoni tar-riskju adegwati, jekk jissodisfaw ħtiġijiet tekniċi minimi u jekk jitqiesu bħala stabbli biżżejjed li ma jippreżentaw l-ebda riskju, jiġifieri jekk bażikament ikunu suġġetti għall-istess rekwiżiti rilevanti bħall-banek;

Tariffi Multilaterali tal-Interkambju (Multilateral Inter-change Fees - MIFs)

39. Ifakka, li skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea dwar il-"kawża tal-Mastercard" tal-24 ta' Mejju 2012, l-MIF tista' tkun ikkunsidrata bħala antikompetittiva u jitlob lill-Kummissjoni tipproponi kif din id-deċiżjoni għandha tiġi kkunsidrata fir-regolazzjoni tal-mudelli kummerċjali tal-pagament bil-kards, bil-mowbajl u bl-internet.

40. Jinnota li d-dħul tal-MIF f’ħafna każijiet ikun relattivament għoli wisq apparagun tal-ispejjeż li għandu jkopri; jinnota li jista’ jkun hemm bżonn li jiġu bbilanċjati tariffi ta' pagament differenti biex jiġi żgurat li prattiki ta' sussidji trasversali ma jippromwovux għażliet ta' strumenti ineffiċjenti, u jitlob lill-Kummissjoni tiżgura permezz ta’ regolament li l-MIFs ma jgħawġux il-kompetizzjoni billi jinħolqu ostakli għall-innovazzjoni u għal min ikun daħal ġdid fis-suq; jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt, sal-aħħar tal-2012, dwar i—possibilitajiet differenti; jenfasizza li ċ-ċarezza u ċ-ċertezza legali huma meħtieġa fir-rigward tal-MIFs;

41. Jinnota li wara perjodu tranżizzjonali, persuna li tkun ġejja minn kwalunkwe Stat Membru għandu jkollha kard ta' pagament kompatibbli mas-SEPA aċċettata f’kull terminal ta’ pagament fis-SEPA, u li l-pagament għandu jgħaddi b'mod sikur; jinnota li dan ir-rekwiżit jista' jimplika li l-MIFs għandhom bżonn jiġu regolati biex jaqgħu taħt livell limitu, u jinsisti li dan ma għandu jirriżulta f'żieda ta' MIFs fl-ebda Stat Membru iżda pjuttost għandu jirriżulta fi tnaqqis u, forsi, fi tnaqqis gradwali għal żero f’xi stadju aktar 'il quddiem.

42. Iqis li akkwisti transkonfinali u ċentrali għandhom jissaħħu u li kwalunkwe ostaklu tekniku jew legali għandu jitneħħa, peress li dan jgħin biex jitnaqqsu l-livelli tal-MIFs u tat-tariffi merkantili;

43. Iqis li l-MIFs għandhom jiġu regolati fil-livell Ewropew, bl-għan li jiġi żgurat aċċess iktar faċli għall-atturi ġodda fis-suq fir-rigward tal-akkwist transkonfinali, biex b’hekk in-negozjanti jiġu pprovduti b'għażla reali dwar f’liema skemi ta’ pagament jixtiequ jingħaqdu magħhom; jinnota li jekk il-proposta leġiżlattiva ġdida tipprovdi għal tariffi, għandha tiġi żgurata trasparenza sħiħa fir-rigward tal-elementi li jikkostitwixxu r-rati tagħhom; ifakkar li l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 260/2012 li jistabilixxi rekwiżiti tekniċi u kummerċjali għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro jipprovdi l-ebda MIF għal kull tranżazzjoni ma tista' tiġi applikata wara l-1 ta' Frar 2017; jitlob l-istess approċċ għall-pagamenti bil-kard;

44. Iqis li l-mudell kummerċjali għall-iskemi ta’ pagament bi tliet partijiet u mħallta jista’ jqajjem tħassib ta' kompetizzjoni simili għal dawk tal-iskemi b'erba' partijiet; jemmen, għalhekk, li l-iskemi tal-kards kollha - kemm jekk huma skemi b'erba' partijiet, bi tliet partijiet jew imħallta u kwalunkwe żieda ġdida fis-suq - għandhom jiġu trattati b’mod ugwali sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ugwali u għat-trawwim tal-kompetizzjoni u t-trasparenza għall-konsumaturi u l-kummerċjanti;

Co-badging

45. Jinnota li l-co-badging, li fih ikunu daħlu volontarjament is-sistemi ta' pagament involuti, jista’ jkun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi, peress li jirriżulta f’inqas kards fil-bwiet tal-konsumaturi, u jista’ jiffaċilita l-aċċess ta' skemi domestiċi nazzjonali għas-suq iktar wiesa' tas-SEPA, li jinkoraġġixxi l-kompetizzjoni; jinnota, madankollu, li l-co-badging ma għandhux jintuża bħala mezz biex wieħed idur ma’ skemi domestiċi permezz tal-użu deċiż minn qabel ta’ marka domestika;

46. Jenfasizza li l-klijenti detenturi tal-kards għandu jkollhom il-libertà biex jagħżlu liema mill-alternattivi tal-co-badging ipprovduti huma attivati fuq il-kards speċifiċi tagħhom, u jinsisti li l-kummerċjanti għandu jkollhom id-dritt li jagħżlu liema alternattivi tal-co-badging lesti jaċċettaw, u li, f'kull sitwazzjoni ta' pagament speċifika, l-klijenti detenturi ta’ kard għandu jkollhom id-dritt li jagħżlu il-co-badging alternattiva preferita tagħhom fost dawk aċċettati mill-kummerċjant; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi soluzzjonijiet li jinkoraġġixxu l-co-badging ta' aktar minn skema waħda konformi mas-SEPA; jemmen li għandha tingħata kunsiderazzjoni bir-reqqa lill-kwistjonijiet bħall-kompatibilità ta' proċeduri ta' ġestjoni, l-interoperabilità teknika u r-responsabilità għall-vulnerabilitajiet ta' sigurtà;

47. Iqis li l-co-badging għandha tkun introdotta flimkien ma’ informazzjoni xierqa għall-konsumaturi, li sservi biex ikunu mħarsa mir-riskju li jidħlu f'sitwazzjonijiet li jqarrqu; jenfasizza li għandu jkun hemm ċarezza għall-partijiet kollha rigward min huwa responsabbli għall-protezzjoni u l-kunfidenzjalità tad-data tad-detentur tal-kard u d-data tal-kummerċjant, u min huwa responsabbli għall-istrumenti ta' pagament co-branded;

Imposti

48. Jemmen li imposti, skontijiet u prattiki oħra li jmexxu lill-konsumatur, bil-mod li jiġu applikati normalment, spiss ikunu ta’ dannu għall-utenti finali ta' servizzi ta' pagament; jinnota li imposta bbażata unikament fuq l-għażla tal-pagament magħmula minn klijent taf tkun arbitratja u tista' tkun abbużata biex isir dħul addizzjonali pjuttost milli jiġu koperti l-ispejjeż; jikkunsidra li jkun importanti li jiġu projbiti l-possibilitajiet ta' imposti eċċessivi fir-rigward tat-tariffa kummerċjali ta' tranżazzjoni individwali, u biex jiġu kontrollati l-iskontijiet u l-prattiki simili li jmexxu lill-konsumatur fil-livell tal-UE; jenfasizza, għalhekk, li in-negozjanti għandhom jaċċettaw strument ta' pagament ta' użu komuni wieħed mingħajr ebda imposta (kard ta’ debitu konformi mas-SEPA, pagament elettroniku), u li kwalunkwe imposta fuq strumenti oħrajn fl-ebda mument ma tista’ taqbeż l-ispejjeż diretti addizzjonali ta' dawk l-istrumenti apparagun tal-istrument aċċettat mingħajr imposta;

49. Jenfasizza l-ħtieġa ta' trasparenza akbar u informazzjoni aħjar għall-konsumaturi dwar l-imposti u t-tariffi addizzjonali għad-diversi metodi ta' ħlas, minħabba l-fatt li l-kummerċjanti ġeneralment jinkludu l-ispejjeż ta' tranżazzjoni fil-prezz tal-prodotti u s-servizzi tagħhom, bil-konsegwenza li l-konsumaturi ma jkunux informati sew minn qabel dwar l-ispiża totali, u b'hekk iħallsu aktar għax-xirjiet tagħhom, u din hija ċirkostanza li ddgħajjef il-fiduċja tal-konsumaturi;

50. Jinnota li imposta bbażata unikament fuq l-għażla tal-pagament magħmula minn klijent taf tkun arbitratja, tista' tkun abbużata biex isir dħul addizzjonali minflok ma jiġu koperti l-ispejjeż, u, kollox ma' kollox, mhijiex ta' benefiċċju għall-iżvilupp tas-suq uniku minħabba li xxekkel il-kompetizzjoni u żżid il-frammentazzjoni fis-suq u l-konfużjoni għall-konsumatur;

51. Jinnota li l-limitar tal-imposti għall-ispiża diretta tal-użu ta’ strument ta’ pagament hija possibilità waħda, kif inhi possibilità wkoll li jkun hemm projbizzjoni fuq l-imposti madwar l-UE kollha; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Kummissjoni biex twettaq valutazzjoni tal-impatt dwar il-projbizzjoni tal-possibilitajiet ta’ imposti eċċessivi fir-rigward tat-tariffa merkantili kif ukoll dwar projbizzjoni ta’ imposta madwar l-Ewropa kollha, fid-dawl tal-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur 2011/83/UE;

Sigurtà tal-pagamenti

52. Jenfasizza li sabiex jiġi żviluppat bis-sħiħ il-potenzjali tal-pagamenti elettroniċi, huwa essenzjali li tiġi żgurata l-fiduċja tal-konsumatur, li u mbagħad tirrikjedi livell għoli ta' sigurtà għas-salvagwardja kontra riskji ta’ frodi u sabiex tiġi protetta d-data sensittiva u personali tal-konsumaturi; 53. Jenfasizza li l-privatezza tal-konsumatur għandha tkun protetta b’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE u dik nazzjonali, u li kull parti fil-katina tal-pagament għandu jkollha aċċess biss għal data rilevanti għall-ipproċessar tagħha u l-bqija jkun ikkriptat u konsegwentement maqbuż;

54. Iqis li r-rekwiżiti minimi ta' sigurtà għall-pagamenti bl-internet, bil-kard u bil-mowbajl għandhom ikunu l-istess fl-Istati Membri kollha, u li għandu jkun hemm korp ta' tmexxija komuni li jistabilixxi r-rekwiżiti; jinnota li s-soluzzjonijiet ta’ standardizzazzjoni tas-sigurtà jissimplifikaw l-informazzjoni tal-klijenti u b’hekk il-mod li bih il-klijenti jadattaw għall-arranġamenti ta’ sigurtà, u li jnaqqsu wkoll l-ispejjeż fi ħdan il-PSPs; jissuġġerixxi, għalhekk, li l-PSPs kollha għandhom ikunu meħtieġa jżmommu soluzzjonijiet komuni ta’ sigurtà minimi, li, filwaqt li jistgħu jiġu mtejba mill-PSPs, m’għandhomx isiru ostakli għall-kompetizzjoni;

55. Ifakkar li r-responsabbiltà finali għall-miżuri ta' sigurtà relatati ma’ metodi differenti ta’ pagament ma tistax tkun tal-konsumaturi, huma għandhom ikunu infurmati dwar il-prekawzjonijiet ta’ sigurtà, u l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom ikunu responsabbli għall-ispejjeż tal-frodi, sakemm ma jkunux ikkawżati mill-klijent "jekk hu jkun ġarrabhom b'aġir frodulenti jew billi jkun naqas milli jissodisfa obbligu jew obbligi skont l-Artikolu 56 b'intenzjoni jew bi traskuraġni serja"; jikkunsidra, għalhekk, li l-kampanji ta’ informazzjoni pubbliċi għandhom ikunu inkoraġġuti bl-għan li jiżdiedu s-sensibilizzazzjoni u l-għarfien pubbliku b’mod partikolari fir-rigward tas-sigurtà diġitali; jistieden lill-Kummissjoni biex meta tiżviluppa strateġija u strumenti għall-integrazzjonti tas-swieq tal-pagamenti bil-kard, bl-internet u bil-mowbajl tikkunsidra l-istandards u r-rakkomandazzjonijiet tal-KEPD rigward it-trasparenza, l-identifikazzjoni tal-kontrollur/il-persuna responsabbli għall-ipproċessar, il-proporzjonalità u d-drittijiet tas-suġġett tad-data; iqis li huwa importanti li każijiet kollha ta' frodi fil-pagamenti fis-SEPA jiġu rappurtati f'sit iċċentralizzat għall-monitoraġġ, għall-istatistika u għall-evalwazzjoni, sabiex wieħed jirrispondi malajr għat-theddid ġdid ta' sigurtà, u li l-iżviluppi ewlenin għandhom isiru pubbliċi; jitlob lill-Kummissjoni testendi l-kunċett tal-privatezza “privacy by design” lil hinn minn mekkaniżmi ta’ awtentifikazzjoni u s-salvagwardji ta' sigurtà sabiex tiżgura l-minimizzazzjoni tad-data, biex timplementa privatezza permezz ta’ settings automatiċi, biex tillimita l-aċċess għal informazzjoni ta’ individwi għal dak li huwa strettament meħtieġ biex jiġi pprovdut servizz, u biex timplimenta għodod li jgħinu lill-utenti biex jipproteġu aħjar id-data personali tagħhom;

56. Iqis li s-sigurtà tal-pagamenti bil-kard wiċċ imb'wiċċ diġà hija għolja b’mod ġenerali u l-bidla gradwali mill-kards manjetiċi għall-kards biċ-ċippa, li għandha titlesta b’mod rapidu, se ttejjeb aktar u aktar il-livell ta’ sigurtà; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà assoċjati ma’ forom oħra ta' pagament bil-kard, u dwar il-fatt li ċerti implimentazzjonijiet EMV Ewropej jistgħu ma jkunux konsistenti għalkollox, u jitlob sforzi biex din is-sitwazzjoni mhux mixtieqa tiġi rrimedjata, u jfakkar li huma meħtieġa wkoll soluzzjonijiet imtejba għal remote payments bil-kard ibbażati fuq netwerk; jistieden lill-Kummissjoni tiġbor data indipendenti dwar frodi f’ pagamenti fuq l-internet u biex fil-proposta leġiżlattiva tagħha tintegra dispożizzjonijiet xierqa kontra l-frodi;

57. Jemmen li l-forniment lil partijiet terzi ta’ data dwar id-disponibbiltà ta’ fondi f’kontijiet bankarji jinvolvi riskji; jinnota li wieħed mir-riskji huwa li l-konsumaturi jistgħu ma jkunux konxji għal kollox dwar min għandu aċċess għall-informazzjoni dwar il-kont tagħhom, fil-kunstest ta' liema qafas legali, u liema operatur huwa responsabbli għas-servizzi ta’ pagament li l-konsumatur qiegħed juża; jenfasizza li l-protezzjoni tad-data ma għandha tkun kompromessa fl-ebda stadju;

58. Jenfasizza li l-iżviluppi regolatorji u tekniċi jistgħu jnaqqsu dawn ir-riskji għas-sigurtà u jistgħħu jagħmlu l-pagamenti permezz ta’ PSPs mhux bankarji sikuri daqs pagamenti diretti mill-kontijiet bankarji protetti sew, sakemm ikunu disponibbli sistemi siguri fil-prattika u l-leġittimità ta' tali aċċess, u l-organizzazzjonijiet li jitolbu dan l-aċċess ikunu definiti b'mod ċar;

59. Għalhekk, ma jissapportjax l-aċċess ta’ partijiet terzi għall-informazzjoni tal-kont bankarju tal-klijent sakemm is-sistema ma tkunx qed tidher sigura u ġiet ittestjata bir-reqqa; jinnota li, fi kwalunkwe regolament, l-aċċess minn partijiet terzi għandu jkun limitat għal informazzjoni binarja ('iva–le') dwar id-disponibilità tal-fondi, u li għandha tingħata attenzjoni speċjali għas-sigurtà, il-protezzjoni tad-data u d-drittijiet tal-konsumatur; iqis, b’mod partikolari, li għandu jkun speċifikat b’mod ċar liema partijiet jista’ jkollhom aċċess għal din l-informazzjoni b’bażi nondiskriminatorja, u skont liema kundizzjonijiet tista’ tinħażen id-data, u li dawn id-dispożizzjonijiet iridu jkunu suġġetti għal relazzjoni kuntrattwali bejn l-entitajiet involuti; jenfasizza li għandu jkun hemm distinzjoni ċara bejn aċċess għal informazzjoni dwar id-disponibilità tal-fondi għal tranżazzjoni partikolari u aċċess għal informazzjoni ta' kont ta’ klijent b'mod ġenerali meta jiġi stabbilit qafas regolatorju għal aċċess għal terza parti; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-protezzjoni tad-data personali billi tipproponi, wara konsultazzjoni mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, regolament ċar dwar liema rwol kull attur għandu fil-ġbir ta’ data u għal liema skop, u definizzjoni ċara tal-atturi responsabbli għall-ġbir, l-ipproċessar u ż-żamma tad-data; iżid li l-utenti tal-kards għandu jkollhom il-possibilità li jkollhom aċċess għad-data personali tagħhom u jirrettifikawha, f'kuntest transkonfinali kumpless; jirriżultalu li r-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data għandhom ikunu implimentati skont il-prinċipju ta' "privacy by design" jew b’mod awtometiku u li n-negozji jew il-konsumaturi ma għandhomx iġorru r-responsabilità biex jipproteġu d-data tagħhom;

60. Jemmen li d-drittijiet ta' ħlas lura lill-konsumaturi għandhom jissaħħu, kemm fil-każ ta' pagamenti mhux awtorizzati kif ukoll fil-każ ta' oġġetti jew servizzi mhux ikkonsenjati (jew mhux ikkonsenjati kif imwiegħed), u li sistemi ta' rimedju kollettiv u sistemi alternattivi għar-riżoluzzjoni tat-tilwim effikaċi huma għodda indispensabbli għall-ħarsien tal-konsumaturi, anke fil-qasam tal-pagamenti elettroniċi;

61. Jinnota li waqt li t-theddid għas-sigurtà jkompli jiżdied jeżisti rwol ukoll għas-CEN u għall-ETSI biex ikunu involuti b’mod attiv fl-iżvilupp tal-istandards ta' sigurtà;

62. Jinnota li f'sistemi ta' pagament fejn wieħed jew aktar mill-parteċipanti huma fi Stati Membri differenti, il-Kummissjoni mistennija tagħmel proposta ta’ kjarifika dwar liema qrati jew liema ftehim ta' tilwim barra mill-qorti għandhom jintużaw għal kwalunkwe tilwima, u li l-konsumaturi għandhom aċċess u użu faċli ta' dawn l-entitajiet ta' riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim.

°

° °

63. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Parlamenti Nazzjonali.

EXPLANATORY STATEMENT

Il-varjetà ta’ strumenti ta’ pagament qiegħda tikber b’mod kostanti fil-livell kemm Ewropew kif ukoll globali. Filwaqt li modi ġodda ta’ kif jintużaw pagamenti bil-mowbajl u bl-internet jidhru li qegħdin jevolvu malajr u jinteressaw kemm il-konsumaturi kif ukoll in-negozji, anki s-suq tal-pagamenti bil-kard għadu ’l bogħod ħafna mill-potenzjal u l-effiċjenza sħaħ tiegħu.

Il-Kummissjoni ppubblikat Green Paper dwar suq Ewropew integrat għal pagamenti bil-kard, bl-internet u bil-mowbajl li fih tinnota diversi ostakoli li ma jippermettux lis-suq Ewropew tal-pagamenti milli jaħdem bl-aktar mod effiċjenti u miftuħ possibbli. Ir-Rapporteur jirrikonoxxi wkoll il-benefiċċji tal-promozzjoni u ż-żieda fil-pagamenti bil-kard, bl-internet u bil-mowbajl sabiex il-konsumaturi u n-negozji jiġu offruti l-opportunità li jkollhom aċċess għal metodi ta’ pagament aktar konvenjenti, siguri, veloċi, varjabbli, flessibbli u ekonomiċi. Użu aktar estensiv tal-metodi ta’ pagament imsemmija hawn fuq huwa wkoll kwistjoni importanti biex il-kummerċ elettroniku jkompli l-iżvilupp rapidu tiegħu u l-kontribuzzjoni ikbar tiegħu lill-PDG tal-Istati Membri.

Is-swieq tal-pagamenti bil-kard, bl-internet u bil-mowbajl għadhom frammentati fiż-żona tal-UE. Hemm differenzi sinifikanti fir-rigward tal-użu ta’ pagamenti bil-kard bejn l-Istati Membri. Il-proċess tal-ħolqien taż-Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro (SEPA) jiffaċilita t-trasferimenti bankarji fi 32 pajjiż Ewropew, u sa mill-2014 il-pajjiżi parteċipanti kollha għandhom ikunu implimentaw l-istandards SEPA komuni. Ir-Rapporteur jaħseb li ladarba s-SEPA se tneħħi d-diskrepanza bejn pagamenti domestiċi u transkonfinali, l-objettiv fl-integrazzjoni tas-suq tal-pagamenti bil-kard għandu jkun li l-pagamenti transkonfinali jsiru konvenjenti daqs pagamenti f’livell nazzjonali. Aktar atturi transkonfinali f'dan il-qasam ikunu milqugħa.

Il-Green Paper tintroduċi diversi fatturi importanti fit-tisħiħ tal-integrazzjoni tal-pagamenti u l-istimular tal-kompetittività tal-iskemi ta’ pagament. Ir-Rapporteur jixtieq jagħti attenzjoni partikolari f’dan l-istadju primarjament lill-pagamenti bil-kard u lill-elementi li ġejjin: l-istandardizzazzjoni, l-akkwisti transkonfinali, it-tariffi multilaterali tal-interkambju (MIFs), il-co-badging, l-imposti u s-sigurtà tal-pagamenti. Is-suq tal-pagamenti bil-mowbajl u bl-internet, madankollu, qiegħed fi stadju evoluttiv b’saħħtu u m’għandux jiġi regolat b’mod qawwi żżejjed għaliex dan jista’ jtellef l-iżvilupp naturali u l-innovazzjoni fil-qasam.

Ir-Rapporteur irid jenfasizza wkoll li kull metodu ta’ pagament – inkluż il-flus kontanti – għandu l-ispejjeż tiegħu, u dan m’għandux jiġi injorat fid-diskussjoni dwar il-metodi differenti ta’ pagament u l-kosteffiċjenza tagħhom.

Standardizzazzjoni

Standards komuni tekniċi u ta’ sigurtà jistgħu jagħmluha aktar faċli għal atturi ġodda li jidħlu fil-qasam, jippromwovu l-użu ta’ pagamenti bil-kard u jagħmlu pagament bil-kard għażla aktar faċli, aktar sikura u aktar effiċjenti għall-konsumaturi.

Filwaqt li l-Kummissjoni tagħmel sewwa li tirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġu żviluppati standards komuni, ir-Rapporteur jenfasizza, madankollu, li ċ-ċiklu tal-ħajja tal-istandards nazzjonali u reġjonali attwali dwar pagamenti bil-kard huwa twil mhux ħażin u ma jistax jitqassar b’mod faċli. Il-Kummissjoni għandha għalhekk toqgħod attenta fil-passi li jmiss tagħha fir-rigward ta’ standards integrati ġodda li se jieħdu post dawk eżistenti. Meta żviluppati tajjeb u implimentati, l-istandards komuni jistgħu mhux biss isaħħu l-kompetittività tas-suq tal-pagamenti bil-kard iżda wkoll itejbu s-sigurtà tal-pagamenti.

Il-linja gwida għall-iżvilupp kontinwu ta’ standards komuni tekniċi u ta’ sigurtà għandha tkun li jintlaħaq il-livell ta’ infrastruttura komuni li tippermetti opportunitajiet ugwali, tinkoraġġixxi l-innovazzjoni u l-kompetittività iżda ma żżidx neċessarjament restrizzjonijiet għall-mod kif il-qasam kollu jista’ jirrinnova u jespandi.

Tariffi Multilaterali tal-Interkambju

Huwa essenzjali li wieħed jirrikonoxxi l-problemi potenzjali li t-tariffi multilaterali tal-interkambju (MIFs) joħolqu għall-kompetittività, it-trasparenza, il-ftuħ u l-ispejjeż kemm għan-negozjanti kif ukoll għall-konsumaturi.

Fl-hekk imsejħa skemi ta’ kards b’erba’ partijiet il-PSP akkwirent (jiġifieri l-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament tan-negozjant) iħallas tariffa tal-interkambju lill-PSP emittent (jiġifieri il-PSP tad-detentur tal-karta) għal kull tranżazzjoni ta’ pagament bil-kard. Filwaqt li jirrikonoxxi li fil-preżent l-MIFs jistgħu jkunu ġustifikati li jiffinanzjaw l-iskemi tal-kards, ir-Rapporteur jara li livell għoli u xi drabi moħbi ta’ MIFs huwa problematiku fir-rigward ta’ suq miftuħ, kompetittiv u trasparenti. Filwaqt li għalissa m’għandux ikun hemm livell komuni impost fuq l-MIFs – sew jekk limitu massimu jew skala – l-objettiv fit-tul għandu jkun li jonqos il-livell ta’ MIFs. Madankollu dan għandu jsir bil-galbu sabiex jiġi evitat trattament inugwali ta’ atturi differenti. Ir-Rapporteur jappoġġa l-idea ta’ konverġenza tal-MIFs lejn l-inqas livelli li jeżistu fl-UE llum, iżda jenfasizza li l-livell massimu ta’ MIFs m’għandux jiġi impost fil-livell tal-UE.

Ir-Rapporteur jara li t-trasparenza fl-iskemi ta’ pagament hija meħtieġa b’mod partikolari fir-rigward tal-MIFs u l-aktar bejn in-negozjanti u l-PSPs. Għall-kuntrarju ta’ dak suġġerit mill-Green Paper, huwa dubjuż kif l-informazzjoni dwar l-ispejjeż ta’ metodi differenti ta’ pagament mogħtija lill-klijenti taffettwa l-għażla ta’ pagament tiegħu jew tagħha.

Imposti

L-imposti huma kwistjoni problematika peress li jistgħu jżidu tariffi fuq l-akkwisti li mhumiex ibbażati fuq l-ispiża reali tal-metodu ta’ pagament magħżul. Madankollu, ir-Rapporteur jara li fl-aħħar mill-aħħar għandu jkun l-Istat Membru li jiddeċiedi jekk jippermettix jew jipprojbixxix l-imposti.

Sigurtà tal-pagamenti

Meta tiġi inkoraġġata l-varjetà ta’ strumenti ta’ pagament u l-ħolqien ta’ metodi ta’ pagament innovattivi, is-sigurtà tal-pagamenti m’għandhiex tiġi mqiegħda f’periklu. Waqt li jkompli l-iżvilupp ta’ standards tekniċi komuni, pereżempju fl-iskemi ta’ pagament bil-kard, l-istandards komuni ta’ sigurtà għandhom jitjiebu wkoll.

L-aċċess ta’ istituzzjonijiet mhux bankarji għad-data tal-kont bankarju tal-klijent għandha tiġi studjata bir-reqqa wkoll u mhux promossa qabel ma jkun jista’ jiġi żgurat l-istess livell ta’ sigurtà li japplika għall-kontijiet bankarji.

OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (14.9.2012)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

Lejn suq Ewropew integrat għal pagamenti bil-kard, bl-internet u bil-mowbajl
(2012/2040(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Sergio Gaetano Cofferati

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jinnota li filwaqt li l-pagamenti elettroniċi qed ikollhom rwol dejjem aktar importanti fl-Ewropa u fid-dinja, għad hemm ostakli serji għal suq uniku diġitali Ewropew integrat b’mod sħiħ u effettiv, kompetittiv, innovattiv, sikur, trasparenti u favorevoli għall-konsumatur fir-rigward ta’ dawn il-forom ta’ pagamenti;

2.  Jinnota li fil-kriżi attwali huwa essenzjali li tittieħed azzjoni biex tingħata spinta lit-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi u jiġi stimulat mill-ġdid il-konsum, li filwaqt li s-suq diġitali jipprovdi opportunità kbira biex jintlaħqu dawn l-objettivi, l-UE għandha għal dan l-iskop tkun f'pożizzjoni li tistabbilixxi suq intern totalment diġitali, u li huwa vitali li jingħelbu l-ostakoli eżistenti min-naħa waħda u tissaħħaħ il-fiduċja tal-konsumatur fuq in-naħa l-oħra; f'dan ir-rigward, jemmen li l-eżistenza ta' suq uniku Ewropew newtrali u sikur għal pagamenti bil-kard, bl-internet u bil-mowbajl li jiffaċilita l-kompetizzjoni ħielsa u l-innovazzjoni hija essenzjali għall-kisba ta' suq uniku diġitali ġenwin u tista' tikkontribwixxi ħafna biex il-fiduċja tal-konsumaturi tikber.

3.  Jinnota li l-iżvilupp ta' sistemi ta' pagament trasparenti, sikuri u effikaċi fis-suq diġitali Ewropew huwa essenzjali biex tiġi żgurata ekonomija diġitali ġenwina u jiġi ffaċilitat kummerċ elettroniku transkonfinali;

4.  Jenfasizza r-rwol importanti li l-pagamenti elettroniċi u l-pagamenti mobbli għandhom fil-qafas tal-ġlieda kontra l-ekonomija “griża” u, b’mod partikolari, kontra l-evażjoni tat-taxxa; jistieden lill-korpi Ewropej għall-istandardizzazzjoni, bħall-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni jew l-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjonijiet (ETSI), f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, ikollhom rwol iżjed attiv fl-istandardizzazzjoni tal-pagamenti bil-kards;

5.  Jirrikonoxxi f'dan ir-rigward li ż-Żona Unika ta' Pagamenti bl-Euro (SEPA) hija pedament għall-ħolqien ta' suq integrat tal-pagamenti Ewropew u għandha sservi bħala bażi għall-iżvilupp ta' dan is-suq u tagħmlu aktar innovattiv u kompetittiv;

6.  Jirrimarka li qafas Ewropew sikur, affidabbli u trasparenti għal pagamenti elettroniċi huwa essenzjali għat-tnedija ta 'suq uniku diġitali; jenfasizza l-importanza ta' kampanji ta' informazzjoni biex il-konsumaturi jkunu konxji tal-għażliet disponibbli fis-suq u l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti għal pagamenti elettroniċi sikuri, u jqis li kampanji bħal dawn għandhom jiġu stabbiliti fil-livell Ewropew, ukoll biex jingħelbu l-biżgħat bla bażi dwar dawn il-forom ta’ pagamenti; jemmen li f'dan ir-rigward, il-punti ta' kuntatt favur il-konsumatur se jsaħħu l-fiduċja fil-pagamenti remoti;

7.  Jemmen li t-trasparenza ta' sistemi elettroniċi għal pagamenti, informazzjoni korretta għall-konsumaturi fi kwalunkwe tranżazzjoni ta' pagament u aċċess dirett u faċli għall-informazzjoni huma prerekwiżiti għal suq Ewropew għal pagamenti elettroniċi li jiffunzjona tajjeb;

8.  Jilqa' d-dispożizzjonijiet fid-Direttiva l-ġdida dwar id-Drittijiet tal-Konsumaturi fir-rigward tal-pagamenti addizzjonali u l-projbizzjoni ta' tariffi eċċessivi għall-użu ta' mezzi ta' pagamenti, li se jikkontribwixxu għall-fiduċja tal-konsumaturi meta jixtru onlajn; madankollu jistieden lill-Kummissjoni tkompli l-isforzi tagħha fir-rigward tal-ħolqien ta' opportunitajiet indaqs fil-qasam tal-pagamenti bil-kard, bl-internet u bil-mowbajl, li minnhom jibbenefikaw bl-istess mod il-konsumaturi u n-negozji f'Suq Uniku Diġitali;

9.  Jenfasizza li, f'dan ir-rigward, għandhom jittieħdu miżuri biex iwaqqfu d-diskriminazzjoni frekwenti kontra l-konsumaturi Ewropej li l-pagamenti tagħhom għal tranżazzjonijiet transkonfinali ma jiġux aċċettati minħabba l-provenjenza tagħhom;

10. Jemmen li d-drittijiet ta' ħlas lura tal-konsumaturi għandhom jissaħħu, kemm fil-każ ta' pagamenti mhux awtorizzati kif ukoll fil-każ ta' oġġetti jew servizzi mhux ikkonsenjati (jew mhux ikkonsenjati kif imwiegħed) u li sistemi ta' rimedju kollettiv u sistemi alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim effikaċi huma strumenti indispensabbli għall-ħarsien tal-konsumaturi, anke fil-qasam tal-pagamenti elettroniċi;

11. Jenfasizza li sabiex il-potenzjalitajiet tal-pagamenti elettroniċi jkunu jistgħu jiġu żviluppati bis-sħiħ, il-fiduċja tal-konsumatur hija essenzjali u livell għoli ta’ sigurtà għandu jiġi żgurat bħala salvagwardja kontra r-riskju ta’ frodi u sabiex tiġi protetta data sensittiva personali u dwar il-konsumaturi;

12. Jenfasizza l-importanza ta' regoli ċari dwar il-politiki tal-konsumatur fl-livell Ewropew; jemmen li tinħtieġ standardizzazzjoni ulterjuri fil-livell Ewropew, fil-għamla ta’ qafas regolatorju li jistabbilixxi standards ta’ sigurtà u trasparenza tal-ispejjeż għal kull forma ta’ pagament elettroniku, (li jestendi wkoll għal fornituri ta' servizzi mhux bankarji) u li jirregola lill-atturi kollha involuti fil-forniment ta’ servizzi ta’ pagament kif ukoll l-intermedjarji kollha inklużi negozjanti (pereżempju l-ħażna ta' kredenzjali); jemmen li meta jkunu qed jiġu definiti l-istandards hemm bżonn li jittieħed kont ta' dawk is-sistemi li ġabu bidliet sinifikanti lejn pagamenti aktar sikuri (pereżempju s-sistema CHIP&PIN għall-kards; sistemi ta' awtentikazzjoni fuq żewġ fatturi; firem elettroniċi u pagamenti onlajn li jgħaddu minn servizzi elettroniċi ta' ħlas), ta' dawk is-sistemi li huma aktar vulnerabbli għall-frodi (pereżempju fejn data personali sensittiva huma trażmessi lil partijiet terzi, bħal fi ħlasijiet onlajn permezz ta' servizzi overlay, jew is-sistema ta' strixxa manjetika għall-kards), u ta' innovazzjonijiet li jistgħu jagħmlu l-proċessi aktar sikuri;

13. Jinnota li s-suq Ewropew għall-kards, l-internet u l-pagamenti mobbli huma frammentati kemm bejn u fi ħdan il-fruntieri nazzjonali; huwa tal-fehma li l-istandardizzazzjoni ma għandhiex tkun limitata biss għad-definizzjoni ta' standards ta' sigurtà iżda għandha tinkludi miżuri meħtieġa biex jiġi żgurat suq ta' pagamenti elettroniċi aktar miftuħ, trasparenti, innovattiv, kompetittiv u mhux frammentat li jagħti vantaġġi lill-konsumaturi kollha (pereżempju fir-rigward tal-interoperabilità jew, fil-portabilità tal-pagamenti mobbli); iqis li, sabiex tintlaħaq din il-mira, għandu jitqies l-istrument ta' co-badging għal pagamenti bil-kards, li għandu jiġi pprovdut mill-bank lid-detentur tal-kard fuq talba tiegħu, (f'dak il-każ l-għażla ta' prijorità bejn il-PSPs disponibbli fuq il-kard għandha tkun f'idejn il-konsumatur) u l-ostakli li għad fadal għall-akkwist transkonfinali għandhom jitneħħew;

14. Jitlob lill-Kummissjoni tevalwa l-metodi possibbli biex tippromwovi operaturi ġodda fis-suq tal-kards, ukoll billi jitqiesu, per eżempju, l-infrastruttura ta' ħlas komuni għat-transazzjonijiet kollha irrispettivament mill-fornitur tal-kard;

15. Jinnota li għandha tingħata attenzjoni biex jiġi żgurat li kwalunkwe miżura bħal din tkun dejjem konformi mal-prinċipji ta' kompetizzjoni ħielsa u dħul u aċċess ħieles għas-suq, b'kunsiderazzjoni tal-innovazzjonijiet teknoloġiċi futuri f'dan is-settur sabiex inkunu nistgħu nadattaw għal żviluppi futuri u nippromwovu u niffaċilitaw b'mod konsistenti l-innovazzjoni u l-kompetittività;

16. Jemmen li t-tariffi kollha tal-interkambju multilaterali transkonfinali u domestiċi (MIFs) għandhom ikunu pubbliċi u jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw li dawn jiġu ppubblikati;

17. Jinnota li l-miżati ta' skambju multilaterali fiż-Żona Unika ta' Pagamenti Euro (SEPA) jvarjaw b'mod sinifikanti bejn l-Istati Membri u huma ta' spiss ogħla milli meħtieġ; Jemmen li dawn il-miżati għandhom ikunu progressivament armonizzati fis-SEPA sa skadenza fissa, b'tali mod li jirrispettaw ir-regoli tal-kompetizzjoni Ewropej u jitħeġġeġ ftuħ tas-suq u t-trasparenza sabiex jiġi żgurat li l-konsumaturi ma jħallsux prezzijiet esaġerati; jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt, sal-aħħar tal-2012, dwar l-iffissar ta' limitu għal MIFs u b’mod gradwali tnaqqsu; jemmen fl-istess ħin li jeħtieġ jinħolqu mekkaniżmi u salvagwardji biex jiżguraw li l-ispejjeż ma jerġgħux jgħaddu, b'mod jew ieħor, għand il-konsumaturi; jitlob, b'mod parallel li t-trattament inġust tal-konsumaturi fil-forma ta' imposti, ir-rifużjonijiet, spejjeż moħbija u l-użu ta' prattiki ta’ gwida li jillimitaw jew jirrestrinġu l-għażla tal-konsumaturi biex jiġu pprojbiti b’mod gradwali wkoll, u b’hekk titwitta t-triq għal suq uniku Ewropew tal-pagamenti aktar trasparenti, aċċessibbli u affidabbli f'għajnejn il-konsumaturi; jemmen li reġoli "għal Ebda Diskriminazzjoni" u "l-Oneru tal-Kards Kollha" għandhom jinżammu u mhux jiġu mibdula;

18. Iqis li l-infurzar tar-regoli fil-pagamenti elettroniċi huwa ħafna drabi diffiċli, mhux adegwat u differenti fl-Ewropa, u li sforzi aktar b'saħħithom għandhom isiru biex jiżguraw infurzar xieraq u uniformi tar-regoli;

19. Jenfasizza l-ħtieġa ta' trasparenza akbar u informazzjoni aħjar għall-konsumaturi dwar l-imposti u t-tariffi addizzjonali għad-diversi metodi ta' ħlas, minħabba l-fatt li l-kummerċjanti ġeneralment jinkludu l-ispejjeż ta' tranżazzjoni fil-prezz tal-prodotti u s-servizzi tagħhom, bil-konsegwenza li l-konsumaturi ma jkunux informati sew minn qabel dwar l-ispiża totali u b'hekk iħalsu aktar għax-xirjiet tagħhom, u din hija ċirkostanza li ddgħajjef il-fiduċja tal-konsumaturi;

20. Jafferma li approċċ awtoregolatorju mhuwiex biżżejjed; iqis li l-Kummissjoni u l-BĊE, f'kooperazzjoni mal-Istat Membri, għandhom jieħdu rwol aktar attiv u ta’ tmexxija, u li l-partijiet interessati relevanti kollha, inklużi l-assoċjazzjonijiet tal-konsumatur, għandhom jiġu involuti b’mod xieraq u kkonsultati fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

21. Iqis li x'aktarx se jkun hemm żieda fin-numru ta' kumpaniji Ewropej li l-attivitajiet tagħhom huma effettivament dipendenti fuq il-kapaċità li jaċċettaw pagamenti bil-kard; iqis li huwa fl-interess pubbliku li jiġu ddefiniti regoli oġġettivi li jiddeskrivu ċ-ċirkustanzi u l-proċeduri li bihom l-iskemi ta’ pagament bil-kards jistgħu jirrifjutaw b’mod unilaterali l-aċċettazzjoni;

22. Jenfasizza li l-operaturi mhux bankarji ma għandhomx ikollhom aċċess għal informazzjoni dwar il-bilanċ tal-fondi tal-kont tal-bank ta' konsumatur, għajr konferma sempliċi fil-mument meta ssir it-tranżazzjoni li hemm biżżejjed fondi biex titlesta tranżazzjoni.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

6.9.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

27

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Pablo Arias Echeverría, Adam Bielan, Sergio Gaetano Cofferati, Birgit Collin-Langen, Lara Comi, António Fernando Correia de Campos, Cornelis de Jong, Christian Engström, Vicente Miguel Garcés Ramón, Evelyne Gebhardt, Louis Grech, Małgorzata Handzlik, Malcolm Harbour, Sandra Kalniete, Toine Manders, Hans-Peter Mayer, Sirpa Pietikäinen, Phil Prendergast, Robert Rochefort, Zuzana Roithová, Heide Rühle

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Regina Bastos, Jürgen Creutzmann, María Irigoyen Pérez, Emma McClarkin, Pier Antonio Panzeri, Marc Tarabella, Kyriacos Triantaphyllides, Sabine Verheyen

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

26.9.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

0

22

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Burkhard Balz, Jean-Paul Besset, Udo Bullmann, Nikolaos Chountis, George Sabin Cutaş, Rachida Dati, Leonardo Domenici, Derk Jan Eppink, Diogo Feio, Markus Ferber, Ildikó Gáll-Pelcz, Jean-Paul Gauzès, Sven Giegold, Sylvie Goulard, Liem Hoang Ngoc, Syed Kamall, Wolf Klinz, Jürgen Klute, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Philippe Lamberts, Werner Langen, Arlene McCarthy, Sławomir Witold Nitras, Ivari Padar, Alfredo Pallone, Antolín Sánchez Presedo, Olle Schmidt, Peter Simon, Theodor Dumitru Stolojan, Ivo Strejček, Kay Swinburne, Sampo Terho, Marianne Thyssen, Ramon Tremosa i Balcells, Corien Wortmann-Kool, Pablo Zalba Bidegain

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Sophie Auconie, Pervenche Berès, Sari Essayah, Robert Goebbels, Sophia in ‘t Veld, Olle Ludvigsson, Catherine Stihler