RAPPORT dwar il-prevenzjoni ta’ mard tan-nisa marbut mal-età

18.10.2012 - (2012/2129(INI))

Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
Rapporteur: Roberta Angelilli

Proċedura : 2012/2129(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0340/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-prevenzjoni ta’ mard tan-nisa marbut mal-età

(2012/2129(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 168 tat-TFUE,

–       wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-White Paper intitolata "Flimkien għas-Saħħa: Approċċ Strateġiku għall-UE 2008-2013" (COM(2007)0630),

–       wara li kkunsidra l-White Paper “Strateġija għall-Ewropa dwar kwistjonijiet ta' saħħa marbuta man-Nutriment, il-Piż Żejjed u l-Obeżità” (COM(2007)0279),

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar is-saħħa tan-nisa fl-Unjoni Ewropea,

–       Wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-telemediċina għall-benefiċċju tal-pazjenti, tas-sistemi tal-kura tas-saħħa u tas-soċjetà (COM(2008)689),

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Kif għandna nittrattaw l-impatt tat-tixjiħ tal-popolazzjoni fl-Unjoni Ewropea” (COM(2009)0180),

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata "Is-Solidarjetà fis-saħħa: it-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa fl-UE” (COM(2009)0567),

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata “Azzjoni kontra l-Kanċer: Sħubija Ewropea” (COM(2009)0291),

–       wara li kkunsidra r-rapport “Empower Women – Combating Tobacco Industry Marketing in the WHO European Region" (WHO, 2010),

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni "The 2012 Ageing Report: Underlying Assumptions and Projection Methodologies’ (European Economy 4/11. Il-Kummissjoni, 2011),

–       wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 li tistabbilixxi t-tieni programm ta’ azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa (2008-2013)[1],

–       wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 940/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2011 dwar is-Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet[2],

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill “Approċċi innovattivi għal mard kroniku fis-saħħa pubblika u s-sistemi tal-kura tas-saħħa” tas-7 ta’ Diċembru 2010,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Presidenza Belġjana tat-23 ta’ Novembru 2010 dwar id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-Samit tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Mard Kroniku li ma Jitteħidx tad-19-20 ta’ Settembru 2011,

–       wara li kkunsidra l-programm qafas għar-riċerka u l-innovazzjoni “Orizzont 2020”, (COM(2011)0808),

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurostat intitolat “It-tixjiħ attiv u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet – Stampa statistika tal-Unjoni Ewropea 2012”,

–       wara li kkunsidra r-Rapport tal-Ewrobarometru “It-tixjiħ attiv” (2012),

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata “Il-Progress tal-Pjan Strateġiku tal-Implimentazzjoni tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u b’Saħħtu” (COM(2012)0083),

–       wara li kkunsidra l-White paper “Aġenda għal Pensjonijiet Adegwati, Sikuri u Sostenibbli”, COM(2012)0055),

–       wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Ottubru 2006, dwar il-kanċer tas-sider fl-Unjoni Ewropea mkabbra[3],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Diċembru 2006 dwar il-promozzjoni ta’ dieta tajba għas-saħħa u tal-attività fiżika: dimensjoni Ewropea għall-prevenzjoni tal-ħxuna, l-obeżità u l-mard kroniku[4],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Lulju 2007 dwar azzjoni biex jiġi miġġieled il-mard kardjovaskulari [5],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Frar 2009 dwar is-saħħa mentali[6],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol[7],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Novembru 2009 dwar programmazzjoni konġunta tar-riċerka għall-ġlieda kontra l-mard newrodeġenerattiv, b’mod partikulari l-marda ta’ Alzheimer[8],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Jannar 2001 dwar inizjattiva Ewropea dwar il-marda ta’ Alzheimer u dimenzji oħrajn[9],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Mejju 2010 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar “Azzjoni kontra l-kanċer: Sħubija Ewropea”[10],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Settembru 2010 dwar ir-rwol tan-nisa f'soċjetà li qed tixjieħ[11],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Novembru 2010 dwar l-isfida demografika u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet[12],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Frar 2011 dwar l-aspett tal-faqar tan-nisa fl-Unjoni Ewropea[13],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Lulju 2011 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa li jkunu qed joqorbu lejn l-età tal-pensjoni[14],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Settembru 2011 dwar Il-pożizzjoni u l-impenn bil-quddiem tal-UE fil-laqgħa ta' livell għoli tan-NU dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard li ma jitteħidx[15],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Marzu 2012 dwar l-indirizzar tal-epidemija tad-dijabete fl-UE[16],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Mejju 2012 dwar rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għal ħaddiema rġiel u nisa għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali[17],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2012 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel[18],

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0340/2012),

Il-kuntest ġenerali

A.     billi l-Unjoni Ewropea tippromwovi d-dinjità tal-bniedem u tagħraf id-dritt ta’ kull persuna li jkollha aċċess għall-kura preventiva u kura medika, u l-Artikolu 168(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jiddikjara b’mod ċar li l-Istati Membri huma responsabbli għall-organizzazzjoni, il-ġestjoni u t-twettiq tas-servizzi tas-saħħa u l-kura medika, inkluża l-allokazzjoni tar-riżorsi. Huwa vitali li l-anzjani jkollhom id-dritt għal ħajja dinjituża u indipendenti u li jipparteċipaw fil-ħajja soċjali u kulturali;

B.     billi t-tixjiħ demografiku huwa wieħed mill-isfidi ewlenin li qed tiffaċċja l-Ewropa; billi fl-UE il-persuni li għandhom aktar minn 65 sena jammontaw għal aktar minn 87 miljun (17.4 % tal-popolazzjoni totali) u billi, skont il-previżjonijiet, se jkunu aktar minn 150 miljun fl-2060 (madwar 30 %),

C.     billi, minkejja żieda sostanzjali fl-istennija tal-ħajja akkumpanjata minn standards ta’ għajxien li dejjem qed jogħlew fil-pajjiżi industrijalizzati, li jippermettu li l-anzjani tal-lum ikunu ħafna aktar attivi milli fid-deċennji ta’ qabel, l-isterjotipar negattiv u l-preġudizzji fir-rigward tal-anzjani qed ikomplu jiffurmaw ostakli kbar għall-integrazzjoni soċjali tagħhom, li jirriżultaw f’esklużjoni soċjali li jkollha impatt dirett fuq il-kwalità tal-ħajja u s-saħħa mentali tagħhom;

D.     billi n-nisa għandhom stennija tal-ħajja akbar mat-twelid meta mqabbla mal-irġiel (82.4 sena għan-nisa b'paragun ma’ 76.4 għall-irġiel); billi d-differenza fl-istennija ta’ ħajja b’saħħitha hija anqas, 61.7 sena għall-irġiel u 62.6 sena għan-nisa;

E.     billi r-rata ta' impjieg fost in-nisa ta' bejn il-55 u l-64 sena kienet 38.6 % fl-2010 meta mqabbla ma’ 54.5 % għall-irġiel tal-istess età, billi skont il-miri tal-UE, 75% tal-popolazzjoni fil-grupp ta' età bejn l-20 u l-64 sena għandhom ikunu impjegati sal-2020;

F.     billi l-paga tan-nisa hija anqas minn dik tal-irġiel (fl-UE id-differenza medja fil-paga bejn is-sessi hija ta’ 17.5 %); billi d-differenza fil-paga bejn is-sessi għall-grupp ta' età bejn l-55 u l-64 hija aktar minn 30% f'ċerti Stati Membri u hija għolja sa 48% għal min għandu aktar minn 65 sena; billi d-differenza fil-paga bejn is-sessi twassal għal differenza fil-pensjoni li ħafna drabi tirriżulta f'pensjonijiet korrispondentement aktar baxxi u minħabba f'hekk in-nisa jsibu liluhom infushom taħt il-livell tal-faqar;

G.     billi sabiex ilaħħqu mal-ħajja tal-familja u l-ħajja tax-xogħol, in-nisa jagħżlu impjiegi flessibbli bbażati d-dar, part-time, temporanji jew atipiċi, li jxekklu l-avvanz tal-karrieri tagħhom b'konsegwenzi sinifikanti fuq l-ammont tal-pensjoni tal-irtirar imħallsa, u li jagħmilhom partikolarment vulnerabbli għall-prekarjetà u l-faqar;

H.     billi l-ġenerazzjoni ta’ nisa li għandhom aktar minn 50 sena, li ħafna drabi hi deskritta bħala l-“ġenerazzjoni tan-nofs” jew tal-“bniet li jaħdmu u ommijiet li jaħdmu”, għandhom tendenza li jkollhom anqas possibbiltajiet biex jieħdu ħsieb saħħithom hekk kif ħafna drabi jieħdu ħsieb il-ġenituri u n-neputijiet tagħhom;

I.      billi fl-Ewropea 23.9 % tal-popolazzjoni bejn il-50 u l-64 sena tinsab fir-riskju ta' faqar; il-persentaġġi eżatti huma 25.9 % għan-nisa b'paragun ma' 21.7 % għall-irġiel; billi ċ-ċifri fl-Unjoni Ewropea jvarjaw minn 39 % sa 49 % skont il-pajjiż u f'pajjiż wieħed tal-UE ċ-ċifra tilħaq il-51%,

J.      billi anke wara divorzju, separazzjoni jew il-mewt tar-raġel 75.8 % tan-nisa li jkollhom aktar minn 65 sena jgħixu waħedhom u billi bħala medja 3 minn kull 10 idjar fl-Unjoni Ewropea huma djar fejn tgħix persuna waħda, li l-maġġoranza tagħhom jinkludu nisa li jgħixu waħedhom, b’mod partikolari nisa anzjani, u dan il-persentaġġ qiegħed dejjem jikber; billi d-djar fejn tgħix persuna waħda jew bi dħul wieħed fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri huma ttrattati b’mod mhux favorevoli, kemm f’termini assoluti kif ukoll relattivi, fir-rigward tat-taxxa, is-sigurtà soċjali, l-akkomodazzjoni, il-kura tas-saħħa, l-assigurazzjoni u l-pensjonijiet; billi l-politiki pubbliki ma għandhomx jippenalizzaw nies għax jgħixu – volontarjament jew involontarjament – waħedhom;

K.    billi fl-2009 ir-rata ta’ tiċħid materjali serju għan-nisa li jkollhom aktar minn 65 sena kienet ta’ 7.6 % u tal-irġiel 5.5 %.

L.     billi n-nisa anzjani bħala grupp żvantaġġat ta' spiss jiffaċċjaw ħafna diskriminazzjoni (pereżempju minħabba l-età, is-sess u l-isfond etniku tagħhom); billi nisa anzjani, li ta' spiss ikollhom status soċjoekonomiku baxx u jiltaqgħu ma' ħafna diffikultajiet, jibbenefikaw minn miżuri ta' protezzjoni soċjali u aċċess għal sistemi nazzjonali tal-kura tas-saħħa;

M.    billi fiż-żoni rurali l-aċċess għall-kura tas-saħħa huwa aktar diffiċli meta mqabbel maż-żoni urbani, speċjalment minħabba n-nuqqas ta’ persunal tal-kura tas-saħħa speċjalizzat u ta’ faċilitajiet tal-isptar, anke ta’ servizzi ta' emerġenza medika;

N.     billi n-nisa anzjani, speċjalment dawk li jgħixu f'iżolament, ta' spiss isibu ruħhom f’sitwazzjonijiet soċjali u ekonomiċi diffiċli li jaffetwaw il-kwalità tal-ħajja tagħhom u l-istat tas-saħħa fiżika u mentali tagħhom;

O.     billi, sabiex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet tan-nisa anzjani, huwa meħtieġ għarfien aħjar tal-mard li jaffettwahom;

P.     billi dawn il-fatturi kollha, fosthom l-iżolament, jaffettwaw il-kapaċità tan-nisa anzjani biex joħolqu u/jew iżommu netwerks soċjali u b’hekk ikollhom ħajja attiva;

Mard marbut max-xjuħija

Q.     billi n-nisa, minħabba stennija ta’ ħajja itwal u s-sensittività dwar is-sessi ta’ ċerti mard, jintlaqtu aktar minn mard kroniku u debilitanti, u għalhekk b'mod korrispondenti huma aktar vulnerabbli għad-deterjorament fil-kwalità tal-ħajja tagħhom;

R.     billi bejn l-irġiel u n-nisa hemm differenza fl-impatt, il-progressjoni u l-konsegwenzi ta’ għadd ta’ patoloġiji;

S.     billi, skont l-aħħar ċifri disponibbli (IARC) it-tumuri li jolqtu l-aktar ta’ spiss lin-nisa huma l-kanċer tas-sider (29.7 %), il-kanċer kolorettali (13.5 %) u tal-pulmun (7.4 %),

T.     billi l-mard kardjovaskolari joqtol aktar minn żewġ miljun persuna kull sena fl-Istati Membri, u din iċ-ċifra tirrappreżenta 42% tal-imwiet kollha fl-UE u huma l-kawża ta' 45% tal-imwiet fost in-nisa b'paragun ma' 38% fost l-irġiel;

U.     billi d-dijabete hija waħda mill-mard li ma jitteħidx l-aktar komuni li tolqot aktar minn 33 miljun ċittadin tal-UE, ċifra li x'aktarx tiżdied sa 38 miljun fl-2030; billi fl-2010 madwar 9 % tal-adulti (20 sa 79 sena) tal-popolazzjoni tal-UE kienu dijabetiċi,

V.     billi l-età hija fattur ta’ riskju għall-iżvilupp tal-mard newrodeġenerattiv bħall-marda ta’ Alzheimer (l-aktar forma komuni ta’ dimenzja); billi l-mard newrodeġenerattiv huwa l-aktar frekwenti fil-persuni li għandhom aktar minn 65 sena (jolqot madwar persuna minn 20 wara l-65 sena; waħda minn 5 wara t-80 sena u waħda minn 3 wara d-90 sena); billi aktar minn 7.3 miljun persuna jbatu mid-dimenzja fl-Ewropa; billi l-istudji juru li r-rata ta’ prevalenza tal-marda tal-Alzheimer hija ta’ 81.7% fost in-nisa li għandhom aktar minn 90 sena (filwaqt li r-rata tal-irġiel hija ta’ 24%); billi l-istigma u n-nuqqas ta’ għarfien dwar il-mard newrodeġenerattiv bħad-dimenzja jwasslu għal dewmien fid-dijanjosi u riżultat ħażin tat-trattament;

W.    billi d-dimenzja hija aktar komuni fin-nies li għandhom aktar minn 65 sena, din taffettwa madwar persuna minn kull 20 li għandhom aktar minn 65 sena, persuna minn kull ħamsa li għandhom aktar minn 80 sena, u persuna minn kull tlieta li għandhom aktar minn 90 sena; filwaqt li ġeneralment, il-prevalenza hi aktar għolja fost in-nisa anzjani milli fost l-irġiel anzjani;

X.     billi n-nisa jinsabu f’riskju akbar li jiżviluppaw mard tal-għadam u l-ġogi (osteoartrite, artrite rewmatika, osteoporożi u fraġilità tal-għadam); billi madwar 75 % tal-ksur fil-ġenbejn ikkawżat mill-osteoporożi huma fin-nisa;

Y.     billi l-fatturi ewlenin ta’ riskju għal mard kardjovaskulari, tumuri, dijabete, obeżità u mard kroniku ostruttiv huma t-tipjip, in-nuqqas ta’ attività fiżika, dieta ħażina, abbuż mill-alkoħol u tniġġis ambjentali,

Z.     billi d-depressjoni u l-ansjetà jirrappreżentaw forom serji ta’ disturb psikoloġiku li aktar jolqot lin-nisa milli lill-irġiel; billi għan-nisa, l-inċidenza tagħha fl-Ewropa hija stmata mid-WHO bejn it-2 u l-15 % fil-grupp ta’ età ta’ aktar minn 65 sena;

AA.  billi l-problemi fis-smigħ u d-disturbi fl-għajnejn jikkontribwixxu wkoll b’mod sostanzjali għall-piż tas-snin li wieħed jgħix b’limitazzjonijiet funzjonali, id-dijanjosi f’waqtha u adegwata, il-kura ta’ kwalità u l-aċċess għal apparat mediku ta’ kwalità jistgħu jipprevjenu deterjorament ulterjuri jew jirrestawraw parzjalment il-funzjonament;

AB.  billi fost il-madwar 600,000 Ewropew li jsofru mill-isklerożi multipla, il-parti l-kbira tal-morda huma nisa; billi din hija l-aktar marda newrodeġenerattiva mifruxa kif ukoll waħda mill-kawżi ewlenin ta' diżabilità mhux trawmatika fin-nisa anzjani;

Aċċess għas-servizzi tas-saħħa

AC.  billi huwa meħtieġ li jkun garantit aċċess ugwali għas-servizzi tas-saħħa għan-nisa u l-irġiel u li titjieb il-kwalità tal-kura tas-saħħa u, li ċ-ċirkostanzi partikolari tan-nisa li spiss jgħixu waħedhom f’żoni rurali għandhom jingħataw aktar attenzjoni, filwaqt li jiġi rispettat l-Artikolu 168(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

AD.  billi s-sitwazzjoni ekonomika tan-nisa anzjani, li minħabba n-nuqqas ta’ ugwaljanza bbażata fuq is-sessi marbuta mas-salarji, il-pensjonijiet u dħul ieħor, tagħmilhom partikolarment vulnerabbi għal sitwazzjonijiet ta' prekarjetà u faqar, u jkollhom inqas riżorsi finanzjarji li jistgħu jużaw għall-kura tas-saħħa u t-trattamenti mediċi li għandhom bżonn;

AE.   billi t-telemediċina tista’ ttejjeb l-aċċess għal assistenza medika mhux disponibbli f’żoni b’aċċess diffiċli u tista’ ttejjeb il-kwalità u l-frekwenza tal-assistenza medika speċjalizzata mitluba mill-kundizzjonijiet ta’ saħħa ta' ċerti persuni anzjani;

Riċerka u prevenzjoni

AF.   billi l-investimenti fir-riċerka u l-innovazzjoni huma fundamentali għall-konservazzjoni ta’ livell għoli ta’ ħajja u b’hekk tkun tista' tiġi ffaċjata l-isfida kbira tat-tixjiħ;

AG.  billi l-prevenzjoni u d-dijanjosi bikrija jwasslu għal titjib fis-saħħa fiżika u mentali tal-irġiel u tan-nisa, u dan jippermetti li titwal l-istennija tal-ħajja f’saħħa tajba u jitnaqqsu l-ispejjeż għall-kura tas-saħħa, filwaqt li tkun żgurata s-sostenibbiltà fit-tul;

AH.  billi l-miżuri preventivi jeħtieġu li jkunu prijorità fil-kura tas-saħħa, b’attenzjoni speċjali lejn il-grupp żvantaġġati;

AI.    billi l-għarfien dwar is-saħħa huwa rekwiżit meħtieġ sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jorjentaw ruħhom aħjar f’sistemi tal-kura tas-saħħa kumplessi u jtejbu l-għarfien tar-rwol tagħhom fil-prevenzjoni ta’ mard marbut mal-età tul il-ħajja tagħhom;

AJ.   billi s-sensittività dwar is-sessi tal-mard u l-mediċini għadha ma ġietx studjata b’mod suffiċjenti peress li l-provi kliniċi saru l-iżjed fuq irġiel żgħar fl-età;

AK.  billi skont l-IARC l-iscreening tas-sider, jekk ikollu kopertura ta’ aktar minn 70 %, jista’ jnaqqas minn 20 % sa 30 % il-mortalità minn kanċer tas-sider fin-nisa li jkollhom aktar minn 50 sena,

AL.   billi n-nisa jużaw aktar il-mediċina u r-rimedji ta’ ħxejjex mediċinali, li l-impatti tagħhom jeħtieġu aktar riċerka sabiex jitnaqqsu r-riskji ta’ interazzjoni;

AM. billi tul ħajjithom in-nisa jaffrontaw ħafna tibdil ormonali u jagħmlu użu minn mediċini farmaċewtiċi speċifiċi marbuta mal-età fertili u mal-menopawża;

AN.  billi 9 % tan-nisa jagħmlu użu frekwenti ta’ antidepressivi meta mqabbla ma’ 5 % tal-irġiel,

AO.  billi skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), bejn 4 u 6% tal-anzjani esperjenzaw xi forma ta’ abbuż fi djarhom stess, li jvarja minn abbuż fiżiku, sesswali, u psikoloġiku, sa sfruttament finanzjarju, negliġenza, u abbandun;

Il-kuntest ġenerali

1.      jagħraf li, minkejja li n-nisa jgħixu aktar mill-irġiel, ma jgħaddux numru akbar ta’ snin f’saħħa tajba, fi kliem ieħor mingħajr limitazzjoni fuq l-attività jew diżabbiltajiet sinifikanti 62.6 snin għan-nisa; u 61.7 snin għall-irġiel;

2.      Jinnota li nisa anzjani għandhom bżonn ta' biżżejjed aċċess għall-kura tas-saħħa u għajnuna fid-dar biex ikunu jistgħu jgawdu minn drittijiet ugwali u jgħixu ħajja indipendenti;

3.      Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika rapport ġdid fuq is-saħħa tan-nisa, b’attenzjoni partikolari għall-grupp ta’ età akbar minn 65 sena u għall-indikaturi marbuta mat-tixjiħ attiv;

4.      Jisħaq li l-politiki maħsuba biex jibbilanċjaw il-ħajja tal-familja u l-ħajja tax-xogħol u l-parteċipazzjoni soċjali jippermettu lill-mara biex tiffaċċja aħjar it-tixjiħ attiv u b’saħħtu, u għalhekk jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-isforzi tagħhom f’din id-direzzjoni;

5.      Jistieden lill-Istati Membri jħeġġu l-integrazzjoni sħiħa, l-involviment akbar u l-parteċipazzjoni attivà tan-nisa anzjani fil-ħajja soċjali;

6.      Jenfasizza l-importanza ta’ faċilitajiet kulturali u edukattivi għall-anzjani;

7.      Jitlob li jkun hemm miżuri konkreti u effettivi, bħall-adozzjoni tad-direttiva tat-trattament indaqs, biex tiġi indirizzata l-multidiskriminazzjoni li ħafna drabi jaffaċċjaw in-nisa anzjani;

8.      Jappoġġa l-inizjattivi maħsuba biex itejbu l-prevenzjoni tal-mard u t-titjib tas-saħħa fost l-anzjani, kif ukoll biex jippreservaw l-awtonomija tagħhom;

9.      Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jippubblikaw rapport dwar il-miżuri meħuda mill-Istati Membri biex jappoġġaw it-tixjiħ attiv u dwar l-impatt tagħhom, bil-għan li jiġu identifikati l-aqwa prattiki u jiġu ddeterminati azzjonijiet futuri li għandhom isiru fuq livell Ewropew;

10.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħolqu attitudni aktar pożittiva lejn it-tixjiħ kif ukoll li jżidu l-għarfien taċ-ċittadini tal-UE dwar il-kwistjonijiet marbuta mat-tixjiħ u l-effetti reali tiegħu, li kien wieħed mill-messaġġi ewlenin tas-sena 2012 bħala sena ta’ tixjiħ attiv u solidarjetà interġenerazzjonali;

11.    Iqis li l-għażla ta’ approċċ ta’ tul il-ħajja, fejn l-interkonnessjonijiet tat-tixjieħ u s-sess jiġu kkunsidrati, hija l-futur ta’ politiki dwar it-tixjieħ;

12.    jinnota li l-ispejjeż pubbliċi fil-qasam tas-saħħa jikkostitwixxu 7.8 % tal-PDG fl-UE u sal-2060 huwa stmat li, minħabba t-tixjiħ demografiku, l-ispiża għall-kura fit-tul u fil-qosor se tiżdied għal 3 %;

13.    Jistieden lill-Istati Membri jiddedikaw attenzjoni għall-immigranti nisa anzjani, li jsofru minn kondizzjonijiet ekonomiċi u soċjali ħarxa u ħafna drabi jiltaqgħu ma’ diffikultajiet fil-kisba ta’ aċċess għal miżuri ta’ protezzjoni soċjali u servizzi tal-kura tas-saħħa; jikkunsidra li attenzjoni partikolari għandha tiġi ddedikata għan-nisa individwali, ir-romol u n-nisa separati li l-kwalità tal-ħajja u s-saħħa tagħhom ġew affettwati bħala riżultat;

14.    Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jirrikonoxxu bis-sħiħ id-dimensjoni tas-sessi fis-saħħa bħala parti essenzjali fil-politiki dwar is-saħħa tal-UE u l-politiki nazzjonali dwar is-saħħa;

15.    Jistieden lill-Istati Membri jilħqu bilanċ tajjeb bejn l-implimentazzjoni ta’ miżuri drastiċi għall-ġlieda kontra l-kriżi finanzjarja u ekonomika u jipprovdu fondi suffiċjenti u adegwati għall-kura soċjali u tas-saħħa biex jgħinu fil-ġestjoni tax-xejra demografika tat-tixjiħ demografiku;

16.    Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika valutazzjoni tal-impatt tal-kriżi ekonomika u finanzjarja fuq in-nisa anzjani, b’attenzjoni partikolari fuq l-aċċess għall-kura tas-saħħa preventiva u trattament;

17.    Jinnota li strateġiji komprensivi u fil-fond fis-settur tas-saħħa jeħtieġu l-kooperazzjoni tal-gvernijiet, il-professjonisti tal-kura tas-saħħa, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, l-organizzazzjonijiet tas-saħħa pubblika, l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-pazjenti, il-mezzi tal-komunikazzjoni tal-massa u partijiet oħra kkonċernati bit-tixjiħ b’saħħtu;

18.    Isostni l-ħtieġa li tinbena u tiġi promossa Unjoni Ewropea li hija aktar sensittiva għall-bżonnijiet u għall-interessi tan-nisa u tal-irġiel anzjani, bl-inklużjoni ta’ perspettiva tas-sessi fir-rigward tal-miżuri u l-politiki kollha ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ informazzjoni sabiex jiżguraw tixjiħ attiv u b'saħħtu għal kulħadd;

Mard marbut max-xjuħija

19.    Jindika li ħafna mard fin-nisa ta’ spiss mhuwiex ikkunsidrat biżżejjed, bħall-każ tal-mard tal-qalb li jitqies bħala problema maskili; jiddispjaċih li ħafna każijiet ta’ attakk tal-qalb fin-nisa ma jiġux identifikati għaliex is-sintomi huma ġeneralment differenti minn dawk tal-irġiel; jenfasizza li anke t-trattamenti għandhom jikkunsidraw l-ispeċifiċitajiet bijoloġiċi tas-sess;

20.    Jistieden lill-Istati Membri jwettqu kampanji ta’ informazzjoni pubblika maħsuba għan-nisa bil-ħsieb li jkun hemm sensibilizzazzjoni dwar il-fatturi ta’ riskju marbuta mal-mard kardjovaskulari u jimplimentaw programmi speċjalizzati għat-taħriġ kontinwu tal-operaturi tas-saħħa;

21.    Jiddispjaċih bil-fatt li mhijiex qed tingħata biżżejjed informazzjoni għall-problema taż-żieda tal-konsum ta' alkoħol fost in-nisa anzjani fl-Ewropa u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jniedu studji biex jindirizzaw din il-problema u l-impatt tagħha fuq is-saħħa fiżika u mentali tagħhom;

22.    Jinnota b’inkwiet iż-żieda fin-numru ta’ nisa li jpejpu biż-żieda konsegwenti tar-riskju li jinħakmu mill-kanċer tal-pulmun apparti problemi kardjovaskulari u ċirkolatorji; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jintroduċu programmi kontra t-tipjip, b’attenzjoni speċjali għan-nisa żgħażagħ (id-WHO tistima li fl-Ewropa il-persentaġġ ta’ nisa li jpejpu se jitla’ minn 12 % għal madwar 20 % sal-2025);

23     Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi inizjattivi bil-għan li jiġi promoss it-titjib fis-saħħa, anke permezz ta' informazzjoni adegwata dwar ir-riskji marbuta mat-tipjip u l-alkoħol, u dwar il-benefiċċji ta’ dieta tajba u attività fiżika adegwata bħala mezzi biex jiġu evitati l-obeżità u l-pressjoni għolja u l-kumplikazzjonijiet marbuta magħhom;

24.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw kampanji informattivi maħsuba għan-nisa li deħlin jew qegħdin fil-menopawża;

25.    Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-għarfien pubbliku rigward il-mard tal-għadam u tal-ġogi billi jorganizzaw kampanji ta’ informazzjoni pubblika u edukattivi dwar il-prevenzjoni u l-kura tiegħu;

26.    Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tagħti bidu għal pjan ta’ azzjoni tal-UE fuq il-Mard li ma Jitteħidx bħala segwitu għar-riżultati tas-Samit tan-NU dwar il-Mard li ma Jitteħidx f’Settembru 2011 u l-proċess ta’ konsulatazzjoni pubblika mniedi mill-Kummissjoni f’Marzu-April 2012;

27.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiffoka fuq iż-żgħażagħ, partikolarment fir-rigward tar-reviżjoni futura tad-Direttiva 2001/37/KE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jirrelataw mal-manifattura, preżentazzjoni u l-bejgħ ta' prodotti tat-tabakk;

28.    Jistieden lill-Kummissjoni tfassal u timplimenta strateġija speċifika tal-UE fil-forma ta' rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni, id-djanjosi u l-ġestjoni tad-dijabete li tkopri wkoll informazzjoni u riċerka, inkluż approċċ li jiffoka fuq is-sessi u l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa; filwaqt li jiġi rispettat l-Artikolu 168(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

29.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw approċċ olistiku u sensittiv għas-sess għall-marda ta’ Alzheimer u dimenzji oħra sabiex tittejjeb il-kwalità tal-ħajja u d-dinjità tal-pazjenti u l-familji tagħhom;

30.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw kampanji ta’ informazzjoni pubbliċi dwar il-marda ta’ Alzheimer (jiġifieri informazzjoni dwar il-marda, il-possibilitajiet ta’ trattament u kura) f’kooperazzjoni mal-assoċjazzjonijiet tal-marda ta’ Alzheimer nazzjonali u Ewropej;

31.    Jistieden lill-Istati Membri joħolqu b’mod urġenti pjanijiet u strateġiji nazzjonali għall-marda ta’ Alzheimer jekk ma jkunux għamlu hekk;

32.    Jinnota bi tħassib li fl-UE ir-rata l-aktar għolja ta’ suwiċidji hija fost persuni li jkollhom aktar minn 65 sena u li l-każi ta’ attentat għal suwiċidju fost in-nisa huma aktar minn dawk fost l-irġiel u qed jiżdiedu minħabba r-riċessjoni ekonomika aggravata mill-impatt fuq in-nisa anzjani; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippubblika studju fuq ir-rabta bejn dawn l-istatistiki u l-impatt disproporzjonat tal-kriżi ekonomika fuq in-nisa anzjani;

33.    Jistieden lill-Istati Membri jtejbu, b’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni u l-Eurostat, il-ġbir tad-dejta, maqsuma skont is-sess u l-età, u informazzjoni relatata mas-saħħa mentali u għar-relazzjoni bejn is-saħħa mentali s-snin ta’ ħajja b’saħħitha;

34.    Jistieden lill-Istati Membri jorganizzaw korsijiet ta’ taħriġ speċifiku għat-tobba tal-familja u għall-operaturi tas-servizzi psikjatriċi, inklużi tobba, psikologi u infermiera, dwar il-prevenzjoni u t-trattament tal-mard newrodeġenerattiv u l-mard relatat mad-depressjoni, filwaqt li tingħata attenzjoni speċifika għall-isfidi ulterjuri li jiffaċċjaw in-nisa anzjani;

35.    Jistieden lill-Istati Membri jagħtu prijorità lill-azzjonijiet fil-qasam tal-mard li jiddiżabilita l-memorja, bħad-dimenzja, u jżidu l-isforzi tagħhom fir-riċerka medika u soċjali sabiex iżidu l-kwalità tal-ħajja tan-nies bil-marda u ta' min jieħu ħsiebhom, jiżguraw is-sostenibbiltà tas-servizzi tas-saħħa u tal-kura u jagħtu spinta lit-tkabbir fil-livell Ewropew;

36.    Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-persunal tas-settur pubbliku u privat li jipprovdu kura għall-anzjani jieħdu sehem fi programmi ta’ taħriġ kontinwi u jgħaddu minn valutazzjoni regolari;

37.    Jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu studji mediċi speċjalizzati fil-ġerontoloġija f’universitajiet pubbliċi;

Aċċess għas-servizzi tas-saħħa

38.    Jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw l-inizjattivi meħtieġa biex jgħinu lin-nisa anzjani jkollhom aċċess għas-servizzi mediċi u tas-saħħa, inklużi nisa li jgħixu 'l bogħod minn ċentri kbar u f'żoni b'aċċess diffiċli, irrispettivament miċ-ċirkustanzi personali, ekonomiċi u soċjali tagħhom, filwaqt li tingħata enfażi lill-assistenza individwalizzata, inkluż l-itwal perjodu possibbli ta' kura fid-dar, f'forom speċifiċi ta' appoġġ u assistenza lil minn jipprovdi l-kura u lit-telemediċina, sakemm tkun tista' titjieb il-kwalità tal-ħajja ta' dawk li qed ibatu minn mard kroniku u jitnaqqsu l-listi ta' stennija;

39.    Jistieden lill-Istati Membri, meta jippjanaw baġits għas-servizz tas-saħħa, li janalizzaw, jimmonitorjaw u jiggarantixxu wkoll id-dimensjoni tas-sessi;

40     Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw ulterjorment is-servizzi tas-saħħa elettroniċi u soluzzjonijiet għall-għajxien li jassistu ambjent sensittiv għas-sessi sabiex jiffavorixxu għajxien indipendenti fid-djar u jagħmlu s-servizzi tas-saħħa aktar effiċjenti u aċċessibbli għan-nisa anzjani li jkunu iżolati minħabba raġunijiet ta' mobilità u li huma l-aktar ta’ spiss esklużi mill-benefiċċji ta’ dawn il-faċilitajiet, u jistabbilixxu netwerk ta' konsulenza bit-telefown 24 siegħa;

41.    Jitlob li jittieħed approċċ ibbażat fuq id-drittijiet sabiex il-persuni anzjani jkollhom rwol attiv meta jittieħdu deċiżjonijiet dwar l-għażla u t-tip tas-servizzi ta’ kura u dawk soċjali li jiġu pprovduti lilhom;

42.    Jitlob lill-Istati Membri jiżguraw li s-sistemi ta’ protezzjoni soċjali, inkluża l-assigurazzjoni tal-mard, iqisu l-qgħad u d-diffikultajiet soċjali tan-nisa sabiex dawn tal-aħħar ma jitħallewx mingħajr protezzjoni.

43.    Iqis li huwa importanti li jkun appoġġat u ffaċilitat l-aċċess għas-servizzi mediċi u tal-kura tas-saħħa u ta’ assistenza, għan-nisa li, minkejja problemi ta’ saħħa personali, iridu jieħdu ħsieb persuni dipendenti oħra;

44     Iħeġġeġ li l-istituzzjonijiet pubbliċi u privati li jipprovdu l-kura tas-saħħa għall-anzjani u li jkunu konformi mal-isptarijiet jiġu organizzati mill-ġdid b’mod aktar konġenjali għall-pazjenti, mhux biss billi jipprovduhom b’kura medika iżda anke billi jagħtu prijorità lil kwalunkwe forma ta’ attività indipendenti jew kreattiva sabiex jiġi pprevenutu milli jiġu istituzzjonalizzati;

45.    Jemmen bis-sħiħ li l-pazjenti anzjani f’kura residenzjali pubblika jew privata jridu jiġu kkonsultati rigward it-tmexxija ta’ dawn l-istituzzjonijiet;·

46.    Jinsisti fuq il-ħtieġa li l-ammont dejjem jikber ta’ tobba u parademiċi jingħata taħriġ avvanzat u jkun ippreparat li jadotta approċċ li, minħabba l-fatturi speċifiċi involuti relatati mas-sess u l-età, għandu jikkunsidra l-ħtiġijiet psikoloġiċi, relazzjonali u informattivi partikolari tan-nisa anzjani;

47.    Jitlob li l-istudji mediċi jinkludu aktar taħriġ fis-smigħ u fil-psikoloġija; Jitlob ukoll li l-assistenti soċjali jkunu aktar involuti f’din il-politika ta’ prevenzjoni;

48     Iħeġġeġ lill-assoċjazzjonijiet u l-linji tat-telefown għall-għajnuna jipprovdu l-kura, il-protezzjoni u l-appoġġ psikoloġiku għall-anzjani;

49.    Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiġbru d-data u jiskambjaw prattiki tajba, billi joqogħdu attenti li jinkludu perspettiva relatati mas-sessi, li jistgħu jikkontribwixxu għall-għarfien ta’ prattiki tajbin dwar l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa b’mod partikolari billi jevitaw il-piżijiet amministrattivi u jiżviluppaw miżuri u politiki konkreti li jippermettu t-titjib fil-kwalità tal-ħajja tan-nisa anzjani u jagħtu wkoll pariri lill-gvernijiet dwar il-ħolqien ta' ambjent li jxerred l-għarfien dwar mard relatat mal-età fl-Istati Membri;

50.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jsaħħu l-kura tas-saħħa preventiva għan-nisa anzjani billi pereżempju jipprovdu mammogrami aċċessibbli u regolari u smear tests ċervikali, biex iħassru l-limiti tal-età fl-aċċess għall-prevenzjoni tas-saħħa bħall-iscreening tal-kanċer tas-sider, u biex iqajmu kuxjenza dwar l-importanza tal-iscreening;

51.    Jistieden lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha biex ixxerred fl-UE kollha kultura ta’ prevenzjoni, u lill-Istati Membri jżidu l-kampanji ta’ informazzjoni u sensibilizzazzjoni speċifiċi fl-iskejjel, universitajiet, fuq il-postijiet tax-xogħol u fiċ-ċentri għall-anzjani bil-kooperazzjoni tal-operaturi tal-qasam, tal-entitajiet lokali u tal-NGOs;

Riċerka u prevenzjoni

52.    Jinnota bi tħassib ir-riżultati tar-riċerka tal-UE ppubblikati f’April 2011 li juru li madwar 28 % tan-nisa li għandhom 60 sena jew aktar ġew ittrattati ħażin fl-aħħar tnax-il xahar; Huwa tal-opinjoni li trid tingħata prijorità lill-protezzjoni tal-anzjani mill-abbuż, it-trattament ħażin, in-negliġenza u l-esplojtazzjoni, kemm jekk intenzjonalment u volontarjament jew bħala riżultat ta’ traskuraġni; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-azzjonijiet tagħhom biex jipprevjenu l-abbuż tal-anzjani d-dar u fl-istituzzjonijiet;

53.    Huwa importanti li jiġi adottat approċċ għar-riċerka medika li jikkunsidra l-problemi speċifikatament relatati mal-irġiel u n-nisa b'mod rispettiv;

54     Jindika li l-istrateġija għall-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa (2010-2015) tagħraf li n-nisa u l-irġiel huma esposti għal mard u riskji għas-saħħa speċifiċi li jeħtieġu jiġu kkunsidrati b’mod xieraq fir-riċerka medika u fis-servizzi tal-kura tas-saħħa;

55.    Jitlob li fil-kuntest tal-Orizzont 2020 jiġi żviluppat pjan strateġiku ta’ riċerka dwar is-saħħa tan-nisa għad-deċennju li ġej u biex jinħoloq istitut ta’ riċerka dwar is-saħħa tan-nisa sabiex tkun garantita l-implimentazzjoni ta’ dan il-pjan;

56.    Huwa importanti li tkun garantita l-preżenza ta’ nisa esperti fil-kumitati konsultattivi teknoloġiċi u xjentifiċi nazzjonali għall-valutazzjoni tal-farmaċewtiċi;

57.    Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkludu l-abbuż fuq l-anzjani bħala tema ta’ riċerka fil-Programm Konġunt dwar il-Mard Newrodeġenerattiv biex titkejjel il-prevalenza u l-impatt tiegħu fuq in-nies bid-dimenzja;

58     Jappoġġa s-sħubija Ewropea għall-innovazzjoni fil-kuntest tat-tixjiħ attiv u b’saħħtu, li hija inizjattiva pilota li timmira li żżid b’sentejn l-istennija ta’ ħajja b’saħħitha taċ-ċittadini tal-UE sal-2020 u timmira li tilħaq tliet objettivi għall-Ewropa rigward t-titjib tal-istandards tas-saħħa u l-kwalità tal-ħajja tal-anzjani, kif ukoll tas-sostenibilità u tal-effiċjenza tal-arranġamenti ta' kura,

59.    Jilqa’ bi pjaċir il-proġetti u l-inizjattivi magħmula għat-titjib tad-drawwiet alimentari u tal-istil tal-ħajja (il-proġett EATWELL, il-Pjattaforma tal-UE fuq id-Dieta, l-Attività Fiżika u s-Saħħa, il-Qafas dwar it-Tnaqqis tal-Melħ) kif ukoll l-Isħubija Ewropea għall-azzjoni kontra l-kanċer;

60.    Jenfasizza li l-objettivi u l-azzjonijiet kollha inklużi fit-tieni programm ta’ azzjoni tal-UE fil-qasam tas-Saħħa għandhom jikkontribwixxu biex jippromwovu fehim aħjar u għarfien aħjar tal-ħtiġijiet rispettivi tal-irġiel u n-nisa u tal-approċċi rispettivi għas-saħħa;

61.    Jilqa’ bi pjaċir il-proposta tal-Kummissjoni dwar pakkett ta’ miżuri għall-politika ta’ koeżjoni (2014-2020) li tqis it-tixjiħ attiv u b’saħħtu u l-innovazzjoni fost il-prijoritajiet tagħha f’termini ta’ investimenti;

62.    Jiddispjaċih bil-fatt li 97 % tal-baġit tas-saħħa huwa ddedikat għat-trattament ta' mard li ma jittiħidx u 3 % biss għal investiment fil-prevenzjoni, filwaqt li l-ispiża tat-trattament u tal-immaniġġjar tal-mard li ma jitteħidx qed tiżdied minħabba d-disponibilità akbar ta’ djanjostika u trattamenti; jitlob f'dan ir-rigward lill-Istati Membri jżidu l-baġit tas-saħħa tagħhom biex jinkludu attivitajiet ta' prevenzjoni;

63.    Jistieden lill-Kummissjoni tpoġġi enfasi akbar fuq l-indirizzar tal-kawżi tal-mard u, għal dak il-għan, tippromwovi l-prevenzjoni fost is-setturi u fil-livelli kollha tas-soċjetà; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi s-saħħa permezz tad-dijanjosi f’waqtha tal-mard, iż-żamma ta’ stil ta' ħajja b’saħħitha, il-kura tas-saħħa adegwata, u l-iżgurar li l-ħaddiema anzjani jgawdu kondizzjonijiet tax-xogħol xierqa;

64.    Jistieden lill-Istati Membri jagħtu aktar attenzjoni għall-kampanji ta’ sensibilizzazzjoni dwar l-osteoporożi u jipprovdu informazzjoni aktar ċara fuq id-dijanjosi bikrija tal-osteoporożi biex jiġi evitat il-ksur, anke permezz ta’ aċċess aħjar għal eżaminazzjonijiet tad-densità tal-għadam, li għandhom ikunu aktar disponibbli;

65.    Jikkondividi l-“gender challenge” tad-WHO li għalih hija meħtieġa valutazzjoni aħjar tal-fatturi ta’ riskju li jinvolvu s-saħħa tan-nisa; jilqa’ f’dan il-kuntest ir-rakkomandazzjonijiet mid-WHO biex jinbnew ambjenti “adatti għall-età” u jiżdiedu l-opportunitajiet għan-nisa anzjani biex jikkontribwixxu b’mod produttiv għas-soċjetà inkluż kollaborazzjoni intersettorjali biex jiġu identifikati u promossi l-azzjonijiet barra s-settur tas-saħħa li jistgħu jtejbu r-riżultati tas-saħħa għan-nisa;

66.    Jistieden lill-Istati Membri jissottolinjaw, fit-taħriġ tal-persunal mediku u paramediku, id-differenzi fis-sinjali kliniċi u s-sintomi tal-mard kardjovaskulari fin-nisa, filwaqt li jenfasizza l-benefiċċji ta’ intervent fil-pront;

67.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jinkoraġġixxu fil-qafas ta' “Orizzont 2020” kollaborazzjoni xjentifika aktar mill-qrib u t-twettiq ta’ riċerki kumparattivi dwar l-isklerożi multipla fl-Unjoni Ewropea b’tali mod li jkunu jistgħu jiġu individwati trattamenti u kuri preventivi b’mod aktar faċli għal din il-marda li ġġib magħha limitazzjonijiet motorji kbar, b’mod partikolari għan-nisa anzjani;

68.    Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tappoġġa kampanji ta’ sensibilizzazzjoni partikolarment immirati għan-nisa anzjani u li jiffukaw fuq rakkomandazzjonijiet relatati mas-sess u l-età dwar dieta tajba u l-importanza tal-attività fiżika, peress li dawn il-fatturi jistgħu jkollhom rwol importanti fil-prevenzjoni tal-waqgħat u jgħinu jnaqqsu l-inċidenza ta' problemi kardjovaskulari, l-osteoporożi u xi tipi ta’ kanċer;

69.    Jitlob li tittieħed azzjoni b'mod xieraq, fil-forma ta' informazzjoni u edukazzjoni kemm fl-iskejjel kif ukoll permezz ta’ messaġġi dwar is-saħħa, dwar l-importanza ta' dieta korretta u dwar ir-riskji għas-saħħa kkawżati minn dieta ħażina;

70.    Jistieden lill-Kummissjoni tikkonsulta mal-Kunsill biex terġa’ tiġi mnedija b'mod effettiv ir-rakkomandazzjoni dwar l-iscreening tat-tumuri; iffukata fuq taqsimiet tal-popolazzjoni li huma żvantaġġati f'termini soċjali u ekonomiċi, bl-għan li jitnaqqsu d-disparitajiet tas-saħħa; iħeġġeġ dawk l-Istati Membri li s’issa għadhom ma implimentawx ir-rakkomandazzjoni biex jagħmlu dan, b’konformità mal-linji gwida Ewropej dwar il-garanzija ta’ kwalità;

71     Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jadattaw il-limitu ta’ età għall-aċċess għall-programmi ta’ screening, għall-anqas f’pajjiżi fejn l-inċidenza tal-marda hija ogħla u fil-każijiet fejn hemm riskju partikolari minħabba l-istorja tal-familja tal-pazjenti, u biex idaħħlu f’dawn il-programmi anke nisa anzjani, b'kunsiderazzjoni tal-istennija tal-ħajja itwal;

72.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu d-drittijiet tan-nisa f’perspettiva ta’ ġlieda kontra l-vjolenza u d-diskriminazzjoni kollha marbuta mal-età u mas-sessi, anke permezz ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ informazzjoni diretti lejn il-popolazzjoni Ewropea kollha, sa minn età bikrija;

73.    Jistieden lill-Istati Membri jintensifikaw ir-riċerka klinika dwar in-nisa u jqis li l-proposta riċenti ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-isperimentazzjoni klinika ta’ mediċina maħsuba għall-bniedem, li tirrevoka d-Direttiva 2001/20/KE, tista’ tiġi tiġi rideduta b'dak il-mod;

74.    Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw soluzzjonijiet innovattivi direttament permezz ta’ kooperazzjoni ma’ pazjenti sabiex jiġu ssodisfatti b’mod aktar effikaċi l-ħtiġijiet tal-anzjani;

75.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

NOTA SPJEGATTIVA

Il-popolazzjoni tal-Unjoni Ewropea qed tersaq lejn tixjiħ progressiv minħabba r-rati baxxi ta’ twelid u tal-istennija tal-għomor li qed tiżdied. Din id-dimensjoni qed tkun dejjem iżjed integrata fil-politiki Ewropej, kif tixhed is-Sena Ewropea 2012 għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet. L-għan huwa li jkun promoss it-tixjiħ b’saħħtu għal kulħadd permezz tal-aċċess għal kura tas-saħħa ta’ kwalità u permezz ta’ miżuri ta’ prevenzjoni li jippermettu li l-persuni anzjani jibqgħu kemm jista’ jkun indipendenti.

Dan ir-rapport għandu jagħti kwadru ġenerali tas-sitwazzjoni u jipproponi, fir-rigward tal-politika, numru ta’ azzjonijiet li għandhom jitwettqu fuq livell nazzjonali u Ewropew.

Ma teżistix definizzjoni ċara ta’ “persuna anzjana”. F’ċerti każijiet il-kriterju hu l-età fi snin (għad-WHO minn 65 sena 'l fuq) jew fażi partikolari tal-ħajja ta' persuna (it-tielet jew ir-raba' età); f'każijiet oħra, il-punt ta' bidu jkun ir-rwol soċjali jew il-livell ta’ attività ta' persuna (waqfien mill-attività professjonali), is-saħħa jew il-grad ta’ dipendenza.

L-istħarriġ tal-Ewrobarometru “Tixjiħ attiv” (2012) juri li d-definizzjoni ta' "żgħażagħ" u "anzjani" tvarja ħafna fost il-pajjiżi. Bħala medja, għall-Ewropej persuna titqies “anzjana” minn 64 sena u “mhux aktar żagħżugħa” minn 41.8 sena.

Il-grupp ta’ età tal-popolazzjoni ta’ aktar minn 65 sena jirrappreżenta sproporzjon f’termini ta’ sess: fuq total ta’ aktar minn 87 miljun persuna fl-UE27 f'dan il-grupp ta’ età, 50.6 miljuni huma nisa.

Id-distakk huwa aktar evidenti għal persuni li għandhom aktar minn 80 sena: 3.1% nisa u 1.6 % irġiel fuq it-total tal-popolazzjoni.

In-nisa jħossu li x-xjuħija tibda ftit aktar tard meta mqabbla mal-irġiel (65 sena b'paragun ma' 62.7). Huwa interessanti li nosservaw il-perspettiva personali tas-saħħa: ta’ 65 sena l-irġiel jgħidu li għandhom stennija ta’ saħħa tajba ta’ 8.2 snin; in-nisa ta’ 8.4.

Skont il-Eurostat,48.9% biss tal-persuni fil-grupp ta’ età bejn il-50-64 sena huma ottimisti rigward il-futur tagħhom; dan jinżel għal 44.9 % għall-grupp ta’ età akbar minn 65 sena.

Minkejja l-istennija tal-ħajja itwal, tinstab fost in-nisa anzjani rata pjuttost akbar ta' mard li jikkawża diżabbiltà - ksur minħabba osteoporożi, artrite rewmatika u osteoartrożi, puplesija, inkontinenza tal-awrina, kanċer - meta mqabbla mal-irġiel tal-istess età. L-istess jgħodd għal bidu progressiv ta' diżabilitajiet ikkawżati minn lajma psikomotorja jew episodji ta’ konfużjoni mentali u dimenzja (pereżempju l-marda ta' Alzheimer), li l-inċidenza tagħhom tiżdied b’mod esponenzjali mas-snin.

Fost il-mard li jolqot b’mod partikolari n-nisa anzjani hemm dawk kardjovaskulari, respiratorji, il-kanċer (li jibqa’ l-kawża ewlenija ta’ mewt fost in-nisa anzjani fl-UE), id-dijabete, il-mard marbut mal-muskoli u l-għadam, il-mard deġenerattiv u d-depressjoni.

Il-fatturi ta’ riskju ewlenin, li għandhom jiġu vvalutati skont rapport ta’ interdipendenza, huma l-pressjoni għolja, l-ipergliċemija, nuqqas ta’ eżerċizzju, it-tipjip, piż żejjed u obeżità, kolesterol għoli, kif ukoll, għan-nisa, it-tibdil ormonali minħabba l-menopawża.

It-tipjip b’mod partikolari jikkawża l-mewt ta’ madwar 6 miljun persuna kull sena, 21 % minnhom fl-Ewropa; l-abbuż tal-alkoħol huwa t-tielet fattur ta’ riskju l-aktar serju, wara t-tabakk u l-pressjoni għolja, li jikkawżaw mewt u diżabilità fl-UE; hu jikkawża 195 000 mewt kull sena u huwa fattur fit-12 % tal-imwiet prematuri fost l-irġiel u fit-2 % fost in-nisa; f’aktar minn nofs il-pajjiżi tal-OECD minn tal-anqas persuna minn tnejn għandha piż żejjed jew obeża u skont previżjoni sa għaxar snin oħra f’xi pajjiżi żewġ persuni minn tlieta se jkunu obeżi. L-attività fiżika jista’ jkollha rwol importanti ħafna għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja fost il-persuni anzjani, għaliex ittejjeb il-kundizzjonijiet fiżjoloġiċi u psikoloġiċi. Skont stħarriġ magħmul mill-Ewrobarometru dwar “Sport u attività fiżika” aktar min-nofs (61 %) l-intervistati ta’ età bejn il-15 u l-24 sena semmew li jagħmlu xi sport imqar darba fil-ġimgħa; iċ-ċifra tinżel għal 44 % għall-grupp ta’ età bejn il-25 u d-39 sena, għal 40 % għall-grupp ta’ età bejn l-40 u l-54 sena, għal 33 % għall-grupp ta’ età bejn il-55 u d-69 sena u għal 22% għal dawk li għandhom aktar minn 70.

Hija importanti l-promozzjoni tas-saħħa matul il-ħajja kollha.

Il-prevenzjoni u l-informazzjoni huma elementi essenzjali għal strateġija li fiha dawk li jfasslu l-politika kollha għandhom ikunu involuti, b’mod partikolari l-assoċjazzjonijiet tas-settur, l-istituzzjonijiet nazzjonali u Ewropej, il-korpi tal-informazzjoni u l-amministrazzjonijiet fuq livell lokali.

Skont id-WHO, id-dieta tajba, l-importanza tal-attività fiżika, il-ġlieda kontra t-tipjip u l-abbuż tal-alkoħol, għandhom ikunu kostanti matul il-ħajja.

Peress li l-2012 hija s-Sena Ewropea ddedikata għat-Tixjiħ Attiv, l-Istituzzjonijiet tal-UE għandhom jikkollaboraw mal-imsieħba nazzjonali u lokali biex ixerrdu mal-pubbliku ġenerali l-istrateġiji fil-kuntest ta’ prevenzjoni maħsuba għall-promozzjoni ta’ imġiba tajba li takkumpanja tixjiħ b’saħħtu u attiv.

Lil hinn mill-programmi ta’ screening, fil-fatt, jeħtieġ li jiġu kkunsidrati d-diffikultajiet (li ta’ spiss jinbidlu f’impossibbiltà) ta’ aċċess għas-servizzi tas-saħħa: il-kumplessità tas-sistemi, in-nuqqas ta’ gwidi, il-metodi ta’ appuntament għal visti speċjalistiċi u analiżi diffiċli, apparti listi twal ta’ stennija, jiskoraġixxu b’mod speċjali l-pazjenti anzjani, b’mod partikolari l-popolazzjoni anzjana femminili li ħafna drabi tgħix f’kundizzjonijiet ta’ solitudni.

Anke fejn is-sistemi tas-saħħa jissodisfaw b’mod adegwat il-ħtiġijiet tal-mara anzjana, in-nuqqas ta’ informazzjoni tista’ twassal għal nuqqas ta’ użu tal-possibilitajiet eżistenti. Jeħtieġ li jkun ikkunsidrat li l-kwalità tal-kura tas-saħħa tiddependi wkoll, u fuq kollox għan-nisa anzjani, għal approċċ bejn tabib u pazjent li jikkunsidra l-karatteristiċi speċifiċi ta’ din il-kategorija tal-popolazzjoni.

Ir-riċerka klinika għandha tikkunsidra sew is-sess, u turi, apparti prevalenza ta’ xi tipi ta’ mard fin-nisa, anke u fuq kollox fatturi kawżali jew predisposti (fost l-oħrajn, il-bidliet ormonali).

Għan-nisa t-tixjiħ (u l-menopawża) jirrappreżenta mument profond ta’ kriżi. Waqt li tixjieħ, il-mara tgħaddi minn bidliet kbar: ir-rwol soċjali u tax-xogħol jinbidel; it-tibdil fiżiku ħafna drabi jkun diffiċli li jiġi aċċettat.

Il-konsegwenzi psikoloġiċi tat-tixjiħ jistgħu jwasslu għal sens ta’ solitudni (li jsir agħar minħabba l-fatt li ħafna nisa anzjani jgħixu waħedhom), sens qawwi ta’ iżolament u t-telf tal-fiduċja personali. Dan kollu jista’ jwassal għal depressjoni. Aktar min-nofs (50.6 %) tan-nisa li għandhom bejn il-50 u l-64 sena fl-UE ma kinux attivi fl-2010.

Skont id-data tal-Ewrobarometru, terz taċ-ċittadini Ewropej jiddikkjaraw li jixtiequ jkomplu jaħdmu wara l-età tal-pensjoni.

Żewġ terzi taċ-ċittadini Ewropej jaqblu mal-kombinazzjoni ta’ xogħol part-time ma' pensjoni parzjali biex jiġi evitat li mal-pensjoni jsibu ruħhom esklużi f'daqqa waħda mill-ħajja soċjali u tax-xogħol.

L-attività u l-kontribut li l-anzjani jistgħu jagħtu lis-soċjetà wara l-pensjoni jistgħu jieħdu għamliet differenti, fost l-oħrajn il-volontarjat, l-appoġġ għall-membri tal-familja, l-għajnuna għal persuni fil-qrib morda jew vulnerabbli (jagħtu assistenza informali) u l-parteċipazzjoni f’attivitajiet politiċi, kulturali, ambjentali jew reliġjużi. Fuq livell lokali jistgħu jsiru sforzi biex ir-realtà lokali ssir adatta għall-anzjani. Jistgħu jitjiebu l-istrutturi sportivi, it-trasport pubbliku; jistgħu jiżdiedu l-okkażjonijiet ta’ laqgħat u ta’ skambju (attivitajiet soċjali u rikreattivi), bil-kollaborazzjoni tal-entitajiet lokali u l-assoċjazzjonijiet tal-volontarjat. Anke l-inkoraġġiment għall-użu tal-Internet (forsi permezz ta’ tagħlim b’xejn) jista’ jgħin lill-anzjani biex ikollhom ħajja soċjali jew biex inaqqsu s-solitudni iżda anke jibqgħu awtonomi u indipendenti (skont l-Eurostat fl-2010 46 % tal-persuni fil-grupp ta’ età bejn il-55 u l-64 sena tagħmel użu mill-Internet imqar darba fil-ġimgħa, filwaqt li għall-grupp ta’ età ta’ bejn il-65 u l-74 sena il-persentaġġ huwa ta’ 25 %).

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

10.10.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

31

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Regina Bastos, Edit Bauer, Andrea Češková, Edite Estrela, Iratxe García Pérez, Mikael Gustafsson, Mary Honeyball, Lívia Járóka, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Constance Le Grip, Astrid Lulling, Barbara Matera, Elisabeth Morin-Chartier, Krisztina Morvai, Norica Nicolai, Angelika Niebler, Siiri Oviir, Antonyia Parvanova, Raül Romeva i Rueda, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Britta Thomsen, Anna Záborská

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Roberta Angelilli, Izaskun Bilbao Barandica, Minodora Cliveti, Mariya Gabriel, Sylvie Guillaume, Ulrike Lunacek, Ana Miranda, Chrysoula Paliadeli, Antigoni Papadopoulou, Angelika Werthmann

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Jacek Włosowicz