Proċedura : 2012/2066(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0027/2013

Testi mressqa :

A7-0027/2013

Dibattiti :

PV 12/03/2013 - 19
CRE 12/03/2013 - 19

Votazzjonijiet :

PV 14/03/2013 - 8.4

Testi adottati :

P7_TA(2013)0091

RAPPORT     
PDF 216kWORD 153k
30 ta' Jannar 2013
PE 496.297v01-00 A7-0027/2013

dwar il-protezzjoni tas-saħħa pubblika mill-interferenti endokrinali

(2012/2066(INI))

Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

Rapporteur: Åsa Westlund

EMENDI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-protezzjoni tas-saħħa pubblika mill-interferenti endokrinali

(2012/2066(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1907/2006(1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (‘ir-Regolament REACH’),

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1272/2008(2) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1107/2009(3) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 528/2012(4) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/60/KE(5) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma ('id-WFD'),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/128/KE(6) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1223/2009(7) tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2006/60/KE u 2008/105/KE rigward sustanzi ta’ prijorità fil-qasam tal-politika dwar l-ilma,

–   wara li kkunsidra l-qafas kunċettwali tal-OECD għall-ittestjar u l-valutazzjoni tal-interferenti endokrinali,

–   wara li kkunsidra l-abbozz tad-dokument ta’ gwida dwar linji gwida standardizzati għat-test tal-evalwazzjoni ta’ sustanzi kimiċi għall-interferenti endokrinali (2011),

–   wara li kkunsidra l-abbozz tal-karta ta’ rieżami ddettaljat intitolat 'L-istat tax-xjenzi dwar l-iskrining il-ġdid in vitro u in vivo u l-metodi tal-ittestjar u l-punti tat-tmiem għall-evalwazzjoni tal-interferenti endokrinali',

–   wara li kkunsidra l-proposta li ġejja tal-Kummissjoni dwar ‘Blueprint għall-protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma tal-Ewropa’,

–   wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar 'L-implimentazzjoni ta' "L-istrateġija tal-Komunità għall-interferenti endokrinali" – firxa ta’ sustanzi ssuspettati li jiddisturbaw is-sistemi tal-ormoni tal-bnedmin u tal-fawna salvaġġa" (COM(1999)0706), (COM(2001)0262 u (SEC(2004)1372),

–   wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni, 'Ir-Raba' Rapport dwar l-implimentazzjoni ta' "L-istrateġija tal-Komunità għall-interferenti endokrinali" – firxa ta’ sustanzi ssuspettati li jiddisturbaw is-sistemi tal-ormoni tal-bnedmin u tal-fawna salvaġġa' (COM(1999)0706), (SEC(2011)1001),

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija Ewropea għall-Ambjent u s-Saħħa u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar l-Ambjent u s-Saħħa (2004-2010), li, fost l-oħrajn, jirrikonoxxu l-ħtieġa li jitqies l-esponiment ikkombinat tas-sustanzi kimiċi fil-valutazzjonijiet tar-riskju,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill dwar il-prinċipju tal-prekawzjoni (COM(2000)0001),

–   wara li kkunsidra r-Rapport Tekniku taż-ŻEE Nru 2/2012 'L-impatti tal-interferenti endokrinali fuq il-fawna salvaġġa, il-bnedmin u l-ambjenti tagħhom',

–   wara li kkunsidra r-rapport tiegħu tal-20 ta' Ottubru 1998 dwar il-kimiki li jinterferixxu mas-sistema endokrinali(8),

–   wara li kkunsidra r-rapport tiegħu tas-6 ta' Mejju 2010 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata 'Azzjoni kontra l-kanċer: Sħubija Ewropea'(9),

–   wara li kkunsidra r-rapport tiegħu tal-20 ta' April 2012 dwar ir-rieżami tas-6 Programm ta' Azzjoni Ambjentali u l-istabbiliment tal-prijoritajiet għas-7 Programm ta' Azzjoni Ambjentali – Ambjent aħjar għall-ħajja aħjar(10),

–   wara li kkunsidra d-dokument 'Study on the scientific evaluation of 12 substances in the context of the endocrine disruptor priority list of actions' (Studju dwar l-evalwazzjoni xjentifika ta' 12-il sustanza fil-kuntest ta' lista prijoritarja ta' azzjonijiet tal-interferenti endokrinali),

–   wara li kkunsidra d-dokument 'Study of DHI Water and Environment on enhancing the endocrine disrupter priority list with a focus on low-production-volume chemicals' (L-istudju imwettaq minn DHI Water and Environment dwar it-titjib tal-lista prijoritarja tal-interferenti endokrinali b'attenzjoni fuq il-kimiki prodotti fi kwantità żgħira,

–   wara li kkunsidra d-dokument 'State-of-the-art assessment of endocrine disrupters', (Valutazzjoni avvanzata tal-interferenti endokrinali), Numru tal-Kuntratt tal-Proġett 070307/2009/550687/SER/D3,

–   wara li kkunsidra r-rapport 'The impacts of endocrine disrupters on wildlife, people and their environments' (L-impatti tal-interferenti endokrinali fuq il-fawna salvaġġa, il-bnedmin u l-ambjenti tagħhom), ta' Weybridge+15 (1996–2011) (ISSN 1725-2237),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva (UE )2010/63 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2010 dwar il-protezzjoni tal-annimali li jintużaw għal skopijiet xjentifiċi,

–   wara li kkunsidra d-definizzjoni tas-sustanzi kimiċi li jinterferixxu mas-sistema endokrinali żviluppata mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u l-Programm Internazzjonali dwar is-Sigurtà tas-Sustanzi Kimiċi (IPCS)(11),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0027/2013),

A. billi l-problemi relatati mal-ormoni u l-mard fil-bnedmin żdiedu matul dawn l-aħħar għoxrin sena, inklużi l-kwalità mnaqqsa tal-isperma, il-bidu kmieni tal-pubertà, iż-żieda fl-inċidenza ta' organi sesswali deformati, iż-żieda fl-inċidenza ta' ċerti forom ta' kanċer u mard mataboliku; billi ċertu mard newroloġiku u newrodeġenerattiv, impatti fuq il-funzjonijiet tal-iżvilupp newroloġiku, is-sistema immunitarja jew l-epiġenetika, jistgħu jkunu marbuta mal-esponiment għas-sustanzi kimiċi bi proprjetajiet li jinterferixxu mas-sistema endokrinali; billi jeħtieġ li ssir aktar riċerka biex inkunu nistgħu nifhmu aħjar il-kawżi ta' dan it-tip ta' mard;

B.  billi s-sustanzi kimiċi li qed jaġixxu bħala interferenti endokrinali jista' jkollhom effetti estroġeniċi jew antiestroġeniċi li jinterferixxu mal-funzjoni tas-sistema riproduttiva femminili, ibiddlu l-konċentrazzjonijiet tal-ormoni u ċ-ċikli mestrwali tan-nisa, kif ukoll il-fertilità tagħhom, jiffavorixxu l-iżvilupp tal-mard tal-utru, bħall-fibrojdi u l-endometrijosi, u jaffettwaw it-tkabbir tas-sider u l-produzzjoni tal-ħalib; billi dawn is-sustanzi ġew identifikati bħala fatturi ta’ riskju responsabbli għall-pubertà prematura fil-bniet, il-kanċer tas-sider, il-korriment u l-effett ħażin fuq il-fertilità jew l-infertilità;

C. billi numru dejjem jiżdied ta’ studji xjentifiċi ssuġġerew li s-sustanzi kimiċi li jinterferixxu mas-sistema endokrinali, partikolarment b’mod kombinat, għandhom rwol kemm f’mard kroniku bħall-kanċers relatati mal-ormoni, l-obeżità, id-dijabete, il-mard kardjovaskulari kif ukoll fi problemi riproduttivi;

D. billi issa hemm evidenza xjentifika sinifikanti li l-problemi relatati mal-ormoni f’organiżmi slavaġ – inklużi l-anormalitajiet riproduttivi, il-maskulinizzazzjoni ta' gastropodi, il-femminizzazzjoni ta’ ħut jew it-tnaqqis ta’ ħafna mill-popolazzjonijiet tal-molluski f'diversi partijiet tad-dinja – huma marbuta mal-impatt ta’ sustanzi kimiċi bi proprjetajiet li jinterferixxu mas-sistema endokrinali;

E.  billi hemm ħafna kawżi possibbli għall-frekwenza li dejjem qed tikber ta' problemi relatati mal-ormoni fil-bnedmin; billi issa hemm evidenza xjentifika sinifikanti li dawn huma kkawżati parzjalment mill-impatt tal-kimiki bi proprjetajiet li jinterferixxu mas-sistema endokrinali;

F.  billi hemm diffikultajiet kbar biex tiġi ppruvata r-rabta każwali bejn l-esponiment għall-kimiki individwali u d-diżordni tal-bilanċ ormonali b'riskju ta' impatti fuq is-saħħa;

G. billi, fil-każ tal-kimiki bi proprjetajiet li jinterferixxu mas-sistema endokrinali, id-diffikultajiet biex tiġi ppruvata r-rabta każwali huma miżjuda minħabba numru ta' fatturi, bħal pereżempju li:

–   ikun għadda żmien twil bejn l-esponiment u l-effetti epiġenetiċi, u l-interferenti endokrinali jista’ jkollhom effett detrimentali wara diversi ġenerazzjonijiet;

–   ir-riskju ta' impatt negattiv ivarja fil-kobor fl-istadji differenti tal-iżvilupp, u ż-żminijiet kritiċi, pereżempju matul l-iżvilupp fetali, jistgħu jkunu qosra ħafna;

–   matul ħajjithom, il-persuni huma esposti għal numru kbir ta' kimiki f'taħlitiet kumplessi;

–   l-interferenti endokrinali jistgħu jinteraġixxu ma' xulxin u mas-sistema endokrinali tal-ġisem stess;

–   l-interferenti endokrinali jistgħu jaġixxu f'konċentrazzjonijiet estremament baxxi u b'hekk jikkawżaw effetti negattivi anke jekk id-doża tkun baxxa; meta r-relazzjoni bejn id-doża u r-rispons ma tkunx monotonika, id-diffikultà tal-previżjoni tiżdied aktar;

–   l-għarfien tagħna tas-sistemi endokrinali tal-bnedmin u l-annimali għadu limitat ħafna;

H. billi l-leġiżlazzjoni tal-UE għandha dispożizzjonijiet legali li jikkonċernaw l-interferenti endokrinali, iżda m’għandhiex il-kriterji biex tiddetermina jekk sustanza għandhiex titqies li għandha proprjetajiet li jinterferixxu mas-sistema endokrinali, u dan jimmina l-applikazzjoni xierqa tad-dispożizzjonijiet legali; billi għandha tiġi stabbilita skeda ta’ żmien sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni mgħaġġla tal-kriterji futuri;

I.   billi, fil-livell tal-UE, m’hemm l-ebda programm ta’ monitoraġġ koordinat jew kombinat iddedikat speċifikament għal interferenti endokrinali;

J.   billi hemm ftit, jew xejn, koordinazzjoni fir-rigward tal-mod kif tinġabar, tiġi mmaniġġjata, ivvalutata u rrapportata d-data fil-programmi differenti ta’ monitoraġġ;

K. billi, attwalment, mhuwiex legalment possibbli li jitqiesu l-effetti ta' kombinament bejn l-interferenti endokrinali rrilaxxati minn prodotti rregolati minn settijiet differenti ta' regolamenti;

L.  billi r-rekwiżiti standard dwar id-data fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kimiki mhumiex biżżejjed biex jidentifikaw b’mod adegwat il-proprjetajiet li jinterferixxu mas-sistema endokrinali;

M. billi numru ta’ liġijiet tal-UE huma maħsuba biex jipproteġu liċ-ċittadini minn esponiment għal sustanzi kimiċi perikolużi; billi l-leġiżlazzjoni attwali tal-UE, madankollu, tivvaluta kull esponiment b’mod individwali u ma tipprevedix valutazzjoni integrata u komprensiva tal-effetti kumulattivi li tqis ir-rotot differenti ta’ esponiment jew it-tipi ta’ prodotti differenti;

1.  Iqis, abbażi ta' valutazzjoni ġenerali tal-għarfien attwali, li l-prinċipju ta' prekawzjoni, skont l-Artikolu 192(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (TFUE), jirrikjedi lill-Kummissjoni u lil-leġiżlaturi jieħdu miżuri adegwati biex fejn ikun meħtieġ inaqqsu l-esponiment tal-bnedmin, fiż-żmien qasir u fit-tul, għall-interferenti endokrinali, filwaqt li jagħmlu ħafna aktar riċerka sabiex itejbu l-għarfien xjentifiku dwar l-impatt tal-interferenti endokrinali fuq is-saħħa tal-bniedem;

2.  Jirrimarka li l-prinċipju ta’ prekawzjoni japplika f’dinja ta’ inċertezza xjentifika, fejn riskju jista' jiġi karatterizzat biss abbażi ta' għarfien mhux perfett – li la jkun stabbilit u lanqas definittiv – iżda fejn huwa meħtieġ li tittieħed azzjoni biex jiġu evitati jew jitnaqqsu l-konsegwenzi potenzjalment serji jew irriversibbli għas-saħħa tal-bniedem u/jew l-ambjent;

3.  Huwa tal-fehma li meta effetti negattivi tas-sustanzi li jinterferixxu mas-sistema endokrinali jistgħu jiġu preżunti b'mod raġonevoli, għandhom jiġu implimentati miżuri li jipproteġu s-saħħa tal-bniedem; jenfasizza, barra minn hekk, minħabba l-potenzjal tas-sustanzi li jinterferixxu mas-sistema endokrinali li jikkawżaw effetti dannużi jew irriversibbli, li n-nuqqas ta' għarfien preċiż, inkluża l-prova finali ta' rabtiet każwali, m'għandux jipprevjeni t-teħid ta' miżuri ta' protezzjoni tas-saħħa skont il-prinċipju ta' prekawzjoni, b'kunsiderazzjoni tal-prinċipju ta' proporzjonalità;

4.  Iqis li l-protezzjoni tan-nisa minn riskji potenzjali ta’ interferenti endokrinali għas-saħħa riproduttiva tagħhom hija ta’ importanza kbira; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-finanzjament għar-riċerka għall-istudju tal-effetti tal-interferenti endokrinali fuq is-saħħa tan-nisa, u tappoġġja l-istudji fit-tul li jimmonitorjaw is-saħħa tan-nisa fuq perjodi twal tal-ħajja tagħhom biex b'hekk tkun tista’ issir valutazzjoni bbażata fuq l-evidenza tal-effetti fit-tul u li jgħaddu minn ġenerazzjoni għall-oħra tal-esponiment għall-interferenti endokrinali;

5.  Għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni tissottometti, malajr kemm jista' jkun, proposti għal kriterji globali bbażati fuq id-definizzjoni tal-interferenti endokrinali żviluppata mill-Programm Internazzjonali dwar is-Sigurtà tas-Sustanzi Kimiċi tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO/IPCS), flimkien ma' rekwiżiti ta' ttestjar u informazzjoni għall-kimiki fis-suq kummerjċali, u jitlob li l-leġiżlazzjoni tal-UE tkun ċara dwar dak li hu meqjus bħala sustanza bi proprjetajiet li jinterferixxu mas-sistema endokrinali; huwa favur l-introduzzjoni ta' ‘interferent endokrinali’ bħala klassi regolatorju, b’kategoriji differenti bbażati fuq il-qawwa tal-evidenza;

6.  Jenfasizza li huwa essenzjali li l-kriterji għad-determinazzjoni tal-proprjetajiet li jinterferixxu mas-sistema endokrinali jkunu bbażati fuq valutazzjoni komprensiva tal-periklu mwettqa abbażi ta' xjenza avvanzata, b'kunsiderazzjoni tal-effetti ta' kombinament potenzjali kif ukoll l-effetti fit-tul u l-effetti matul fażijiet kritiċi ta' żvilupp; il-valutazzjoni tal-periklu għandha mbagħad tintuża fil-valutazzjoni tar-riskju u fil-proċeduri tal-ġestjoni tar-riskju kif preskritt f'diversi leġiżlazzjonijiet rilevanti;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu aktar azzjoni fil-qasam tal-politika dwar is-sustanzi kimiċi u tintensifika r-riċerka li tipprevedi kemm il-valutazzjoni tal-potenzjal ta’ interferenza mas-sistema endokrinali ta’ sustanzi kimiċi individwali kif ukoll il-possibbiltà li jiġi vvalutat l-impatt kumulattiv ta’ kombinamenti identifikati ta’ sustanzi fuq is-sistema endokrinali;

8.  Huwa tal-fehma li l-kriterji għad-definizzjoni tal-interferenti endokrinali għandhom ikunu bbażati fuq kriterji li jiddefinixxu 'effett negattiv' u 'mod ta' azzjoni endokrinali'; id-definizzjoni tad-WHO/IPCS hija l-bażi xierqa għal dak l-għan; iqis li kemm l-'effett negattiv' kif ukoll il-'mod ta' azzjoni endokrinali' jridu jiġu eżaminati u kkunsidrati b'mod parallel f'valutazzjoni komprensiva; iqis li l-effetti osservati għandhom jitqiesu bħala dannużi jekk ikun hemm data xjentifika li tindika dan; jenfasizza li għandu jitqies kull effett possibbli ta' kombinament, bħall-effetti ta’ taħlitiet jew l-effetti "cocktail";

9.  Jenfasizza li l-kriterji li jiddeterminaw x'jikkostitwixxi interferent endokrinali jridu jkunu bbażati fuq ix-xjenza u orizzontali; iqis li għandu jintuża approċċ ibbażat fuq l-evidenza u li l-ebda kriterju uniku m'għandu jitqies bħala punt ta' limitu jew deċiżiv għall-identifikazzjoni ta' interferent endokrinali; iqis li mbagħad għandha titwettaq valutazzjoni soċjoekonomika skont il-leġiżlazzjoni rilevanti;

10. Huwa ferm kontra t-tentattivi li jiġi introdott il-kriterju ta’ 'potenza' bħala l-punt ta’ limitu għad-definizzjoni ta’ interferenti endokrinali, minħabba li dan jillimita indebitament id-definizzjoni ta’ interferenti endokrinali, u jaħmluha xjentifikament difettuża u mhux koerenti mal-klassifikazzjoni ta’ sustanzi Karċinoġeni, Mutaġeni jew Tossiċi għar-Riproduzzjoni (CMR) li hija bbażata fuq is-saħħa tal-evidenza;

11. Huwa tal-opinjoni li għandhom jitqiesu d-data u l-informazzjoni xjentifika kollha evalwata bejn il-pari, inkluż rieżami tal-letteratura xjentifika u l-istudji mhux GLP, skont is-setgħat u d-dgħufijiet tagħhom, meta ssir il-valutazzjoni dwar jekk sustanza għandhiex proprjetajiet li jinterferixxu mas-sistema endokrinali jew le; iqis ukoll li huwa importanti li jitqiesu l-metodi moderni u r-riċerka aġġornata;

12. Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi fil-leġiżlazzjoni kollha rilevanti tal-UE rekwiżiti tal-ittestjar xierqa għall-identifikazzjoni tas-sustanzi bi proprjetajiet li jinterferixxu mas-sistema endokrinali; iqis li l-metodi ta' ttestjar l-aktar ivvalidati riċentament u rikonoxxuti internazzjonalment – bħal dawk żviluppati mill-OECD, il-Laboratorju ta' Referenza għall-Alternattivi għall-Ittestjar fuq l-Annimali tal-Unjoni Ewropea (EURL ECVAM) jew il-Programm tal-Iskrining tal-Interferenti Endokrinali tal-Aġenzija għall-Protezzjoni Ambjentali tal-Istati Uniti (EPA) – iridu jiġu implimentati; jinnota li l-programm tal-OECD tal-metodi tal-ittestjar ikopri l-ormoni tas-sess u l-ormoni tat-tirojde kif ukoll l-isterojdoġenesi; jindika, min-naħa l-oħra, li m'hemm l-ebda test għal ħafna oqsma oħra tas-sistema endokrinali, pereżempju, l-insulina u l-ormoni tat-tkabbir; iqis li għandhom jiġu żviluppati metodi tal-ittestjar u dokumenti ta' gwida sabiex jikkunsidraw aħjar l-interferenti endokrinali, effetti possibbli ta' doża baxxa, effetti ta' kombinament u relazzjonijiet mhux monotoniċi bejn id-doża u r-rispons, b’mod partikolari fir-rigward ta’ fażijiet kritiċi ta’ esponiment matul l-iżvilupp;

13. L-iżvilupp tal-metodi tal-ittestjar li ma jsirx fuq l-annimali għandu jkun promoss biex tiġi prodotta data ta’ sikurezza rilevanti għall-bniedem u biex jiġu sostitwiti l-istudji fuq l-annimali użati attwalment.

14. Jemmen li l-użu ta’ metodi tal-ittestjar li ma jsirx fuq l-annimali u strateġiji oħrajn tal-valutazzjoni tar-riskju għandhom jiġu promossi, u li l-ittestjar fuq l-annimali għandu jitnaqqas u t-testijiet fuq il-vertebrati għandhom isiru biss meta ma jkunx hemm għażla oħra; ifakkar li, skont id-Direttiva 2010/63/UE, it-testijiet fuq annimali vertebrati jridu jiġu sostitwiti, ristretti jew irfinuti; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tistabbilixxi regoli sabiex jiġi evitat l-ittestjar doppju u d-duplikazzjoni tat-testijiet u l-istudji fuq il-vertebrati għandhom jiġu pprojbiti;

15. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw reġistri ta’ problemi fis-saħħa riproduttiva sabiex jimlew il-lakuna eżistenti fid-data fil-livell tal-UE;

16. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw data affidabbli dwar l-impatti soċjoekonomiċi ta’ problemi u mard relatati mal-ormoni;

17. Iqis li għandu jkun possibbli għall-korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet biex jindirizzaw sustanzi b’mekkaniżmi ta’ azzjoni u proprjetajiet identiċi fuq bażi ta’ grupp meta tkun disponibbli biżżejjed data, filwaqt li meta ma tkunx disponibbli biżżejjed data jista' jkun utli li s-sustanzi jiġu raggruppati abbażi ta' similarità strutturali, pereżempju bl-għan li jiġu stabbiliti prijoritajiet għall-ittestjar addizzjonali, il-pubbliku jiġu pprovdut malajr kemm jista’ jkun bil-protezzjoni mill-effetti ta' esponiment għall-interferenti endokrinali u n-numru tal-esperimenti fuq l-annimali jiġi ristrett; huwa tal-fehma li r-raggruppament tal-kimiki b'similarità strutturali għandu jiġi applikat jekk il-manifattur jew l-importatur ma jkunx jista' jagħti prova tas-sikurezza ta' kimika li tkun sodisfaċenti għall-korpi rilevanti li jieħdu d-deċiżjonijiet; jirrimarka li, f'dawn il-każijiet, dawn il-korpi jistgħu jużaw informazzjoni minn kimiki li għandhom struttura simili biex jikkumplimentaw id-data disponibbli dwar kimika partikolari li qed tiġi kkunsidrata mill-korpi sabiex jaslu għall-konklużjonijiet dwar liema passi sussegwenti jeħtieġu jieħdu;

18. Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-istrateġija tagħha tal-UE dwar l-interferenti endokrinali sabiex twassal protezzjoni effettiva tas-saħħa tal-bniedem billi tpoġġi enfasi akbar fuq il-prinċipju ta' prekawzjoni, filwaqt li tosserva l-prinċipju ta' proporzjonalità, u tnaqqas l-esponiment tal-bniedem għall-interferenti endokrinali fejn ikun meħtieġ;

19. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw iktar il-fatt li l-konsumaturi jeħtieġ ikollhom informazzjoni affidabbli – ippreżentata b'mod xieraq u b'lingwa li jistgħu jifhmu – dwar il-perikli tal-interferenti endokrinali, l-effetti tagħhom, u modi possibbli ta' kif jistgħu jipproteġu lilhom infushom;

20. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq skeda ta’ żmien konkreta għall-applikazzjoni tal-kriterji futuri u r-rekwiżiti tal-ittestjar immodifikati għal interferenti endokrinali fil-leġiżlazzjoni rilevanti, inklużi rieżamijiet tal-approvazzjoni ta’ sustanzi attivi użati fil-pestiċidi u l-bijoċidi, u pjan direzzjonali b’azzjonijiet u miri speċifiċi biex jitnaqqas l-esponiment għal interferenti endokrinali;

21. Iqis li l-bażi tad-data dwar is-sustanzi attivi ormonali, żviluppata bħala parti mill-istrateġija attwali, għandha tiġi kontinwament aġġornata;

22. Jistieden lill-Kummissjoni, bħala parti mir-rieżami attwali tagħha tal-Istrateġija tal-Komunità tal-1999 dwar l-interferenti endokrinali, twettaq eżami sistematiku tal-leġiżlazzjoni attwali rilevanti u, fejn neċessarju mhux aktar tard mill-1 ta' Ġunju 2015, temenda l-leġiżlazzjoni eżistenti jew tressaq proposti leġiżlattivi ġodda, inklużi valutazzjonijiet tal-periklu u tar-riskju, sabiex tnaqqas l-esponiment tal-bniedem – b'mod partikolari gruppi vulnerabbli bħal nisa tqal, trabi, tfal u żgħażagħ – għall-interferenti endokrinali kif xieraq;

23. Jistieden lill-Kummissjoni, meta twettaq ir-rieżami futur tagħha tal-istrateġija tal-UE dwar l-interferenti endokrinali, tistabbilixxi skeda preċiża, li tispeċifika stadji intermedji, għall-iskop ta':

– applikazzjoni tal-kriterji futuri għall-identifikazzjoni ta’ prodotti kimiċi li jkunu potenzjalment interferenti endokrinali;

– rieżami tal-leġiżlazzjonijiet rilevanti msemmija fil-paragrafu 22;

– pubblikazzjoni ta’ lista aġġornata b'mod regolari b’interferenti endokrinali ta’ prijorità, li l-ewwel verżjoni tagħha għandha tiġi ppubblikata sal-20 ta’ Diċembru 2014;

– azzjonijiet kollha meħtieġa biex jitnaqqas l-esponiment tal-popolazzjoni u l-ambjent tal-UE għall-interferenti endokrinali.

24. Huwa tal-opinjoni li l-interferenti endokrinali għandhom jitqiesu bħala Sustanzi ta' Tħassib Kbir Ħafna fi ħdan it-tifsira tar-Regolament Reach, jew l-ekwivalenti skont leġiżlazzjoni oħra;

25. Jenfasizza li x-xjenza attwali ma tipprovdix biżżejjed bażi għall-istabbiliment ta' valur ta' limitu li taħtu ma jseħħux effetti negattivi, u għalhekk l-interferenti endokrinali għandhom jitqiesu bħala sustanzi 'li m'għandhomx limitu minimu', u li kull esponiment għal tali sustanzi jista' jinvolvi riskju, sakemm il-manifattur ma jagħtix prova xjentifika li jista' jiġi identifikat limitu, b'kunsiderazzjoni ta' sensittivitajiet li jiżdiedu matul fażijiet kritiċi tal-iżvilupp, u l-effetti ta' taħlitiet;

26. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja proġetti ta' riċerka mmirati għal sustanzi li x'aktarx jaffettwaw is-sistema endokrinali u tagħmel enfasi dwar l-effetti negattivi b’doża baxxa jew permezz ta’ esponiment kombinat, inkluż l-iżvilupp ta' metodi ġodda ta' ttestjar u analiżi, kif ukoll tappoġġa l-bidla ġdida bbażata fuq mogħdijiet tat-tossiċità/mogħdijiet ta’ riżultati negattivi; jistieden lill-Kummissjoni tinkorpora l-interferenti endokrinali, l-effetti ta' kombinament tagħhom, u suġġetti relatati fil-prijoritajiet tal-programm qafas għar-riċerka u l-iżvilupp;

27. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa metodoloġiji in vitro u in silico sabiex jiġi mminimizzat l-ittestjar fuq l-annimali għall-iskrining tal-interferenti endokrinali;

28. Jistieden lill-Kummissjoni tesiġi li l-prodotti kollha impurtati minn pajjiżi terzi jkunu konformi mal-leġiżlazzjoni Ewropea attwali u tal-futur dwar l-interferenti endokrinali;

29. Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi lill-partijiet rilevanti kollha fl-isforzi ta' kooperazzjoni biex jintroduċu bidliet leġiżlattivi neċessarji, sabiex itejbu l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem mis-sustanzi kimiċi li jinterferixxu mas-sistema endokrinali, u jippjanaw kampanji ta’ informazzjoni;

30. Jistieden lill-Kummissjoni tqis il-possibbiltà li jiġi stabbilit ċentru ta’ riċerka għall-interferenti endokrinali li għandu jwettaq riċerka u jikkoordina l-għarfien dwar l-interferenti endokrinali fil-livell tal-UE;

31. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-leġiżlazzjoni attwali u futura rilevanti kollha tapplika b'mod orizzontali l-kriterji għall-identifikazzjoni tal-interferenti endokrinali magħrufa, probabbli u potenzjali sabiex jinkiseb livell għoli ta' protezzjoni;

32. Jenfasizza li filwaqt li din ir-riżoluzzjoni hija limitata għall-indirizzar tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem minn interferenti endokrinali, huwa daqstant importanti li tittieħed azzjoni deċiżiva dwar l-interferenti endokrinali għall-ħarsien tal-organiżmi slavaġ u l-ambjent;

33. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi u tiffinanzja programmi għall-informazzjoni pubblika dwar ir-riskji fuq is-saħħa ta’ interferenti endokrinali, sabiex tippermetti lill-konsumaturi, b’għarfien sħiħ dwar il-fatti, li jadattaw l-imġiba u l-istil ta’ ħajja tagħhom; dawn il-programmi ta’ informazzjoni għandhom, b'mod partikolari, jiffukaw fuq il-gruppi l-iktar vulnerabbli (nisa tqal u tfal), sabiex ikunu jistgħu jittieħdu miżuri ta’ prekawzjoni f’ħin tajjeb;

34. Jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-programmi ta’ taħriġ għall-professjonisti tas-saħħa f’dan il-qasam;

35. Jilqa’ l-inklużjoni tas-sustanzi kimiċi li jinterferixxu mas-sistema endokrinali (EDCs) fost il-kwistjonijiet ta’ politika emerġenti ġestiti fil-qafas politiku tal-Approċċ Strateġiku għall-Ġestjoni Internazzjonali tas-Sustanzi Kimiċi (SAICM); jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw dawn l-attivitajiet tas-SAICM, u jippromwovu politiki attivi sabiex jitnaqqas l-esponiment tal-bniedem u tal-ambjent għall-EDCs fil-forums internazzjonali rilevanti kollha, inklużi l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u l-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP).

36. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 36, 5.2.2009, p. 84.

(2)

ĠU L 353, 31.12.08, p.1.

(3)

ĠU L 309, 24.11.09, p.1.

(4)

ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.

(5)

ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1.

(6)

ĠU L 309, 24.11.2009, p. 71.

(7)

ĠU L 342, 22.12.2009, p. 59.

(8)

Testi adottati, P4_TA(1998)0608.

(9)

Testi adottati, P7_TA(2010)0152.

(10)

Testi adottati, P7_TA(2012)0147.

(11)

Definizzjoni mir-rapport tal-WHO/IPCS (2002): "Interferent endokrinali huwa sustanza jew taħlita eżoġena li tbiddel il-funzjoni(ijiet) tas-sistema endokrinali u konsegwentement tikkawża effetti ħżiena fuq is-saħħa f’organiżmu intatt, jew fil-wild tiegħu, jew f’(sub)popolazzjonijiet." Interferent endokrinali potenzjali huwa "sustanza jew taħlita eżoġena li tipposjedi proprjetajiet li jistgħu jkunu mistennija li jwasslu għal interferenza endokrinali f’organiżmu intatt, jew fil-wild tiegħu, jew f’(sub)popolazzjonijiet." (http://www.who.int/ipcs/publications/en/ch1.pdf)


NOTA SPJEGATTIVA

Tabilħaqq, iż-żieda fl-inċidenza ta' problemi relatati mal-ormoni u l-mard fil-bnedmin teħtieġ titqies b'mod serju ħafna. Is-sistema endokrinali tirregola kważi dak kollu li jiġri fil-ġisem, fosthom ir-riproduzzjoni, il-metaboliżmu, it-tkabbir, il-bilanċ tal-ilma u l-minerali u l-funzjoni tal-qalb. Hemm tendenza inkwetanti partikolarment rigward il-kapaċità riproduttiva tal-bniedem, fejn huwa maħsub li l-interferenti endokrinali huma fattur kontributorju.

Il-prinċipju ta' prekawzjoni huwa, u għandu jibqa', element maġġuri tal-politika tal-UE dwar il-kimiki. Il-fatt li m'għandniex biżżejjed għarfien ma jistax jintuża bħala pretest biex ma jsir xejn. Ir-riskji ta' dannu irriversibbli għall-bnedmin u l-ambjent huma sempliċiment kbar wisq.

Bħalissa hemm madwar 27 000 rapport ta' riċerka li jindirizzaw l-interferenti endokrinali u l-effetti tagħhom fuq il-bnedmin u l-annimali. Jista' jiġi nnutat numru ta' tendenzi inkwetanti.

Fl-aħħar għoxrin sena, kienet qed tiżdied l-evidenza li l-problemi relatati mal-ormoni fil-bnedmin qegħdin jiżdiedu. Id-dianjosi u l-inċidenza ta' numru ta' mard żdiedu ħafna fid-dinja kollha. Kien hemm żieda partikolarment evidenti f'mard riproduttiv potenzjali fil-forma ta' kwalità mnaqqsa ta' sperma, kanċer testikolari, bidu kmieni tal-pubertà u organi sesswali deformati, pereżempju l-cryptorchidism meta t-testikoli ma jinżlux fl-iskrotu meta l-fetu jkun qed jiżviluppa, u l-hypospadiasis, meta l-ftuħ tal-uretra jkun il-parti ta' taħt tal-pene. Qed naraw ukoll żieda fin-numru ta' trabi li jitwieldu b’deformità, kanċers u każijiet ta' dijabete, u l-inċidenza ta' mard ta' żvilupp newroloġiku bħal pereżempju l-awtiżmu u l-ADHD qed tiżdied ukoll. In-numru ta' nisa dijanjostikati bil-kanċer fis-sider fir-Renju Unit kważi rdoppja sa mill-1980. Huwa stmat li issa mara waħda għal kull disgħa se jkollha kanċer fis-sider f'punt partikolari ta' ħajjitha. Bidla rapida bħal din tista' tiġi spjegata biss minn fatturi ambjentali esterni.

Il-ġeni tagħna ma nbidlux daqshekk fi żmien qasir bħal dan. Bl-istess mod, iż-żieda f'dawn il-problemi teħtieġ tiġi spjegata minn fatturi esterni. Din l-influwenza esterna ġejja minn numru ta' sorsi differenti, fosthom fatturi tal-istil tal-ħajja, l-ikel u n-nutrizzjoni, patoġeni, mediċini, drogi, fatturi ekonomiċi, u kawżi soċjali bħal pereżempju l-istress. Hemm ukoll firxa wiesgħa ta' studji li juru li esponiment għas-sustanzi kimiċi huwa fattur kontributorju. Dawn il-fatturi kollha jistgħu jikkorrelataw ma' xulxin; pereżempju, in-nutrizzjoni u l-istress jistgħu jinfluwenzaw is-suxxettibilità tal-ġisem għal fatturi oħra.

Il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem hija parti importanti tal-politika tal-UE (Artikolu 35 tat-Trattat). Sabiex jinkiseb dan, huwa importanti li l-prinċipju ta' prekawzjoni (Artikolu 191 tat-Trattat) jiġi applikat bis-sħiħ.

L-interferenti endokrinali fl-ambjent tal-bniedem huma għalhekk wieħed mill-fatturi li jinfluwenzaw dan it-tħassib inkwetanti. Madankollu, huwa impossibbli li wieħed ikun jaf fid-dettall kif interferent endokrinali speċifiku jikkawża marda speċifika. Dan huwa minħabba numru ta' fatturi.

–    jista' jgħaddi żmien twil bejn l-esponiment u l-effett, probabbilment diversi deċennji jew ġenerazzjonijiet;

–    ir-riskju ta' impatt negattiv ivarja fil-kobor fl-istadji differenti tal-iżvilupp, u ż-żminijiet kritiċi, pereżempju matul l-iżvilupp fetali, jistgħu jkunu qosra ħafna;

–    matul ħajjithom, il-persuni huma esposti għal numru kbir ta' sustanzi kimiċi f'taħlitiet kumplessi;

–    l-interferenti endokrinali jistgħu jinteraġixxu ma' xulxin u mal-ormoni tal-ġisem stess;

–    l-interferenti endokrinali jistgħu jaġixxu f'konċentrazzjonijiet estremament baxxi u jista' jkollhom effett akbar f'doża baxxa milli f'doża kbira. Meta r-relazzjoni bejn id-doża u r-rispons ma tkunx monotonika, id-diffikultà tal-previżjoni tiżdied aktar;

–    l-għarfien tagħna tas-sistemi endokrinali tal-bnedmin u l-annimali għadu limitat ħafna;

L-interferenti endokrinali jinsabu kollha madwarna fil-ħajja tagħna ta' kuljum. Huma jinsabu preżenti fil-pakketti tal-ikel, prodotti tal-kura tal-ġilda, kosmetiċi, materjali tal-bini, oġġetti elettroniċi, għamara u pavimenti. Ħafna prodotti magħmula mill-plastik f'darna u fuq il-post tax-xogħol għandhom tip wieħed jew iktar ta' sustanzi kimiċi li huma ssuspettati li jkollhom l-effett li jinterferixxu mas-sistema endokrinali. Bħala konsumatur individwali huwa impossibbli li jkun jaf liema sustanzi huma preżenti f'liema prodotti, partikolarment fil-każ tal-oġġetti li m'għandhomx lista' tal-kontenut.

L-interferenti endokrinali huma rrilaxxati minn materjali u prodotti u jakkumulaw, pereżempju, fit-trab f'darna. Konsegwentement, it-tfal żgħar, li jitkaxkru mal-art u li wkoll iħobbu jpoġġu affarijiet f'ħalqhom, jinsabu f'riskju partikolari ta' esponiment. Peress li t-tfal huma partikolarment suxxettibbli għall-effetti ta' dawn is-sustanzi, dan joħloq tħassib serju.

Is-sustanzi li huma ssuspettati li għandhom proprjetajiet li jinterferixxu mas-sistema endokrinali huma ħafna u mifruxin, u dan ifisser li huwa impossibbli li wieħed jipproteġi lilu nnifsu minnhom bħala konsumatur individwali. Il-kwantità u n-natura mifruxa ta' dawn is-sustanzi jagħmluha wkoll impossibbli biex jiġu protetti l-gruppi l-aktar vulnerabbli, jiġifieri l-fetu u t-tfal tal-etajiet kollha sa ma jilħqu l-età adulta. It-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa ta' etajiet li jista' jkollhom it-tfal huma gruppi li jinkludu individwi li jiżviluppaw malajr u li għalihom il-bilanċ korrett tal-ormoni huwa kruċjali. Għalhekk jeħtieġu protezzjoni speċjali kontra l-esponiment għall-interferenti endokrinali. Is-soċjetà teħtieġ ukoll tkun biżżejjed sikura għall-membri tagħha l-aktar vulnerabbli.

Hemm miżuri li jistgħu jiġu adottati malajr biex iżidu l-protezzjoni għall-gruppi l-aktar vulnerabbli. L-aktar ħaġa importanti hija li jiġi ristrett l-użu tal-interferenti endokrinali fi prodotti maħsuba għall-gruppi speċifiċi fil-mira, bħal pereżempju prodotti tal-kura tal-ġilda, tessuti u ġugarelli b'oqsma speċifiċi ta' applikazzjoni Jistgħu wkoll jiġu applikati rekwiżiti ta' sigurtà aktar stretti meta jinbnew u jiġu fornuti preskejjel u skejjel u bini ieħor fejn it-tfal joqogħdu fihom għall-perjodu twal. Iżda minħabba l-fatt li t-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa ta' etajiet li jista' jkollhom it-tfal huma parti kbira u integrali tal-popolazzjoni, jeħtieġ li tiġi protetta l-popolazzjoni kollha.

Huwa kruċjali li testijiet xierqa għall-identifikazzjoni tal-interferenti endokrinali jiġu implimentati fil-leġiżlazzjoni tal-UE eżistenti, partikolarment fir-Regolament dwar il-Klassifikazzjoni, it-Tikkettar u l-Imballaġġ (CLP), fir-REACH, fir-Regolament dwar il-Prodotti għall-Ħarsien tal-Pjanti (PPPR), fid-Direttiva dwar il-Bijoċidi u fid-Direttiva dwar il-Kosmetiċi.

Jeħtieġ li jiġu żviluppati kriterji dwar kif l-interpretazzjoni ta' dawn it-testijiet flimkien ma' riċerka rilevanti oħra għandha tiġi tradotta f'miżuri leġiżlattivi konkreti. Peress li huwa maħsub li l-interferenti endokrinali jaffettwaw lill-bnedmin u l-ambjent f'konċentrazzjonijiet baxxi ħafna u għalhekk ma jista' jiġi stabbilit l-ebda livell sikur ta' esponiment, il-limitu tal-approvazzjoni abbażi tal-kunsiderazzjonijiet soċjoekonomiċi, flimkien mal-pjanjiiet ta' sostituzzjoni, għandhom ikunu l-approċċ prinċipali fi ħdan ir-REACH. L-iżvilupp ta' kriterji u rekwiżiti ta' ttestjar għandu jkun iggwidat mill-prinċipju ta' prekawzjoni. Huwa importanti li l-kriterji u l-metodoloġija li fuqhom tkun ibbażata deċiżjoni dwar jekk sustanza hijiex meqjusa li jkollha proprjetajiet li jinterferixxu mas-sistema endokrinali għandhom ikunu trasparenti kemm jista' jkun.

Il-Kummissjoni għandha wkoll tieħu l-inizjattiva li terġa' teżamina u tiżviluppa l-leġiżlazzjoni rilevanti kollha sabiex tqis ir-riskji tal-interferenti endokrinali. Hemm bżonn li d-diversi atti leġiżlattivi jiġu rieżaminati b'mod aktar wiesa' milli ġie mħabbar s'issa jew milli hu meħtieġ taħt dawn l-atti rispettivi.

Il-biċċa l-kbira tad-dibattitu dwar l-interferenti endokrinali tikkonċerna prodotti u sustanzi li jinsabu fil-kosmetiċi, għamara, oġġetti elettroniċi, prodotti tal-bini, ġugarelli, tesstuti u ikel – inkluż l-imballaġġ. Huwa għalhekk importanti li l-Kummissjoni terġa' teżamina l-leġiżlazzjoni eżistenti u tipproponi leġiżlazzjoni ġdida f'dawk l-oqsma sabiex tipproteġi lin-nies minn sustanzi bi proprjetajiet li jinterferixxu mas-sistema endokrinali.

Huwa partikolarment importanti li jkun hemm rekwiżiti għas-sustanzi kimiċi dwar il-kategoriji tal-oġġetti li t-tfal jiġu f'kuntatt magħhom. It-tessuti hija kategorija li bħalissa m'hemmx regoli separati għaliha, minkejja l-fatt li t-tfal żgħar ħafna drabi jpoġġu t-tessuti f'ħalqhom u aħna jkollna t-tessuti mal-ġilda tagħna. Aħna għalhekk qed nipproponu l-iżvilupp ta' leġiżlazzjoni speċifika dwar is-sustanzi kimiċi għat-tessuti.

Dan ir-rapport huwa bbażat fuq l-evidenza minn numru ta' sorsi. Fil-Konferenza dwar l-Interferenti Endokrinali tal-Kummissjoni li saret fi Brussell f'Ġunju 2012, ingħataw diversi preżentazzjonijiet li kienu ta' valur għal dan ir-rapport, fosthom dik ta' Linda Birnbaum, il-kap tan-National Institute of Environmental Health Sciences tal-Istati Uniti, ta' Tracey J Woodruff, Professur fil-University of California, ta' Laurence Musset mill-OECD u ħafna oħrajn. F'Settembru 2012, il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel għamel workshop fil-Parlament Ewropew intitolat 'L-interferenti endokrinali u l-impatt fuq is-saħħa'. Fost il-parteċipanti f'dan il-workshop kien hemm rappreżentanti tal-Kummissjoni, riċerkaturi, organizzazzjonijet interessati u l-industrija tas-sustanzi kimiċi, u dawn kollha taw kontribut siewi għal dan ir-rapport. Inġabru wkoll informazzjoni ta' valur u opinjonijiet minn numru ta' laqgħat individwali mar-riċerkatui, rappreżentanti tal-industrija, NGOs u awtoritajiet pubbliċi. Il-websajt tal-Kummissjoni dwar l-interferenti endokrinali intużat ukoll għall-informazzjoni. http://ec.europa.eu/environment/endocrine/index_en.htm

Dawn ir-rapporti li ġejjin kienu dokumenti ta' referenza importanti:

•   Kortenkamp et al. State of the art assessment of endocrine disrupters, Numru tal-Kuntratt tal-Proġett 070307/2009/550687/SER/D3

•   The impacts of endocrine disrupters on wildlife, people and their environments. Ir-rapport ta' Weybridge+15 (1996–2011). ISSN 1725-2237

•   Diamanti-Kandarakis E et al. 2009 Endocrine-Disrupting Chemicals: An Endocrine Society Scientific Statement. Endocrine Reviews 30(4):293-342

•   Linda Birnbaum. Environmental Chemicals: Evaluating Low-Dose Effects. doi:10.1289/ehp.1205179

•   Richard Sharpe. Male Reproductive Health Disorders and the Potential Role of Exposure to Environmental Chemicals. Ikkummissjonat minn CHEM Trust.

•   Breast cancer and exposure to hormonally active chemicals: An appraisal of the scientific evidence. Dokument informattiv mill-Professur Andreas Kortenkamp, Kap tas-Centre for Toxicology, The School of Pharmacy, University of London April 2008

•   Survey and Health Assessment of the exposure of 2 year-olds to chemical substances in Consumer Products. Kathe Tønning, Eva Jacobsen u Eva Pedersen. Danish Technological Institute. Marianne Strange u Pia Brunn Poulsen. Force Technology. Lise Møller u Helle Buchardt Boyd, DHI group. Survey of Chemical Substances in Consumer Products, Nru. 102 2009

•   Vandenberg et al: Hormones and endocrine-disrupting chemicals: Low dose effects and nonmonotonic dose responses, Endocrine Reviews, onlajn f'Marzu 2012, stampat f'Ġunju 2012.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

23.1.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

55

6

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Kriton Arsenis, Sophie Auconie, Paolo Bartolozzi, Sandrine Bélier, Milan Cabrnoch, Martin Callanan, Nessa Childers, Yves Cochet, Esther de Lange, Anne Delvaux, Bas Eickhout, Jill Evans, Karl-Heinz Florenz, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Matthias Groote, Françoise Grossetête, Cristina Gutiérrez-Cortines, Jolanta Emilia Hibner, Karin Kadenbach, Christa Klaß, Eija-Riitta Korhola, Holger Krahmer, Jo Leinen, Corinne Lepage, Kartika Tamara Liotard, Linda McAvan, Radvilė Morkūnaitė-Mikulėnienė, Miroslav Ouzký, Gilles Pargneaux, Antonyia Parvanova, Pavel Poc, Frédérique Ries, Dagmar Roth-Behrendt, Kārlis Šadurskis, Carl Schlyter, Richard Seeber, Theodoros Skylakakis, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Salvatore Tatarella, Thomas Ulmer, Åsa Westlund, Glenis Willmott, Sabine Wils, Marina Yannakoudakis

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Margrete Auken, Minodora Cliveti, José Manuel Fernandes, Vicky Ford, Gaston Franco, Judith A. Merkies, Miroslav Mikolášik, Vittorio Prodi, Christel Schaldemose, Birgit Schnieber-Jastram, Renate Sommer, Alda Sousa, Rebecca Taylor, Vladimir Urutchev, Anna Záborská, Andrea Zanoni

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Olle Ludvigsson

Aġġornata l-aħħar: 28 ta' Frar 2013Avviż legali