RAPPORT dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat

25.4.2013 - (COM(2012)0332 – C7‑0158/2012 – 2012/0162(COD)) - ***I

Kumitat għas-Sajd
Rapporteur: Raül Romeva i Rueda


Proċedura : 2012/0162(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0144/2013
Testi mressqa :
A7-0144/2013
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEGIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (COM(2012)0332 – C7‑0158/2012 – 2012/0162(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2012)0332),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 294(2) u 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7‑0158/2012),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-28 ta’ Marzu 2012[1],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A7-0144/2013),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Emenda  1

Proposta għal regolament

Premessa 4

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(4) Huwa importanti ħafna li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol ta’ tħejjija tagħha għall-adozzjoni tal-atti ddelegati, inkluż fil-livell ta' esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal l-atti ddelegati, għandha tiżgura trasmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(4) Huwa importanti ħafna li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol ta’ tħejjija tagħha għall-adozzjoni tal-atti ddelegati, inkluż fil-livell ta' esperti, biex ikollha informazzjoni oġġettiva, rigoruża, kompluta u aġġornata. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal l-atti ddelegati, għandha tiżgura trasmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Or. pt

Emenda  2

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – punt 19

Ir-Regolament (KE) 1005/2008

Artikolu 54a (ġdid) – paragrafu 2

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda:

2. Id-delega tas-setgħat hija msemmija fl-Artikoli 6(3), 9(1), 12(5), 12(6), 16(1), 16(4) u 17(3), u għandha tingħata għal perjodu ta’ żmien indeterminat.

2. Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikoli 6(3), 9(1), 12(5), 12(6), 16(1), 16(4) u 17(3) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ tliet snin mill-…* . Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta' setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta' tliet snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta' zmien identici, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu.

 

______________

 

* ĠU: jekk jogħġbok daħħal id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Ġustifikazzjoni

Jidher li hu aktar xieraq li d-delega tiġi limitata fiż-żmien u li l-Kummissjoni tiġi obbligata tirrapporta dwar l-eżercizzju tagħha biex isiru evalwazzjoni u mistoqsijiet regolarment dwar l-użu tad-delega.

  • [1]  ĠU C 181, 21.6.2012, p. 183.

NOTA SPJEGATTIVA

Il-kuntest ġenerali

Ħut maqbud b'mod illegali bosta drabi jista' jidher attraenti mil-lat ekonomiku. Peress li dan il-ħut jinqabad mingħajr ma jingħata kas tal-istandards ambjentali, soċjali u oħrajn, is-sajjieda normalment ikunu jistgħu jbigħuh bi prezz aktar baxx. Għalhekk il-bejjiegħa bl-ingrossa u l-bejjiegħa bl-imnut isibuh irħas, għalkemm jista' jkun li mhux dejjem ikunu jafu li jkun inqabad b'mod illegali.

Dan jispjega n-nuqqas ċar ta' entużjażmu għar-Regolament IUU min-naħa ta' ħafna. Huwa faċli li tkun kontra s-sajd illegali fil-prinċipju, fil-fatt huwa diffiċli li ma tkunx. Iżda meta l-oppożizzjoni għas-sajd illegali tista' twassal għal interruzzjonijiet fil-provvista tas-sajd lis-suq tal-UE, jew tnaqqas il-profitti, jew tfixkel in-negozju ma' sħab kummerċjali "importanti" tal-UE, allura l-ġlieda kontra s-sajd illegali ssir ħafna aktar diffiċli. Din, għallinqas, kienet l-esperjenza fl-UE bir-Regolament 1005/2008.

Meta l-Kummissjoni għamlet il-proposta tagħha għall-ewwel darba fl-2007, din intlaqgħet b'ostilità immedjata u qawwija minn diversi nħawi. Ħafna Stati Membri lmentaw li l-proposta "tfixkel il-kummerċ", jew li l-implimentazzjoni tagħha tiġi tiswa ħafna u tkun diffiċli wisq. Ħafna ma ridux li l-bastimenti tal-UE jiddaħħlu fl-ambitu ta' applikazzjoni tar-Regolament IUU, billi argumentaw li s-sajd IUU huwa pprattikat minn ħaddieħor, mhux mill-Ewropej. Huwa kurjuż kif l-aktar oppożizzjoni qawwija għall-proposta waslet mill-pajjiżi tat-Tramuntana, li jiddependu aktar fuq il-kummerċ biex jissodisfaw is-suq tagħhom u li normalment jitqiesu aktar favorevoli għall-kontrolli u s-sanzjonijiet. Spanja aċċettat il-prinċipji ewlenin tal-proposta kważi mill-ewwel.

Diversi Direttorati Ġenerali fi ħdan il-Kummissjoni wkoll argumentaw b'mod simili.

Fi ftit kliem, id-diskors kontra s-sajd IUU kien "ħaġa tajba" iżda t-teħid ta' azzjoni kien ħaġa oħra.

Issa, għadd ta' snin wara, ir-Regolament huwa fis-seħħ. S'issa, il-Kummissjoni nnotifikat tmien pajjiżi[1] dwar il-possibilità li jiġu identifikati bħala pajjiżi terzi li l-Kummissjoni tqis bħala pajjiżi terzi li mhumiex jikkooperaw fil-ġlieda kontra s-sajd IUU. Fi żmien sitt xhur jista' jkun hemm l-identifikazzjoni formali u din twassal għal sanzjonijiet fuq il-kummerċ u sanzjonijiet oħra (l-Artikolu 38).

Filwaqt li dan l-iżvilupp huwa ta' min ifaħħru, dan huwa biss l-ewwel pass.

Dawn il-pajjiżi huma atturi relattivament żgħar fix-xena IUU globali. Ħafna pajjiżi ferm akbar minnhom huma wkoll involuti fis-sajd IUU b'modi differenti, jew bħala stat tal-bandiera, jew bħala stat tal-kosta, jew bħala stat tal-ipproċessar jew mod ieħor. Pajjiżi li wieħed jiġuh f'moħħu bħala possibilitajiet jinkludu l-Korea, ir-Russja, l-Indoneżja, il-Filippini, it-Tajlandja, il-Papwa Ginea Ġdida u anke ċ-Ċina. Filwaqt li l-argument biex jiġu identifikati pajjiżi bħal dawn għandu jkun solidu, sabiex l-identifikazzjoni tkun legalment inkonfutabbli – proċess li jeħtieġ iż-żmien u r-riżorsi – il-Kummissjoni m'għandhiex toqgħod lura minn dan. Anzi, il-Kummissjoni għandha tiżgura li tiddedika biżżejjed riżorsi finanzjarji u umani biex tinvestiga pajjiżi oħrajn u, jekk ikun hemm bżonn, tidentifikahom malajr u b'mod effiċjenti.

Madankollu, l-istess forzi u – fil-parti l-kbira tal-każijiet – l-istess argumenti li kienu evidenti matul l-adozzjoni tar-regolament għadhom preżenti, u dan ifixkel il-progress fil-ġlieda kontra s-sajd IUU.

In-notifika tat-tmien pajjiżi msemmija hawn fuq ħadet żmien twil esaġerat biex toħroġ mill-Kummissjoni, u dan qajjem tħassib dwar il-livell ta' entużjażmu għall-infurzar sħiħ tar-regolament. Tant hu veru li fil-lista ta' bastimenti IUU tal-UE għad m'hemmx bastimenti li mhumiex meħuda mil-listi tal-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd. Hija diffiċli li titwemmen li m'hemmx bastiment wieħed – li jtajjar bandiera tal-UE jew bandiera oħra – li l-Kummissjoni sabet biżżejjed informazzjoni dwaru li tiġġustifika li jiżdied mal-lista.

Hi ħaġa tal-iskantament li meta l-Kummissjoni bagħtet l-abbozz tal-lista ta' pajjiżi lill-Istati Membri, ċerti Stati Membri għall-ewwel iddefendew lill-pajjiżi "sħab" tagħhom. Fl-aħħar, ir-Renju Unit biss kien tant iddispjaċut dwar l-inklużjoni tal-Beliże u s-Sri Lanka li astjena milli jivvota fil-kumitat ta' tmexxija.

Jidher li l-aġenda tal-Kummissjoni u ta' ħafna Stati Membri dwar il-kummerċ ħieles għadha xxaqleb il-bilanċ politiku aktar mill-ħtieġa li tintemm dik li eks-Kummissarju darba sejjaħ "il-qerda tal-oċeani". Huwa dan il-fattur li probabbilment impedixxa li titqies serjament il-Korea, li l-UE reċentement iffirmat ftehim ta' kummerċ ħieles magħha.

Iżda s-sajd IUU hija waħda mill-aktar theddidiet serji għall-bijodiversità tal-baħar u jista' jirriżulta fi problemi ta' sigurtà tal-ikel f'ħafna pajjiżi tal-kosta u pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Fl-Istati Uniti tal-Amerika, il-ġlieda kontra s-sajd IUU taqa' taħt l-Att Magnuson-Stevens. L-Istati Uniti reċentement ippubblikaw it-tielet lista bijennali tagħhom ta' pajjiżi li għandhom bastimenti involuti fis-sajd IUU. B'kuntrast mal-lista timida tal-UE, l-Amerikani jinkludu bastimenti IUU ta' għadd ta' pajjiżi akbar milli għamlet l-UE, bħalma huma l-Korea, il-Messiku u – ħaġa pjuttost imbarazzanti – Spanja u l-Italja. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta minnufih mal-Amerikani biex tqabbel l-informazzjoni u, jekk ikun ġustifikat, iżżid pajjiżi oħra. Jeżisti Memorandum ta' Qbil bejn l-UE u l-Istati Uniti, bħalma jeżisti mal-Ġappun, biex jiffaċilita affarijiet bħal dawn.

Il-Parlament ripetutament adotta rapporti u riżoluzzjonijiet biex jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tkompli bil-ġlieda kontra s-sajd IUU bir-riżorsi kollha li tista' tuża u bil-modi kollha possibbli, inkluż, fost l-oħrajn, l-iskoraġġiment tat-tibdil tal-bandiera, il-ġbir ta' informazzjoni dwar ftehimiet privati, traċċabilità mtejba tal-prodott u kooperazzjoni internazzjonali u skambju tal-informazzjoni msaħħin. Is-servizzi kollha tal-Kummissjoni għandhom jaħdmu flimkien biex isibu modi biex jiżguraw u jiffaċilitaw l-infurzar effettiv tar-regolament, u jimplimentaw il-politiki u l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

Ir-regolament IUU tal-UE huwa rivoluzzjonarju, l-uniku wieħed fid-dinja li huwa daqshekk wiesa' fl-ambitu ta' applikazzjoni u fil-miżuri li jippermetti. Madankollu leġiżlazzjoni bħal din tiswa' biss jekk tintuża b'mod sħiħ. Jekk l-applikazzjoni tagħha tiġi limitata għal grupp pjuttost medjokri ta' atturi IUU, dan jirriskja li jagħmilha tidher bla snien, daqs li kieku kienet xi ornament li l-UE tista' tiftaħar bih iżda li ħaddieħor m'għandux għalfejn jibża' minnu.

It-Trattat ta’ Lisbona daħħal ġerarkija ġdida ta' normi li tikkonsisti fi tliet livelli. Fl-ewwel livell jinsabu l-atti legiżlattivi li huma adottati mil-legiżlaturi skont il-proċedura legiżlattiva ordinarja, fejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jiddeċiedu bħala koleġiżlaturi indaqs (ara l-Artikolu 294 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, TFUE), jew skont proċeduri leġiżlattivi speċjali. Barra minn hekk, il-leġiżlatur jista' jiddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti mhux leġiżlattivi ta' applikazzjoni ġenerali sabiex jissupplimentaw jew jemendaw ċerti elementi mhux essenzjali tal-att leġiżlattiv (l-hekk imsejħa atti delegati, definiti fl-Artikolu 290(1) tat-TFUE), li jiffurmaw it-tieni livell ta’ normi. L-atti tal-Unjoni li huma legalment vinkolanti jistgħu wkoll jikkonferixxu setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni meta jkunu meħtieġa kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dawn l-atti tal-Unjoni. Fuq dik il-bażi l-Kummissjoni tadotta l-hekk imsejħa atti ta' implimentazzjoni (ara l-Artikolu 291 tat-TFUE), li jikkostitwixxu t-tielet livell.

L-għażla ta' liema tip ta' att għandu jintuża mhijiex dejjem kwestjoni cara. L-atti delegati u l-atti ta' implimentazzjoni, meta mqabbla mal-atti legiżlattivi, għandhom il-vantaġġ li jipprovdu l-possibilità li tingħata reazzjoni malajr għal sitwazzjoni ġdida. Billi l-proċedura legiżlattiva ordinarja u l-użu tal-atti delegati jiggarantixxu l-parteċipazzjoni tal-Parlament fuq l-istess livell tal-Kunsill, l-użu tal-atti delegati jwassal għall-esklużjoni de facto tal-Parlament, billi d-dritt tiegħu għall-iskrutinju ma jobbligax lill-Kummissjoni timxi mal-pożizzjoni tal-Parlament.

Il-proposta tal-Kummissjoni

Fil-kuntest tal-allinjament tar-Regolament (KE) Nru 1967/2008 mar-regoli l-ġodda tat-TFUE, il-Kummissjoni ħejjiet abbozz ta' proposta li tikklassifika s-setgħat li attwalment huma mogħtija lill-Kummissjoni permezz ta' dak ir-Regolament f'miżuri ta' natura delegattiva u miżuri ta’ natura implimentattiva. B'mod ġenerali, il-bidliet proposti jolqtu biss it-tipi ta' atti li għandhom jiġu addottati u ma jimmodifikawx il-kontenut tal-miżuri. Hemm bidla sinifikanti waħda biss fil-proċedura applikata għall-inklużjoni ta' pajjiżi terzi identifikati f'lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx jew għat-tneħħija tagħhom.

Il-Kummissjoni tipproponi li jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati biex tagħti eżenzjoni min-notifika ta' informazzjoni mill-bastimenti tas-sajd jew biex tistabbilixxi perjodi ta' notifika differenti, biex tiddetermina l-punti ta' riferiment għall-ispezzjoni tal-operazzjonijiet tal-ħatt l-art u tat-trażbord imwettqa minn bastimenti tas-sajd ta' pajjiżi terzi, biex tadatta l-iskema ta' ċertifikazzjoni tal-qbid għal xi prodotti tas-sajd li jinkisbu minn bastimenti tas-sajd żgħar, inkluża l-possibbiltà li jintuża ċertifikat tal-qbid issimplifikat, biex temenda l-lista ta' prodotti mhux inklużi fl-ambitu tar-Regolament, biex tadatta d-data ta' skadenza għall-preżentazzjoni taċ-ċertifikat tal-qbid għat-tip ta’ prodott tas-sajd, id-distanza sal-post tad-dħul jew il-mezzi tat-trasport użati, biex tistabbilixxi regoli għall-għoti, l-emendar u l-irtirar ta' ċertifikati ta' operaturi ekonomiċi approvati jew għas-sospensjoni jew ir-revoka tal-istatus ta' operatur ekonomiku approvat u għall-kundizzjonijiet ta' validità taċ-ċertifikati tal-operaturi ekonomiċi approvati, u biex tistabbilixxi kriterji tal-Unjoni għall-verifiki fil-kuntest tal-ġestjoni tar-riskju.

Il-Kummissjoni tipproponi li jingħataw setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni għall-istabbiliment ta' formoli ta' notifika minn qabel, l-istabbiliment ta' proċeduri u formoli għad-dikjarazzjoni tal-ħatt l-art u tat-trażbord, l-adozzjoni, bi qbil mal-istati tal-bandiera, ta' ċertifikati tal-qbid stabbiliti, ivvalidati jew ippreżentati permezz ta' mezzi elettroniċi jew fuq il-bażi ta' sistemi elettroniċi ta' traċċabilità li jiżguraw l-istess livell ta' kontroll mill-awtoritajiet, id-determinazzjoni u l-modifika ta' lista ta' skemi ta' ċertifikazzjoni tal-qbid adottati mill-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd li jikkonformaw mar-Regolament IUU tal-UE, l-istabbiliment ta' kundizzjonijiet komuni fl-Istati Membri kollha għall-proċeduri u l-formoli għall-applikazzjoni għaċ-ċertifikati tal-operaturi ekonomiċi approvati u l-ħruġ ta' dawn iċ-ċertifikati, ta' regoli dwar il-verifiki tal-operatur ekonomiku approvat u ta' regoli dwar l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-operatur ekonomiku approvat u l-awtoritajiet tal-Istati Membri, bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, l-istabbiliment ta' lista tal-bastimenti IUU tal-Unjoni, it-tneħħija ta' bastimenti mil-lista tal-bastimenti IUU tal-Unjoni, l-inklużjoni ta' listi tal-bastimenti IUU adottati minn organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd fil-lista tal-bastimenti IUU tal-Unjoni, l-identifikazzjoni ta pajjiżi li ma jikkooperawx, l-inklużjoni ta' pajjiżi terzi identifikati fuq lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx, it-tneħħija ta' pajjiżi terzi mil-lista ta' pajjiżi li ma jikkooperawx, l-adozzjoni ta' miżuri ta' emerġenza fir-rigward ta' pajjiżi terzi f'ċirkustanzi speċifiċi, l-istabbiliment tal-format għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni mill-Istati Membri rigward l-ilmiħ ta' bastimenti tas-sajd u l-istabbiliment ta' regoli dwar l-għajnuna reċiproka.

Il-fehma tar-rapporteur

Ir-rapporteur huwa globalment sodisfatt bl-għażliet li saru mill-Kummissjoni fil-bidliet proposti. Minkejja dan, ir-rapporteur huwa tal-fehma li meta jiġu proposti atti delegati, id-delega għandha tiġi limitata fiż-żmien bl-għan li tkun tista' ssir evalwazzjoni regolari tal-użu tagħha.

  • [1]  Il-Beliże, il-Kambodja, Fiġi, il-Ginea, il-Panama, is-Sri Lanka, it-Togo, il-Vanwatu

PROĊEDURA

Titolu

It-twaqqif ta’ sistema Komunitarja biex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat

Referenzi

COM(2012)0332 – C7-0158/2012 – 2012/0162(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

21.6.2012

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

PECH

3.7.2012

 

 

 

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

DEVE

3.7.2012

INTA

3.7.2012

ENVI

3.7.2012

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

DEVE

10.7.2012

INTA

11.7.2012

ENVI

10.7.2012

 

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Raül Romeva i Rueda

6.9.2012

 

 

 

Eżami fil-kumitat

6.9.2012

6.11.2012

18.2.2013

 

Data tal-adozzjoni

23.4.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

23

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew, Antonello Antinoro, Kriton Arsenis, Chris Davies, Carmen Fraga Estévez, Pat the Cope Gallagher, Dolores García-Hierro Caraballo, Marek Józef Gróbarczyk, Ian Hudghton, Werner Kuhn, Jean-Marie Le Pen, Isabella Lövin, Gabriel Mato Adrover, Maria do Céu Patrão Neves, Crescenzio Rivellini, Ulrike Rodust, Raül Romeva i Rueda, Struan Stevenson, Isabelle Thomas, Nils Torvalds, Jarosław Leszek Wałęsa

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Ole Christensen, Jean Louis Cottigny, Diane Dodds, Barbara Matera, Gesine Meissner, Mario Pirillo, Nikolaos Salavrakos

Data tat-tressiq

25.4.2013