RAKKOMANDAZZJONI lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar ir-rieżami 2013 tal-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-SEAE

26.4.2013 - (2012/2253(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Co-rapporteurs: Elmar Brok and Roberto Gualtieri


Proċedura : 2012/2253(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0147/2013

PROPOSTA GĦAL RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW LIR-RAPPREŻENTANT GĦOLI/VIĊI PRESIDENT. LILL-KUNSILL U LILL-KUMMISSJONI

dwar ir-rieżami 2013 tal-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-SEAE

(2012/2253(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 27(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) li jipprevedi l-istabbiliment ta' Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) li għandu l-kompitu li jassisti lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 21(3) TUE li jistabbilixxi li r-Rappreżentant Għoli għandu jassisti lill-Kunsill u lill-Kummissjoni fl-iżgurar tal-konsistenza bejn l-oqsma differenti tal-azzjoni esterna tal-Unjoni,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 26(2) TUE li jipprevedi li l-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli għandhom jiżguraw l-unità, il-konsistenza u l-effettività tal-azzjoni mill-Unjoni,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 35, it-tielet paragrafu tat-TUE li jiddikjara li l-missjonijiet diplomatiċi u konsulari tal-Istati Membri u tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tad-dritt ta' protezzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni fit-territorju ta' pajjiżi terzi,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 36 TUE li jiddikjara li r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni (minn hawn 'il quddiem RGħ/VP) għandu jikkonsulta regolarment mal-Parlament Ewropew dwar l-aspetti prinċipali u l-għażliet fundamentali tal-politika estera u ta' sigurtà komuni u tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni, jinfurmah bl-evoluzzjoni ta' din il-politika, u jiżgura li l-opinjonijiet tal-Parlament Ewropew jiġu kkunsidrati kif dovut,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 42 TUE li jagħti s-setgħa lir-RGħ/VP jagħmel proposti fil-qasam tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni, inkluż il-bidu ta' missjonijiet, bl-użu tkemm tar-riżorsi nazzjonali u kemm dawk tal-Unjoni,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 13(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Lulju 2010 li tistabbilixxi s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (minn issa 'l quddiem Deċiżjoni SEAE), li jispeċifika li r-Rappreżentant Għoli għandu jwettaq rieżami sa nofs l-2013 tal-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-SEAE li se jkopri fost l-oħrajn l-implimentazzjoni tal-Artikoli 6(6) u 6(8) dwar il-bilanċ ġeografiku, akkumpanjat, jekk rilevanti, minn proposta leġiżlattiva li temenda d-Deċiżjoni,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 298 u 336 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) li jipprevedu l-proċedura leġiżlattiva li tapplika għal kwistjonijiet b'rabta mal-persunal,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tar-RGħ/VP tal-Kummissjoni dwar ir-Responsabbiltà Politika (minn issa 'l quddiem id-Dikjarazzjoni tar-RGħ/VP)[1],

–   wara li kkunsidra r-Rapport tal-2012 dwar il-Persunal tas-SEAE tal-24 ta' Lulju 2012, ippreżentat skont l-Artikolu 6(9) tad-Deċiżjoni SEAE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 97 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp, il-Kumitat tal-Baġit, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0147/2013),

A.  billi t-Trattat ta' Lisbona introduċa l-għan li jiġu żgurati l-unità, il-konsistenza u l-effettività tal-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea;

B.  billi s-SEAE huwa korp ġdid ta' natura ibrida, li jutilizza sorsi komunitarji u intergovernattivi, li m'għandux preċedent fl-UE u għalhekk ma jistax ikun mistenni li jkun kompletament funzjonali fi żmien sentejn mit-twaqqif tiegħu; billi, għaldaqstant, rieżami tal-organizzazzjoni u l-funzjonament tiegħu għandha tkun ibbażata fuq kritika ġusta u kostruttiva;

C.  billi s-suċċess tas-SEAE għandu jitkejjel fil-konfront tal-abilità tiegħu li jsegwi approċċ komprensiv mill-UE għall-isfidi esterni u r-responsabbiltajiet tal-lum, u l-kapaċità tiegħu li jikseb użu aktar effiċjenti tar-riżorsi skarsi permezz ta' kooperazzjoni akbar u ekonomiji ta' skala fil-livell tal-Unjoni Ewropea u dak nazzjonali;

D. billi r-rwol ta' funzjoni doppja tar-RGĦ/VP huwa l-aktar turija tanġibbli ta' dan l-impenn lejn koerenza akbar fl-azzjoni esterna tal-UE;

E.  billi l-istruttura attwali fi ħdan il-Kummissjoni ma tirriflettix adegwatament ir-rwol speċifiku mogħti lir-RGħ/VP fir-rigward tal-azzjoni esterna tal-UE;

F.  billi r-rwoli multipli fdati lir-RGħ/VP mit-Trattat ta' Lisbona jesiġu l-ħolqien ta' deputat(i) politiku/ċi biex ikun żgurat li dan ikun megħjun fit-twettiq tal-kompiti tiegħu;

G. billi t-teħid ta' deċiżjonijiet operattivi u l-implimentazzjoni fil-qasam tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni/Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PESK/PSDK) huma kajmana wisq minħabba raġunijiet strutturali u proċedurali; billi dan kien evidenti għal darb'oħra bil-kriżi f'Mali, fejn il-proċeduri għat-teħid ta' deċiżjonijiet u d-deċiżjonijiet dwar il-finanzjament b'rispons għall-kriżi ma ġewx adottati u implimentati b'mod rapidu;

H.  billi s-SEAE għandu jkun struttura semplifikata, orjentata lejn ir-riżultati, effiċjenti, kapaċi tipprovdi appoġġ għat-tmexxija politika fir-relazzjonijiet esterni, b'mod partikolari fil-qasam tal-PESK, u tiffaċilita t-teħid tad-deċiżjonijiet fil-Kunsill; billi, għal din ir-raġuni, is-SEAE għandu jkun kapaċi jipprovdi, fl-aħħar mument u b'mod koordinat, għarfien espert minn dipartimenti differenti, inkluż mill-Kummissjoni; billi l-istruttura attwali tas-SEAE hija sproporzjonata b'numru kbir wisq ta' persuni fil-livell amministrattiv u hija kkaratterizzata minn wisq livelli deċiżjonali;

I.   billi l-opportunitajiet għal utilizzazzjoni rapida offruta mill-gruppi tattiċi tal-UE mhumiex qed jiġu sfruttati;

J.   billi l-esperjenza tal-passat uriet biċ-ċar il-ħtieġa li jiġu stabbiliti Kwartieri Ġenerali operattivi u permanenti fi Brussell għat-twettiq tal-missjonijiet PSDK;

K. billi, fil-każ tar-rivoluzzjonijiet Għarab, jidher biċ-ċar li l-UE ma tistax tiżgura, fuq perjodu ta' żmien qasir, riallokazzjoni tar-riżorsi, inkluża dik tal-persunal, biex jiġu kkumplimentati l-prijoritajiet politiċi ġodda; billi d-daqs u l-profili tal-persunal tad-delegazzjonijiet tal-UE għandhom jirriflettu l-interessi strateġiċi tal-Unjoni;

L.  billi r-rwol tas-SEAE fid-definizzjoni tal-orjentament strateġiku u l-kontribut lejn l-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji esterni tal-UE, għandu jissaħħaħ skont il-linji ewlenin tal-politika għall-affarijiet barranin tal-UE;

M. billi għandha tiġi affermata mill-ġdid l-importanza li tiġi żgurata koordinazzjoni aħjar u governanza tajba dwar kwistjonijiet ta' żvilupp fil-livell internazzjonali, sabiex l-UE tkun tista' titkellem b'vuċi waħda u tikseb viżibilità;

N. billi, partikolarment fi żmien ta' restrizzjonijiet baġitarji, is-SEAE għandu jaġixxi ta' katalizzatur għal sinerġiji akbar, mhux biss fi ħdan il-qafas istituzzjonali tal-UE iżda wkoll bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha;

O.  billi, fi żmien meta l-gvernijiet tal-Istati Membri qed inaqqsu serjament il-preżenza diplomatika u konsulari tagħhom, is-SEAE għandu jiġi kkunsidrat u utilizzat ulterjorment bħala opportunità għat-trawwim ta' aktar kooperazzjoni u sinerġiji;

P.  billi għandu jsir iżjed sforz sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi u l-istrutturi bejn is-SEAE, il-Kummissjoni – b'mod partikolari DĠ DEVCO u l-Uffiċċju tal-Komunità Ewropea għall-Għajnuna Umanitarja (ECHO) – u s-Segretarjat tal-Kunsill;

Q. billi ntlaħaq l-objettiv li terz mill-persunal ikun ġej mill-Istati Membri, u billi l-persunal li ġej mit-tliet komponenti (il-Kummissjoni, is-Segretarjat tal-Kunsill u s-servizzi diplomatiċi nazzjonali) għandu jkun imqassam b'mod adegwat fil-livelli kollha u bejn id-delegazzjonijiet u l-Kwartieri Ġenerali;

R.  billi n-nisa mhumiex rappreżentati biżżejjed f'karigi għolja u dawk AD, u rappreżentati żżejjed f'karigi AST;

S.  billi kull tibdil b'rabta mar-regolamenti tal-persunal għandu jiġi adottat skont il-proċedura ta' kodeċiżjoni;

T.  billi hemm ħtieġa ċara li tiġi żviluppata l-kapaċità tas-SEAE li jidentifika u jislet tagħlimiet minn esperjenzi operattivi preċedenti, partikolarment fil-qasam tal-prevenzjoni tal-kunflitti, il-medjazzjoni fil-kunflitti, il-ġestjoni tal-kriżi, ir-rikonċiljazzjoni u l-bini tal-paċi;

U. billi, sentejn u nofs wara l-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni tar-RGħ/VP, għandu jkun hemm valutazzjoni bir-reqqa tar-responsabbiltà politika tas-SEAE lejn il-Parlament, partikolarment f'dak li huwa l-punt safejn il-Parlament jiġi kkonsultat dwar deċiżjonijiet strateġiċi u l-opinjonijiet u s-sehem tiegħu jiġu kkunsidrati;

V.  billi din il-valutazzjoni għandha tindirizza wkoll modi kif titjieb il-preżenza tar-RGħ/VP u tal-uffiċjali tas-SEAE, inklużi l-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet u r-RSUE quddiem il-Parlament u l-entitajiet tiegħu, u kif is-SEAE jagħti segwitu għar-riżoluzzjonijiet tal-Parlament;

W. billi s-sorveljanza min-naħa tal-Parlament tas-SEAE hija essenzjali sabiex l-azzjoni esterna Ewropea tinftiehem aħjar u tiġi appoġġata miċ-ċittadini tal-UE; billi l-iskrutinju parlamentari jtejjeb il-leġittimità tal-azzjoni esterna;

X. billi hemm nuqqas ta' flessibbiltà fiċ-ċirkwiti finanzjarji attwali fid-delegazzjonijiet, b'effett detrimentali fuq l-ammont ta' xogħol tal-persunal;

1.  Jindirizza din ir-rakkomandazzjoni lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, filwaqt li jqis il-progress tajjeb li kien hemm fit-twaqqif tas-SEAE iżda li jista' jinkiseb aktar fir-rigward tas-sinerġija u l-koordinament bejn l-istituzzjonijiet, kif ukoll it-tmexxija politika u l-viżibilità, b'riżultat tal-opportunitajiet li nħolqu mit-taħlita tar-rwoli tar-Rappreżentant Għoli, il-Viċi President tal-Kummissjoni u l-President tal-Kunsill Affarijiet Barranin, u bit-tisħiħ tal-karattru strumentali tas-Servizz:

Dwar it-tmexxija u struttura aktar razzjonali u effiċjenti għad-diplomazija tas-seklu 21

2.   jiġi pprovdut appoġġ lir-RGħ/VP fil-qadi tad-dmirijiet multipli tiegħu kif fdati mit-TUE, billi tiġi prevista l-ħatra ta' deputat(i) politiku/ċi li jkun marbut jagħti rendikont lill-Parlament u jidher quddiem il-kumitat responsabbli tiegħu qabel ma jibda jaqdi dmirijietu, u li jkollu s-setgħa jaġixxi f'isem ir-RGħ/VP; ikun żgurat ukoll li l-grupp ta' Kummissarji RELEX jistgħu jirrappreżentaw bis-sħiħ lir-RGħ/VP fil-każ ta' kwistjonijiet parlamentari u fil-livell internazzjonali; tiġi kkunsidrata barra minn hekk il-parteċipazzjoni tal-ministri għall-affarijiet barranin tal-Istati Membri f'kompiti u missjonijiet speċifiċi f'isem l-Unjoni, bħala mod kif jissaħħu l-pożizzjonijiet komuni tal-UE;

3.   fid-dawl ta' dan li jidher hawn fuq, tiġi ssemplifikata l-istruttura ta' kmand tas-SEAE u jissaħħaħ ir-rwol tas-Segretarju Ġenerali Eżekuttiv tiegħu billi tiġi stabbilita katina ċara ta' kmand għall-appoġġ ta' teħid ta' deċiżjonijiet effettiv kif ukoll rispons politiku f'waqtu, jiġu rrazzjonalizzati f'dan il-kuntest il-karigi ta' Uffiċjal Operattiv Ewlieni u ta' Direttur Maniġerjali responsabbli għall-Amministrazzjoni, titnaqqas u tiġi ssemplifikata l-istruttura ġerarkika tad-Direttorati Maniġerjali, jiġu definiti biċ-ċar il-kompetenzi rilevanti fi ħdan l-istruttura ta' ġestjoni tas-SEAE u tiġi rieżaminata l-istruttura attwali abbażi tal-Bord Amministrattiv, bil-ħsieb li tinkiseb l-effiċjenza, iċ-ċarezza u l-koerenza fit-teħid ta' deċiżjonijiet; ikun żgurat fl-istess spirtu, li r-RGħ/VP jirċievi parir politiku, pereżempju permezz ta' Kunsill Politiku, mill-atturi istituzzjonali rilevanti kollha, biex b'hekk ikun jista' jevalwa l-impatt tal-azzjonijiet li se jittieħdu mis-SEAE;

4.   jittejbu u jissaħħu r-rwoli ta' koordinament, inizjattiva u ta' tmexxija politika tar-RGħ/VP, b'mod partikolari bħala president tal-Kunsill Affarijiet Barranin, billi jkun żgurat li fil-Kummissjoni li jmiss, jikkonkretizza l-potenzjal sħiħ tiegħu bħala Viċi President tal-Kummissjoni u jkun responsabbli għall-presidenza tal-grupp ta' Kummissarji RELEX, li jinfetaħ għal Kummissarji oħra li l-qasam ta' responsabbiltà tagħhom għandu dimensjoni esterna, biex b'hekk tiġi żviluppata ulterjorment il-prattika ta' proposti konġunti u deċiżjonijiet konġunti;

5.   isir użu sħiħ mill-effett ta' sinerġija tas-SEAE u tiġi prevista f'dan il-kuntest il-possibilità ta' votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata dwar kwistjonijiet PESK, kif stabbilit fl-Artikolu 31(2) TUE, u jiġi esplorat formalment it-twessigħ tal-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata dwar kwistjonijiet PESK permezz tal-klawsola 'passerelle' rispettiva;

6.   ikun żgurat, f'konformità mal-Artikolu 9(3) tad-Deċiżjoni SEAE, li s-SEAE jkollu rwol ewlieni fid-definizzjoni tal-istrateġiji tal-istrumenti ta' assistenza finanzjarja esterna rilevanti u li, għal dan il-għan, is-SEAE ikollu l-għarfien espert biex jaġixxi ta' xprun f'dawn l-oqsma;

7.   ikun salvagwardjat fl-istess waqt, il-karattru 'komuntarju' tal-politika tal-viċinat, filwaqt li jitqies li l-Parlament jiċħad kwalunkwe tentattiv ta' intergovernanza tal-politiki tal-Unjoni, fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni hija prinċipalment responsabbli għan-negozjar ta' ftehimiet internazzjonali għall-Unjoni u f'isimha;

8.   tittejjeb ulterjorment l-interfaċċa bejn id-Direttorat għall-Istrumenti tal-Politika għall-Affarijiet Barranin u s-SEAE;

9.   ikun żgurat li r-Rappreżentanti Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) ikunu integrati mill-qrib fil-ħidma tas-SEAE billi huma flimkien mal-persunal tagħhom ikunu ankrati fl-istruttura tas-SEAE, u jiġi kkunsidrat, fejn possibbli, li tingħatalhom funzjoni doppja flimkien mal-Kapijiet tad-Delegazzjoni tal-UE;

10.  jitwettaq eżerċizzju ta' awditjar sistematiku u fid-dettall biex jingħaqdu l-istrutturi relatati mal-politika esterna stabbiliti mill-Kummissjoni u s-Segretarjat tal-Kunsill, bil-ħsieb li jingħelbu d-duplikazzjonijiet attwali u tiġi promossa l-kosteffiċjenza; biex dan ir-rapport isir disponibbli lill-Parlament;

11.  fuq l-istess nota, tiġi żviluppata ulterjorment il-prattika ta' servizzi tekniċi u loġistiċi konġunti bejn l-istituzzjonijiet, bil-ħsieb li jinkisbu ekonomiji ta' skala u effiċjenza mtejba; bħala l-ewwel pass, is-servizzi loġistiċi varji għat-twissija bikrija, il-valutazzjoni tar-riskju u l-kompiti tas-sigurtà li jkopru avvenimenti barra mill-Unjoni u li attwalment huma mxerrdin f'Istituzzjonijiet differenti, jitpoġġew fi ħdan 'struttura konġunta unika';

12. b'koordinament mal-Istati Membri, jiġu stabbiliti għażliet fuq perjodu ta' żmien medju u fit-tul għall-kisba ta' ekonomiji ta' skala bejn is-servizzi diplomatiċi tal-Istati Membri u s-SEAE f'pajjiżi terzi, inkluż fir-rigward tal-għoti ta' servizzi konsulari;

13. jiġi adottat approċċ koerenti fir-rigward tal-presidenza ta' gruppi ta' ħidma tal-Kunsill u tinġieb fi tmiem il-presidenza b'rotazzjoni ta' dawn il-gruppi;

14. ikun żgurat, skont l-Artikolu 24 TUE, li l-Istati Membri jappoġġaw il-politika esterna u ta' sigurtà tal-Unjoni b'mod attiv u mingħajr riżervi, fi spirtu ta' lealtà u solidarjetà reċiproka, u li dawn jikkonformaw mal-azzjonijiet tal-Unjoni u jappoġġaw lis-SEAE fit-twettiq tal-mandat tiegħu;

15. tiġi promossa, għal dan il-għan, kooperazzjoni aktar profonda mal-Istati Membri u jiġi żviluppat rappurtar politiku konġunt bejn id-delegazzjonijiet u l-ambaxxati;

Dwar l-'istruttura adegwata' sabiex ikun żgurat approċċ komprensiv

16.  jiġi implimentat il-potenzjal sħiħ tat-Trattat ta' Lisbona billi jiġi segwit Approċċ Komprensiv li jintegra mezzi diplomatiċi, ekonomiċi, tal-iżvilupp, u – bħala l-aħħar tentattiv u f'konformità sħiħa mal-Karta tan-NU – mezzi militari skont linji gwida komuni ta' politika strateġika tal-Unjoni bil-ħsieb li jiġu mħarsa u promossi s-sigurtà u l-prosperità primarjament taċ-ċittadini tal-UE u dawk fil-viċinat tagħhom, kif ukoll aktar 'il bogħod; tiġi żgurata f'dan il-kuntest il-koerenza bejn miżuri fuq perjodu qasir u dawk fit-tul; ikun żgurat barra minn hekk, li s-SEAE jkollu l-kapaċità għal riflessjoni strateġika u jippreżenta proposti għall-implimentazzjoni ta' innovazzjonijiet importanti offruti mit-Trattat ta' Lisbona, pereżempju billi l-implimentazzjoni ta' ċerti kompiti tkun fdata lil gruppi ta' Stati Membri kapaċi u l-iżvilupp ta' għoti ta' Kooperazzjoni Strutturata Permanenti, inkluż l-użu ta' gruppi tattiċi;

17.  tiġi żviluppata ulterjorment għal dak il-għan, 'struttura adegwata' (pereżempju identifikata bħala Bord tal-Kriżi) li tintegra l-prevenzjoni tal-kunflitti, ir-rispons għall-kriżi, il-bini tal-paċi, l-istrumenti ta' politika għall-affarijiet barranin ikkonċernati, il-politika ta' sigurtà u l-istrutturi PSDK, u tiżgura l-koordinament mal-uffiċċji ġeografiċi, id-delegazzjonijiet u dipartimenti ta' politika oħra kkonċernati fil-qasam tal-ġestjoni tal-kriżi, abbażi tal-kunċett tal-pjattaforma tal-kriżi; tkun żgurata koerenza ġenerali u tiġi evitata d-duplikazzjoni fi ħdan is-SEAE; jissaħħaħ barra minn hekk, il-koordinament interistituzzjonali u ċ-ċarezza tar-rwoli;

18. ikun żgurat ippjanar effettiv u integrat, u teħid ta' deċiżjonijiet iktar rapidu għall-operazzjonijiet PSDK, billi jiġu kkombinati l-kapaċitajiet rilevanti għall-ippjanar mid-Direttorat għall-Maniġġar ta' Kriżijiet u l-Ippjanar (CMPD) u l-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija (CPCC); tinħoloq, barra dan, struttura permanenti ta' tmexxija billi jiġu stabbiliti Kwartieri Ġenerali Operattivi militari permanenti, kolokalizzati b'Kapaċità Ċivili ta' Tmexxija, biex tkun permessa l-implimentazzjoni effettiva tal-operazzjonijiet militari u ċivili filwaqt li jiġu salvagwardjati l-ktajjen ta' kmand rispettivi tagħhom;

Dwar ir-riforma tal-proċeduri finanzjarji għal azzjoni esterna effettiva

19. isir użu sħiħ mill-flessibilitajiet kollha possibbli skont ir-Regolament Finanzjarju b'rabta mal-ġestjoni finanzjarja tan-nefqa amministrattiva u operazzjonali, sabiex tiġi awtorizzata aktar subdelegazzjoni min-naħa tal-Kapijiet tad-Delegazzjoni lid-deputati tagħhom u lill-persunal tal-Kummissjoni, meta l-kundizzjonijiet ikunu jirrikjedu dan, biex b'hekk tiġi ffaċilitata l-ġestjoni u t-tmexxija mingħajr intoppi tad-Delegazzjonijiet, filwaqt li l-Kapijiet tad-Delegazzjoni jkunu jistgħu jikkonċentraw fuq il-kompiti politiċi tagħhom;

20. jitħaffu l-proċeduri fis-Servizz għall-Istrumenti tal-Politika għall-Affarijiet Barranin għall-amministrazzjoni tal-finanzi PESK għall-objettiv li jkun żgurat rispons flessibbli u f'waqtu għas-sitwazzjonijiet ta' kriżi u, b'mod partikolari, ikun żgurat li l-operazzjonijiet ċivili PSDK jiġu mnedija b'mod rapidu u b'effiċjenza; tiġi eżaminata f'dan ir-rigward, il-possibilità li jiġu introdotti xi tibdiliet fir-Regolament Finanzjarju mingħajr ma titnaqqas is-sorveljanza;

21.  tiżdied il-flessibbiltà u r-reattività tal-assistenza esterna tal-UE billi jiġu rieżaminati r-regoli għad-deċiżjonijiet dwar il-programmazzjoni u n-nefqa għall-istrumenti finanzjarji esterni;

22. tittejjeb ir-responsabbiltà finanzjarja billi tiġi estiża t-trasparenza għal-linji baġitarji kollha PESK inklużi l-operazzjonijiet PSDK, ir-RSUE, in-nonproliferazzjoni u l-prevenzjoni tal-kunflitti;

Dwar id-Delegazzjonijiet

23. is-SEAE jingħata vuċi akbar fl-allokazzjoni/fir-riallokazzjoni tal-persunal tal-Kummissjoni fid-Delegazzjonijiet tal-UE sabiex ikun żgurat li l-profili tal-persunal u d-daqs tad-delegazzjonijiet tal-UE jirriflettu l-interessi strateġiċi tal-Unjoni u l-prijoritajiet politiċi tagħha;

24.  jittieħdu l-passi neċessarji biex ikun żgurat li l-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-UE jinħatru abbażi tal-mertu u tal-għarfien tajjeb tal-interessi, il-valuri u l-politiki tal-Unjoni, biex ikunu żgurati l-motivazzjoni u l-ogħla grad ta' kwalità u ta' effiċjenza fost dawk magħżula għal funzjonijiet tant sensittivi;

25. ikun previst, partikolarment fil-każ ta' delegazzjonijiet fejn in-numru ta' persunal tas-SEAE huwa baxx, li l-Kap tad-Delegazzjoni jkun jista', f'konformità mal-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni SEAE, jinkariga wkoll lill-persunal tal-Kummissjoni bit-twettiq ta' analiżi politika u rappurtar politiku;

26. tissaħħaħ f'dan il-kuntest, l-awtorità tal-Kapijiet tad-Delegazzjoni fuq il-persunal kollu, inkluż il-persunal tal-Kummissjoni, u jkun żgurat li l-Kap tad-Delegazzjoni jkun id-destinatarju tal-istruzzjonijiet kollha li jinħarġu mill-Kwartieri Ġenerali;

27.  jiġu żviluppati serjament l-opportunitajiet ppreżentati mid-Deċiżjoni SEAE u mit-TUE, partikolarment billi jissaħħah ir-rwol ta' koordinament tad-delegazzjonijiet, speċjalment f'sitwazzjonijiet ta' kriżi, u billi tingħatalhom s-setgħa jipprovdu protezzjoni konsulari lil ċittadini tal-UE li ġejjin minn Stati Membri li mhumiex rappreżentati f'pajjiż partikolari; ikun żgurat li kwalunkwe kompitu addizzjonali ma jneħħix riżorsi minn politiki, istituzzjonijiet u prijoritajiet eżistenti fil-livell tal-UE;

28.  fid-dawl tal-fatt li l-maġġoranza vasta tad-Delegazzjonijiet tal-UE issa għandhom punti fokali tad-drittijiet tal-bniedem, ikun żgurat li b'mod partikolari d-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tan-nisa jkunu integrati fi ħdan kull Delegazzjoni u Uffiċċju tal-UE; tingħata barra minn hekk viżibilità lill-kultura Ewropea abbażi tad-diversità tagħha; ikun żgurat, fejn xieraq, li d-delegazzjonijiet tal-UE għandhom uffiċċju ta' kuntatt parlamentari biex jipprovdu assistenza adegwata lid-delegazzjonijiet tal-Parlament f'pajjiżi terzi;

29.  ikun żgurat barra minn hekk, li d-delegazzjonijiet ikollhom għarfien espert f'dawk l-oqsma ta' politika (pereżempju t-tibdil fil-klima, is-sigurtà fl-enerġija, il-politika soċjali u dwar l-impjiegi, il-kultura, eċċ), li huma ta' rilevanza għar-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiż inkwistjoni;

30.  ikun żgurat, fejn applikabbli, li kull delegazzjoni jkollha attaché tas-sigurtà u d-difiża, b'mod partikolari f'delegazzjonijiet li joperaw f'sitwazzjonijiet ta' nuqqas ta' stabbiltà politika jew fraġilità jew fejn tkun intemmet operazzjoni jew missjoni reċenti PSDK, biex ikunu żgurati l-kontinwità operazzjonali u monitoraġġ adegwat tal-ambjent politiku;

Dwar l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni dwar ir-Responsabbiltà Politika

31. tkun żgurata, f'konformità mal-ftehim kwadripartitiku li ntlaħaq f'Madrid f'Ġunju 2010, implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-obbligu fl-Artikolu 36 TUE, jiġifieri li l-opinjonijiet tal-Parlament jiġu kkunsidrati kif dovut, pereżempju permezz ta' konsultazzjoni proattiva u sistematika mal-kumitat adegwat tal-Parlament qabel l-adozzjoni ta' strateġiji u mandati fil-qasam PESK/PSDK;

32. ikun żgurat rappurtar politiku sħiħ min-naħa tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni lil detenturi ta' karigi ewlenin tal-Parlament taħt aċċess regolat;

33. ikun żgurat, f'konformità mal-Artikolu 218(10) TUE, li l-Parlament ikun infurmat bis-sħiħ u immedjatament fil-fażijiet kollha tal-proċedura għan-negozjati dwar ftehimiet internazzjonali, inklużi ftehimiet konklużi fil-qasam PESK;

34. f'konformità mal-esperjenza pożittiva li Kapijiet tad-Delegazzjonijiet u r-RSUE li jkunu għadhom jinħatru jidhru quddiem il-Kumitat AFET qabel jieħdu l-kariga tagħhom, din il-prattika tiġi estiża għall-Kapijiet tal-Missjonijiet u tal-Operazzjonijiet PSDK li jkunu għadhom jinħatru;

35. ikun żgurat li, ladarba jkunu nħatru mir-RGħ/VP, il-Kapijiet il-ġodda tad-Delegazzjonijiet jiġu konfermati uffiċjalment mill-kumitat rilevanti tal-Parlament qabel jieħdu l-karigi tagħhom;

36. ikun hemm skambju sistematiku mal-kumitat adegwat tal-Parlament qabel kull Kunsill Affarijiet Barranin u biex dan il-kumitat jingħata rendikont wara kull laqgħa tal-Kunsill;

Dwar it-taħriġ u l-konsolidament ta' spirtu ta' komunità diplomatiku Ewropew

37. jiġi promoss taħriġ komuni u miżuri konkreti oħra għall-konsolidament ta' spirtu ta' komunità fost il-persunal tas-SEAE bi sfondi diplomatiċi, kulturali u istituzzjonali varji, u li jiġu kkunsidrati inizjattivi ta' taħriġ konġunti għall-persunal tas-SEAE u d-diplomatiċi nazzjonali, bħala parti mill-iżvilupp professjonali kontinwu tagħhom;

38. jiġu rieżaminati f'dan l-ispirtu, il-programmi ta' taħriġ u edukattivi rilevanti u eżistenti fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, bil-ħsieb li jiġu kkonsolidati flimkien mal-Kulleġġ Ewropew ta' Sigurtà u ta' Difiża eżistenti;

Dwar il-bażi għar-reklutaġġ

39.  ikun hemm impenn u intensifikazzjoni ulterjuri tal-isforzi sabiex jinkiseb bilanċ aħjar b'rabta mal-ġeneru, filwaqt li jitqiesu kif xieraq il-mertu u l-kompetenzi; tiġi enfasizzata l-importanza li jinkiseb bilanċ fil-livell ta' Kapijiet tad-Delegazzjonijiet u livelli maniġerjali oħrajn; jiġu introdotti miżuri tranżitorji, filwaqt li jiġi żviluppat pjan ta' azzjoni li jinkludi programmi ta' mentoring, taħriġ speċjali u ambjent ta' xogħol li jiffavorixxi lill-familja bil-ħsieb li tiġi promossa r-rappreżentazzjoni tan-nisa u jiġu indirizzati l-ostakli strutturali għall-karrieri diplomatiċi tagħhom;

40.  jittieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex tiġi aġġustata r-rappreżentanza ġeografika fil-pożizzjonijiet għoljin u fil-gradi u l-karigi l-oħrajn kollha biex titrawwem u titħeġġeġ is-sjieda politika tas-SEAE kemm mill-uffiċjali u kemm mill-Istati Membri, kif mitlub mill-Artikolu 6(6) u 6(8) tad-Deċiżjoni SEAE;

41. ikun żgurat, fid-dawl tal-fatt li ntlaħaq l-objettiv ta' terz mill-persunal reklutat mill-Istati Membri, li l-persunal li ġej minn ministeri nazzjonali ma jkunx konċentrat f'livelli maniġerjali, biex b'hekk ikun hemm opportunitajiet ta' karriera għal kulħadd, u li l-enfasi issa tkun fuq ir-reklutaġġ ta' persunal ġdid tal-UE fuq bażi permanenti; jiġu esplorati wkoll, f'dak ir-rigward, il-modalitajiet għad-diplomatiċi nazzjonali li jaħdmu fis-SEAE sabiex japplikaw għal karigi permanenti fi ħdan is-Servizz;

42. jiġi żviluppat spirtu ta' komunità verament Ewropew u jkun żgurat li s-Servizz jaqdi biss interessi Ewropej komuni, biex jiġi oppost kull tentattiv min-naħa tal-Istati Membri li jinterferixxu fil-proċess ta' reklutaġġ tal-persunal tas-SEAE; biex ikun żgurat, ladarba jiġi fi tmiemu l-proċess ta' tranżizzjoni, li s-SEAE jista' jiżviluppa l-proċedura proprja u indipendenti ta' reklutaġġ tiegħu, miftuħa wkoll għall-uffiċjali mill-istituzzjonijiet kollha tal-UE u għall-kandidati minn barra permezz ta' konkorsi ġenerali;

43.  jiġu kkunsidrati b'mod partikolari, fid-dawl tar-rwol speċjali tal-Parlament Ewropew fir-rigward tad-definizzjoni tal-objettivi u l-għażliet bażiċi tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni, il-kompetenzi tal-Parlament bħala awtorità baġitarja, ir-rwol tiegħu fl-iskrutinju demokratiku tal-politika għall-affarijiet barranin kif ukoll il-prattika tiegħu ta' relazzjonijiet parlamentari barranin u l-possibilità għall-uffiċjali mill-Parlament Ewropew sabiex ikunu jistgħu japplikaw għal karigi fis-SEAE fuq bażi ugwali bħal fil-każ ta' dawk mill-Kunsill u l-Kummissjoni kemm jista' jkun malajr;

44. ikun żgurat li s-SEAE għandu t-taħlita adatta ta' ħiliet sabiex jindirizza l-kunflitti, b'mod partikolari billi jiżviluppa ħiliet fil-qasam tal-medjazzjoni u d-djalogu;

Perjodu ta' żmien itwal

45. Jappella, fil-kuntest ta' Konvenzjoni futura, sabiex l-iżvilupp ulterjuri tal-PESK/PSDK u tar-rwol tas-SEAE, inkluż bidla fl-isem, jitpoġġa fuq l-aġenda;

46. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

  • [1]  ĠU C 210, 3.8.2010, p. 1.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (25.2.2013)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar ir-rakkomandazzjoni lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar ir-rieżami 2013 tal-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-SEAE
(2012/2253(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Birgit Schnieber-Jastram

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jirrikonoxxi li, peress li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) hu organizzazzjoni relattivament żagħżugħa, għad m'għaddiex żmien biżżejjed biex ikunu jistgħu jiġu vvalutati b'mod sħiħ xi wħud mill-aspetti tal-organizzazzjoni u l-funzjonament tiegħu; jesprimi, madankollu, it-tama tiegħu li r-Rieżami ta' Nofs it-Terminu se jivvaluta l-valur miżjud tas-SEAE għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE, b'mod partikolari jekk wassalx għal titjib fil-kwalità u l-effettività tat-tfassil tal-politika u tal-programmazzjoni strateġika, b'rispett sħiħ għall-objettivi tal-politika tal-iżvilupp tal-UE u l-impenji magħmula taħtha, kif stipulat fl-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u fil-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp[1];

2.  Itenni l-importanza li tiġi żgurata koordinazzjoni aħjar u governanza tajba dwar kwistjonijiet ta' żvilupp fil-livell internazzjonali, sabiex l-UE tkun tista' titkellem b'vuċi waħda u tikseb viżibilità;

3.  Ifakkar li s-SEAE għandu rwol ewlieni fl-ippjanar u l-programmazzjoni tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp bilaterali tal-UE ma' pajjiżi u reġjuni sħab u għandu l-inkarigu li jħejji, b'mod konġunt mal-Kummissjoni u taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissarju għall-Politika tal-Iżvilupp, id-dokumenti ta' programmazzjoni pluriennali strateġiċi kollha marbuta mal-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ);

4.  Jinkoraġġixxi lis-SEAE u lill-Kummissjoni biex, minkejja d-diffikultajiet tal-bidu, ikomplu l-isforzi tagħhom biex jikkoordinaw aktar mill-qrib il-politiki tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-istrutturi tal-maniġġar ta' kriżijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha; jinkoraġġihom jippromwovu aktar din il-koordinazzjoni u jibnu fuq l-esperjenzi pożittivi tal-programmazzjoni konġunta tal-għajnuna għall-iżvilupp fiċ-ċiklu ta' programmazzjoni li jmiss, li jibda fl-2014;

5.  Jemmen li l-UE għandha sservi ta' eżempju ta' koordinazzjoni tajba għal sħabha fil-kooperazzjoni; barra minn hekk, iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Kummissjoni jesploraw modi biex jinvolvu ruħhom f'inizjattivi ta' kooperazzjoni trijangolari;

6.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex itejbu aktar il-bilanċ tar-responsabbiltajiet bejn iż-żewġ istituzzjonijiet fil-qasam tal-iżvilupp u biex jiżguraw li l-ħtiġijiet rispettivi tagħhom dwar il-persunal jiġu sodisfatti; jitlob b'mod partikolari definizzjoni aktar ċara tar-responsabbiltajiet bejn is-SEAE u l-Kummissjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou;

7.  Huwa tal-fehma li l-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, l-għajnuna umanitarja u alimentari u l-kooperazzjoni mal-istati AKP jinqdew l-aħjar bit-tkomplija tas-sistema eżistenti ta' presidenza li tinbidel b'rotazzjoni okkupata mir-rappreżentanti tal-Istati Membri, filwaqt li titqies in-natura partikolari ta' dawn l-oqsma tal-politika esterna u r-rwol importanti li l-Istati Membri għandhom fihom;

8.  Itenni, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa li tiġi żgurata preżenza bilanċjata, mil-lat ġeografiku u dak ta' sessi, ta' ċittadini mill-Istati Membri kollha fost il-persunal tas-SEAE;

9.  Jenfasizza wkoll l-importanza tat-taħriġ tas-SEAE dwar il-kwistjonijiet relatati mas-sessi; jenfasizza li taħriġ bħal dan irid iqajjem kuxjenza ġenerali dwar il-kwistjonijiet relatati mas-sessi u mal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;

10. Itenni t-talba tiegħu lir-Rappreżentant Għoli / Viċi President (RGħ/VP) u lis-SEAE biex jagħmlu l-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp (PCD) il-prijorità ċara tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lis-SEAE jfasslu strateġija ċara biex jiżguraw il-PCD, fost l-oħrajn billi jagħtuha post aktar prominenti fid-djalogu tal-politika tal-UE mal-gvernijiet, il-parlamenti, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u partijiet interessati oħra tal-pajjiżi sħab, billi jinkludu l-PCD b'mod kredibbli u funzjonali f'dokumenti ta' programmazzjoni strateġika, billi jipparteċipaw fit-tħejjija tal-Programm ta' Ħidma kontinwu tal-PCD li jmiss, u billi jiżviluppaw programm ta' taħriġ dwar il-PCD għall-persunal il-ġdid kollu tas-SEAE;

11. Jindika l-konflitt potenzjali bejn il-PCD u l-kunċett ta' 'approċċ komprensiv' għall-maniġġar ta' kriżijiet barra mill-UE; iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Kummissjoni jiżguraw li l-'approċċ komprensiv' la jfixkel l-objettivi u l-prinċipji speċifiċi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u lanqas jiżvija r-riżorsi limitati disponibbli għat-tnaqqis tal-faqar; bl-istess mod, jinsisti li l-għajnuna umanitarja tal-UE mhijiex għodda tal-maniġġar ta' kriżijiet, u jfakkar lis-SEAE dwar l-impenn tiegħu[2] li jippromwovi t-twettiq tal-objettivi tal-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja;

12. Jistieden lil Catherine Ashton, Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), tiffirma l-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp;

13. Jilqa' l-fatt li l-VP/RGħ indirizzat lill-Kumitat għall-Iżvilupp fuq bażi annwali bħala pass sinifikanti biex jittejbu l-obbligu li jingħata rendikont u l-iskambju ta' informazzjoni dwar kwistjonijiet ta' żvilupp; jinkoraġġixxi lill-VP/RGħ u lis-SEAE biex jirriflettu fuq modi ulterjuri biex jissaħħaħ l-obbligu tagħhom li jagħtu rendikont ta' għemilhom lill-Parlament, inkluż billi jagħtu mandat lill-ministru kompetenti tal-Presidenza rotanti biex jitkellem f'isem il-VP/RGħ dwar kwistjonijiet relatati mal-pożizzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE.

14. Iħeġġeġ lis-SEAE jsaħħaħ ir-rwol tiegħu fin-negozjati internazzjonali li jirrigwardaw il-kwistjonijiet politiċi u dawk tal-politika esterna, u b'mod partikolari juża l-għodod tad-diplomazija disponibbli għas-SEAE sabiex jippromwovi l-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI), ifakkar lil pajjiżi terzi – b'enfasi speċjali fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw – dwar il-ħtieġa li jappoġġawha u biex jiffirmaw jew jirratifikaw l-att kostitwenti tagħha jekk għadhom m'għamlux hekk, u jinkludi fi ftehimiet ma' pajjiżi terzi klawżoli vinkolanti li jeħtiġuhom jikkooperaw mal-QKI, jew saħansitra jimponu restrizzjonijiet fuq persuni li jkunu nbdew proċeduri kontrihom fil-QKI.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

19.2.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

26

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Thijs Berman, Michael Cashman, Ricardo Cortés Lastra, Nirj Deva, Leonidas Donskis, Mikael Gustafsson, Filip Kaczmarek, Michał Tomasz Kamiński, Miguel Angel Martínez Martínez, Gay Mitchell, Norbert Neuser, Jean Roatta, Birgit Schnieber-Jastram, Michèle Striffler, Alf Svensson, Keith Taylor, Eleni Theocharous, Patrice Tirolien, Anna Záborská

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Philippe Boulland, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Enrique Guerrero Salom, Isabella Lövin, Gesine Meissner, Bart Staes

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

George Lyon

  • [1]  Premessa 4, Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (2010/427/UE).
  • [2]     Premessa 4, Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (2010/427/UE).

OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits (5.3.2013)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar ir-rakkomandazzjoni lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar ir-rieżami 2013 tal-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-SEAE
(2012/2253(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Nadezhda Neynsky

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jenfasizza l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-Qorti tal-Awdituri fir-rigward tad-dgħufijiet fil-ġestjoni finanzjarja fis-SEAE kollu; jirrikonoxxi li wħud mill-problemi jistgħu jkunu ta' natura transizzjonali, u li l-ħlasijiet ġeneralment huma ħielsa minn żbalji materjali, iżda jixtieq li jsaħħaħ l-enfasi fuq l-użu tal-aħjar prattiki u fuq l-osservazzjoni stretta tar-Regolament Finanzjarju;

2.  Jilqa' l-ekonomiji li saru fl-2012, u l-kontinwazzjoni ta' din it-tendenza fl-2013 kif ippjanat; itenni l-kummenti tiegħu dwar in-numru relattivament eċċessiv ta’ karigi ta’ grad għoli, li huwa serjament sproporzjonat meta mqabbel ma’ istituzzjonijiet oħra; jistieden lid-dipartimenti relevanti jistabbilixxu, għal terminu ta’ żmien medju u ta’ żmien twil, pjan direzzjonali u metodi xierqa bil-ħsieb li dan l-iżbilanċ relattiv jiġi kkoreġġut; jissottolinja l-ħtieġa, barra minn hekk, li l-appoġġ finanzjarju jissaħħaħ fir-rigward tal-tħassib partikolari ta’ sigurtà għall-persunal tas-SEAE;

3.  Ifakkar li s-SEAE għandu jimmira li jkunu jistgħu jsiru ekonomiji u jittejbu l-istrateġiji diplomatiċi fl-Istati Membri kollha, filwaqt li jinħolqu effetti ta' sinerġiji bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha permezz tal-kolokazzjoni, l-iskambju tal-informazzjoni, il-kondiviżjoni tal-kompetenzi esperti u l-għarfien, u l-kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali; jisħaq li, barra minn hekk, is-SEAE għandu jkollu l-għan li jevita u jelimina kwalunkwe kompiti, funzjonijiet u riżorsi duplikati ma' istituzzjonijiet Ewropej oħra u fi ħdan l-SEAE nnifisha, u li juri aktar trasparenza fl-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet fi ħdan l-istruttura tal-ġestjoni tas-SEAE;

4.  Jenfasizza n-nuqqas ta’ bilanċ fid-distribuzzjoni tal-persunal tas-SEAE u tal-Kummissjoni fid-delegazzjonijiet; jitlob li jiġi assenjat aktar persunal mill-Kwartieri ġenerali tas-SEAE għad-delegazzjonijiet;

5.  Iqis li huwa neċessarju li l-proċeduri eżistenti tas-SEAE fid-delegazzjonijiet jiġu rieżaminati, bħal, pereżempju, in-negozjati kollettivi annwali dwar il-ħlas għall-persunal lokali f’delegazzjonijiet tal-UE;

6.  Għadu mħasseb dwar jekk l-objettivi ta' reklutaġġ li jiġi attirat persunal mis-servizzi diplomatiċi nazzjonali, u li tkun żgurata rappreżentanza ġeografika u rappreżentanza tas-sessi ġusta u adegwata ta' ċittadini mill-Istati Membri kollha u fil-livelli kollha ta' karigi, humiex qed jiġu promossi b'dan il-għan; jisħaq li ż-żewġ objettivi għandhom jiffurmaw parti mill-istrateġija ta’ reklutaġġ fuq terminu ta’ żmien twil; jinnota li 39,5 % tal-ambaxxaturi tal-UE ġejjin mill-Istati Membri; ifakkar fil-ftehim li bih terz tal-karigi kollha għandhom jimtlew mill-Istati Membri;

7.  Jenfasizza li l-interkonnessjoni bejn il-livelli ta' provvediment ta' persunal, minn naħa, u l-interessi strateġiċi identifikati u l-infiq taħt l-Intestatura 4 kkonċentrat fuq ċerti delegazzjonijiet jew funzjonijiet, min-naħa l-oħra, għandhom ikunu ddikjarati b'mod ċar u għandhom jiġu rieżaminati.

8.  Jenfasizza l-bżonn li jsir użu mill-flessibilità msaħħa pprovduta mir-Regolament Finanzjarju l-ġdid, u li titħaffef il-provvista ta’ għajnuna f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi, b'mod partikolari fejn hemm theddida li periklu imminenti jew immedjat jeskala għal kunflitt armat jew li jiddistabbilizza pajjiż, u fejn intervent bikri tal-Unjoni jkun ta’ importanza kbira għall-promozzjoni tal-prevenzjoni ta’ kunflitt.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

4.3.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

32

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marta Andreasen, Richard Ashworth, Reimer Böge, Zuzana Brzobohatá, Jean-Luc Dehaene, Göran Färm, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazábal Rubial, Salvador Garriga Polledo, Jens Geier, Ivars Godmanis, Ingeborg Gräßle, Lucas Hartong, Jutta Haug, Monika Hohlmeier, Sidonia Elżbieta Jędrzejewska, Anne E. Jensen, Ivailo Kalfin, Jan Kozłowski, Giovanni La Via, Claudio Morganti, Vojtěch Mynář, Juan Andrés Naranjo Escobar, Dominique Riquet, László Surján, Helga Trüpel, Derek Vaughan, Angelika Werthmann

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

François Alfonsi, Edit Herczog, Jürgen Klute, María Muñiz De Urquiza, Georgios Stavrakakis, Nils Torvalds

OPINJONI tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (19.3.2013)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar ir-rakkomandazzjoni lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar ir-rieżami 2013 tal-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-SEAE
(2012/2253(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Ivailo Kalfin

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jinnota li s-SEAE nħoloq reċentement bħala istituzzjoni li ħarġet mill-konsolidament ta' diversi servizzi differenti u li l-2011 kienet l-ewwel sena operattiva tiegħu, sena li kien fiha għadd ta' sfidi tekniċi li jridu jingħelbu, partikolarment fl-akkwist, fir-reklutaġġ u fil-kultura u l-prattiki istituzzjonali;

2.  Ifaħħar l-eżempji eċċellenti ta' koordinament bejn is-SEAE u istituzzjonijiet oħra u donaturi internazzjonali u jirrakkomanda li dawn il-prattiki jiġu stabbiliti bħala standards;

3.  Jirrimarka li meta twaqqaf is-SEAE żewġ oqsma amministrattivi, li huma l-awditjar intern u l-kontabbiltà, reġgħu għaddew għand il-Kummissjoni għal raġunijiet ta' kostijiet; jirrikonoxxi li sar iffrankar effettiv u jirrakkomanda t-tkomplija ta' din il-kooperazzjoni;

4.  Jirrakkomanda li s-SEAE kostantement ifittex sinerġiji u valur miżjud mill-interazzjoni tiegħu mal-Istati Membri kemm f'termini ta' qsim ta' informazzjoni u analiżi kif ukoll fit-twettiq tal-funzjonijiet ta' rappreżentanza diplomatika fil-pajjiżi terzi rispettivi;

5.  Jinnota l-perjodu intensiv ta' reklutaġġ fl-ewwel sena operattiva tas-SEAE biex jiġi żgurat li jkun hemm għadd sħiħ ta' persunal; jinnota, barra minn hekk, li hemm xi delegazzjonijiet partikolari fejn il-karigi huma aktar diffiċli li jimtlew, l-aktar minħabba l-livell ta' riskju assoċjat mal-post fejn jiffunzjonaw;

6.  Iqis bħala diffiċli li jsiru paraguni dettaljati tal-kundizzjonijiet eżistenti fil-140 post ta' ħidma li fihom is-SEAE jkollu jopera; jirrakkomanda, għalhekk, li jkunu definiti l-kriterji ta' referenza fir-rigward tas-servizzi diplomatiċi tal-Istati Membri tal-UE fl-istess pajjiż;

7.  Jiddispjaċih dwar l-iżbilanċ ġeografiku u tal-ġeneru fi ħdan is-SEAE, bi proporzjon aktar baxx ta' persunal li ġej mill-Istati Membri l-aktar ġodda minn dawk tal-UE-15 (il-maġġor part kbira huma fil-livelli 'l isfel mill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet) u l-ammont relattivament baxx ta' rappreżentanza tan-nisa; iħeġġeġ lis-SEAE jieħu l-miżuri neċessarji biex ittejjeb din is-sitwazzjoni;

8.  Jinnota b'sodisfazzjon ir-rendiment u l-ġestjoni ta' 8 800 kandidat, b'1 300 intervista li saru u b'118-il post vakanti li mtlew fl-2011;

9.  Jinnota li 39.5 % tal-ambaxxaturi tal-Unjoni ġejjin mill-Istati Membri; ifakkar li skont il-ftehim terz tal-karigi għandhom jimtlew mill-persunal tal-Istati Membri; jitlob lir-Rappreżentant Għoli timplimenta dak il-ftehim, filwaqt li tiżgura wkoll li l-karigi medji u għolja jkunu koperti fil-kwota;

10. Jirrimarka li hemm żbilanċ bejn id-delegazzjonijiet tas-SEAE u l-membri tal-persunal tal-Kummissjoni; jitlob sabiex aktar persunal tas-SEAE jkun trasferit mis-sede ċentrali għad-delegazzjonijiet;

11. Jinsisti dwar reviżjoni tas-36 delegazzjoni li fihom hemm biss ambaxxatur, bl-għan li jew jingħalqu jew jiżdied il-persunal tagħhom fejn xieraq;

12. Iħeġġeġ bis-sħiħ lis-SEAE, fir-rigward tal-arranġamenti tal-ivvjaġġar tal-persunal, jadotta prattiki simili għal dawk applikati mill-Istati Membri f'ċirkustanzi kumparabbli;

13. Jinsisti li, bir-reviżjoni tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal (pajjiżi terzi), l-għadd ta' jiem tal-liv u ta' jiem oħra mingħajr ħidma tal-uffiċċji lokali jsiru konformi ma' dak li hu applikabbli għar-rappreżentanzi diplomatiċi tal-Istati Membri li fihom jiffunzjonaw;

14. Jemmen li r-reviżjoni tas-SEAE tirrappreżenta forum fejn tista' ssir analiżi dettaljata tal-kumparabbiltà bejn ir-riżorsi disponibbli u l-funzjonijiet li s-SEAE jrid iwettaq kif ukoll ta' kwalunkwe bidla meħtieġa biex jiġi żgurat livell għoli ta' effiċjenza fl-operazzjonijiet tiegħu; jemmen li evalwazzjoni tal-proprjetà li s-SEAE qed juża għandha tinvolvi paraguni ma' missjonijiet diplomatiċi oħra fl-istess lokalità iktar milli bejn il-faċilitajiet tas-SEAE fid-diversi pajjiżi;

15. Jitlob biex jitressaq pjan pluriennali għall-binjiet tal-UE u għas-sigurtà tal-persunal u tal-bini fil-pajjiżi terzi kollha li fihom hemm rappreżentanza tal-UE;

16. Jinsisti dwar il-ħtieġa ta' analiżi tal-effiċjenza tal-ftehimiet fil-livell ta' servizz bejn is-SEAE u l-Kummissjoni u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill rispettivament, u jissuġġerixxi li jiġu emendati l-ftehimiet eżistenti u, fejn xieraq, iffirmati oħrajn ġodda, sabiex jiġu indirizzati l-problemi fil-livell tal-ġestjoni amministrattiva.RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

18.3.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean-Pierre Audy, Inés Ayala Sender, Zuzana Brzobohatá, Andrea Češková, Ryszard Czarnecki, Tamás Deutsch, Martin Ehrenhauser, Jens Geier, Gerben-Jan Gerbrandy, Ingeborg Gräßle, Jan Mulder, Eva Ortiz Vilella, Monika Panayotova, Aldo Patriciello, Paul Rübig, Petri Sarvamaa, Bart Staes, Georgios Stavrakakis, Søren Bo Søndergaard

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Jorgo Chatzimarkakis, Edit Herczog, Ivailo Kalfin, Olle Schmidt, Derek Vaughan

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Peter Jahr

ANNESS - OPINJONI FIL-FORMA TA' ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI

Ref. D(2013)15715

Is-Sur Elmar Brok

President

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

ASP 05E240

Brussell

Suġġett:           Rakkomandazzjoni lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar ir-rieżami 2013 tal-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-SEAE(2012/2253(INI))

Sur President,

Fid-dawl tal-iskeda stretta fil-kumitat tiegħek, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali ddeċieda li jippubblika opinjoni lill-kumitat tiegħek dwar ir-rapport t'hawn fuq fil-forma ta' ittra, biex jiġbed l-attenzjoni lejn uħud mill-aspetti ewlenin tal-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) rigward il-persunal. Billi kull suġġett b'rabta mal-persunal tas-SEAE jaqa' fi ħdan il-kompetenza tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali bħala l-kumitat responsabbli mir-Regolamenti tal-Persunal, dan tal-aħħar jippreżenta r-rimarki essenzjali li ġejjin f'dan ir-rigward.

Din l-opinjoni fil-forma ta' ittra tfasslet mis-Sur Bernhard Rapkay, li kien ir-rapporteur tal-kumitat tiegħi għall-adozzjoni tar-Regolament (EU, EURATOM) Nru 1080/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010, li emenda r-Regolamenti tal-Persunal fid-dawl tal-istabbilment tas-SEAE. Ġie adottat mill-kumitat bi 23 vot[1] fid-19 ta' Marzu 2013.

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, jagħti attenzjoni partikolari lill-punti li ġejjin fit-tfassil tar-rakkomandazzjoni tiegħu:

· Skont il-premessi 11 u 12 tar-Regolament Nru 1080/2010 u l-Artikolu 6 paragrafu 9 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-SEAE (id-"Deċiżjoni SEAE tal-Kunsill"), il-persunal tas-SEAE fil-livell AD għandu, meta s-SEAE jkun laħaq in-numru sħiħ tiegħu, ikun magħmul minn tal-anqas terz tal-persunal mis-servizzi diplomatiċi nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE u tal-anqas 60 % mill-uffiċjali permanenti tal-Unjoni Ewropea.

· Kif indikat fir-Rapport tal-2012 dwar il-Persunal tas-SEAE, dawn il-kwoti ntlaħqu. Il-prijorità li jmiss għalhekk tkun il-konsolidament tal-persunal tal-UE fi ħdan is-SEAE u l-perspettivi tal-karriera tal-uffiċjali tal-UE fi ħdan is-SEAE. Premessa 11 tad-Deċiżjoni SEAE tal-Kunsill tipprevedi li wara l-1 ta' Lulju 2013, ''kull uffiċjal u aġent ieħor tal-Unjoni Ewropea għandu jkun jista' japplika għall-karigi battala fis-SEAE''. F'dan il-kuntest, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jixtieq jenfasizza li dawn il-kwoti jeħtieġ li jiġu rispettati kemm fil-livell AD u kemm dak AST u fost il-gradi kollha, inklużi karigi maniġerjali. Kemm l-esperjenza diplomatika u l-kuntatti stabbiliti ta' diplomatiċi anzjani li ġejjin mill-Istati Membri u kemm il-familjarità mal-mekkaniżmi ta' ħidma u l-kultura tal-Unjoni Ewropea, li partikolarment il-persunal anzjan tal-UE jista' jikkontribwixxi fihom, huma ta' importanza kruċjali għas-suċċess tas-SEAE. L-osservanza tal-kwoti, b'mod partikolari għall-karigi maniġerjali, għandhom irawwmu wkoll l-indipendenza tas-SEAE. Is-SEAE jifforma parti mill-amministrazzjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti tal-Unjoni kif previst fl-Artikolu 298 TFUE. Din hija ttrattata, fi kwistjonijiet relatati ma' persunal, bħala istituzzjoni fi ħdan it-tifsira tar-Regolamenti tal-Persunal, u l-persunal tagħha hu marbut mad-dmirijiet tiegħu, fost l-oħrajn mill-prinċipju tal-indipendenza. Ir-rispett tal-prinċipju tal-indipendenza huwa stabbilit ukoll fid-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni SEAE tal-Kunsill u r-Regolament Nru 1080/2010.

· Għandu jiġi nnutat f'dan ir-rigward, li l-prattika attwali tar-rappreżentanti tal-Istati Membri li jkunu preżenti fil-bord tal-għażla għal karigi maniġerjali, tikkontradixxi l-prinċipju tal-indipendenza u m'għandhiex tinżamm. Tali bordijiet tal-għażla għandhom ikunu magħmula esklużivament minn persunal tas-SEAE u uffiċjali tal-UE.

· L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1080/2010 jipprevedi li r-Rappreżentant Għoli għandu jippreżenta rapport sa nofs l-2013 dwar l-implimentazzjoni ta' dak ir-regolament, b'enfasi partikolari fuq il-bilanċ fil-ġeneru u dak ġeografiku tal-persunal fi ħdan is-SEAE.

· Barra minn hekk, kemm id-Deċiżjoni SEAE tal-Kunsill (l-Artikolu 6 paragrafi 6 u 8) u kemm ir-Regolament Nru 1080/2010 (Premessa 14) jipprevedu li l-persunal tas-SEAE għandu jkun bilanċjat adegwatament fir-rigward ta' ġeneru u ġeografija. Barra minn hekk, premessa 15 tar-Regolament Nru 1080/2010, tobbliga lir-Rappreżentant Għoli jieħu miżuri xierqa biex jippromovi opportunitajiet indaqs għall-ġeneru li mhux rappreżentat biżżejjed f'ċerti gruppi ta' funzjoni, b’mod aktar partikolari fil-livell AD, fi ħdan is-SEAE. Għalhekk, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jinnota bi tħassib li n-nisa jibqgħu mhux rappreżentati biżżejjed fost il-persunal fil-livell AD u saħansitra aktar f'karigi maniġerjali. Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jħeġġeġ bil-qawwa lir-Rappreżentant Għoli jieħu azzjoni adegwata, kemm jekk fil-forma ta' programmi ta' mentoring, taħriġ speċjali, jew il-ħolqien ta' ambjent ta' xogħol flessibbli u li jiffavorixxi lill-familja, bil-ħsieb li tissolva din is-sitwazzjoni. F'każ li jkunu ttieħdu miżuri bħal dawn, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali japprezza ħafna kull informazzjoni dwarhom.

· L-istruttura organizzattiva attwali tas-SEAE tiżvela sistema kumplessa ta' ġerarkiji. B'mod partikolari, il-kariga ta' 'Direttur Maniġerjali' u l-eżistenza ta' bord amministrattiv sa issa ma kinux magħrufa fl-amministrazzjoni tal-Unjoni Ewropea. Ġerarkija ta' livell multiplu bħal din tista' tostakola l-fluss vertikali ta' informazzjoni u ddewwem mingħajr ħtieġa d-deċiżjonijiet f'servizz li għandu jkun imħejji jirreaġixxi malajr għall-emerġenzi. Kwalunkwe tibdil fl-istruttura għalhekk għandu dejjem isir bil-ħsieb li tinkiseb l-effiċjenza, iċ-ċarezza u l-koerenza.

F'isem il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, inkun grat jekk il-kumitat tiegħek ikun jista' jikkunsidra dawn il-punti li ġejjin fil-ħidma ulterjuri tiegħu.

Barra minn hekk, ladarba r-Rappreżentant Għoli tkun ippubblikat ir-rieżami tagħha tal-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-SEAE ppjanat għal nofs l-2013, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali se jindirizza din il-kwistjoni b'mod aktar intensiv u fid-dettall billi jeżerċita l-kompetenza tiegħu fit-twettiq ta' rieżami leġiżlattiv possibbli f'dak il-qasam.

Dejjem tiegħek,

(iffirmata)

Klaus-Heiner Lehne

  • [1]  Kienu preżenti l-Membri li ġejjin: Raffaele Baldassarre (Viċi President), Luigi Berlinguer, Sebastian Valentin Bodu (Viċi President), Piotr Borys, Françoise Castex (Viċi President), Christian Engström, Marielle Gallo, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Sajjad Karim, Klaus-Heiner Lehne (President), Eva Lichtenberger, Jiří Maštálka, Alajos Mészáros, Bernhard Rapkay, Evelyn Regner (Viċi President), Francesco Enrico Speroni, Rebecca Taylor, Alexandra Thein, Axel Voss, Rainer Wieland, Cecilia Wikström, Tadeusz Zwiefka, Ricardo Cortés Lastra (skont l-Artikolu 187(2)).

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

23.4.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

38

12

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Pino Arlacchi, Sir Robert Atkins, Bastiaan Belder, Elmar Brok, Arnaud Danjean, Mário David, Mark Demesmaeker, Marietta Giannakou, Ana Gomes, Andrzej Grzyb, Takis Hadjigeorgiou, Anna Ibrisagic, Liisa Jaakonsaari, Anneli Jäätteenmäki, Jelko Kacin, Tunne Kelam, Maria Eleni Koppa, Andrey Kovatchev, Paweł Robert Kowal, Eduard Kukan, Vytautas Landsbergis, Krzysztof Lisek, Sabine Lösing, Ulrike Lunacek, Francisco José Millán Mon, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Ioan Mircea Paşcu, Mirosław Piotrowski, Hans-Gert Pöttering, Cristian Dan Preda, Jacek Saryusz-Wolski, György Schöpflin, Charles Tannock, Eleni Theocharous, Inese Vaidere, Geoffrey Van Orden, Sir Graham Watson, Boris Zala

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Charalampos Angourakis, Reinhard Bütikofer, Andrew Duff, Roberto Gualtieri, Elisabeth Jeggle, Carmen Romero López, Indrek Tarand, Sampo Terho, Ivo Vajgl

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Badia i Cutchet, María Auxiliadora Correa Zamora, Cornelia Ernst, Peter Šťastný