RAPPORT dwar il-lingwi Ewropej fil-periklu ta’ estinzjoni u d-diversità lingwistika fl-Unjoni Ewropea

26.6.2013 - (2013/2007(INI))

Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
Rapporteur: François Alfonsi

Proċedura : 2013/2007(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0239/2013
Testi mressqa :
A7-0239/2013
Dibattiti :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-lingwi Ewropej fil-periklu ta’ estinzjoni u d-diversità lingwistika fl-Unjoni Ewropea

(2013/2007(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 21(1) u 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali,

–   wara li kkunsidra l-istudju EUROMOSAIC tal-Kummissjoni Ewropea li juri kif jisparixxu lingwi Ewropej minħabba li l-mekkaniżmi fis-seħħ ma jippermettux li jiġu salvagwardati,

–   wara li kkunsidra l-konvenzjoni tal-UNESCO tas-17 ta’ Ottubru 2003 għas-salvagwardja tal-patrimonju kulturali immaterjali, li tinkludi t-tradizzjonijiet u l-forom ta' espressjoni orali, inkluża l-lingwa bħala mezz ta’ trażmissjoni tal-patrimonju kulturali immaterjali,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO tal-20 ta’ Ottubru 2005 dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali,

–   wara li kkunsidra l-Atlas tal-Lingwi fil-Periklu madwar id-Dinja tal-UNESCO,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa tat-18 ta’ Marzu 2010 bit-titolu “Il-lingwi minoritarji: vantaġġ għall-iżvilupp reġjonali” (301/2010)[1],

–   wara li kkunsidra r-Rapport 12423/2010, ir-Riżoluzzjoni 1769/2010 u r-Rakkomandazzjoni 1944/2010 tal-Kunsill tal-Ewropa,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Settembru 2008 bit-titolu “Il-multilingwiżmu: vantaġġ għall-Ewropa u impenn komuni" (COM(2008)0566),

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja[2],

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-ħarsien u l-iżvilupp tal-minoranzi lingwistiċi storiċi fil-qafas tat-Trattat ta’ Lisbona[3],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2008 dwar strateġija Ewropea għall-multilingwiżmu[4],

–   wara li kkunsidra l-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji tal-5 ta’ Novembru 1992 tal-Kunsill tal-Ewropa,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet Lingwistiċi (1996),

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali (1995),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Jannar 2004 dwar il-preservazzjoni u l-promozzjoni tad-diversità kulturali: ir-rwol tar-reġjuni Ewropej u tal-organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-UNESCO u l-Kunsill tal-Ewropa[5], u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Settembru 2003 dwar l-ilsna reġjonali u dawk inqas użati Ewropej – il-lingwi ta’ minoranzi fl-UE – fil-kuntest tat-tkabbir u d-diversità kulturali[6],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2003 dwar ir-rwol tal-awtoritajiet reġjonali u lokali fl-integrazzjoni Ewropea[7], li tagħmel referenza għad-diversità lingwistika fl-Ewropa,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Marzu 2009 dwar il-multilingwiżmu: vantaġġ għall-Ewropa u impenn komuni[8],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Settembru 2008 dwar il-Midja Komunitarja fl-Ewropa[9],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A7-0000/2013),

A. billi t-Trattat ta’ Lisbona jagħti spinta lill-objettiv tas-salvagwardja u l-promozzjoni tal-patrimonju kulturali u lingwistiku tal-Unjoni Ewropea fid-diversità kollha tagħha;

B.  billi din id-diversità lingwistika u kulturali hija waħda mill-prinċipji fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif imniżżel fl-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jistipula: 'L-Unjoni tirrispetta d-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika';

C. billi d-diversità lingwistika hija dritt rikonoxxut taċ-ċittadini fl-Artikoli 21 u 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jfisser li l-preservazzjoni ta’ lingwa hija restrizzjoni u ksur tal-valuri fundamentali tal-Unjoni;

D. billi l-lingwi li jinsabu fil-periklu ta’ estinzjoni għandhom jitqiesu bħala parti mill-patrimonju kulturali Ewropew, u ma jġorrux aspirazzjonijiet politiċi, etniċi jew territorjali;

E.  billi l-lingwi kollha fl-Ewropa huma ugwali f’termini ta’ valur u dinjità, jiffurmaw parti integrali mill-kulturi u ċ-ċivilizzazzjonijiet tagħha u jikkontribwixxu għall-arrikkiment tal-umanità;

F. billi s-soċjetajiet multilingwi koeżivi sew li jimmaniġġjaw id-diversitajiet lingwistiċi tagħhom b’mod demokratiku u sostenibbli jikkontribwixxu għad-diversità, huma aktar miftuħa u f’kundizzjonijiet aħjar biex jikkontribwixxu għall-ġid tad-diversità lingwistika;

G. billi kull lingwa, inklużi dawk fil-periklu ta’ estinzjoni, tirrifletti għarfien u ħiliet storiċi, soċjali u kulturali, u l-mod ta’ kif wieħed jaħseb u jikkrea, li jikkontribwixxu għall-ġid tal-Unjoni Ewropea; għaldaqstant id-diversità lingwistika u l-preżenza ta’ lingwi li jinsabu fil-periklu ta’ estinzjoni f’pajjiż għandhom jitqiesu bħala assi aktar milli piż, u għalhekk għandhom jingħataw appoġġ u jiġu promossi;

H. billi l-UNESCO, fl-Atlas tagħha tal-Lingwi fil-Periklu madwar id-Dinja, tindika li lingwa tinsab fil-periklu ta’ estinzjoni jekk ma tissodisfax kriterju xjentifiku wieħed jew iktar mill-kriterji xjentifiċi li ġejjin: it-trażmissjoni tal-lingwa minn ġenerazzjoni għal oħra; in-numru assolut ta’ persuni li jitkellmu l-lingwa; ir-rata ta’ persuni li jitkellmu l-lingwa mill-popolazzjoni kollha; l-użu tal-lingwa f’diversi kuntesti pubbliċi u privati; ir-reazzjoni għal mezzi ta’ komunikazzjoni ġodda; l-eżistenza ta’ materjal ta’ tagħlim u edukazzjoni tal-lingwi; l-attitudnijiet u l-politiki lingwistiċi fil-livell tal-gvern u tal-istituzzjonijiet – użu u statut uffiċjali; l-attitudni tal-membri tal-komunità fir-rigward tal-lingwa tagħhom stess; it-tip u l-kwalità tad-dokumentazzjoni;

I.   billi, skont il-Konvenzjoni tal-UNESCO tal-2005 dwar id-Diversità Kulturali, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri xierqa biex iħarsu l-attivitajiet, l-oġġetti u s-servizzi kulturali, inklużi miżuri relatati mal-lingwa użata għal dawn l-attivitajiet, oġġetti u servizzi, sabiex jippromwovu d-diversità tal-espressjonijiet kulturali fit-territorju tagħhom, imma anke fil-qafas tal-ftehimiet internazzjonali;

J.   billi l-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji tal-Kunsill tal-Ewropa, irratifikata minn 16-il Stat Membru tal-Unjoni, isservi ta’ referenza għall-ħarsien tal-lingwi li jinsabu fil-periklu ta’ estinzjoni u ta’ mekkaniżmu ta’ ħarsien tal-minoranzi speċifikati fil-kriterji ta’ Kopenħagen li l-Istati għandhom jilħqu sabiex jingħaqdu mal-UE;

K. billi skont l-UNESCO hemm lingwi fil-pajjiżi Ewropej kollha, fit-territorji extra-Ewropej, u fi ħdan il-komunitajiet tal-vjaġġaturi tal-UE, li huma trażmessi biss verbalment minn ġenerazzjoni waħda għall-oħra u għandhom jitqiesu bħala li qegħdin fil-periklu ta’ estinzjoni; billi xi lingwi Ewropej li jinsabu fil-periklu ta’ estinzjoni mitkellma minn komunitajiet transkonfinali jgawdu minn diversi livelli ta’ protezzjoni skont l-Istat Membru jew ir-reġjun li fih mion jitkellem il-lingwa kkonċernata jgħixu;

L.  billi għalhekk f’xi pajjiżi u reġjuni, jeżistu lingwi reġjonali jew minoritarji li jinsabu f’periklu jew qegħdin jispiċċaw iżda li f’pajjiżi oħra ġirien dawn huma lingwi uffiċjali tal-maġġoranza;

M. billi d-diversità tal-lingwi u l-kulturi Ewropej hija parti, l-istess bħad-bijodiversità naturali, mill-patrimonju ħaj meħtieġ għall-iżvilupp sostenibli tas-soċjetajiet tagħna u billi għandhom għalhekk, f’dan ir-rigward, jiġu salvagwardati u preservati minn kull riskju ta’ estinzjoni;

N. billi r-rispett għad-diversità lingwistika jikkontribwixxi b’mod pożittiv għall-koeżjoni soċjali billi li jsaħħaħ il-fehim reċiproku, l-awtostima u jiftaħ l-imħuħ, u billi d-diversità lingwistika tiffavorixxi l-aċċess għall-kultura u tikkontribwixxi għall-kreattività u l-kisba ta’ ħiliet interkulturali, kif ukoll tippromwovi l-kooperazzjoni bejn il-popli u l-pajjiżi;

O. billi l-Artikolu 167 tat-Trattat ta’ Lisbona jiddikjara b’mod ċar li l-“Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-fjoritura tal-kulturi tal-Istati Membri, filwaqt li tirrispetta d-diversità nazzjonali u reġjonali tagħhom”, u għaldaqstant iħeġġeġ azzjonijiet mhux biss biex ir-rikkezza tal-patrimonju lingwistiku tal-Unjoni tiġi preservata u salvagwardata bħala parti mid-diversità tagħha, imma wkoll biex isir pass ’il quddiem fit-tisħiħ u l-promozzjoni ta’ dan il-patrimonju apparti l-politiki tal-Istati Membri;

P.  billi l-kunċett tad-diversità lingwistika tal-Unjoni Ewropea jkopri kemm il-lingwi uffiċjali kif ukoll il-lingwi kouffiċjali, il-lingwi reġjonali u l-lingwi li ma jibbenefikaw mill-ebda rikonoxximent uffiċjali fl-Istati Membri;

Q. billi l-kategorija tal-lingwi li jinsabu fil-periklu ta’ estinzjoni tkopri wkoll lingwi li jinsabu fil-periklu ta’ estinzjoni f’territorju partikolari biss, fejn in-numru ta’ persuni tal-komunità li jitkellmu l-lingwa qiegħed jonqos b’mod sinifikanti, u f’każijiet fejn l-istatistika ta’ ċensimenti konsekuttivi turi tnaqqis drammatiku fin-numru ta’ persuni li jitkellmu lingwa speċifika;

R.  billi l-lingwi uffiċjali tal-Istati Membri jistgħu jkunu wkoll lingwi fil-periklu f’ċerti żoni tal-Unjoni;

S.  billi minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni tagħhom, għandha tingħata attenzjoni partikolari lil dawk minnhom li jinsabu fil-periklu ta’ estinzjoni, billi jiġu rikonoxxuti l-multikulturaliżmu u l-multingwiżmu, permezz tal-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ politika li jiġġieldu l-preġudizzji eżistenti kontra lingwi fil-periklu, u billi jiġi adottat approċċ anti-assimilazzjoni fil-livell nazzjonali u Ewropew;

T.  billi t-tagħlim bil-lingwa materna tal-poplu huwa l-metodu aktar effettiv tat-tagħlim;

U. billi jekk it-tfal jiġu mgħallma l-lingwa materna tagħhom mit-twelid, u b’mod parallel minn hemm ’il quddiem jitgħallmu lingwa uffiċjali, dawn ikollom dispożizzjoni naturali għat-tagħlim ulterjuri ta' diversi lingwi u billi l-pluraliżmu lingwistiku huwa vantaġġ għaż-żgħażagħ Ewropej;

V. billi t-theddida għal-lingwi li jinsabu fil-periklu ta’ estinzjoni fl-Ewropa tista’ titnaqqas billi jiġi żgurat il-prinċipju li fit-twettiq tan-negozju pubbliku u l-amministrazzjoni tal-ġustizzja, il-lingwa kkonċernata tiġi trattata b’mod proporzjonat fuq il-bażi tal-ugwaljanza u fl-interess tad-diversità;

W. billi s-salvagwardja u t-trażmissjoni ta’ lingwa tgħaddi ħafna drabi mill-kanali tal-edukazzjoni informali u mhux formali u billi huwa importanti li tiġi rikonoxxuta l-pożizzjoni tal-oqsma komunitarji u artistiċi kif ukoll tal-artisti f’dan il-qafas;

X. billi l-kwistjoni tal-lingwi li jinsabu fil-periklu ta’ estinzjoni ma tingħatax biżżejjed attenzjoni speċifika fi ħdan il-politika tal-multilingwiżmu tal-Kummissjoni; billi tul l-aħħar żewġ oqfsa finanzjarji pluriennali (2000-2007 u 2007-2013), il-finanzjament Ewropew allokat għal dawn il-lingwi naqas ħafna, u dan wassal għal żieda fid-diffikultajiet tagħhom, u billi jeħtieġ niżguraw li ma tiġrix l-istess ħaġa fil-qafas finanzjarji pluriennali li jmiss (2014-2020);

1.  Jappella lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri jkunu iktar konxji tat-theddida ferm kbira li bosta lingwi fl-Ewropa, ikklassifikati bħala lingwi fil-periklu, qed jesperjenzaw, u biex jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ favur politika ta’ protezzjoni u promozzjoni tad-diversità unika tal-patrimonju lingwistiku u kulturali tal-Unjoni bilil jintużaw politiki ambizzjużi ta’ rilanċ proattiv u jiddedikaw baġit raġonevoli għal dan l-għan; jirrakkomanda li dawn il-politiki għandhom ikollhom l-għan ukoll li jiżviluppaw kuxjenza aktar wiesgħa fost iċ-ċittadini tal-UE dwar ir-rikkezza lingwistika u kulturali li jirrappreżentaw dawn il-komunitajiet; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jipproduċu pjanijiet ta’ azzjoni għall-promozzjoni tal-lingwi li jinsabu fil-periklu ta’ estinzjoni fuq il-bażi tal-aqwa prattiki komuni li diġà huma disponibbli f’għadd ta’ komunitajiet lingwistiċi fl-Ewropa;

2.  Jistieden lill-gvernijiet tal-Istati Membri biex jikkundannaw il-prattiki li, permezz ta’ diskriminazzjoni lingwistika jew assimilazzjoni infurzata jew moħbija, fl-imgħoddi kienu - jew qegħdin issa – jmorru kontra l-identità u l-użu tal-lingwa tal-komunitajiet lingwistiċi fil-periklu jew l-istituzzjonijiet kulturali tagħhom;

3.  Jappella lill-Istati Membri kollha li għadhom m’għamlux dan biex jirratifikaw u jimplimentaw il-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji; jindika li l-Karta hija punt ta’ riferiment għall-ħarsien tal-lingwi li jinsabu fil-periklu ta’ estinzjoni u wieħed mill-mekkaniżmi ta’ ħarsien tal-minoranza speċifikati fil-kriterji ta’ Kopenħagen li l-Istati għandhom jissodisfaw sabiex ikunu jistgħu jaderixxu mal-UE;

4.  Jappella lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jirrispettaw l-impenji li daħlu għalihom bl-adeżjoni tagħhom mal-Konvenzjoni tal-UNESCO tal-2005 dwar id-Diversità Kulturali għar-rispett u l-promozzjoni tal-espressjonijiet kulturali kemm fit-territorju tagħhom kif ukoll fil-ftehimiet internazzjonali;

5.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Unjoni jinkludu r-rispett effettiv lejn id-diversità lingwistika u b’mod speċjali, il-protezzjoni tal-lingwi Ewropej l-iktar vulnerabbli bħala kundizzjoni li jeħtieġu jwettqu l-istati kollha li jixtiequ l-aċċess għall-istatus ta’ Stat Membru tal-UE;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-awtoritajiet reġjonali tal-Istati Membri biex jistabbilixxu programmi li jippromwovu t-tolleranza tal-komunitajiet lingwistiċi jew etniċi fil-periklu, ir-rispett għall-valuri kulturali u lingwistiċi tagħhom u r-rispett għal dawk il-komunitajiet fis-soċjetà;

7.  Jiġbed l-attenzjoni tal-gvernijiet u l-awtoritajiet reġjonali tal-Istati Membri għall-fatt li s-sopravivenza ta’ lingwa fil-periklu hija ekwivalenti għas-sopravivenza u l-iżvilupp tal-komunità li tużaha u li, għalhekk, għall-fini tal-formulazzjoni tal-politiki għall-ħarsien tagħha, ma għandhomx jitqiesu biss l-aspetti kulturali u edukattivi, iżda anki d-dimensjonijiet ekonomiċi u soċjali;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tipproponi miżuri politiċi konkreti għall-ħarsien tal-lingwi li jinsabu fil-periklu; jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, fi ħdan il-mandat tagħhom ta’ referenza skont it-Trattat, biex jadattaw il-politiki tal-UE u jiskedaw il-programmi sabiex jappoġġaw il-preservazzjoni tal-lingwi li jinsabu fil-periklu u d-diversità lingwistika, permezz ta’ strumenti finanzjarji tal-UE għall-perjodu bejn l-2014 u l-2020, inklużi: il-programmi għad-dokumentazzjoni ta’ dawn il-lingwi, kif ukoll l-edukazzjoni u t-taħriġ, l-inklużjoni soċjali, iż-żgħażagħ u l-isport, ir-riċerka u l-iżvilupp, il-programm Kultura u MEDIA, il-Fondi Strutturali (il-Fondi ta’ Koeżjoni, il-FEŻR, il-FSE, il-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea, il-FAEŻR), kif ukoll l-istrumenti u l-pjattaformi ta’ skambju kollha maħsuba biex jippromwovu teknoloġiji ġodda, il-midja soċjali, il-pjattaformi tal-multimidja, li jkopru appoġġ għall-ġenerazzjoni kemm tal-kontenut kif ukoll tal-applikazzjonijiet; hu tal-fehma li dawn l-għodod għandhom jiffokaw fuq programmi u azzjonijiet li juru aġenda pożittiva usa’, kemm jekk kulturalment kif ukoll jekk ekonomikament, lil hinn mill-komunità u r-reġjun tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra l-ostakoli amministrattivi u leġiżlattivi li għalihom huma suġġetti l-proġetti relatati mal-lingwi li jinsabu fil-periklu minħabba ċ-ċokon tal-komunitajiet lingwistiċi kkonċernati;

9.  Jitlob, fin-nuqqas ta' estensjoni tal-intervent, li l-finanzjament għas-salvagwardja ta' lingwi fil-periklu jkun faċilment aċċessibbli u l-aktar trasparenti possibbli sabiex l-atturi li jkunu jridu jibbenefikaw minnu jkunu jistgħu jgħinu tassew u fi żmien qasir lil-lingwi fil-periklu;

10. Hu tal-fehma li l-Unjoni Ewropea għandha tappoġġja u tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex ikollhom politika lingwistika li tiffaċilita lit-tfal jitgħallmu l-lingwa fil-periklu, bħala lingwa materna, f’età żgħira ħafna; jindika li politika bħal din li tippromwovi żewġ lingwi jew iktar, skont l-evidenza xjentifika, tipprovdi benefiċċju u għajnuna għal tfal biex jitgħallmu iktar lingwi fil-futur, filwaqt li tħeġġeġ it-trażmissjoni interġenerazzjonali tal-lingwi, u tagħti lill-persuni li jitkellmu l-lingwi fil-periklu appoġġ konkret biex jerġgħu jagħtu l-ħajja lit-trażmissjoni interġenerazzjonali fejn din tinsab fil-periklu;

11. Jappoġġa r-rinforz tat-tagħlim tal-lingwi li jinsabu fil-periklu ta’ estinzjoni b’metodoloġiji xierqa għall-istudenti ta’ kull età, inkluż it-tagħlim mill-bogħod għall-iżvilupp ta’ ċittadinanza Ewropea vera bbażata fuq il-multikulturaliżmu u l-pluraliżmu lingwistiku;

12. Jieħu nota tal-programmi tal-Kummissjoni fil-qasam tal-multilingwiżmu; hu tal-fehma li l-promoturi ta’ proġetti għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-opportunitajiet li joffru, u, minħabba li l-komunitajiet lingwistiċi li jiġġieldu biex jissalvagwardaw lingwi fil-periklu ta’ estinzjoni ta’ spiss huma gruppi tal-popolazzjoni ftit numerużi, jinsisti li l-Kummissjoni għandha tara li ma toħloqx ostakoli għall-eliġibbiltà għall-finanzjament ta’ programm li jikkonċernahom minħabba l-livell baxx ta’ impenn finanzjarju, in-numru żgħir ta’ benefiċjarji, jew iċ-ċokon taż-żona kkonċernata, iżda tiffaċilita l-aċċess għal, u tippubbliċizza dawn il-programm, u tipprovdi gwida dwar l-eliġibbiltà għall-finanzjament; iħeġġeġ lill-Istati Membri jaġixxu bħala intermedjarji ta’ u jappoġġaw lil dawn il-gruppi żgħar tal-lingwi fil-periklu biex jiġu ffinanzjati mill-fondi Ewropej, filwaqt li jfakkar li l-finanzjament tal-UE għall-promozzjoni tad-diversità lingwistika m’għandux jiġi rilokat mid-direzzjoni maħsuba tiegħu jew jintuża biex jappoġġa azzjonijiet li jużaw il-lingwi fil-periklu ta’ estinzjoni biex jeżerċitaw aġendi politiċi usa’;

13. Iqis li politika ta’ rilanċ lingwistiku hija proġett fit-tul, li għandu jibbaża fuq pjan ta’ azzjonijiet differenti u kkoordinati, f’bosta oqsma b’mod partikolari l-edukazzjoni (bl-edukazzjoni preskolari u primarja jkunu ta’ valur kbir, flimkien mat-taħriġ fil-lingwa stess min-naħa tal-ġenituri ), l-amministrazzjoni, il-programmi tal-midja (bil-possibiltà li jiġu stabbiliti u żviluppati stazzjonijiet tar-radju u tat-televiżjoni wkoll), il-kreattività kulturali u fil-forom kollha tal-ħajja pubblika, bl-implikazzjoni ta’ ħtieġa għal riżorsi li għandhom ikunu disponibbli fuq terminu ta’ żmien twil; hu tal-fehma li għandhom jiġu appoġġati t-tfassil ta’ programmi bħal dawn, l-iskambji tal-aqwa prattika bejn il-komunitajiet lingwistiċi u l-istabbiliment ta’ proċeduri ta’ valutazzjoni;

14. Ifakkar fl-importanza li jitkompla l-isforz biex jiġu standardizzati l-lingwi li jiġu predominantement mitkellma bil-fomm;

15. Jitlob lill-Istati Membri jagħtu aktar attenzjoni u jappoġġaw studji ta’ edukazzjoni għolja u riċerka li jiffokaw b’mod speċjali fuq il-lingwi li jinsabu fil-periklu ta’ estinzjoni;

16. Iqis li t-teknoloġiji ġodda jistgħu jkunu għodda biex jiffavorixxu l-għarfien, id-diffużjoni, l-edukazzjoni u l-preservazzjoni tal-lingwi Ewropej li jinsabu fil-periklu ta’ estinzjoni;

17. Jenfasizza l-importanza tat-trażmissjoni fil-familji minn ġenerazzjoni waħda għall-oħra tal-lingwi li jinsabu fil-periklu ta’ estinzjoni, u l-importanza tal-promozzjoni tat-tagħlim ta’ lingwi li jinsabu fil-periklu fi ħdan sistema edukattiva speċifika jekk ikun meħtieġ; iħeġġeġ lill-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali jiżviluppaw politiki edukattivi u materjali għat-tagħlim għal din ir-raġuni;

18. Iqis li, sabiex jiġu rilanċjati l-lingwi, huwa daqstant importanti li l-lingwi li saru periferali u li l-użu tagħhom huwa l-aktar limitat għaċ-ċrieki tal-familja għandu jkollhom id-dritt li jintużaw, pubblikament fis-soċjetà;

19. Jistieden lill-Kummissjoni biex taħdem f’sinerġija mal-organizzazzjonijiet internazzjonali li stabbilixxew programmi u inizjattivi għall-ħarsien u l-promozzjoni tal-lingwi li jinsabu fil-periklu ta’ estinzjoni u partikolarment mal-UNESCO u l-Kunsill tal-Ewropa;

20. Jirrakkomanda li l-Istati Membri jimmonitorjaw l-iżvilupp tal-lingwi l-iktar vulnerabbli, li fih għandhom jieħdu sehem l-awtoritajiet statali kif ukoll dawk territorjali li għandhom lingwi nattivi kemm uffiċjali kif ukoll le;

21. Hu tal-fehma li l-midja, b’mod speċjali l-midja ġdida, jista’ jkollha rwol importanti fil-ħarsien tal-lingwi li jinsabu fil-periklu ta’ estinzjoni, b’mod partikolari għal ġenerazzjonijiet futuri; barra minn hekk jenfasizza li teknoloġiji ġodda jistgħu jintużaw ukoll favur dawn l-għanijiet;

22. Iħeġġeġ - fid-dawl tal-fatt li l-mewt tal-aħħar kelliem ta’ lingwa ġeneralment ikun ifisser l-estinzjoni ta’ dik il-lingwa – lill-awtoritajiet lokali b'mod partikolari biex jadottaw miżuri ta' rilanċ bil-ħsieb li tinbidel is-sitwazzjoni;

23. Jinnota li d-diġitalizzazzjoni tista’ tkun mod biex tiġi evitata l-qerda tal-lingwi; iħeġġeġ, għalhekk, lill-awtoritajiet lokali biex jiġbru flimkien u jpoġġu fuq l-internet kotba u reġistrazzjonijiet b’dawk il-lingwi, kif ukoll il-manifestazzjonijiet l-oħra kollha tal-wirt lingwistiku;

24. Jissuġġerixxi li l-komunitajiet lingwistiċi fil-periklu ta’ estinzjoni għandhom jingħataw is-setgħa kemm mill-komunità internazzjonali kif ukoll mill-Istati Membri biex jirrikonoxxu li l-użu u l-preservazzjoni tal-lingwa proprja tagħhom huma ta’ valur kemm għall-komunità proprja tagħhom kif ukoll għall-Ewropa;

25. Jitlob lill-Kummissjoni biex tappoġġja kontinwament u permezz tal-programmi differenti tagħha n-netwerks transnazzjonali u l-inizjattivi u l-azzjonijiet ta’ dimensjoni Ewropea maħsuba biex jippromwovu l-lingwi li jinsabu fil-periklu, u biex tenfasizza l-ħtieġa ta’ parteċipazzjoni attiva sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-Atlas tal-Lingwi fil-Periklu madwar id-Dinja pprovdut mill-UNESCO u li dan l-Atlas isir iktar komplut, u biex issaħħaħ korp ta’ indikaturi omoġeniċi li jippermetti t-twettiq ta’ monitoraġġ tal-istat ta’ kull lingwa u tar-riżultati tal-politiki li jaħdmu biex jipprevjenu l-estinzjoni tagħhom;

26. Jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli r-riċerka li bdiet bl-istudju Euromosaic, u biex tidentifika l-eżempji ta’ proattività fil-livell nazzjonali li rriżultaw fi tnaqqis sinifikanti fit-theddid għal lingwa Ewropea li ssir estinta; jirrakkomanda li sabiex jiġi appoġġat skambju ta’ għarfien, għarfien espert u l-aqwa prattiki bejn id-diversi komunitajiet tal-lingwi, in-netwerks lingwistiċi Ewropej iwettqu valutazzjoni tal-politiki stabbiliti fl-Istati membri biex jippreservaw, jipproteġu, u jippromwovu lingwi fil-periklu ta’ estinzjoni, u li l-Kummissjoni toħroġ rakkomandazzjonijiet li jikkorrispondu għal dan;

27. Jitlob lill-Kummissjoni biex tappoġġja riċerka dwar il-kisba u r-rilanċ ta’ lingwi li jinsabu fil-periklu ta’ estinzjoni u l-benefiċċji intellettwali u soċjali ta’ ċittadini Ewropej bilingwi u multilingwi;

28. Jistieden lill-Istati Membri li għadhom m’għamlux dan biex jiffirmaw u jirratifikaw il-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali u dawk tal-Minoranzi (1992) u l-Konvenzjoni Qafas għall-Protezzjoni ta’ Minoranzi Nazzjonali (1995);

29. Jistieden lill-Kummissjoni biex tipprevedi azzjonijiet possibbli rigward il-protezzjoni tal-lingwi fil-periklu ta’ estinzjoni fl-Unjoni;

30. Jappella lill-Kummissjoni biex tappoġġja proġetti pilota li jikkontribwixxu għall-promozzjoni tal-użu tal-lingwi li jinsabu fil-periklu ta’ estinzjoni kif ukoll għall-pjanijiet ta’ azzjoni żviluppati mill-komunitajiet lingwistiċi individwali stess;

31. Huwa tal-fehma li l-Unjoni għandha tappoġġja d-diversità lingwistika fir-relazzjonijiet tagħha ma’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari dawk li jixtiequ jissieħbu fl-UE;

32. Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrifletti dwar l-istabbiliment ta’ azzjonijiet Ewropej speċifiċi għas-salvagwardja, il-ħarsien u l-promozzjoni tal-lingwi li jinsabu fil-periklu;

33. Hu tal-fehma li programmi relatati mal-promozzjoni tal-multilingwiżmu huma essenzjali għall-istrateġiji politiċi tal-pajjiżi ġirien/kandidati u kandidati potenzjali tal-UE;

34. Hu tal-fehma li l-appoġġ tal-Kummissjoni għar-rilanċ lingwistiku għandu jiffoka attenzjoni partikolari fuq inizjattivi fil-qasam tal-midja diġitali, inkluża l-midja soċjali, bi sforz sabiex jiġi żgurat li ġenerazzjonijiet żagħżugħa jiġu involuti fil-lingwi Ewropej li jinsabu fil-periklu ta’ estinzjoni;

35. Jemmen li l-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni lill-fatt li, bil-politiki tagħhom, xi Stati Membri u reġjuni qed ipoġġu fil-periklu s-sopravivenza tal-lingwi fi ħdan il-konfini tagħhom, anke jekk dawk il-lingwi ma jinsabux fil-periklu fil-kuntest Ewropew;

36. Jiġbed l-attenzjoni lejn is-siti tal-internet utli li jipprovdi informazzjoni dwar il-programmi tal-UE li jistgħu jiffinanzjaw proġetti ta’ promozzjoni tal-lingwi fil-periklu ta’ estinzjoni, u jistieden lill-Kummissjoni terġa’ tniedi sejħa għal proġetti biex is-sit tal-internet jiġi aġġornat bil-programmi l-ġodda għall-perjodu bejn l-2014 u l-2020, u tikkomunika iktar dwar dan is-suġġett, partikolarment mal-komunitajiet lingwsitiċi kkonċernati;

37. Jagħti istruzzjoni lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

18.6.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

30

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Zoltán Bagó, Lothar Bisky, Piotr Borys, Jean-Marie Cavada, Silvia Costa, Santiago Fisas Ayxela, Lorenzo Fontana, Mary Honeyball, Petra Kammerevert, Emma McClarkin, Emilio Menéndez del Valle, Marek Henryk Migalski, Katarína Neveďalová, Doris Pack, Chrysoula Paliadeli, Monika Panayotova, Gianni Pittella, Marie-Thérèse Sanchez-Schmid, Marietje Schaake, Marco Scurria, Hannu Takkula, László Tőkés, Helga Trüpel, Sabine Verheyen, Milan Zver

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

François Alfonsi, Liam Aylward, Ivo Belet, Nadja Hirsch, Iosif Matula, Georgios Papanikolaou, Kay Swinburne, Inês Cristina Zuber

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Vasilica Viorica Dăncilă