RAPPORT dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1100/2007 li jistabbilixxi miżuri għall-irkupru tal-istokk tas-sallura Ewropea

26.6.2013 - (COM(2012)0413 – C7‑0202/2012 – 2012/0201(COD)) - ***I

Kumitat għas-Sajd
Rapporteur: Isabella Lövin


Proċedura : 2012/0201(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0242/2013

ABBOZZ TA’ RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1100/2007 li jistabbilixxi miżuri għall-irkupru tal-istokk tas-sallura Ewropea

(COM(2012)0413 – C7‑0202/2012 – 2012/0201(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2012)0413),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 43(2)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7–0202/2012),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ta1-14 ta’ Novembru 2012[1],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A7-0242/2013),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi/tgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Emenda  1

Proposta għal regolament

Premessa -1 (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(-1) Fuq il-bażi ta’ informazzjoni li għandha tiġi provduta mill-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tipproduċi rapport dwar l-eżitu tal-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta’ Ġestjoni tas-Sallura u, jekk ikun meħtieġ, tipproponi, b’mod urġenti, miżuri adatti sabiex jinkiseb, bi probabbiltà kbira, l-irkupru tas-sallura Ewropea.

Emenda  2

Proposta għal regolament

Premessa 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(2) Bħala konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, jeħtieġ li s-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni bir-Regolament (KE) Nru 1100/2007 jiġu allinjati mal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(2) Bħala konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, jeħtieġ li s-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni bir-Regolament (KE) Nru 1100/2007 jiġu allinjati mal-Artikolu 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Emenda  3

Proposta għal regolament

Premessa 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(3) Sabiex jiġu applikati ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1100/2007, is-setgħa li tadotta l-atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tat-teħid ta' miżuri sabiex tindirizza tnaqqis sinifikattiv fil-prezzijiet medji tas-suq għas-sallur użat għar-riforniment, imqabblin ma’ dawk tas-sallur użat għal skopijiet oħrajn.

(3) Sabiex jiġu applikati ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1100/2007, is-setgħa li tadotta l-atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tat-teħid ta' miżuri sabiex tindirizza tnaqqis sinifikattiv fil-prezzijiet medji tas-suq għas-sallur użat għar-riforniment, imqabblin ma’ dawk tas-sallur użat għal skopijiet oħrajn. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma prepartorja tagħha fuq il-bażi tal-parir xjentifiku u r-rakkomandazzjonijiet xjentifiċi l-iktar riċenti, speċjalment fil-livell tal-esperti, sabiex tiżgura li l-informazzjoni disponibbli għaliha tkun imparzjali, preċiża, kompluta u aġġornata. Il-Kummissjoni, waqt it-tħejjija u t-tfassil tal-atti ddelegati, għandha tiżgura t-trażmissjoni simultanja u fil-ħin tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Emenda  4

Proposta għal regolament

Premessa 5

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(5) Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal l-atti ddelegati, għandha tiżgura t-trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

imħassar

Emenda  5

Proposta għal regolament

Premessa 6

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(6) Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1100/2007 dwar l-approvazzjoni ta’ Pjanijiet ta’ Ġestjoni għas-Sallur mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta' dejta teknika u xjentifika, is-setgħat ta' implimentazzjoni għandhom jiġu kkonferiti fuq il-Kummissjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni.

(6) Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1100/2007 dwar l-approvazzjoni ta’ Pjanijiet ta’ Ġestjoni għas-Sallur mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-aqwa informazzjoni teknika u xjentifika disponibbli li tkun ukoll l-aktar reċenti, is-setgħat ta' implimentazzjoni għandhom jiġu kkonferiti fuq il-Kummissjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni.

Emenda  6

Proposta għal regolament

Premessa 6a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(6a) L-ICES għandu jipprovdi parir ġdid u aktar komprensiv dwar l-istatus tal-istokkijiet tas-sallura fl-2013. Fit-tħejjija ta' tali parir, l-ICES għandu jħares lejn il-kawżi kollha ta' tnaqqis fl-istokkijiet tas-sallura, anke f'rabta maż-żoni fejn dan ibid il-bajd. Fil-każ li l-ICES jikkonferma li l-istatus tal-istokkijiet tas-sallura għadu kritiku, il-Kummissjoni, mill-iktar fiss possibbli, għandha tissottometti proposta għal regolament ġdid dwar l-irkupru tal-istokk tas-sallura Ewropea. Dak ir-Regolament għandu jkopri wkoll soluzzjonijiet għat-terminu twil, bħal modi kif jiġu żblukkati l-passaġġi migratorji.

Emenda  7

Proposta għal regolament

Premessa 7a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(7a) Huwa importanti li l-Kummissjoni tippenalizza lill-Istati Membri li ma jkunux bagħtu jew analizzaw id-data kollha disponibbli għalihom sabiex ikun jista' jitfassal inventarju eżawrjenti u xjentifikament sod tas-sitwazzjoni fir-rigward tas-sallura Ewropea.

Emenda  8

Proposta għal regolament

Premessa 11a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(11a) Sakemm il-passaġġi migratorji jibqgħu magħluqa, ir-riforniment huwa l-unika miżura temporanja disponibbli biex is-sallura tiġi mgħejuna tirkupra. Meta t-trasferimenti tal-frieħ tas-sallur isiru skont l-aqwa prattiki disponibbli, bħall-istandard għas-sostenibbiltà tas-sallur, dawn ikunu jikkostitwixxu mod effiċjenti biex tingħata spinta għall-irkuprar tas-sallur. Miżura oħra temporanja sabiex tingħata spinta għall-ħarba tas-sallur tal-fidda huwa li dawn jiġu trasferiti, bl-għajnuna umana, sabiex jegħlbu ostakoli bħal digi, impjanti tal-enerġija mill-ilma u pompi tal-ilma. Fi żmien meta s-sajjieda qed ifittxu okkupazzjonijiet alternattivi, il-ħiliet tagħhom jistgħu jintużaw sabiex iħaffu l-irkupru tas-sallura Ewropea.

Emenda  9

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – punt 1a (ġdid)

Regolament (KE) Nru 1100/2007

Artikolu 2 – paragrafu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(1a) Fl-Artikolu 2, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

 

“1. L-Istati Membri għandhom jidentifikaw u jiddefinixxu l-baċini ta’ xmajjar individwali li jinsabu fit-territorju nazzjonali tagħhom li jikkostitwixxu ħabitats naturali għas-sallura Ewropea (baċini ta’ xmajjar tas-sallura), li jistgħu jinkludu ilmijiet marittimi. […]”

Emenda  10

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 1b (ġdid)

Regolament (KE) Nru 1100/2007

Artikolu 2 – paragrafu 10

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(1b) Fl-Artikolu 2, il-paragrafu 10 huwa sostitwit b'dan li ġej:

 

“10. Fil-Pjan ta’ Ġestjoni tas-Sallura, kull Stat Membru għandu jimplimenta miżuri adatti malajr kemm jista’ jkun għat-tnaqqis tal-mortalità tas-sallura kkawżata minn fatturi esterni għas-sajd, inklużi t-turbini idroelettriċi u l-pompi. Għandhom jittieħdu miżuri oħra meta jkun meħtieġ sabiex titnaqqas il-mortalità kkawżata minn fatturi oħra biex jintlaħqu l-miri tal-Pjan."

Emenda  11

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 1a (ġdid)

Regolament (KE) Nru 1100/2007

Artikolu 5 – paragrafu 4

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(3a) Fl-Artikolu 5, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

 

"4. Stat Membru li jkun ippreżenta Pjan ta’ Ġestjoni tas-Sallura lill-Kummissjoni għal approvazzjoni sa mhux aktar tard mill- 31 ta’ Diċembru 2008, li ma jistax jiġi approvat mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 1 jew li ma jissodisfax il-kundizzjoijiet ta' rappurtar u evalwazzjoni stipulati fl-Artikolu 9, għandu jnaqqas l-isforz tas-sajd b’mill-inqas 50 % relattivament għall-isforz medju użat mill-2004 sa l-2006 jew inaqqas l-isforz tas-sajd sabiex jiżgura tnaqqis fil-qabdiet ta’ sallura b’mill-inqas 50 % relattivament għall-qabda medja mill-2004 sa l-2006, billi jqassar l-istaġun tas-sajd għas-sallura jew b’mezzi oħrajn. Dan it-tnaqqis għandu jiġi implimentat fi żmien tliet xhur mid-deċiżjoni li ma jiġix approvat il-pjan jew fi żmien tliet xhur min-nuqqas ta’ osservanza ta' skadenza ta' rrappurtar."

Emenda  12

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – punt 3b (ġdid)

Regolament (KE) Nru 1100/2007

Artikolu 5 – paragrafu 7 (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(3b) Fl-Artikolu 5, għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

 

"8. Mill-1 ta’ Jannar 2014, il-Pjanijiet ta' Ġestjoni tas-Sallura kollha għandhom jiġu riveduti u aġġornati kull sentejn, filwaqt li jitqies il-parir xjentifiku l-aktar riċenti."

Emenda  13

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – punt 4

Regolament (KE) Nru 1100/2007

Artikolu 7 – paragrafi 6 u 7

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

6. Fil-każ ta’ tnaqqis sinifikanti fil-prezzijiet medji tas-suq għas-sallur użat għar-riforniment, imqabblin ma’ dawk tas-sallur użat għal skopijiet oħrajn, l-Istat Membru kkonċernat għandu jgħarraf lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni, permezz ta’ atti ddelegati adottati skont l-Artikolu 12a u sabiex tindirizza s-sitwazzjoni, tista' tnaqqas temporanjament il-perċentwali tas-sallur għar-riforniment użat kif imsemmi fil-paragrafu 2.

6. Fil-każ ta’ tnaqqis sinifikanti fil-prezzijiet medji tas-suq għas-sallur użat għar-riforniment, imqabblin ma’ dawk tas-sallur użat għal skopijiet oħrajn, l-Istat Membru kkonċernat għandu jgħarraf lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni, permezz ta’ atti ddelegati adottati skont l-Artikolu 12a u sabiex tindirizza s-sitwazzjoni, tista' tnaqqas temporanjament il-perċentwali tas-sallur għar-riforniment użat kif imsemmi fil-paragrafu 2 meta l-Pjan ta’ Ġestjoni tas-Sallura jkun konformi mal-Artikolu 2(4).

7. Il-Kummissjoni għandha, mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2012, tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u tevalwa l-miżuri li jikkonċernaw ir-riforniment, inkluż l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tas-suq."

7. Il-Kummissjoni għandha, mhux aktar tard mill-31 ta’ Ottubru 2013, tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u tevalwa l-miżuri li jikkonċernaw ir-riforniment, filwaqt li tqis l-aktar pariri xjentifiċi reċenti dwar il-kundizzjonijiet li bihom x'aktarx li r-riforniment jikkontribbwixxi għal żieda fil-bijomassa ta’ stokk li jbid. F'tali rapport il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tas-suq.

Emenda  14

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – punt 4a (ġdid)

Regolament (KE) Nru 1100/2007

Artikolu 7 – paragrafu 8

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(4a) Fl-Artikolu 7, il-paragrafu 8 huwa sostitwit b'dan li ġej:

 

"8. Ir-riforniment għandu jitqies bħala miżura ta’ konservazzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 38(2) tar-Regolament (UE) XX/XXXX [EMFF], sakemm:

 

– ikun parti minn Pjan ta’ Ġestjoni tas-Sallura stabbilit skont l-Artikolu 2;

 

– jikkonċerna sallur [...] maqbud u mmaniġġjat permezz ta’ metodi u tagħmir li jiggarantixxu l-inqas mortalità possibbli matul il-qbid, il-ħżin, it-trasport u t-tgħammir,

 

– iseħħ f’żoni fejn ikun hemm probabbiltà għolja ta’ sopravivenza u migrazzjoni,

 

– jikkontribwixxi għall-kisba ta' 40 % tal-livell ta' ħarba mmirat kif imsemmi fl-Artikolu 2(4), u

 

– is-sallur jitpoġġa fi kwarantina sabiex jiġi evitat it-tixrid ta’ kwalunkwe marda jew parassiti."

 

 

Emenda  15

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – punt 5

Regolament (KE) Nru 1100/2007

Artikolu 9

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(5) Fl-Artikolu 9, jitħassar il-paragrafu 3.

(5) L-Artikolu 9 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

 

"Artikolu 9

 

Rappurtar u evalwazzjoni

 

1. L-Istati Membri għandhom jiġbru d-data tar-riċerka sabiex jikkwantifikaw l-impatt tal-miżuri meħuda fir-rigward tal-istokk tas-sallur, isibu miżuri ta’ mitigazzjoni u jirrakkomandaw miri ta’ ġestjoni. L-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni, inizjalment kull tliet snin, bl-ewwel rapport jiġi ppreżentat sat-30 ta’ Ġunju 2012 u għandhom jagħmlu l-informazzjoni disponibbli għall-kopri xjentifiċi maħtura. Minn dakinhar 'il quddiem, il-frekwenza tar-rappurtar għandha tiżdied għal darba kull sentejn, wara li jkun ġie ppreżentat l-ewwel rapport triennali. Ir-rapporti għandhom jiddeskrivu l-monitoraġġ, l-implimentazzjoni, l-effikaċja u l-eżitu, u b’mod partikolari għandhom jipprovdu l-aqwa estimi disponibbli ta':

 

(a) għal kull Stat Membru, il-proporzjon tal-bijomassa tas-sallura tal-fidda li taħrab għall-baħar sabiex tbid, jew il-proporzjon tal-bijomassa tas-sallura tal-fidda li tħalli t-territorju ta’ dak l-Istat Membru bħala parti mill-migrazzjoni lejn il-baħar sabiex tbid, relattiv għal-livell ta’ ħarba mmirat stabbilit fl-Artikolu 2(4);

 

(b) il-livell tal-isforz tas-sajd għas-sallura kull sena, u t-tnaqqis li jsir skont l-Artikoli 4(2) u 5(4);

 

(c) il-livell ta’ fatturi ta' mortalità barra mis-sajd, u t-tnaqqis li jsir skont l-Artikolu 2(10);

 

(d) l-ammont ta’ sallur ta’ tul iqsar minn 12-il ċm maqbud u l-proporzjonijiet ta’ dan utilizzat għal skopijiet differenti;

 

(e) ir-rata ta' sopravivenza ta’ sallur rifornit, sew jekk matul is-sajd, it-trasport, ir-riforniment jew matul il-ħarba lejn baħar Sargasso biex ibid;

 

(f) l-identifikazzjoni, fuq bażi volontarja, tal-postijiet fejn ibid is-sallur li jinqabad.

 

2. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament u lill-Kunsill, sal-31 ta’ Diċembru 2013, rapport li jkun jikkonsisti minn evalwazzjoni statistika u xjentifika tar-riżultati tal-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta’ Ġestjoni tas-Sallura, flimkien ma’ opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd. Abbażi tas-sejbiet ta’ dak ir-rapport, il-Kummissjoni tista’ tressaq proposti biex jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament sabiex jiddaħħlu fatturi tal-mortalità tas-sallur apparti s-sajd.

 

3. Il-Kummissjoni għandha, mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2013, tippreżenta evalwazzjoni tal-kummerċ tal-Unjoni u internazzjonali tas-sallur Ewropew, li tiffoka, b’mod partikolari, fuq il-konformità mal-obbligi tal-Unjoni skont is-CITES, u stima tal-kummerċ illegali tas-sallur Ewropew fl-Istati Membri. Dan ir-rapport għandu jidentifika l-inkonsistenzi fis-settijiet differenti tad-data disponibbli u jissuġġerixxi miżuri sabiex jitjieb il-monitoraġġ tal-kummerċ, inkluża modifika tal-kodiċijiet doganali eżistenti sabiex jiġi permess monitoraġġ aktar effettiv."

Emenda  16

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – punt 1a (ġdid)

Regolament (KE) Nru 1100/2007

Artikolu 9a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(5a) Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

 

"Artikolu 9a

 

Miżuri ta’ segwitu

 

Filwaqt li tqis is-sejbiet tar-rapporti msemmija fl-Artikolu 7(7) u fl-Artikolu 9(3) u (3), kif ukoll kwalunkwe parir ġdid u aktar komprensiv ipprovdut mill-ICES dwar l-istatus tal-istokk tas-sallura Ewropea fl-2013, il-Kummissjoni għandha, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2014, tippreżenta proposta leġiżlattiva ġdida lill-Parlament u lill-Kunsill bl-għan li jinkiseb, bi probabbiltà għolja, l-irkupru tal-istokk tas-sallura Ewropea. Meta tagħmel dan, il-Kummissjoni tista' tqis modi biex jitwessa' l-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament sabiex tiddaħħal il-mortalità kkaġunata minn fatturi apparti s-sajd."

Emenda  17

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 6

Regolament (KE) Nru 1100/2007

Artikolu 12a – paragrafu 2

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2. Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 7(6) għandha tkun ikkonferita għal perjodu indeterminat ta’ żmien.

2. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 7(6) għandha tkun ikkonferita għal perjodu ta’ tliet snin li jibda minn… *. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta' tliet snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b'mod taċitu għal perjodi tal-istess tul, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux għal tali estensjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu.

 

_____________

 

*ĠU: jekk jogħġbok daħħal id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Ġustifikazzjoni

Dejjem għandu jiġi stabbilit perjodu ta’ żmien fiss għall-atti ddelegati.

Emenda  18

Proposta għal regolament

Artikolu 2 – paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandu jiġi kkonsolidat mar-Regolament li qed jemenda fi żmien xahar minn meta jidħol fis-seħħ.

  • [1]  Għadha mhix ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

NOTA SPJEGATTIVA

Introduzzjoni

L-istokk tas-sallura Ewropea qed jiffaċċja għadd kbir ta’ problemi: is-sajd żejjed, it-telfien ta’ ħabitats kritiċi, it-tniġġiż, il-parassiti, il-modifika tal-kurrenti tal-oċean bħala riżultat tat-tibdil globali fil-klima, eċċ. Għalhekk, is-soluzzjonijiet mhumiex faċli, u lanqas ma hemm sors wieħed biss ta’ ħtija.

Sabiex problema li diġà hija kumplessa tiġi aktar ikkomplikata, jeżisti ħafna nuqqas ta’ tagħrif fir-rigward ta’ diversi aspetti importanti tal-bijoloġija u l-ġestjoni tas-sallura. Id-daqs tal-istokk huwa inċert, il-kondizzjonijiet li jwasslu għad-determinazzjoni tas-sess tas-sallura mhumiex mifhuma sew u jekk is-sallura rifornita tbidx filfatt b’suċċess hija mistoqsija kbira, u dawn huma biss ftit mill-problemi li jeżistu.

In-nuqqas ta’ tagħrif jinkludi wkoll il-monitoraġġ u l-kontroll tal-isfruttament tas-sallura, b’ċifri ta’ qabdiet u esportazzjoni f’settijiet differenti tad-data li ma jaqblux, proporzjon rilevanti tal-qabdiet tas-sallura li mhuwiex magħruf id-destin tagħhom, u suq illegali internazzjonali rikonoxxut, għalkemm mhux kwantifikat, għas-sallura.

Reċentement, membru tal-Kumitat għas-Sajd qal li s-sallura ħolqot dibattiti interessanti minħabba li hija kkunsidrata bħala annimal romantiku ħafna: is-sallura ssegwi l-qamar sħiħ, tgħum għal eluf ta’ mili biex tgħammar u tmut f’nofs l-Oċean Atlantiku, immedjatament wara li tbid. B’kuntrast, hemm fatt li mhu romantiku xejn li jwassal għall-isfruttament ta’ popolazzjonijiet tas-sallura: negozju dinji ta’ esportazzjoni li ġie stmat li jiswa 'l fuq minn EUR 10 biljun bejn l-1997 u l-2007 (Crook, 2010).

Status tal-popolazzjoni tas-sallura Ewropea

Il-parir xjentifiku l-aktar riċenti mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES, 2012) dwar is-sallura Ewropea huwa li l-istatus tal-istokk għadu kritiku u hija meħtieġa azzjoni urġenti. L-istokk huwa barra mil-limiti bijoloġiċi sikuri u l-industriji tas-sajd attwali mhumiex sostenibbli. L-ICES jirrakkomanda li l-industriji tas-sajd u attivitajiet umani oħra li jaffettwaw l-istokk jitnaqqsu kemm jista’ jkun kważi għal kollox. Skont il Grupp ta’ Ħidma dwar is-Sallura tal-ICES (WGEEL, 2012) “l-indikazzjonijiet huma li l-istokk tas-sallura kompla jonqos fl-2012. L-indiċi tar-reklutaġġ tal-WGEEL huwa attwalment fil-livell storiku l-aktar baxx tiegħu, inqas minn 1 % għall-Baħar tat-Tramuntana u 5 % bnadi oħra fiż-żona ta’ distribuzzjoni fir-rigward tal-1960-1979”.

Ix-xjentisti ta’ spiss jenfasizzaw li hemm ħafna affarijiet li ma nafux dwar is-sallura. Iżda, ovvjament, is-soluzzjoni ta’ inċertezzi tista’ taħdem fiż-żewġ direzzjonijiet, milli wieħed ikun ftit aktar ottimist għal li fil-fatt ikollu preokkupazzjonijiet ħafna aktar serji. Id-WGEEL 2012 jinnota pereżempju li “l-indikazzjonijiet huma li r-relazzjoni tar-reklutaġġ tal-istokk għas-sallura tista’ tonqos, kif indikat mill-fatt li r-reklutaġġ jonqos b’rata aktar mgħaġġla mill-abbundanza tal-istokk.” “Jekk dan hu minnu”, jgħid il-grupp ta’ ħidma ICES, “dan ibiddel l-opinjoni dwar l-istatus tal-istokk u l-punti ta’ referenza xierqa b’mod konsiderevoli u jirrinforza l-urġenza u l-gravità tal-parir”.

L-interpretazzjoni tad-data kummerċjali tista’ fil-fatt tkun ħolma kerha. L-UE għandha erba’ kodiċijiet biss tas-sallura fis-sistema tal-kodiċi doganali tal-HS (meta mqabbel ma’ 25 fil-każ tat-Tajwan). Dan il-fatt jagħmilha impossibbli li l-ferħ tas-sallura jiġi distingwit mis-sallura s-safra f’ħafna każijiet. L-ICES jinnota li “jidher mill-prezzijiet mitluba li xi wħud mill-esportazzjonijiet mhumiex ittikkettjati b’mod korrett” u li għall-perjodu minn Settembru 2011 sa Ġunju 2012 “jeżistu differenzi kbar bejn iż-żewġ settijiet tad-data rrappurtati għal Spanja (l-ebda data mir-rapport tal-pajjiż vs 2.4 t mill-Eurostat) u Franza (9 t mir-rapport tal-pajjiż vs. 24 t mill-Eurostat)”. Fil-każ ta’ Franza, mill-34.3 t ta’ sallura li titniżżel l-art fl-istaġjun 2011-2012, 7.2 t “għadu ma ngħatax rendikont tagħhom” u jistgħu jikkorrispondu għal “kombinazzjoni ta’ mortalità ta’ wara s-sajd u/jew rappurtar inqas u kummerċ illegali”. Fil-każ ta’ Spanja, l-ICES jistma li hemm 8.5 t li għadu ma ngħatax rendikont tagħhom.

Naturalment, is-sajd mhuwiex l-uniku problema. 38 % tas-sallura li minnhom jittieħdu kampjuni minn 314 dehra fi tmien pajjiżi, qabżu l-livelli massimi għal PCBs mhux simili għad-dijossini fl-ikel. Fil-fatt, dan qed joħloq żieda fin-numru tal-industriji tas-sajd li jagħlqu minħabba li din is-sallura mhijiex adattata għall-konsum.

Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1100/2007

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, hija l-opinjoni qawwija ta’ din ir-rapporteur li r-Regolament tal-Kunsill Nru 1100/2007 ma kienx biżżejjed biex jiġi żgurat irkupru tal-popolazzjoni tas-sallura Ewropea.

Kwistjoni prinċipali waħda hija li r-regolament għamel ir-riforniment element ċentrali wieħed tal-Pjanijiet ta’ Ġestjoni tas-Sallura, filwaqt li assolutament ma impona l-ebda kondizzjoni u lanqas ma ta linji gwida sabiex jiġi żgurat li l-istokkjar jimmassimizza l-opportunitajiet ta’ rkupru. Għadha ma saritx valutazzjoni kif suppost tal-kondizzjonijiet taħt liema l-istokkjar jista’ jikkostitwixxi miżura ta’ konservazzjoni effettiva. Ir-regolament ma jimponi l-ebda valutazzjoni sabiex jiġi żgurat li r-riforniment juża biss il-ferħ tas-sallura minn żoni fejn ġiet stabbilita l-eżistenza ta’ stokk żejjed, l-identifikazzjoni ta’ żoni xierqa fejn is-sallura rifornita jkollha opportunità ogħla li tbid fil-futur jew limiti fir-rigward tad-distanza bejn iż-żoni tad-donaturi u riċevituri (l-Artikolu 7). Lanqas ma jistabbilixxi xi rata minima ta’ sopravivenza tal-ferħ tas-sallura matul il-qbid u t-trasportazzjoni għar-riforniment.

Bħala riżultat tad-dħul fis-seħħ tal-Pjanijiet ta’ Ġestjoni tas-Sallura, ir-riforniment żdied “b’madwar 22 miljun ferħ tas-sallura u 10 miljun sallura safra prinċipalment imrobbija, riforniti fl-2012 u d-data tat-tniżżil l-art tal-ferħ tas-sallura fl-2010 u l-2011 kienet ogħla milli fl-2009” (WGEEL, 2012). Kif imsemmi hawn fuq, jeżistu problemi sinifikanti ta’ monitoraġġ. Mill-45.4 t ta’ ferħ tas-sallura li jinqabad, 36.5 t jista’ jingħata rendikont tagħhom permezz ta’ “esportazzjonijiet, użu intern mill-pajjiż donatur u minn sekwestri”.

B’kuntrast mal-użu wiesa’ u li qed jiżdied tar-riforniment bħala miżura ta’ konservazzjoni, l-ICES (2011) ikkritika b’mod sever l-effikaċja tiegħu. Narawha ta’ importanza kbira li l-Kummissjoni tirrevedi l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ riforniment sabiex tistabbilixxi jekk dawn fil-fatt ikkontribbwixxewx jew le għaż-żieda fil-bijomassa ta’ stokk riproduttiv tas-sallura Ewropea.

Fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ rappurtar eżistenti, naħsbu wkoll li mhumiex ambizzjużi biżżejjed. M’hemm l-ebda raġuni għaliex ir-rappurtar dwar il-qabdiet, l-isforz, il-mortalità u b'mod ġenerali l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijet fil-pjan ma jistax isir kull sena (l-Artikolu 9, paragrafu 1). Nemmnu wkoll li minħabba l-problemi statistiċi importanti fir-rigward ta’ din l-industrija tas-sajd, ir-rappurtar għandu jinżamm għal-livell tal-baċini tax-xmara (l-Artikolu 2, paragrafu 1) sabiex jiġu żgurati l-eżattezza u r-rilevanza tad-data rrappurtata.

Il-Kummissjoni m’għandhiex tanalizza biss il-pjanijiet ta’ ġestjoni provduti mill-Istati Membri, iżda anke s-settijiet tad-data differenti ta’ informazzjoni (rapporti ta’ pajjiżi, EUROSTAT, CITES, FAOSTAT), b’enfasi partikolari fuq il-kummerċ, sabiex jiġu identifikati diskrepanzi potenzjali u jiġi ssuġġerit titjib fil-monitoraġġ u l-kontroll tal-isfruttament tas-sallura. Skont DĠ MARE “jidher li l-volum tal-kummerċ illegali żdied b’mod sinifikanti matul dawn l-aħħar sena/sentejn”.

Elementi għal Regolament ġdid

Għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, r-rapporteur temmen li jinħtieġ b’mod urġenti regolament ġdid. Wieħed li jpoġġi l-istokkjar fil-kuntest korrett tiegħu, li jagħti prijorità lis-selezzjoni tas-sit u valutazzjoni kif suppost tal-probabbiltà li s-sallura stokkjata ta’ tul iqsar minn 20 cm tilħaq l-istat fejn tbid. L-istokkjar, li jsegwi linji gwida bbażati fuq ix-xjenza definiti b’mod ċar, li jillimitaw l-ambitu ġeografiku tiegħu, jiżgura li l-mard ma jiġix propagat, u li huma bbażati fuq stokk żejjed lokali ta’ sallura żgħira, jekk din teżisti.

Approċċ differenti ħafna jkun, pereżempju, li l-Istati Membri jagħżlu siti xierqa għar-riforniment fejn ma jeżistu l-ebda ostakli, il-preżenza ta’ kontaminanti hija baxxa u l-opportunitajiet ta’ sopravivenza tas-sallura jkunu għoljin. L-Istati Membri jistgħu jirrifornu dawn iż-żoni billi jsegwu l-linji gwida msemmija hawn fuq, u jipprojbixxu speċifikament is-sajd għas-sallura f’dawn il-baċini tax-xmara bħala miżura ta’ konservazzjoni ewlenija għal dan l-istokk. Dawn iż-żoni tal-istokkjar jistgħu jaġixxu bħar-riżervi tal-baħar fl-ambjent tal-baħar.

Iżda l-ewwel u qabel kollox għandna niġu mfakkra li l-popolazzjoni tas-sallura hija fi stat kritiku, u li s-sospensjoni tal-industriji tas-sajd kollha tas-sallura għandha tibqa’ bħala l-ewwel għażla, sakemm jiġi provdut parir mill-ICES fl-2013.

Konklużjoni

Hemm stokk wieħed uniku tas-sallura Ewropea. Fl-istess sena li l-pjan ta' rkupru tas-sallura tal-UE ġie adottat fl-2007, is-sallura Ewropea (Anguilla anguilla) ġiet inkluża fl-Appendiċi II tas-CITES. L-elenkar daħal fis-seħħ fl-2009 u ġie rikonoxxut b’mod ċar mill-esperti li l-ispeċijiet ikkwalifikaw għal Appendiċi I. Fl-2010, is-sallura Ewropea ġiet ikklassifikata bħala f’periklu kritiku mill-IUCN, u fl-2011, l-ICES iddikjara għall-ewwel darba li ma kienx probabbli li l-programmi tal-istokkjar tal-ferħ tas-sallura jikkontribbwixxu għall-irkupru.

Il-parir xjentifiku l-aktar riċenti mill-ICES għall-2013 jiddikjara li l-istokk wasal għal minimu storiku u m’hemm l-ebda sinjal ta’ rkupru. Barra minn hekk, l-ICES qatt ma evalwa l-mira ta’ ħarba ta’ 40 % fil-pjan ta’ rkupru tal-UE, u għal għaxar snin irrakkomanda li ma jsir l-ebda qbid ta’ dan l-annimal ipperikolat.

Fid-dawl ta’ dan kollu msemmi hawn fuq, u s-sinjali allarmanti taż-żieda fl-esportazzjonijiet illegali tal-ferħ tas-sallura, ir-rapporteur issaqsi: jekk l-istatus ta’ dan l-istokk partikolari mhuwiex serju biżżejjed biex tingħalaq l-industrija tas-sajd, l-UE meta se tqis is-sitwazzjoni bħala serja biżżejjed sabiex tieħu deċiżjoni daqshekk diffiċli?

Żewġ pajjiżi Ewropej, l-Irlanda u n-Norveġja, diġà pprojbixxew l-industriji tas-sajd tas-sallura kollha. Hija l-opinjoni tar-rapporteur li sakemm ikunu fis-seħħ miżuri li jiżguraw l-irkupru tal-istokk tas-sallura għal-livelli abbundanti u bijoloġikament sikuri, l-industriji tas-sajd tas-sallura Ewropea kollha għandhom jiġu sospiżi.

Allinjament mat-TFUE

L-opinjoni tar-rapporteur

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1100/2007 tat-18 ta’ Settembru 2007 li jistabbilixxi miżuri għall-irkupru tal-istokk tas-sallura Ewropea, attwalment jagħti lill-Kummissjoni ċerti setgħat li, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, iridu jiġu kklassifikati mill-ġdid f’miżuri ta’ natura delegata u miżuri ta’ natura implimentattiva.

Hu importanti ħafna li tinstab soluzzjoni b’bażi ġuridikament soda li tissalvagwardja d-drittijiet tal-Parlament li nħolqu mit-TFUE.

Ir-rapporteur taqbel mal-proposta tal-Kummissjoni sal-punt li tissuġġerixxi l-użu ta’ atti implimentattivi għall-approvazzjoni tal-pjanijiet ta’ ġestjoni tas-sallura.

Madankollu, ir-referenza għal att delegat tħassret minħabba li r-rapporteur ma taqbilx mal-politika li kellha tiġi implimentata permezz ta’ atti delegati u pproponiet li titneħħa għal kollox.

Ir-rapporteur tissuġġerixxi wkoll xi emendi tekniċi għall-proposta tal-Kummissjoni.

PROĊEDURA

Titolu

Emenda tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1100/2007 li jistabbilixxi miżuri għall-irkupru tal-istokk tas-sallura Ewropea

Referenzi

COM(2012)0413 – C7-0202/2012 – 2012/0201(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

26.7.2012

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

PECH

11.9.2012

 

 

 

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Isabella Lövin

6.9.2012

 

 

 

Eżami fil-kumitat

9.10.2012

22.1.2013

18.2.2013

 

Data tal-adozzjoni

18.6.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

16

9

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew, Antonello Antinoro, Kriton Arsenis, Alain Cadec, Chris Davies, João Ferreira, Carmen Fraga Estévez, Pat the Cope Gallagher, Dolores García-Hierro Caraballo, Marek Józef Gróbarczyk, Ian Hudghton, Werner Kuhn, Isabella Lövin, Guido Milana, Maria do Céu Patrão Neves, Crescenzio Rivellini, Ulrike Rodust, Raül Romeva i Rueda, Struan Stevenson, Isabelle Thomas, Nils Torvalds

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Jean-Paul Besset, Diane Dodds, Barbara Matera, Mario Pirillo

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Salvador Garriga Polledo

Data tat-tressiq

27.6.2013