RAPPORT dwar l-awtoritajiet lokali u s-soċjetà ċivili: l-involviment tal-Ewropa b’appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli

23.9.2013 - (2012/2288(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp
Rapporteur: Corina Creţu

Proċedura : 2012/2288(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0296/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-awtoritajiet lokali u s-soċjetà ċivili: l-involviment tal-Ewropa b’appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli

(2012/2288(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikolu 21(2) tiegħu, li jistabbilixxi l-prinċipji u l-objettivi tal-UE fir-relazzjonijiet internazzjonali, u l-Artikolu 208(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 16, 18, 87 tad-dikjarazzjoni konġunta tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni dwar il-Politika ta' Żvilupp tal-UE: ‘il-Kunsens Ewropew’,[1]

–   wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Dritt għall-Iżvilupp (41/128),

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti li stabbiliet il-qafas tal-Għanijiet tal-Millennju,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE ('il-Ftehim ta’ Cotonou'),

–   wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament għall-kooperazzjoni ta’ żvilupp SEC(2011)1469 u SEC(2011)1470),

–   wara li kkunsidra l-Karta Ewropea dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp b'Appoġġ għall-Governanza Lokali mnedija matul il-Jiem Ewropej tal-Iżvilupp fis-16 ta’ Novembru 2008,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla” (COM(2011)0637),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2011 dwar iż-żieda tal-impatt tal-politika ta' żvilupp tal-UE[2],

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “L-Approċċ futur għall-appoġġ Baġitarju tal-UE għal Pajjiżi Terzi” (COM(2011)0638),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummisjsoni bl-isem "L-għeruq ta’ demokrazija u żvilupp sostenibbli: il-kooperazzjoni tal-Ewropa mas-Soċjetà Ċivili fir-relazzjonijiet esterni" (COM(2012)0492),

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Ottubru 2012 dwar "L-għeruq ta’ demokrazija u żvilupp sostenibbli: il-kooperazzjoni tal-Ewropa mas-Soċjetà Ċivili fir-relazzjonijiet esterni" (dok. 14535/12),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Appoġġ tal-UE għal Bidla Sostenibbli f'Soċjetajiet fi Tranżizzjoni, adottati fit-3218-il laqgħa tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tal-31 ta' Jannar 2013,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Mejju 2013 bl-isem “Responsabbilizzazzjoni tal-Awtoritajiet Lokali fil-pajjiżi msieħba għal governanza aħjar u iktar effettiva tal-eżiti tal-iżvilupp” (COM(2013)0280),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Frar 2013 bl-isem ‘Ħajja diċenti għal kulħadd: Neqirdu l-faqar u nagħtu lid-dinja futur sostenibbli' (COM(2013)0092),

–   wara li kkunsidra l-impenji internazzjonali taħt is-sħubija ta’ Busan tal-2011 dwar kooperazzjoni effikaċi għall-iżvilupp,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Lulju 2013 dwar l-awtoritajiet lokali fil-koooperazzjoni għall-iżvilupp (dok. 12584/13),

–   wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Responsabbilizzazzjoni tal-Awtoritajiet Lokali fil-pajjiżi msieħba għal governanza aħjar u iktar effettiva tal-eżiti tal-iżvilupp” (CdR 2010/2013),

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni bil-miktub tiegħu tat-12 ta’ Marzu 2012 dwar “l-edukazzjoni għall-iżvilupp u ċ-ċittadinanza globali attiva”,

–   wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bl-isem “Development Education and Awareness Raising (DEAR) in Europe" (Edukazzjoni għall-iżvilupp u t-tkattir ta' kuxjenza (DEAR) fl-Ewropa) (SWD(2012)0457),

–   wara li kkunsidra l-istudju dwar “L-esperjenza u l-azzjonijiet tal-atturi Ewropej ewlenin attivi fil-qasam tal-edukazzjoni għall-iżvilupp u t-tkattir ta' kuxjenza” ta’ Novembru 2010[3],

–   wara li kkunsidra d-dokument finali tal-Inizjattiva ta’ Djalogu Strutturat, ta’ Mejju 2011[4],

–   wara li kkunsidra d-“Dikjarazzjoni ta’ Lisbona għat-Titjib u t-Tkattir tal-Edukazzjoni Globali fl-Ewropa sas-sena 2015”[5],

–   wara li kkunsidra l-konsultazzjoni dwar “Organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp”[6] u l-konsultazzjoni dwar “Awtoritajiet lokali fl-iżvilupp”,

–   wara li kkunsidra il-valutazzjoni inter pares tal-OECD-DAC tal-2012 dwar l-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra “L-Evalwazzjoni tematika globali tal-appoġġ tal-Kummissjoni għall-proċessi tad-deċentralizzazzjoni”[7] ta' Frar 2012,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0296/2013),

A. billi l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFEU) jistabbilixxi bħala l-objettiv primarju tal-politika tal-UE dwar l-iżvilupp it-tnaqqis, u fuq terminu twil, il-qerda tal-faqar, kif definiti fil-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp (ECD);

B.  billi l-ECD għadu l-qafas dottrinali għall-politika tal-UE għall-iżvilupp;

C. billi l-UE ħadet impenn politiku qawwi li tippromwovi ambjent favorevoli fil-livell nazzjonali għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) kif ukoll fil-livelli reġjonali u internazzjonali, u billi l-UE tirrikonoxxi li soċjetà ċivili emanċipata, fid-diversità kollha tagħha, hija importanti minnha nnifisha u tirrappreżenta komponent kruċjali u integrali ta’ kull demokrazija;

D. billi l-UE għandha impenn politiku qawwi li timplimenta Approċċ Imsejjes fuq id-Drittijiet tal-Bniedem (HRBA) fil-qasam tal-iżvilupp, u billi d-dikjarazzjoni tan-NU dwar fehim reċiproku ta' Approċċ Imsejjes fuq id-Drittijiet tal-Bniedem għall-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp tistabbilixxi li "l-programmi kollha tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, il-politiki u l-għajnuna teknika għandhom jippromwovu l-konkretizzazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem kif stabbilit fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u strumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem oħrajn";

E.  billi s-sjieda demokratika tinkludi mhux biss gvernijiet iżda wkoll l-OSĊ, l-awtoritajiet lokali (AL) u l-parlamenti nazzjonali, li għandhom rwoli kruċjali biex jinsġu rabtiet bejn iċ-ċittadini u l-gvernijiet u jiżguraw sjieda demokratika u wiesgħa tal-aġendi ta’ żvilupp tal-pajjiżi;

F.  billi r-responsabbiltà nazzjonali tinkludi r-rwol ta’ sorveljanza tal-OSĊ, li huma atturi ewlenin fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u fil-promozzjoni tat-trasparenza;

G. billi r-rapport tal-OECD-DAC jirrakkomanda li “l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE għandhom jaħdmu biex jinvolvu lil firxa usa' ta’ persuni interessati mis-soċjetà ċivili fi djalogu strutturat u strateġiku. Għandhom isiru aktar effiċjenti fil-bini ta’ kapaċitajiet tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi sħab; għal dan il-għan, jeħtieġ li ssir reviżjoni tal-istrumenti”;

H. billi qafas leġittimu għal wara l-2015 jirrikjedi li s-soċjetà ċivili u l-individwi – partikolarment dawk l-aktar marġinalizzati – ikunu jistgħu jipparteċipaw bis-sħiħ fil-proċess ta’ teħid tad-deċiżjonijiet u fil-monitoraġġ u r-rappurtar dwar il-progress li jkun sar;

I.   billi r-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika dwar “Awtoritajiet lokali u l-iżvilupp” individwaw ir-rabta bejn il-governanza lokali demokratika, id-deċentralizzazzjoni u l-iżvilupp territorjali;

J.   billi l-iżvilupp territorjali (TD) ġie ddefinit bħala l-interazzjoni bejn multipliċità ta’ persuni interessati u l-governanza ta’ diversi livelli, li għandha l-għan li tinvesti f’assi territorjali lokali (umani, finanzjarji, fiżiċi u naturali) biex issaħħaħ il-vantaġġi kompetittivi tat-territorju u tgħolli l-livelli tal-għajxien;

K. billi OSĊ u AL qawwija, trasparenti u orjentati lejn il-ħtiġijiet u azzjonijiet inklussivi tal-governanza lokali huma elementi essenzjali fil-qalba tad-demokrazija u tal-proċess tal-bini tal-paċi;

L.  billi l-AL minn Stati Membri ġodda jeħtiġilhom jiskambjaw l-għarfien ma' Stati Membri qodma dwar prattiki tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp biex jegħlbu d-diverġenzi f'dak li jirrigwarda l-għarfien espert, u bil-ħsieb li l-Istati Membri l-qodma jgawdu mill-esperjenza fir-rigward tat-trasformazzjonijiet tranżitorji u strutturali tal-Istati Membri l-ġodda, li tikkostitwixxi għodda ta’ valur fil-qafas tal-iżvilupp globali;

M. billi l-OSĊ u l-AL huma kruċjali sabiex jiżguraw tkabbir sostenibbli u inklużiv, is-sostenibbiltà ambjentali, id-drittijiet tal-bniedem u l-governanza tajba fl-aġenda għall-iżvilupp għal wara l-2015;

N. billi rriżulta li sħubijiet ġusti u fit-tul bejn l-OSĊ tal-UE u l-kontropartijiet tagħhom fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw huma għodda importanti għall-iżvilupp ta' inizjattivi qawwija, indipendenti u diversifikati tal-OSĊ u tas-soċjetà ċivili, fuq skali u f'livelli differenti, minn dak lokali għal dak internazzjonali;

Ambjent abilitanti għall-OSĊ u l-AL

1.  Jilqa’ l-iżviluppi reċenti ta’ politika fil-livell tal-UE u f’dak internazzjonali, li huma ffukati fuq sħubija aktar ambizzjuża bejn l-OSĊ u l-AL, fuq il-pedament ta’ approċċ għall-iżvilupp imsejjes fuq id-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali, kif ukoll fuq trattati internazzjonali dwar l-ambjent u l-ħarsien tal-bijodiversità, u fuq l-impenn ċar favur it-tisħiħ tal-proċess demokratiku u r-responsabbiltà;

2.  Jissottolinja li l-ħolqien ta’ relazzjonijiet responsabbli, imsejsa fuq id-drittijiet tal-bniedem u inklussivi bejn il-gvernijiet, l-AL, l-OSĊ, is-settur privat u ċ-ċittadini joffri opportunità unika lill-UE, inkluż liċ-ċittadini tagħha, lill-AL u lis-settur privat, biex jistabbilixxu sħubijiet sostenibbli ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw;

3.  Jistieden lill-KE u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex jiżviluppaw pjanijiet ta’ gwida u ta’ implimentazzjoni għal HRBA fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE fid-djalogu mal-OSĊ u biex jippromwovu l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem;

4.  Jitlob li l-Kummissjoni Ewropea u s-SEAE jintegraw fil-politiki tagħhom il-promozzjoni ta’ ambjent abilitanti għall-OSĊ u l-AL, u li dan iqisuh bħala prijorità għall-pożizzjoni tal-UE fin-negozjati li qed isiru dwar qafas ta' politika tal-iżvilupp għal wara l-2015; jisħaq fuq l-importanza li tiġi ddefinita sistema ta’ monitoraġġ li tippermetti li ssir evalwazzjoni tal-progress fil-ħolqien ta’ ambjent abilitanti fil-livell nazzjonali f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet regolatorji u ta’ politika, bi qbil mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll djalogi bejn multipliċità ta’ persuni interessati u f’diversi livelli; jitlob li l-Kummisjsoni tkejjel l-ambjent abilitanti biex tifhem bis-sħiħ il-kumplessità tiegħu kif ukoll il-karatteristiċi tal-atturi tas-soċjetà ċivili;

5.  Jesprimi tħassib kbir dwar ir-repressjoni fuq OSĊ li jikkooperaw ma’ sħab tal-UE f’numru ta’ pajjiżi, u jitlob li l-Kummissjoni u s-SEAE jiżviluppaw strateġiji dwar kif dawn id-diffikultajiet jistgħu jingħelbu u sabiex jissokta l-appoġġ vitali għall-OSĊ;

6.  Iħeġġeġ lill-UE biex tippromwovi mekkaniżmi istituzzjonalizzati għal djalogi f’diversi livelli u bejn multipliċità ta’ persuni interessati fost l-OSĊ, l-AL, is-settur privat u l-gvernijiet sħab dwar aġendi rigward xogħol deċenti, tkabbir sostenibbli u inklussiv b'ridistribuzzjoni tal-introjtu permezz tal-baġit statali, u dwar il-kwistjoni ta' ambjent abilitanti sew għall-OSĊ kif ukoll għll-AL; jirrakkomanda li, għal kull pajjiż sieħeb, l-UE tapplika d-dispożizzjonijiet dwar konsultazzjonijiet mal-AL kif previst fil-Ftehim ta’ Cotonou għall-Istati tal-AKP;

7.  Iħeġġeġ lill-UE tinvolvi b’mod sistematiku lill-organizzazzjonijiet u lin-netwerks tan-nisa fit-tħejjija u, possibilment, fl-implimentazzjoni tad-djalogu politiku, bi qbil mal-impenji meħuda skont il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Ġeneru għall-Iżvilupp;

8.  Jesprimi l-apprezzament tiegħu għall-Forum ta' Politika dwar l-Iżvilupp, li għandu l-għan li joħloq spazju għal djalogu mal-OSĊ u mal-AL f'diskussjonijiet ta' politika, u lill-partijiet interessati kollha involuti jħeġġiġhom jagħmluh spazju strateġiku sabiex jiġi ggwidat u influwenzat it-tfassil tal-politiki fil-livell tal-UE u dak internazzjonali b’rabta ma’ kwistjonijiet tal-iżvilupp inkluża l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp (KPI);

Effikaċja tal-iżvilupp

9.  Jitlob li l-Kummissjoni u s-SEAE jallokaw riżorsi adegwati fil-perjodu ta’ programmazzjoni li ġej, ħalli l-OSĊ u l-AL minn pajjiżi sħab ikunu jistgħu jissorveljaw u janalizzaw il-progress li jsir lejn il-KPI fil-livell lokali, nazzjonali u internazzjonali;

10. Jitlob li l-Kummissjoni u s-SEAE jippromwovu “sħubija għar-responsabbiltà” għall-kooperazjoni strateġika bejn ir-rappreżentanti eletti fil-livell nazzjonali u f’dak lokali, u OSĊ bbażati fuq it-trasparenza rigward flussi ta’ għajnuna uffiċjali u mhux uffiċjali, kif ukoll approċċ parteċipattiv rigward l-iżvilupp u r-reponsabbiltà, inklużi r-responsabbiltà soċjali u s-sorveljanza interni, bil-għan li jitkejjel l-impatt tal-politika;

11. Jenfasizza r-rwol importanti li l-awtoritajiet lokali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jista’ jkollhom fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-livelli kollha, inklużi l-evażjoni tat-taxxa u l-flussi finanzjarji illegali mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

12. Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-inklużjoni ta’ rappreżentanti tal-AL fil-Kumitat ta’ Tmexxija tas-Sħubija Globali għal Kooperazzjoni tal-Iżvilupp Effikaċi;

13. Jemmen li l-KPI jeħtieġ li jkun il-prinċipju li jiggwida kwalunkwe kooperazzjoni tal-UE mal-awtoritajiet lokali li tkun maħsuba biex tiżviluppa l-ekonomija lokali ħalli tagħti għajxien deċenti lin-nies fil-livell tal-komunità,

14. Ifakkar li l-atturi kollha tal-iżvilupp għandhom ikunu responsabbli għall-isforzi tagħhom favur l-iżvilupp u għar-riżultati, u għandhom jippromwovu r-responsabbiltà ta’ xulxin;

15. Jitlob li l-Kummissjoni tippromwovi approċċ bilanċjat bejn il-prinċipju ta’ armonizzazzjoni u d-dritt ta’ inizjattiva tal-OSĊ u l-AL; ifakkar lill-Kummissjoni li s-semplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-proċeduri amministrattivi tad-donaturi għandhom isiru fi djalogu mal-OSĊ u l-AL;

16. Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li tfassal pjanijiet direzzjonali (PD) għall-involviment mal-OSĊ bil-għan li tidentifika strateġija globali għall-inklużjoni tal-OSĊ f’kull forma ta’ kooperazzjoni Ewropea; jitlob li l-Kummissjoni tiċċara kif l-OSĊ jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti fil-proċess, u tiżgura li l-parteċipazzjoni tagħhom tkun f’waqtha u li titqies b’mod sinifikanti fil-fażi ta’ tfassil, kif ukoll li l-prijoritajiet ikunu ffissati b’mod konġunt;

17. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi PD nazzjonali għall-AL ukoll, u tikkunsidra l-iżvilupp ta’ PD nazzjonali konġunti għall-OSĊ u l-AL;

18. Jitlob li l-Kummissjoni tikkunsidra l-KPI bħala element prinċipali ta’ PD tal-ġejjieni;

19. Jitlob lill-Kummissjoni tadotta l-aġenda għall-iżvilupp sostenibbli, filwaqt li tqis it-tliet komponenti essenzjali tagħha (dak ambjentali, soċjali u ekonomiċi) bħala parametri ta’ importanza ugwali u mhux separabbli;

20. Ifakkar l-importanza tas-sħubija bejn l-AL minn pajjiżi Ewropej u minn pajjiżi sħab għall-ilħiq ta’ żvilupp sostenibbli; f’dan il-kuntest, iħeġġeġ lill-UE biex tagħmel użu effiċjenti mill-iskambju tal-għarfien u minn metodi ta’ żvilupp tal-kapaċità, inkluż l-użu tal-esperjenza ta’ tranżizzjoni ta' AL fi Stati Membri tal-UE;

21. Iħeġġeġ lill-UE biex tadatta aġenda fuq skala akbar bil-għan li tilħaq żieda proporzjonali fl-esperjenzi effikaċi ta' proġetti u inizjattivi ta' OSĊ u AL ffinanzjati mill-UE;

Id-deċentralizzazzjoni u approċċ territorjali għall-iżvilupp (ATI)

22. Jitlob li l-Kummissjoni u s-SEAE jistabbilixxu djalogu ta’ politika aktar ambizzjuż ma’ u fi ħdan pajjiżi sħab biex jippromwovu ATI u approċċ komprensiv għad-deċentralizzazzjoni, kif ukoll li fil-perjodu ta’ programmazzjoni tal-futur jipprijoritizzaw it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-AL u tal-OSĊ li jinfluwenzaw u jissorveljaw proċessi ta’ riforma tad-deċentralizzazzjoni;

23. Ifakkar li proċess ta’ deċentralizzazzjoni effikaċi jirrikjedi riformi tas-settur pubbliku, bħat-trasferiment ta’ setgħat, funzjonijiet u riżorsi, kif ukoll is-sehem attiv taċ-ċittadini, permezz tar-rappreżenanti tagħhom, u tal-OSĊ fi pjanifikazzjoni u bbaġitjar parteċipattivi; jitlob li l-Kummissjoni tqis kif xieraq id-deċentralizzazzjoni u l-ATI fl-appoġġ tagħha għal riformi mifruxa mas-settur pubbliku sħiħ u tagħmilhom prijorità trasversali fil-programmi ġeografiċi kollha;

24. Jenfasizza li ATI sostenibbli jeħtieġ, bħala l-pedament tiegħu, proċess ta’ deċentralizzazzjoni responsabbli, trasparenti u li jaħdem tajjeb; jirrakkomanda li l-UE tikkunsidra l-ATI u d-deċentralizzazzjoni bħala fatturi importanti għall-ilħiq tal-qerda tal-faqar fl-aġenda futura tal-iżvilupp għal wara l-għanijiet tal-millenju għall-iżvilupp;

25. Ifakkar li l-ATI qed jikkontribwixxi għall-effikaċja tal-iżvilupp permezz tat-tisħiħ tas-sjieda, id-djalogi u l-programmi b’partijiet interessati u b'atturi multipli u tal-koordinament tal-politiki fil-livell subnazzjonali; jitlob li l-Kummissjoni tvara inizjattivi pilota biex issostni l-ATI permezz ta’ programmi ġeografiċi u tematiċi;

26. Ifakkar fil-valur miżjud ta’ kooperazzjoni deċentralizzata fil-promozzjoni sew tal-ATI kif ukoll tad-deċentralizzazzjoni; jenfasizza l-AL Ewropej huma f’pożizzjoni tajba ħafna biex jikkooperaw mal-kontropartijiet tagħhom fil-proċess ta’ deċentralizzazjzoni, partikolarment fid-deċentralizzazzjoni fiskali;

27. Jenfasizza l-importanza li jissaħħaħ l-għarfien espert u l-impenn tal-persunal tal-UE, b’mod partikolari fil-livell tad-delegazzjonijiet, dwar id-deċentralizzazzjoni, dwar ir-rwol tal-OSĊ u tal-AL fl-iżvilupp sostenibbli, inkluż dwar kif issir il-koordinazzjoni mal-OSĊ, u jħeġġeġ il-parteċipazzjoni ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi l-organizzazzjonijiet tan-nisa, biex dawn il-proċessi jingħatalhom perspettiva tal-ġeneru;

Stati fraġli

28. Jenfasizza li l-UE għandha taħdem ma’ pajjiżi sħab, fil-kuntest tan-New Deal for Fragile States (l-Arranġament il-Ġdid għall-Istati Fraġli), biex bħala parti minn strateġiji usa’ ta’ żvilupp, tfassal strateġiji nazzjonali ta’ reżiljenza kif ukoll programmi speċifiċi maħsuba biex jindirizzaw il-kawżi sottostanti tal-vulnerabbiltà fit-tul, inklużi analiżi tar-riskju bbażata fuq il-komunità u parteċipattiva, għodod tal-ġestjoni u riċerka profonda dwar il-kawżi tal-kunflitti jew tal-fraġilità, filwaqt li tqis l-opinjonijiet u l-perċezzjonijiet tal-persuni lokali li jkunu affettwati direttament;

29. Ifakkar li r-reżiljenza għandha wkoll tkun tema ċentrali tas-sħubijiet tal-UE mal-OSĊ u l-AL; ifakkar li huwa essenzjali li nsaħħu r-rwol tal-komunitajiet, permezz ta’ attivitajiet tal-komunità u mmexxija mill-komunità għat-tnaqqis tar-riskji, u l-AL fi Stati fraġli u naħdmu magħhom aktar mill-qrib f'sitwazzjonijiet ta' kriżi u ta' wara l-kriżijiet; iħeġġeġ is-sħubijiet tal-AL fi Stati fraġli għall-iżvilupp, it-trasferiment u l-iskambju ta' ħiliet amministrattivi u tekniċi;

30. Ifakkar li r-rappreżentanti lokali eletti spiss jaġixxu ta’ medjaturi bejn partijiet antagonistiċi u li f’dak ir-rigward għandhom rwol importanti fil-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti;

31. Jistieden lill-KE u lis-SEAE biex jistabbilixxu linji gwida għad-delegazzjonijiet tal-UE dwar kif jittrattaw l-OSĊ u l-AL f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi u fraġilità, bl-użu ta’ approċċ imsejjes fuq id-drittijiet tal-bniedem u b'sensittività għall-ġeneru;

32. Jenfasizza li f’kuntesti fejn l-awtoritajiet pubbliċi, lokali u reġjonali inklużi, mhumiex f’qagħda li jipprovdu servizzi bażiċi u fejn iċ-ċirkostanzi jippermettu dan, il-Kummissjoni għandha tappoġġja sħubijiet b’diversi atturi sabiex tiżviluppa l-kapaċitajiet tal-AL bil-għan li jkunu kapaċi jipprovdu s-servizzi;

33. Jesprimi tħassib profond dwar il-proposta tal-Kummissjoni li tillimita l-appoġġ finanzjarju fit-twassil tas-servizzi biss għal dawk l-OSĊ li jaħdmu fil-pajjiżi l-anqas żviluppati u fi Stati fraġli; ifakkar li l-valur miżjud ewlieni tal-OSĊ fil-pajjiżi kollha, irrispettivament mil-livell ta’ żvilupp tagħhom, huwa l-kapaċità li għandhom li jinterpretaw il-ħtiġijiet u d-drittijiet ta’ gruppi marġinalizzati u foqra u li joffru soluzzjonijiet innovattivi biex jissodisfawhom, filwaqt li jqajmu kuxjenza u jagħtu sostenn politiku sabiex jiġu indirizzati l-kawżi aħħarin tal-faqar, l-inugwaljanza u l-esklużjoni;

dukazzjoni għall-iżvilupp u t-tkattir tal-kuxjenza (DEAR)

34. Ifakkar fid-dikjarazzjoni bil-miktub tal-Parlament dwar “l-edukazzjoni għall-iżvilupp u ċittadinanza globali attiva” u jitlob strateġija Ewropea dwar id-DEAR li għandha tkun aktar iffukata fuq ir-riflessjoni kritika dwar il-politika tal-iżvilupp u, b’mod partikolari, fuq il-KPI;

35. Jitlob li l-Kummissjoni tiżviluppa strateġija komprensiva dwar id-DEAR f'kollaborazzjoni stretta mal-OSĊ biex tkattar ir-riżorsi finanzjarji li se jkunu allokati lid-DEAR fil-perjodu ta’ programmazzjoni tal-futur, u tiżviluppa f’konsultazzjoni mill-qrib mal-OSĊ u l-AL li huma attivi fid-DEAR, modalitajiet ta’ finanzjament flessibbli li jirrispettaw id-dritt ta’ inizjattiva tagħhom u jippermettu parteċipazzjoni min-naħa ta’ firxa wiesgħa u diversifikata ta’ atturi;

Dokumenti ta’ programmazzjoni u modalitajiet tal-għajnuna

36. Jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni li sistematikament tintroduċi analiżi tal-ekonomija politika fil-livell tal-pajjiżi u jirrakkomanda li din tinkludi analiżi tas-sitwazzjoni politika u ġuridika tal-OSĊ u l-AL;

37. Huwa tal-fehma li l-introjtu mit-taxxi huwa essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku lokali u jqis li għandha tingħata prijorità lill-istabbiliment ta’ sistemi effikaċi u vijabbli ta’ ġbir tat-taxxi biex jiżguraw sors sostenibbli ta’ finanzjament għall-iżvilupp;

38. Jitlob li l-Kummissjoni ttejjeb il-koordinament u l-komplementarjetà bejn programmi u strumenti tematiċi u ġeografiċi; ifakkar li l-OSĊ u l-AL għandhom jitqiesu bħala sħab ewlenin tal-implimentazzjoni, b’mod partikolari fil-programm tal-Ġid Pubbliku Globali, u li għandhom jiġu kkonsultati fi stadju bikri fil-programmazzjoni kemm tal-programmi ġeografiċi u kemm dawk tematiċi;

39. Ifakkar li l-AL huma eliġibbli fil-programmi kollha tad-DCI , u jistieden lill-Kummissjoni u lill-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-AL biex jinkoraġġixxu parteċipazzjoni usa’ tal-AL fil-programmi kollha tad-DCI;

40. Jitlob li l-Kummissjoni tissokta bis-sostenn tagħha għall-kooperazzjoni u s-sħubijiet deċentralizzati bejn l-AL minn pajjiżi tal-UE u minn pajjiżi sħab; dawn is-sħubijiet taw prova li huma għodod effiċjenti għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-AL f’setturi ewlenin li jikkontribwixxu għall-qerda tal-faqar; fl-istess waqt u għall-istess raġuni, jitlob li l-Kummissjoni tkompli l-appoġġ tagħha għall-kooperazzjoni bejn l-OSĊ tal-pajjiżi tal-UE u l-OSĊ tal-pajjiżi sħab;

41. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiffaċilita l-iskambju ta’ esperjenzi – u ta’ għarfien espert – bejn l-AL mill-UE u minn pajjiżi sħab bil-ħsieb li jingħata aċċess għall-għarfien dwar oqsma relevanti tal-iżvilupp sostenibbli, speċjalment il-governanza tajba, filwaqt li jittieħed vantaġġ mill-esperjenza ta' tranżizzjoni tal-AL fi Stati Membri tal-UE;

42. Jitlob li l-Kummissjoni tidħol f'aktar sħubijiet strateġiċi ma' assoċjazzjonijiet nazzjonali, reġjonali u internazzjonali u ma’ netwerks ta’ AL;

43. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżviluppa ulterjorment taħlita ta’ modalitajiet ta’ finanzjament aktar flessibbli, trasparenti u prevedibbli ħalli b’hekk tilħaq l-usa’ firxa possibbli ta’ atturi tas-soċjetà ċivili; jitlob li l-Kummissjoni tidentifika u tiżviluppa dawn il-modalitajiet permezz ta’ djalogu inklussiv mal-OSĊ u ma’ assoċjazzjonijiet ta’ AL, abbażi tad-Djalogu Strutturat;

44. Jitlob li l-Kummissjoni tippromwovi l-parteċipazzjoni tal-OSĊ u tal-AL fid-diskussjoni li qed issir dwar taħlita ta’ mekkaniżmi fil-qafas tal-“Pjattaforma tal-UE għat-Taħlit fil-Kooperazzjoni Esterna” (EU Platform for Blending in External Cooperation); jitlob li l-Kummissjoni tfassal linji gwida vinkolanti u toħloq mekkaniżmi ta’ valutazzjoni tal-impatt u ta’ monitoraġġ inklussivi biex tiżgura li l-popolazzjonijiet konċernati jkunu kkonsultati u jieħdu sehem fl-istadji kollha taċ-ċiklu tal-proġett u li t-taħlit ta’ finanzjament jikkontribwixxi għall-qerda tal-faqar;

45. Jitlob ukoll li l-Kummissjoni tħalli lill-OSĊ jieħdu sehem fil-forom ġodda kollha ta’ kooperazzjoni fil-qafas tal-Pjattaforma tal-UE għat-Taħlit fil-Kooperazzjoni Esterna;

46. Jitlob li l-Kummissjoni ssaħħaħ ir-riformi nazzjonali ta’ deċentralizzazzjoni fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ kuntratti dwar il-governanza tajba u l-iżvilupp, kuntratti dwar riformi settorjali u kuntratti dwar il-kostruzzjoni tal-istat;

47. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  ĠU C 46, 24.2.2006, p.1.
  • [2]  ĠU C 33 E, 5.2.2013, p. 77
  • [3] https://webgate.ec.europa.eu/fpfis/mwikis/aidco/images/d/d4/Final_Report_DEAR_Study.pdf.
  • [4] https://webgate.ec.europa.eu/fpfis/mwikis/aidco/images/e/ea/FINAL_CONCLUDING_PAPER.pdf.
  • [5] http://www.gecongress2012.org/images/2012_GE_Congress_Report_FINAL_11feb201.pdf (p. 27-31).
  • [6]  http://ec.europa.eu/europeaid/how/public-consultations/6405_en.htm.
  • [7]  http://ec.europa.eu/europeaid/how/evaluation/evaluation_reports/2012/1300_docs_en.htm

NOTA SPJEGATTIVA

F'Settembru 2012, il-Kummissjoni ppubblikat il-Komunikazzjoni "L-għeruq ta’ demokrazija u żvilupp sostenibbli: il-kooperazzjoni tal-Ewropa mas-Soċjetà Ċivili fir-relazzjonijiet esterni”, u f'Mejju 2013 il-Komunikazzjoni dwar “Responsabbilizzazzjoni tal-Awtoritajiet Lokali fil-pajjiżi msieħba għal governanza aħjar u iktar effettiva tal-eżiti tal-iżvilupp”, li sawru x-xenarju l-ġdid għall-kooperazzjoni tal-UE mal-OSĊ u l-AL f'kuntest dinji li qed jinbidel, u li huwa kkaratterizzat minn sfidi ekonomiċi, politiċi u soċjali sinifikanti.

L-Effikaċja tal-iżvilupp

Wara l-Konferenza ta' Busan kien hemm talba qawwija mill-komunità internazzjonali li ngħaddu minn aġenda dejqa tal-effikaċja tal-għajnuna lejn waħda usa' tal-effikaċja tal-iżvilupp. Organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) u awtoritajiet lokali (AL) jitolbu li l-approċċ ibbażat fuq id-drittijiet jitqiegħed sistematikament fil-qofol tal-iżvilupp, u li s-"sjieda demokratika" tal-politika tal-iżvilupp tkun żgurata.

Il-prinċipju tas-sjieda demokratika jqiegħed liċ-ċittadini fiċ-ċentru tal-iżvilupp, bil-gvernijiet jiggarantixxu spazju li fih l-OSĊ jkunu jistgħu jaħdmu u jżommu lill-gvern responsabbli għall-politika. Is-sjieda demokratika tippromwovi wkoll ir-rwol attiv tas-soċjetà ċivili u tal-awtoritajiet lokali fi ħdan il-proċessi tat-tfassil tal-politika u tal-implimentazzjoni.

Ir-Rapporteur iqis li jeħtieġ li l-UE tkun aktar u aktar involuta fil-ħolqien ta' relazzjonijiet responsabbli, trasparenti, ibbażati fuq id-drittijiet tal-bniedem u inklussivi fost gvernijiet sħab, OSĊ u AL, biex naslu għal eżiti tal-iżvilupp aktar sostenibbli. Għal dan il-għan, l-UE għandha tipprijoritizza inizjattivi maħsuba biex jippromwovu "sħubija għar-responsabbiltà" fil-livell tal-pajjiżi bejn l-OSĊ, il-parlamenti u l-qrati tal-awdituri.

L-indirizzar tal-kwistjoni tal-promozzjoni ta' soċjetajiet aktar demokratiċi jirrikjedu li l-UE għandu jkollha impenn politiku aktar qawwi rigward l-approvazzjoni ta' ambjent abilitanti għall-OSĊ u l-AL, il-bini tal-kapaċitajiet tagħhom u l-integrazzjoni ta' dawn il-kwistjonijiet fil-politiki u l-programmazzjoni.

Il-promozzjoni ta' ambjent abilitanti għandu jitqies bħala tema prijoritarja fil-pożizzjoni tal-UE dwar l-aġenda tal-iżvilupp għal wara l-2015, u l-persunal tad-Delegazzjonijiet tal-UE għandhom ikunu mħarrġa b'mod korrispondenti. Ir-Rapporteur jemmen bil-qawwa li l-UE għandha ssostni mekkaniżmu ta' monitoraġġ f'dak li jirrigwarda ambjent abilitanti, jiġifieri dwar dispożizzjonijiet ta' politika u regolatorji, kif ukoll djalogi bejn multipliċità ta' persuni interessati.

Ir-Rapporteur ifakkar ukoll li huwa kruċjali li nissalvagwardjaw id-dritt ta' inizjattiva tal-OSĊ, bħala atturi indipendenti, u li nsibu bilanċ tajjeb bejn id-dritt ta' inizjattiva u l-prinċipju tal-armonizzazzjoni.

L-UE għandha ttejjeb id-diversità tas-soċjetà bħala fattur ewlieni fil-bini ta' soċjetajiet demokratċi u fl-iżgurar ta' involviment attiv u effikaċi ta' popolazzjonijiet marġinalizzati.

Ir-Rapporteur jilqa' l-proposta tal-Kummisjsoni li tfassal Pjanijiet Direzzjonali (PD) għall-involviment mal-OSĊ, li għandhom ikunu f'waqthom u b'involviment sinifikanti fil-fażi ta' tfassil u fid-definizzjoni ta' kwistjonijiet prijoritarji. Il-PD jirrappreżentaw għodda importanti li tiżgura l-konsistenza u s-sinerġiji bejn is-setturi differenti koperti bir-relazzjonijiet esterni tal-UE, u jistabbilixxu strumenti ta' koordinazzjoni mal-Istati membri u ma' donaturi internazzjonali oħra. Il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp (KPI) għandha tkun element prijoritarju fil-PD tal-ġejjieni.

Ir-Rapporteur jemmen li l-UE għandha toqgħod partikolarment attenta li ssaħħaħ il-bini tal-kapaċità għall-AL u l-OSĊ fi Stati Fraġli, is-sħubija tagħhom u l-kooperazzjoni tagħhom mal-UE fl-iżvilupp tar-reżiljenza.

Ir-Rapporteur huma mħasseb ħafna dwar il-proposta tal-Kummissjoni li tillimita l-appoġġ finanzjarju fit-twassil tas-servizzi għal dawk l-OSĊ li jaħdmu fil-pajjiżi l-anqas żviluppati u fl-Istati fraġli.

Il-governanza demokratika, id-deċentralizzazzjoni u l-iżvilupp territorjali

Il-governanza demokratika lokali, id-deċentralizzazzjoni u l-iżvilupp territorjali qed isiru aktar prominenti fl-aġenda tal-iżvilupp; madankollu, sew id-definizzjoni kif ukoll il-prattika tagħhom għadhom "xogħol mhux mitmum". Fil-fatt, huma r-riżultat ta' esperjenzi differenti li saru b'risposta għal sfondi politiċi, kulturali u storiċi partikolari.

Ir-Rapporteur iqis li s-sostenn għall-governanza demokratika lokali, id-deċentralizzazzjoni u l-iżvilupp territorjali għandu jkun inkwadrat fi djalogu ta' politika aktar ambizzjuż mal-pajjiżi sħab. Huwa partikolarment relevanti li l-Kummissjoni u s-SEAE jwettqu analiżi tal-"ekonomija politika ta' riformi tad-deċentralizzazzjoni" u jsaħħu l-kapaċitajiet ta' atturi lokali biex jinfluwenzaw u jimmonitorjaw proċessi ta' riforma.

Għall-akbar impatt tal-effikaċja tal-għajnuna, u biex id-demokrazija tissaħħaħ, il-kkoperazzjoni bejn l-AL u l-OSĊ hija kruċjali fil-livell lokali u fl-iżvilupp territorjali.

L-edukazzjoni għall-iżvilupp

Fl-2012 il-Kummisjsoni ppubblikat id-dokument ta' ħidma tal-persunal dwar "L-edukazzjoni għall-Iżvilupp u t-Tkattir tal-Kuxjenza" (Development education and awareness raising, DEAR), li ssistematizza l-aktar temi u sfidi importanti f'dan il-qasam importanti.

Ir-Rapporteur ifakkar li d-dikjarazzjoni bil-miktub tal-Parlament dwar “l-edukazzjoni għall-iżvilupp u ċittadinanza globali attiva” titlob strateġija Ewropea dwar id-DEAR li għandha tkun aktar iffukata fuq ir-riflessjoni kritika fuq il-politika tal-iżvilupp u, b’mod partikolari, fuq il-KPI. Ir-riżorsi finanzjarji allokati għad-DEAR għandhom jiġu miżjuda biex dawn l-objettivi ambizzjużi jkunu jistgħu jintlaħqu.

Ir-Rapporteur ifakkar fir-rwol importanti tal-AL Ewropej fil-promozzjoni tal-edukazzjoni għall-iżvilupp u t-tkattir tal-kuxjenza.

Dokumenti ta’ programmazzjoni u modalitajiet tal-għajnuna

Fil-qies tal-fatt li n-negozjati dwar l-Istrumenti FInanzjarji għall-azzjoni esterna għadhom għaddejjin, dan ir-rapport jirrappreżenta opportunità unika biex nagħmlu rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar il-perjodu ta' programazzjoni tal-ġejjieni.

Ir-Rapporteur jenfasizza li huwa essenzjali li l-komplementarjetá bejn il-programmi tematiċi u ġeografiċi tittejjeb biex nevitaw lakuni li jagħmlu l-ħsara f'pajjiżi fejn il-Kummissjoni ttemm l-għajnuna bilaterali. Ir-Rapporteur jissottolinja wkoll il-ħtieġa li tiġi implimentata koordinazzjoni aktar effikaċi bejn il-programmi tematiċi u dawk reġjonali.

Għandha tingħata wkoll attenzjoni speċjali għall-użu ta' taħlita ta' modalitajiet ta' finanzjament, ħalli nilħqu l-akbar firxa possibbli ta' OSĊ u AL. Barra minn hekk, dawn il-modalitajiet għandhom jiġu identifikati permezz ta’ djalogu inklussiv mal-OSĊ u ma’ assoċjazzjonijiet ta’ AL.

Ir-Rapporteur jemmen li l-OSĊ għandhom ukoll ikunu involuti fid-diskussjoni li għaddejja dwar mekkaniżmi ta' taħlit, li għandha tkun orjentata lejn tisħiħ tas-sjieda demokratika fil-livelli tal-pajjiż u tar-reġun, u li għandha tikkontribwixxi primarjament għall-qerda tal-faqar.

Kuntratti ta' Governanza Tajba u Kuntratti ta' Żvilupp, Kuntratti ta' Riformi Settorjali u Kuntratti dwar il-Kostruzzjoni tal-Istat għandhom jintużaw biex isaħħu r-riformi tad-deċentralizzazzjoi tal-pajjiżi, biex il-potenzjal u l-ħtiġijiet tal-Awtoritajiet Lokali f'pajjiżi sħab jingħataw sostenn aktar effikaċi.

Ir-Rapporteur iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tissokta bl-appoġġ għal sħubijiet bejn AL minn pajjiżi Ewropej u pajjiżi sħab li jkunu taw prova li huma effikaċi fil-bini tal-kapaċitajiet u fit-tnaqqis tal-faqar.

Ir-Rapporteur iħeġġeġ ukoll li jsir skambju ta' għarfien bejn AL minn Stati Membri ġodda u l-Istati Membri l-qodma dwar prattiki tal-kooperazzjoi għall-iżvilupp biex jingħelbu d-diverġenzi f'dak li jirrigwarda l-għarfien espert.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

17.9.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

25

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Thijs Berman, Michael Cashman, Ricardo Cortés Lastra, Corina Creţu, Leonidas Donskis, Mikael Gustafsson, Filip Kaczmarek, Miguel Angel Martínez Martínez, Gay Mitchell, Norbert Neuser, Maurice Ponga, Jean Roatta, Birgit Schnieber-Jastram, Michèle Striffler, Keith Taylor, Patrice Tirolien, Ivo Vajgl

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Philippe Boulland, Enrique Guerrero Salom, Edvard Kožušník, Krzysztof Lisek, Isabella Lövin, Judith Sargentini

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Emma McClarkin, Jarosław Leszek Wałęsa