ABBOZZ TA’ RAPPORT dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar importazzjonijiet ta’ ross li joriġina mill-Bangladexx

25.9.2013 - (COM(2012)0172 – C7‑0102/2012 – 2012/0085(COD)) - ***I

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Rapporteur: Paul Murphy


Proċedura : 2012/0085(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0304/2013

ABBOZZ TA’ RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar importazzjonijiet ta’ ross li joriġina mill-Bangladexx

(COM(2012)0172 – C7-0102/2012 – 2012/0085(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2012)0172),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0102/2012),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0304/2013),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni biex terġa’ tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b’mod sustanzjali jew li tibdilha b’test ġdid;

3.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Emenda  1

Proposta għal regolament

Taqsima

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar importazzjonijiet ta' ross li joriġina mill-Bangladexx

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar importazzjonijiet ta’ ross li joriġina mill-Bangladexx u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3491/90

Emenda  2

Proposta għal regolament

Premessa 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(3) Sabiex ikunu żgurati l-affidabbiltà u l-effiċjenza tal-arranġament ta’ importazzjonijiet preferenzjali, is-setgħa li jkunu adottati atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat għandha tkun iddelegata lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi regoli li jagħmlu l-parteċipazzjoni fl-arranġament kundizzjonali fuq il-preżentazzjoni ta' garanzija. Huwa importanti ħafna li l-Kummissjoni tagħmel il-konsultazzjonijiet xierqa waqt il-fażi tax-xogħol ta’ tħejjija, inkluż fil-livell ta’ esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal l-atti ddelegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(3) Sabiex ikunu żgurati l-affidabbiltà u l-effiċjenza tal-arranġament ta’ importazzjonijiet preferenzjali, is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti taħt l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tingħata lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ l-istabbiliment ta’ regoli li jagħmlu l-parteċipazzjoni fl-arranġament kundizzjonali fuq il-preżentazzjoni ta’ garanzija skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1964/2006 tat-22 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-ftuħ u l-amministrazzjoni ta’ kwota għall-importazzjoni ta’ ross li joriġina mill-Bangladexx, b’applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3491/901. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, anke fil-livell ta’ esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura t-trasmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa ta’ dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

 

______________

 

1 ĠU L 408, 30.12.2006, p. 18

Emenda  3

Proposta għal regolament

Premessa 4

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(4) Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħat ta’ implimentazzjoni. Dawk is-setgħat, ħlief fejn ikunu speċifikat mod ieħor, għandhom ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċitar mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni. Madankollu, meta s-sospensjoni tal-arranġament ta’ importazzjonijiet preferenzjali ssir neċessarja, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni mingħajr ma tapplika r-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(4) Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-adozzjoni ta' ċerti miżuri għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, għandhom jiġu kkonferiti setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat, ħlief fejn ikunu speċifikat mod ieħor, għandhom ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċitar mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni. Madankollu, meta s-sospensjoni tal-arranġament ta’ importazzjonijiet preferenzjali ssir neċessarja, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni mingħajr ma tapplika r-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Emenda  4

Proposta għal regolament

Premessa 7

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(7) Sabiex ikun żgurat li l-vantaġġi tal-arranġamenti ta’ importazzjonijiet preferenzjali huma limitati biss għal ross li joriġina mill-Bangladexx, għandu jinħareġ ċertifikat tal-importazzjoni u għandha tinġabar taxxa ta’ ammont korrispondenti għat-tnaqqis tad-dazju tal-importazzjoni mill-pajjiż esportatur,

(7) Sabiex ikun żgurat li l-vantaġġi tal-arranġamenti ta’ importazzjonijiet preferenzjali huma limitati biss għal ross li joriġina mill-Bangladexx, għandu jinħareġ ċertifikat tal-importazzjoni.

Emenda  5

Proposta għal regolament

Premessa 7a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(7a) Dan ir-Regolament huwa parti mill-politika kummerċjali komuni tal-Unjoni, li għandha tkun konsistenti mal-objettivi tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp kif spjegat fl-Artikolu 208 tat-Trattat, partikolarment il-qerda tal-faqar u l-promozzjoni ta’ żvilupp sostenibbli u governanza tajba fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Bħala tali, għandha tkun konformi wkoll mar-rekwiżiti tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), partikolarment mad-Deċiżjoni dwar it-Trattament Differenzjat u Iżjed Favorevoli, Reċiproċità u Sehem iżjed Sħiħa mill-Pajjiżi li Qed Jiżviluppaw (il-‘Klawsola ta’ Abilitazzjoni’), adottata taħt il-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) fl-1979, li skontha Membri tad-WTO jistgħu jikkonċedu trattament differenzjat u aktar favorevoli lil pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Emenda  6

Proposta għal regolament

Premessa 7b (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(7b) Dan ir-Regolament huwa bbażat ukoll fuq ir-rikonoxximent tad-dritt li għandhom il-bdiewa żgħar u l-ħaddiema rurali għal dħul diċenti u għal ambjent tax-xogħol ħieles mill-periklu u san bħala element fundamentali fir-rigward tal-ilħuq tal-objettivi ġenerali tal-għoti tal-preferenzi kummerċjali lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u lill-pajjiżi l-anqas żviluppati b’mod partikolari. L-Unjoni għandha l-għan li tiddefinixxi u ssegwi politiki u azzjonijiet komuni bil-għan li trawwem l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bil-għan primarju li teqred l-faqar. F’dan il-kuntest, huma essenzjali r-ratifika u l-implimentazzjoni effettiva tal-konvenzjonijiet internazzjonali ewlenin dwar id-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, il-ħarsien ambjentali u l-governanza tajba, kif jidher mill-arranġament ta’ inċentiv speċjali li jipprovdi għal preferenzi tariffarji addizzjonali skont ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li japplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati1,

 

_______________

 

1 ĠU L 303, 31.10.2012, p. 1.

Emenda  7

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

1a. Dan ir-Regolament jirrikonoxxi d-dritt li għandhom il-bdiewa żgħar u l-ħaddiema rurali għal dħul diċenti u għal ambjent tax-xogħol ħieles mill-periklu u san u jqis ir-rispett ta’ dak id-dritt bħala fundamentali fir-rigward tal-ilħiq tal-objettivi ġenerali tal-għoti tal-preferenzi kummerċjali lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u lill-pajjiżi l-anqas żviluppati b’mod partikolari.

Emenda  8

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

3. Permezz ta' att ta' implimentazzjoni adottat mingħajr l-assistenza tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 323(1) tar-Regolament Nru XXXX/XXXX, il-Kummissjoni għandha tissospendi l-applikazzjoni tal-arranġament ta’ importazzjonijiet preferenzjali previst fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ladarba tiżgura li, matul is-sena li tkun għaddejja, l-importazzjonijiet li jikkwalifikaw taħt l-arranġament imsemmi, ikunu laħqu l-kwantità indikata fil-paragrafu 2.

3. Il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jissospendi l-applikazzjoni tal-arranġament ta’ importazzjonijiet preferenzjali previst fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ladarba tiżgura li, matul is-sena li tkun għaddejja, l-importazzjonijiet li jikkwalifikaw taħt l-arranġament imsemmi jkunu laħqu l-kwantità indikata fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat mingħajr ma tiġi applikata l-proċedura msemmija fl-Artikolu 5a(2).

Emenda  9

Proposta għal regolament

Artikolu 2 - paragrafu 2 - punt (a)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(a) tkun ipprovduta prova li fil-Bangladexx tkun inġabret taxxa tal-esportazzjoni ta’ ammont li jikkorrisondi għat-tnaqqis imsemmi fil-paragrafu 1

imħassar

Emenda  10

Proposta għal regolament

Artikolu 4 – paragrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2. Is-setgħa għall-adozzjoni ta' atti ddelegati msemmija fl-Artikolu 3 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

2. Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 3 hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta' ħames snin minn …*. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel tmiem il-perijodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.

 

___________

 

* ĠU: jekk jogħġbok daħħal id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Emenda  11

Proposta għal regolament

Artikolu 4 – paragrafu 5

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

5. Att iddelegat skont l-Artikolu 3 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn li huma jkunu informaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Il-perjodu għandu jkun estiż b’xahrejn wara l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

5. Att iddelegat skont l-Artikolu 3 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn li huma jkunu informaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Il-perjodu għandu jkun estiż b’erba’ xhur wara l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Emenda  12

Proposta għal regolament

Artikolu 5a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Artikolu 5a

 

Proċedura ta’ kumitat

 

1. Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli stabbilita mill-Artikolu [323(1)] tar-Regolament (UE) Nru [xxxx/yyyy ] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' ..... li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli [Regolament dwar l-OKS Unika]1 Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

 

2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

 

3. Fejn l-opinjoni tal-kumitat tkun trid tinkiseb permezz ta’ proċedura bil-miktub, dik il-proċedura għandha tiġi terminata mingħajr riżultat meta, fil-limitu taż-żmien għall-għoti tal-opinjoni, il-president tal-kumitat jiddeċiedi hekk jew maġġoranza tal-membri tal-kumitat titlob hekk.

 

_______________

 

1 COM(2010)0799.

 

 

NOTA SPJEGATTIVA

L-aċċess preferenzjali għall-prodotti mill-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati (LDCs), inklużi l-arranġamenti ta’ importazzjonijiet preferenzjali għar-ross, jirriżulta miċ-ċiklu tal-Urugwaj tal-GATT (Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ u l-organizzazzjoni predeċessur tad-WTO) li ġie ffirmat fl-intier tiegħu fl-1994.

Ir-regolament speċifiku tal-Kunsill (KEE) Nru 3491/90 dwar l-importazzjoni ta’ ross li joriġina fil-Bangladexx ġie adottat f’Novembru 1990.

Fil-każ konkret tal-Bangladexx, l-arranġamenti ta’ importazzjonijiet preferenzjali jinvolvu tnaqqis tad-dazju tal-importazzjoni fil-limitu ta’ ċertu kwantità ta’ ross bla ħliefa.

L-objettiv tal-proposta tal-Kummissjoni mis-16.4.2012 huwa li tallinja r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3491/90 tas-26 ta’ Novembru 1990 dwar l-importazzjoni ta’ ross li joriġina fil-Bangladexx mar-reġim ta’ wara Lisbona ta’ atti ta’ implimentazzjoni u atti ddelegati introdotti bl-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Għall-finijiet ta’ ċarezza, il-Kummissjoni tipproponi li tħassar ir-Regolament (KEE) Nru 3491/90 u tissostitwih b’Regolament ġdid li jaqbel miegħu r-Rapporteur ta’ dan ir-rapport.

Fi Frar 2001, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) 416/2001, hekk imsejjaħ ir-"Regolament EBA" ("Kollox Ħlief Armi") li aktar tard ġie inkorporat fir-Regolament (KE) Nru 2501/2001 tal-Kunsill tal-SPĠ u jipprevedi li l-arranġament speċjali għal-LDCs għandu jinżamm għal perjodu ta’ żmien bla limitu u ma jkunx suġġett għat-tiġdid perjodiku tal-iskema tal-SPĠ.

Ir-restrizzjonijiet/kwoti transizzjonali limitati għaz-zokkor u r-ross ġew imwessa’ b’mod progressiv kull sena sa mill-2001 u ntemmu kompletament fil-31 ta’ Awwissu 2009 u t-30 ta’ Settembru 2009 rispettivament. Għalhekk, l-importazzjonijiet kollha tar-ross u z-zokkor li joriġinaw mil-LDCs issa huma liberalizzati kompletament. Mill-1 ta’ Ottubru 2009 ’l quddiem, l-EBA bdiet tagħti aċċess għas-suq mija fil-mija kompletament bla dazji u bla kwoti għall-prodotti kollha mil-LDCs kollha, bl-eċċezzjoni ovvjament tal-importazzjonijiet tal-armi u l-munizzjon.

Għalhekk ir-Rapporteur jifhem li r-regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3491/90 attwalment m’għandu l-ebda impatt fuq l-arranġamenti ta’ importazzjoni tal-Bangladexx mal-UE. Għall-istess raġuni, l-allinjament tar-regolament ma jkollu l-ebda effett fuq id-determinazzjoni tar-regoli attwali dwar il-kummerċ fir-ross bejn l-UE u l-Bangladexx. Ir-regolament jidħol fis-seħħ biss fil-każ li jsir tibdil fir-"Regolament EBA" (KE) 416/2001 li jaffettwa lill-Bangladexx .

Volum kbir tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-Politika Kummerċjali Komuni attwalment qed jiġi allinjat mal-Artikoli 290 u 291 TFUE permezz ta’ żewġ Trade Omnibuses, jiġifieri Trade Omnibus I - Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda ċerti regolamenti relatati mal-politika kummerċjali komuni fir-rigward tal-proċeduri għall-adozzjoni ta’ ċerti miżuri, (COD 2011/0039) u Trade Omnibus II - Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda ċerti regolamenti relatati mal-politika kummerċjali komuni fir-rigward tal-għoti ta’ setgħat iddelegati għall-adozzjoni ta’ ċerti miżuri (COD 2011/0153).

Iż-żewġ dossiers għadhom għaddejjin u huma suġġetti għan-negozjati tat-trilogu finali li ġew konklużi fil-5 ta’ Ġunju bejn iż-żewġ koleġiżlaturi u l-Kummissjoni Ewropea. Għal raġunijiet ta’ konsistenza tal-leġiżlazzjoni tal-kummerċ, ir-Rapporteur jipproponi emendi għall-proposta tal-Kummissjoni li jirriflettu l-bidliet li ġabu ż-żewġ Trade Omnibuses, fosthom rigward dan li ġej:

•   iż-żieda ta’ premessi ġodda dwar l-atti ta’ implimentazzjoni/l-atti ddelegati fl-atti legali bażiċi;

•   l-involviment tal-Parlament Ewropew matul it-tħejjija tal-atti delegati;

•   il-limitazzjoni fl-għoti tas-setgħat iddelegati lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ 5 snin, li jista’ jiġi estiż awtomatikament għal perjodu ta’ żmien identiku; (jew iktar eżatt għal perijodi ta’ żmien identiċi)

•   l-estensjoni tal-perjodu għall-oġġezzjoni tal-Parlament Ewropew għal abbozz ta’ att delegat riċevut mill-Kummissjoni Ewropea minn xahrejn għal erba’ xhur, biex b’hekk jiġi estiż il-perjodu ta’ skrutinju mill-Parlament Ewropew minn 4 xhur (2+2) għal 6 xhur (2+4)

F’konformità mal-fajls tal-allinjament preċedenti, bħall-emendi tar-regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2008/97, (KE) Nru 779/98 u (KE) Nru 1506/98 fil-qasam tal-importazzjonijiet taż-żejt taż-żebbuġa u prodotti agrikoli oħra mit-Turkija fir-rigward tas-setgħat iddelegati u ta’ implimentazzjoni li għandhom jingħataw lill-Kummissjoni, li mhumiex inklużi fl-Omnibus I u II, ir-Rapporteur qed jissuġġerixxi li jdaħħal dispożizzjoni fir-Regolament dwar il-proċedura tal-Kumitat. B’dan il-mod, l-applikazzjoni modifikata tal-proċedura bil-miktub, li tirriżulta mit-Trade Omnibuses, tista’ tiġi żgurata. Barra minn hekk, ir-regolament emendat u mhux ir-regolament dwar l-OKS Unika se jsir atti bażiċi għall-atti ta’ implimentazzjoni futuri. Konsegwentement, id-dritt għal skrutinju dwar dawn l-atti ta’ implimentazzjoni se jibqa’ mal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u mhux mal-Kumitat għall-Agrikoltura. Barra minn hekk, ir-Rapporteur qed jissuġġerixxi li jillimita l-għoti tas-setgħat iddelegati lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ 5 snin, li jista’ jiġi estiż awtomatikament għal perjodu ta’ żmien identiku kif maqbul f’għadd ta’ fajls kummerċjali oħra.

Fir-rigward ta’ materji konkreti li jirriżultaw minn dan ir-regolament speċifiku u li mhumiex relatati mal-proċedura ta’ Komitoloġija, ir-Rapporteur introduċa għadd ta’ emendi addizzjonali li fl-opinjoni tiegħu għandhom iżidu l-koerenza tar-regolament.

Dan huwa l-każ ta’ Premessa 4 li, sabiex tikkorrispondi bis-sħiħ mal-Artikolu 1(3), ġiet emendata sabiex il-kamp ta’ applikazzjoni tal-att ta’ implimentazzjoni msemmi jiġi limitat b’mod strett għad-determinazzjoni matematika tal-limitu tal-kwota.

Ir-Rapporteur ħass ukoll li kien meħtieġ approċċ iżjed koerenti fir-rigward tal-"preżentazzjoni ta’ garanzija", imsemmija fl-Artikolu 3 tal-proposta tal-Kummissjoni. Ir-regoli vis-à-vis il-"preżentazzjoni ta’ garanzija" huma rregolati bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1964/2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-ftuħ u l-amministrazzjoni ta’ kwota għall-importazzjoni ta’ ross li joriġina mill-Bangladexx. Ma ssir l-ebda referenza għal dan ir-Regolament fil-proposta tal-Kummissjoni, u r-Rapporteur jemmen li huwa meħtieġ li tiġi introdotta referenza għal dan ir-Regolament sabiex tkun garantita l-koerenza bejn l-att delegat adottat taħt dan ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet stipulati fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1964/2006.

Fil-proposta tal-Kummissjoni, issir referenza espliċita għat-taxxa tal-esportazzjoni ta’ ammont korrispondenti għat-tnaqqis tad-dazju tal-importazzjoni li għandha tinġabar mill-pajjiż esportatur bħala rekwiżit tal-esportazzjoni lejn l-UE.

Ir-Rapporteur mhuwiex kontra li l-Bangladexx jiġbor taxxa tal-esportazzjoni. Madankollu, huwa jemmen li din hija deċiżjoni li għandha tittieħed mil-leġiżlaturi politiċi fil-Bangladexx u mhux mill-istituzzjonijiet Ewropej. Il-Kummissjoni għadha ma weġbitx b’mod sodisfaċenti l-mistoqsija tar-Rapporteur dwar għaliex dawn ir-referenzi u dispożizzjonijiet qed isiru fil-proposta tal-Kummissjoni.

Ir-Rapporteur għalhekk ħassar dawk ir-referenzi u dispożizzjonijiet mir-Regolament u daħħal Premessa ġdida li tirrikonoxxi d-dritt tal-Bangladexx li jiġbor taxxa tal-esportazzjoni ta’ ammont li jqis xieraq.

Ir-Rapporteur ħass li kien importanti li jiġi enfasizzat li r-Regolament jeħtieġ li jkun konformi mad-dispożizzjonijiet ġenerali tal-Artikolu 208 tat-TFUE kif ukoll mal-objettivi ġenerali ta’ żvilupp ekonomiku sostenibbli, kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u l-qerda tal-faqar fil-Bangladexx u għalhekk introduċa Premessa ġdida u Paragrafu ġdid fl-Artikolu 1 tar-Regolament.

PROĊEDURA

Titolu

Importazzjonijiet ta’ ross li joriġina mill-Bangladexx

Referenzi

COM(2012)0172 – C7-0102/2012 – 2012/0085(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

16.4.2012

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

INTA

20.4.2012

 

 

 

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

AGRI

20.4.2012

 

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

AGRI

23.5.2012

 

 

 

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Paul Murphy

29.5.2012

 

 

 

Eżami fil-kumitat

17.12.2012

11.7.2013

 

 

Data tal-adozzjoni

17.9.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

29

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

William (The Earl of) Dartmouth, Laima Liucija Andrikienė, Maria Badia i Cutchet, María Auxiliadora Correa Zamora, Andrea Cozzolino, George Sabin Cutaş, Marielle de Sarnez, Yannick Jadot, Metin Kazak, Bernd Lange, David Martin, Vital Moreira, Paul Murphy, Cristiana Muscardini, Franck Proust, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Niccolò Rinaldi, Helmut Scholz, Peter Šťastný, Robert Sturdy, Henri Weber, Jan Zahradil

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Amelia Andersdotter, Josefa Andrés Barea, Salvatore Iacolino, Elisabeth Köstinger, Emma McClarkin, Mario Pirillo, Jarosław Leszek Wałęsa

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Jean-Pierre Audy, Krzysztof Lisek

Data tat-tressiq

25.9.2013