RAPPORT dwar qafas ta’ rkupru u riżoluzzjoni għal istituzzjonijiet mhux bankarji

22.10.2013 - (2013/2047(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Kay Swinburne

Proċedura : 2013/2047(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0343/2013
Testi mressqa :
A7-0343/2013
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar qafas ta’ rkupru u riżoluzzjoni għal istituzzjonijiet mhux bankarji

(2013/2047(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-rapport konsultattiv ta' Lulju 2012 mill-Kumitat dwar is-Sistemi ta' Pagamenti u Saldu (CPSS) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (IOSCO) bl-isem ‘Recovery and resolution of financial market infrastructures’ (L-irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Infrastrutturi tas-Swieq Finanzjarji),

–   wara li kkunsidra r-rapport konsultattiv tas-CPSS-IOSCO ta’ Awwissu 2013 bl-isem ‘Recovery of financial market infrastructuresʼ (L-Irkupru tal-Infrastrutturi tas-Swieq Finanzjarji),

   wara li kkunsidra r-rapport ta' Lulju 2013 tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Kontrolluri tal-Assigurazzjoni bl-isem ‘Global Systemically Important Insurers: (Assiguraturi Globali Sistemikament Importanti:) Initial Assessment Methodologyʼ (Metodoloġija tal-Valutazzjoni Inizjali) u ‘Global Systemically Important Insurers: (Assiguraturi Globali Sistemikament Importanti) Policy Measuresʼ (Miżuri ta' Politika),

   wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-Bord għall-Istabilità Finanzjarja bl-isem ‘Global systemically important insurers (G-SIIs) and the policy measures that will apply to them’[1] (Assiguraturi globali sistemikament importanti (G-SIIs) u l-miżuri ta’ politika li se japplikaw għalihom) tat-18 ta’ Lulju 2013,

   wara li kkunsidra r-rapport konsultattiv tal-Bord għall-Istabilità Finanzjarja ta’ Awwissu 2013 bl-isem ‘Application of the Key Attributes of Effective Resolution Regimes to Non-Bank Financial Institutions‘ (L-Applikazzjoni ta’ Attributi Ewlenin tar-Reġimi ta’ Riżoluzzjoni Effettivi għall-Istituzzjonijiet Finanzjarji mhux Bankarji),

–   wara li kkunsidra l-konsultazzjoni mwettqa mis-servizzi tal-Kummissjoni dwar qafas ta’ irkupru u riżoluzzjoni possibbli għal istituzzjonijiet finanzjarji minbarra banek,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (EMIR)[2],

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar titjib fis-saldu ta’ titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli (CSDs) u li jemenda d-Direttiva 98/26/KE (CSDR),

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment (COM(2012)0280) (BRRD), u r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji dwar dan is-suġġett[3],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7‑0343/2013),

A. billi l-valutazzjonijiet tal-infrastruttura tas-suq finanzjarju huma issa inklużi fil-programmi ta’ valutazzjoni tal-FMI u tas-settur finanzjarju tal-Bank Dinji;

B.  billi l-pjanijiet ta’ rkupru effettivi u l-għodda ta' riżoluzzjoni huma kruċjali biex tittejjeb l-istabbiltà tas-settur finanzjarju mhux bankarju globalment;

C. billi l-infrastrutturi tas-suq finanzjarju huma huma kkaratterizzati minn varjetà wiesgħa ta' linji organizzattivi; billi biex jiġi ffaċilitat l-arranġament ta’ pjanijiet ta’ rkupru xierqa u, fuq kollox, ta’ riżoluzzjoni huwa meħtieġ li ssir distinzjoni bejniethom abbażi tal-kumplessità organizzattiva, tal-operazzjonijiet ġeografiċi u tal-mudell tan-negozju;

D. billi l-EMIR u s-CSDR għandhom l-għan li jnaqqsu r-riskju sistemiku permezz ta’ infrastruttura tas-suq regolata sew, teżisti l-possibiltà ta’ konsegwenzi mhux intenzjonati;

E.  billi filwaqt li l-ikklerjar ċentrali mandatorju jikkontribwixxi b’mod pożittiv biex inaqqas ir-riskju sistemiku globali tas-swieq finanzjarji, mill-banda l-oħra dan żied il-konċentrazzjoni tar-riskju sistemiku fis-CCPs u jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-CCPs kollha huma sistemikament importanti fis-swieq tagħhom stess;

F.  billi l-membri prinċipali tal-ikklerjar tipikament jipparteċipaw f’aktar minn CCP waħda, bir-riskju li jekk CCP waħda tfalli dan jista' jikkawża diffikultajiet lil CCPs oħrajn;

G. billi l-fallimenti multiplikati tal-membri tas-CCPs se jkollhom konsegwenzi devastanti mhux biss għall-parteċipanti tas-suq finanzarju iżda anki għas-soċjetajiet kollha kemm huma;

H. billi l-iskop li għalih jintuża CCP huwa li jitnaqqas ir-riskju tal-kontroparti bl-aġġustament korrett tal-marġni tal-prodotti qabel l-offerta biex ikunu kklerjati ċentralment ħalli l-inadempjenza ta' kwalunkwe kontroparti ma taffetwax il-kumplament tas-suq;

I.   billi l-proċessi ta’ ġestjoni tar-riskji juru li s-CCPs inaqqsu r-riskju tal-kontraparti u l-inċertezza u jevitaw il-kontaġju;

J.   billi l-EMIR ma jindirizzax bis-sħiħ ir-riskji li jirriżultaw meta CCP tevalwa b'mod skorrett ir-rekwiżiti tal-marġini għall-kategorija sħiħa ta' prodott;

K. billi s-CCPs għandhom inċentivi sabiex japplikaw marġini aktar baxxi, b'mod partikolari meta jidħlu prodotti jew klassijiet ta’ assi ġodda, sabiex iħajjru l-klijenti; billi l-effikaċja tal-fondi tal-inadempjenza segregati minn prodott jew klassi ta’ assi għad trid tiġi valutata;

L.  billi r-riskji ta’ marġinazzjoni integrata ta’ prodotti (marġinazzjoni ta’ portafoll) permezz tad-delimitazzjoni tal-assi li jinsabu f'fond ta' inadempjenza ta’ CCP għad iridu jiġu valutati u għalhekk, filwaqt li t-tnaqqis tad-domanda kollaterali fuq terminu qasir tista’ tnaqqas l-ispejjeż, l-użu ta’ marġinazzjoni integrata m’għandhiex tipperikola l-abbiltà ta’ CCP li timmaniġġja r-riskju b’mod korrett u għandha tirrikonoxxi l-limitazzjonijiet analitiċi tal-valur tar-riskju;

M. billi wieħed mill-benefiċċji ewlenin li l-klijenti jakkwistaw mill-membri tal-ikklerjar jinsab fid-dispożizzjoni ta’ firewall kontra r-riskju tal-kontroparti fir-rigward kemm tas-CCP kif ukoll tal-membri tal-ikklerjar oħra;

N. billi l-ICSDs tal-UE huma instituzzjonijiet sistemikament u globalment importanti bħala faċilitaturi tas-suq tal-Eurobond u bħalissa joperaw b’liċenzji bankarji;

O. billi l-ikklerjar ċentrali żied il-bżonn għal immamiġġjar kollaterali u servizzi relatati li bħalissa qed jitwettqu mis-CSDs kif ukoll mill-banek kustodji;

P.  billi l-introduzzjoni imminenti tat-Target2Securities wasslet lis-CSDs sabiex jesploraw servizzi ġodda;

Q. billi, jekk ma tkunx implimentata l-Leġiżlazzjoni dwar il-Liġi tat-Titoli, ir-reġimi standard ta’ insolvenza ma jipprovdux qafas sħiħ għat-trattament tal-assi tal-klijenti jekk CSD tfalli;

R.  billi l-IAIS fir-rapport tiegħu ta' Lulju 2013 dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Assigurazzjoni Globali Sistemikament ikkonkluda li, filwaqt li l-mudell tradizzjonali ta’ negozju tal-assigurazzjoni wera li huwa ferm aktar fraġli fil-kriżijiet finanzjarji minn dawk tal-banek, madankollu, l-assiguraturi transkonfinali kbar ferm u interkonnessi, speċjalment dawk li għandhom attivitajiet sinifikanti barra mis-sottoskrizzjoni tradizzjonali bħall-garanziji fuq kreditu u investiment, jistgħu joħolqu riskju sistemiku sinifikanti; billi, abbażi tal-metodu ta’ valutazzjoni tal-IAIS, l-FSB identifika disa’ assiguraturi kbar ta' importanza sistemika, li ħamsa minnhom għandhom l-uffiċċju ċentrali fl-Unjoni;

S.  billi għalkemm ir-riskju sistemiku ta' falliment ta' maniġer tal-assi mhuwiex kbir daqs dak ta' infrastruttura kritika tas-suq, il-mudelli tan-negozju ta’ maniġer tal-assi jistgħu jevolvu u jassumu importanza sistemika, fattur li ġie indirizzat fix-xogħol tal-FSB dwar sistema bankarja parallela;

1.  Jistieden lill-Kummissjoni mhux biss tagħti prijorità lill-irkupru u r-riżoluzzjoni tas-CCPs u ta' dawk is-CSDs li huma esposti għal riskju tal-kreditu, iżda wkoll tqis jekk huwiex xieraq li tiġi żviluppata leġiżlazzjoni simili għal istituzzjonijiet finanzjarji oħra, biex ikun hemm differenzazzjoni xierqa bejn kull tip, filwaqt li tingħata kunsiderazzjoni xierqa għal dawk li għandhom potenzjal li jkunu ta' riskju sistemiku għall-ekonomija;

2.  Jenfasizza l-importanza tal-leġiżlazzjoni tal-UE wara qbil dwar prinċipji internazzjonali, kif miftiehem fis-CPSS-IOSCO, FSB u l-IAIS;

3.  Jenfasizza l-importanza li jkun hemm dispożizzjonijiet ċari dwar “skala ta’ intervent” fi kwalunkwe dispożizzjoni ta’ rkupru għall-istituzzjonijiet finanzjarji mhux bankarji li permezz tagħhom l-awtoritajiet kompetenti jissorveljaw indikaturi magħżula b’mod xieraq ta’ saħħa finanzjarja u għandhom is-setgħa li jintervjenu fi stadju bikri f’każijiet ta’ stress finanzjarju ta’ xi entità kif ukoll jitolbuha tieħu miżuri korrettivi skont pjan ta’ rkupru approvat minn qabel sabiex jiġi evitat l-aħħar espedjent potenzjalment problematiku li din l-entità titqiegħed f’riżoluzzjoni;

4.  Jemmen li l-istituzzjonijiet finanzjarji mhux bankarji nnifishom għandhom jiżviluppaw pjanijiet ta’ rkupru komprensivi u sostantivi li jidentifikaw l-operazzjonijiet u s-servizzi kritiċi u jiżviluppaw strateġiji u miżuri meħtieġa biex jiġi żgurat it-twassil kontinwu ta’ operazzjonijiet u servizzi kritiċi, u li dawn il-pjanijiet ta' rkupru għandhom ikunu riveduti mill-awtorità superviżorja rilevanti; iqis li l-awtorità superviżorja għandha tkun tista’ titlob li jsiru bidliet fil-pjan ta’ rkupru u għandha tmexxi u tikkonsulta mal-awtorità ta' riżoluzzjoni, li, jekk tkun differenti mill-awtorità superviżorja, tista’ tressaq rakkomandazzjonijiet lill-kontrollur;

5.  Iqis li l-awtoritajiet superviżorji għandu jkollhom is-setgħa li jintervjenu minħabba raġunijiet ta' stabbiltà finanzjarja, u li jitolbu l-implimentazzjoni ta' partijiet ta' pjanijiet ta' rkupru li ma jkunux għadhom ġew attivati jew jieħdu azzjonijiet oħra jekk meħtieġ; madankollu, l-awtoritajiet għandhom ikunu konxji mir-riskju tal-ħolqien ta' inċertezza fis-suq f’ċirkostanzi diġà diffiċli;

6.  Hu tal-fehma li l-awtoritajiet superviżorji u ta' riżoluzzjoni f’kull pajjiż għandhom jagħmlu kull sforz possibbli biex jikkooperaw u jżommu lil xulxin infurmati;

7.  Jemmen li għall-gruppi b’entitajiet f’ġurisidizzjonijiet differenti, għandu jintlaħaq qbil dwar pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp bejn l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni differenti; tali pjanijiet għandhom ikunu bbażati fuq il-preżunzjoni ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet f’ġurisdizzjonijiet differenti;

8.  Iqis li l-miżuri ta’ riżoluzzjoni għandhom jiddifferenzjaw bejn is-servizzi u l-attivitajiet differenti li l-instituzzjoni tal-infrastruttura tas-suq finanzjarju kkonċernat hija awtorizzata li tipprovdi jew twettaq;

9.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu evitati l-kunflitti bejn il-pjanijiet ta’ rkupru u ta' riżoluzzjoni u l-leġiżlazzjoni eżistenti, b’mod partikolari d-Direttiva dwar l-Arranġamenti Finanzjarji Kollaterali (FCAD) u r-Regolament dwar l-Infrastruttura tas-Suq Ewropew (EMIR), minħabba li dawn jistgħu jwasslu għal restrizzjonijiet dwar is-setgħat ta’ rkupru u ta' riżoluzzjoni għas-CCPs u CSDs u jżommuhom milli jkunu effettivi;

10. Jenfasizza l-ħtieġa urġenti, fil-kuntest tal-valutazzjoni tar-rilevanza tar-reġimi ta’ riżoluzzjoni speċifiċi għall-infrastruttura tas-swieq, tal-istituzzjonijiet finanzjarji u tal-entitajiet bankarji paralleli, li jiġu żviluppati għodod għall-monitoraġġ effettiv u rapidi tal-istokk u l-fluss ta’ riskju finanzjarju fil-konfini korporattivi, settorjali u nazzjonali u madwarhom fl-Unjoni u bejn l-Unjoni u reġjuni globali oħra; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li d-dejta rilevanti pprovduta fil-leġiżlazzjoni tal-infrastruttura bankarja, tal-assigurazzjoni u tas-suq tintuża b’mod effiċjenti għal dan il-għan mill-BERS, l-ESA u awtoritajiet kompetenti oħra;

CCPs

11. Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li s-CCPs ikollhom strateġija ta’ ġestjoni ta’ inadempjenza għall-prodotti kollha li huma kklerjati mis-CCP bħala parti minn pjan usa’ ta’ rkupru approvat mill-kontrollur, b’attenzjoni partikolari għal dawk il-prodotti li huma awtorizzati għall-ikklerjar ċentrali peress li hemm possibbiltà akbar ta’ konċentrazzjoni tar-riskju f’dawn il-każijiet;

12. Jenfasizza l-importanza tal-monitoraġġ tar-riskji tas-CCPs li jirriżultaw minn konċentrazzjoni ta’ membri tal-ikklerjar u jitlob lill-kontrolluri biex jinfurmaw l-ABE tal-għaxar membri l-aktar importanti tal-ikklerjar ta’ kull CCP biex riskji bħal interkonnessjonijiet, kontaġju u l-potenzjal ta’ falliment kontemporanju ta’ aktar minn CCP waħda jiġu mmonitorjati u vvalutati ċentralment;

13. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa għodod għall-kejl tar-riskju ta' kull jum tas-CCPs, biex tiżgura li l-bilanċi ta' kull jum miżmuma mis-CCPs fil-banek kummerċjali għall-ġestjoni tal-kont u s-servizzi ta’ pagament ma jaqbżux il-limiti predefiniti li altrimenti jistgħu jheddu l-funzjonament tas-CCP;

14. Jemmen li sabiex jinżammu l-inċentivi għal governanza tajba tas-CCPs, il-kaskata tal-inadempjenza stabbilita fl-EMIR għandha tiġi rispettata b’tali mod li r-riżorsi finanzjarji prefinanzjati tagħhom jintużaw qabel kwalunkwe kontribuzzjoni mill-fondi tal-inadempjenza tal-membri mhux inadempjenti;

15. Jitlob li l-Kummissjoni tiżgura li s-CCPs jaġixxu fl-interess tal-pubbliku ġenerali u jadottaw l-istrateġiji tan-negozju tagħhom kif xieraq sabiex titnaqqas b’mod sinifikanti l-possibbiltà li jingħata bidu għal xenarji ta’ rkupru u ta' riżoluzzjoni;

16. Jitlob lill-Kummissjoni tirrikonoxxi li waqt li l-għan tad-delimitazzjoni tal-klassijiet tal-assi f’fond tal-inadempjenza ta’ CCP huwa li jiġi limitat il-kontaġju, mhuwiex ċar din is-separazzjoni hijiex biżżejjed biex tevita tali kontaġju fil-prattika peress li l-inċentivi kummerċjali relatati mal-marġinazzjoni integrata jistgħu jżidu r-riskju fis-sistema; jitlob lill-Kummissjoni tipproponi miżuri ulterjuri sabiex tnaqqas ir-riskju ta’ kontaġju;

17. Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li jiġu stabbiliti prinċipji sodi li jirregolaw arranġamenti kuntrattwali bejn CCP u l-membri tal-ikklerjar tagħha u wkoll dwar kif membri tal-ikklerjar jgħaddu telf lill-klijenti tagħhom b’tali mod li l-fond tal-inadempjenza tal-membri tal-ikklerjar jkollu jiġi eżawrit qabel kwalunkwe telf minn membru tal-ikklerjar inadempjenti jista’ jiġi mgħoddi lill-klijent bħala parti minn proċess ta’ allokazzjoni tat-telf trasparenti;

18. Jemmen li kwalunkwe arranġament kuntrattwali bejn CCP u l-membri tal-ikkljerjar tagħha għandu jiddistingwi bejn telf li ġej minn inadempjenza ta' membru u dak li jirriżulta minn raġunijiet oħra bħal telf li jseħħ bħala riżultat ta' għażliet ta' investiment ħżiena mis-CCP; jitlob lill-Kumissjoni tiżgura li l-kumitat tar-riskju tas-CCP jinżamm infurmat b’mod sħiħ dwar l-investimenti tas-CCP sabiex tinżamm sorveljanza xierqa; iqis li l-għodod ta’ rkupru bħas-sospensjoni tad-dividendi u l-ħlas ta’ rimunerazzjoni varjabbli jew ir-ristrutturar volontarju tal-obbligazzjonijiet permezz tal-konverżjoni tad-dejn għall-ekwità għandhom jiġu kkunsidrati bħala dawk l-aktar xierqa f’dawn iċ-ċirkostanzi;

19. Jemmen li s-CCPs kollha għandu jkollhom fis-seħħ arranġamenti ta’ rkupru komprensivi li jipprovdu protezzjoni, minbarra l-fondi u r-riżorsi meħtieġa mill-EMIR; dawn il-pjanijiet ta’ rkupru għandhom jipprovdu protezzjoni kontra ċ-ċirkostanzi kollha prevedibbli, u għandhom jiġu inklużi u ppubblikati bħala parti mir-regoli tas-CCPs;

20. Isostni li, fil-każ ta’ CCPs, il-linja ta’ diviżjoni bejn l-irkupru u r-riżoluzzjoni hija meta l-kaskata tal-inadempjenza tiġi eżawrita, u l-kapaċità ta’ assorbiment tat-telf tas-CCP tkun ġiet eżawrita; hu tal-fehma li f'dan il-punt il-kontrollur għandu jqis b'mod attiv jekk ineħħix il-bord ta' tmexxija ta' CCP u jekk għandux jittrasferixxi s-servizzi kritiċi tas-CCP jew jgħaddi l-kontroll operattiv tas-CCP lil fornitur ieħor; jemmen li l-Awtoritajiet ta' riżoluzzjoni għandu jkollhom marġni ta’ diskrezzjoni biex jivvalutaw is-sitwazzjoni, kif ukoll ċertu marġini ta’ manuvra li tippermettilhom jiġġustifikaw id-deċiżjoni tagħhom;

21. Jemmen li fl-eżerċizzju ta' tali diskrezzjoni l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni għandhom japplikaw il-kriterji strettament speċifiċ li ġejjin:

(i) meta s-sostenibbiltà tal-infrastruttura finanzjarja tas-suq hija serjament kompromessa jew tinsab viċin li ssir hekk, minħabba inkapaċità ta' konformità mar-rekwiżiti prudenzjali applikabbli;

(ii) meta ma jkunx hemm miżuri oħra alternattivi fil-fażi ta’ riżoluzzjoni biex titranġa s-sitwazzjoni b’mod effettiv u mingħajr ma tikkomprometti l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja;

(iii) meta tkun meħtieġa miżura ta’ riżoluzzjoni fl-interess tal-pubbliku, fis-sens ta’ strumenti proporzjonati li jagħmluha possibbli li jintlaħaq wieħed jew aktar mill-għanijiet ta' riżoluzzjoni;

22. Jenfasizza l-ħtieġa li l-“kontinwità tas-servizz” tiġi ttrattata bħala għan ta’ riżoluzzjoni ewlieni;

23. Jenfasizza li kwalunkwe parteċipazzjoni ta’ membri tal-ikklerjar f’allokazzjoni ta’ telf qabel it-tneħħija tal-amministrazzjoni tas-CCPs m’għandhiex tinvolvi l-flus jew l-assi diretti jew indiretti tal-klijenti, waqt li l-awtorità ta' riżoluzzjoni, ladarba tkun responsabbli, tista’ tagħmel użu minn għodod ta' riżoluzzjoni għall-allokazzjoni tat-telf bħal tnaqqis fil-marġini tal-varjazzjoni jew ir-riforniment tal-fond tal-inadempjenza mill-membri tal-ikklerjar mhux inadempjenti, malajr kemm jista' jkun wara l-pjan ta' riżoluzzjoni;

24. Jemmen li jekk l-awtorità ta' riżoluzzjoni kellha l-abbiltà li timponi permanenza fuq id-drittijiet ta’ terminazzjoni bikrija li tista’ temporanjament twaqqaf is-CCP għal perjodu massimu ta’ jumejn, din tista’ tippermetti lis-suq biex jipprezza mill-ġdid b'mod korrett il-kuntratti, b'hekk ikun hemm aktar ordni fit-tifrix tar-riskju; id-disponibbiltà u l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa għandhom jiġu kkunsidrati b’attenzjoni biex bħala minimu dawn ikunu kondizzjonali fuq l-awtorità ta' riżoluzzjoni li tistabbilixxi li l-impożizzjoni ta’ permanenza hija neċessarja fl-interessi tal-istabbiltà finanzjarja, filwaqt li jitqiesu l-għanijiet ta' riżoluzzjoni, l-interazzjoni mal-bank rilevanti jew reġimi ta’ riżoluzzjoni oħra applikabbli għall-membri tal-ikklerjar, il-ġestjoni tal-inadempjenza u r-riskju tas-CCP u l-impatt fuq kull wieħed mis-swieq tas-CCP, il-parteċipanti tal-ikklerjar u s-swieq finanzjarji b’mod ġenerali; dan neċessarjament irid ikun akkumpanjat mis-setgħa li jitneħħa l-obbligu ta' kklerjar bħala l-aħħar għażla wara li jkun ġie eżaminat għall-inqas jekk CCP oħra tistax tipprovdi l-ikklerjar fuq terminu qasir;

25. Jagħraf li CCPs ikollhom membri tal-ikklerjar minn numru kbir ta' pajjiżi; iqis, għalhekk, li qafas ta' riżoluzzjoni ta' CCP ikun effettiv jekk ikun applikabbli fil-ġurisdizzjonijiet kollha involuti; jemmen li, konsegwentement, l-oqsfa ta’ insolvenza nazzjonali għandhom jiġu aġġornati biex jakkomodaw ir-reġim Ewropew il-ġdid ta’ riżoluzzjoni;

26. Iqis li l-kontropartjiet ċentrali b’liċenzja bankarja għandhom ikunu soġġetti għal reġim ċentrali speċifiku għall-kontroparti u mhux għal reġim ta’ rkupru u ta' riżoluzzjoni tal-bank kif propost mid-direttiva dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-bank (BRR); ta’ tħassib partikolari f’dan is-sens huwa l-fatt li r-reġim propost għall-banek jitlobhom iżommu ammont aggregat ta’ dejn li jista’ jiġi rikkapitalizzat internament; jemmen li din is-setgħa ma tkunx xierqa għal kontropartijiet ċentrali li jkollhom liċenzja bankarja peress li ġeneralment ma joħorġux strumenti ta’ dejn bħal dawn;

CSDs

27. Jistabbilixxi li hija r-responsabbiltà ta’ CSD li jiżgura li l-pjan ta’ rkupru tiegħu jipprovdi b’mod ċar għal kontinwità operattiva f’xenarji ta’ kriżi raġonevoli ħalli, jekk partijiet oħra tan-negozju tiegħu ma jibqgħux jiffunzjonaw, il-funzjoni primarja ta’ saldu tagħha kif ukoll is-servizzi ewlenin l-oħra tas-CSD ikunu jistgħu jibqgħu jitwettqu mis-CSD jew fornitur ta’ parti terza eżistenti, kif awtorizzat skont is-CSDR;

28. Jitlob, sakemm ma hemmx proposta leġiżlattiva imminenti, għal inklużjoni ta’ rekwiżit għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fis-CSDR biex jiġi żgurat l-istabbilment ta’ pjanijiet ta’ rkupru u ta' riżoluzzjoni xierqa f’konformità mal-FSB u mal-istandards internazzjonali għas-CSDs kollha inkluż ir-referenzi tal-artikoli tal-BRR li għandhom japplikaw għal dawk is-CSDs li joperaw taħt liċenzja bankarja;

29. Jitlob lill-Istati Membri, fl-assenza ta' Leġiżlazzjoni dwar il-Liġi tat-Titoli, biex jiżviluppaw u jikkoordinaw ir-reġimi ta’ amministrazzjoni speċjali tagħhom li diġà hemm għas-CSDs sabiex tissaħħaħ iċ-ċertezza li l-kontinwità operattiva tista’ tinżamm f’każ ta’ kriżi, b’mod partikolari billi jiġi żgurat aċċess għar-reġistri, ir-rekords u l-kontijiet tas-CSD sabiex l-awtorità nazzjonali kompetenti tkun tista’ tidentifika faċilment is-sidien tal-assi;

30. Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-proposta għall-qafas ta’ rkupru u ta' riżoluzzjoni għas-CSDs tiżgura – sa fejn ikun possibbli – il-kontinwità tas-CSDs matul l-irkupru u r-riżoluzzjoni;

31. Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-proposta għall-qafas ta’ rkupru u ta' riżoluzzjoni għas-CSDs tiżgura l-kontinwità tal-ambjent leġiżlattiv tas-CSDs, b’mod partikolari billi tirrispetta d-Direttiva dwar il-Finalità tas-Saldu, l-arranġamenti ta’ Konsenja kontra Pagament, l-operazzjoni ta’ konnessjonijiet tas-CSD, u l-kuntratti mal-fornituri ta’ servizzi kritiċi matul l-irkupru u r-riżoluzzjoni;

Impriżi tal-assigurazzjoni

32. Jinnota li fl-UE jeżisti regolament prudenzjali għall-assigurazzjoni; jenfasizza l-importanza li l-Istati Membri jadottaw approċċ konsistenti u konverġenti lejn l-implimentazzjoni ta' Solvenza II fi skadenza ta' żmien raġonevoli kif stabbilit f'Omnibus II; jitlob li jitlestew in-negozjati dwar Omnibus II sabiex il-livelli tnejn u tlieta ta' Solvenza II jistgħu jiġu finalizzati fil-ħin, u b'hekk tonqos il-probabbiltà ta' bżonn ta' intervent mill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni;

33. Jitlob lill-Kummissjoni tqis mill-qrib ix-xogħol tal-IAIS dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-assiguraturi, u biex tikkunsidrah fil-kuntest tat-tieni livell ta’ Solvenza II, tal-leġiżlazzjoni dwar il-Konglomerati Finanzjarji u d-Direttiva dwar il-Medjazzjoni fl-Assigurazzjoni u biex taħdem mal-imsieħba internazzjonali sabiex tkun rispettata l-iskeda ta’ żmien stabbilita mill-FSB fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet ta’ politika li jinkludu li l-assiguraturi ta' importanza sistemika jkollhom pjanijiet ta' rkupru u ta' riżoluzzjoni, kif ukoll valutazzjonijiet ta' riżolvibbiltà fis-seħħ, it-tisħiħ tas-superviżjoni tal-grupp u rekwiżiti ta’ assorbiment tat-telf ogħla; jirrikonoxxi li n-natura fuq terminu twil tal-obbligazzjonijiet ta' assigurazzjoni, l-iskedi ta' żmien differenti, l-off periods għal żmien twil, u n-natura tan-negozju tal-assigurazzjoni meta mqabbla mas-sistema bankarja, flimkien mal-għodda disponibbli għar-regolaturi, diġà jipprovdu għal prattiki ta' riżoluzzjoni effiċjenti; jemmen, għalhekk, li l-fokus għandu jkun fuq l-irkupru;

34. Jiddispjaċih li l-IAIS u l-FSB ipposponew il-pubblikazzjoni tal-linji gwida dwar il-valutazzjoni tal-istatus sistemiku tar-rakkomandazzjonijiet ta’ politika għar-riassiguraturi sa Lulju 2014; jitlob lill-Kummissjoni tqis sew ir-riskju sistemiku li joħolqu r-riassiguraturi, speċjalment fir-rigward tar-rwol ċentrali tagħhom fil-ġestjoni tar-riskju tal-assigurazzjoni u l-grad għoli ta’ interkonnettività u s-sostitwibbiltà ħażina tagħhom;

Amministrazzjoni tal-assi

35. Jitlob lill-Kummissjoni tevalwa jekk maniġers tal-assi nominati għandux ikollhom importanza sistemika, filwaqt li jitqies il-kamp ta’ applikazzjoni tal-attività tagħhom u tintuża ġabra ta' indikaturi komprensiva bħal: id-daqs, il-mudell tan-negozju, l-ambitu ġeografiku, il-profil tar-riskju, l-affidabbiltà kreditizja tagħhom, jekk jinnegozjawx f'isimhom stess, humiex soġġetti għar-rekwiżiti fir-rigward tas-segregazzjoni tal-assi tal-klijenti tagħhom u fatturi rilevanti oħra;

36. Jinnota li l-assi tal-klijenti huma segregati u miżmuma mal-kustodji u li għalhekk il-possibbiltà li dawn l-assi jiġu trasferiti lil manager ieħor tal-assi hija salvagwardja sostanzjali;

37. Jemmen li reġim tad-dritt tat-titoli effettiv jista’ jtaffi ħafna mill-kwistjonijiet involuti f’każ ta’ falliment ta’ maniġer tal-assi transkonfinali;

Sistemi ta’ pagament

38. Jitlob lill-Kummissjoni timpenja ruħha mal-kontrolluri u l-awtoritajiet finanzjarji internazzjonali rilevanti sabiex jiġu identifikati n-nuqqasijiet kollha fis-sistemi ta’ pagament sistemikament u globalment importanti u l-arranġamenti fis-seħħ biex jiżguraw kontinwità tas-servizz fil-każ ta’ falliment;

39. Jemmen li, peress li s-sistemi ta’ pagament jinsabu fil-qalba tat-trasferimenti kollha tal-flus, huwa ċar li perturbazzjoni tas-suq f'sistema bħal din ikollha riperkussjonijiet sinifikanti fuq atturi tas-swieq finanzjarji oħra; jinnota li d-Direttiva dwar il-Finalità tas-Saldu tal-1998 diġà għandha l-għan li tnaqqas ir-riskji potenzjali fis-sistemi ta’ pagament, imma jqis li din ma tikkunsidrax biżżejjed l-irkupru u r-riżoluzzjoni, u li, għalhekk, jeħtieġ isiru dispożizzjonijiet speċifiċi sabiex is-sistemi ta’ pagament ikunu jistgħu jirreaġixxu b’mod xieraq għaċ-ċirkostanzi negattivi;

40. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  http://www.financialstabilityboard.org/publications/r_130718.pdf
  • [2]  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1-59.
  • [3]  A7-0196/2013.

  NOTA SPJEGATTIVA  

Il-kriżi finanzjarja wriet l-interkonnettività tas-sistema finanzjarja globali fejn in-nuqqas fil-proċessi tal-maniġjar tar-riskji fi ħdan kwalunkwe attur ewlieni fis-suq għandu l-potenzjal li jinfirex permezz tal-effett ta’ kontaġju. Bħala parti mill-isforzi globali biex is-sistema finanzjarja tkun aktar reżiljenti, huwa meħtieġ li l-parteċipanti tas-suq kollha jkollhom fehim aħjar ta’ kif in-negozji tagħhom se jaħdmu, jew se jitwaqqfu b’mod ordnat taħt ċirkostanzi diffiċli.

Matul it-taqlib tal-kriżi finanzjarja reċenti, ta' min jinnota li l-ebda parti mill-infrastruttura tas-suq kritiku (CMI) mhux bankarja ma falliet jew ġiet bżonn riżoluzzjoni. Madanakollu, impenji globali ġodda bi skambji bilaterali ta' prodotti negozjati f’infrastruttura tas-suq multilaterali speċjalment pożizzjonijiet u riskji ta’ konċentrazzjoni permezz ta’ kklerjar ċentrali ta’ kummerċ ifisser li se titqiegħed aktar pressjoni fuq dawn l-istituzzjonijiet. L-operaturi CMI, għalhekk, għandhom juru governanza xierqa u maniġjar tar-riskju b’saħħtu għall-benefiċċju tas-sistema kollha kemm hi.

Il-konsultazzjoni CPSS u IOSCO dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-infrastruttura tas-suq finanzjarju tirrikonoxxi dan il-bżonn u se tkun segwita minn sett ta’ prinċipji ġodda li jikkumplimentaw “L-Attributi Ewlenin tar-Reġimi tar-Riżoluzzjoni Effettiva għall-Istituzzjonijiet Finanzjarji” tal-FSB u jikkumplimentaw u jiżviluppaw ix-xogħol preċedenti tal-IOSCO dwar “Il-Prinċipji għall-Infrastruttura tas-Suq Finanzjarju.”

Waqt li fi ħdan l-UE hemm tama li l-EMIR, il-MiFID u s-CSDR iżidu s-sigurtà u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, huwa importanti li jiġu rikonoxxuti l-limitazzjonijiet tal-leġiżlazzjoni u l-probabbiltà ta’ konsegwenzi mhux intenzjonati minħabba li riskju sinifikanti jiġi trasferit minn parteċipanti individwali fis-suq għal ċentri amministrattivi mutwalizzati.

Dan ir-rapport se jiffoka speċifikament fuq CCPs u CSDs bħala infrastruttura ewlenija tas-suq kritiku li għandha bżonn irkupru qawwi u regoli ta’ riżoluzzjoni bħala prijorità. Ir-rapport jirrikonoxxi wkoll li hemm ħafna aktar entitajiet li huma istituzzjonijiet finanzjarji mhux bankarji, inkluż impriżi tal-assigurazzjoni, maniġers tal-assi u sistemi ta’ pagament. Madanakollu, xogħol internazzjonali fuq dawn is-setturi jew għadu għaddej jew qed jistenna aktar diskussjoni u valutazzjoni.

Kontropartijiet Ċentrali - CCPs

CCP hija intermedjarju bejn żewġ kontropartijiet sabiex tipprovdi mod kif jiġi mmaniġġjat ir-riskju ta’ inadempjenza ta’ kontroparti. Ir-Regolament EMIR diġà jeħtieġ li s-CCPs ikunu reżiljenti biżżejjed biex ikunu jistgħu jappoġġaw l-inadempjenza tal-akbar żewġ membri tal-ikklerjar tagħhom u biex jużaw l-għodod ta’ irkupru bħall-kaskata tal-inadempjenza awtorizzata biex jippredeterminaw il-ġerarkija tat-telf fi ħdan is-CCP jekk membru tal-ikklerjar jonqos.

Jekk CCP timmutwalizza r-riskju fis-sistema finanzjarja, huwa importanti li jkun hemm governanza tajba u li l-qafas ta’ rkupru jipprovdi l-inizjattivi korretti kemm għall-membri tal-ikklerjar li jagħtu kontribuzzjoni lill-fond tal-inadempjenza kif ukoll lis-CCP innifisha permezz tal-kontribuzzjoni tagħha stess. L-użu tal-għodod ta’ rkupru, lil hinn minn dawk awtorizzati fl-EMIR, x'aktarx li jindika nuqqas sever ta’ governanza fi ħdan is-CCP u m’għandux jiġi kkunsidrat parti mill-operazzjonijiet normali.

F'każ ta' falliment ta' membru tal-ikklerjar ta’ CCP, l-EMIR jipprevedi kaskata tal-inadempjenza għal għall-ġestjoni tat-telf billi l-ewwel jintuża l-marġini tal-membru inadempjenti. L-istadju ta’ wara jeħtieġ li jintużaw il-kontribuzzjonijiet tal-fond tal-inadempjenza tal-membru inadempjenti biex jiġi kopert aktar telf. Jekk dan jiġi eżawrit, is-CCP iddedikat riżorsi finanzjarji tagħha stess li tista’ tuża qabel mal-kontribuzzjonijiet tal-fond tal-inadempjenza tal-membri mhux inadempjenti jkunu jistgħu jintużaw.

Għalkemm l-EMIR ma jawtorizzax dan bħala parti mill-kaskata tal-inadempjenza, is-CCP tista’ tillikwida l-pożizzjonijiet ta' membru inadempjenti fis-suq miftuħ. Alternattivament, f’kundizzjonijiet estremi tas-suq is-CCP tista’ torganizza proċess tal-irkant fejn membri tal-ikklerjar oħra jixtru l-pożizzjonijiet tal-membru inadempjenti. Irkant li jfalli jseħħ meta l-ebda membru tal-ikklerjar ma jkun jixtieq jew ma jkunx jista’ jixtri l-pożizzjonijiet tal-membru tal-ikklerjar inadempjenti bil-prezz li s-CCP tkun tista’ tħallas.

EMIR kaskata tal-inadempjenza – Artikolu 45

 

 

Marġini ta’ varjazzjoni

 

 

Marġini inizjali (membru inadempjenti)

 

 

Kontribuzzjoni għall-fond tal-inadempjenza (membru inadempjenti)

 

 

 

Riżorsi tas-CCP stess

 

 

Kontribuzzjoni għall-fond tal-inadempjenza ta’ membri mhux inadempjenti

Ta' min jinnota li anke matul is-sitwazzjoni ferm diffiċli tas-suq, l-ebda CCP tal-UE ma użat il-fond tal-inadempjenza ġenerali tagħha stess u għalhekk, l-għodod ta’ rkupru disponibbli ħadmu b'mod sodisfaċenti.

Madanakollu, li jiġi awtorizzat ikklerjar ċentrali ta’ prodotti derivattivi permezz tas-CCPs jista’ jwassal għal żieda fil-kompetizzjoni bejn is-CCPs li tinkoraġġiehom jikklerjaw ċentralment aktar prodotti. Waqt li żieda fl-użu tal-ikklerjar ċentrali huwa l-għan regolatorju mixtieq mill-G20, dan iżid il-ħtieġa għal governanza u mmaniġġjar tar-riskju aktar b’saħħithom. Programm ta’ rkupru u ta' riżoluzzjoni għal CCP għandu jinkludi l-possibiltà li s-CCP tonqos milli tikkalkula b'mod korrett ir-riskju inerenti ta’ prodott, u għalhekk jeħtieġ marġini bħala riskju addizzjonali li l-awtorità ta' riżoluzzjoni għandha tittratta, flimkien mal-inadempjenza ta’ għadd ta' membri tal-ikklerjar ta' importanza sistemika.

L-awtoritajiet ta' Riżoluzzjoni għandhom jiġu pprovduti bl-għodod neċessarji biex jittrattaw il-varjetà wiesgħa ta’ theddid potenzjali għall-operazzjoni kontinwa ta’ CCP sabiex jipproteġu l-assi tal-klijenti.

L-oqfsa ta’ rkupru u ta' riżoluzzjoni għas-CCPs jiġu aktar ikkumplikati bir-relazzjoni bejn is-CCPs u l-membri tal-ikklerjar tagħhom kif ukoll il-membri tal-ikklerjar u l-klijenti tagħhom. Is-CCP għandha kuntatt limitat ħafna mal-klijenti finali tal-membri tal-ikklerjar għalkemm huma l-benefiċarji tal-ikklerjar ċentrali. Għalhekk il-klijenti finali għandhom vuċi limitata fir-rigward tal-immaniġġjar tar-riskju ta’ CCP u m’għandhom l-ebda obbligazzjonijiet kuntrattwali, li jissuġġerixxi li kwalunkwe allokazzjoni ta’ telf mill-falliment ta’ CCP għandu jkollu l-ewwel impatt fuq il-membri tal-ikklerjar li huma mħallsa mill-klijenti tagħhom sabiex jipprovdu saff ta' protezzjoni kontra s-CCP. Metodi oħra ta’ allokazzjoni ta’ telf li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għas-sistema finanzjarja kollha kemm hi bit-tifrix ta’ telf għandhom isegwu prinċipji stabbiliti u miftiehma mar-regolaturi sabiex jiġu evitati termini mhux favorevoli għall-klijenti ta’ membri tal-ikklerjar li jistgħu jirriżultaw minn relazzjonijiet ta’ setgħa inugwali.

Ir-relazzjoni bejn is-CCP, u l-Membru tal-Ikklerjar, u l-Membru tal-Ikklerjar u l-Klijent

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Kwalunkwe reġim ta’ irkupru jew riżoluzzjoni għandu jkollu protezzjoni tal-assi tal-klijent bħala l-għan ewlieni u għandu jipprovdi ċertezza legali lill-utenti kollha ta’ infrastruttura finanzjarja tas-suq. Fil-każ ta' falliment ta' membru sinifikanti tal-ikklerjar jew fil-każ ta’ diffikultà ta' governanza jew immaniġġjar tar-riskju mis-CCP, allura jenħtieġu arranġamenti sabiex l-awtorità ta' riżoluzzjoni tiżgura funzjoni interim u riżoluzzjoni possibbli.

Depożitorji Ċentrali tat-Titoli - (CSDs)

Is-CSDs huma integrali għas-swieq tat-titoli nazzjonali u huma importanti għall-funzjonament tas-swieq finanzjarji. Għalhekk kwalunkwe reġim ta’ rkupru għandu jkun approvat kompletament mill-kontrollur. L-attenzjoni dwar il-kontinwità operattiva fi kwalunkwe xenarju ta’ riżoluzzjoni ma tistax tkun enfasizzata żżejjed u l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni għandhom jingħataw setgħat xierqa biex jiżguraw il-kontinwità operattiva tas-sistema tas-sigurtà. B’mod partikolari fil-każ tas-CSDs Internazzjonali (ICSDs), il-bżonn għal kooperazzjoni regolatorja internazzjonali hija importanti kemm bejn ir-regolaturi fi ħdan l-UE kif ukoll dawk lil hinn minnha.

Il-mudelli tan-negozju tas-CSD qed jevolvu fl-antiċipazzjoni tal-introduzzjoni tat-Target2Securities mill-BĊE b’tali mod li ħafna CSDs qed jespandu f’servizzi u offerti ġodda u parteċipanti oħra tas-suq qed jikkunsidraw li jipprovdu servizzi ta’ saldu tat-titoli.

Barra minn hekk, il-mixja regolatorja lejn l-ikklerjar ċentrali żiedet id-domanda għall-aċċess għal kollateral ta’ kwalità għolja. Għalhekk, is-CSDs qed jużaw aktar il-fondi ta’ kollateral tagħhom sabiex jipprovdu servizzi ta’ trasformazzjoni kollaterali lill-utenti tas-suq.

Dawn is-servizzi l-ġodda jeħtieġu kontroll superviżorju u pjanijiet dettaljati ta’ irkupru biex jiżguraw li s-servizzi primarji ta’ pagament ma jitpoġġewx f’riskju.

Li kieku CSD jopera b’liċenzja bankarja kif imsemmi fis-CSDR allura il-pjan tal-irkupru u r-riżoluzzjoni għandu jkun ibbażat fuq rekwiżiti regolatorji tad-Direttiva għall-Irkupru u r-Riżoluzzjoni ta’ Istituzzjonijiet ta’ Kreditu u Ditti ta’ Investiment (BRRD). Dan għandu jassigura kundizzjonijiet ekwi bejn il-banek u s-CSDs kif ukoll jiżgura kontinwità operattiva tas-CSD. Il-kontrolluri nazzjonali għandhom imorru lil hinn mir-rekwiżiti regolatorji tal-BRRD u tas-CSDR meta jaraw li mudell ta’ negozju partikolari għandu bżonn aktar għajnuna biex iżomm il-funzjonijiet kritiċi tas-CSD f’kundizzjonijiet diffiċli fis-suq.

Fil-każ ta' perjodu ta’ diffikultà fit-tul f’CSD li jirriżulta jew minn falliment ta' governanza jew nuqqas operattiv, il-pjanijiet ta’ rkupru għandhom jiżguraw li t-teħid ta’ deċiżjonijiet jgħaddi kif xieraq f'idejn awtorità ta’ riżoluzzjoni biex tiġi żgurata ċertezza legali sħiħa.

Impriżi tal-assigurazzjoni

Għalkemm il-kumpaniji tal-assigurazzjoni joperaw b'mod differenti ħafna mill-banek, huma integrati sew fis-swieq finanzjarji u, kif ippruvat fil-kriżi reċenti, għandhom il-potenzjal li jkunu sistemikament importanti. Ippjanar għall-irkupru u r-riżoluzzjoni huwa għalhekk prudenti.

Madanakollu, xogħol internazzjonali mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Kontrolluri tal-Assigurazzjoni qiegħed aktar lura minn dak tas-CPSS IOSCO fir-rigward ta’ infrastruttura kritika tas-suq. Barra minn hekk, il-miżuri regolatorji l-ġodda bħal Solvenza II, li timmira biex iżżid ir-reżiljenza ta’ impriżi tal-assigurazzjoni, għadhom ma ġewx implimentati fl-UE.

Waqt li jinkoraġġixxi lill-kumpaniji tal-assigurazzjoni biex jaħdmu ma’ superviżuri nazzjonali dwar pjanijiet individwali, huwa xieraq li dawn ma jiġux koperti mill-leġiżlazzjoni tal-UE li tittratta l-irkupru u r-riżoluzzjoni tas-CMI.

Immaniġġjar ta’ Assi

Id-daqs u l-mudell tan-negozju tas-settur tal-immaniġġjar tal-assi, normalment, ma jippreżentawx riskju sistemiku. Madanakollu, issa qed naraw it-tkabbir ta’ ditti tal-immaniġġjar tal-assi li ħafna minnhom qed jesploraw opportunitajiet ta’ negozju ġodda li jistgħu jbiddlu fondamentalment il-mudelli tan-negozji tagħhom u matul iż-żmien iżidu l-importanza sistemika tagħhom. Għandu jsir aktar xogħol f’dan il-qasam fuq bazi internazzjonali ibbażat fuq ġbir ta’ data u analiżi mtejba. Aktar pjanijiet ta’ rkupru u ta' riżoluzzjoni speċifiċi għal dan il-qasam għandhom ikunu indirizzati fil-leġiżlazzjoni sussegwenti.

Sistemi ta’ pagament

Għalkemm sistemi ta’ pagament normalment ma jiħdux riskju, il-falliment tagħhom, b'mod partikolari fis-swieq monetarji minħabba frodi jew ġestjoni ħażina, jista’ jkollu implikazzjonijiet kbar għas-sistema sħiħa ta’ kummerċ globali. Għaldaqstant, sistemi ta’ pagament għandhom jew ikunu suġġetti għal reġimi ta’ riżoluzzjoni jew għal reġim adattat ta’ insolvenza li jipprijoritizza l-kontinwità tas-servizz fir-rigward tal-għanijiet l-oħra tal-amministratur tal-insolvenza.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

17.10.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

32

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean-Paul Besset, Udo Bullmann, George Sabin Cutaş, Rachida Dati, Leonardo Domenici, Derk Jan Eppink, Markus Ferber, Jean-Paul Gauzès, Sylvie Goulard, Liem Hoang Ngoc, Wolf Klinz, Jürgen Klute, Philippe Lamberts, Ivana Maletić, Marlene Mizzi, Ivari Padar, Anni Podimata, Peter Simon, Kay Swinburne, Sampo Terho, Marianne Thyssen, Ramon Tremosa i Balcells, Pablo Zalba Bidegain

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Thijs Berman, Zdravka Bušić, Herbert Dorfmann, Ashley Fox, Roberto Gualtieri, Enrique Guerrero Salom, Theodoros Skylakakis

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Julie Girling, Phil Prendergast, Milan Zver