RAPPORT dwar Pjan ta' Azzjoni dwar is-Saħħa elettronika 2012-2020 - Kura tas-saħħa innovattiva għas-seklu 21

5.12.2013 - (2013/2061(INI))

Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
Rapporteur: Pilar Ayuso

Proċedura : 2013/2061(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0443/2013
Testi mressqa :
A7-0443/2013
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar Pjan ta' Azzjoni dwar is-Saħħa elettronika 2012-2020 - Kura tas-saħħa innovattiva għas-seklu 21

(2013/2061(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-6 ta’ Diċembru 2012 intitolata ‘Pjan ta’ Azzjoni dwar is-Saħħa elettronika 2012-2020 - Kura tas-saħħa innovattiva għas-seklu 21’ (COM(2012)0736),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ April 2004 bit-titolu (‘Is-Saħħa elettronika – intejbu l-kura tas-saħħa għaċ-ċittadini Ewropej: pjan ta' azzjoni għal Żona Ewropea ta' Saħħa Elettronika’) (COM(2004)0356),

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2008 dwar l-interoperabbiltà transkonfinali tas-sistemi tar-rekords elettroniċi tas-saħħa (2008/594/KE),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-4 ta' Novembru 2008 bit-titolu ‘It-telemediċina għall-benefiċċju tal-pazjenti, tas-sistemi tal-kura tas-saħħa u tas-soċjetà (COM(2008)0689),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura transkonfinali,

–   wara li kkunsidra r-Rapport dwar l-Istrateġiji tas-Saħħa Elettronika tal-Kummissjoni ta' Jannar 2011 intitolat ‘European countries on their journey towards national eHealth infrastructures’ (Il-pajjiżi Ewropej fi triqithom lejn infrastrutturi nazzjonali tas-saħħa elettronika) [1],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0443/2013),

A. billi l-aċċess ugwali għal kura tas-saħħa universali ta’ kwalità għolja hu rikonoxxut internazzjonalment – speċjalment fl-UE – bħala dritt fundamentali;

B.  billi l-aċċess għal sistema tal-kura tas-saħħa f'ħafna każijiet hu ristrett minħabba limitazzjonijiet finanzjarji jew reġjonali (pereżempju f'żoni b'densità ta' popolazzjoni baxxa), u s-sistemi tas-Saħħa elettronika jistgħu jiżvolġu rwol importanti fit-titjib dawn l-inugwaljanzi tas-saħħa;

C. billi l-fiduċja tal-pazjenti fis-servizzi tal-kura tas-saħħa pprovduta lilhom hija kruċjali bil-għan li tiġi żgurata kura tas-saħħa ta’ kwalità għolja;

D. billi l-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistipula li l-azzjoni tal-Unjoni jeħtieġ li tikkumplementa l-politiki nazzjonali u tkun diretta lejn it-titjib tas-saħħa pubblika, il-prevenzjoni tal-kundizzjonijiet u l-mard fiżiċi u mentali u tbiegħed is-sorsi ta’ periklu għas-saħħa fiżika u mentali;

E.  billi, għaldaqstant, l-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-Saħħa elettronika tikkonsisti f’għajnuna lill-awtoritajiet kompetenti kollha fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali jew statali sabiex dawn jikkoordinaw l-isforzi tagħhom fil-livell nazzjonali u transkonfinali u appoġġ għall-azzjonijiet tagħhom fl-oqsma fejn l-intervent tal-UE jista’ jagħti valur miżjud, bil-għan li tittejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini;

F.  billi l-kriżi ekonomika timplika tnaqqis fil-baġits nazzjonali tal-kura tas-saħħa, li jimplika li għandhom jinstabu soluzzjonijiet biex tiżdied l-effiċjenza tas-sistemi tal-kura tas-saħħa u tiġi żgurata s-sostenibbiltà tagħhom;

G. billi s-Saħħa elettronika għandha tkun mezz kost-effettiv u effiċjenti kif tingħata kura tas-saħħa lill-pazjenti filwaqt li timmira li tnaqqas l-ispejjeż mediċi tagħhom mingħajr ma tpoġġi piż żejjed fuq is-sistemi tal-kura tas-saħħa nazzjonali attwali;

H. billi l-inugwaljanzi li jirriżultaw minħabba d-distakk diġitali se jestendu għal inugwaljanzi tal-kura tas-saħħa jekk l-aċċess għall-konnessjonijiet tal-internet b’veloċità għolja ma jittejjibx huma u jitkabbru s-servizzi tas-Saħħa elettronika;

I.   billi l-approċċi organizzattivi u kulturali fir-rigward ta' kif tingħata l-kura tas-saħħa bejn Stat Membru u ieħor ivarjaw, u dan hu element b'valur sinifikanti, b'mod partikolari fl-inkoraġġiment tal-innovazzjoni;

J.   billi qed niffaċċjaw tħassib multiplu dwar is-saħħa transkonfinali;

K. billi qed tiżdied il-mobilità tal-pubbliku ġenerali fi ħdan is-sistemi tal-kura tas-saħħa ta’ pajjiżhom, u billi issa huwa iktar komuni li xi pazjenti jagħmlu trattamenti mediċi barra mill-pajjiż ta’ residenza tagħhom;

L.  billi l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali jistipula li azzjoni tal-Unjoni m’għandhiex taffettwa l-liġijiet u r-regolamenti fl-Istati Membri dwar l-użu tal-lingwi;

M. billi ftit hemm benefiċċju għall-pazjenti li joqogħdu jirrepetu testijiet kliniċi bla bżonn meta r-riżultati tagħhom diġà jeżistu fir-rekords mediċi tagħhom u jistgħu jiġu aċċessati minn professjonisti tal-kura tas-saħħa li jitrattawhom f'postijiet oħra;

N. billi t-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni żviluppaw sa livell għaldaqstant avvanzat li jistgħu jintużaw fis-sistemi tas-Saħħa elettronika, u diġà jeżistru esperjenzi pożittivi ta’ dan f’diversi Stati Membri u f'pajjiżi madwar id-dinja, u dan jinvolvu diversi benefiċċji fil-livell nazzjonali, b'mod partikolari bħala mezz biex tissaħħaħ is-sikurezza tal-pazjenti, jiġi faċilitat approċċ olistiku għall-kura tal-pazjenti, jitrawwem l-iżvilupp tal-mediċina personalizzata u tiżdied l-effiċjenza – u għaldaqstant is-sostenibilità – tas-sistemi tal-kura tas-saħħa;

O. billi madankollu, huwa meħtieġ aktar investiment fir-riċerka, l-iżvilupp, il-valutazzjoni u l-monitoraġġ biex jiġi żgurat li s-sistemi tas-Saħħa elettronika (inklużi l-applikazzjonijiet tal-mowbajl) iwasslu għal riżultati pożittivi;

P.  billi jeħtieġ li jkun hemm kollaborazzjoni bejn l-ispeċjalisti tal-ICTs, il-konsumaturi, il-pazjenti, il-persuni li jindukraw b’mod informali, u l-professjonisti tal-kura tas-saħħa b’mod ġenerali – u t-tobba b’mod partikolari – u l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika biex jaħdmu flimkien f'dan il-qasam;

Q. billi inizjattivi u proġetti tas-saħħa elettronika ta’ suċċess bħall-epSOS jew l-inizjattiva tal-Bniedem Fiżjoloġiku Virtwali (“Virtual Physiological Human initiative”) urew il-valur kbir tas-soluzzjonijiet tas-Saħħa elettronika;

R.  billi għandha tingħata importanza lill-bażijiet tad-dejta (bħall-cloud computing) u lill-kwistjoni ta' fejn u kif se jinżammu, u billi s-sigurtà ta' bażijiet tad-dejta ta' dan it-tip għandha tkun prijorità;

S.  billi għandha tingħata prijorità lil kunsiderazzjonijiet legali u tal-protezzjoni tad-dejta relatati mas-Saħħa elettronika, u minħabba li d-dejta dwar is-saħħa tal-pazjenti hi ta' natura estremament sensittiva, jeħtieġ li l-protezzjoni tad-dejta tiġi bbilanċjata mal-aċċess għad-dejta u li jkun hemm ċarezza rigward ir-responsabilità;

T.  billi hemm ħtieġa ta’ oqfsa regolatorji rigward is-Saħħa elettronika fl-Istati Membri kollha;

U. billi huma meħtieġa linji gwida tal-UE għall-professjonisti tas-saħħa dwar kif jużaw id-dejta tal-pazjenti b’mod korrett;

V. billi jeħtieġ li jitrawwem l-użu ta' standards mal-UE kollha fit-tfassil tas-sistemi tas-Saħħa elettronika, u li dawn tal-aħħar ikunu interoperabbli fid-diversi Stati Membri biex tkun żgurata l-effikaċja tagħhom fuq skala Ewropea u transkonfinali, filwaqt li jkun żgurat ukoll li l-azzjonijiet ta' standardizzazzjoni jfittxu biss li jiżguraw l-interoperabilità u ma jirriżultawx f'sitwazzjoni fejn parti waħda jkollha pożizzjoni monopolistika;

W. billi mhux iċ-ċittadini u l-professjonisti fis-settur tas-saħħa kollha għandhom l-opportunità li jużaw għodod tal-IT jew il-ħiliet meħtieġa biex jibbenefikaw mis-servizzi tas-Saħħa elettronika;

X. billi, b'konsegwenza, u biex jipprovdu lill-atturi kollha bl-għarfien u bil-ħiliet meħtieġa biex jinvolvu rwieħhom fis-Saħħa elettronika,

•   il-professjonisti involuti fil-kura tas-saħħa għandhom jingħataw taħriġ vokazzjonali (inkluż bħala parti mill-iżvilupp professjonali kontinwi tagħhom) fl-użu tal-ICTs applikati fis-sistemi tal-kura tas-saħħa, u

•   il-pazjenti u dawk li jindukraw informalment għandhom jiġu provduti b'assistenza fl-użu tal-ICTs applikati fis-sistemi tal-kura tas-saħħa;

Y. billi, minħabba l-istennija tal-għomor itwal u s-sensittività tal-ġeneru ta' ċertu mard, in-nisa jintlaqtu minn mard kroniku u diżabilitanti b’rata ogħla mill-irġiel;

Z.  billi l-pazjenti b’mard kroniku jeħtieġu approċċ multidixxiplinari;

AA.     billi s-soluzzjonijiet tas-Saħħa elettronika għandhom il-potenzjal li jżidu l-benesseri tal-pazjenti - speċjalment kroniċi - għax huwa iktar faċli li tingħatalhom il-kura fid-dar;

1.  Jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Pjan ta’ Azzjoni dwar is-Saħħa elettronika 2012-2020: Kura tas-saħħa innovattiva għas-seklu 21, li taġġorna l-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-Saħħa elettronika adottat fl-2004 billi tistabbilixxi aktar azzjonijiet, speċjalment fir-rigward tat-titjib tal-aċċess għal servizzi tas-saħħa, it-tnaqqis tal-ispejjeż tas-saħħa u billi tiżgura aktar ugwaljanza fost iċ-ċittadini Ewropej; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli taħdem lejn l-adozzjoni kompluta tas-Saħħa elettronika fl-UE kollha;

2.  Iqis li, bin-nuqqasijiet kollha tagħha, is-Saħħa elettronika għandha potenzjal kbir u tista’ tkun ta’ benefiċċju għall-professjonisti involuti fil-kura tas-saħħa, il-pazjenti u dawk li jindokraw informalment u l-awtoritajiet kompetenti nfushom;

3.  Jindika l-possibilitajiet ta' applikazzjonijiet tas-Saħħa elettronika li jippermettu politiki tal-kura tas-saħħa deċentralizzati f’livell reġjonali jew lokali, u biex jadattaw il-politiki tal-kura tas-saħħa għall-ħtiġijiet u d-differenzi lokali;

4.  Iqis li l-provvediment tal-għodod meħtieġa għall-użu ta' dejta pubblika f’ħin reali se jiffaċilita komprensjoni aqwa tar-riskji u l-benefiċċji, it-tbassir ta’ avvenimenti negattivi u titjib fl-effiċjenza tal-valutazzjonijiet tat-teknoloġiji tas-saħħa;

5.  Jenfasizza li l-applikazzjonijiet tas-Saħħa elettronika jridu jkunu aċċessibbli għal kulħadd u li, fl-iżvilupp ta' kwalunkwe prodott jew applikazzjoni ta' software, l-aċċessibilità għandha tkun kondizzjoni mandatarja, biex tiġi prevenuta kwalunkwe inugwaljanza rigward l-aċċess;

6.  Jirrakkomanda li jittieħdu l-passi meħtieġa biex jingħalaq id-distakk diġitali bejn ir-reġjuni differenti tal-Istati Membri u biex ikun żgurat li l-aċċess għas-servizzi tas-Saħħa elettronika u l-użu tagħhom ma jsirx għajn ta' inugwaljanza soċjali jew territorajli, biex huma jibbenefikaw b'mod indaqs liċ-ċittadini kollha tal-UE, jilħqu pazjenti li mhumiex familjari mat-teknoloġiji tal-ICT kif ukoll dawk li altrimenti jkunu esklużi jew mhux moqdija biżżejjed mis-sistemi nazzjonali tal-kura tas-saħħa.

7.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw aċċess indaqs għan-nisa fil-qasam tas-Saħħa elettronika, mhux biss bħala pazjenti iżda wkoll bħala dawk li jindukraw (professjonali u mhumiex), bħala speċjalisti tal-ICT u bħala dawk li jfasslu l-politiki; jenfasizza l-fatt li n-nisa huma involuti fil-livelli kollha tas-settur tas-saħħa tul ħajjithom kollha;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ u tippromwovi s-servizzi tas-saħħa elettronika mfassla għal dawk li jindokraw lill-oħrajn (b'mod informali) fil-familja, li ħafna minnhom huma nisa, sabiex jingħataw appoġġ fil-kompiti tagħhom ta’ indokrar li sikwit ikunu tqal u sabiex ikunu jistgħu joffru l-aħjar kura possibbli;

9.  Jindika li l-adozzjoni ta' 'kultura ta' Saħħa elettronika' mill-professjonisti tal-kura tas-saħħa hija importantissma, bħalma hu importanti l-ħolqien tal-kundizzjonijiet li jwasslu biex il-pazjenti jingħataw setgħa ta' azzjoni u jkollhom fiduċja fis-Saħħa elettronika;

10. Jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tat-tisħiħ tar-rwol tal-professjonisti tal-kura tas-saħħa, u tal-pazjenti u organizzazjonijiet tal-pazjenti, fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tas-Saħħa elettronika;

11. Jenfasizza, b'mod partikolari, il-ħtieġa li jkun żgurat li l-pazjenti jkollhom il-possibilità li jikkonsultaw u jużaw informazzjoni li tikkonċerna lil saħħithom, u jitlob, għaldaqstant lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-pazjenti jkunu litterati fis-saħħa biex jingħata lok għal implimentazzjoni effettiva tal-għodod tas-Saħħa elettronika;

12. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lill-kompetenza diġitali u lit-taħriġ tekniku għan-nisa, speċjalment għan-nisa anzjani, biex jiġi żgurat li l-għodod tas-Saħħa elettronika, b’mod speċjali t-telemediċina, ikunu ġenwinament effettivi u aċċessibbli għall-popolazzjoni kollha kemm hi;

13. Iqis b'dispjaċir, speċjalment fid-dawl tal-kriżi tal-kompetittività attwali fl-Unjoni, it-tnaqqis propost għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa għall-broadband u s-servizzi diġitali; jittama li l-finanzjament għal dan il-qasam fl-ambitu tal-inizjattiva Orizzont 2020 jinżamm; iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jagħmlu użu effettiv mill-fondi tal-UE għall-finanzjament tas-Saħħa elettronika, mingħajr ma jnaqqsu l-fondi għas-servizzi tas-saħħa tradizzjonali jew jagħlqu sptarijiet tal-komunità, pereżempju, u jaqsmu bejniethom l-għarfien dwar is-saħħa;

14. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu r-riżorsi ekonomiċi, umani u materjali meħtieġa biex jiżguraw li l-aċċess u l-użu tas-servizzi tas-Saħħa elettronika ma jżidux l-inugwaljanzi territorjali fl-aċċess għas-servizzi tal-ICT eżistenti.

15. Iħeġġeġ b'mod partikolari lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri biex jagħmlu użu sħiħ mill-fondi strutturali tal-UE biex itejbu l-konnettività tal-internet u jnaqqsu d-distakk diġitali;

16. Jitlob lill-Kummissjoni tappoġġa dawn l-isforzi permezz tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, tiffaċilita l-użu ta' dawn il-fondi għal dan l-iskop, filwaqt li tipprovdi linji gwida ċari dwar il-finanzjament biex b'mod dirett tappoġġa s-setturi tal-ICT u tas-saħħa, u biex tinvolvi ruħha aktar mal-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet biex tħeġġeġ l-immappjar tal-broadband.

17. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw għodod ġodda tas-Saħħa elettronika li jkunu aċċessibbli u faċli biex jintużaw għall-anzjani u għall-persuni b’diżabilità;

18. Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi soluzzjonijiet tas-Saħħa elettronika għan-nisa iżolati, mhux biss dawk li jgħixu f'żoni remoti iżda wkoll nisa li ma joħorġux minn djarhom li m'għandhomx il-mobilità meħtieġa u/jew netwerk ta' appoġġ (soċjali) għas-sostenn tas-saħħa u l-benessri tagħhom;

19. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwettqu rwol ewlieni f’li jgħaqqdu flimkien il-partijiet interessati differenti biex jaqsmu l-esperjenzi u l-aħjar prattiki;

20. Jitlob, fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, biex tiġi stabbilita pjattaforma għall-kollaborazzjoni fir-riċerka bejn il-pazjenti, l-akkademja, l-industrija u l-professjonisti sabiex jiġi żgurat it-twassil ta’ politika tas-Saħħa elettronika effettiva u li tinkludi kollox.

21. Jindika li l-iżvilupp tal-applikazzjonijiet tas-Saħħa elettronika, inklużi l-użu u l-użu mill-ġdid tad-dejta tas-saħħa, jeħtieġ miżuri dwar il-kunfidenzjalità, il-protezzjoni tad-dejta, ir-responsabilità u r-rimborż biex ikun żgurat li dejta sensittiva tiġi mħarsa mill-hacking, bejgħ illegali tad-dejta u forom oħra ta' abbuż; jilqa', f'dan ir-rigward, l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tagħti bidu għal studju fir-rigward tal-aspetti legali tas-servizzi tas-Saħħa elettronika;

22. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippreżentaw linji gwida u proposti leġiżlattivi li jindirizzaw il-lakuni ġuridiċi li jeżistu attwalment, b'mod partikolari fil-qasam tar-responsabilitajiet u l-obbligazzjoni, u biex tkun żgurata applikazzjoni effettiva tas-sistema tas-Saħħa elettronika fl-UE;

23. Iħeġġeġ b'mod partikolari lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipproċedu bil-linji gwida u l-leġiżlazzjoni dwar il-kunsiderazzjonijiet legali u tal-protezzjoni tad-dejta relatati mas-Saħħa elettronika, b'mod partikolari l-leġiżlazzjoni li tippermetti l-kondiviżjoni, l-ipproċessar u l-analiżi sikuri tad-dejta, biex ikun hemm bilanċ bejn il-protezzjoni tad-dejta u l-aċċess għaliha.

24. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw governanza tajba fl-operazzjonijiet relatati mal-informazzjoni dwar is-saħħa fuq l-internet;

25. Jenfasizza l-ħtieġa li t-tobba, professjonisti oħra involuti fil-kura tas-saħħa, il-pazjenti u dawk li jindokraw informalment jiġu provduti b'assistenza u taħriġ kontinwu u speċjalizzat fis-Saħħa elettronika biex jgħinuhom jiżviluppaw il-litteriżmu diġitali tagħhom u jagħmlu l-akbar użu mis-servizzi tal-Saħħa elettronika mingħajr ma jżidu l-inugwaljanzi soċjali jew territorjali;

26. Jemmen li l-assistenza u t-taħriġ għandhom jipprijoritizzaw

1)  it-taħriġ fl-użu ta' strumenti tal-IT u t-taħriġ fis-saħħa diġitali, filwaqt li l-ħiliet relevanti għal professjonisti tas-saħħa jiġu aġġornati; għal dan l-għan, l-istudenti u l-professjonisti ġodda għandhom jingħataw kurrikuli aġġornati dwar is-Saħħa elettronika;

2)  fil-livell nazzjonali u transkonfinali, il-litteriżmu fl-IT u s-sensibilizzazzjoni tas-servizzi tas-Saħħa elettronika għall-pazjenti.

27. Jirrakkomanda li jitqiesu l-fehmiet tat-tobba u ta' professjonisti oħra involuti fil-kura tas-saħħa, flimkien ma' dawk tal-assoċjazzjonijiet tal-pazjenti, mhux biss fl-iżvilupp tal-applikazzjonijiet tas-Saħħa elettronika iżda wkoll fl-evalwazzjoni u l-monitoraġġ tagħhom;

28. Jenfasizza l-importanza li tinżamm dimensjoni umana fil-kura tas-saħħa, speċjalment fil-kuntest ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ u li għalhekk qed isir kulma jmur aktar diffiċli li ssir distinzjoni bejn l-aspetti mediċi u dawk soċjali; għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li t-teknoloġiji tas-Saħħa elettronika ma jsirux sostitut għar-relazzjoni ta’ fiduċja bejn il-pazjenti u l-professjonisti tal-kura (tas-saħħa) tagħhom;

29. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jagħmlu kampanji ta’ qawmien ta’ kuxjenza u taħriġ dwar il-litteriżmu fl-IT (li jqisu l-inugwaljanzi soċjali u territorjali) biex jindirizzaw in-nuqqas ta’ għarfien u fiduċja fost il-pazjenti, il-pubbliku ġenerali u l-professjonisti tal-kura tas-saħħa; jemmen li dawn il-kampanji jridu jkunu mfassla biex ikunu adatti għall-gruppi soċjali li jkunu qed jindirizzaw, għax hu kruċjali li ċ-ċittadini jinżammu infurmati u jipparteċipaw attivament fl-iżvilupp effettiv ta' mudelli ġodda ta’ servizzi tal-kura tas-saħħa;

30. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-kooperazzjoni fil-qasam tas-Saħħa elettronika fil-livell nazzjonali, reġjonali u transkonfinali, b’tali mod li l-pajjiżi l-aktar avvanzati f’dan il-qasam jgħaddu l-għarfien tagħhom lill-pajjiżi b’inqas esperjenza;

31. Jistieden lill-Istati Membri jaqsmu l-esperjenzi, l-għarfien u l-prattiki tajba tagħhom, u jikkollaboraw bejniethom, mal-Kummissjoni u l-partijiet interessati, biex tikber l-effikaċja tas-sistemi tas-Saħħa elettronika ffokati fuq il-pazjenti;

32. Jenfasizza li, għal dan l-għan, l-Istati Membri għandhom ikomplu jikkollaboraw permezz ta' pjattaformi elettroinċi li jippermettulhom li jaqsmu l-prattiki tajba dwar sistemi u soluzzjonijiet tas-Saħħa elettronika, u li kemm il-Kummissjoni u kemm l-Istati Membri t-tnejn għandhom jappoġġaw il-konnessjoni bejn il-proġetti differenti ta' Saħħa elettronika fl-UE;

33. Jenfasizza l-potenzjal tal-applikazzjonijiet għall-apparat tal-mowbajl għall-pazjenti, speċjalment għal dawk b’mard kroniku, u jħeġġeġ l-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet utli u orjentati speċifikament fuq is-saħħa, b’kontenut medikament ivverifikat;

34. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq “pjan ta’ azzjoni tas-Saħħa mobbli” għall-apparat tal-mowbajl, li għandu jinkludi linji gwida dwar is-sorveljanza tas-suq tal-applikazzjonijiet tas-Saħħa mobbli biex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-dejta u l-affidabilità tal-informazzjoni tas-saħħa pprovduta, u li dawn l-applikazzjonijiet jiġu żviluppati taħt skrutinju mediku xieraq;

35. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw standards dwar l-applikazzjonijiet għall-apparat tal-mowbajl relatati mas-saħħa biex tiġi żgurata l-eżattezza tal-informazzjoni trażmessa, u jiġi rimedjat in-nuqqas ta’ ċarezza legali u trasparenza fl-użu tad-dejta miġbura minn applikazzjonijiet bħal dawn;

36. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jaħdmu permezz ta' proġetti pilota, bħal epSOS u ‘Tiġdid tas-saħħa’, u/jew l-inizjattiva tal-Bniedem Fiżjoloġiku Virtwali (“Virtual Physiological Human initiative”) biex tiġi żviluppata l-interoperabilità pan-Ewropea, u biex ikomplu jiġu appoġġati soluzzjonijiet innovattivi għal kura ċċentrata fuq il-persuna, inkluż immudellar avvanzat u simulazzjonijiet, meħtieġa biex jinkisbu l-għanijiet tal-mediċina li tbassar u tkun personalizzata;

37. Jisħaq li l-organizzazzjoni tas-sistemi tal-kura tas-saħħa taqa’ fil-kompetenza tal-awtoritajiet tal-Istati Membri; iħeġġeġ, madankollu, lill-Kummissjoni tkompli taħdem mal-professjonisti tal-kura tas-saħħa, l-assoċjazzjonijiet tal-pazjenti, il-partijiet interessati ewlenin oħra u l-awtoritajiet kompetenti meta tfassal l-oqsfa tal-politika tagħha u tindirizza l-prijoritajiet konflinġenti fis-Saħħa elettronika, filwaqt li tiftakar li l-prijorità ewlenija hi l-aċċess tal-pazjenti għal sistema tal-kura tas-saħħa effettiva u bi prezz li jintlaħaq;

38. Jenfasizza li s-Saħħa elettronika toħloq impjiegi ġodda fil-mediċina, fir-riċerka u fis-servizzi relatati mas-saħħa, u, f’dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali sabiex jagħmlu użu mill-fondi tal-UE biex jiffinanzjaw programmi għas-Saħħa elettronika u t-theddid transkonfinali għas-saħħa;

39. Jistieden lill-Istati Membri, minħabba li l-Pjan ta' Azzjoni dwar is-Saħħa elettronika għandu l-għan li joħloq opportunitajiet ta’ impjiegi ġodda fis-setturi tar-riċerka, is-saħħa, il-mediċina u l-ICT, jagħtu attenzjoni partikolari lill-bilanċ tal-ġeneri fl-edukazzjoni, it-taħriġ u r-reklutaġġ f’dawn is-setturi kollha;

40. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw mudelli ta’ finanzjament sostenibbli għas-servizzi tas-Saħħa elettronika fil-baġits nazzjonali tas-saħħa, u biex jikkonsultaw ma’ partijiet interessati oħra bħall-fondi tal-assigurazzjoni tas-saħħa, l-istituzzjonijiet nazzjonali tas-saħħa, il-professjonisti tal-kura tas-saħħa u l-organizzazzjonijiet tal-pazjenti meta tagħmel dan;

41. Jenfasizza l-fatt li l-innovazzjonijiet fil-qasam tas-Saħħa elettronika joħolqu opportunitajiet kummerċjali u jikkontribwixxu għat-tkabbir fil-futur;

42. Jenfasizza li jeħtieġ tiżdied ir-riċerka fis-sistemi tas-Saħħa elettronika, iżda dan għandu jsir b'mod li n-nefqa fuq ir-riċerka ma jkollhiex impatt dirett fuq kemm jiswa s-servizz provdut;

43. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiddedika riżorsi għas-Saħħa elettronika fi ħdan il-programmi futuri ta’ qafas tar-riċerka u l-iżvilupp;

44. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi garantit appoġġ xieraq għall-SMEs, sabiex jiġi żgurat ambjent b’kundizzjonijiet ekwi fis-settur tas-Saħħa elettronika, tingħata spinta lill-aċċess tal-SMEs għas-suq f’dan il-qasam u jiġi żgurat li jikkontribwixxu għall-koeżjoni soċjali u territorjali;

45. Jistieden għaldaqstant lill-Kummissjoni tappoġġa u tiffaċilita l-proġetti tal-SMEs tas-Saħħa elettronika billi tistabbilixxi linji gwida dwar is-suq tas-Saħħa elettronika u ttejjeb il-kooperazzjoni bejn l-SMEs fuq in-naħa l-waħda, u l-partijiet interessati, il-korpi tar-riċerka u l-iskemi ta' assigurazzjoni tas-saħħa, fuq in-naħa l-oħra, biex toħloq innovazzjoni għall-fornituri tal-kura tas-saħħa.

46. Jenfasizza li fir-rigward tal-iżvilupp ta' għodod tal-ICT min-naħa tal-SMEs, hi meħtieġa t-trasparenza u l-kompetizzjoni biex ikunu żgurati prezzijiet li jintlaħqu għall-għodod tas-Saħħa elettronika.

47. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw standards tad-dejta għall-ġbir, il-kondiviżjoni u r-rappurtar dwar kwistjonijiet transkonfinali relatati mas-saħħa;

48. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu flimkien mal-pazjenti u ma' partijiet interessati relevanti oħra bl-għan li jidentifikaw għodod u mudelli tas-saħħa elettronika biex jappoġġaw l-implimentazzjoni u l-iżvilupp tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2011/24/UE li jittratta l-iżvilupp tan-netwerks ta’ referenza Ewropej bejn dawk li jipprovdu l-kura tas-saħħa u ċ-ċentri ta’ għarfien espert;

49. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jaħdmu fuq l-implimentazzjoni tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2011/24/UE dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali, bl-għan li jiġi stabbilit netwerk tas-Saħħa elettronika;

50. Jistieden lill-Kummissjoni tippermetti s-sħubija tal-awtoritajiet reġjonali kollha li huma kompetenti għall-applikazzjonijiet tas-Saħħa elettronika fin-Netwerk tas-Saħħa elettronika stabbilit permezz tad-Direttiva 2011/24/UE;

51. Jenfasizza l-ħtieġa ta’ kodiċi ta’ prattika etika għall-attivitajiet transkonfinali mingħajr preġudizzju għall-prinċipju tas-sussidjarjetà;

52. Jenfasizza li huwa essenzjali għall-pazjenti li jkunu jistgħu jaċċessaw id-dejta personali tas-saħħa tagħhom; jenfasizza li l-pazjenti, li jkunu taw il-kunsens tagħhom minn qabel għall-użu ta' din id-dejta, għandhom dejjem jiġu infurmati, b'mod ċar u trasparenti, dwar kif qed tiġi proċessata;

53. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri japplikaw l-istandards dwar l-ipproċessar tad-dejta personali relatata mas-saħħa stabbiliti fil-proposta għal regolament dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali u l-moviment liberu ta’ din id-dejta, ladarba jidħol fis-seħħ;

54. Jindika l-ħtieġa li jintużaw standards internazzjonali kemm fl-immudellar tal-informazzjoni kif ukoll fl-iskambju tagħha fl-Istati Membri kollha, biex jiġu żviluppati kodiċijiet internazzjonali għall-professjonisti tas-Saħħa elettronika u jiġu armonizzati d-definizzjonijiet relevanti;

55. Jilqa’, f’dan ir-rigward, il-kollaborazzjoni internazzjonali li għaddejja bħalissa mal-WHO u l-OECD;

56. Jilqa’ l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar is-Saħħa elettronika, ikkaratterizzata minn kollaborazzjoni kontinwa bħalma hi dik żviluppata fil-kuntest tal-Memorandum ta’ Qbil dwar il-kooperazzjoni rigward l-informazzjoni tas-saħħa u t-teknoloġiji tal-komunikazzjoni, inklużi, b’mod partikolari, il-pjan direzzjonali tal-KE-HHS żviluppat b’mod konġunt għall-iżvilupp ta’ standards ta’ interoperabilità rikonoxxuti internazzjonalment u tl-ispeċifikazzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-interoperabilità għas-sistemi ta’ informazzjoni tas-Saħħa elettronika;

57. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati l-istandardizzazzjoni teknika u l-interoperabilità ta' soluzzjonijiet li jiffunzjonaw bl-ICT u tal-iskambji tad-dejta fil-livelli kollha tas-sistemi tal-kura tas-saħħa Ewropej, filwaqt li jiġu żviluppati linji gwida għall-interoperabilità mal-UE kollha ta' dawn is-sistemi;

58. Jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata l-interoperabilità bejn l-applikazzjonijiet ta' software użati mill-pazjenti u mit-tobba, rispettivament, sabiex jinkisbu riżultati aħjar u tittejjeb il-komunikazzjoni;

59. Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi Qafas ta’ Interoperabbiltà dwar is-Saħħa elettronika sal-2015 u jqis li dan hu pass importanti ħafna lejn l-għoti ta’ setgħa ta' azzjoni lill-pazjenti fis-Saħħa elettronika; iqis li hu importanti li f’dan il-Qafas jiġu inklużi l-ħolqien ta’ rappurtar standardizzat għar-rekords mediċi kif ukoll appoġġ għall-iżvilupp ta’ apparat mediku, inkluża karatteristika ta’ ħażna elettronika awtomatika tar-rekords mediċi;

60. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li d-diversità kulturali u lingwistika tal-Unjoni Ewropea tiġi rispettata b’mod sħiħ fir-rigward tal-istandardizzazzjoni teknika u l-interoperabilità tas-sistemi tal-kura tas-saħħa Ewropej;

61. Jitlob biex jiġu żviluppati għodod tas-Saħħa elettronika mhux biss abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet teknoloġiċi u finanzjarji, iżda wkoll fuq l-effikaċja tagħhom u s-siwi tagħhom f’dak li hu titjib tar-riżultati tas-saħħa u l-kwalità tal-ħajja, u jenfasizza li l-għan ewlieni tal-iżvilupp ta' tali għodod għandu jkun l-aħjar interessi tal-pazjenti, inklużi l-anzjani u l-pazjenti b’diżabilità;

62. Jistieden lill-Istati Membri ħalli, meta meta jkunu qed jippromwovu l-pjan, jenfasizzaw l-importanza tal-bilanċ tal-ġeneri;

63. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu approċċ bilanċjat fir-rigward tal-ġeneri għall-kura tas-saħħa u l-mediċina u, waqt l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-Saħħa elettronika, iqisu l-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa u l-bniet bħala benefiċjarji tal-kura tas-saħħa;

64. Jenfasizza l-importanza tal-istħarriġ globali fil-bini tal-evidenza fir-rigward tas-Saħħa elettronika;

65. Jirrakkomanda li l-Istati Membri u l-Kummissjoni, bl-għajnuna tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE), jiġbru data diżaggregata skont il-ġeneru dwar sejbiet inizjali rigward l-aċċessibilità u l-impatt ta’ sistemi u għodda tas-Saħħa elettronika, u jitlob li jittieħdu passi għall-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fl-implimentazzjoni tas-Saħħa elettronika;

66. Ifakkar fil-ħtieġa li l-Pjan ta’ Azzjoni futur dwar is-Saħħa elettronika jiżgura l-prinċipji ewlenin li ġejjin:

     – li jiġi ottimizzat l-infiq fil-kura tas-saħħa fi żminijiet ta’ kriżi ekonomika;

     – li jissaħħu u jiġu promossi l-applikazzjonijiet u s-soluzzjonijiet għall-iżvilupp tas-suq;

     – li tiġi żgurata l-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ informazzjoni tal-kura tas-saħħa u tal-isptarijiet;

67. Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika kull sentejn analiżi tal-progress fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-Saħħa elettronika fl-Istati Membri individwali, fejn turi kif din l-għodda ġiet immodifikata b’modi innovattivi sabiex tagħti liċ-ċittadini sistemi tal-kura tas-saħħa effiċjenti u, fid-dawl ta' dan, tistabbilixxi, fil-livell nazzjonali u f'dak tal-Unjoni, indikaturi effettivi għall-kejl tal-progress u tal-impatt tal-azzjonijiet ippjanati, filwaqt li tagħti attenzjoni partikolari lil diskriminazzjoni potenzjali jew inugwaljanzi fl-aċċess li jistgħu jaffettwaw lill-konsumaturi u lill-pazjenti.

68. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Istati Membri.

  • [1]  http://www.ehealth-strategies.eu/report/eHealth_Strategies_Final_Report_Web.pdf

NOTA SPJEGATTIVA

Is-saħħa elettronika hija mezz ta’ titjib fil-kwalità u l-effikaċja tal-kura tas-saħħa fis-seklu 21, kif ukoll mezz biex il-kura tas-saħħa ssir aktar universali.

Is-suq potenzjali tal-kura tas-saħħa huwa solidu. Is-suq dinji tat-telemediċina laħaq USD 9800 miljun fl-2010 u USD 11600 miljun fl-2011, u hu previst li se jkompli jikber u jilħaq USD 27300 miljun fl-2016. Dan jirrappreżenta rata ta’ tkabbir annwali komposta ta’ 18.6 %.

L-aċċess għal kura tas-saħħa ta’ kwalità hu dritt fundamentali rikonoxxut, madankollu is-sistemi tas-saħħa tal-UE qed iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi kbar bħalissa, minħabba ż-żieda fid-domanda għas-servizzi li nħolqot minħabba li l-popolazzjoni qed tixjieħ, l-impatt tal-mard kroniku, il-mobilità tal-pazjenti u l-professjonisti tas-saħħa, iż-żieda fl-aspettattivi taċ-ċittadini fir-rigward tal-kwalità tal-kura tas-saħħa u l-fatt li l-baġits tas-saħħa kulma jmur qed qed ikunu dejjem aktar limitati.

Is-saħħa elettronika tista’ tkun parti mir-risposta għal dawn il-problemi bħala l-mezz biex jitjieb l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa għall-persuni li jgħixu f’żoni remoti jew b’livell baxx ta’ popolazzjoni, jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol, jonqsu l-perjodi ta’ stennija u l-aktar punt importanti: is-saħħa elettronika tgħin biex il-kura tas-saħħa tkun sikura, effikaċi u ta’ kwalità.

Biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, jeħtieġ li dawk li jipprovdu s-servizzi tas-saħħa jikkollaboraw bejniethom, lil hinn mil-limiti tal-kompetenzi u lingwistiċi tagħhom, bl-għan li joffru servizzi ta’ kwalità ffokati fuq is-sikurezza tal-pazjent; għaldaqstant jeħtieġ li jkun hemm standardizzazzjoni teknika, interoperabilità tas-sistemi tas-saħħa Ewropej u definizzjoni fil-livell tal-UE tal-iskemi ta’ ċertifikazzjoni u awtentifikazzjoni.

Biex iċ-ċittadini kif ukoll il-professjonisti tas-saħħa jkollhom fiduċja u jemmnu li l-applikazzjonijiet tas-saħħa elettroniku joffru vantaġġi, jeħtieġ nipprovdulhom sigurtà ġuridika. Il-protezzjoni tad-dejta, il-kunfidenzjalità, il-privatezza u r-responsabilità huma uħud mill-kwistjonijiet li jeħtieġ jissolvew jekk nixtiequ li l-implimentazzjoni tas-servizzi tas-saħħa elettronika tkun ta’ suċċess.

Huwa findamentali li l-Istati Membri jaqsmu l-esperjenzi, l-għarfien u l-prattiki tajba, u jikkollaboraw bejniethom u mal-Kummissjoni, biex b’hekk tikber l-effikaċja tas-sistemi tas-saħħa elettronika; Hu mixtieq li s-saħħa elettronika tkun realtà effikaċi fil-ġejjieni. L-Istati li huma l-pijunieri f’dan il-qasam jistgħu jagħtu l-kontribut tagħhom billi jaqsmu l-għarfien tagħhom mal-pajjiżi li mhumiex.

Huwa kruċjali li l-perspettiva tat-tobba u l-professjonisti tas-saħħa kif ukoll dik tal-assoċjazzjonijiet tal-pazjenti jitqiesu qabel u wara l-iżvilupp ta' dawn l-applikazzjonijiet tas-saħħa. Huma se jagħmlu użu minnhom u għaldaqstant mhux biss iridu jkunu konvinti li dawn l-applikazzjonijiet huma siewja iżda jeħtieġ ukoll li jkunu jafu kif jużawhom. Is-settur pubbliku kif ukoll dak privat iridu jiffaċilitaw l-informazzjoni kollha meħtieġa, adattata b’mod ċar għas-settur li hija indirizzata lejh.

L-aktar punt importanti hu li meta jiġu żviluppati dawn il-proġetti jeħtieġ li jitqies l-ewwel u qabel kollox l-interess tal-pazjenti, li fl-aħħar mill-aħħar huwa l-għan l-prinċipali: li titjieb il-kwalità tal-kura tas-saħħa għaċ-ċittadini tal-UE, mingħajr ma ninsew id-differenzi kulturali bejn l-Istati Membri tal-UE fil-qasam tal-kura tas-saħħa.

OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (8.10.2013)

għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

dwar il-Pjan ta' Azzjoni dwar is-Saħħa elettronika 2012-2020: Kura tas-saħħa innovattiva għas-seklu 21
(2013/2061(INI))

Rapporteur għal opinjoni: María Irigoyen Pérez

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa’ l-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-Saħħa elettronika 2012-2020, li jaġġorna l-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-Saħħa elettronika preċedenti billi jistabbilixxi aktar azzjonijiet, speċjalment fir-rigward tat-titjib tal-aċċess għal servizzi tas-saħħa, it-tnaqqis tal-ispejjeż tas-saħħa u billi jiżgura aktar ugwaljanza fost iċ-ċittadini Ewropej;

2.  Jipperċepixxi ż-żieda fil-possibilitajiet għall-kura tas-saħħa personalizzata bħala waħda mill-aktar opprtunitajiet importanti mnissla mis-Saħħa elettronika, minħabba li r-rekords mediċi tal-pazjenti jistgħu jinħażnu awtomatikament f'forma elettronika, mhumiex dipendenti fuq il-post fejn jinsabu l-pazjenti, u l-pazjenti biss jista' jkollhom aċċess għalihom bl-użu ta' ID personalizzata;

3.  Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi Qafas ta’ Interoperabbiltà dwar is-Saħħa elettronika sal-2015 u jarah bħala pass importanti ħafna lejn l-għoti ta’ setgħa lill-pazjent fis-Saħħa elettronika; iqis importanti li jiġi inkluż f’dak il-Qafas il-ħolqien ta’ rappurtar standardizzat dwar ir-rekords mediċi kif ukoll l-appoġġ lejn l-iżvilupp ta’ apparat mediku bil-karatteristika ta’ ħażna elettronika awtomatika tar-rekords mediċi;

4.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tniedi studju fir-rigward tal-aspetti legali tas-servizzi tas-Saħħa elettronika; jenfasizza, madanakollu, il-ħtieġa li jittieħdu miżuri effettivi dwar ir-rimborż, ir-responsabbiltà u l-protezzjoni tad-data;

5.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi approvat kunċett aktar wiesa' tas-Saħħa elettronika, u jenfasizza l-importanza li jissaħħaħ ir-rwol tal-professjonisti tal-kura tas-saħħa bħat-tobba, l-ispiżjara u l-infermieri, kif ukoll tal-pazjenti u tal-organizzazzjonijiet tal-pazjenti, fl-implimentazzjoni u l-iżvilupp tal-Pjan ta' Azzjoni dwar is-Saħħa elettronika, b'kunsiderazzjoni għall-fatt li l-pazjenti għandu jkollhom il-possibbiltà li jaraw, jużaw u jikkonsultaw l-informazzjoni dwar saħħithom;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżvolġu rwol ewlieni biex iġibu flimkien il-partijiet interessati differenti biex jaqsmu l-esperjenzi tagħhom u l-aħjar prattiki; jistieden lill-Kummissjoni tiffoka b’mod partikolari fuq ir-rwol ċentrali tagħha fl-appoġġ tal-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki dwar mard rari;

7.  Jenfasizza l-ħtieġa għal assistenza u taħriġ adattat, li għandhom ikunu disponibbli fl-Unjoni kollha, sabiex jiġu sfruttati bis-sħiħ il-benefiċċji tas-servizzi tas-Saħħa elettronika mingħajr żieda fl-inugwaljanzi territorjali jew soċjali; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġu żviluppati sistemi aċċessibbli għal kulħadd, filwaqt li titqies il-mira għal interfaċċa intuwittiva; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi kkonservat l-aċċess ugwali għal kulħadd għal servizzi tas-saħħa tradizzjonali; jemmen li l-assistenza u t-taħriġ għandhom jipprijoritizzaw: 1) it-taħriġ fl-użu ta' strumenti tal-IT u t-taħriġ diġitali tas-saħħa, sabiex il-ħiliet relevanti għal professjonisti tas-saħħa jiġu aġġornati; u 2) il-litteriżmu fl-IT u l-għarfien dwar is-servizzi tas-Saħħa elettronika għall-pazjenti fil-livell nazzjonali u transkonfinali, b’enfasi partikolari fuq l-inugwaljanzi soċjali u territorjali;

8.  Huwa konvint li l-litteriżmu fir-rigward tas-saħħa għall-pazjenti, l-inkoraġġiment biex jimmonitorjaw u jkejlu saħħithom, jifhmu u jikkontrollaw id-dejta dwar saħħithom u b'hekk jeliminaw ir-relazzjoni prevalenti ta' inugwaljanza bejn l-ispeċjalista u l-pazjent, huwa fattur kruċjali meħtieġ biex tittejjeb il-kwalità tas-servizzi tas-saħħa, tiżdied it-trasparenza tal-istituzzjonijiet tas-saħħa, tiġi miġġielda l-korruzzjoni u biex jiġi żgurat li l-pazjenti jippermettu l-użu mill-ġdid tad-data dwarhom għall-ħolqien ta’ għarfien ġdid;

9.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi garantit appoġġ xieraq għall-SMEs sabiex jiġi żgurat ambjent b’kundizzjonijiet ekwi fis-settur tas-Saħħa elettronika u tingħata spinta lill-aċċess li l-SMEs għandhom għas-suq, f’dan il-qasam, b’mod partikolari billi tiġi stabbilita bażi tad-data speċifika għar-riżorsi u r-riċerka, iddedikata għall-SMEs; jenfasizza l-fatt li l-innovazzjonijiet fil-qasam tas-Saħħa elettronika joħolqu opportunitajiet kummerċjali u jikkontribwixxu għat-tkabbir fil-futur;

10. Ifakkar fil-ħtieġa għal Pjan ta’ Azzjoni futur dwar is-Saħħa elettronika li jiżgura l-prinċipji ewlenin li ġejjin:

     - li jiġi ottimizzat l-infiq fil-kura tas-saħħa fi żminijiet ta’ kriżi ekonomika;

     - li jissaħħu u jiġu promossi l-applikazzjonijiet u s-soluzzjonijiet għall-iżvilupp tas-suq;

     - li tiġi żgurata l-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ informazzjoni tal-kura tas-saħħa u tal-isptarijiet;

11. Jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw is-servizzi tas-Saħħa elettronika fis-sistemi mediċi eżistenti; jenfasizza l-importanza li tinżamm dimensjoni umana u ffokata fuq il-pazjenti fil-kura tas-saħħa, speċjalment fil-kuntest ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ u d-diffikultà konsegwenti frekwenti fid-differenzjar bejn dak li hu mediku u dak li hu soċjali;

12. Jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni jieħdu azzjoni urġenti biex joħolqu qafas legali koerenti biex jimmaniġġja t-tipi differenti ta’ data dwar is-saħħa u l-użu tagħhom; jenfasizza li s-suċċess rapidu tal-għodda tan-netwerking soċjali juri li n-nies jikkondividu b’mod volontarju l-informazzjoni personali u mhumiex dejjem konxji tal-implikazzjonijiet tad-deċiżjonijiet tagħhom, waqt li t-termini u l-kundizzjonijiet tal-applikazzjonijiet u l-għodda ġodda li jiġbru d-data huma stabbiliti mill-fornituri, ħafna drabi mingħajr salvagwardji u protezzjoni adegwati; jenfasizza l-fatt li l-fiduċja tal-konsumatur hija essenzjali għas-Saħħa elettronika, kemm lokali kif ukoll transkonfinali; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm konformità mar-regoli dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali, peress li dan hu prerekwiżit essenzjali għall-protezzjoni taċ-ċittadini, għall-fiduċja tal-pazjenti fis-servizzi tas-Saħħa elettronika, u għall-funzjonament tajjeb u l-użu aktar frekwenti tal-komunikazzjonijiet elettroniċi sikuri, u interoperabbli u sistemi tal-ħażna tad-dejta, bħall-cloud computing, fis-settur tal-kura tas-saħħa; jenfasizza li l-miżuri dwar il-protezzjoni tad-data għandhom jiġu żviluppati lejn protezzjoni individwali b’saħħitha, iżda b’mod li ma jfixkilx ir-riċerka futura dwar is-saħħa; jenfasizza li data sensittiva, b’mod partikolari d-data medika, għandha tiġi protetta mill-hacking, mill-kxif, mill-ksur tal-privatezza u minn forom oħra ta’ abbuż;

13. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jikkooperaw aktar sabiex jiżguraw ir-responsabbiltà tal-professjonisti fil-kura tas-saħħa fil-livelli nazzjonali u transkonfinali;

14. Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika rieżami kull sentejn tal-progress fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-Saħħa elettronika fl-Istati Membri individwali, fejn turi kif din l-għodda ġiet immodifikata b’mod innovattiv sabiex tipprovdi liċ-ċittadini sistemi tal-kura tas-saħħa effiċjenti u, fid-dawl ta' dan, tistabbilixxi, fl-livell nazzjonali u f'dak tal-Unjoni, indikaturi effettivi għall-kejl tas-suċċess u tal-impatt tal-azzjonijiet ippjanati, filwaqt li tagħti attenzjoni partikolari lil diskriminazzjoni potenzjali jew inugwaljanzi fl-aċċess li jistgħu jaffettwaw lill-konsumaturi u lill-pazjenti.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

30.9.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

30

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Preslav Borissov, Jorgo Chatzimarkakis, Sergio Gaetano Cofferati, Birgit Collin-Langen, Anna Maria Corazza Bildt, Christian Engström, Ildikó Gáll-Pelcz, Vicente Miguel Garcés Ramón, Evelyne Gebhardt, Małgorzata Handzlik, Sandra Kalniete, Edvard Kožušník, Hans-Peter Mayer, Mitro Repo, Heide Rühle, Christel Schaldemose, Catherine Stihler, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Bernadette Vergnaud, Barbara Weiler

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Erik Bánki, Susy De Martini, Tamás Deutsch, Kinga Gál, María Irigoyen Pérez, Ádám Kósa, Morten Løkkegaard, Roberta Metsola, Marc Tarabella, Wim van de Camp, Patricia van der Kammen

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (26.9.2013)

għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza fl-Ikel

dwar il-Pjan ta' Azzjoni dwar is-Saħħa elettronika 2012-2020 – Kura tas-saħħa innovattiva għas-seklu 21
(2013/2061(INI))

Rapporteur: Juozas Imbrasas

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa’ l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-Saħħa elettronika 2012-2020 u jemmen li din toffri sett ta’ linji gwida importanti għall-istituzzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali dwar kif jistgħu jagħmlu s-sistemi tas-saħħa sostenibbli filwaqt li jiżguraw aċċess universali u dwar kif għandhom iħejju s-sistemi tal-kura tas-saħħa fl-UE għall-isfidi ta' llum, li jinkludu l-fatt li l-popolazzjoni qed tixjieħ, l-eżodu taż-żgħażagħ miż-żoni rurali, l-inċidenza dejjem ogħla tal-mard kroniku, il-ħtieġa ta' kura adegwata għall-pazjenti b’xi forma ta' diżabilità, il-ħtieġa li tinżamm id-dimensjoni umana fil-kura tas-saħħa, id-diffikultà dejjem akbar biex jiġu separati kwistjonijiet mediċi minn dawk soċjali, in-numru li dejjem jikber ta’ pazjenti spostati, id-domanda li qiegħda dejjem tikber għal kura ta’ kwalità u għal servizzi speċjalizzati, il-ħtieġa li r-riżorsi – li qed isiru dejjem aktar skarsi – jintużaw b’mod aktar effiċjenti u li jitnaqqsu l-burokrazija u l-korruzzjoni, u l-ħtieġa li jinħoloq ambjent tas-suq aċċessibbli u stabbli biex jitħeġġu l-innovazzjoni, l-impjiegi, l-iżvilupp soċjali u l-ekwità;

2.  Iqis li, kemm minħabba l-impatt tal-bidliet demografiċi u kif ukoll minħabba t-tnaqqis fin-numru ta’ persunal fil-qasam tal-kura tas-saħħa, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri jridu jadottaw riformi strutturali kbar sabiex jagħmlu s-sistemi tas-saħħa sostenibbli u jiżguraw l-aċċess pubbliku għal servizzi b'livell għoli ta' kwalità fir-reġjuni kollha tal-UE, mingħajr eċċezzjonijiet;

3.       Iqis li s-Saħħa elettronika, bħala suppliment għas-servizzi tas-saħħa konvenzjonali, tiftaħ opportunitajiet kbar għal titjib fl-aċċessibilità, il-flessibilità u l-istandard ta' servizzi u sistemi tas-saħħa nazzjonali u transkonfinali ta' kwalità u sostenibbli għaċ-ċittadini kollha tal-UE bl-istess kundizzjonijiet, indipendentement minn fejn jinsabu, miċ-ċittadinanza, mill-introjtu jew status soċjali tagħhom, mid-diżabilità li jista’ jkollhom jew mill-età tagħhom; jenfasizza li l-għarfien tal-pazjenti dwar is-saħħa, il-ħiliet diġitali tal-pazjenti u tal-persunal tal-kura tas-saħħa (partikolarment fil-qasam tal-protezzjoni tad-dejta, li hija essenzjali biex ikun hemm il-fiduċja bejn il-partijiet kollha u biex l-ICT jiġu inkorporati b'mod aktar effettiv fis-settur tas-saħħa), l-aċċess għall-broadband u l-aċċess għal għodod tal-ICT tas-Saħħa elettronika li jiffavorixxu l-utenti huma essenzjali biex tissaħħaħ il-koeżjoni soċjali u territorjali, titjieb l-organizzazzjoni tat-trattamenti kif ukoll il-kwalità u s-sikurezzafil-kuntest tat-trattament u tal-kura, jiġu eliminati l-inugwaljanzi tas-saħħa, ikunu żgurati s-sikurezza u s-sorveljanza għall-pazjenti u jkun provdut aċċess għal miżuri tal-kura tas-saħħa preventivi u pariri mediċi f’reġjuni remoti, reġjuni b’livell baxx ta’ popolazzjoni u reġjuni li jkollhom xi żvantaġġ ieħor; iqis li f’dan ir-rigward, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol essenzjali x’jiżvolġu fit-tixrid tal-informazzjoni dwar il-benefiċċji u l-opportunitajiet tas-Saħħa elettronika, il-faċilitazzjoni tad-diġitalizzazzjoni, l-organizzazzjoni ta' edukazzjoni u taħriġ kontinwu skont il-ħtiġijiet tal-komunitajiet lokali, u fl-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-voluntiera, li joffru valur miżjud għax jikkontribwixxu għall-koeżjoni soċjali;

4.  Iqis li l-Kummissjoni trid tiffaċilita l-użu tal-Fondi Strutturali tal-UE sabiex tistabbilixxi infrastruttura tas-Saħħa elettronika fl-UE filwaqt li tiżviluppa linji gwida għall-interoperabbiltà ta’ dawn is-sistemi fl-UE kollha;

5.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat appoġġ adegwat għall-SMEs fil-qasam tal-kura tas-saħħa elettronika, biex ikun żgurat l-aċċess tagħhom għas-suq fuq termini ugwali , fil-kuntest tal-promozzjoni tal-ekonomija soċjali u l-kontribut tagħhom għall-koeżjoni soċjali u territorjali;

6.  Iqis li, bin-nuqqasijiet kollha tagħha, is-Saħħa elettronika għandha potenzjal kbir u tista’ tkun ta’ benefiċċju għall-pubbliku ġenerali, il-pazjenti, il-persunal mediku u l-awtoritajiet;

7.  Iqis li l-provvista tal-għodod meħtieġa għall-użu tad-dejta pubblika u f’ħin reali se tiffaċilita komprensjoni aqwa tar-riskju tal-benefiċċju, it-tbassir ta’ avvenimenti negattivi, u t-titjib fl-effiċjenza tal-valutazzjoni tat-teknoloġiji tas-saħħa;

8.  Jisħaq fuq il-ħtieġa, fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni u l-politiki reġjonali, ta' sforzi sostnuti biex jiġu eliminati d-diverġenzi reġjonali, partikolarment fir-rigward ta’ aċċess għal servizzi tal-ICT;

9.  Jirrimarka li s-servizzi tas-saħħa effiċjenti huma għodda importanti għall-iżvilupp reġjonali u l-kompetittività; jinnota li f’ħafna Stati Membri, il-politika tas-saħħa hi, sa livelli differenti, fdata f’idejn l-awtoritajiet reġjonali u lokali, u jilqa’ l-involviment attiv tagħhom fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġetti tas-Saħħa elettronika; jitlob li jissaħħaħ ir-rwol tal-awtoritajiet reġjonali u lokali fl-iżvilupp tas-servizzi u tal-infrastrutturi tas-Saħħa elettronika u jħeġġeġ l-iżvilupp ta’ sħubiji pubbliċi u privati biex jiġu ottimizzati s-servizzi mediċi u biex jintużaw bl-aktar mod effiċjenti; hu tal-fehma li approċċ tal-governanza li jiffunzjona tajjeb u b’ħafna livelli hu prekundizzjoni għat-tfassil u l-implimentazzjoni b’suċċess u tas-Saħħa elettronika u l-akkwist u l-iżvilupp ta' tipi ġodda ta’ ħiliet diġitali mill-professjonisti tal-kura tas-saħħa u l-pazjenti;

10. Jinnota li, fid-dawl tad-differenzi ferm sostanzjali bejn ir-reġjuni tal-UE, is-Saħħa elettronika taf tkun vantaġġ prominenti, speċjalment għal residenti f’reġjuni anqas żviluppati, billi tipprovdilhom aċċess aqwaħjar, aktar trasparenti u irħas għal servizzi ta’ kwalità;

11. Jenfasizza li d-differenzi reġjonali fl-aċċess għal servizzi tal-ICT u l-kopertura insuffiċjenti tal-broadband f’ċerti żoni jistgħu jfixklu l-adozzjoni tas-Saħħa elettronika; jirrakkomanda aktar investiment fl-infrastruttura tal-ICT, b’kunsiderazzjoni tal-opportunitajiet ta’ finanzjament futuri taħt il-Politika ta’ Koeżjoni, sabiex jingħalqu l-lakuni u biex jiġi ffaċilitat l-użu tas-servizzi tas-Saħħa elettronika;

12. Jenfasizza li l-organizzazzjoni tas-sistemi tal-kura tas-saħħa hi kompetenza tal-awtoritajiet tal-Istati Membri, li għandhom ir-responsabbiltà u d-dmir li jiżguraw l-aċċess taċ-ċittadini kollha tagħhom għall-kura tas-saħħa ta’ kwalità u jiggarantixxu s-sostenibbiltà tagħha bħala servizz pubbliku essenzjali f'termini ta' koeżjoni soċjali u territorjali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, madankollu, tiżvolġi rwol aktar attiv fil-koordinazzjoni tal-azzjonijiet tal-Istati Membri, fit-tħeġġiġ tal-kooperazzjoni, fis-sensibilizzazzjoni, fil-promozzjoni ta’ investiment f’teknoloġiji innovattivi, fl-iċċarar tal-kundizzjonijiet u fl-identifikazzjoni ta’ ostakoli komuni eżistenti għall-provvediment tal-kura tas-saħħa transkonfinali sabiex tiggarantixxi l-interoperabilità tagħha (pereżempju fir-rigward tal-proċeduri tar-rimborżi u l-ġbir u l-evalwazzjoni ta' dejta tal-kura tas-saħħa), fil-faċilitazzjoni tal-iżvilupp konġunt ta' bażijiet tad-dejta fl-UE kollha u fil-valutazzjoni tal-effiċjenza ta' applikazzjonijiet eżistenti tas-Saħħa elettronika bl-għan li trawwim l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn il-fornituri tal-kura tas-saħħa u l-pazjenti fil-livell tal-UE u dawk reġjonali u lokali;

13. Iqis li hi ħasra kbira, speċjalment fid-dawl tal-kriżi tal-kompetittività attwali fl-Unjoni, dwar it-tnaqqis propost għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa għall-broadband u s-servizzi diġitali; jittama li l-finanzjament għal dan il-qasam fl-ambitu tal-inizjattiva Orizzont 2020 jinżamm; iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jagħmlu użu effettiv mill-fondi tal-UE għall-finanzjament tas-Saħħa elettronika, mingħajr ma jnaqqsu l-fondi għas-servizzi tas-saħħa tradizzjonali jew jgħalqu sptarijiet tal-komunità, pereżempju, u jaqsmu bejniethom l-għarfien dwar is-saħħa;

14. Huwa mħasseb dwar in-nuqqasijiet sinifikanti fil-provvista tas-servizzi tas-saħħa fi żminijiet ta’ kriżi, inter alia bl-għeluq ta’ ċentri tas-saħħa u bit-tnaqqis tal-persunal li jżidu mal-isfidi speċifiċi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-gżejjer u ż-żoni remoti u muntanjużi sabiex jiżguraw aċċessibilità għal servizzi tas-saħħa.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

24.9.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

44

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

François Alfonsi, Charalampos Angourakis, Catherine Bearder, John Bufton, Francesco De Angelis, Tamás Deutsch, Rosa Estaràs Ferragut, Danuta Maria Hübner, Filiz Hakaeva Hyusmenova, Iñaki Irazabalbeitia Fernández, María Irigoyen Pérez, Seán Kelly, Mojca Kleva Kekuš, Constanze Angela Krehl, Jacek Olgierd Kurski, Petru Constantin Luhan, Vladimír Maňka, Iosif Matula, Erminia Mazzoni, Miroslav Mikolášik, Jens Nilsson, Jan Olbrycht, Wojciech Michał Olejniczak, Younous Omarjee, Tomasz Piotr Poręba, Ovidiu Ioan Silaghi, Monika Smolková, Georgios Stavrakakis, Nuno Teixeira, Lambert van Nistelrooij, Oldřich Vlasák, Kerstin Westphal, Hermann Winkler, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Andrea Cozzolino, Joseph Cuschieri, Ivars Godmanis, Juozas Imbrasas, Karin Kadenbach, James Nicholson, Elisabeth Schroedter, Richard Seeber, Giommaria Uggias, Iuliu Winkler

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

António Fernando Correia de Campos, Sabine Verheyen

OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (4.10.2013)

għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

dwar il-Pjan ta' Azzjoni dwar is-Saħħa elettronika 2012-2020 - Kura tas-saħħa innovattiva għas-seklu 21
(2013/2061(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Licia Ronzulli

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jistieden lill-Istati Membri, minħabba li l-Pjan ta' Azzjoni dwar is-Saħħa elettronika għandu l-għan li joħloq opportunitajiet ta’ impjiegi ġodda fis-setturi tar-riċerka, is-saħħa, il-mediċina u l-ICT, jagħtu attenzjoni partikolari lill-bilanċ tal-ġeneri fl-edukazzjoni, it-taħriġ u r-reklutaġġ f’dawn is-setturi kollha;

2.  Jenfasizza li n-nisa huma partikolarment sotto-rappreżentati fis-setturi tar-riċerka u tal-ICT; iqis li l-Kummissjoni għalhekk għandha tippromwovi azzjonijiet integrati u kollettivi bħalma huma programmi ta’ mentoring u skemi sabiex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tan-nisa f’dawn is-setturi;

3.  Jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu trattament u ħlas indaqs għall-irġiel u għan-nisa li jidħlu għal dawn il-funzjonijiet ġodda;

4.  Jistieden lill-Istati Membri ħalli, meta jippromwovu l-pjan, jenfasizzaw l-importanza tal-bilanċ tal-ġeneri;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw aċċess indaqs lin-nisa għall-qasam tas-saħħa elettronika, mhux biss bħala pazjenti iżda wkoll bħala dawk li jikkuraw lill-oħrajn (professjonali u mhumiex), bħala speċjalisti tal-ICT u bħala dawk li jfasslu l-politika; jenfasizza l-fatt li n-nisa huma involuti fil-livelli kollha tas-settur tas-saħħa tul ħajjithom kollha;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu approċċ b’kuxjenza tal-ġeneri għall-kura tas-saħħa u l-mediċina u, waqt l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-Saħħa elettronika, iqisu l-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa u l-bniet bħala benefiċjarji tal-kura tas-saħħa; billi, minħabba l-aspettattiva ta' ħajja itwal u s-sensittività tal-ġeneru għal ċertu mard, in-nisa jintlaqtu minn mard kroniku u diżabilitanti b’rata ogħla;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ u tippromwovi servizzi ta’ saħħa elettronika mfassla għan-nisa ta’ kull età, b’mod aktar speċifiku dawk li jittrattaw kwistjonijiet tas-saħħa tan-nisa u b’hekk joffru pariri u soluzzjonijiet ta’ kura orjentati lejn in-nisa;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ u tippromwovi servizzi ta’ saħħa elettronika mfassla għal dawk li jindokraw lill-oħrajn (b'mod informali) fil-familja, li ħafna minnhom għadhom qed ikunu n-nisa, sabiex jingħataw appoġġ fil-kompiti tagħhom ta’ indokrar li sikwit ikunu tqal u sabiex ikunu jistgħu joffru l-aħjar kura possibbli;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi soluzzjonijiet tas-saħħa elettronika għan-nisa iżolati, mhux biss dawk li jgħixu f'żoni remoti iżda wkoll nisa iżolati u li ma joħorġux minn djarhom li m'għandhomx il-mobilità meħtieġa u/jew netwerk ta' appoġġ (soċjali) għas-sostenn tas-saħħa u l-benessri tagħhom;

10. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi soluzzjonijiet tas-saħħa elettronika li jiffaċilitaw l-għajxien indipendenti u li jipprevjenu l-inċidenti domestiċi, sabiex in-nisa anzjani jkunu jistgħu jgħixu ħajja indipendenti sakemm ikunu jridu jew sakemm jixtiequ, irrispettivament mill-istatus tas-saħħa tagħhom;

11. Jistieden lill-Kummissjoni tittratta l-iżolament tal-informazzjoni tal-ġenerazzjonijiet anzjani, b’mod partikolari tan-nisa anzjani u tħeġġeġ u tippromwovi t-teknoloġiji tas-saħħa elettronika bħala kontribut għall-objettivi tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ tixjiħ attiv u b'saħħtu (HLY+2).

12. Jenfasizza li l-ispejjeż tat-tagħmir, tal-konnessjonijiet u tal-komunikazzjonijiet relevanti jistgħu jkunu ostakolu importanti għan-nisa, bħala benefiċjarji jew bħala dawk li jindokraw, fl-aċċess u l-użu tal-ICTs għas-saħħa;

13. Jirrikonoxxi l-bżonn li t-teknoloġiji tas-saħħa elettronika jilliberaw il-potenzjal tagħhom b'mod speċjali fir-rigward ta’ kwistjonijiet tas-saħħa li għadhom imxekkla minn taboos maġġuri, bħalma huma l-abbuż tal-anzjani, l-abbuż sesswali u kwistjonijiet oħra tas-saħħa sesswali u riproduttiva;

14. Jistieden lill-Kummissjoni tqis u tippromwovi s-saħħa elettronika bħala kontribut lejn sistemi tal-kura (tas-saħħa) aktar effettivi li għandhom l-għan li jtejbu s-saħħa u l-benessri tan-nisa tul il-ħajja kollha, sabiex tagħti kontribut biex tingħalaq id-disparità ta’ bejn is-sessi fl-eżiti globali tas-saħħa;

15. Ifakkar li, peress li wieħed mill-objettivi ewlenin tal-Pjan ta' Azzjoni dwar is-Saħħa elettronika hu li jiġi żgurat aċċess indaqs għas-servizzi tal-kura tas-saħħa liċ-ċittadini kollha tal-Unjoni, għandhom jittieħdu miżuri b'urġenza biex jingħalaq id-distakk diġitali ta’ bejn ir-reġjuni differenti tal-Istati Membri u ta' bejn il-popolazzjonijiet urbani u rurali u, b'mod aktar partikolari, biex jiġu indirizzati d-disparitajiet li jolqtu lin-nisa, l-anzjani, il-persuni b'diżabilità u l-persuni minn gruppi żvantaġġati fis-soċjetà fir-rigward tal-aċċess għall-ICTs fi ħdan l-Istati Membri; jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni partikolari lil dawk in-nisa li jgħixu f’ċirkostanzi bi dħul baxx u f’żoni rurali, kif ukoll lin-nisa anzjani, li spiss ma jkollhomx ħiliet tal-ICT;

16. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lill-kompetenza diġitali u lit-taħriġ tekniku għan-nisa, speċjalment għan-nisa anzjani, biex jiġi żgurat li l-għodod tas-saħħa elettronika, b’mod speċjali t-telemediċina, ikunu ġenwinament effettivi u aċċessibbli għall-popolazzjoni kollha kemm hi;

17. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-litteriżmu tas-saħħa u tal-ICT għall-ġenerazzjonijiet anzjani, b’mod partikolari għan-nisa anzjani, u tħeġġeġ u tippromwovi soluzzjonijiet ta’ saħħa elettronika immirati lejn l-utent u n-nisa bħala kontribut għall-objettivi tal-Kummissjoni fir-rigward tat-tixjiħ attiv u b’saħħtu;

18. Jistieden lill-Istati Membri biex, fl-indirizzar tal-objettivi operattivi tal-Pjan ta’ Azzjoni, jitrattaw l-ostakoli għall-mobilità okkupazzjonali tan-nisa fis-settur tas-saħħa elettronika, b’mod partikolari t-taħriġ tat-tfajliet fl-ICT għal karrieri futuri;

19. Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi linji gwida ċari fir-rigward tal-finanzjament sabiex tappoġġa b’mod dirett is-setturi tal-ICT u tas-saħħa, li ġew rikonoxxuti bħala s-setturi bl-akbar potenzjal ta’ tkabbir u ta’ impjiegi;

20. Jirrakkomanda li l-Istati Membri u l-Kummissjoni, bl-għajnuna tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE), jiġbru data diżaggregata skont il-ġeneru dwar sejbiet inizjali rigward l-aċċessibilità u l-impatt ta’ sistemi u għodda tas-saħħa elettronika, u jitlob li jittieħdu passi għall-kondiviżjoni tal-aħjar prattika fl-implimentazzjoni tas-saħħa elettronika;

21. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni lil-litteriżmu tal-pazjenti fir-rigward tas-saħħa biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-għodod tas-saħħa elettronika.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

3.10.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Regina Bastos, Andrea Češková, Edite Estrela, Iratxe García Pérez, Mary Honeyball, Astrid Lulling, Elisabeth Morin-Chartier, Krisztina Morvai, Joanna Senyszyn, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Britta Thomsen, Marina Yannakoudakis

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Izaskun Bilbao Barandica, Minodora Cliveti, Mariya Gabriel, Nicole Kiil-Nielsen, Christa Klaß, Doris Pack, Angelika Werthmann

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Gesine Meissner

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

27.11.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

62

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Elena Oana Antonescu, Pilar Ayuso, Paolo Bartolozzi, Sandrine Bélier, Sergio Berlato, Lajos Bokros, Franco Bonanini, Biljana Borzan, Yves Cochet, Spyros Danellis, Chris Davies, Esther de Lange, Bas Eickhout, Edite Estrela, Jill Evans, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Matthias Groote, Françoise Grossetête, Satu Hassi, Jolanta Emilia Hibner, Dan Jørgensen, Martin Kastler, Holger Krahmer, Corinne Lepage, Kartika Tamara Liotard, Linda McAvan, Miroslav Ouzký, Gilles Pargneaux, Andrés Perelló Rodríguez, Pavel Poc, Frédérique Ries, Anna Rosbach, Oreste Rossi, Dagmar Roth-Behrendt, Kārlis Šadurskis, Carl Schlyter, Richard Seeber, Theodoros Skylakakis, Bogusław Sonik, Dubravka Šuica, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Salvatore Tatarella, Thomas Ulmer, Glenis Willmott, Sabine Wils, Marina Yannakoudakis

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Erik Bánki, Gaston Franco, Julie Girling, Eduard-Raul Hellvig, Georgios Koumoutsakos, Marusya Lyubcheva, Judith A. Merkies, Miroslav Mikolášik, James Nicholson, Alojz Peterle, Vittorio Prodi, Marita Ulvskog, Vladimir Urutchev, Anna Záborská, Andrea Zanoni