RAPPORT dwar “Speċjalizzazzjoni intelliġenti: eċċellenza fin-netwerking għal Politika ta’ Koeżjoni soda”

16.12.2013 - (2013/2094(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali
Rapporteur: Hermann Winkler

Proċedura : 2013/2094(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0462/2013
Testi mressqa :
A7-0462/2013
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar “Speċjalizzazzjoni intelliġenti: eċċellenza fin-netwerking għal Politika ta’ Koeżjoni soda”

(2013/2094(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari t-Titoli XVII, XVIII u XIX tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999[1],

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 2006/702/KE tal-Kunsill tas-6 ta' Ottubru 2006 dwar il-linji gwida strateġiċi Komunitarji dwar il-koeżjoni[2],

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Lulju 2011 dwar il-Ħames Rapport ta’ Koeżjoni tal-Kummissjoni u l-istrateġija għall-politika ta’ koeżjoni ta’ wara l-2013[3],

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Ġunju 2011 dwar is-sitwazzjoni attwali u sinerġiji futuri għal effikaċja akbar bejn il-FEŻR u Fondi Strutturali oħra[4],

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Ottubru 2010 dwar il-politika ta’ koeżjoni u l-politika reġjonali tal-UE wara l-2013[5],

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Mejju 2010 dwar il-kontribut tal-Politika ta’ Koeżjoni għall-kisba tal-objettivi ta’ Lisbona u tal-UE 2020[6],

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Mejju 2010 dwar l-implimentazzjoni tas-sinerġiji tal-fondi assenjati għar-riċerka u l-innovazzjoni fir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u s-Seba' Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp fil-bliet u r-reġjuni kif ukoll fl-Istati Membri u fl-Unjoni[7],

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ottubru 2011 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 (COMM(2011) 0615),

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ottubru 2011 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, u l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 (COMM(2011) 0614),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2010 bit-titolu “Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020: Unjoni tal-Innovazzjoni” (COMM(2010) 0546),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 bit-titolu “Konklużjonijiet tal-ħames rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: il-futur tal-politika ta’ koeżjoni” (COMM(2010) 0642),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2010 bit-titolu “Politika Reġjonali li tikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti fl-Ewropa 2020” (COMM(2010) 0553),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu “Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COMM(2010) 2020),

–   wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Kummissjoni ta’ Marzu 2012 “Linji gwida għal strateġiji ta' riċerka u l-innovazzjoni għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti (RIS 3)”,

–   wara li kkunsidra r-“Report on innovation driven-growth in regions: the role of smart specialisation” (Rapport dwar tkabbir immexxi mill-innovazzjoni fir-reġjuni: ir-rwol tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti) tal-OECD ta’ Diċembru 2012,

–   wara li kkunsidra l-istudju tiegħu bl-isem “Kondizzjonalitajiet ex ante fil-politika ta’ koeżjoni” ta' Diċembru 2012, ikkommissjonat mid-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Marzu 2013, bit-titolu l-“L-Istat tal-Unjoni tal-Innovazzjoni 2012– Aċċellerazzjoni tal-bidla” (COM(2013)0149),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Settembru 2013 bit-titolu “Kejl tar-riżultati tal-innovazzjoni fl-Ewropa: lejn indikatur ġdid” (COM(2013)0624),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0462/2013),

A.  billi l-UE għandha żżid l-isforzi tagħha biex tikkompleta l-Unjoni tal-Innovazzjoni u toħloq tkabbir ekonomiku sostenibbli, speċjalment f’dawn iż-żminijiet ta’ kriżi ekonomika, finanzjarja u soċjali u billi l-fondi disponibbli huma limitati minħabba l-limitazzjoni baġitarja f'ħafna Stati Membri u reġjuni, kif ukoll fil-livell tal-UE, u għaldaqstant għandhom jintużaw partikolarment b’mod effiċjenti;

B.   billi "Strateġija ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti" tfisser l-istrateġiji ta’ innovazzjoni nazzjonali jew reġjonali li jistabbilixxu prijoritajiet b’mod il jinbena vantaġġ kompetittiv billi jiġu żviluppati u mqabbla l-vantaġġi proprji tar-riċerka u innovazzjoni (R&I) mal-ħtiġijiet tan-negozju biex jiġu indirizzati l-opportunitajiet emerġenti u l-iżviluppi fis-suq b’mod koerenti, filwaqt li jiġu evitati d-duplikazzjoni u l-frammentazzjoni tal-isforzi, u li jistgħu jieħdu l-forma tal-qafas ta’ politika strateġika ta’ R&I nazzjonali jew reġjonali jew jiġu inklużi fiha[8];

C.  billi l-appoġġ għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni (RŻI) huwa wieħed mill-objettivi tal-Politika ta’ Koeżjoni li huwa suġġett għall-konċentrazzjoni tematika obbligatorja taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) għall-2020-2020;

D.  billi fir-rigward tal-perjodu tal-ippjanar tal-programm 2014–2020 ir-reġjuni huma obbligati għall-ewwel darba, li jfasslu strateġija ta' R&I, li bl-għajnuna tagħha għandha tissaħħaħ il-kapaċità tal-innovazzjoni reġjonali u li l-ispejjeż fil-qasam tar-RŻI għandhom jiġu kkoordinati b’mod aktar effettiv[9];

E.   billi, f'dan il-proċess, ir-reġjuni għandhom jiffokaw fuq numru żgħir ta' oqsma prijoritarji li jikkunsidraw il-punti b'saħħtihom u l-punti dgħajfa rispettivi tagħhom, u għandhom jagħtu spinta lill-innovazzjoni u jġeddu l-eknomiji reġjonali b'mod sostenibbli;

F.   billi r-reġjuni għandhom jiżviluppaw strateġija bħal din ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti permezz ta' proċess ta' awtoanaliżi kritika u f'kooperazzjoni mill-qrib mas-soċjetà ċivili u mal-partijiet interessati li jinkludu ċ-ċentri tar-riċerka, l-universitajiet, l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni superjuri u n-negozji[10];

G.  billi l-għan tal-istrateġija huwa li jiġu massimizzati l-effetti ta’ sinerġija possibbli tal-istrumenti u l-investimenti kollha fil-qasam tar-RŻI – u li jissaħħu l-effetti ta’ sinerġija bejn l-Orizzont 2020 u l-Fondi Strutturali – sabiex jintaqqas id-distakk fl-innovazzjoni bejn ir-reġjuni;

H.  billi r-reġjuni għandhom ukoll ifasslu pjanijiet ta’ investiment għall-użu tal-finanzjament disponibbli reġjonali, nazzjonali u tal-UE kollu għar-RŻI, filwaqt li jindikaw ukoll kif bi ħsiebhom jistimolaw l-investiment privat u kif dan għandu jintuża fl-implimentazzjoni tal-prijoritajiet ta’ RŻI tal-Unjoni fis-snin li ġejjin;

I.    billi s-sommarji ta’ tali strateġiji, jew tal-inqas il-pjanijiet għall-implimentazzjoni tagħhom, għandhom jiġu inklużi fil-ftehimiet ta’ sħubija u fil-programmi operazzjonali;

J.    billi l-Kummissjoni tista’ ma toħroġx il-pagamenti interim tal-finanzjament tal-FEŻR għall-objettiv tematiku tat-tisħiħ tar-RŻI jekk dawn il-prekondizzjonijiet ma jiġux issodisfati;

K.  billi, minħabba n-natura ta' governanza f'diversi livelli tal-politika reġjonali, ir-reġjuni għandhom jiġu permessi l-flessibilità biex jidentifikaw il-modalitajiet għas-sodisfazzjon tal-kondizzjonalitajiet ex-ante;

L.   billi r-reġjuni ma għandhomx jimiraw biss lejn integrazzjoni interna aktar b'saħħitha, iżda għandhom isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom anke bejniethom sabiex isiru aktar kompetittivi fuq livell globali;

Kummenti ġenerali

1.   Jirrikonoxxi li l-istrateġija ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti hija proċess dinamiku u fit-tul li fih il-parteċipanti jitgħallmu kontinwament, u li dan il-proċess għandu jitkompla wkoll matul il-perjodu tal-ippjanar tal-programm li jmiss u lil hinn minnu;

2.   Jikkunsidra li, minbarra l-ħtieġa li din il-kondizzjonalità ex-ante tiġi ssodisfata, l-iżvilupp ta' tali strateġija jista' joffri lir-reġjuni vantaġġi sinifikanti għal żmien medju u fit-tul f’dik li hi effikaċja tar-RŻI tagħhom għax jinvolvi approċċ ikkoordinat u ħarsa mill-qrib lejn il-potenzjal tagħhom ta' innovazzjoni;

3.   Jistieden lil kull reġjun jara tali strateġija mhux biss bħala obbligu statutorju iżda wkoll bħala sors ta' opportunitajiet; jistieden, għalhekk, lir-reġjuni u lill-Istati Membri kollha biex ikomplu b'mod attiv l-iżvilupp tal-istrateġija ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti tagħhom, jekk dawn għadhom ma għamlux hekk, sabiex ma jirriskjawx dewmien fir-riċeviment tal-finanzjament tal-UE għall-programmi operazzjonali rilevanti minħabba li ma jkunx hemm tali strateġija;

4.   Jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' informazzjoni fir-reġjuni u jenfasizza, għalhekk, l-importanza tal-konsulenza u l-appoġġ ipprovduti minn DĠ REGIO, DĠ RTD u direttorati ġenerali oħra rilevanti, kif ukoll mill-pjattaforma f'Sivilja[11], u jistidinhom ikomplu jżidu l-attivitajiet tagħhom; jappella lir-reġjuni kollha sabiex jagħmlu użu ikbar mill-kontenut tal-pjattaforma; jagħti l-appoġġ tiegħu biex jiġu żviluppati kampanji lokali fuq skala wiesgħa biex ixerrdu informazzjoni dwar l-istrateġija ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti sabiex il-partijiet interessati u s-soċjetà ċivili jkunu jistgħu jieħdu sehem;

5.   Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja r-reġjuni fl-istabbiliment ta’ sistema ta’ monitoraġġ prevista b'mod effettiv, bl-użu ta’ indikaturi sinifikanti, u biex b'hekk, b'mod partikolari, tiġi pprovduta dejta li fuqha jkunu jistgħu jiġu bbażati paraguni tal-UE kollha u dawk internazzjonali;

Il-prijoritajiet ‘korretti’

6.   Jenfasizza li r-reġjuni huma differenti minn xulxin b’mod sinifikanti fir-rigward tal-livell ta’ żvilupp tagħhom u għandhom punti pożittivi u negattivi ferm differenti; jitlob, għalhekk, lir-reġjuni jagħmlu l-għażla adegwata tagħhom ta' azzjonijiet billi jiffokaw fuq it-tisħiħ tal-karatteristiċi fuq bażi reġjonali, il-potenzjali u l-vantaġġi kompetittivi tagħhom, minflok sempliċement jikkupjaw strateġiji b'suċċess ta' reġjuni oħra;

7.   Jenfasizza li biex jiġu sfruttati swieq ġodda, ir-reġjuni jistgħu jagħmlu ħilithom biex ikunu pijunieri fl-invenzjoni ta' teknoloġiji ġodda, imma jistgħu wkoll diġà jinvestu fl-attivitajiet relatati mal-għarfien, il-ħiliet u l-abbiltajiet eżistenti, jekk it-trasferiment tal-għarfien ikun l-akbar hawnhekk (‘related diversity’);

8.   Jenfasizza kemm hu importanti, f’dak li hu tisħiħ tal-ekonomiji reġjonali, li l-fokus ma jkunx esklussivament fuq oqsma individwali ta' vantaġġ kompetittiv, iżda li tinħoloq ukoll katina ta’ valuri li tgħaqqad l-istadji kollha tal-iżvilupp u l-manifattura, mir-riċerka bażika, għar-riċerka orjentata lejn l-applikazzjoni u t-trasferiment tat-teknoloġiji, għal prodotti utilizzabbli speċifiċi u bidu ta’ negozji;

9.   Jinkoraġġixxi r-reġjuni jinvestu f'attivitajiet transsettorjali u ta' teknoloġiji trażversali fl-ekonomija reġjonali kollha sabiex varjetà ta' negozji, li tkun kemm jista' jkun wiesgħa, tista' tikkontribwixxi għall-ġenerazzjoni ta' aktar tkabbir u impjiegi, kif ukoll tibbenefika minnha; jinkoraġġixxi, f'dan ir-rigward, ir-reġjuni b'mod partikolari biex jinkiseb u jitrawwem il-potenzjal tat-tipi kollha ta' SMEs – li skont id-definizzjoni huma mikroimpriżi, impriżi żgħar u impriżi ta' daqs medju[12] – peress li jagħtu spinta lill-innovazzjoni u huma, għalhekk, ta' importanza fundamentali għall-ekonomija f'kull reġjun.

10. Huwa tal-fehma li r-reġjuni, meta jagħżlu l-prijoritajiet tagħhom għandhom, minbarra li jsaħħu s-sistemi ta' innovazzjoni tagħhom bil-għan li jiksbu aktar kompetittività u valur miżjud, jieħdu azzjonijiet li jindirizzaw l-isfidi strutturali u soċjetali fi ħdan is-soċjetà bħall-qgħad, il-faqar, is-sigurtà tal-enerġija u t-tibdil demografiku;

11. Jistieden lir-reġjuni ma jiffukawx biss fuq l-innovazzjoni bbażata fuq it-teknoloġija, iżda li l-istrateġiji jkunu bbażati fuq l-aktar kunċett ta’ innovazzjoni wiesgħa possibbli; jittama li tiġi kkunsidrata mhux sempliċement l-innovazzjoni teknoloġika ta’ grad għoli iżda wkoll dik ta' grad baxx u, saħansitra, l-innovazzjoni li mhix teknoloġika, bħalma huma l-ottimizzazzjoni tal-proċessi u t-trasformazzjoni organizzazzjonali; jiġbed l-attenzjoni speċifikament għall-innovazzjoni soċjali u ambjentali f’dan il-kuntest; jenfasizza li l-għan tal-istrateġiji tal-innovazzjoni għandhom ikunu jistgħu jistimolaw il-prattiki innovattivi;

12. Jinsab konxju li t-twaqqif tal-prijoritajiet huwa proċedura sensittiva u riskjuża li jieħdu r-reġjuni; jemmen, għalhekk, li l-introduzzjoni ta' sistema ta' rieżami tista' toffri r-reġjuni l-opportunità li jikkunsidraw mill-ġdid l-istrateġji tagħhom; huwa tal-fehma li l-għażla inizjali ta’ indikaturi sinifikanti li jkunu orjentati lejn ir-riżultati u l-kwalità tal-kontribut mill-atturi involuti huma fatturi ewlenin għas-suċċess tal-istrateġija tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, li jnaqqsu r-riskju li jsiru l-iżbalji fit-twaqqif tal-prijoritajiet;

Involviment eqreb ta’ atturi fi ħdan ir-reġjuni

13. Huwa tal-fehma li l-kwalità tal-kooperazzjoni amministrattiva mal-partijiet interessati rilevanti fir-reġjun għandha influwenza sinifikanti fuq is-suċċess tal-istrateġija RIS 3 u se tnaqqas b'mod sinifikanti r-riskju li jiġu meħuda għażliet ħżiena fl-iffissar tal-prijoritajiet;

14. Jenfasizza, f’dan il-kuntest, l-importanza tal-konsultazzjoni tan-negozji, partikolarment l-SMEs, peress li l-“viżjoni ta' innovazzjoni” se jkollha suċċess biss jekk in-negozji jkollhom ukoll il-potenzjal korrispondenti li jimplimentawha;

15. Jenfasizza l-ħtieġa li l-proċessi ta’ konsultazzjoni u l-gruppi fil-mira kollha jiġu kkunsidrati mill-ġdid u fejn ikun meħtieġ jitwessgħu sabiex jiġi evitat li jintilfu promoturi futuri tal-innovazzjoni; iqis li huwa partikolarment importanti li jiġu involuti l-intraprendituri futuri;

16. Jiċċara l-fatt li, fil-proċess tal-iżvilupp ta' viżjoni kondiviża, għal raġunijiet ta' sjieda u sensibilizzazzjoni, huwa fundamentali li dawk li jfasslu politika lokali u reġjonali, l-universitajiet, iċ-ċentri u n-negozji ta' riċerka u innovazzjoni, kif ukoll is-soċjetà ċivili u l-atturi soċjali, jiġu involuti mill-qrib kemm jista' jkun;

17. Jenfasizza r-rwol importanti li twettaq il-kooperazzjoni mill-qrib ġewwa t-trijangolu tal-għarfien, pereżempju fil-qafas tal-Istitut Ewropew għar-Riċerka u l-Innovazzjoni jew ir-raggruppamenti u taċ-ċentri reġjonali tal-innovazzjoni; jenfasizza, f’dan ir-rigward, l-importanza ta’ ‘investiment fin-nies’;

18. Jistieden lill-partijiet interessati pubbliċi u privati jużaw id-diversi opportunitajiet biex jiffinanzjaw dawn l-azzjonijiet taħt il-FEŻR għall-2014-2020, inkluż billi japoġġaw it-twaqqif ta' inkubaturi reġjonali ta' innovazzjoni u billi jiżviluppaw konnessjonijiet u sinerġiji bejn l-universitajiet, l-istituzzjonijiet oħrajn ta' riċerka u edukazzjoni għolja, intraprendituri u negozji innovattivi u kreattivi, u fornituri ta' appoġġ tan-negozju u investituri, bħal e.ż. fil-każ ta' industriji kreattivi u kulturali;

19. Huwa tal-fehma li għal dan il-proċess għandhom ikunu fis-seħħ strutturi adegwati u amministrazzjoni effiċjenti, u li l-awtoritajiet amministrattivi u l-ministeri għandhom jistabbilixxu kultura ta’ kooperazzjoni bejniethom kif ukoll fl-approċċ tagħhom man-negozji u l-atturi l-oħrajn; jistieden lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u lill-awtoritajiet, kemm reġjonali kif ukoll nazzjonali, jimmodernizzaw il-proċeduri interni tagħhom skont il-ħtiġijiet tal-‘proċess ta’ skoperta intraprenditorjali’ l-ġdid, u b’mod partikolari jidħlu fi djalogu fit-tul aktar intensiv mal-atturi rilevanti; jinkoraġġixxi lill-SMEs, speċjalment fir-reġjuni li għandhom sehem qawwi ta’ tali impriżi, jikkollaboraw permezz ta’ pjattaformi adegwati bil-għan li jsaħħu r-rwol tagħhom fil-proċess ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti; jirrakkomanda li, jekk ikun meħtieġ, ir-riżorsi disponibbli għall-bini tal-kapaċitajiet għandhom jintużaw biex tkompli tingħata aktar setgħa lill-amministrazzjonijiet u lill-partijiet interessati;

20. Iqis li l-awtoritajiet u l-atturi kollha kkonċernati fil-livell reġjonali għandhom, jekk ikun meħtieġ, jiġu offruti taħriġ ta' kwalità għolja u seminars iffokati fuq kwistjonijiet relatati mat-tħejjija u l-implimentazzjoni ta' strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti;

Il-kisba ta’ sinerġija bejn il-programmi ta' żvilupp

21. Jilqa’ l-progress miksub mill-Kummissjoni u l-awtorità leġiżlattiva tal-UE fl-isforzi tagħhom biex itejbu l-kundizzjonijiet għal sinerġiji bejn il-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment (ESIF) u programmi oħra tal-UE bħall-COSME u partikolarment l-Orizzont 2020, pereżempju, permezz ta' rati fissi armonizzati jew finanzjament ikkombinat[13];

22. Iħeġġeġ lir-reġjuni jagħmlu użu sħiħ mill-opportunitajiet ta' finanzjament, kooperazzjoni u investiment, inklużi azzjonijiet 'il fuq (upstream) u 'l isfel (downstream)[14], sabiex jippromwovu sinerġiji bejn l-ESIFs u Orizzont 2020 u billi jagħmlu dan, inaqqsu d-distakk fl-innovazzjoni bejn ir-reġjuni;

23. Jistieden f’dan ir-rigward lil dawk ir-reġjuni li għadhom lura fl-iżvilupp tal-infrastruttura u tal-kapaċità tar-riċerka, biex jippromwovu kooperazzjonijiet ma’ faċilitajiet ta' riċerka eċċellenti fis-sens ta’ ‘teaming/ twinning for excellence’ biex jibnu ċentri ta' eċċellenza huma stess, li fil-futur se tibbenefika minnhom l-ekonomija reġjonali kollha;

24. Jistieden lir-reġjuni, fil-qafas tal-istrateġija, jikkunsidraw fil-fond il-kwistjoni ta' kif għandhom jattiraw l-investiment fis-settur privat, peress li għad hemm ambitu konsiderevoli għall-għoti ta' spinta lill-potenzjal tal-investiment fir-RŻI f’dan is-settur;

25. Jistieden lill-atturi reġjonali u nazzjonali kollha, li huma fdati bit-tfassil kunċettwali u l-implimentazzjoni tal-istrateġija RIS 3, il-pjan direzzjonali tal-infrastruttura tar-riċerka ESFRI, l-ESIF u l-Orizzont 2020, għall-kooperazzjoni aktar mill-qrib fl-ippjanar u l-koordinazzjoni u fejn meħtieġ jiżviluppaw l-istrutturi korrispondenti[15] biex jgħaqqdu f’netwerk il-livelli differenti tal-attivitajiet governattivi; jistieden lill-Istati Membri jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar tali strutturi;

26. Jistieden lid-DĠs REGIO u RTD jippersistu fl-isforzi tagħhom biex jiżguraw li l-programmi jkunu kompatibbli, sabiex ikunu jistgħu jinħolqu sinerġiji; jenfasizza li għandu jiġi pprovdut appoġġ konġunt lill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali biex jgħin fid-disinn u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji rispettivi tagħhom; jistenna lid-DĠs REGIO u RTD jżidu l-kooperazzjoni tagħhom f'dan ir-rigward, partikolarment billi joħorġu dokumenti ta' gwida għall-atturi involuti;

27. Jilqa' l-isforzi kollha biex jiġu estiżi s-servizzi konsultattivi; huwa tal-fehma li jkun ta' benefiċċju jekk il-benefiċjarji potenzjali tal-fondi tal-programm Orizzont 2020 u l-korpi konsultattivi rilevanti jiġu involuti b'mod xieraq f'dawn l-iskambji;

Kooperazzjoni mill-qrib tar-reġjuni: id-dimensjoni esterna

28. Jistieden lir-reġjuni mhux biss itejbu l-konnessjonijiet interni tagħhom bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u r-riċerka, in-negozji u l-amministrazzjoni imma wkoll jibnu alleanzi ma’ reġjuni oħra biex jissupplementaw il-katina tal-valuri tagħhom stess;

29. Jenfasizza li l-opportunitajiet se jiġu mrawma jekk tiġi stabbilita kooperazzjoni mill-qrib bejn is-sħab tal-Komunitajiet ta' Konoxxenza u Innovazzjoni (KKI) fir-reġjuni u l-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet involuti fit-tfassil u t-twettiq tal-istrateġiji RIS3 kif deskritti fl-Anness IV f’COM(2011)0615, 2011/0276 (COD), C7-0335/2011, inkluża sħubija mar-reġjuni li għandhom ċentri ta’ kollokazzjoni eżistenti u potenzjali, bħalma huma l-Komunitajiet Reġjonali ta’ Implimentazzjoni u Innovazzjoni (KRII);

30. Iqis li huwa vitali li l-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni reġjonali jgħinu biex jinħolqu netwerks ta’ eċċellenza Ewropej ġodda f’firxa ta’ setturi, u b’hekk jgħinu biex tingħata spinta lill-kompetittività u lill-profil internazzjonali tal-Unjoni Ewropea;

31. Huwa tal-fehma li fil-kooperazzjoni bejn reġjuni differenti, permezz tat-trasferiment tal-għarfien u t-teknoloġija jistgħu jibbenefikaw bil-kbir kemm ir-reġjuni b’rabta mal-potenzjal ekonomiku tagħhom lokalment, kif ukoll l-UE bħala entità sħiħa; jiġbed l-attenzjoni f’dan ir-rigward għall-kollaborazzjonijiet ta’ suċċess kbir bħal pereżempju fil-qafas tal-inizjattiva ‘Reġjuni ta’ Għarfien’;

32. Jinnota li ħafna reġjuni jippruvaw jevitaw l-isforzi kumplessi ta’ analiżi u ta’ koordinazzjoni li hemm bżonn; jinkoraġġixxi lir-reġjuni jagħmlu użu tal-għażla pprovduta mil-leġiżlatur li biha sa 15% tal-finanzjament tal-programm jista’ jiġi investit barra mill-qasam tal-programm[16];

33. Jirrimarka li fiż-żoni ta’ mal-fruntieri, l-isfidi spiss huma l-istess fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera, minħabba li dawn iż-żoni jkollhom l-istess karatteristiċi territorjali; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jfasslu strateġiji transkonfinali ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti u jistabbilixxu raggruppamenti transkonfinali, bl-użu tal-finanzjament tal-kooperazzjoni interreġjonali tal-UE;

34. Jilqa’ l-għażliet previsti fil-qafas strateġiku komuni fil-qasam tal-kooperazzjoni territorjali[17]; jilqa' kull tip ieħor ta’ azzjoni ta' internazzjonalizzazzjoni fuq skala żgħira mir-reġjuni u l-atturi tagħhom;

35. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

NOTA SPJEGATTIVA

I. Il-kuntest politiku tar-rapport:

Fi żmien ta’ riċessjoni ekonomika u l-konsegwenti approprjazzjoni tal-baġit limitata, kif ukoll ta’ kompetizzjoni globali li kull ma’ jmur qiegħda tikber, huwa kruċjali għall-UE li ttejjeb b’mod sostennibbli l-fakultà ta’ innovazzjoni tagħha.

Kif wera l-passat, l-investimenti tal-UE ġenerali, kif ukoll fir-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni (RŻI), mingħajr strateġija globali komprensiva ta’ spiss ma wasslux għar-riżultati mixtieqa. Il-finanzjament ġie mifrux b'mod wiesa' wisq u d-deċiżjonijiet politiċi dwar is-sitwazzjoni konkreta lokali ma jirriflettu xejn ir-realtà, kif ukoll kien hemm nuqqas ta' netwerking forst id-diversi atturi u livelli amministrattivi kkonċernati. L-appoġġ wiesa’ lil ħafna oqsma ta’ spiss mhux relatati skont il-prinċipju tat-tifrix tal-fondi mhux aktar fattibbli fid-dawl tas-sitwazzjoni baġitarja u ekonomika stretta. Għalhekk, għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-għażla ta’ miri li għandhom jiġu promossi fil-futur. Il-kooperazzjoni b'suċċess tal-atturi kollha fil-livelli kollha se tkun ta’ importanza kruċjali f’dan ir-rigward.

Biex ikun żgurat li fil-futur il-Fondi Strutturali jintużaw b'mod aktar effiċjenti, l-awtorità leġiżlattiva stabbiliet 11-il objettiv tematiku (‘konċentrazzjoni tematika’) u diversi ‘kundizzjonalitajiet ex ante’. Sabiex ikunu jistgħu jieħdu mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), b'appoġġ għall-objettiv tematiku nru 1, ir-reġjuni huma mitluba jiffokaw l-investiment tagħhom fir-RŻI permezz ta' ‘strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti’. L-iżvilupp ta’ strateġija bħal din hija rekwiżit mandatorju (kundizzjonalità ex ante) biex jaċċessaw il-finanzjament tal-FEŻR għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014–2020.

II. Il-qafas legali tal-Istrateġija RIS 3

Fin-nuqqas ta’ strateġija tar-riċerka u l-innovazzjoni nazzjonali jew reġjonali għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti kompluta jew jekk sad-data tal-adozzjoni tal-Programmi Operazzjonali (PO) ma jkun hemm l-ebda pjan ta’ azzjoni fis-seħħ li jiżgura li l-istrateġija tiġi implimentata sal-2016, mhu se jingħata l-ebda pagament tal-fondi tal-FEŻR għall-mira tematika RŻI[1].

Barra minn hekk, għandhom ikunu ssodisfati r-rekwiżi li ġejjin:

Ø l-istrateġija għandha tkun ibbażata fuq analiżi SWOT biex ir-riżorsi jiġu kkonċentrati fuq numru limitat ta’ prijoritajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni

Ø tinkludi miżuri li jistimulaw l-investiment privat fir-riċerka, teknoloġija u żvilupp (RŻT).

Ø għandha tinkludi sistema għall-kontroll u l-monitoraġġ[2].

Ø L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu qafas, li jispeċifika r-riżorsi baġitarji disponibbli għall-RŻI, inkluż pjan multiannwali għall-ibbaġitjar u l-prijoritizzazzjoni ta' investimenti marbuta ma' prijoritajiet tal-UE (Forum Strateġiku Ewropew għall-Infrastrutturi tar-Riċerka, ESFRI).

Fil-preżent, ir-reġjuni jinsabu f’fażi kruċjali tal-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-finanzjament 2014–2020. L-Istati Membri/reġjuni ilhom diversi xhur involuti f'negozjati dwar il-kontenut tal-ftehimiet ta' sħubija u POs (li jinvolvu l-Kummissjoni). Diġà bdew jippreżentaw ruħhom, minbarra l-opportunitajiet, l-ewwel sfidi għal dawk involuti f'dan il-proċess ambizzjuż ġdid. Ir-rapport joħroġ l-ewwel valutazzjoni interim u jappella lill-atturi differenti fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' dak li ġie stabbilit fil-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss 2014–2020 u warajh.

III. L-aspetti ewlenin tal- istrateġija mill-perspettiva tar-rapporteur

(a) Il-prijoritizzazzjoni ‘korretta’ bl-użu ta’ kunċett ta’ innovazzjoni wiesgħa.

L-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti tfisser li reġjun għandu jistabbilixxi prijoritajiet fil-promozzjoni tal-RŻI fid-dawl tal-punti pożittivi u l-vantaġġi komparattivi tiegħu. Sabiex dan iseħħ, għandu jkun hemm rieżami kritiku ta' dak kollu li diġà ġie deċiż.

Madankollu, il-prijoritizzazzjoni tinvolvi ċerti riskji. Tista' tittieħed direzzjoni żbaljata, jiġifieri s-suq jista', pereżempju, jiżviluppa b'mod differenti minn dak imbassar, jew il-maġġoranza tal-atturi ekonomiċi jitilfu l-opportunità li jkollhom. Dan m’għandux jitħalla jsir.

Kull reġjun huwa differenti. Madankollu, l-istrateġija ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti toffri opportunitajiet lil kull reġjun. Xi reġjuni huma mexxejja tal-innovazzjoni, pereżempju fil-qasam tat-teknoloġiji ewlenin. Għal ħafna reġjuni oħra, pereżempju, il-‘mod korrett’ jista' jkun li wieħed jagħżel u jiffinanzja l-hekk imsejħa ‘related diversity’ (diversità relatata). Dan ifisser it-tixrid ta' teknoloġiji, prodotti u servizzi li huma relatati mat-teknoloġiji ta’ suċċess u mal-oqsma ta' kompetenza eżistenti tagħhom fir-reġjun, peress li f’dak il-każ it-tixrid tal-għarfien (‘knowledge spillover effect’) ikun ottimizzat. Għaldaqstant, wieħed jibni fuq l-għarfien reġjonali u l-potenzjal tal-abbiltajiet; jiġu mmirati oqsma b'valur ekonomiku miżjud filwaqt li b'hekk jinfetħu swieq ġodda.

Idealment, l-isforzi għandhom jiġu kkonċentrati fuq attivitajiet applikabbli għal firxa ta' setturi u għal teknoloġiji b'impatt fuq l-ekonomija reġjonali kollha, inklużi SMEs (‘cross-cutting links’). F’dan il-proċess, ir-reġjuni għandu jkollhom l-għan li jindirizzaw l-isfidi tas-soċjetà bħal tixjiħ b’saħħtu, il-bidla demografika, il-bidla fil-qasam tal-enerġija jew ir-riindustrijalizzazzjoni.

Bħala konsegwenza ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, għalhekk, huwa ovvju li l-istrateġija għandu jkollha kunċett ta' innovazzjoni wiesgħa bħala bażi. Ir-reġjuni, għalhekk, għandhom jiffukaw mhux biss fuq l-innovazzjoni teknoloġika; iżda għandhom jikkunsidraw ukoll l-innovazzjoni moħbija (hidden innovation), l-innovazzjoni teknoloġika ta' grad baxx (low-tech) jew li mhijiex teknoloġika (non-tech innovation).

(b) Netwerking mill-qrib mal-atturi rilevanti kollha

Il-kooperazzjoni tal-atturi fir-riċerka u l-edukazzjoni kif ukoll tan-negozji bejniethom u mal-awtorità amministrattiva, skont l-opinjoni tar-rapporteur, għandha titjieb b'mod fundamentali, peress li din hija l-bażi ewlenija għal strateġija li tirnexxi.

F’dan il-kuntest, il-kooperazzjoni man-negozju, speċjalment l-SMEs hija kruċjali, sabiex jiġi stabbilit jekk il-potenzjal intraprenditorjali tar-reġjun jaqbilx mal-prijoritajiet tiegħu. Il-prijoritajiet, pereżempju f'ċerti teknoloġiji, huma prijoritajiet żbaljati għal reġjun jekk in-negozju ma jkunx jista' jaġixxi skont dawn il-prijoritajiet. Barra minn hekk, huwa importanti li jingħaraf il-potenzjal tan-negozji, anke fir-rigward tal-parteċipazzjoni sussegwenti f'Orizzont 2020.

Skont l-opinjoni tar-rapporteur huwa importanti wkoll li jsir rieżami tal-approċċ tradizzjonali tal-konsultazzjonijiet sabiex ma jkunx hemm ir-riskju li l-iżviluppi l-ġodda jonqsu milli jiġu inklużi fil-kamp tal-innovazzjoni. Dan jeħtieġ ukoll mentalità moderna tal-awtoritajiet bejn l-awtoritajiet infushom u l-awtoritajiet fir-relazzjonijiet tagħhom mal-partijiet interessati rilevanti.

(c) Attenzjoni partikolari lil effetti ta’ sinerġija possibbli bejn l-opportunitajiet kollha ta’ finanzjament fil-livelli politiċi kollha

L-istrateġija għandha tiżgura li jiriżultaw effetti ta' sinerġija u aktar inċentivi għall-investiment mis-settur privat, l-investituri lokali, reġjonali jew internazzjonali, mid-diversi approċċi u riżorsi reġjonali, nazzjonali u fil-livell tal-UE. Għalhekk, l-istrateġija għandha wkoll tinkludi miżuri bħal dawk biex ikun jista’ jiġi stimulat il-kapital privat, jiġifieri jkunu jistgħu jinstabu investituri internazzjonali privati. F’dan il-qasam għad hemm ħtieġa sostanzjali għal titjib f’ħafna mill-istrateġiji S3.

Fil-futur, l-użu tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment (ESIF) differenti għandu jkun jista’ jiġi implimentat aktar faċilment permezz tar-regolament qafas komuni[3]. Barra minn hekk, madankollu, għandha tiġi ffaċilitata b'mod partikolari l-kondiviżjoni tal-ESIF mal-Orizzont 2020, mhux l-inqas biex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni tar-reġjuni fl-Orizzont 2020, li xorta waħda għandha l-ħtieġa sinifikanti ta' infrastruttura tar-riċerka u b'hekk jitnaqqas id-distakk fl-innovazzjoni bejn ir-reġjuni bi prestazzjoni tajba u inqas tajba (widening participation/‘stairways to excellence’)[4].

Il-Qafas Strateġiku Komuni (QSK) u r-Regolamenti dwar l-Orizzont 2020 jipprovdu f’dan il-kuntest l-hekk imsejħa miżuri 'l fuq (upstream) u 'l isfel (downstream)[5]. Għaldaqstant, permezz tal-fondi ta’ awtofinanzjament (SF) għandhom jinbnew il-kapaċitajiet biex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni fl-Orizzont 2020 u r-riżultati ta' Orizzont 2020 jiġu mbagħad magħmula kummerċjabbli permezz tal-fondi SF. Ir- rapporteur jixtieq isemmi wkoll it-‘teaming/twinning for excellence and innovation’ li jidher li jagħmel sens partikolarment fir-rigward tal-iżvilupp ta' infrastruttura tar-riċerka f'ħafna Stati Membri Ewropej tal-Lvant. B’hekk ikunu jistgħu jinħolqu ċentri ta’ eċċellenza li permezz tagħhom wieħed jittama li jħallu effett estremament pożittiv fuq l-ekonomija reġjonali kollha.

B'mod ġenerali, huwa diffiċli li jiġu kkoordinati l-approċċi kompletament differenti tal-SF u tal-programm Orizzont 2020. Qabel xejn, biex dawn is-sinerġiji ikunu possibbli, id-dispożizzjonijiet finanzjarji jipprevedu, fost l-oħrajn, li taħt ċerti kondizzjonijiet, proġett jista’ jiġi appoġġjat minn diversi fondi[6]. F’dan il-kuntest, id-Direttorati Ġenerali għad għandhom il-ħtieġa ta’ aktar koordinazzjoni, pereżempju fid-definizzjoni tal-ispejjeż.

Ir-reġjuni, min-naħa tagħhom, għandhom ħtieġa kbira ta’ konsultazzjoni. Pereżempju, mil-linji gwida tal-Kummissjoni jidher, li dawn il-kwistjonijiet mhux se jiġu indirizzati qabel il-ħarifa tal-2013. F'dan l-ambitu, il-kooperazzjoni tad-Direttorati Ġenerali wriet b'mod ċar li kienet diffiċli. Din għandha titjieb b'mod sinifikanti, partikolarment fir-rigward tal-korp konsultattiv previst[7].

Barra minn hekk, għandu jiġi żviluppat tip kompletament ġdid ta’ kooperazzjoni orizzontali u vertikali bejn l-atturi, li jiżgura t-tħejjija tal-programmi operazzjonali u l-implimentazzjoni ta' Orizzont 2020 fl-Istati Membri u r-reġjuni. Il-prijoritajiet ta’ finanzjament ma għandhomx ikunu kkoordinati ma’ xulxin biss. Għandu jiġi stabbilit ukoll fluss tajjeb ta’ informazzjoni bejn ir-reġjuni, il-punti ta' kuntatt nazzjonali u l-benefiċjarji potenzjali ta' Orizzont 2020, jekk wieħed verament jixtieq li tinkiseb sinerġija. Il-korpi konsultattivi eżistenti eżistenti, bħal pereżempju n-Netwerk Enterprise Europe, għandhom jiġu estiżi b'mod xieraq.

(d) Il-kooperazzjoni ma’ reġjuni oħra

It-titjib fir-relazzjonijiet bejn l-universitajiet, l-istituzzjonijiet l-oħra ta' edukazzjoni għolja, in-negozji u l-gvern mhuwiex l-uniku fattur li jaffettwa dan l-ambitu; iżda skont l-istrateġija, ir-reġjuni għandhom jipproġettaw lilhom infushom 'il barra (esternament). B’dan il-mod ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-għarfien ta' reġjuni oħra u fl-istess ħin isaħħu l-pożizzjoni kompetittiva globali tal-UE.

Diġà hemm xi eżempji ta' suċċess kbir fil-qasam tat-teknoloġiji ewlenin li ġew żviluppati fl-inizjattiva tar-‘reġjuni ta’ għarfien’ (knowledge regions) bħal ‘Silicon Europe’.

Madankollu, f’dan ir-rigward, kien biss ammont żgħir ta' reġjuni li kellhom suċċess.

Il-QSK jipprovdi f’dan il-kuntest xi possibilitajiet biss fil-qasam tal-kooperazzjoni territorjali, li huma parzjalment ibbażati fuq l-esperjenzi tas-Seba' Programm Kwadru għall-attivitajiet ta' Riċerka, e.ż l-kooperazzjoni bejn ir-raggruppamenti innovattivi intensivi fir-riċerka u l-iskambji bejn istituzzjonijiet tar-riċerka[8]. Anke l-kooperazzjoni fil-qafas tal-makroreġjuni tista' tiġi kkunsidrata. Il-possibbiltajiet tekniċi korrispondenti jipprovdu għall-finanzjament tal-proġett permezz ta’ żewġ programmi operazzjonali u biex isir użu minn parti tal-fondi barra l-qasam tal-programm[9].

Il-prattikabilità tal-limitu propost għad trid tiġi ppruvata fil-prattika. Fi kwalunkwe każ, il-proċess jieħu ċertament il-ħin. Ħafna reġjuni, madankollu, jippruvaw jevitaw l-ispejjeż għoljin ta’ analiżi u ta’ koordinazzjoni. Għalhekk, jista’ jkun utli għal xi reġjuni, li jinħoloq approċċ aktar internazzjonalizzat fuq skala iżgħar permezz ta’ konsulenza fil-kooperazzjoni bejn in-negozji individwali, kif diġà jsir fil-qafas tal-EEN.

Fi kwalunkwe każ, l-appoġġ tal-Kummissjoni lir-reġjuni jista’ jkun utli fl-identifikazzjoni tas-sħab potenzjali mingħajr ma timponi l-għażla ta' prijoritajiet u ftehimiet ta' kollaborazzjoni speċifiċi fuq ir-reġjuni.

(e) Dejta u indikaturi elaborati sew għall-valutazzjoni tal-impatt, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni

L-istrateġiji reġjonali għandhom ikunu bbażati fuq evidenzi u sistemi ta' monitoraġġ u evalwazzjoni elaborati sew. F’dan il-kuntest, għad hemm ukoll ħtieġa kbira għal titjib u appoġġ.

  • [1]  L-Anness V, it-Tabella 1, Kondizzjonalitajiet ex ante, il-proċedura leġiżlattiva 2011/0276(COD), abbażi ta' proposta għal Regolament COMM(2011) 0615, Testi adottati, P7_TA(2013)0482.
  • [2]  L-Anness V, it-Tabella 1, Kondizzjonalitajiet ex ante, il-proċedura leġiżlattiva 2011/0276(COD), abbażi ta' proposta għal Regolament COMM(2011) 0615, Testi adottati, P7_TA(2013)0482.
  • [3]  Anness I, punt 3.2(a), il-proċedura leġiżlattiva 2011/0276(COD), abbażi tal-proposta għal Regolament COM(2011) 0615, Testi adottati, P7_TA(2013)0482.
  • [4]  Anness I, punt 4.1, il-proċedura leġiżlattiva 2011/0276(COD), abbażi tal-proposta għal Regolament COM(2011) 0615, Testi adottati, P7_TA(2013)0482.
  • [5]  Anness I, punt 4.3.2, il-proċedura leġiżlattiva 2011/0276(COD), abbażi tal-proposta għal Regolament COM(2011) 0615, Testi adottati, P7_TA(2013)0482.
  • [6]  Artikolu 55(8), il-proċedura leġiżlattiva 2011/0276(COD), abbażi tal-proposta għal Regolament COM(2011) 0615, Testi adottati, P7_TA(2013)0482.
  • [7]  Anness I, punt 4.3.4, il-proċedura leġiżlattiva 2011/0276(COD), abbażi tal-proposta għal Regolament COM(2011) 0615, Testi adottati, P7_TA(2013)0482.
  • [8]  Anness I, punt 7.2.1, il-proċedura leġiżlattiva 2011/0276(COD), abbażi tal-proposta għal Regolament COM(2011) 0615, Testi adottati, P7_TA(2013)0482.
  • [9]  Artikolu 55(8), il-proċedura leġiżlattiva 2011/0276(COD), abbażi tal-proposta għal Regolament COM(2011) 0615, Testi adottati, P7_TA(2013)0482.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

28.11.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

31

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Luís Paulo Alves, Victor Boştinaru, Nikos Chrysogelos, Rosa Estaràs Ferragut, Brice Hortefeux, Danuta Maria Hübner, Vincenzo Iovine, Seán Kelly, Mojca Kleva Kekuš, Jacek Olgierd Kurski, Petru Constantin Luhan, Iosif Matula, Erminia Mazzoni, Miroslav Mikolášik, Jens Nilsson, Jan Olbrycht, Younous Omarjee, Markus Pieper, Tomasz Piotr Poręba, Monika Smolková, Georgios Stavrakakis, Nuno Teixeira, Lambert van Nistelrooij, Oldřich Vlasák, Hermann Winkler, Joachim Zeller

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Karin Kadenbach, James Nicholson, Elisabeth Schroedter

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Jill Evans, Carmen Romero López