RAPPORT dwar it-talba għall-ħarsien tal-immunità u l-privileġġi ta' Lara Comi

19.12.2013 - (2013/2190(IMM))

Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: Eva Lichtenberger

Proċedura : 2013/2190(IMM)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0469/2013
Testi mressqa :
A7-0469/2013
Dibattiti :
Testi adottati :

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-talba għall-ħarsien tal-immunità u l-privileġġi ta' Lara Comi

(2013/2190(IMM))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-talba tat-30 ta' Lulju 2013 ta' Lara Comi għall-ħarsien tal-immunità fir-rigward tal-proċedimenti ġudizzjarji pendenti quddiem il-Qorti ta' Ferrara, u mħabbra fis-seduta plenarja fid-9 ta' Settembru 2013,

–   wara li sema' lil Lara Comi fit-5 ta' Novembru 2013 skont it-termini tal-Artikolu 7(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

–   wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta' Mejju 1964, tal-10 ta' Lulju 1986, ta-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, tad-19 ta' Marzu 2010 u tas-6 ta' Settembru 2011,[1]

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 6(3) u 7 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0469/2013),

A. billi Lara Comi, Membru tal-Parlament Ewropew, talbet il-ħarsien tal-immunità parlamentari tagħha fir-rigward ta' proċedimenti ġudizzjarji mnedija mill-Prosekutur Pubbliku ta' Ferrara b'segwitu ta' akkuża ta' malafama aggravata miġjuba skont l-Artikolu 595(2) u (3) tal-Kodiċi Kriminali Taljan u l-Artikolu 30 tal-Liġi 223 tas-6 ta' Awwissu 1990, għad-dikjarazzjonijiet li allegatament għamlet waqt xandira ta' dibattitu politiku fuq it-televiżjoni;

B.  billi l-Artikolu 8 tal-Protokoll dwar il-privileġgi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, li Lara Comi qed tinvoka esspressament fit-talba tagħha għall-ħarsien tal-immunità, jiddisponi li l-Membri tal-Parlament Ewropew ma jistgħux jiġu mfittxija, miżmuma jew persegwiti minħabba l-fehmiet espressi jew il-voti mitfugħa fil-qadi ta’ dmirijiethom;

C. billi l-Artikolu 6 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament jiddisponi li fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu f'dak li għandu x'jaqsam ma' privileġġi u immunitajiet, il-Parlament għandu qabel kollox iħares l-integrità tiegħu bħala assemblea leġiżlattiva demokratika u jiżgura l-indipendenza tal-Membri tiegħu fil-qadi ta' dmirijiethom;

D. billi l-Parlament jiddisponi minn setgħat ta' diskrezzjoni wesgħin fir-rigward il-linja ta' azzjoni li jagħżel li jadotta bi tweġiba għal talba għall-ħarsien tal-immunità parlamentari ta' wieħed mill-Membri tiegħu[2];

E.  billi l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li dikjarazzjoni magħmula minn Membri barra mill-Parlament Ewropew tista' tikkostitwixxi opinjoni espressa fil-qadi tad-dmirijiet tal-Membru fit-tifsira tal-Artikolu 8 tal-Protokoll, u tat rilevanza mhux għall-post fejn tkun ġiet magħmula d-dikjarazzjoni, iżda għan-natura u l-kontenut tagħha[3];

F.  billi Lara Comi kienet mistiedna fix-xandira televiżiva inkwistjoni fil-kapaċità tagħha bħala Membru tal-Parlament Ewropew u mhux bħala rappreżentanta nazzjonali ta' partit, li kien diġà rappreżentat minn mistieden ieħor, bi qbil mad-dispożizzjonijiet nazzjonali maħsuba biex jiggarantixxu preżenza ekwilibrata ta' kelliema politiċi fid-dibattiti televiżivi li jitwettqu waqt il-kampanji elettorali, kif inhu l-każ inkwistjoni;

G. billi fid-demokraziji moderni d-dibattitu politiku ma jsirx biss fil-Parlament iżda wkoll permezz tal-mezzi tal-komunikazzjoni li jvarjaw minn stqarrijiet għall-istampa sal-internet,

H. billi fix-xandira televiżiva inkwistjoni Lara Comi tkellmet bħala Membru tal-Parlament Ewropew biex tiddiskuti kwistjonijiet politiċi, inkluż dwar l-akkwist pubbliku u l-kriminalità organizzata, li dwarhom hija dejjem ħadet interess fil-livell Ewropew;

I.   billi l-għada stess, is-Sa. Comi bagħtet l-apoloġiji tagħha lill-ilmentatur, li wara ġew imtennija f'xandira televiżiva nazzjonali oħra;

1.  Jiddeċiedi li jħares il-privileġġi u l-immunità ta' Lara Comi;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika Taljana u lil Lara Comi.

  • [1]  Kawża 101/63 Wagner v. Fohrmann e Krier [1964] Ġabra 195, Kawża 149/85 Wybot v. Faure u oħrajn [1986] Ġabra 2391, Kawża T-345/05 Mote v. il-Parlament [2008] Ġabra II-2849, Kawżi konġunti C-200/07 u C-201/07 Marra v. De Gregorio u Clemente [2008] Ġabra I-7929, Kawża T - 42/06 Gollnisch v. il-Parlament [2010] Ġabra II- 01135 u Kawża C-163/10 Patriciello [2011] Ġabra I - 07565.
  • [2]  Kawża T-42/06, Gollnisch v. il-Parlament, paragrafu 101
  • [3]  Patriciello, sentenza ċitata, paragrafu 30.

NOTA SPJEGATTIVA

1.        L-isfond

Fis-seduta plenarja tad-9 ta' Settembru 2013, il-President ħabbar, skont l-Artikolu 6(3) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew, li kien irċieva talba mingħand Lara Comi għall-ħarsien tal-immunità parlamentari tagħha, b'riferenza għall-Artikolu 8 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea. Il-President għadda t-talba lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali skont l-Artikolu 6(3) tar-Regoli tal-Proċedura. Is-Sa. Comi eżerċitat id-dritt tagħha li tkun mismugħa mill-kumitat fis-seduta tal-5 ta' Novembru 2013.

Waqt ix-xandira televiżiva "Servizio pubblico" tal-24 ta' Jannar 2013, Lara Comi ddibattiet ma' Antonio Ingroia, mexxej ta' partit politiku, dwar temi li kellhom x'jaqsmu mal-akkwist pubbliku u l-kriminalità organizzata fir-rigward tal-falliment tal-Coopcostruzioni. F'dan il-kuntest, tqajmet taħdita dwar Roberto Soffritti, l-ex-sindku ta' Ferrara u kandidat fl-elezzjonijiet politiċi nazzjonali Taljani ta' Frar 2013 fuq il-lista tal-partit ta' Antonio Ingroia.

Is-Sur Soffritti jsostni li d-dikjarazzjonijiet magħmula fir-rigward tiegħu minn Lara Comi waqt id-dibattitu inkwistjoni kienu ta' ħsara għar-reputazzjoni tiegħu u, għaldaqstant, fetaħ kawża għal malafama aggravata kif imsemmi fl-Artikolu 595(2) u (3) tal-Kodiċi Kriminali Taljan u l-Artikolu 30 tal-Liġi 223 tas-6 ta' Awwissu 1990.

Min-naħa tagħha, is-Sa. Comi ssostni li hija tkellmet fil-kapaċità tagħha bħala Membru tal-Parlament Ewropew u li tkellmet dwar akkwisti pubbliċi, li hija tema ta' interess pubbliku u li dwarha s-Sa. Comi dejjem interessat ruħha fl-ambitu tal-ħidma tagħha fil-Parlament Ewropew.

2.        Liġi u proċeduri li jikkonċernaw l-immunità tad-deputati tal-Parlament Ewropew

L-Artikolu 8 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jgħid kif ġej:

Artikolu 8

Il-Membri tal-Parlament Ewropew m'għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta' investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta' opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta' dmirijiethom.

Il-proċedura fi ħdan il-Parlament Ewropew hija rregolata mill-Artikoli 6 u 7 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu. Id-dispożizzjonijiet rilevanti huma dawn:

Artikolu 6 - Tneħħija tal-immunità

1. Fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu f'dak li għandu x'jaqsam ma' privileġġi u immunitajiet, il-Parlament għandu qabel kollox iħares l-integrità tiegħu bħala assemblea leġislattiva demokratika u jiżgura l-indipendenza tal-Membri tiegħu fil-qadi ta' dmirijiethom. (...)

3. Kull talba indirizzata lill-President minn Membru jew ex-Membru biex jiddefendi privileġġi u immunitajiet għandha tiġi mħabbra fil-Parlament u rriferuta lill-kumitat responsabbli.

4. F'każ ta' urġenza, f'ċirkustanzi fejn Membru jiġi arrestat jew fejn tinżamm il-libertà ta' moviment tiegħu bi ksur apparenti tal-privileġġi u l-immunitajiet tiegħu, il-President, wara li jkun ħa l-parir tal-president u tar-rapporteur tal-kumitat responsabbli, jista' jieħu inizjattiva biex jikkonferma l-privileġġi u l-immunitajiet tal-Membru kkonċernat. Il-President għandu jinnotifika lill-kumitat b'dik l-inizjattiva u jgħarraf lill-Parlament.

Artikolu 7 - Proċeduri dwar l-immunità

1. Il-kumitat responsabbli għandu jikkunsidra mingħajr dewmien u skond l-ordni li fih tressqu t-talbiet għat-tneħħija ta' l-immunità jew it-talbiet għall-ħarsien ta' l-immunità u tal-privileġġi.

2. Il-kumitat għandu jagħmel proposta għal deċiżjoni motivata li tirrakkomanda l-adozzjoni jew iċ-ċaħda tat-talba għat-tneħħija ta' l-immunità jew għall-ħarsien ta' l-immunità u tal-privileġġi.

3. Il-kumitat jista' jitlob lill-awtorità kkonċernata għal informazzjoni jew spjegazzjoni li l-kumitat iqis li hija meħtieġa sabiex ikun jista' jifforma opinjoni dwar għandhiex l-immunità tiġi mneħħija jew imħarsa. Il-Membru kkonċernat għandu jingħata l-opportunità li jinstema', jista' jippreżenta dokumenti jew evidenza bil-miktub li jħoss li huma meħtieġa. Huwa jista' jkun rappreżentat minn membru ieħor. (...)

6. F'każi li għandhom x'jaqsmu mal-ħarsien ta' l-immunità jew tal-privileġġi, il-kumitat għandu jiddikjara jekk iċ-ċirkustanzi jkunux jikkostitwixxu xkiel amministrattiv jew xkiel ieħor mqiegħed għall-moviment ħieles tal-Membri li jivvjaġġaw lejn jew mill-postijiet fejn jiltaqa' l-Parlament jew opinjoni espressa jew vot mitfugħ fit-twettiq tal-mandat jew li jaqgħu fi ħdan l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar Privileġġi u Immunitajiet li ma jidħlux fl-ambitu tal-liġi nazzjonali, u għandu jagħmel proposta sabiex l-awtorità konċernata tiġi mistiedna tasal għall-konklużjonijiet meħtieġa.

7. Il-kumitat jista' jagħti parir motivat dwar il-kompetenza ta' l-awtorità in kwistjoni u dwar l-ammissibiltà tat-talba, iżda fl-ebda ċirkustanza m'għandu jippronunzja ruħu dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-Membru, u lanqas dwar jekk l-opinjonijiet u l-atti attribwiti lilu jiġġustifikawx jew le l-prosekuzzjoni tiegħu, anke jekk, waqt li jkun qed jikkunsidra t-talba, jikseb tagħrif dettaljat tal-fatti tal-każ. (...)

3.        Il-ġustifikazzjoni għad-deċiżjoni proposta

L-Artikolu 8 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea ġie invokat espressament mis-Sa. Lara Comi fit-talba tagħha.

Kif sostniet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-ambitu tal-applikazzjoni tal-immunità assoluta skont l-Artikolu 8 għandu jiġi ddeterminat biss skont id-dritt Komunitarju[1]. Il-Qorti, barra minn hekk, riċentement qatgħetha li dikjarazzjoni magħmula minn Membru tal-Parlament Ewropew barra mill-Parlament Ewropew, li wasslet għal proċedimenti ġudizzjarji fl-Istat Membru tal-oriġini tal-Membru għal reati ta' opinjoni, tikkostitwixxi opinjoni espressa minnu fit-twettiq tal-ħidma parlamentari tiegħu li hija koperta bl-immunità jekk din tikkorrispondi għal valutazzjoni suġġettiva li turi rabta diretta u evidenti mat-twettiq ta' dmirijietu[2].

Il-prinċipju li fuqu hija bbażata l-immunità parlamentari skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll hija l-libertà tal-Membri li jiddabattu temi ta' interess pubbliku mingħajr ma jkunu obbligati li jsawru l-opinjonijiet tagħhom b'mod li jkunu aċċettabbli jew li ma jkunux offensivi għal min qed jismagħhom u mingħajr il-biża, f'każ kuntrarju, li jiġu mfittxija fil-qrati[3]. Inevitabilment, kultant xi ħadd jista' jqis l-opinjonijiet espressi minn xi Membru tal-Parlament Ewropew bħala eċċessivi, irritanti jew offensivi. Minkejja dan, f'kunteset liberali u demokratiku, tant huwa importanti li jkun hemm djalogu mingħajr inibizzjonijiet dwar temi pubbliċi li, bħala prinċipju, anki l-opinjonijiet offensivi jew estremi m'għandhom jiġu mfixkla. Dan huwa partikularment il-każ għall-Membri tal-Parlament, li, fin-natura tad-dmirijiethom, iwettqu rwol ċentrali fis-sistema tad-demokrazija rappreżentattiva.

Il-loġika li ssostni din il-pożizzjoni tinsab fil-ġuristika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li estendiet il-ħarsien tad-diskors politiku anki għal diskorsi offensivi jew insolenti, li sikwit ikollhom "kapaċità unika li jiffukaw l-attenzjoni, li jżarmaw il-prekunċetti u li jolqtu lill-pubbliku billi jippreżentawlhom aspetti mhux komuni tal-ħajja"[4].

Għaldaqstant, l-Artikolu 8 tal-Protokoll għandu jiġi interpretat b'mod li jinkludi mhux biss dikjarazzjonijiet ta' opinjoni u ġudizzji ta' valur dwar temi ta' interess pubbliku u/jew rilevanza politika, iżda wkoll dikjarazzjonijiet li, minħabba l-kontenut tagħhom jew il-mod kif jiġu magħmula, jistgħu jirritaw jew joffendu lill-pubbliku inġenerali jew lil individwi li lilhom ikunu indirizzati direttament jew indirettament jekk dawk id-dikjarazzjonijiet ikunu marbuta b'mod funzjonali mat-twettiq tad-dmirijiet parlamentari.

F'dan il-kuntest, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jqis li l-fatti tal-każ, kif muri mill-akkuża formali u mis-smigħ ta' Lara Comi, juru li d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Membru mhux biss jirrigwardaw temi ta' interess pubbliku ġenwin – l-akkwist pubbliku u l-kriminalità organizzata – iżda kienu marbutin direttament u b'mod evidenti mat-twettiq tad-dmirijietha bħala Membru tal-Parlament Ewropew. Għandhom jitqiesu wkoll l-apoloġiji personali li minnufih għamlet is-Sa. Comi fir-rigward tal-ilmentatur, li sussegwentement ġew imtennija f'xandira televiżiva nazzjonali oħra.

4.        Konklużjoni

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet t'hawn fuq, u b'konformità mal-Artikolu 6(3) tar-Regoli ta' Proċedura, wara li kkunsidra r-raġunijiet favur u kontra l-ħarsien tal-immunità tal-Membru, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jirrakkomanda li l-Parlament Ewropew iħares l-immunità u l-privileġġi ta' Lara Comi.

  • [1]  Marra, sentenza ċitata, paragrafu 26.
  • [2]  Patriciello, sentenza ċitata, paragrafu 41.
  • [3]  Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, fis-sentenza tagħha fil-Kawża A.v. Ir-Renju Unit, n. 35373/97, §75, Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet 2002-X.
  • [4]  R.Post, Constitutional Domains: Democracy, Community, Management, Harvard University Press, 1995, p. 139.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

16.12.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

12

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Raffaele Baldassarre, Marielle Gallo, Giuseppe Gargani, Klaus-Heiner Lehne, Bernhard Rapkay, Evelyn Regner, Francesco Enrico Speroni, Dimitar Stoyanov, Rainer Wieland, Tadeusz Zwiefka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Eva Lichtenberger

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Antonio Cancian