RAPPORT b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar ir-rieżami tal-Mandat ta' Arrest Ewropew

28.1.2014 - (2013/2109(INL))

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Rapporteur: Sarah Ludford
(Inizjattiva – Artikolu 42 tar-Regoli ta' Proċedura)

Proċedura : 2013/2109(INL)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0039/2014
Testi mressqa :
A7-0039/2014
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar ir-rieżami tal-Mandat ta' Arrest Ewropew

(2013/2109(INL))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Settembru 2005 li tadotta l-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew[1],

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta' Ġunju 2002 fuq il-mandat ta' arrest Ewropew u l-proċeduri ta' konsenja bejn l-Istati Membri[2],

–   wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-mandat ta' arrest Ewropew u l-proċeduri ta' konsenja bejn l-Istati Membri(COM(2005)0063 u SEC(2005)0267, COM(2006)0008 u SEC(2006)0079, COM(2007)0407 u SEC(2007)0979 u COM(2011)0175 u SEC(2011)0430),

–   wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Kunsill dwar ir-raba' ċiklu ta' evalwazzjonijiet reċiproċi - l-applikazzjoni prattika tal-Mandat ta' Arrest Ewropew (EAW) u l-proċeduri ta' konsenja korrispondenti bejn l-Istati Membri tat-28 ta' Mejju 2009 (CRIMORG 55),

   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 taʼ Ottubru 2013 dwar il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus: rakkomandazzjonijiet dwar azzjonijiet u inizjattivi li għandhom jittieħdu (rapport finali)[3],

–   wara li kkunsidra l-verżjoni riveduta tal-Manwal Ewropew għall-ħruġ ta' Mandat ta' Arrest (17195/1/10 REV 1),

   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1382/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Programm dwar il-Ġustizzja għall-perijodu 2014 sa 2020[4],

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Settembru 2011, "Inkattru l-Fiduċja f'Ġustizzja Ewropea - Dimensjoni Ġdida Għat-Taħriġ Ġudizzjarju Ewropew" (COM(2011)551),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 taʼ Diċembru 2011 dwar il-kundizzjonijiet taʼ detenzjoni fl-UE[5],

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill dwar id-drittijiet tal-priġunieri fl-Unjoni Ewropea[6],

–   wara li kkunsidra l-valutazzjoni tal-valur miżjud Ewropew tal-miżuri tal-Unjoni rigward il-Mandat ta' Arrest Ewropew, imwettqa mill-Unità tal-Valur Miżjud Ewropew tal-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea tal-20 ta' Ottubru 2010[7],

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 42 u 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7-0039/2014),

A. Billi l-Unjoni Ewropea ffissat għaliha nnifisha l-għan li toffri liċ-ċittadini tagħha spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, u billi, skont l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, b’mod li tidħol għal obbligi pożittivi li trid tissodisfa biex tonora dak l-impenn; billi, sabiex ikun effettiv, il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku għandu jkun ibbażat fuq il-fiduċja reċiproka li tista’ tinkiseb biss jekk ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-persuni ssuspettati u akkużati u d-drittijiet proċedurali fil-proċedimenti kriminali jiġu ggarantiti fl-Unjoni kollha; billi l-fiduċja reċiproka tissaħħaħ permezz tat-taħriġ, il-kooperazzjoni u d-djalogu bejn l-awtoritajiet ġuridiċi u l-professjonisti legali, biex b’hekk tinħoloq kultura ġudizzjarja Ewropea ġenwina;

B.  Billi d-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI fil-biċċa l-kbira kellha suċċess fl-ilħiq tal-għan tagħha li tħaffef il-proċeduri ta’ konsenja fl-Unjoni kollha kemm hi meta mqabbla mas-sistema ta’ estradizzjoni tradizzjonali fost l-Istati Membri u tikkostitwixxi l-ġebla tax-xewka tar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji f’materji kriminali, li issa huwa stabbilit fl-Artikolu 82 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE);

C. Billi, madankollu, nqalgħu xi problemi fl-operazzjoni tagħha, fejn xi wħud huma speċifiċi għad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI u jirriżultaw mil-lakuni li jinsabu fid-Deċiżjoni Kwadru bħalma hu n-nuqqas li jiġu espliċitament inklużi salvagwardji għad-drittijiet fundamentali jew verifika tal-proporzjonalità kif ukoll mill-implimentazzjoni inkompleta u inkonsistenti tagħha; billi hemm problemi oħra li għandhom x’jaqsmu wkoll mal-ġabra ta' strumenti ta' rikonoxximent reċiproku minħabba l-iżvilupp inkomplet u żbilanċjat tal-qasal tal-ġustizzja kriminali tal-Unjoni;

D. Billi strumenti ddefiniti b’mod ċar u effettivi għar-rikonoxximent reċiproku tal-miżuri ġudizzjarji huma ta’ importanza ewlenija għas-servizzi nazzjonali ta’ prosekuzzjoni f’rabta mal-investigazzjonijiet dwar reati serji transkonfinali u dawn l-istrumenti se jkunu importanti wkoll f’investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew la darba jkun ġie stabbilit;

E.  Billi l-Kumitat Speċjali għall-Kriminalità Organizzata, il-Korruzzjoni u l-Ħasil ta’ Flus (CRIM) fir-rapport tiegħu saħaq fuq il-bżonn li jiġi żgurat ir-rikonoxximent rapidu u reċiproku, b’rispett sħiħ għall-prinċipju tal-proporzjonalità, tal-miżuri ġudizzjarji kollha, b’referenza partikolari għas-sentenzi kriminali, għall-ordnijiet ta’ konfiska u għall-Mandati ta’ Arrest Ewropej (EAWs);

F.  Billi hemm tħassib inter alia dwar:

(i) in-nuqqas li hemm fid-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI u fi strumenti oħra ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ raġuni espliċita għar-rifjut fejn hemm raġunijiet sostanzjali biex jitwemmen li l-eżekuzzjoni tal-miżura tkun inkompatibbli mal-obbligi tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni skont l-Artikolu 6 tat-TUE u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ("Il-Karta");

(ii) in-nuqqas ta’ dispożizzjoni fid-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI u fi strumenti oħra ta’ rikonoxximent reċiproku dwar id-dritt, kif stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, għal rimedju effettiv li huwa mħolli biex jiġi rregolat mid-dritt nazzjonali, li jwassal għal inċertezza u prattiki inkonsistenti bejn l-Istati Membri;

(iii)in-nuqqas ta’ rieżami regolari tat-twissijiet tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS II) u tat-twissijiet tal-Interpol kif ukoll in-nuqqas ta’ rabta awtomatika bejn l-irtirar ta’ EAW u t-tneħħija ta’ tali twissijiet, u l-inċertezza dwar l-effett li għandu rifjut li ssir eżekuzzjoni ta’ EAW fuq it-tkomplija tal-validità ta’ EAW u tat-twissijiet relatati bir-riżultat li persuni soġġetti għal EAWs ma jistgħux jiċċaqalqu b’mod ħieles fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr ir-riskju ta’ arrest u konsenja fil-futur;

(iv)in-nuqqas ta’ preċiżjoni fid-definizzjoni ta’ lista ta’ reati serji relatati mal-EAW iżda wkoll ma’ strumenti oħra tal-Unjoni li jirreferu b’mod kostanti għal dik il-lista, u l-inklużjoni ta’ reati li s-serjetà tagħhom mhix prevista fil-kodiċijiet kriminali tal-Istati Membri kollha u li jistgħu ma jissodisfawx it-test tal-proporzjonalità;

(v) l-użu sproporzjonat tal-EAW għal reati żgħar jew f’ċirkostanzi fejn jistgħu jintużaw alternattivi anqas invażivi, li jwasslu għal arresti mhux ġustifikati, perjodu ta’ żmien mhux ġustifikat u eċċessiv f’detenzjoni ta’ qabel is-smigħ tal-proċess u li b’hekk iwassal għal interferenza sproporzjonata fid-drittijiet fundamentali tal-persuni suspettati u akkużati kif ukoll għal piżijiet fuq ir-riżorsi tal-Istati Membri;

(vi)in-nuqqas ta’ definizzjoni tat-terminu “awtorità ġudizzjarja” fid-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI u fi strumenti ta’ rikonoxximent reċiproku oħrajn li wassal għal diverġenza fil-prattika bejn l-Istati Membri li kkawżat inċertezza, ħsara lill-fiduċja reċiproka, u litigazzjoni;

(vii) in-nuqqas ta’ standards minimi biex tiġi żgurata sorveljanza ġudizzjarja effettiva tal-miżuri ta’ rikonoxximent reċiproku wassal għal prattiki inkonsistenti mill-Istati Membri fir-rigward ta’ salvagwardji u protezzjonijiet kontra l-ksur tad-drittijiet fundamentali, inkluż dwar il-kumpens għall-vittmi ta’ żbalji ġudizzjarji bħalma huma l-identità żbaljata, li jmorru kontra l-istandards stabbiliti fil-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB) u fil-ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE);

(viii) filwaqt li jirrikonoxxi l-ħtieġa tad-detenzjoni ta’ qabel is-smigħ tal-proċess taħt ċerti kriterji, in-nuqqas ta’ standards minimi dwar tali detenzjoni inkluż rieżami regolari, l-użu tagħha bħala l-aħħar għażla u l-kunsiderazzjoni ta’ alternattivi, flimkien ma’ nuqqas ta’ valutazzjoni xierqa ta’ jekk il-kawża huwiex lest biex jitressaq għal smigħ ta’ proċess, jistgħu jwasslu biex persuni ssuspettati u akkużati jinżammu għal perjodu ta’ żmien mhux ġustifikat u eċċessiv f’detenzjoni ta’ qabel is-smigħ tal-proċess;

(ix) il-kundizzjonijiet inaċċettabbli li hemm f’għadd ta’ faċilitajiet ta’ detenzjoni madwar l-Unjoni u l-impatt li dan għandu fuq id-drittijiet fundamentali tal-individwi kkonċernati, b’mod partikolari d-dritt għall-protezzjoni kontra trattament jew kastig inuman jew degradanti skont l-Artikolu 3 tal-KEDB u fuq l-effettività u l-funzjonament tal-istrumenti ta' rikonoxximent reċiproku tal-Unjoni;

(x) nuqqas ta’ rappreżentazzjoni legali pprovduta lil dawk il-persuni mfittxija taħt EAW fl-Istat Membru emittenti kif ukoll fl-Istat Membru li jeżegwih;

(xi) in-nuqqas fid-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI ta’ skadenzi għat-trażmissjoni tal-EAWs tradotti, li jwassal għal prattiki varjabbli u inċertezza;

(xii) in-nuqqas ta’ definizzjoni adegwata ta’ reati kriminali li għalihom m’għadux japplika t-test tal-kriminalità doppja;

(xiii) in-nuqqas li jintużaw għodod oħra tal-Unjoni għall-koperazzjoni ġudizzjarja u għar- rikonoxximent reċiproku;

1.  B’kunsiderazzjoni tal-qafas ġuridiku l-ġdid mill-2014 skont it-Trattat ta’ Lisbona, iqis li dan ir-rapport ma għandhux jittratta problemi li jinqalgħu biss minn implimentazzjoni mhux korretta tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI tali problemi jistgħu u għandhom jiġu rrimedjati permezz ta’ implimentazzjoni korretta mill-Istati Membri u infurzar permezz ta’ proċedimenti tal-Kummissjoni;

2.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw f'waqtu u b'mod effettiv il-korp kollu tal-miżuri ta’ ġustizzja kriminali tal-Unjoni peress li huma kumplementari inkluża l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea, l-Ordni ta’ Superviżjoni Ġudizzjarja u l-miżuri tad-drittijiet proċedurali, u b’hekk jagħmlu disponibbli lill-awtoritajiet ġudizzjarji strumenti ta' rikonoxximent reċiproku alternattivi u inqas intrużivi filwaqt li jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet tal-persuni ssuspettati u akkużati fil-proċedimenti kriminali; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja bir-reqqa l-implimentazzjoni korretta tagħhom kif ukoll l-impatt tagħhom fuq il-funzjonament tal-EAW u l-qasam tal-ġustizzja kriminali tal-Unjoni;

3   Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet ġudizzjarji tagħhom jesploraw il-possibilitajiet eżistenti kollha li jinsabu fid-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI (bħalma hi l-Premessa 12) biex tiġi salvagwardjata l-protezzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali; jeżawrixxu l-mekkaniżmi alternattivi possibbli kollha qabel ma joħorġu EAW; u jippreċessaw il-kawża mingħajr dewmien żejjed ladarba EAW jkun wassal għal arrest sabiex id-detenzjoni ta’ qabel is-smigħ tal-proċess tinżamm l-iqsar possibbli;

4.  Jirrimarka li r-rikonoxximent s ħiħ u l-infurzar rapidu tal-miżuri ġuridiċi huma pass lejn l-istabbiliment ta’ spazju ta’ ġustizzja kriminali tal-Unjoni, u jenfasizza kemm huwa importanti l-EAW bħala mezz effettiv kif tiġi miġġielda l-kriminalità transkonfinali serja;

5.  Iqis li peress li l-problemi sottolinjati fil-premessa F jirriżultaw kemm mill-ispeċifiċitajiet tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI u kemm min-natura inkompleta u żbilanċjata tal-qasam tal-ġustizzja kriminali tal-Unjoni, is-soluzzjonijiet leġiżlattivi jeħtieġu jindirizzaw iż-żewġ kwistjonijiet permezz ta’ ħidma kontinwa biex jiġu stabbiliti l-istandards minimi dwar inte alia d-drittijiet proċedurali tal-persuni suspettati u akkużati u miżura orizzontali li tistabbilixxi l-prinċipji li japplikaw għall-istrumenti ta’ rikonoxximent reċiproku kollha, jew jekk din il-miżura orizzontali mhijiex fattibbli jew tonqos milli tirrimedja l-problemi identifikati f’din ir-riżoluzzjoni, emendi għad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI;

6.  Iqis li d-dgħufijiet identifikati mhux biss ifixklu l-fiduċja reċiproka iżda huma wkoll għaljin mil-lat soċjali u ekonomiku għall-individwi kkonċernati, il-familji tagħhom u s-soċjetà in ġenerali.

7.  Għalhekk jitlob lill-Kummissjoni tissottometti, fi żmien sena mill-adozzjoni ta’ din ir-riżoluzzjoni, abbażi tal-Artikolu 82 tat-TFUE, proposti leġiżlattivi b’segwitu għar-rakkomandazzjonijiet dettaljati mogħtija fl-Anness ta’ ma’ dan ir-Regolament u li jipprovdu għal:

A. proċedura li biha miżura ta' rikonoxximent reċiproku tista’, jekk ikun meħtieġ, tiġi vvalidata fl-Istat Membru emittenti minn imħallef, Qorti, maġistrat inkwirenti jew minn prosekutur pubbliku, sabiex jingħelbu l-interpretazzjonijiet diverġenti tat-terminu “awtorità ġudizzjarja”;

(b) verifika tal-proporzjonalità meta jkunu qed jinħarġu deċiżjonijiet ta’ rikonoxximent reċiproku, abbażi tal-fatturi u ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha bħalma huma s-serjetà tar-reat, jekk il-kawża hijiex lesta biex titressaq għal smigħ ta’ proċess, l-impatt fuq id-drittijiet tal-persuna rekwiżita, inkluża l-protezzjoni tal-ħajja privata u dik tal-familja, l-implikazzjonijiet ta’ spejjeż u d-disponibilità ta’ miżura alternattiva inqas intrużiva xierqa;

(c) proċedura ta’ konsultazzjoni standardizzata li permezz tagħha l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru emittenti u ta’ eżekuzzjoni jistgħu jiskambjaw informazzjoni rigward l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji bħalma hu dwar il-valutazzjoni tal-proporzjonalità u speċifikament fir-rigward tal-EAW sabiex jaċċertaw il-prontezza għal proċess;

(d) raġuni ta’ rifjut mandatarju fejn ikun hemm raġunijiet sostanzjali biex jitwemmen li l-eżekuzzjoni tal-miżuri tkun inkompatibbli mal-obbligi tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni skont l-Artikolu 6 tat-TUE u l-Karta, b’mod notevoli l-Artikolu 52(1) tagħha bir-referenza li jagħmel għall-prinċipju tas-solidarjetà;

(e) id-dritt għal rimedju ġuridiku effettiv skont l-Artikolu 47(1) tal-Karta u l-Artikolu 13 tal-KEDB, bħalma hu d-dritt għall-appell fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni kontra l-eżekuzzjoni mitluba ta’ strument ta’ rikonoxximent reċiproku u d-dritt li l-persuna rikjesta tisfida quddiem tribunal kwalunkwe nuqqas min-naħa tal-Istat Membru emittenti li jirrispetta l-assigurazzjonijiet mogħtija mill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni;

(f) definizzjoni aħjar tar-reati fejn l-EAW għandu japplika sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tat-test tal-proporzjonalità

8.  Jitlob għal applikazzjoni ċara u konsistenti mill-Istati Membri kollha tad-dritt tal-Unjoni dwar id-drittijiet proċedurali fil-proċedimenti kriminali marbuta mal-użu tal-EAW; inklużi d-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali; id-dritt ta’ aċċess għal avukat fi proċedimenti kriminali u d-dritt ta’ komunikazzjoni mal-arrest; u d-dritt għall-informazzjoni fi proċedimenti kriminali;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni titlob mill-Istati Membri dejta komprensiva relatata mal-operazzjoni tal-mekkaniżmu tal-EAW u tinkludi din id-dejta fir-rapport ta’ implimentazzjoni li jmiss tagħha bil-ħsieb li tipproponi azzjoni xierqa jekk tinstab xi problema:

10. Jitlob rieżami regolari ta’ EAWs mhux eżegwiti u li jitqies jekk dawn, flimkien mat-twissijiet korrispondenti tas-SIS II u tal-Interpol, għandhomx jiġu rtirati; jitlob ukoll l-irtirar ta’ EAWs u tat-twissijiet korrispondenti tas-SIS II u tal-Interpol, meta l-EAW ikun ġie rrifjutat abbażi ta’ raġunijiet mandatarji, bħalma huma raġuni ta’ ne bis in idem jew inkompatibilità mal-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob li ssir dispożizzjoni biex it-twissijiet tas-SIS II u tal-Interpol jiġu aġġornati b’mod mandatarju bl-informazzjoni dwar ir-raġunijiet tar-rifjut tal-eżekuzzjoni tal-EAW li jikkorrispondi mat-twissija u li jsir aġġornament xieraq tal-fajls tal-Europol;

11. Filwaqt li jenfasizza l-importanza primarja ta’ proċeduri korretti inklużi d-drittijiet ta’ appell, jitlob lill-Istati Membri, jew bħala Stat Membru emittenti jew bħala Stat Membru tal-eżekuzzjoni, jipprovdu għal mekkaniżmi ġuridiċi biex jikkumpensaw id-danni li jirriżultaw minn żbalji ġudizzjarji fir-rigward tal-operazzjoni tal-istrumenti ta’ rikonoxximent reċiproku, bi qbil mal-istandards stipulati fil-KEDB u fil-ġurisprudenza stabbilita sew tal-QĠUE;

12. Jistieden lill-Kunsill jinkludi fil-verżjoni riveduta tal-Manwal Ewropew dwar kif għandu jinħareġ Mandat tal-Arrest Ewropew (17195/1/10 REV 1) limitu ta’ żmien ta’ sitt ijiem għat-trażmissjoni tal-EAWs tradotti sabiex jiġu pprovduti iktar ċarezza u ċertezza;

13. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jikkooperaw fit-tisħiħ tan-netwerks ta’ kuntatt għall-imħallfin, prosekuturi u avukati ta’ difiża kriminali sabiex jiġu faċilitati proċedimenti ta’ EAW effikaċi u infurmati tajjeb, u joffru t-taħriġ rilevanti fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni għall-professjonisti ġudizzjarji u legali f’inter alia l-lingwi, l-użu xieraq tal-EAW u l-użu kkumbinat tal-istrumenti differenti ta’ rikonoxximent reċiproku; jistieden lill-Kummissjoni tabbozza manwal prattiku tal-Unjoni li jkun iddisinjat għall-avukati difensuri li jkunu qed jaġixxu fil-proċedimenti tal-EAW u li jkun faċilment aċċessibbli fl-Unjoni kollha filwaqt li jieħu kont tax-xogħol kollu eżistenti tal-Assoċjazzjoni tal-Avukatura Kriminali Ewropea dwar din il-materja u jiġi kkumplementat mill-manwali nazzjonali;

14. Jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-istabbiliment ta’ Netwerk Ġudizzjarju tal-Mandat ta’ Arrest Ewropew speċifiku u netwerk ta’ avukati difensuri li jaħdmu fuq il-ġustizzja kriminali Ewropea u fuq kwistjonjiet ta’ estradizzjoni u tipprovdi finanzjament adegwat kemm lilhom kif ukoll lin-Netwerk Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju; jemmen li l-Kummissjoni tista’ tiżgura l-finanzjament xieraq permezz tal-programmi eżistenti fil-qasam tal-ġustizzja kriminali tal-Unjoni.

15. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi u tagħmel aċċessibbli faċilment database tal-Unjoni li jiġbor fih il-ġurisprudenza nazzjonali kollha relatata mal-EAW u ma’ proċedimenti oħrajn ta’ rikonoxximent reċiproku biex tiġi ffaċilitata l-ħidma tal-professjonisti u l-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-implimentazzjoni u l-problemi li jinqalgħu;

16. Jenfasizza r-rabta bejn il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni u l-miżuri tal-EAW u jfakkar lill-Istati Membri li l-Artikolu 3 tal-KEDB u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) jimponu fuq l-Istati Membri mhux biss obbligi negattivi, billi jipprojbixxuhom milli jittrattaw lill-priġunieri b’mod inuman u degradanti, iżda anke obbligi pożittivi, billi jobbligawhom li jiżguraw li l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni huma konsistenti mad-dinjità umana, u li jitwettqu investigazzjonijiet bir-reqqa u effettivi jekk dawn id-drittijiet jiġu miksura; jistieden lill-Istati Membri jieħdu kont partikolari tad-drittijiet tal-persuni vulnerabbli u b’mod ġenerali jeżaminaw bir-reqqa l-alternattivi għad-detenzjoni;

17. Sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-qafas tar-rikonoxximent reċiproku, jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-mezzi ġuridiċi u finanzjarji disponibbli fil-livell tal-Unjoni sabiex jittejbu l-istandards ta’ detenzjoni inklużi proposti leġiżlattivi dwar il-kundizzjonijiet tad-detenzjoni ta’ qabel il-proċess;

18. Jinnota li dawn ir-rakkomandazzjonijiet jirrispettaw id-drittijiet fundamentali, il-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-prinċipju tal-proporzjonalità;

19. Iqis li kwalunkwe implikazzjoni finanzjarja tal-proposti rikjesti għall-baġit tal-Unjoni għandha tkun koperta mill-allokazzjonijiet baġitarji attwali; jenfasizza li kemm għall-Istati Membri kif ukoll għaċ-ċittadini, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ dawk il-proposti għandhom iwasslu għal iffrankar sostanzjali fl-ispejjeż u l-ħin, u b’hekk għandhom ikunu ta’ benefiċċju mil-lat ekonomiku u soċjali, kif indikat b’mod ċar fil-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew tal-miżuri tal-Unjoni dwar ir-rieżami tal-EAW.

20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rakkomandazzjonijiet dettaljati annessi magħha lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.

ANNESS GĦALL-MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI:

RAKKOMNADAZZJONIJIET DWAR IL-PROPOSTI LEĠIŻLATTIVI

Bażi biex iċ-ċaħda tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni tiġi applikata għall-istrumenti tal-Unjoni għal rikonoxximent reċiproku:

-    Hemm raġunijiet sostanzjali li jikkonfermaw li l-eżekuzzjoni tal-miżura mhijiex kompatibbli mal-obbligi tal-Istati Membri li jesegwihom skont l- Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Kontroll tal-proporzjonalità għall-istrumenti tal-Unjoni għal rikonoxximent reċiproku:

-    Meta toħroġ deċiżjoni li għandha tiġi esegwita fi Stat Membru ieħor, l-awtorità kompetenti għandha tevalwa bir-reqqa l-ħtieġa għall-miżura mitluba abbażi tal-gravità tar-reat u għandha tapplika l-anqas miżura invażiva disponibbli.

Proċedura ta’ konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet rilevanti fl-Istat emittenti u ta’ eżekuzzjoni li tintuża għal istrumenti legali tal-Unjoni għal rikonoxximent reċiproku:

-    Proċedura standardizzata li biha l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati emittenti u ta’ eżekuzzjoni għandhom jiskambjaw informazzjoni u jikkonsultaw lil xulxin sabiex jiffaċilitaw l-applikazzjoni bla xkiel u effiċjenti tal-istrumenti ta’ rikonoxximent reċiproku rilevanti, inkluż pereżempju fir-rigward ta’ EAW sabiex tkun ivverifikata l-prontezza għal proċess;

Proċedura ta’ validazzjoni għal strumenti legali tal-Unjoni għal rikonoxximent legali reċiproku:

-    “l-awtorità emittenti” fil-leġiżlazzjoni kriminali tal-Unjoni għandha tiġi definita bħala:

(i)  imħallef, qorti, maġistrat inkwirenti jew prosekutur pubbliku kompetenti fil-każ konċernat; jew

(ii) kwalunkwe awtorità kompetenti oħra kif definit mill-Istat emittenti, sakemm l-att li għandu jiġi eżegwit ikun ivvalidat, wara eżami tal-konformità tiegħu mal-kondizzjonijiet għall-ħruġ tal-istrument, minn imħallef, Qorti, maġistrat inkwirenti jew prosekutur pubbliku fl-Istat emittenti.

Dispożizzjoni dwar ir-rimedji legali applikabbli għal strumenti ta’ rikonoxximent reċiproku:

-    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull persuna li jkollha d-drittijiet u l-libertajiet tagħha miksura permezz ta' deċiżjoni, azzjoni jew ommissjoni fl-applikazzjoni ta’ strument ta’ rikonoxximent reċiproku fi kwistjonijiet kriminali għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti. Jekk tali rimedju jiġi eżerċitat fl-Istat ta’ eżekuzzjoni u jkollu effett ta’ sospensjoni, id-deċiżjoni finali fuq tali rimedju għandha tittieħed fil-limiti ta’ żmien stabbiliti mill-istrument ta' rikonoxximent reċiproku applikabbli jew, fin-nuqqas ta’ limiti ta’ żmien espliċiti, b’disponibilità suffiċjenti li tiżgura li l-proċess ta’ rikonoxximent reċiproku ma jkunx ipperikolat.

  • [1]               ĠU L 262, 7.10.2005, p. 1.
  • [2]               ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1.
  • [3]               Testi adottati, 23.10.2013, P7_TA(2013)0444.
  • [4]               ĠU L 354, 28.12.2013, p. 73.
  • [5]               ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 82.
  • [6]               ĠU C 102, 28.4.2004, p. 31.
  • [7]               ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.

NOTA SPJEGATTIVA

Id-Deċiżjoni Kwadru dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew[1] (minn issa ‘l quddiem “id-"DK talEAW ”) approvata fl-2002 daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2004 u hu l-aktar strument legali importanti tal-UE fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku fejn id-deċiżjonijiet ġudizzjarji jiġu eżegwiti fuq il-bażi ta’ fiduċja reċiproka. L-għan tad-DK tal-EAW kien li tħaffef u tiffaċilita l-proċess li bih persuni ssuspettati jew akkużati jitressqu l-qorti billi titrasforma l-proċeduri ta' estradizzjoni qodma u ineffiċjenti bil-parteċipazzjoni tal-politiċi f’sistema ta' konsenja aktar mgħaġġla permezz ta’ komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji. L-EAW jiffaċilita l-konsenja billi, inter alia, jistabbilixxi limiti ta’ żmien stretti u jillimita tal-użu ta’ kriminalità doppja bħala raġuni għal rifjut. Jitlob lill-Istat Membru mitlub biex jeżegwixxi l-mandat mingħajr kwalunkwe valutazzjoni tas-sustanza tal-akkuża jew tal-kundanna.

Sa mill-introduzzjoni tiegħu, huwa pprovda mekkaniżmu aktar effiċjenti biex jiżgura li l-fruntieri miftuħa ma jiġux sfruttati minn dawk li jippruvaw jaħarbu mill-ġustizzja. Fl-istess ħin, konsenja aktar imħaffef ifisser li persuni suspettati u akkużati ma għandhomx jibqgħu detenuti għal perjodi twal ta’ żmien filwaqt waqt li jkunu qed jistennew l-estradizzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat tliet rapporti dwar l-implimentazzjoni tad-DK tal-EAW li jqisu l-implimentazzjoni operattiva tal-EAW bħala ta' suċċess b’mod partikolari rigward fit-tnaqqis f’dewmien ta’ estradizzjoni (mill-medja ta’ sena qabel l-EAW għal madwar ħmistax-il jum bil-kunsens u madwar ħamsin jum mingħajr kunsens skont il-Mandat ta’ Arrest Ewropew)[2]..

Madankollu, minkejja evalwazzjoni ġenerali pożittiva, it-tliet rapporti tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru tal-2002 kollha jikxfu l-imperfezzjonijiet tal-funzjonament tas-sistema (fosthom in-nuqqas ta’ rispett tad-drittijiet proċedurali ta’ persuni suspettati u akkużati, kundizzjonijiet ta’ detenzjoni foqra, allegazzjoni ta' użu eċċessiv ta’ EAWs minn xi Stati Membri u n-nuqqas ta' applikazzjoni tal-proporzjonalità) li forsi huma kkonfermati mill-istatistika li turi li bejn l-2005 u l-2009 inħarġu 54,689 EAWs u li minnhom ġew esegwiti 11,630 EAW biss[3].

Il-fiduċja reċiproka meħtieġa għall-operazzjoni bla xkiel tad-DK tal-EAW għalhekk ġiet soġġetta għal numru konsiderevoli ta’ sfidi li jirriżultaw mill-applikazzjoni prattika tagħha, inkluża l-kritika li tirriżulta mill-użu sistematiku tad-DK tal-EAW għal reati minuri u tħassib dwar jekk id-drittijiet individwali humiex f’riskju minkejja l-inkorporazzjoni fl-Artikolu1.3 u fil-premessa12 tad-DK ta’ suppożizzjoni li d-drittijiet fundamentali jiġu rispettati fi proċeduri ta’ konsenja. L-Istati Membri għalhekk fittxew li japplikaw il-prinċipji tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali tagħhom minħabba l-biżà li Stat Membru emittenti japplika standards inferjuri fir-rigward tas-salvagwardji proċedurali u tad-drittijiet fundamentali.

Sabiex ma tkunx imminata l-kredibbiltà tal-EAW u tal-inizjattivi ta’ ġustizzja kriminali tal-UE b’mod ġenerali, dawn il-problemi jeħtieġ li jiġu indirizzati. Kwistjonijiet operattivi dwar l-EAW jirriżultaw minn kawżi differenti: implimentazzjoni mhix kompluta u inkonsistenti tad-DK tal-EAW bħan-nuqqas ta’ konformità mal-limiti taż-żmien; lakuni fid DK tal-EAW ; u n-natura żbilanċjata u mhux kompluta tal-UE fil-qasam tal-ġustizzja kriminali.

Problemi li jirriżultaw minn implimentazzjoni mhux kompluta u inkonsistenti tad-DK tal-EAW mhumiex koperti f’dan ir-rapport peress li essenzjalment għandhom jiġu indirizzati mill-Kummissjoni Ewropea aktar milli permezz ta’ riforma leġiżlattiva tal-UE

Problemi li jirriżultaw minn lakuni fid-DK tal-EAW mhumiex neċessarjament uniċi għal din il-miżura iżda sa ċertu punt huma kondiviżi ma’ strumenti oħra ta’ rikonoxximent reċiproku u huma relatati wkoll man-natura mhix kompluta u żbilanċjata tal-UE fil-qasam tal-ġustizzja kriminali. Kien hemm bidliet leġiżlattivi jew legali fil-livell nazzjonali li affettwaw il-proċedimenti tal-Mandat ta’ Arrest Ewropew, pereżempju fir-Renju Unit u l-Polonja, li taw l-impressjonili kienu se jsolvu kwistjonijiet bħall-proporzjonalità, imma r-riskju hu li dawn id-diskrepanzi bejn l-Istati Membri se jkomplu jippersistu jew saħansitra jikbru. Miżuri mhux vinkolanti bħall-Manwal Ewropew għall-ħruġ ta' Mandat ta' Arrest Ewropew rivedut għandhom jgħinu iżda ma solvewx il-problemi kollha. Għalhekk hemm bżonn ta' azzjoni leġiżlattiva fil-livell tal-UE għar-riforma tal-operat tal-EAW u ta' strumenti oħra ta’ rikonoxximent reċiproku u biex jiġi żgurat bilanċ aħjar fl-UE fil-qasam tal-ġustizzja kriminali.

  • [1]  Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/GAI emendata fl-2009 mid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI
  • [2]  Validità tad-Deċiżjoni Kwadru 2011/175/ĠAI tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2002 fuq il-mandat ta' arrest Ewropew u l-proċeduri ta' ċediment bejn l-Istati Membri
  • [3]  COM(2011)175, Dwar l-implimentazzjoni sa mill-2007 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

13.1.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

46

4

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Philipp Albrecht, Roberta Angelilli, Edit Bauer, Rita Borsellino, Arkadiusz Tomasz Bratkowski, Salvatore Caronna, Philip Claeys, Carlos Coelho, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Ioan Enciu, Frank Engel, Cornelia Ernst, Tanja Fajon, Monika Flašíková Beňová, Kinga Gál, Kinga Göncz, Sylvie Guillaume, Anna Hedh, Salvatore Iacolino, Sophia in ‘t Veld, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Timothy Kirkhope, Juan Fernando López Aguilar, Baroness Sarah Ludford, Monica Luisa Macovei, Svetoslav Hristov Malinov, Clemente Mastella, Véronique Mathieu Houillon, Anthea McIntyre, Nuno Melo, Roberta Metsola, Louis Michel, Claude Moraes, Carmen Romero López, Birgit Sippel, Csaba Sógor, Renate Sommer, Nils Torvalds, Kyriacos Triantaphyllides, Wim van de Camp, Axel Voss, Renate Weber, Josef Weidenholzer, Cecilia Wikström, Tatjana Ždanoka, Auke Zijlstra

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Monika Hohlmeier, Ulrike Lunacek, Jan Mulder, Carl Schlyter