RAPPORT dwar il-ħatra proposta ta' Klaus Heiner Lehne bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri

27.1.2014 - (C7‑0423/2013 – 2013/0813(NLE))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
Rapporteur: Inés Ayala Sender

Proċedura : 2013/0813(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0050/2014
Testi mressqa :
A7-0050/2014
Dibattiti :
Testi adottati :

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-ħatra proposta ta' Klaus Heiner Lehne bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri

(C7‑0423/2013 – 2013/0813(NLE))

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 286(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C7‑0423/2013),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 108 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7‑0050/2014),

A.     billi l-Kumitat tal-Parlament għall-Kontroll tal-Baġit ipproċeda għall-valutazzjoni tal-kredenzjali tal-persuna nominata, b'mod partikolari fid-dawl tar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 286(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

B.     billi fil-laqgħa tiegħu tat-23 ta’ Jannar 2014 il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit sema’ lill-persuna nominata mill-Kunsill għas-sħubija fil-Qorti tal-Awdituri;

1.      Jagħti opinjoni favorevoli dwar il-proposta tal-Kunsill għall-ħatra ta’ Klaus Heiner Lehne bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri;

2.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Qorti tal-Awdituri kif ukoll lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni Ewropea u lill-istituzzjonijiet ta' verifika tal-Istati Membri.

ANNESS 1: CURRICULUM VITAE TA' Klaus Heiner Lehne

Imwieled f’Düsseldorf fit-28 ta’ Ottubru 1957

Edukazzjoni u attività professjonali

1976               Eżami tat-tmiem tal-kors skolastiku f’Erkrath

1976 - 1978   Studja l-fiżika u l-filosofija f’Düsseldorf

1978 - 1983   Studja l-liġi fi Freiburg, Cologne u Bonn

1980               Studja f’Berkeley, USA

1983               L-Ewwel Grad fil-Liġi (Staatsexamen) f’Düsseldorf

1986               It-Tieni Grad fil-Liġi (Staatsexamen) f’Düsseldorf

sa mill-1986    jipprattika l-liġi f’Düsseldorf; bħalissa sieħeb fl-uffiċċju legali Taylor-Wessing

Karigi u dmirijiet pubbliċi

1977-1979     Kunsillier lokali fid-distrett Mitte, Düsseldorf

1984-1992     Kunsillier tal-Belt f’Düsseldorf, fost l-oħrajn, membru tal-kumitati għall-finanzi, il-verifika, il-benesseri taż-żgħażagħ u l-ippjanar, u membru tal-kunsill tas-sorveljanza għax-xogħlijiet muniċipali

1992-1994     Membru tal-Bundestag Ġermaniż, fost l-oħrajn, membru tal-kumitati għall-affarijiet legali u t-trasport, u membru tal-kumitat investigattiv tal-aġenzija fiduċjarja (Treuhand) u tal-inkjesta SED

Sa mill-1994   Membru tal-Parlament Ewropew, Membru tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali

1999-2009     Koordinatur tal-Grupp PPE tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali

Sa mill-2009   President tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati

Tagħlim

Sa mill-2004   Lekċerer tal-liġi Ewropea fl-Universitajiet ta’ Düsseldorf u Cologne

ANNESS 2: TWEĠIBIET TA' Klaus Heiner Lehne GĦALL-MISTOQSIJIET

Esperjenza professjonali

1. Jekk jogħġbok iddeskrivi l-aspetti ewlenin tal-esperjenza professjonali tiegħek fl-oqsma tal-finanzi pubbliċi, il-ġestjoni jew il-verifika amministrattiva.

Matul it-taħriġ legali tiegħi, kont diġà ffamiljarizzajt ruħi mal-aspetti bażiċi tal-baġit statali. Il-liġi pubblika kienet is-suġġett tat-taħriġ u wieħed mis-suġġetti ewlenin tal-eżami fiż-żewġ eżamijiet statali. Dan jinkludi l-liġi baġitarja tal-Federazzjoni Ġermaniża u l-liġi korrispondenti tal-istati u tal-muniċipalitajiet. Ksibt l-ewwel esperjenza professjonali fil-qasam tal-baġit statali waqt l-apprendistat legali, fejn kont involut fi kwistjonijiet dwar il-baġit u l-finanzi f'awtorità lokali. Fil-ħidma tiegħi aktar tard bħala kunsillier tal-kapitali reġjonali, Düsseldorf, (b'popolazzjoni ta' madwar 600 000 persuna u baġit attwali ta’ madwar EUR 2.7 biljun) kont membru tal-Kumitat għall-Finanzi u l-Kumitat ta' Verifika kif ukoll tal-Kumitat responsabbli għall-Għoti ta’ Kuntratti tal-Kostruzzjoni u l-Kumitat tas-Servizzi għaż-Żgħażagħ fejn kont involut f’deċiżjonijiet u verifiki fil-qasam tal-baġit soċjali, taż-żgħażagħ u tal-familja. Fl-istess żmien kont membru ta’ bordijiet superviżorji muniċipali, inkluż il-bord superviżorju tal-kumpaniji tas-servizzi pubbliċi Stadtwerke Düsseldorf, li dak iż-żmien kien diġà wieħed mill-akbar 300 intrapriża tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Għal darb'oħra, waħda mill-attivitajiet ewlenin tiegħi kienet relatata ma’ kwistjonijiet legali tal-kontabbiltà.

Meta kont membru tal-Bundestag Ġermaniż, kont ukoll membru tal-Kumitat Investigattiv tal-Aġenzija Fiduċjarja (Treuhand) li twaqqaf biex jinvestiga l-attivitajiet tal-aġenzija fiduċjarja fil-ġestjoni tal-proprjetà statali ta' qabel, tar-Repubblika Demokratika tal-Ġermanja. Hawnhekk kien magħruf li kien hemm irregolaritajiet fl-użu tal-fondi federali li kien jeħtieġ li jiġu investigati. Bħala parti mill-ħidma tiegħi fil-Kumitat għat-Trasport tal-Bundestag Ġermaniż, kont involut fil-privatizzazzjoni ta’ intrapriżi tat-trasport u fil-pjan tar-rotot tat-trasport federali. Bħala membru tal-Kumitat Legali tal-Bundestag Ġermaniż, għamilt rapporti dwar għadd kbir ta’ liġijiet federali dwar it-tariffi u l-ispejjeż.

Bħala membru tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament Ewropew, il-grupp politiku tiegħi inkarigani bir-rwol ta' rapporteur jew shadow rapporteur għal kważi l-proġetti leġislattivi kollha fil-qasam tal-liġi tal-kontabbiltà fl-għoxrin sena li għaddew. Dan l-aħħar kont ir-rapporteur għar-reviżjoni totali tar-raba’ u s-seba’ Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpaniji, rigward ir-regoli bażiċi tal-liġi Ewropea tal-kontabbiltà.

Billi l-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati, li nippresjedi wkoll, ingħatat ir-rwol li tissorvelja l-valutazzjoni tal-impatt regolatorju li titwettaq mis-servizzi tal-Parlament, ili ħafna snin nittratta dawn il-kwistjonijiet ukoll. Dan għandu rwol sinifikanti partikolarment fir-rigward tal-valutazzjoni tal-effiċjenza u l-kost-effettività tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u ta' programmi Ewropej.

Barra dan, ili naħdem bosta snin bħala lekċerer fl-Universitajiet ta’ Düsseldorf u Cologne. Fl-Università ta’ Cologne, tajt lekċers lill-avukati speċjalizzati fl-ekonomija dwar aspetti tal-liġi ekonomika Ewropea. Il-lekċers tiegħi fl-Università ta’ Düsseldorf jiffukaw fuq kwistjonijiet ta' politika legali ġenerali, inklużi l-iżviluppi fil-liġi pubblika Ewropea.

Fil-kapaċità tiegħi bħala President tal-grupp CDU ta’ Düsseldorf, bħalissa jien membru ta’ żewġ bordijiet superviżorji muniċipali, jiġifieri l-bord superviżorju tal-Messegesellschaft Düsseldorf li hija l-kumpanija responsabbli għall-korporazzjoni tal-fieri ta’ Düsseldorf, u tal-arena multifunzjonali ta’ Dusseldorf. Fiż-żewġ funzjonijiet, il-kwistjoniet tal-finanzi pubbliċi għandhom rwol importanti. Barra minn hekk, ili membru għal bosta snin tal-Bord Konsultattiv tal-kumpanija tal-assigurazzjoni ARAG.

2. Liema huma l-aktar tliet deċiżjonijiet importanti li inti kont involut fihom tul il-ħajja professjonali tiegħek?

- L-adozzjoni tad-direttiva dwar il-ħasil tal-flus

Bħala rapporteur, irnexxieli nikseb titjib sinifikanti fil-kwalità tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-involviment ta’ intrapriżi u gruppi professjonali oħra minn barra s-settur finanzjarju. Għal dan kien meħtieġ li jintlaħaq bilanċ, li kien diffiċli, bejn id-dibattiti u n-negozjati, għaliex fuq in-naħa l-waħda kellha titfassal il-ġlieda effettiva kontra l-ħasil tal-flus, filwaqt li fuq in-naħa l-oħra kellhom jiġu protetti d-drittijiet fundamentali. Wara l-ġrajjiet ta’ Settembru 2001 u l-inklużjoni assoċjata tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, intlaħaq kompromess fin-negozjati estremament diffiċli mal-Presidenza Belġjana tal-Kunsill, li l-elementi bażiċi tiegħu għadhom validi sal-lum. It-tielet Direttiva dwar il-ħasil tal-flus essenzjalment testendi dan il-kompromess. L-istess japplika għar-raba’ Direttiva dwar il-ħasil tal-flus li ġiet proposta iżda għadha ma ġietx adottata mil-leġiżlatur.

- Ir-riunifikazzjoni tal-Ġermanja

Ta’ importanza partikolari għalija kien ukoll il-fatt li sirt membru tal-Bundestag Ġermaniż fl-ewwel leġiżlatura parlamentari wara r-riunifikazzjoni tal-Ġermanja. Bħala membru tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali, kont involut f’serje ta' proġetti bl-għan li jadottaw il-liġi Ġermaniża tal-Lvant għal-liġi futura tal-Ġermanja kollha. Ħdimt fuq għadd kbir ta' atti li jadottaw il-liġi kuntrattwali u dik tal-proprjetà. Dan kien kruċjali għas-suċċess tar-riunifikazzjoni tal-Ġermanja.

- Programm għall-bini ta’ kindergartens

Bħala Viċi President tal-Kumitat tas-Servizzi għaż-Żgħażagħ tal-kunsill tal-belt ta’ Düsseldorf, fis-snin tmenin, kont involut fl-iżvilupp tal-mudell ta’ investiment għall-promozzjoni tal-bini ta’ kindergartens. Għalhekk, il-belt ta’ Düsseldorf irnexxielha iżżid b'mod mgħaġġel, in-numru ta' postijiet tal-kindergarten disponibbli u tissodisfa qabel iż-żmien ir-rekwiżiti legali għall-provvista ta’ kindergartens.

Indipendenza

3. It-Trattat jistipula li l-Membri tal-Qorti tal-Awdituri għandhom ikunu 'kompletament indipendenti' meta jwettqu dmirijiethom. Kieku inti kif twettaq dan l-obbligu fil-qadi tad-dmirijiet prospettivi tiegħek?

Jiena nwaqqaf l-attivitajiet esterni kollha, inkluż ix-xogħol tiegħi bħala avukat. Dan huwa stipulat fil-liġi primarja u sekondarja Ewropea, u bir-raġun. L-indipendenza tal-Membri tal-Qorti tal-Awdituri hija prekundizzjoni kruċjali għall-funzjonament tal-istituzzjoni. Jekk, matul il-ħidma tiegħi bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri, niġi involut fi kwistjoni li tista' twassal għal kunflitt ta’ interess reali jew potenzjali jew li biss tista’ tidher bħala kunflitt ta’ interess, jien nitlob lill-President tal-Qorti tal-Awdituri biex jilliberani minn dawk l-impenji u jittrasferihom lil membri oħra tal-Qorti tal-Awdituri. Jekk ninħatar membru tal-Qorti tal-Awdituri, anke wara li jispiċċa l-mandat tiegħi, jien nipprattika l-prudenza meħtieġa fl-attivitajiet kollha tiegħi biex nipproteġi r-reputazzjoni tal-istituzzjoni.

4. Ingħatajt kwittanza għad-dmirijiet maniġerjali li wettaqt preċedentement, f’każ li tapplika proċedura ta' dan it-tip?

Id-dmirijiet li jien eżerċitajt preċedentement ma kinux soġġetti għal proċedura ta’ kwittanza.

5. Għandek xi ishma tan-negozju jew ishma kapitali jew xi impenji oħra li jistgħu joħolqu kunflitt mad-dmirijiet prospettivi tiegħek? Inti lest li tiżvela l-interessi finanzjarji u impenji oħra tiegħek lill-President tal-Qorti u tagħmilhom pubbliċi? Fil-każ li bħalissa inti imdaħħal f’xi proċedimenti legali, tista’ jekk jogħġbok tagħti d-dettalji dwarhom?

M’għandi ebda ishma tan-negozju jew ishma kapitali li jistgħu joħolqu kunflitt mad-dmirijiet prospettivi tiegħi bħala membru tal-Qorti tal-Awdituri. M'hemmx impenji oħra li jistgħu jwasslu għal tali kunflitti. Malli nibda l-ħidma tiegħi fil-Qorti tal-Awdituri jiena nirtira mill-kariga sħubija fl-uffiċċju legali Taylor Wessing. Naturalment, jien lest li niżvela l-interessi finanzjarji kollha u l-impenji l-oħra kollha tiegħi lill-President tal-Qorti u nagħmilhom pubbliċi. Bħalissa ma jien involut fl-ebda proċediment legali.

6. Wara l-ħatra tiegħek bħala membru tal-Qorti tal-Awdituri, inti lest li tirriżenja minn kwalunkwe kariga eletta jew minn xi funzjoni attiva assoċjata ma’ responsabbiltà f'partit politiku?

Iva.

7. Kif taġixxi f’każijiet ta’ irregolarità serja jew saħansitra ta’ frodi u/jew korruzzjoni, li jinvolvu persuni li ġejjin mill-Istat Membru tal-oriġini tiegħek?

Jien naġixxi bl-istess mod ta' kif naġixxi f’każ fejn ikunu involuti persuni minn Stati Membri oħra jew minn pajjiżi terzi. Naturalment, jien inżomm strettament mad-dispożizzjonijiet legali rilevanti, b'mod partikolari r-regoli interni tal-Qorti.

Il-Qadi tad-dmirijiet

8. X'għandhom ikunu l-karatteristiċi ewlenin ta’ kultura ta’ ġestjoni finanzjarja soda fi kwalunkwe servizz pubbliku?

Kwalunkwe persuna li għandha x'taqsam ma’ fondi pubbliċi għandha tkun konformi mal- liġijiet rilevanti u ma’ dispożizzjonijiet legali oħra, b'mod strett u konsistenti. Dawn huma flus il-kontribwent u għalhekk għandhom jintużaw bl-akbar reqqa u skont il-liġi. Iċ-ċittadini huma intitolati għal dan. Konsegwentement, l-Artikolu 30 tar-Regolament Finanzjarju jistipula li l-approprjazzjonijiet għandhom jintużaw skont il-prinċipji tal-ekonomija, l-effiċjenza u l-effettività.

Il-ġbir u l-użu ineffiċjenti ta’ fondi pubbliċi huma waħda mill-kawżi tal-kriżi attwali. Kontroll adegwat tal-prattika tal-infiq u d-dħul tal-amministrazzjoni pubblika min-naħa tal-Parlament u tal-Qorti tal-Awdituri, huwa essenzjali biex jiġi żgurat l-użu effiċjenti tal-approprjazzjonijiet u l-affidabbiltà u r-responsabbiltà tal-governanza amministrattiva pubblika fil-konfront taċ-ċittadini. Dan jeħtieġ l-akbar trasparenza possibbli. L-azzjoni amministrattiva u l-baġit għandhom ikunu konsistenti.

9. Skont it-Trattat, il-Qorti meħtieġa tassisti lill-Parlament fl-eżerċizzju tal-poteri tiegħu fil-kontroll tal-implimentazzjoni tal-baġit. Kif tiddeskrivi d-dmirijiet tiegħek fir-rigward tar-rappurtar lill-Parlament Ewropew u b'mod partikolari lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tiegħu?

Bħala awtorità baġitarja, il-Parlament huwa responsabbli għall-għoti ta' kwittanza lil diversi fergħat ta' amministrazzjoni fil-livell Ewropew. L-istrument ewlieni fid-deċiżjoni dwar il-kwittanza huwa r-rapport tal-awditjar imfassal mill-Qorti tal-Awdituri. Skont it-Trattat, il-Qorti tal-Awdituri tipprovdi servizz lill-Parlament u liċ-ċittadini. Minbarra li tiggarantixxi aktar trasparenza, il-kompitu ewlieni tagħha hu li tassisti lill-Parlament fit-twettiq tal-funzjonijiet superviżorji tiegħu tal-amministrazzjoni. Huwa ċar f'dan il-kuntest li għandha tingħata prijorità partikolari lit-talbiet magħmula mill-Parlament jew mill-kumitati tiegħu, speċjalment il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, meta tkun qed tiġi deċiża l-istrateġija tal-Qorti.

10. X'inhu, fil-fehma tiegħek, il-benefiċċju addizzjonali tal-verifika tal-prestazzjoni u kif għandhom ikunu inkorporati s-sejbiet fil-proċeduri ta' ġestjoni?

Il-verifika tal-prestazzjoni tista’ tistabbilixxi jekk l-approprjazzjonijiet disponibbli humiex fil-fatt jintużaw b'mod xieraq, jiġifieri ekonomikament, b'mod effiċjenti u effettiv. Hija meħtieġa partikolarment biex tiggarantixxi l-użu effiċjenti tar-riżorsi fit-tul, u b'hekk hija suppliment importanti għall-verifika finanzjarja u tal-konformità. Fl-opinjoni tiegħi, il-Qorti tal-Awdituri – bħall-Qrati tal-Awdituri madwar id-dinja – għandha għaldaqstant tiffoka aktar fuq l-adegwatezza u l-effiċjenza kemm tal-istrumenti leġislattivi kif ukoll tal-azzjoni amministrattiva sussegwenti, flimkien mal-valutazzjoni tal-figuri. Naturalment, il-Qorti tal-Awdituri ma tiddeċidix dwar il-konklużjonijiet leġislattivi jew amministrattivi. Dan hu x'aktarx il-kompitu tal-leġiżlatur jew tal-fergħa eżekuttiva. Madankollu, il-Qorti tal-Awdituri tista’ u għandha – pereżempju fir-rapporti speċjali tagħha – tistabbilixxi rakkomandazzjonijiet korrispondenti lil-leġiżlatur jew lill-amministrazzjoni biex tkompli mas-sejbiet u l-valutazzjonijiet attwali tagħha. Għandha wkoll tagħmel aktar biex tiddeskrivi u tivvaluta l-konsegwenzi tad-dispożizzjonijiet legali fil-kuntest ta’ evalwazzjoni ex-post, u fejn meħtieġ, tagħmel proposti speċifiċi għal titjib.

11. Kif tista’ tittejjeb il-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Awdituri, l-istituzzjonijiet nazzjonali tal-awditjar u l-Parlament Ewropew (il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit) dwar l-awditjar tal-baġit tal-UE?

Bħalissa ma nista’ nagħti l-ebda tweġiba konklużiva għal din il-mistoqsija, peress li ma nistax nivvaluta l-kwistjoni la mill-perspettiva tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u lanqas mill-perspettiva tal-Qorti tal-Awdituri. L-ewwel irrid niġbor esperjenza rilevanti mill-attività prattika tiegħi fil-Qorti tal-Awdituri. Huwa ċar li l-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Awdituri u istituzzjonijiet nazzjonali tal-awditjar, stabbilita fl-Artikolu 287, paragrafu 3 tat-TFUE, hija estremament importanti għall-kontroll baġitarju effettiv. Fir-rigward tal-ġestjoni kondiviża b'mod partikolari, evidentement għandu jsir użu mill-ispeċjalizzazzjoni tal-awdituri nazzjonali. Fl-abbozz tar-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit dwar ir-rwol futur tal-Qorti tal-Awdituri u l-emendi mressqa dwar dan, hemm bosta rakkomandazzjonijiet utli dwar kif tista’ tissaħħaħ il-kooperazzjoni. Ikollna nikkunsidraw fid-dettal kif l-metodoloġija u l-iskeda ta' żmien jistgħu jiġu kkoordinati aħjar bejniethom u kif jista' jiġi żviluppat l-awditjar konġunt. Huwa essenzjali li l-Parlament Ewropew (il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit) għandu wkoll ikun involut f'dawn il-kwistjonijiet u li ma jħallix d-deċiżjonijiet futuri f’idejn l-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar waħedhom. Kwalunkwe miżura li tittieħed għandha tirrispetta l-qafas legali tal-kooperazzjoni, jiġifieri min-naħa l-waħda, l-obbligu li jikkooperaw b'rieda tajba u min-naħa l-oħra, l-indipendenza kemm tal-Qorti tal-Awdituri kif ukoll tal-korpi nazzjonali tal-awditjar.

Mistoqsijiet oħra

Jekk l-opinjoni tal-Parlament dwar il-ħatra tiegħek bħala Membru tal-Qorti ma tkunx waħda favorevoli, tirtira l-kandidatura tiegħek?

Iva. Issa ili 20 sena membru ta' din il-Kamra, u 22 snin membru ta’ parlament. Il-Parlament Ewropew tani kompiti ta’ responsabbiltà, billi ħatarni President tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati. Inkarigani bit-tmexxija tan-negozjati interistituzzjonali diffiċli, pereżempju dwar il-ftehimiet interistituzzjonali bejn il-Parlament u l-Kummissjoni. Jien grat għal dawn il-kompiti u l-opportunità li ngħatajt biex infassal il-politika. Il-pożizzjoni tiegħi bħala Membru tal-Parlament Ewropew u r-rispett li għandi lejn din il-Kamra u għall-kollegi ifissru li f'każ bħal dan, nitlob lill-gvern tiegħi biex jipproponi kandidat differenti għal din il-kariga.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

23.1.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

17

4

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marta Andreasen, Inés Ayala Sender, Zuzana Brzobohatá, Martin Ehrenhauser, Jens Geier, Ingeborg Gräßle, Eva Ortiz Vilella, Monika Panayotova, Bart Staes, Georgios Stavrakakis, Søren Bo Søndergaard, Derek Vaughan

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Karin Kadenbach, Ivailo Kalfin, Jan Olbrycht, Markus Pieper

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Burkhard Balz, Peter Jahr, Elisabeth Jeggle, Doris Pack, Hans-Gert Pöttering, Dagmar Roth-Behrendt, Axel Voss