Proċedura : 2013/2077(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0056/2014

Testi mressqa :

A7-0056/2014

Dibattiti :

PV 03/02/2014 - 14
CRE 03/02/2014 - 14

Votazzjonijiet :

PV 04/02/2014 - 6.15

Testi adottati :

P7_TA(2014)0061

RAPPORT     
PDF 239kWORD 162k
28 ta' Jannar 2014
PE 514.600v02-00 A7-0056/2014

dwar l-idoneità Regolatorja tal-UE, Sussidjarjetà u Proporzjonalità - id-19-il rapport dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet li jkopri s-sena 2011

(2013/2077(INI)),

Kumitat għall-Affarijiet Legali

Rapporteur: Sajjad Karim

ERRATA/ADDENDA
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-idoneità Regolatorja tal-UE, Sussidjarjetà u Proporzjonalità - id-19-il rapport dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet li jkopri s-sena 2011

(2013/2077(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet(1),

–   wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 2 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, b'mod partikolari l-Artikoli 4, 6 u 7 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-arranġamenti prattiċi li sar qbil dwarhom fit-22 ta’ Lulju 2011 bejn is-servizzi kompetenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 294(4) tat-TFUE f’każ ta’ qbil fl-ewwel qari,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2012 dwar it-18-il rapport dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet – Applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità (2010)(2)

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Settembru 2011 dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet, is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità u r-regolamentazzjoni intelliġenti(3),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar l-iżgurar ta' valutazzjonijiet tal-impatt indipendenti(4),

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità (id-19-il rapport dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet li jkopri s-sena 2011) (COM(2012)0373),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-Idoneità Regolatorja tal-UE (COM(2012)0746) u (COM(2013)0685,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Idoneità Regolatorja tal-          UE(COM(2012)0746),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ‘Regolamentazzjoni Intelliġenti fl-        Unjoni Ewropea - Inwieġbu għall-ħtiġijiet tal-intrapriżi żgħar u   medji’(COM(2013)0122),

–   wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar monitoraġġ u konsultazzjoni dwar regolamentazzjoni intelliġenti għall-intrapriżi żgħar u medji (SWD(2013)0060),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ir-Regolamentazzjoni Intelliġenti fl-Unjoni Ewropea (COM(2010)0543),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-Regolamentazzjoni Intelliġenti tat-30 ta' Mejju 2013,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-15 ta' Novembru 2011 tal-Grupp ta’ Livell Għoli ta’ Partijiet Interessati Indipendenti għall-Piżijiet Amministrattivi, bl-isem ‘l-Ewropa baqgħalha x'taqdef: Rapport dwar l-aħjar prattika fl-Istati Membri biex il-leġiżlazzjoni tal-UE tiġi implimentata bil-mod l-inqas ta’ xkiel’,

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tad-30 ta' Mejju 2013(5),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A7-0056/2014),

A. billi l-aġenda dwar ir-regolamentazzjoni intelliġenti fiha nnifisha hija sforz biex jiġu konsolidati l-isforzi f’termini ta’ tfassil aħjar tal-liġijiet, is-semplifikazzjoni tal-liġijiet tal-UE u t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi, u biex jinbeda proċess għall-ksib ta’ governanza tajba imsejsa fuq tfassil tal-politika abbażi ta’ elementi konkreti, li fiha l-valutazzjonijiet tal-impatt u l-kontrolli ex post ikollhom rwol essenzjali;

B.  Jemmen li l-parlamenti nazzjonali għandhom ikunu involuti fil-valutazzjonijiet ex post ta' regolamenti ġodda, u dan jgħin lill-Kummissjoni bir-rapporti tagħha u b'mod ġenerali jtejjeb il-valutazzjoni ta' kwistjonijiet Ewropej mill-parlamenti nazzjonali;

C. billi l-Ftehim Interistituzzjonali tal-2003 dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet ma baqax adattat għall-ambjent leġiżlattiv attwali kif maħluq mit-Trattat ta’ Lisbona, mhux inqas minħabba l-approċċ frammentat użat mill-istituzzjonijiet tal-UE f’termini ta’ adozzjoni ta’ dikjarazzjonijiet politiċi konġunti fuq dokumenti ta’ spjegazzjoni u arranġamenti prattiċi fil-livell tas-segretarjat għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 294 tat-TFUE;

Kummenti ġenerali

1.  Jenfasizza li l-leġiżlazzjoni proposta u adottata fil-livell Ewropew għandha tkun sempliċi, effettiva u effiċjenti, għandha tipprovdi valur miżjud ċar, u għandha tkun faċli biex tinftiehem u aċċessibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Istati Membri, kif ukoll tipprovdi benefiċċji sħaħ bi spejjeż minimi; jirrikonoxxi li l-kriżi ekonomika xeħtet pressjoni akbar fuq ir-riżorsi tal-amministrazzjonijiet nazzjonali, u jemmen li impenn favur il-ħolqien ta' leġiżlazzjoni ċara u li tkun tista’ tiġi trasposta faċilment jgħin biex itaffi parti minn din il-pressjoni fuq l-ammistrazzjonijiet nazzjonali u fuq l-individwi privati li jridu jikkonformaw mal-liġi; jenfasizza l-fatt li l-istituzzjonijiet Ewropej huma responsabbli biex jiggarantixxu li l-leġiżlazzjoni tkun ċara, tinftiehem faċilment u ma tpoġġix piż amministrattiv bla bżonn fuq iċ-ċittadini u l-impriżi;

2.  Jenfasizza li l-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità jridu jiġu osservati mill-istituzzjonijiet Ewropej meta dawn ifasslu l-liġijiet;

3.  Ifakkar l-osservazzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-fatt li ħafna drabi ġara li l-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt u l-Parlamenti nazzjonali kkonstataw li dawn il-prinċipji ġew indirizzati b’mod inadegwat fil-valutazzjonijiet ta’ impatt tal-Kummissjoni; jesprimi d-diżappunt tiegħu, għal darba oħra, li tali kritika ġiet ripetuta għal sena oħra;

4.  Jemmen li tfassil aħjar tal-liġijiet għandu jiġi segwit fl-ispirtu ta’ governanza f’diversi livelli, jiġifieri permezz ta’ azzjoni koordinata mill-UE, l-istituzzjonijiet nazzjonali u l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

5.  Jitlob għal darba oħra li l-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet tal-2003 jiġi rinegozjat sabiex jitqies l-ambjent leġiżlattiv ġdid li nħoloq bit-Trattat ta’ Lisbona, tiġi kkonsolidata l-aqwa prassi attwali u l-ftehim jiġi aġġornat b’konformità mal-aġenda dwar "it-tfassil aħjar tal-liġijiet"; jirrakkomanda li kwlaunkwe ftehim ġdid għandu jiġi adottat abbażi tal-Artikolu 295 tat-TFUE u għandu jkun vinkolanti;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jimpenjaw ruħhom mal-Parlament f’negozjati dwar il-kriterji għall-applikazzjoni xierqa tal-Artikolu 290 u 291 tat-TFUE; iqis li dan jista’ jintlaħaq fil-qafas tar-reviżjoni tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet li tkun tinkludi inter alia kriterji bħal dawn;

7.  Iqis li l-varjetà ta’ titoli applikati għall-iskemi li tuża l-Kummissjoni biex tevalwa l-liġijiet adottati u biex twassal tnaqqis fil-piżijiet qed toħloq konfużjoni u hija kkumplikata bla bżonn; jirrakkomanda li jiġi adottat titolu uniku bl-isem ‘Tfassil aħjar tal-liġijiet’, u jtenni t-talba tiegħu li Kummissarju wieħed jiġi inkarigat b’dan ir-rapport;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni biex iżżid ir-reviżjoni tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, speċjalment fir-rigward tal-użu tal-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE dwar atti ddelegati u ta’ implimentazzjoni;

9.  Iqis li, fil-kuntest ta' leġittimità demokratika usa', is-sistema ta' twissija bikrija għandha tiġi sottoposta għal riflessjoni attenta.

Mekkaniżmu ta’ sussidjarjetà għall-parlamenti nazzjonali

10. Jindika li, filwaqt li l-kriżi ekonomika u dik finanzjarja jeħtieġu koordinazzjoni mtejba ta' politiki u tisħiħ tas-setgħat tal-Unjoni f'għadd ta' ambiti, hu essenzjali wkoll li jinżamm fehim ċar tat-tqassim tal-kompetenzi fis-sistema ta' governanza fuq diversi livelli tal-Unjoni Ewropea u, wara dibattitu trasparenti, li jittieħdu deċiżjonijiet b'mod trasparenti fil-livell l-iktar xieraq, bit-tnaqqis tal-burokrazija;

11. Jenfasizza li l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jirrispettaw il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità mħaddna fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u l-Protokoll Nru 2, li huma ta' natura ġenerali, li jorbtu lill-istituzzjoniiet fl-eżerċizzju tas-setgħat tal-Unjoni bl-eċċezzjoni li l-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax f'dawk l-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni;

12. Jissuġġerixxi li jiġi valutat il-fatt jekk għandhomx jiġu stabbiliti kriterji xierqa, fil-livell tal-UE, għall-evalwazzjoni tal-konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità;

13. Jinnota li l-Protokoll Nru 2 jagħti l-opportunità formali lill-parlamenti nazzjonali li jagħtu konsulenza lil-leġiżlatur tal-UE dwar jekk abbozz ta' liġi ġdid ma jgħaddix mill-prova tas-sussidjarjetà li bis-saħħa tiegħu l-objettivi tiegħu jistgħu, minħabba l-iskala jew l-effetti, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni pjuttost milli fil-livell tal-Istati Membri;

14. Jinnota l-importanza kruċjali tal-valutazzjonijiet tal-impatt bħala strumenti li jgħinu fit-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-proċess leġiżlattiv u jenfasizza l-ħtieġa, f’dan il-kuntest, li tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-kwistjonijiet relatati mas-sussidjarjetà u mal-proporzjonalità;

15. Jilqa' l-parteċipazzjoni aktar stretta tal-parlamenti nazzjonali fil-qafas tal-proċess leġiżlattiv Ewropew u l-fatt li dawn qegħdin juru interess saħansitra ikbar fl-applikazzjoni xierqa ta' dawn il-prinċipji mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. dan jidher mill-fatt li fl-2011 il-Parlament Ewropew irċieva 77 opinjoni motivata fejn ġie ddikjarat li abbozz ta' att leġiżlattiv ma kkonformax mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, u 523 kontribut ieħor dwar il-mertu ta' abbozz ta' liġi, billi ċ-ċifri rispettivi għall-2010 kienu 41 u 299; jesprimi d-disponibilità tiegħu li jkompli u jsaħħaħ il-kooperazzjoni u d-djalogu interparlamentari mal-parlamenti nazzjonali;

16. Jissottolinja bil-qawwa l-importanza tal-iskrutinju parlamentari, kemm mill-Parlament Ewropew kif ukoll mill-parlamenti nazzjonali; jirrakkomanda li l-parlamenti nazzjonali jingħataw assistenza sostanzjali biex jitħallew jaqdu l-kompiti ta' skrutinju tagħhom; jissuġġerixxi li l-parlamenti nazzjonali jingħataw linji gwida biex jgħinuhom fil-valutazzjoni tal-konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

17. Jenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja, bi qbil mal-Artikolu 263 TFUE, hija kompetenti sabiex teżamina l-legalità tal-atti leġiżlattivi, fir-rigward tal-konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, u li dan il-prinċipju jikkostitwixxi linja gwida politika dwar l-eżerċizzju tas-setgħat fil-livell tal-Unjoni;

18. Jindika, min-naħa l-oħra, li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, bis-saħħa tat-Trattati, għandha l-ġurisdizzjoni f'azzjonijiet imressqa abbażi ta' 'ksur tat-Trattati jew ta' kwalunkwe stat tad-dritt marbut mal-applikazzjoni tagħhom', u li skont it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità jappartjenu għal dawn ir-regoli; jinnota li l-istħarriġ ġudizzjarju tal-validità ta' atti tal-Unjoni, għalhekk, ma jestendix għall-konformità ma' dawn il-prinċipji;

19. Jenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tat-12 ta' Mejju 2011 fil-kawża C-176/09 Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu vs Il-Parlament Ewropew, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, tafferma li l-prinċipju tal-proporzjonalità "jeżiġi li l-miżuri implimentati permezz ta' dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandhom ikunu kapaċi li jilħqu l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni kkonċernata u ma jmorrux ultra vires minn dak li huwa meħtieġ sabiex jilħqu dan" u li "f'oqsma fejn il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu setgħa normattiva wiesgħa" l-legalità ta' miżura adottata f'dan il-kuntest tista' tiġi affettwata biss jekk il-miżura ma tkunx xierqa b'mod ċar fir-rigward tal-objettiv li qed jippruvaw isegwu l-istituzzjonijiet kompetenti, minkejja li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu, madankollu, "jibbaża l-għażla tiegħu fuq kriterji oġġettivi' u, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tar-restrizzjonijiet marbuta mal-miżuri differenti possibbli, jeżamina 'jekk l-għanijiet imfittxija mill-miżura magħżula humiex ta' natura li tiġġustifika l-konsegwenzi ekonomiċi negattivi, anki kunsiderevoli għal ċerti operaturi";

20. Josserva li l-prinċipju tas-sussidjarjetà kif inhu formulat fit-Trattati jippermetti l-azzjoni tal-Unjoni fl-oqsma li ma jaqgħux fil-kompetenza esklużiva tagħha biss "jekk u sa fejn l-objettivi tal-azzjoni prevista ma jkunux jistgħu jinkisbu biżżejjed mill-Istati Membri, la fil-livell ċentrali u lanqas fil-livell reġjonali u lokali, iżda jkunu jistgħu, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni prevista, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, filwaqt li, skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, is-sustanza u l-forma tal-azzjoni tal-Unjoni m'għandhiex taqbeż dak li hu meħtieġ biex jinkisbu l-objettivi tat-Trattati; jindika li s-sussidjarjetà u l-proporzjonalità huma marbutin mill-qrib ma' xulxin iżda distinti: filwaqt li tal-ewwel jirrigwarda l-adegwatezza tal-azzjoni tal-Unjoni fl-oqsma li mhumiex ta' kompetenza esklużiva tagħha, dan tal-aħħar jirrigwarda l-proporzjonalità bejn il-mezzi stabbiliti mil-leġiżlatur u l-finijiet imfittxija minnu u taħdem bħala regola ġenerali fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-Unjoni; ifakkar għalhekk li l-eżami tal-proporzjonalità ta' abbozz ta' att leġiżlattiv għandha ssegwi loġikament dak tas-sussidjarjetà, iżda, fl-istess ħin il-verifika tas-sussidjarjetà ma tkunx biżżejjed effikaċi mingħajr il-verifika tal-proporzionalità;

21. Josserva li l-Kummissjoni rċeviet għadd żgħir biss ta' mistoqsijiet parlamentari (32 minn iktar minn 12 000) fl-2011 dwar kwistjonijiet marbuta mal-konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità;

22. Jenfasizza l-fatt li fl-2011 il-Kummissjoni rċeviet 64 opinjoni motivata fi ħdan it-tifsira tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, li tirrappreżenta żieda konsiderevoli meta mqabbel mal-2010; jikkonstata, madankollu, li dawn l-64 opinjoni motivata rrappreżentaw 10 % tat-total ta' 622 opinjoni trażmessi lill-Kummissjoni mill-parlamenti nazzjonali fl-2011 fil-qafas tad-djalogu politiku kkkonċernat; jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-fatt li l-ebda mill-proposti tal-Kummissjoni ma rċeviet għadd suffiċjenti ta' opinjonijiet motivati biex jirriżulta fi 'proċeduri tal-"karta safra jew oranġjo" skont il-Protokoll; jikkonstata madankollu li fit-22 ta' Mejju 2012 ingħatat għall-ewwel darba "proċedura ta' karta safra" għal proposta tal-Kummissjoni (proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-eżerċizzju tad-dritt li tittieħed azzjoni kollettiva fil-kuntest tal-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li tagħti servizz, l-hekk imsejħa proposta għal Regolament "Monti II"); jissottolinja li l-Kummissjoni rtirat il-proposta mhux għax qieset li kisret il-prinċipju tas-sussidjarjetà, iżda għax indunat li l-proposta diffiċilment setgħet ikollha, fi ħdan il-Parlament u l-Kunsill, is-sostenn politiku neċessarju għall-finijiet tal-adozzjoni tagħha;

23. Hu tal-fehma li l-mekkaniżmu ta' verifika tal-prinċipju tas-sussidjarjetà għandu jitfassal u jintuża bħala strument ewlenin ta' kollaborazzjoni bejn istituzzjonijiet Ewropej u istituzzjonijiet nazzjonali; jinnota b'sodisfazzjon li dan l-istrument jintuża fil-prattika bħala mezz ta' komunikazzjoni u djalogu ta' kooperazzjoni fost id-diversi livelli istituzzjonali tas-sistema Ewropea b'livelli multipli;

24. Jikkonstata bi tħassib li ċerti opinjonijiet motivati mill-parlamenti nazzjonali jenfasizzaw il-fatt li, f'numru ta' proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni, il-ġustifikazzjoni tas-sussidjarjetà hija insuffiċjenti jew lanqas biss teżisti;

25. Jirrakkomanda li jiġu eżaminati r-raġunijiet għaliex jitressaq għadd tant żgħir ta' opinjonijiet formali u motivati mingħand il-parlamenti nazzjonali u jiġi ddeterminat jekk dan huwiex dovut għall-fatt li l-prinċipju tas-sussidjarjetà huwa osservat min-naħat kollha, jew għall-fatt li l-parlamenti nazzjonali mhumiex kapaċi jinfurzaw dan il-prinċipju minħabba nuqqas ta' riżorsi jew ir-riġidità tal-iskadenzi; jikkunsidra li analiżi mill-Kummissjoni hija mixtieqa;

26. Jenfasizza l-ħtieġa li l-istituzzjonijiet Ewropej jagħmluha possibbli għall-parlamenti nazzjonali li jeżaminaw il-proposti leġiżlattivi billi jiżguraw li l-Kummissjoni tforni motivazzjoni dettaljata u komprensiva għad-deċiżjonijiet leġiżlattivi tagħha dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità skont l-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 2 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

27. Jinnota wkoll f'dan ir-rigward li l-perjodu attwali li fih il-parlamenti nazzjonali jagħmlu l-kontrolli fuq is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità spiss ġie kkunsidrat insuffiċjenti;

28. Iqis li l-pressjoni fuq iż-żmien u r-riżorsi li jiffaċċaw il-parlamenti nazzjonali fir-rispons tagħhom għal abbozzi ta' leġiżlazzjoni tikkontribwixxi għad-'defiċit demokratiku' osservat fi ħdan l-UE;

29. Ifakkar it-talbiet preċedenti tiegħu għal kontroll aktar dettaljat tal-problemi ffaċċjati mill-parlamenti nazzjonali sabiex itejbu l-funzjonament tal-mekkaniżmu eżistenti; jemmen li jkun tajjeb jekk jinstabu metodi ta' tisħiħ ta' dan il-mekkaniżmu li, possibilment fil-kuntest ta' rieżami futur tat-Trattat, jistgħu jagħtu aktar drittijiet lill-parlamenti nazzjonali; jissuġġerixxi li f'dan ir-rieżami tingħata kunsiderazzjoni lin-numru adegwat ta' risponsi tal-parlament nazzjonali meħtieġa biex jingħata bidu għal din il-proċedura, jekk il-proċedura għandhiex tkun limitata għal raġunijiet ta’ sussidjarjetà, u x’għandu jkun l-effett tagħha, partikolarment b'referenza għall-proċedura tal-"karta s-safra"; iqis li diskussjoni ta’ dan it-tip tikkostitwixxi stadju siewi fl-evoluzzjoni tas-setgħa mogħtija lill-parlamenti nazzjonali, l-allinjament tal-inċentivi biex jiġi eżerċitat skrutinju li jkollu effett fil-livell Ewropew;

30. Iqis li sadanittant jistgħu jiġu introdotti diversi inizjattivi biex tittejjeb l-evalwazzjoni ta’ kwistjonijiet Ewropej min-naħa tal-parlamenti nazzjonali; b’mod partikolari:

–   jissuġġerixxi li kull att leġiżlattiv ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali għandu jinkludi nota li tispeċifika liema parlamenti nazzjonali jkunu taw rispons, u dawk li jkunu wrew tħassib dwar is-sussidjarjetà;

–   jipproponi li jiġu ppreżentati l-opinjonijiet motivati tal-parlamenti nazzjonali, li jintbagħtu skont l-Artikolu 6 tal-Protokoll Nru 2 li jinsab fl-anness tat-TUE u mat-TFUE lill-koleġiżlaturi, mingħajr dewmien;

–   jissuġġerixxi li jistgħu jitħejjew linji gwida li jelenkaw il-kriterji għal opinjonijiet motivati dwar kwistjonijiet ta’ sussidjarjetà;

–   jipproponi l-mobilizzazzjoni tal-parlamenti nazzjonali biex jitwettqu evalwazzjonijiet kumparattivi ta' valutazzjonijiet ex ante li huma jkunu wettqu u valutazzjonijiet ex post imfassla mill-Kummissjoni;

Tfassil aħjar tal-liġijiet

31. Jemmen li approċċ effikaċi għall-isfidi ta' tfassil aħjar tal-liġijiet għandu jgħin lill-istituzzjonijiet Ewropej jirreaġixxu għall-kriżi, kemm f'termini ta' liġijiet eżistenti u kemm ta' leġiżlazzjoni prospettiva; iqis li r-riforma tal-leġiżlazzjoni u l-prattiki leġiżlattivi Ewropej hi għodda essenzjali għall-ħolqien ta' tkabbir, il-kompetittività u xogħlijiet diċenti fl-Ewropa;

32. Jilqa’ l-enfasi dejjem akbar li qed tagħmel il-Kummissjoni fuq ‘ċiklu’ ta’ politika, fejn l-istadji tal-inizjazzjoni, il-valutazzjoni tal-impatt, il-konsultazzjoni, il-promulgazzjoni, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE jitqiesu bħala parti minn proċess koerenti; jemmen f'dan il-kuntest li l-prinċipju "L-Ewwel Aħseb fiż-Żgħir" għandu jinżamm bħala element ewlieni, u l-valutazzjoni ex ante ta' leġiżlazzjoni ġdida għandha titjieb, biex b'hekk jifforma proċess intelliġibbli u trasparenti għall-istimular tat-tkabbir u tal-kompetittività fl-Ewropa;

33. Jilqa', f’dan ir-rigward, il-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar ir-regolamentazzjoni intelliġenti u dwar il-l-Idoneità Regolatorja tal-UE, kif ukoll id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal dwar “L-Għaxar l-aktar atti leġiżlattivi li huma ta' piż fuq l-SMEs”; iqis li dawn id-dokumenti jirrappreżentaw avvanzi kredibbli fl-aġenda ta’ tfassil aħjar tal-liġijiet u jirriflettu ħafna mit-talbiet preċedenti tal-Parlament;

34. Iqis li dawn l-avvanzi retoriċi issa għandhom jiġu kkonsolidati b’azzjoni konkreta; iħeġġeġ il-Kummissjoni, għaldaqstant, tippreżenta proposti konkreti biex jitnaqqas il-piż regolatorju ġenerali tal-UE mingħajr ma jiddgħajfu s-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol, u b’mod partikolari billi:

–   tieħu azzjoni biex tnaqqas, malajr kemm jista' jkun, il-piżijiet identifikati mill-SMEs madwar l-Ewropa fil-konsultazzjoni 'Top 10";

–   iżżid, fejn xieraq, l-użu ta’ eżenzjonijiet jew reġimi anqas riġidi għall-mikro-intrapriżi u l-SMEs meta tipproponi leġiżlazzjoni ġdida u biex ir-regoli tal-akkwist pubbliku tal-UE isiru aktar favorevoli għall-SMEs;

–   timplimenta b'mod rapidu l-impenji stipulati fil-Komunikazzjoni dwar l-Ideoneità regolatorja (REFIT) tat-2 ta' Ottubru 2013 (COM(2013)0685), u ttemm l-valutazzjonijiet f'oqsma politiċi ewlenin qabel it-tmiem tat-terminu leġiżlattiv attwali, inkluż informazzjoni mil-livelli ta' gvern fis-setturi prinċipali li huma ta' tħassib għall-awtoritajiet lokali u reġjonali;

–   tagħti spinta aktar ambizzjuża lill-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir fl-UE billi tnaqqas l-ispiża tar-regolamentazzjoni għan-negozji;

–   tħejji rapport annwali li jiffoka fuq l-aġenda usa’ tat-tfassil aħjar tal-liġijiet, li jkun jinkludi fih dikjarazzjoni tal-progress fuq l-inizjattivi meħuda mill-Kummissjoni, fosthom dikjarazzjoni tal-ispiża netta għan-negozji u l-ispejjeż soċjali tal-proposti ġodda adottati mill-Kummissjoni fit-12-il xahar preċedenti;

35. Jenfasizza li t-titjib tas-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol u l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema huma żewġ elementi importanti għat-tisħiħ tal-produttività u tal-kompetittività fl-ekonomija Ewropea; jenfasizza li regolamentazzjoni soda u stabbli f'dawn l-oqsma ma xxekkilx it-tkabbir, anzi tikkontribwixxi għalih;

36. Ifakkar il-pożizzjoni tal-Parlament dwar proposti oħra biex jitnaqqsu l-piżijiet regolatorji, fosthom li jitqiesu possibiltajiet oħra apparti r-regolamentazzjoni, bħal pereżempju miżuri volontarji; iqis li l-Kummissjoni għandha tesplora aktar il-possibilità li jiġi introdott stadju ta’ ‘white paper’ fil-proċess leġiżlattiv; jemmen li meta l-partijiet interessati jingħataw il-possibblità li jikkumentaw dwar abbozzi ta’ proposti u l-valutazzjonijet ta’ impatt proviżorji li jakkompajnawhom, dan itejjeb il-kwalità tal-abbozz ta’ leġiżlazzjoni ppreżentat mill-Kummissjoni, mingħajr ma jiżdied bla bżonn il-ħin tal-perjodu ta’ ‘ġestazzjoni’ tal-liġijiet prospettivi;

37. Ifakkar, f'dan ir-rigward, l-istedina li l-Parlament għamel lill-Kummissjoni sabiex tressaq proposti li jimplimentaw kompensazzjoni regolatorja, li tkun teħtieġ li jiġu identifikati kompensi ekwivalenti għall-ispejjeż, qabel il-leġiżlazzjoni ġdida li tintroduċi l-impożizzjoni ta’ spejjeż ġodda; jinnota li l-leġiżlazzjoni tal-UE ma għandha bħala konsegwenza awtomatika la l-eliminazzjoni ta’ 28 liġi nazzjonali biex toħdilhom posthom liġi waħda Ewropea, u lanqas tnaqqis fil-piż regolatorju awtomatiku meta mqabbel ma’ dak tal-liġijiet nazzjonali rispettivi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għaldaqstant, li teżamina din il-proposta serjament, u li tippreżenta valutazzjoni tal-impatt tagħha qabel tmiem it-terminu parlamentari attwali fl-2014;

38. Jiddispjaċih għall-fatt li l-Kummissjoni beħsieba tirtira l-proposta tagħha dwar l-Istatut ta' Kumpannija Privata Ewropea, kif mitlub mill-Parlament fir-rapport leġiżlattiv fuq inizjattiva tiegħu stess; jitlob lill-Kummissjoni tikkonsulta l-Parlament qabel ma tirtira kwalunkwe proposta fuq dan ir-rapport tal-Parlament;

39. Jenfasizza l-importanza tas-simplifikazzjoni għall-allinjament tal-ambjent regolatorju, speċjalment għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, li r-riżorsi tagħhom għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni spiss huma limitati u qegħdin jonqsu;

40. Jifhem li r-regolamentazzjoni żejda (“goldplating”) hija prattika fejn l-Istati Membri jmorru lil hinn mir-rekwiżiti minima mitluba mid-Direttivi meta jwettqu t-traspożizzjoni tagħhom fil-liġijiet nazzjonali; itenni l-appoġġ tiegħu għal miżuri biex tkun ittrattata r-regolamentazzjoni żejda u għalhekk jistieden lill-Istati Membri biex jispjegaw ir-raġunijiet tagħhom għal dan, f'każijiet fejn isseħħ ir-regolamentazzjoni żejda;

Valutazzjoni tal-Impatt u Valur Miżjud Ewropew

41. Jilqa’ l-fatt li l-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni jippruvaw ikopru firxa wiesgħa u komprensiva ta’ impatti potenzjali, iżda jemmen li s-sistema xorta waħda tista’ tissaħħaħ aktar, b’diversi modi, pereżempju bl-inklużjoni tad-dimensjoni territorjali (implikazzjonijiet finanzjarji u amministrattivi għall-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali); f’dan ir-rigward, jinsab inkoraġġit bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li taġġorna, tikkonsolida u tirrevedi l-Linji Gwida tal-Valutazzjoni tal-Impatt sa Ġunju 2014, u jirriżerva d-dritt li jagħti kontribut dettaljat li jiddeskrivi titjib potenzjali għal dawn il-linji gwida fix-xhur li ġejjin; jinsisti li dawn il-valutazzjonijiet tal-impatt, li huma essenzjali għall-formazzjoni tal-opinjonijiet pubbliċi u politiċi, jirrispettaw il-prinċipju tal-multilingwiżmu;

42. Jitlob lill-Kummissjoni tanalizza l-metodoloġija użata fl-abbozzar ta' valutazzjonijiet tal-impatt bl-għan li tivvaluta modi ta' kif jistgħu jitjiebu l-indikaturi kwalitattivi kif ukoll it-twettiq ġenerali tal-proċess ta' konsultazzjoni, b'mod partikolari b'referenza għall-involviment tal-partijiet konċernati rilevanti;

43. Jemmen li jeħtieġ ikun hemm konsistenza bejn il-valutazzjoni tal-impatt ippubblikat mill-Kummissjoni u l-kontenut tal-proposta leġiżlattiva kif adottata mill-Kulleġġ tal-Kummissarji; ifakkar li kwalunkwe valutazzjoni tal-impatt fuq proposta emendata mill-Kulleġġ għandha tiġi aġġornata awtomatikament biex tirrifletti t-tibdiliet magħmula mill-Kummissarji;

44. Jistieden lill-Kummissjoni biex issaħħaħ l-irwol u l-indipendenza tal-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt, u partikolarment biex tiffinalizza u tippreżenta proposti leġiżlattivi biss meta dawn ikunu ġew approvati permezz ta' opinjoni favorevoli minn dak il-Bord;

45. Jemmen li d-dikjarazzjoni ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà attwali li l-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni ‘timpenja biss lis-servizzi tal-Kummissjoni involuti fit-tħejjija tagħha, u ma tippreġudikax il-forma aħħarija ta' kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni’ tenfasizza dgħjufija sinifikanti fis-sistema eżistenti;

46. Jilqa’ l-iżvilupp pożittiv tad-Direttorat tal-Valutazzjoni tal-Impatt u tal-Valur Miżjud Ewropew fi ħdan il-Parlament; jemmen li għandu jiġi adottat approċċ sistematiku għall-kunsiderazzjoni tal-valutazzjonijiet tal-impatt fil-Parlament kollu; jilqa’ l-fatt li d-Direttorat tal-Valutazzjoni tal-Impatt ħejjiet sinteżijiet qosra tal-valutazzjonijiet tal-impatt li jakkumpanjaw il-proposti tal-Kummissjoni, u jqis li dawn għandhom ikunu element essenzjali tal-kunsiderazzjoni min-naħa tal-kumitati tal-proposti leġiżlattivi li jkunu qed jiġu diskussi; jipproponi li l-valutazzjoniiet tal-impatt tal-Parlament għandhom jinkludu dimensjoni territorjali meta jkun xieraq; jitlob lill-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati jikkunsidraw l-aħjar mod ta’ kif jistgħu jimplimentaw din ir-rakkomandazzjoni;

47. Ifakkar l-impenn meħud mill-Parlament u mill-Kunsill fl-Approċċ Komuni Interistituzzjonali għall-Valutazzjoni tal-Impatt tal-2005 biex iwettqu valutazzjonijiet tal-impatt qabel ma jikkunsidraw l-adozzjoni ta’ emendi sostantivi bħala adegwati u meħtieġa għall-proċess leġiżlattiv; jitlob lill-kumitati biex jagħmlu użu għall-Unità għall-Valutazzjoni tal-Impatt fl-implimentazzjoni ta' dan l-impenn;

48. Ifakkar il-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tal-2003, u jħeġġeġ lill-Kunsill biex mingħajr dewmien żejjed ilesti l-ħidma fuq mekkaniżmu tiegħu stess għall-valutazzjoni tal-impatt tal-emendi sustantivi tiegħu stess, b’konformità mal-obbligi tiegħu skont il-Ftehim tal-2003;

49. Jinsisti li l-Kummissjoni tikkunsidra serjament il-valutazzjonijiet dwar il-valur miżjud Ewropew li jakkumpanjaw rapporti leġiżlattivi fuq inizjattiva proprja, li jispjegaw fid-dettall ir-raġunijiet tagħha f’każ li ma taċċettax jew tqis bħala irrelevanti kwalunkwe argument li jkun tressaq mill-Parlament;

o

o o

50. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1)

     ĠU C 321, 31.12.2003, p.1.

(2)

     Testi adottati, P7_TA(2012)0340.

(3)

     ĠU C 51 E, 22.2.2013, p. 87.

(4)

     Testi adottati, P7_TA(2011)0259.

(5)

ĠU C 0, 0.0.0000, p. 0.


NOTA SPJEGATTIVA

Ir-rapporteur jilqa’ t-tliet komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni li dan ir-rapport qed iwieġeb għalihom, jiġifieri dik dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet, dwar l-Idoneità Regolatorja tal-UE u dwar regolamentazzjoni intelliġenti fir-rigward tal-SMEs. Għandu jiġi enfasizzat, madankollu, li din l-istess varjetà ta’ titli applikati għall-iskemi użati mill-Kummissjoni biex tevalwa liġijiet adottati u biex tnaqqas il-piżijiet toħloq konfużjoni u hija kkumplikata bla bżonn, għaldaqstant jinħtieġ titlu wieħed għall-aġenda tat-tfassil aħjar tal-liġijiet.

Filwaqt li sar progress f’ħafna oqsma tat-tfassil aħjar tal-liġijiet u fit-tnaqqis tal-piżijiet regolatorji u amministrattivi fl-UE u l-Istati Membri, għad baqa' ħafna xogħol x'isir, finalment billi jiġi rinegozjat il-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tal-2003, anke biex jiġi meqjus l-ambjent leġiżlattiv ġdid li nħoloq permezz tat-Trattat ta’ Lisbona, tiġi kkonsolidata l-aqwa prassi attwali u sabiex il-ftehim jiġi aġġornat b’konformità mal-aġenda dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet. Tali ftehim għandu jkun vinkolanti skont l-Artikolu 295 tat-TFUE, bażi legali ġdida għall-Ftehimiet Interistituzzjonali introdotta permezz tat-Trattat ta’ Lisbona.

Mekkaniżmu ta’ sussidjarjetà għall-parlamenti nazzjonali

Jeħtieġ issir diskussjoni usa’ dwar l-evoluzzjoni tas-setgħa mogħtija lill-parlamenti nazzjonali, l-allinjament tal-inċentivi biex jiġi eżerċitat skrutinju b’effetti fil-livell Ewropew, filwaqt li jitqies li l-pressjoni fuq iż-żmien u r-riżorsi li jiffaċċaw il-parlamenti nazzjonali fir-rispons tagħhom għal abbozzi ta' leġiżlazzjoni tikkontribwixxi għad-'defiċit demokratiku' fi ħdan l-UE.

Filwaqt li diskussjoni ta’ dan it-tip tkun parti mid-dibattitu ġeenrali dwar il-passi ġejjiena tal-proġett tal-integrazzjoni Ewropea, hemm ħafna titjib prattiku fil-proċess ta’ skrutinju tal-parlamenti nazzjonali li diġà jista’ jsir, pereżempju rigward it-tixrid tal-informazzjoni, il-provvediment ta’ linji gwida u l-istipular ta’ kriterji għal opinjonijiet motivati.

Regolamentazzjoni aħjar

L-enfasi fuq ‘ċiklu’ ta’ politika, fejn l-istadji tal-inizjazzjoni, il-valutazzjoni tal-impatt, il-konsultazzjoni, il-promulgazzjoni l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE jitqiesu bħala parti minn proċess koerenti;

F’dan ir-rigward, l-Idoneità Regolatorja tal-UE u “L-Għaxar l-aktar atti leġiżlattivi li huma ta' piż fuq l-SMEs” jirrappreżentaw passi ’l quddiem kredibbli, anke jekk retoriċi, fl-aġenda tat-tfassil aħjar tal-liġijiet, u jirrifletti ħafna mit-talbiet li saru mill-Parlament preċedentement. Il-Parlament għaldaqstant jistenna li l-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) (li seta’ jingħata isem aħjar fil-kuntest tal-aġenda tat-tfassil aħjar tal-liġijiet) se jwassal għal aktar azzjoni konkreta u tnaqqis tal-piżijiet.

Valutazzjonijiet tal-Impatt u Valur Miżjud Ewropew

Filwaqt li jistenna l-konsolidazzjoni u r-reviżjoni tal-Linji Gwida tal-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Kummissjoni sa Ġunju 2014, il-Parlament għandu jirriżerva d-dritt li jagħti kontribut dettaljat billi jispeċifika titjib potenzjali għal dawn il-linji gwida fix-xhur li ġejjin. F’dan ir-rigward, il-Parlament għandu jqis ukoll ir-rapport Niebler tal-2011 dwar l-iżgurar ta' valutazzjonijiet tal-impatt indipendenti, il-funzjonament tas-servizz għall-Valutazzjonijiet tal-Impatt u Valur Miżjud Ewropew li nħoloq riċentement, u għandu jistieden lill-Kummissjoni ssegwi d-direzzjoni tal-Parlament f’dan ir-rigward.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (17.10.2013)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Legali

dwar l-idoneità Regolatorja tal-UE, Sussidjarjetà u Proporzjonalità - id-19-il rapport dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet li jkopri s-sena 2011

(2013/2077(INI)) Il-Parlament Ewropew,

Rapporteur: Morten Messerschmidt

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, bħala l-Kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jindika li, filwaqt li l-kriżi ekonomika u dik finanzjarja jeħtieġu koordinazzjoni mtejba ta' politiki u tisħiħ tas-setgħat tal-Unjoni f'għadd ta' ambiti, hu essenzjali wkoll li jinżamm fehim ċar tat-tqassim tal-kompetenzi fis-sistema ta' governanza fuq diversi livelli tal-Unjoni Ewropea u, wara dibattitu trasparenti, li jittieħdu deċiżjonijiet b'mod trasparenti fil-livell l-iktar xieraq, bit-tnaqqis tal-burokrazija;

2.  Jenfasizza li l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jirrispettaw il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità mnaqqxin fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u l-Protokoll Nru 2, li għandhom natura ġenerali, li jorbtu lill-istituzzjoniiet fl-eżerċizzju tas-setgħat tal-Unjoni bl-eċċezzjoni li l-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax f'dawk l-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni;

3.  Jissuġġerixxi li jiġi valutat il-fatt jekk għandhomx jiġu stabbiliti kriterji xierqa, fil-livell tal-UE, għall-evalwazzjoni tal-konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità;

4.  Jinnota li l-Protokoll Nru 2 jagħti l-opportunità formali lill-parlamenti nazzjonali li jagħtu konsulenza lil-leġiżlatura tal-UE dwar jekk abbozz ta' liġi ġdid jgħaddix mill-prova tas-sussidjarjetà li bis-saħħa tiegħu l-objettivi tiegħu jistgħu, minħabba l-iskala jew l-effetti, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni pjuttost milli fil-livell tal-Istati Membri;

5.  Jinnota l-importanza kruċjali tal-valutazzjonijiet tal-impatt bħala strumenti li jgħinu fit-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-proċess leġiżlattiv u jenfasizza l-ħtieġa, f’dan il-kuntest, li tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-kwistjonijiet relatati mas-sussidjarjetà u mal-proporzjonalità;

6.  Jilqa' l-parteċipazzjoni aktar stretta tal-parlamenti nazzjonali fil-qafas tal-proċess leġiżlattiv Ewropew u jinnota li l-parlamenti tal-Istati Membri qegħdin juru interess saħansitra ikbar fl-applikazzjoni xierqa ta' dawn il-prinċipji mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Dan jidher mill-fatt li fl-2011 il-Parlament Ewropew irċieva 77 opinjoni motivata fejn ġie ddikjarat li abbozz ta' att leġiżlattiv ma kkonformax mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, u 523 kontribut ieħor dwar il-mertu ta' abbozz ta' liġi, billi ċ-ċifri rispettivi għall-2010 kienu 41 u 299; jesprimi d-disponibilità tiegħu li jkompli u jsaħħaħ il-kooperazzjoni u d-djalogu interparlamentari mal-parlamenti nazzjonali;

7.  Jissottolinja bil-qawwa l-importanza tal-iskrutinju parlamentari, kemm mill-Parlament Ewropew kif ukoll mill-parlamenti nazzjonali; jirrakkomanda li l-parlamenti nazzjonali jingħataw assistenza sostanzjali biex jitħallew jaqdu l-kompiti ta' skrutinju tagħhom; jissuġġerixxi li l-parlamenti nazzjonali jingħataw linji gwida biex jgħinuhom fil-valutazzjoni tal-konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

8.  Jenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 263 TFUE, hija kompetenti sabiex teżamina l-legalità tal-atti leġiżlattivi, fir-rigward tal-konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, u li dan il-prinċipju jikkostitwixxi linja gwida politika dwar l-eżerċizzju tas-setgħat fil-livell tal-Unjoni;

9.  Jindika, min-naħa l-oħra, li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, bis-saħħa tat-Trattati, għandha l-ġurisdizzjoni f'azzjonijiet imressqa abbażi ta' 'ksur tat-Trattati jew ta' kwalunkwe stat tad-dritt marbut mal-applikazzjoni tagħhom', u li skont it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità jappartjenu għal dawn ir-regoli; jinnota li r-rieżami ġudizzjarju tal-validità ta' atti tal-Unjoni, għalhekk, ma jestendix għall-konformità ma' dawn il-prinċipji;

10. Jenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tat-12 ta' Mejju 2011 fil-kawża C-176/09 Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu vs Il-Parlament Ewropew, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, tafferma li l-prinċipju tal-proporzjonalità "jeżiġi li l-miżuri implimentati permezz ta' dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandhom ikunu kapaċi li jilħqu l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni kkonċernata u ma jmorrux ultra vires minn dak li huwa meħtieġ sabiex jilħqu dan" u li "f'oqsma fejn il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu setgħa normattiva wiesgħa" l-legalità ta' miżura adottata f'dan il-kuntest tista' tiġi affettwata biss jekk il-miżura ma tkunx xierqa b'mod ċar fir-rigward tal-objettiv li qed jippruvaw isegwu l-istituzzjonijiet kompetenti, minkejja li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu, madankollu, "jibbaża l-għażla tiegħu fuq kriterji oġġettivi' u, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tar-restrizzjonijiet marbuta mal-miżuri differenti possibbli, jeżamina 'jekk l-għanijiet imfittxija mill-miżura magħżula humiex ta' natura li tiġġustifika l-konsegwenzi ekonomiċi negattivi, anki kunsiderevoli għal ċerti operaturi";

11. Josserva li l-prinċipju tas-sussidjarjetà kif inhu formulat fit-Trattati jippermetti l-azzjoni tal-Unjoni fl-oqsma li ma jaqgħux fil-kompetenza esklużiva tagħha biss "jekk u sa fejn l-objettivi tal-azzjoni prevista ma jkunux jistgħu jinkisbu biżżejjed mill-Istati Membri, la fil-livell ċentrali u lanqas fil-livell reġjonali u lokali, iżda jkunu jistgħu, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni prevista, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni", filwaqt li, skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, is-sustanza u l-forma tal-azzjoni tal-Unjoni m'għandhiex taqbeż dak li hu meħtieġ biex jinkisbu l-objettivi tat-Trattat; jindika li s-sussidjarjetà u l-proporzjonalità huma marbutin mill-qrib ma' xulxin iżda distinti: filwaqt li l-ewwel jirrigwarda kemm hi xierqa l-azzjoni tal-Unjoni fl-oqsma li mhumiex ta' kompetenza esklużiva tagħha, dan tal-aħħar jirrigwarda l-proporzjonalità bejn il-mezzi stabbiliti mil-leġiżlatur u l-finijiet imfittxija minnu u taħdem bħala regola ġenerali fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-Unjoni; ifakkar għalhekk li l-eżami tal-proporzjonalità ta' abbozz ta' att leġiżlattiv isegwi loġikament dak tas-sussidjarjetà, iżda l-kontroll tas-sussidjarjetà ma jkunx biżżejjed effikaċi mingħajr kontroll tal-proporzionalità;

12. Josserva li l-Kummissjoni rċeviet biss għadd żgħir ta' mistoqsijiet parlamentari (32 minn iktar minn 12 000) fl-2011 dwar kwistjonijiet marbuta mal-konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità;

13. Jenfasizza l-fatt li fl-2011 il-Kummissjoni rċeviet 64 opinjoni motivata fi ħdan it-tifsira tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, li tirrappreżenta żieda konsiderevoli meta mqabbel mal-2010; jikkonstata, madankollu, li dawn l-64 opinjoni motivata rrappreżentaw 10 % tat-total ta' 622 opinjoni trażmessi lill-Kummissjoni mingħand il-parlamenti nazzjonali fl-2011 fil-qafas tad-djalogu politiku kkonċernat; jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-fatt li l-ebda mill-proposti tal-Kummissjoni ma rċeviet għadd suffiċjenti ta' opinjonijiet motivati biex jirriżulta fi 'proċeduri tal-karta safra jew oranġjo' taħt il-Protokoll; jikkonstata iżda li fit-22 ta' Mejju 2012 ingħatat għall-ewwel darba "karta safra" għal proposta tal-Kummissjoni (proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-eżerċizzju tad-dritt li tittieħed azzjoni kollettiva fil-kuntest tal-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li tagħti servizz, l-hekk imsejħa proposta għal Regolament "Monti II"); jissottolinja li l-Kummissjoni rtirat il-proposta mhux għax qieset li kisret il-prinċipju tas-sussidjarjetà, iżda għax indunat li l-proposta diffiċilment setgħet ikollha, fi ħdan il-Parlament u l-Kunsill, sostenn politiku neċessarju għall-finijiet tal-adozzjoni tagħha;

14. Iqis li l-mekkaniżmu ta' kontroll tal-prinċipju tas-sussidjarjetà għandu jitfassal u jintuża bħala strument importanti ta' kollaborazzjoni bejn istituzzjonijiet Ewropej u istituzzjonijiet nazzjonali; jinnota b'sodisfazzjon li dan l-istrument jintuża fil-prattika bħala mezz ta' komunikazzjoni u djalogu ta' kooperazzjoni fost id-diversi livelli istituzzjonali tas-sistema Ewropea b'livelli multipli;

15. Jikkonstata bi tħassib li ċerti opinjonijiet motivati mill-parlamenti nazzjonali jenfasizzaw il-fatt li, f'numru ta' proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni, il-ġustifikazzjoni tas-sussidjarjetà hija insuffiċjenti jew lanqas biss teżisti;

16. Jirrakkomanda li jiġu eżaminati r-raġunijiet għaliex jitressaq għadd tant żgħir ta' opinjonijiet formali u motivati mingħand il-parlamenti nazzjonali u jiġi ddeterminat jekk dan huwiex dovut għall-fatt li l-prinċipju tas-sussidjarjetà huwa osservat min-naħat kollha, jew għall-fatt li l-parlamenti nazzjonali mhumiex kapaċi jeżegwixxu dan il-prinċipju minħabba nuqqas ta' riżorsi jew skadenzi qosra wisq; jikkunsidra li analiżi mill-Kummissjoni hija mixtieqa;

17. Jenfasizza l-ħtieġa li l-istituzzjonijiet Ewropej jagħmluha possibbli għall-parlamenti nazzjonali li jeżaminaw il-proposti leġiżlattivi billi jiżguraw li l-Kummissjoni tforni bażi dettaljata u komprensiva għad-deċiżjonijiet leġiżlattivi tagħha dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità skont l-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 2 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

18. Jinnota wkoll f'dan ir-rigward li l-perjodu attwali li fih il-parlamenti nazzjonali jagħmlu l-kontrolli fuq is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità spiss ġie kkunsidrat insuffiċjenti;

19. Jenfasizza l-fatt li l-istituzzjonijiet Ewropej huma responsabbli milli jiggarantixxu li l-leġiżlazzjoni tkun ċara, tinftiehem faċilment u ma tpoġġix piż amministrattiv bla bżonn fuq iċ-ċittadini u l-impriżi;

20. Iqis li, fil-kuntest ta' żieda tal-leġittimità demokratika, il-mekkaniżmu ta' twissija bikrija għandu jiġi sottopost għal riflessjoni attenta.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

14.10.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alfredo Antoniozzi, Andrew Henry William Brons, Zdravka Bušić, Carlo Casini, Andrew Duff, Ashley Fox, Roberto Gualtieri, Zita Gurmai, Gerald Häfner, Stanimir Ilchev, Constance Le Grip, Morten Messerschmidt, Sandra Petrović Jakovina, Paulo Rangel, Algirdas Saudargas, Søren Bo Søndergaard, Rafał Trzaskowski, Luis Yáñez-Barnuevo García

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Elmar Brok, David Campbell Bannerman, Dimitrios Droutsas, Isabelle Durant, Andrej Plenković

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Edward McMillan-Scott, Catherine Trautmann


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

21.1.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

14

8

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Raffaele Baldassarre, Sebastian Valentin Bodu, Françoise Castex, Christian Engström, Marielle Gallo, Giuseppe Gargani, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Sajjad Karim, Klaus-Heiner Lehne, Antonio López-Istúriz White, Antonio Masip Hidalgo, Alajos Mészáros, Bernhard Rapkay, Evelyn Regner, Francesco Enrico Speroni, Rebecca Taylor, Alexandra Thein, Cecilia Wikström, Tadeusz Zwiefka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Piotr Borys, Eva Lichtenberger, Angelika Niebler, Axel Voss

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

María Irigoyen Pérez

Aġġornata l-aħħar: 31 ta' Jannar 2014Avviż legali