RAPPORT dwar l-isfruttament sesswali u l-prostituzzjoni u l-impatt tagħhom fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi

3.2.2014 - (2013/2103(INI))

Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
Rapporteur: Mary Honeyball


Proċedura : 2013/2103(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0071/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-isfruttament sesswali u l-prostituzzjoni u l-impatt tagħhom fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi

(2013/2103(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 4 u 5 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) tal-1949 dwar is-Soppressjoni tat-Traffikar tal-Bnedmin u l-Isfruttament tal-Prostituzzjoni tal-Oħrajn,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni tas-CEDAW tal-1979 li tfittex li tiġġieled kull forma ta’ traffikar tan-nisa u l-isfruttament tal-prostituzzjoni tan-nisa,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1993 dwar l-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa, li l-Artikolu 2 tagħha jgħid li l-vjolenza kontra n-nisa tinkludi:

     ‘vjolenza fiżika, sesswali u psikoloġika li ssir fi ħdan il-komunità ġenerali, inkluż stupru, abbuż sesswali, fastidju sesswali u intimidazzjoni fuq il-post tax-xogħol, fl-istituzzjonijiet edukattivi u postijiet oħra, traffikar tan-nisa u prostituzzjoni furzata’,

–   wara li kkunsidra l-Protokoll ta’ Palermo 2000 għall-prevenzjoni, is-soppressjoni u l-punizzjoni tat-traffikar ta’ persuni, speċjalment ta’ nisa u tfal, li jissupplementa l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali, annessa mal-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali,

–   wara li kkunsidra l-objettiv strateġiku D.3 tal-Pjattaforma ta’ Azzjoni tal-1995 u d-Dikjarazzjoni ta’ Bejġing,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Nru 29 tal-ILO dwar ix-xogħol furzat jew obbligatorju, li l-Artikolu 2 tagħha jiddefinixxi x-xogħol furzat,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Brussell (11) tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, li titlob politika komprensiva, multidixxiplinari u koordinata b’mod effikaċi li tinvolvi atturi minn kull qasam ikkonċernat,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa f’dan il-qasam, bħar-Rakkomandazzjoni Nru R 11 tal-2000, dwar it-traffikar tal-bnedmin għal finijiet ta’ sfruttament sesswali, ir-Rakkomandazzjoni Nru R 5 tal-2002 dwar il-protezzjoni tan-nisa kontra l-vjolenza, u r-Rakkomandazzjoni 1545 tal-2002 dwar il-kampanja kontra t-traffikar tan-nisa,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar Azzjoni kontra t-Traffikar tal-Bnedmin,

–   wara li kkunsidra l-mozzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa dwar “Il-Kriminalizzazzjoni tax-xiri ta’ servizzi sesswali biex jiġi miġġieled it-traffikar tal-persuni għal sfruttament sesswali”, Dok. 12920 tas-26 ta’ April 2012,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Ministerjali Nru 1(12) tal-OSKE ta’ Vjenna 2000 b’appoġġ għall-miżuri tal-OSKE u tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-OSKE biex jiġi miġġieled it-traffikar tal-bnedmin (Deċiżjoni Nru 557, meħuda fl-2003),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 13 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI tad-19 ta’ Lulju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2011/36/UE tal-5 ta’ April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI tad-19 ta’ Lulju 2002,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar l-inizjattivi għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, b’mod partikolari n-nisa[1],

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE Lejn il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta’ Ġunju 1995 dwar ir-Raba’ Konferenza Dinjija dwar in-Nisa, li saret f’Bejġing ‘Azzjoni għall-Ugwaljanza, l-Iżvilupp u l-Paċi’[2],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ April 1997 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kontenut illegali u ta’ ħsara fuq l-Internet[3],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Settembru 1997 dwar il-ħtieġa li tiġi stabbilita kampanja madwar l-Unjoni Ewropea għal tolleranza żero tal-vjolenza kontra n-nisa[4],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-24 ta’ Ottubru 1997 dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tal-minorenni u d-dinjità umana fis-servizzi awdjoviżivi u tal-informazzjoni[5],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Novembru 1997 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ġlieda kontra t-turiżmu sesswali tat-tfal u d-dokument informali dwar l-kontribut tal-Unjoni Ewropea għat-tisħiħ tal-prevenzjoni tal-abbuż sesswali u l-isfruttament tat-tfal[6],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Diċembru 1997 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-traffikar tan-nisa għall-finijiet ta’ sfruttament sesswali[7],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Mejju 1998 dwar il-proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-minorenni u d-dinjità umana fis-servizzi awdjoviżivi u tal-informazzjoni[8],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Diċembru 1998 dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fl-Unjoni Ewropea[9],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Frar 1999 dwar l-armonizzazzjoni tal-forom ta’ protezzjoni li jikkumplimentaw l-istatus ta’ refuġjat fl-Unjoni Ewropea,[10]

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-30 ta’ Marzu 2000 dwar il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni fuq l-implimentazzjoni tal-miżuri għall-ġlieda kontra t-turiżmu sesswali tat-tfal[11],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ April 2000 dwar l-inizjattiva tar-Repubblika tal-Awstrija bil-għan li tiġi adottata deċiżjoni tal-Kunsill għall-ġlieda kontra l-pornografija tat-tfal fuq l-Internet[12],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Mejju 2000 dwar is-segwitu għall-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Bejġing[13],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Mejju 2000 dwar il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew ‘Dwar azzjonijiet ulterjuri fil-ġlieda kontra t-traffikar tan-nisa’[14],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Ġunju 2000 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-vittmi ta’ reati fl-Unjoni Ewropea: Riflessjonijiet fuq standards u azzjoni[15],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Ġunju 2001 dwar il-proposta għal deċiżjoni qafas tal-Kunsill għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin[16],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Jannar 2006 dwar strateġiji ta’ prevenzjoni kontra t-traffikar tan-nisa u t-tfal li jkunu vulnerabbli għall-isfruttament sesswali[17],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2006 dwar is-sitwazzjoni attwali tal-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u kwalunkwe attività fil-futur[18],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar il-prostituzzjoni furzata fil-qafas tal-eventi sportivi dinjija[19],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2009 dwar l-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa[20],

–   wara li kkunsidra r-rapport tiegħu tat-18 ta' Marzu 2010 dwar prijoritajiet u punti prinċipali ta' qafas politiku ġdid tal-UE rigward il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa[21],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Frar 2013 dwar is-57 sessjoni tas-CSW tan-NU: l-eliminazzjoni u l-prevenzjoni tal-forom kollha ta’ vjolenza fuq in-nisa u t-tfajliet[22],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Ottubru 2013 dwar il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus - rakkomandazzjonijiet dwar azzjonijiet u inizjattivi li għandhom jittieħdu[23],

–   wara li kkunsidra l-kampanja ta' sensibilizzazzjoni “Mhux għall-Bejgħ” tal-Lobby Ewropew tan-Nisa,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0071/2014),

A. billi l-prostituzzjoni u l-prostituzzjoni furzata huma fenomeni bbażati fuq il-ġeneru, b’dimensjoni globali li tinvolvi madwar 40-42 miljun persuna madwar id-dinja, fejn il-maġġoranza vasta tal-persuni prostitwiti jkunu nisa u tfajliet ta' taħt l-età, u kważi x-xerrejja kollha jkunu rġiel, u billi huwa għalhekk kemm kawża kif ukoll konsegwenza ta’ inugwaljanza bejn is-sessi, li hija taggrava saħansitra iktar;

B.  billi l-prostituzzjoni hija forma ta’ skjavitù inkompatibbli mad-dinjità umana u mad-drittijiet fundamentali tal-bniedem;

C. billi t-traffikar tal-persuni, b’mod partikolari tan-nisa u t-tfal, għal sfruttament sesswali jew ta’ forom oħra huwa fost l-iktar ksur ovvju tad-drittijiet tal-bniedem; billi t-traffikar tal-bnedmin qed jikber globalment immexxi miż-żieda fil-kriminalità organizzata u l-profittabilità tiegħu;

D. billi x-xogħol huwa wieħed mis-sorsi ewlenin tal-awtorealizzazzjoni tal-bniedem, li permezz tiegħu l-individwi jagħtu kontribut ta’ sostenn għall-benessri kollettiv;

E.  billi l-prostituzzjoni u l-prostituzzjoni furzata huma marbuta b’mod intrinsiku mal-inugwaljanza bejn is-sessi fis-soċjetà u għandhom impatt fuq l-istatus tan-nisa u l-irġiel fis-soċjetà u l-perċezzjoni tar-relazzjonijiet reċiproċi u s-sesswalità;

F.  billi s-saħħa sesswali u riproduttiva hija promossa permezz ta’ approċċi b’saħħithom għal sesswalità li titwettaq fir-rispett reċiproku;

G. billi d-Direttiva 2011/36/UE tal-5 ta’ April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu tistabbilixxi dispożizzjonijiet robusti dwar il-vittmi;

H. billi kwalunkwe politika dwar il-prostituzzjoni għandha impatt fuq ir-realizzazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, taffettwa l-fehim tal-kwistjonijiet b'rabta mal-ġeneru u tibgħat messaġġi u normi lis-soċjetà, inkluż liż-żgħażagħ fiha;

I.   billi l-prostituzzjoni tiffunzjona bħala negozju u toħloq suq, b'diversi protagonisti interkonnessi fejn il-pimps u dawk li jħaddmu jikkalkulaw u jaġixxu biex jiksbu jew iżidu s-swieq tagħhom u jkabbru l-profitti tagħhom għall-massimu, u billi dawk li jixtru s-sess għandhom rwol ewlieni fiż-żamma tad-domanda f’dan is-suq;

J.   billi skont id-WHO, is-saħħa sesswali “tirrikjedi approċċ pożittiv u mibni fuq rispett lejn is-sesswalità u r-relazzjonijiet sesswali, kif ukoll il-possibbiltà li wieħed ikollu esperjenzi sesswali ta’ pjaċir u sikuri, mhux sfurzati u mingħajr diskriminazzjoni u vjolenza”;

K. billi l-prostituzzjoni tnaqqas l-atti intimi kollha għall-valur monetarju tagħhom u twaqqa’ l-bniedem fil-livell ta’ merkanzija jew ta’ oġġett li għandu jintuża mill-klijent;

L.  billi l-maġġoranza l-kbira tal-persuni prostitwiti ġejjin minn gruppi vulnerabbli;

M. billi l-akkwist huwa marbut mill-qrib mal-kriminalità organizzata;

N. billi l-kriminalità organizzata, it-traffikar, il-kriminalità estremament vjolenti u l-korruzzjoni jirnexxu fid-dell tal-prostituzzjoni, u kwalunkwe qafas tal-legalizzazzjoni primarjament ikun ta’ benefiċċju għall-pimps, li huma kapaċi jittrasformaw ruħhom f’“negozjanti”;

O. billi huwa ċar fid-dawl tas-sejbiet minn diversi studji li nofs ix-xerrejja jkomplu jixtru s-sess irrispettivament minn indikazzjonijiet ċari li l-persuni prostitwiti jkollhom anqas minn 18-il sena;

P.  billi s-swieq tal-prostituzzjoni jħeġġu t-traffikar tan-nisa u t-tfal u taggrava l-vjolenza kontrihom, speċjalment f’pajjiżi fejn l-industrija sesswali ġiet legalizzata[24];

Q. billi l-prostituzzjoni u t-traffikar fin-nisa u t-tfajliet ta' taħt l-età huma marbutin minħabba li d-domanda għan-nisa fil-prostituzzjoni, kemm jekk traffikati jew mhux, hija l-istess; billi t-traffikar jaġixxi bħala mezz ta’ provvista ta’ nisa u tfajliet ta' taħt l-età għas-swieq tal-prostituzzjoni;

R.  billi d-dejta tal-UE turi li l-politika attwali għall-ġlieda kontra t-traffikar mhijiex effettiva u li hemm problema biex jiġu identifikati u mressqa quddiem il-ġustizzja t-traffikanti u li għandna l-ħtieġa li nsaħħu l-investigazzjoni tal-każijiet tat-traffikar għal finijiet sesswali u l-prosekuzzjoni u l-kundanna tat-traffikanti tal-bnedmin;

S.  billi aktar u aktar żgħażagħ, li b’mod allarmanti fosthom hemm ħafna tfal, qed jiġu sfurzati fil-prostituzzjoni;

T.  billi r-restrizzjoni li taħtha huma mwettqa l-attivitajiet tal-prostituzzjoni tista’ tkun diretta u fiżika, jew indiretta minħabba pressjoni fuq il-familja fil-pajjiż ta’ oriġini pereżempju, filwaqt li r-restrizzjoni tista’ tkun ukoll waħda psikoloġika insidjuża;

U. billi r-responsabbiltà ewlenija għall-indirizzar tat-traffikar tal-bnedmin hija f’idejn l-Istati Membri, filwaqt li f’April 2013 sitt Stati Membri biss innotifikaw it-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva tal-UE kontra t-traffikar tal-bnedmin, li d-data tal-għeluq tagħha għall-implimentazzjoni skadiet fis-6 ta’ April 2013;

V. billi l-Kummissjoni, fl-Istrateġija tagħha għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel (2010-2015), tiddikjara li ‘l-inugwaljanzi bejn in-nisa u l-irġiel jiksru drittijiet fundamentali’;

W. billi hemm diverġenza enormi fil-mod kif l-Istati Membri jindirizzaw il-prostituzzjoni, u jeżistu żewġ approċċi prinċipali: l-ewwel approċċ iħares lejn il-prostituzzjoni bħala ksur tad-drittijiet tan-nisa – forma ta’ skjavitù sesswali – li jirriżulta u jżomm l-inugwaljanzi bejn is-sessi għan-nisa; l-approċċ l-ieħor isostni li l-prostituzzjoni fiha nnifisha tippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi billi tippromwovi d-dritt li l-mara tikkontrolla dak li trid tagħmel b’ġisimha; fiż-żewġ każijiet l-Istati Membri individwali għandhom il-kompetenza li jiddeċiedu dwar l-approċċ tagħhom għall-kwistjoni tal-prostituzzjoni;

X. billi hemm differenza bejn il-prostituzzjoni “furzata” u “volontarja", huwa ovvju li l-prostituzzjoni hija forma ta’ vjolenza kontra n-nisa;

Y. billi l-kwistjoni tal-prostituzzjoni għandha tiġi indirizzata b’viżjoni fit-tul u mill-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

Z.  billi t-tħaddim, li jfisser l-awtorizzazzjoni tal-isfruttament sesswali ta’ oħrajn, ġie legalizzat f’bosta Stati Membri, fosthom il-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Ġreċja; billi l-Pajjiżi l-Baxxi huma mniżżla mill-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità bħala d-destinazzjoni ewlenija għall-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin;

AA. billi n-numru ta’ prostituti fil-Ġermanja huwa stmat li huwa ta’ 400 000, iżda billi 44 prostituta biss huma uffiċjalment irreġistrati mal-aġenziji tal-benessri soċjali wara l-liġi tal-2002 li tillegalizza l-prostituzzjoni; billi mhemm l-ebda indikazzjoni vijabbli li din il-liġi naqqset il-kriminalità, u billi terz tal-prosekuturi Ġermaniżi nnutaw li l-legalizzazzjoni tal-prostituzzjoni ‘għamlitilhom xogħolhom aktar diffiċli fil-prosekuzzjoni tat-traffikar tal-bnedmin u l-pimping’;

AB. billi hemm tendenza globali li l-prostituzzjoni ssir trivjali, filwaqt li titqies bħala attività normali għall-“gost”, iżda hija wkoll impjieg;

1.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-prostituzzjoni u l-isfruttament sesswali huma kwistjonijiet ibbażati ħafna fuq il-ġeneru u l-ksur tad-dinjità umana, kontra l-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom l-ugwaljanza bejn is-sessi, u għalhekk kontra l-prinċipji tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, inkluż l-għan u l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

2.  Jenfasizza li d-drittijiet u s-saħħa sesswali u riproduttiva tan-nisa kollha għandhom jiġu rrispettati, inkluż id-dritt għall-ġisimhom u għas-sesswalità tagħhom, mingħajr ma jġarrbu sfurzar, diskriminazzjoni u vjolenza;

3.  Jenfasizza li hemm bosta rabtiet bejn il-prostituzzjoni u t-traffikar, u jirrikonoxxi li l-prostituzzjoni - kemm globalment kif ukoll madwar l-Ewropa - tikkostitwixxi sors għat-traffikar ta' nisa vulnerabbli u tfajliet ta' taħt l-età, li perċentwal kbir minnhom jinsabu f'età bejn it-13 u l-25 sena; Jenfasizza li, kif muri fid-dejta tal-Kummissjoni, il-maġġoranza tal-vittmi (62 %) huma traffikati għal finijiet ta' sfruttament sesswali, u n-nisa u t-tfajliet ta' taħt l-età jikkostitwixxu 96 % tal-vittmi identifikati u preżunti, u jidher li l-għadd ta' vittmi minn pajjiżi li mhumiex fl-UE qed jiżdied f'dawn l-aħħar snin;

4.  Jirrikonoxxi madankollu li n-nuqqas ta' dejta affidabbli, preċiża u paragunabbli bejn il-pajjiżi, dovut prinċipalment għan-natura illegali u spiss inviżibbli tal-prostituzzjoni u tat-traffikar, iżomm is-suq tal-prostituzzjoni fid-dlam u jxekkel it-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi, li jfisser li ċ-ċifri kollha huma bbażati fuq stimi;

5.  Jenfasizza d-dejta li turi li l-kriminalità organizzata hija attur ewlieni fejn it-tħaddim huwa legali[25];

6.  Jenfasizza li d-dejta turi li l-maġġoranza tal-persuni prostitwiti huma rikonoxxuti bħala persuni vulnerabbli fis-soċjetajiet tagħna;

7.  Jenfasizza li l-prostituzzjoni hija wkoll kwistjoni ta’ saħħa, peress li għandha impatt ta’ detriment għas-saħħa tal-persuni fil-prostituzzjoni, li għandhom possibbiltà akbar li jbatu minn trawmi sesswali, fiżiċi u mentali, dipendenza mid-drogi u l-alkoħol, telf ta' rispett proprju, kif ukoll rata ta’ mortalità akbar minn tal-popolazzjoni ġenerali; iżid jgħid u jenfasizza li bosta mix-xerrejja tas-sess jitolbu sess kummerċjali mingħajr protezzjoni, u dan iżid ir-riskji ta' impatt negattiv fuq is-saħħa, kemm għall-persuni fil-prostituzzjoni kif ukoll għax-xerrejja;

8.  Jisħaq li l-prostituzzjoni furzata, il-prostituzzjoni u l-isfruttament fl-industrija sesswali jista’ jkollhom konsegwenzi psikoloġiċi u fiżiċi li jdumu (anke wara l-waqfien mill-prostituzzjoni), għall-individwi involuti, speċjalment għat-tfal u l-adolexxenti, minbarra li jkunu kemm kawża kif ukoll konsegwenza tal-inugwaljanza bejn is-sessi u jkomplu l-isterjotipi bejn is-sessi u l-ħsibijiet sterjotipiċi dwar in-nisa li jbiegħu s-sess, bħall-idea li l-ġisem tan-nisa u tat-tfajliet ta' taħt l-età huwa għall-bejgħ biex jissodisfa d-domanda tal-irġiel għas-sess;

9.  Barra minn hekk jistieden lill-Istati Membri biex f’konformità mal-liġi nazzjonali jintroduċu appuntamenti regolari tal-konsultazzjoni u tas-saħħa għall-prostituti barra l-postijiet tal-prostituzzjoni;

10. Jirrikonoxxi li l-prostituti jikkostitwixxu grupp b'riskju għoli għall-infezzjonijiet tal-HIV u mard ieħor trażmess sesswalment;

11. Jistieden lill-Istati Membri jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar il-modi biex inaqqsu l-perikli assoċjati mal-prostituzzjoni tat-triq;

12. Jirrikonoxxi li l-prostituzzjoni u l-prostituzzjoni furzata għandhom impatt fuq il-vjolenza kontra n-nisa inġenerali, billi r-riċerka fuq ix-xerrejja tas-sess turi li l-irġiel li jixtru s-sess għandhom stampa degradanti tan-nisa[26]; jissuġġerixxi lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, għalhekk, biex il-projbizzjoni tax-xiri tas-servizzi sesswali tkun akkumpanjata minn kampanja għas-sensibilizzazzjoni fost l-irġiel;

13. Jisħaq li l-persuni prostitwiti huma partikolarment vulnerabbli soċjalment, ekonomikament, fiżikament, psikoloġikament, emozzjonalment u f’termini tal-familja u huma iktar f’riskju ta’ vjolenza u ħsara milli l-persuni fi kwalunkwe attività oħra; il-forzi nazzjonali tal-pulizija għalhekk għandhom jitħeġġu jindirizzaw, inter alia, ir-rati baxxi ta' prosekuzzjoni għal stupri fost il-prostituti; jenfasizza li l-persuni prostituti huma wkoll soġġetti għall-opinjoni pubblika u huma stigmatizzati soċjalment, anke meta jieqfu jipprattikaw il-prostituzzjoni;

14. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-prostituti nisa għandhom id-dritt għall-maternità, li jrabbu lill-uliedhom u li jieħdu ħsiebhom;

15. Jenfasizza li n-normalizzazzjoni tal-prostituzzjoni għandha impatt fuq il-vjolenza kontra n-nisa; jirrimarka b’mod partikolari d-dejta li turi li l-irġiel li jixtru s-sess għandhom possibbiltà akbar li jikkommettu atti ta’ koerċizzjoni sesswali kontra n-nisa1 u atti oħra ta’ vjolenza kontra n-nisa, u spiss urew attitudnijiet miżoġeni;

16. Jesprimi tħassib għaż-żieda fin-numru tal-irġiel żgħażagħ li jixtru l-prostituzzjoni bħala forma ta’ divertiment, u b’hekk jittrattaw lin-nisa u t-tfajliet ta' taħt l-età bħala ġugarelli sesswali, f'atti li spiss iwasslu għal vjolenza;

17. Jinnota li 80-95 % tal-persuni prostitwiti batew minn xi forma ta’ vjolenza qabel daħlu fil-prostituzzjoni (stupru, inċest, pedofilija), 62 % minnhom jirrapportaw li ġew stuprati, u 68 % ibatu minn diżordni ta’ stress post-trawmatiku – perċentwal simili għall-vittmi ta’ torturi[27];

18. Jenfasizza li l-prostituzzjoni tat-tfal qatt ma tista' tkun volontarja, peress li t-tfal mgħandhomx il-kapaċità li jagħtu l-'approvazzjoni' tagħhom għall-prostituzzjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiġġieldu l-prostituzzjoni tat-tfal (li tinvolvi persuni ta' taħt l-età tat-18-il sena) bl-iktar mod qawwi possibbli, billi hija l-iktar forma serja ta' prostituzzjoni furzata; jitlob b'mod urġenti li jkun hemm approċċ ta' tolleranza żero abbażi tal-prevenzjoni, il-protezzjoni tal-vittmi u l-prosekuzzjoni tal-klijenti;

19. Jinnota li qiegħda tiżdied il-prostituzzjoni tat-tfal, kif ukoll l-isfruttament sesswali tal-persuni taħt l-età, anki permezz tal-midja fin-netwerks soċjali, fejn ta' spiss jintużaw forom ta’ tqarrieq u intimidazzjoni;

20. Jiġbed l-attenzjoni għall-fenomenu tal-prostituzzjoni ta’ minorenni, li mhuwiex identiku għall-molestja sesswali u li l-għeruq tiegħu jinsabu f’sitwazzjonijiet ekonomiċi diffiċli u nuqqas ta’ kura mill-ġenituri;

21. Jenfasizza l-ħtieġa għal miżuri effettivi biex tingħata attenzjoni speċjali fuq it-tneħħija ta’ persuni taħt l-età prostitwiti mill-hekk imsejjaħ suq tal-prostituzzjoni u fuq id-dħul tagħhom f’dak is-suq, kif ukoll jiffukaw fuq attivitajiet li jmorru kontra l-għanijiet tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Protokoll Fakultattiv rilevanti tagħha;

22. Huwa tal-fehma li x-xiri ta' servizzi sesswali mingħand prostituti taħt il-wieħed u għoxrin sena għandu jitqies bħala att kriminali, iżda mill-banda l-oħra, is-servizzi minn prostituti ma għandhomx ikunu punibbli;

23. Jiġbed l-attenzjoni għall-fenomenu ta’ “grooming”, li huwa l-prostituzzjoni ta’ tfajliet taħt l-età jew tfajliet li jkunu għadhom kemm saru maġġorenni, bi skambju għall-oġġetti ta’ lussu jew somom żgħar ta’ flus li jipprovdu fondi biex ikopru l-infiq jew spejjeż ta’ kuljum relatati mal-edukazzjoni ;

24. Jirrimarka lill-Istati Membri li l-edukazzjoni għandha rwol importanti fil-prevenzjoni tal-prostituzzjoni u l-kriminalità organizzata assoċjata magħha, u għalhekk jirrakkomanda li jsiru kampanji fl-iskejjel u l-kulleġġi li jqajmu kuxjenza u ta’ prevenzjoni li jkunu speċjali, speċifiċi għall-età u edukattivi, u jirrakkomanda li l-edukazzjoni dwar l-ugwaljanza tkun għan fundamentali fil-proċess edukattiv taż-żgħażagħ;

25. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-riklami għal servizzi sesswali fil-gazzetti u l-midja soċjali jistgħu jkunu mezz ta' appoġġ għat-traffikar u l-prostituzzjoni;

26. Jiġbed l-attenzjoni għar-rwol dejjem jikber tal-internet u tal-midja fin-netwerks soċjali fir-reklutaġġ ta’ prostituti ġodda u żgħażagħ minn netwerks tat-traffikar tal-bnedmin; isejjaħ biex jitwettqu kampanji ta’ prevenzjoni wkoll fuq l-internet u jitqiesu l-miri vulnerabbli ta’ dawn in-netwerks tat-traffikar tal-bnedmin;

27. Jiġbed l-attenzjoni għal xi effetti, primarjament negattivi, tal-produzzjoni tal-midja tal-massa u l-pornografija, speċjalment onlajn, fil-ħolqien ta’ immaġni mhux favorevoli tan-nisa, li jista’ jkollha l-effett li tħeġġeġ in-nuqqas ta’ rispett tal-personalità umana tan-nisa u l-preżentazzjoni tagħhom bħala merkanzija; Iwissi wkoll li l-libertà sesswali mgħandhiex tiġi interpretata bħala liċenzja għan-nuqqas ta' rispett lejn in-nisa;

28. Jenfasizza li n-normalizzazzjoni tal-prostituzzjoni għandha impatt fuq il-perċezzjoni tas-sesswalità taż-żgħażagħ u r-relazzjoni bejn in-nisa u l-irġiel; jinnota li, skont l-istudji, il-prostituzzjoni taġixxi bħala għodda għall-kontroll soċjali dwar is-sesswalità taż-żgħażagħ;

29. Jisħaq li persuni prostitwiti m’għandhomx ikunu kriminalizzati, bħal fil-każ ta’ ċerti Stati Membri, pereżempju r-Renju Unit, Franza, ir-Repubblika tal-Irlanda u l-Kroazja u jistieden lill-Istati Membri kollha jirrevokaw il-leġiżlazzjoni ripressiva kontra l-persuni prostitwiti;

30. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE jieqfu milli jikkriminalizzaw u jippenalizzaw il-prostituti u jiżviluppaw programmi biex jassistu l-prostituti/ħaddiema għas-sess biex iħallu l-professjoni jekk jixtiequ jagħmlu dan;

31. Jemmen li t-tnaqqis fid-domanda għandu jifforma parti minn strateġija integrata kontra t-traffikar fl-Istati Membri; Jemmen li t-tnaqqis fid-domanda jista’ jinkiseb permezz ta’ leġiżlazzjoni li tpoġġi l-piż kriminali fuq dawk li jixtru s-servizzi sesswali minflok fuq dawk li jbigħuhom u permezz tal-impożizzjoni ta’ multi li jnaqqsu l-qligħ finanzjarju mill-prostituzzjoni għall-organizzazzjonijiet kriminali/kriminalità organizzata;

32. Jikkunsidra li l-iktar mod effettiv għall-ġlieda kontra t-traffikar tan-nisa u t-tfajliet ta' taħt l-età għall-isfruttament sesswali u t-titjib tal-ugwaljanza bejn is-sessi huwa l-mudell implimentat fl-Isvezja, l-Islanda u n-Norveġja (dak li jissejjaħ il-mudell Nordiku), u li attwalment qed jiġi kkunsidrat f’bosta pajjiżi Ewropej, fejn ix-xiri ta’ servizzi sesswali jikkostitwixxi l-att kriminali, mhux is-servizzi tal-persuni prostitwiti;

33. Jenfasizza li l-prostituzzjoni hija problema transkonfinali u li l-Istati Membri għandhom jassumu r-responsabbiltà għall-ġlieda kontra x-xiri ta’ sess barra mit-territorju tagħhom stess billi jintroduċi miżuri simili għal dawk adottati fin-Norveġja fejn ċittadin jista’ jiġi mħarrek għal xiri ta’ sess barra l-pajjiż;

34. Jenfasizza d-dejta li tikkonferma l-effett deterrenti tal-mudell Nordiku fuq it-traffikar lejn l-Isvezja, fejn il-prostituzzjoni u t-traffikar sesswali ma żdidux, u li dan il-mudell huwa dejjem aktar appoġġjat mill-popolazzjoni, speċjalment miż-żgħażagħ, li juri li l-leġiżlazzjoni ġabet magħha bidla fl-atitudnijiet;

35. Jenfasizza r-riżultati ta’ rapport governattiv riċenti fil-Finlandja, li jitlob il-kriminalizzazzjoni sħiħa tax-xiri tas-sess, peress li l-approċċ Finlandiż, li jikkriminalizza lix-xiri tas-sess mill-vittmi tat-traffikar, wera li ma kellux effett fil-ġlieda kontra t-traffikar;

36. Jemmen li l-leġiżlazzjoni tipprovdi opportunità biex jiġu ċċarati n-normi aċċettabbli fis-soċjetà u biex tinħoloq soċjetà li tirrifletti dawn il-valuri;

37. Jemmen li, li wieħed iħares lejn il-prostituzzjoni bħala ‘xogħol sesswali’ legali u d-dikriminalizzazzjoni tal-industrija sesswali inġenerali u l-legalizzazzjoni tal-akkwist mhumiex soluzzjoni biex in-nisa u t-tfajliet ta' taħt l-età jinżammu sikuri mill-vjolenza u l-isfruttament, anzi għandha l-effett oppost u tqegħedhom f’periklu ta’ livell ogħla ta’ vjolenza, filwaqt li tħeġġeġ iż-żieda fis-swieq tal-prostituzzjoni, u għalhekk fl-għadd ta' nisa u tfajliet ta' taħt l-età li jbatu minn abbuż;

38. Jikkundanna kwalunkwe tentattivi ta’ politika jew diskorsi abbażi tal-kunċett li l-prostituzzjoni tista’ tkun soluzzjoni għan-nisa migranti fl-Ewropa;

39. Għalhekk jistieden lill-Istati Membri biex f’konformità mad-dritt nazzjonali jintroduċu drittijiet tal-aċċess u l-kontrolli għall-pulizija u l-awtoritajiet kompetenti għall-postijiet tal-prostituzzjoni independentement mill-avveniment;

40. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmobilizzaw il-mezzi u l-għodda neċessarji għall-ġlieda tat-traffikar u l-isfruttament sesswali u għat-tnaqqis tal-prostituzzjoni bħala ksur tad-drittijiet fundamentali tan-nisa, b’mod partikolari dawk taħt l-età, u l-ugwaljanza bejn is-sessi;

41. Jistieden lill-Istati Membri biex, b’mod partikolari b’ħarsien lejn il-protezzjoni tal-vittmi, jimplimentaw f’liġi nazzjonali mill-aktar fis possibbli d-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI;

42. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt li l-qafas legali Ewropew disinjat għall-eliminazzjoni tat-traffikar għall-isfruttament sesswali kellu s’issa, tagħmel riċerka ulterjuri ta’ mudelli ta’ prostituzzjoni u traffikar tal-bnedmin għall-fini tal-isfruttament sesswali u ż-żieda fil-livelli tat-turiżmu sesswali fl-UE, b'referenza partikolari għall-minorenni, u li tippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattiċi fost l-Istati Membri;

43. Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tkompli tiffinanzja proġetti u programmi biex jiġi miġġieled it-traffikar tal-bnedmin u l-isfruttament sesswali;

44. Jistieden lill-Istati Membri, ifasslu u jimplimentaw politiki biex jindirizzaw it-traffikar, l-isfruttament sesswali u l-prostituzzjoni, biex jiżguraw li l-partijiet kollha rilevanti bħall-NGOs, il-pulizija u aġenziji oħra tal-infurzar tal-liġi, u s-servizzi soċjali u mediċi jiġu appoġġati, involuti fit-teħid ta' deċiżjonijiet u jaħdmu b’kooperazzjoni;

45. Jirrikonoxxi li l-maġġoranza l-kbira tal-persuni fil-prostituzzjoni jixtiequ jieqfu iżda ma jħossux li jistgħu jagħmlu dan; jenfasizza li dawn il-persuni għandhom jiġu appoġġati kif xieraq, b'mod partikolari permezz ta' għajnuna psikoloġika u soċjali, biex joħorġu min-netwerks ta' sfruttament sesswali u d-dipendenzi li ta' spiss huma assoċjati ma' dawn; għalhekk jipproponi lill-awtoritajiet kompetenti biex jimplimentaw programmi bħala għajnuna biex dawn joħorġu mill-prostituzzjoni, b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-partijiet interessati;

46.      Jenfasizza l-importanza ta’ taħriġ adegwat għas-servizzi tal-pulizija u għall-persunal tas-sistema ġudizzjarja b’mod aktar ġenerali, b’dimensjonijiet varji relatati mal-isfruttament sesswali, inkluż il-ġeneru u l-immigrazzjoni, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jinkoraġġixxu lill-awtoritajiet tal-pulizija biex jikkooperaw mal-vittmi u jħeġġuhom jixhdu, biex iħeġġu l-eżistenza ta' servizzi speċjalizzati fi ħdan il-pulizija u jimpjegaw pulizija nisa; jinsisti fuq il-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri biex jiġġieldu aħjar kontra n-netwerks tat-traffikar tal-bnedmin fl-Ewropa;

47. Jiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali għall-impatt tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku fuq in-numru dejjem jikber ta’ nisa u tfajliet ta' taħt l-età, inklużi nisa migranti, sfurzati jidħlu fil-prostituzzjoni, u jħeġġeġ lil dawk l-awtoritajiet biex jgħinuhom ifittxu mezzi alternattivi kif jaqilgħu biex jgħixu u biex jappoġġjaw ambjent sikur għal dawk li jkomplu jaħdmu ta’ prostituti;

48. Jirrimarka li l-problemi ekonomiċi u l-faqar huma l-kawżi ewlenin tal-prostituzzjoni fost in-nisa u t-tfajliet ta' taħt l-età, u li l-istrateġiji ta’ prevenzjoni li jkunu speċifiċi għall-ġeneru, il-kampanji nazzjonali u madwar l-Ewropa speċjalment immirati lejn komunitajiet li jbatu minn esklużjoni soċjali u dawk f'sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli (bħall-persuni b'diżabilità u ż-żgħażagħ fis-sistema ta' protezzjoni tat-tfal), il-miżuri li jnaqqsu l-faqar u li jqajmu l-kuxjenza kollha huma essenzjali għall-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali tan-nisa u t-tfajliet ta' taħt l-età, speċjalment fost il-migranti; jirrakkomanda li l-Kummissjoni taħtar 'Ġimgħa Ewropea għall-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin';

49. Jenfasizza li l-esklużjoni soċjali hija fattur ewlieni li tikkontribwixxi għall-vulnerabbiltà miżjuda tan-nisa u t-tfajliet ta' taħt l-età żvantaġġjati għat-traffikar tal-bnedmin; jenfasizza wkoll li l-kriżi ekonomika u soċjali wasslet għall-qgħad, li spiss wassal biex l-iktar nisa vulnerabbli, inklużi dawk li jinsabu 'l fuq fl-iskala soċjali, jidħlu fis-suq tal-prostituzzjoni, sabiex joħorġu mill-faqar u l-esklużjoni soċjali; jitlob lill-Istati Membri jaffaċċjaw il-problemi soċjali sottostanti li jisfurzaw lill-irġiel, lin-nisa u lit-tfal għal ġol-prostituzzjoni;

50. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiffinanzjaw organizzazzjonijiet li jaħdmu fil-post, bi strateġiji ta' appoġġ u ta' ħruġ, jipprovdu servizzi soċjali għall-vittmi tat-traffikar jew sfruttament sesswali, inkluż għan-nisa migranti u mingħajr dokumenti, billi jiġu vvalutati l-ħtiġijiet u r-riskji individwali tagħhom sabiex jirċievu l-assistenza u l-protezzjoni xierqa, u biex jimplimentaw politiki - b'approċċ olistiku u permezz tad-diversi servizzi tal-pulizija, tal-immigrazzjoni, tas-saħħa u tal-edukazzjoni, biex in-nisa vulnerabbli u l-minorenni jingħataw għajnuna biex joħorġu mill-prostituzzjoni, filwaqt li jiġi żgurat li dawn il-programmi jkollhom bażi legali u finanzjament adegwat biex jinkiseb dan l-objettiv; jinsisti dwar l-importanza ta’ kura psikoloġika u dwar ir-riintegrazzjoni soċjali tal-vittmi tal-isfruttament sesswali; jirrimarka li dan il-proċess jieħu ż-żmien u jirrikjedi l-iżvilupp ta' pjan għall-ħajja li jirrappreżenta alternattiva kredibbli u vijabbli għall-eks prostituti;

51. Jenfasizza li huma meħtieġa aktar analiżi u provi statistiċi biex jiġi ġġudikat liema mudell huwa l-aktar mod effettiv biex jiġi miġġieled it-traffikar tan-nisa u t-tfajliet ta' taħt l-età għall-finijiet ta' sfruttament sesswali;

52. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jivvalutaw kemm l-effetti pożittivi kif ukoll dawk negattivi tal-kriminalizzazzjoni tax-xiri ta’ servizzi sesswali fuq it-tnaqqis tal-prostituzzjoni u t-traffikar;

53. Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jiżviluppaw politiki ta’ prevenzjoni abbażi tal-ġeneru fil-pajjiżi ta’ oriġini tal-persuni li huma prostitwiti bħala riżultat tat-traffikar tagħhom, immirati kemm lejn ix-xerrejja tas-sess kif ukoll lejn in-nisa u l-minorenni, permezz ta' sanzjonijiet, kampanji ta' sensibilizzazzjoni u edukazzjoni;

54. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jieħdu miżuri sabiex jiskoraġġixxu l-prattika tat-turiżmu sesswali ġewwa kif ukoll barra mill-UE;

55. Jitlob lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex jieħu miżuri biex tieqaf il-prattika tal-prostituzzjoni f'żoni ta' kunflitt fejn huma preżenti l-forzi militari tal-UE;

56. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  ĠU C 260, 29.10.2003, p. 4.
  • [2]  ĠU C 166, 3.7.1995, p. 92.
  • [3]  ĠU C 150, 19.5.1997, p. 38.
  • [4]  ĠU C 304, 6.10.1997, p. 55.
  • [5]  ĠU C 339, 10.11.1997, p. 420.
  • [6]  ĠU C 358, 24.11.1997, p. 37.
  • [7]  ĠU C 14, 19.1.1998, p. 19.
  • [8]  ĠU C 193, 17.8.2006, p. 126.
  • [9]  ĠU C 98, 9.4.1999, p. 267.
  • [10]  ĠU C 150, 28.5.1999, p. 203.
  • [11]  ĠU C 040, 7.2.2001, p. 20.
  • [12]  ĠU C 40, 07.02.2001, p. 41.
  • [13]  ĠU C 59, 23.2.2001, p. 258.
  • [14]  ĠU C 59, 23.2.2001, p. 307.
  • [15]  ĠU C 67, 1.3.2001, p. 304.
  • [16]  ĠU C 53, 28.2.2002, p. 114.
  • [17]  ĠU C 287, 24.11.2006, p. 18.
  • [18]  ĠU C 288, 25.11.2006, p. 16.
  • [19]  ĠU C 291, 30.11.2006, p. 292.
  • [20]  ĠU C 285, 21.10.2010, p. 53.
  • [21]  ĠU C 296, 2.10.2012, p. 26.
  • [22]  Testi adottati, P7_TA(2013)0045.
  • [23]  Test adottat, P7_TA(2013)0444.
  • [24]  Ir-rapport tal-2006 minn Sigma Huda, Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-Traffikar tal-Bnedmin, speċjalment tan-nisa u t-tfal, enfasizza l-impatt dirett tal-politiki dwar il-prostituzzjoni fuq l-iskala ta’ traffikar tal-bnedmin.
  • [25]  Rapport konġunt mill-Belt ta’ Amsterdam u l-Ministeru Olandiż għall-Ġustizzja li stqarr li nofs in-negozji tal-prostituzzjoni li jeħtieġu permess għandhom maniġer jew aktar b’rekord kriminali.
  • [26]  Bosta studji dwar ix-xerrejja tas-sess jistgħu jinsabu hawn: http://www.womenlobby.org/spip.php?article1948&lang=en.
  • [27]  Farley, M., ‘Violence against women and post-traumatic stress syndrome’, Women and Health, 1998; Damant, D. et al., ‘Trajectoires d’entrée en prostitution : violence, toxicomanie et criminalité’, Le Journal International de Victimologie, Nru 3, April 2005.

NOTA SPJEGATTIVA

Il-prostituzzjoni hija fenomenu li diffiċli tikkwantifikah minħabba li hija illegali fil-maġġoranza tal-Istati Membri. Skont rapport tal-2012 mill-Fondazzjoni Scelles, il-prostituzzjoni għandha dimensjoni globali li tinvolvi madwar 40-42 miljun persuna, 90 % minnhom huma dipendenti fuq xi ħadd li jħaddimhom. L-ewwel rapport tal-Eurostat li qatt sar bid-dejta uffiċjali dwar il-prostituzzjoni ġie ppubblikat f’April 2013[1]. Dan iffoka fuq it-traffikar tal-bnedmin fl-UE bejn l-2008 u l-2010.

Li hu ċert, madanakollu, hu li l-prostituzzjoni u l-isfruttament sesswali żgur huma kwistjonijiet abbażi tas-sessi fejn in-nisa u t-tfajliet ibigħu ġisimhom, b’mod volontarju jew furzat, lill-irġiel li jħallsu għas-servizz. Barra minn hekk, il-maġġoranza ta’ dawn traffikati għall-isfruttament sesswali huma nisa u tfajliet.

Forma ta’ vjolenza kontra n-nisa u ksur tad-dinjità umana u l-ugwaljanza bejn is-sessi

Il-prostituzzjoni u l-isfruttament sesswali tan-nisa u t-tfajliet huma forom ta’ vjolenza u b’hekk ostakoli għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. Virtwalment, dawk kollha li jixtru servizzi sesswali huma rġiel. L-isfruttament fl-industrija sesswali huwa kemm il-kawża kif ukoll il-konsegwenza ta’ inugwaljanza sesswali li tkompli l-idea li l-ġisem tan-nisa u t-tfajliet huma għall-bejgħ.

Il-prostituzzjoni hija ksur ovvju ħafna u terribbli tad-dinjità umana. Minħabba li d-dinjità tal-bniedem hija msemmija speċifikament fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-Parlament Ewropew għandu d-dmir li jirrapporta dwar il-prostituzzjoni fl-UE u jeżamina l-modi kif l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tal-bniedem jistgħu jissaħħu f’dan ir-rigward.

Rabta diretta mat-traffikar u l-kriminalità organizzata

Il-prostituzzjoni fl-Unjoni Ewropea u madwar id-dinja hija marbuta direttament mat-traffikar tan-nisa u l-bniet. Tnejn u sittin fil-mija tan-nisa traffikati huma l-vittmi ta’ sfruttament sesswali.

Numru dejjem jiżdied ta’ nisa u bniet qed jiġu traffikati mhux biss minn barra l-Unjoni Ewropea iżda wkoll minn xi Stati Membri (eż. ir-Rumanija u l-Bulgarija) lejn partijiet oħra tal-Unjoni Ewropea. L-UE għalhekk għandha bżonn taffronta b’mod urġenti dan it-traffikar Lvant-Punent u tieħu miżuri iebsa għall-ġlieda ta’ din il-forma partikolari ta’ vjolenza kontra n-nisa.

Il-prostituzzjoni hija fattur ewlieni fil-kriminalità organizzata, qabilha hemm biss id-drogi fl-iskop u l-ilħuq u l-ammont ta’ flus involuti. Il-websajt Havocscope [2] jistma d-dħul mill-prostituzzjoni għal madwar $ 186 biljun fis-sena madwar id-dinja kollha.

Minħabba li l-prostituzzjoni hija filfatt daqshekk immexxija mill-kriminalità organizzata, li tiffunzjona bħala suq b’domanda li tinkoraġġixxi l-provvista, l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi madwar l-UE għandhom bżonn jieħdu azzjoni b’saħħitha u xierqa biex jintraċċaw il-kriminali filwaqt li jipproteġu lill-vittmi, il-persuni prostitwiti u n-nisa u l-bniet traffikati għall-isfruttament sesswali. Fi kwistjoni separata iżda relatata li wkoll tirrikjedi attenzjoni, il-prostituzzjoni fuq l-internet qed tiżdied u f’ċerti każijiet hija marbuta ma’ websajts li joffru l-pornografija.

Koerzjoni ekonomika

Id-disperazzjoni finanzjarja tista’ wkoll twassal lin-nisa għall-prostituzzjoni. Il-kriżi finanzjarja attwali qed ikollha effett negattiv hekk kif in-nisa (speċjalment ommijiet xebbiet) qed jidħlu aktar fil-prostituzzjoni f’pajjiżhom stess jew jiġu minn pajjiżi aktar foqra fin-nofsinhar tal-Unjoni Ewropea biex jiġu prostitwiti fit-tramuntana. Il-prostituzzjoni hija għalhekk marbuta mal-ugwaljanza bejn is-sessi minħabba li hija marbuta direttament mar-rwol u l-post tan-nisa fis-soċjetà, mal-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol, għat-teħid ta’ deċiżjonijiet, għas-saħħa u l-edukazzjoni, u mal-għażliet li jiġu offruti lilhom minħabba l-inugwaljanza strutturali bejn is-sessi.

Żewġ approċċi differenti lejn il-prostituzzjoni u l-isfruttament sesswali fl-Ewropa

Il-kwistjoni tal-prostituzzjoni u l-ugwaljanza bejn is-sessi hija kumplikata minħabba l-fatt li hemm żewġ mudelli kompetittivi dwar kif tiġi indirizzata din il-kwistjoni. L-ewwel mudell jara l-prostituzzjoni bħala ksur tad-drittijiet tan-nisa u bħala mezz ta’ tkomplija tal-inugwaljanza bejn is-sessi. L-approċċ leġiżlattiv korrispondenti huwa ta’ tneħħija u jikkriminalizza l-attivitajiet relatati mal-prostituzzjoni, xi kultant jinkludi wkoll ix-xiri ta’ servizzi sesswali, filwaqt li l-prostituzzjoni fiha nnfisha mhijiex illegali. It-tieni mudell isostni li l-prostituzzjoni fiha nnfisha żżid l-ugwaljanza bejn is-sessi billi tippromwovi d-dritt li l-mara tikkontrolla dak li trid tagħmel b’ġisimha. Dawk li huma favur dan il-mudell jistqarru li l-prostituzzjoni hija biss forma oħra ta’ xogħol, u li l-aħjar mod kif jiġu protetti n-nisa fil-prostituzzjoni huwa billi jitjiebu l-“kundizzjonijiet tax-xogħol” tagħhom u billi l-prostituzzjoni tiġi professjonalizzata bħala “xogħol relatat mas-sess.” Konsegwentement, fi ħdan dan il-mudell ta’ regolamentazzjoni, il-prostituzzjoni u attivitajiet relatati huma legali u regolati u n-nisa jkunu liberi li jħaddmu manigers, magħrufa wkoll bħala pimps. Madanakollu, jista’ jiġi kkunsidrat ukoll li l-fatt li l-prostituzzjoni u t-tħaddim isiru attivitajiet normali, jew li jiġu legalizzati b’xi mod, ifisser legalizzazzjoni tal-iskjavitù sesswali u l-inugwaljanza bejn is-sessi għan-nisa.

Iż-żewġ mudelli naturalment jeżistu fl-Unjoni Ewropea. It-tħaddim huwa legali f’diversi Stati Membri inklużi l-Pajjiżi l-Baxxi, il-Ġermanja, l-Awstrija u d-Danimarka, filwaqt li l-persuni prostitwiti jew xi attivitajiet tagħhom (bħat-tlajjar) huma kriminalizzati jew parzjalment kriminalizzati fir-Renju Unit, Franza u r-Repubblika tal-Irlanda fost oħrajn. Madanakollu, l-inugwaljanza bejn is-sessi u s-subordinazzjoni sesswali ma jistgħux jiġu miġġielda b’mod effettiv billi titqies simetrija skont il-ġeneru li ma teżistix fl-attivitajiet tal-industrija tas-sess[3].

Fejn il-prostituzzjoni u t-tħaddim huma legali, hemm korp dejjem jikber ta’ evidenza li turi n-nuqqasijiet ta’ din is-sistema. Fl-2007 il-Gvern Ġermaniż ammetta li l-liġi għal-legalizzazzjoni tal-prostituzzjoni naqqset il-kriminalità u li aktar minn terz tal-prosekuturi Ġermaniżi nnutaw li l-legalizzazzjoni tal-prostituzzjoni “għamlet xogħlhom fil-prosekuzzjoni tat-traffikar tal-bnedmin u l-pimping aktar diffiċli[4]. Fil-Pajjiżi l-Baxxi fl-2003 is-Sindku ta’ Amsterdam stqarr li l-legalizzazzjoni tal-prostituzzjoni ma rnexxilhiex tipprevjeni t-traffikar meta qal li, “dehret impossibbli li tinħoloq żona sikura u kontrollata li ma kinitx miftuħa għall-abbuż mill-kriminalità organizzata.” Skont l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Drogi u l-Kriminalità, il-Pajjiżi l-Baxxi issa huma d-destinazzjoni ewlenija għall-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin.

L-effikaċja tal-mudell Nordiku

Minħabba l-evidenza b’saħħitha u dejjem tikber li l-legalizzazzjoni tal-prostituzzjoni u t-tħaddim ma tagħmel xejn biex tippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi jew biex tnaqqas it-traffikar tal-bnedmin, dan ir-rapport jikkonkludi li d-differenza essenzjali bejn iż-żewġ mudelli ta’ ugwaljanza bejn is-sessi spjegati hawn fuq hija li l-fatt li wieħed iħares lejn il-prostituzzjoni sempliċiment bħala “xogħol” jgħin iżomm lin-nisa fil-prostituzzjoni. Li l-prostituzzjoni jitqies bħala ksur tad-drittijiet tan-nisa tgħin iżżomm lin-nisa ’l barra mill-prostituzzjoni.

L-esperjenza tal-Isvezja, il-Finlandja u tan-Norveġja (li mhix membru tal-UE) fejn jopera l-”Mudell Nordiku” ta’ kif tiġi indirizzata l-prostituzzjoni, tappoġġja din il-perspettiva. L-Isvezja biddlet il-liġijiet tagħha dwar il-prostituzzjoni fl-1999 biex tipprojbixxi x-xiri tas-sess u tiddikriminalizza l-persuni prostitwiti. Fi kliem ieħor il-persuna li qed tixtri s-sess – virtwalment dejjem ir-raġel – qed twettaq reat kriminali u mhux il-mara prostitwita. L-Isvezja introduċiet din il-liġi bħala parti minn inizjattiva ġenerali biex ittemm kull ostakolu għall-ugwaljanza tan-nisa fl-Isvezja.

L-impatt ta’ din il-leġiżlazzjoni fl-Isvezja kien drammatiku. Il-popolazzjoni prostitwita tal-Isvezja hija wieħed minn kull għaxra tal-popolazzjoni tal-ġara d-Danimarka fejn ix-xiri tas-sess huwa legali u hemm popolazzjoni iżgħar. Il-liġi biddlet ukoll l-opinjoni pubblika. Fl-1999 45 % tan-nisa u 20 % tal-irġiel kienu favur il-kriminalizzazzjoni ta’ xerrejja tas-sess irġiel. Sal-2008 79 % tan-nisa u 60 % tal-irġiel kienu favur il-liġi. Barra minn hekk, il-pulizija Svediża kkonfermat li l-Mudell Nordiku kellu effett deterrenti fuq it-traffikar għall-isfruttament sesswali.

L-evidenza tal-effikaċja tal-Mudell Nordiku fit-tnaqqis tal-prostituzzjoni u t-traffikar tan-nisa u t-tfal u b’hekk il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, qiegħda tikber maż-żmien. Sadanittant dawk il-pajjiżi fejn it-tħaddim huwa legali għadhom qed jiffaċċjaw problemi relatati mat-traffikar tal-bnedmin u l-kriminalità organizzata minħabba li dawn jirrelataw mal-prostituzzjoni. Dan ir-rapport għalhekk jappoġġja l-Mudell Nordiku u jħeġġeġ li l-gvernijiet f’dawk l-Istati Membri li jindirizzaw il-prostituzzjoni b’modi oħrajn jirrevedu l-leġiżlazzjoni tagħhom fid-dawl tas-suċċess miksub mill-Isvezja u pajjiżi oħrajn li adottaw il-Mudell Nordiku. Azzjoni simili ġġib magħha progress sinifikanti għall-ugwaljanza bejn is-sessi fl-Unjoni Ewropea.

Dan ir-rapport mhuwiex kontra n-nisa prostitwiti. Huwa kontra l-prostituzzjoni iżda għan-nisa prostitwiti. Billi jiġi rrakkomandat li x-xerrej – ir-raġel li jixtri s-sess – jitqies bħala l-parti ħatja pjuttost milli l-mara prostituta, dan ir-rapport jirrappreżenta pass ieħor fit-triq lejn ugwaljanza sħiħa bejn is-sessi madwar l-Unjoni Ewropea.

OPINJONI TAL-MINORANZA

ta' Angelika Niebler, Christa Klass, Astrid Lulling

Ir-rapport ta' inizjattiva jrid jipprojbixxi kull forma ta' prostituzzjoni. Jiena, madankollu, tal-fehma li għandu jkun hemm distinzjoni bejn il-prostituzzjoni furzata u dik legali, bħalma huwa previst ukoll fid-Dritt Komunitarju.

F'ċerti Stati Membri tal-UE, il-prattika volontarja tal-prostituzzjoni hi rikonoxxuta bħala xogħol indipendenti; konsegwenza ta' dan, il-prostituzzjoni tiġi sottomessa wkoll għall-obbligu tat-taxxa u tal-assigurazzjoni soċjali. Dawk li jaħdmu legalment ta' prosituti għandhom jissodisfaw ukoll obbligi legali oħrajn (eż. drittijiet tax-xogħol u tar-residenza, kif ukoll ir-reġistrazzjoni tan-negozju mal-awtoritajiet responsabbli). Il-kwistjoni ta' kif għandha tiġi evalwata l-prostituzzjoni volontarja għandha tibqa' responsabbiltà tal-Istat Membru individwali.

Min-naħa l-oħra, il-prostituzzjoni furzata u t-traffikar tal-bnedmin jirrappreżentaw problema transkonfinali li ma tistax tiġi solvuta minn Stat Membru waħdu. L-Istati Membri għandhom jaħdmu flimkien aktar mill-qrib biex jiġġieldu kontra l-prostituzzjoni furzata, it-traffikar tal-bnedmin u r-reati organizzati. Il-fatt li l-kisba ta' servizzi sesswali hija pprojbita biss f'ċerti Stati Membri jwassal biex is-servizzi jiġu offruti aktar f'dawk l-Istati (ġirien) li ma jikkriminalizzawx lil min jiffrekwenta l-prostituti. Fir-rapport ta' Mary Honeyball, jingħataw suġġerimenti utli tal-Istati Membri dwar din il-problema tal-prostituzzjoni furzata.

Il-prostituzzjoni furzata u t-traffikar tal-bnedmin għandhom ikunu miġġielda bil-mezzi kollha. Il-prosituzzjoni volontarja, madankollu, għandha tiġi distinta minnhom.

OPINJONI TAL-MINORANZA

minn Ulrike Lunacek, Marije Cornelissen, Inaki Irazabalbeitia, Raul Romeva, Sophia In’t Veld

It-traffikar tal-bnedmin, partikolarment dak tan-nisa u tat-tfal, għal finijiet ta' sfruttament sesswali, imsejjaħ ukoll prostituzzjoni furzata, huwa ksur tad-dinjità tal-bniedem u jmur kontra l-prinċipji tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. F'April 2013, kienu biss 6 Stati Membri li nnotifikaw traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva tl-UE dwar it-Traffikar tal-Bnedmin, li l-iskadenza għall-implimentazzjoni tagħha kienet is-6 ta' April 2013.

Ir-rapport ma jiddifferenzjax bejn prostituzzjoi furzata u prostituzzjoni li tirriżulta minn deċiżjoni individwali. Il-prostituzzjoni tat-tfal madankollu qatt ma tista' tkun volontarja, peress li t-tfal mgħandhomx il-kapaċità li jagħtu l-'approvazzjoni' tagħhom għall-prostituzzjoni.

Il-politiki bl-għan li l-prostituzzjoni ssir inviżibbli u li jeskludu lill-prostituti/ħaddiema fil-qasam tas-sess mill-postijiet pubbliċi iżidu l-istigma, l-esklużjoni soċjali u lvulnerabilità. L-Istati Membri kollha tal-UE għandhom jieqfu jikkriminalizzaw u jippenalizzaw lill-ħaddiema fil-qasam tas-sess jew jagħmlu illegali x-xogħol fil-qasam tas-sess, għandhom jagħtu lil dawn il-ħaddiema aċċess għad-drittijiet ta' sigurtà soċjali u jiżviluppaw programmi biex jgħinuhom joħorġu mill-professjoni jekk ikunu jixtiequ jagħmlu dan.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (3.12.2013)

għall-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

dwar l-isfruttament sesswali u l-prostituzzjoni u l-impatt tagħhom fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi
(2013/2103(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Corina Creţu

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jinnota li l-kawżi ewlenin tat-traffikar tal-bnedmin u l-isfruttament sesswali huma l-inugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u l-faqar, flimkien ma' inugwaljanzi etniċi u soċjoekonomiċi oħra, kif ukoll il-kunflitti armati, u li l-vittmi ewlenin huma n-nisa u t-tfal bi status soċjoekonomiku baxx;

2.  Jenfasizza l-fatt li għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-gruppi l-aktar vulnerabbli, bħall-bniet, it-tfal b'diżabilitajiet u n-nisa li huma parti minn gruppi ta' minoranza;

3.  Jindika li l-korruzzjoni għandha rwol importanti fil-faċilitazzjoni u t-tħeġġiġ tat-traffikar tal-bnedmin;

4.  Jinnota li l-isfruttament sesswali huwa forma ta' vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, u li jitwettaq l-iżjed mill-irġiel u l-aktar kontra n-nisa, u għaldaqstant jenfasizza li l-eliminazzjoni u l-prevenzjoni tal-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet huma ta' importanza kbira sabiex jitnaqqas dan il-ksur estrem tad-drittijiet tal-bniedem;

5.  Jistieden lill-UE, lill-organizzazzjonijiet internazzjonali, lill-gvernijiet nazzjonali u lill-partijiet rilevanti oħra jikkooperaw fil-livell tal-UE għall-ħolqien ta' qafas komuni ta' dispożizzjonijiet għal azzjoni kontra l-kawżi sottostanti, il-kriminalizzazzjoni (inkluż ix-xiri ta' servizzi sesswali), is-sanzjonijiet u kooperazzjoni transkonfinali mtejba dwar il-protezzjoni mill-abbuż u l-isfruttament sesswali;

6.  Jenfasizza l-importanza li titqies il-biża' tal-istigmatizzazzjoni meta jitfasslu politiki u strateġiji nazzjonali dwar l-assistenza ġudizzjali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw kif ukoll fil-pajjiżi kollha fejn qed iseħħu t-traffikar tal-bnedmin u l-isfruttament sesswali, u jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' servizzi legali effettivi fejn jistgħu jiġu rappurtati każijiet ta' abbuż, partikolarment matul kriżijiet umanitarji;

7.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżviluppaw azzjonijiet sabiex iġibu fi tmiem it-turiżmu sesswali mill-Istati Membri tal-UE lejn destinazzjonijiet oħra;

8.  Jenfasizza li l-miżuri għall-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali u l-prostituzzjoni għandhom jiffukaw fuq żoni affettwati mill-gwerer skont ir-riżoluzzjoni 1325 tal-31 ta' Ottubru 2000 u r-riżoluzzjoni 1820 tad-19 ta' Ġunju 2008 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

9.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jimpedixxu d-domanda għall-isfruttament fil-forma ta' prostituzzjoni u traffikar tal-bnedmin għal skopijiet ta' sfruttament sesswali.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

2.12.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Ricardo Cortés Lastra, Charles Goerens, Filip Kaczmarek, Gay Mitchell, Norbert Neuser, Bill Newton Dunn, Maurice Ponga, Jean Roatta, Michèle Striffler, Alf Svensson, Keith Taylor, Patrice Tirolien

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Emer Costello, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Fiona Hall, Eduard Kukan, Bart Staes, Jan Zahradil

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Fabrizio Bertot, Tanja Fajon, Miroslav Mikolášik

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

23.1.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

14

2

6

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marije Cornelissen, Edite Estrela, Iratxe García Pérez, Zita Gurmai, Mikael Gustafsson, Mary Honeyball, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Constance Le Grip, Astrid Lulling, Krisztina Morvai, Angelika Niebler, Siiri Oviir, Antonyia Parvanova, Marina Yannakoudakis, Inês Cristina Zuber

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Izaskun Bilbao Barandica, Anne Delvaux, Iñaki Irazabalbeitia Fernández, Nicole Kiil-Nielsen, Christa Klaß, Angelika Werthmann

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Michael Cashman