RAPPORT dwar l-ottimizzazzjoni tal-potenzjal tar-Reġjuni Ultraperiferiċi permezz tal-ħolqien ta' sinerġiji bejn il-fondi strutturali tal-UE u programmi oħra tal-UE
17.2.2014 - (2013/2178(INI))
Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali
Rapporteur: Younous Omarjee
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-ottimizzazzjoni tal-potenzjal tar-Reġjuni Ultraperiferiċi permezz tal-ħolqien ta' sinerġiji bejn il-fondi strutturali tal-UE u programmi oħra tal-UE
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 349 u 355, l-ewwel paragrafu, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jirrikonoxxi status partikolari għar-reġjuni ultraperiferiċi u li jipprevedi l-adozzjoni ta’ “miżuri speċifiċi” li jippermettu l-implimentazzjoni sħiħa tat-trattati u tal-politiki komuni,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 107(3)(a) tat-TFUE dwar l-iskema ta' għajnuniet tal-Istat għal dawk ir-reġjuni,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 174 u dawk segwenti tat-TFUE li jassenjaw objettiv ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u li jiddefinixxu l-istrumenti finanzjarji strutturali sabiex dan jintlaħaq,
– wara li kkunsidra t-totalità ta' komunikazzjonijiet mill-Kummissjoni Ewropea dwar ir-reġjuni ultraperiferiċi, u b'mod partikolari l-komunikazzjoni tas-17 ta' Ottubru 2008 bl-isem "Ir-reġjuni l-aktar imbiegħda: vantaġġ għall-Ewropa" (COM(2008)0642),
– wara li kkunsidra t-totalità tar-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar ir-reġjuni ultraperiferiċi, u b'mod partikolari r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2008 dwar strateġija għar-reġjuni ultraperiferiċi: Kisbiet u Prospettivi fil-Ġejjieni[1],
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni "Reġjuni 2020 - evalwazzjoni tal-isfidi futuri għar-reġjuni tal-Unjoni" (SEC(2008)2868),
– wara li kkunsidra l-messaġġ tal-gżira ta' La Réunion tas-7 ta' Lulju 2008 fil-kuntest tal-konferenza "L-Unjoni Ewropea u r-reġjuni extra-Ewropej: Strateġiji b'rabta mat-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità", u wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-25 ta' Ġunju 2009 dwar "Valutazzjoni ta' nofs it-terminu dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-KE għall-Bijodiversità u Lejn Strateġija tal-Unjoni dwar Speċijiet Eżotiċi Invażivi",
– wara li kkunsidra l-Memorandum Konġunt tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-14 ta’ Ottubru 2009 dwar "Ir-reġjuni ultraperiferiċi: minn issa sal-2020",
– wara li kkunsidra l-pjattaforma komuni tas-6 ta' Lulju 2010 indirizzata lill-President tal-Kummissjoni Ewropea, José Manuel Durão Barroso, mill-Konferenza tal-Membri Ewropej tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Memorandum Konġunt ta’ Spanja, Franza, il-Portugall u tar-reġjuni ultraperiferiċi, tas-7 ta’ Mejju 2010, dwar "Viżjoni mġedda tal-istrateġija Ewropea għar-reġjuni ultraperiferiċi",
– wara li kkunsidra l-kontribuzzjoni konġunta tar-reġjuni ultraperiferiċi tat-28 ta' Jannar 2011 fir-rigward tal-ħames rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali,
– wara li kkunsidra r-rapport bit-titolu "Europe's Outermost Regions and the Single Market: The EU's influence in the world" ippreżentat mis-Sur Pedro Solbes Mira,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' April 2012 dwar ir-rwol tal-politika ta’ koeżjoni fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-Istrateġija "Ewropa 2020"[2],
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-20 ta’ Ġunju 2012 bl-isem: "Ir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea: Lejn sħubija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv" (COM(2012)0287),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Membru Serge Letchimy għall-Prim Ministru tar-Repubblika Franċiża, intitol"L-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea: Kontribuzzjoni għall-applikazzjoni tal-qafas derogatorju favur proġett globali ta' żvilupp tar-reġjuni ultraperiferiċi,
– wara li kkunsidra l-kontributi konġunti u d-dokumenti tekniċi u politiċi tal-Konferenza tal-Presidenti tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari d-dikjarazzjoni finali tad-XIX-il Konferenza tal-Presidenti tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea tas-17 u t-18 ta’ Ottubru 2013
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0121/2014),
A. billi l-vantaġġi, ir-riżorsi u l-potenzjal tar-reġjuni ultraperiferiċi, rikonoxxuti mill-Kummissjoni Ewropea fl-istrateġija tagħha tal-2008 u l-komunikazzjoni tagħha tal-2012, ikopru oqsma kruċjali għall-Unjoni Ewropea f’termini ta’ riċerka, innovazzjoni u tkabbir, u billi dawn mhumiex sostnuti u ffinanzjati biżżejjed mill-fondi u l-programmi Ewropej,
B. billi r-reġjuni ultraperiferiċi jinkludu arċipelagi, gżejjer u reġjun maqtugħ fil-foresta tal-Amazon li huma kkaratterizzati minn restrizzjonijiet speċifiċi komuni li jagħmluhom differenti minn sitwazzjonijiet ġeografiċi partikolari oħrajn tal-Unjoni (gżejjer, reġjuni muntanjużi u dawk b’popolazzjoni baxxa),
C. billi, fir-rigward tal-objettivi li l-Unjon ffissat għaliha nnifisha għat-twettiq tal-istrateġija Ewropa 2020 għat-tkabbir, l-istrateġija Orizzont 2020, l-istrateġija Enerġija 2020, il-programmi LIFE+ u Natura 2000, in-netwerks trans-Ewropej ta' telekomunikazzjoni, tat-trasport u tal-enerġija, ir-reġjuni ultraperiferiċi jikkostitwixxu reġjuni ta' eċċellenza li jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikattiv għat-twettiq ta' dawn l-isfidi,
D. billi huwa għalhekk importanti li jitħeġġeġ l-investiment fuq żmien twil u tiġi promossa l-forza tal-innovazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi għat-tisħiħ sostenibbli tat-tkabbir ekonomiku u soċjali tagħhom, u li jiżdiedu l-probabilitajiet ta' suċċess tad-diversi strateġiji tal-Unjoni,
E. billi, biex jitwettqu dawn l-istrateġiji, il-Fondi Strutturali u l-Fond Ewropew tal-Investiment għar-reġjuni ultraperiferiċi għandhom jiġu aġġustati u ssupplimentati biex ir-reġjuni ultraperiferiċi jipparteċipaw, b’konformità mal-potenzjal u intenzjonijiet tagħhom, fl-isfidi l-kbar tal-Unjoni Ewropea,
F. billi s-sitwazzjoni attwali tal-kriżi ekonomika u soċjali qed tħalli effetti partikolarment serji fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari f’termini ta’ kompetittività u ta’ impjiegi, u billi, biex jiġu indirizzati l-bżonn ta’ tkabbir ekonomiku u l-problema tal-qgħad, għandu jkun hemm reazzjonijiet urġenti u xierqa matul il-perjodu ta' finanzjament u ta’ programmazzjoni li jmiss,
G. billi l-Artikolu 349 għandu jintuża wkoll bħala bażi legali li tippermetti lir-reġjuni ultraperiferiċi, permezz ta' miżuri speċifiċi, isibu posthom fil-programmi tal-Unjoni li jistgħu jiżviluppaw b’mod konkret il-potenzjal ta’ dawn ir-reġjuni,
H. billi r-reġjuni ultraperiferiċi jistgħu jsiru territorji pilota u territorji ta' eċċellenza għall-benefiċċju tal-Unjoni kollha f’oqsma bħalma huma: il-bijodiversità, l-ambjent, l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-attenwazzjoni tiegħu, il-ġestjoni u l-osservazzjoni ta’ fenomeni klimatiċi estremi, ir-riċerka, l-innovazzjoni, l-ispazju, il-qasam ajruspazjali, l-oċeani, it-tkabbir "blu", il-ġestjoni spazjali marittima u l-governanza marittima, is-sismoloġija, il-vulkanoloġija, il-mard emerġenti, l-enerġiji rinnovabbli, it-trasport, it-telekomunikazzjoni, il-kapaċità ta’ intervent umanitarju urġenti f’pajjiżi terzi u l-kultura,
I. billi r-reġjuni ultraperiferiċi jinsabu fil-baċiri marittimi tal-Karajbi, tal-Oċean Indjan u tal-Oċean Atlantiku li jikkonferixxu lill-Unjoni Ewropea status ta’ setgħa marittima mondjali, billi l-pożizzjoni ġeostrateġika tagħhom tikkontribwixxi għad-dimensjoni dinjija tal-Unjoni, u billi huma karatterizzati minn riżorsi naturali, tal-baħar u tas-sajd eċċezzjonali, li jirrappreżentaw aktar minn 50 % tal-bijodiversità dinjija,
J. billi r-reġjuni ultraperiferiċi jikkostitwixxu realtà unika u jiffurmaw għaqda komuni kemm fi ħdan l-Unjoni Ewropea kif ukoll lil hinn minnha li għandha tiġi promossa u appoġġjata mill-Kummissjoni Ewropea, partikolarment bl-implimentazzjoni ta’ politiki komuni,
K. billi l-ottimizzazzjoni tal-potenzjal tar-reġjuni ultraperiferiċi tirrikjedi l-ħolqien ta’ sinerġiji massimi bejn l-istrumenti, il-fondi u l-programmi kollha tal-Unjoni,
Perspettivi ġodda għar-reġjuni ultraperiferiċi
1. Jinsab konvint li l-potenzjal, il-vantaġġi, ir-riżorsi u l-esperjenza tar-reġjuni ultraperiferiċi jikkostitwixxu opportunità oħra biex l-Unjoni u l-Istati Membri jegħlbu l-isfidi li qed jiffaċċjaw f’termini ta’ globalizzazzjoni, kapaċità ta’ innovazzjoni, tkabbir, koeżjoni soċjali, pressjonijiet demografiċi, tibdil fil-klima, prevenzjoni tar-riskji maġġuri ta' katastrofi naturali, enerġija, ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-preservazzjoni tal-bijodiversità;
2. Jinsab konvint li t-titjib tal-aċċess tar-reġjuni ultraperiferiċi għad-diversi programmi u fondi tal-Unjoni jsir kemm f'termini ta' żmien qasir kif ukoll żmien twil għall-benefiċċju tal-Unjoni kollha kemm hi; jiddispjaċih dwar l-approċċ imħeġġeġ fil-livell Ewropew li jintużaw biss politiki ta’ koeżjoni biex tiġi ffinanzjata l-biċċa l-kbira tal-proġetti ta' żvilupp tar-reġjuni ultraperiferiċi;
3. Jappoġġa lill-Kummissjoni Ewropea fix-xewqa tagħha li timplimenta politiki li jsaħħu l-awtonomija, il-konsolidazzjoni ekonomika u l-ħolqien ta’ impjiegi sostenibbli fir-reġjuni ultraperiferiċi billi jittieħed benefiċċju mill-vantaġġi tagħhom, u miżuri prattiċi u innovattivi abbażi tal-Artikolu 349 TFUE u l-istrumenti ad hoc, b’mod partikolari fl-oqsma tal-enerġija, it-trasport u t-teknoloġija tal-informatika u l-komunikazzjoni, għal kull wieħed mill-fondi u l-programmi b’objettivi li jkunu jistgħu jżidu l-valur tal-vantaġġi tar-reġjuni ultraperiferiċi għal żvilupp sostenibbli;
4. Jenfasizza wkoll il-ħtieġa u l-importanza li l-politiki Ewropej jikkontribwixxu, inter alia permezz ta' strumenti fiskali u doganali speċifiċi, għall-promozzjoni u d-diversifikazzjoni tal-bażi ekonomika tal-ekonomiji tar-reġjuni ultraperiferiċi u għall-ħolqien tal-impjiegi;
5. Iqis li l-Artikolu 349 tat-TFUE jikkostitwixxi bażi legali adegwata għall-adozzjoni ta’ miżuri speċifiċi għar-reġjuni ultraperiferiċi, iżda jiddispjaċih dwar ir-rikors limitat u mnaqqas għal din id-dispożizzjoni tat-Trattat li tipprovdi l-possibbiltà li jkun hemm reġim partikolari għal status ultraperiferiku;
6. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi grupp ta’ kuntatt bejn il-Kummissarji Ewropej ikkonċernati, il-grupp ta’ ħidma interservizzi li jikkoordina l-politiki dwar ir-reġjuni ultraperiferiċi u membri eletti tar-reġjuni ultraperiferiċi fil-Parlament Ewropew sabiex jaraw is-sitwazzjoni attwali li jkunu qegħdin fiha l-programmi previsti u/jew mibdija għar-reġjuni ultraperiferiċi;
7. Jenfasizza li r-reġjuni ultraperiferiċi, għaliex jinsabu ’l bogħod mill-kontinent Ewropew, huma vetturi tal-influwenza ta’ Unjoni Ewropea li qed issir konxja mid-dimensjoni dinjija tagħha u r-rwol tagħha f’dinja li għaddejja minn bidla profonda;
8. Jinsisti li għandha tingħata attenzjoni speċjali lir-reġjuni ultraperiferiċi f’każ ta’ diżastru naturali, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tagħhom f’konformità mal-Artikolu 349, li jipprovdi l-possibbiltà li jiġu adottati miżuri speċifiċi, filwaqt li jfakkar fl-importanza tal-koordinament tal-Fondi Strutturali mal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea;
9. Jitlob biex l-investimenti magħmula permezz tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali fit-teknoloġija tal-informatika u l-komunikazzjoni, it-trasport, l-ilma u l-enerġija jsiru prijorità f’dawn ir-reġjuni u jiddefendi aktar koerenza tal-qafas tal-għajnuna mill-Istat fir-reġjuni ultraperiferiċi, biex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija “Ewropa 2020”;
10. Jinsab konvint li hemm rabta mill-qrib bejn is-sensibilizzazzjoni dwar id-dimensjoni dinjija li jista’ jkollha l-Unjoni u l-attenzjoni mogħtija lir-reġjuni ultraperiferiċi; huwa konvint li l-kunsiderazzjoni tal-Unjoni u l-Istati Membri fir-rigward tal-piż u l-importanza fil-ġejjieni li jirrappreżentaw l-għażliet strateġiċi ta’ investiment tagħhom fir-reġjuni ultraperiferiċi mhijiex suffuċjenti u hija indikatur tal-investiment baxx li l-Unjoni tagħmel fid-dimensjoni dinjija u internazzjonali tagħha stess; iqis essenzjali għar-reġjuni ultraperiferiċi t-titjib tas-sinerġiji f’dak li għandu x’jaqsam mal-istrumenti u l-programmi sabiex tiġi promossa l-kooperazzjoni internazzjonali ta’ dawn ir-reġjuni fid-dinja;
11. Ifakkar li huwa essenzjali, għall-promozzjoni tal-ħolqien ta’ sinerġiji bejn il-Fondi Strutturali u l-programmi l-oħra tal-Unjoni, li tiġi adottata perspettiva makroreġjonali u li jiġu żviluppati strateġiji għall-makroreġjuni li jinkludu r-reġjuni ultraperiferiċi, billi jittieħed vantaġġ mill-karatteristiċi u r-riżorsi ta’ dawn ir-reġjuni;
12. Jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali jieħdu vantaġġ minn approċċ ibbażat fuq diversi fondi u jimplimentaw, safejn possibbli u bl-aktar mod effikaċi possibbli, punti ta’ kollegament bejn il-Fondi Strutturali u l-istrumenti finanzjarji ta’ programmi oħra tal-Unjoni Ewropea;
13. Jistieden lill-Kummissjoni tapprofondixxi l-istrateġija Ewropea fir-rigward tar-reġjuni ultraperiferiċi b’mod li tippermetti li l-vantaġġi ta’ dawn ir-reġjuni jiġu żviluppati, kif ukoll tqis ir-restrizzjonijiet strutturali u permanenti tagħhom; jistieden, f’dan il-qafas, lill-Kummissjoni tindirizza l-proposti tar-reġjuni ultraperiferiċi li jinsabu partikolarment fil-pjanijiet ta’ azzjoni tagħhom;
Sinerġiji mal-programm Orizzont 2020
14. Iqis li r-reġjuni ultraperiferiċi għandhom il-potenzjal li jkunu fuq quddiem nett fir-riċerka u t-teknoloġija fl-oqsma kkonċernati mill-objettivi tal-Programm Orizzont 2020, bħall-ispazju, il-qasam ajruspazjali, il-bijoteknoloġiji, l-osservazzjoni tar-riskji naturali, ir-riċerka marittima, il-bijodiversità, l-enerġiji rinnovabbli, is-saħħa, l-adattament għat-tibdil fil-klima u t-trasport intelliġenti;
15. Ifakkar li l-objettiv tal-politika ta’ koeżjoni 2014-2020 huwa, fost l-oħrajn, it-tisħiħ tar-riċerka, tal-iżvilupp teknoloġiku u tal-innovazzjoni;
16. Jiddispjaċih li l-proġetti tar-reġjuni ultraperiferiċi, minħabba l-fatt li l-proġetti tagħhom ftit li xejn jissodisfaw ir-rekwiżiti li jippermettu l-kisba ta’ finanzjament Komunitarju minħabba l-karatteristiċi partikolari tagħhom, ma bbenefikawx biżżejjed mill-programm qafas għar-riċerka u l-iżvilupp għall-perjodu 2007-2013, u dan wassal għal parteċipazzjoni u rata ta’ suċċess baxxi ħafna, kif ukoll inqas preżenza fin-netwerks Ewropej ta’ riċerka; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, taġixxi sabiex tappoġġja r-riċerka fir-reġjuni ultraperiferiċi u tiffavorixxi l-kisba ta' massa kritika;
17. Iqis li l-FEŻR waħdu ma jkunx jista' jippermetti lir-reġjuni ultraperiferiċi jissodisfaw l-objettivi tal-politika ta' koeżjoni u l-istrateġiji tal-UE 2020 u ta' Orizzont 2020; iqis, f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni għandha tadatta u tiggarantixxi l-aċċess tar-reġjuni ultraperiferiċi għall-programm Orizzont 2020 bil-ħolqien ta' programmi dedikati li jiffavorixxu l-integrazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi fin-netwerks Ewropew u internazzjonli ta' riċerka u innovazzjoni; ifakkar f’dan ir-rigward li l-istrateġija Orizzont 2020, fil-parti li tikkonċerna l-programm “It-tixrid tal-eċċellenza u t-twessigħ tal-parteċipazzjoni", tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ differenzi sinifikanti fejn għandha x’taqsam il-prestazzjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni identifikati mit-Tabella tal-Innovazzjoni tal-Unjoni, filwaqt li tippromwovi miżuri speċifiċi maħsuba biex ixerrdu l-eċċellenza u jżidu l-parteċipazzjoni tal-Istati Membri u r-reġjuni li jinabu lura fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni;
18. Jitlob li jiġu valorizzati u żviluppati strutturalment l-universitajiet tar-reġjuni ultraperiferiċi, sabiex b’sinerġija ma’ Orizzont 2020, jikkontribwixxu għall-valorizzazzjoni kemm Ewropea kif ukoll internazzjonali tal-universitajiet tar-reġjuni ultraperiferiċi, taċ-ċentri ta’ riċerka, tar-riċerkaturi u tal-istudenti tagħhom; ifakkar li l-programmi li jippromwovu l-mobilità bejn l-universitajiet tal-istudenti, tal-professuri u l-uffiċjali qed jiġu mxekkla serjament fir-reġjuni ultraperiferiċi minħabba l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw mill-pożizzjoni iżolata u d-distanza;
19. Ifakkar li l-programmi ta’ riċerka u innovazzjoni għandhom ikunu flessibbli biżżejjed biex jadattaw għal fruntieri ġodda u sfidi ġodda tal-għarfien, bħall-baħar fond, li jirrappreżentaw potenzjal għoli;
20. Jiġbed l-attenzjoni lejn l-interess ekonomiku li dejjem jikber, imqanqal mir-rikkezza immensa ta’ qiegħ il-baħar u l-potenzjal bijoġenetiku, minerali u bijoteknoloġiku enormi tar-reġjuni ultraperiferiċi f’dawn l-oqsma kif ukoll l-importanza li dan jiġi kkunsidrat fil-qafas tal-"Istrateġija Ewropea Ġdida għar-reġjuni ultraperiferiċi", sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp ta’ ekonomija tal-għarfien ibbażata fuq il-baħar u l-ħolqien ta’ attivitajiet ekonomiċi b’valur miżjud għoli f’oqsma bħall-mediċina, il-farmakoloġija u l-enerġija fost oħrajn;
Sinerġiji mas-suq intern
21. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu ispirazzjoni mid-diversi konklużjonijiet tar-rapport Solbes biex tintensifika l-integrazzjoni u l-iżvilupp tar-reġjuni ultraperiferiċi fis-suq intern;
22. Jissottolinja li l-kompetizzjoni fir-reġjuni ultraperiferiċi ma tikkonkretizzax ruħha bl-istess mod bħal fil-kumplament tat-territorju Ewropew, meta l-funzjonament ħieles tas-suq f'dawn ir-reġjuni ma jkunx possibbli fil-parti l-kbira tas-setturi tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, li l-attività tagħhom mhix attraenti għall-investiment privat; jissottolinja li l-offerta ta’ prodotti ta’ kwalità bi prezzijiet kompetittivi fir-reġjuni ultraperiferiċi hija possibbli biss b’kumpens adegwat mill-Istat u l-forniment ta’ dawn is-servizzi fir-reġjuni ultraperiferiċi jeħtieġ evalwazzjoni urġenti mill-Kummissjoni b’mod li tipprevedi flessibilità u adattament ikbar tal-qafas leġiżlattiv attwali tal-Unjoni għal din ir-realtà;
23. Jistieden lill-Kummissjoni tinforza aħjar id-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-kompetizzjoni biex jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ monopolju u ta’ kartelli illeċiti fir-reġjuni ultraperiferiċi;
24. Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika gwida għall-intrapriżi żgħar u medji fir-reġjuni ultraperiferiċi u l-kontribut tagħhom għas-suq intern, filwaqt li tqis il-programmi u l-fondi Ewropej differenti fis-seħħ fir-reġjuni ultraperiferiċi;
25. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni lill-ispejjeż addizzjonali u lill-problema tal-għoli tal-ħajja fir-reġjuni ultraperiferiċi u biex tikkunsidrahom fl-iżvilupp tal-politiki Ewropej;
Sinerġiji mal-programm LIFE+ u l-istrateġija Enerġija 2020
26. Iqis li l-potenzjal tar-reġjuni ultraperiferiċi fil-kwistjoni tal-ġestjoni, il-preservazzjoni u r-rijabilitazzjoni tal-bijodiversità, l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli jista’ jkun ottimizzat billi l-Unjoni tkun kapaċi tilħaq l-objettivi tagħha permezz tal-ħolqien ta’ sinerġiji u ta’ finanzjament komplementari bejn il-politika ta’ koeżjoni, il-programm LIFE+ u l-istrateġija Enerġija 2020;
27. Jinnota li l-programm LIFE+ għall-perjodu 2014-2020 għandu l-għan li jikkofinanzja proġetti innovattivi favur il-preservazzjoni tal-ambjent u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jissottolinja l-fatt li huwa essenzjali li jiġu ġġenerati sinerġiji bl-objettivi 5 u 6 tal-politika ta' koeżjoni 2014-2020, meta jitqies li huwa indispensabbli, f'dan ir-rigward, li l-parteċipazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi f'LIFE+ tissaħħaħ;
28. Jiddeplora l-fatt li l-azzjoni preparatorja BEST ma ġietx ittrasformata fi programm reali ddedikat għar-reġjuni ultraperiferiċi u l-pajjiżi u territorji extra-Ewropej, kontra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2009;
29. Jiddeplora l-fatt li l-ħabitats u l-ispeċijiet annimali u veġetali li għandhom jiġu protetti fit-reġjuni ultraperiferiċi Franċiżi ma ġewx imniżżla fl-Anness I tad-Direttiva 92/43/KEE dwar il-ħabitats/flora/fawna, li jagħmel impossibbli l-implimentazzjoni tad-direttiva fir-reġjuni ultraperiferiċi Franċiżi u jeskludi l-parteċipazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi Franċiżi fin-netwerks u programmi NATURA 2000;
30. Jistieden lill-Kummissjoni tfassal programm Natura 2000 speċifiku għar-reġjuni ultraperiferiċi abbażi tal-Artikolu 349 tat-TFUE;
31. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi, fuq il-bażi ta' eżempji tajba u riżultati miksuba minn ċertu reġjuni ultraperiferiċi fil-qasam tal-enerġiji rinnovabbli, miżuri bl-għan li tintlaħaq awtonomija enerġetika u l-objettivi tal-istrateġija Enerġija 2020 u jfakkar lill-Kummissjoni dwar il-proposta tagħha li toħloq programm speċifiku fil-qasam tal-enerġija bl-għan li titnaqqas l-ispiża tal-provvista, l-infrastruttura u s-servizzi pprovduti fir-reġjuni ultraperiferiċi, sabiex tħeġġeġ il-politiki fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli, abbażi tal-programmi POSEI, filwaqt li jintlaħaq l-aħjar livell possibbli ta’ sinerġiji ma’ linji ta’ azzjoni oħra tal-UE;
32. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-bżonn li jittieħed vantaġġ mill-potenzjal li jeżisti fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli fil-gżejjer, fejn id-dipendenza fuq l-enerġija fossili hija ggravata minħabba d-distanza u l-iżolament ġeografiku tagħhom; Iqis, minħabba dan, li għandu jittieħed kont tal-bżonn li jiġu previsti, fil-qafs tal-politika Ewropea dwar l-enerġija, strumenti li bihom ikun possibbli li jiġu indirizzati kif xieraq il-problemi li jippreżentaw is-sistemi iżolati tal-enerġija;
Sinerġiji mal-programmi Ewropej għaż-żgħażagħ
33. Jenfasizza li l-objettivi 8, 9 u 10 tal-politika l-ġdida ta' koeżjoni huma l-impjiegi, l-inklużjoni soċjali, il-ġlieda kontra l-faqar, l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-taħriġ professjonali;
34. Jissottolinja l-fatt li r-reġjuni ultraperiferiċi huma fost ir-reġjuni Ewropej bl-ogħla rati ta’ qgħad, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ; jiġbed l-attenzjoni, madanakollu, lejn id-diffikultà ta' applikazzjoni tal-fondi ddedikati għall-Garanzija għaż-Żgħażagħ permezz tal-kofinanzjament; jiddispjaċih, barra minn hekk, dwar in-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi għar-reġjuni ultraperiferiċi fil-programmi għall-impjiegi u l-innovazzjoni soċjali u jfakkar li r-reġjuni ultraperiferiċi kellhom diffikultajiet biex ibbenefikaw mill-possibilitajiet offruti mill-programm "Progress"; jitlob li jsir żvilupp tal-linja soċjali permezz tal-implimentazzjoni ta' proġett pilota urġenti dwar il-ġlieda kontra l-qgħad fir-reġjuni ultraperiferiċi; jitlob l-istabbiliment ta' skwadri ta' azzjoni speċjali għall-impjieg taż-żgħażagħ fi ħdan il-Kummissjoni sabiex tiġi applikata l-garanzija għaż-żgħażagħ u l-mobilizzazzjoni tal-FSE u l-YEI;
35. Jistieden lill-BEI jintegra lir-reġjuni ultraperiferiċi fl-inizjattiva tiegħu intitolata “Impjiegi għaż-żgħażagħ” u fil-programm tiegħu “Investiment fil-kompetenzi”;
36. Jinsab imħasseb dwar it-telf kbir ta' kompetenzi li jridu jiffaċċjaw ir-reġjuni ultraperiferiċi minħabba r-rata għolja ta’ qgħad u l-insuffiċjenza tat-taħriġ propost, filwaqt li ħaddiema mħarrġa u kwalifikati huma indispensabbli għall-ġenerazzjoni ta' tkabbir sostenibbli, speċjalment fis-setturi proprji ta’ dawn ir-reġjuni jew fl-oqsma tradizzjonali, iżda wkoll biex ikun hemm żvilupp dinamiku ta’ attivitajiet ġodda u tiġi kkonfrontata l-kompetizzjoni dinjija;
37. Jinnota li l-programm il-ġdid Erasmus għandu bħala objettiv l-iżvilupp ta’ soċjetà tal-għarfien; jenfasizza li l-ilħuq ta’ dawn l-objettivi huwa indispensabbli għat-twettiq tal-istrateġija Ewropa 2020 li tqiegħed l-għarfien bħala l-element ewlieni tal-ekonomija Ewropea; jindika għalhekk il-ħtieġa li jinħolqu iktar sinerġiji bejn il-programm Erasmus u l-FSE fir-reġjuni ultraperiferiċi, b'tali mod li jiġu mobilizzati r-riżorsi umani u l-għarfien espert lokali, li jikkostitwixxu muturi qawwija tat-tkabbir;
38. Jappoġġa l-iżvilupp tal-kapaċitajiet universitarji tar-reġjuni ultraperiferiċi u ta’ oqsma ġodda ta’ eċċellenza biex l-universitajiet tar-reġjuni ultraperiferiċi fl-Ewropa jsiru iktar attraentiu u l-istandard tagħhom joġħla; jappoġġja l-iżvilupp ta’ sħubijiet interuniversitarji, ukoll bis-saħħa tal-estensjoni tal-universitajiet tal-pajjiżi terzi li magħhom ir-reġjuni ultraperiferiċi għandhom relazzjonijiet privileġġjati; jitlob ugwalment li l-programmi ERASMUS+ u "EURES" jieħdu ħsieb tal-ispejjeż addizzjonali tat-trasport marbuta mar-restrizzjoni tal-bogħod, sabiex l-istudenti mir-reġjuni ultraperiferiċi jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-programmi Ewropej ta’ skambju ta’ taħriġ u biex l-universitajiet tar-reġjuni ultraperiferiċi jippruvaw jieħdu l-aħjar vantaġġ mill-programm Erasmus Mundus bejn l-Istati Membri u l-bqija tad-dinja;
Sinerġiji man-netwerks trans-Ewropej (trasport, telekomunikazzjonijiet, enerġija)
39. Jerġa’ jirreferi għar-rapport Teixeira dwar ir-rwol tal-politika ta’ koeżjoni fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020 (2011/2195(INI)) li jistieden lill-Kummissjoni toħloq programm speċifiku fil-qasam tal-enerġija, it-trasport u t-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, abbażi tal-programmi POSEI, u b’mod partikolari qafas speċifiku għall-għajnuna għat-trasport fir-reġjuni ultraperiferiċi, partikolarment favur it-trasport pubbliku komuni, fost affarijiet oħra, u biex jiġi żviluppat it-trasport fuq il-baħar bejn il-gżejjer;
40. Jenfasizza l-bżonn li fir-reġjuni ultraperiferiċi jiġu żviluppati sinerġiji bejn in-netwerks trans-Ewropej, il-mekkaniżmu għall-interkonnessjoni fl-Ewropa, il-programmi Civitas, Orizzont 2020 u l-investimenti tal-FEŻR u tal-Fond ta’ Koeżjoni b’rabta mat-trasport, it-telekomunikazzjonijiet u l-enerġija;
41. Ifakkar li l-aċċessibilità għandha rwol ċentrali fil-kuntest tal-iżvilupp tar-reġjuni ultraperiferiċi u spiss timponilhom li jkun hemm netwerk intern u estern kumpless ta’ servizzi tat-trasport fuq il-baħar u bl-ajru, u b’hekk jinħolqu kundizzjonijiet ta’ mobilità u aċċessibilità diffiċli fir-reġjuni ultraperiferiċi, liema reġjuni m’għandhomx alternattiva oħra għat-trasport bl-ajru jew dak fuq il-baħar u barra minn hekk ikollhom jaffrontaw iż-żieda fil-prezzijiet tat-trasport, ħaġa li ġġib magħha riperkussjonijiet negattivi fil-qasam ekonomiku u soċjali;
42. Jilqa’ r-rieda tal-Kummissjoni li tintegra lir-reġjuni ultraperiferiċi fin-netwerks trans-Ewropej, iżda jiddeplora l-esklużjoni tal-parti l-kbira minn dawn ir-reġjuni mill-kurituri prijoritarji u b'hekk mill-finanzjament tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi din l-esklużjoni fil-qafas tal-istrateġija għar-reġjuni ultraperiferiċi u tiggarantixxi l-investimenti fit-traport fir-reġjuni ultraperiferiċi biex jiġu kkumbattuti l-iżolament u l-insularità; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi qafas settorjali speċifiku għar-reġjuni ultraperiferiċi sabiex jiġu favoriti l-aċċessibilità u l-konnessjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi mal-kontinent Ewropew;
43. Jiddeplora l-fatt li l-proġetti tal-awtostradi tal-baħar madankollu mhumiex iktar avvanzati, minħabbl l-prijorità li tingħata lill-konnessjonijiet b’distanza qasira, u b’hekk issir esklużjoni diskriminatorja tar-reġjuni ultraperiferiċi; jistieden lill-Kummissjoni biex terġa’ teżamina din l-esklużjoni fil-qafas tal-istrateġija tagħha għat-territorji ultraperiferiċi;
44. Jenfasizza l-bżonn li jerġa’ jiġi eżaminat il-qafas ta’ għajnuna mill-Istat għat-trasport marittimu sabiex ikun permess l-għoti ta’ għajnuna pubblika lill-konnessjonijiet bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-pajjiżi terzi;
45. Jinsisti fuq il-bżonn li tiġi adattata l-klassifikazzjoni tal-ajruporti reġjonali sabiex, fil-każ tar-reġjuni ultraperiferiċi, il-kwistjonijiet ta’ fluss ta’ passiġġieri u l-profitabilità ma jkunux l-uniċi kriterji kkunsidrati;
46. Iqis li, meta tiġi kkunsidrata l-importanza tal-ekonomija diġitali, il-problema tad-distakk diġitali bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-Ewropa tikkostitwixxi ostaklu għall-iżvilupp u l-kompetittività tar-reġjuni ultraperiferiċi; jinnota li d-distakk fl-użu u l-modernizzazzjoni tat-teknoloġija tal-informazzjoni fir-reġjuni ultraperiferiċi jkompli jitfa lura lil dawn ir-reġjuni l-iżvilupp diġitali flimkien mal-iżolament ġeografiku; jissuġġerixxi li jiġi intensifikat l-iżvilupp tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni bl-estensjoni u l-modernizzazzjoni tan-netwerks, bl-użu ta' sinerġiji mal-FEŻR u b’aċċess iffaċilitat ta’ dawn il-proġetti għall-finanzjamenti tal-BEI, u, barra minn hekk, jinsisti fuq il-ħtieġa li dawn ir-reġjuni jingħataw aċċess prijoritarju għall-programmi ta’ Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà u GALILEO;
Sinerġiji mal-politika marittima tal-Unjoni (PKS, FEMS)
47. Ifakkar li r-reġjuni ultraperiferiċi jikkontribwixxu lill-Unjoni Ewropea status ta' setgħa marittima dinjija;
48. Jistieden lill-Kummissjoni tkun iktar konxja mid-dimensjoni marittima dinjija, mill-importanza tal-baħar, l-oċeani u t-tkabbir "blu" għall-Unjoni kollha, mill-pożizzjoni strateġika tar-reġjuni ultraperiferiċi, mir-rwol li dawn jista’ jkollhom fl-isfruttament sostenibbli tal-ibħra, l-oċeani u ż-żoni kostali, fil-governanza marittima dinjija u fl-iżvilupp ta’ ekonomija tal-għarfien ibbażata fuq il-baħar;
49. Jikkonstata n-nuqqas ta' sinerġiji bejn il-politika ta' koeżjoni u PKS li għadha mhix qed tqis biżżejjed ir-realtajiet ta' dawn ir-reġjuni; jinsisti fuq l-importanza li jinżamm programm POSEI għas-sajd filwaqt li jipproponi li r-riċerka u l-innovazzjoni jiġu żviluppati fl-ekonomija marittima bħala fatturi potenzjali għat-tkabbir;
50. Jenfasizza l-fatt li r-reġjuni ultraperiferiċi jiddependu mir-riżorsi tal-baħar taż-Żoni Ekonomiċi Esklużivi tagħhom, u dan joħloq fraġilità kbira fuq livell bijoloġiku u ekoloġiku, u li għalhekk huwa rilevanti li ż-żoni tagħhom li huma fraġli mil-lat bijoġeografiku jiġu protetti b’mod xieraq u effikaċi, b’mod partikolari billi jingħataw aċċess esklużiv għall-flotot lokali li joperaw b’irkapti tas-sajd li jirrispettaw l-ambjent; jenfasizza li jeħtieġ li jiġi garantit sfruttament ekwilibrat u sostenibbli tar-riżorsi filwaqt li tinżamm l-attività tas-sajd; jitlob biex il-ftehimiet dwar is-sajd tal-Unjoni fil-ġejjieni jkunu nnegozjati bl-inklużjoni tal-atturi tar-reġjuni ultraperiferiċi u maħsuba fl-interess tal-popolazzjonijiet lokali fuq żmien twil, u sabiex kapitlu dwar ir-reġjuni ultraperiferiċi jiġi integrat sistematikament fl-analiżi tal-impatt;
51. Jiddeplora l-fatt li l-programm POSEI-Sajd, li jwaqqaf reġim ta’ kumpens għall-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw minn ċerti prodotti tas-sajd fir-reġjuni ultraperiferiċi ikkawżati mis-sitwazzjoni ta' dawn ir-reġjuni, ġie integrat reċentement fil-Fond Ewropej għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) u li għalhekk m’għadux regolament awtonomu maħsub speċifikament u esklussivament għal dawn ir-reġjuni, u b’hekk inaqqas l-importanza tad-diskriminazzjoni pożittiva li hija rikonoxxuta bħala dritt tar-reġjuni ultraperiferiċi skont l-Artikolu 349 tat-TFUE;
52. Jiddispjaċih li fil-PKS il-ġdida l-għajnuna għat-tiġdid tal-flotot ma ġewx awtorizzati f’ċerti reġjuni ultraperiferiċi minħabba s-sitwazzjoni tagħhom;
Sinerġiji mal-politika agrikola komuni
53. Jinnota li l-agrikoltura hija settur dinamiku, li jipprovdi impjiegi u jipparteċipa fl-iżvilupp ta’ attivitajiet b’valur miżjud għoli; ifakkar madankollu fl-ispeċifiċitajiet tal-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi li jaffettwaw b’mod qawwi din l-attività, partikolarment id-daqs żgħir tal-isfruttament jew il-limiti tas-suq; ifakkar li t-tielet objettiv tal-politika l-ġdida ta’ koeżjoni huwa t-tisħiħ tal-SMEs fis-settur agrikolu;
54. Jinnota li l-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi qed tiffaċċja kwistjonijiet ta’ diversifikazzjoni u ta’ kompetittività, kif ukoll sfidi ġodda partikolarment marbuta mal-globalizzazzjoni, mal-liberalizzazzjoni tas-swieq, mas-sikurezza alimentari u l-iżvilupp sostenibbli;
55. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi ppreservat il-POSEI, programm li diġà ta prova ta' validità u li huwa adattat għar-realtajiet tar-reġjuni ultraperiferiċi, iżda li jbati min-nuqqas ta' finanzjament kroniku li għandu jiġi solvut b'urġenza; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-bżonn li l-POSEI jingħata l-mezzi meħtieġa biex jgħin lill-produtturi tar-reġjuni ultraperiferiċi jissuperaw l-effetti tal-liberalizzazzjoni, previsti f'diversi setturi, marbuta mal-politiki Ewropej, u l-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali, fost l-oħrajn, fis-setturi tal-ħalib, taz-zokkor, tar-rum, tal-laħam u tal-banana; jissottolinja wkoll l-importanza ekonomika, soċjali u ambjentali tal-produzzjonijiet agrikoli kollha tar-reġjuni ultraperiferiċi; jiddefendi ż-żamma tar-reġim POSEI fil-qafas proprju u awtonomu;
56. Iħeġġeġ il-ħolqien ta’ sinerġiji bejn il-politika ta’ koeżjoni u l-FAEŻR biex tiġi garantita ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi fl-ilma permezz tal-modernizzazzjoni, l-estensjoni tan-netwerks ta’ irrigazzjoni, il-ġestjoni tat-territorju, it-taħriġ, il-valutazzjoni turistika tal-agrikoltura sostenibbli u l-komunitajiet rurali;
57. Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel il-produzzjoni agrikola endoġena aktar dinamika u l-kummerċjalizzazzjoni f'ċirkuwitu qasir, jiġifieri produzzjoni lokali ta' kwalità li tissostitwixxi l-importazzjonijiet;
58. Jappoġġa l-ħolqien ta’ DPO, AOC u ta’ tikketti lokali fir-reġjuni ultraperiferiċi u jappella għal politika ta’ promozzjoni li tissodisfa l-bżonnijiet tar-reġjuni ultraperiferiċi u li tiddefendi l-indikazzjonijiet ġeografiċi;
Sinerġiji mal-politika esterna tal-Unjoni
59. Jiddeplora l-persistenza tan-nuqqas ta’ korrelazzjoni bejn il-fondi Ewropej, il-FEŻ, il-FEŻR u l-ETC, b’mod partikolari fil-proġetti ta’ kooperazzjoni transkonfinali, minkejja li din hija essenzjali biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dawn il-fondi; ifakkar, f’dan ir-rigward, fil-bżonn li jiġi żgurat li l-modalitajiet tal-programmazzjoni bejn il-FEŻ u l-FEŻR ikunu kompatibbli;
60. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti bidu għal diskussjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni, ir-reġjuni ultraperiferiċi, il-pajjiżi u territorji extra-Ewropej u l-pajjiżi tal-AKP għat-tisħiħ tad-djalogu u biex tiġi ffavorita l-integrazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi fil-baċiri ġeografiċi tagħhom; jissottlinja, għal dan l-għan, ir-rwol importanti ikbar li għandu jkollhom id-delegazzjonijiet tal-Unjoni sabiex jiġi faċilitat id-djalogu bejn l-atturi differenti tal-programmazzjoni fir-reġjuni ultraperiferiċi, il-pajjiżi u territorji extra-Ewropej, u l-pajjiżi tal-AKP;
61. Jistieden lill-Kummissjoni ssir iktar konxja mill-pożizzjoni ġeostrateġika tar-reġjuni ultraperiferiċi minħabba l-viċinanza tagħhom ma' għadd ta’ kontinenti;
62. Jistieden lill-Kummissjoni tiffinalizza l-pjan ta' azzjoni għall-viċinat, li ilu taħdem fuqu mill-1999, u biex tidentifika l-ostakli u s-soluzzjonijiet li jiffaċilitaw l-integrazzjoni reġjonali tar-reġjuni ultraperiferiċi fil-baċini ġeografiċi rispettivi; ifakkar, f’dan il-kuntest, fir-relazzjonijiet storiċi u kulturali privileġġjati ta' kull reġjun ulraperiferiku ma’ ċerti pajjiżi terzi, kif ukoll l-iżvilupp potenzjali ta’ relazzjonijiet ekonomiċi, kummerċjali u ta’ kooperazzjoni ma’ diversi reġjuni fid-dinja;
63. Jitlob lill-Kummissjoni tqis iktar l-impatt tal-ftehimiet konklużi mal-pajjiżi terzi fuq l-ekonomiji tar-reġjuni ultraperiferiċi, billi tirrikjedi t-twettiq sistematiku ta’ studju tal-impatt minn qabel dwar il-protezzjoni ta’ prodotti msejħa sensittivi, meta jkun il-każ, u dwar il-kumpens ġust għal ħsarat ikkawżati lil setturi speċifiċi; jitlob ukwalment għall-ħolqien ta’ mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni mal-awtoritajiet reġjonali ta’ dawn ir-reġjuni; jirrakkomanda lill-Kummissjoni li tipprevedi, għall-ftehimiet intrenazzjonali li qed jiġu applikati, studji perjodiċi li jippermettu l-valutazzjoni u l-kunsiderazzjoni tal-vulnerabilità tas-swieq fir-reġjuni ultraperiferiċi;
64. Jiddispjaċih li l-ftehimiet tal-passat mal-pajjiżi tal-Amerka t'Isfel u l-pajjiżi tal-AKP ma kinux iqisu l-interessi tar-reġjuni ultraperiferiċi, u li ma sar l-ebda studju tal-impatt qabel ma ġew innegozjati dawn il-ftehimiet;
65. Jistieden lill-Kummissjoni tinnegozja b’mod sistematiku, fil-ftehimiet kummerċjali passati mal-pajjiżi tal-AKP ġirien tar-reġjuni ultraperiferiċi, parti speċifika favur il-ħolqien ta’ suq bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-AKP bl-għan li r-reġjuni ultraperiferiċi jiġu integrati aħjar fl-ambjent ġeografiku tagħhom;
66. Ifakkar fl-importanza tar-reġjuni ultraperiferiċi biex l-Unjoni tiżviluppa u tagħmel użu mill-kapaċitajiet tagħha ta’ intervent umanitarju meta jseħħu diżastri naturali; jirrakkomanda għalhekk li tinħoloq forza Ewropea ta’ sigurtà ċivili;
Sinerġiji mal-programmi ta' ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali
67. Jinnota l-problemi fundamentali, partikolarment ta’ esklużjoni soċjali, li jiffaċċjaw ir-reġjuni ultraperiferiċi; ifakkar li l-objettiv 9 tal-politika l-ġdida ta’ koeżjoni jikkonċerna l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, il-ġlieda kontra l-faqar u kull forma ta’ diskriminazzjoni, u li l-FEŻR jipprevedi l-appoġġ tal-iktar popolazzjonijiet fil-bżonn bħala prijorità ta’ investiment;
68. Jilqa' l-adozzjoni tal-FEAD u jitlob li l-implimentazzjoni tiegħu tkun partikolarment effettiva fir-reġjuni ultraperiferiċi;
69. Jinnota li ċerti reġjuni ultraperiferiċi jiffaċċjaw bżonn kbir ta’ djar patikolarment minħabba ż-żieda demografika qawwija f’uħud minn dawn it-territorji; iħeġġeġ it-twaqqif ta’ qafas ta’ investiment fid-djar soċjali u l-ħolqien ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi sabiex l-għajnuniet li jappoġġaw l-investimenti fid-djar soċjali ma jiġux meqjusa bħala għajnuniet tal-Istat; josserva li ċerti reġjuni ultraperiferiċi qed jiffaċċjaw proċess ta’ deżertifikazzjoni li qed jikber, li jinvolvi d-degradazzjoni tal-ħabitat karatteristiku ta’ dawn il-postijiet, fenomenu li jeħtieġ li jiġi miġġieled permezz ta’ għajnuna għar-riabilitazzjoni tal-ibliet u għall-promozzjoni ta’ attivitajiet ekonomiċi adattati għall-postijiet differenti bl-iskop li jikkontribwixxu għall-istabbilizzazzjoni tal-popolazzjoni;
Sinerġiji mal-programmi COSME u l-istrument ta' mikrofinanzjament Progress
70. Jinnota li ċerti reġjuni ultraperiferiċi jinsabu f’ambjent fejn il-kompetizzjoni industrijali hija qawwija, partikolarment minħabba l-ispejjeż baxxi li jirrappreżentaw il-ħaddiema u l-abbondanza ta’ materja prima fil-pajjiżi ġirien; ifakkar li l-objettivi 3 u 8 tal-politika ġdida ta’ koeżjoni 2014-2020 jikkonċernaw it-tisħiħ tal-kompetittività tal-SMEs u l-promozzjoni ta’ impjiegi sostenibbli ta’ kwalità għolja;
71. Jinnota li l-mikrointrapriżi u l-SMEs tar-reġjuni ultraperiferiċi, li r-ritmu ta’ produzzjoni tagħhom għadu għoli minkejja l-kriżi, ikollhom jiffaċċjaw diffikultajiet ikbar fl-aċċess għall-finanzjament, li jipperikola l-iżvilupp tagħhom u t-tul ta’ ħajja tagħhom;
72. Jilqa’, f’dan ir-rigward, l-objettivi tal-programm COSME futur maħsub biex jappoġġa l-SMEs Ewropej, partikolarment fi kwistjonijiet b’rabta mal-finanzjament u l-konkwista ta’ swieq ġodda; jilqa’ l-iżvilupp tal-istrument ta’ mikrofinanzjament Progress; jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi l-implimentazzjoni effikaċi ta’ dawn il-programmi fir-reġjuni ultraperiferiċi u jilqa’ l-possibbiltà ta’ djalogu mal-BEI u l-Fond Ewropew tal-Investiment dwar il-possibilità ta' kontribuzzjoni għat-titjib tal-aċċess għall-finanzjament tal-SMEs tar-reġjuni ultraperiferiċi, bl-għan li jinħolqu fondi ta’ investiment lokali f’kull reġjun ultraperiferiku u li jiġu żviluppati s-swieq reġjonali tal-kapital tar-riskju;
73. Jenfasizza l-bżonn ta’ adattament tal-iżvilupp ekonomiku ta’ kull reġjun ultraperiferiku skont il-potenzjal tiegħu; josserva, pereżempju, li l-insuffiċjenza ta' kapaċitajiet ta' pproċessar tal-iskart toffri marġni ta' progress kemm fil-qasam tal-impjiegi kif ukoll f'dak ambjentali;
74. Jilqa' l-ftuħ reċenti tal-konsultazzjoni pubblika bl-isem "Pjan ta' azzjoni aħdar għall-SME"; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tintegra l-problematiċi u l-kompetenzi tal-SMEs tar-reġjuni ultraperiferiċi f'dan il-qasam fil-konklużjonijiet futuri tagħha;
75. Jenfasizza li t-turiżmu huwa wieħed mill-muturi ewlenin tal-ekonomija tar-reġjuni ultraperiferiċi; iqis, f’dan ir-rigward, li l-iżvilupp u l-immodernizzar tal-lukandi tar-reġjuni ultraperiferiċi permezz ta’ appoġġ konġunt mill-FEŻR u mill-programm COSME huma indispensabbli biex jiġu favoriti d-diversifikazzjoni u l-iżvilupp tal-possibilitajiet ta’ turiżmu sostenibbli tar-reġjuni ultraperiferiċi;
76. Jissuġġerixxi s-semplifikazzjoni tal-politiki fil-qasam tal-viżi mhux biss għall-Istati Membri tal-Unjoni, iżda wkoll għal ċerti pajjiżi terzi, biex jiġi ffaċilitat it-turiżmu u favorit it-l-iżvilupp ta' turiżmu multidestinatarju bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-pajjiżi ġirien;
Sinerġiji mal-programm Ewropa Kreattiva
77. Jinnota li ċerti reġjuni ultraperiferiċi huma karatterizzati minn multikulturaliżmu qawwi u li l-kultura tar-reġjuni ultraperiferiċi għandha tibbenefika u tieħu benefiċċju wkoll mill-kultura Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni tiftaħ l-aċċess għall-proġetti ħerġin mir-reġjuni ultraperiferiċi għall-programm Ewropa kreattiva;
78. Jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi strateġija għall-iżvilupp u l-importanza tal-wirt kulturali tar-reġjuni ultraperiferiċi fuq il-mudell tal-programm Euromed Heritage IV;
79. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI
L-istorja tal-politiki li jgħaqqdu lill-Unjoni Ewropea u r-reġjuni ultraperiferiċi s'issa dejjem saret permezz tal-implimentazzjoni ta' politika ċentrali u essenzjali ta' soldarjetà, permezz tal-istrumenti tal-politika ta' koeżjoni u l-appoġġ lis-setturi agrikoli u tas-sajd.
Dan ir-rapport jittratta proposta, billi jiqtiegħdu f'ġenb il-viżjonijiet attwali li kultant ikunu antiki wisq, għal bidla fl-approċċ sabiex il-politiki ta' investiment fir-reġjuni ultraperiferiċi jinfetħu għal oqsma ġodda u jippermettu żvilupp sostenibbli. Dan għandu jobbligana ma nibqgħux nagħlqu lir-reġjuni ultraperiferiċi unikament fil-politiki reġjonali u agrikoli, u ndaħħluhom fil-politiki Ewropej kollha sabiex nibbenefikaw minnhom bl-aħjar mod possibbli.
L-appoġġ tal-Unjoni Ewropea lir-reġjuni ultraperiferiċi tagħha mhuwiex biss l-espressjoni tal-implimentazzjoni ta' solidarjetà Ewropea, iżda jikkostitwixxi appoġġ għall-benefiċċju tal-Unjoni kollha kemm hi fit-twettiq tal-objettivi tagħha stess f'termini ta' tkabbir, wiri fix-xena dinjija u parteċipazzjoni fit-tegħlib tal-isfidi l-kbar tad-dinja. Fl-oqsma tad-djalogu mal-pajjiżi tal-AKP, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, is-salvagwardja tal-bijodiversità, il-protezzjoni tal-qroll, is-saħħa, il-protezzjoni tal-lingwi reġjonali u d-diversità kulturali, l-Unjoni Ewropea, flimkien mar-reġjuni ultraperiferiċi tagħha, hija dejjem iktar b'saħħitha fl-ilħiq tal-objettivi f'dawn is-setturi. U r-reġjuni extra-Ewropej Spanjoli, Portugiżi u Franċiżi jiġbru fihom innifishom l-isfidi u l-ambizzjonijiet ta' Unjoni miftuħa fuq id-dinja, l-oċeani, ir-riċerka, l-ambjent, l-eċċellenza.
L-investiment fir-reġjuni ultraperiferiċi u s-sensibilizzazzjoni kemm dwar il-benefiċċji li joffru kif ukoll ta' iżolament tagħhom jikkostitwixxu investiment fil-ġejjieni tal-Unjoni Ewropea li tinsab fuq quddiem nett fl-isfidi dinjija. Fil-mument fejn l-Unjoni Ewropea għaddejja minn kriżi li tista' twassal għal għeluq għall-bqija tad-dinja, huwa fundamentali li wieħed jieqaf jaħseb "dan kemm jiswa?" biex tingħata importanza lill-kontribut essenzjali li r-reġjuni ultraperiferiċi joffru lill-ambizzjoni dinjija tal-kontinent Ewropew. Hija din it-triq, imnaddfa minn kull kunċett ta' tfaddil żejjed, li għandhom jieħdu l-Kummissjoni u l-Unjoni Ewropea llum il-ġurnata.
Madankollu, wieħed jinnota li ta' spiss wisq, ir-reġjuni ultraperiferiċi jintesew minn min jaħdem għall-Unjoni Ewropea, u min huwa inkarigat milli jirrappreżentaha fit-totalità tagħha. Spiss, fil-websajt tal-Kummissjoni Ewropea u tal-aġenziji marbuta magħha, jidhru mapep li lanqas biss juru r-reġjuni ultraperiferiċi, dokumenti tekniċi dwar reġjuni magħmula minn pajjiżi terzi mill-Karajbi, l-Amerka t'Isfel, l-Oċean Indjan, il-Majjistral tal-Afrika, li fihom lanqas biss jissemma l-fatt li l-Unjoni tinsab preżenti f'dawn ir-reġjuni permezz tar-reġjuni ultraperiferiċi tagħha. Spiss ukoll, ir-reġjuni ultraperiferiċi jiġu esklużi kważi volontarjament mill-proġetti l-kbar li għandhom iwasslu lill-Unjoni biex tkun strutturalment u materjalment marbuta f'ħaġa waħda. Spiss wisq, mal-iżolament ġeografiku, jiżdied l-iżolament tan-nuqqas ta' kunsiderazzjoni mogħtija mill-Unjoni Ewropea lir-reġjuni ultraperiferiċi.
Jekk l-Unjoni Ewropea hija proġett ta' integrazzjoni, ir-reġjuni ultraperiferiċi ma jistgħux jibqgħu jitqiegħdu f'ġenb u jitqiesu bħala żvantaġġ mill-persuni li qed joħolqu l-Unjoni Ewropea tal-ġejjieni.
Jekk l-iżolament huwa żvantaġġ għar-reġjuni ultraperiferiċi, dan huwa l-kuntrarju għall-Unjoni nnifisha: jikkostitwixxi benefiċċju.
L-Artikolu 349 TFUE jirrikonoxxi lir-reġjuni ultraperiferiċi d-diffikultajiet u l-karatteristiċi speċifiċi tagħhom, għaliex dawn id-diffikultajiet u karatteristiċi huma reali, preżenti u konkreti. Trattament speċifiku u adattat, meta jingħata lir-reġjuni ultraperiferiċi, ma jfissirx trattament preferenzjali, għaliex huwa trattament ta' integrazzjoni, li permezz tiegħu biss tista' sseħħ integrazzjoni ekwilibrata u sħiħa tar-jikkostitwixxi benefiċċju fl-Unjoni. Ix-xewqa ta' integrazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi mingħajr ma jitqies x'għandu jiġi adattat għalihom, fuq żmien twil se jwassal għat-tisħiħ fit-tul tal-iżvantaġġi tagħhom dovuti għas-sitwazzjoni ġeografika mbiegħda tagħhom. Dan ifisser li huma jiġu esklużi fit-tul mill-Unjoni Ewropea. Jekk ir-reġjuni extra-Ewropej jinsabu iżolati mill-kontinent, il-kontinent Ewropew ukoll jinsab iżolat mir-reġjuni extra-Ewropej.
Din hija bidla kbira, li għandha sseħħ mill-2014. Dan sabiex mhux biss jiġu rikonoxxuti l-vantaġġi u l-opportunitajiet li jirrappreżentaw ir-reġjuni ultraperiferiċi għall-Unjoni, iżda wkoll biex tingħata ħajja b'mod konkret lil dawn il-vantaġġi u opportunitajiet li jikkostitwixxu l-ġejjieni komuni ta' Unjoni li tintegra fil-viżjonijiet u l-perspettivi intrinsiċi tagħha l-iżvilupp tar-reġjuni ultraperiferiċi tagħha. Minn hemm, imbagħad, għandu joħroġ il-kunċett ta' reġjuni extra-Ewropej li jqis lir-reġjuni ultraperiferiċi u lill-pajjiżi u territorji extra-Ewropej bħala parteċipanti fl-istess realtà.
Orizzont 2020, Enerġija 2020, Life+, Erasmus, in-netwerks trans-Ewropej tal-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjonijiet, ma jistgħux jibqgħu jpoġġu r-reġjuni ultraperiferiċi fuq wara nett tal-prijoritajiet u l-objettivi tagħhom. It-totalità ta' dawn l-istrateġiji u strumenti għandha tgħin biex jimtela n-nuqqas ta' integrazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi fl-ispazju Ewropew, hekk kif għandhom iqisu li l-potenzjalitajiet tar-reġjuni ultraperiferiċi jistgħu jgħinu b'mod sinifikanti lill-Unjoni Ewropea tilħaq l-objettivi li ffissat hija stess. Dan la ma seħħ mill-Kummissjoni Ewropea u lanqas mill-Unjoni Ewropea f'dawn l-aħħar snin, u għalhekk hemm diverġenzi kbar x'jinqerdu u immaġinazzjoni li għandha tinbet sabiex tinbidel din is-sitwazzjoni.
Il-Politika Agrikola Komuni, il-Politika Komuni dwar is-Sajd, is-suq intern u r-regoli li jiddefinixxuh fil-ġejjieni għandhom jibdew f'ċerti aspetti, u jkomplu f'oħrajn, iqisu l-karatteristiċi ġeografiċi, ġeoekonomiċi u klimatiċi speċifiċi tar-reġjuni ultraperiferiċi. Mingħajr dan, la l-PAK, la l-PKS u lanqas is-suq intern mhu se jippermettu lir-reġjuni ultraperiferiċi integrazzjoni sostenibbli u armonjuża mal-bqija tal-Ewropa.
Il-politika kummerċjali, il-politika esterna u l-politika għall-iżvilupp tal-Unjoni lanqas ma jistgħu iqisu r-reġjuni extra-Ewropej bħala reġjuni ta' importanza żgħira għall-Unjoni. Dawn huma tkomplija tal-Unjoni fid-dinja, u ma jistax ikun li l-interessi ekonomiċi tagħhom dejjem jiġu sakrifikati għall-benefiċċju ta' kunsiderazzjonijiet kontinentali mhux biss egoisti iżda traġikament nieqsa minn kull viżjoni ġeostrateġika u ġeoekonomika, u li fihom ma hemm l-ebda kunsiderazzjoni għall-interessi tar-reġjuni ultraperiferiċi u lanqas ma hemm integrazzjoni. Madankollu, hemm rabta profonda bejn is-sensibilizzazzjoni dwar id-dimensjoni dinjija li jista' jkollha l-Unjoni u l-attenzjoni mogħtija mill-Unjoni lir-reġjuni ultraperiferiċi u lill-pajjiżi u territorji extra-Ewropej; Il-fatt ovvju li l-Unjoni tinsa lir-reġjuni ultraperiferiċi u lill-pajjiżi u territorji extra-Ewropej fil-parti l-kbira tal-politiki esterni tagħha (kummerċjali, marittimi, diplomatiċi u ta' żvilupp) huwa indikatur qawwi tan-nuqqas ta' investiment li l-Unjoni tagħmel fid-dimensjoni dinjija u internazzjonali tagħha stess.
Huwa għalhekk bil-ħolqien u l-faċilitazzjoni ta' sinerġiji bejn il-fondi strutturali għar-reġjuni ultraperiferiċi u l-fondi, strateġiji u politiki l-oħra kollha tal-Unjoni li l-perspettivi għall-Unjoni u għar-reġjuni ultraperiferiċi se jkunu jistgħu jitwettqu. Huwa wkoll permezz tal-ħolqien ta' programmi u ta' strumenti ad hoc li jippermettu lir-reġjuni ultraperiferiċi jieħdu posthom u jilħqu d-dimensjoni li ħaqqhom f'Unjoni Ewropea deċiżament miftuħa lejn id-dinja u konxja mill-ġeografija, l-istorja, il-vetturi ta' tkabbir u ta' influwenza tagħha li se jkunu jistgħu jingħelbu sfidi ġodda komuni.
Għalkemm kulħadd jista' jaqbel dwar il-viżjoni strateġika li tista' tingħata lir-reġjuni ultraperiferiċi, issa huwa importanti li jittieħed approċċ pragmatiku sabiex fil-politiki kollha tal-Unjoni, ir-restrizzjonijiet, l-ostakli u l-barrieri jitneħħew biex tiġi permessa parteċipazzjoni sħiħa tar-reġjuni ultraperiferiċi.
Ma nistgħux nibqgħu biss niddefendu lir-reġjuni ultraperiferiċi fl-Ewropa, iżda fuq kollox għandna nippromwovuhom u nħalluhom jibbenefikaw mill-possibilitajiet kollha ta' żvilupp.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
11.2.2014 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
31 2 4 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
François Alfonsi, Luís Paulo Alves, Francesca Barracciu, Catherine Bearder, Victor Boştinaru, Nikos Chrysogelos, Ryszard Czarnecki, Francesco De Angelis, Tamás Deutsch, Rosa Estaràs Ferragut, Danuta Maria Hübner, Iñaki Irazabalbeitia Fernández, Seán Kelly, Constanze Angela Krehl, Jacek Olgierd Kurski, Petru Constantin Luhan, Iosif Matula, Erminia Mazzoni, Miroslav Mikolášik, Jens Nilsson, Jan Olbrycht, Younous Omarjee, Markus Pieper, Ovidiu Ioan Silaghi, Monika Smolková, Georgios Stavrakakis, Nuno Teixeira, Lambert van Nistelrooij, Justina Vitkauskaite Bernard, Kerstin Westphal, Joachim Zeller, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Martina Anderson, Karin Kadenbach, Evgeni Kirilov, Marie-Thérèse Sanchez-Schmid |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Ivana Maletić |
||||