Proċedura : 2013/2277(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0149/2014

Testi mressqa :

A7-0149/2014

Dibattiti :

PV 12/03/2014 - 12
CRE 12/03/2014 - 12

Votazzjonijiet :

PV 13/03/2014 - 14.3

Testi adottati :

P7_TA(2014)0239

RAPPORT     
PDF 379kWORD 285k
28 ta' Frar 2014
PE 526.111v02-00 A7-0149/2014

dwar l-inkjesta dwar ir-rwol u l-attivitajiet tat-Trojka (BĊE, Kummissjoni, FMI) fir-rigward tal-pajjiżi tal-programm taż-żona tal-euro

(2013/2277(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

Rapporteur: Othmar Karas, Liem Hoang Ngoc

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-inkjesta dwar ir-rwol u l-attivitajiet tat-Trojka (BĊE, Kummissjoni, FMI) fir-rigward tal-pajjiżi tal-programm taż-żona tal-euro

(2013/2277(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 7, l-Artikolu 136 flimkien mal-Artikolu 121, u l-Artikolu 174 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom(1),

–   wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES),

-    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Ġunju 2010 dwar l-UE 2020(2),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Ottubru 2013 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: implimentazzjoni tal-prijoritajiet tal-2013(3),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2013 dwar il-prijoritajiet tal-Parlament Ewropew għall-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2014(4),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar “Tħejjijiet għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew (27-28 ta' Ġunju 2013) - Teħid tad-deċiżjonijiet demokratiku fl-UEM futura”(5),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Novembru 2012 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar ir-rapport tal-Presidenti tal-Kunsill Ewropew, tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-Grupp tal-euro bit-titolu “Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Ġenwina”,(6)

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Lulju 2011 dwar il-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali: rakkomandazzjonijiet rigward il-miżuri u l-inizjattivi li għandhom jittieħdu(7),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar il-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali: rakkomandazzjonijiet dwar il-miżuri u l-inizjattivi li għandhom jittieħdu (rapport ta' nofs il-perjodu)(8),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġits, u l-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A7-0149/2014),

A.  billi t-Trojka, li tikkonsisti fil-Kummissjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), oriġinat bid-deċiżjoni tal-25 ta’ Marzu 2010 minn Kapijiet ta’ Stat u Gvern taż-żona tal-euro biex tistabbilixxi programm konġunt u tipprovdi self kundizzjonali bilaterali lill-Greċja, u b’hekk tibni wkoll fuq ir-rakkomandazzjonijiet mill-Kunsill Ecofin, u minn dak iż-żmien bdiet topera fil-Portugall, fl-Irlanda u f’Ċipru; billi hemm involviment sinifikanti tal-ministri tal-finanzi taż-żona tal-euro fid-deċiżjonijiet dwar id-dettalji tas-self bilaterali;

B. billi t-Trojka u r-rwol tagħha ġew definiti fir-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 u huma msemmija fit-Trattat dwar il-MES;

C. billi l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat fid-deċiżjoni tagħha dwar il-kawża Pringle v l-Irlanda (Kawża C-370/12) li l-Kummissjoni u l-BĊE jistgħu jiġu fdati bil-kompiti mogħtija lilhom fit-Trattat dwar il-MES;

D.  billi, fit-Trojka, il-Kummissjoni, li taġixxi bħala aġent tal-Grupp tal-euro, hija responsabbli biex tinnegozja l-kundizzjonijiet għall-assistenza finanzjarja għal Stati Membri taż-żona tal-euro “b’koordinazzjoni mal-BĊE” u “fejn possibbli flimkien mal-FMI” (l-assistenza finanzjarja minn hawn ’il quddiem tissejjaħ “l-assistenza tal-UE-FMI”), madankollu l-Kunsill huwa responsabbli għall-approvazzjoni tal-programm ta’ aġġustament makroekonomiku; billi kull membru tat-Trojka segwa l-proċess proċedurali tiegħu stess;

E.  billi t-Trojka s’issa kienet l-istruttura bażika għan-negozjati bejn il-mutwanti uffiċjali u l-gvernijiet tal-pajjiżi riċevituri, kif ukoll għar-reviżjoni tal-implimentazzjoni tal-programmi ta’ aġġustament ekonomiku; billi għall-aspett Ewropew, fil-każ tal-appoġġ tal-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja (EFSF) u l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES), id-deċiżjonijiet finali fir-rigward tal-assistenza finanzjarja u l-kondizzjonalità jittieħdu mill-Grupp tal-euro, li għaldaqstant jerfa' r-responsabbiltà politika għall-programmi;

F.  billi kien hemm ftehim politiku wiesa’ biex tiġi evitata l-inadempjenza mhux ikkontrollata mill-Istati Membri tal-UE, u speċjalment fiż-żona tal-euro, u sabiex jiġi evitat kaos ekonomiku u soċjali, li jagħmilha impossibbli li jitħallsu l-pensjonijiet u l-pagi tal-ħaddiema ċivili, kif ukoll joħloq effetti diżastrużi u qawwija fuq l-ekonomija, is-sistema bankarja u s-sistema tas-servizzi soċjali, flimkien mad-dejn sovran li huwa kompletament maqtugħ mis-swieq kapitali għal perjodu estiż;

G.  billi t-Trojka flimkien mal-Istat Membru kkonċernat hija responsabbli wkoll għall-preparazzjoni ta' deċiżjonijiet formali tal-Grupp tal-euro;

H.  billi bosta Stati Membri barra ż-żona tal-euro diġà rċevew jew qed jirċievu assistenza mill-UE skont l-Artikolu 143 tat-TFUE, mogħtija mill-UE flimkien mal-FMI;

I.   billi l-UE u l-Istati Membri tagħha ħolqu bosta mekkaniżmi ad hoc biex jipprovdu assistenza finanzjarja lill-pajjiżi taż-żona tal-euro, l-ewwel nett permezz ta’ self bilaterali, inkluż minn bosta pajjiżi barra ż-żona tal-euro, imbagħad permezz ta' fondi ta' emerġenza temporanji, jiġifieri tal-EFSF u tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (EFSM), maħluqa għall-Istati Membri tal-UE li jinsabu f'diffikultà, u fl-aħħar nett permezz tal-MES, li kellu jieħu post il-mekkaniżmi l-oħra kollha;

J.   billi l-Qorti tal-Ġustizzja, b'referenza għall-Artikolu 13(3) tat-Trattat dwar il-MES, dan l-aħħar ikkonfermat (fil-kawża Pringle) li huwa d-dmir tal-Kummissjoni, bl-involviment tagħha fit-Trattat dwar il-MES li “tippromwovi l-interess ġenerali tal-Unjoni” u “tiżgura li l-memoranda ta' qbil konklużi mill-MES ikunu konsistenti mad-dritt tal-Unjoni Ewropea”;

K.  billi l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kawża Pringle, iddeċidiet ukoll li l-MES huwa konsistenti mat-TFUE u ppreżentat l-opportunità għall-integrazzjoni possibbli ta' dak il-mekkaniżmu fl-acquis communautaire fi ħdan il-limiti attwali tat-Trattati;

L.  billi l-Memorandum ta’ Qbil (MtQ) huwa definitbħala ftehim bejn l-Istat Membru kkonċernat u t-Trojka, bħala riżultat ta' negozjati u li permezz tiegħu Stat Membru jikkommetti ruħu li jwettaq għadd ta’ azzjonijiet preċiżi bi skambju ma’ assistenza finanzjarja; billi l-Kummissjoni tiffirma l-MtQ f’isem il-ministri tal-finanzi taż-żona tal-euro; billi madankollu, fost il-pubbliku mhuwiex magħruf kif fil-prattika tmexxew in-negozjati bejn it-Trojka u l-Istat Membru rilevanti u li barra minn hekk, hemm nuqqas ta' trasparenza dwar kemm l-Istat Membru li qed ifittex l-għajnuna seta’ jkollu influwenza fuq ir-riżultat tan-negozjati; billi fit-Trattat dwar il-MES huwa stipulat li Stat Membru li jitlob għal assistenza mill-MES huwa mistenni li jindirizza wkoll, kull meta possibbli, talba għal assistenza lill-FMI;

M.  billi l-ammont totali ta’ pakketti ta’ assistenza finanzjarja fl-erba’ programmi qatt ma kien hemm bħalu qabel, kif ukoll it-tul taż-żmien, il-forma u l-kontenut tal-programmi, u dan wassal għal sitwazzjoni mhux mixtieqa fejn l-assistenza kważi ħadet post b’mod esklussiv il-finanzjament tas-soltu provdut mis-swieq; b’hekk is-settur bankarju kien protett minn telf permezz tat-trasferiment ta’ ammonti kbar tad-dejn sovran tal-pajjiż tal-programm mill-karta tal-bilanċ tas-settur privat għal dik tas-settur pubbliku;

N. billi l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat fid-deċiżjoni tagħha dwar il-kawża Pringle li l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 125 tat-TFUE tiżgura li l-Istati Membri jibqgħu soġġetti għal-loġika tas-suq meta jidħlu fid-dejn, peress li din għandha ġġiegħlhom iżommu dixxiplina baġitarja u li l-konformità ma’ din id-dixxiplina tikkontribwixxi biex jintlaħaq objettiv ogħla fil-livell tal-Unjoni, jiġifieri ż-żamma tal-istabbiltà finanzjarja tal-unjoni monetarja;

billi madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li l-Artikolu 125 tat-TFUE ma jipprojbixxix l-għoti ta’ assistenza finanzjarja minn Stat Membru wieħed jew aktar lil Stat Membru li jibqa’ responsabbli għall-impenji tiegħu lejn il-kredituri tiegħu sakemm il-kundizzjonijiet marbuta ma’ din l-assistenza jkunu jwasslu lil dak l-Istat Membru jimplimenta politika baġitarja soda;

O.  billi l-kriżi finanzjarja wasslet għal kriżi ekonomika u soċjali; billi din is-sitwazzjoni ekonomika u l-iżviluppi riċenti kellhom impatti serji u negattivi li qabel ma kinux previsti fuq il-kwantità u l-kwalità tal-impjieg, l-aċċess għall-kreditu, il-livelli tad-dħul, il-protezzjoni soċjali u l-istandards tas-saħħa u s-sigurtà, bir-riżultat mingħajr dubju ta' diffikultà ekonomika u soċjali; billi dawn l-impatti negattivi setgħu jkunu konsiderevolment agħar mingħajr l-assistenza finanzjarja tal-UE-FMI u billi l-azzjoni fil-livell Ewropew għenet biex is-sitwazzjoni ma tiddeterjorax aktar;

P.  billi l-Artikolu 151 tat-TFUE jipprevedi li l-azzjoni meħuda mill-UE u mill-Istati Membri tagħha trid tkun konsistenti mad-drittijiet soċjali fundamentali stabbiliti fil-Karta Soċjali Ewropea tal-1961 u fil-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema tal-1989 sabiex jitjieb, inter alia, id-djalogu soċjali;

Q. billi l-Artikolu 152 tat-TFUE itenni li “L-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi u tippromwovi r-rwol tal-imsieħba soċjali fil-livell tagħha, filwaqt li tqis id-diversità tas-sistemi nazzjonali. Għandha tiffaċilita d-djalogu bejn is-sħab soċjali, waqt li tirrispetta l-awtonomija tagħhom”;

R.  billi l-ispejjeż tas-servizzi għall-utenti tas-servizzi qed jogħlew f’xi Stati Membri, li jfisser li ħafna persuni m’għadhomx jaffordjaw livell ta’ servizz adegwat biex jissodisfaw il-bżonnijiet bażiċi tagħhom, inkluż l-aċċess għal kura essenzjali;

S.  billi t-Task Force għall-Greċja twaqqfet biex issaħħaħ il-kapaċità tal-amministrazzjoni Griega biex tfassal, timplimenta u tinforza riformi strutturali sabiex ittejjeb il-kompetittività u l-funzjonament tal-ekonomija, tas-soċjetà u tal-amministrazzjoni u biex toħloq il-kundizzjonijiet għal irkupru sostnut u l-ħolqien tal-impjiegi, kif ukoll biex tħaffef l-assorbiment tal-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni tal-UE fil-Greċja u biex tuża riżorsi kritiċi biex tiffinanzja l-investiment;

T.  billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Novembru 2012, il-Parlament talab għal standards għolja tar-responsabbiltà demokratika fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali biex ikunu applikati għall-istituzzjonijiet tal-UE li huma membri tat-Trojka; billi tali responsabbiltà hija imperattiva fir-rigward tal-kredibbiltà tal-programmi ta' assistenza, u b'mod partikolari, teħtieġ involviment aktar mill-qrib tal-parlamenti nazzjonali, kif ukoll li l-membri tal-UE tat-Trojka jinstemgħu fil-Parlament Ewropew abbażi ta' mandat ċar qabel jibdew jaqdu dmirijiethom u jkunu soġġetti għal rappurtar regolari u skrutinju demokratiku mill-Parlament;

U.  billi l-programmi fuq żmien qasir primarjament kellhom l-għan li jevitaw l-inadempjenza mhux ikkontrollata u li jwaqqfu l-ispekulazzjoni dwar id-dejn sovran; billi l-għan fuq żmien medju kien li jiżgura li l-flejjes li kienu mislufa jkunu rimborżati, b’hekk ikun evitat telf finanzjarju kbir li jkun ta’ piż għall-kontribwenti mill-pajjiżi li qed jipprovdu assistenza u li jiggarantixxu l-fondi; billi dan jeħtieġ ukoll li l-programm iwassal għal tkabbir sostenibbli u tnaqqis ta’ dejn effettiv fuq żmien medju u twil; billi l-programmi ma kinux adattati biex jikkoreġu b'mod komprensiv l-iżbilanċi makroekonomiċi li f'ċerti każijiet akkumulaw matul deċennji ta' snin;

Is-sitwazzjoni ekonomika fil-pajjiżi tal-programm fil-bidu tal-kriżi

1.  Jikkunsidra li l-iskattaturi preċiżi għall-kriżijiet kienu differenti f'kull wieħed mill-erba’ Stati Membri għalkemm jistgħu jiġu osservati tendenzi komuni, bħaż-żieda rapida fl-influssi ta’ kapital u żieda fl-iżbilanċi makroekonomiċi fl-UE matul is-snin ta’ qabel il-kriżi; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li dejn eċċessiv privat u/jew pubbliku, li laħaq livell insostenibbli, u r-reazzjoni esaġerata minn swieq finanzjarji flimkien ma' spekulazzjoni u telf fil-kompetittività, kellhom rwol kruċjali u li l-ebda wieħed minn dawn ma seta' jiġi evitat permezz tal-qafas ta' governanza ekonomika eżistenti tal-UE; jinnota barra minn hekk li l-kriżijiet tad-dejn sovran fil-każijiet kollha kienu korrelatati b'mod qawwi mal-kriżi finanzjarja globali kkawżata minn regolamentazzjoni laxka u mġiba ħażina fl-industrija finanzjarja;

2.  Jinnota li l-finanzi pubbliċi tal-Ewropa kienu diġà f'qagħda ħażina qabel il-kriżi u li mis-sebgħinijiet ’l hawn il-livell tad-dejn pubbliku tal-Istati Membri gradwalment żdied taħt l-impatt tad-diversi episodji ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku li l-UE għaddiet minnhom; jinnota li l-ispejjeż tal-pjanijiet ta' rkupru, it-tnaqqis ta' dħul mit-taxxi u nfiq kbir fuq il-welfare kkawżaw żieda kemm fid-dejn pubbliku kif ukoll fil-proporzjon bejn id-dejn pubbliku u l-PDG fl-Istati Membri kollha, minkejja li mhux fi grad uniformi fl-Unjoni kollha;

3.  Ifakkar it-trijangolu ta' vulnerabilitajiet interkonnessi, fejn l-iżbilanċ fil-politika fiskali ta' xi Stati Membri amplifika d-defiċits pubbliċi ta' qabel il-kriżi u l-kriżi finanzjarja kkontribwiet b'mod sinifikanti biex tkompli tkabbar dawk id-defiċits, segwiti minn tensjonijiet fis-swieq tad-dejn sovran f'ċerti Stati Membri;

4.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-kriżi finanzjarja, ekonomika u bankarja riċenti hija l-aktar waħda severa mit-Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn; jirrikonoxxi li kieku ma tteħditx azzjoni fuq livell Ewropew, il-kriżi setgħet kellha konsegwenzi saħansitra aktar gravi; jinnota f’dan ir-rigward li l-President preċedenti tal-BĊE, Jean-Claude Trichet f’seduta ta’ smigħ pubbliku esprima t-tħassib tiegħu li mingħajr azzjoni rapida u qawwija, il-kriżi tad-dejn sovran setgħet wasslet għal kriżi fuq l-istess skala tad-Depressjoni l-Kbira tal-1929;

5.  Jinnota li, qabel ma beda l-programm ta’ assistenza tal-UE-FMI fir-rebbiegħa tal-2010, kien hemm biżà doppja assoċjata mal-“insolvenza” u n-“nuqqas ta’ sostenibbiltà” tal-finanzi pubbliċi tal-Greċja bħala riżultat tal-kompetittività tal-ekonomija Griega li kienet qed tonqos b'mod kostanti u ta' bilanċ fiskali li kienu ilu jiddeterjora minħabba rata effettiva baxxa ta' ġbir tat-taxxa korportattiva bid-defiċit tal-gvern jilħaq il-15.7 % tal-PDG fl-2009, żieda minn -6.5 % fl-2007, u l-proporzjon tad-dejn mal-PDG ikompli jikber, fejn fl-2003 kien ta’ 97.4 %, laħaq il-107.4 % fl-2007, il-129.7 % fl-2009 u l-156.9 % fl-2012; huwa tal-opinjoni li s-sitwazzjoni problematika tal-Greċja rriżultat ukoll minħabba l-frodi tal-istatistika fis-snin qabel ma twaqqaf il-programm; jilqa’ l-azzjoni deċiżiva min-naħa tal-gvern Grieg li jindirizza b’mod urġenti u effettiv dawn il-problemi, inkluż bit-twaqqif tal-Awtorità tal-Istatistika Ellenica indipendenti f’Marzu 2010; jinnota li l-iżvelar gradwali tal-frodi tal-istatistika fil-Greċja kellha impatt fuq il-ħtieġa li jiġu aġġustati mill-ġdid il-multiplikaturi, it-tbassir u l-miżuri proposti; ifakkar li minħabba l-insistenza tal-Parlament Ewropew, il-Eurostat (l-Uffiċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea) issa għandu s-setgħat u l-mezzi biex jipprovdi bażi soda ta’ statistika affidabbli u oġġettiva;

6.  Jinnota li l-Greċja daħlet f’riċessjoni fir-raba’ kwart tal-2008; jinnota li l-pajjiż esperjenza sitt kwarti ta' rata ta' tkabbir negattiva tal-PDG fis-sebgħa li jwasslu għall-attivazzjoni tal-programm ta' assistenza; jinnota li hemm korrelazzjoni mill-qrib bejn l-effetti tal-kriżi finanzjarja u ż-żieda fid-dejn pubbliku fuq naħa waħda kif ukoll iż-żieda fid-dejn pubbliku u t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku fuq in-naħa l-oħra, bid-dejn pubbliku jiżdied minn EUR 254.7 biljun fl-aħħar tat-tielet kwart tal-2008 għal EUR 314.1 biljun fl-aħħar tat-tieni kwart tal-2010;

7.  Jinnota li wara t-talba tal-gvern Grieg għall-assistenza finanzjarja f'April 2010, is-swieq bdew jivvalutaw mill-ġdid l-elementi fundamentali ekonomiċi u s-solvenza tal-Istati Membri l-oħra taż-żona tal-euro, u t-tensjonijiet sussegwenti fuq il-bonds sovrani Portugiżi malajr żiedu l-ispejjeż tal-finanzjament mill-ġdid tal-Portugall għal livelli insostenibbli;

8.  Jinnota li d-data ekonomika li ntużat inizjalment mill-gvern matul in-negozjati kellha tiġi riveduta;

9.  Jinnota li, qabel il-bidu tal-programm ta’ assistenza tal-UE-FMI, l-ekonomija Portugiża sofriet minn PDG u tkabbir tal-produttività baxxi għal numru ta’ snin, kif ukoll minn influssi kbar tal-kapital, u li dawn it-tendenzi, ikkombinati ma' aċċellerazzjoni tal-infiq, partikolarment l-infiq diskrezzjonarju, b'mod konsistenti f'livell akbar mit-tkabbir tal-PDG u l-impatt tal-kriżi finanzjarja globali, irriżultaw f’defiċit fiskali kbir u livelli ta’ dejn pubbliku u privat għoli flimkien mal-konsegwenzi kontaġġjużi tal-kriżi Griega, li għollew l-ispejjeż tal-finanzjament mill-ġdid tal-Portugall fis-swieq kapitali għal livelli insostenibbli u effettivament qatgħu lis-settur pubbliku mill-aċċess għal dawk is-swieq; jenfasizza li fl-2010, qabel ma ntalbet l-assistenza finanzjarja fis-7 ta’ April 2011, ir-rata ta’ tkabbir tal-Portugall naqset għal 1.9 % u d-defiċit fiskali tiegħu laħaq 9.8 % (2010), il-livell ta’ dejn 94 % (2010) u d-defiċit tal-kont kurrenti tiegħu laħaq l-10.6 % tal-PDG, bir-rata tal-qgħad tkun ta’ 12 %; jinnota f’dan il-kuntest li l-elementi fundamentali makroekonomiċi ġenerali ddeterjoraw b’mod rapidu ħafna minn livelli raġonevolment tajbin fl-2007, qabel il-kriżi meta r-rata ta’ tkabbir tal-Portugall laħqet 2.4 %, id-defiċit fiskali tiegħu laħaq 3.1 %, il-livell ta’ dejn 62.7 % u d-defiċit tal-kont kurrenti tiegħu laħaq l-10.2 % tal-PDG, bir-rata tal-qgħad tkun ta’ 8.1 % għal reċessjoni qawwija li qatt ma kien hawn bħala qabel;

10. Jinnota li, qabel il-programm ta’ assistenza tal-UE-FMI, l-ekonomija Irlandiża kienet għadha kif għaddiet minn kriżi bankarja u ekonomika ta’ dimensjonijiet li qatt ma kienet rat bħalhom qabel li prinċipalment minħabba l-fatt li s-settur finanzjarju Irlandiż kien espost għall-“kriżi tas-subprimes” tal-Istati Uniti, it-teħid ta’ riskji irresponsabbli mill-banek Irlandiżi u l-użu mifrux ta’ titoli abbażi ta’ assi, li wara l-garanzija totali u s-salvataġġ sussegwenti, kellha l-effett li taqta' s-settur pubbliku mill-aċċess għas-swieq kapitali, li waqqgħet il-PDG Irlandiż b’6.4 % fl-2009 (1.1 % fl-2010) minn livell ta’ tkabbir pożittiv ta’ 5 % tal-PDG fl-2007, żiedet il-qgħad minn 4.7 % fl-2007 għal 13.9 % fl-2010 u l-Bilanċ Fiskali tal-Gvern Ġenerali esperjenza defiċit li laħaq 30.6 % fl-2010, bħala riżultat tal-appoġġ tal-gvern Irlandiż għas-settur bankarju, waqa’ minn surplus ta' 0.2 % fl-2007; jinnota li l-kriżi bankarja parzjalment irriżultat mir-regolamentazzjoni inadegwata, rati tat-taxxa baxxi ħafna u settur bankarju kbir iżżejjed; jirrikonoxxi li t-telf privat tal-banek Irlandiżi ttieħed fil-bilanċ tad-dejn sovran Irlandiż sabiex jiġi evitat il-falliment tas-sistema bankarja Irlandiża u wkoll, biex jonqsu r-riskji li dan jinfirex fiż-żona tal-euro kollha, u li l-gvern Irlandiż aġixxa fl-interessi usa’ tal-Unjoni fir-reazzjoni tiegħu għall-kriżi bankarja; jinnota barra minn hekk li, fl-għaxar snin qabel il-programm ta' assistenza, l-ekonomija Irlandiża esperjenzat perjodu twil ta' rati ta' interess reali negattivi;

11. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li żbilanċi fiskali qabel il-kriżi fl-Irlanda ma kinux jeżistu u għal livell estremament baxx ta’ dejn pubbliku; jenfasizza wkoll il-livell estiż ta' flessibbilà tas-suq tax-xogħol qabel il-kriżi; jinnota li t-trojka fil-bidu talbet li jitnaqqsu l-pagi; jiġbed l-attenzjoni għall-mudell bankarju insostenibbli u s-sistema ta' taxxa li kienet tiddependi wisq fuq id-dħul mit-tassazzjoni ta' sitwazzjoni superfiċjali immobiljari u dik tal-prezzijiet tal-assi, li ċċaħħad lill-istat mid-dħul meta din is-sitwazzjoni ma baqgħetx sostenibbli;

12  Jinnota li madwar 40 % tal-PDG Irlandiż kien injettat fis-settur bankarju mill-kontribwent fi żmien meta rikapitalizzazzjoni interna ma kinitx disponibbli peress li dan wassal għal dibattitu konsiderevoli fi ħdan it-trojka;

13. Jitlob għall-implimentazzjoni sħiħa tal-impenn ta’ Ġunju 2012 min-naħa tal-mexxejja tal-UE biex jinkiser iċ-ċirku vizzjuż bejn il-banek u s-sovrani u biex tiġi eżaminata aktar is-sitwazzjoni tas-settur finanzjarju Irlandiż b’mod li sostanzjalment itaffi l-piż tad-dejn tal-banek tal-Irlanda;

14. Jinnota li fir-rigward tal-PSI fil-Greċja, ir-riperkussjonijiet fuq is-sistema bankarja ta' Ċipru, li diġà kienet kważi se taqa' kawża ta' mudell bankarju li kien qed ifalli, ma kinux ikkunsidrati biżżejjed u ġie ssuġġerit ukoll li l-assi relatati ma' xi Stati Membri akbar kienu qed jerġgħu jiġu protetti;

15. Jinnota li f’Mejju 2011, Ċipru tilef l-aċċess għas-swieq internazzjonali minħabba li l-finanzi pubbliċi ddeterjoraw b'mod sinifikanti filwaqt li s-settur bankarju Ċiprijott kien espost ħafna għall-ekonomija Griega u r-ristrutturar tad-dejn pubbliku fil-Greċja li wassal għal telf konsiderevoli f'Ċipru; ifakkar li fis-snin qabel il-bidu tal-programm ta’ assistenza tal-UE-FMI fl-2013, kien tqajjem tħassib serju dwar l-instabbiltà sistemika fl-ekonomija Ċiprijotta minħabba inter alia, is-settur bankarju b'wisq dejn u riskji u l-fatt li hu espost għal kumpaniji tal-proprjetà lokali b'dejn kbir, il-kriżi tad-dejn Griega, it-tnaqqis fil-grad tal-bonds tal-gvern Ċiprijott minn aġenziji ta’ klassifikazzjoni internazzjonali, l-inabbiltà tar-rifużjoni tal-infiq pubbliku mis-swieq internazzjonali, u n-nuqqas ta’ rieda tal-awtoritajiet pubbliċi Ċiprijotti biex jirristrutturaw is-settur finanzjarju, u minflok jagħżlu li jiddependu fuq injezzjoni immensa tal-kapital mir-Russja; ifakkar ukoll li s-sitwazzjoni saret aktar ikkumplikata minħabba dipendenza żejda fuq it-tfaddil ta’ ċittadini Russi u r-rikors għal self mingħand l-awtoritajiet Russi; jinnota barra minn hekk, li fl-2007, il-proporzjoni tad-dejn għall-PDG Ċiprijott kien ta' 58.8 %, li żdied għal 86.6 % fl-2012 filwaqt li fl-2007 kien hemm surplus ġenerali tal-gvern ta' 3.5 % tal-PDG li madankollu nbidel f'defiċit ta' -6.4 % sal-2012;

L-assistenza finanzjarja tal-UE-FMI, il-kontenut tal-MtQ u l-politiki implimentati

16. Jinnota li t-talba inizjali għal assistenza finanzjarja saret mill-Greċja fit-23 ta’ April 2010 u li l-qbil bejn l-awtoritajiet Griegi fuq naħa u l-UE u l-FMI fuq oħra ġie adottat fit-2 ta’ Mejju 2010 fil-MtQ rilevanti li jinkludu l-kondizzjonalità tal-politika għall-assistenza finanzjarja tal-UE-FMI; jinnota barra minn hekk li, wara ħames reviżjonijiet u s-suċċess insuffiċjenti tal-ewwel programm, kellu jiġi adottat it-tieni programm f’Marzu 2012, li ġie rivedut tliet darbiet minn dak iż-żmien; jinnota li l-FMI ma kkunsidrax b’mod effettiv l-oġġezzjonijiet ta’ terz mill-membri tal-bord tiegħu fir-rigward tad-distribuzzjoni tal-benefiċċji u l-piż li jirriżultaw mill-ewwel programm Grieg;

17. Jinnota li l-ewwel qbil ta' Mejju 2010 ma setax jinkludi dispożizzjonijiet għal ristrutturar ta' dejn Grieg, minkejja li dan ġie l-ewwel propost mill-FMI, li skont il-prattika tas-soltu tiegħu, kien jippreferi ristrutturar bikri tad-dejn; ifakkar in-nuqqas ta' rieda tal-BĊE li jikkunsidra kwalunkwe forma ta' ristrutturar tad-dejn fl-2010 u l-2011 fuq il-bażi li dan kien iwassal għall-fatt li l-kriżi tinfirex fuq Stati Membri oħra, u r-rifużjoni tiegħu li jipparteċipa fir-ristrutturar miftiehem fi Frar 2012; jinnota li l-Bank Ċentrali tal-Greċja f’Novembru 2010 kkontribwixxa għall-intensifikazzjoni tal-problemi fis-suq billi wissa lill-investituri pubblikament li l-attivitajiet ta’ likwidità tal-BĊE ma jistgħux jibqgħu jiġu injorati fil-każ ta’ dejn sovran Grieg; jinnota barra minn hekk li kien hemm impenn minn Stati Membri li l-banek tagħhom se jżommu l-esponiment tagħhom għas-swieq tal-bonds Griegi, impenn li huma ma kinux kapaċi jżommu;

18. Jinnota li t-talba inizjali għal assistenza finanzjarja saret mill-Portugall fis-7 ta’ April 2011 u li l-qbil bejn l-awtoritajiet Portugiżi fuq naħa u l-UE u l-FMI fuq oħra ġie adottat fis-17 ta’ Mejju 2011 fil-MtQ rilevanti li jinkludu l-kondizzjonalità tal-politika għall-assistenza finanzjarja tal-UE-FMI; jinnota barra minn hekk li l-programm Portugiż kien rivedut regolarment minn dak iż-żmien biex jiġu aġġustati l-miri u l-objettivi, minħabba l-għanijiet inizjali li ma setgħux jintlaħqu, u dan wassal għall-għaxar reviżjoni b'suċċess tal-programm tal-aġġustament ekonomiku tal-Portugall, bi prospetti tajba li l-programm jitlesta dalwaqt;

19. Ifakkar il-pressjoni bilaterali li ġie rapportat li għamel il-BĊE fuq l-Awtoritajiet Irlandiżi qabel il-qbil inizjali bejn l-awtoritajiet Irlandiżi u l-UE u l-FMI li ġie adottat fis-7 ta’ Diċembru 2010 u s-16 ta' Diċembru 2010 rispettivament fil-MtQ rilevanti li jinkludu l-kondizzjonalità tal-politika għall-assistenza tal-UE-FMI; jinnota li l-programm kien ibbażat l-aktar fuq il-Pjan ta’ Rkupru Nazzjonali 2011-2014 tal-Gvern Irlandiż stess, li ġie ppubblikat fl-24 ta’ Novembru 2010; jinnota barra minn hekk li l-programm Irlandiż kien rivedut regolarment minn dak iż-żmien, u dan wassal għat-tnax u l-aħħar reviżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2013 u li dan il-programm tlesta fil-15 ta’ Diċembru 2013;

20. Jinnota li fid-29 ta' Ġunju 2012, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jagħti lill-MES l-għażla tar-rikapitalizzazzjoni tal-banek b'mod dirett, wara deċiżjoni regolari u ladarba jkun stabbilit mekkaniżmu superviżorju uniku u effettiv; jinnota barra minn hekk li l-qafas operazzjonali għal strument ta' rikapitalizzazzjoni diretta, soġġett għall-kondizzjonalità, ġie definit mill-Grupp tal-euro fl-20 ta' Ġunju 2013;

21. Jinnota li l-ħsieb dwar ir-rikapitalizzazzjoni interna evolviet matul iż-żmien; fil-każ tal-Irlanda fl-2010, ir-rikapitalizzazzjoni interna tad-detenturi ta’ bonds superjuri ma kinitx għażla disponibbli għall-awtoritajiet Irlandiżi filwaqt li f’Ċipru fl-2013, ir-rikapitalizzazzjoni interna ta’ depożituri assigurati tressqet bħala miżura ta’ politika, li żiedet id-differenza bejn l-istrumenti użati biex itaffu l-kriżijiet tad-dejn bankarju u dak sovran;

22. Jinnota li Ċipru għamel it-talba inizjali tiegħu għall-assistenza finanzjarja fil-25 ta’ Ġunju 2012, iżda li differenzi fil-pożizzjonijiet fir-rigward tal-kondizzjonalità, kif ukoll ir-rifjut tal-abbozz ta’ programm inizjali mill-Parlament Ċiprijott fid-19 ta' Marzu 2013, li inkluda rikapitalizzazzjoni mill-ġdid ta' depożitanti assigurati minħabba li kien kontra l-ispirtu tad-dritt Ewropew u kien jipprevedi telf impost fuq id-depożiti żgħar ta’ inqas minn EUR 100 000, wassal għal dewmien fil-qbil finali dwar il-programm ta’ assistenza tal-UE-FMI sal-24 ta’ April (UE) u l-15 ta’ Mejju 2013 (FMI) rispettivament, u fit-30 ta’ April 2013 il-Kamra tad-Deputati Ċiprijotta fl-aħħar approvat il-qbil; jinnota li kien hemm proposti inizjali għal programmi ta' kompetizzjoni fil-każ ta’ Ċipru bejn membri differenti tat-Trojka u jenfasizza n-nuqqas ta’ spjegazzjoni suffiċjenti dwar kif l-inklużjoni ta’ depożitanti assigurati ġiet konkluża mill-Kummissjoni Ewropea u mill-ministri tal-finanzi tal-UE; barra minn hekk, jiddispjaċih għall-fatt li l-awtoritajiet Ċiprijotti rreferew għad-diffikultajiet biex jikkonvinċu lir-rappreżentanti tat-Trojka dwar it-tħassib tagħhom matul il-proċess tan-negozjati, u wkoll il-fatt li l-Gvern Ċiprijott ingħad li kien obbligat jaċċetta l-istrument ta' rikapitalizzazzjoni interna fuq id-depożiti tal-bank fil-dawl tal-livell eċċezzjonalment għoli tad-dejn privat fir-rigward tal-PDG; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Bank Ċentrali ta' Ċipru u l-kumitat ministerjali kienu involuti sew fin-negozjati u t-tfassil tal-programm ta' assistenza finanzjarja u fl-aħħar, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta' Ċipru ffirma b'mod konġunt il-MtQ mal-Ministru tal-Finanzi, u ta' min jinnota li kien hemm żmien estremament limitat għal aktar negozjati fid-dettall tal-aspetti tal-MtQ;

23. Jinnota l-effetti sekondarji serji tal-applikazjoni tar-rikapitalizzazzjoni interna, li jinkludu l-impożizzjoni ta’ kontrolli tal-kapital; jenfasizza li l-ekonomija reali Ċiprijotta għadha qed tiffaċċja sfidi ewlenin peress li l-għeluq tal-linji ta' kreditu qiegħed jagħfas fuq is-setturi produttivi tal-ekonomija;

24. Jinnota li l-FMI huwa istituzzjoni globali impenjata biex tipprovdi assistenza finanzjarja kundizzjonali lil stati li qed jesperjenzaw problemi bil-bilanċ tal-pagamenti; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Istati Membri kollha huma membri tal-FMI u għaldaqstant għandhom id-dritt li jitolbu l-għajnuna tiegħu, b’kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet tal-UE, fid-dawl tal-valutazzjoni tal-interessi tal-UE u tal-Istat Membru inkwistjoni; jinnota li fid-dawl tal-kobor ta’ din il-kriżi, id-dipendenza fuq il-mezzi finanzjarji tal-FMI biss ma kinitx tkun biżżejjed biex tindirizza l-problemi tal-pajjiżi li jeħtieġu l-assistenza finanzjarja;

25. Jinnota li l-FMI rrimarka b'mod ċar ir-riskji tal-programm Grieg, partikolarment fir-rigward tas-sostenibbiltà tad-dejn; josserva li apparti li aċċetta li l-programm jinqasam u jkun negozjat mit-trojka, il-FMI ddeċieda li jimmodifika l-kriterji tiegħu tal-Politika tal-Aċċess Eċċezzjonali dwar is-sostenibbiltà tad-dejn sabiex ikun possibbli li jsellef lill-Greċja, l-Irlanda u l-Portugall;

26. Jiġbed l-attenzjoni għat-tħassib espress fir-rigward tas-sorveljanza mill-BĊE tal-assistenza ta' emerġenza fil-likwidità; jikkunsidra li l-kunċett ta' solvenza applikat mill-BĊE jonqos mit-trasparenza u l-prevedibbiltà;

27. Jinnota n-nuqqas ta' preparazzjoni tal-UE u l-istituzzjonijiet internazzjonali għal kriżi tad-dejn sovran fuq skala kbira, kif ukoll l-oriġini u l-konsegwenzi differenti ta' dan fiż-żona tal-euro, li wassal, fost fatturi oħra, għall-kriżi finanzjarja l-aktar serja mill-1929; jiddispjaċih għan-nuqqas ta' bażi legali vijabbli biex titratta kriżi ta' din in-natura; jirrikonoxxi l-isforzi li saru biex ikun hemm rispons malajr u b'mod riżolut, iżda jiddispjaċih għall-fatt li l-Kunsill irrifjuta b'mod konsistenti li jiżviluppa approċċ fuq żmien twil, komprensiv u sistemiku; jiddeplora l-fatt li l-Fondi Strutturali tal-UE u l-politiki tal-UE li jimmiraw lejn il-konverġenza ekonomika fuq żmien twil fl-Unjoni ma twettqux b’mod effettiv;

28. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-rati ta' kofinanzjament għall-Fondi Strutturali tal-UE ġew miżjuda biex laħqu 95 % għal uħud mill-Istati Membri li l-aktar intlaqtu mill-kriżi u li rċevew assistenza finanzjarja taħt programm ta' aġġustament; jenfasizza li hemm bżonn li l-amministrazzjonijiet lokali u nazzjonali jissaħħu biex ikunu jistgħu jlaħħqu mal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-programmi tal-UE, b'hekk jitħaffef l-assorbiment tal-finanzjamenti tal-Fondi Strutturali;

29. Jirrikonoxxi, minkejja dak imsemmi hawn fuq, li l-isfida immensa li ffaċċjat it-Trojka fil-perjodu qabel il-kriżi kien uniku bħala riżultat ta', inter alia, l-istat fqir tal-finanzi pubbliċi, il-ħtieġa għal riformi strutturali f'ċerti Stati Membri, regolamentazzjoni insuffiċjenti tas-servizzi finanzjarji fil-livell Ewropew u nazzjonali, u żbilanċi makroekonomiċi kbar li nbnew fuq bosta snin, kif ukoll il-fallimenti tal-politiki u dawk istituzzjonali u l-fatt li l-istrumenti makroekonomiċi l-aktar tradizzjonali bħall-politika baġitarja jew l-iżvalutar estern ma kinux disponibbli minħabba r-restrizzjonijiet tal-unjoni monetarja u n-natura mhux kompluta taż-żona tal-euro; jinnota, barra minn hekk, il-pressjoni taż-żmien konsiderevoli li hija parzjalment kawża tal-fatt li t-talbiet għal assistenza finanzjarja ġeneralment saru fi żmien fejn il-pajjiżi kienu diġà qrib inadempjenza u kienu diġà tilfu aċċess għas-swieq, filwaqt li l-ostakli legali kellhom jiġu ċċarati, il-biża' ta' kollass taż-żona tal-euro kienet palpabbli, kien hemm bżonn ċar li jintlaħqu l-ftehimiet politiċi u jittieħdu deċiżjonijiet dwar ir-riformi, l-ekonomija dinjija kienet għaddejja minn reċessjoni , u n-numru ta' pajjiżi li kellhom jikkontribwixxu appoġġ finanzjarju raw id-dejn pubbliku u privat tagħhom stess jiżdied b'mod allarmanti;

30. Jikkundanna n-nuqqas ta’ trasparenza fin-negozjati tal-MtQ; jinnota l-ħtieġa li jkun evalwat jekk dokumenti formali kinux ikkomunikati b’mod ċar u kkunsidrati f’ħin xieraq fil-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew u jekk kinux diskussi b'mod xieraq mas-sħab soċjali; jinnota barra minn hekk, l-impatt negattiv possibbli ta’ dawn il-prattiki li jinvolvu ż-żamma tal-informazzjoni fil-magħluq fuq id-drittijiet taċ-ċittadini, l-istabbiltà tas-sitwazzjoni politika fil-pajjiżi kkonċernati u l-fiduċja taċ-ċittadini fid-demokrazija u l-proġett Ewropew;

31. Jinnota li r-rakkomandazzjonijiet inklużi fil-MtQ imorru kontra l-politika ta’ modernizzazzjoni mfassla fil-forma tal-istrateġija ta’ Lisbona u l-istrateġija tal-Ewropa 2020; jinnota wkoll il-fatt li l-Istati Membri b’MtQ huma eżentati mill-proċessi kollha ta’ rappurtar tas-Semestru Ewropew, inkluż ir-rappurtar fil-qafas tal-miri kontra l-faqar u l-inklużjoni soċjali u ma rċevewx Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż, minbarra l-implimentazzjoni tal-MtQ tagħhom; ifakkar li l-MtQ jeħtieġu jkunu adattati sabiex jikkunsidraw il-prattika u l-istituzzjonijiet għall-formazzjoni tal-pagi u l-programm għar-riformi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat fil-kuntest tal-istrateġija tal-Unjoni għat-tkabbir u l-impjiegi kif stabbilit fir-Regolament Nru 472/2013 (Artikolu 7(1)); iħeġġeġ li dan isir fejn għadu mhux il-każ; jirrimarka madankollu li dan jista’ jkun parzjalment spjegat, anke jekk mhux kompletament iġġustifikat, mill-fatt li l-programmi kellhom ikunu implimentati taħt pressjoni ta’ żmien kunsiderevoli u f’ambjent politiku, ekonomiku u finanzjarju diffiċli;

32. Jiddispjaċih li l-programmi għall-Greċja, l-Irlanda u l-Portugall jinkludu għadd ta' preskrizzjonijiet ddettaljati għal riforma tas-sistemi tas-saħħa u t-tnaqqis fl-infiq; jiddispjaċih għall-fatt li l-programmi mhumiex marbuta bil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jew bid-dispożizzjonijiet tat-Trattati, inkluż l-Artikolu 168(7) tat-TFUE;

33. Jirrimarka li l-Ministri tal-Finanzi tal-UE approvaw il-programmi ta’ aġġustament makroekonomiku;

Is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali attwali

34. Jiddispjaċih li l-miżuri implimentati wasslu għal żieda fl-inugwaljanza tad-distribuzzjoni tal-introjtu; jinnota li kien hemm żieda fuq il-medja ta' dawn l-inugwaljanzi fl-erba' pajjiżi; jinnota li t-tnaqqis fil-benefiċċji u s-servizzi soċjali u ż-żieda fil-qgħad riżultat tal-miżuri inklużi fil-programmi bl-intenzjoni li jindirizzaw is-sitwazzjoni makroekonomika, kif ukoll it-tnaqqis fil-pagi, qed iżidu l-livelli tal-faqar;

35. Jiġbed l-attenzjoni għal-livell inaċċettabbli tal-qgħad, il-qgħad fuq żmien twil u l-qgħad fost iż-żgħażagħ b’mod partikolari fl-erba’ Stati Membri fil-programmi ta’ assistenza; jenfasizza li r-rata għolja tal-qgħad fost iż-żgħażagħ hija ta' periklu għall-opportunitajiet għall-iżvilupp ekonomiku futur, kif juri l-fluss ta' migranti żgħażagħ min-Nofsinhar tal-Ewropa kif ukoll mill-Irlanda, li għandu r-riskju li jikkawża eżodu ta' mħuħ; ifakkar li l-edukazzjoni, it-taħriġ u bażi xjentifika u teknoloġika b’saħħitha ġew identifikati b’mod sistematiku bħala passaġġ ta’ importanza kritika sabiex dawn l-ekonomiji jagħmlu l-aġġornament strutturali; għaldaqstant jilqa’ l-inizjattivi riċenti fil-livell tal-UE dwar l-edukazzjoni u l-impjieg taż-żgħażagħ, il-programm Erasmus+, l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, is-EUR 6 biljun għall-Iskema ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ tal-UE, iżda jitlob għal attenzjoni politika u ekonomika aktar b'saħħitha meta jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet; jenfasizza li l-kompetenzi marbuta mal-impjieg jibqgħu primarjament f'idejn l-Istati Membri; għaldaqstant iħeġġeġ lill-Istati Membri jkomplu jimmodernizzaw is-sistemi edukattivi nazzjonali tagħhom u jinvolvu ruħhom fl-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ;

36. Jilqa' t-tmiem tal-programm fl-Irlanda minħabba li l-missjonijiet tat-Trojka ġew konklużi u l-pajjiż kien kapaċi jaċċessa b'suċċess is-swieq tal-bonds fis-7 ta' Jannar 2014, flimkien mat-tmiem mistenni tal-programm għall-Portugall; jiddispjaċih għar-riżultati irregolari fil-Greċja minkejja li twettqu riformi bla preċedent; jirrikonoxxi l-isforzi impenjattivi ħafna mitluba mingħand individwi, familji, impriżi u istituzzjonijiet oħra tas-soċjetajiet ċivili tal-pajjiżi taħt il-programmi ta’ aġġustament; jinnota l-ewwel sinjali ta' titjib ekonomiku parzjali f'ċerti pajjiżi tal-programm; jirrimarka madankollu, li r-rati għolja tal-qgħad persistenti huma ta' piż għall-irkupru ekonomiku, u li l-isforzi kontinwi u ambizzjużi għadhom meħtieġa kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE;

It-Trojka: id-dimensjoni ekonomika, il-bażi teoretika u l-impatt tad-deċiżjonijiet

37. Jenfasizza li l-mudelli ekonomiċi adegwati u speċifiċi għall-pajjiż kif ukoll għaż-żona tal-euro kollha, mibnija fuq suppożizzjonijiet prudenti, data indipendenti, l-involviment tal-partijiet interessati u t-trasparenza, huma meħtieġa sabiex jipproduċu programmi ta’ aġġustament kredibbli u effiċjenti, filwaqt li jirrikonoxxi li t-tbassir ekonomiku normalment jinkludi grad ta' inċertezza u nuqqas ta' prevedibbiltà; jiddeplora l-fatt li statistiċi u informazzjoni adegwati mhux dejjem kienu disponibbli;

38. Jilqa' l-fatt li l-assistenza finanzjarja fi żmien qasir kisbet l-objettiv li tiġi evitata l-inadempjenza mhux ikkontrollata fuq id-dejn sovran b'konsegwenzi ekonomiċi u soċjali estremament gravi li kienu jkunu agħar mill-konsegwenzi attwali, kif ukoll l-effetti konsegwenzjali għal pajjiżi oħra ta’ skala inkalkolabbli, u possibbilment il-ħruġ furzat ta’ pajjiżi miż-żona tal-euro; jinnota madankollu li m’hemmx garanzija li dan jiġi evitat fuq żmien twil; jinnota wkoll li l-assistenza finanzjarja u l-programm ta' aġġustament fil-Greċja ma evitawx la l-inadempjenza kontrollata u lanqas effett ta' kontaġju tal-kriżi fuq Stati Membri oħra, u li l-kunfidenza tas-suq ġiet restawrata u nfirxet fuq id-dejn sovran li beda jonqos biss meta l-BĊE forna azzjonijiet li kienu diġà ttieħdu mill-programm tat-Tranżazzjonijiet Monetarji Definittivi (OMT) f'Awwissu 2012; jiddeplora t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku u soċjali li sar evidenti meta l-korrezzjonijiet fiskali u makroekonomiċi daħlu fis-seħħ; jinnota li l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali kienu jkunu agħar mingħajr l-assistenza finanzjarja u teknika tal-UE-FMI;

39. Jinnota li t-Trojka mill-bidu ppubblikat dokumenti komprensivi dwar l-analiżi, l-istrateġija biex jingħelbu l-problemi, sett ta’ miżuri tal-politika mfassla flimkien mal-gvern nazzjonali kkonċernat, u t-tbassir ekonomiku, u dan kollu huwa aġġornat fuq bażi regolari; jinnota li dawn id-dokumenti ma ppermettewx lill-pubbliku jifforma idea ġenerali tan-negozjati u għaldaqstant, dan ma inkludiex meżżi suffiċjenti ta' responsabbiltà;

40. Jiddeplora s-suppożizzjonijiet xi kultant ottimisti żżejjed mit-Trojka, speċjalment fejn jidħlu t-tkabbir u l-qgħad, li ġejjin inter alia mir-rikonoxximent insuffiċjenti tal-effetti konsegwenzjali transkonfinali (kif rikonoxxut mill-Kummissjoni fir-rapport tagħha intitolat “Fiscal consolidations and spillovers in the Euro area periphery and core”), ir-reżistenza politika għall-bidla f'ċerti Stati Membri, u l-impatt ekonomiku u soċjali tal-aġġustament; jiddeplora l-fatt li dan affettwa wkoll l-analiżi tat-Trojka tal-interazzjoni bejn il-konsolidazzjoni u t-tkabbir fiskali; jinnota li riżultat ta' dan, ma setgħux jintlaħqu l-miri fiskali fiż-żmien previst;

41. Jifhem mis-seduti li teżisti relazzjoni stretta bejn it-tul tal-programm ta’ aġġustament u l-assistenza disponibbli permezz tal-fondi ddedikati bħall-MES, li jfisser li perjodu ta’ aġġustament itwal inevitabbilment ikun ifisser li ammonti sostanzjalment ikbar kienu jsiru disponibbli u li dawn kienu jiġu ggarantiti mill-pajjiżi l-oħra taż-żona tal-euro u l-FMI, sitwazzjoni li ma kinitx ikkunsidrata bħala politikament fattibbli fid-dawl tal-ammonti involuti li diġà huma għoljin ħafna; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li t-tul tal-programmi ta’ aġġustament u l-perjodi ta’ rimborż huma definitivament itwal minn dawk tal-programmi normali ta’ assistenza finanzjarja tal-FMI;

42. Jilqa’ t-tnaqqis tad-defiċits strutturali fil-pajjiżi kollha tal-programm mill-bidu tal-programmi ta’ assistenza rispettivi tagħhom; jiddispjaċih li dan għadu ma wassalx għal tnaqqis fil-proporzjonijiet tad-dejn pubbliku għall-PDG; jinnota li l-proporzjon tad-dejn pubbliku għall-PDG, minflok, żdied ħafna fil-pajjiżi kollha tal-programm, hekk kif id-dħul tas-self kundizzjonali naturalment iwassal għal żieda fid-dejn pubbliku u li l-politika implimentata jkollha impatt ta' reċessjoni fuq żmien qasir; jemmen barra minn hekk, li l-istima preċiża tal-multiplikaturi fiskali hija ta’ importanza kruċjali sabiex l-aġġustament fiskali jkun ta’ suċċess fit-tnaqqis tal-proporzjon tad-dejn pubbliku għall-PDG; jinnota li hija meħtieġa progressjoni lejn livelli aktar sostenibbli ta’ dejn privat aktar sostenibbli għal stabbiltà fuq żmien twil. jirrikonoxxi li, b’mod tipiku, jinħtieġu bosta snin qabel ma r-riformi strutturali jkunu jistgħu jagħmlu kontribut sinifikanti għaż-żieda fil-produzzjoni u l-impjieg;

43. Jikkunsidra li l-multiplikaturi fiskali huma diffiċli biex ikunu vvalutati b’ċertezza; ifakkar li l-FMI ammetta f'dan ir-rigward li ssottovvaluta l-multiplikatur fiskali fit-tbassir ta’ tkabbir tiegħu qabel Ottubru 2012; jinnota li dan il-perjodu jinkludi l-konklużjonijiet tal-Memoranda ta’ Qbil inizjali għajr wieħed minn dawk taħt inkjesta f’dan ir-rapport; ifakkar li l-Kummissjoni Ewropea, f’Novembru 2012, qalet li l-iżbalji tat-tbassir ma sarux minħabba s-sottovalutazzjoni tal-multiplikaturi fiskali; jirrimarka, madankollu, li l-Kummissjoni, fit-tweġiba tagħha għall-kwestjonarju, saħqet li “l-multiplikaturi fiskali għandhom it-tendenza li jkunu ikbar fil-kriżi attwali milli fi żminijiet normali”; jifhem li l-multiplikaturi fiskali huma parzjalment endoġeni u jevolvu f'kundizzjonijiet makroekonomiċi li jinbidlu; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li din l-espressjoni tan-nuqqas ta’ qbil pubbliku bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-FMI dwar id-daqs tal-multiplikatur fiskali ma ġietx segwita minn pożizzjoni konġunta min-naħa tat-Trojka;

44. Jirrimarka li filwaqt li l-objettiv iddikjarat tal-FMI fl-operazzjonijiet ta’ assistenza tiegħu fi ħdan il-qafas tat-Trojka huwa l-iżvalutar intern, inkluż permezz tat-tnaqqis tal-pagi u tal-pensjonijiet, il-Kummissjoni qatt ma approvat dan l-objettiv b’mod espliċitu; jinnota li l-objettiv enfasizzat mill-Kummissjoni fl-erba’ pajjiżi tal-programm taħt inkjesta pjuttost kien il-konsolidazzjoni fiskali; jirrikonoxxi dawn id-differenzi tal-prijoritajiet bejn il-FMI u l-Kummissjoni u jieħu nota ta' din l-inkonsistenza preliminari tal-miri bejn iż-żewġ istituzzjonijiet; jinnota li kien deċiż b'mod komuni li jserħu fuq taħlita taż-żewġ strumenti kif ukoll fuq ir-riformi strutturali, ma' miżuri oħra li jikkomplimentaw dan l-approċċ; jinnota li l-kombinazzjoni tal-konsolidazzjoni fiskali u l-politika restrittiva tal-pagi naqqset kemm id-domanda pubblika kif ukoll dik privata; jinnota li l-objettiv tar-riforma kemm tal-bażi industrijali kif ukoll tal-istrutturi istituzzjonali fil-pajjiżi tal-programm biex isiru aktar sostenibbli u effettivi, irċieva inqas attenzjoni mill-objettivi msemmija hawn fuq.

45. Jikkunsidra li ngħatat ftit attenzjoni biex jittaffa l-impatt soċjali u ekonomiku negattiv tal-istrateġiji tal-aġġustament fil-pajjiżi tal-programm; ifakkar l-oriġini tal-kriżi; jiddeplora l-fatt li spiss wisq l-approċċ wieħed tajjeb għal kulħadd għall-ġestjoni tal-kriżi ma kkunsidrax bis-sħiħ il-bilanċ fl-impatt soċjali u ekonomiku tal-miżuri ta’ politika preskritti;

46. Jenfasizza li s-sjieda fuq livell nazzjonali hija kruċjali, u li n-nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-miżuri miftiehma għandu konsegwenzi fir-rigward tar-riżultati mistennija, li tikkawża diffikultà addizzjonali fuq perjodu itwal għall-pajjiż ikkonċernat; jieħu nota tal-esperjenza tal-FMI li s-sjieda tal-pajjiżi tista’ tiġi kkunsidrata bħala l-fattur uniku l-aktar importanti fis-suċċess ta’ kwalunkwe programm ta’ assistenza finanzjarja; jenfasizza, madankollu, li s-sjieda fuq livell nazzjonali ma tistax tinkiseb mingħajr leġittimità demokratika u kontabilità xierqa fil-livell nazzjonali kif ukoll tal-UE; jenfasizza f’dan ir-rigward il-fatt li l-deliberazzjoni mill-parlamenti nazzjonali tal-baġits u l-liġijiet għall-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ aġġustament ekonomiku hija kruċjali biex jiġu pprovduti kontabilità u trasparenza fil-livell nazzjonali;

47. jenfasizza li t-titjib fl-ugwaljanza bejn is-sessi hija element importanti għall-bini ta’ ekonomiji aktar b’saħħithom u li dan il-fattur qatt ma għandu jiġi injorat fl-analiżi jew fir-rakkomandazzjonijiet ekonomiċi;

It-Trojka: id-dimensjoni istituzzjonali u l-legittimità demokratika

48. Jinnota li minħabba n-natura li qiegħda tevolvi tat-tweġiba tal-UE għall-kriżi, ir-rwol mhux ċar tal-BĊE fit-Trojka u n-natura tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tat-Trojka, il-mandat tat-Trojka kien qed ikun ikkunsidrat bħala mhux ċar u li huwa nieqes mit-trasparenza u mis-superviżjoni demokratika;

49. Jirrimarka, madankollu, li l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 472/2013 fil-21 ta' Mejju 2013, tinkludi - anke jekk insuffiċjenti - l-ewwel pass fil-kodifikazzjoni tal-proċeduri ta' sorveljanza biex tkun implimentata fiż-żona tal-euro għal pajjiżi li qed jesperjenzaw diffikultajiet finanzjarji, u li din tikkonferixxi mandat lit-Trojka; jilqa', inter alia: id-dispożizzjonijiet dwar l-evalwazzjoni tas-sostenibbiltà tad-dejn tal-gvernijiet; il-proċeduri aktar trasparenti dwar l-adozzjoni ta’ programmi ta’ aġġustament makroekonomiku, inkluż il-ħtieġa li jiġu integrati effetti konsegwenzjali negattivi kif ukoll xokkijiet makroekonomiċi u finanzjarji u d-drittijiet ta’ skrutinju mogħtija lill-Parlament Ewropew; id-dispożizzjonijiet dwar l-involviment tas-sħab soċjali; ir-rekwiżiti li jikkunsidraw b’mod espliċitu l-prattiki u l-istituzzjonijiet nazzjonali għall-formazzjoni tal-pagi; il-ħtieġa li jiġu żgurati mezzi suffiċjenti għall-politiki fundamentali, bħall-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa; u l-eżenzjonijiet mogħtija lill-Istati Membri taħt assistenza mir-rekwiżiti rilevanti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir;

50. Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-President tal-Grupp tal-euro li l-Grupp tal-euro jagħti mandat lill-Kummissjoni biex tinnegozja f’ismu d-dettalji tal-kundizzjonijiet marbuta mal-assistenza, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-opinjonijiet tal-Istati Membri dwar elementi ewlenin tal-kondizzjonalità u, fid-dawl tar-restrizzjonijiet finanzjarji tagħhom, dwar id-daqs tal-assistenza finanzjarja; jinnota li l-proċedura msemmija hawn fuq fejn il-Grupp tal-euro jagħti mandat lill-Kummissjoni, mhijiex speċifikata fil-liġi tal-UE, peress li l-Grupp tal-euro mhuwiex istituzzjoni uffiċjali tal-Unjoni Ewropea; jenfasizza li minkejja li l-Kummissjoni taġixxi f’isem l-Istati Membri, ir-responsabbiltà politika aħħarija għat-tfassil u l-approvazzjoni tal-programmi ta’ aġġustament makroekonomiku hija tal-ministri tal-finanzi tal-UE u l-gvernijiet tagħhom; jiddeplora n-nuqqas ta’ leġittimità demokratika u ta’ kontabilità fil-livell tal-UE tal-Grupp tal-euro meta jassumi setgħat eżekuttivi fil-livell tal-UE;

51. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-mekkaniżmi ta' salvataġġ u t-Trojka kienu ta' natura ad hoc, u jiddispjaċih li ma kienx hemm bażi legali xierqa disponibbli għat-twaqqif tat-Trojka abbażi tal-liġi primarja tal-Unjoni, li wasslet għall-istabbilment ta' mekkaniżmi intergovernattivi fil-forma tal-EFSF, u eventwalment il-MES; jitlob li kwalunkwe soluzzjoni futura għandha tkun ibbażata fuq il-liġi primarja tal-Unjoni; jirrikonoxxi li dan jista’ jwassal għall-ħtieġa ta’ bidla fit-Trattati;

52. Jinsab allarmat bl-ammissjoni mill-President preċedenti tal-Grupp tal-euro quddiem il-Parlament Ewropew li l-Grupp tal-euro approva r-rakkomandazzjonijiet tat-Trojka mingħajr ma kkunsidra l-implikazzjonijiet speċifiċi tal-politika tagħhom; jenfasizza li, jekk din l-ammissjoni hija preċiża, dan ma jeżentax lill-ministri tal-finanzi taż-żona tal-euro mir-responsabbiltà politika tagħhom għall-programmi ta’ aġġustament makroekonomiku u l-MtQ; jirrimarka li din l-ammissjoni toħloq preokkupazzjonijiet dwar l-ambitu sfukat tar-rwoli tal-“konsulenza teknika” u tal-“aġenzija tal-Grupp tal-euro” mogħtija kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-BĊE fil-qafas tat-tfassil, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni tal-programmi ta’ assistenza; jiddeplora, f’din il-perspettiva, in-nuqqas ta’ mandati ċari u responsabbli abbażi ta’ każ b’każ mill-Kunsill u l-Grupp tal-euro lill-Kummissjoni;

53. Iqajjem dubji dwar ir-rwol doppju tal-Kummissjoni fit-Trojka kemm bħala aġent tal-Istati Membri kif ukoll bħala istituzzjoni tal-UE; isostni li hemm kunflitt ta' interess potenzjali fi ħdan il-Kummissjoni bejn ir-rwol tagħha fit-Trojka u r-responsabbiltà tagħha bħala gwardjan tat-Trattati u l-acquis communautaire, speċjalment fl-oqsma tal-politika bħall-kompetizzjoni u l-politika ta' għajnuna mill-Istat u l-koeżjoni soċjali, u fir-rigward tal-politika tal-pagi u dik soċjali tal-Istati Membri, qasam li fih il-Kummisjoni m'għandiex kompetenza, kif ukoll ir-rispett għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; jirrimarka li din is-sitwazzjoni toħloq kuntrast mar-rwol normali tal-Kummissjoni, li taġixxi bħala fattur indipendenti li jħares l-interess tal-UE u jiżgura l-implimentazzjoni tar-regoli tal-UE fi ħdan il-limiti stabbiliti mit-Trattati;

54. Jirrimarka bl-istess mod, il-kunflitt potenzjali ta’ interess bejn ir-rwol attwali tal-BĊE fit-Trojka bħala “konsulent tekniku” u l-pożizzjoni tiegħu bħala kreditur tal-erba’ Stati Membri kif ukoll il-mandat tiegħu skont it-Trattat hekk kif dan ikkundizzjona l-azzjonijiet tiegħu għad-deċiżjonijiet li huwa stess parti minnhom; madankollu, jilqa' l-kontribuzzjoni tiegħu fl-indirizzar tal-kriżi iżda jitlob li kunflitti ta’ interess potenzjali tal-BĊE, b’mod speċjali fir-rigward tal-politika kruċjali dwar il-likwidità, jiġu skrutinizzati b’attenzjoni; jinnota li matul il-kriżi, il-BĊE kellu informazzjoni kruċjali dwar is-saħħa tas-settur bankarju u l-istabbiltà finanzjarja inġenerali, u li b'dan il-ħsieb, sussegwentement eżerċita effett ta’ lieva politika fuq dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, tal-inqas fil-każijiet tar-ristrutturar tad-dejn Grieg, fejn il-BĊE insista li s-CACs kellhom jitneħħew mill-bonds tal-gvern li kellu, mill-operazzjonijiet ta’ ELA Ċiprijotta u min-nuqqas ta’ inklużjoni Irlandiża tad-detenturi ta’ bonds superjuri fir-rikapitalizzazzjoni interna;

55. Jinnota li r-rwol tal-BĊE mhuwiex definit biżżejjed, kif imsemmi fit-Trattat dwar il-MES u fir-Regolament (UE) Nru 472/2013 li l-Kummissjoni għandha taħdem “b’koordinazzjoni mal-BĊE”, b’hekk jitnaqqas ir-rwol konsultattiv tal-BĊE; jinnota li l-Grupp tal-euro talab għall-involviment tal-BĊE bħala fornitur tal-ispeċjalizzazzjoni biex jikkomplimenta l-opinjonijiet tas-sħab l-oħra tat-Trojka, u li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-kawża Pringle li l-kompiti allokati lill-BĊE mit-Trattat dwar il-MES huma konformi mal-kompiti varji li t-TFUE u l-Istatut tas-SEBĊ [u tal-BĊE] jagħtu lill-BĊE ladarba għadd ta' kundizzjonijiet jkunu ssodisfati b'mod permanenti; jirrimarka r-responsabbiltà tal-grupp tal-Euro li jippermetti lill-BĊE jaġixxi fi ħdan it-Trojka, iżda jfakkar li l-mandat tal-BĊE huwa limitat mit-TFUE għall-oqsma tal-politika monetarja u l-istabbiltà finanzjarja u li l-involviment tal-BĊE fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet relatat ma' politiki baġitarji, fiskali u strutturali mhuwiex previst fit-Trattati; ifakkar li l-Artikolu 127 tat-TFUE jistipula li, mingħajr preġudizzju għall-objettiv ta' stabbiltà fil-prezzijiet, is-SEBĊ għandha tappoġġja l-politiki ekonomiċi ġenerali fl-Unjoni bl-għan li tikkontribwixxi għall-ksib tal-objettivi tal-Unjoni kif stipulati fl-Artikolu 3 tat-TUE.

56. Jiġbed l-attenzjoni għar-responsabbiltà demokratika ġeneralment dgħajfa tat-Trojka fil-pajjiżi tal-programm fuq livell nazzjonali; jinnota madankollu li din ir-responsabbiltà demokratika tvarja bejn il-pajjiżi, u tiddependi fuq ir-rieda tal-eżekuttivi nazzjonali u l-kapaċità effettiva ta' skrutinju tal-parlamenti nazzjonali, kif intwera fil-każ taċ-ċaħda tal-MtQ oriġinali mill-parlament Ċiprijott; jinnota madankollu li meta ġew ikkonsultati, il-parlamenti nazzjonali iffaċċjaw l-għażla bejn li eventwalment ikunu inadempjenti fuq id-dejn tagħhom jew jaċċettaw Memoranda ta' Qbil negozjati bejn it-Trojka u l-awtoritajiet nazzjonali; jirrimarka li l-MtQ ma kienx ratifikat mill-parlament nazzjonali fil-Portugall; jinnota bi tħassib li l-fatt li t-Trojka hija magħmula minn tliet istituzzjonijiet indipendenti b’distribuzzjoni mhux uniformi tar-responsabbiltà bejniethom, flimkien ma’ mandati differenti u strutturi ta’ negozjar u tat-teħid ta' deċiżjonijiet b’livelli differenti ta’ responsabbiltà, irriżultaw f’nuqqas ta’ skrutinju xieraq u responsabbiltà demokratika tat-Trojka b’mod ġenerali;

57. Jiddispjaċih għall-fatt li minħabba l-istatuti tiegħu, il-FMI ma jistax jidher formalment quddiem jew jirrapporta bil-miktub lill-parlamenti nazzjonali jew Ewropej; jinnota li l-istruttura ta' governanza tal-FMI tipprevedi l-obbligu tal-kontabbiltà għall-188 pajjiż membru permezz tal-Bord tal-FMI; jenfasizza li l-involviment tal-FMI bħala mutwant tal-aħħar istanza li jipprovdi terz tal-finanzjament, ipoġġi lill-istituzzjoni fi rwol ta' minorità;

58. Jinnota li, wara l-ħidma preparatorja tat-Trojka, id-deċiżjonijiet formali jsiru b'mod separat u skont l-istatuti legali u r-rwoli rispettivi tagħhom, mill-Grupp tal-euro u l-FMI, li b'hekk jakkwistaw rispettivament ir-responsabbiltà politika tal-azzjonijiet tat-Trojka; jinnota barra minn hekk li ngħata rwol kruċjali lill-MES bħala l-organizzazzjoni responsabbli għad-deċiżjonijiet dwar l-assistenza finanzjarja mogħtija mill-Istati Membri taż-żona tal-euro, u b'hekk ipoġġi lill-eżekuttivi nazzjonali tal-Istati Membri taż-żona tal-euro, inklużi l-gvernijiet ta' dawk direttament ikkonċernati, fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet meħuda;

59. Jinnota li l-leġittimità demokratika tat-trojka fil-livell nazzjonali ġejja mir-responsabbiltà politika tal-Grupp tal-euro u l-membri tal-ECOFIN quddiem il-parlamenti nazzjonali rispettivi tagħhom; jiddispjaċih għall-fatt li t-Trojka hija nieqsa mil-leġittimità demokratika fil-livell tal-UE minħabba l-istruttura tagħha;

60. Jiddeplora l-mod li bih l-istituzzjonijiet tal-UE qed jitpenġew bħala ħatja għall-effetti negattivi fl-aġġustament makroekonomiku tal-Istati Membri meta fil-fatt huma l-Ministri tal-Finanzi tal-Istati Membri li jerfgħu r-responsabbiltà politika tat-Trojka u l-operazzjonijiet tagħha; jenfasizza li dan jista’ jwassal għal żieda fl-Ewroxettiċiżmu minkejja li r-responsabbiltà hija fil-livell nazzjonali mhux dak Ewropew;

61. Jistieden lill-Grupp tal-euro, lill-Kunsill u lill-Kunsill Ewropew jassumu r-responsabbiltà sħiħa għall-operazzjonijiet tat-Trojka;

62. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-MES huwa korp intergovernattiv li mhuwiex parti mill-istruttura legali tal-Unjoni Ewropea u huwa marbut bir-regola tal-unanimità fil-proċedura regolari; jemmen għal din ir-raġuni, li jinħtieġ spirtu ta’ impenn u solidarjetà reċiproku; jinnota li t-Trattat dwar il-MES introduċa l-prinċipju tal-kondizzjonalità ta’ self taħt forma ta’ programm ta’ aġġustament makroekonomiku; jirrimarka li t-Trattat dwar il-MES ma jkomplix jiddefinixxi l-kontenut tal-programmi ta’ kondizzjonalità jew ta' aġġustament, u għaldaqstant, dan jippermetti flessibbiltà kbira fir-rakkomandazzjoni ta' din il-kondizzjonalità;

63. Jistenna li l-qrati tal-awdituri nazzjonali jassumu bis-sħiħ ir-responsabiltajiet ġuridiċi tagħhom fir-rigward taċ-ċertifikazzjoni tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet finanzjarji u l-effikaċja tas-sistemi superviżorji u ta' kontroll; jistieden lill-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom f'dan ir-rigward, b'mod partikolari permezz tal-iskambju tal-aħjar prattiki;

Proposti u rakkomandazzjonijiet

64. Jilqa’ r-rieda tal-Kummissjoni, il-BĊE, il-President tal-Grupp tal-euro u l-FMI kif ukoll il-gvernijiet nazzjonali u l-banek ċentrali ta’ Ċipru, l-Irlanda, il-Greċja u l-Portugall kif ukoll tas-sħab soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili biex jikkooperaw u jipparteċipaw fl-evalwazzjoni mill-Parlament tar-rwol u l-operazzjonijiet tat-Trojka, inkluż billi jwieġbu l-kwestjonarju dettaljat u/jew jipparteċipaw f’seduti formali u informali;

65. Jiddeplora l-fatt li l-Kunsill Ewropew ma kkunsidrax biżżejjed il-proposti li jinsabu fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2011 dwar il-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali; jenfasizza li l-implimentazzjoni tagħhom kienet tiffavorixxi l-konverġenza ekonomika u soċjali fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja biex tiġi żgurata leġittimità demokratika sħiħa għall-miżuri ta’ koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi u baġitarji;

Il-perjodu ta' żmien qasir għal dak medju

66. Jitlob, bħala l-ewwel pass, għall-istabbiliment ta’ regoli ta’ proċedura ċari, trasparenti u vinkolanti għall-interazzjoni bejn l-istituzzjonijiet fit-Trojka u l-allokazzjoni tal-kompiti u r-responsabbiltà fihom; jemmen bis-sħiħ li tinħtieġ definizzjoni u diviżjoni ċara tal-kompiti sabiex titjieb it-trasparenza, ikun permess kontroll demokratiku aktar b’saħħtu u tkun żgurata l-kredibbiltà tal-ħidma tat-Trojka;

67. Jitlob għall-iżvilupp ta’ strateġija imtejba ta’ komunikazzjoni għall-programmi ta’ assistenza finanzjarja kontinwi u futuri; iħeġġeġ sabiex dan it-tħassib jingħata l-akbar prijorità minħabba li nuqqas ta’ azzjoni f’dan il-qasam finalment iħassar l-immaġni tal-Unjoni;

68. Jitlob għal evalwazzjoni trasparenti għall-għoti ta’ kuntratti lil konsulenti esterni, in-nuqqas ta’ offerti pubbliċi, it-tariffi għoljin ħafna u l-kunflitti ta’ interess potenzjali;

L-impatt ekonomiku u soċjali

69. Ifakkar li l-pożizzjoni tal-Parlament dwar ir-Regolament 472/2013 involviet l-introduzzjoni ta' dispożizzjonijiet li jeħtieġu li l-programmi tal-aġġustament makroekonomiku jinkludu pjanijiet ta’ kontinġenza f’każ li xenarji previsti ta’ linja bażi ma jimmaterjalizzawx u f’każ ta’ dewmin minħabba ċirkostanzi barra l-kontroll tal-Istat Membru taħt assistenza, bħal xokkijiet ekonomiċi internazzjonali mhux mistennija; jenfasizza li għal tfassil ta’ politika prudenti dawn il-pjanijiet huma prerekwiżit minħabba l-fraġilità u l-affidabbiltà fqira ta’ mudelli ekonomiċi li jirfdu l-previżjonijiet tal-programm kif jidher fl-Istati Membri kollha taħt il-programmi ta’ assistenza;

70. Iħeġġeġ lill-UE sabiex tissorvelja mill-qrib l-evoluzzjoni finanzjarja, fiskali u ekonomika fl-Istati Membri u biex toħloq sistema istituzzjonalizzata ta’ inċentivi pożittivi li tippremja kif suppost lil dawk li jilħqu l-aħjar prattiki f’dan ir-rigward u dawk li huma għalkollox konformi mal-programmi tal-aġġustament tagħhom;

71. Jeżiġi li t-Trojka teżamina d-dibattitu attwali dwar il-multiplikaturi fiskali u tikkunsidra r-reviżjoni tal-MtQ abbażi tal-aħħar riżultati empiriċi;

72. Jitlob lit-Trojka tipproċedi għal valutazzjonijiet għas-sostenibbiltà ta’ dejn ġdid u b’urġenza tindirizza l-ħtieġa li jitnaqqas il-piż tad-dejn pubbliku Grieg kif ukoll il-ħruġ qawwi ta’ kapital mill-Greċja li jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għaċ-ċirku vizzjuż li jikkaratterizza d-depressjoni ekonomika attwali fil-pajjiż; ifakkar li għal dan ir-ristrutturar tad-dejn jeżistu numru ta’ possibbiltajiet, minbarra t-telf impost fuq il-kapital tal-bonds, inkluż l-iskambju tal-bonds, l-estensjoni tal-maturità tal-bonds u t-tnaqqis tal-kupuni; jemmen li l-possibbiltajiet differenti għar-ristrutturar tad-dejn għandhom jintiżnu b'attenzjoni;

73. Jinsisti li l-MtQ għandhom isiru biex jirrispettaw, fejn dan mhux il-każ, l-objettivi tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-promozzjoni tal-impjieg u t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol, sabiex jagħmlu possibbli l-armonizzazzjoni tagħhom waqt li jinżamm it-titjib, kif ukoll il-protezzjoni soċjali xierqa, id-djalogu bejn il-maniġment u l-ħaddiema, l-iżvilupp tar-riżorsi umani bil-mira ta’ livell għoli ta’ impjieg dejjiemi u l-ġlieda kontra l-esklużjoni, kif iddikjarat fl-Artikolu 151 tat-TFUE; jappoġġja t-tiġdid kawt tal-perjodi taż-żmien tal-aġġustament fiskali li diġà ġew issodisfati fil-memoranda hekk kif naqset il-biżà ta' kollass ġenerali; jappoġġja l-kunsiderazzjoni ta' aktar aġġustamenti fid-dawl ta' aktar żviluppi makroekonomiċi;

74. Jiddispjaċih li l-piż ma ġiex maqsum bejn dawk kollha li aġixxew b’mod irresponsabbli u li l-protezzjoni tad-detenturi ta’ bonds ġiet meqjusa bħala bżonn tal-UE fl-interess tal-istabbilità finanzjarja; jitlob lill-Kummissjoni tattiva l-qafas dwar it-trattament ta’ assi legati li ddeċidiet dwarhom sabiex tkisser iċ-ċirku vizzjuż bejn is-sovrani u l-banek u ttaffi l-piż tad-dejn pubbliku fl-Irlanda, il-Greċja, il-Portugall u Ċipru; iħeġġeġ lill-Grupp tal-euro biex iwettaq l-impenn tiegħu li jeżamina s-sitwazzjoni tas-settur finanzjarju Irlandiż bil-għan li jtejjeb aktar is-sostenibbiltà tal-aġġustament fl-Irlanda, u, wara li kkunsidra dan kollu t’hawn fuq, iħeġġeġ lill-Grupp tal-euro biex jagħmel tajjeb għall-impenn sabiex l-Irlanda tittratta dan il-piż tad-dejn bankarju; jemmen li għandha tingħata kunsiderazzjoni speċjali lill-applikazzjoni għall-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir għaż-żieda tad-dejn rilevanti, minħabba li dan tal-aħħar huwa meqjus fl-Irlanda bħala inġust u piż għall-pajjiż skont id-dispożizzjonijiet ta' flessibbiltà tal-patt riformat; iqis li, fuq perjodu itwal, id-distribuzzjoni tal-ispejjeż għandha tirrifletti d-distribuzzjoni tad-detenturi ta’ bonds protetti; jieħu nota tat-talba tal-awtoritajiet Irlandiżi għal trasferiment ta' sehem tad-dejn pubbliku li jikkorrispondi mal-ispiża tas-salvataġġ tas-settur finanzjarju għall-MES;

75. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni, il-Grupp tal-euro u l-FMI għandhom jesploraw aktar il-kunċett ta’ “bonds konvertibbli kontinġenti”, fejn ir-redditi tad-dejn sovran li jkun għadu kemm inħareġ fl-Istati Membri taħt assistenza jkunu marbuta ma’ tkabbir ekonomiku;

76. Ifakkar il-bżonn ta’ miżuri biex ikunu salvagwardjati d-dħul mit-taxxi, b’mod partikolari għall-pajjiżi fil-programm kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b’diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom (ir-rapport Gauzès), billi jieħdu “miżuri b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u flimkien mal-BĊE u, fejn xieraq, mal-FMI, bl-għan li jkunu msaħħa l-effiċjenza u l-effikaċja tal-kapaċità tal-ġbir tad-dħul u l-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa, bl-għan li jiżdied id-dħul fiskali”; ifakkar il-passi effettivi li għandhom jittieħdu malajr biex tkun miġġielda u evitata l-frodi fiskali fl-UE u ’l barra minnha; jirrakkomanda miżuri ta' implimentazzjoni li jwasslu għall-partijiet kollha biex jikkontribwixxu b'mod ġust għad-dħul tat-taxxa;

77. Jitlob għall-pubblikazzjoni tal-użu li sar mill-fondi tas-salvataġġ; jenfasizza li l-kwantità ta’ fondi diretti għall-finanzjament tad-defiċit, biex jiffinanzjaw il-gvern u jħallsu lura lill-kredituri privati għandha tiġi kjarifikata;

78. Jitlob għall-involviment effettiv tas-sħab soċjali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programmi tal-aġġustament, attwali u futuri; jemmen li l-ftehimiet milħuqa mis-sħab soċjali fil-qafas tal-programmi għandhom ikunu rispettati sakemm huma kompatibbli mal-programmi; jenfasizza li r-Regolament (UE) Nru 472/2013 jistipula li l-programmi ta' assistenza għandhom jirrispettaw il-prattiki u l-istituzzjonijiet nazzjonali għall-formazzjoni tal-pagi;

79. Jitlob għall-involviment tal-BEI fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' miżuri relatati mal-investiment sabiex jikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku u soċjali;

80. Jiddispjaċih li l-programmi mhumiex marbuta bil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Karta Soċjali Ewropea, minħabba l-fatt li mhumiex ibbażati fuq id-dritt primarju tal-Unjoni;

81. Jenfasizza li l-istituzzjonijiet Ewropej jeħtieġu jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni, inkluża l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, taħt iċ-ċirkostanzi kollha;

82. Jenfasizza li t-tiftix tal-istabbiltà ekonomika u finanzjarja fl-Istati Membri u fl-Unjoni kollha m'għandux idgħajjef l-istabbiltà soċjali, il-mudell soċjali Ewropew u d-drittijiet soċjali taċ-ċittadini tal-UE; jenfasizza li l-involviment tas-sħab soċjali fid-djalogu ekonomiku fil-livell Ewropew, skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattati, għandu jkun fuq l-aġenda politika; jitlob għall-involviment meħtieġ tas-sħab soċjali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programmi ta' aġġustament attwali u futuri;

Il-Kummissjoni

83. Jitlob għall-implimentazzjoni sħiħa u s-sjieda sħiħa tar-Regolament (UE) Nru 472/2013; jistieden lill-Kummissjoni biex tibda negozjati interistituzzjonali mal-Parlament sabiex tiġi definita proċedura komuni sabiex il-kumitat kompetenti tal-Parlament jiġi infurmat dwar il-konklużjonijiet li ħarġu mill-monitoraġġ tal-programm tal-aġġustament makroekonomiku kif ukoll il-progress li sar fil-preparazzjoni tal-abbozz tal-programm tal-aġġustament makroekonomiku previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 472/2013; ifakkar lill-Kummissjoni biex twettaq u tippubblika evalwazzjonijiet ex-post tar-rakkomandazzjonijiet u l-parteċipazzjoni tagħha fit-Trojka; jitlob lill-Kummissjoni tinkludi dawn il-valutazzjonijiet fir-rapport ta’analiżi previst fl-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 472/2013; ifakkar lill-Kunsill u lill-Kummissjoni li l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 472/2013 jipprevedi li l-Istati Membri li jirċievu assistenza finanzjarja, mit-30 ta’ Mejju 2013 għandhom ikunu soġġetti għal dan ir-Regolament minn dik id-data; jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex f’konformità mal-Artikolu 265 tat-TFUE jaġixxu sabiex jissimplifikaw u jallinjaw il-programmi ta’ assistenza finanzjarja ad hoc mal-proċeduri u l-atti msemmija fir-Regolament (UE) Nru 472/2013; jistieden lill-Kummissjoni u lill-koleġiżlaturi biex jibbenefikaw mill-esperjenza tat-Trojka meta jfasslu u jimplimentaw il-passi li jmiss tal-UEM; inkluż meta jiġi rivedut ir-Regolament (UE) Nru 472/2013;

84. Ifakkar lill-Kummissjoni u l-Kunsill fil-pożizzjoni tiegħu li ħa fis-seduta plenarja fir-rigward tar-Regolament (UE) Nru 472/2013; jenfasizza b’mod partikolari li huwa stabbilixxa dispożizzjonijiet f’din il-pożizzjoni li jżidu aktar it-trasparenza u r-responsabbiltà tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet li jwassal għall-adozzjoni ta’ programmi ta’ aġġustament makroekonomiku, jipprovdi għal mandat aktar ċar u delimitat sew u rwol ġenerali għall-Kummissjoni; jitlob lill-Kummissjoni biex terġa’ tevalwa u tintegra dawn id-dispożizzjonijiet fil-qafas ta’ proposta futura li temenda r-Regolament (UE) Nru 472/2013; ifakkar, minn dik il-perspettiva, li l-preparazzjoni għall-programmi ta' assistenza futuri għandhom jitpoġġew taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni, li għandha titlob għal parir, fejn xieraq, minn partijiet terzi bħall-BĊE, il-FMI u korpi oħra;

85. Jitlob ir-responsabbiltà sħiħa tal-Kummissjoni b'mod konformi mar-Regolament (UE) Nru 472/2013 u lil hinn minnu, meta taġixxi fil-kapaċità tagħha bħala membru tal-mekkaniżmu ta’ assistenza tal-UE; jitlob li r-rappreżentanti tal-Kummissjoni f'dak il-mekkaniżmu, jinstemgħu mill-Parlament qabel ma jibdew il-ħidma tagħhom; jeżiġi li jkunu soġġetti għal rappurtar regolari fil-konfront tal-Parlament Ewropew;

86. Jipproponi li għal kull programm tal-pajjiż il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi “task force tat-tkabbir” magħmula minn, inter alia, esperti li ġejjin (inter alia) mill-Istati Membri u l-BEI, f’assoċjazzjoni ma’ rappreżentanti tas-settur privat u s-soċjetà ċivili sabiex tippermetti s-sjieda, tissuġġerixxi għażliet għall-promozzjoni ta’ tkabbir li jikkomplementaw il-konsolidazzjoni fiskali u r-riformi strutturali; din it-task force għandu jkollha l-objettiv li terġa’ tagħti l-kunfidenza u għaldaqstant tippermetti l-investimenti; il-Kummissjoni għandha tibni fuq l-esperjenza tal-istrument ta’ “ġemellaġġ” għall-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri u l-pajjiżi benefiċjarji;

87. Huwa tal-opinjoni li s-sitwazzjoni taż-żona tal-euro bħala waħda sħiħa (inklużi l-effetti konsegwenzjali fuq Stati Membri oħra li jirriżultaw minn politiki nazzjonali) għandha titqies aħjar meta wieħed iħares lejn il-Proċedura ta’ Żbilanċ Makroekonomiku jew meta l-Kummissjoni qiegħda tabbozza is-SAT;

88. Jemmen li l-proċedura ta’ żbilanċ makroekonomiku għandha tevalwa wkoll b’mod ċar kwalunkwe dipendenza żejda fuq settur partikolari ta’ attività;

89. Jitlob lill-Kummissjoni tipproċedi għal eżaminazzjoni bir-reqqa fid-dawl tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tal-provvedimenti ta’ likwidità mis-SEBĊ;

90. Jagħti istruzzjonijiet lill-Kummissjoni, fil-kapaċità tagħha bħala “gwardjan tat-Trattati”, biex tippreżenta sal-aħħar tal-2015, studju ddettaljat tal-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-programmi tal-aġġustament fl-erba' pajjiżi, sabiex tipprovdi fehim preċiż tal-impatt kemm fuq żmien twil kif ukoll fuq żmien qasir tal-programmi, b'hekk tagħmilha possibbli li l-informazzjoni li tirriżulta tkun użata għal miżuri futuri ta' assistenza; jitlob lill-Kummissjoni tuża l-korpi konsultattivi rilevanti kollha, inkluż il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, il-Kumitat tal-Impjiegi u l-Kumitat għall-Protezzjoni Soċjali, biex jikkooperaw bis-sħiħ mal-Parlament meta jabbozzaw dan l-istudju; jemmen li r-rapport tal-Kummissjoni għandu jirrifletti wkoll il-valutazzjoni tal-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem;

91. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżguraw l-involviment tad-Direttortati Ġenerali (DĠ) kollha tal-Kummissjoni u l-ministeri nazzjonali fid-diskussjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-MtQ; jenfasizza b'mod partikolari r-rwol tad-DĠ Impjiegi flimkien mad-DĠ ECFIN u DĠ MARKT fl-iżgurar tad-dimensjoni soċjali bħala kunsiderazzjoni ewlenija fin-negozjati u li l-impatt soċjali wkoll huwa kkunsidrat;

Il-BĊE

92. Jitlob li fi kwalunkwe riforma tal-qafas tat-Trojka, ir-rwol tal-BĊE jiġi analizzat bir-reqqa sabiex jiġi allinjat mal-mandat tal-BĊE; jitlob, b’mod partikolari, li l-BĊE jingħata l-istatus ta' osservatur sieket bi rwol konsultattiv trasparenti u definit b’mod ċar, filwaqt li ma jitħallihx ikun sieħeb sħiħ fin-negozjati u jitwaqqaf milli jibqa’ kofirmatarju tal-istqarrijiet tal-missjoni tal-BĊE;

93. Jitlob lill-BĊE biex iwettaq u jippubblika evalwazzjonijiet ex-post tal-impatt tar-rakkomandazzjonijiet u l-parteċipazzjoni tiegħu fit-Trojka;

94. Jirrakkomanda li l-BĊE jaġġorna l-linji gwida tiegħu dwar l-Assistenza ta' Emerġenza fil-Likwidità u r-regolamenti qafas kollaterali, sabiex titjieb it-trasparenza tad-dispożizzjonijiet tal-likwidità fl-Istati Membri li qed jirċievu assistenza u tiżdied iċ-ċertezza legali madwar il-kunċett ta' solvenza użat mis-SEBĊ;

95. Jistieden lill-BĊE u lill-banek ċentrali nazzjonali (BĊN) biex jippubblikaw informazzjoni komprensiva dwar l-assistenza ta’ emerġenza fil-likwidità f’ħin tajjeb, inkluż il-kundizzjonijiet għall-appoġġ bħas-solvenza, il-mod kif l-assistenza ta’ emerġenza fil-likwidità huma ffinanzjati mill-BĊN, il-qafas legali u l-funzjonament prattiku;

Il-FMI

96. Jemmen li wara bosta snin ta’ esperjenza fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ programmi finanzjarji, l-istituzzjonijiet Ewropej kisbu l-għarfien neċessarju biex ifassluhom u jimplimentawhom waħedhom mingħajr ma l-involviment tal-FMI jkun definit mill-ġdid, skont il-linji proposti f'dan ir-rapport;

97. Jitlob li kwalunkwe involviment futur tal-FMI fiż-żona tal-euro għandu jibqa' volontarju;

98. Jistieden lill-FMI sabiex jiddefinixxi mill-ġdid il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ kwalunkwe involviment futur minn naħa tiegħu fi programmi ta’ assistenza relatati mal-UE għal dak ta’ mutwant katalitiku li jipprovdi finanzjament u speċjalizzazzjoni minimi lill-pajjiż li qed jissellef u lill-istituzzjonijiet tal-UE waqt li jżomm l-għażla ta’ ħruġ mill-programm f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil;

99. Jitlob lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 138 tat-TFUE, biex tipproponi miżuri xierqa ħalli tkun żgurata rappreżentazzjoni magħquda taż-żona tal-euro mal-istituzzjonijiet finanzjarji u l-konferenzi internazzjonali u b’mod partikolari fil-FMI, sabiex tiġi sostitwita s-sistema attwali tar-rappreżentazzjoni individwali tal-Istat Membru fl-livell internazzjonali; jinnota li dan jeħtieġ bidla fl-istatuti tal-FMI;

100.  Jitlob li l-Parlament ikun konsultat dwar l-involviment tal-FMI fiż-żona tal-euro fuq bażi ad-hoc;

Il-Kunsill u l-Grupp tal-euro

101.  Jitlob għar-rivalutazzjoni tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Grupp tal-euro, biex jinkludi r-responsabbiltà demokratika xierqa kemm f'livell nazzjonali kif ukoll f'livell Ewropew; jitlob li l-linji gwida Ewropej ikunu stabbiliti sabiex jiżguraw kontroll demokratiku xieraq fuq l-implimentazzjoni tal-miżuri f'livell nazzjonali li jikkunsidra l-kwalità tal-impjiegi, il-protezzjoni soċjali, is-saħħa u l-edukazzjoni u jiżgura aċċess għas-sistemi soċjali kollha; jipproponi li l-Presidenza permanenti tal-Grupp tal-euro għandha tkun responsabbiltà full-time; jissuġġerixxi li l-President ikun wieħed mill-Viċi Presidenti tal-Kummissjoni, li jkun responsabbli lejn il-Parlament; jitlob għall-istabbilment ta' djalogu regolari, fuq żmien qasir, bejn it-Trojka u l-Parlament;

102.  Jistieden lill-Grupp tal-euro, lill-Kunsill u lill-Kunsill Ewropew jassumu r-responsabbiltà sħiħa għall-operazzjonijiet tat-Trojka; jinsab imħasseb, b'mod partikolari, dwar titjib tar-responsabbiltà tad-deċiżjonijiet tal-Grupp tal-euro fir-rigward tal-assistenza finanzjarja, peress li l-ministri tal-finanzi għandhom ir-responsabbiltà politika aħħarija għall-programmi tal-aġġustament makroekonomiku u l-implimentazzjoni tagħhom filwaqt li spiss l-ebda wieħed minnhom ma hu responsabbli għad-deċiżjonijiet speċifiċi għall-parlamenti nazzjonali tagħhom u lanqas għall-Parlament Ewropew; jemmen li qabel ma tingħata l-assistenza finanzjarja, il-President tal-Grupp tal-euro għandu jinstema’ quddiem il-Parlament Ewropew u quddiem il-ministri tal-finanzi tal-UE fil-parlamenti rispettivi tagħhom; jenfasizza li l-President tal-Grupp tal-euro u l-ministri tal-finanzi għandhom ikunu meħtieġa jirrappurtaw regolarment quddiem il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali;

103.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex iżidu s-sjieda nazzjonali tagħhom fil-ħidmiet u d-deċiżjonijiet tas-Semestru Ewropew u biex iwettqu l-miżuri u r-riformi kollha li qablu magħhom fil-kuntest tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż; ifakkar li l-Kummissjoni identifikat livell sinifikanti ta’ progress meta mqabbel mas-snin preċedenti fi 15 % biss tal-madwar 400 rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiżi;

Il-MES

104.  Jenfasizza li minħabba l-eliminazzjoni gradwali tat-Trojka, hemm bżonn li istituzzjoni tieħu f’idejha l-iskrutinju tar-riformi li jkunu għaddejjin;

105.  Jenfasizza li, essenzjalment, il-ħolqien tal-EFSF u l-MES barra l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jirrappreżenta ostaklu fl-iżvilupp tal-Unjoni, għad-detriment tal-Parlament, il-Qorti tal-Awdituri u l-Qorti tal-Ġustizzja;

106.  Jeżiġi li l-MES għandu jkun integrat fil-qafas legali tal-Unjoni u jevolvi lejn mekkaniżmu bbażat fuq il-metodu Komunitarju, kif imsemmi fit-Trattat dwar il-MES; jitlob li jkun responsabbli quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew, inkluż fir-rigward tad-deċiżjonijiet biex tingħata assistenza finanzjarja kif ukoll biex jittieħdu deċiżjonijiet li jagħtu porzjonijiet tas-self ġodda; jirrikonoxxi li sakemm l-Istati Membri jagħmlu kontribuzzjonijiet diretti mill-baġit nazzjonali tagħhom lill-MES, huma għandhom japprovaw l-assistenza finanzjarja; jitlob li l-MES jiżviluppa aktar, kapaċitajiet xierqa li jagħti self u jissellef , u li jkun stabbilit djalogu bejn il-bord tal-MES u s-sħab soċjali Ewropej u l-integrazzjoni tal-MES fil-baġit tal-UE; jistieden lill-membri tal-MES, sakemm dan imsemmi hawn fuq isir realtà, biex jastjenu mill-ħtieġa tal-unanimità fuq żmien qasir ħalli jippermettu li jittieħdu deċiżjonijiet standard minn maġġoranza kwalifikata aktar milli b'unanimità, u li jkun possibbli li tingħata assistenza ta' prekawzjoni;

107.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Grupp tal-euro biex jirrispettaw l-impenn magħmul mill-President tal-Kunsill Ewropew li jinnegozja arranġament interistituzzjonali mal-Parlament Ewropew sabiex ikun stabbilit mekkaniżmu interim xieraq għaż-żieda tar-responsabbiltà tal-MES; jitlob ukoll, f'dak il-kuntest, għal aktar trasparenza fil-proċedimenti tal-Kunsill Governattiv tal-MES;

108.  Jenfasizza li l-każistika u l-ġurisprudenza ‘Pringle’ tal-Qorti tal-Ġustizzja tagħti l-possibbiltà li tressaq il-MES lejn il-qafas tal-Komunità bi Trattat kostanti abbażi tal-Artikolu 352 tat-TFUE; jitlob għaldaqstant lill-Kummissjoni biex, sal-aħħar tal-2014, tressaq proposta leġiżlattiva b’dak l-objettiv;

Il-perjodu ta' żmien medju għal dak fit-tul

109.  Jitlob li l-memoranda jitpoġġew fi ħdan il-qafas tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità sabiex tkun promossa strateġija ta’ konsolidazzjoni kredibbli u sostenibbli, u b'hekk taqdi l-objettivi tal-istrateġija għal tkabbir fl-Unjoni u l-objettivi ddikjarati tal-koeżjoni soċjali u l-impjiegi; jirrakkomanda li, sabiex il-programmi ta' assistenza jingħataw il-leġittimità demokratika xierqa, il-mandati tan-negozjati għandhom ikunu sottomessi għal vot fil-Parlament Ewropew, u li l-Parlament għandu jkun ikkonsultat dwar il-MtQ li jirriżultaw;

110.  Itenni t-talba tiegħu għad-deċiżjonijiet relatati mat-tisħiħ tal-UEM biex jittieħdu abbażi tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; huwa tal-opinjoni li devjazzjoni mill-metodu Komunitarju u użu akbar tal-ftehimiet intergovernattivi (bħall-ftehimiet kontrattwali) jaqsmu, idgħajfu u jisfidaw il-kredibbiltà tal-Unjoni, inkluża ż-żona tal-euro; huwa konxju tal-fatt li r-rispett sħiħ tal-metodu Komunitarju f'aktar riformi tal-mekkaniżmu ta' assistenza tal-Unjoni jista' jeħtieġ bidla fit-trattat, u jenfasizza li kwalunkwe bidla bħal din għandha tinvolvi bis-sħiħ il-PE u tkun soġġetta għal konvenzjoni;

111.  Huwa tal-opinjoni li għandha tkun ikkunsidrat l-għażla tal-bidla tat-Trattat li tippermetti l-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 143 preżenti tat-TFUE għall-Istati Membri kollha u mhux ristretta għall-Istati Membri barra ż-żona tal-euro;

112.  Jitlob għall-ħolqien ta’ Fond Monetarju Ewropew abbażi tad-dritt tal-Unjoni li għandu jkun soġġett għall-metodu tal-Komunità; jemmen li dan il-Fond Monetarju Ewropew għandu jikkombina l-mezzi finanzjarji tal-MES, li huma mmirati biex jappoġġjaw pajjiżi li qed jesperjenzaw problemi ta’ bilanċ ta’ pagamenti jew qed jiffaċċjaw insolvenza tal-istat, mar-riżorsi u l-esperjenza li l-Kummissjoni kisbet matul dawn l-aħħar snin f’dan il-qasam; jirrimarka li dan il-qafas jista’ jevita l-kunflitti ta’ interess inerenti possibbli għar-rwol attwali tal-Kummissjoni bħala aġent tal-Grupp tal-euro u r-rwol ħafna aktar komprensiv tiegħu bħala “gwardjan tat-trattat”; jemmen li l-Fond Monetarju Ewropew għandu jkun soġġett għall-ogħla standards demokratiċi ta' responsabbiltà u leġittimità; jemmen li dan il-qafas se jiżgura t-trasparenza fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet u li l-istituzzjonijiet kollha involuti huma kompletament responsabbli għall-azzjonijiet tagħhom;

113.  Huwa tal-opinjoni li se jkun hemm bżonn ta’ reviżjoni tat-trattat sabiex ikun ankrat bis-sħiħ il-qafas għall-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kriżi tal-UE fuq bażi legalment soda u ekonomikament sostenibbli;

114.  Huwa tal-opinjoni li għandha tkun eżaminata l-għażla li jkun żviluppat mekkaniżmu b’passi proċedurali ċari għal pajjiżi li huma fil-periklu ta’ insolvenza, skont ir-regoli “tas-six pack” u “t-two pack”; f'dan il-kuntest, jinkoraġġixxi lill-FMI u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex iwasslu lill-FMI għal pożizzjoni komuni sabiex jerġa’ jibda d-dibattitu dwar mekkaniżmu għall-istrutturar tad-dejn sovran internazzjonali bil-għan li jiġi adottat approċċ multilaterali ġust u sostenibbli f’dan il-qasam;

115.  Iqassar ir-rakkomandazzjoni tiegħu li r-rwoli rispettivi u l-kompiti ta' kull parteċipant fit-Trojka għandhom ikunu ċċarati kif ġej:

a) Fond Monetarju Ewropew, li jikkombina l-mezzi finanzjarji tal-MES u r-riżorsi umani li l-Kummissjoni kisbet f'dawn l-aħħar snin, li jieħu r-rwol tal-Kummissjoni, u jagħmilha possibbli li din tal-aħħar taġixxi b'mod konformi mal-Artikolu 17 tat-TUE u b'mod partikolari biex taġixxi bħala gwardjan tat-Trattati;

b) il-BĊE jipparteċipa bħala osservatur sieket matul il-proċess tan-negozjati, sabiex ikun possibbli li jqajjem it-tħassib serju fir-rwol konsultattiv tiegħu lill-Kummissjoni, u aktar tard lill-Fond Monetarju Ewropew jekk xieraq;

c) il-FMI, jekk l-involviment tiegħu jkun strettament meħtieġ, ikun mutwant marġinali u għaldaqstant ikun jista’ jħalli l-programm f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil;

116.  Jikkunsidra li l-ħidma li bdiet b'dan ir-rapport tkun segwita; jistieden lill-Parlament li jmiss biex iwettaq il-ħidma ta’ dan ir-rapport u jiżviluppa aktar ir-riżultati ewlenin u jagħmel aktar investigazzjoni;

117.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Grupp tal-euro, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew u lill-FMI.

(1)

ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1.

(2)

Testi adottati, P7_TA(2010)0223.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2013)0447.

(4)

Testi adottati, P7_TA(2013)0332.

(5)

Testi adottati, P7_TA(2013)0269.

(6)

Testi adottati, P7_TA(2012)0430.

(7)

Testi adottati, P7_TA(2011)0331.

(8)

Testi adottati, P7_TA(2010)0376.


NOTA SPJEGATTIVA

L-objettiv ġenerali tar-rapport huwa li jevalwa l-funzjonament tat-Trojka fil-programmi li għaddejjin bħalissa fl-erba' pajjiżi: il-Greċja, il-Portugall, l-Irlanda u Ċipru. Dan jinkludi l-elementi li ġejjin li għandhom ikunu suġġetti għal skrutinju:

- Il-bażi legali, il-mandat u l-istruttura tat-Trojka;

- Il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet fi ħdan l-istituzzjonijiet u fir-rigward ta' 'istituzzjonijiet' oħra (pereżempju, il-Grupp tal-euro, il-Ministri tal-Finanzi nazzjonali eċċ.)

- Il-leġittimità demokratika

- Bażi 'teoretika' għad-deċiżjonijiet (statistiċi, tbassir, aspettattivi ekonomiċi eċċ.)

- Konsegwenzi tal-ħidma tat-Trojka (inkluż l-eżaminazzjoni ta' kontravvenzjonijiet possibbli jew amministrazzjoni ħażina)

Il-korapporteurs jixtiequ jenfasizzaw li dan l-abbozz ta' rapport preżenti huwa bażi għad-diskussjonijiet politiċi sussegwenti, għad-delegazzjonijiet għall-Istati Membri rilevanti u għas-smigħ ta' bosta partijiet interessati fil-bidu tal-2014. Huwa jirreġistra l-istorja u l-istat tal-ħidma, iżda ma jippruvax ifassal il-konklużjonijiet jew ir-rakkomandazzjonijiet finali li għandhom ikunu mfassla wara ħidma sostanzjali fix-xhur li ġejjin.

Bħala l-ewwel pass, kien intbgħat il-kwestjonarju t'hawn taħt fit-22 ta' Novembru 2013 lil min jieħu d-deċiżjonijiet fil-livell tal-UE (A) kif ukoll lill-gvernijiet nazzjonali tal-erba' Stati Membri (B) ikkonċernati. It-tweġibiet se jkunu evalwati matul il-proċedura.

A. Kwestjonarju lill-Kummissjoni Ewropea, il-BĊE, il-FMI, il-Grupp tal-euro u l-Kunsill Ewropew

IT-TFASSIL U L-ADOZZJONI TAL-PROGRAMMI TA' ASSISTENZA FINANZJARJA

1.  Min iddeċieda f'isem l-istituzzjoni tiegħek dwar involviment fil-programmi ta' assistenza finanzjarja tal-Greċja, l-Irlanda, il-Portugall u Ċipru rispettivament? Meta ttieħdu dawn id-deċiżjonijiet rispettivament?

2.  X'kien ir-rwol u l-funzjoni tiegħek rispettivament, fin-negozjati u t-twaqqif tal-programm ta' assistenza finanzjarja, inkluża d-definizzjoni tal-objettivi tal-politika u l-miżuri prinċipali kif ukoll l-implimentazzjoni tagħhom fil-Greċja, fl-Irlanda, fil-Portugall u f'Ċipru rispettivament? Skont liema kriterji ġew identifikati l-prijoritajiet tar-riforma?

3.  Iddeskrivi fid-dettall il-preżunzjonijiet u l-metodoloġija (partikolarment fir-rigward tal-multiplikaturi fiskali) użati biex ibassru s-sostenibbiltà tad-dejn fil-bidu u waqt kull programm u l-miżuri fiskali tat-tfassil. X'kien il-modus operandi li wassal għall-adozzjoni tal-abbozz tal-programmi?

4.  Ġibt l-informazzjoni rilevanti kollha, inklużi l-istatistiċi, mill-Istati Membri biex tagħmel valutazzjoni korretta u biex tippjana l-aqwa pjanijiet ta' assistenza?

5.  Kemm kellhom flessibbiltà l-pajjiżi kkonċernati biex jiddeċiedu dwar it-tfassil tal-miżuri meħtieġa (riformi ta' konsolidazzjoni jew strutturali)? Jekk jogħġbok spjega għal kull pajjiż.

6.  Kien hemm xi Stati Membri (il-Greċja, l-Irlanda, il-Portugall, Ċipru) li ressqu, bħala prekundizzjoni għall-approvazzjoni tagħhom tal-MtQ, talba għal miżuri speċifiċi bħala parti mill-MtQ? Jekk dan huwa l-każ, jekk jogħġbok elabora dwar dawn it-talbiet.

7.  Kien hemm xi Stati Membri mill-oħrajn li ressqu miżuri speċifiċi biex ikunu inklużi fil-programmi, bħala prekundizzjoni għall-approvazzjoni tagħhom biex jagħtu assistenza finanzjarja? Jekk dan huwa l-każ, min kien u x'kienu dawn għal kull programm?

8.  Sa liema punt kien involut il-Grupp tal-euro fit-tfassil iddettaljat tal-programmi? Jekk jogħġbok iddeskrivi fid-dettall il-proċess fi ħdan il-Grupp tal-euro li wassal għal deċiżjoni dwar il-kontenut u l-approvazzjoni tal-programmi f'kull każ. Il-Grupp tal-euro pprovda mandat bil-miktub lin-negozjaturi tat-trojka tal-UE, inkluż l-objettivi u l-prijoritajiet fost oħrajn?

9.  Kif u meta t-trojka rrappurtat lura lill-Grupp tal-euro/KEF?

10. Il-MES għandu rwol fin-negozjati u t-twaqqif tal-programmi ta' assistenza finanzjarja? Jekk dan huwa l-każ, sa liem punt?

IL-FUNZJONAMENT TAL-PROGRAMMI

11. Tikkunsidra li l-miżuri ta' konsolidazzjoni/ir-riformi strutturali kienu bbilanċjati/mqassma b'mod ugwali fost iċ-ċittadini u bejn is-settur privat u pubbliku? Jekk jogħġbok spjega.

12. Jekk jogħġbok spjega l-kwalità tal-kooperazzjoni fost l-istituzzjonijiet tat-Trojka fuq il-post. Xi rwol kellhom il-Kummissjoni, il-BĊE u l-FMI f'dawn ix-xogħolijiet rispettivi? Kif inhuma proposti/magħmula l-miżuri konkreti jew id-deċiżjonijiet mit-Trojka?

13. X'kienet l-interazzjoni bejn it-'Task Force', imnedija mill-Kummissjoni fl-2011, u t-Trojka?

14. Kif taħdem il-kollaborazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali? Sa liem punt huma involuti l-Istati Membri fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet?

15. Min jadotta d-deċiżjoni finali dwar il-miżuri konkreti li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri kkonċernati?

16. Kemm-il darba nstemgħu r-rappreżentanti tat-Trojka quddiem il-Parlamenti nazzjonali? Tikkunsidra li l-miżuri implimentati bbenefikaw mir-responsabbiltà u l-leġittimità demokratika xierqa?

17. Il-programmi miftiehma saru b'mod korrett u fil-ħin? Jekk le, x'kienu r-raġunijiet u l-konsegwenzi fuq l-effettività u l-affettività tal-programmi?

18. Kemm taf b'każijiet f'kull pajjiż ta' ksur tal-liġi nazzjonali li jisfida l-legalità tad-deċiżjonijiet li ħarġu mill-MtQ? Il-Kummissjoni u l-BĊE pproċedew għal valutazzjoni tal-konformità u l-konsistenza tal-miżuri nnegozjati mal-Istati Membri bl-obligazzjonijiet tad-drittijiet fundamentali msemmija fit-Trattati?

19. Sodisfatt bl-objettivi u r-riżultati effettivi tal-programm f'kull pajjiż?

20. Fatturi esterni, li seħħew matul il-programmi, influwenzaw ir-riżultati?

21. X'impatt kellu d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 472/2013 fuq l-implimentazzjoni tal-programmi? Jekk jogħġbok agħti d-dettalji ta' kif u sa liem punt ġew implimentati d-dispożizzjonijiet tar-Regolament.

22. Fl-opinjoni tiegħek, x'kien isir fil-pajjiżi tal-programm jekk l-UE u l-FMI ma pprovdewx assistenza finanzjarja?

23. [lill-BĊE] - Tikkunsidra li l-programm ta' Assistenza ta' Emerġenza fil-Likwidità (ELA) ġie implimentat b'mod korrett f'kull pajjiż? Jekk jogħġbok elabora t-tweġiba tiegħek.

24. [lill-BĊE] - Il-Membri tal-Kunsill Governattiv appoġġjaw il-programmi kollha tal-pajjiżi kollha? Jekk jogħġbok spjega kwalunkwe devjazzjoni possibbli.

25. X'miżuri ttieħdu biex ikunu evitati l-kunflitti ta' interess bejn il-funzjoni ta' kreditur tal-BĊE fir-rigward tas-sistema bankarja fl-Istati Membri li qed jesperjenzaw diffikultajiet finanzjarji?

26. [lill-BĊE] - Informazzjoni kunfidenzjali tal-istampa tissuġġerixxi li ntbagħtu ittri mill-BĊE lil pajjiżi fil-programm, li jeħtieġu riformi u jimponu kundizzjonijiet bi skambju mal-appoġġ għal-likwidità u l-operazzjonijiet tas-suq miftuħ. Dawn l-ittri veru ntbagħtu? Jekk iva, lil min, għalfejn u x'kien il-kontenut?

27. [lill-FMI] - Il-Membri tal-Bord Eżekuttiv tal-FMI kollha appoġġjaw il-programmi kollha tal-pajjiżi kollha? Jekk jogħġbok spjega kwalunkwe devjazzjoni possibbli.

28. [lill-Kummissjoni] - Kien hemm Esperti Nazzjonali Sekondati mill-pajjiż in kwistjoni fuq il-post? Jekk iva, kif żgurajt l-indipendenza? Fit-tweġiba tiegħek ikkunsidra li fil-każ tal-FMI, l-ebda uffiċjal mill-pajjiż involut ma jaħdem fuq dak il-pajjiż.

29. Skont liema kriterji ġew magħżula l-intrapriżi għar-rwoli ta' awditjar/konsulenza għal istituzzjonijiet finanzjarji fi Stati Membri li qed jibbenefikaw mill-programm? Kien hemm xi proċedura ta' offerta pubblika? Jekk le, għaliex?

B. Kwestjonarju mibgħut lill-Istati Membri fi programm ta' assistenza finanzjarja

1.  Jekk applikabbli, għalfejn pajjiżek iddeċieda li jitlob programm ta' assistenza finanzjarja?

2.  X'kien ir-rwol u l-funzjoni tiegħek fin-negozjati u t-twaqqif tal-programm ta' assistenza finanzjarja għal pajjiżek?

3.  X'kien ir-rwol tal-parlament nazzjonali fin-negozjati tal-MtQ? Il-gvern kif ippreżenta t-test lill-parlament? Il-parlament kif adotta l-MtQ finali? Is-sħab soċjali ħadu sehem fid-diskussjoni dwar il-MtQ?

4.  Kemm kellek flessibbiltà biex tiddeċiedi dwar it-tfassil tal-miżuri meħtieġa (riformi ta' konsolidazzjoni jew strutturali)? Jekk jogħġbok spjega.

5.  Tikkunsidra li l-miżuri ta' konsolidazzjoni/ir-riformi strutturali kienu bbilanċjati/mqassma b'mod ugwali fost iċ-ċittadini? Jekk jogħġbok spjega.

6.  Jekk jogħġbok spjega l-kwalità tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tiegħek u l-istituzzjonijiet tat-Trojka fuq il-post.

7.  X'impatt kellu d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 472/2013 fuq l-implimentazzjoni tal-programmi? Użajt id-dispożizzjonijiet tar-Regolament, partikolarment Artikolu 7(11)? Jekk le, għaliex?

8.  Kemm taf b'każijiet f'pajjiżek ta' ksur tal-liġi nazzjonali li jisfida l-legalità tad-deċiżjonijiet li ħarġu mill-MtQ?

9.  Sodisfatt bl-objettivi u r-riżultati effettivi tal-programm f'pajjiżek?


OPINJONI tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (6.2.2014)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

dwar ir-rapport ta’ inkjesta dwar ir-rwol u l-operazzjonijiet tat-Trojka (BĊE, Kummissjoni, FMI) fir-rigward tal-pajjiżi tal-programm taż-żona tal-euro

(2013/2277(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Michael Theurer

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jisħaq fuq il-fatt li, fil-bidu tal-kriżi finanzjarja, 16 mis-17-il Stat Membru taż-żona tal-euro kienu qed jiksru l-kriterji ta' Maastricht; ifakkar fl-importanza li jkun hemm konformità min-naħa tal-Istati Membri mal-leġiżlazzjoni Ewropea; jemmen li hemm bżonn li l-mekkaniżmi ta' kontroll baġitarju jissaħħu biex tiġi implimentata l-politika għall-impjiegi u t-tkabbir fiż-żona tal-euro li hi stabbilita kemm fl-istrateġija ta' Lisbona u kemm fl-istrateġija Ewropa 2020; jindika li l-Unjoni naqset milli tipprovdi twissijiet bikrin effikaċi u sussegwentement milli tieħu azzjoni rigward id-defiċits akkumulati eċċessivi ta' dawk il-pajjiżi milqutin mill-kriżi u ma kellhiex il-mekkaniżmi ta' monitoraġġ xierqa għas-sorveljanza tagħhom;

2.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-kontribwenti Ewropej urew solidarjetà konsiderevoli mal-pajjiżi milqutin mill-kriżi u li saru sforzi sinifikanti fil-pajjiżi milqutin mill-kriżi biex jiġu affrontati l-problemi strutturali;

3.  Jissottolinja l-fatt li impenji favur riformi strutturali huma prerekwiżit għall-appoġġ finanzjarju fiż-żona tal-euro;

4.  Jisħaq fuq il-fatt li l-leġittimità demokratika tan-negozjati tat-Trojka u d-deċiżjonijiet tal-Grupp tal-Euro huma dgħajfa u għandhom jitqawwew, mingħajr ma wieħed jinsa' li t-Trojka hi sempliċiment korp tekniku;

5.  Jemmen li anke l-programmi tagħha għall-aġġustament makroekonomiku għandhom jiġu evalwati bil-ħsieb li jkomplu jittejbu d-dispożizzjonijiet ġuridiċi u istituzzjonali għal sistema ta' kontroll baġitarju aktar effikaċi;

6.  Jistenna li l-qrati tal-awdituri nazzjonali jassumu bis-sħiħ ir-responsabiltajiet ġuridiċi tagħhom fir-rigward taċ-ċertifikazzjoni tal-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet finanzjarji u l-effikaċja tas-sistemi superviżorji u ta' kontroll; jistieden lill-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom f'dan ir-rigward, b'mod partikolari permezz tal-iskambju tal-aħjar prattiki;

7.  Jistieden lill-Istati Membri isaħħu l-kompetenza esperta fl-organizzazzjonijiet governattivi u fil-banek ċentrali b'mod li jnaqqsu r-riskju li jkunu obbligati jħallsu għal kompetenza esperta esterna;

8.  Jenfasizza li l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES), organizzazzjoni internazzjonali li tinsab fil-Lussemburgu u li taġixxi bħala sors permanenti ta' assistenza finanzjarja għall-Istati Membri f'diffikultà finanzjarja, li għandu kapaċità ta' self massima ta' EUR 500 biljun, għandu jiġi obbligat jagħti rendikont ta' għemilu direttament lill-Parlament; jistenna li l-MES joħroġ rapport sħiħ kull sitt xhur dwar l-attivitajiet tiegħu lill-kumitati parlamentari kkonċernati; jirrakkomanda bis-saħħa, f'dan ir-rigward, li l-MES jiċċaqlaq lejn ġestjoni bil-metodu Komunitarju, kif previst fit-Trattat dwar il-MES; jirrikjedi wkoll li l-MES jiġi obbligat jagħti rendikont ta' għemilu lill-Parlament;

9.  Jikkritika l-fatt li t-Trattat dwar il-MES jonqsu biżżejjed dispożizzjonijiet biex jiġi żgurat awditjar estern effikaċi; jiddispjaċih dwar il-fatt li, fl-Artikolu 24 (dwar il-bord tal-awdituri) tar-regolamenti għat-Trattat, il-Qorti tal-Awdituri tista' tinnomina biss membru wieħed, filwaqt li l-President jista' jipproponi tnejn;

10. Jinsab imħasseb dwar id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 24, paragrafu 6 tar-regolamenti għat-Trattat, skont liema l-proċedura miftiehma biex jiġi informat il-Parlament hi li jinħareġ biss ir-rapport annwali tal-Bord tal-Awdituri lill-Parlament; jissottolinja d-dritt tal-Parlament li jorganizza dibattitu dwar ir-rapport annwali mal-Bord tal-Awdituri fil-preżenza tal-Bord tal-Gvernaturi tal-MES;

11. Jistenna li l-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Istati Membri jiżviluppaw politika koerenti u b'saħħitha biex jiġġieldu l-evażjoni fiskali (inkluża l-evażjoni tal-VAT) u l-frodi fiskali, inkluża azzjoni kkoordinata kontra t-tranżazzjonijiet finanzjarji offshore u r-rifuġji fiskali, mingħajr dewmien ulterjuri;

12. Jindika li r-rati ta' kofinanzjament għall-fondi strutturali tal-UE ġew miżjuda biex laħqu l-95 % għal uħud mill-Istati Membri li l-aktar intlaqtu mill-kriżi u li rċevew assistenza finanzjarja taħt programm ta' aġġustament; jisħaq fuq il-fatt li hemm bżonn li l-amministrazzjonijiet lokali u nazzjonali jissaħħu biex ikunu jistgħu jlaħħqu mal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-programmi tal-UE, b'mod li jitħaffef l-assorbiment tal-fondi strutturali;

13. Jiddispjaċih dwar ir-riżultati insuffiċjenti tal-istrateġija ta' Lisbona u jfakkar fil-fatt li l-appoġġ tal-UE għandu jkun iffokat fuq it-tkabbir u l-impjiegi;

14. Jieħu nota tar-rikjesti biex jiġi stabbilit Fond Monetarju Ewropew (FME) biex jissostitwixxi t-Trojka u l-MES; jikkunsidra li FME ta' dan it-tip ikun jeħtieġ li jiġi stabbilit bl-użu ta' strumenti tal-UE, imma jiġi ffinanzjat mill-kontribwenti tal-Istati Membri; jiġbed l-attenzjoni għall-importanza ta' ġestjoni kredibbli u indipendenti tal-kriżijiet; iqis għalhekk li t-tkomplija tal-involviment tal-FMI hi prijorità fil-ġestjoni tal-kriżijiet Ewropea.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

22.1.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

2

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marta Andreasen, Jean-Pierre Audy, Inés Ayala Sender, Tamás Deutsch, Martin Ehrenhauser, Jens Geier, Ingeborg Gräßle, Cătălin Sorin Ivan, Monica Luisa Macovei, Monika Panayotova, Petri Sarvamaa, Theodoros Skylakakis, Søren Bo Søndergaard, Michael Theurer

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Thijs Berman, Barbara Weiler

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Emer Costello, Jürgen Creutzmann, Albert Deß, Ismail Ertug, Richard Falbr, Peter Jahr, Elisabeth Jeggle, Teresa Jiménez-Becerril Barrio


OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (11.2.2014)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

dwar ir-rapport ta' inkjesta dwar ir-rwol u l-operazzjonijiet tat-Trojka (BĊE, Kummissjoni, FMI) fir-rigward tal-pajjiżi tal-programm taż-żona tal-euro

(2013/2277(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Helmut Scholz

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi l-istrumenti ta' assistenza finanzjarja żviluppati reċentement għall-pajjiżi fiż-żona tal-euro mhumiex ibbażati fuq il-liġi primarja tal-UE, u billi l-Artikolu 143 tat-TFUE jistipula b'mod espliċitu l-istrumenti għall-pajjiżi barra ż-żona tal-euro;

B.  billi l-Qorti tal-Ġustizzja, b'referenza għall-Artikolu 13(3) tat-Trattat dwar il-MES, dan l-aħħar ikkonfermat (fil-kawża Pringle) li l-Kummissjoni Ewropea bl-involviment tagħha fit-Trattat dwar il-MES għandha "tippromwovi l-interess ġenerali tal-Unjoni" u "tiżgura li l-memoranda ta' fehim konklużi mill-MES ikunu konsistenti mad-dritt tal-Unjoni Ewropea";

C. billi l-Artikolu 151 tat-TFUE jipprevedi li l-azzjoni meħuda mill-UE u mill-Istati Membri tagħha tkun konsistenti mad-drittijiet soċjali fundamentali stabbiliti fil-Karta Soċjali Ewropea tal-1961 u fil-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema tal-1989 sabiex jitjieb, fost affarijiet oħra, id-djalogu soċjali;

D. billi l-Artikolu 152 tat-TFUE jiddikkjara li: "l-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi u tippromwovi r-rwol tas-sħab soċjali fil-livell tagħha, filwaqt li tqis id-diversità tas-sistemi nazzjonali. Għandha tiffaċilita d-djalogu bejn is-sħab soċjali, waqt li tirrispetta l-awtonomija tagħhom";

E.  billi l-kundizzjonijiet għall-għajnuna finanzjarja huma miftiehma b'mod konġunt bejn l-istituzzjonijiet rilevanti tal-UE, il-MES u l-FMI, iżda d-deċiżjoni finali tittieħed dejjem mill-bord tal-MES, abbażi ta' MtQ innegozjat bejn it-Trojka u l-gvern tal-Istat Membru kkonċernat;

F.  billi t-Trojka kienet soluzzjoni ad-hoc, adottata taħt pressjoni ta' żmien kunsiderevoli f'kuntest ta' kriżi ekonomika fejn id-deċiżjonijiet kellhom jittieħdu malajr sabiex jiġu aġġoġġjati l-pajjiżi li qed jesperjenzaw l-aktar diffikultajiet estremi, biex tiġi evitata sitwazzjoni ta' falliment u li l-kriżi tinfirex fi Stati Membri oħra, u biex twaqqaf l-ispekulazzjoni fuq id-dejn sovran, u tipprevjeni l-kollass taż-żona tal-euro;

G. billi l-MtQ iffirmat mill-pajjiżi taż-żona tal-euro li qed iffitxu assistenza finanzjarja kellu impatt negattiv fuq id-drittijiet soċjali taċ-ċittadini; billi, f'dan il-kuntest, huwa ta' importanza kbira li jiġi żgurat li l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' programmi ta' assistenza finanzjarja jkunu soġġetti għal responsabbiltà demokratika kemm fill-livell Ewropew u f'dak nazzjonali;

1.  Jenfasizza li, essenzjalment, il-ħolqien tal-EFSF u l-MES barra l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jirrappreżenta intopp fl-iżvilupp tal-Unjoni, għad-detriment tal-Parlament, il-Qorti tal-Awdituri u l-Qorti tal-Ġustizzja;

2.  Jitlob li jkun hemm bidla fit-Trattat biex jinħoloq strument wieħed ta' assistenza finanzjarja fi ħdan il-qafas tal-Komunità għall-Istati Membri tal-UE kollha, peress li kull tbegħid mill-metodu Komunitarju u żieda fl-użu ta' ftehimiet intergovernattivi jistgħu jdgħajfu lill-Unjoni; jemmen li bidla bħal din għandha tipprovdi lill-Unjoni u l-istituzzjonijiet tagħha bil-mezzi meħtieġa biex kemm jista' jkun malajr, b'effikaċja u bil-leġittimità demokratika dovuta tindirizza kwalunkwe sfida li fil-futur tista' tipperikola l-istabbilità ekonomika, finanzjarja u soċjali taż-żona tal-euro u l-Istati Membri tagħha; għalhekk jitlob li jinħoloq il-Fond Monetarju Ewropew (FME);

3.  Huwa tal-fehma li t-Trojka ġiet stabbilita bħala backup u soluzzjoni ta' emerġenza biex issalva l-proġett taż-żona tal-euro u s-solidità ekonomika u finanzjarja tal-pajjiżi membri tagħha, iżda, minn issa 'l quddiem, għandu jkun hemm approċċ u mekkaniżmu permanenti ffukati fuq l-objettivi ta' tkabbir sostenibbli u ta' stabbiltà finanzjarja biex jipprevjenu u jindirizzaw sitwazzjonijiet simili;

4.  Jiddispjaċih li s-sistema ta' assistenza finanzjarja għadha ma ġietx soġġetta għal skrutinju u responsabbiltà parlamentari xierqa fil-qafas tat-Trattati tal-UE;

5.  Iqis li l-analiżi attwali tal-ħidma tat-Trojka fl-Istati Membri tal-Programm għandha tintuża bħala sors importanti ta' informazzjoni biex jinsiltu tagħlimiet mill-passat u biex jiġu adottati approċċi ġodda dwar il-mekkaniżmi l-ġodda li għandhom jinħolqu biex jipprevjenu spejjeż korrettivi għoljin għall-ekonomiji Ewropej fil-futur;

6.  Jinnota li, filwaqt li n-negozjati tal-MtQ u l-mandat tat-Trojka tqiesu bħala mhux trasparenti għalkollox, il-votanti nazzjonali tal-pajjiżi tal-programm kellhom l-opportunità li jesprimu l-approvazzjoni tagħhom għal-linji ġenerali tal-programmi ta' aġġustament;

7.  Jinsisti li hija primarjament il-Kummissjoni Ewropea, bħala waħda mill-istituzzjonijiet Ewropej li hija involuta fid-definizzjoni, id-deċiżjoni u l-monitoraġġ tal-konformità tal-programmi ta' aġġustament ekonomiku tal-gvernijiet nazzjonali mal-MtQ, li għandha tkun responsabbli lejn il-Parlament Ewropew; jistieden lill-Konvenzjoni li jmiss tissoġġetta d-deċiżjonijiet rilevanti għal rappurtar regolari lill-Parlament Ewropew; jenfasizza l-ħtieġa li tkun żgurata r-responsabbiltà demokratika diretta tal-istituzzjonijiet Ewropej lejn il-Parlament Ewropew u tal-gvernijiet tal-Istati Membri lejn il-parlamenti nazzjonali;

8.  Jenfasizza liit-tiftix tal-istabbiltà ekonomika u finanzjarja fl-Istati Membri u fl-Unjoni kollha kemm hi ma għandux idgħajjef l-istabbiltà soċjali, il-mudell soċjali Ewropew u d-drittijiet soċjali taċ-ċittadini tal-UE; jenfasizza li l-involviment tas-sħab soċjali fid-djalogu ekonomiku fil-livell Ewropew, skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattati, għandu jkun fuq l-aġenda politika; jitlob l-involviment meħtieġ tas-sħab soċjali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programmi ta' aġġustament, attwali u futuri;

9.  Jitlob kjarifika urġenti tar-responsabbiltajiet rispettivi tal-istituzzjonijiet li qed jipparteċipaw fit-Trojka u r-relazzjonijiet tagħhom mal-Grupp tal-euro;

10. Jemmen li r-relazzjoni taż-żona tal-euro mal-FMI għandha tiġi definita mill-ġdid, bil-ħsieb li gradwalment jitneħħa l-involviment dirett tal-FMI fir-riżoluzzjoni ta' problemi ta' dejn sovran marbut maż-żona tal-euro;

11. Jenfasizza li l-istituzzjonijiet tal-UE huma marbuta bis-sħiħ mad-dritt tal-Unjoni u li fi ħdan it-Trojka huma obbligati li jaġixxu f'konformità mad-drittijiet fundamentali li, skont l-Artikolu 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, japplikaw fiċ-ċirkustanzi kollha.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

11.2.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

9

4

10

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Andrew Henry William Brons, Zdravka Bušić, Carlo Casini, Andrew Duff, Ashley Fox, Roberto Gualtieri, Zita Gurmai, Gerald Häfner, Daniel Hannan, Stanimir Ilchev, Constance Le Grip, Morten Messerschmidt, Sandra Petrović Jakovina, Paulo Rangel, Tadeusz Ross, Algirdas Saudargas, Indrek Tarand, Luis Yáñez-Barnuevo García

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Elmar Brok, Zuzana Brzobohatá, Vital Moreira, Helmut Scholz, György Schöpflin, Rainer Wieland


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

24.2.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

31

10

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marino Baldini, Burkhard Balz, Jean-Paul Besset, Sharon Bowles, Udo Bullmann, Nikolaos Chountis, George Sabin Cutaş, Leonardo Domenici, Diogo Feio, Markus Ferber, Elisa Ferreira, Ildikó Gáll-Pelcz, Jean-Paul Gauzès, Sven Giegold, Sylvie Goulard, Liem Hoang Ngoc, Gunnar Hökmark, Othmar Karas, Wolf Klinz, Jürgen Klute, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Philippe Lamberts, Werner Langen, Astrid Lulling, Ivana Maletić, Hans-Peter Martin, Sławomir Nitras, Anni Podimata, Antolín Sánchez Presedo, Olle Schmidt, Theodor Dumitru Stolojan, Kay Swinburne, Sampo Terho, Ramon Tremosa i Balcells

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Pervenche Berès, Zdravka Bušić, Sari Essayah, Danuta Maria Hübner, Krišjānis Kariņš, Olle Ludvigsson, Gay Mitchell, Nils Torvalds

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Alejandro Cercas, Emma McClarkin, Henri Weber

Aġġornata l-aħħar: 10 ta' Marzu 2014Avviż legali