RAPPORT dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012, Taqsima IV – Il-Qorti tal-Ġustizzja

20.3.2014 - (COM(2013)0570 – C7‑0276/2013 – 2013/2199(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
Rapporteur: Tamás Deutsch

Proċedura : 2013/2199(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0213/2014
Testi mressqa :
A7-0213/2014
Testi adottati :

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012, Taqsima IV – Il-Qorti tal-Ġustizzja

(COM(2013)0570 – C7‑0276/2013 – 2013/2199(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012[1],

–       wara li kkunsidra l-kontijiet annwali kkonsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012 (COM(2013)0570 – C7‑0276/2013)[2],

–       wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2012, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet[3],

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni[4] dwar l-affidabilità tal-kontijiet, kif ukoll dwar il-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2012 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej[5], u b'mod partikolari l-Artikoli 50, 86, 145, 146 u 147 tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002[6], u b'mod partikolari l-Artikoli 164, 165 u 166 tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0213/2014),

1.      Jagħti l-kwittanza lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Qorti tal-Ġustizzja għas-sena finanzjarja 2012;

2.      Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012, Taqsima IV – Il-Qorti tal-Ġustizzja

(COM(2013)0570 – C7‑0276/2013 – 2013/2199(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012[7],

–       wara li kkunsidra l-kontijiet annwali kkonsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012 (COM(2013)0570 – C7‑0276/2013)[8],

–       wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2012, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet[9],

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni[10] dwar l-affidabilità tal-kontijiet, kif ukoll dwar il-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2012 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej[11], u b'mod partikolari l-Artikoli 50, 86, 145, 146 u 147 tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002[12], u b'mod partikolari l-Artikoli 164, 165 u 166 tiegħu,

–       wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet u r-riżoluzzjonijiet ta' kwittanza preċedenti tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0213/2014),

1.   Jinnota b'sodisfazzjon li, fir-rapport annwali tagħha għall-2012, il-Qorti tal-Awdituri osservat li ma ġiet identifikata l-ebda dgħufija sinifikanti fir-rigward tat-temi awditjati relatati mar-riżorsi umani u l-proċeduri ta' akkwist għall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ("il-Qorti tal-Ġustizzja");

2.   Jilqa' l-fatt li, abbażi tal-ħidma ta' awditjar tagħha, il-Qorti tal-Awdituri kkonkludiet li l-pagamenti kollha kemm huma għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2012 għan-nefqa amministrattiva u ta' tip ieħor tal-istituzzjonijiet u tal-korpi kienu ħielsa minn żbalji materjali;

3.   Jinnota li, fl-2012, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha approprjazzjonijiet ta' impenn li ammontaw għal EUR 343 567 692,52 (EUR 335 904 453,30 fl-2011), u li r-rata ta' implimentazzjoni ta' 98,63 % kienet ogħla minn dik tal-2011); ifakkar li l-baġit tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa wieħed purament amministrattiv;

4.      Jinnota li l-ammont ta' kawżi pendenti u magħluqa fil-Qorti Ġenerali naqas bi ftit fl-2012 meta mqabbel mas-snin preċedenti (i.e. 1 308 kawżi pendenti fl-2011 u 1 237 kawża pendenti fl-2012); jiddispjaċih madankollu li l-għadd tal-kawżi magħluqa qed jonqos (i.e. 714-il kawża magħluqa fl-2011 u 688 kawża magħluqa fl-2012); iqis li l-proposta għall-ħolqien ta' ħatriet addizzjonali ta' mħallfin fil-Qorti Ġenerali, li għadha qed tiġi eżaminata fil-Kunsill, tista' tikkontribwixxi għal tnaqqis effettiv tal-kawżi pendenti;

5.      Jinnota li l-Qorti tal-Ġustizzja u t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku segwew l-istess tendenza ta' anqas kawżi magħluqa u aktar kawżi pendenti meta mqabbla mas-sitwazzjoni fl-2011 (il-Qorti tal-Ġustizzja: 849 kawża pendenti fl-2011 u 886 kawża pendenti fl-2012, b'638 kawża magħluqa fl-2011 u 595 kawża magħluqa fl-2012; it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 178 kawża pendenti fl-2011 u 235 kawża pendenti fl-2012, b'166 kawża magħluqa fl-2011 u 121 kawża magħluqa fl-2012); jinnota li ma kien hemm l-ebda bidla fil-membri tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku;

6.      Jitlob informazzjoni ċara dwar il-produttività ta' kull awla bi tliet u b'ħames imħallfin tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali u tal-awla bi tliet imħallfin u l-awla bi mħallef wieħed fit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku; jitlob informazzjoni dwar kemm kawżi ġew trattati bħala relatur mill-President u l-Viċi President wara r-riorganizzazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja;

7.      Jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Qorti Ġenerali u lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jagħtu stampa ġenerali tal-għadd ta' kawżi pendenti għal aktar minn 24 xahar;

8.      Jenfasizza l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi li għad fadal marġini għal titjib fi ħdan il-mezzi eżistenti għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja; jisħaq fuq il-fatt li r-riformi interni implimentati fl-2012, speċifikament il-ħolqien tal-awla l-ġdida b'ħames imħallfin u l-awla l-ġdida bi tliet imħallfin, u l-bidliet fil-kompożizzjoni tal-Awla Manja, kif ukoll ir-reviżjoni tar-Regoli ta' Proċedura, ikkontribwixxew għal ċerti bidliet fis-sistema u li jista' jsir aktar permezz ta' riformi ulterjuri; jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja għal informazzjoni dwar kemm kawżi ġew attribwiti fl-2012 għal kull relatur fil-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali;

9.      Iħeġġeġ lill-Qorti tal-Ġustizzja ssib mod kif tikkontrolla b'mod xieraq it-tendenza lejn żieda fl-għadd ta' kawżi ġodda u l-ammont kbir ta' xogħol peress li r-riformi interni u r-reviżjoni tar-Regoli ta' Proċedura waħedhom mhumiex se jkunu biżżejjed fis-snin li ġejjin biex inaqqsu b'mod sinifikanti l-għadd ta' kawżi pendenti fil-Qorti tal-Ġustizzja; jara li possibilità waħda tista' tkun it-tnaqqis tal-ġimgħat mingħajr smigħ jew deliberazzjonijiet;

10.    Jikkondividi l-fehma li l-Qorti Ġenerali għandha tieħu aktar azzjoni biex tnaqqas l-attivitajiet barra mill-Qorti tal-membri u l-persunal; jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi approċċ aktar trasparenti billi, fuq is-sit tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-internet, tippubblika lista tal-attivitajiet esterni għal kull Imħallef;

11.    Jitlob lill-Qorti tal-Awdituri twettaq studju skont parametri ta' referenza li jagħti informazzjoni dwar il-produttività tal-Qrati Supremi paragunabbli fl-Istati Membri u tal-Qorti tal-Ġustizzja;

12. Jisħaq fuq il-fatt li fis-snin meta jiskadi l-mandat ta' aktar imħallfin, hemm riskju għoli li l-produttività tonqos u li l-kontinwità u l-istabilità tal-ħidma tal-Qorti tal-Ġustizzja se jintlaqtu jekk il-Kunsill ma jġeddidx il-mandat tal-imħallfin u jekk ikun hemm dewmien fil-ħatra ta' imħallfin ġodda;

13. Jinnota li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ogħla proporzjon ta' persunal li jaħdem fis-servizz tat-traduzzjoni minn fost l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni, peress li 47,3 % tal-impjegati tagħha jaħdmu bħala tradutturi u interpreti; japprezza l-obbligi fuq il-Qorti tal-Ġustizzja li tmexxi l-proċedimenti fl-24 lingwa uffiċjali kollha tal-Unjoni u li tittraduċi d-deċiżjonijiet kollha tagħha fil-lingwi uffiċjali; jemmen, madankollu, li hemm marġini għar-razzjonalizzazzjoni tas-servizzi tat-traduzzjoni fil-Qorti tal-Ġustizzja;

14.    Jappella lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tapplika l-metodu għall-kalkolu tal-ispejjeż tat-traduzzjoni għal kull paġna bl-istess mod kif isir fl-istituzzjonijiet l-oħra sabiex ikun possibbli li jitqabblu l-ispejjeż tat-traduzzjoni bejn l-istituzzjonijiet b'mod indaqs;

15.    Jirrikonoxxi l-benefiċċji tal-applikazzjoni e-Curia, li bdiet tiffunzjona f'Novembru 2011; jinnota b'sodisfazzjon li, kif kien antiċipat, din l-applikazzjoni kkontribwixxiet għal prestazzjoni aħjar fl-ipproċessar tal-kawżi;

16.    Jieħu nota tal-ispejjeż li ġġarrbu fil-proġett e-Curia u l-manutenzjoni tiegħu; jilqa' b'sodisfazzjon it-titjib li sar għas-sistema biex jiġu akkomodati t-talbiet u s-suġġerimenti mill-utenti; jitlob li jiġi informat fid-dettall dwar l-aġġornament kontinwu tas-sistema u dwar l-ispejjeż sussegwenti tagħha;

17. Jilqa' b'sodisfazzjon it-tranżizzjoni minn rapporti stampati għal rapporti elettroniċi; jinnota li l-applikazzjoni e-Curia għamlitha possibbli li jiġi permess l-iskambju elettroniku tad-dokumenti tal-proċedimenti u d-deċiżjonijiet tal-qorti bejn il-partijiet kollha u l-qrati tal-Qorti tal-Ġustizzja wara l-1 ta' Jannar 2012; jindika li l-aħħar rapporti stampati nħarġu qabel tmiem l-2012 u li l-fatt li d-dokumenti m'għadhomx qed jiġu ċċirkolati f'verżjoni stampata imma f'verżjoni elettronika wassal għal tnaqqis sinifikanti fl-ispejjeż tal-produzzjoni;

18. Jikkunsidra li hi xi ħaġa pożittiva ħafna li, sa tmiem l-2012, kien hemm 1003 utenti attivi ta' e-Curia, fosthom 14-il Stat Membru, żewġ pajjiżi mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles u ħames istituzzjonijiet Ewropej (b'mod partikolari, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni); jiddispjaċih, madankollu, li għad fadal xi Stati Membri li ma jużawx e-Curia għall-iskambju tad-dokumenti mal-Qorti tal-Ġustizzja;

19. Jinnota li kienu biss sebgħa l-laqgħat ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja li kellhom attendenza sħiħa fl-2012; jitlob biex l-aġenda ta' dawk il-laqgħat tiġi inkluża bħala anness għar-rapport annwali tal-attività tas-sena korrispondenti;

20. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja adottat regoli dwar id-dinjità fuq il-post tax-xogħol li japplikaw indaqs għall-membri kollha tal-persunal li jaħdmu f'uffiċċju ta' Membru jew f'wieħed mis-servizzi, inklużi l-proċeduri biex jiġu ttrattati l-allegazzjonijiet ta' molestja; jenfasizza l-fatt li hu essenzjali li jinżamm l-aħjar ambjent tax-xogħol possibbli għall-persunal u l-Membri fil-ġejjieni;

21. Jieħu nota tal-adozzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 741/2012 li jemenda l-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja[13] u anke tal-adozzjoni tar-regoli ta' proċedura l-ġodda tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-2012; jemmen li l-modifiki li tressqu se jikkontribwixxu għal prestazzjoni aħjar fit-twettiq ta' dmirijiet il-Qorti; jistenna li s-segwitu li jkun ingħata għal dawn ir-riformi jiġi spjegat fid-dettall fir-rapport annwali tal-attività tal-2013;

22.    Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Istati Membri li ngħaqdu fl-aħħar 10 snin għadhom mhumiex rappreżentati fil-livelli ta' Direttur Ġenerali u ta' Direttur fl-istituzzjoni; itenni l-ħtieġa għal aktar bilanċ ġeografiku f'dawk il-livelli tal-amministrazzjoni, kif inhu diġà l-każ fil-livell ta' Kap ta' Unità;

23. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-bidla organizzattiva li seħħet bil-ħolqien tad-Direttorat tal-Bibljoteka ma kellhiex impatt baġitarju fuq il-karigi maħluqa;

24. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-programm kommemorattiv għas-60 anniversarju tal-Qorti tal-Ġustizzja li ttella' fl-2012 kien jinvolvi biss spejjeż diretti minimi;

25. Jappoġġa l-politika tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti preferenza għall-użu tar-riżorsi interni, b'mod partikolari tas-servizzi tat-traduzzjoni; jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tivvaluta l-possibilità li timplimenta sistema ta' traduzzjoni "fuq talba" għall-każijiet speċifiċi biex tkompli tnaqqas il-pressjoni f'termini tal-kwantità tad-dokumenti għat-traduzzjoni;

26. Jieħu nota taż-żieda fl-infiq fuq iċ-Ċentru għat-Tfal Żgħar u l-produzzjoni u d-distribuzzjoni tad-dokumenti; jappella lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiżgura li dawn l-iżbilanċi ma jiġux ripetuti fis-snin li ġejjin;

27. Jikkonferma li l-għadd ta' seduti ta' smigħ u ta' laqgħat oħra b'interpretazzjoni kompla jikber fl-2012, b'għadd dejjem jikber ta' kawżi fil-ġurisdizzjonijiet kollha;

28. Jiddispjaċih dwar id-dewmien fl-implimentazzjoni tal-kontroll ex post tan-nefqa marbuta mal-manutenzjoni tat-tagħmir infrastrutturali u l-applikazzjonijiet informatiċi; jinnota li ġie implimentat pjan ta' azzjoni biex jiġu korretti r-riżultati tal-kontroll ex post tal-ispejjeż tat-tindif u l-manutenzjoni;

29. Jappella lill-Qorti tal-Ġustizzja biex, fir-rapporti annwali tal-attività tagħha, tinkludi r-riżultati u l-konsegwenzi tal-każijiet magħluqa tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) fejn l-istituzzjoni jew xi ħadd mill-individwi li jaħdmu għaliha kienu s-suġġett tal-investigazzjoni;

30. Jitlob biex il-politika dwar il-bini tal-Qorti tal-Ġustizzja tinhemeż mar-rapport annwali tal-attività;

31.    Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ħejjiet rapport annwali tal-attività komprensiv u dettaljat u inkludiet fih informazzjoni dettaljata dwar il-ġestjoni tar-riżorsi umani tagħha, kif mitlub mill-Parlament;

32.    Jappella lill-Qorti tal-Awdituri biex tinkludi fir-rapport annwali li jmiss tagħha rieżami tas-segwitu li jkunu ngħata mill-Qorti tal-Ġustizzja għar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament li jinsabu f’din ir-riżoluzzjoni.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

18.3.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

23

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marta Andreasen, Inés Ayala Sender, Zuzana Brzobohatá, Tamás Deutsch, Martin Ehrenhauser, Jens Geier, Gerben-Jan Gerbrandy, Ingeborg Gräßle, Cătălin Sorin Ivan, Rina Ronja Kari, Monica Luisa Macovei, Jan Mulder, Eva Ortiz Vilella, Monika Panayotova, Crescenzio Rivellini, Paul Rübig, Bogusław Sonik, Bart Staes, Georgios Stavrakakis, Michael Theurer, Derek Vaughan

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Amelia Andersdotter, Philip Bradbourn, Esther de Lange, Vojtěch Mynář, Jan Olbrycht, Markus Pieper, Barbara Weiler

  • [1]  ĠU L 56, 29.2.2012.
  • [2]  ĠU C 334, 15.11.2013, p. 1.
  • [3]  ĠU C 331, 14.11.2013, p. 1.
  • [4]  ĠU C 334, 15.11.2013, p. 122.
  • [5]  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
  • [6]  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
  • [7]  ĠU L 56, 29.2.2012.
  • [8]  ĠU C 334, 15.11.2013, p. 1.
  • [9]  ĠU C 331, 14.11.2013, p. 1.
  • [10]  ĠU C 334, 15.11.2013, p. 122.
  • [11]  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
  • [12]  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
  • [13]     Regolament (UE, Euratom) Nru 741/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Awissu 2012 li jemenda l-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Anness I tiegħu (ĠU L 228, 23.8.2012, p. 1).