ABBOZZ TAT-TIENI RAPPORT dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill

25.9.2014 - (COM(2013)0570 – C7-0275/2013 – 2013/2197(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
Rapporteur: Tamás Deutsch

Proċedura : 2013/2197(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0010/2014
Testi mressqa :
A8-0010/2014
Testi adottati :

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill

(COM(2013)0570 – C7-0275/2013 – 2013/2197(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012[1],

–       wara li kkunsidra l-kontijiet annwali kkonsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012 (COM(2013)0570 – C7-0275/2013)[2],  

–       wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2012, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet[3],

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabilità tal-kontijiet, kif ukoll dwar il-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom[4], ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2012, skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tas-3 ta’ April 2014[5] li tipposponi d-deċiżjoni ta’ kwittanza għas-sena finanzjarja 2012, kif ukoll ir-riżoluzzjoni ta’ ma’ dik id-deċiżjoni,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej[6], u b'mod partikolari l-Artikoli 50, 86, 145, 146 u 147 tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002[7], u b'mod partikolari l-Artikoli 164, 165 u 166 tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[8],

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra t-tieni rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0010/2014),

1.      Jiċħad il-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill għas-sena finanzjarja 2012;

2.      Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill

(COM(2013)0570 – C7-0275/2013 – 2013/2197(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012[9],

–       wara li kkunsidra l-kontijiet annwali kkonsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012 (COM(2013)0570 – C7-0275/2013)[10],  

–       wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2012, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet[11],

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabilità tal-kontijiet, kif ukoll dwar il-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom[12], ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2012, skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tas-3 ta’ April 2014[13] li tipposponi d-deċiżjoni ta’ kwittanza għas-sena finanzjarja 2012, kif ukoll ir-riżoluzzjoni ta’ ma’ dik id-deċiżjoni,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej[14], u b'mod partikolari l-Artikoli 50, 86, 145, 146 u 147 tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002[15], u b'mod partikolari l-Artikoli 164, 165 u 166 tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[16],

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra t-tieni rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0010/2014),

A.     billi l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni għandhom ikunu trasparenti għalkollox u jagħtu rendikont sħiħ liċ-ċittadini tal-Unjoni għall-fondi fdati lilhom bħala istituzzjonijiet tal-Unjoni;

B.     billi l-Kunsill Ewropew u l-Kunsill, bħala istituzzjonijiet tal-Unjoni, għandhom ikunu soġġetti għar-responsabilità demokratika fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni peress li huma benefiċjarji mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea,

C.     billi l-Parlament huwa l-uniku korp elett direttament fost l-istituzzjonijiet Ewropej u għandu r-responsabilità li jagħti l-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni;

1.      Jenfasizza r-rwol tal-Parlament speċifikat fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) fir-rigward tal-kwittanza baġitarja;

2.      Jindika li, skont l-Artikolu 335 tat-TFUE, "l-Unjoni għandha tkun rappreżentata minn kull waħda mill-istituzzjonijiet, bis-saħħa tal-awtonomija amministrattiva tagħhom, fi kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-operat rispettiv tagħhom", u li, b'konsegwenza, waqt li jitqies l-Artikolu 55 tar-Regolament Finanzjarju, l-istituzzjonijiet huma responsabbli b'mod individwali għall-implimentazzjoni tal-baġits tagħhom;

3.      Jenfasizza r-rwol tal-Parlament u ta ' istituzzjonijiet oħra fi ħdan il-proċedura ta' kwittanza hekk kif irregolat mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju, b'mod partikolari l-Artikoli 164 u 166 tiegħu;

4.      Jinnota li, skont l-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, "id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ta’ għoti ta’ kwittanza lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għandhom japplikaw bl-istess mod għall-proċedura ta’ għoti ta’ kwittanza [...] lill-persuni responsabbli mill-implimentazzjoni tal-baġits ta’ istituzzjonijiet u organi oħra tal-Unjoni Ewropea bħal ma huma l-Kunsill (f’dak li għandu x’jaqsam mal-attivitajiet tiegħu bħala eżekuttiv)";

Opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill fid-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni tagħha għas-sena finanzjarja 2012

5.      Jenfasizza l-fatt li fir-rapport annwali li jikkonċerna s-sena finanzjarja 2012, il-Qorti tal-Awdituri inkludiet osservazzjonijiet dwar il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill rigward żbalji fit-tfassil tal-proċeduri ta' akkwist; josserva li żball wieħed jirrelata mal-prestazzjoni ta' proċedura nnegozjata u li ieħor jirrelata mal-applikazzjoni ta' kriterju ta' għażla;

6.      Jieħu nota tat-tweġiba tal-Kunsill li ,"Il-Kunsill u l-Kunsill Ewropew għandhom qafas solidu u ċentralizzat ta' akkwist li reċentement ġie adattat għar-Regolament Finanzjarju l-ġdid u r-regoli ta' applikazzjoni, u li ser jissaħħaħ bid-disinn ta' mudelli ġodda ta' kuntratti u stediniet għal offerti kif ukoll l-iżvilupp ta' korsijiet speċifiċi ta' taħriġ dwar kif jiġu definiti u applikati l-kriterji ta' selezzjoni u ta' aġġudikazzjoni";

7.      Jaqbel mar-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri li l-uffiċjali awtorizzanti tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill għandhom itejbu t-tfassil, il-koordinazzjoni u l-prestazzjoni tal-proċeduri ta' akkwist permezz ta' kontrolli xierqa u gwida aħjar;

8.      Jieħu nota li l-Kunsill ma jipprovdi ebda tweġiba ulterjuri għar-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri;

Kwistjonijiet pendenti

9.      Itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill biex jinforma lill-Parlament dwar il-progress tal-kostruzzjoni u l-projezzjoni tal-ispejjeż finali tal-bini 'Ewropa';

10.    Jistieden lill-Kunsill jispjega l-miżuri kollha implimentati matul il-kostruzzjoni tal-bini 'Ewropa' sabiex titjieb l-eżekuzzjoni tal-proġett;

11.    Ifakkar lill-Kunsill bit-talba tal-Parlament għal rapport ta' progress dwar il-proġett ta' bini "Résidence Palace" u analiżi dettaljata tal-ispejjeż li tħallsu sal-lum;

12.    Iħeġġeġ lill-Kunsill jipprovdi spjegazzjoni bil-miktub u dettaljata dwar l-ammont totali ta' approprjazzjonijiet użati fix-xiri tal-bini 'Résidence Palace', il-partiti baġitarji li minnhom ittieħdu dawn l-approprjazzjonijiet, il-pagamenti parzjali li tħallsu s'issa, il-pagamenti parzjali li għad iridu jitħallsu u l-iskop li se jaqdi l-bini;

13.    Itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill biex jipprovdi informazzjoni dwar il-proċess ta' modernizzazzjoni amministrattiva tiegħu, b'mod partikolari dwar il-miżuri konkreti ta' implimentazzjoni ta' dak il-proċess u l-impatt antiċipat fuq il-baġit tal-Kunsill;

14.    Jiddispjaċih bid-diffikultajiet li tfaċċaw ripetutament fil-proċeduri ta' kwittanza sal-lum, li seħħew minħabba nuqqas ta' kooperazzjoni min-naħa tal-Kunsill; jinnota li l-Parlament ċaħad l-għoti tal-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill fir-rigward tas-snin finanzjarji 2009, 2010 u 2011 għar-raġunijiet stipulati fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-10 ta' Mejju 2011, tal-25 ta' Ottubru 2011, tal-10 ta' Mejju 2012, tat-23 ta' Ottubru 2012, tas-17 ta' April 2013 u tad-9 ta' Ottubru 2013, u ppospona d-deċiżjoni tiegħu li jagħti l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill fir-rigward tas-sena finanzjarja 2012 għar-raġunijiet stipulati fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' April 2014;

15.    Jinsisti li eżerċizzju ta' kontroll baġitarju effikaċi jeħtieġ il-kooperazzjoni tal-Parlament u l-Kunsill, kif stipulat fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' April 2014; jikkonferma li l-Parlament mhuwiex fil-qagħda li jieħu deċiżjoni infurmata dwar l-għoti tal-kwittanza;

16.    Ifakkar li bħala riżultat tad-deċiżjoni ta' kwittanza tiegħu adottata f'April 2013, il-Parlament bagħat il-mistoqsijiet tal-Kunsill lill-Kummissjoni, u li l-Kummissjoni wieġbet b'ittra tat-23 ta' Jannar 2014; ifakkar lill-Kunsill bl-opinjoni tal-Kummissjoni, li l-istituzzjonijiet kollha huma parti sħiħa mill-proċess ta' segwitu għall-osservazzjonijiet magħmula mill-Parlament fl-eżerċizzju ta' kwittanza u li l-istituzzjonijiet kollha għandhom jikkooperaw biex jiżguraw il-funzjonament mingħajr xkiel tal-proċedura ta' kwittanza;

17.    Jinnota li fl-ittra imsemmija hawn fuq il-Kummissjoni sostniet li mhijiex se tissorvelja l-implimentazzjoni tal-baġits tal-istituzzjonijiet l-oħra u li l-fatt li tagħti risposta għal mistoqsijiet indirizzati lil istituzzjoni oħra jikser l-awtonomija ta' dik l-istituzzjoni biex timplimenta t-taqsima tagħha stess tal-baġit;

18.    Jiddispjaċih li l-Kunsill għadu qed jonqos milli jipprovdi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Parlament; ifakkar fil-konklużjonijiet tas-sessjoni ta' ħidma tal-Parlament tas-27 ta' Settembru 2014 dwar id-Dritt tal-Parlament li jagħti kwittanza lill-Kunsill, li fiha l-biċċa l-kbira tal-esperti legali u akkademiċi qablu dwar id-dritt tal-Parlament għall-informazzjoni; f ' dan ir-rigward jirreferi għat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 15 tat-TFUE li jistipula li kull istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija għandha tiżgura li l-proċeduri tagħha jkunu trasparenti;

19.    Jinsisti li n-nefqa tal-Kunsill għandha tgħaddi minn skrutinju bħal dik ta ' istituzzjonijiet oħra u li l-elementi fundamentali ta' skrutinju bħal dan huma stipulati fir-riżoluzzjonijiet ta ' kwittanza tiegħu tas-snin li għaddew, b'mod par tikolari ir-riżoluzzjoni ta' kwittanza tat-23 ta' Ottubru   2012;

20.    Jenfasizza l-prerogattivi tal-Parlament li jagħti l-kwittanza skont l-Artikoli 316, 317 u 319 tat-TFUE, bi qbil mal-interpretazzjoni u l-prattika attwali, speċifikament li jagħti l-kwittanza għal kull intestatura tal-baġit b'mod individwali sabiex jinżammu t-trasparenza u l-obbligu demokratiku li jingħata rendikont lill-kontribwenti tal-Unjoni;

21.    Hu tal-fehma li n-nuqqas li jitressqu d-dokumenti rikjesti lill-Parlament fuq kollox idgħajfu d-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni għall-informazzjoni u t-trasparenza u qed isir raġuni ta' tħassib, li jirrifletti ċertu defiċit demokratiku fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni; iħeġġeġ lill-Kunsill għalhekk biex ma jqisx it-talbiet tal-Parlament għall-aċċess għal informazzjoni bħala tentattiv ta' supremazija istituzzjonali iżda li jagħti prijorità lid-dritt tal-pubbliku li jkun totalment infurmat;

22.    Jemmen li huwa meħtieġ li jitqiesu possibilitajiet differenti biex jiġu aġġornati r-regoli dwar l-għoti ta' kwittanza kif stipulati fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

23.    Iħoss li l-Parlament u l-Kunsill jistgħu jiksbu xi progress billi joħolqu flimkien proċedura ta' "modus vivendi" b'lista ta' dokumenti li għandhom jiġu skambjati sabiex ir-rwoli rispettivi tagħhom jiġu sodisfatti fil-proċess ta' kwittanza; f'dan ir-rigward, iħeġġeġ lill-Kunsill ifittex soluzzjoni politika għall-kwittanza tal-Kunsill minkejja l-fehmiet legali differenti li l-Parlament u l-Kunsill qed ikomplu jħaddnu;

24.    Iqis li kooperazzjoni sodisfaċenti bejn il-Parlament, il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill bħala riżultat ta' djalogu jew proċedura miftuħa tista' tkun sinjal pożittiv li jista' jingħata liċ-ċittadini tal-Unjoni.

SEJĦA TAL-ISMIJIET GĦALL-VOTAZZJONI FINALI

Membri favur: 24

PPE : Ingeborg Gräßle, Monica Luisa Macovei, Markus Pieper, Julia Pitera, Claudia Schmidt, Tomáš Zdechovský

 

S&D : Caterina Chinnici, Bogusław Liberadzki, Dan Nica, Gilles Pargneaux, Georgi Pirinski

 

ECR : Ryszard Czarnecki, Bernd Kölmel, Anders Primdahl Vistisen

 

ALDE : Martina Dlabajová, Gerben-Jan Gerbrandy, Michael Theurer

 

GUE/NGL : Rina Ronja Kari, Dennis de Jong

 

Verts/ALE : Igor Šoltes, Bart Staes

 

EFDD : Jonathan Arnott, Marco Valli

 

NI : Louis Aliot

Membri kontra: 0

Ebda membru kontra

Membri li astjenew: 0

Ebda membru ma astjena

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

23.9.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Louis Aliot, Jonathan Arnott, Inés Ayala Sender, Ryszard Czarnecki, Dennis de Jong, Martina Dlabajová, Ingeborg Gräßle, Rina Ronja Kari, Bernd Kölmel, Bogusław Liberadzki, Monica Luisa Macovei, Dan Nica, Gilles Pargneaux, Georgi Pirinski, Claudia Schmidt, Igor Šoltes, Bart Staes, Michael Theurer, Marco Valli, Anders Primdahl Vistisen, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Caterina Chinnici, Gerben-Jan Gerbrandy, Péter Niedermüller, Markus Pieper, Julia Pitera

  • [1]  ĠU L 56, 29.2.2012.
  • [2]  ĠU C 334, 15.11.2013, p. 1.
  • [3]  ĠU C 331, 14.11.2013, p. 1.
  • [4]  ĠU C 334, 15.11.2013, p. 122.
  • [5]  ĠU L 266, 5.9.2014, p. 24.
  • [6]  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
  • [7]  ĠU L 298 du 26.10.2012, p. 1.
  • [8]  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
  • [9]  ĠU L 56, 29.2.2012.
  • [10]  ĠU C 334, 15.11.2013, p. 1.
  • [11]  ĠU C 331, 14.11.2013, p. 1.
  • [12]  ĠU C 334, 15.11.2013, p. 122.
  • [13]  ĠU L 266, 5.9.2014, p. 24.
  • [14]  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
  • [15]  ĠU L 298 du 26.10.2012, p. 1.
  • [16]  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.