Proċedura : 2014/2064(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0013/2014

Testi mressqa :

A8-0013/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 21/10/2014 - 8.1

Testi adottati :

P8_TA(2014)0030

RAPPORT     
PDF 217kWORD 123k
9 t'Ottubru 2014
PE 537.331v02-00 A8-0013/2014

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni f’konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (talba EGF/2014/004 ES/Comunidad Valenciana metal)

(COM(2014)0515 – C8-0125/2014 – 2014/2064(BUD))

Kumitat għall-Baġits

Rapporteur: Patricija Šulin

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
 NOTA SPJEGATTIVA
 ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI
 ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni f’konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (talba EGF/2014/004 ES/Comunidad Valenciana metal)

(COM(2014)0515 – C8-0125/2014 – 2014/2064(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0515 – C8-0125/2014),

–   wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1), (ir-Regolament dwar il-FEG),

–    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–   wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–   wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0013/2014),

A. billi l-Unjoni waqqfet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji, u biex tgħinhom jerġgħu jintegraw irwieħhom fis-suq tax-xogħol,

B.  billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, f'konformità mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG),

C. billi Spanja ressqet l-applikazzjoni EGF/2014/004 ES/Comunidad Valenciana metal għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b’segwitu għas-633 sensja f’142 intrapriża li joperaw fil-manifattura ta’ prodotti tal-metall iffabbrikat, fi Spanja b’300 ħaddiema fil-mira tal-miżuri kofinanzjati mill-FEG matul il-perjodu referenzjarju mill-1 ta’ April 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2013,

D. billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibbiltà stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEG;

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament dwar il-FEG ġew sodisfatti u li, għaldaqstant Spanja hi intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dak ir-Regolament;

2.  Jinnota li l-awtoritajiet Spanjoli ressqu l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja tal-FEG fil-25 ta' Marzu 2014, u li l-valutazzjoni saret disponibbli mill-Kummissjoni fit-12 ta’ Awwissu 2014; jilqa’ l-valutazzjoni rapida ta’ inqas minn ħames xhur;

3.  Jilqa’ pożittivament il-fatt li l-applikazzjoni tikkunsidra l-esperjenza b'applikazzjonijiet preċedenti mill-istess reġjun; jissuġġerixxi li l-esperjenzi u l-aħjar prattiki possibbli tar-reġjuni li qed iressqu bosta applikazzjonijiet għandhom jiġu disseminati matul il-laqgħat regolari tal-persuni ta' kuntatt u l-esperti tal-FEG;

4.  Iqis li s-sensji f’142 intrapriża li joperaw fil-manifattura ta’ prodotti tal-metall iffabbrikat fi Spanja huma marbutin mal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali; jinnota li Spanja hi fost l-Istati Membri l-aktar affettwati serjament mill-kriżi, li wasslet għal domanda aktar baxxa għall-metall u l-prodotti tal-metall u l-produzzjoni tagħhom; jinnota li fi Spanja l-produzzjoni tal-prodotti tal-metall naqset bi 23,3 % fl-2009 meta mqabbla mas-sena ta’ qabel u b’36,6 % bejn l-2008 u l-2013; jinnota li l-fatturat tas-settur naqas bi 38,5 % fil-perjodu bejn l-2008 u l-2012 u t-telf ta' impjiegi jirrappreżenta 43 % tal-impjiegi totali fis-settur tal-metall;

5.  Jinnota li s-settur tal-prodotti tal-metall iffabbrikat huwa fornitur ewlieni ta’ riżorsi għal firxa wiesgħa ta' industriji tal-manifattura, b'mod partikolari s-setturi tal-bini ta' bastimenti, dak tal-kostruzzjoni u dak awtomobilistiku, li lkoll intlaqtu b'mod sinifikanti mill-kriżi ekonomika fl-Unjoni kollha;

6.  Jinnota li dan il-każ tipikament jirrifletti l-ambjent soċjali u ekonomiku ta' reġjun b'ekonomija lokali kkaratterizzata minn perċentwal għoli ta' SMEs u jfakkar id-diffikultajiet attwali li qed jaffaċċjaw l-SMEs sabiex ikollhom aċċess għall-finanzjament;

7.  Jisħaq li s-633 sensja se jkomplu jiggravaw aktar is-sitwazzjoni ta' qgħad fil-Comunidad Valenciana li hi partikolarment fraġli, ġaladarba s-settur tal-metall jirrappreżenta 25,4 % tal-impjiegi fis-settur industrijali tar-reġjun; jinnota li, fl-2008, kien hemm 35 868 impjieg fis-settur tal-metall f’Comunidad Valenciana, filwaqt li, fl-2012, in-numru ta’ impjiegi kien naqas għal 20 873 li jirrappreżenta tnaqqis ta’ 43 %, jiġifieri tmien punti perċentwali ogħla minn dak fil-livell nazzjonali;

8.  Jinnota b'dispjaċir li inqas minn 50 % tal-ħaddiema eliġibbli huma mistennija jipparteċipaw fil-miżuri biss; iqis li din l-istima hija bbażata fuq l-esperjenzi tal-awtorità implimentattiva bl-applikazzjonijiet preċedenti għall-intervent mill-FEG fir-reġjuni; madankollu jqis li f’reġjuni b’rati għoljin ta' qgħad in-numru ta' parteċipanti f'taħriġ u taħriġ mill-ġdid hemm bżonn li jkun ikbar;

9.  Jenfasizza li l-impjiegi fir-reġjun ġew affettwati serjament mill-impatt tal-kriżi fuq is-setturi tradizzjonali bħal dawk taċ-ċeramika, tax-xedd tas-saqajn u tal-kostruzzjoni, kif ukoll dak tat-tessuti, li huma importanti ħafna għall-ekonomija tar-reġjun;

10. Jilqa’ l-fatt li ħafna mill-ħaddiema li ngħataw is-sensja huma mistennija jipparteċipaw bi ħġarhom f’taħriġ vokazzjonali u titjib tal-kompetenzi; japprezza l-fatt li t-titjib tal-kompetenzi huwa mfassal biex jibni fuq il-ħiliet u l-kompetenzi miksuba fl-industrija tal-metall u b'tagħlim ulterjuri ta’ tekniki speċifiċi li permezz tagħhom il-ħaddiema jkunu jistgħu jissodisfaw il-bżonnijiet futuri tal-industrija tal-metall;

11. Jilqa’ l-fatt li, sabiex il-ħaddiema tingħatalhom għajnuna rapida, l-awtoritajiet Spanjoli ddeċidew li jagħtu bidu għall-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati għall-ħaddiema affettwati fl-20 ta’ Ġunju 2014, qabel id-deċiżjoni finali dwar l-għoti tal-appoġġ tal-FEG għall-pakkett ikkoordinat propost;

12. Jilqa’ l-fatt li s-servizzi personalizzati għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja se jkunu kofinanzjati mill-Generalitat Valenciana (il-gvern awtonomu tal-Comunidad Valenciana) u b’mod partikolari mis-SERVEF (l-uffiċċji pubbliċi tax-xogħol tal-gvern awtonomu) bi 30 % tal-baġit totali u mill-assoċjazzjoni tal-impjegaturi Federación Empresarial Metalúrgica Valenciana-FEMEVAL u t-trade unions UGT-PV u CCOO-PV b’10 % tal-baġit totali;

13. Jinnota li l-pakkett ikkoordinat tas-servizzi personalizzati li għandu jiġi kkofinanzjat jinkludi miżuri għal ħaddiema li ngħataw is-sensja bħalma huma l-gwida okkupazzjonali, kollokament f’impjieg, it-taħriġ (taħriġ vokazzjonali u titjib tal-kompetenzi, taħriġ f’ħiliet trasversali, taħriġ fuq il-post tax-xogħol), il-promozzjoni tal-intraprenditorija, l-inċentiv għat-twaqqif ta’ negozju, l-allowance għat-tiftix ta’ xogħol, il-kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-inċentiv għall-impjieg;

14. Jieħu nota tal-ammont ta' EUR 3 000 li għandu jingħata lil numru mistenni ta' 20 benefiċjarju, biex jinċentiva r-ritorn tagħhom fis-suq tax-xogħol permezz tat-twaqqif tan-negozju tagħhom; iqis li l-istima tan-numru ta' ħaddiema li se jibbenefikaw minn dan l-inċentiv hija bbażata wkoll fuq esperjenzi bil-każijiet preċedenti tal-FEG fir-reġjun;

15. Jilqa’ l-fatt li l-pakkett ikkoordinat tas-servizzi personalizzati tfassal b’konsultazzjoni kemm mal-assoċjazzjoni ta’ impjegaturiFEMEVAL, kif ukoll mat-trade unions UGT-PV u CCOO-PV, u li ħa jiġu applikati l-politika ta’ ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni tul l-istadji varji tal-implimentazzjoni tal-FEG u fl-aċċess għalih;

16. Ifakkar fl-importanza li tittejjeb il-kapaċità tal-ħaddiema kollha li jfittxu impjieg permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali ta' ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett ikkoordinat jiġi adattat mhux biss għall-ħtiġijiet tal-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja, iżda anke għall-ambjent kummerċjali nnifsu;

17. Jinnota li l-informazzjoni pprovduta dwar il-pakkett ikkoordinat tas-servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat mill-FEG tinkludi informazzjoni dwar il-komplementarjetà mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; jisħaq li l-awtoritajiet Spanjoli jikkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċievux għajnuna minn strumenti finanzjarji oħrajn tal-Unjoni; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva dwar dik id-data fir-rapporti annwali tagħha sabiex ikun żgurat ir-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u li ma tkun tista' sseħħ l-ebda duplikazzjoni tas-servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;

18. Jinnota li l-istima tal-ispejjeż tas-sessjonijiet ta' merħba u ta' informazzjoni, bħala miżura tal-bidu fil-lista ta' azzjonijiet proposti, żdiedet b'50 % meta mqabbla ma' applikazzjoni mill-istess reġjun fis-sena ta' qabel;

19. Jesprimi l-apprezzament tiegħu għall-proċedura mtejba implimentata mill-Kummissjoni, b'segwitu għat-talba mill-Parlament għall-aċċelerazzjoni fil-konċessjoni tal-għotjiet; josserva li l-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tal-konformità tal-applikazzjoni mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja fi żmien 12-il ġimgħa minn meta waslet l-applikazzjoni kompluta;

20. Jisħaq dwar il-fatt li, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament dwar il-FEG, għandu jiġi żgurat li l-assistenza mill-FEG tkun limitata għal dak li huwa neċessarju biex jingħataw solidarjetà u appoġġ temporanju ta' darba, għall-benefiċjarji destinatarji; u barra minn hekk m’għandhiex tieħu post azzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi;

21. Jilqa' l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG li jirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiġi introdott mill-ġdid il-kriterju tal-mobilizzazzjoni b'rabta ma' kriżi, tiżdied il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal 60 % tal-ispejjeż totali stmati tal-miżuri proposti, tiżdied l-effiċjenza għat-trattament tal-applikazzjonijiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u l-approvazzjoni, jiġu estiżi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eliġibbli għall-persuni li jaħdmu għal rashom u ż-żgħażagħ, u biex jiġu finanzjati inċentivi għat-twaqqif ta' negozji proprji;

22. Ifakkar li, f’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament tal-FEG, id-disinn tal-pakkett ikkoordinat tas-servizzi personalizzati għandu jantiċipa l-perspettivi u l-kapaċitajiet meħtieġa fil-ġejjieni tas-suq tax-xogħol u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli;

23. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

24. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

25. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

 ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)

 ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(3)

 ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.


ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni f’konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba

(Talba EGF/2014/004 ES/Comunidad Valenciana metal)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)      Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġie stabbilit sabiex jipprovdi appoġġ għal ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lil persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun intemmet b'riżultat ta’ bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, b'riżultat ta’ kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali indirizzata fir-Regolament (KE) Nru 546/2009(4), jew b'riżultat ta’ kriżi ekonomika u finanzjarja globali ġdida, u sabiex jassistihom fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)      Il-FEG m'għandux jaqbeż l-ammont massimu annwali ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif stipulat fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013.

(3)      Spanja ressqet applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, fir-rigward tas-sensji f’142 intrapriża li joperaw fit-taqsima 25 tan-NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta' prodotti tal-metall iffabbrikat) fir-reġjun tal-livell NUTS 2 ta' Comunidad Valenciana (ES52) fil-25 ta’ Marzu 2014 u ssupplimentatha b’informazzjoni addizzjonali skont l-Artikolu 8.3 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. Din l-applikazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti biex tiġi determinata kontribuzzjoni finanzjarji mill-FEG kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 1309/2013.

(4)      Il-FEG għandu, għalhekk, jiġi mobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja ta’ EUR 1 019 184 għall-applikazzjoni mressqa minn Spanja,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 1,019,184 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                          Għall-Kunsill

Il-President                                                   Il-President

(1)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)

 ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(3)

 ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(4)

ĠU L 167, 29.6.2009, p. 26.


NOTA SPJEGATTIVA

I. Kuntest ġenerali

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jipprovdi assistenza addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(1) u tal-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 1309/2013(2), il-Fond ma jistax jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011). L-ammonti xierqa jiddaħħlu bħala dispożizzjoni fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.

Fir-rigward tal-proċedura, skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3), sabiex jiġi attivat il-Fond, f'każ ta' valutazzjoni pożittiva ta' applikazzjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-awtorità baġitarja proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess waqt, talba korrispondenti għal trasferiment. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil, għandu jinbeda trilogu.

II. L-applikazzjoni ta’ Comunidad Valenciana metal u l-proposta tal-Kummissjoni

Fit-12 ta’ Awwissu 2014, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur Spanja bħala appoġġ għall-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja f’142 intrapriża li joperaw fil-manifattura ta’ prodotti tal-metall iffabbrikat, għajr magni u tagħmir fi Spanja minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.

Din hi l-għaxar applikazzjoni li trid tiġi eżaminata fil-baġit 2014 u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta’ ammont totali ta’ EUR 1 019 184 mill-FEG għal Spanja. Tikkonċerna 633 ħaddiem li ngħataw is-sensja f'142 intrapriża li joperaw fit-taqsima 25 Reviżjoni 2 tan-NACE (Manifattura ta' prodotti tal-metall iffabbrikat, għajr magni u -tagħmir)(4) fir-reġjun tal-livell NUTS 2 ta' Comunidad Valenciana (ES52). In-numru stmat tal-benefiċjarji fil-mira li huma mistennija jieħdu sehem fil-miżuri huwa ta' 300. L-applikazzjoni ntbagħtet lill-Kummissjoni fil-25 ta’ Marzu 2014 u ġiet issupplimentata b’informazzjoni addizzjonali sal-20 ta’ Mejju 2014. Il-Kummissjoni kkonkludiet, skont id-dispożizzjonijiet kollha applikabbli tar-Regolament dwar il-FEG, li l-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG.

L-awtoritajiet Spanjoli jsostnu li s-settur tal-prodotti tal-metall huwa fornitur prinċipali ta’ riżorsi għal firxa wiesgħa ta’ attivitajiet ta’ manifattura, partikolarment tas-setturi tal-bini tal-bastimenti, tal-kostruzzjoni u dak awtomobilistiku. Dawn kollha kienu partikolarment milquta madwar l-Unjoni Ewropea mill-kriżi ekonomika, kif ġie rikonoxxut preċedentement mill-Kummissjoni(5) u s-servizzi tagħha. Bejn is-sena 2000 u 2007, jiġifieri qabel il-kriżi finanzjarja u ekonomika, il-medja tat-tkabbir annwali tal-indiċi tal-produzzjoni industrijali fl-UE-28 kienet ta’ madwar 1,7 %. Imbagħad, bejn April 2008 u April 2009 il-produzzjoni industrijali fl-UE-28 naqset b’aktar minn 22 punt perċentwali. Fi Spanja, il-medja tat-tkabbir annwali tal-indiċi tal-produzzjoni industrijali segwiet l-istess xejra bħall-UE-28 sal-2007. Bejn April 2008 u April 2009, il-produzzjoni industrijali fi Spanja naqset bi kważi 27 punt perċentwali (ħames punti aktar milli fil-livell tal-UE-28) u minn dak iż-żmien il-produzzjoni industrijali ma rkupratx u kien hemm tnaqqis relattivament kostanti.

It-tnaqqis tal-produzzjoni fl-industrija kellu konsegwenzi għall-impjiegi. Spanja għaldaqstant tilfet kważi 600 000 impjieg fl-industrija bejn l-2008 u l-2012, li minnhom 150 000 kienu fis-settur tal-prodotti tal-metall manifatturati. Dan it-telf ta’ impjiegi jirrappreżenta rispettivament 24 % tal-impjiegi totali fl-industrija u 35 % tal-impjiegi totali fis-settur tal-metall. It-telf ta’ impjiegi fis-settur tal-metall fil-Comunidad Valenciana kien saħansitra akbar. Fl-2008, kien hemm 35 868 impjieg fis-settur tal-metal f’Comunidad Valenciana, filwaqt li fl-2012 in-numru ta’ impjiegi kien naqas għal 20 873. Dan jirrappreżenta tnaqqis ta’ 43 %, jiġifieri tmien punti perċentwali ogħla milli fil-livell nazzjonali.

Is-servizzi personalizzati li għandhom jiġu pprovduti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja jikkonsistu fl-azzjonijiet li ġejjin li meta jingħaqdu flimkien jiffurmaw pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati: gwida okkupazzjonali, kollokament f’impjiegi, taħriġ (taħriġ vokazzjonali u titjib tal-kompetenzi, taħriġ f’ħiliet trasversali, taħriġ fuq il-post tax-xogħol), promozzjoni tal-intraprenditorija, inċentiv għat-twaqqif ta’ negozju, allowance għat-tiftix ta’ impjieg, kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u inċentiv għall-impjieg.

Skont il-Kummissjoni, il-miżuri deskritti jikkostitwixxu miżuri attivi fis-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbi stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG. Dawn l-azzjonijiet ma jissostitwixxux il-miżuri passivi ta' protezzjoni soċjali.

L-awtoritajiet Spanjoli pprovdew l-assigurazzjonijiet kollha meħtieġa rigward dan li ġej:

·  il-prinċipji tat-trattament ugwali u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rispettati fl-aċċess għall-azzjonijiet proposti u l-implimentazzjoni tagħhom;

·  ir-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar is-sensji kollettivi ġew sodisfatti;

·  l-azzjonijiet proposti se jipprovdu appoġġ lill-ħaddiema individwali u mhumiex se jintużaw għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

·  l-azzjonijiet proposti mhumiex se jirċievu appoġġ finanzjarju minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni u mhux se jitħalla jsir ebda finanzjament doppju;

·  l-azzjonijiet proposti se jkunu komplementari għall-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali;

·  il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tkun konformi mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat

Fir-rigward tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll, Spanja nnotifikat lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tkun ġestita u kkontrollata mill-istess entitajiet li jmexxu u jikkontrollaw il-finanzjament mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE). Is-SERVEF se jkun l-entità intermedja għall-awtorità maniġerjali.

III. Proċedura

Għall-mobilizzazzjoni tal-Fond, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Awtorità Baġitarja talba ta’ trasferiment għal ammont globali ta' EUR 1 019 184 mir-riżerva tal-FEG (40 02 43) għal-linja baġitarja (04 05 01) tal-FEG.

Sal-lum, din hija l-għaxar proposta ta' trasferiment għall-mobilizzazzjoni tal-Fond trażmessa lill-Awtorità Baġitarja matul l-2014.

Għandha tinbeda proċedura ta’ trilogu f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil, kif previst fl-Artikolu 15(4) tar-Regolament dwar il-FEG.

Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali għandu jiġi assoċjat fil-proċess, sabiex jipprovdi appoġġ kostruttiv u jagħti kontribut għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.

(1)

 ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(2)

 ĠU L 347, 30.12.2013, p. 855.

(3)

            ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(4)

            Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta' attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).

(5)

            COM(2009) 104 finali tal-25.2.2009, "Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar "Reazzjoni għall-kriżi fl-industrija awtomobilistika Ewropea ".


ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI

ZP/ch D(2014)42748

Is-Sur Jean Arthuis

President tal-Kumitat għall-Baġits

ASP 09G205

Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għall-każ EGF/2014/004 ES/Comunidad Valenciana metal (COM(2014)515 finali)

Sur President,

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) kif ukoll il-Grupp ta' Ħidma tiegħu dwar il-FEG eżamina l-mobilizzazzjoni tal-FEG għall-każ EGF/2014/004 ES/Comunidad Valenciana metal u adotta l-opinjoni li ġejja.

Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta’ Ħidma dwar il-FEG huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond fir-rigward ta’ din it-talba. F’dan ir-rigward, il-Kumitat EMPL qed jippreżenta xi rimarki mingħajr, madankollu, ma jqajjem dubju dwar it-trasferiment tal-pagamenti.

Il-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma msejsa fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

A) Billi din l-applikazzjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 (Regolament dwar il-FEG) u tirreferi għal 633 ħaddiem f'142 impriża li joperaw fis-settur tal-prodotti tal-metall iffabbrikat fir-reġjun ta’ Comunidad Valenciana fi Spanja, li ngħataw is-sensja jew li l-attivitajiet tagħhom ntemmu matul il-perjodu referenzjarju bejn l-1 ta' April 2013 u l-31 ta' Diċembru 2013;

B) Billi l-awtoritajiet Spanjoli jaqblu li s-settur tal-prodotti tal-metall huwa fornitur ewlieni ta’ riżorsi għal bosta fergħat tal-industrija, b’mod partikolari l-fergħat tal-bini ta' bastimenti, tal-kostruzzjoni u dik awtomobilistika, li l-kriżi ekonomika ħalliet impatt sinifikanti fuqhom;

C) Billi 86 % tal-ħaddiema koperti mill-miżuri huma rġiel u 14 % huma nisa; billi 68,7 % tal-ħaddiema għandhom bejn it-30 u l-54 sena u 23,3 % tal-ħaddiema għandhom bejn il-25 u d-29 sena;

Għaldaqstant, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jintegra s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu rigward l-applikazzjoni Spanjola:

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 (Regolament dwar il-FEG) ġew sodisfatti u li, għaldaqstant Spanja hi intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-regolament;

2.  Jilqa’ pożittivament il-fatt li l-applikazzjoni tikkunsidra l-esperjenza b'applikazzjonijiet preċedenti mill-istess reġjun; jissuġġerixxi li l-esperjenzi u l-aħjar prattiki possibbli tar-reġjuni li qed iressqu bosta applikazzjonijiet għandhom jiġu disseminati matul il-laqgħat regolari tal-persuni ta' kuntatt u l-esperti tal-FEG;

3.   Jinnota b'dispjaċir li inqas minn 50 % tal-ħaddiema eliġibbli huma mistennija jipparteċipaw fil-miżuri biss; iqis li din l-istima hija bbażata fuq l-esperjenzi tal-awtorità implimentattiva bl-applikazzjonijiet preċedenti għall-interventi mill-FEG fir-reġjuni;

4.   Jilqa’ pożittivament il-fatt li ħafna mill-ħaddiema li ngħataw is-sensja huma mistennija jipparteċipaw bi ħġarhom f’taħriġ vokazzjonali u titjib tal-kompetenzi; japprezza l-fatt li t-titjib tal-kompetenzi huwa mfassal biex jibni fuq il-ħiliet u l-kompetenzi miksuba fl-industrija tal-metall, u b'tagħlim ulterjuri ta’ tekniki speċifiċi li permezz tagħhom il-ħaddiema jkunu jistgħu jissodisfaw il-bżonnijiet futuri tal-industrija tal-metall;

5.   Jieħu nota tal-ammont ta' EUR 3000 li għandu jingħata lil numru mistenni ta' 20 benefiċjarju, biex jinċentiva r-ritorn tagħhom fis-suq tax-xogħol permezz tat-twaqqif tan-negozju tagħhom; iqis li l-istima tan-numru ta' ħaddiema li se jibbenefikaw minn dan l-inċentiv hija bbażata wkoll fuq esperjenzi bil-każijiet preċedenti tal-FEG fir-reġjun;

6.  Jinnota li l-istima tal-ispejjeż tas-sessjonijiet ta' merħba u ta' informazzjoni, bħala miżura tal-bidu fil-lista ta' azzjonijiet proposti, żdiedet b'50 % meta mqabbla ma' applikazzjoni mill-istess reġjun fis-sena ta' qabel;

7.  Ifakkar li, f’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament, id-disinn tal-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati għandu jantiċipa l-perspettivi tas-suq tax-xogħol għall-ġejjieni u l-kapaċitajiet rikjesti u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija li tagħmel użu effiċjenti mir-riżorsi u li tkun sostenibbli;

Dejjem tiegħek,

Marita ULVSKOG,

Aġent President, l-Ewwel Viċi President


ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI

Is-Sur Jean ARTHUIS

President

Kumitat għall-Baġits

Parlament Ewropew

ASP 09 G 205

1047 Brussell

Sur Arthuis,

Suġġett:           Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

Żewġ proposti separati tal-Kummissjoni għal deċiżjonijiet għall-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġew riferuti lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali għall-opinjoni tiegħu. Nifhem li hu maħsub li r-rapporti dwar kull waħda minn dawn il-proposti se jiġu adottati fil-Kumitat għall-Baġits nhar is-6 ta' Ottubru.

Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006; u fil-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba;

-          COM(2014)0515 hija proposta għal kontribuzzjoni mill-FEG ta' EUR 1 019 018 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol b'mod li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid ta' 633 ħaddiem li ngħataw is-sensja f'142 impriża li joperaw fis-settur tal-manifattura ta' prodotti tal-metall iffabbrikat, għajr magni u tagħmir fir-reġjun tal-Comunidad Valenciana, Spanja.

-          COM(2014)0532 tipproponi kontribuzzjoni mill-FEG ta' EUR 570 945 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol b'mod li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid ta' 512 ħaddiem li ngħataw is-sensja fl-impjant ta' assemblaġġ Ford-Werke GmbH li jinsab f'Genk, il-Belġju u f'10 fornituri ta' Ford Genk fil-Belġju.

Il-koordinaturi tal-Kumitat ivvalutaw dawn il-proposti u talbuni niktiblek b'dikjarazzjoni li dan il-Kumitat m'għandu l-ebda oġġezzjoni għal dawn il-mobilizzazzjonijiet tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-allokazzjoni tal-ammonti msemmijin hawn fuq kif propost mill-Kummissjoni.

Dejjem tiegħek,

Iskra MIHAYLOVA

Data tal-adozzjoni

7.10.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

29

4

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Jonathan Arnott, Richard Ashworth, Jean-Paul Denanot, Gérard Deprez, Valdis Dombrovskis, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Esteban González Pons, Heidi Hautala, Monika Hohlmeier, Kaja Kallas, Bernd Kölmel, Zbigniew Kuźmiuk, Vladimír Maňka, Sophie Montel, Clare Moody, Victor Negrescu, Pina Picierno, Petri Sarvamaa, Patricija Šulin, Eleytherios Synadinos, Paul Tang, Indrek Tarand, Isabelle Thomas, Daniele Viotti, Marco Zanni

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Tamás Deutsch, Ivan Štefanec, Tomáš Zdechovský

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Agea, Ernest Maragall

Aġġornata l-aħħar: 17 t'Ottubru 2014Avviż legali