RAPPORT dwar l-UE u l-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015

17.11.2014 - (2014/2143(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp
Rapporteur: Davor Ivo Stier

Proċedura : 2014/2143(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0037/2014
Testi mressqa :
A8-0037/2014
Dibattiti :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-UE u l-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015

(2014/2143(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millenju tan-Nazzjonijiet Uniti tat-8 ta' Settembru 2000,

–       wara li kkunsidra r-rapport adottat f'Lulju 2014 mill-Grupp ta' Ħidma Miftuħ tan-NU dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli,

–       wara li kkunsidra r-rapport adottat fit-8 ta' Awwissu 2014 mill-Kumitat Intergovernattiv ta' Esperti dwar il-Finanzjament tal-Iżvilupp Sostenibbli,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali tal-Forum Politiku ta' Livell Għoli dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, ta' Lulju 2014,

–       wara li kkunsidra "ir-Rapport dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju għall-2014" tan-Nazzjonijiet Uniti,

–       wara li kkunsidra d-dokument finali tal-Laqgħa ta' Livell Għoli tal-GPEDC ta' April 2014,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Pekin, approvati fir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa f'Settembru 1995, u d-dokumenti finali sussegwenti,

–       wara li kkunsidra l-Programm għal Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICPD) li ġie adottat fil-Kajr fl-1994, kif ukoll ir-rieżami +20 sussegwenti,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) tat-18 ta’ Diċembru 1979,

–       wara li kkunsidra t-Tabella dwar il-Ġeneru tal-2012 tan-NU, li tkejjel it-titjib fl-aspetti tal-ugwaljanza bejn il-ġeneru tat-tmien Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs),

–       wara li kkunsidra l-eżitu tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp tal-1992 u r-rapport tal-Konferenza ta' segwitu tiegħu dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, li saret f'Rio de Janeiro l-Brażil mill-20 sat-22 ta' Ġunju 2012,

–       wara li kkunsidra r-Rapport dwar l-Iżvilupp tal-Bniedem tal-2014 tal-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP) bit-titolu, "Sustaining Human Progress: Reducing Vulnerabilities and Building Resilience" (Ngħinu l-Progress tal-Bniedem: Innaqqsu l-Vulnerabbiltajiet u Nibnu r-Reżiljenza),

–       wara li kkunsidra r-rapport ta' Mejju 2013 tal-Panel ta' Livell Għoli tan-NU ta' Persuni Eminenti dwar l-Aġenda għall-Iżvilupp wara l-2015,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Konferenza tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, li saret f'Rio de Janeiro l-Brażil mill-20 sat-22 ta' Ġunju 2012,

–       wara li kkunsidra r-rapport ta' Ġunju 2012 tas-System Task Team tan-NU dwar l-Aġenda għall-Iżvilupp tan-NU wara l-2015 lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, bit-titolu, "Realising the future we want for all" (Inwettqu l-futur li rridu għal kulħadd),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni bit-titolu "Keeping the promise: united to achieve the Millennium Development Goals" (Inżommu l-wegħda: magħqudin biex nilħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju), adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fil-Laqgħa Plenarja ta' Livell Għoli tagħha dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju fil-65 sessjoni tagħha fl-2010,

–       wara li kkunsidra l-Programm ta' Azzjoni ta' Istanbul għall-Pajjiżi l-Inqas Żviluppati għad-Deċennju 2011-2020,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-FAO dwar in-Nuqqas ta' Sigurtà tal-Ikel,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni u l-pjan ta' azzjoni adottati fil-Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna li sar f'Busan f'Diċembru 2011,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-UNDP bit-titolu "Beyond the Midpoint: Achieving the Millennium Development Goals" (Iktar minn Nofs Triq: l-Ilħuq tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju), li kien ippubblikat f'Jannar 2010,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-qafas legali tad-drittijiet tal-bniedem,

–       wara li kkunsidra l-ħidma tas-System Task Team tan-NU dwar l-Aġenda għall-Iżvilupp tan-NU wara l-2015, immexxija b'mod konġunt mid-Dipartiment għall-Affarijiet Ekonomiċi u Soċjali tan-NU (UN DESA) u l-UNDP, b'appoġġ mill-aġenziji kollha tan-NU u b'konsultazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti,

–       wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali u l-Pjan ta' Azzjoni dwar is-Saħħa Pubblika, l-Innovazzjoni u l-Proprjetà Intelletwali tad-WHO tal-24 ta' Mejju 2008,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna u l-Aġenda ta' Accra għall-Azzjoni,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar id-Dritt għall-Iżvilupp tal-1986,

–       wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp[1] u l-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar il-Komplementarjetà u t-Tqassim tax-Xogħol fil-Politika dwar l-Iżvilupp[2],

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 7 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jafferma mill-ġdid li l-UE "għandha tara li jkun hemm koerenza bejn il-politika u l-attivitajiet differenti tagħha, b'kont meħud tal-objettivi kollha tagħha",

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-TFUE, li jistabblixxi li "l-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-objettivi ta' koperazzjoni għall-iżvilupp fl-implimentazzjoni tal-politika li x'aktarx tolqot lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw",

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ġunju 2014 bit-titolu, "Ħajja diċenti għal kulħadd: minn viżjoni għal azzjoni kollettiva" (COM(2014)0335),

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Mejju 2014, bit-titolu "Rwol Aktar b'Saħħtu tas-Settur Privat fil-Kisba ta' Tkabbir Inklussiv u Sostenibbli fil-Pajjiżi li Qed Jiżviluppaw" (COM(2014)0263),

–       wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-30 ta' April 2014, ġabra ta' għodda bit-titolu, "A right-based approach, encompassing all human rights for EU development Cooperation" (Approċċ ibbażat fuq id-drittijiet, li jinkludi d-drittijiet tal-bniedem kollha tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE) (SWD(2014)152),

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Frar 2013 bit-titolu, "Ħajja Diċenti Għal Kulħadd: Neqirdu l-faqar u nagħtu lid-dinja futur sostenibbli" (COM(2013)0092),

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Settembru 2012 bit-titolu, "L-għeruq ta' demokrazija u żvilupp sostenibbli: il-kooperazzjoni tal-Ewropa mas-Soċjetà Ċivili fir-relazzjonijiet esterni" (COM(2012)0492),

–       wara li kkunsidra l-konsultazzjonijiet pubbliċi tal-Kummissjoni dwar it-tħejjija ta' pożizzjoni tal-UE Lejn Qafas tal-iżvilupp wara l-2015, li saru mill-15 ta' Ġunju sal-15 ta' Settembru 2012,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta mill-Kunsill u r-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri li ltaqgħu fil-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-politika tal-Unjoni Ewropea dwar l-iżvilupp bit-titolu "Il-Kunsens Ewropew"[3],

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' April 2005 bit-titolu, "Il-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp" (COM(2005)0134), u l-konklużjonijiet tat-3166 laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-14 ta' Mejju 2012, Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla,

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-perjodu 2014-2020[4],

–       wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-2 ta' April 2014 dwar id-69 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti[5],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-2 ta' April 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Sena Ewropea għall-Iżvilupp (2015)[6],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Ġunju 2013 dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju – definizzjoni tal-qafas wara l-2015[7],

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tad-19 ta' Mejju 2014 dwar approċċ ibbażat fuq id-drittijiet għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp, li jinkludi d-drittijiet tal-bniedem kollha,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament tal-qerda tal-faqar u l-iżvilupp sostenibbli lil hinn mill-2015,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta AKP-UE dwar l-Aġenda għall-Iżvilupp wara l-2015 tal-20 ta' Ġunju 2014,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali tal-25 ta' Ġunju 2013 dwar l-Aġenda Ġenerali wara l-2015,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0037/2014),

A.     billi fis-sena 2000 il-partijiet interessati rilevanti kollha ngħaqdu sabiex jistabbilixxu Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs) bil-għan li sal-2015 jintlaħqu miri konkreti għall-iżvilupp u l-qerda tal-faqar;

B.     billi l-MDGs ikkontribwixxew għas-sensibilizzazzjoni sabiex il-qerda tal-faqar fil-livell globali ssir sfida urġenti u prijorità għal azzjoni globali; billi l-livell ta' lħuq tal-MDGs huwa varjat, b'effetti pożittivi li jidhru fit-tnaqqis tal-faqar estrem, il-ġlieda kontra l-malarja u t-tuberkolożi, it-titjib fl-aċċess għall-ilma tajjeb għax-xorb u t-tnaqqis fid-differenzi fir-reġistrazzjoni għall-iskejjel primarji; billi jeħtieġ li ċerti nuqqasijiet tal-MDGs jiġu indirizzati bis-sħiħ fid-definizzjoni tal-qafas wara l-2015;

C.     billi l-valutazzjonijiet tal-progress li sar fl-ilħuq tal-MDGs attwali juru li huwa fundamentali li fil-qafas il-ġdid ikun hemm rabta qawwija bejn il-qerda tal-faqar, il-ġlieda tal-inugwaljanzi u l-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli, kif ukoll sett uniku u universali ta' għanijiet b'approċċi divrenzjati;

D.     billi l-popolazzjoni urbana mistennija tiżdied min-numru attwali ta' 3.6 biljun għal aktar minn 6 biljuni, u li l-akbar bliet mistennija jsiru bliet enormi b'aktar minn 100 miljun abitant; billi l-urbanizzazzjoni eċċessiva qiegħda tgħarraq is-sostenibbiltà tal-iżvilupp fid-dimensjonijiet kollha tagħha;

E.     billi l-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp li saret fil-Kajr fl-1994 appellat għal aċċess għas-servizzi tas-saħħa riproduttivi u sesswali, inkluż l-ippjanar tal-familja; ifakkar f'dan ir-rigward li fl-2013, mietu 289 000 mara matul it-tqala u l-ħlas; ifakkar fl-MDG 5 u fil-ħtieġa li n-nisa jkollhom aċċess għal metodu effikaċi ta' kontraċezzjoni u ppjanar tal-familja bil-ħsieb li l-għadd ta' mwiet materni jonqsu bi kważi terz;

F.     billi t-tnaqqis fil-faqar huwa irregolari u l-inugwaljanzi fi ħdan il-pajjiżi u bejniethom, li żdiedu kemm fil-pajjiżi żviluppati u kemm f'dawk li qed jiżviluppaw, jirrappreżentaw sfida ewlenija għall-iżvilupp, speċjalment fil-Pajjiżi b'Introjtu Baxx u l-Pajjiżi b'Introjtu Medju; billi 1.5 biljun persuna qegħdin jgħixu fil-faqar filwaqt li għandhom nuqqasijiet fis-saħħa, l-edukazzjoni u l-istandards tal-għajxien, partikolarment fi stati fraġli u affettwati minn kunflitt;

G.     billi l-kunflitti vjolenti u l-kriżijiet umanitarji qed ikomplu jfixklu l-isforzi tal-iżvilupp; billi n-nisa huma dawk l-agħar milquta minn kunflitti u kriżijiet militari;

H.     billi għad hemm il-ħtieġa ta' aktar sforzi sabiex il-perċentwal ta' persuni li qed ibatu l-ġuħ jonqos bin-nofs, hekk kif 162 miljun tifel u tifla huma esposti għal nutrizzjoni ħażina; billi l-ġuħ moħbi jista' jiġi definit bħala nuqqas ta' mikronutrijenti, li jista' jikkawża effetti irriversibbli fuq is-saħħa u konsegwenzi soċjoekonomiċi marbuta mat-tnaqqis fil-produttività tal-persuni;

I.      wara li kkunsidra li l-2014 hija s-Sena Internazzjonali tal-Biedja Familjari;

J.      billi d-Dikjarazzjoni dwar id-Dritt għall-Iżvilupp tal-1986 tafferma l-iżvilupp bħala dritt fundamentali tal-bniedem; billi d-Dikjarazzjoni tintrabat għal approċċ ‘ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem’, karatterizzat mill-konkretizzazzjoni tad-drittijiet kollha tal-bniedem (ekonomiċi, soċjali, kulturali, ċivili u politiċi); billi d-Dikjarazzjoni tintrabat ugwalment li ssaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali;

K.     billi t-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali huma ta' theddida għat-tnaqqis fil-faqar billi dawn ikabbru l-vulnerabbiltajiet eżistenti, hekk kif bosta pajjiżi li qed jiżviluppaw għadhom jiddependu fuq l-agrikoltura u riżorsi naturali sensittivi għal klima u m'għandhomx il-kapaċità li jimmaniġġjaw ir-riskji klimatiċi; billi teżisti ħtieġa urġenti li jonqsu l-emissjonijiet globali tal-gass serra u li jintlaħqu ġestjoni aktar ekwa u sostenibbli u governanza tar-riżorsi naturali;

L.     billi l-kisbiet li kien hemm fl-MDGs marbuta mas-saħħa kienu bbażati fil-maġġorparti fuq l-investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp li saru fis-snin ta' qabel; billi d-drittijiet tal-proprjetà intelletwali m'għandhomx ixekklu l-aċċess għal mediċini bi prezz raġonevoli;

M.    billi l-aċċess għall-iżvilupp fil-bidu tat-tfulija u għal edukazzjoni u taħriġ tal-ogħla kwalità possibbli għal kull tifel u tifla, żagħżugħ u żagħżugħa u adult huwa prerekwiżit essenzjali biex jinkisru ċ-ċikli tal-faqar u l-inugwaljanza interġenerazzjonali;

N.     billi ma tantx kien hemm progress fir-rigward tal-ugwaljanza tal-ġeneru u l-għoti tas-setgħa lin-nisa; billi n-nisa spiss jesperjenzaw diskriminazzjoni u vjolenza;

O.     billi fil-livell globali, in-nisa u l-bniet jikkostitwixxu l-maġġoranza ta' dawk li qed jgħixu f'faqar estrem u billi l-inugwaljanza tal-ġeneru u d-drittijiet tan-nisa huma kundizzjoni neċessarja għas-suċċess tal-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015; billi stimi juru li ta' kuljum imutu 800 mara fid-dinja minħabba kumplikazzjonijiet waqt it-tqala jew il-ħlas; billi l-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp li saret fil-Kajr fl-1994 appellat għal aċċess universali għas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, li jistgħu isalvaw il-ħajja;

P.     billi n-nisa jikkostitwixxu aktar min-nofs l-għadd ta' migranti;

Q.     billi meta mqabbel ma' dak li tirċievi mil-lat ta' għajnuna internazzjonali u rimessi, l-Afrika tesporta b'mod sostanzjali aktar kapital fid-dinja permezz ta' flussi finanzjarji illegali;

R.     billi l-qafas tal-iżvilupp sostenibbli l-ġdid joffri opportunità biex ikun żgurat l-involviment wiesa' tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet lokali u l-parlamenti nazzjonali;

S.     billi jeħtieġ li jinħolqu aktar impjiegi ġodda u deċenti sabiex jiġi indirizzat it-tkabbir demografiku fil-livell globali; billi s-settur privat huwa dak li fundamentalment jiġġenera l-impjiegi, kemm fil-pajjiżi żviluppati u kemm dawk li qed jiżviluppaw, u għaldaqstant jista' jkun sieħeb essenzjali fil-ġlieda kontra l-faqar meta jkun hemm mekkaniżmi ta' responsabbiltà ċari u jiġu rispettati r-regolamenti internazzjonali dwar il-ħarsien soċjali;

T.     billi l-għajnuna għad għandha rwol uniku fit-tnaqqis fil-faqar u hija dik li twettaq tibdil sinifikanti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

U.     billi l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi interni hija element importanti fil-ġlieda kontra l-faqar u l-inugwaljanza;

V.     billi l-UE u l-Istati Membri tagħha huma l-akbar donaturi tal-għajnuna għall-iżvilupp u għalhekk għandhom jibqgħu l-ixprun matul il-fażi li jmiss tan-negozjati fil-qafas tan-NU, u jippromwovu b'mod partikolari approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem imsejjes fuq l-ugwaljanza, in-nuqqas ta' diskriminazzjoni, il-parteċipazzjoni u l-inklużjoni fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-qafas;

W.    billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Diċembru 2014 se jistabbilixxu sett koerenti ta' prinċipji u l-linji ewlenin tal-istrateġija ta' negozjati;

X.     billi l-Artikolu 208 tat-TFUE jistabbilixxi li l-qerda tal-faqar hija l-objettiv primarju tal-politika tal-UE għall-iżvilupp u jistabbilixxi l-koerenza fil-politiki għall-iżvilupp;

I.    L-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju: valutazzjoni u sfidi ġodda

1.      Jenfasizza li l-isfera globali inbidlet f'dawn l-aħħar snin, fejn kien hemm ukoll bidliet fil-bilanċ ekonomiku u politiku globali, u li għalkemm xi ekonomiji li qed jiżviluppaw u dawk emerġenti esperjenzaw tkabbir ekonomiku rilevanti, għadhom qed iħabbtu wiċċhom ma' livelli għoljin u li qed jiżdiedu ta' inugwaljanza; iqis li jeħtieġ approċċ ġdid li jinkludi governanza tajba, b'enfasi qawwija fuq il-koerenza tal-politika għall-iżvilupp u l-forniment ta' beni pubbliċi globali;

2.      Ifakkar li għalkemm hemm il-vantaġġ li mhumiex komplikati, l-MDGs ma indirizzawx il-fatturi strutturali sottostanti li jwasslu għall-faqar u l-inugwaljanza; jenfasizza li l-qafas tal-iżvilupp sostenibbli globali wara l-2015 għandu jkun trasformattiv billi jindirizza l-kawżi fil-qalba tal-faqar u l-inugwaljanza u b'hekk jikkontribwixxi għal dak li għadhom ma wettqux l-MDGs attwali;

3.      Jenfasizza li l-MDGs definiti fis-sena 2000 kellhom bosta suċċessi f'pajjiżi b'introjtu medju u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, iżda li l-progress ma kienx ugwali kemm fi ħdan il-pajjiżi u kemm bejniethom, u għalhekk matul it-tfassil tal-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015 għandhom jiġu analizzati tajjeb ir-riżultati u jinsiltu lezzjonijiet;

4.      Ifakkar li għalkemm l-MDGs għamlu differenza kbira fil-ħajja tan-nies, l-isfidi ewlenin bħall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, l-inugwaljanzi inkluża l-inugwaljanza tal-ġeneru, il-kunflitti armati u t-terroriżmu, it-tibdil fil-klima, in-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel, in-nuqqas ta' drittijiet tal-proprjetà, in-nuqqas ta' drittijiet tal-art, il-migrazzjoni, l-aċċess limitat għas-servizzi tas-saħħa u l-edukazzjoni, it-tibdil demografiku, il-limitazzjonijiet tar-riżorsi, it-telf tal-bijodiversità, il-korruzzjoni, il-frodi u l-evitar tat-taxxa, it-tkabbir mhux sostenibbli, il-qgħad u l-kriżijiet finanzjarji u ekonomiċi għadhom jippreżentaw sfidi estremament kumplessi u interrelatati għad-deċennji li jmiss, u li għalhekk iqanqlu l-ħtieġa li jinstabu modi ġodda għall-iżvilupp li jistgħu jwasslu għal żvilupp inklużiv u sostenibbli għal kulħadd;

5.      Jenfasizza li s-sostenibbiltà ambjentali hija sfida prinċipali, fejn in-nuqqas tagħha x'aktarx li jhedded id-dimensjonijiet kollha tal-iżvilupp tal-bniedem; ifakkar b'mod partikolari li d-degradazzjoni ambjentali hija ta' tfixkil kbir għall-ilħuq tal-objettiv li jinqerdu l-faqar estrem u l-ġuħ; ifakkar pereżempju li l-inugwaljanzi u l-ġlied persistenti fuq riżorsi skarsi huma fost il-katalizzaturi ewlenin tal-kunflitti, il-ġuħ, in-nuqqas ta' sigurtà u l-vjolenza, li min-naħa tagħhom huma fatturi ewlenin li jżommu lura l-iżvilupp tal-bniedem u l-isforzi sabiex jinkiseb żvilupp sostenibbli;

6.      Jenfasizza li l-qafas il-ġdid għandu jirrispondi b'mod effikaċi għal dawn l-isfidi u jindirizza kwistjonijiet importanti bħar-rispett għad-dinjità ta' kull bniedem, il-ġustizzja, l-ugwaljanza, il-governanza tajba, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-paċi u s-sigurtà, it-tibdil fil-klima, il-ġestjoni tar-riskju ta' diżastri u l-bini tar-reżiljenza, il-preservazzjoni tal-bijodiversità, it-tkabbir inklużiv u sostenibbli, id-drittijiet tal-proprjetà, is-saħħa u l-protezzjoni soċjali, l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni, u d-drittijiet tan-nisa, it-tfal, iż-żgħażagħ u l-minoranzi;

7.      Jenfasizza l-fatt li l-qafas il-ġdid tal-iżvilupp għandu jkun universali fin-natura tiegħu u applikabbli fil-pajjiżi kollha, inkluż fl-Istati Membri tal-UE, u għaldaqstant jeħtieġ li jkun rilevanti u ġust għall-pajjiżi żviluppati kif ukoll għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'kont meħud taċ-ċirkostanzi, kapaċitajiet, politiki u prijoritajiet nazzjonali differenti; jenfasizza li r-responsabbiltajiet u l-piżijiet il-ġodda li jirriżultaw jeħtieġ li jinqasmu b’mod ugwali iżda wkoll ġust bejn il-pajjiżi kollha; jitlob lill-UE tindika x'azzjonijiet u impenji konkreti tista' tissuġġerixxi sabiex tindirizza l-prinċipju tal-universalità fil-livell intern u internazzjonali;

8.      Jenfasizza li l-għoti ta' rendikont u t-trasparenza reċiproċi fil-livelli kollha għandhom jikkostitwixxu l-assi għall-qafas il-ġdid tal-iżvilupp, u li huwa importanti li l-gvernijiet nazzjonali u atturi oħra, inkluż is-settur privat, jinżammu responsabbli għall-implimentazzjoni tal-qafas;

9.      Jappella lill-UE tmexxi b'mod attiv il-proċess lejn id-definizzjoni ta' qafas tal-iżvilupp globali uniku, komprensiv u integrat wara l-2015 u jilqa' l-kunsens dwar il-fatt li l-aġenda tal-iżvilupp globali l-ġdida jeħtieġ li ssaħħaħ il-mezz ta' implimentazzjoni u ġġedded is-sħubija globali għall-iżvilupp sostenibbli;

II.  Il-ħtieġa ta' sħubija globali mġedda u ta' pożizzjoni b'saħħitha u koeżiva tal-UE

10     Jappella lill-UE sabiex ikollha rwol attiv fil-formazzjoni ta' sħubija globali ġdida li se timmobilizza l-azzjoni min-naħa tal-pajjiżi kollha, inklużi l-ekonomiji emerġenti u mill-partijiet interessati rilevanti kollha, inklużi s-settur privat, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet lokali u l-parlamenti nazzjonali;

11.    Jappella lill-UE tadotta pożizzjoni b'saħħitha, koeżiva u magħquda fin-negozjati intergovernattivi li jmiss, filwaqt li tqis il-prijoritajiet enfasizzati f'din ir-riżoluzzjoni;

12.    Japprova l-konklużjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma Miftuħ tan-NU; iqis madankollu li l-qafas identifikat fil-konklużjonijiet tiegħu jista' eventwalment jiġi ggruppat, filwaqt li jinżamm il-bilanċ bejn il-qerda tal-faqar, il-ġlieda kontra l-inugwaljanzi u t-tliet dimensjonijiet tal-iżvilupp sostenibbli, u li dan la jsir askapitu tal-approċċ ibbażat fuq id-drittijiet u lanqas askapitu ta' għanijiet aktar ambizzjużi u innovattivi;

13.    Jenfasizza li l-qafas globali l-ġdid għandu jinkludi l-arkitettura istituzzjonali adegwata li tindirizza l-għanijiet ewlenin tal-qerda tal-faqar, tiġġieled l-inugwaljanzi u tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli, b'linji gwida ċari għas-superviżjoni tal-implimentazzjoni tagħha, u li din l-arkitettura għandha tindirizza wkoll il-kumplessitajiet u r-rabtiet bejn il-partijiet differenti tal-qafas futur;

14.    Jemmen li l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp sostenibbli (PCD) hija għodda ewlenija għall-implimentazzjoni tal-qafas wara l-2015; jitlob lill-UE għaldaqstant, tiżgura li l-linji gwida neċessarji, il-valutazzjonijiet tal-impatt u l-mekkaniżmi ta' monitoraġġ u ta' rappurtar jagħmlu lill-PCD realtà fil-qafas;

15.    Jenfasizza li l-universalità tal-aġenda tal-iżvilupp globali wara l-2015 timplika aktar impenji impenjattivi għall-UE u l-Istati Membri tagħha; jenfasizza li l-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli l-ġodda (SDG) fl-ambitu tal-qafas globali se jkollhom jiġu riflessi fil-politiki esterni kif ukoll dawk interni tal-UE;

III. Oqsma prijoritarji

16.    Ifakkar li l-qerda tal-faqar għandha tibqa' l-prijorità ewlenija tal-aġenda tal-iżvilupp globali wara l-2015, flimkien mal-indirizzar tal-pilastri ekonomiċi, ekoloġiċi u ta' sostenibbiltà soċjali, li huma marbutin ma' xulxin, u sħubija globali msaħħa;

Il-qerda tal-faqar, il-ġlieda kontra l-inugwaljanzi u l-iżvilupp sostenibbli

17.    Jenfasizza li l-qerda tal-faqar u l-ġlieda kontra l-inugwaljanzi, flimkien mal-iżvilupp sostenibbli għandhom ikunu t-tema sottostanti tal-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015; jenfasizza l-ħtieġa li l-qafas ikun jikkonċentra fuq il-persuni u li jindirizza n-nuqqas ta' ġustizzja billi japplika approċċ ibbażat fuq id-drittijiet, bil-għan li jitnaqqsu l-inugwaljanzi fi ħdan il-pajjiżi u bejniethom, bħala waħda mill-prijoritajiet ewlenin fil-qafas il-ġdid;

18.    Iqis li l-inugwaljanza xxekkel l-iżvilupp u l-isforzi għat-tnaqqis tal-faqar; itenni li l-qerda tal-faqar, l-ugwaljanza u l-iżvilupp sostenibbli huma possibbli biss jekk jitqiesu l-gruppi vulnerabbli kollha u jekk ikun promoss l-aċċess ekwu, l-użu sostenibbli tar-riżorsi u l-governanza tajba; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw SDG 10, kif propost mill-Grupp ta' Ħidma Miftuħ tan-NU, bħala għan awtonomu fil-qafas il-ġdid;

19.    Jenfasizza l-ħtieġa li biex il-qafas ikun tassew trasformattiv, jeħtieġ li jkun hemm għan dwar il-qerda tal-faqar estrem fil-livell ta' USD 2 kuljum;

20.    Jenfasizza l-fatt li l-qafas futur għandu jindirizza l-aspetti multidimensjonali tal-faqar u l-inugwaljanza, li jmorru lil hinn min-nuqqas ta' dħul iżda li jinvolvu lill-bnedmin fid-dinjità tagħhom u fid-dimensjonijiet kollha tagħhom, inklużi d-dimensjonijiet soċjali; jenfasizza li l-faqar m'għandux jiġi vvalutat skont id-dħul biss, iżda wkoll fir-rigward ta' indikaturi tal-benessri u mhux biss il-PDG;

21.    Jirrakkomanda li jingħata appoġġ lill-bini tal-istat permezz ta' aktar għajnuna ġenerali u/jew speċifika skont is-settur li tiddependi fuq kriterji ta' governanza tajba;

22.    Jikkunsidra li l-adozzjoni ta' approċċ olistiku biex jiġu miġġielda l-inugwaljanzi, jinvolvi fost oħrajn l-indirizzar tal-impatt tal-aġenda ta' liberalizzazzjoni fuq il-faqar u l-inugwaljanza; ifakkar pereżempju li l-Pajjiżi l-Inqas Żviluppati jħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet biex jikkumpensaw għat-tnaqqis fit-taxxi fuq il-kummerċ b'riżultat tal-liberalizzazzjoni kummerċjali; jenfasizza bl-istess mod li f'ekonomija globalizzata fil-maġġorparti tagħha, il-liberalizzazzjoni naqqset is-setgħa ta' negozjar tal-ħaddiema, u li dan min-naħa tiegħu jipperikola l-kisba tad-drittijiet elenkati fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Aġenda tax-Xogħol Deċenti; iħeġġeġ bl-istess mod lill-UE tiżviluppa l-istrateġija tal-politika kummerċjali b'mod li żżomm u tipproteġi l-istandards soċjali u ambjentali għoljin, filwaqt li tiskoraġġixxi kwalunkwe forma ta' dumping soċjali u ambjentali;

23.    Jenfasizza li hemm interkonnessjoni importanti bejn il-governanza tajba, it-tkabbir ekonomiku sostenibbli u t-tnaqqis fl-inugwaljanzi soċjali; jenfasizza l-importanza li jiġu promossi opportunitajiet u drittijiet ugwali kif ukoll id-djalogu soċjali; jappella għal definizzjoni usa' tal-faqar minn dik ibbażata biss fuq il-PDG, li tkun tinkludi miżuri usa' ta' progress u benessri;

24.    Jenfasizza l-importanza kruċjali mil-lat ekonomiku u soċjali ta' klassi tan-nofs b'saħħitha u stabbli; jenfasizza l-ħtieġa li l-klassi tan-nofs tkun involuta aktar mill-qrib fil-proċess politiku, u b'hekk ikun promoss it-tkabbir inklużiv;

25.    Jappella għall-promozzjoni ta' żvilupp ekoloġikament sostenibbli fil-pajjiżi kollha, kemm dawk żviluppati u kemm dawk li qed jiżviluppaw, permezz tal-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali rinnovabbli u l-ħarsien tal-ambjent;

26.    Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli billi jintlaħaq bilanċ fl-iżvilupp reġjonali, jiġi promoss l-iżvilupp ta' bliet iżgħar u jiġi evitat it-tkabbir eċċessiv ta' bliet kbar;

Approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem

27.    Jilqa' l-inklużjoni fost l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli proposti mill-Grupp ta' Ħidma Miftuħ tan-NU, tal-promozzjoni ta' approċċ kkonċentrat fuq il-persuni u li huwa bbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem; jesprimi tħassib madankollu dwar il-fatt li għadu ma tteħidx approċċ aktar ambizzjuż, u jisħaq li tali approċċ huwa essenzjali biex jindirizza l-għeruq tal-faqar, l-esklużjoni soċjali u l-inugwaljanza;

28.    Jenfasizza l-universalità, l-indiviżibbiltà u l-interdipendenza tad-drittijiet kollha tal-bniedem tal-persuni kollha, mingħajr diskriminazzjoni dwar kwalunkwe raġuni, fejn fuq quddiem insibu d-dritt fundamentali tad-dinjità tal-bnedmin kollha, b'attenzjoni partikolari lid-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u l-bniet, inkluża l-promozzjoni tal-aċċess universali għas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, kif ukoll il-ħarsien u r-rispett tad-drittijiet tal-migranti u l-minoranzi, inklużi l-persuni LGBTI u l-persuni li qed jgħixu bl-HIV; jenfasizza l-importanza li fil-qafas il-ġdid jiġu rispettati u promossi d-drittijiet tal-persuni b'diżabilità;

29.    Jappella lill-UE tenfasizza l-importanza li fi ħdan l-aġenda wara l-2015 tingħata prijorità lill-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' qafas ġuridiku adegwat u lill-fatt li l-politiki nazzjonali u lokali għandhom jiġġieldu l-korruzzjoni u l-impunità, filwaqt li jkun żgurat aċċess għal istituzzjonijiet ġuridiċi imparzjali u indipendenti kif ukoll rimedji effikaċi għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment il-gruppi marġinalizzati kif ukoll il-ħarsien tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li l-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015 jeħtieġlu jiżgura l-governanza tajba, id-demokrazija u l-istat tad-dritt;

30.    Jistieden lill-UE tirdoppja l-isforzi mmirati li jiżguraw, matul in-negozjati intergovernattivi li jmiss, li l-approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt għall-iżvilupp isiru l-kunċetti li jirfdu l-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015 u li għalhekk il-pilastri ewlenin tal-approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem - l-universalità u l-indiviżibilità, in-nuqqas ta' diskriminazzjoni u l-ugwaljanza, ir-responsabbiltà u l-istat tad-dritt, il-parteċipazzjoni u l-inklużjoni - jiġu inklużi fit-tfassil, fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-qafas tal-iżvilupp wara l-2015; jenfasizza l-importanza li l-SDG 16, propost mill-Grupp ta' Ħidma Miftuħ tan-NU, jinżamm bħala għan awtonomu fil-qafas il-ġdid;

Il-prevenzjoni tal-kunflitti, l-irkupru wara kunflitt, il-bini tal-paċi u l-promozzjoni tal-paċi dejjiema

31.    Iqis li l-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015 għandu jirrifletti kif xieraq il-ftehim il-ġdid għal impenn fi stati fraġli u l-għanijiet għall-bini tal-paċi u l-bini tal-istat li ntlaħaq qbil dwarhom f'Busan; jenfasizza li fil-qafas il-ġdid jeħtieġ attenzjoni speċjali fir-rigward tal-istati fraġli; jilqa' l-fatt li l-promozzjoni ta' soċjetajiet paċifiċi hija waħda mill-prijoritajiet tal-UE u li qed tevolvi bħala element importanti fil-qafas il-ġdid; iqis ukoll li huwa assolutament neċessarju li jkun hemm sħubijiet strutturali, intensivi u fit-tul li jagħtu prijorità lir-riforma tas-settur tas-sigurtà u lill-istabbiliment tal-istat tad-dritt u ta' istituzzjonijiet demokratiċi;

32     Jenfasizza l-bżonn li l-qafas il-ġdid jindirizza l-ixpruni sottostanti tal-kunflitt u l-fraġilità; jappella lill-istituzzjonijiet Ewropej jistabbilixxu proċeduri li jirreaġixxu aktar malajr f'sitwazzjonijiet ta' wara kunflitt u li jadottaw strateġija li tippermetti l-għajnuna għall-iżvilupp biex tikkontribwixxi b'mod kemm jista' jkun effikaċi għall-objettivi tas-sigurtà;

33.    Jikkundanna bil-qawwa n-nuqqas ta' prosekuzzjoni u kastig f'żoni milquta minn kunflitti, speċjalment għal dak li jirrigwarda l-vjolenza sesswali fuq in-nisa u l-bniet; jenfasizza l-importanza li jirduppjaw l-isforzi għall-ħarsien tal-persuni ċivili affettwati minn kunflitti armati, li jitjieb l-aċċess għall-appoġġ psikoloġiku partikolarment għan-nisa u t-tfal, u li jissaħħaħ il-kollegament bejn l-għajnuna, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp (LRRD) fil-qafas globali l-ġdid;

34.    Jirrikonoxxi l-kontribut importanti tan-nisa għall-prevenzjoni tal-kunflitti u għall-isforzi tal-bini tal-paċi, u jappella għaldaqstant għall-promozzjoni tar-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU sabiex tkun żgurata l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-soluzzjoni tal-kunflitti u l-bini tad-demokrazija;

It-taffija tat-tibdil fil-klima, il-ħarsien tal-ambjent u t-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri

35.    Iqis li hemm bżonn li t-taffija tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih jiġi integrat b'mod effettiv fil-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015 bħala kwistjoni trasversali, u dan b'mod viżibbli u ambizzjuż; jappoġġja l-firxa wiesgħa ta' miżuri sabiex jiġu indirizzati l-effetti tat-tibdil fil-klima u li jkun żgurat futur aħjar għall-ġenerazzjoni l-ġdida, inkluża l-eliminazzjoni gradwali ta' sussidji li huma ta' dannu għall-ambjent; jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-enerġija sostenibbli billi din hija kruċjali għat-taffija tat-tibdil fil-klima;

36.    Jenfasizza li l-proċess ta' integrazzjoni m'għandux iwassal għad-devjazzjoni tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) lejn politiki klimatiċi li ma jiksbux it-taffija diretta tal-faqar;

37.    Iqis li bosta komunitajiet foqra diġà qed iħabbtu wiċċhom mal-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima għalkemm ftit huma responsabbli għalih; itenni l-ħtieġa urġenti li tittieħed azzjoni dwar it-tnaqqis fl-emissjonijiet, b'enfasi fuq strateġiji ħielsa mill-karbonju; jenfasizza li l-mixja lejn ekonomija effiċjenti fl-enerġija u bbażata fuq l-enerġiji rinnovabbli tista' twassal għal kisbiet fit-tnaqqis fil-faqar; jemmen li l-UE għandha tappoġġja l-aċċess universali għal servizzi tal-enerġija rinnovabbli, ta' min jorbot fuqhom u bi prezz raġonevoli;

38.    Jilqa' l-fatt li t-taffija tat-tibdil fil-klima u l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali għandhom preżenza b'saħħitha fid-dokument finali tal-Grupp ta' Ħidma Miftuħ u huma integrati sew fih, inklużi l-preservazzjoni tal-oċeani u l-ibħra u l-preservazzjoni tal-bijodiversità u l-foresti;

39.    Jisħaq fuq l-importanza li fil-qafas il-ġdid jiġu inklużi l-għajnuna umanitarja, il-bini tal-kapaċità, il-prevenzjoni u miżuri parteċipattivi minn isfel għal fuq biex jitnaqqas ir-riskju ta' diżastri b'mod effettiv u tissaħħaħ ir-reżiljenza; jenfasizza l-importanza li jissaħħu l-għajnuna internazzjonali, il-koordinazzjoni u r-riżorsi għal rispons f'emerġenza, l-irkupru u l-kostruzzjoni mill-ġdid f'sitwazzjonijiet wara diżastru;

40     Jirrikonoxxi r-rwol distint li għandhom in-nisa fil-kontribuzzjoni għas-sostenibbiltà, u jappella għalhekk għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ugwaljanza tal-ġeneru fil-politiki ambjentali u tat-tibdil fil-klima bil-ħsieb li jkun żgurat it-tnaqqis fl-inugwaljanzi tal-ġeneru għal dak li jirrigwarda l-aċċess u l-kontroll tar-riżorsi għall-adattament għat-tibdil fil-klima;

Is-sigurtà tal-ikel, in-nutrizzjoni, l-agrikoltura sostenibbli, il-ġlieda kontra d-degradazzjoni tal-art, l-ilma u s-sanità

41.    Jilqa' l-fatt li s-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni dehret bħala qasam ta' prijorità għall-qafas tal-iżvilupp globali l-ġdid, u jilqa' wkoll l-inklużjoni ta' għan awtonomu għall-eliminazzjoni tal-ġuħ, il-kisba tas-sigurtà tal-ikel u għal nutrizzjoni mtejba, u l-promozzjoni ta' agrikoltura sostenibbli fid-dokument finali tal-Grupp ta' Ħidma Miftuħ; jirrikonoxxi l-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa bdiewa b'rabta mas-sigurtà tal-ikel li hemm bżonn li jiġu kkunsidrati fl-iżvilupp tal-qafas il-ġdid;

42.    Jenfasizza l-importanza li jiġu indirizzati r-rabtiet mal-produttività mtejba tal-agrikoltura u s-sajd sostenibbli għat-tnaqqis fit-telf u l-ħela tal-ikel, il-ġestjoni trasparenti tar-riżorsi naturali u l-adattament għat-tibdil fil-klima;

43.    Jindika li s-sigurtà tas-sjieda tal-art għall-produtturi fuq skala żgħira, li tqis id-drittijiet tradizzjonali tal-użu tal-art, tistimola kemm lill-ekonomiji lokali u żżid is-sigurtà tal-ikel;

44.    Jappella dwar il-bżonn li mmorru lil hinn mis-sigurtà tal-ikel u li l-ikel jitqies bħal dritt bażiku tal-bniedem, biex b'hekk ikun jista' jiġi stabbilit għan ċar ta' ''Xejn Ġuħ'' u jintemm l-iskandlu tal-ġuħ sal-2025; jenfasizza li l-isforzi għall-qerda tal-faqar u t-tmiem tan-nutrizzjoni ħażina, kif ukoll il-fenomenu tal-''ġuħ moħbi'', għandhom jiffukaw fuq it-tfal u n-nisa li jreddgħu;

45.    Jenfasizza l-importanza li jiġu implimentati l-impenji ta' Rio+20 dwar id-degradazzjoni tal-art fil-pajjiżi kollha u l-linji gwida tal-FAO dwar id-dritt għall-ikel u dwar is-sjieda tal-art; jenfasizza l-importanza ta' governanza globali tajba sabiex jiġi evitat il-ħtif tal-art;

46.    Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza tajba fis-settur tal-art u li l-art titħares mir-riskju dejjem jikber li tinħataf minn konsorzji ta' negozju;

47.    Jindika l-importanza li jitqies l-aċċess universali għall-ilma tajjeb għax-xorb, is-sanità u l-ġestjoni integrata tal-ilma; jenfasizza l-ħtieġa li tittieħed azzjoni sabiex jitnaqqas l-użu ta' kimiċi dannużi u l-prevenzjoni tat-tniġġis;

Is-saħħa u l-edukazzjoni

48.    Huwa tal-fehma li s-settur tas-saħħa huwa kruċjali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tas-soċjetajiet; jappella għaldaqstant lill-UE sabiex fil-qafas globali l-ġdid tiffoka fuq il-promozzjoni ta' ħarsien tas-saħħa ekwu, universali u sostenibbli, b'enfasi speċjali fuq saħħa u kura tat-tfal u materna bi prezz raġonevoli, inkluża mira ambizzjuża dwar il-qerda ta' mwiet materni, tat-trabi u tat-tfal li jistgħu jiġu evitati, u dwar il-qerda ta' epidemiji bħall-AIDS, it-tuberkolożi, il-malarja u mard komunikabbli ieħor;

49.    Jirrikonoxxi s-saħħa bħala dritt tal-bniedem; jenfasizza l-importanza li jitjieb l-aċċess universali għall-iġjene u għal kura u kopertura tas-saħħa ta' kwalità għolja, inklużi servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttivi; jistieden lill-UE tenfasizza b'mod speċjali l-prevenzjoni tal-esklużjoni u d-diskriminazzjoni tal-gruppi l-aktar vulnerabbli fir-rigward tas-sistemi tas-saħħa;

50.    Jenfasizza l-importanza li titkompla l-ħidma sabiex jitjieb l-aċċess għall-ilma, is-sanità u l-iġjene bħala kwistjoni trasversali li taffettwa l-ilħuq ta' miri oħra fl-aġenda wara l-2015, inklużi s-saħħa, l-edukazzjoni u l-ugwaljanza tal-ġeneru;

51.    Jenfasizza li l-edukazzjoni hija fundamentali għall-iżvilupp ta' soċjetajiet li jistgħu jsostnu lilhom infushom; iħeġġeġ li l-aċċess għal-livelli kollha ta' edukazzjoni ta' kwalità għandu jiġi rifless fil-qafas tal-iżvilupp globali l-ġdid u li l-qafas għandu jindirizza wkoll il-kwistjoni tal-aċċess għall-edukazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza u ta' kriżi; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa ċ-ċittadinanza parteċipattiva permezz tal-eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet ċiviċi u politiċi kif ukoll il-bini ta' soċjetajiet ibbażati fuq l-għarfien u innovattivi;

52.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi l-prijorità li jiġu eliminati l-inugwaljanzi fl-aċċess għas-saħħa u l-edukazzjoni fil-qafas wara l-2015, u tinkludi miżuri speċifiċi sabiex tilħaq lill-individwi u l-gruppi żvantaġġati li huma f'riskju ta' diskriminazzjoni;

Ir-rwol ċentrali tan-nisa fil-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015

53.    Jilqa' l-fatt fid-dokument finali tal-Grupp ta' Ħidma Miftuħ, l-għoti tas-setgħa lin-nisa u lill-bniet u l-importanza tal-ugwaljanza bejn il-ġeneru huma rikonoxxuti bħala prijoritajiet, filwaqt li jitqies ir-rwol ċentrali tan-nisa fil-qafas tal-iżvilupp globali l-ġdid; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw l-appell tal-Grupp ta' Ħidma Miftuħ li jkun hemm għan awtonomu dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneru filwaqt li jkun żgurat li fil-miri kollha tiddaħħal l-integrazzjoni tal-ġeneru, u li jippromwovu l-inklużjoni ta' miri ambizzjużi dwar id-drittijiet tan-nisa u l-bniet u titjib fl-implimentazzjoni ta' dawn il-miri;

54.    Itenni l-importanza li jiġu eliminati l-forom kollha ta' diskriminazzjoni u vjolenza kontra n-nisa u l-bniet fil-qafas il-ġdid; jenfasizza l-importanza li jiġu eliminati l-leġiżlazzjoni u l-prattiki diskriminatorji kollha; iħeġġeġ lill-UE tpoġġi l-eliminazzjoni tal-forom kollha ta' vjolenza, bħall-vjolenza domestika, it-traffikar, l-isfruttament u l-fastidju sesswali, u l-prattiki dannużi kollha inklużi ż-żwieġ tat-tfal, iż-żwieġ bikri jew sfurzat u l-mutilazzjoni ġenitali femminili bħala waħda mill-prijoritajiet ewlenin fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fl-ambitu tal-qafas globali l-ġdid;

55.    Iqis li l-aġenda globali wara l-2015 għandha twassal messaġġ ċar b'rabta mal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-proċess ta' teħid tad-deċiżjonijiet;

56.    Jenfasizza l-importanza li jkun żgurat aċċess ugwali għax-xogħol kemm għan-nisa u kemm għall-irġiel, u ħlas ugwali kullimkien għal xogħol tal-istess valur; jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġi salvagwardjat id-dritt tan-nisa li jkollhom it-tfal u li fl-istess waqt jibqgħu jaħdmu;

57.    Jenfasizza l-importanza li jitjieb l-aċċess tal-bniet għal-livelli kollha tal-edukazzjoni u li jitneħħew l-ostakoli relatati mal-ġeneru fil-qasam tat-tagħlim;

58     Jenfasizza l-importanza li jkun żgurat aċċess universali għal servizzi tas-saħħa bħall-ippjanar tal-familja, inklużi s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi;

59.    Jindika l-ħtieġa li jiġu stabbiliti arranġamenti effikaċi u speċifiċi ta' ħarsien għall-migranti nisa, u jirrikonoxxi l-importanza tad-dritt tan-nisa li jemigraw u jintegraw f'kultura ġdida;

It-tkabbir inklużiv u sostenibbli, l-impjiegi u l-ħolqien ta' impjiegi deċenti

60.    Jenfasizza li t-tkabbir ekonomiku sostenibbli u inklużiv, flimkien mal-ħolqien ta' impjiegi deċenti u l-effiċjenza fir-riżorsi bil-għan li nersqu lejn mudell ta' konsum u ta' produzzjoni aktar sostenibbli u t-taffija tat-tibdil fil-klima, huma kruċjali għas-suċċess tal-qafas wara l-2015; iqis li d-definizzjoni tal-indikaturi kwalitattivi se tkun essenzjali biex jiġi mmonitorjat il-punt safejn il-progress għall-iżvilupp huwa inklużiv u sostenibbli, u kemm il-ħtiġijiet tal-gruppi l-aktar vulnerabbli u li għandhom nuqqasijiet qed jiġu indirizzati;

61.    Jenfasizza li huwa kruċjali li jiġi mmonitorjat il-punt safejn l-iżvilupp ekonomiku jinkludi l-gruppi l-aktar vulnerabbli u li għandhom nuqqasijiet, u kemm is-salarji huma konformi maż-żidiet fil-produttività; ifakkar li hija r-responsabbiltà tal-Istat li jipprovdi servizzi soċjali bażiċi liċ-ċittadini tiegħu, biex b'hekk jikkontribwixxi għall-qerda tal-faqar; iqis li huwa essenzjali li jkunu stabbiliti livelli minimi ta' ħarsien soċjali definiti fil-livell nazzjonali kif ukoll regolament dwar il-paga minima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

62.    Jitlob lill-UE tippromwovi ambjent li jippermetti l-intraprenditorija, il-kummerċ, l-investiment u l-innovazzjoni, li se jwassal sabiex inaqqas l-inugwaljanzi u li huwa mmirat li jsaħħaħ il-ġustizzja soċjali;

63.    Jenfasizza l-ħtieġa li fil-qafas tal-iżvilupp globali l-ġdid jiġi eliminat gradwalment it-tħaddim tat-tfal;

64.    Jappella għal qafas globali ġdid li joħloq skema ta' kummerċ ekwa u sostenibbli bbażata fuq id-djalogu, it-trasparenza u r-rispett li tfittex li jkun hemm aktar ugwaljanza fil-kummerċ internazzjonali; huwa tal-fehma li l-Kummerċ Ġust huwa eżempju ta' sħubija ta' suċċess li tinvolvi ħafna partijiet interessati mid-dinja kollha u fi stadji differenti tal-katina tal-provvista, li tiżgura aċċess għas-suq għall-produtturi żvantaġġati, b'mod partikolari n-nisa, tiggarantixxi għajxien sostenibbli, tirrispetta l-istandards tax-xogħol, telimina t-tħaddim tat-tfal u tħeġġeġ il-biedja u l-prattiki ta' produzzjoni sostenibbli mil-lat ambjentali;

65.    Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm qafas globali ġdid għall-promozzjoni ta' skema kummerċjali multilaterali universali, trasparenti, ibbażata fuq ir-regoli, miftuħa, mhux diskriminatorja u ekwa fl-ambitu tad-WTO; jistieden lill-UE terġa' tikkunsidra l-istrateġija tagħha għall-politiki tal-iżvilupp sostenibbli, inkluż il-kummerċ ġust;

66.    Jappella sabiex jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta' inċentivi ekoloġiċi, bħall-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi;

67.    Jenfasizza l-importanza li fil-qafas globali l-ġdid jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ;

Is-settur privat

68.    Jenfasizza li s-settur privat jista' jkun xprun ewlieni tat-tkabbir sostenibbli u inklużiv, meta jitqiesu prinċipji ewlenin tal-iżvilupp bħad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tax-xogħol, ir-responsabbiltà korporattiva u l-mekkaniżmi ta' trasparenza, id-djalogu soċjali u l-impenji ambjentali; jistieden lill-UE tappoġġja l-bini ta' sistemi regolatorji li jnaqqsu l-piż eċċessiv tal-burokrazija, jippromwovu l-governanza tajba, jiġġieldu t-tixħim u l-korruzzjoni u jippromwovu l-ħolqien tal-imjiegi; jinsisti fuq il-bżonn li titjieb ir-responsabbiltà soċjali korporattiva ta' intrapriżi multinazzjonali permezz ta' regoli legalment vinkolanti; iqis li f'dawn iċ-ċirkostanzi s-settur privat għandu jkun xprun ewlieni għall-iżvilupp ekonomiku inklużiv u sostenibbli;

69.    Jappella għal regoli trasparenti u ġusti fl-aċċess għal swieq lokali u internazzjonali, li jagħtu opportunitajiet indaqs għall-partijiet interessati kollha involuti;

70.    Jindika li r-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva għandha tkun element importanti tal-qafas il-ġdid;

71.    Jappella lill-UE tiżgura li l-flussi tal-għajnuna kollha għas-settur privat isegwu l-prinċipji tal-effikaċja tal-iżvilupp u jiżguraw li s-settur privat fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandu l-għan li joħroġ lill-persuni mill-faqar;

72.    Jilqa' r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill li jiġi enfasizzat aktar l-appoġġ għall-SMEs, billi jinħoloq ambjent favorevoli għas-sidien ta' negozji żgħar u jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzjament u t-taħriġ;

73.    Jappoġġja b'mod partikolari l-iżvilupp ulterjuri tal-inizjattiva għal intraprenditorija soċjali fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp; jappella għall-ħolqien ta' għodod ġodda li jappoġġjaw il-kooperazzjoni mtejba bejn l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fil-pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw;

74.    Iħeġġeġ lill-UE sabiex fl-aġenda wara l-2015 tagħti prijorità lill-ġustizzja fil-qasam tat-taxxa u lill-mobilizzazzjoni tar-riżorsi interni, billi dawn għandu jkollhom rwol akbar f'soċjetà li qed tinbidel, fil-qerda tal-faqar u t-tnaqqis fl-inugwaljanzi;

Is-soċjetà ċivili

75.    Filwaqt li jirrikonoxxi l-ħtieġa li jkun hemm approċċ parteċipattiv fil-qafas il-ġdid, li għandu jimmira li jinvolvi lill-atturi fil-livelli kollha, jenfasizza r-rwol kruċjali li għandhom l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kif ukoll l-organizzazzjonijiet tan-nisa fir-rigward tar-rwol ċentrali tan-nisa fl-iżvilupp globali, bħala dawk li jippermettu l-iżvilupp u li jippromwovu l-universalità, l-ugwaljanza, l-inklużjoni, ir-responsabbiltà u t-trasparenza; jenfasizza l-importanza li jkun hemm djalogu mal-organizzazzjonijiet fuq il-post, u li tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni diretta tal-persuni u l-komunitajiet;

76.    Jenfasizza r-rwol partikolari li għandhom l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-istat tad-dritt, il-ġustizzja, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi speċjalment f'pajjiżi fejn il-bini tal-istat għadu fil-fażijiet bikrija tiegħu u l-kapaċitajiet tal-istat u tal-gvern huma limitati;

L-awtoritajiet lokali u l-parlamenti nazzjonali

77.    Jenfasizza l-importanza li l-awtoritajiet lokali u l-parlamenti nazzjonali jiġu inklużi fl-ippjanar għall-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-flussi tal-għajnuna finanzjarja; jenfasizza li dan ikun jeħtieġ proċess ta' parteċipazzjoni vera, imwettaq fi stadju bikri tal-fażi tal-iżvilupp u li, b'kunsiderazzjoni għal dan, l-għajnuna pubblika deċentralizzata għandha tkun rikonoxxuta u msaħħa;

IV. Il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi finanzjarji

78.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jissodisfaw l-impenn tagħhom li jallokaw tal-anqas 0.7 % tal-ING għall-ODA, inkluż tal-anqas 0.2 % lill-Pajjiżi l-Inqas Żviluppati u stati oħrajn b'vulnerabbiltà għolja; jappella lill-UE tieħu approċċ internazzjonali koerenti u komprensiv għall-finanzjament lil hinn mill-2015; itenni l-ħtieġa li jkompli jkun hemm ħidma mill-qrib ma' donaturi oħra għall-iżvilupp ta' mekkaniżmi finanzjarji innovattivi oħra, bħat-Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji;

79.    Jenfasizza l-importanza li jiġi rispettat il-prinċipju tas-sjieda fil-kuntest tal-iżvilupp; jenfasizza l-bżonn li jiżdied id-djalogu politiku bejn id-donaturi u l-pajjiżi sħab;

80.    Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li l-ODA għandha tibqa’ s-sinsla tal-politika Ewropea ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp li timmira li teqred il-faqar;

81.    Jappella lill-UE tevalwa l-mekkaniżmi ta' taħlit sabiex tiżgura li huma trasparenti u responsabbli u li għandhom impatt ta' żvilupp sostenibbli ċar; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika linji gwida li huma bbażati fuq strateġiji armonizzati għat-tnaqqis fil-faqar;

82.    Itenni l-appell tiegħu li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus, l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, ir-rifuġji fiskali, il-flussi illegali ta' kapital u l-istrutturi dannużi tat-taxxa ssir prijorità prinċipali fil-finanzjament tal-iżvilupp; ifakkar li stimi juru li f'dan l-aħħar deċennju l-pajjiżi li qed jiżviluppaw tilfu kważi USD 6 triljun fi flussi finanzjarji illegali, ammont li jisboq bil-kbir il-flussi tal-ODA għal dak il-perjodu, u għalhekk jenfasizza l-importanza li tissaħħaħ it-trasparenza u l-governanza globali tajba;

83.    Jappella lill-UE tiffaċilita fejn possibbli s-sħubiji pubbliċi-privati u tagħti prijorità lill-utilizzazzjoni tal-esperjenza, l-għarfien espert u s-sistemi ta' ġestjoni tas-settur privat, bi sħubija ma' riżorsi pubbliċi;

84.    Jappella lill-UE tkompli tappoġġja lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-isforzi tagħhom sabiex iżidu l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi pubbliċi u privati interni u tassistihom fl-istabbilment ta' sistemi ta' tassazzjoni ġusti, sostenibbli u ekwi li jwasslu sabiex jintlaħaq tnaqqis fil-faqar u d-dipendenza fuq l-għajnuna;

V.  L-indikaturi u r-responsabbiltà

85.    Jenfasizza li data affidabbli li tkun aċċessibbli u maqsuma f'partijiet hija kruċjali għat-tfassil ta' politiki xierqa dwar il-qafas il-ġdid u biex il-gvernijiet u l-komunità internazzjonali jitqiesu responsabbli;

86.    Jenfasizza l-bżonn li jkun hemm mekkaniżmi ta' responsabbiltà b'saħħithom sabiex ikun żgurat li kemm il-pajjiżi żviluppati u kemm dawk li qed jiżviluppaw jissodisfaw l-impenji tagħhom u jindirizzaw b'mod effettiv l-isfidi b'rabta mal-faqar u s-sostenibbiltà li se jittratta l-qafas wara l-2015; jenfasizza li l-qafas jeħtieġ li jkun ibbażat fuq l-evidenza, u jinkludi miri finanzjarji u mekkaniżmi għal monitoraġġ u r-responsabbiltà b'saħħithom fil-livelli kollha; ifakkar li l-mekkaniżmi ta' monitoraġġ għandhom jinkludu proċess ta' rieżami bbażat fuq id-disponibilità u t-trasparenza;

87.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-President tal-Grupp ta' Ħidma Miftuħ dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli.

NOTA SPJEGATTIVA

I. L-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju (MDGs) - kisbiet u sfidi ġodda

F'Settembru 2000, in-NU adottaw Dikjarazzjoni tal-Millennju, segwita mill-istabbiliment ta' objettivi konkreti u marbuta biż-żmien li kellhom jintlaħqu sal-2015.

L-MDGs għamlu differenza kbira fil-ħajja tan-nies. Inqas minn sena mid-data fil-mira biex jintlaħqu l-MDGs, id-dinja naqqset il-faqar estrem bin-nofs u l-isforzi fil-ġlieda kontra l-malarja u t-tuberkulożi wrew riżultati impressjonanti.

Kisba importanti oħra tal-MDGs hija li ġabru flimkien il-gvernijiet, il-komunità internazzjonali, is-soċjetà ċivili u s-settur privat biex dawn jilħqu għanijiet konkreti għall-iżvilupp u għall-qerda tal-faqar.

Madankollu, jinħtieġ li jsiru sforzi addizzjonali biex inaqqsu bin-nofs il-persentaġġ ta' nies li jbatu l-ġuħ. Ir-Rapport dwar l-Iżvilupp tal-Bniedem tal-2014 jenfasizza li l-vulnerabbiltà persistenti thedded l-iżvilupp tal-bniedem, sakemm ma tkunx indirizzata mill-politiki u n-normi soċjali.

Huwa mistenni li l-isfidi globali jiżdiedu minħabba kwistjonijiet prinċipali bħall-faqar, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, il-kunflitti armati u t-terroriżmu, it-tibdil fil-klima, in-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel, il-migrazzjoni, il-qgħad, it-tibdil demografiku, il-korruzzjoni, il-limitazzjonijiet tar-riżorsi, it-tkabbir instabbli, u l-kriżijiet finanzjarji u ekonomiċi. Jinħtieġu mogħdijiet ġodda għall-iżvilupp li jistgħu jwasslu għal żvilupp inklużiv u sostenibbli.

Għaldaqstant l-aġenda wara l-2015 teħtieġ sħubija globali ġenwinament imġedda, komprensiva fil-kopertura tagħha, tirrikonoxxi l-kontribut tat-tipi kollha ta' strumenti, u kapaċi tittratta mat-teknoloġija u l-innovazzjoni, il-bini tal-kapaċità u l-kummerċ.

Għalfejn neħtieġu dan id-dokument?

Wara l-avveniment speċjali tan-NU dwar l-MDGs (Settembru 2013) u r-rapporti dwar il-perjodu wara l-2015, in-negozjati ta' qafas ġdid intensifikaw, partikolarment permezz tad-diskussjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma Miftuħ dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli u l-Kumitat Espert Intergovernattiv dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp Sostenibbli.

Il-pożizzjoni ġenerali tal-UE ġiet żviluppata mill-Kummissjoni Ewropea wara konsultazzjonijiet intensivi, u approvata mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew. Il-Komunikazzjoni "Ħajja diċenti għal kulħadd" tifrex il-bażi tal-pożizzjoni tal-UE dwar l-aġenda wara l-2015.

Il-Komunikazzjoni titlob li jkunu indirizzati kwistjonijiet ta' tħassib globali bħall-faqar, is-saħħa, is-sigurtà tal-ikel, l-edukazzjoni, l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-ilma u s-sanità, l-enerġija sostenibbli, l-impjiegi diċenti, it-tkabbir inklużiv u sostenibbli, l-inugwaljanza, il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli, il-bijodiversità, id-degradazzjoni tal-art u l-ibħra u l-oċeani. Tgħid ukoll li l-qafas wara l-2015 għandu jiżgura approċċ ibbażat fuq id-drittijiet u jindirizza l-ġustizzja, l-ugwaljanza u l-imparzjalità, il-governanza tajba, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, is-soċjetajiet paċifiċi u l-ħelsien mill-vjolenza.

Il-Parlament Ewropew kien impenjat bis-sħiħ biex jikseb aġenda ambizzjuża ta' żvilupp wara l-2015. B'dan ir-rapport nixtiequ nikkontribwixxu għad-definizzjoni ta' pożizzjoni koerenti u konsistenti tal-UE, biex tiġi adottata mill-Kunsill f'Diċembru 2014. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill għandhom jistabbilixxu l-prinċipji tal-UE u l-linji ewlenin tal-istrateġija ta' negozjati tagħha.

III. Oqsma prijoritarji

Il-qerda tal-faqar u l-iżvilupp sostenibbli

Ir-rapporteur ifakkar li n-narrattiva tal-Grupp ta' Ħidma Miftuħ dwar l-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli tidentifika għadd konsistenti ta' oqsma prijoritarji emerġenti. Jinħtieġ li jkun hemm enfasi b'mod progressiv fuq elementi ċentrali li għandhom jikkostitwixxu sett ċar u limitat ta' għanijiet universali u li jistgħu jitkejlu.

Il-qerda tal-faqar flimkien mal-governanza tajba, l-approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp sostenibbli għandhom ikunu temi sottostanti tal-qafas ta' żvilupp il-ġdid li jindirizza wkoll l-aspetti multidimensjonali tal-faqar u l-inugwaljanza, li jmorru lil hinn min-nuqqas ta' dħul.

Approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem

Il-qafas wara l-2015 għandu jiżgura approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-promozzjoni tas-soċjetajiet paċifiċi. Il-ġustizzja, il-governanza tajba, id-demokrazija u l-istat tad-dritt għandhom ikunu indirizzati wkoll fl-aġenda l-ġdida. Ir-rapporteur jemmen bis-sħiħ li għandu jittieħed approċċ aktar ambizzjuż f'dan ir-rigward;

F'dan il-mument kruċjali ta' negozjati, l-UE għandha tintegra d-drittijiet kollha filwaqt li timpenja ruħha ma' pajjiżi terzi, li huwa ferm importanti għall-iżvilupp sostenibbli.

Ir-rapporteur jixtieq ifakkar li, biex jintlaħqu l-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli, neħtieġu istituzzjonijiet fil-livelli kollha li jkunu effikaċi, trasparenti, responsabbli u demokratiċi. Għalhekk, ir-rapporteur iħeġġeġ l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' qafas ġuridiku xieraq u politiki nazzjonali li jwasslu għal inqas korruzzjoni, b'tali mod li jiżguraw li l-istituzzjonijiet tal-ġustizzja jkunu aċċessibbli, imparzjali u indipendenti.

Il-prevenzjoni ta' kunflitt, wara kunflitt, il-bini tal-paċi u l-promozzjoni tal-paċi dejjiema

L-UE rrikonoxxiet li ma jistax ikun hemm żvilupp sostenibbli mingħajr paċi u sigurtà, u li, viċe versa, mingħajr żvilupp u qerda tal-faqar ma jkunx hemm paċi dejjiema. Għaldaqstant, il-qafas wara l-2015 għandu jirrifletti l-għanijiet għall-bini tal-paċi u l-bini tal-istat f'Busan. Il-promozzjoni ta' soċjetajiet paċifiċi għandha tevolvi bħala element importanti tal-aġenda l-ġdida.

It-tibdil fil-klima u t-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri

Il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, bħala waħda mill-ikbar sfidi ta' żminijietna, jeħtieġ li tkun integrata b'mod urġenti u effikaċi fl-aġenda ta' żvilupp il-ġdida. It-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri, kif ukoll it-tisħiħ tar-reżiljenza, huwa relatat mill-qrib mat-tibdil fil-klima.

Fir-rigward tat-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri huwa importanti li wieħed jiftakar li l-pajjiżi l-aktar foqra huma l-aktar esposti għar-riskju, u hemm bżonn li d-determinanti kollha ta' vulnerabbiltà jkunu indirizzati.

L-enerġija sostenibbli wkoll għandha titqies bħala strument kruċjali għat-tnaqqis tal-faqar. Dan jirrikjedi approċċ strateġiku dwar id-diversifikazzjoni tas-sorsi, il-protezzjoni tal-ekosistemi u r-riżorsi naturali, u l-ġestjoni integrata tal-ilma.

Is-sigurtà tal-ikel, in-nutrizzjoni, l-agrikoltura sostenibbli, id-degradazzjoni tal-art, l-ilma u s-sanità

Ir-Rapporteur jilqa' l-fatt li s-sigurtà tal-ikel u tan-nutrizzjoni qed issir qasam ewlieni għall-aġenda l-ġdida u jfakkar li hemm bżonn li jinħolqu rabtiet mal-agrikoltura sostenibbli, is-sajd, il-ġestjoni tar-riżorsi naturali u t-tibdil fil-klima.

Ir-Rapporteur jenfasizza li għandhom isiru sforzi addizzjonali biex itemmu n-nutrizzjoni ħażina, b'enfasi speċjali fuq it-tfal.

Kif enfasizzat fl-impenji ta' Rio+20, id-degradazzjoni tal-art u l-ħamrija hija qasam ewlieni tal-iżvilupp sostenibbli u l-ekonomija ekoloġika. Għalhekk huwa kruċjali li titwaqqaf id-degradazzjoni tal-art u l-ħamrija.

Il-konferenza ta' Rio+20 irrikonoxxiet li "l-ilma huwa fil-qalba tal-iżvilupp sostenibbli" u t-tliet dimensjonijiet tiegħu. Ir-rapporteur iqis li l-aġenda l-ġdida għandha tinkoraġġixxi approċċ integrat għall-ilma espressa permezz ta' għanijiet miftiehma b'mod universali, politiki sempliċi, li jistgħu jitkejlu u li jistgħu jiffukaw, riżorsi u l-possibbiltà li l-partijiet interessati jkunu jistgħu jiksbu riżultati konkreti li jtejbu l-ħajjiet tan-nies u jħarsu l-ambjent.

Is-saħħa u l-edukazzjoni

Ir-Rapporteur jenfasizza l-importanza tas-saħħa u l-edukazzjoni għal żvilupp sostenibbli. Għalhekk fl-aġenda wara l-2015 għandu jkun hemm għanijiet uniċi li jindirizzaw dawk il-kwistjonijiet.

L-UE għandha tiffoka fuq il-promozzjoni ta' kopertura tas-saħħa imparzjali u universali permezz ta' infiq ta' kwalità u aċċess għal servizzi tas-saħħa ta' kwalità fil-qafas ta' żvilupp il-ġdid.

Barra minn hekk, ir-Rapporteur jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm aċċess għal-livelli kollha ta' edukazzjoni ta' kwalità, sabiex titrawwem ċittadinanza parteċipattiva u l-bini ta' soċjetajiet ibbażati fuq l-għarfien u soċjetajiet innovattivi.

Huwa partikolarment importanti li l-inugwaljanzi fir-rigward tal-aċċess tas-saħħa u l-edukazzjoni jiġu eliminati, u jitfasslu miżuri fi ħdan il-qafas il-ġdid biex jilħqu l-gruppi l-aktar żvantaġġati.

Ir-rwol ċentrali tan-nisa fil-qafas ta' żvilupp il-ġdid

Ir-Rapporteur jilqa' l-fatt li l-għoti tas-setgħa lin-nisa ġie rikonoxxut bħala prijorità fl-aġenda ta' żvilupp wara l-2015.

Barra minn hekk, huwa importanti li tingħata prijorità lill-eliminazzjoni tal-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet. Huwa kruċjali li l-UE tistabbilixxi l-eliminazzjoni tal-prattiki ta' ħsara kollha inklużi ż-żwieġ tat-tfal, dak bikri jew furzat u l-mutilazzjoni ġenitali femminili bħala waħda mill-ewwel prijoritajiet skont il-qafas il-ġdid.

Il-qafas ta' żvilupp il-ġdid għandu jinkludi wkoll enfasi fuq l-iżgurar tal-aċċess ugwali għall-impjieg, kif ukoll pagi ugwali għax-xogħol tal-istess valur.

It-tkabbir inklużiv u sostenibbli, l-impjiegi u l-impjiegi diċenti

Il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali naqqsu t-tkabbir u wasslu għal kriżi fil-qasam tal-impjiegi. Ir-Rapporteur saħaq fuq l-importanza tat-tkabbir inklużiv u l-promozzjoni ta' impjiegi diċenti.

Id-diskussjonijiet li għaddejjin dwar il-qafas wara l-2015 joffru opportunità tajba għall-UE biex tippromwovi ambjent li jippermetti l-intraprenditorija, il-kummerċ, l-investiment u l-innovazzjoni, li se jwasslu għat-tnaqqis tal-inugwaljanzi u għandhom l-għan li jsaħħu l-ġustizzja soċjali.

Is-settur privat

Is-settur privat jipprovdi madwar 90 % tal-impjiegi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u b'hekk huwa sieħeb essenzjali fil-ġlieda kontra l-faqar.

Ir-Rapporteur jemmen li s-settur privat għandu jkun il-mutur ewlieni għat-tkabbir inklużiv u sostenibbli. F'dan ir-rigward, huwa jilqa' r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill biex iżid l-enfasi fuq l-appoġġ lill-SMEs, kif ukoll lill-intrapriżi soċjali u l-kooperattivi, bħala atturi ewlenin biex jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli.

Is-Soċjetà Ċivili

Ir-Rapporteur huwa tal-fehma li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom jaqdu rwol importanti fil-qafas il-ġdid wara l-2015 billi jagħmlu lill-gvernijiet responsabbli, u billi jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' soċjetajiet parteċipattivi responsabbli għall-iżvilupp tagħhom stess.

L-awtoritajiet lokali

L-awtoritajiet lokali għandhom ikunu inklużi mill-bidu fil-qafas ta' żvilupp il-ġdid permezz ta' proċess ġenwinament parteċipattiv. Ir-Rapporteur huwa tal-fehma li l-awtoritajiet lokali jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-effikaċja tal-iżvilupp peress li jafu l-aħjar il-ħtiġijiet tal-komunitajiet lokali u jistgħu jindirizzawhom bl-aktar mod komprensiv.

V. Il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi finanzjarji

L-għanijiet ta' wara l-2015 għandhom jikkunsidraw li jistabbilixxu għanijiet reċiproċi u obbligi għall-pajjiżi kollha, irrispettivament mil-livelli ta' dħul tagħhom.

Ir-Rapporteur jemmen li l-UE għandha tkompli taħdem mill-qrib ma' donaturi oħra dwar l-iżvilupp ta' aktar mekkaniżmi innovattivi għall-iżvilupp u l-ħolqien ta' sħubijiet ġodda u sabiex jikkumplimentaw sorsi oħra ta' finanzjament.

Ir-Rapporteur jirrakkomanda wkoll li l-mekkaniżmi ta' taħlit ikunu trasparenti, responsabbli u jkollhom impatt ta' żvilupp sostenibbli ċar. Jirrakkomanda bil-qawwi approċċ koesiv u determinat dwar il-ġlieda kontra flussi finanzjarji illeċiti, it-titjib fit-trasparenza u l-governanza tajba.

Ir-Rapporteur jemmen li l-UE għandha tkompli taħdem mill-qrib ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex tgħinhom iżidu d-dħul domestiku, jistabbilixxu sistemi tat-taxxa sostenibbli u imparzjali.

VII. L-indikaturi u r-responsabbiltà

Ifakkar li data affidabbli hija importanti immens għat-tfassil ta' politiki xierqa u biex il-gvernijiet u l-partijiet interessati għall-iżvilupp jinżammu responsabbli. Jirrakkomanda li l-UE tippromwovi diskussjonijiet dwar l-aħjar indikaturi biex ikejlu l-progess, l-inugwaljanzi u l-vulnerabbiltajiet.

VIII. Il-ħtieġa għal pożizzjoni tal-UE b'saħħitha, ċara u koesiva

Ir-Rapporteur japprezza l-impenn tal-UE fin-negozjati wara l-2015 u għall-insistenza fuq qafas uniku u komprensiv biex ikun applikat għall-pajjiżi kollha u jindirizza t-tliet dimensjonijiet tal-iżvilupp sostenibbli. Iqis li l-UE għandha tkun soda rigward is-sustanza u l-objettivi strateġiċi. Jilqa' l-progress u l-kontribut li sar mill-Grupp ta' Ħidma Miftuħ, iżda jemmen li jeħtieġ li l-għadd ta' għanijiet identifikati fil-konklużjonijiet ikunu ssemplifikati u jitnaqqsu b'mod sinifikanti;

Iqis ukoll li l-UE għandha tagħti kontribut importanti għad-definizzjoni ta' dispożizzjonijiet ċari sabiex tiżgura li l-kunċett sottostanti tal-qafas il-ġdid ikun approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-governanza tajba.

Ir-Rapporteur iqis ukoll li koerenza tal-politiki għall-iżvilupp (PCD) huwa aspett kruċjali ieħor għal aġenda ta' żvilupp ta' suċċess wara l-2015. Għaldaqstant, għandhom ikunu ppreżentati proposti aktar dettaljati dwar is-sigurtà tal-ikel, in-nutrizzjoni u l-agrikoltura sostenibbli.

Fl-aħħar nett, ir-Rapporteur jisħaq li l-vuċijiet tal-pajjiżi u l-gruppi reġjonali li jappoġġjaw il-prijoritajiet tal-UE, u jikkondividu l-istess tħassib għandhom jinstemgħu u jkollhom effett katalitiku fi gruppi reġjonali.

OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (6.11.2014)

għall-Kumitat għall-Iżvilupp

dwar l-UE u l-qafas ta' żvilupp globali wara l-2015
(2014/2143(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Malin Björk

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

–    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) tat-18 ta’ Diċembru 1979;

–    wara li kkunsidra r-Raba’ Konferenza Dinjija dwar in-Nisa organizzata f'Beijing f’Settembru 1995, id-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta’ Azzjoni adottati f’Beijing u d-dokumenti riżultanti sussegwenti adottati mis-Sessjonijiet Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Beijing+5, +10 u +15 dwar aktar azzjonijiet u inizjattivi għall-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni u tal-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Beijing, adottati fid-9 ta’ Ġunju 2000, fil-11 ta’ Marzu 2005 u fit-2 ta’ Marzu 2010 rispettivament;

–   wara li kkunsidra l-Programm ta’ Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp(ICPD) li saret fil-Kajr fl-1994, fejn il-komunità dinjija rrikonoxxiet u tenniet li s-saħħa u sesswali u riproduttiva u d-drittijiet riproduttivi huma fundamentali għall-iżvilupp sostenibbli;

A.  billi żewġ Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDG) jindirizzaw b'mod espliċitu d-drittijiet tan-nisa, billi b'mod partikolari jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti ta' setgħa lin-nisa (MDG 3) u t-titjib tas-saħħa materna (MDG 5), billi tlieta oħra jindirizzaw il-kundizzjonijiet ta' għajxien tan-nisa u l-bniet: ilħuq ta’ edukazzjoni primarja universali (MDG 2), tnaqqis tal-mortalità infantili (MDG 4) u l-ġlieda kontra l-HIV/AIDS, malarja u mard ieħor (MDG 6);

B.  billi l-Istati Membri ħadu l-impenn li jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi fi tnax-il qasam kritiku ta' tħassib taħt il-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Pekin; billi fl-analiżi ta' implimentazzjoni tiegħu tal-15-il sena, il-Kunsill ikkonkluda li d-drittijiet tan-nisa għad iridu jiġu żgurati fil-parti l-kbira minn dawn l-oqsma;

C. billi l-UE ħadet l-impenn li tosserva Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tal-Mezzi ta’ Azzjoni tan-Nisa fl-Iżvilupp 2010-2015, iżda l-veloċità ta' implimentazzjoni kienet qed tkun baxxa ħafna, kif ġie enfasizzat fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2014;

D. billi minkejja li l-MDGs kisbu suċċessi fil-pajjiżi bi żvilupp medju u f'dawk li qed jiżviluppaw, il-progress lejn l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti ta' setgħa lin-nisa kien imħallat, u l-MDG 3 baqa' prinċipalment ma ntlaħaqx;

E.  billi l-MDG 5 huwa l-iktar wieħed li għadu lura, u l-aċċess għal informazzjoni dwar id-drittijiet sesswali u riproduttivi, inklużi l-kontraċezzjoni u l-abort, huwa fundamentali għall-għoti tas-setgħa lin-nisa; billi ta' kuljum, madwar 800 mara fid-dinja jmutu minħabba kumplikazzjonijiet fit-tqala jew it-twellid; u madwar 222 miljun mara fil-partijiet tad-dinja li qed jiżviluppaw mgħandhomx aċċess għal metodi sikuri u moderni ta' ippjanar tal-familja, filwaqt li qed jonqos il-proporzjon ta' għajnuna għall-iżvilupp immirat lejn l-ippjanar tal-familji, meta mqabbel mal-għajnuna totali għall-iżvilupp b'rabta mas-saħħa;

F.  billi, peress li jikkostitwixxu 'l fuq minn 60 % tal-persuni morda bl-HIV, in-nisa u l-bniet għadhom l-epiċentru tal-pandemika tal-HIV (MDG 6);

G. billi n-nisa huma protagonisti ewlenin fil-politiki ta' żvilupp; billi l-għoti tas-setgħa lin-nisa u lill-bniet u d-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u tal-bniet kienu rikonoxxuti bħala prijorità fil-qafas ta' wara l-2015;

H. billi r-Reviżjoni tal-UN ICPD Lil Hinn mill-2014 turi li għad hemm diskriminazzjoni ċara fis-soċjetajiet kollha lejn in-nisa u l-bniet; ir-reviżjoni tenfasizza li l-issodisfar tad-drittijiet individwali, inkluż l-SRHR (s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi), u l-kapaċitajiet, jikkostitwixxu l-bażi ta' żvilupp sostenibbli[1];

I.   billi n-nisa jintlaqtu iktar mill-kunflitti militari kif ukoll mill-kriżijiet ekonomiċi u klimatiċi, u billi qed jikkostitwixxu parti dejjem ikbar mill-popolazzjoni migratorja, li issa tilħaq nofs il-migranti totali;

J.   billi l-migrazzjoni qed tiżdied fl-Ewropa u madwar id-dinja, u bosta nisa jisfaw vittmi ta' diskriminazzjoni u vjolenza jekk ikunu jixtiequ jbiddlu l-kultura, ir-reliġjon jew l-istil ta' għajxien tagħhom;

K. billi globalment, in-nisa u l-bniet jikkostitwixxu l-parti l-kbira tal-persuni li jgħixu f'faqar estrem, in-nisa għandhom rwol ferm importanti fil-produzzjoni agrikola dinjija u jikkostitwixxu t-43 % tal-forza tax-xogħol agrikola fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw[2], iżda huma s-sjieda ta' inqas mill-10 % tal-art;

L.  billi ta' kull sena, 14-il miljun tifla jiġu mġiegħla jiżżewġu; billi mara minn kull tlieta fid-dinja tiġi aggredita, abbużata, stuprata jew tbati minn xi forma oħra ta' trattament ħażin; u billi l-vjolenza u l-istupru jikkostitwixxu riskju ikbar għal nisa bejn il-15 u l-44 sena milli l-kanċer, l-inċidenti fit-toroq, il-gwerra jew il-malarja;

M. billi l-faqar tan-nisa u l-inugwaljanza bejn il-ġeneri huma wkoll il-kawżi prinċipali u l-fatturi li jagħtu spinta lit-traffikar tan-nisa u tal-bniet għall-isfruttament sesswali, u billi n-nisa u l-bniet huma sfruttati fl-industriji tas-sess fir-reġjuni kollha tad-dinja;

N. billi l-projbizzjoni ta' abort biex tissalva ħajja tikkostitwixxi ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem;

O. billi r-rata ta' mortalità tal-ommijiet hija 15-il darba ogħla fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw milli fil-pajjiżi żviluppati;

P.  billi 62 miljun tifla fid-dinja ma jmorrux skola;

Q. billi nuqqas ta' edukazzjoni sesswali komprensiva, servizzi tas-saħħa riproduttiva għaż-żgħażagħ u miżuri għall-prevenzjoni ta' żwiġijiet bikrin u furzati, fastidju sesswali u vjolenza sesswali jipprevjeni b'mod partikolari lill-bniet milli jattendu skola u jikkumpletaw l-edukazzjoni tagħhom, u dan jagħti spinta lill-inugwaljanzi bejn is-sessi u lill-faqar;

R.  billi l-implimentazzjoni ta' salarju indaqs għal xogħol ta' valur indaqs tikkostitwixxi kwistjoni kruċjali għall-ilħiq ta' ugwaljanza bejn is-sessi;

S.  billi n-nisa, u b'mod partikolari l-ommijiet, spiss jisfaw vittmi ta' diskriminazzjoni fl-aċċess tagħhom għax-xogħol, skont it-tip ta' impjieg; billi dan joħloq preġudizzju qawwi għall-karrieri tagħhom;

T.  billi f'bosta pajjiżi, il-liġijiet nazzjonali ma joffrux garanzija tal-istess drittijiet lill-irġiel u lin-nisa;

1.  Jitlob li tissaħħaħ l-implimentazzjoni tal-MDGs attwali sabiex jiġu indirizzati b'mod iktar effettiv il-kawżi strutturali tal-inugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti tas-setgħa lin-nisa, kif ukoll il-bidliet strutturali li għadhom meħtieġa biex tintlaħaq ugwaljanza sostantiva, u jenfasizza l-fatt li dan huwa kkawżat minn bosta ostakli bħan-nuqqas ta' riżorsi, in-nuqqas ta' rieda politika, il-prevalenza tal-mudell maskili fil-ħajja politika u fil-korpi governattivi eletti, in-nuqqas ta' appoġġ mill-partiti għan-nisa, l-ostakli soċjoekonomiċi, in-nuqqas min-naħa tan-nisa ta' riżorsi ta' ħin, ir-rwol tal-mass midja soċjali u n-nuqqas ta' kuntatt u kooperazzjoni sostnuti mal-organizzazzjonijiet pubbliċ  i bħat-trejdunjins u l-gruppi tan-nisa, kif ukoll politiki li jfittxu li jillimitaw id-drittijiet tan-nisa u tal-bniet u l-aċċess tagħhom għal servizzi tas-saħħa, bħal restrizzjonijiet ta' finanzjament fuq il-pajjiżi donaturi b'rabta ma' għajnuna umanitarja dwar servizzi ta' abort sikur;

2.  Iħeġġeġ lin-Nazzjonijiet Uniti jinkludu l-ugwaljanza bejn is-sessi, id-drittijiet tan-nisa, l-għoti ta' setgħa lin-nisa u d-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u l-bniet bħala għan uniku, kif suġġerit mill-OWG (Grupp ta’ Ħidma Miftuħ)[3], u prekundizzjoni essenzjali għal żvilupp ġust u inklużiv, kif ukoll jiżguraw l-inklużjoni tal-integrazzjoni tas-sessi u tal-objettivi u l-indikaturi b'rabta mas-sessi fl-għanijiet kollha taħt il-qafas tal-iżvilupp globali għal wara l-2015, b'fokus speċifiku fuq in-nisa li jgħaddu minn marġinalizzazzjoni dovuta għal forom differenti ta' diskriminazzjoni u inugwaljanza;

3.  Jiddispjaċih li l-ġisem tan-nisa u l-bniet, speċifikament is-saħħa sesswali u riproduttiva tagħhom u d-drittijiet marbuta magħha, għadhom s’issa jikkostitwixxu qasam ta’ battalja ideoloġiku, u jitlob biex il-qafas ta' żvilupp ta' wara l-2015 jirrikonoxxi d-drittijiet inaljenabbli tan-nisa u tal-bniet għall-integrità fiżika u t-teħid ta' deċiżjonijiet awtonomi; fost affarijiet oħra, id-dritt għall-aċċess għall-ippjanar tal-familja volontarju, abort sikur u legali u li jkunu ħielsa mill-vjolenza, inkluża l-MĠF (mutilazzjoni ġenitali femminili), iż-żwieġ tat-tfal, bikri u furzat, u l-istupru bejn konjuġi;

4.  Jitlob li jkun hemm pjan ta' azzjoni speċifiku skont is-sessi, flimkien ma' mekkaniżmu finanzjarju meħtieġ, inkluż għodda ta' ibbaġitjar għas-sessi, sabiex jiġu trattati kawżi ewlenin strutturali u li jingħaqdu ta' inugwaljanza, u forom multipli ta' diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru, l-etniċità, l-isfond kulturali jew reliġjuż, l-orjentament sesswali, l-identità sesswali, l-istatus tas-saħħa u l-kapaċitajiet;

5.  Jitlob li jiġu stabbiliti miri ambizzjużi skont is-sessi fir-rigward tat-tmiem tal-femminizzazzjoni tal-faqar u biex jingħalqu d-differenzi bejn is-sessi, inkluż aċċess imtejjeb tan-nisa u tal-bniet għal edukazzjoni ta' kwalità, aċċess universali għal servizzi tas-saħħa ta' kwalità, it-titjib tal-aċċess għan-nisa u l-bniet għas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet marbuta magħha, inklużi servizzi ta' ppjanar tal-familji u ta' abort, it-tmiem ta' kull forma ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet kif ukoll ta' vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, u l-għoti ta' spinta lill-indipendenza soċjali u ekonomika tan-nisa, b'mod partikolari f’dawk li huma l-impjieg u l-parteċipazzjoni tagħhom fi proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet, jenfasizza li l-ekonomija soċjali tgħin biex jiġu korreġuti tliet żbilanċi ewlenin tas-suq tax-xogħol: il-qgħad, l-instabilità tax-xogħol u l-esklużjoni soċjali u mis-suq tax-xogħol;

6.  Jitlob li jkun hemm strateġija ċara li tippermetti li n-nisa u l-ommijiet ikollhom aċċess għax-xogħol mingħajr diskriminazzjoni, billi jiġi salvagwardjat id-dritt għall-maternità u għall-ħidma fl-istess waqt;

7.  Jenfasizza li l-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi u fin-negozjar, speċjalment fil-prevenzjoni tal-kunflitti, il-proċessi tal-paċi u l-bini tal-paċi, hija deċiżiva għall-ħolqien ta' kundizzjonijiet favorevoli għall-istabilizzazzjoni u t-tisħiħ tal-Istati, u bhekk għall-iżvilupp; jitlob għall-promozzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU Nru 1325 biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-sejba ta' soluzzjoni għall-kunflitti u l-bini tad-demokrazija;

8.  Jikkundanna b’mod qawwi l-użu kontinwu tal-vjolenza sesswali kontra n-nisa bħala arma ta’ gwerra; jenfasizza li għandu jsir iktar sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt internazzjonali u l-aċċess għall-appoġġ psikoloġiku għan-nisa u l-bniet abbużati fil-kunflitti;

9.  Jikkundanna n-nuqqas ta' prosekuzzjoni u ta' kastigi tal-aggressuri tan-nisa fiż-żoni ta' kunflitt; jitlob li jkun hemm data u statistiċi iktar dettaljati dwar l-impunità tal-aggressuri akkużati bi vjolenza fuq in-nisa fiż-żoni ta' kunflitt;

10. Iħeġġeġ li l-provvista ta' għajnuna umanitarja tal-UE u dik tal-Istati Membri tagħha m'għandhiex tkun soġġetta għal restrizzjonijiet minn donaturi fir-rigward tal-aċċess għal abort sikur għal nisa u bniet li jisfaw vittmi ta' stupru fiż-żoni ta' kunflitt;

11. Jinsisti li għandu jiddaħħal kapitolu speċifiku dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-Pjan ta' Azzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tas-SEAE li jmiss;

12. Jinsisti li l-bilanċ bejn is-sessi għandu jkun il-bażi tal-missjonijiet barra l-UE tas-SEAE, u li għandu jkun hemm starteġija dedikata għad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi għal kull missjoni;

13. Jirrikonoxxi li l-bniet u t-tfajliet jinsabu fi żvantaġġ partikolari u f'riskju, u jenfasizza l-importanza li jingħata appoġġ lis-sistemi edukattivi li jipprovdu aċċess għall-bżonnijiet edukattivi bażiċi, b'attenzjoni partikolari fuq l-alfabetizzazzjoni u t-taħriġ professjonali, sabiex jiġi ffaċċjat il-ksur tad-dritt tal-bniet għall-edukazzjoni; ifakkar li jinħtieġ fokus speċifiku biex jiġi żgurat li l-bniet jgħixu ħielsa mill-vjolenza, li jitneħħew il-leġiżlazzjoni u l-prattiki diskriminatorji u li l-bniet u t-tfajliet jissaħħew globalment;

14. Jinsisti li l-bniet kollha għandhom jingħataw aċċess iktar faċli, mingħajr ħlas, għal edukazzjoni primarja u sekondarja ta' kwalità, b'attenzjoni partikolari lejn l-iktar gruppi marġinalizzati;

15. Jitlob li jkun hemm politiki msaħħa dwar is-sistemi pubbliċi biex jipprovdu kura tas-saħħa ta' kwalità, sostenibbli u ugwali, b'attenzjoni speċjali għall-anzjani u l-persuni b'diżabilità;

16. Jenfasizza li kwalunkwe objettiv b'rabta mas-saħħa għandu jinkludi l-ilħiq tad-dritt għall-ogħla standard ta' saħħa li jista' jintlaħaq, inklużi s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttiva; jenfasizza li n-nisa għandu jkollhom il-kontroll fuq id-drittijiet sesswali u riproduttivi tagħhom, partikolarment permezz tal-kontraċezzjoni u l-abort, jirrimarka li d-dritt għas-saħħa riproduttiva jikkostitwixxi element essenzjali tad-drittijiet tal-bniedem; f'dan il-kuntest, jitlob bil-qawwa li tiġi kriminalizzata l-isterilizzazzjoni furzata;

17. Jitlob li tinqered kull forma ta' diskriminazzjoni u vjolenza fuq in-nisa u l-bniet, u jeħeġġeġ għalhekk lin-Nazzjonijiet Uniti biex jistabbiulixxu l-qerda ta' kull forma ta' vjolenza fuq in-nisa bħala objettiv prijoritarju u biex jiżviluppaw ulterjorment miżuri li jattiraw attenzjoni partikolari lejn forom estremi ta' vjolenza, bħall-vjolenza domestika, il-qtil tal-unur, it-traffika tal-bnedmin, iż-żwieġ furzat, l-isfruttament sesswali u l-mutilazzjoni ġenitali femminili, b'mod partikolari b'rabta man-nisa fiż-żoni tal-gwerra, u biex jiġu miġġielda l-konsegwenzi tal-vjolenza fuq in-nisa għas-soċjetà, bħall-iżvilupp mhux ugwali u d-diskriminazzjoni u l-vulnerabilità tan-nisa fl-ekonomija; iqis li l-vjolenza kontra n-nisa hija ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u ma għandha qatt tkun iġġustifikata mir-reliġjon, il-kultura jew it-tradizzjoni;

18. Jenfasizza l-fatt li l-UE għandha tenfasizza l-importanza ta' approċċ parteċipattiv fil-qafas ġdid dwar l-iżvilupp, bl-għan li jiġu involuti f'kull waqt l-atturi fil-livelli kollha, inkluża s-soċjetà ċivili u, b'mod partikolari l-organizzazzjonijiet tan-nisa u l-organizzazzjonijiet għall-ugwaljanza bejn is-sessi, filwaqt li mekkaniżmi b'saħħithom ta' responsabilità soċjali fil-livell lokali għandhom jirrappurtaw lill-monitoraġġ nazzjonali tal-pjanijiet ta' żvilupp, u dan iwassal għal governanza inklużiva fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali;

19. Jirrimarka dwar l-importanza li tinġabar data speċifika skont l-età u l-ġeneru għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta' tali politiki kif ikun jidher xieraq;

20. Jenfasizza li l-qafas ta' wara l-2015 għandu jeqred il-kawżi ewlenin tal-faqar billi jippromwovi l-ugwaljanza tar-riżultati u l-għoti ta' setgħa lil kulħadd, speċjlament lil dawk li qed jgħixu fil-faqar, u lill-popolazzjonijiet marġinalizzati u li qed ibatu minn nuqqasijiet, b'fokus speċifiku fuq in-nisa, il-bniet u ż-żgħażagħ;

21. Jitlob sabiex il-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem isostnu l-qafas għal wara l-2015, li għandu jindirizza, b'mod partikolari, kwistjonijiet ta' inugwaljanza u diskriminazzjoni, parteċipazzjoni u l-għoti ta' setgħa lil persuni emarġinati u żvantaġġati fis-soċjetà - b'attenzjoni partikolari għad-drittijiet taż-żgħażagħ, in-nisa, il-migranti, il-persuni li għandhom l-HIV, il-persuni LGBT u persuni b'diżabilitajiet;

22. Jirrimarka dwar il-bżonn li jitwaqqfu arranġamenti ta' protezzjoni speċifika effettivi għan-nisa migranti;

23. Iħeġġeġ lin-Nazzjonijiet Uniti jenfasizzaw fl-MDGs l-importanza tad-dritt tan-nisa li jkunu migranti u jintegraw ruħhom f'kultura ġdida billi jbiddlu l-istil ta' għajxien tagħhom mingħajr ma dan joħloq vjolenza u abbużi;

24. Jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni speċjali biex jingħelbu l-ostakli finanzjarji u legali għall-iżvilupp sostenibbli, il-protezzjoni u l-ilħiq tad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa kollha; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali tindirizza l-kundizzjonijiet soċjali, ekonomiċi u ambjentali inġusti li jkomplu jiddeterjoraw il-femminizzazzjoni tal-faqar, il-komodifikazzjoni tar-riżorsi naturali u t-theddid għas-sovranità tal-ikel, li jimpedixxu lin-nisa u lill-bniet milli jiksbu s-setgħa, jenfasizza f'dan il-kuntest il-kwistjoni tal-akkwist tal-art fuq skala kbira minn investituri barranin, li qed jaffettwa lill-bdiewa lokali u li għandu impatt devastanti fuq in-nisa u t-tfal;

25. Jiddispjaċih li l-miri proposti ma jirrikonoxxux l-impatti differenzjali tat-theddid ambjentali fuq ħajjet in-nisa u l-bniet, fuq ir-rwol distintiv tagħhom fil-kontribuzzjoni għas-sostenibilità u fl-attivitajiet ta' bini ta' paċi, u jenfasizza l-bżonn li tiġi inkluża l-perspettiva tal-ġeneru fil-miri kollha futuri għall-iżvilupp sostenibbli, flimkien ma' miri speċifiċi għan-nisa u l-bniet;

26. Iqis li huwa essenzjali li jiġi stabbilit qafas finanzjarju globali li jinkludi perspettiva tal-ġeneru - bl-użu tal-Fund Ewropew għall-Iżvilupp meta tkun ikkonċernata l-UE - sabiex jintlaħqu l-għanijiet ġodda għall-iżvilupp sostenibbli;

27. Jinsisti li għandhom jitqiesu l-bżonnijiet speċifiċi tal-bdiewa nisa, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam ma' kwistjonijiet ta' sikurezza tal-ikel;

28. Jitlob li jkun hemm integrazzjoni tat-tħassib dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi bħala kwistjoni li tikkonċerna bosta oqsma fil-politiki ambjentali u dwar it-tibdil fil-klima, mill-implimentazzjoni sal-evalwazzjoni tagħhom, sabiex tiġi pprovduta informazzjoni fattwali għall-evalwazzjoni u t-titjib tal-impatt ta' dawn il-politiki, u jenfasizza li, meta titqies id-dimensjoni qawwija tal-ġeneru fit-tibdil tal-klima kemm fl-effetti tiegħu kif ukoll fis-soluzzjonijiet għalih, l-UE għandha tinsisti dwar approċċ b'ugwaljanza bejn is-sessi, parteċipattiv u bbażat fuq id-drittijiet, tiżgura tnaqqis sostanzjali fl-inugwaljanzi bejn is-sessi fl-aċċess għal u l-kontroll tar-riżorsi għall-adattament għat-tibdil fil-klima, kif ukoll il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-klima u l-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet b'rabta mad-diżastri fil-livelli kollha;

29. Peress li l-qafas dwar l-iżvilupp ta' wara l-2015 se jkun aġenda universali għall-iżvilupp globali, iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tinkludi l-SDSR fl-Istrateġija tas-Saħħa tal-UE li jmiss;

30. Jitlob biex l-objettiv ta' aċċess universali għas-saħħa riproduttiva jibqa' jinżamm fi ħdan il-qafas il-ġdid għall-iżvilupp globali u jiġi trattat bħala prijorità, u biex jingħata appoġġ finanzjarju għall-ippjanar tal-familji fuq skala proporzjonata;

31. Jenfasizza l-fatt li r-rispett universali tal u l-aċċess għall-SDSR jikkontribwixxu għall-ilħiq ta' kull MDG b'rabta mas-saħħa: kura ta' qabel it-twellid u l-kapaċità li jiġi evitat twellid b'riskju għoli, titnaqqas il-mortalità tat-trabi u tat-tfal; jirrimarka li s-servizzi ta' ppjanar tal-familja, saħħa materna u abort sikur huma elementi importanti li jsalvaw ħajjet in-nisa;

32. Jitlob li jkun hemm proġetti speċifiċi tal-UE li jippromwovu l-SDSR fl-inqas pajjiżi żviluppati bħala għajnuna għall-prevenzjoni tal-mortalità materna;

33. Jitlob li jkun hemm qafas globali ġdid li joħloq skemi kummerċjali iktar ġusti u sostenibbli abbażi ta' djalogu, trasparenza u rispett, li jfittex iktar ugwaljanza fil-kummerċ internazzjonali; huwa tal-fehma li l-Kummerċ Ġust huwa eżempju ta' sħubija ta' suċċess bejn ħafna partijiet interessati mid-dinja kollha u fi stadji differenti tal-katina tal-provvista, li jiżgura aċċess għas-swieq għal produtturi żvantaġġati, b'mod partikolari n-nisa, jiggarantixxi għajxien sostenibbli, jirrispetta l-istandards tax-xogħol, jelimina t-tħaddim tat-tfal u jħeġġeġ il-biedja u l-prattiki ta' produzzjoni sostenibbli mil-lat ambjentali;

34. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jwettqu reviżjoni estensiva tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Pekin, fl-okkażjoni tal-għeluq tal-għoxrin sena tagħha fl-2015;

35. Jinsisti li n-nisa għandhom jitqiesu bħala li għandhom rwol fl-iżvilupp, u għandhom għalhekk jiġu kkonsultati, fost l-oħrajn permezz tas-soċjetà ċivili.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

6.11.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

28

4

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Daniela Aiuto, Maria Arena, Beatriz Becerra Basterrechea, Malin Björk, Anna Maria Corazza Bildt, Iratxe García Pérez, Anna Hedh, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Elisabeth Köstinger, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Barbara Matera, Angelika Mlinar, Maria Noichl, Marijana Petir, Terry Reintke, Liliana Rodrigues, Michaela Šojdrová, Ernest Urtasun, Ángela Vallina, Elissavet Vozemberg, Jadwiga Wiśniewska, Anna Záborská, Jana Žitňanská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Mariya Gabriel, Arne Gericke, Sophia in ‘t Veld, Kostadinka Kuneva, Constance Le Grip, Elly Schlein, Dubravka Šuica, Monika Vana

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Hugues Bayet, Rosa D’Amato, Michela Giuffrida, Edouard Martin

SEJĦA TAL-ISMIJIET GĦALL-VOTAZZJONI FINALI

Membri favur : 24

PPE: Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Maurice Ponga, Cristian Dan Preda, György Schöpflin, Davor Ivo Stier, Bogdan Brunon Wenta, Joachim Zeller

 

S-D: Doru-Claudian Frunzulică, Juan Fernando López Aguilar, Louis-Joseph Manscour, Linda McAvan, Norbert Neuser, , Elly Schlein, Pedro Silva Pereira

 

ECR:Nirj Deva, Arne Gericke

 

ALDE: Catherine Bearder, Charles Goerens, Paavo Väyrynen

 

GUE/NGL: Kostas Chrysogonos, Lola Sánchez Caldentey,

 

Verts/ALE:Heidi Hautala, Maria Heubuch

 

EFD: Ignazio Corrao

Membri kontra : 3

EFD: Nathan Gill

 

NI: Louis Aliot, Hans Jansen

Membri li astjenew : 1

PPE: Anna Záborská

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

11.11.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

3

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Louis Aliot, Kostas Chrysogonos, Ignazio Corrao, Nirj Deva, Doru-Claudian Frunzulică, Nathan Gill, Charles Goerens, Heidi Hautala, Maria Heubuch, Hans Jansen, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Linda McAvan, Norbert Neuser, Maurice Ponga, Cristian Dan Preda, Lola Sánchez Caldentey, Elly Schlein, György Schöpflin, Pedro Silva Pereira, Davor Ivo Stier, Paavo Väyrynen, Bogdan Brunon Wenta, Anna Záborská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Catherine Bearder, Juan Fernando López Aguilar, Louis-Joseph Manscour, Joachim Zeller

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Arne Gericke