ABBOZZ TA’ RAPPORT dwar Strateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-Enerġija

18.5.2015 - (2014/2153(INI))

Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
Rapporteur: Algirdas Saudargas


Proċedura : 2014/2153(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0164/2015
Testi mressqa :
A8-0164/2015
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar Strateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-Enerġija

(2014/2153(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Strateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-Enerġija” u d-dokumenti ta’ ħidma li jakkompanjawha (COM(2014)0330),

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “L-effiċjenza Enerġetika u l-kontribut tas-sigurtà tal-enerġija u l-Qafas 2030 għall-politika dwar il-klima u l-enerġija” (COM(2014)0520),

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Progress lejn it-tlestija tas-suq tal-enerġija” (COM(2014)0634),

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Ir-reżiljenza tas-sistema Ewropea tal-gass f’terminu qasir. Inlestu ruħna għal interruzzjoni possibbli fil-provvisti mil-Lvant matul il-ħarifa u x-xitwa tal-2014/2015” (COM(2014)0654),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b'Politika dwar il-Bidla fil-Klima li tħares 'il quddiem” (COM(2015)0080),

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari: Programm ta' skart żero għall-Ewropa” (COM(2014)0398),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija fil-perjodu ta’ bejn l-2020 u l-2030” (COM(2014)0015),

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Għal Rinaxximent Industrijali Ewropew” (COM(2014)0014),

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 u l-21 ta’ Marzu 2014,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-26 u s-27 ta’ Ġunju 2014,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta’ Ottubru 2014,

–       wara li kkunsidra s-smigħ pubbliku dwar l-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-Enerġija organizzat mill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija fil-5 ta’ Novembru 2014,

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010,

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013,

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009,

–       wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 347/2013 tal-14 ta’ Ottubru 2013 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea fir-rigward tal-lista ta’ proġetti ta’ interess komuni fl-Unjoni,

–       wara li kkunsidra l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) u b’mod partikolari r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 u r-Regolament (UE) Nru 1300/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006,

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, bit-titolu “Programm għall-Arja Nadifa għall-Ewropa” (COM(2013)0918),

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Pjan tal-infrastruttura għall-Ewropa u lil hinn minnha fuq terminu ta’ żmien twil” (COM(2013)0711), li tistabbilixxi l-lista ta’ proġetti tal-infrastruttura tal-enerġija ta’ interess komuni (PCIs),

–       wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew bit-titolu “Implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Enerġija u l-Kooperazzjoni Internazzjonali u tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Enerġija ta’ Novembru 2011” (COM(2013)0638),

–       wara li kkunsidra r-rapport mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta’ Diċembru 2013 dwar il-progress fuq it-tlestija tas-suq intern tal-enerġija tal-UE fis-segwitu għall-Kunsill Ewropew tat-22 ta’ Mejju 2013,

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Il-promozzjoni ta’ vetturi ta’ trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija” (COM(2013)0214),

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Il-Futur tal-Ġbir u l-Ħżin tal-Karbonju fl-Ewropa” (COM(2013)0180),

–       wara li kkunsidra r-rapport ta’ implimentazzjoni tiegħu tal-2013: l-iżvilupp u l-applikazzjoni tat-teknoloġija għall-qbid u l-ħżin tal-karbonju fl-Ewropa,

–       wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE,

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Lejn suq intern tal-enerġija effiċjenti” u d-dokumenti ta’ ħidma li jakkompanjawha (COM(2012)0663),

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050” (COM(2011)0885) u r-rapport ta’ inizjattiva proprja tal-Parlament Ewropew “Il-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050, futur b’enerġija” (2012/2103(INI)),

_       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u l-kooperazzjoni internazzjonali, bit-titolu “Il-politika tal-enerġija tal-UE: Kooperazzjoni ma’ pajjiżi lil hinn mill-fruntieri tagħna” (COM(2011)0539),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050”, COM(2011)0112),

–       wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ttikkettar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija,

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 994/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar miżuri li jissalvagwardaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2004/67/KE,

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Prijoritajiet tal-infrastruttura tal-enerġija għall-2020 u wara – Pjan dettaljat għal netwerk tal-enerġija Ewropew integrat” (COM(2010)0677),

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Strateġija Ewropea dwar vetturi ta’ enerġija nadifa u effiċjenti” (COM(2010)0186),

–       wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta’ Riflessjoni ta’ Livell Għoli dwar il-Komunità tal-Enerġija għall-Futur,

–       wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni ta’ vetturi ta’ trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija,

–       wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 li temenda d-Direttiva 98/70/KE rigward l-ispeċifikazzjoni tal-petrol, tad-diżil u taż-żejt tal-gass u li tintroduċi mekkaniżmu għall-monitoraġġ u għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE rigward l-ispeċifikazzjoni tal-fjuwil użat mill-bastimenti tal-passaġġi tal-ilma interni u li tħassar id-Direttiva 93/12/KEE,

–       wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE,

–       wara li kkunsidra l-Memorandum ta’ Ftehim dwar il-Pjan ta’ Interkonnessjoni tas-Suq Baltiku tal-Enerġija tas-17 ta’ Ġunju 2009, iffirmat mill-Istati Membri tal-Baħar Baltiku u l-Kummissjoni,

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Novembru 2008 bit-titolu “It-tieni Analiżi Strateġika dwar l-Enerġija: Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għas-Sigurtà u s-Solidarjetà tal-Enerġija” (COM(2008)0781),

–       wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2006 dwar effiċjenza fl-użu finali tal-enerġija u dwar servizzi ta' enerġija u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/76/KEE,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A8-0164/2015),

A.     billi l-prosperità u s-sigurtà tal-UE jeħtieġu l-użu razzjonali u ferm effiċjenti tal-enerġija u provvista ta’ enerġija stabbli, bi prezz raġonevoli u sostenibbli, u billi s-sigurtà tal-enerġija tfisser fuq kollox indipendenza politika;

B.     billi sar progress sinifikanti fit-tisħiħ tas-sigurtà tal-enerġija tal-UE matul dawn l-aħħar snin permezz ta' żieda fis-sehem tas-sorsi rinnovabbli kif ukoll tnaqqis fid-domanda ġenerali, li kkontribwixxew għal stabbilizzazzjoni tad-dipendenza fuq l-importazzjoni; billi, madankollu l-UE xorta għadha timporta 53 % tat-total tal-enerġija li hija tikkonsma, jiġifieri 85 % taż-żejt tagħha, 67 % tal-gass tagħha, 41 % tal-fjuwils solidi tagħha u madwar 95 % tal-uranju tagħha; billi proporzjon kbir tal-importazzjonijiet tal-enerġija tal-UE ġejjin minn reġjuni politikament instabbli u għadd ta' Stati Membri għadhom dipendenti fuq sors estern wieħed ta’ provvista, li qed iwassal għal spejjeż għalja għaċ-ċittadini, l-intrapriżi u l-baġits pubbliċi, li jimpedixxi t-tkabbir ekonomiku u l-prosperità tal-Ewropa u jipperikola s-sigurtà nazzjonali u tal-UE;

C.     billi 61 % tal-gass importat fl-UE jintuża fil-bini, l-aktar għat-tisħin, u 75 % minnu huwa bini residenzjali u, għaldaqstant, kull kriżi tal-provvista tal-gass hija wkoll kriżi tal-provvista tat-tisħin; billi l-iktar mod rapidu u l-inqas għali sabiex jitnaqqas il-konsum tal-gass fl-Unjoni huwa t-tnaqqis fit-telf tal-enerġija fil-bini residenzjali, li jipprovdi benefiċċji tas-sigurtà tal-enerġija; billi l-UE m’għandhiex strateġija għat-tisħin għaliex tirrelata mas-sigurtà tal-provvista, id-dekarbonizzazzjoni jew l-affordabilità u l-kompetittività; billi kwalunkwe interruzzjoni fil-provvista tal-gass tat-tisħin li twassal għal tisħin inadegwat tpoġġi f’riskju s-saħħa u l-benessri ta’ proporzjon kbir taċ-ċittadini tal-UE;

D.     billi strateġija fit-tul u affidabbli għall-enerġija għandha tqis l-inċertezza relatata mal-volatilità tas-suq taż-żejt u tal-gass bi fluttwazzjonijiet perjodiċi u temporanji fil-prezz;

E.     billi n-nefqa tal-enerġija esterna tal-UE tirrappreżenta aktar minn EUR 1 biljun kuljum – madwar EUR 400 biljun fl-2013 – u aktar minn 20 % tat-total tal-importazzjonijiet tal-UE; billi l-prezz globali taż-żejt naqas b’mod sinifikanti u ta lill-UE l-opportunità li tieħu passi kbar biex tittrasforma x-xena tal-enerġija tagħna, billi tinvesti fil-produzzjoni tal-enerġija, taħtaf il-potenzjal tal-effiċjenza tal-enerġija tal-binjiet u tal-industrija, u tiżviluppa infrastruttura intelliġenti; billi l-flus li jintefqu fuq l-importazzjoni ta’ fjuwils fossili ftit li xejn jikkontribwixxu għall-investiment, l-impjiegi jew għal tkabbir fl-Unjoni, u jekk dawn il-flus jiġu minflok dedikati għall-investiment intern, ikun qed jiġi stimolat it-tkabbir u jkunu qed jinħolqu impjiegi lokali ta’ kwalità għolja u b’ħiliet għolja;

F.     billi l-ispejjeż evitati fuq il-fjuwil importat minħabba ż-żieda fl-użu tal-enerġija rinnovabbli jammontaw għal mill-inqas madwar EUR 30 biljun fis-sena.

G.     billi fil-kuntest tal-kriżi fl-Ukraina l-kwistjoni li tiġi żgurata provvista affidabbli tal-enerġija hija aktar importanti minn qatt qabel, hekk kif inhi dik tad-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija u d-dipendenza żejda fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija;

H.     billi mill-esperjenza tal-2006 u l-2009, meta r-Russja għalqet il-provvisti tal-gass lill-Ukraina, huwa ċar li l-interruzzjonijiet esperjenzati, u d-dipendenza eċċessiva fuq fornituri tal-enerġija esterni, f’xi wħud mill-Istati Membri ċentrali u tal-Lvant Ewropej evidenzjaw id-dgħjufijiet strateġiċi tal-arranġamenti attwali tal-provvisti; billi dawn l-interruzzjonijiet juru li l-miżuri li diġà ttieħdu fis-settur tal-enerġija ma kinux biżżejjed sabiex tiġi eliminata d-dipendenza tal-Ewropa fuq il-gass mir-Russja;

I.      billi l-UE tiddependi ħafna fuq pajjiż wieħed, il-Federazzjoni Russa, li hija l-ikbar esportatur taż-żejt (35 %), tal-gass (26 %), tal-faħam (30 %) u tal-uranju (25 %) lill-UE; billi l-Federazzjoni Russa tuża l-provvisti tal-enerġija bħala arma politika u tali azzjonijiet jmorru kontra l-motivazzjonijiet tas-suq u jżidu serjament ir-riskji għall-UE;

J.      billi l-użu taż-żejt u l-gass naturali għal raġunijiet ta’ politika barranija u għad-destabbilizzazzjoni ta’ pajjiżi oħra jipperikola t-tkabbir ekonomiku u, b'mod aktar serju, l-istabbiltà demokratika fl-Ewropa u l-indipendenza tal-istati sovrani;

K.     billi politika għas-sigurtà tal-enerġija għandha tindirizza l-bżonn ta’ provvista stabbli minn sorsi differenti tal-enerġija, billi tipprovdi lill-ekonomija Ewropea bl-enerġija meħtieġa għat-trasport, l-industrija u d-djar b’mod li jappoġġja l-kompetittività u l-politika dwar it-tibdil fil-klima, filwaqt li fl-istess ħin għandha timminimizza d-dipendenza fuq dawk li intenzjonalment jipprovaw li jużaw ir-riżorsi tal-enerġija għall-iskopijiet politiċi tagħhom sabiex jinfluwenzaw l-iżvilupp politiku f’pajjiżi oħra;

L.     billi l-hekk imsejjaħ “pakkett tax-xitwa” ta’ USD 4.6 biljun ġie miftiehem fit-30 ta’ Ottubru 2014 u qed jiġi implimentat, u qed jiżgura l-provvista tal-gass għall-Ukraina kif ukoll għall-Istati Membri tal-UE iżda għal żmien limitat biss;

M.    billi l-Istati Membri impenjaw ruħhom għat-tlestija tas-suq intern tal-enerġija sal-2014 u għall-eliminazzjoni tal-“gżejjer tal-enerġija” fl-UE sal-2015;

N.     billi l-Kummissjoni fasslet il-lista ta’ proġetti ta’ infrastruttura fl-enerġija ta’ interess komuni li għandhom jiġu implementati sal-2020, li qed tiġi aġġornata kull sentejn u li għandha tkun konformi bis-sħiħ mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-klima, l-enerġija u l-għajnuna mill-istat; billi l-qafas finanzjarju pluriennali tal-UE għall-2014-2020 jikkontribwixxi għall-finanzjament tagħhom taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u l-Pjan ta’ Investiment, li għandhom iqisu lil dawn l-infrastrutturi bħala prijorità;

O.     billi t-titjib fl-effiċjenza tal-enerġija ddiżakkoppja b’mod parzjali t-tkabbir ekonomiku mill-konsum tal-enerġija matul l-aħħar għaxar snin, u dan il-proċess jeħtieġ li jiġi intensifikat;

P.     billi, skont il-Kummissjoni, l-intensità tal-enerġija fl-industrija naqset b’19 % bejn l-2001 u l-2011; billi apparat domestiku iktar effiċjenti jista’ jfisser li jiġu ffrankati EUR 100 biljun fi spejjeż tal-enerġija sal-2020 u billi l-bini l-ġdid tal-lum il-ġurnata jaħli biss nofs l-ammont ta’ enerġija ta’ dak li kien jaħli fit-80ijiet u billi għandna nibqgħu nimxu f'din it-triq ta’ suċċess;

Q.     billi, skont il-Kummissjoni, l-importazzjonijiet tal-gass tal-UE jistgħu jitnaqqsu bi 2.6 % għal kull 1 % addizzjonali fl-iffrankar ta’ enerġija;

R.     billi strateġija għas-sigurtà tal-enerġija trid tagħti prijorità lit-teknoloġija u r-riżorsi b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju;

S.     billi l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tat-22 ta' Mejju 2013 talbu biex tingħata prijorità lit-tneħħija gradwali ta' sussidji li jagħmlu ħsara ambjentali u ekonomika, inklużi l-fjuwils fossili;

T.     billi l-Pjan Direzzjonali dwar l-Enerġija tal-Kummissjoni għall-2050 sab li d-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-enerġija u xenarju b'ammont kbir ta' sorsi rinnovabbli hu irħas mit-tkomplija tal-politiki attwali, u li l-prezzijiet tal-enerġija min-nukleari u mill-fjuwils fossili se jkomplu jogħlew matul iż-żmien, filwaqt li l-ispejjeż tar-riżorsi rinnovabbli se jonqsu;

U.     billi, skont il-Kummissjoni, l-effiċjenza enerġetika, l-enerġija rinnovabbli u infrastruttura intelliġenti huma t-tliet “għażliet li wieħed ma jiddispjaċihx minnhom”, minħabba li l-effiċjenza enerġetika hija “l-ewwel fjuwil” u hija l-irħas mod u l-iktar rapidu sabiex jorħsu l-kontijiet tad-djar u l-industrija tal-UE, għaliex l-enerġija rinnovabbli hija prodotta fl-UE u spiss qrib il-post tal-konsum, li joħloq impjiegi lokali sostenibbli, jiżgura s-sigurtà tal-enerġija u jgħin jinkisbu l-miri tal-klima tagħna, filwaqt li trażmissjoni u netwerk tad-distribuzzjoni intelliġenti fuq livell tal-UE jistgħu jipprevjenu l-kapaċità żejda u l-qtugħ tad-dawl fl-Istati Membri;

V.     billi ż-żamma tal-enerġija rinnovabbli bħala pilastru ċentrali tal-politika għall-enerġija u l-klima tal-UE teħtieġ approċċ Komunitarju u kooperazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex jinkisbu l-objettivi tal-enerġija rinnovabbli b’mod aktar kosteffiċjenti u b’użu aħjar tal-potenzjal reġjonali speċifiku fl-UE;

W.    billi fis-samit tagħhom tal-24 ta’ Ottubru 2014, il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern qablu dwar objettiv vinkolanti ta’ enerġija rinnovabbli fil-livell tal-UE għall-2030 ta’ mill-inqas 27 % u objettiv indikattiv fil-livell tal-UE ta’ għat-titjib fl-effiċjenza tal-enerġija ta' mill-anqas 27 %, filwaqt li jiġi kkunsidrat livell tal-UE ta' 30 % u li, speċjalment, ikunu fil-mira dawk is-setturi fejn jista' jsir l-akbar iffrankar, kif ukoll approvaw objettiv vinkolanti tal-UE ta’ tnaqqis ta’ mill-inqas 40 % fl-emissjonijiet domestiċi tal-gassijiet b’effett serra sal-2030 meta mqabbla mal-1990; billi l-UE għad għandha t-tmexxija teknoloġika fit-teknoloġiji relatati mas-sorsi rinnovabbli tal-enerġija u dan għandu jkun vettur tal-impjiegi bi kwalifiki għoljin u t-tkabbir sostenibbli;

X.     billi l-prijoritajiet politiċi tal-President Juncker għall-Kummissjoni l-ġdida, imħabbra fil-15 ta’ Lulju 2014, inkludew l-impenn li l-Unjoni tal-Enerġija Ewropea tkun tal-ewwel fid-dinja għall-enerġija rinnovabbli;

Y.     billi l-President Juncker iddikjara pubblikament fl-ittra ta’ missjoni tiegħu lill-Kummissarji Cañete u Šefčovič li objettiv vinkolanti ta’ 30 % għall-effiċjenza tal-enerġija sal-2030 huwa l-minimu sabiex l-UE tkun kredibbli;

Z.     billi l-Parlament appella darbtejn għal objettivi vinkolanti dwar il-klima u l-enerġija għall-2030 ta’ mill-inqas 40 % għall-emissjonijiet tas-CO2, ta' mill-anqas 30 % għall-enerġija rinnovabbli u 40 % għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, li jkunu implimentati permezz ta’ objettivi nazzjonali individwali; billi l-objettivi vinkolanti nazzjonali u tal-UE għall-effiċjenza tal-enerġija u l-enerġija rinnovabbli joħolqu tkabbir u impjiegi u jgħinu jiżguraw ir-rwol ta’ tmexxija tal-UE fit-teknoloġija f'dawn l-oqsma;

AA.  billi l-istrateġija għas-sigurtà tal-enerġija trid tqis id-drittijiet tal-konsumaturi, il-prevedibbiltà tas-suq għall-investituri u qafas ċar għall-industrija;

AB.  billi l-industrija qed tħalli l-UE minħabba l-ispejjeż għolja tal-enerġija, li qed iwassal għat-tnaqqis tas-sehem tal-PDG tagħha u, effettivament, għal telf tal-impjiegi; billi l-Kummissjoni stabbilixxiet l-objettiv tagħha li s-sehem tal-PDG tal-industrija għandu jkun madwar 20 % sal-2020;

AC.  billi l-mira tar-reindustrijalizzazzjoni ta’ 20 % tal-PDG għandha tingħata l-istess importanza u prijorità tal-miri tat-tibdil fil-klima, tal-industriji b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju, tal-effiċjenza tal-enerġija u tas-sorsi rinnovabbli;

AD.  billi r-rwol u l-importanza tal-elettriku se jkomplu jiżdiedu u d-deċiżjonijiet politiċi fuq livell Ewropew u nazzjonali huma neċessarji sabiex dan jiġi garantit;

AE.   billi l-livelli aħjar ta’ interkonnessjoni għall-elettriku u l-gass se jżidu s-sigurtà tal-enerġija, jikkontribwixxu għal integrazzjoni ogħla tal-enerġija rinnovabbli, irawmu l-konverġenza tal-prezzijiet, ikunu ta' benefiċċju għall-konsumaturi u jgħinu jibbilanċjaw il-provvista u d-domanda bejn l-Istati Membri; billi l-UE għandha tiżviluppa qafas regolatorju komuni sabiex timmassimizza l-utilità tal-interkonnessjoni tal-elettriku u l-gass, filwaqt li dejjem tiżgura l-iktar prezzijiet raġonevoli għal konsumaturi;

AF.   billi l-Parlament talab miri vinkolanti għall-kapaċità minima tat-trażmissjoni transkonfinali;

AG.  billi s-sistema tal-enerġija reċentement saret iktar deċentralizzata, fejn l-enerġija rinnovabbli u l-kapaċitajiet tal-ħżin, kif ukoll konsumaturi flessibbli ġew konnessi ma’ grilji tad-distribuzzjoni iktar attivi u intelliġenti; billi din ix-xejra hija mistennija tkompli fil-futur;

AH.  billi, flimkien mal-investiment fin-netwerks tat-trażmissjoni, l-investiment fin-netwerks tad-distribuzzjoni huwa tal-inqas kruċjali daqsu, ċertament fid-dawl taż-żieda fid-deċentralizzazzjoni tax-xenarju tal-enerġija fil-ġejjieni u l-fatt li 90 % tal-enerġija rinnovabbli ġġenerata hija akkoppjata man-netwerks tad-distribuzzjoni;

AI.    billi l-implimentazzjoni iktar rapida tal-grilji intelliġenti se ttejjeb l-effiċjenza tal-enerġija, iżżid s-sehem tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u tiddeċentralizza s-sistema tal-enerġija sabiex issaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija fl-Istati Membri;

AJ.   billi d-dimensjoni esterna tal-politika tal-enerġija tal-UE teħtieġ aktar koerenza u għadha mhix f’pożizzjoni li tikkontribwixxi biex twettaq ir-rwol sħiħ tagħha f’termini tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u l-kompetittività tal-Unjoni;

AK.  billi l-Istati Membri jinnegozjaw il-ftehimiet intergovernattivi separatament u l-Kummissjoni għandha sorveljanza limitata tagħhom;

AL.   billi s-sigurtà tal-enerġija hija element ewlieni fil-politika kummerċjali tal-UE u billi jeżistu ħafna sħubiji tal-enerġija ma’ pajjiżi terzi li l-provvista tal-enerġija tagħhom tiddependi fil-biċċa l-kbira minn enerġiji fossili;

AM. billi l-implimentazzjoni sħiħa tat-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija kif ukoll it-Tieni Pakkett dwar il-Klima u l-Enerġija u l-leġiżlazzjoni konsegwenti tal-UE fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri kollha u n-nuqqas ta’ traspożizzjoni korretta u fil-ħin tipperikola s-sigurtà ta’ Stati Membri oħra jew tal-UE kollha;

AN.  billi l-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija huma parti mis-suq intern tal-elettriku u l-gass u għandhom jiġu inklużi b'mod ugwali fil-ġlieda għal sigurtà tal-provvista pan-Ewropea;

AO.  billi l-2015 hija s-Sena Ewropea għall-Iżvilupp u l-aġenda għall-iżvilupp ta’ wara l-2015 tal-UE għandha tkun totalment kompatibbli mal-politika enerġetika esterna fl-oqsma tal-klima, il-qerda tal-faqar u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

AP.   billi l-ibliet huma s-sors ta’ iktar minn 70 % tal-emissjonijiet tas-CO2 u huma responsabbli għal 66 % tal-konsum tal-enerġija; billi fl-2008 aktar min-nofs il-popolazzjoni tad-dinja kienet qed tgħix f’żoni urbani u din il-konċentrazzjoni qed tiżdied b’mod li, sal-2030, din iċ-ċifra hija stmata li tilħaq is-60 %; billi l-ibliet għandhom ibiddlu x-xejriet tal-konsum u ta’ tkabbir tagħhom għaliex dawn huma l-qalba tal-problema iżda wkoll il-qasam minn fejn wieħed jista’ jimplimenta soluzzjonijiet b’mod iktar rapidu u faċli.

AQ.  billi l-promozzjoni tal-isfruttament tar-riżorsi indiġeni tradizzjonali taż-żejt u l-gass f’konformità sħiħa mal-acquis tal-UE, kemm f’żoni tal-produzzjoni tradizzjonali (eż. il-Baħar tat-Tramuntana) kif ukoll f’żoni ġodda (eż. ir-Reġjun tal-Lvant tal-Mediterran, il-Baħar l-Iswed) se tnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq il-fornituri esterni u l-pajjiżi ta’ tranżitu;

AR.  billi strateġija tas-sigurtà tal-enerġija għandha tinkludi qafas ta' azzjonijiet kosteffikaċi li jimmoderaw id-domanda għall-enerġija u azzjonijiet ugwalment effettivi biex jingħeleb il-qtugħ kbir u imminenti, kif ukoll mekkaniżmi ta’ solidarjetà u ta’ koordinazzjoni biex jiġu protetti u jissaħħew l-infrastruttura u l-interkonnetturi tal-ġenerazzjoni, it-trażmissjoni intelliġenti u d-distribuzzjoni tal-enerġija; billi din l-infrastruttura trid tkun kapaċi timmaniġġja sorsi rinnovabbli varjabbli u l-mikriġenerazzjoni, u tkun mibnija f’suq intern tal-enerġija integrat b’mod sħiħ u li jiffunzjona tajjeb li jinkludi suq għall-moderazzjoni tad-domanda għall-enerġija bħala parti essenzjali tal-Unjoni tal-Enerġija bi provvisti u rotot esterni diversifikati;

Lejn Unjoni tal-Enerġija Ewropea

1.      Jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Strateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-Enerġija”, u jinnota li hija bbażata fuq analiżi bir-reqqa tad-dipendenza tal-enerġija tal-UE, li tenfasizza l-oqsma ewlenin u tiddeskrivi l-ħidma essenzjali li għandha ssir fil-perspettivi ta’ terminu qasir, medju u fit-tul sabiex jingħelbu l-isfidi għas-sigurtà tal-enerġija; jenfasizza l-bżonn li jiġi żgurat li l-miżuri għal medda ta’ żmien qasir u medju jkunu f’konformità sħiħa mal-objettivi ta' politika fit-tul tal-UE għall-enerġija, il-klima, u l-ambjent;

2.      Jinnota li s-sigurtà tal-enerġija, il-kompetittività u s-sostenibbiltà ugwali f’suq tal-enerġija integrat għalkollox jiffurmaw il-pilastri ewlenin għall-ħolqien ta’ Unjoni tal-Enerġija, li tista’ tinkiseb billi tiġi mmoderata u mnaqqsa d-domanda għall-enerġija, jiġu żviluppati u integrati sorsi tal-enerġija rinnovabbli, jiġu ppuljati r-riżorsi, jiġu konnessjoni n-netwerks, titnaqqas id-distanza bejn il-katini ta' produzzjoni interdipendenti, jiġu żviluppati grilji intelliġenti, tiġi żgurata regolamentazzjoni unifikata tas-suq tal-enerġija, jiġi aġevolat l-aċċess għal ammont suffiċjenti ta' enerġija għal kull ċittadin, u jiġu stabbiliti pożizzjonijiet unifikati ta’ negozjar fil-konfront ta’ pajjiżi terzi permezz ta’ miżuri msaħħa fuq livell tal-UE u politiki u azzjoni iktar koeżivi u iktar koordinati;

3.      Jinnota li l-kriżi tal-2014 fl-Ukraina u r-riżultati tat-testijiet tal-istress imwettqa mill-Kummissjoni għandhom iwasslu għal aktar aċċellerazzjoni tat-tlestija tas-suq intern, inklużi l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni eżistenti fl-oqsma tal-enerġija u l-klima mill-Istati Membri kollha, l-integrazzjoni tal-“gżejjer tal-enerġija” eżistenti, u l-aġġornament tal-valutazzjonijiet tar-riskju, il-pjanijiet ta’ azzjoni preventiva u l-pjanijiet tas-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza;

4.      Jenfasizza li politika ambizzjuża dwar il-klima hija konsistenti mal-objettivi tas-sigurtà tal-enerġija u ta' anqas dipendenza fuq dawk il-partijiet tad-dinja fejn ir-riżorsi strateġiċi tal-enerġija jintużaw bħala parti mill-politika barranija;

5.      Jenfasizza li, billi t-testijiet tal-istress tal-gass imwettqa mill-Kummissjoni wrew il-vulnerabilità tal-UE minħabba d-dipendenza tagħha fuq l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, jeħtieġ li tingħata attenzjoni għall-Istati Membri l-aktar vulnerabbli; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jimplimentaw mingħajr dewmien ir-rakkomandazzjonijiet tat-testijiet tal-istress tas-sistemi tal-gass fuq livelli Ewropej, reġjonali u nazzjonali;

6.      Jenfasizza l-importanza għat-tisħiħ tal-indipendenza tal-enerġija tal-miżuri għal żmien qasir bħat-tnaqqis tad-domanda għall-enerġija, l-iżvilupp ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli u l-ħażna tagħhom, il-ħażna tal-gass, l-iżvilupp ta’ infrastruttura ta’ fluss b’lura tal-gass, l-appoġġ għal proġetti ġodda li jippermettu użu massimu tal-infrastruttura eżistenti, il-preparazzjoni tas-sigurtà reġjonali tal-pjanijiet ta’ provvista, u użu aktar effettiv tal-opportunitajiet għall-importazzjoni tal-gass naturali likwifikat, speċjalment f’dawk l-Istati Membri li huma dipendenti b’mod esklussiv fuq fornitur wieħed tal-gass naturali, jew li huma indebitament vulnerabbli għalih; jiġbed l-attenzjoni għall-importanza fundamentali li jittejbu l-konnessjonijiet bejn in-netwerks tal-enerġija tal-Istati Membri sabiex jinħoloq suq integrat tal-enerġija; jirrimarka li, minħabba dawn ir-raġunijiet kollha, hemm bżonn vitali ta' kooperazzjoni bejn il-bliet u l-muniċipalitajiet, reġjuni, kooperattivi tal-enerġija u inizjattivi lokali Ewropej fid-diversi setturi, il-Kummissjoni, l-Istati Membri, il-pajjiżi ġirien, il-korpi regolatorji, l-ACER, l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni u l-fornituri tal-gass u l-operaturi tal-ħżin;

7.      Jenfasizza li l-Unjoni tal-Enerġija, minbarra li tiżgura s-sigurtà tal-provvista, għandha tadotta approċċ komprensiv li jiffoka fuq id-dimensjonijiet ewlenin bħall-kisba ta’ suq intern tal-enerġija integrat b’mod sħiħ, il-moderazzjoni tal-domanda għall-enerġija, id-dekarbonizzazzjoni tat-taħlita tal-enerġija (ibbażata essenzjalment fuq sorsi tal-enerġija rinnovabbli), u r-riċerka u l-innovazzjoni bl-iskop li tkun fil-pożizzjoni ta' mexxejja fit-teknoloġiji tal-enerġija, u jenfasizza li ċ-ċittadini Ewropej għandhom ikunu fil-qalba tal-Unjoni Ewropea u għandhom jingħataw sorsi tal-enerġija sikuri, sostenibbli u affordabbli;

8.      Jenfasizza li sabiex ikun hemm Unjoni tal-Enerġija ġenwina li tibni s-solidarjetà kontra x-xokkijiet esterni tal-provvista tal-enerġija, l-UE trid tiżviluppa mekkaniżmu totalment integrat għat-trażmissjoni tal-enerġija żejda bejn il-fruntieri; iqis li, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-Operaturi tat-Trażmissjoni (TSOs) għandhom jiffokaw fuq li jirriformaw l-arkitettura tas-suq intern tal-enerġija tal-UE, kif ukoll fuq proġetti speċifiċi tal-infrastruttura;

9.      Jenfasizza li l-uniku mod biex tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija, filwaqt li fl-istess ħin il-prezzijiet tal-enerġija jinżammu affordabbli u jintlaħqu l-objettivi tagħna dwar il-klima, huwa li jinħoloq ambjent ta' enerġija sostenibbli, ibbażat fuq grad għoli ta' effiċjenza enerġetika, enerġija rinnovabbli u infrastruttura intelliġenti; jenfasizza, barra minn hekk, li llum stess għandhom jittieħdu l-azzjonijiet korretti sabiex tinħoloq din it-tranżizzjoni għall-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni;

10.    Jirrikonoxxi l-importanza li jiġu inklużi l-inizjattivi bbażati fuq il-konsumatur, bħall-kooperattivi, proġetti tal-enerġija rinnovabbli u tal-effiċjenza tal-enerġija tal-komunità, u jenfasizza l-bżonn li jitneħħew il-barrieri ekonomiċi, regolatorji u amministrattivi sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod attiv fis-sistema tal-enerġija;

11.    Jenfasizza li l-kunċett ta’ Unjoni tal-Enerġija għandu jkun verament pan-Ewropew, u jkun jinkludi kemm l-UE kif ukoll mill-inqas il-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija, u li s-setturi tal-enerġija Ewropej għandhom jintegraw ukoll lil hinn mill-fruntieri tal-UE, sabiex jissaħħu l-importanza u s-setgħa ta' negozjar tal-UE f’suq tal-enerġija globalizzat;

12.    Jenfasizza li l-ħolqien ta’ Unjoni tal-Enerġija jrid ikun akkumpanjat bi strateġija industrijali komprensiva, b’mod partikolari fil-qasam tal-effiċjenza tal-enerġija u tal-enerġija rinnovabbli, li tkun tista’ tikkontribwixxi għar-reindustrijalizzazzjoni tal-UE bl-objettiv li, is-sehem tal-industrija tal-PGD tal-UE jilħaq l-20 % sal-2020;

13.    Jenfasizza li l-ekonomija tal-enerġija ma tinkisibx billi titnaqqas il-produzzjoni fuq livell Ewropew jew billi l-industrija Ewropea tiġi rilokata.

DIMENSJONI INTERNA

Il-moderazzjoni tad-domanda għall-enerġija

14.    Ifakkar li l-moderazzjoni tad-domanda għall-enerġija, partikolarment għat-tisħin, permezz tal-iffrankar tal-enerġija u tal-effiċjenza tal-enerġija hija kruċjali għal għadd ta’ raġunijiet, billi tħalli impatt pożittiv fuq is-sigurtà, il-kompetittività, it-tkabbir ekonomiku u s-sostenibbiltà tal-enerġija tal-UE, kif ukoll fuq l-affordabilità tal-enerġija, il-ġlieda kontra l-faqar fil-qasam tal-enerġija u l-ħolqien ta’ impjiegi sostenibbli; jenfasizza f’dan ir-rigward li, skont l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija, l-investimenti fl-effiċjenza tal-enerġija jirrappreżentaw l-aħjar redditu fuq l-investiment ta’ kwalunkwe riżors tal-enerġija; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu l-effiċjenza tal-enerġija bħala sors tal-enerġija fiha nnifisha li tirrappreżenta l-valur tal-enerġija ffrankata; jenfasizza li l-effiċjenza tal-enerġija u r-rispons min-naħa tad-domanda għandhom jikkompetu fuq termini ugwali mal-kapaċità tal-ġenerazzjoni, filwaqt li jitqiesu kif xieraq il-problemi urġenti u eċċezzjonali tas-sigurtà tal-enerġija u meta jkun teknikament fattibbli; għaldaqstant jinkuraġġixxi lill-Istati Membri sabiex, fil-politiki tagħhom, jagħtu kunsiderazzjoni primarja lill-effiċjenza tal-enerġija;

15.    Jenfasizza li l-potenzjal tal-iffrankar enerġetiku jikkonċerna s-setturi kollha tal-ekonomija, inklużi l-industrija, il-bini, it-trasport, l-agrikultura u s-servizzi;

16.    Jistieden lill-Kummissjoni tidentifika u tneħħi l-barrieri li għad fadal għall-miżuri għall-effiċjenza tal-enerġija , u tiżviluppa suq ġenwin fl-effiċjenza tal-enerġija sabiex trawwem it-trasferiment tal-aħjar prattiki u tiżgura d-disponibbiltà tal-prodotti u soluzzjonijiet fl-UE bl-għan li jinbena suq wieħed reali fil-prodotti u s-servizzi tal-effiċjenza tal-enerġija;

17.    Jitlob li tingħata aktar attenzjoni lis-suq emerġenti tas-servizzi tal-enerġija (inklużi l-ikkuntrattar għall-prestazzjoni tal-enerġija u l-ftehimiet tas-servizzi tal-enerġija); jisħaq fuq l-importanza li jiġu żviluppati standards għal kull element fil-proċess tal-investiment tal-effiċjenza tal-enerġija;

18.    Jinnota li l-UE għadha mhix fit-triq biex tilħaq il-mira tagħha li tiffranka 20 % tal-enerġija (371 Mtoe) sal-2020, u li aktar minn terz tal-konsum imnaqqas tal-enerġija huwa attwalment attribwibbli għal livelli aktar baxxi tal-attività ekonomika minflok għal żieda fl-isforzi politiċi għall-effiċjenza tal-enerġija; għaldaqstant, jistieden lill-Kummissjoni tinforza b’mod strett il-leġiżlazzjoni diġà adottata dwar l-effiċjenza tal-enerġija kif ukoll tressaq, f’diskussjonijiet mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill, aġġornament u titjib tal-leġiżlazzjoni dwar it-tikkettar enerġetiku u l-ekodisinn, filwaqt li tqis il-potenzjal tal-iffrankar enerġetiku u r-rilevanza għas-suq;

19.    Jisħaq fuq l-importanza li l-Istati Membri jallokaw riżorsi adegwati għas-sorveljanza tas-suq tal-effiċjenza enerġetika tal-prodotti, sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-industrija filwaqt li jipprovdu lill-konsumaturi l-aktar informazzjoni utli u l-għodod adatti sabiex jagħmlu għażliet infurmati, jagħrfu kemm jużaw enerġija u jnaqqsu l-konsum tagħhom tal-enerġija;

20.    Huwa konvint li l-promozzjoni ta' ekonomija ċirkolari u effiċjenza ikbar fl-użu tar-riżorsi jistgħu jwasslu għal tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra, biex b'hekk tkun qed issir kontribuzzjoni vitali biex jiġu ffaċċjati l-isfidi dwar il-klima u l-enerġija;

21.    Jenfasizza li d-domanda għall-enerġija fis-settur tal-bini hija responsabbli għal madwar 40 % tal-konsum tal-enerġija fl-UE u għal terz tal-użu tal-gass naturali, u li għalhekk huwa meħtieġ li jiżdiedu kemm il-livell kif ukoll ir-rata tar-rinnovazzjoni tal-bini u l-użu ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli fit-tisħin u t-tkessih, permezz tal-inċentivi xierqa sabiex titnaqqas id-domanda għall-enerġija; jirrakkomanda l-kontinwazzjoni tal-istandards li qed jiżdiedu tal-effiċjenza tal-enerġija għall-bini, filwaqt li titqies u titħeġġeġ l-innovazzjoni teknika; jirrakkomanda wkoll li jkun hemm appoġġ kontinwat għall-bini ta' binjiet b'użu nett ta' enerġija ta' kważi żero bħala pass kruċjali addizzjonali sabiex tiġi żgurata l-indipendenza enerġetika u sistema tal-enerġija sostenibbli u sigura; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa li jiġu żviluppati sorsi innovattivi ta' finanzjament privat, u jħeġġeġ involviment akbar tal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-FEIS biex jikkomplementaw l-iskemi nazzjonali ta’ finanzjament sabiex titjieb il-kompetittività tal-industrija u jinħolqu iktar tkabbir u impjiegi; dan għandu joħloq ukoll benefiċċji għaċ-ċittadini, inklużi tnaqqis fil-kontijiet tal-enerġija u titjib fl-istandards tal-ħajja;

22.    Jirrikonoxxi r-rwol tal-awtoritajiet lokali u ċ-ċittadini fiż-żieda tal-effiċjenza tal-enerġija permezz ta’ ppjanar urban aħjar, l-iżvilupp ta' internet u teknoloġiji tal-ICT relatati mal-enerġija, il-koġenerazzjoni, l-awtokonsum, l-applikazzjonijiet tal-pompi tas-sħana, il-modernizzazzjoni, l-espansjoni u l-istabbiliment tas-sistemi ta’ tisħin u tkessih distrettwali u t-tiġdid tas-sistemi ta' tisħin individwali, kif ukoll iż-żieda fl-użu tat-trasport pubbliku aktar nadif, l-inkoraġġiment ta’ mudelli tal-ivvjaġġar aktar attivi, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ Smart Cities, u l-appoġġ għall-ekomobilità urbana;

23.    Jemmen li l-awtoritajiet lokali wkoll għandhom rwol importanti fil-promozzjoni ta’ strumenti alternattivi ta’ finanzjament, inklużi l-mudelli kooperattivi, u fil-promozzjoni ta’ ftehimiet ta’ akkwist kollettiv sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jgħaqqdu flimkien id-domandi tagħhom għall-enerġija u b'hekk jiksbu prezzijiet tal-enerġija irħas;

24.    Iqis importanti li l-konsumaturi jiġu pprovduti bi prodotti effiċjenti fl-użu tal-enerġija, inklużi l-prodotti tal-ikel, kif ukoll informazzjoni preċiża, rilevanti, komparabbli u verifikata indipendentement dwar l-effiċjenza tal-enerġija ta’ dawn il-prodotti, sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażla infurmata u s-swieq jitmexxew lejn l-apparati domestiċi u l-ktajjen tal-provvista tal-ikel l-aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija;

25.    Jistieden lill-Kummissjoni tqis it-tnedija ta’ kampanja ta’ sensibilizzazzjoni għaċ-ċittadini Ewropej dwar kif inaqqsu l-konsum tal-enerġija fid-djar b’metodi faċli u kosteffikaċi, filwaqt li jenfasizzaw l-iffrankar possibbli fuq il-kontijiet tal-enerġija tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tiddikjara l-2016 is-sena Ewropea għall-Iffrankar tal-Enerġija;

26.    Jinnota li standards imtejba ta’ prestazzjoni tal-vetturi u l-effiċjenza tal-fjuwil huma kruċjali kemm għat-tnaqqis tad-dipendenza taż-żejt tal-UE kif ukoll għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett serra, u għaldaqstant jistieden lill-industrija, lill-Istati Membri, u lill-Kummissjoni jkomplu jħaffu l-isforzi tagħhom f’dan il-qasam; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel rieżami tal-standards tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-karozzi u l-vannijiet, għall-perjodu ta' wara l-2020; jinnota, madankollu, li s-soluzzjoni fit-tul biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tat-trasport u biex jiġi żgurat li titnaqqas id-domanda għall-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tinsab fil-fjuwils alternattivi u fl-elettrifikazzjoni bl-elettriku rinnovabbli, u fil-promozzjoni ta' modi aktar sostenibbli tat-trasport;

27.    Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija komprensiva għall-elettrifikazzjoni tat-trasport fl-Unjoni tal-Enerġija, li tmur lil hinn minn sempliċiment investiment u inċentivi għall-produzzjoni u l-użu tal-vetturi elettriċi u tindirizza inċentivi usa’ għall-elettromobilità, inklużi ferroviji, roti u skuters, filwaqt li tagħti attenzjoni speċjali għall-intermodalità tat-trasport u l-interazzjoni mas-settur tal-ġenerazzjoni permezz ta’ grilji intelliġenti u għażliet għall-ħżin;

28.    Jistieden lill-Istati Membri u lill-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija jkunu ambizzjużi fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-effiċjenza tal-enerġija tal-UE, sabiex iħaffu l-miżuri biex jintlaħaq l-objettiv tal-effiċjenza tal-enerġija tal-2020, billi jiffokaw fuq it-tisħin u l-iżolament fil-bini u fl-industrija, u b’hekk ikunu ppreparati bil-miżuri nazzjonali u reġjonali għat-tnaqqis drastiku tad-domanda għall-enerġija kemm qabel kif ukoll bi tweġiba għal xokkijiet fil-provvista; jilqa', f'dan ir-rigward, ir-rieżami li ġej tar-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass imħabbar bħala parti mill-pakkett tal-Unjoni Ewropea, u jitlob lill-Kummissjoni teżamina, bħala parti minn din ir-reviżjoni, il-fattibilità ta' sistema ta' monitoraġġ madwar l-UE sabiex jiġu indirizzati dawn ix-xokkijiet; iwissi, madankollu, li miżuri għaż-żmien qasir biex jimmoderaw id-domanda għandhom ikunu ppjanati b’attenzjoni sabiex jiġi żgurat li kwalunkwe azzjoni ta’ emerġenza tkun totalment integrata u konsistenti mal-miżuri għal żmien fit-tul; barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja u tirrapporta dwar l-iżvilupp ta’ barrieri regolatorji li jipprevjenu l-iżvilupp fl-Istati membri tal-effiċjenza tal-enerġija;

29.    Jinnota, madankollu, li l-miżuri fuq żmien qasir biex inaqqsu drastikament id-domanda għall-enerġija mhumiex mod effettiv biex tiġi indirizzata l-kwistjoni, u li l-Ewropa teħtieġ pjan usa’ sabiex tiżgura l-kontinwità tal-provvista;

30.    Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija - speċjalment il-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Effiċjenza tal-Enerġija (NEEAPs) u l-istrateġiji ta’ rinnovazzjoni nazzjonali - u d-Direttiva dwar il-Prestazzjoni tal-Enerġija tal-Bini; jistieden lill-Kummissjoni twettaq reviżjoni limitata tad-Direttivi dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija u dwar il-Prestazzjoni tal-Enerġija tal-Bini sabiex tilħaq l-objettiv tal-2030 tal-UE tat-titjib fl-effiċjenza tal-enerġija, filwaqt li tagħmel enfasi akbar fuq l-għajnuna lill-konsumaturi vulnerabbli u l-indirizzar tal-faqar enerġetiku; jemmen li, fil-kuntest ta’ dan l-infurzar, il-kejl u l-verifika tat-titjib fl-effiċjenza tal-enerġija għandhom jitwettqu fuq bażi regolari;

31.    Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja b’mod attiv lill-Istati Membri fit-tnedija tal-istrateġiji ta’ rinnovazzjoni nazzjonali, kif mitlub fl-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija; jitlob li l-verżjoni tal-2017 ta’ dawn l-istrateġiji tiġi żviluppata b’iktar input mill-partijiet interessati rilevanti fis-settur tal-bini, bil-għan li jiġi stabbilit objettiv fit-tul (2050) fil-livell nazzjonali għat-tnaqqis fid-domanda għall-enerġija fil-bini u stadji sinifikanti relatati għall-2040, l-2030 u l-2020; jinnota li d-dispożizzjoni dwar l-iskemi ta’ obbligu tal-effiċjenza tal-enerġija inkluża fid-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija hija l-miżura prinċipali li twassal għall-iffrankar tal-enerġija għall-2020; għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni testendi dan ir-rekwiżit lil hinn mill-2020, bħala strument ewlieni sabiex jintlaħaq l-objettiv tal-2030 għall-effiċjenza tal-enerġija, filwaqt li jitneħħew l-eżenzjonijiet li jnaqqsu l-effikaċja tagħha;

32.    Jenfasizza li mira vinkolanti għall-effiċjenza tal-enerġija tkun l-aktar mod kosteffikaċi biex titnaqqas id-dipendenza fuq l-enerġija tal-Ewropa, filwaqt li fl-istess ħin tipproteġi l-industrija u d-djar mill-kontijiet tal-enerġija aktar għalja; ifakkar li l-Parlament adotta, fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-5 ta’ Frar 2014[1] u tas-26 ta' Novembru 2014[2], tliet objettivi vinkolanti li jinkludi objettiv ta’ 40 % għall-effiċjenza tal-enerġija, objettiv ta’ mill-anqas 30 % għas-sorsi rinnovabbli u objettiv ta’ mill-anqas 40 % għall-gassijiet serra; jikkundanna, f'dan il-kuntest, in-nuqqas ta’ ambizzjoni dwar l-effiċjenza tal-enerġija min-naħa tal-Kunsill Ewropew fis-Samit tiegħu ta’ Ottubru 2014, meta stabbilixxa objettiv mhux vinkolanti ta’ 27 % biss mingħajr objettivi individwali għall-Istati Membri.

33.    Iqis il-leġiżlazzjoni dwar l-effiċjenza enerġetika u l-Iskema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet tal-UE (ETS) bħala strumenti ta' appoġġ reċiproku, u jitlob għal implimentazzjoni immedjata ta' Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq li tkun kapaċi tiżgura sinjal bil-prezz tal-karbonju li jista' jagħti spinta għal titjib fl-effiċjenza enerġetika fis-settur tal-ETS; jistieden lill-Kummissjoni tikkomplimenta l-ETS bi standard tal-prestazzjoni tal-emissjonijiet li jipprovdi sinjal ta' investiment ċar biex jiġu eliminati b'mod gradwali l-forom li jniġġsu l-iżjed tal-ġenerazzjoni tal-enerġija, bħal dawk ibbażati fuq il-faħam;

34.    Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-potenzjal tal-effiċjenza tal-enerġija billi tipproponi leġiżlazzjoni ġdida li tinkludi:

- qafas tal-inċentivi finanzjarji mmirati u obbligi legali li jiżguraw rata tar-rinnovazzjoni annwali fil-fond minima u ottimali għall-kost għall-bini eżistenti eliġibbli kollu ta’ mill-inqas 3 %;

- investiment sabiex jimmodera d-domanda għall-enerġija, speċjalment fil-bini, li għandu jiġi kkategorizzat u evalwat bħala investiment fl-infrastruttura fuq l-istess livell tal-investiment min-naħa tal-provvista tal-enerġija, sabiex b'hekk isir eliġibbli għal kundizzjonijiet finanzjarji ugwali;

- inċentivi u obbligi għal intrapriżi kbar sabiex iwettqu r-rakkomandazzjonijiet l-aktar ekonomiċi mill-awditjar obbligatorju tal-enerġija stabbilit taħt id-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija;

35.    Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti għal governanza tal-effiċjenza tal-enerġija tal-2030 b’saħħitha sabiex tipprovdi gwida soda u regoli ġusti għall-kontabilità tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali, sabiex tiġi żgurata l-kisba tal-mira tal-UE, titjieb l-eżegwibbiltà tal-pjanijiet u jkun jista' jsir rapportar simplifikat tal-politiki rilevanti tal-Unjoni tal-Enerġija;

36.    Jinnota l-importanza li jiġu integrati l-ippjanar tad-domanda u l-provvista tal-enerġija fil-livell tas-suq intern tal-enerġija tal-UE, fejn tingħata l-prijorità għat-tnaqqis fid-domanda u għas-soluzzjonijiet deċentralizzati, sabiex tinkiseb sigurtà tal-provvista bi spiża ottimali u jiġu evitati investimenti ta’ infrastruttura bla bżonn jew dimensjonati żżejjed u spejjeż mitlufa;

37.    Iqis li l-investiment sabiex tiġi mmoderata d-domanda għall-enerġija, speċjalment fil-bini u l-industrija, huwa kontribut sinifikanti għas-sigurtà tal-enerġija, filwaqt li fl-istess ħin jistimola t-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tax-xogħol, u li dan għandu jitqies meta jiġu żviluppati strumenti ekonomiċi integrati, jitfasslu regolamenti tal-bini u jiġu kkunsidrati l-allokazzjonijiet finanzjarji; jenfasizza li appoġġ finanzjarju miżjud tal-UE għandu jkun disponibbli sabiex jiġu appoġġjati l-Istati Membri fil-kisba ta’ dawn il-miri u l-objettivi għall-effiċjenza tal-enerġija;

Żieda fil-produzzjoni tal-enerġija indiġena

38.    Jenfasizza li l-UE għandha tiżviluppa pjan ta' azzjoni u tippromwovi aktar strateġija fit-tul biex iżżid is-sigurtà tal-provvista, li trid tinkludi l-iżvilupp ta’ sorsi sostenibbli ta’ enerġija indiġena, l-aktar dawk rinnovabbli, fl-UE, f'konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa, is-sikurezza u l-ambjent; jenfasizza li l-produzzjoni tal-enerġija indiġena li qed tiżdied m’għandhiex iżżid jew testendi d-dipendenza Ewropea fuq il-fjuwils fossili;

39.    Jenfasizza r-rwol dejjem aktar importanti tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli biex tiġi żgurata l-provvista tal-enerġija fl-UE fuq medda twila ta’ żmien; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-ispejjeż tal-produzzjoni tas-sorsi rinnovabbli naqsu konsiderevolment f’dawn l-aħħar snin;

40.    Jenfasizza li huwa essenzjali li tiżdied il-parteċipazzjoni tal-industrija u t-teknoloġija Ewropea fil-katina kollha tal-produzzjoni tal-enerġija, li tinkludi mhux biss il-materja prima iżda wkoll il-ġenerazzjoni, ir-raffinar, il-ħżin, it-trasport u d-distribuzzjoni, peress li dawn huma elementi kruċjali għat-tnaqqis tad-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija; ifakkar li l-UE tiddependi kważi kompletament fuq il-kunsinni tal-uranju minn pajjiżi terzi;

41.    Jikkunsidra li kull sors ta’ enerġija b'użu baxx tal-karbonju li jista’ jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-enerġija fl-Unjoni għandu jitqies u jiġi żviluppat f’konformità sħiħa mal-objettivi fit-tul tad-dekarbonizzazzjoni tal-UE u l-miri tal-2030, bil-ħsieb li jintlaħaq l-objettiv tal-klima taż-"żewġ gradi" kif ukoll il-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ambjent u l-kompetizzjoni; Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/28/KE u, b'mod partikulari, id-dispożizzjoni fl-Artikolu 13(4), li titlob li l-Istati Membri jesiġu l-użu ta' livelli minimi ta' enerġija minn sorsi rinnovabbli f’bini ġdid u f'bini sottopost għal rinnovazzjonijiet estensivi; iqis li s-sussidji għas-sorsi konvenzjonali u n-non-internalizzazzjoni tal-esternalitajiet jgħawġu s-suq, u għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni tiżgura kundizzjonijiet ekwi u tintroduċi standards ta’ emissjonijiet tas-CO2 flimkien ma’ standards tar-rendiment tal-enerġija għall-impjanti ġodda u eżistenti tal-faħam u dawk nukleari, biex jingħata sinjal ċar ta’ investiment għal investimenti sostenibbli, kif ukoll l-eliminazzjoni gradwali tal-forom ta’ ġenerazzjoni ta’ enerġija li jniġġsu l-aktar u li huma l-aktar perikolużi;

42.    Iqis li l-Kummissjoni għandha tiżviluppa strumenti xierqa biex tomoġenizza kalkolu sempliċi tal-kost ta’ sorsi differenti ta’ enerġija tul il-ħajja ta’ kull teknoloġija;

43.    Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jfasslu mill-ġdid mekkaniżmi ta' sussidju ħalli jiffaċilitaw l-integrazzjoni tas-suq tal-enerġija u jneħħu b'mod gradwali s-sussidji kollha ta' ħsara għall-ambjent, b'mod partikolari għall-fjuwils fossili, u jagħmlu użu sħiħ mill-fondi għall-finanzjament ta' sorsi sostenibbli tal-enerġija rinnovabbli li għadhom mhumiex kompetittivi mil-lat tal-ispiża, abbażi, inter alia, ta' miri rinnovabbli vinkolanti maqbula fil-livell tal-UE;

44.    Jenfasizza li għandu jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni ambjentali fil-kuntest tal-kunsiderazzjoni tas-sigurtà ambjentali; ifakkar, f'dan il-kuntest, ir-riskji ambjentali, klimatiċi u ta' saħħa u l-impatti relatati mal-estrazzjoni tal-fjuwils fossili mhux konvenzjonali;

45.    Iqis li l-enerġija nukleari, li tuża livelli baxxi ta' karbonju, għadha kontributur sinifikanti għall-produzzjoni domestika tal-elettriku tal-UE; jinnota li l-għażla tal-użu tal-enerġija nukleari għadha l-kompetenza tal-Istati Membri; madankollu jirrimarka li, fir-rigward tas-sikurezza u s-sigurtà, l-UE għandha tistabbilixxi l-ogħla standards - u tibqa' kontinwament ittejjibhom - sabiex trażżan ir-riskji assoċjati mal-enerġija nukleari u sabiex tevita l-inċidenti;

46.    Jirrikonoxxi li sakemm l-impjanti u l-faċilitajiet nukleari jkomplu joperaw, se jibqa’ jkun hemm riskju residwu, għalkemm remot, ta’ aċċident gravi;

47.    Huwa tal-fehma li l-faċilitajiet nukleari eżistenti u l-miżbliet tal-iskart radjuattiv jistgħu jsiru l-objettiv ta’ attakki terroristiċi, u jikkawżaw ħsara enormi; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-ogħla livell ta’ sikurezza u protezzjoni għal dawn is-siti;

48.    Jistieden lil dawk l-Istati Membri li qed jeliminaw b’mod gradwali l-enerġija nukleari biex jiżguraw li tiġi sostitwita bi produzzjoni tal-enerġija li tista’ tikkontribwixxi bl-istess provvista, u tikkontribwixxi wkoll biex tistabbilizza s-sistema komuni għall-produzzjoni u d-distribuzzjoni;

49.    Ifakkar li l-effiċjenza tal-enerġija, l-enerġija rinnovabbli u l-infrastruttura intelliġenti huma l-għażliet “li wieħed ma jiddispjaċihx minnhom”, għaliex dawn jirrappreżentaw l-iktar mod rapidu u rħis sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-enerġija tagħna filwaqt li l-prezzijiet jinżammu raġonevoli, u jgħinu sabiex nilħqu l-miri tal-klima u noħolqu miljuni ta’ impjiegi fl-UE;

50.    Ifakkar li l-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija tal-Kummissjoni għall-2050 identifika ishma għolja ta’ enerġija rinnovabbli bħala prerekwiżit għal sistema tal-enerġija aktar sostenibbli u sigura;

51.    Jemmen li l-iżvilupp ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli huwa l-qofol tal-istrateġija tas-sigurtà tal-enerġija, filwaqt li jitqiesu l-kostijiet tal-enerġija; jenfasizza l-importanza li tiġi żviluppata infrastruttura transkonfinali u tat-tisħiħ tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-iżvilupp ta' grilji tal-enerġija aktar intelliġenti u ta' soluzzjonijiet ġodda għall-ħażna tal-enerġija, kif ukoll teknoloġiji ta’ ġenerazzjoni flessibbli għall-integrazzjoni tal-enerġiji rinnovabbli;

52.    Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta analiżi ta’ kif sorsi stabbli ta’ enerġija rinnovabbli bħall-idroenerġija, b’mod partikolari l-faċilitajiet ta’ ħażna bil-pompa, il-bijomassa sostenibbli jew il-ġenerazzjoni tal-elettriku ġeotermali, jistgħu jikkumplimentaw lis-sorsi rinnovabbli varjabbli biex tiżdied l-istabbiltà tas-settur tal-enerġija elettrika;

53.    Jenfasizza l-importanza li jingħataw inċentivi għall-iżvilupp ta’ sorsi ta’ enerġija indiġeni bħall-idroelettriku bħala sors ta’ enerġija rinnovabbli; itenni l-importanza li jiġu żgurati l-effikaċja u l-konsistenza tad-direttivi tal-UE, bħad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, u d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, biex jiġu integrati aħjar fl-ambjent l-impjanti żgħar tal-idroenerġija;

54.    Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiggarantixxu t-trasparenza, il-konsistenza, l-istabbiltà u l-kontinwità tal-oqfsa regolatorji għall-enerġiji rinnovabbli u jevitaw bidliet retroattivi fil-kundizzjonijiet ekonomiċi tal-investimenti, sabiex issaħħu l-fiduċja tal-investituri u jikkontribwixxu għall-użu kosteffikaċi tal-enerġija rinnovabbli fir-reġjuni tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa ta' koordinazzjoni aħjar tal-iskemi ta’ finanzjament f'konformità mal-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar id-disinn ta' skemi ta' appoġġ għall-enerġija rinnovabbli, sabiex ikunu evitati distorsjonijiet potenzjali fis-suq u biex ikun salvagwardjat l-appoġġ effettiv għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli;

55.    Jenfasizza li strateġija fit-tul għall-iżvilupp ta’ sorsi tal-enerġija indiġeni għandha tiġi ffinanzjata sew fuq livell tal-UE;

56.    Jemmen li l-enerġiji rinnovabbli għandhom rwol ewlieni fil-provvista ta’ enerġija indiġena fl-UE; jirrikonoxxi, madankollu, li mhux l-Istati Membri kollha għandhom l-istess kapaċitajiet ġeografiċi biex jipproduċu ammonti konsiderevoli ta’ enerġiji rinnovabbli b’mod li jħalli qligħ;

57.    Jirrikonoxxi l-benefiċċji taż-żieda fl-użu tal-enerġija rinnovabbli fis-suq tat-tisħin, b’mod partikolari fil-bini; jisħaq fuq iż-żieda fil-flessibbiltà tal-infrastruttura u l-ħażna termali biex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni ta’ sorsi rinnovabbli intermittenti permezz tal-ħżin ta’ enerġija fil-forma ta’ sħana; itenni li s-sigurtà tal-enerġija tista’ tiżdied bl-iżvilupp ta’ netwerks tat-tisħin/tkessiħ distrettwali, li jikkostitwixxu mezz ideali għall-integrazzjoni tas-sħana sostenibbli fil-bliet fuq skala kbira, billi dawn jistgħu, b’mod simultanju, iwasslu sħana miksuba minn medda ta’ sorsi u ma jiddependux b’mod inerenti fuq xi sors wieħed partikolari;

58.    Jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied b’mod sinifikanti l-kapaċità tal-produzzjoni tal-enerġija domestika fi ħdan l-UE fuq perjodu qasir u medju; ifakkar, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni u l-Istati Membri, li f’bosta każijiet il-mod l-aktar rapidu biex tiżdied il-kapaċità tal-provvista tal-elettriku fi żminijiet ta’ ħtieġa huwa li jiġu installati jew imtejba s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, bħar-riħ u l-enerġija solari, minħabba ż-żmien relativament qasir meħtieġ biex dawn isiru operattivi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli teżamina l-ostakli finanzjarji u ġuridiċi għall-iżvilupp ta’ dawn ir-riżorsi ta’ enerġija u biex tagħmel rakkomandazzjonijiet ta’ politika uffiċjali lill-Istati Membri dwar miżuri li għandhom impatt fuq l-użu ta’ din l-enerġija;

59.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel analiżi preċiża għal kull pajjiż dwar l-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli li jirriżulta, bil-għan li tingħata ċertezza lill-investituri;

60.    Jenfasizza li l-elettrifikazzjoni fuq skala sinifikanti tas-setturi Ewropej tat-tisħin u t-trasport għadha ta’ importanza kruċjali biex jinkiseb tnaqqis sinifikanti fl-importazzjonijiet tal-fjuwils f’dawn is-setturi;

61.    Iqis li l-Qbid u l-Ħżin tal-Karbonju (CCS) jista’ jkollu rwol importanti fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra minn fjuwils fossili indiġeni, u jippermetti taħlita tal-enerġija aktar varja u sigura; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-kundizzjonijiet għall-użu tas-CCS; iqis li s-CCS se jeħtieġu li jkunu żviluppati u mtejba ulterjorment permezz ta’ sforzi konsiderevoli ta’ riċerka u innovazzjoni, u jappella sabiex jingħata finanjzament biex jitkompla l-iżvilupp tat-teknoloġiji CCS;

62.    Jenfasizza l-valur miżjud tal-integrazzjoni tal-ICT fis-sistema enerġetika, u jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi standards komuni għall-grilji intelliġenti fil-livell tas-sistemi ta’ trażmissjoni, peress li dawn jiżguraw provvista stabbli u fluss ħieles tal-enerġija bejn il-fruntieri u jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-enerġija, u, fil-livell tas-sistemi ta’ distribuzzjoni, biex jiżguraw sigurtà tal-provvista għall-komunitajiet lokali, il-bliet u r-reġjuni; jenfasizza f’dan ir-rigward ir-rwol li l-iżvilupp ta’ grilji tal-enerġija aktar intelliġenti u ta’ faċilitajiet ġodda tal-ħażna tal-enerġija jista’ jkollu sabiex jiżdied il-livell tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli;

63.    Jemmen li, bil-ħsieb tal-ħtiġijiet ta’ investimenti kbar ħafna għall-grilji tad-distribuzzjoni li ilhom li nbnew u li mhumiex adegwati u tal-fatt li l-parti l-kbira tas-sorsi rinnovabbli tal-enerġija huma konnessi fil-livell tal-grilja tad-distribuzzjoni, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw jieħdu inizjattivi speċifiċi biex irawmu investimenti DSO, inklużi strumenti finanzjarji;

64.    Jenfasizza li l-ICT tista’ u għandu jkollha sehem ewlieni fil-promozzjoni ta’ konsum responsabbli tal-enerġija fid-djar, fit-trasport, fil-ġenerazzjoni tal-enerġija u fil-manifattura; iqis li l-arloġġi tad-dawl intelliġenti, it-tidwil effiċjenti, il-cloud computing u s-softwer iddistribwit għandhom il-potenzjal li jittrasformaw ix-xejriet tal-użu tal-enerġija; jenfasizza l-fatt li wara l-effiċjenza fl-enerġija fis-sors (jiġifieri fil-produzzjoni tal-enerġija primarja), l-indirizzar tat-telf tal-enerġija (elettrika) waqt id-distribuzzjoni fin-netwerks, għandu jitqies bħala t-tieni prijorità;

65.    Jinnota li sistema ta’ enerġija aktar deċentralizzata u flessibbli, fejn is-sorsi tal-enerġija elettrika u tat-tisħin jitqiegħdu eqreb lejn il-punt tal-użu, tista' tiffaċilita l-ġenerazzjoni tal-enerġija fuq skala żgħira u, għaldaqstant, tagħti s-setgħa lill-konsumaturi biex ikunu aktar involuti fis-suq tal-enerġija u jikkontrollaw aktar l-użu tagħhom tal-enerġija, tnaqqas it-telf fit-trażmissjoni u d-distribuzzjoni, ittejjeb ir-reżiljenza tal-infrastruttura tal-enerġija, u simultanjament tipprovdi opportunitajiet lokali ta’ negozju lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għalhekk, biex jiffaċilitaw l-iżvilupp ulterjuri u l-espansjoni, tas-sorsi lokali u reġjonali tal-enerġija rinnovabbli u tan-netwerks ta’ distribuzzjoni lokali u reġjonali u tan-netwerks tat-tisħin distrettwali, permezz ta' politiki li jindirizzaw l-ostakoli eżistenti u li jgħinu sabiex tinkiseb trasformazzjoni tas-suq; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi linji gwida dwar l-awtokonsum tal-enerġija sabiex jiġi promoss l-użu tiegħu u jiġu protetti d-drittijiet tal-konsumaturi;

66.    Jirrimarka li l-agrikoltura u l-forestrija sostenibbli huma għodda importanti li jikkontribwixxu għall-produzzjoni tal-enerġija tal-bijomassa u l-kisba tal-effiċjenza enerġetika;

67.    Jinnota li 95 % tal-bijomassa tal-injam ikkunsmata fl-Ewropa għat-tisħin u l-elettriku tiġi prodotta lokalment;

68.    Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti għar-reviżjoni tar-Regolament (UE) 994/2010 dwar is-sigurtà tal-provvista tal-gass b’tali mod li jkun meħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu strateġija biex jippromwovu l-bidla, inkluż fit-tisħin distrettwali, mill-gass għal sorsi tal-enerġija rinnovabbli bħall-ġenerazzjoni ta’ enerġija ġeotermali, tal-bijomassa, u termali solari;

69.    Jinnota li teknoloġiji ta’ tisħin rinnovabbli (enerġija tal-bijomassa, ġeotermali u termali solari) huma disponibbli u huma lesti biex jissostitwixxu l-fjuwils fossili importati, filwaqt li joħolqu impjiegi u jtejbu l-investimenti;

70.    Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (2009/28) u tippreżenta sistema ta’ governanza robusta inkluż il-Parlament Ewropew flimkien ma’ regolamentazzjoni effettiva biex tkun tista’ tintlaħaq il-mira dwar l-enerġija rinnovabbli għall-2030;

71.    Jenfasizza li l-UE għandha opportunità unika għat-tranżizzjoni tal-enerġija hekk kif l-impjanti tradizzjonali tal-enerġija jsiru obsoleti filwaqt li l-modernizzazzjoni tas-sistema kollha tal-enerġija li għandha ħafna żmien u li tniġġes tkun teħtieġ investimenti kbar ħafna fis-snin li ġejjin, u għaldaqstant, jistieden lill-Kummissjoni tissimplifika t-tekniki ġodda u trawwem dawk l-investimenti li jużaw sorsi sostenibbli, japplikaw l-Aqwa Tekniki Disponibbli u jagħmlu progress lejn sistema tal-enerġija deċentralizzata u intelliġenti biex jiġu sodisfati l-ħtiġijiet taċ-ċittadini tal-UE;

L-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-enerġija

72.    Jenfasizza li l-użu effettiv tar-riċerka u l-innovazzjonijiet teknoloġiċi jrawwem it-tmexxija tal-industrija Ewropea u jsaħħaħ il-vantaġġ kompetittiv u l-vijabbiltà kummerċjali tan-negozji u l-industrija Ewropej, joħloq l-impjiegi, waqt li jikkontribwixxi għall-għanijiet ewlenin tal-politika tal-enerġija u tal-klima tal-UE, inklużi t-tnaqqis fid-domanda għall-enerġija, is-sigurtà tal-provvista, il-kompetittività u l-iżvilupp sostenibbli tal-produzzjoni tal-enerġija, id-distribuzzjoni, it-trasport u l-konsum, il-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku u l-objettivi tal-UE dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza tal-enerġija;

73.    Jenfasizza li t-teknoloġiji Ewropej fis-settur tal-enerġija huma importanti immens għas-sigurtà tal-enerġija għaliex dawn jikkontribwixxu għaż-żamma tal-faċilitajiet industrijali strateġiċi, l-għarfien u l-kompetenzi; ifakkar li, peress li l-UE qed tfittex li tiżviluppa riżorsi domestiċi u tranżizzjonijiet lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju, għandhom jittieħdu azzjonijiet konkreti sabiex tiġi żviluppata tmexxija teknoloġija Ewropea fit-teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju fis-setturi ewlenin fejn l-UE għandha jew tista’ tiżviluppa vantaġġ globali;

74.    Ifakkar li l-intrapriżi tal-enerġija, mill-SMEs sal-gruppi kbar, huma ta’ natura strateġika u għandhom jiġu appoġġjati fl-iżvilupp tagħhom;

75.    Jenfasizza l-ħtieġa li tingħata prijorità lill-edukazzjoni, lill-programmi ta’ taħriġ u lill-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri fil-qasam tat-teknoloġiji innovattivi tal-enerġija li għandhom il-potenzjal li jiżguraw il-provvisti ta’ enerġija futuri tagħna;

76.    Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jfittxu interazzjoni u koordinazzjoni aħjar tal-programmi ta’ riċerka nazzjonali u Ewropej, speċjalment fl-oqsma tal-enerġija, tat-trasport, tal-ICT u l-kostruzzjoni, sabiex jiżguraw li tingħata prijorità għall-isfidi komuni bħaż-żieda tal-effiċjenza tal-enerġija billi ma jsirx iffukar biss fuq is-settur tat-tisħin, iżda wkoll fuq dak tat-tkessiħ, billi jiġu promossi enerġiji rinnovabbli fuq skala żgħira, jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett serra kif ukoll tiżdied is-sigurtà tal-enerġija, jiġu żviluppati sorsi ġodda ta’ enerġija rinnovabbli, u jiġi mmassimizzat l-użu tat-teknoloġiji l-ġodda mis-suq;

77.    Jirrikonoxxi li mingħajr investiment intensiv fil-proġetti ta’ riċerka xjentifika tal-Ewropa li huma minn ta’ quddiem fid-dinja, ma jkunx possibbli li jiġu żviluppati t-teknoloġiji eżistenti u ġodda b’livell baxx ta’ karbonju biex tkun tista’ tiġi indirizzata l-kriżi tal-klima li qed tiffaċċja l-pjaneta;

78.    Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi aktar għajnuna għall-proġetti ta’ riċerka dwar il-fużjoni nukleari bħall-ITER, li għandhom jipprovdu lill-Ewropa b’sors b’livell żero ta’ karbonju, provvista ta’ enerġija mingħajr limiti b’livell żero ta’ skart dannuż;

79.    Jenfasizza li l-impenji biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett serra u għat-trasformazzjoni tal-Ewropa f’ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ karbonju u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, jekk jiġu implimentati kif suppost, għandhom potenzjal kbir biex iżidu l-kompetittività globali tal-UE, iżda li, fl-istess ħin, għandha tingħata l-attenzjoni sabiex din ma tiġix ipperikolata; jenfasizza, għalhekk, li l-livell ottimali u l-modalitajiet tal-objettivi tal-futur għandhom jiġu vvalutati billi titwettaq valutazzjoni tal-impatt fil-fond; jikkunsidra li jinħtieġ approċċ kumpless, bilanċjat u koerenti għat-tibdil fil-klima u l-kompetittività, is-sostenibilità u s-sigurtà, ibbażat fuq portafoll tal-enerġija bbilanċjat li jiddependi ferm fuq sorsi sostenibbli tal-enerġija u jħaddan it-teknoloġiji tad-dekarbonizzazzjoni biex jintlaħqu l-miri dwar il-klima, u b’hekk il-konsumaturi u l-produzzjoni industrijali jkun jista’ jkollhom aċċess għal enerġija bi prezzijiet raġonevoli;

80.    Jistieden lill-Kummissjoni teżamina kif tista' toħloq kundizzjonijiet ekwi bejn il-produtturi Ewropej u dawk mhux Ewropej, b’mod partikolari billi tistudja l-vijabbiltà ta’ mekkaniżmu tal-aġġustament tal-limitu tal-karbonju jew standards tal-emissjonijiet;

81.    Jappella għad-distribuzzjoni mill-ġdid tas-sussidji sabiex isir iffukar fuq il-katina sħiħa tal-innovazzjoni sabiex jiġi żblukkat il-potenzjal sħiħ tat-teknoloġiji eżistenti u dawk li qed jiżviluppaw bil-għan li tissaħħaħ il-produzzjoni domestika tal-enerġija;

82.    Jenfasizza li l-aqwa mod biex l-infrastruttura ġdida tal-enerġija u interkonnessjonijiet aħjar jiġu ffinanzjati huwa permezz ta’ investimenti kummerċjali, iffaċilitati minn prezzijiet ibbażati fuq is-suq, fil-qafas ta’ suq tal-enerġija intern li jiffunzjona;

83.    Jirrikonoxxi li r-regoli dwar l-għajnuna statali jeżistu biex jipprovdu ċertezza legali għal intervent tal-Istat meta jkun hemm nuqqas partikolari tas-suq; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ, għall-finijiet tas-sigurtà msaħħa tal-enerġija u t-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, tal-possibbiltajiet permessi għall-proġetti ta’ finanzjament fl-enerġija permezz tal-għajnuna statali, kif ukoll l-istrumenti finanzjarji disponibbli permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Ewropew għall-Investiment Stateġiku, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, l-Orizzont 2020, l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija, u l-faċilitajiet ta’ investiment tal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, kif ukoll l-intermedjarji pubbliċi u privati, u jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni regolari tal-kosteffettività tal-istrumenti finanzjarji tal-UE; jistieden lil-Kummissjoni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment jiddefinixxu b’urġenza strumenti u prodotti finanzjarji ġodda għall-ispeċifitajiet tal-investimenti fit-tul f’teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju; jilqa’ l-fatt li l-Pjan ta’ Investiment iqis l-enerġija bħala waħda mill-prijoritajiet tiegħu; iqis li l-Kummissjoni għandha tiċċara kif għandha l-ħsieb li tuża l-Pjan ta’ Investiment ta’ EUR 315 biljun, flimkien mal-fondi eżistenti l-oħra;

84.    Iqis li, filwaqt li huwa diġà possibbli, bit-teknoloġiji eżistenti, li titnaqqas id-dipendenza tal-enerġija, jiġu ddiversifikati u kkonsolidati l-għażliet tal-provvista permezz tal-isfruttament sħiħ tas-sorsi tal-enerġija indiġeni, u li tiġi ottimizzata l-infrastruttura tan-netwerk tal-enerġija u tiżdied l-effiċjenza tal-enerġija fi żmien medju u twil u jiġi miġġieled il-faqar enerġetiku, jeħtieġ li jittejbu t-teknoloġiji eżistenti għas-CCS, is-CCU u l-impjanti tal-enerġija elettrika effiċjenti ħafna u flessibbli ħafna, u li jiġu żviluppati teknoloġiji ġodda ta’ enerġija, billi jitqies l-approċċ tan-newtralità teknoloġika li jippermetti li l-Istati Membri jisfruttaw bis-sħiħ ir-riżorsi ta’ enerġija indiġeni tagħhom, billi jintużaw il-fondi mill-Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni; jemmen, għaldaqstant, li l-finanzjament previst għar-regolamentazzjoni skont l-Orizzont 2020 għandu jiġi ggarantit u mħares minn tnaqqis possibbli fil-ġejjieni;

85.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu s-sigurtà tal-IT u l-ħarsien tal-infrastrutturi tal-enerġija kritiċi li jipprovdu servizzi kruċjali għall-konsumaturi, b’mod partikolari fir-rigward tal-iżviluppi fil-produzzjoni industrijali u tar-rwol li dejjem qiegħed jikber tal-ICT fis-settur tal-enerġija; jenfasizza f’dan ir-rigward l-importanza tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni f’waqtha tad-Direttiva dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u tal-Informazzjoni għaż-żamma ta’ livelli għoljin ta’ sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni tal-infrastrutturi ta’ importanza kritika;

86.    Ifakkar li n-netwerks tal-enerġija aktar kumplessi se jkunu esposti dejjem aktar għal theddid u vulnerabbiltajiet għas-sigurtà relatati mal-infrastruttura tal-IT tagħhom; jenfasizza ż-żieda fis-sofistikazzjoni u fid-disponibbiltà tal-armi informatiċi li jistgħu jintużaw kontra tali infrastruttura; ifakkar, f’dan ir-rigward, il-bżonn ta’ reazzjoni koordinata sew u b’riżorsi tajbin għas-sigurtà informatika Ewropea bħala parti mill-approċċ għas-sigurtà tal-enerġija, inklużi allokazzjonijiet adegwati ta’ riżorsi u kapaċità liċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità (EC3) kif ukoll lil aġenziji bħall-ENISA.

Lejn suq intern tal-enerġija integrat b’mod sħiħ

87.    Jitlob l-iżvilupp ta’ swieq tal-elettriku u tal-gass reġjonali integrati sew u kompetittivi li jiżguraw l-adegwatezza u l-flessibbiltà tas-sistema tal-enerġija u li jkopru l-partijiet kollha tal-Unjoni; jitlob lill-Kummissjoni taġixxi b’mod deċiżiv u trasparenti kontra l-istanzi kollha ta’ mġiba protezzjonista, antikompetittiva u l-ostakli għad-dħul u l-ħruġ mis-suq; jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati oqfsa regolatorji nazzjonali stabbli, li jiġu indirizzati l-ostakli amministrattivi u jiġu ssimplifikati l-proċeduri amministrattivi nazzjonali, biex jiġu ggarantiti wkoll kundizzjonijiet ekwi għall-proġetti bbażati fuq iċ-ċittadini; jistieden, speċifikament, lill-Kummissjoni tiżgura qafas tas-suq oġġettiv li jippermetti l-kompetizzjoni b’kundizzjonijiet ekwi għat-teknoloġiji kollha, inklużi dawk b’karatteristiċi inframarġinali, bħall-enerġija rinnovabbli, u timmassimizza l-parteċipazzjoni ta’ dawk it-teknoloġiji li jikkontribwixxu l-aktar għall-ilħuq tal-objettivi tas-sigurtà tal-provvista, tal-effiċjenza u tas-sostenibbiltà ambjentali;

88.    Jisħaq fuq l-impatt pożittiv li l-integrazzjoni tas-suq kellha fuq il-prezzijiet bl-ingrossa u fl-aħħar mill-aħħar fuq il-prezzijiet bl-imnut fis-settur tal-elettriku, li ppermettew li tkun disponibbli għaċ-ċittadini enerġija aktar affordabbli, u jfakkar li l-benefiċċju ekonomiku nett potenzjali li jista' jnkiseb mit-tlestija tas-suq intern tal-enerġija huwa bejn EUR 16-il biljun u EUR 40 biljun fis-sena;

89.    Jirrikonoxxi li, fil-preżent, hemm ostakli ekonomiċi, regolatorji u amministrattivi li qed jimpedixxu lill-konsumaturi milli jipparteċipaw b’mod attiv fis-sistema tal-enerġija; jirrikonoxxi li proporzjon li qed jikber tal-konsumaturi qed jinvolvu ruħhom fil-produzzjoni tal-enerġija tagħhom stess u huma interessati li jagħżlu l-fornitur tal-enerġija tagħhom, ibiddlu l-imġiba tagħhom u jipparteċipaw f’inizjattivi komuni bħall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli komunitarja u l-proġetti tal-effiċjenza tal-enerġija; għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni tagħti l-possibilità liċ-ċittadini li jsiru "prosumaturi", li jfisser li jkunu atturi aktar attivi tas-sistema Ewropea tal-enerġija minflok konsumaturi passivi;

90.    Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-adattament tar-regoli tas-suq biex jippermettu l-integrazzjoni ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli distribwiti u diversi, b’mod speċjali permezz ta’ aċċess faċli għas-suq għall-aggregaturi;

91.    Jemmen li wieħed mill-aktar fatturi importanti tat-tlestija ta’ suq tal-gass u tal-elettriku li jkun trasparenti, faċilment jintuża mill-konsumaturi, u li jaħdem sew u jkun integrat b’mod sħiħ huwa l-implimentazzjoni sħiħa tat-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija, inkluża l-integrazzjoni tas-swieq transkonfinali u li tiffoka fuq is-swieq tal-istess ġurnata u tal-ibbilanċjar, u l-iżvilupp tal-infrastrutturi tal-enerġija u l-interkonnessjonijiet transkonfinali; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja u tinforza l-implimentazzjoni tat-Tielet Pakkett tal-Enerġija;

92.    Jenfasizza li l-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea hija parti integrata tas-suq intern u li għandha tiġi applikata għas-sorsi kollha tal-enerġija, għall-kanali kollha tad-distribuzzjoni u għall-fornituri kollha bl-istess mod bħal fi swieq oħrajn,

93.    Jilqa’ r-rapport tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2014 dwar is-sussidji u l-ispejjeż tal-enerġija tal-UE, u jistieden lill-Kummissjoni taġġorna kull sena dan ir-rapport, sabiex jiġu identifikati aħjar liema setturi u oqsma jeħtieġu fondi addizzjonali, u liema setturi huma vulnerabbli għat-tgħawwiġ tas-suq b'riżultat tas-sussidji;

94.    Jenfasizza li l-ipprezzar tal-enerġija rregolat huwa ta' ħsara għall-kompetizzjoni u l-investiment, u li l-eliminazzjoni tiegħu hija prekundizzjoni biex jinkiseb suq tal-enerġija li jiffunzjona sew;

95.    Jindika li, skont l-aħħar edizzjoni tat-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur, is-suq tal-elettriku huwa wieħed mill-aktar erba' swieq li ma jiffunzjonawx sew; jisħaq fuq l-importanza li tittieħed azzjoni li ttejjeb il-provvista ta' informazzjoni lill-konsumaturi dwar id-disaggregazzjoni tal-prezzijiet tal-enerġija u dwar miżuri tal-effiċjenza enerġetika li jippermettulhom ikunu involuti b'mod attiv fir-regolamentazzjoni tal-użu tagħhom tal-enerġija, inkluża l-għażla li jibdlu l-fornitur tagħhom faċilment;

96.    Jisħaq li żoni ta’ offerti akbar javvanzaw l-implimentazzjoni tas-suq intern tal-enerġija u jżidu l-effiċjenza, il-kompetittività u l-likwidità tas-swieq; jirrimarka li, b’kunsiderazzjoni taż-żieda fis-sehem tas-sorsi rinnovabbli tal-enerġija, dawn iż-żoni jappoġġjaw il-karatteristiċi meħtieġa ta’ suq tal-elettriku li jiffunzjona tajjeb u li huwa likwidu; jinnota li ż-żieda fil-likwidità twassal għal tnaqqis fl-ispejjeż tan-negozjar, sinjali ta’ prezzijiet reżiljenti għal deċiżjonijet dwar l-investiment, hedging aħjar għall-operaturi tal-impjanti u aktar kompetizzjoni, li min-naħa tagħha twassal għal prezzijiet tal-enerġija aktar baxxi;

97.    Jenfasizza l-ħtieġa għal sistema ta’ trażmissjoni interkonnessa u stabbli fl-UE kollha, fejn kwalunkwe effett negattiv, bħal flussi tal-enerġija mhux ippjanati, jiġi evitat;

98.    Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja b’mod attiv lill-Istati Membri biex jiksbu l-objettivi ta’ interkonnettività tan-netwerks u s-sistemi, u tiżgura li f’dan ir-rigward ikun disponibbli finanzjament xieraq tal-UE;

99.    Jirrikonoxxi li sistema aktar integrata tal-enerġija tista’ ttejjeb is-solidarjetà bejn il-fruntieri matul żminijiet ta’ xokkijiet esterni tal-provvista tal-enerġija u tista’ tippermetti aktar integrazzjoni ta' volumi akbar ta’ enerġija rinnovabbli; jemmen li jeħtieġ li jkun hemm azzjoni immedjata mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri biex jiżguraw li l-ġenerazzjoni, it-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija, kif ukoll il-ġestjoni tad-domanda u tal-ħażna tal-enerġija jkunu jistgħu joperaw bħala elementi funzjonali tas-suq intern tal-UE tul il-fruntieri nazzjonali mingħajr restrizzjonijiet mhux xierqa; f’dan il-kuntest għandu jiġi żgurat l-użu ottimali tal-infrastruttura eżistenti;

100.  Jinnota wkoll li l-fatt li jiġi attirat investiment privat għall-iżvilupp tal-PCIs billi jiġi mmassimizzat l-użu tal-istrumenti finanzjarji, se jkollu effett importanti ta’ lieva fuq il-finanzjament pubbliku u jkun ta' xprun ġdid għall-investiment fl-infrastruttura fl-UE;

101.  Jinnota li l-livell tal-iżvilupp tal-infrastruttura tal-gass mhuwiex mifrux b’mod uniformi fl-UE; jenfasizza li l-Istati Membri fil-Baltiku, fl-Ewropa tal-Lvant Ċentrali, fl-Ewropa tax-Xlokk u fl-Ewropa tal-Punent jeħtieġu investimenti biex jiżguraw l-integrazzjoni sħiħa tal-infrastruttura u jnaqqsu l-vulnerabbiltà tagħhom għal tfixkil minn fornituri singoli jew dominanti tal-enerġija;

102.  Jilqa’ l-proposta tal-Kunsill Ewropew li s-sistema tal-interkonnettività tal-elettriku trid tiġi żgurata billi l-Istati Membri kollha jiġu integrati fin-Netwerks Kontinentali Ewropej, kif ukoll il-proposta tiegħu għal livell minimu ta' interkonnessjoni tal-elettriku bejn l-Istati Membri ta’ 10 % sal-2020 u 15 % sal-2030, u jitlob li jiġu ffissati wkoll objettivi għall-interkonnessjoni tal-gass; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi pjan ta’ azzjoni konkret biex jintlaħqu dawn il-miri;

103.  Jenfasizza li l-ACER għandha rwol strumentali fit-tlestija tas-suq uniku tal-enerġija tal-UE għall-elettriku u l-gass naturali; jiddispjaċih li minkejja ż-żieda fl-inkarigi u r-responsabilitajiet tagħha, ma kienx hemm żieda fir-riżorsi, li huma meħtieġa sabiex l-aġenzija tkun tista', b'mod effettiv, taqdi l-mandat statutorju tagħha skont ir-Regolament REMIT li timmoniterja s-swieq tal-enerġija bl-ingrossa;

104.  Jenfasizza li l-espansjoni u t-titjib tal-interkonnessjonijiet fil-pajjiżi Ewropej tan-nofsinhar jistgħu jikkontribwixxu għal iżjed użu ta' sorsi rinnovabbli u għas-sigurtà tal-enerġija fir-reġjun, u jistgħu wkoll jikkatalizzaw l-integrazzjoni tas-suq tal-enerġija tar-reġjun mal-bqija tal-UE u jsaħħu s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija;

105.  Jenfasizza li l-ħtieġa li jinkiseb livell ogħla taʼ interkonnessjoni tan-netwerks tal-enerġija bejn il-peniżola Iberika u l-bqija tal-Unjoni Ewropea ġiet enfasizzata mill-Kunsill Ewropew;

106.  Jenfasizza l-ħtieġa li jitwettqu testijiet tal-istress tal-elettriku u tal-gass, li għandhom jitkomplew sakemm id-dipendenza tal-kontroll tas-sistemi ta’ trażmissjoni fuq l-operaturi ta’ pajjiżi terzi tal-Istati Membri kollha tiġi eliminata għalkollox, u jiġi implimentat tħaddim sinkroniku fin-Netwerks Kontinentali Ewropej mhux aktar tard mill-2025;

107.  Jenfasizza li l-aċċellerazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ proġetti infrastrutturali strateġiċi hija ferm meħtieġa sabiex jinkisbu l-objettivi tal-politika dwar l-enerġija u l-klima tal-Unjoni, inkluż li jintemmu l-gżejjer tal-enerġija, u għalhekk jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tipparteċipa b’mod aktar attiv f’dan il-proċess; jenfasizza li l-investiment fl-infrastrutturi jinkludi kemm miżuri dwar id-domanda għall-enerġija kif ukoll dwar il-provvista tal-enerġija; jemmen b'saħħa li l-finanzjament tal-UE huwa essenzjali għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-proġetti ewlenin ta’ infrastruttura tal-enerġija Ewropej sabiex jiġu żgurati l-provvisti u r-riżorsi;

108.  Jenfasizza li, bħala parti mill-proċess tal-approvazzjoni tal-proġetti ewlenin ta’ infrastruttura, għandha l-ħin kollu tingħata kunsiderazzjoni dwar jekk l-istess riżultati tas-sigurtà tal-enerġija jistgħux jinkisbu permezz ta’ proġetti fuq skala iżgħar, miżuri ta’ effiċjenza enerġetika jew aġġustamenti intelliġenti għan-netwerks ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni, bl-għan li tiġi evitata l-kapaċità żejda u l-proġetti li jieqfu ħesrem, u li r-riżorsi skarsi jiġu investiti b’mod kemm jista’ jkun effiċjenti;

109.  Jenfasizza li l-implimentazzjoni ta' dawk il-proġetti infrastrutturali strateġiċi għandha tikkontribwixxi għall-aspetti fuq perjodu medju u twil tas-sigurtà tal-enerġija u jkunu konformi bis-sħiħ mal-impenji fit-tul tal-UE dwar id-dekarbonizzazzjoni u l-leġiżlazzjoni tagħha dwar l-ambjent u oħrajn rilevanti;

110.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tevalwa l-ħtieġa u r-rwol potenzjali ta’ strateġija Ewropea għal kapaċitajiet ta’ riserva biex tiġi żgurata r-reżiljenza interna għax-xokkijiet sekondarji tal-provvista esterna;

111.  Jirrikonoxxi li, f’ċerti ċirkostanzi, jistgħu jinħtieġu mekkaniżmi ta’ renumerazzjoni tal-kapaċitajiet fis-suq tal-elettriku tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa ta’ approċċ ikkoordinat fuq livell Ewropew biex jiġu evitati l-ineffiċjenzi jew il-kapaċità żejda fis-suq Ewropew; jenfasizza l-fatt li jeħtieġ li jiġu esplorati minn qabel soluzzjonijiet alternattivi bħal interkonnettività u riżorsi ta’ flessibbiltà aħjar;

112.  Jitlob li l-lista tal-Proġetti ta’ Interess Komuni (PCI), kif l-ewwel adottata fl-2013 u aġġornata perjodikament, tiġi eżegwita mingħajr dewmien u b’rispett sħiħ tal-iskadenzi; jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-PCIs għandha tkun is-sinsla għall-ilħuq tal-objettivi tal-interkonnettività tal-UE; jenfasizza l-urġenza li jiġu implimentati l-proġetti u l-inizjattivi ewlenin imniżżla fl-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-Enerġija;

113.  Jenfasizza r-rwol tal-Fond Ewropew għall-Investiment Strateġiku u s-CEF fl-appoġġ li jipprovdu għall-implimentazzjoni tal-PCI u, għaldaqstant, il-ħtieġa li jiġu diretti aktar riżorsi għall-baġit tas-CEF għall-proġetti tal-infrastruttura tal-enerġija fil-perspettiva finanzjarja li jmiss; f’dan il-kuntest jenfasizza l-importanza partikolari tal-finanzjament tal-UE għall-proġetti ta’ infrastruttura tal-enerġija tas-sigurtà tal-provvista li mhumiex vijabbli mil-lat kummerċjali qabel u wara l-2020;

114.  Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali fl-UE u fil-Komunità tal- Enerġija kollha, inkluż fil-qasam tal-ħżin tal-gass naturali u tas-sistemi intelliġenti tal-ħżin tal-elettriku, billi l-kwistjonijiet tas-sigurtà tal-enerġija jistgħu jissolvew b’mod aktar effettiv u l-enerġija tista’ tiġi prodotta, maħżuna, immaniġġjata u kkunsmata b’mod aktar razzjonali fil-livell lokalu u reġjonali; jinnota li l-Pjan ta’ Interkonnessjoni tas-Suq Baltiku tal-Enerġija, li jimmira li jintegra l-pajjiżi tar-reġjun tal-Baħar Baltiku fin-netwerks ta’ infrastruttura tal-enerġija tal-UE, huwa eżempju eċċellenti ta’ kooperazzjoni reġjonali;

115.  Jistieden lill-Kummissjoni tniedi studju li janalizza disinni ta’ swieq ġodda u kosteffiċjenti għas-suq Ewropew tal-elettriku bil-għan li jiġi żgurat li l-konsumaturi jirċievu elettriku bi prezz raġjonevoli, u biex tiġi evitata r-rilokazzjoni tal-karbonju;

116.  Jenfasizza li l-enerġija għandha ssir affordabbli għaċ-ċittadini kollha tal-UE; iqis li jekk jiġi evitat il-konsum bla bżonn billi jsiru titjib fl-effiċjenza, interkonnessjonijiet aktar b’saħħithom, integrazzjoni akbar tas-suq u investiment fl-enerġija sostenibbli, b’mod partikolari fil-bini, ħafna familji jkun jista' jkollhom aċċess b’kundizzjonijiet indaqs għal suq tal-enerġija wieħed, sostenibbli, kompetittiv u sigur u jaħarbu l-faqar enerġetiku li, fl-2012 laqat lil ċittadin wieħed minn kull erba' tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta komunikazzjoni dwar il-faqar enerġetiku fl-Ewropa, akkumpanjata minn pjan ta’ azzjoni biex tiġġilidlu u li jkun fih definizzjoni u indikaturi;

117.  Jenfasizza li l-UE għandha bażi industrijali soda fit-teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju, bħal sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u enerġija nukleari, li jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib fis-sigurtà tal-enerġija għall-UE u l-pajjiżi tal-viċinat tagħha billi titnaqqas id-dipendenza esterna fuq fornitur wieħed;

ID-DIMENSJONI ESTERNA

Diversifikazzjoni tal-provvista esterna

118.  Jenfasizza li d-dipendenza fuq fornitur wieħed tar-riżorsi tal-enerġija, flimkien man-nuqqas ta’ kompetizzjoni u l-vulnerabbiltà li jirriżultaw, jistgħu jimpedixxu t-tkabbir ekonomiku u jipperikolaw is-sigurtà fil-livell nazzjonali u f'dak tal-UE, u li, għalhekk, il-proġetti kollha għad-diversifikazzjoni tal-fornituri tal-enerġija għandhom jiġu implimentati b’mod konsistenti; jenfasizza li l-azzjonijiet għad-diversifikazzjoni tal-fornituri, tar-rotot u tas-sorsi tal-enerġija għall-UE għandhom jiġu aċċellerati, filwaqt li jitqiesu d-domanda għall-enerġija fil-ġejjieni u l-ħtieġa li dawk l-azzjonijiet ikunu akkumpanjati b'miżuri ta' tnaqqis min-naħa tad-domanda;

119.  Jenfasizza l-bżonn li tiġi indirizzata, permezz tad-diversifikazzjoni, id-dipendenza esklussiva fuq fornitur wieħed tal-fjuwil nukleari manifatturat għal 20 mill-impjanti nukleari operattivi f’ħames Stati Membri;

120.  Jenfasizza li t-tnaqqis tad-dipendenza fuq fornitur wieħed m'għandux iwassal għal żieda fid-dipendenza fuq ieħor, b'mod partikolari fir-rigward tal-gass likwidu;

121.  Jitlob koerenza akbar bejn il-politika dwar il-kummerċ u dik tal-enerġija tal-UE; iqis li l-FTAs tal-UE għandhom iwasslu għal aċċess akbar għas-suq fi prodotti u riżorsi tal-enerġija kemm ma' sħab stabbiliti fit-tul kif ukoll ma' pajjiżi sħab prospettivi ġodda f'żoni bħal, iżda mhux biss, l-Asja Ċentrali, l-Afrika ta' Fuq, u l-Amerika ta' Fuq u ta' Isfel;

122.  Jisħaq li l-kummerċ għandu rwol ewlieni fis-sigurtà tal-enerġija, u li s-sħubijiet b'saħħithom fis-settur tal-enerġija, imsaħħa bl-inklużjoni ta' kapitoli dwar l-enerġija fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE, huma għodda essenzjali; iqis li huwa ta' importanza fundamentali li dawn il-kapitoli jsaħħu d-diversifikazzjoni tal-enerġija tal-UE u jnaqqsu d-dipendenza fuq is-sorsi tal-enerġija importati minn ftit wisq fornituri, jistabbilixxu standards ta' kwalità għal prodotti tal-enerġija u standards komuni għall-produzzjoni ta' enerġija sostenibbli, u jinkoraġġixxu kemm id-diversifikazzjoni tar-rotot tal-provvista kif ukoll tal-produzzjoni lokali tal-enerġija, speċjalment minn sorsi rinnovabbli, peress li l-istrateġija dwar is-sigurtà tal-enerġija għandha tippromwovi l-użu ta' sorsi tal-enerġija domestiċi, l-effiċjenza fl-enerġija, l-interkonnessjoni u l-politiki ta' tnaqqis fil-konsum; jemmen li l-investiment dirett barrani f'assi strateġiċi tal-infrastruttura tal-enerġija fl-Unjoni jista' jkollu wkoll effetti negattivi u għandu jiġi mmonitorjat mill-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Istati Membri bl-aħjar appoġġ tekniku possibbli biex tiġi salvagwardjata l-implimentazzjoni rapida u xierqa tal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam tal-enerġija; jirrimarka li meta l-Istati Membri jkollhom bilanċ kummerċjali negattiv, dan huwa l-aktar minħabba l-ispejjeż tal-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili;

123.  Jirrimarka li l-ewwel passi fil-kooperazzjoni fl-effiċjenza tal-enerġija u t-tikkettar tal-enerġija diġà ttieħdu fil-ftehimiet kummerċjali (eż. it-tikketta Energy Star fl-Istati Uniti); jappella għal żieda f'dawn l-isforzi fil-ġejjieni;

124.  Jistieden lill-Kummissjoni żżomm l-objettiv li tinkludi kapitolu speċifiku dwar l-enerġija fis-Sħubija Trans-Atlantika dwar il-Kummerċ u l-Investiment (TTIP), billi dan ikun ta' kontribut għas-sigurtà tal-enerġija tal-UE u għall-ftuħ ta’ swieq tal-enerġija internazzjonali; f’dan ir-rigward jitlob lill-Kummissjoni tissokta fl-isforzi tagħha li ssegwi politika ta’ kummerċ ħieles rigward il-fjuwils, inkluż l-LNG u ż-żejt mhux raffinat;

125.  Iqis li l-kummerċ bejn l-UE u l-Istati Uniti fil-gass naturali likwifikat (LNG) jintegra bis-sħiħ is-suq tal-gass tal-UE fis-suq globali u jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għat-tlestija tas-suq intern tal-enerġija;

126.  Jiddeplora l-fatt li d-diskussjonijiet dwar il-modernizzazzjoni tal-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ qed jiġu blukkati fil-Kunsill, minkejja l-fatt li l-Parlament esprima appoġġ qawwi favur miżuri aktar stretti kontra l-importazzjonijiet inġusti minn pajjiżi terzi;

127.  Jenfasizza li d-diversifikazzjoni tal-enerġija tal-UE għandha tagħti prijorità lil dawk il-proġetti li jiddiversifikaw ir-rotot u s-sorsi u għandha tissodisfa r-rekwiżiti kollha tal-liġi tal-UE; jenfasizza li d-diversifikazzjoni tar-rotot għandha tkun indirizzata lejn fornituri affidabbli, u li l-ftehimiet tal-provvista għandhom, fi kwalunkwe każ, jipprevedu obbligi ċari, effettivi u faċilment applikabbli u klawżoli ta’ penali biex jiġi żgurat li l-provvista tal-enerġija ma tiġix affettwata minn avvenimenti bħal dawk politiċi; jenfasizza l-importanza u l-possibilitajiet tal-LNG f’dak li għandu x’jaqsam mas-sigurtà tal-enerġija tal-UE;

128.  Jemmen li l-enerġija m’għandhiex tintuża bħala mezz ta’ pressjoni politika fi kwalukwe kuntest ta’ kooperazzjoni internazzjonali;

129.  Jesprimi l-fehma li r-Russja ma tistax tibqa’ titqies bħala sieħeb affidabbli għaliex qed tiddubita b’mod espliċitu l-liġi tal-UE, inkluż fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, u tuża l-provvista tal-enerġija għal skopijiet politiċi; jinnota li d-diversifikazzjoni tal-provvista ttejjeb l-pożizzjoni ta’ negozjar tal-pajjiżi fil-konfront tal-fornituri esterni ta’ gass, u għalhekk jenfasizza li l-UE jeħtieġ li titgħallem mill-kriżijiet tal-enerġija mar-Russja li kellha fl-imgħoddi;

130.  Jemmen li għanda tingħata aktar attenzjoni għall-iżvilupp tal-infrastruttura tal-provvista tal-gass u ta' terminali ġodda tal-LNG, kif ukoll għal użu aktar effiċjenti tal-infrastruttura eżistenti;

131.  Jenfasizza l-benefiċċji tas-sħubija bejn in-Norveġja u l-UE fil-qasam tal-enerġija; jenfasizza l-importanza strateġika tal-Pipeline Trans-Adrijatiku (TAP) u t-tlestija tal-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar għad-diversifikazzjoni u s-sigurtà tal-enerġija tal-Ewropa, u jiddeplora l-falliment tal-proġett Nabucco; jenfasizza li kapaċitajiet addizzjonali tal-LNG fil-Lvant tal-Mediterran u l-Baħar l-Iswed jiffaċilitaw l-objettiv tal-UE li tiddiversifika l-provvista tal-gass lill-Istati Membri u l-Pajjiżi tal-Komunità tal-Enerġija fix-Xlokk tal-Ewropa; jenfasizza wkoll l-importanza li l-hubs tal-gass tal-Ewropa Ċentrali jiġu konnessi max-Xlokk tal-Ewropa permezz ta' kurituri Tramuntana-Nofsinhar;

132.  Jenfasizza li l-għażla tal-LNG għall-provvista tal-gass lill-Istati Membri tal-Lvant se tippermetti kompetizzjoni gass-fuq-gass, u tista’ tissostitwixxi l-importazzjonijiet tal-volumi tal-gass naturali taħt kuntratti indiċizzati biż-żejt b’kuntratti dwar hubs u kuntratti allinjati mal-prezzijiet tal-post;

133.  Jenfasizza li riżervi sinifikanti ta’ gass fil-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq u dawk skoperti riċentement fil-Lvant tal-Mediterran jipprovdu r-reġjun tal-Mediterran b’opportunità li jsir ċentru vitali għal netwerk ta’ pipelines għat-trasport tal-gass lejn l-Ewropa; jappella għal Hub tal-Gass tal-Mediterran b'kapaċitajiet mkabbra għall-LNG; jenfasizza li l-UE għandha tieħu vantaġġ mill-opportunitajiet li jinħolqu minn dawn ir-riżervi tal-gass sabiex isaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija tagħha;

134.  jenfasizza li, fis-sħubija dwar l-enerġija ma’ pajjiżi mhux tal-UE, irid jitqies il-progress imwettaq mill-UE;

135.  Jenfasizza li l-kumpaniji ta’ pajjiżi terzi li jipparteċipaw fil-katina kollha tal-produzzjoni tal-enerġija tal-UE u tal-Komunità tal-Enerġija, li tinkludi l-materja prima, il-ġenerazzjoni, it-trasport u d-distribuzzjoni, kif ukoll il-ħażna tal-gass, iridu jirrispettaw ir-rekwiżiti kollha tal-leġiżlazzjoni tal-UE, sabiex tiġi evitata d-distorsjoni fis-suq u jitħares is-suq intern kompetittiv u trasparenti tal-enerġija fl-interessi globali tas-sigurtà tal-enerġija; jistieden lill-Kummissjoni tassigura li dawn il-kumpaniji wkoll jaġixxu b’mod konsistenti mal-għanijiet tal-politika tal-enerġija u tal-klima tal-UE;

136.  Jirrimarka li, minkejja x-xejriet riċenti fil-prezz tal-barmil ta’ Brent, id-deindiċjar tal-prezzijiet tal-gass minn dawk taż-żejt għadu rilevanti simpliċement minħabba l-assimetrija dejjem ikbar bejn dawn iż-żewġ sorsi ta’ enerġija;

137.  Jitlob li s-setturi industrijali Ewropej iddedikati għall-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija jiġu promossi fis-swieq kollha u primarjament fis-suq Ewropew;

138.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri u lill-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija jżidu l-isforzi tagħhom lejn l-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ infrastruttura strateġiċi tad-domanda (tnaqqis) u tal-provvista tal-enerġija, filwaqt li jiżguraw li l-Parlament ikun mgħarraf; jemmen li l-infrastruttura eżistenti jeħtieġ li tikkontribwixxi għall-integrazzjoni reġjonali;

139.  Jenfasizza li l-proġetti ta' infrastruttura relatati mas-sigurtà tal-enerġija jridu jirrispettaw bis-sħiħ ir-rieda demokratika u l-parteċipazzjoni tal-komunitajiet lokali affettwati minn l-ippjanar u l-kostruzzjoni;

Koordinazzjoni u vuċi waħda

140.  Jafferma l-prinċipju globali ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri kollha; jenfasizza li s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija hija kwistjoni ta’ azzjoni kollettiva u tikkonċerna l-Istati Membri kollha, minkejja skali differenti ta’ vulnerabbiltà għax-xokkijiet fil-provvista; jenfasizza li l-ebda Stat Membru ma għandu, b’azzjoni jew nuqqas ta’ azzjoni tiegħu, jipperikola s-sigurtà ta’ Stat Membru ieħor jew tal-UE kollha; iqis li, tal-inqas, jeħtieġ li bejn l-Istati Membri jkun hemm komunikazzjoni, konsultazzjoni u kooperazzjoni mtejba;

141.  Itenni li l-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija għandha tkun ibbażata fuq il-valuri fundamentali tal-UE, bħar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, u għandha tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku u soċjali fil-pajjiżi sħab, kif ukoll il-qerda tal-faqar enerġetiku; jistieden lill-atturi kollha tal-politika esterna tal-UE jippromwovu l-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika fil-kuntatti kollha mal-pajjiżi terzi u jappoġġaw l-isforzi internazzjonali għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kummissjoni jiżguraw li jkun hemm superviżjoni stretta tal-infrastruttura nukleari fl-UE minn entitajiet li mhumiex tal-UE, u jissorveljaw mill-qrib l-istandards ta' sigurtà nukleari fil-viċinat tal-UE, kif ukoll il-ġestjoni tal-iskart nukleari ġġenerat fl-Ewropa, bħala sfida potenzjali għall-politika esterna;

142.  Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni b’mod attiv mas-sħab tal-UE u li jiġi rikonoxxut ir-rwol importanti tal-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tal-enerġija, u b’mod speċjali tas-sigurtà tal-enerġija; f’dan ir-rigward jenfasizza li l-ftehimiet intergovernattivi kollha jridu jkunu bbażati fuq il-prinċipju tar-rispett reċiproku mal-pajjiżi terzi involuti;

143.  Jenfasizza li s-sigurtà tal-enerġija hija marbuta mill-qrib ma’ kwistjonijiet ta’ ġeopolitika u ta’ politika tas-sigurtà, u li l-miżuri kollha tas-sigurtà tal-enerġija għandhom jittieħdu f’dan il-kuntest usa’ u għandhom jgħinu fit-tnaqqis tad-dipendenza tal-UE fuq sorsi esterni tal-enerġija;

144.  Jitlob li ssir evalwazzjoni tal-ambitu, tal-valur u tal-modalitajiet tal-istabbiliment ta’ riservi starteġiċi komuni tal-gass u taż-żieda sinifikanti tal-kapaċità tal-fluss lura sabiex jiġu ttrattati x-xokkijiet tal-provvista u d-domanda u jiġi żgurat li l-gass jista’ jintbagħat b’mod effettiv lejn il-post fejn ikun meħtieġ fl-eventwalità ta kriżi, b’enfasi partikolari fuq is-solidarjetà bejn l-Istati Membri; fil-formulazzjoni ta’ dawn il-proposti, ir-riżultati tat-testijiet kurrenti tal-istress tal-enerġija għandhom jiġu kkunsidrati;

145.  Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tiżgura li l-politika esterna u tas-sigurtà u d-difiża komuni tal-UE tkun konsistenti u koerenti b'mod ġenerali mal-politika tagħha dwar l-enerġija; f’dan il-kuntest, jemmen li hemm ħtieġa ta' koordinazzjoni mill-qrib permezz tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Parlament;

146.  Jenfasizza li l-Komunità tal-Enerġija għandha tkun strument effettiv sabiex tissaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija pan-Ewropea; jenfasizza li l-mekkaniżmu tagħha ta’ infurzar u l-istabbiliment istituzzjonali għandhom jissaħħu aktar sabiex jissaħħu t-trasparenza, id-demokrazija u l-istabbiltà tal-investiment; jemmen li l-Komunità tal-Enerġija tista’ tkun utli għal skopijiet ta’ assoċjazzjoni ta’ pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali mal-mekkaniżmi ta’ solidarjetà tal-UE; jenfasizza li dan għandu jirriżulta f’politika tal-viċinat Ewropea dwar l-enerġija kkonsolidata aħjar;

147.  Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-kapaċitajiet u l-kompetenzi tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija u biex janalizzaw bir-reqqa l-proposti tal-Grupp ta’ Riflessjoni ta’ Livell Għoli għar-riforma tal-Komunità tal-Enerġija u jaġixxu fuqhom sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni rapida u effiċjenti tal-acquis tal-enerġija tal-UE fil-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija; jenfasizza l-ħtieġa li tingħata spinta lis-sigurtà tal-enerġija mhux biss tal-UE, iżda tal-Ewropa kollha; jenfasizza li l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għandhom potenzjal enormi f’sorsi tal-enerġija rinnovabbli u jitlob l-inklużjoni tagħhom fil-Komunità tal-Enerġija u fis-suq komuni tal-enerġija;

148.  Jenfasizza li l-isfida tas-sigurtà tal-enerġija hija li jittaffew l-inċertezzi li jwasslu għal tensjonijiet bejn il-pajjiżi u li jitnaqqsu l-ineffiċjenzi tas-suq li jġibu fix-xejn il-benefiċċji tan-negozju; għalhekk jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi strutturi ta' governanza demokratika globali għall-materja prima u regoli internazzjonali għall-kummerċ fl-enerġija, sabiex jonqsu t-tensjonijiet internazzjonali u tissaħħaħ l-istabbiltà legali f'dan il-qasam u jiġi appoġġat it-twettiq ta' suq tal-enerġija globali ġust li jġib benefiċċji kummerċjali lill-parteċipanti kollha tiegħu, b'enfasi fuq l-għażliet ta' dħul diċenti għal dawk il-pajjiżi li għandhom ħafna riżorsi ġewwa l-UE u lil hinn minnha, li jappoġġaw l-istrateġiji rispettivi tagħhom ta' żvilupp ekonomiku u tal-eradikazzjoni tal-faqar; jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni eqreb fil-qasam tal-enerġija mal-pajjiżi tal-Viċinat Ewropew;

149.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu aħjar mill-Faċilità ta’ Investiment tal-Viċinat u tikkofinanzja investimenti f’miżuri ta’ effiċjenza enerġetika u proġetti RES;

150.  Jirrikonoxxi l-valur tas-Sħubija għall-Ambjent u l-Effiċjenza tal-Enerġija fl-Ewropa tal-Lvant - E5B, bħala fond minn bosta donaturi amministrat mill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp biex jiffaċilita l-investimenti fl-effiċjenza enerġetika u t-tnaqqis tal-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju f’pajjiżi sħab Ewropej tal-Lvant;

151.  Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-istruttura potenzjali u l-adegwatezza ta’ mekkaniżmu tax-xiri kollettiv u l-impatt tiegħu fuq il-funzjonament tas-suq intern tal-gass, l-impriżi affettwati u l-kontribut tiegħu sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-gass; jinnota li peress li hemm diversi mudelli ta’ mekkaniżmi tax-xiri kollettiv, jeħtieġ li ssir aktar ħidma biex jiġi determinat l-aħjar mudell ibbażat fuq is-suq applikabbli għar-reġjuni tal-UE u l-fornituri kkonċernati, u l-kundizzjonijiet eċċezzjonali meta jingħata bidu għall-mekkaniżmu tax-xiri kollettiv;

152.  Huwa tal-fehma li l-kundizzjoni ewlenija għall-ħolqien tal-Unjoni tal-Enerġija Ewropea futura hija t-tlestija ta’ suq intern tal-enerġija integrat tal-UE, li jeħtieġ implimentazzjoni sħiħa tat-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija li jiġbor fih kemm l-immaniġġjar tad-domanda tal-enerġija kif ukoll l-ottimazzjoni tas-sistema tal-provvista tal-enerġija, l-iżvilupp ta' infrastruttura tal-enerġija u interkonnessjonijiet tal-enerġija intelliġenti, u l-eżistenza ta’ dimensjoni esterna b’saħħitha għal politika tal-enerġija tal-UE bbażata fuq il-koordinazzjoni mill-qrib tal-pożizzjonijiet u li nitkellmu b’vuċi waħda mal-pajjiżi terzi;

153.  Jirrikonoxxi li t-Trattat ta’ Lisbona jinkludi politiki li jimmitigaw it-tibdil fil-klima u jippromwovu l-effiċjenza enerġetika u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji rinnovabbli bħala element bażiku tal-Unjoni Ewropa; jemmen li l-iżvilupp tal-objettivi tal-enerġija għall-2020 u l-2030 jirrifletti l-ħtieġa li jiġi indirizzat l-Artikolu 194 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, għaldaqstant, irid jiġi rrispettat fi kwalunkwe ftehim bilaterali konkluż mill-Kummissjoni;

154.  Jirrimarka li l-prinċipju tar-reċiproċità għandu jkollu rwol sinifikanti fil-ftehimiet dwar l-enerġija ma’ pajjiżi terzi, fejn l-istandards tal-kwalità u l-konformità ma’ oqfsa regolatorji jridu jkunu ggarantiti;

155.  Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kapaċità tal-UE li titkellem b’vuċi waħda sabiex titħaddem diplomazija tal-enerġija aktar koerenti fil-pajjiżi sħab u kif ukoll fil-fora multilaterali; jinnota, f’dan ir-rigward, li l-parteċipazzjoni obbligatorja tal-Kummissjoni bħala osservatur fin-negozjati għal ftehimiet intergovernattivi, kif ukoll l-evalwazzjoni ex ante u ex post tal-ftehimiet innegozjati, għandha tkun meħtieġa sabiex tiġi minimizzata l-possibbiltà tan-non-konformità mal-liġi tal-UE;

156.  Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-kooperazzjoni tagħhom fil-mekkaniżmu għall-iskambju ta' informazzjoni fir-rigward tal-ftehimiet intergovernattivi (IGAs) ma' pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija, biex iżidu t-trasparenza u jsaħħu s-setgħat tagħhom ta' negozjar fil-konfront ta' pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa b'ħeffa proposta għal evalwazzjonijiet ex ante obbligatorji tal-IGAs fir-rigward tal-impatt tagħhom fuq is-suq intern tal-enerġija tal-UE u l-kompatibbiltà tagħhom mal-liġi tal-UE; jistieden lill-Istati Membri jitolbu l-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni fin-negozjati ta' ftehimiet dwar l-enerġija ma' pajjiżi mhux tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa mudell għall-ftehimiet tal-enerġija ma' pajjiżi terzi li jinkludu klawsoli rilevanti għall-interessi tal-Unjoni; jitlob, fl-interess tal-promozzjoni tad-demokrazija u t-trasparenza, li l-Parlament jinżamm infurmat mill-Kummissjoni fuq bażi regolari dwar il-ftehimiet dwar l-enerġija bejn l-UE u pajjiżi terzi; jemmen li għandha tingħata kunsiderazzjoni għall-possibbiltà li, jekk Stati Membri jkunu jixtiequ, jistabbilixxu mekkaniżmu ta' xiri kollettiv għas-sorsi tal-enerġija fil-ġejjieni;

157.  Jaqbel bis-sħiħ mal-Kunsill Ewropew li għandha tiġi proposta fl-2015 u żviluppata sistema ta’ governanza affidabbli, demokratika u trasparenti, li tevita burokrazija ulterjuri u żejda, biex tgħin sabiex tiżgura li l-UE tilħaq il-miri tal-politika tal-enerġija tagħha, bil-flessibbiltà meħtieġa għall-Istati Membri u abbażi tar-rispett sħiħ lejn il-libertà tagħhom li jagħżlu t-taħlita tal-enerġija tagħhom; jenfasizza li l-Parlament għandu jkollu rwol b'saħħtu u proattiv fir-rigward tal-iżvilupp, l-implimentazzjoni u r-reviżjoni tas-sistemi ta’ governanza tal-Unjoni tal-Enerġija;

158.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja, bħala kwistjoni ta’ urġenza, it-tlestija tal-Unjoni tal-Enerġija Ewropea f’termini kemm tad-domanda għall-enerġija kif ukoll tal-provvista tal-enerġija, fir-rigward tat-tnaqqis tal-ħela tal-enerġija, ir-relazzjonijiet tal-enerġija esterni diversifikati u siguri, u ta’ Suq Intern tal-Enerġija li jiffunzjona tajjeb u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi; jistieden lill-Istati Membri u l-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija juru rieda politika b'saħħitha biex jiksbu l-miri tal-Unjoni tal-Enerġija;

159.  Jenfasizza li għandha tiġi żgurata reviżjoni regolari tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-Enerġija, u li l-valutazzjoni ta’ progress annwali tal-Istrateġija trid titwettaq wara li jitqiesu l-isfidi rilevanti għas-sigurtà tal-enerġija; jistieden lill-Kummissjoni tissottometti rapporti annwali dwar l-istat attwali tal-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-Enerġija;

160.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti dwar l-infrastruttura kritika, inkluża l-protezzjoni fiżika tal-enerġija;

161.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija u lill-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija.

NOTA SPJEGATTIVA

Introduzzjoni

It-tifqigħa tal-kriżi fl-Ukraina fakkret lill-Unjoni Ewropea dwar l-importanza tas-sigurtà tal-enerġija u r-rwol kruċjali tagħha biex tikkonferma l-pożizzjoni politika u ekonomika b’saħħitha tal-Ewropa. Il-vulnerabbiltà tas-suq tal-enerġija fil-kuntest ġeopolitiku għamlet il-politika tal-enerġija waħda mill-prijoritajiet strateġiċi tal-affarijiet barranin. Għalhekk, l-Unjoni Ewropea teħtieġ li tiżviluppa politika tal-enerġija bbażata fuq il-koordinazzjoni mill-qrib ta’ pożizzjonijiet u titkellem b’vuċi waħda.

Il-Kummissjoni Ewropea semmiet l-isfidi ewlenin fis-settur tal-enerġija fil-Komunikazzjoni tagħha dwar Strateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-Enerġija u issa hemm ħtieġa ta’ impuls politiku mill-Parlament Ewropew biex jispjega l-qafas għal sigurtà tal-enerġija mtejba. Ir-rapport attwali se jindirizza wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Effiċjenza fl-enerġija u l-kontribut tagħha għas-sigurtà tal-enerġija u l-qafas għall-politika tal-klima u l-enerġija tal-2030, il-Komunikazzjoni dwar il-Progress lejn it-tlestija tas-suq intern tal-enerġija u l-Komunikazzjoni dwar ir-reżiljenza tas-sistema Ewropea tal-gass f’terminu qasir. Dawn id-dokumenti kollha jirriflettu s-sitwazzjoni attwali fis-suq tal-enerġija tal-UE.

Minkejja li kien hemm progress sinifikanti lejn it-tisħiħ tas-sigurtà tal-enerġija tal-UE matul dawn l-aħħar snin, l-UE għadha qed tiffaċċja numru ta’ sfidi bħall-instabbiltà fir-reġjuni li jwasslu l-enerġija, suq intern frammentat u t-tibdil fil-klima. L-UE timporta 53 % tal-konsum totali tal-enerġija tagħha u ħafna Stati Membri għadhom dipendenti fuq sors estern wieħed ta’ provvista li jimpedixxi t-tkabbir ekonomiku tal-Ewropa u jipperikola s-sigurtà nazzjonali u tal-UE.

Ir-Rapporteur jipperċepixxi l-istrateġija mhux bħala pjan ta’ azzjoni għal żmien qasir, iżda bħala strateġija fit-tul li tidentifika għanijiet strateġiċi relatati mas-sigurtà tal-enerġija tal-Ewropa. Għalhekk ir-rapport jinkludi azzjonijiet għad-domanda moderata tal-enerġija, azzjonijiet biex tiżdied il-produzzjoni tal-enerġija indiġena u sabiex jiġu żviluppati teknoloġiji ta’ enerġija, azzjonijiet ulterjuri biex jinbena suq intern tal-enerġija integrat b’mod sħiħ u li jiffunzjona tajjeb kif ukoll mekkaniżmi ta’ solidarjetà u koordinazzjoni.

Unjoni tal-Enerġija Ewropea għas-Sigurtà tal-Enerġija Ewropea

Hekk kif il-Kummissjoni l-ġdida ħadet postha, qed jitfaċċa l-kunċett ġdid tal-Unjoni tal-Enerġija u jeħtieġ li dan jiġi ċċarat u żviluppat. Il-portafoll il-ġdid tal-Viċi President dwar l-Unjoni tal-Enerġija ġie stabbilit sabiex jenfasizza l-ħtieġa ta’ politika komuni tal-enerġija. Il-Parlament Ewropew għandu jitqies bħala intermedjarju biex jiddefinixxi l-passi lejn il-ħolqien ta’ Unjoni tal-Enerġija. Ir-Rapporteur jemmen li l-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-Enerġija għandha tkun parti integrali mill-kunċett usa' emerġenti tal-Unjoni tal-Enerġija u tinkoraġġixxi lill-Kummissjoni l-ġdida biex tkompli taħdem f’din id-direzzjoni.

Minbarra s-sigurtà tal-provvista, l-Unjoni tal-Enerġija għandha tiġi żviluppata fuq approċċ komprensiv li jiffoka fuq il-pilastri ewlenin bħat-tlestija ta’ suq intern tal-enerġija integrat b’mod sħiħ, il-moderazzjoni tad-domanda għall-enerġija, id-dekarbonizzazzjoni tat-taħlit tal-enerġija, u r-riċerka u l-innovazzjoni. Il-politika tal-enerġija bbażata fuq il-koordinazzjoni mill-qrib ta’ pożizzjonijiet u li nitkellmu b’vuċi waħda ma’ pajjiżi terzi hija l-bażi għall-eżistenza tal-Unjoni tal-Enerġija, għalhekk ix-xiri kollettiv tal-gass għandu jiġi kkunsidrat.

Il-moderazzjoni tad-domanda għall-enerġija

Il-moderazzjoni tad-domanda għall-enerġija permezz tal-effiċjenza fl-enerġija hija kruċjali għas-sigurtà, il-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-enerġija tal-UE. L-effiċjenza fl-enerġija taffettwa b’mod pożittiv oqsma bħall-provvista tal-enerġija, il-faqar enerġetiku, il-prezzijiet tal-enerġija, il-produttività industrijali, l-impjiegi u l-immaniġġjar tar-riżorsi. Madankollu, minkejja dan il-potenzjal enormi, l-Unjoni Ewropea għadha mhijiex fi triqtha biex tilħaq l-impenn tagħha li tiffranka 20 % tal-enerġija sal-2020. Għalhekk, l-UE għandha tħaffef il-pass tal-isforzi biex ittejjeb b’mod sinifikanti l-effiċjenza fl-enerġija wara l-2020 peress li l-istrumenti eżistenti mhumiex biżżejjed.

L-awtoritajiet lokali ta’ bliet Ewropej jistgħu jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-effiċjenza fl-enerġija permezz tal-koġenerazzjoni, il-modernizzazzjoni tas-sistemi ta’ tisħin distrettwali, iż-żieda fl-użu ta' trasport pubbliku nadif, l-inkoraġġiment ta’ mudelli tal-ivvjaġġar aktar attivi u r-rinnovazzjoni tal-bini.

Iż-żieda tal-produzzjoni tal-enerġija indiġena u l-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-enerġija

Sabiex titnaqqas id-dipendenza tal-enerġija, l-UE għandha żżid il-produzzjoni tal-enerġija indiġena tagħha u tiżviluppa teknoloġiji tal-enerġija. Fir-rapport qed jiġi enfasizzat li strateġija fit-tul hija neċessarja biex jiġu żviluppati sorsi tal-enerġija indiġeni fl-Unjoni Ewropea. L-UE għandha tikkunsidra l-iżvilupp ta’ kwalunkwe sors tal-enerġija li jista’ jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-enerġija tal-UE. Teknoloġiji ġodda tal-enerġija jistgħu jgħinu biex titnaqqas id-dipendenza tal-enerġija, jiġu ddiversifikati u kkonsolidati l-għażliet tal-provvista, tiġi ottimizzata l-infrastruttura tan-netwerk tal-enerġija u tiżdied l-effiċjenza tal-konsum tal-enerġija.

Suq Intern tal-Enerġija li jaħdem tajjeb

Suq intern tal-enerġija li jaħdem tajjeb jiżgura l-parteċipazzjoni ta’ fornituri differenti tal-enerġija li jistgħu joffru servizzi affidabbli bi prezzijiet aktar baxxi. L-Ewropa tinsab għaddejja tajjeb lejn it-tlestija tas-suq intern tal-enerġija. Madankollu, jinħtieġu sforzi ulterjuri biex jiġi żviluppati interkonnessjonijiet u jitneħħew il-konġestjonijiet biex jiġu żgurati swieq reġjonali kompetittivi u integrati sew tal-enerġija. Ir-Rapporteur jilqa’ l-opinjoni tal-Kunsill Ewropew li għandha tingħata prijorità biex tissolva l-problema ta’ interkonnessjonijiet inadegwati ta’ Stati Membri man-netwerks Ewropej tal-gass u tal-elettriku u biex jiġi żgurat tħaddim sinkroniku tal-Istati Membri fin-Netwerks Kontinentali Ewropej. Dan jgħin biex tintlaħaq il-mira ta’ 15 % tal-livell minimu ta’ interkonnessjoni bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, hemm ħtieġa urġenti għall-implimentazzjoni u l-applikazzjoni effettivi u konsistenti tad-dispożizzjonijiet stipulati fit-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija.

Dimensjoni esterna tal-politika tal-UE tal-enerġija

Fir-rigward tas-sitwazzjoni ġeopolitika attwali, ir-Russja ma tistax tibqa' meqjusa bħala sieħeb affidabbli billi qed tiddubita b’mod espliċitu l-liġi tal-UE u tuża’ l-enerġija għal skopijiet politiċi. Għalhekk huwa ferm meħtieġ li jiġu ddiversifikati r-rotot u s-sorsi tal-enerġija u b’mod speċjali biex jiġi żgurat li r-rotot huma indirizzati lejn fornituri affidabbli.

Peress li l-integrazzjoni reġjonali hija element ewlieni għas-sigurtà tal-enerġija, l-UE trid iżżid l-isforzi tagħha lejn l-implimentazzjoni ta’ proġetti tal-infrastruttura tal-enerġija strateġiċi.

Billi jenfasizza l-prinċipju tas-solidarjetà, ir-Rapporteur jenfasizza li s-sigurtà tal-enerġija hija kwistjoni ta’ azzjoni kollettiva. L-Istati Membri għandhom jiżguraw it-trasparenza fin-negozjati u jadottaw pożizzjoni komuni lejn fornituri barranin. Kif irrapportat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reżiljenza tas-sistema Ewropea tal-gass f’terminu qasir, l-istrateġiji ta’ forniment tal-Istati Membri bħalissa huma unilaterali fin-natura u mhux ikkoordinati biżżejjed. F’dan ir-rigward il-Parlament jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-mekkaniżmi potenzjali għax-xiri kollettiv tal-gass.

L-importanza tal-Komunità tal-Enerġija għandha tiġi enfasizzata wkoll f’dan ir-rigward. Bl-implimentazzjoni tal-acquis tal-enerġija tal-UE, il-Komunità tal-Enerġija tista’ tkun strument effettiv biex tiżdied is-sigurtà tal-enerġija pan-Ewropea. Huwa importanti li tingħata spinta lis-sigurtà tal-enerġija mhux biss tal-UE, iżda tal-Ewropa kollha billi dan jista’ jwassal għal politika tal-viċinat Ewropea dwar l-enerġija iżjed ikkonsolidata.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (24.3.2015)

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

dwar l-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-Enerġija
(2014/2153(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Arne Lietz

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jenfasizza li politika koerenti dwar l-enerġija għandha tkun parti integrali mill-politika esterna ġenerali tal-UE, u li hemm bżonn ta' aktar sforzi u sinerġiji aħjar biex l-objettivi fil-qasam tal-enerġija jkunu konformi ma' politika barranija kredibbli; ifakkar li kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija hija pedament tal-integrazzjoni Ewropea; jenfasizza li s-sigurtà tal-enerġija tikkonċerna lill-UE kollha minkejja l-gradi varji ta' vulnerabbiltà ta' wħud mill-Istati Membri; jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jikkoordinaw mill-qrib l-għodod u l-istrumenti rilevanti tal-politika barranija tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet tal-UE;

2.  Iqis li, minħabba d-dipendenza kbira tal-UE mill-importazzjoni tal-enerġija u d-dominanza attwali ta' fornitur tal-gass uniku, jeħtieġ li jiġu diversifikati b'mod urġenti s-sorsi tal-provvista u r-rotot tal-enerġija, u tissaħħaħ il-kapaċità tal-UE li tirrispondi b'mod effikaċi għall-kriżijiet potenzjali tal-provvista tal-gass, u li tilqa' għall-pressjoni minn pajjiżi terzi f'każ li l-enerġija tintuża bħala għodda politika; jissottolinja l-importanza kruċjali li tissaħħaħ b'mod radikali s-sigurtà tal-enerġija tal-UE billi titnaqqas id-dipendenza mir-Russja u tiżdied ir-reżiljenza tal-UE għall-pressjoni esterna; jemmen li, f'dan il-kuntest, huwa neċessarju li jiġi żgurat appoġġ amministrattiv u finanzjarju akbar għall-proġetti infrastrutturali tal-provvista tal-enerġija eżistenti u alternattivi, inkluż il-ħolqien ta' rotot ta' provvista ġodda mir-reġjun Kaspju, mil-Lvant Nofsani, mill-Mediterran u mill-pajjiżi mill-Asja Ċentrali;

3.  Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni sabiex tibni Unjoni tal-Enerġija, u jappella biex din tiġi implimentata malajr; ifakkar li Unjoni tal-Enerġija vera u proprja tista' tinkiseb biss billi l-enerġija u l-politika esterna jimxu id f'id; jenfasizza, b'mod partikolari, il-ħtieġa li l-UE u l-Istati Membri jiżviluppaw politika enerġetika komuni, ibbażata fuq is-solidarjetà sabiex jitkellmu b'vuċi waħda u jaġixxu b'mod konġunt fil-livell internazzjonali, u li jiżviluppaw diplomazija tal-enerġija koerenti; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-għażliet għall-mekkaniżmi volontarji tal-aggregazzjoni tad-domanda li jistgħu jkabbru s-saħħa tal-UE fin-negozjar; jistieden lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid id-deċiżjoni dwar it-twaqqif ta' mekkaniżmu ta' skambju ta' informazzjoni għall-ftehimiet intergovernattivi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija, sabiex issaħħaħ id-dispożizzjonijiet tiegħu u tiżgura l-kompatibbiltà mal-leġiżlazzjoni tas-suq intern tal-enerġija u għal rwol msaħħaħ tal-Kummissjoni;

4.  Jappella għal enfasi qawwija fuq is-sigurtà tal-enerġija fil-Politika tat-Tkabbir, kif ukoll fir-rieżami li għaddej tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV); jenfasizza, barra minn hekk, li l-Komunità tal-Enerġija għandha tintuża bħala strument sabiex tirriforma u tintegra aktar mill-qrib il-viċinat tagħna fis-suq tal-enerġija tal-UE; iqis li l-ħolqien ta' spazju ġuridiku komuni bbażat fuq prinċipji u normi relatati mal-acquis tas-suq intern tal-enerġija jsaħħaħ is-sigurtà tal-provvista u t-tranżitu tal-enerġija; iqis li proġetti tal-pipelines fil-viċinat tagħna jeħtieġ li jsirilhom rieżami kritiku u li jsegwu approċċ strateġiku li jqisu bis-sħiħ is-sitwazzjoni politika attwali;

5.  Itenni li l-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija għandha tkun ibbażata fuq il-valuri fundamentali tal-UE, bħar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, u għandha tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku u soċjali fil-pajjiżi sħab, kif ukoll il-qerda tal-faqar enerġetiku; jistieden lill-atturi kollha tal-politika esterna tal-UE jippromwovu l-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika fil-kuntatti kollha ma' pajjiżi terzi u jappoġġaw l-isforzi internazzjonali għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kummissjoni jiżguraw superviżjoni stretta tal-infrastruttura nukleari fl-UE minn entitajiet li mhumiex tal-UE, u jissorveljaw mill-qrib l-istandards ta' sigurtà nukleari fil-viċinat tal-UE, kif ukoll il-ġestjoni tal-iskart nukleari ġġenerat fl-Ewropa, bħala sfida potenzjali għall-politika esterna;

6.  Huwa mħasseb bit-twissijiet rikorrenti mir-Russja li l-provvista tal-gass lill-Ukraina se tiġi sospiża, u jistieden lill-partijiet kollha tal-ftehim li kien innegozjat mill-ex Kummissarju għall-Enerġija, Günther Oettinger, jaslu għal soluzzjoni aċċettabbli;

7.  Jenfasizza l-fatt li sabiex l-UE żżid is-sigurtà tal-provvista, id-dipendenza tagħha mill-importazzjoni għandha tonqos permezz ta' tranżizzjoni għal ekonomija sostenibbli u dekarbonizzata, ibbażata fuq l-implimentazzjoni ta' objettivi vinkolanti li jżidu kemm l-effiċjenza kif ukoll il-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, u bil-ħolqien ta' infrastruttura intelliġenti, moderna u konnessa; jappella, f'dan il-kuntest, għall-isfruttament sħiħ tal-kapaċitajiet eżistenti ta' interkonnettur u għat-twettiq ta' infrastrutturi ġodda bejn l-Istati Membri, u jisħaq fuq l-importanza tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) fit-tnaqqis tal-frammentazzjoni tas-suq tal-enerġija tal-UE; jappella, f'dan ir-rigward, għal sinkronizzazzjoni mingħajr dewmien tas-sistemi tal-elettriku tal-istati Balkani man-Netwerks Kontinentali Ewropej.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

23.3.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

39

9

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Lars Adaktusson, Michèle Alliot-Marie, Petras Auštrevičius, Klaus Buchner, James Carver, Fabio Massimo Castaldo, Lorenzo Cesa, Aymeric Chauprade, Arnaud Danjean, Mark Demesmaeker, Anna Elżbieta Fotyga, Eugen Freund, Tunne Kelam, Afzal Khan, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Arne Lietz, Barbara Lochbihler, Ulrike Lunacek, Andrejs Mamikins, Ramona Nicole Mănescu, David McAllister, Tamás Meszerics, Francisco José Millán Mon, Ioan Mircea Pașcu, Alojz Peterle, Tonino Picula, Kati Piri, Andrej Plenković, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Sofia Sakorafa, Charles Tannock, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Zigmantas Balčytis, Reinhard Bütikofer, Liisa Jaakonsaari, Marek Jurek, Gabrielius Landsbergis, Antonio López-Istúriz White, Marietje Schaake, Helmut Scholz, Traian Ungureanu

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

José Blanco López, Jude Kirton-Darling, Susanne Melior, Maria Noichl, Gabriele Preuß, Ricardo Serrão Santos

OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (16.4.2015)

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

dwar l-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-Enerġija
(2014/2153(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Helmut Scholz

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Ifakkar li biex jintlaħqu l-isfidi ta' Strateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-Enerġija, kif ukoll biex jimplimentaw l-objettivi tagħha tal-enerġija u tal-bidla fil-klima fil-kuntest ta' restrizzjonijiet globali f'dawk l-oqsma ta' politika, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għandhom, fuq il-bażi tal-oqfsa legali eżistenti, jieħdu wkoll azzjoni komuni fuq livell internazzjonali, billi jżidu s-sigurtà tal-enerġija u l-kwistjonijiet ta' sostenibilità fil-fora internazzjonali tal-kummerċ, inklużi modi kif jiġi indirizzat id-dumping ambjentali minn partijiet terzi li jinjoraw l-impenji internazzjonali tagħhom; jenfasizza li l-moderazzjoni tad-domanda tal-enerġija u l-promozzjoni tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli lokali huma fost l-aktar għodod effettivi biex titnaqqas id-dipendenza fuq l-enerġija esterna u biex jinkisbu l-objettivi tal-klima; jenfasizza li l-promozzjoni tal-edukazzjoni dwar l-enerġija tista' sservi l-għan tat-tnaqqis tat-tniġġis u t-titjib tax-xejriet tal-konsum;

2.  Itenni li l-enerġija hija ħtieġa bażika tal-bniedem u hija essenzjali għall-attività ekonomika tal-bniedem u hija partikolarment importanti għall-kompetittività tal-industrija u setturi ekonomiċi oħra; jinsisti, għalhekk, li l-istrateġija ta' sigurtà tal-enerġija tal-UE għandha tiżgura aċċess bi prezz li jista' jintlaħaq, sostenibbli, stabbli, sigur u prevedibbli għall-enerġija kemm għaċ-ċittadini kif ukooll għall-impriżi u għandha ssaħħaħ il-kontroll pubbliku kif ukoll ir-regolamentazzjoni u l-ekwità fil-qasam tal-kompetizzjoni, sabiex l-enfasi ssir fuq il-kwistjoni tal-faqar enerġetiku u tippromwovi miżuri biex tiġi indirizzata din il-problema, li tikkonċerna numru kbir ta' ċittadini tal-UE (skont ir-rapporti tal-Eurostat dwar id-dħul u l-kundizzjonijiet tal-għajxien) u fid-dinja li qed tiżviluppa (kif irrappurtat mill-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (AIE)); jenfasizza li l-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet li jikkonċerna proġetti tal-infrastruttura tal-enerġija għandu jinvolvi lill-komunitajiet lokali kollha affettwati direttament; jirrimarka li l-istrateġija tas-sigurtà tal-enerġija tal-Unjoni għandha tkun element essenzjali ta' strateġija inklużiva tal-Unjoni għal tkabbir ekonomiku;

3.  Jitlob koerenza akbar bejn il-politika dwar il-kummerċ u dik tal-enerġija tal-UE; iqis li l-FTAs tal-UE għandhom iwasslu għal aċċess ikbar għas-suq fi prodotti u riżorsi tal-enerġija kemm ma' sħab stabbiliti fit-tul kif ukoll ma' pajjiżi sħab prospettivi ġodda f'żoni bħal, iżda mhux biss, l-Asja Ċentrali, l-Afrika ta' Fuq, u l-Amerika ta' Fuq u ta' Isfel;

4.  Jisħaq li l-kummerċ għandu rwol ewlieni fis-sigurtà tal-enerġija, u li s-sħubijiet b'saħħithom fis-settur tal-enerġija, imsaħħa bl-inklużi ta' kapitoli dwar l-enerġija fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE, huma għodda essenzjali; iqis li huwa ta' importanza fundamentali li dawn il-kapitoli jsaħħu d-diversifikazzjoni tal-enerġija tal-UE u jnaqqsu d-dipendenza fuq is-sorsi tal-enerġija importati minn ftit wisq fornituri, jistabbilixxu standards ta' kwalità għal prodotti tal-enerġija u standards komuni għall-produzzjoni ta' enerġija sostenibbli, u jinkoraġġixxu kemm id-diversifikazzjoni tar-rotot tal-provvista kif ukoll il-produzzjoni lokali tal-enerġija, speċjalment minn sorsi rinnovabbli, peress li l-istrateġija dwar is-sigurtà tal-enerġija għandha tippromwovi l-użu ta' sorsi ta' enerġija domestiċi, l-effiċjenza fl-enerġija, l-interkonnessjoni u l-politiki ta' tnaqqis fil-konsum; jemmen li l-investiment dirett barrani f'assi strateġiċi tal-infrastruttura tal-enerġija fl-Unjoni jista' jkollu wkoll effetti negattivi u għandu jiġi mmonitorjat mill-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi lill-Istati Membri bl-aħjar appoġġ tekniku possibbli biex tiġi salvagwardjata l-implimentazzjoni rapida u xierqa tal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam tal-enerġija; jirrimarka li meta l-Istati Membri tal-UE jkollhom bilanċ kummerċjali negattiv, dan huwa l-aktar minħabba l-ispejjeż tal-importazzjonijiet ta' karburanti fossili;

5.  Jistenna, minħabba l-interess leġittimu tal-UE fit-tisħiħ tas-sigurtà tal-enerġija tagħha, li kwistjonijiet ewlenin bħalma huma l-kummerċ fir-riżorsi tal-enerġija, inklużi ż-żejt u l-gass naturali, jiġu inklużi fin-negozjati tas-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment;

6.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' koordinazzjoni b'saħħitha tal-politika Ewropea tal-kummerċ ma' dawk tal-Enerġija, tal-politika barranija u tal-PSDK bil-għan li jiġu żgurati l-effettività tal-Istrateġija Ewropea dwar l-Enerġija u koerenza aħjar fl-azzjoni esterna tagħna;

7.  Jirrimarka li l-ewwel passi f'kooperazzjoni fl-effiċjenza tal-enerġija u t-tikkettar tal-enerġija diġà ttieħdu fil-ftehimiet kummerċjali (eż. it-tikketta ENERGY STAR fl-Istati Uniti); jappella għal żieda f'dawn l-isforzi fil-ġejjieni;

8.  Jenfasizza li d-dipendenza għolja u mhux diversifikata fuq l-importazzjonijiet tal-gass tista' titnaqqas permezz ta' appoġġ tal-koġenerazzjoni deċentralizzata tas-sħana u l-enerġija fil-Komunità, li ssaħħaħ il-ktajjen ta' valur f'reġjuni differenti tal-UE;

9.  Ifakkar li l-konklużjoni ta' ftehimiet kummerċjali ma' pajjiżi terzi għandhom jibqgħu konsistenti mal-politika interna tal-UE;

10. Jenfasizza li t-tnaqqis tad-dipendenza fuq fornitur wieħed m'għandux iwassal għal żieda fid-dipendenza fuq ieħor, b'mod partikolari fir-rigward tal-gass likwidu; ifakkar li l-fratturazzjoni hija teknoloġija li ġiet irrifjutata mill-parti l-kbira tal-popolazzjoni Ewropea;

11. Iqis li l-kummerċ bejn l-UE u l-Istati Uniti fil-gass naturali likwifikat (LNG) jintegra bis-sħiħ is-suq tal-gass tal-UE fis-suq globali u jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-kompletezza tas-Suq Intern tal-Enerġija;

12. Jenfasizza li l-proġetti ta' infrastruttura relatati mas-sigurtà tal-enerġija jridu jirrispettaw bis-sħiħ ir-rieda demokratika u l-parteċipazzjoni tal-komunitajiet lokali affettwati minn l-ippjanar u l-kostruzzjoni;

13. Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-kooperazzjoni tagħhom fil-mekkaniżmu għall-iskambju ta' informazzjoni fir-rigward tal-ftehimiet intergovernattivi (IGAs) ma' pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija, biex iżidu t-trasparenza u jsaħħu s-setgħat tagħhom ta' negozjar fil-konfront ta' pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa b'ħeffa proposta għal evalwazzjonijiet ex ante obbligatorji tal-IGAs fir-rigward tal-impatt tagħhom fuq is-suq intern tal-enerġija tal-UE u l-kompatibbiltà tagħhom mal-liġi tal-UE; jistieden lill-Istati Membri biex jirrikjedu l-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni fin-negozjati ta' ftehimiet tal-enerġija ma' pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa mudell għal ftehimiet tal-enerġija ma' pajjiżi terzi li jinkludu klawsoli rilevanti għall-interessi tal-Unjoni; jitlob, fl-interess tal-promozzjoni tad-demokrazija u t-trasparenza, li l-Parlament jinżamm infurmat mill-Kummissjoni fuq bażi regolari dwar il-ftehimiet dwar l-enerġija bejn l-UE u pajjiżi terzi; jemmen li għandha tingħata kunsiderazzjoni għall-possibbiltà li l-Istati Membri li jixtiequ jagħmlu danbilli jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' xiri kollettiv għas-sorsi tal-enerġija fil-ġejjieni;

14. Jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-għażliet disponibbli għal negozjati konġunti ta' kuntratti tal-enerġija ma' fornituri esterni f'isem l-Istati Membri;

15. Jenfasizza li l-ftehimiet dwar l-enerġija għandhom dejjem jagħtu importanza lill-prinċipju ta' reċiproċità u jissalvagwardjaw l-istandards ta' kwalità u l-konformità mal-kundizzjonijiet tal-qafas legali; fid-dawl tal-fatt li s-suq intern tal-enerġija komuni tal-UE, jappella biex il-ftehimiet dwar l-enerġija jiġu inklużi taħt il-proċedura leġiżlattiva ordinarja sabiex jiġu garantiti d-demokrazija, it-trasparenza u l-kompatibilità mal-liġi tal-UE;

16. Jenfasizza li huwa importanti li jintemm kwalunkwe iżolament tal-Istati Membri u tar-reġjuni min-netwerks Ewropej tal-gass u tal-elettriku;

17. Jinnota li fuq talba ta' Stat Membru, il-Kummissjoni tista' tipparteċipa bħala osservatur fin-negozjati għall-ftehimiet intergovernattivi;

18. Jenfasizza li l-isfida tas-sigurtà tal-enerġija hija li jittaffew l-inċertezzi li jwasslu għal tensjonijiet bejn il-pajjiżi u li jitnaqqsu l-ineffiċjenzi tas-suq li jġibu fix-xejn il-benefiċċji tan-negozju; għalhekk jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi strutturi ta' governanza demokratika globali għall-materja prima u regoli internazzjonali għall-kummerċ fl-enerġija, sabiex jonqsu t-tensjonijiet internazzjonali u tissaħħaħ l-istabbiltà legali f'dan il-qasam u jiġi appoġġat it-twettiq ta' suq tal-enerġija globali ġust li jġib benefiċċji kummerċjali lill-parteċipanti kollha tiegħu, b'enfasi fuq l-għażliet ta' dħul diċenti għal dawk il-pajjiżi li għandhom ħafna riżorsi ġewwa l-UE u lil hinn minnha, li jappoġġaw l-istrateġiji rispettivi tagħhom ta' żvilupp ekonomiku u tal-eradikazzjoni tal-faqar; jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni eqreb fil-qasam tal-enerġija mal-pajjiżi tal-Viċinat Ewropew;

19. Huwa tal-opinjoni li l-UE għandha tgħin lill-pajjiżi l-aktar vulnerabbli biex jiddiversifikaw is-sorsi tagħhom u r-rotot ta' provvista, inkluż permezz ta' interkonnessjonijiet transkonfinali u flussi fid-direzzjoni opposta, b'enfasi fuq l-enerġiji rinnovabbli u sorsi ta' enerġija lokali u faċilitajiet relatati ta' ħażna u miżuri għall-effiċjenza tal-enerġija fil-qafas ta' strateġiji reġjonali, u b'hekk tikkontribwixxi għal tnaqqis ta' dipendenza fuq ċerti swieq internazzjonali tal-enerġija volatili; iqis li huwa daqstant importanti li jiġu żviluppati teknoloġiji ġodda għall-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi differenti sabiex tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija madwar id-dinja kollha, u b'hekk tingħata għajnuna biex jinqered il-faqar enerġetiku, jingħata kontribut għal żvilupp globali sostenibbli u jingħata appoġġ għall-isforz globali biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima;

20. Jenfasizza li l-UE għandha tieħu vantaġġ mill-opportunitajiet li jinħolqu mis-sorsi ta' enerġija tal-lvant tal-Mediterran, b'mod partikolari bil-għan li jinħoloq hub tal-gass tal-Mediterran permezz ta' kuritur mix-xlokk tal-Mediterran lejn l-Ewropa sabiex is-sigurtà tal-enerġija tal-UE tissaħħaħ; jemmen li l-UE għandha tippromwovi inizjattivi għall-kooperazzjoni fis-settur tal-enerġija bejn il-pajjiżi fil-Lvant tal-Mediterran u b'hekk tikkontribwixxi għall-paċi u l-prosperità ekonomika tal-popli tagħhom;

21. Jirrikonoxxi l-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa bħala mekkaniżmi ewlenin għall-iżvilupp tal-infrastruttura u biex jinġieb investiment privat lejn l-UE; jinnota wkoll li l-massimizzar tal-użu ta' strumenti finanzjarji se jkollu effett ta' lieva importanti fuq l-investiment pubbliku u se jattira investiment kapitali globali fl-UE;

22. Jenfasizza li l-infrastrutturi starteġiċi li jippromwovu d-diversifikazzjoni tal-provvisti, tas-sorsi u tar-rotot, bħall-faċilitajiet tal-ħażna, tal-importazzjoni u tat-trasport, kif ukoll impjanti tal-likwifikazzjoni u tar-rigassifikazzjoni tal-gass naturali, jistgħu jiffaċilitaw it-titjib tal-provvista f'każ ta' sitwazzjonijiet ta' emerġenza; jinnota li dawn l-infrastrutturi jistgħu jkunu appoġġati permezz ta' arranġamenti regolatorji speċifiċi u/jew finanzjament pubbliku kif previst mir-Regolamenti "infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea" u "Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa" (ir-Regolament (UE) Nru 347/2013 u r-Regolament (UE) Nru 1316/2013) u/jew appoġġ finanzjarju permezz tal-istrumenti finanzjarji tal-UE bbażati fuq l-għanijiet strateġiċi tal-Unjoni;

23. Jikkunsidra li l-opportunitajiet għall-esportazzjoni għal kumpaniji privati u pubbliċi tal-UE f'teknoloġiji tal-enerġija u tal-ħżin tal-enerġija, nodfa, siguri u effiċjenti huma partikolarment importanti, speċjalment fid-dawl tad-domanda globali għall-enerġija li dejjem qed tikber; jirrakkomanda żieda fl-investiment fir-riċerka, l-iżvilupp, u l-applikazzjoni ta' enerġija ġdida u ta' teknoloġiji ġodda ta' ħżin tal-enerġija; jitlob tnaqqis sinifikanti tat-tariffi fuq dawk it-teknoloġiji fi ħdan ftehim tad-WTO dwar Prodotti Ekoloġiċi u fi ħdan l-FTAs tal-UE;

24. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura monitoraġġ aktar strett ta' mġiba antikompetittiva u miżuri antidumping sabiex l-industriji tal-enerġija Ewropej jiġu protetti mill-importazzjonijiet inġusti minn pajjiżi terzi;

25. Jiddeplora l-fatt li d-diskussjonijiet dwar il-modernizzazzjoni tal-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ qed jiġu blukkati fil-Kunsill, minkejja l-fatt li l-Parlament esprima appoġġ qawwi favur miżuri aktar stretti kontra l-importazzjonijiet inġusti minn pajjiżi terzi;

26. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-objettivi u l-attivitajiet tagħha fil-qasam tas-sigurtà tal-enerġija huma konsistenti mal-objettivi ta' politika komuni tal-UE, b'mod partikolari fir-rigward tal-paċi u l-iżvilupp internazzjonali, u li l-integrazzjoni tal-pajjiżi fl-ekonomija mondjali tinkludi wkoll l-aċċess tagħhom għall-enerġija;

27. Iqis li s-sigurtà tal-enerġija fi ħdan l-UE tista' tinkiseb b'mod effettiv mhux biss permezz tal-finanzjament ta' infrastrutturi u faċilitajiet ġodda, iżda wkoll billi jiġu ottimizzati t-teknoloġiji attwali, jwettqu riċerka u żvilupp għal soluzzjonijiet ġodda u jitħeġġeġ l-użu ta' enerġiji rinnovabbli u teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli;

28. Jafferma mill-ġdid il-ħtieġa ta' investimenti sostanzjali fl-enerġija u fl-infrastruttura tal-enerġija, fuq kollox f'enerġija rinnovabbli u teknoloġija ekoloġika.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

14.4.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

32

6

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

William (The Earl of) Dartmouth, Maria Arena, Tiziana Beghin, David Borrelli, David Campbell Bannerman, Daniel Caspary, Salvatore Cicu, Marielle de Sarnez, Christofer Fjellner, Eleonora Forenza, Ska Keller, Jude Kirton-Darling, Alexander Graf Lambsdorff, Gabrielius Landsbergis, Jörg Leichtfried, Marine Le Pen, David Martin, Emmanuel Maurel, Emma McClarkin, Anne-Marie Mineur, Alessia Maria Mosca, Franz Obermayr, Artis Pabriks, Franck Proust, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Tokia Saïfi, Helmut Scholz, Joachim Schuster, Adam Szejnfeld, Iuliu Winkler, Jan Zahradil

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Klaus Buchner, Nicola Danti, Danuta Maria Hübner, Sander Loones, Frédérique Ries, Jarosław Wałęsa

OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (30.3.2015)

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

dwar l-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-Enerġija
(2014/2153(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Merja Kyllönen

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Iqis li l-isfidi attwali dwar l-enerġija globali u l-klima jeħtieġu azzjonijiet effettivi, ekwi u komuni mill-Unjoni Ewropea fl-isfera internazzjonali;

2.  Iqis li l-isfidi marbuta mas-sigurtà tal-enerġija u t-tibdil fil-klima jeħtieġ jiġu indirizzati bi strateġija unifikata li tindirizza ż-żewġ kwistjonijiet simultanjament; jenfasizza li t-teħid ta' diversi miżuri flimkien biex tiġi promossa l-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli u jiġu żviluppati teknoloġiji tal-enerġija innovattivi hu ta' importanza kruċjali biex jinkiseb taħlit tal-enerġija ambjentalment sostenibbli u jiġi żgurat forniment stabbli tal-enerġija madwar l-Ewropa kollha bi prezzijiet affordabbli kemm għaċ-ċittadini u kemm għall-intrapriżi, bħala dimensjonijiet essenzjali għas-sigurtà tal-enerġija;

3.  Jilqa, għaldaqstant, l-impenn għal kooperazzjoni ikbar fil-politika dwar l-enerġija; jenfasizza l-importanza li jiġu inklużi l-investimenti fl-effiċjenza enerġetika fl-UE kollha fi kwalunkwe pjan ta' sigurtà tal-enerġija u jiġu promossi investimenti f'sorsi indiġeni ta' enerġija rinnovabbli;

4.  Jenfasizza li t-tibdil fil-klima, il-prezzijiet tal-enerġija mhux kompetittivi u dipendenza għolja ħafna fuq fornituri minn pajjiżi terzi mhux affidabbli qed jheddu s-sostenibbiltà tas-sistema tal-enerġija tal-Ewropa;

5.  Iqis li d-dipendenza dejjem tiżdied tal-UE fuq l-importazzjoni ta' fjuwils fossili minn fornituri minn pajjiżi terzi li l-biċċa l-kbira mhumiex affidabbli tagħmel lill-UE vulnerabbli u xxekkel b'mod qawwi l-iżvilupp ta' politika komuni tal-enerġija Ewropea kredibbli, effikaċi u konsistenti;

6.  Jirrimarka li sigurtà tal-enerġija mtejba tista' tinkiseb b'mod kosteffiċjenti jekk tiġi indirizzata f'kooperazzjoni bejn l-Istati Membri; jenfasizza, f'dan ir-rigward, ir-rwol importanti li suq interkonness kif xieraq u li jaħdem tajjeb għall-elettriku u l-gass jista' jkollu fid-diversifikazzjoni tal-fornituri, is-sorsi u r-rotot fl-Ewropa;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tadotta approċċ iżjed proattiv biex tiġi żgurata l-konformità tal-Istati Membri mal-leġiżlazzjoni Ewropea mmirata li tistabbilixxi swieq tal-enerġija trasparenti u li jaħdmu tajjeb;

8.  Jenfasizza l-importanza tal-koordinazzjoni tal-politiki nazzjonali dwar l-enerġija u tat-tisħiħ tal-vuċi tal-UE fil-qasam tal-politika esterna dwar l-enerġija;

9.  Jirrimarka li ż-żieda fis-sigurtà tal-enerġija hi konnessa b'mod reċiproku mal-bżonn li ssir tranżizzjoni għal ekonomija b'livell baxx tal-karbonju; jistieden bil-qawwa lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tressaq miri ambizzjużi għall-2030 u tistabbilixxi strateġija komprensiva tal-UE dwar l-enerġija u l-klima bbażati fuq l-objettiv li l-ekonomija tal-UE tiġi dekarbonizzata, li jibdew mill-komunikazzjoni tal-Kummissjoni u jittieħed kont tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-15 ta' Marzu 2012 dwar Pjan Direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-2050[1];

10. Jenfasizza l-kobenefiċċji sinifikanti għall-klima, il-kwalità tal-arja, is-saħħa pubblika u l-ambjent mit-titjib fis-sigurtà tal-enerġija għal iżjed effiċjenza enerġetika u l-bidla għall-enerġija rinnovabbli bħall-enerġija eolika, solari u ġeotermali;

11. Iqis il-leġiżlazzjoni dwar l-effiċjenza enerġetika u l-Iskema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet tal-UE (ETS) bħala strumenti ta' appoġġ reċiproku, u jitlob għal implimentazzjoni immedjata ta' Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq li tkun kapaċi tiżgura sinjal bil-prezz tal-karbonju li jista' jagħti spinta għal titjib fl-effiċjenza enerġetika fis-settur li jaqa' taħt l-ETS; jistieden lill-Kummissjoni tikkomplimenta l-ETS bi standard tal-prestazzjoni tal-emissjonijiet li jipprovdi sinjal ta' investiment ċar biex jiġu eliminati b'mod gradwali l-forom li jniġġsu l-iżjed ta' ġenerazzjoni tal-enerġija, bħal dawk ibbażati fuq il-faħam;

12. Jistieden bil-qawwa għall-eliminazzjoni tal-"gżejjer tal-enerġija" tal-UE, li inizjalment kienet skedata li titlesta sal-2015; isostni, għaldaqstant, li l-iżvilupp tal-interkonnessjonijiet tal-enerġija biex tintemm l-iżolazzjoni ta' kull Stat Membru huwa essenzjali; jenfasizza l-bżonn li tiġi mħaffa l-implimentazzjoni ta' proġetti strateġiċi ta' infrastruttura, speċjalment dawk imfassla biex itemmu l-iżolament tal-enerġija tal-Istati Membri, u jippromwovu l-użu tal-enerġiji rinnovabbli billi jiffaċilitaw id-distribuzzjoni tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti prijorità għolja lill-istrumenti ta' finanzjament tal-UE għall-proġetti ta' interkonnettività bil-għan li jitlesta s-suq tal-enerġija intern tal-UE;

13. Jenfasizza li azzjoni lejn it-tibdil sostanzjali meħtieġ lis-sistema tal-enerġija tal-UE titwettaq biss jekk jiġu mressqa miżuri flimkien mal-Istati Membri, fejn jittieħed kont tal-kapaċitajiet tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi passi u pjanijiet ta' azzjoni konkreti, inkluża leġiżlazzjoni, kemm fiż-żmien qasir kif ukoll dak fit-tul; jistieden għall-investiment qawwi mill-UE u l-Istati Membri tagħha għar-riċerka u l-innovazzjoni tal-enerġija li jwassal għal teknoloġiji tal-enerġija ambjentalment sostenibbli u innovattivi; jisħaq fuq il-ħtieġa għall-edukazzjoni, it-taħriġ u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u għal proġetti pilota lokali fl-Istati Membri li jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-enerġija billi jtejbu r-reżiljenza tas-sistemi lokali;

14. Ifakkar fil-pożizzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-istabbiliment ta' miri ambizzjużi, nazzjonalment vinkolanti għall-enerġiji rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika, li għandhom inaqqsu d-dipendenza fuq l-enerġija importata;

15. Isostni li l-iffrankar tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika huma modi rapidi u kosteffikaċi biex jiġu indirizzati kwistjonijiet bħas-sigurtà tal-enerġija, id-dipendenza esterna, il-prezzijiet għolja u t-tħassib ambjentali; jisħaq fuq il-potenzjal kemm għall-iffrankar tal-enerġija kif ukoll għall-effiċjenza enerġetika, b'mod partikolari f'setturi speċifiċi bħall-bini u t-trasport; jiġbed l-attenzjoni għar-rwol tas-sistemi tat-tisħin u t-tkessiħ fl-immaniġġjar tad-domanda għall-enerġija; jenfasizza l-fatt li, skont l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija, l-effiċjenza enerġetika hija "l-ewwel fjuwil" fid-dinja bis-saħħa tal-fatt li għandha l-iżjed spiża baxxa u minħabba d-disponibbiltà u s-sostenibbiltà tagħha; jenfasizza l-ħtieġa ta' politiki tal-UE u dawk nazzjonali li jippromwovu investimenti fl-effiċjenza enerġetika u­ f'soluzzjonijiet fuq in-naħa tad-domanda, peress li dawn iġibu gwadanji fit-tul għas-sigurtà tal-provvista Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tistabbilixxi miri ċari għar-rinnovazzjoni tal-istokk tal-bini madwar l-UE, li se jwasslu wkoll għal impjiegi ġodda u jxettlu l-ekonomija tal-UE;

16. Huwa konvint li l-promozzjoni ta' ekonomija ċirkolari u effiċjenza ikbar fl-użu tar-riżorsi jistgħu jwasslu għal tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet ta' gass serra, biex b'hekk tkun qed issir kontribuzzjoni vitali biex jingħelbu l-isfidi dwar il-klima u l-enerġija;

17. Jistieden lill-Kummissjoni biex, bħala prijorità, tadotta miżuri ħalli żżid l-effiċjenza enerġetika, u b'hekk tkun qed tindirizza wkoll il-problema tal-kompetittività baxxa li tirriżulta minn prezzijiet għalja tal-enerġija;

18. Jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni sħiħa tal-qafas leġiżlattiv tal-UE għall-effiċjenza enerġetika ħalli jinkiseb iffrankar tal-enerġija ta' 20 % sal-2020, tiġi żviluppata aktar id-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika, id-Direttiva dwar l-Ekodisinn, id-Direttiva dwar l-Ekotikkettar u d-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija, u jiġi allokat aktar finanzjament mill-UE għal dawn l-oqsma; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni ta' dawn id-Direttivi fl-Istati Membri; jenfasizza li, bħala parti mir-reviżjoni ta' dawn id-Direttivi, il-faqar fis-settur tal-enerġija għandu jingħata status ta' prijorità u l-miżuri għandhom jiffukaw fuq l-akkomodazzjoni soċjali u fuq l-iżjed proprjetajiet ineffiċjenti okkupati minn familji bi dħul baxx;

19. Jirrikonoxxi li l-emissjonijiet imnaqqsa rregolati mill-Istandards tar-Rendiment tal-Emissjonijiet jikkorelataw direttament mal-effiċjenza enerġetika u l-iffrankar fit-tul fis-settur tal-enerġija;

20. Ifakkar li l-artikolu dwar l-iskemi tal-obbligu tal-effiċjenza enerġetika fid-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika huwa l-miżura ewlenija biex tiġi ssodisfata l-mira tal-effiċjenza enerġetika tal-2020; iħeġġeġ lill-Kummissjoni testendi din id-dispożizzjoni lil hinn mill-2020 filwaqt li tneħħi l-eżenzjonijiet li jnaqqsu l-effikaċja tagħha;

21. Jistieden lill-Kummissjoni tgħolli l-livell tal-ambizzjoni tal-istandards tar-rendiment tal-effiċjenza enerġetika għall-prodotti, inklużi dawk ġodda fil-Pjan ta' Ħidma mistenni dwar l-Ekodisinn 2015-2017, u ttejjeb it-trasparenza u l-effikaċja tal-iskemi ta' informazzjoni dwar il-konsum tal-enerġija tal-apparati sabiex tgħin fil-kisba tal-potenzjal ekonomiku sħiħ tal-iffrankar tal-enerġija għall-familji u n-negozji u tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-enerġija tal-Ewropa u l-għanijiet fit-tul ta' dekarbonizzazzjoni;

22. Huwa tal-fehma li miri ċari vinkolanti għall-2030 dwar il-klima u l-enerġija, flimkien ma' pjan ta' azzjoni ambizzjuż u struttura ta' governanza effikaċi implimentati permezz tal-leġiżlazzjoni Ewropea, se jikkontribwixxu wkoll għas-sigurtà tal-enerġija; jenfasizza li perspettiva fit-tul hija vitali għall-ħolqien ta' qafas stabbli għall-investimenti meħtieġa fl-infrastrutturi Ewropej tal-enerġija, u li għalhekk huwa importanti li jidħol fis-seħħ mingħajr dewmien qafas leġiżlattiv għall-klima u l-enerġija għall-perjodu 2020-2030; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tressaq il-proposti kollha meħtieġa kemm jista' jkun malajr, abbażi tal-proċedura leġiżlattiva normali;

23. Itenni mill-ġdid li r-riċerka u l-innovazzjoni huma kruċjali għall-iżvilupp ta' teknoloġiji tal-enerġija ambjentalment sostenibbli, innovattivi u huma vitali biex it-teknoloġiji indiġeni tal-enerġija rinnovabbli diġà disponibbli jkunu aktar affordabbli u kompetittivi; iħeġġeġ, għaldaqstant, aktar appoġġ mill-UE għar-RŻI;

24. Jenfasizza li ċ-ċertezza regolatorja bbażata fuq direzzjoni politika ċara hija essenzjali sabiex tipprovdi liċ-ċittadini u lin-negozji tal-UE b'enerġija sikura, sostenibbli u affordabbli; ifakkar, f'dan ir-rigward, li l-Parlament talab għal mira vinkolanti tal-UE għall-2030 ta' tnaqqis tal-emissjonijiet domestiċi ta' gass serra b'mill-inqas b'40 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990, mira vinkolanti tal-UE 2030 għall-effiċjenza enerġetika ta' 40 %, u mira vinkolanti tal-UE 2030 għall-produzzjoni ta' mill-inqas 30 % tal-konsum tal-enerġija finali totali minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli;

25. Jistieden lill-Kummissjoni żżid l-iżvilupp u l-użu ta' teknoloġiji b'livell baxx tal-karbonju u biex issaħħaħ ir-rwol tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli sabiex tiżgura aktar id-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija u tiffranka fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwil;

26. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa qafas ta' appoġġ ħalli ġġib fuq quddiem l-enerġiji rinnovabbli li se jiżguraw il-kompetittività internazzjonali, u biex tagħmel proposti għal mill-inqas 30 % ta' enerġija rinnovabbli fl-UE sal-2030, iżżomm ir-rata taż-żieda f'enerġija rinnovabbli installata fil-livell attwali filwaqt li tirrikonoxxi li l-Istati Membri għandhom kapaċitajiet differenti għall-ġenerazzjoni u l-isfruttar ta' dawn is-sorsi;

27. Jilqa' l-fehma tal-Kummissjoni li l-għażla tal-enerġija rinnovabbli hija waħda mingħajr dispjaċir, flimkien mal-effiċjenza enerġetika u l-infrastruttura tal-enerġija, kif iddikjarat fil-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 u approvat mill-Parlament, u jisħaq fuq l-importanza li jiġu żviluppati grids tal-enerġija aktar intelliġenti u soluzzjonijiet ġodda ta' produzzjoni u ħżin tal-enerġija flessibbli, distribwiti u ta' mikrolivell; jirrikonoxxi, f'dan il-kuntest, li l-użu ta' gass naturali fil-ġenerazzjoni tal-enerġija, it-tisħin u s-settur tat-trasport jistgħu jikkontribwixxu għal tranżizzjoni effikaċi lejn taħlita tal-enerġija tal-UE kompletament dekarbonizzata;

28. Jirrimarka li l-Ewropa hi attwalment mexxej globali fit-teknoloġija tal-enerġija rinnovabbli, b'madwar nofs miljun impjieg diġà maħluqa f'dan is-settur; filwaqt li ishma ogħla ta' enerġiji rinnovabbli se jwasslu għal tkabbir fit-tul u għal żieda fis-sigurtà tal-enerġija;

29. Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li twettaq investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni dwar l-enerġija permezz tal-programm Orizzont 2020;

30. Jindika l-idroenerġija bħala sors ewlieni indiġenu u tal-enerġija rinnovabbli li għandu jkompli jkollha rwol kruċjali fil-ġenerazzjoni u l-ħżin tal-elettriku fl-Ewropa;

31. Jirrimarka li l-agrikoltura u l-forestrija sostenibbli huma għodda importanti li jikkontribwixxu għall-produzzjoni tal-enerġija tal-bijomassa u l-kisba tal-effiċjenza enerġetika;

32. Jistieden lill-Kummissjoni tirrikonoxxi l-valur tat-teknoloġiji tal-ġbir u l-ħżin tal-karbonju (CCS), li jista' jkollhom rwol importanti bħala parti mill-firxa ta' soluzzjonijiet għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju fl-Ewropa;

33. Jistieden lill-Kummissjoni tinċentiva u tiffinanzja l-qalba għat-teknoloġiji rinnovabbli u żżomm il-finanzjament tat-teknoloġiji CCS permezz ta' fondi ta' innovazzjoni bħal NER300 u NER400;

34. Jinnota li huwa essenzjali li l-investimenti fit-trażmissjoni tal-enerġija jaqblu mal-pass fl-investimenti f'sorsi rinnovabbli u sorsi oħra tal-enerġija; jenfasizza li t-tranżizzjoni b'suċċess għal ekonomija sostenibbli b'livell baxx ta' karbonju teħtieġ interkonnessjonijiet addizzjonali li għandhom jiffaċilitaw il-kummerċ transkonfinali u jżidu l-kapaċità ta' bbilanċjar tal-UE biex b'hekk dan jirriżulta f'integrazzjoni iżjed kosteffikaċi tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli;

35. Jenfasizza li l-espansjoni u t-titjib tal-interkonnessjonijiet fil-pajjiżi Ewropej tan-nofsinhar jistgħu jikkontribwixxu għal iżjed użu ta' sorsi rinnovabbli u għal sigurtà tal-enerġija fir-reġjun, u jistgħu wkoll jikkatalizzaw l-integrazzjoni tas-swieq tal-enerġija tar-reġjun mal-bqija tal-UE u jsaħħu s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija;

36. Iqis li l-persistenza tar-reġjuni ġeografikament iżolati fir-rigward tal-enerġija hija f'kontradizzjoni ċara mal-għan tal-UE tas-sigurtà tal-enerġija; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-bżonn li jiġu stabbiliti miri minimi vinkolanti fuq qafas ta' żmien għall-kapaċità tal-interkonnessjoni transkonfinali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ddaħħal fis-seħħ miżuri ta' monitoraġġ adegwati biex tiżgura l-kisba f'waqtha tagħhom;

37. Jenfasizza li għandu jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni ambjentali fil-kuntest tal-kunsiderazzjoni lejn is-sigurtà ambjentali; ifakkar, f'dan il-kuntest, ir-riskji ambjentali, klimatiċi u ta' saħħa u l-impatti relatati mal-estrazzjoni tal-fjuwils fossili mhux konvenzjonali;

38. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jfasslu mill-ġdid mekkaniżmi ta' sussidju ħalli jiffaċilitaw l-integrazzjoni tas-suq tal-enerġija u jneħħu b'mod gradwali s-sussidji ta' ħsara għall-ambjent, b'mod partikolari għall-fjuwils fossili, u jagħmlu użu sħiħ mill-fondi għall-finanzjament ta' sorsi sostenibbli tal-enerġija rinnovabbli li għadhom mhumiex kompetittivi fil-każ tal-ispejjeż, abbażi, inter alia, ta' miri rinnovabbli vinkolanti maqbula fil-livell tal-UE;

39. Itenni mill-ġdid il-bżonn li tittieħed azzjoni immedjata fis-settur tat-trasport, f'termini kemm ta' titjib fl-effiċjenza u kemm fid-dekarbonizzazzjoni, b'fehma li titnaqqas id-dipendenza tas-settur fuq l-importazzjoni u l-impatt tal-klima totali; jistieden għal miżuri effikaċi bħala parti minn approċċ komprensiv u sostenibbli mmirat għall-promozzjoni tat-tnaqqis tal-emissjonijiet, l-effiċjenza enerġetika, l-iżvilupp ta' fjuwils alternattivi u l-elettrifikazzjoni tas-settur tat-trasport;

40. Jikkunsidra li l-użu tal-gass naturali likwifikat bħala fjuwil tranżizzjonali iżjed nadif għandu jiġi inkoraġġit għal vetturi b'tagħbija tqila u fis-settur marittimu;

41. Iqis li fis-settur tad-djar, ir-rinnovazzjoni estensiva għall-effiċjenza enerġetika u l-promozzjoni ta' binjiet b'żero emissjonijiet għandhom ikunu prijorità.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMMISSJONI

Data tal-adozzjoni           

26.3.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

57

10

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marco Affronte, Margrete Auken, Zoltán Balczó, Catherine Bearder, Ivo Belet, Simona Bonafè, Biljana Borzan, Nessa Childers, Alberto Cirio, Birgit Collin-Langen, Miriam Dalli, Seb Dance, Angélique Delahaye, Ian Duncan, Stefan Eck, Bas Eickhout, Eleonora Evi, José Inácio Faria, Karl-Heinz Florenz, Iratxe García Pérez, Elisabetta Gardini, Jens Gieseke, Sylvie Goddyn, Matthias Groote, Andrzej Grzyb, Jytte Guteland, György Hölvényi, Anneli Jäätteenmäki, Jean-François Jalkh, Benedek Jávor, Karin Kadenbach, Kateřina Konečná, Giovanni La Via, Peter Liese, Norbert Lins, Valentinas Mazuronis, Susanne Melior, Massimo Paolucci, Gilles Pargneaux, Piernicola Pedicini, Bolesław G. Piecha, Pavel Poc, Annie Schreijer-Pierik, Renate Sommer, Dubravka Šuica, Tibor Szanyi, Nils Torvalds, Glenis Willmott, Jadwiga Wiśniewska, Damiano Zoffoli

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Nicola Caputo, Herbert Dorfmann, Linnéa Engström, Luke Ming Flanagan, Jan Huitema, Karol Karski, Elisabeth Köstinger, Merja Kyllönen, Anne-Marie Mineur, Alessandra Mussolini, James Nicholson, Marit Paulsen, Bart Staes, Theodor Dumitru Stolojan, Tom Vandenkendelaere

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Marie-Christine Boutonnet, Anthea McIntyre, Emilian Pavel

OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (18.3.2015)

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

dwar l-Istrateġija Ewropea tas-Sigurtà tal-Enerġija
(2014/2153(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Filiz Hyusmenova

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jenfasizza li l-UE ma taffordjax frammentazzjoni kontinwa tas-suq intern tal-enerġija; jitlob, għaldaqstant, għall-implimentazzjoni sħiħa tal-qafas regolatorju eżistenti (it-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija), biżżejjed interkonnessjonijiet tal-enerġija bejn l-Istati Membri u l-modernizzazzjoni tal-grilji; jemmen, barra minn hekk, li l-objettiv ewlieni tal-istrateġija għas-sigurtà tal-enerġija tal-UE jrid ikun li jiġi żgurat li l-ebda Stat Membru, jew l-UE b'mod kollettiv, ma jkunu vulnerabbli żżejjed għal interruzzjoni minn fornitur wieħed tal-enerġija; jenfasizza li politika għas-sigurtà tal-enerġija hija magħmula minn diversi elementi, bi preparazzjoni mtejba għall-interruzzjonijiet fil-provvista tal-enerġija, il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi u bl-infrastruttura ġdida tkun importanti daqs, u żviluppata b'mod li taqbel mal-ambizzjonijiet għall-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli, l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-effiċjenza enerġetika u t-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gass serra;

2.  Jisħaq fuq l-impatt pożittiv li l-integrazzjoni tas-suq kellha fuq il-prezzijiet bl-ingrossa u fl-aħħar mill-aħħar fuq il-prezzijiet bl-imnut fis-settur tal-elettriku, li ppermettew li tkun disponibbli għaċ-ċittadini enerġija aktar affordabbli, u jfakkar li l-benefiċċju ekonomiku nett potenzjali li jista' jnkiseb mit-tlestija tas-suq intern għall-enerġija huwa bejn EUR 16-il biljun u EUR 40 biljun fis-sena;

3.  Jemmen li l-politika tal-enerġija tal-UE għandha tfittex li tindirizza l-prezzijiet mhux kompetittivi tal-enerġija, li aggravaw il-kriżi ekonomika u dgħajfu l-kompetittività industrijali Ewropea u li qegħdin jaffettwaw is-sigurtà tal-enerġija ġenerali taċ-ċittadini tagħna;

4.  Jisħaq fuq l-importanza li l-Istati Membri jallokaw riżorsi adegwati għas-sorveljanza tas-suq tal-effiċjenza enerġetika tal-prodotti, sabiex jiżguraw kundizzjonijiet ekwi għall-industrija filwaqt li jipprovdu lill-konsumaturi bl-aktar informazzjoni utli u l-għodod adatti li għandhom bżonn biex jagħmlu għażliet infurmati, jagħrfu u jnaqqsu l-konsum tagħhom tal-enerġija;

5.  Jindika li, skont l-aħħar edizzjoni tat-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur, is-suq tal-elettriku huwa wieħed mill-aktar erba' swieq li ma jiffunzjonawx sew; jisħaq fuq l-importanza ta' azzjoni li ttejjeb il-provvista ta' informazzjoni lill-konsumaturi dwar id-disaggregazzjoni tal-prezzijiet tal-enerġija u dwar miżuri tal-effiċjenza enerġetika li jippermettulhom ikunu involuti b'mod attiv fir-regolamentazzjoni tal-użu tagħhom tal-enerġija, inkluża l-għażla li jibdlu l-fornitur tagħhom b'mod sempliċi;

6.  Ifakkar fil-pożizzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-iffissar ta' miri ambizzjużi dwar l-effiċjenza enerġetika u dwar l-importanza li titħaffef l-implimentazzjoni ta' miżuri mmirati lejn il-kisba ta' dawn l-objettivi; jenfasizza li miżuri tal-effiċjenza enerġetika fil-livell Ewropew huma tal-akbar importanza sabiex jiggarantixxu l-indipendenza enerġetika tal-UE filwaqt li jiżguraw tkabbir sostenibbli, l-iżvilupp tat-taħriġ, il-ħolqien tal-impjiegi u t-tisħiħ tal-benessri ekonomiku tan-negozji, speċjalment l-SMEs, u jilqa', f'dan ir-rigward, il-proposta għall-ħolqien ta' Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi; jitlob, f'dan il-kuntest, għal investimenti fl-effiċjenza enerġetika, b'mod partikolari fir-rigward ta' bini;

7.  Jenfasizza li setturi importanti jistgħu jibbenefikaw minn miżuri ta' effiċjenza enerġetika meħuda fil-livell tal-UE u dak nazzjonali; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jippromwovu l-użu effiċjenti tal-enerġija u biex jagħmlu użu sħiħ mill-opportunitajiet offruti taħt id-Direttivi dwar l-akkwist pubbliku li jippromwovu valutazzjoni abbażi ta' kriterji ta' innovazzjoni u ambjentali bil-ħsieb li bini u prodotti effiċjenti fl-użu tal-enerġija jsiru n-norma; jenfasizza fuq l-importanza li l-konsumaturi jirċievu informazzjoni preċiża u sempliċi dwar l-effiċjenza enerġetika ta' dawk il-prodotti; hu tal-fehma li aktar kontribuzzjonijiet lill-politika dwar l-effiċjenza enerġetika jistgħu jsiru permezz tat-titjib u l-iżvilupp ulterjuri tal-leġiżlazzjoni dwar it-tikkettar tal-enerġija u l-ekodisinn;

8.  Jisħaq fuq il-valur miżjud tal-integrazzjoni tal-ICT fis-sistemi tal-enerġija sabiex tiżdied kemm jista' jkun l-effiċjenza enerġetika, tiġi moderata d-domanda, jitnaqqsu l-prezzijiet għall-konsumaturi u jagħtuhom is-setgħa biex jimmaniġjaw aħjar l-użu tal-enerġija tagħhom; jitlob lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jimplimentaw kampanji fit-tul li jqajmu l-kuxjenza pubblika dwar id-diversi modi kif jitnaqqas il-konsum tal-enerġija; jenfasizza l-importanza ta' politiki tal-effiċjenza enerġetika ambizzjużi għas-settur residenzjali sabiex titħaffef ir-rata ta' rinnovazzjoni tal-bini u jittejbu s-sistemi ta' tisħin distrettwali;

9.  Ifakkar li huwa meħtieġ li jissaħħaħ l-istat ta' tħejjija tal-UE u l-kapaċità li twieġeb b'mod effettiv għal kriżijiet potenzjali fil-provvista tal-gass; jisħaq fuq l-importanza tal-konsultazzjonijiet mibdija mill-Kummissjoni fil-15 ta' Jannar 2015 bil-għan li jiġu identifikati oqsma fejn titjib lir-regoli attwali tal-UE huwa meħtieġ sabiex tiġi garantita s-sigurtà tal-provvisti tal-gass; jinnota li hemm ħtieġa għal kooperazzjoni u koordinazzjoni aħjar u aktar profonda bejn l-Istati Membri fil-qasam tas-sigurtà tal-enerġija;

10. Jenfasizza li l-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli se jkollu impatt ambjentali u ekonomiku pożittiv, filwaqt li jikkontribwixxi wkoll għall-indipendenza enerġetika tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-enerġija rinnovabbli, inter alia fis-settur tat-tisħin u t-tkessiħ, u sabiex jiġu żviluppati grilji intelliġenti u soluzzjonijiet ġodda għall-ħżin tal-enerġija; jenfasizza li, minħabba li t-teknoloġija hija element essenzjali biex titnaqqas id-domanda għall-enerġija, huwa ta' importanza vitali li jiġu appoġġjati proġetti innovattivi li jiffukaw fuq l-enerġija rinnovabbli u nadifa; jappella biex il-finanzjament ta' "enerġija sikura, nadifa u effiċjenti", kif indikat fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 291/2013 fl-Anness II, ikun protett, peress li jippermetti lill-UE ssir l-ewwel fid-dinja fejn tidħol enerġija rinnovabbli u nadifa; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw stabbiltà regolatorja għall-enerġiji rinnovabbli u jiżguraw li l-investimenti jsiru f'konformità mal-objettivi tal-enerġija tal-UE, billi jiġu provduti kundizzjonijiet ekwi Ewropej;

11. Jitlob biex tingħata aktar attenzjoni lis-suq emerġenti għas-servizzi tal-enerġija (inklużi l-ikkuntrattar għall-prestazzjoni tal-enerġija u l-ftehimiet tas-servizzi tal-enerġija); jisħaq fuq l-importanza li jiġu żviluppati standards għal kull element fil-proċess tal-investiment tal-effiċjenza enerġetika; jitlob għall-investimenti fl-effiċjenza enerġetika, speċjalment fil-bini; jisħaq li setturi importanti bħat-turiżmu jistgħu jibbenefikaw minn miżuri ta' effiċjenza enerġetika meħuda fil-livell tal-UE u dak nazzjonali; jenfasizza li politiki u miżuri kkoordinati u ambizzjużi tal-effiċjenza enerġetika għas-settur residenzjali huma soluzzjoni stabbli, strateġika u għal żmien twil għall-faqar enerġetiku;

12. Ifakkar lill-Istati Membri dwar l-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-Enerġija li ġiet imfassla dan l-aħħar u, f'dan ir-rigward, jappellalhom sabiex iżidu l-appoġġ finanzjarju pubbliku u regolatorju sabiex iħaffu r-rata ta' rinnovazzjoni tal-bini u t-titjib u/jew l-introduzzjoni tas-sistemi ta' tisħin distrettwali;

13. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lir-reġjuni jallokaw fondi għall-iżvilupp tat-teknoloġiji maħsuba għall-qbid u l-ħżin tal-karbonju;

14. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) biex jitfgħu aktar enfasi fuq il-ġlieda kontra l-problema tat-tnaqqis ta' trażmissjoni mal-fruntieri nazzjonali; jinnota li jista' jkun hemm tfaddil ekwivalenti għal EUR 15-il biljun fis-sena (10 % tal-prezz tal-gass bl-ingrossa) jekk jiġu indirizzati xi imperfezzjonijiet eżistenti fis-suq li jippermettu differenzi fil-prezz li mhumiex kompetittivi bejn l-Istati Membri; jemmen li hu meħtieġ rwol aktar b'saħħtu tal-ACER għal suq intern tal-enerġija li jiffunzjona tajjeb peress li dan jeħtieġ kemm l-iżvilupp sinifikanti tal-infrastruttura u l-interkonnetturi li jippermettu l-kummerċ transfruntier kif ukoll l-infurzar rigoruż tar-regoli eżistenti ta' allokazzjoni tal-kapaċità; jitlob li jiżdiedu l-isforzi għal interkonnessjoni transkonfinali aħjar u l-iżvilupp tal-grilji intelliġenti; jiddispjaċih li xi Stati Membri għadhom fi "gżira tal-enerġija" bħala riżultat ta' nuqqas ta' konnessjonijiet tal-enerġija mal-bqija tal-UE u li f'ċerti reġjuni tal-UE, ammonti dejjem jiżdiedu ta' enerġija rinovabbli intermittenti ma jistgħux jiġu ttrasportati lill-konsumaturi minħabba nuqqas ta' infrastruttura suffiċjenti;

15. Jenfasizza li l-ipprezzar tal-enerġija rregolat huwa ta' ħsara għall-kompetizzjoni u l-investiment, u li l-eliminazzjoni tiegħu hija prekundizzjoni biex jinkiseb suq tal-enerġija li jiffunzjona sew;

16. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex timplimenta l-miżuri (kif stabbilit fit-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija) maħsuba biex jiżguraw li n-nies ikunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt li jagħżlu fornitur tal-enerġija; jenfasizza li l-eżerċizzju ta' dan id-dritt mhuwiex biss ta' importanza sinifikanti għall-konsumaturi, iżda jkompli jistimola wkoll is-swieq tal-bejgħ bl-ingrossa tal-enerġija;

17. Jemmen li skema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet imtejba u aktar robusta għandha tiżgura li l-investimenti meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi fit-tul tal-UE tal-enerġija u tal-klima jinkisbu; jenfasizza li l-miżuri maħsuba biex isaħħu l-iskema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet għandhom jissalvagwardjaw il-kompetittività tal-industrija li tuża ħafna enerġija bil-għan li jiġu evitati r-rilokazzjoni tal-impriżi, it-telf tal-impjiegi u l-eżodu ta' imħuħ barra mill-Unjoni Ewropea.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

17.3.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

32

5

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Dita Charanzová, Carlos Coelho, Sergio Gaetano Cofferati, Lara Comi, Anna Maria Corazza Bildt, Daniel Dalton, Dennis de Jong, Pascal Durand, Vicky Ford, Ildikó Gáll-Pelcz, Antanas Guoga, Robert Jarosław Iwaszkiewicz, Liisa Jaakonsaari, Antonio López-Istúriz White, Jiří Maštálka, Eva Paunova, Jiří Pospíšil, Virginie Rozière, Christel Schaldemose, Olga Sehnalová, Mylène Troszczynski, Anneleen Van Bossuyt, Marco Zullo

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Lucy Anderson, Jussi Halla-aho, Kaja Kallas, Emma McClarkin, Jens Nilsson, Julia Reda, Adam Szejnfeld, Lambert van Nistelrooij, Josef Weidenholzer, Kerstin Westphal

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Andrea Bocskor, Roger Helmer, György Hölvényi, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Emilian Pavel

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

7.5.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

42

13

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Bendt Bendtsen, David Borrelli, Gianluca Buonanno, Reinhard Bütikofer, Jerzy Buzek, Soledad Cabezón Ruiz, Philippe De Backer, Christian Ehler, Adam Gierek, Hans-Olaf Henkel, Kaja Kallas, Barbara Kappel, Krišjānis Kariņš, Seán Kelly, Jeppe Kofod, Janusz Lewandowski, Ernest Maragall, Edouard Martin, Angelika Mlinar, Nadine Morano, Angelika Niebler, Morten Helveg Petersen, Miroslav Poche, Miloslav Ransdorf, Herbert Reul, Paul Rübig, Algirdas Saudargas, Jean-Luc Schaffhauser, Neoklis Sylikiotis, Dario Tamburrano, Evžen Tošenovský, Claude Turmes, Vladimir Urutchev, Adina-Ioana Vălean, Kathleen Van Brempt, Henna Virkkunen, Martina Werner, Hermann Winkler, Anna Záborská, Flavio Zanonato

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Miriam Dalli, Cornelia Ernst, Eugen Freund, Francesc Gambús, Benedek Jávor, Olle Ludvigsson, Svetoslav Hristov Malinov, Vladimír Maňka, Marian-Jean Marinescu, Luděk Niedermayer, Piernicola Pedicini, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Sofia Sakorafa, Paul Tang, Indrek Tarand, Cora van Nieuwenhuizen

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Daniela Aiuto, Fernando Maura Barandiarán, Claudia Tapardel