RAPPORT dwar il-ħolqien ta' sistema multimodali integrata għall-ħruġ ta' biljetti fl-Ewropa

8.6.2015 - (2014/2244(INI))

Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
Rapporteur: Dieter-Lebrecht Koch

Proċedura : 2014/2244(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0183/2015
Testi mressqa :
A8-0183/2015
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-ħolqien ta' sistema multimodali integrata għall-ħruġ ta' biljetti fl-Ewropa

(2014/2244(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-qafas għall-varar ta' Sistemi ta' Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma' modi oħrajn ta' trasport[1],

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni Nru 454/2011 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabilità relatata mas-subsistema applikazzjonijiet telematiċi għal servizzi tal-passiġġieri tas-sistema ferrovjarja trans-Ewropea[2],

–       wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data[3],

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Pjan ta' Azzjoni biex jiġu introdotti Sistemi Intelliġenti tat-Trasport fl-Ewropa (COM(2008)0886),

–       wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tal-2011 bit-titolu "Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti" (COM(2011)0144),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti"[4],

–       wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni "Towards a roadmap for delivering EU-wide multimodal travel information, planning and ticketing services" ("Lejn pjan direzzjonali għat-twettiq ta' servizzi pan-Ewropej tal-informazzjoni, l-ippjanar u l-ħruġ ta' biljetti għall-ivvjaġġar multimodali") (SWD (2014) 0194),

–       wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Mobilità Urbana (COM(2009)0490),

–       wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0183/2015),

A.     billi, minkejja l-isforzi attwali, l-għan delineat fl-Inizjattiva 22 fil-White Paper[5] tal-2011, li jipprevedi l-possibilità ta' vvjaġġar multimodali mingħajr diffikultajiet "minn bieb sa bieb" b'sistemi tat-trasport intelliġenti għall-iskedar interoperabbli u multimodali, sistemi ta' bbukkjar online u ħruġ ta' biljetti intelliġenti, għadu ma ntlaħaqx;

B.     billi l-maġġoranza tal-vjaġġaturi għadhom jippreferu t-trasport individwali peress li l-ħolqien ta' servizzi ta' ppjanar tal-vjaġġi madwar l-UE fih innifsu mhux se jkun biżżejjed biex tinkiseb integrazzjoni aħjar tad-diversi mezzi ta' trasport, kull wieħed minn dawn il-mezzi ta' trasport jeħtieġ li jsir aktar effiċjenti, sostenibbli u aktar faċli biex jintuża, u dan il-proċess ikun assistit b'mod sinifikattiv, inter alia, mill-adozzjoni tar-Raba' Pakkett dwar il-Ferrovija sal-punt li jiżgura aċċess ugwali għall-infrastruttura anki għall-operaturi iżgħar, l-SMEs u n-negozji li għadhom jibdew, u l-adozzjoni tar-Regolament dwar id-drittijiet tal-passiġġieri bl-ajru u ta' strateġija dwar il-passaġġi tal-ilma Ewropej u l-proġetti ta' prijorità tat-TEN-T;

C.     billi, minkejja li l-Kummissjoni tiddefinixxi biljetti integrati bħala kombinazzjoni ta' metodi differenti tat-trasport f'biljett uniku, definizzjoni bħal din mhux dejjem hija kondiviża bejn l-intrapriżi, u uħud mill-operaturi tas-servizz għandhom l-għan biss li jipprovdu biljetti interoperabbli, li jkompli jxekkel aktar żviluppi fis-settur;

1.      Jinnota li l-informazzjoni dwar ivvjaġġar multimodali mal-UE, approċċ traskonfinali integrat rigward servizzi ta' ppjanar u ħruġ ta' biljetti, speċjalment għall-vjaġġi fuq medda twila huma parti mit-tweġiba għall-isfidi ewlenin fis-settur tat-trasport Ewropew, inklużi dawk tas-sostenibilità, il-multimodalità, it-titjib fis-sikurezza fil-mezzi kollha tat-trasport, l-effiċjenza u l-vijabilità ekonomika, il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u l-mobilità tax-xogħol u huma għalhekk ugwalment ta' benefiċċju għas-soċjetà, l-ekonomija, l-ambjent, il-koeżjoni soċjali u l-industrija tat-turiżmu;

2.      Jenfasizza li informazzjoni dwar il-vjaġġi multimodali integrati madwar l-UE, is-servizzi ta' ppjanar u ta' ħruġ ta' biljetti jipprovdu lin-negozji Ewropej, speċjalment lill-SMEs u n-negozji l-ġodda, b'opportunitajiet għall-innovazzjoni u b'hekk jikkostitwixxu kontribut ewlieni għal suq uniku Ewropew kompetittiv fuq livell dinji u l-finalizzazzjoni ta' żona unika Ewropea tat-trasport;

3.      Jenfasizza li l-mobilità personali madwar l-UE hija prerekwiżit għall-eżerċizzju tal-libertajiet bażiċi u li l-konsumaturi għalhekk għandu jkollhom aċċess għal informazzjoni komprensiva, preċiża u newtrali kemm rigward l-iskedi tal-ħinijiet kif ukoll il-konnessjonijiet dwar it-trasport multimodali u transkonfinali għal ivvaġġjar minn bieb sa bieb mingħajr diffikultà, iffaċilitat u bi standards għolja ta' kumdità u sabiex ikun possibbli li l-vjaġġaturi jibbukkjaw u jħallsu online; jilqa' l-inizjattiva biex il-vjaġġaturi jiġu mħeġġa jikkombinaw diversi mezzi tat-trasport disponibbli; jinnota li fil-parti l-kbira tal-Istati Membri l-possibilità li jinxtraw biljetti għal vjaġġi nazzjonali u transkonfinali fi ħdan l-UE permezz tal-internet jew applikazzjoni tal-mobile għadha nieqsa; huwa tal-fehma li l-"geo-blocking" ma għandux ikun permess;

4.      Jissottolinja l-importanza għall-utenti li jixtru biljett wieħed għal vjaġġ multimodali wieħed u jqis il-possibilità ta' aċċess ġust u ugwali għad-data dwar l-ivvjaġġar u t-traffiku multimodali u għaldaqstant l-għoti ta' informazzjoni komprensiva, faċilment aċċessibbli, newtrali, affidabbli u fil-ħin reali lill-vjaġġaturi bħala prerekwiżit għal sistemi integrati ta' ħruġ ta' biljetti, u jenfasizza li, sabiex jiżgura li l-miżuri għal dak l-għan ikunu ġusti, huwa ta' importanza ewlenija li jkunu akkumpanjati mill-internalizzazzjoni ta' kostijiet esterni għall-mezzi kollha tat-trasport u minn informazzjoni dwar il-prestazzjoni ambjentali ta' dawn il-mezzi differenti;

5.      Jinnota li l-konsumaturi għandhom dejjem jingħataw informazzjoni trasparenti dwar l-ipprezzar; jenfasizza, għalhekk, li s-sistemi ta' prenotazzjoni u ta' ħlas għandhom jindikaw b'mod ċar il-prezz tal-biljett totali għal kwalunkwe vjaġġ magħżul, inklużi elementi obbligatorji bħat-taxxi u t-tariffi; jenfasizza l-importanza ta' pjattaformi innovattivi bbażati fuq l-IT li jnaqqsu t-tariffi tal-prenotazzjoni u t-tranżazzjoni b'mod ġenerali u jenfasizza l-importanza li jippermettu varjetà ta' possibilitajiet ta' ħlas għax-xiri ta' biljetti tal-ivvjaġġar; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jagħmlu aktar biex jillimitaw it-tariffi għall-użu ta' karti ta' kreditu jew forom oħra raġonevoli ta' ħlas għal servizzi tat-trasport pubbliku;

6.      Jenfasizza li l-inkompatibilità u l-inkonsistenza ta' saffi ta' data, tad-diversità u n-nuqqas ta' interoperabilità ta' formati tad-data u l-protokolli dwar l-iskambju tad-data jimminaw l-eżitenza ta' informazzjoni multimodali integrata, is-servizzi ta' ppjanar u ta' tikkettar fl-UE, u joħolqu spejjeż addizzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li kwalunkwe azzjoni regolatorja żżomm il-pass mal-iżviluppi mgħaġla fis-settur tat-trasport u ma toħloqx piż bla bżonn;

7.      Jilqa' l-isforzi kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat biex jiġu introdotti servizzi ta' ppjanar ta' vjaġġi flimkien ma' interfaces u standards miftuħa, iżda jinnota li ħafna minn dawn is-servizzi jkopru biss reġjuni jew pajjiżi speċifiċi u li ftit huma multimodali; jitlob, għalhekk, bħala l-ewwel pass, li l-fornituri ta' servizzi tat-trasport u l-fornituri ta' servizzi ta' ppjanar tal-vjaġġi jibnu fuq sinerġiji eżistenti u biex jiffokaw aktar mill-qrib fuq il-provvista ta' servizzi ta' ppjanar ta' vjaġġi multimodali u transkonfinali b'arranġamenti għall-ħruġ tal-biljetti imfassla b'mod individwali, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lejn il-lingwa li fiha jiġu pprovduti s-servizzi, u filwaqt li jitqies l-użu tal-lingwi minoritarji u l-konnessjoni ta' trasport fuq distanzi twal u ta’ trasport lokali inkluż "l-ewwel u l-aħħar mil", jiġifieri billi jissaħħu s-sistemi differenti biex tiġi żviluppata l-interoperabilità tagħhom u tkun possibbli l-komunikazzjoni bejniethom; jistieden lill-Kummissjoni tuża kurituri tat-TEN-T bħala proġett pilota għall-identifikazzjoni tal-flussi tal-passiġġieri u l-potenzjal għal informazzjoni multimodali, l-ippjanar tal-vjaġġi u servizzi tal-ħruġ ta' biljetti;

8.      Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa repożitorju ta' prattiki tajba għal proġetti mmexxija fuq livell lokali, reġjonali jew nazzjonali, biex iservi bħala bażi għall-implimentazzjoni ta' dan tal-aħħar madwar l-UE;

9.      Jenfasizza li l-faċilità u konvenjenza tax-xiri bl-użu ta' sistemi integrati ta' ħruġ ta' biljetti multimodali se jattiraw iktar passiġġieri għat-trasport pubbliku, li ser iżid is-sodisfazzjon tagħhom u jkun ta' benefiċċju għall-kumpaniji tat-trasport pubbliku;

10.    Jistieden lill-Kummissjoni, fir-rigward ta' servizzi integrati ta' bejgħ ta' biljetti multimodali, biex jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex joħolqu qafas ċar, filwaqt li jiġu appoġġjati u ffaċilitati l-isforzi li qed isiru mill-partijiet interessati u l-awtoritajiet kompetenti, il-ftehimiet li diġà kkonkludew u n-natura innovattiva tal-prodotti u s-servizzi offruti u f'każ li ma jsir l-ebda progress sinifikanti fil-ħolqien ta' sistemi ta' ħruġ ta' biljetti integrati, interoperabbli, multimodali transkonfinali sal-2020, jistieden lill-Kummissjoni biex, filwaqt li tibni fuq il-progress li diġà sar u l-inizjattivi volontarji li diġà ġew introdotti, tieħu azzjoni leġiżlattiva permezz tal-introduzzjoni ta' regoli minimi u skeda ta' ħinijiet;

11.    Jissottolinja r-rwol attiv u r-responsabilità tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fir-rigward tal-"ewwel u l-aħħar mil" tal-vjaġġi; iqis li huwa essenzjali li dawn jiġu involuti fl-implimentazzjoni ta' miżuri individwali, fis-superviżjoni tal-operat tagħhom u biex jiżguraw li s-sistema kollha kemm hi tiffunzjona b'mod effettiv; filwaqt li jiġu kkunsidrati l-punti msemmija hawn fuq, jistieden lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri

jintroduċu, sa mhux aktar tard mill-2020, f'kooperazzjoni mill-qrib mar-rappreżentanti tas-settur tat-trasport, skeda nazzjonali tal-ħinijiet u sistemi ta' informazzjoni aġġornati dwar in-nollijiet abbażi ta' interfaces miftuħa li jorbtu flimkien id-data dwar il-vjaġġi għat-trasport pubbliku reġjonali u lokali urban operati kemm minn kumpaniji tas-settur privat u kif ukoll minn kumpaniji li għandhom sjieda pubblika, u biex ikomplu jaġġornaw tali sistemi fuq bażi regolari,

jiżguraw li sal-2020 l-aktar tard, il-mezzi kollha tat-trasport pubbliku lokali jkunu mgħammra b'sistemi intelliġenti għat-trażmissjoni ta' informazzjoni fil-ħin reali dwar il-pożizzjoni tal-vettura tat-trasport u li l-inklużjoni ta' tali sistemi tkun kundizzjoni speċifika fis-sejħiet għall-offerti,

jipprovdu li, sa mhux aktar tard mill-2024, abbażi ta' interfaces miftuħa, għall-iskeda nazzjonali tal-ħinijiet u s-sistemi ta' informazzjoni dwar in-nollijiet, b'informazzjoni fil-ħin reali dwar l-iskedi tal-ħinijiet tal-operaturi tat-trasport pubbliku lokali, ikunu konnessi f'netwerk fuq bażi transkonfinali u jkunu magħmula aċċessibbli għall-operaturi, għall-fornituri ta' servizzi ta' ppjanar tal-vjaġġi u għall-konsumaturi;

12.    Jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li aċċess ġust, miftuħ u ugwali għall-fornituri ta' servizzi ta' informazzjoni, ta' ppjanar tal-vjaġġi u ta' ħruġ ta' biljetti, inklużi l-SMEs u n-negozji l-ġodda, għal data komprensiva, multimodali u fil-ħin reali dwar it-trasport u l-ivvjaġġar huwa prerekwiżit għal servizzi ta' informazzjoni dwar il-vjaġġi, servizzi ta' ppjanar u ta' ħruġ ta' biljetti multimodali mal-UE kollha, u jistieden lill-Kummissjoni tiċċirkola proposta li tesiġi li l-fornituri kollha jpoġġu għad-dispożizzjoni, f'termini ġusti u ugwali, l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jiġu pprovduti servizzi aktar komprensivi, u b'hekk min jivvjaġġa jkollu l-possibilità ta' għażla ġenwina u aċċessibbli bejn il-konnessjonijiet l-aktar sostenibbli, bl-aħjar valur jew l-aktar rapidi, mingħajr preġudizzju għall-interessi tal-fornituri tas-servizz involuti;

13.    Jenfasizza li, f'konformità mal-politika ta' kompetizzjoni tal-UE, huwa kompitu tal-Kummissjoni li tidentifika u tirreaġixxi kontra kwalunkwe riskju potenzjali ta' monopolizzazzjoni ta' informazzjoni min-naħa tal-fornituri tal-biljetti multimodali u l-fornituri ta' informazzjoni multimodali; iżid li l-Kummissjoni jeħtieġ li tiżgura wkoll li s-sehem assenjat biex jitħallas is-servizz ta' ħruġ ta' biljetti elettroniċi ma jassumix tali proporzjonijiet li jippenalizza impriżi tat-trasport tal-passiġġieri;

14.    Iħeġġeġ biex tiġi stabbilita pjattaforma li tinvolvi lir-rappreżentanti kollha tas-settur tat-trasport u lill-awtoritajiet kompetenti fuq livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew, biex jiġu żviluppati arranġamenti għall-introduzzjoni gradwali ta' sistemi ta' ħruġ ta' biljetti elettroniċi interoperabbli fl-UE kollha, filwaqt li jiġi kkunsidrat iċ-ċiklu sħiħ tal-vjaġġ u sabiex jiġu identifikati u indirizzati l-problemi tad-distribuzzjoni tad-dħul mill-bejgħ tal-biljetti b'mod proporzjonat u tal-qsim tal-piżijiet f'każ ta' tilwim bejn il-partijiet kontraenti; huwa tal-fehma li dawn is-soluzzjonijiet għandhom jiġu żviluppati b'mod li jkunu mmexxija mis-suq mingħajr ma jintefa' piż fuq l-operaturi u l-passiġġieri b'kostijiet sproporzjonati; jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi bil-qawwa, permezz ta' kofinanzjament mill-UE, sinerġiji f'dan il-qasam bejn in-netwerks tat-Telekomunikazzjoni u tat-Trasport Trans-Ewropew;

15.    Jinnota li d-drittijiet tal-passiġġieri Ewropej huma limitati sal-punt li japplikaw separatament għal kull kuntratt ta' ġarr individwalment, iżda meta vjaġġ jinvolvi traġitti transkonfinali jew trasport multimodali, id-drittijiet tal-passiġġieri ma jistgħux ikunu ggarantiti bil-mod normali u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex twieġeb għat-talba tal-Parlament, fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-Pjan Direzzjonali[6]tal-2011, għal Karta tad-Drittijiet tal-Passiġġieri li tkopri l-forom kollha ta' trasport billi tippreżenta proposta għal tali Karta, inkluża taqsima separata dwar vjaġġi multimodali bi protezzjoni ċara u trasparenti tad-drittijiet tal-passiġġieri fil-kuntest multimodali, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi ta' kull mezz ta' trasport, u ħruġ ta' biljetti multimodali integrat, sa tmiem l-2017;

16.    Jenfasizza l-importanza kruċjali, f'termini ta' mobilità soċjali, u meta jitqies it-tibdil demografiku fl-Ewropa, ta' aċċess ugwali mingħajr ostakli għat-trasport għal kulħadd u b'mod partikolari għall-persuni vulnerabbli, u jitlob li tingħata iktar attenzjoni lill-ħtiġijiet ta' persuni b'diżabilità jew tal-persuni b'mobilità mnaqqsa kif ukoll lill-bżonnijiet ta' persuni anzjani fir-rigward ta' aċċess għal informazzjoni dwar il-vjaġġi, qabel u matul il-vjaġġi, il-possibilitajiet ta' ħruġ ta' biljetti u s-sistemi ta' bbukkjar u ta' ħlas, inkluża l-kapaċità li jiġu riżervati spazji għas-siġġu tar-roti; jilqa' l-Pjan Direzzjonali ta' Att Ewropew dwar l-Aċċessibilità u l-potenzjal għal azzjoni leġiżlattiva biex jitneħħew ostakli ekonomiċi u soċjali li jiffaċċjaw il-persuni b'diżabilità; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tindirizza l-ostakli għat-trasport bħala parti mill-isforzi tagħha biex ittejjeb l-aċċessibilità;

17.    Jissottolinja l-importanza li jiġu ssalvagwartjati mudelli ta' pprezzar u possbilitajiet ta' ħlas (allowances, skontijiet, eċċ.) sabiex jiġi żgurat li ċerti gruppi fis-soċjetà (il-persuni qiegħda, il-persuni rtirati, l-istudenti, il-familji numerużi, il-persuni b'introjtu baxx u gruppi soċjali żvantaġġjati oħra) ikunu jistgħu jibbenefikaw minn sistemi ta' ħruġ ta' biljetti multimodali fl-UE;

18.    Jinnota li s-sistemi ta' informazzjoni dwar it-trasport multimodali għandhom ikunu faċli biex jintużaw u għalhekk ikkomplimentati b'data tal-mapep u data ġeografika;

19.    Jitlob li l-partijiet interessati jkomplu jirċievu appoġġ fit-tentattivi tagħhom għal soluzzjonijiet innovattivi u li għalhekk mhux biss jinżammu iżda jiġu żviluppati wkoll is-sorsi relevanti ta' finanzjament tal-UE, bħal pereżempju l-Programm ta' Innovazzjoni Shift2rail 4 fil-qafas tal-programm Orizzont 2020 u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, flimkien mal-Fondi Strutturali; iħeġġeġ lill-Bank Ewropew tal-Investiment jagħmel użu xieraq tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi f'dan ir-rigward;

20.    Jistieden lill-Kummissjoni biex tippubblika lista faċilment aċċessibbli b'evalwazzjoni regolari ta' proġetti kofinanzjati mill-UE dwar "Sistemi integrati intermodali";

21.    Jenfasizza r-rwol kruċjali tas-Sistema Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) u, b'mod partikolari, is-sistema Ewropea ta' navigazzjoni bis-satellita Galileo fil-ġbir ta' data dinamika, li permezz tagħha l-vjaġġaturi kemm qabel it-tluq kif ukoll waqt il-vjaġġ tagħhom ikunu jistgħu jiġu infurmati dwar kwalunkwe interruzzjoni kif ukoll il-possibilitajiet ta' vvjaġġar alternattiv; jenfasizza li l-benefiċċji ta' sistemi satellitari jeħtiġilhom li dejjem ikunu akkumpanjati minn dispożizzjonijiet suffiċjenti dwar il-protezzjoni tad-data;

22.    Jenfasizza l-ħtieġa biex jitnaqqsu l-konġestjoni u t-tniġġis tal-arja f'żoni urbani u jappella għall-introduzzjoni ta' inċentivi li jinkoraġġixxu l-użu ta' mezzi ta' trasport sostenibbli fl-Ewropa kollha, bl-inklużjoni fl-informazzjoni dwar il-vjaġġi u s-servizzi ta' ppjanar tal-vjaġġi ta' informazzjoni dwar servizzi diversi ta' mobilità, pereżempju, il-car sharing, carpooling, sistemi ta' park-and-ride, sistemi ta' kiri tar-roti, passaġġi fit-toroq riżervati għar-roti u passaġġi għall-mixi;

23.    Jilqa' d-disponibbiltà ta' sistemi ta' ħruġ ta' biljetti elettroniċi integrati, li dejjem qed tiżdied, fi bliet u żoni urbani oħra, bħal teknoloġiji tas-"smartcard" diġitali inklużivi li jistgħu jintużaw b'mezzi differenti tat-trasport, u anki għal vjaġġi transkonfinali, iżda jenfasizza li soluzzjonijiet tekniċi għandhom jitħallew f'idejn is-suq u ma jiġux imposti fil-livell Ewropew;

24.    Jinnota li konnessjonijiet permanentement tajba tan-netwerk huma wieħed mill-prerekwiżiti għall-ħolqien ta' sistema intelliġenti faċli għall-passiġġieri, li tkun kapaċi tipprovdi informazzjoni dinamika dwar is-sitwazzjoni tat-traffiku fil-ħin reali; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-iffaċilitar, l-inkoraġġiment u l-appoġġ għad-disponibilità wiesgħa ta' infrastrutturi diġitali b'veloċità kbira, mingħajr ħlas jew bi prezzijiet baxxi, fuq il-mezzi kollha tat-trasport u l-interchanges kollha tat-trasport, permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, Orizzont 2020, l-EFSI u sorsi oħra rilevanti ta' finanzjament;

25.    Jenfasizza l-importanza tal-protezzjoni tad-data, iħeġġeġ li jkun hemm konformità mad-Direttiva 95/46/KE u jitlob kundizzjonijiet ċari għall-użu u t-trażmissjoni ta' data, b'mod partikolari fir-rigward ta' data personali, li għandha tiġi pproċessata u użata f'forma "anonimizzata" u għal skopijiet ta' ffaċilitar tal-ħruġ ta' biljetti multimodali biss; jindika li x-xiri u l-ħlas ta' biljetti permezz tal- applikazzjonijiet tal-mobile u l-internet għandhom preferibbilment ikunu disponibbli mingħajr il-ħtieġa ta' reġistrazzjoni fis-sistema;

26.    Jenfasizza l-importanza tal-ippjanar tal-vjaġġi, l-informazzjoni multimodali aċċessibbli u l-ħruġ ta' biljetti b'mod ċar u trasparenti, inkluż permezz ta' pjattaformi diġitali u online, u l-ħtieġa ta' aċċess aħjar għat-trasport pubbiku waqt vjaġġi barra mill-pajjiż fi ħdan l-UE u l-ħtieġa li tiġi inkoraġġita l-modernizzazzjoni tas-servizzi tat-trasport sostenibbli sabiex jiġu attratti turisti mill-UE u minn barra l-UE, peress li dan jiffaċilita l-proċess sħiħ tal-ippjanar tal-vjaġġ; jissottolinja wkoll l-effetti pożittivi potenzjali ta' sistema integrata ta' ħruġ ta' biljetti f'termini ta' konnessjoni aħjar tar-reġjuni kollha, partikolarment ir-reġjuni l-aktar remoti, bħar-reġjuni l-aktar imbiegħda;

27.    Jenfasizza l-ħtieġa ta' promozzjoni u esponiment aħjar u aktar qawwija tas-servizzi ta' ppjanar tal-vjaġġi multimodali, li minnhom diġà huma disponibbli 'l fuq minn mija fl-ibliet, fir-reġjuni u fuq livell nazzjonali fl-UE, u jitlob ukoll sforzi li jippromwovu l-interkonnessjoni ta' dawn is-servizzi;

28.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  ĠU L 207, 6.8.2010, p. 2.
  • [2]  ĠU L 328, 7.12.2013, p. 72.
  • [3]  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.
  • [4]  ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 72.
  • [5]  "Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti (COM(2011)0144)
  • [6]  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2011dwar il-pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti (ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 72.)

NOTA SPJEGATTIVA

L-importanza ta' informazzjoni mal-UE kollha dwar is-servizzi tal-informazzjoni, l-ippjanar u l-ħruġ ta' biljetti għall-ivvjaġġar multimodali

Il-politika Ewropea dwar it-trasport qed tiffaċċja sfidi numerużi. Apparti l-fatt li jiġu indirizzati kwistjonijiet dwar is-sostenibilità, il-vijabilità ekonomika, l-effiċjenza fl-enerġija u l-kompatibilità ambjentali, din il-politika għandha toħroġ bi tweġibiet dwar il-konġestjoni, l-imblukkar tat-traffiku u problemi oħra tat-trasport. Għal dawn il-kwistjonijiet kollha s-servizzi tal-informazzjoni, l-ippjanar u l-ħruġ ta' biljetti għall-ivvjaġġar multimodali joffru parti importanti mis-soluzzjoni, għaliex

–   jiffaċilitaw il-mobilità u l-ivvjaġġar taċ-ċittadini tal-UE kif ukoll tal-viżitaturi minn pajjiżi terzi, u b'hekk ikun iktar faċli biex jeżerċitaw il-libertajiet fundamentali tagħhom, u fl-istess ħin tingħata spinta lit-turiżmu u konsegwentement lill-ekonomija,

–   jgħinu biex jingħata inkoraġġimnet għall-bidla lejn l-użu tat-trasport pubbliku, inklużi alternattivi bħall-kiri ta' roti, park and ride u l-car sharing u biex jiġu kkumbattuti l-konġestjonijiet – li speċjalment quddiem iż-żieda fil-volum dejjem jikber ta' traffiku hija ħaġa pożittiva ħafna, għax b'dan il-mod jingħata kontribut sinifikanti lis-sostenibilità tat-trasport fl-UE, speċjalment fl-ibliet u ż-żoni urbani l-kbar,

–   jgħinu l-integrazzjoni aħjar tad-diversi mezzi tat-trasport u użu aktar effiċjenti tal-infrastruttura eżistenti, li huwa assolutament kruċjali, meta jitqies li fl-2012 72.2 % tal-vjaġġjaturi għażlu l-karozza, filwaqt li 8.2 % użaw il-karozzi tal-linja u 6.5 % tal-vjaġġaturi għażlu l-ferrovija,

–   jipprovdu speċifikament informazzjoni rilevanti, bħal dettalji dwar għajnuna għall-imbarkar u l-iżbarkar, li għandha tingħata lill-vjaġġaturi b'diżabilità jew b'mobilità mnaqqsa, biex b'hekk tingħata spinta lill-mobilità soċjali,

–   imorru id f'id mal-użu ta' informazzjoni fil-ħin reali, li wieħed mill-effetti tiegħu huwa li jippermetti li persuni jlaħħqu mal-interruzzjonijiet fit-trasport, u, permezz tat-teknoloġiji assoċjati mal-għoti ta' informazzjoni, l-ippjanar tal-vjaġġi u l-ħruġ ta' biljetti għall-ivvjaġġar, isaħħu l-istatus tal-Ewropa bħala art għar-riċerka u l-industrija.

Dawn is-servizzi għalhekk jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-istabbiliment ta' żona unika Ewropea tat-trasport u s-suq uniku Ewropew.

Ħruġ ta' biljetti integrati

L-għan fit-tul huwa li jiġi ffaċilitat l-għoti ta' informazzjoni komprensiva mal-UE kollha dwar ivvjaġġar bl-ajru, bil-ferrovija, bil-baħar u bit-triq permezz ta' operaturi tat-trasport kemm b'sjieda pubblika kif ukoll privata, u b'hekk il-vjaġġaturi jkollhom il-possibilità ta' mobilità mingħajr ostakli, multimodali, transkonfinali u "minn bieb sa bieb". Fuq il-bażi ta' informazzjoni komprensiva, il-klijenti għandu jkollhom il-possibilità li jidentifikaw l-għażla ta' vvjaġġar l-aktar sostenibbli, rapida, jew bl-aħjar valur, għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, li jibbukkjawha u jħallsu għaliha online u li jagħmlu l-vjaġġ tagħhom bl-użu ta' biljett wieħed, irrespettivament minn kemm jużaw mezzi tat-trasport differenti fil-vjaġġ tagħhom. Bħalissa, madankollu, din l-informazzjoni komprensiva mhijiex disponibbli. Għalhekk, qabel ma tkun tista' tibda l-ħidma fuq biljetti integrati, b'biljetti validi għal kull mezz ta' trasport fuq vjaġġ partikolari, għandu jiġi pprovdut aċċess ugwali għal informazzjoni komprensiva fuq bażi mhux diskriminatorja. Kunsiderazzjoni oħra hija n-natura għalja u teknikament kumplessa ta' sistemi integrati ta' ħruġ ta' biljetti u l-ħtieġa konsegwenti li jiġi żgurat li l-mezzi ta' trasport li għalihom jiġu introdotti sistemi bħal dawn ma għandhomx ikunu tant għoljin li l-klijenti jevitawhom. Dan huwa partikolarment riskjuż fil-każ ta' mezzi ta' trasport sostenibbli. L-internalizzazzjoni sistematika tal-kostijiet esterni toffri mezz biex il-problema tiġi indirizzata, peress li hija l-unika mod biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-mezzi kollha tat-trasport.

Miżuri biex jintgħelbu l-ostakli eżistenti

Sabiex il-vjaġġaturi jkunu jistgħu jiksbu informazzjoni fil-ħin reali, din l-informazzjoni għandha tkun disponibbli għas-servizzi tal-informazzjoni dwar il-vjaġġi u dawk tal-ippjanar tal-vjaġġi, sabiex il-vjaġġaturi jkunu jistgħu jiksbu informazzjoni fuq il-paġni tal-internet tagħhom. Madankollu, il-portali eżistenti joffru biss firxa limitata ta' mezzi ta' trasport fuq il-bażi ta' ftehimiet kummerċjali. Barra minn hekk, l-offerti li jsiru, f'ħafna każijiet, ikopru biss reġjuni jew pajjiżi speċifiċi, u b'hekk ma jissimplifikawx il-vjaġġi transkonfinali. Konsegwentement, l-aċċess ġust u ugwali għall-informazzjoni dwar l-ivvjaġġar multimodali u t-traffiku għadu mhuwiex realità, u għalhekk ma jiġux offerti kollegamenti tat-trasport komprensivi.

Għal dak li għandu x'jaqsam mal-għoti ta' informazzjoni dwar l-ivvjaġġar u t-traffiku, in-natura sensittiva ta' ħafna mid-data relevanti tagħmilha impossibbli li jsir obbligatorju li d-data kollha tkun magħmula disponibbli u li l-iskambju tad-data jkun obbligatorju. Madankollu, l-operaturi kollha tat-trasport jistgħu jiġu obbligati jiżvelaw sett speċifiku ta' data li jinkludi l-informazzjoni kollha meħtieġa biex iċ-ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jagħżlu l-konnessjonijiet l-aktar sostenibbli, bl-aħjar valur jew l-aktar rapidi, mingħajr preġudizzju għall-interessi kummerċjali tal-operaturi. Huwa l-kompitu tal-Kummissjoni li tidentifika mezzi xierqa biex dan isir u, fl-istess ħin, biex jiġi żgurat li l-aċċess għall-informazzjoni ma jkollux ir-riżultat li xi operatur isir dominanti u b'hekk jinħoloq monopolju li jimmina b'mod sinifikanti l-kompetittività ta' operaturi oħra fis-suq.

Fir-rigward ta' servizzi ta' ħruġ ta' biljetti, il-Kummissjoni għandha tillimita ruħha għall-ħolqien ta' qafas li jagħti lill-operaturi spazju biex jibdew l-inizjattivi tagħhom stess. Ir-rwol tagħha għandu jkun li tappoġġja u/jew tiffaċilita l-kooperazzjoni effiċjenti fost il-partijiet interessati.

Il-pressjoni regolatorja fir-rigward ta' interfaces u l-formati tad-data għandhom jiġu assolutament evitati għaliex il-proċess leġiżlattiv ma jistax iżomm il-pass mal-iżvilupp tat-teknoloġija u ma għandha ssir ebda restrizzjoni fuq il-potenzjal tas-suq għall-innovazzjoni.

B'mod ġenerali, ir-rapporteur jilqa' l-inizjattivi volontarji li kellhom suċċess, bħal pereżempju, il-"Full Service Model", is-"Smart Ticketing Alliance u l-"All Ways Travelling", li qed jindirizzaw l-ostakli eżistenti bl-intenzjoni li jiġu żviluppati soluzzjoni komuni. Għalhekk, iħeġġeġ ukoll lill-partijiet involuti biex jistabbilixxu pjattaforma li tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati li jagħmlu parti mill-katina tal-ħolqien ta' valur fl-informazzjoni dwar it-trasport, bil-ħsieb li jinsabu soluzzjonijiet komuni għall-problemi pendenti. L-interoperabilità tas-sistemi tat-trasport intelliġenti hija importanti ferm għall-iżvilupp ta' sistemi ta' ppjanar ta' vjaġġi multimodali u, għal din ir-raġuni, l-operaturi rilevanti fis-suq għandhom jingħaqdu flimkien u jiżviluppaw soluzzjonijiet komuni biex jiffaċilitaw l-ivvjaġġar transkonfinali u multimodali. L-Istati Membri u r-reġjuni għandhom jiġu mħeġġa jiskambjaw l-għarfien u l-esperjenzi tagħhom permezz tal-qsim mal-kontroparti tagħhom tal-prattiki li taw prova tal-validità tagħhom.

Kunsiderazzjoni oħra hija n-nuqqas ta' dispożizzjonijiet regolatorji fir-rigward ta' passiġġieri fi vjaġġi multimodali. Il-kwistjonijiet ta' responsabilità u drittijiet tal-passiġġieri, pereżempju f'każijiet ta' dewmien żejjed u konnessjonijiet mitlufa li jinvolvu aktar minn mezz ta' trasport wieħed, għalhekk, jibqħu mhux solvuti. Din l-inċertezza legali għandha titneħħa malajr kemm jista' jkun, sabiex minn naħa waħda jsir iktar diffiċli għall-operaturi tal-vjaġġi li jaħarbu mir-responsabilitajiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, sabiex l-għażliet multimodali jsiru aktar attraenti għall-vjaġġaturi.

Ir-rwol tat-trasport pubbliku lokali u informazzjoni fil-ħin reali

It-trasport pubbliku lokali għandu rwol enormi x'jaqdi għaliex iġorr il-vjaġġaturi tul "l-ewwel/l-aħħar mil" tal-vjaġġ tagħhom. L-awtoritajiet lokali u reġjonali responsabbli għalih, għaldaqstant, għandhom ikunu involuti fil-forniment ta' informazzjoni fil-ħin reali dwar it-traffiku u fl-iżvilupp ta' servizzi ta' informazzjoni dwar ivvjaġġar multimodali tal-UE kollha, servizzi ta' ppjanar tal-vjaġġi u s-servizzi ta' ħruġ ta' biljetti.

Il-problema hawnhekk, madankollu, hija li ħafna assoċjazzjonijiet tat-trasport huma bbażati reġjonalment u għaldaqstant ma għandhomx sistemi ta' skedi nazzjonali. Sistemi bħal dawn huma meħtieġa għal ħarsa ġenerali tal-alternattivi tat-trasport multimodali. Din hija r-raġuni għaliex ir-rapporteur huwa favur, bħala l-ewwel pass, l-interkonnessjoni komprensiva ta' skedi tal-ħinijiet reġjonali f'sistema ta' skedi nazzjonali u, bħala t-tieni pass, netwerking transkonfinali.

L-innovazzjoni fit-trasport pubbliku lokali hija essenzjali għall-ħolqien ta' sistema attraenti tat-trasport pubbliku b'kopertura territorjali komprensiva u informazzjoni tal-iskeda tal-ħinijiet li tinkludi l-operaturi kollha tas-servizz. Ir-rapporteur għalhekk jipproponi li l-vetturi jkunu mgħammra b'sistemi intelliġenti u/jew sensuri għat-trażmissjoni minn vettura għal vettura u minn vettura għall-infrastruttura ta' informazzjoni "dinamika", inkluża informazzjoni fil-ħin reali. Dan huwa l-uniku mod li l-passiġġieri jinżammu infurmati dwar, pereżempju, il-pożizzjoni eżatta ta' vetturi fuq r-rotot tagħhom, u biex jiġi żgurat rispons f'waqtu għal kwalunkwe interruzzjoni, dewmien żejjed, eċċ. Is-sistemi ta' navigazzjoni bis-satellita (GNSS) u, b'mod partikolari, Galileo għandhom rwol essenzjali x'jaqdu f'dan ir-rigward għaliex dawn mhux biss jippermettu l-ippjanar effiċjenti tar-rotot iżda jiffaċilitaw ukoll reazzjoni għall- interruzzjonijiet u għal ċirkostanzi eċċezzjonali u/jew għal sitwazzjonijiet ta' kriżi.

Għad hemm ħafna xi jsir qabel ma servizz fil-ħin reali ta' informazzjoni dwar it-traffiku kompatibbli, interoperabbli u kontinwu madwar l-Ewropa kollha ikun realtà, iżda l-iżvilupp tal-internet u s-smartphones jagħmlu tali servizz kemm possibbli kif ukoll meħtieġ. Għalhekk ir-rapporteur ukoll b'mod espliċitu jilqa' l-istabbiliment mill-Kummissjoni permezz ta' att delegat, ta' speċifikazzjonijiet li jiżguraw l-aċċessibbiltà mifruxa mal-UE kollha u l-iskambju u l-iżvilupp ulterjuri ta' servizzi ta' informazzjoni dwar it-traffiku fil-ħin reali. Dan huwa pass sensibbli fid-direzzjoni t-tajba iżda għandhom jittieħdu aktar passi sabiex in-nies li jivvjaġġaw fl-Ewropa jkunu jistgħu jidentifikaw l-għażla ta' vjaġġ multimodali minn bieb sa bieb, l-aktar sostenibbli, l-aktar rapidu jew bl-aħjar valur, u jibbukkjaw u jħallsu għalih u mbagħad jiġu infurmati, kemm qabel ma jitilqu u matul il-vjaġġ tagħhom, dwar kwalunkwe interruzjoni tiegħu u, fejn applikabbli, biex jirċievu suġġerimenti għal rotot alternattivi.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

28.5.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

40

0

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Daniela Aiuto, Lucy Anderson, Marie-Christine Arnautu, Inés Ayala Sender, Georges Bach, Izaskun Bilbao Barandica, Deirdre Clune, Michael Cramer, Luis de Grandes Pascual, Andor Deli, Isabella De Monte, Ismail Ertug, Jacqueline Foster, Tania González Peñas, Dieter-Lebrecht Koch, Stelios Kouloglou, Merja Kyllönen, Miltiadis Kyrkos, Bogusław Liberadzki, Peter Lundgren, Marian-Jean Marinescu, Georg Mayer, Cláudia Monteiro de Aguiar, Jens Nilsson, Markus Pieper, Salvatore Domenico Pogliese, Christine Revault D’Allonnes Bonnefoy, Dominique Riquet, Massimiliano Salini, Claudia Schmidt, Claudia Tapardel, Pavel Telička, Wim van de Camp, Elissavet Vozemberg, Roberts Zīle, Kosma Złotowski, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Rosa D’Amato, Daniel Dalton, Knut Fleckenstein, Franck Proust, Davor Škrlec, Ruža Tomašić, Matthijs van Miltenburg