RAPPORT dwar l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa bħala sfidi għall-governanza, il-protezzjoni soċjali u l-iżvilupp fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw

9.6.2015 - (2015/2058(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp
Rapporteur: Elly Schlein
Rapporteur għal opinjoni (*):
Hugues Bayet għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
(*) Proċedura b'kumitati assoċjati – Artikolu 54 tar-Regoli ta’ Proċedura

Proċedura : 2015/2058(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0184/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa bħala sfidi għall-governanza, il-protezzjoni soċjali u l-iżvilupp fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw

(2015/2058(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Monterrey (2002), il-Konferenza dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp f'Doha (2008), id-Dikjarazzjoni ta' Pariġi (2005) u l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Akkra (2008),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 68/204 u 68/279 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar it-Tielet Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp, li se ssir f'Addis Ababa (l-Etjopja) mit-13 sas-16 ta' Lulju 2015,

–       wara li kkunsidra l-ħidma tal-Kumitat ta' Esperti tan-NU dwar il-Kooperazzjoni Internazzjonali fi Kwistjonijiet tat-Taxxa[1],

–       wara li kkunsidra l-Mudell ta' Konvenzjoni tan-NU dwar it-Tassazzjoni Doppja bejn il-pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw[2] ,

–       wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu[3],

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-21 ta' April 2010 bit-titolu "It-Taxxa u l-Iżvilupp, Kooperazzjoni ma' Pajjiżi li qed Jiżviluppaw dwar il-Promozzjoni ta' Governanza Tajba fi Kwistjonijiet tat-Taxxa" (COM(2010)0163),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Frar 2015 bit-titolu "Sħubija Globali għall-Qerda tal-Faqar u l-Iżvilupp Sostenibbli wara l-2015" (COM(2015)0044),

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Marzu 2015 dwar it-trasparenza fiskali kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa (COM(2015)0136),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Mejju 2013 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u r-rifuġji fiskali[4],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2011 dwar it-taxxa u l-iżvilupp – kooperazzjoni ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw dwar il-promozzjoni ta' governanza tajba fi kwistjonijiet tat-taxxa[5],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Frar 2010 dwar il-promozzjoni ta’ governanza tajba fi kwistjonijiet fiskali[6],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2013, dwar il-korruzzjoni fis-settur pubbliku u f'dak privat: l-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi[7],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Frar 2014 dwar il-promozzjoni tal-iżvilupp permezz ta' prattiki ta' negozju responsabbli, inkluż ir-rwol tal-industriji estrattivi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw[8],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2014 dwar l-UE u l-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015[9],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2014 dwar ir-Rapport tal-UE tal-2013 dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp[10],

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 208 TFUE, li jistabbilixxi li l-qerda tal-faqar hija l-objettiv prinċipali tal-politika tal-UE għall-iżvilupp u l-prinċipju tal-koerenza fil-politiki għall-iżvilupp,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0184/2015),

A.     billi l-flussi finanzjarji illeċiti, jiġifieri l-flussi finanzjarji privati kollha maħruġa 'l barra li ma jkunux irreġistrati u li jinvolvu kapital gwadanjat, trasferit jew użat illegalment, tipikament joriġinaw minn attivitajiet ta' evażjoni u evitar tat-taxxa, bħal ipprezzar ta' trasferimenti abbużiv, kontra l-prinċipju li t-taxxi għandhom jitħallsu fejn jinħolqu l-profitti, u billi ġie identifikat li l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa huma ostakli ewlenin għall-mobilizzazzjoni tad-dħul domestiku għall-iżvilupp mit-testi u l-konferenzi internazzjonali ewlenin kollha dwar il-finanzjament għall-iżvilupp;

B.     billi, skont ir-Rapport ta' Global Financial Integrity għall-2014, flimkien, l-investiment dirett barrani (IDB) u l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) bejn l-2003 u l-2012 kienu jirrapreżentaw ammont kemmxejn inqas mill-flussi illeċiti li ħarġu 'l barra; billi l-flussi finanzjarji illeċiti jirrappreżentaw madwar għaxar darbiet l-ammont ta' flus għall-għajnuna li jirċievu l-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li għandu jkun immirat lejn il-qerda tal-faqar, il-benessri u l-iżvilupp sostenibbli, u jirrappreżentaw delokalizzazzjoni tal-kapital illeċita mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw li hu stmat li annwalment jilħaq USD 1 triljun;

C.     billi l-ġenerazzjoni ta' dħul pubbliku mill-industriji ta' estrazzjoni hi essenzjali għall-istrateġiji ta' żvilupp ta' ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment il-pajjiżi l-anqas żviluppati, iżda l-potenzjal li joffru l-industriji ta' estrazzjoni biex tingħata spinta għad-dħul fiskali fil-biċċa l-kbira mhux qed jiġi sfruttat sew, minħabba l-inadegwatezza tar-regoli dwar it-taxxa jew id-diffikultajiet biex jiġu infurzati, peress li l-arranġamenti bejn il-gvernijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-kumpaniji ta' estrazzjoni normalment ikunu ad hoc u jiġu nnegozjati mingħajr trasparenza u linji gwida ċari;

D.     billi l-eżistenza ta' setturi informali kbar fl-ekonomiji tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw tagħmilha kważi impossibbli li jkun hemm tassazzjoni fuq bażi wiesgħa, u billi fil-pajjiżi fejn proporzjon kbir tal-popolazzjoni jgħix fil-faqar, sehem konsiderevoli tal-PDG mhuwiex taxxabbli;

E.     billi skemi fiskali ġusti, ibbilanċjati sew, effiċjenti u trasparenti jipprovdu finanzjament vitali lill-gvernijiet biex ikopru d-drittijiet taċ-ċittadini għal servizzi pubbliċi bażiċi, bħall-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni għal kulħadd, u billi politiki fiskali ridistributtivi effikaċi jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-effett tal-inugwaljanzi li dejjem jikbru fuq min hu l-iktar fil-bżonn;

F.     billi, skont l-UNCTAD, madwar 30 % tal-kapital ta' investiment korporattiv transkonfinali ġie mgħoddi minn pajjiżi ta' tranżitu qabel laħaq id-destinazzjoni tiegħu bħala assi produttivi;

G.     billi d-dħul mit-taxxa korporattiva jikkostitwixxi sehem importanti tal-introjtu nazzjonali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u għaldaqstant dawn jintlaqtu b'mod partikolari mill-evitar tat-taxxa fil-livell korporattiv, u billi fis-snin li għaddew il-pajjiżi li qed jiżviluppaw kontinwament baxxew ir-rati tat-taxxa korporattiva;

H.     billi r-rifuġji fiskali u l-ġurisdizzjonijiet fejn tapplika s-segretezza bankarja li jippermettu li l-informazzjoni bankarja jew finanzjarja tinżamm privata, flimkien mal-iskemi ta' "żero taxxi" biex jiġbdu l-kapital u d-dħul li kellu jiġi intaxxat f'pajjiżi oħra, jiġġeneraw kompetizzjoni fiskali dannuża, idgħajfu l-ekwità tas-sistema fiskali u jfixklu l-kummerċ u l-investiment, u dan jolqot b'mod partikolari lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'telf stmat ta' USD 189 biljun fi dħul fiskali kull sena;

I.      billi t-tassazzjoni tista' tkun sors ta' dħul affidabbli u sostenibbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u toffri l-vantaġġ tal-istabilità meta mqabbla mal-mekkaniżmi ta' finanzjament għall-iżvilupp tradizzjonali bħas-self konċessjonarju, dejjem sakemm ikun hemm skema ta' tassazzjoni bbilanċjata sew, effiċjenti u trasparenti, amministrazzjoni fiskali effikaċi u effiċjenti għall-promozzjoni tal-konformità fiskali, u użu tad-dħul pubbliku li jkun hemm l-obbligu li jingħata rendikont dwaru u li jkun responsabbli;

J.      billi l-benefiċċji potenzjali ta' tassazzjoni u politiki fiskali effikaċi u trasparenti jmorru oltre ż-żieda fir-riżorsi disponibbli għat-trawwim tal-iżvilupp, u jkollhom effett pożittiv dirett fuq il-governanza tajba u l-bini ta' stati permezz ta' tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi, tal-istat tad-dritt u tal-kuntratt soċjali bejn il-gvern u ċ-ċittadin, b'mod li jinħoloq kollegament reċiproku bejn it-taxxi, is-servizzi pubbliċi u soċjali, u l-isforzi għall-promozzjoni tal-istabilità tal-baġits governattivi, biex b'hekk tiġi promossa l-indipendenza fit-tul mill-assistenza barranija u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jitħallew ikunu reattivi u responsabbli fir-rigward tal-objettivi nazzjonali u jassumu s-sjieda tal-għażliet politiċi tagħhom;

K.     billi l-ħtieġa għal żieda fid-dħul domestiku saret aktar urġenti b'reazzjoni għall-kriżi finanzjarja u ekonomika;

L.     billi l-ammont ta' riżorsi miġbura mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw permezz ta' mobilizzazzjoni tad-dħul domestiku qed jiżdied b'rata stabbli, u sar progress importanti f'dan il-qasam bl-għajnuna ta' donaturi internazzjonali;

M.    billi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiffaċċjaw restrizzjonijiet politiċi, amministrattivi u tekniċi kbar biex iżidu d-dħul mit-taxxi bħala riżultat ta' riżorsi finanzjarji u umani insuffiċjenti biex jinġabru t-taxxi, kapaċità amministrattiva dgħajfa biex tiġi trattata l-kumplessità tal-ġbir tat-taxxi mill-kumpaniji transnazzjonali, nuqqas ta' kapaċitajiet u infrastruttura għall-ġbir tat-taxxi, telf ta' persunal imħarreġ mill-amministrazzjonijiet fiskali, korruzzjoni, nuqqas ta' leġittimità tas-sistema politika, nuqqas ta' parteċipazzjoni fil-kooperazzjoni fiskali internazzjonali, distribuzzjoni inġusta tad-dħul u governanza fiskali fqira;

N.     billi, waqt li l-kuntest globali attwali ta' liberalizzazzjoni kummerċjali u t-tneħħija gradwali tal-ostakli kummerċjali f'dawn l-aħħar deċennji żied l-ammont ta' prodotti nnegozjati fuq livell transkonfinali, ħoloq ukoll diffikultajiet għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jiddependu b'mod qawwi fuq it-taxxi mill-kummerċ, speċjalment il-pajjiżi l-anqas żviluppati, biex jikkompensaw għat-tnaqqis fit-taxxi kummerċjali u għall-bidla lejn tipi oħra ta' riżorsi domestiċi, b'mod partikolari taħlita fiskali bbilanċjata sew;

O.     billi, f'dawn l-aħħar snin, kien hemm żieda fl-għadd ta' trattati fiskali bejn il-pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw li ntużaw biex titnaqqas it-tassazzjoni fit-trasferimenti finanzjarji transkonfinali, b'mod li jiġu mminimizzati l-kapaċitajiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għall-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi u jinħolqu kanali possibbli li permezz tagħhom il-kumpaniji multinazzjonali jistgħu jevitaw it-tassazzjoni; billi valutazzjoni tal-impatt riċenti li saret mill-awtoritajiet fin-Netherlands ikkonkludiet li s-sistema fiskali ta' dak il-pajjiż iffaċilitat l-evitar tat-taxxa minn ras il-għajn, b'mod li d-dividendi u l-imgħax mitlufin mid-dħul mit-taxxa minn ras il-għajn fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw kienu bejn EUR 150–550 miljun kull sena[11];

P.     billi, komparattivament, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiġbru sostanzjalment anqas dħul mill-ekonomiji avvanzati (bi proporzjon bejn it-taxxa u l-PDG ta' 10–20 %, meta mqabbel ma' firxa bejn it-30–40% għall-ekonomiji fl-OECD) u huma kkaratterizzati minn bażijiet fiskali estremament stretti; billi hemm potenzjal konsiderevoli għat-twessigħ tal-bażijiet fiskali u għaż-żieda tal-ammont ta' dħul mit-taxxa b'mod li jiġu pprovduti l-mezzi meħtieġa għar-responsabilitajiet governattivi essenzjali;

Q.     billi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw qed jipprovaw jiġbdu l-investiment prinċipalment billi joffru diversi inċentivi u eżenzjonijiet fiskali li ma jkunux trasparenti u ma jknunux ibbażati fuq analiżi xierqa tal-ispejjeż meta mqabbla mal-benefiċċji, b'mod li ta' spiss ma jirnexxilhomx jiġbdu investimenti reali u sostenibbli, iqiegħdu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw f'kompetizzjoni kontra xulxin biex joffru l-aktar trattament fiskali favorevoli, u jwasslu għal eżiti insodisfaċenti fir-rigward ta' sistemi fiskali effikaċi u effiċjenti u għal kompetizzjoni fiskali dannuża;

R.     billi l-Istati Membri diġà impenjaw lilhom infushom biex jallokaw 0,7 % tal-ING tagħhom lill-ODA u billi l-ammont ta' għajnuna b'appoġġ għall-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi għadu baxx – jirrappreżenta anqas minn wieħed fil-mija tal-ODA totali fl-2011 – u hu stmat li 0,1 % (USD 118.4 miljun) biss tal-ODA kien iddedikat għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet fi kwistjonijiet fiskali fl-2012;

S.     billi ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw ma jistgħux jilħqu lanqas il-livell minimu tat-taxxa meħtieġ biex jiffinanzjaw il-funzjonament bażiku tagħhom, is-servizzi pubbliċi tagħhom u l-isforzi tagħhom biex inaqqsu l-faqar;

T.     billi l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) u l-istituzzjonijiet ta' finanzjament għall-iżvilupp tal-Istati Membri jappoġġaw lill-kumpaniji privati fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw direttament billi jipprovdu self jew indirettament billi jappoġġaw lil intermedjarji finanzjarji bħall-banek privati u l-fondi ta' ekwità privati, li mbagħad isellfu dawk il-flus mislufin lil impriżi jew jinvestu fihom;

U.     billi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom ikunu rrappreżentati aħjar fl-istrutturi u l-proċeduri ta' kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tat-taxxa b'mod li jkunu jistgħu jipparteċipaw b'kundizzjonijiet ta' parità fil-formulazzjoni u r-riforma tal-politiki fiskali globali;

V.     billi l-Kumitat ta' Esperti dwar il-Kooperazzjoni Internazzjonali fi Kwistjonijiet tat-Taxxa hu korp sussidjarju tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali li jagħti attenzjoni speċjali lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-pajjiżi b'ekonomiji fi tranżizzjoni;

W.    billi l-ġbir ta' biżżejjed livelli ta' finanzi pubbliċi jista' jaqdi rwol deċiżiv fil-promozzjoni ta' soċjetajiet aktar ekwi li jirrifjutaw id-diskriminazzjoni bejn l-irġiel u n-nisa u li jipprovdu appoġġ speċjali għat-tfal u gruppi vulnerabbli oħra;

1.      Jappella lill-Kummissjoni biex minnufih tressaq pjan ta' azzjoni ambizzjuż, fil-forma ta' komunikazzjoni, bħala appoġġ għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa u bħala għajnuna biex iwaqqfu sistemi fiskali ġusti, ibbilanċjati sew, effiċjenti u trasparenti, waqt li jqisu l-ħidma mwettqa mill-Kumitat għall-Għajnuna fl-Iżvilupp tal-OECD qabel il-Konferenza dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp f'Addis Ababa, l-Etjopja, li se ssir bejn it-13 u s-16 ta' Lulju 2015, u l-impatt tat-trattati fiskali internazzjonali fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

2.      Jinsisti li mobilizzazzjoni effikaċi tar-riżorsi domestiċi u tisħiħ tas-sistemi fiskali se jkunu fattur indispensabbli biex jinkiseb il-qafas għal wara l-2015 li se jissostitwixxi l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs), li jirrappreżenta strateġija vijabbli biex tingħeleb id-dipendenza fuq l-għajnuna barranija fit-tul, u li sistemi fiskali effiċjenti u ġusti huma kruċjali għall-qerda tal-faqar, għall-ġlieda kontra l-inugwaljanzi, għal governanza tajba u għall-bini ta' stati; ifakkar li ċerti attivitajiet ekonomiċi transnazzjonali affetwaw il-kapaċità tal-pajjiżi li jiġġeneraw dħul governattiv domestiku u li jagħżlu l-istruttura ta' tassazzjoni tagħhom, waqt li ż-żieda fil-mobilità tal-kapital, flimkien mal-użu tar-rifuġji fiskali, alteraw ħafna l-kundizzjonijiet għat-tassazzjoni; jesprimi wkoll tħassib rigward il-livell ta' korruzzjoni u n-nuqqas ta' trasparenza fl-amministrazzjonijiet pubbliċi li jxekklu l-investiment tad-dħul fiskali fil-bini ta' stati, f'servizzi pubbliċi jew f'infrastruttura pubblika;

3.      Jikkonstata li, meta jitqiesu bħala proporzjon tal-PDG, ir-riżorsi fiskali għadhom baxxi fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u dan qed jagħmilhom partikolarment vulnerabbli għal attivitajiet ta' evażjoni u evitar tat-taxxa min-naħa ta' kontribwenti u kumpaniji individwali; jisħaq fuq il-fatt li dan jirrappreżenta telf finanzjarju konsiderevoli għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jinkoraġġixxi l-korruzzjoni u jagħmel ħsara lill-politika tal-UE dwar l-iżvilupp, u li t-teħid ta' miżuri xierqa fil-livell nazzjonali, f'dak tal-UE u f'dak internazzjonali kontra dawn il-prattiki għandu jkun prijorità ewlenija għall-UE u għall-Istati Membri tagħha, waqt li jitqiesu l-ħtiġijiet u l-limitazzjonijiet li jaffaċċjaw il-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jiksbu aċċess għad-dħul fiskali tagħhom; jikkunsidra li l-UE għandha tiżvolġi rwol ta' tmexxija fit-tiswiq tal-isforzi internazzjonali favur il-ġlieda kontra r-rifuġji fiskali, il-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa, fejn għandha tiggwida bl-eżempju tagħha, u li għandha tikkoopera mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jikkontrobattu l-prattiki ta' evitar aggressiv tat-taxxa min-naħa ta' ċerti kumpaniji transnazzjonali, kif ukoll biex isibu modijiet li jgħinuhom jifilħu għall-pressjonijiet biex jinvolvu ruħhom f'kompetizzjoni fiskali;

Pjan ta' Azzjoni għall-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw

4.      Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu miżuri konkreti u effikaċi biex tappoġġa lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-oqfsa tal-amministrazzjoni fiskali reġjonali, bħall-Forum Afrikan għall-Amministrazzjoni Fiskali u ċ-Ċentru Inter-Amerikan tal-Amministrazzjonijiet Fiskali, fil-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, fl-iżvilupp ta' politiki fiskali ġusti, ibbilanċjati sew, effiċjenti u trasparenti, fil-promozzjoni tar-riformi amministrattivi u fit-tkabbir tas-sehem, f'termini ta' għajnuna u żvilupp, tal-assistenza finanzjarja u teknika lill-amministrazzjonijiet fiskali nazzjonali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jargumenta li dan l-appoġġ għandu jingħata biex jissaħħu l-aġenziji ġudizjarji u l-aġenziji kontra l-korruzzjoni f'dawn il-pajjiżi; jappella biex jingħaqad l-għarfien espert tas-settur pubbliku mill-Istati Membri u l-pajjiżi benefiċjarji bil-għan li jissaħħu l-attivitajiet koperattivi waqt li jkun hemm riżultati preliminari konkreti għall-pajjiżi benefiċjarji; jappoġġa l-organizzazzjoni ta' sessjonijiet ta' ħidma, sessjonijiet ta' taħriġ, missjonijiet ta' esperti, żjarat ta' studju u konsulenza;

5.      Jitlob lill-Kummissjoni tagħti post fuq quddiem fl-aġenda lill-governanza tajba fil-kwistjonijiet tat-taxxa, u lil ġbir tat-taxxa li jkun ġust, ibbilanċjat sew, effiċjenti u trasparenti fid-djalogu politiku (fuq livell ta' politika, żvilupp u kummerċ) tagħha, u fil-ftehimiet kollha ta' koperazzjoni għall-iżvilupp mal-pajjiżi sħab, waqt li ssaħħaħ is-sjieda u r-responsabilità domestika billi trawwem ambjent fejn il-parlamenti nazzjonali jkunu jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikattiv għall-formulazzjoni u s-sorveljanza tal-baġits nazzjonali, anke fir-rigward tad-dħul domestiku u l-kwistjonijiet tat-taxxa, u tappoġġa r-rwol tas-soċjetà ċivili fl-iżgurar ta' skrutinju pubbliku tal-governanza fiskali, inter alia billi jiġu stabbiliti sistemi effikaċi għall-protezzjoni tal-informaturi u s-sorsi ġurnalistiċi;

6.      Jappella b'urġenza biex l-informazzjoni rigward is-sjieda benefiċjarja ta' kumpaniji, trusts u istituzzjonijiet oħra titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku f'formati informatiċi miftuħin b'mod li l-kumpaniji tal-isem anomini u entitajiet ġuridiċi paragonabbli ma jitħallewx jintużaw għall-ħasil ta' flus, għall-finanzjament ta' attivitajiet illegali jew terroristiċi, għas-satar tal-identità ta' individwi korrotti u kriminali, u għall-ħabi tas-serq ta' fondi pubbliċi u l-qligħ minn traffikar illegali u evażjoni tat-taxxa illegali; jemmen barra minn hekk li l-pajjiżi kollha għandhom tal-anqas jadottaw u jimplimentaw kompletament ir-rakkomandazzjonijiet kontra l-ħasil tal-flus tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja;

7.      Japella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jinfurzaw il-prinċipju li jeħtieġ li l-kumpaniji multinazzjonali kwotati jew mhux kwotati mill-pajjiżi u s-setturi kollha, u speċjalment dawk il-kumpaniji fil-qasam tal-estrazzjoni tar-riżorsi, jadottaw bħala standard is-sistema ta' rapportar separat għal kull pajjiż speċifiku, li tirrikjedi li, bħala parti mir-rapportar annwali tagħhom u b'mod separat għal kull pajjiż speċifiku fir-rigward ta' kull territorju fejn joperaw, jippubblikaw l-ismijiet tas-sussidjarji kollha u l-prestazzjoni finanzjarja rispettiva tagħhom, l-informazzjoni fiskali rilevanti, l-assi u n-numru ta' impjegati, u biex jiżguraw li din l-informazzjoni titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, waqt li jimminimizzaw il-piżijiet amministrattivi billi jeskludu l-mikroimpriżi; jappella lill-Kummissjoni biex tressaq proposta leġiżlattiva biex temenda b'dan il-mod lid-Direttiva dwar il-Kontabilità; ifakkar li t-trasparenza pubblika hija pass importanti biex is-sistema fiskali attwali tiġi rranġata u tiżdied il-fiduċja pubblika; jappella lill-OECD biex tirrakkomanda li l-mudell propost tagħha għal rapportar separat għal kull pajjiż speċifiku jiġi ppubblikat mill-korporazzjonijiet multinazzjonali kollha, sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet tat-taxxa kollha fil-pajjiżi kollha jkun jista' jkollhom aċċess għal informazzjoni eżawrjenti, li tippermettilhom jivvalutaw ir-riskji tal-ipprezzar tat-trasferimenti u jidderminaw l-aktar mod effikaċi biex jużaw ir-riżorsi ta' awditjar; jissottlinja li l-eżenzjonijiet u l-vantaġġi fiskali mogħtija lill-investituri barranin permezz ta' trattati fiskali bilaterali jipprovdu lill-korporazzjonijiet multinazzjonali b'vantaġġ kompetittiv inġust fir-rigward tad-ditti domestiċi, speċjalment l-impriżi żgħar u ta' daqs medju;

8.      Jappella biex jiġu riveduti l-kundizzjonijiet u r-regolamenti fiskali li joperaw taħthom l-industriji estrattivi; jappella lill-UE biex iżżid l-assistenza tagħha lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw b'appoġġ għall-objettiv li l-estrazzjoni tar-riżorsi naturali tiġi intaxxata b'mod adegwat, biex b'hekk tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-gvernijiet ospitanti fin-negozjati biex jiksbu redditu aħjar mill-bażi tagħhom ta' riżorsi naturali, u tiġi stimolata d-diversifikazzjoni tal-ekonomija tagħhom; jappoġġa l-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi (EITI) u l-estensjoni tagħha għad-ditti produtturi u l-kumpaniji li jinnegozjaw fi prodotti komoditarji;

9.      Jilqa' l-adozzjoni ta' mekkaniżmu ta' Skambju Awtomatiku ta' Informazzjoni, għodda fundamentali għat-titjib tat-trasparenza u l-kooperazzjoni fuq livell globali fil-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa; jirrikonoxxi, madankollu, li hemm bżonn jitkompla l-appoġġ f'termini ta' finanzi, għarfien espert tekniku u ħin biex il-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikunu jistgħu jibnu l-kapaċità meħtieġa biex jibagħtu u jipproċessaw l-informazzjoni; jisħaq, għaldaqstant, fuq l-importanza li jiġi żgurat li l-Istandard Globali tal-OECD dwar l-Iskambju Awtomatiku ta' Informazzjoni jkun jinkludi perjodu ta' tranżizzjoni għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, peress li jirrikonoxxi li, jekk dan l-istandard isir reċiproku, dawk il-pajjiżi li ma jkollhomx ir-riżorsi u l-kapaċità li jwaqqfu l-infrastruttura meħtieġa għall-ġbir, il-ġestjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni rikjesta jistgħu effettivament jiġu esklużi; jikkunsidra barra minn hekk li għandu jiġi previst standard uniku dwar il-konfidenzjalità;

10.    Jappella biex, sal-aħħar tal-2015, jiġu stabbiliti definizzjoni maqbula fil-livell internazzjonali tar-rifuġji fiskali, pieni għall-operaturi li jagħmlu użu minnhom u lista sewda tal-pajjiżi, inklużi dawk fl-UE, li ma jiġġieldux l-evażjoni tat-taxxa jew li jaċċettawha jappella lill-UE biex tappoġġa r-rikonverżjoni ekonomika ta' dawk il-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jservu ta' rifuġji fiskali; jitlob lil dawk l-Istati Membri b'dipendenzi u territorji li mhumiex parti mill-Unjoni biex jaħdmu mal-amministrazzjonijiet ta' dawn iż-żoni favur l-adozzjoni tal-prinċipji tat-trasparenza fiskali u biex jiżguraw li l-ebda wieħed minnhom ma jservi ta' rifuġju fiskali;

11.    Jappella lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha biex jiżguraw li, meta jkunu qed jinnegozjaw trattati fiskali u trattati dwar l-investiment ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw, id-dħul jew il-profitti li jirriżultaw minn attivitajiet transkonfinali jiġu intaxxati fil-pajjiż ta' oriġini fejn jiġi estratt jew jinħoloq il-valur; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-fatt li l-Mudell ta' Konvenzjoni Fiskali tan-NU jiżgura tqassim ġust tad-drittijiet ta' tassazzjoni bejn il-pajjiżi ta' oriġini u l-pajjiżi ta' residenza; jisħaq fuq il-fatt li meta jkunu qed jinnegozjaw trattati fiskali, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għandhom jikkonformaw mal-prinċipju tal-koerenza fil-politiki għall-iżvilupp stabbilita fl-Artikolu 208 TFUE;

12.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kollha biex, skont l-eżempju ta' xi Stati Membri, iwettqu valutazzjonijiet tal-impatt tal-politiki fiskali Ewropej fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u jikkondividu "l-aħjar prattiki", b'mod li jsaħħu l-koerenza fil-politiki għall-iżvilupp u jtejbu l-prattiki attwali, u biex iqisu aħjar ir-riperkussjonijiet negattivi fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-ħtiġijiet speċjali ta' dawk il-pajjiżi; jilqa', f'dan il-kuntest, il-Pjan ta' Azzjoni rivedut tal-Kummissjoni dwar l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, li għandu jiġi ppreżentat fl-2015, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jilħqu qbil malajr rigward Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva;

13.    Jappoġġa b'mod qawwi l-firxa ta' inizjattivi internazzjonali eżistenti favur riforma tas-sistema globali, inkluża l-inizjattiva tal-OECD dwar l-Erożjoni tal-Bażi u Trasferiment tal-Profitt (BEPS), iffokati fuq iż-żieda fil-parteċipazzjoni min-naħa tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-istrutturi u l-proċeduri tal-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tat-taxxa; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-kumitat tan-NU dwar it-tassazzjoni jiġi trasformat f'korp intergovernattiv ġenwin mgħammar aħjar u b'biżżejjed riżorsi addizzjonali, fi ħdan il-qafas tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-NU, b'mod li jiġi żgurat li l-pajjiżi kollha jkunu jistgħu jipparteċipaw f'kundizzjonijiet ta' parità fil-formulazzjoni u r-riforma globali tal-politiki globali fil-qasam tat-taxxa; jisħaq fuq il-fatt li għandhom jiġu kkunsidrati sanzjonijiet kemm għall-ġurisdizzjonijiet mhux koperattivi u kemm għall-istituzzjonijiet finanzjarji li joperaw fi ħdan rifuġji fiskali;

14.    Jisħaq fuq il-fatt li livelli ta' finanzi pubbliċi suffiċjenti jistgħu jikkontribwixxu għall-ibbilanċjar mill-ġdid tal-inugwaljanza bejn il-ġeneri u jipprovdu mezz ta' appoġġ għat-tfal u l-gruppi vulnerabbli fis-soċjetà b'modijiet aħjar, u jirrikonoxxi li, waqt li l-evażjoni tat-taxxa jkollha impatt fuq il-benessri tal-individwi, tikkawża ħsara b'mod speċjali lill-familji fqar u bi dħul aktar baxx, li f'ħafna minnhom hemm rappreżentanza sproporzjonata ta' nisa;

15.    Jikkonstata bi tħassib li ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw isibu rwieħhom f'pożizzjoni dgħajfa ħafna meta jiġu biex jinnegozjaw ma' xi investituri diretti barranin; hu tal-fehma li għandu jiġi rikjest li l-kumpaniji jieħdu impenji preċiżi f'termini tar-riperkussjonijiet pożittivi li jista' jkollhom l-investimenti tagħhom fuq l-iżvilupp soċjoekonomiku lokali u/jew nazzjonali tal-pajjiż ospitanti; jappella lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, kif ukoll lill-gvernijiet sħab, biex jiżguraw li l-inċentivi fiskali ma jikkostitwixxux alternattivi addizzjonali li jwasslu għall-evitar tat-taxxa; jissottlinja li l-inċentivi għandhom isiru aktar trasparenti u, idealment, jiġu orjentati lejn il-promozzjoni tal-investiment fl-iżvilupp sostenibbli;

16.    Jappella lill-BEI u lill-BERŻ, kif ukoll lill-istituzzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-finanzjament għall-iżvilupp, biex jissorveljaw u jiżguraw li l-kumpaniji jew entitajiet ġuridiċi oħra li jirċievu appoġġ ma jipparteċipawx f'evażjoni u evitar tat-taxxa billi jinteraġixxu ma' intermedjarji finanzjarji stabbiliti f'ċentri offshore u f'rifuġji fiskali, jew billi jiffaċilitaw il-flussi ta' kapital illeċiti, u biex iqawwu l-politiki tagħhom dwar it-trasparenza billi, pereżempju, iqiegħdu r-rapporti u l-investigazzjonijiet kollha tagħhom għad-dispożizzjoni tal-pubbliku; jappella lill-BEI biex japplika l-prinċipju ta' "diliġenza dovuta", billi jirrikjedi li r-rapportar isir b'mod separat għal kull pajjiż speċifiku, jintraċċa l-każi ta' sjieda benefiċjarja u jikkontrolla l-ipprezzar tat-trasferimenti b'mod li jiżgura t-trasparenza tal-investimenti u jipprevjeni l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa;

17.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

  • [1]  http://www.un.org/esa/ffd/tax/
  • [2]  http://www.un.org/esa/ffd/tax/unmodel.htm
  • [3]  ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15.
  • [4]  Testi adottati, P7_TA(2013)0205.
  • [5]  ĠU C 199E, 7.7.2012, p. 37.
  • [6]  ĠU C 341E, 16.12.2010, p. 29.
  • [7]  Testi adottati, P7_TA(2013)0394.
  • [8]  Testi adottati, P7_TA(2014)0163.
  • [9]  Testi adottati, P8_TA(2014)0059.
  • [10]  Testi adottati, P7_TA(2014)0251.
  • [11]  "Kwistjonijiet ta' evalwazzjoni fil-finanzjament għall-iżvilupp: analiżi tal-effetti tal-politika tan-Netherlands dwar it-taxxa korporattiva fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw", studju kkummissjonat mid-Dipartiment għall-Evalwazzjoni tal-Politika u l-Operazzjonijiet (IOB) tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tan-Netherlands, Novembru 2013

NOTA SPJEGATTIVA

I. Nifhmu l-mobilizzazzjoni tad-dħul tar-riżorsi domestiċi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw

Għaliex hija importanti l-mobilizzazzjoni tad-dħul?

Ir-riżorsi domestiċi huma u se jkomplu jkunu l-akbar sors ta’ finanzjament għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Għalkemm ilhom dawn l-aħħar għaxar snin jikbru fir-rigward tas-sehem mill-PDG, il-proporzjon medju ta’ taxxa meta mqabbla mal-PDG fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw għadu baxx wisq: f'perspettiva komparattiva, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiġbru sostanzjalment inqas dħul mill-ekonomiji avvanzati. Il-proporzjon ta’ taxxa meta mqabbla mal-PDG fil-pajjiżi b'introjtu baxx () huwa ta’ bejn 10 % u 20 %, u f’ħafna pajjiżi bħal dawn huwa inqas minn 15 % (dan huwa ġeneralment meqjus bħala l-limitu minimu li taħtu l-gvernijiet isibuha diffiċli biex jiffinanzjaw il-funzjonament u s-servizzi bażiċi tagħhom). Għall-ekonomiji tal-OECD, dan qiegħed fil-medda ta’ 30-40 %. L-esperti jaqblu li hemm potenzjal konsiderevoli biex jiżdied il-ġbir tat-taxxa: kalkoli minn Oxfam fi 52 pajjiż li qed jiżviluppa wrew li jekk jitjieb il-ġbir tat-taxxa b’mod sinifikanti jkunu jistgħu jiġu mobilizzati USD 269 biljun addizzjonali biex jiffinanzjaw is-servizzi pubbliċi. Huwa għalhekk essenzjali li jiġi żgurat li l-ġbir tat-taxxa domestika jsir aktar prevedibbli, stabbli u robust, u li l-partijiet kollha tas-soċjetà - individwi u kumpaniji - iħallsu skont il-mezzi tagħhom.

X’inhuma l-problemi tas-sistemi eżistenti?

· Il-kummerċ: Fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, sehem sproporzjonat tar-riżorsi pubbliċi jiġi mill-kummerċ, li huwa faċli li jiġi intaxxat, iżda jesponi l-baġits għall-prezzijiet instabbli tal-kommoditajiet u ma jipprovdix ambitu kbir biżżejjed għall-espansjoni tad-dħul fiskali. Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw qed isibuha diffiċli li jikkumpensaw għat-tnaqqis fit-taxxi kummerċjali li jirriżulta mill-kuntest globali attwali tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ, u li jaqilbu għal tipi oħra ta’ riżorsi domestiċi.

· L-informalità: L-informalità tirrappreżenta restrizzjoni għall-mobilizzazzjoni tad-dħul, b’mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw fejn hija fenomenu mifrux kemm fiż-żoni urbani kif ukoll fiż-żoni rurali. L-ispejjeż amministrattivi biex jintlaħaq is-settur informali huma potenzjalment għoljin, peress li min-natura tiegħu dan ma jistax jiġi identifikat mis-sistemi eżistenti tal-uffiċjali tat-taxxa, u settur informali kbir jagħmilha kważi impossibbli li jkun hemm tassazzjoni fuq bażi wiesgħa tad-dħul.

· Ir-restrizzjonijiet politiċi: Il-gruppi li jirrappreżentaw interessi soċjoekonomiċi x’aktarx li jinfluwenzaw lill-gvernijiet biex jiksbu benefiċċji fiskali u jeżerċitaw influwenza kontinwa fuq l-uffiċjali li jaħdmu fil-politika u fl-amministrazzjoni tat-taxxa, u b’hekk jippromwovu l-korruzzjoni.

· Ir-restrizzjonijiet amministrattivi: L-amministrazzjonijiet tat-taxxa għandhom kapaċitajiet ta’ infurzar tal-liġi u żgurar tal-konformità li jvarjaw. Speċjalment meta l-pajjiżi jkollhom bżonn jimponu taxxi fuq korporazzjonijiet multinazzjonali, il-kumplessità tal-isfida toħloq ostaklu serju għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw. It-tluq tal-persunal imħarreġ mill-amministrazzjonijiet fiskali lejn organizzazzjonijiet internazzjonali u kumpaniji fis-settur privat, in-nuqqas ta’ infrastruttura għall-ġbir tat-taxxa, u l-ħtieġa li jiġu aġġornati s-sistemi informatiċi huma aktar eżempji tal-isfidi li jiffaċċjaw il-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

· Ir-restrizzjonijiet ekonomiċi: Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw ta’ spiss jistgħu jiddependu biss fuq bażi fiskali żgħira. Fil-pajjiżi fejn proporzjon kbir tal-popolazzjoni jgħix fil-faqar, sehem konsiderevoli tal-PDG mhuwiex taxxabbli. Minħabba l-iżvilupp ekonomiku baxx, is-settur industrijali jkun tipikament sottożviluppat filwaqt li s-settur agrikolu jkun kbir, u t-taxxi mis-settur industrijali jkunu normalment aktar faċli biex jinġabru.

· Ġirja lejn l-aktar livell baxx: Fis-snin reċenti il-gvernijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw kontinwament baxxew ir-rati tat-taxxa korporattiva, u offrew inċentivi fiskali u eżenzjonijiet varji bil-għan li jattiraw lill-investituri u jrawmu t-tkabbir ekonomiku. Madankollu, l-evidenza turi li dawn l-inċentivi mhumiex mutur importanti tal-investiment barrani. Dawn il-prattiki għalhekk iġelldu l-ekonomiji kontra xulxin, filwaqt li jikkompetu biex joffru l-aktar trattament fiskali favorevoli. Din il-“ġirja lejn l-aktar livell baxx” iġġib benefiċċju akbar lill-korporazzjonijiet multinazzjonali milli lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

· L-industriji estrattivi: Kwistjonijiet relatati ma’ kif id-dħul tar-riżorsi jinqasam bejn l-investituri u l-gvernijiet huma kruċjali għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw. It-trattament fiskali tal-investimenti fil-minjieri jvarja ħafna bejn pajjiż u ieħor, u l-arranġamenti ikunu spiss ad hoc u mhux trasparenti ħafna, jiġu negozjati direttament bejn il-politikanti u l-kumpaniji barra mis-sistema tat-taxxa u ma jkollhomx linji gwida ċari. Hemm potenzjal għoli għall-korruzzjoni u għal sehem aktar baxx ta’ dħul.

X'inhuma l-konsegwenzi?

Il-flussi finanzjarji illeċiti jirrappreżentaw il-flussi finanzjarji privati kollha li ma jkunux irreġistrati​u li jinvolvu kapital miksub, ttrasferit jew użat illegalment. Fl-2011, ir-riżorsi domestiċi mitlufa mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fi flussi finanzjarji illeċiti kienu ta’ aktar minn USD  630 biljun, ekwivalenti għal 4.3 % tal-PDG tal-pajjiż li qed jiżviluppaw (bil-pajjiżi l-anqas industrijalizzati partikolarment affettwati). Il-flussi illeċiti huma biss mod wieħed kif il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jitilfu d-dħul fiskali mill-korporazzjonijiet. L-evitar tat-taxxa abużiv - fejn il-kumpaniji jippruvaw jevitaw it-taxxi permezz ta’ strutturi interni kumplessi u billi jsibu lakuni fil-liġijiet fiskali - hu problema sinifikanti oħra. It-taxxi fuq il-profitti tal-kumpaniji qed jonqsu madwar id-dinja. Dan jaffettwa lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw b’mod partikolari minħabba li dawn huma dipendenti ħafna fuq it-tassazzjoni korporattiva: id-dħul mit-taxxi korporattivi jikkostitwixxi parti sinifikanti mid-dħul nazzjonali tagħhom.

Il-letteratura u d-data dwar dan is-suġġett huma skarsi, u dan huwa parzjalment dovut għall-fatt li l-firxa tal-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa hija diffiċli biex titkejjel. Ġeneralment, l-organizzazzjoni ONE tistma li mill-inqas USD 1 triljun jittieħed mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw kull sena permezz ta’ netwerk ta’ attività korrotta li tinvolvi negozjati opaki għar-riżorsi naturali, l-użu ta’ kumpaniji tal-isem anonimi, il-ħasil tal-flus, u l-evażjoni illegali tat-taxxa. Global Financial Integrity stmat li d-dinja li qed tiżviluppa tilfet USD 6.6 triljun bħala riżultat tal-flussi finanzjarji illeċiti mill-2003 sal-2012. Oxfam irrappurtat li l-ammont ta’ taxxa mhux imħallsa dovut mill-kumpaniji fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw huwa stmat għal USD 104 biljun fis-sena. ActionAid stmat li d-distakk tipiku fit-taxxa korporattiva fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw (id-differenza bejn it-taxxa effettivament miġbura u t-taxxa miġbura mistennija), minħabba l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa, huwa ta’ madwar 20 %.

Modi rilevanti ta’ evażjoni tat-taxxa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw:

· Ir-rappurtar ħażin u n-nuqqas ta’ dikjarazzjoni ta’ dħul personali jew profitti korporattivi biex jiġu evitati t-tassazzjoni diretta tad-dħul jew l-obbligi tat-taxxa.

· L-ipprezzar ħażin tal-kummerċ permezz ta’ fatturi ffalsifikati bejn l-esportaturi u l-importaturi f’kollużjoni jservi bħala mod komuni ta’ trasferiment illegali tal-flus mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw għal kontijiet finanzjarji barra mill-pajjiż, bl-iskop tal-evażjoni tat-taxxi.

· Il-frodi tal-VAT, li tinvolvi dikjarazzjonijiet foloz dwar tranżazzjonijiet kummerċjali soġġetti għall-VAT.

· It-tixħim ta’ uffiċjali tat-taxxa.

Modi rilevanti ta’ evitar tat-taxxa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw:

· It-trasferiment tal-profitti: jirreferi għall-isfruttament legali ta’ lakuni fil-kodiċi tat-taxxa leġiżlattiv. Tipikament, is-sussidjarji tal-korporazzjonijiet multinazzjonali jiġu trattati mill-awtoritajiet tat-taxxa bħala entitajiet separati. It-trasferiment tal-profitti jista’ jinkiseb billi jiġu mmanipulati l-prezzijiet ta’ trasferiment jew jiġi sfruttat is-self fi ħdan l-istess grupp. Apparti minn dan, il-korporazzjonijiet multinazzjonali jistgħu jgħawġu l-prezzijiet ta’ trasferiment biex jitnaqqas il-piż fiskali globali tal-grupp billi tiġi manipulata l-allokazzjoni tal-profitti f’ġurisdizzjonijiet partikolari b’taxxa għolja u baxxa.

· L-għażla intenzjonata tal-post għal ċerti assi intanġibbli (privattivi, marki kummerċjali u drittijiet tal-awtur) toffri lill-korporazzjonijiet multinazzjonali l-opportunità li jottimizzaw l-obbligazzjonijiet tat-taxxa kumplessivi tagħhom fiil-qafas ġuridiku.

· L-inċentivi u l-eżenzjonijiet fiskali huma, f’ċerti ċirkostanzi (in-nepotiżmu, il-korruzzjoni, it-trasparenza baxxa) “evażjoni tat-taxxa b’timbru uffiċjali fuqha”. L-inċentivi fiskali jistgħu mhux biss jgħinu lill-kumpaniji barranin biex jevitaw it-tassazzjoni, iżda jistgħu jagħtu lok għal attivitajiet illegali ta’ evażjoni tat-taxxa mill-kumpaniji domestiċi, billi jirreferu għall-investimenti domestiċi bħala investiment dirett barrani (“round-tripping”) jew ibigħu n-negozji lis-sussidjarji li jagħmluha ta’ investituri ġodda bħala mezz biex isiru eliġibbli għall-vaganzi mit-taxxa li jingħataw esklużivament lill-investituri ġodda (“double-dipping”).

II. L-analiżi tas-soluzzjonijiet eżistenti fuq livell globali

It-trattati tat-taxxa bejn il-pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw

Id-dħul mitluf mit-taxxa jista’ jiġi aggravat mit-trattati tat-taxxa, parti ewlenija tar-regolamentazzjoni fiskali internazzjonali. Billi jimmiraw lejn l-evitar tat-tassazzjoni doppja, it-trattati bilaterali jallokaw drittijiet ta’ tassazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi firmatarji. Fir-rigward tat-trattati bilaterali tat-taxxa bejn il-pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw, hemm tħassib ġenerali li l-pajjiżi żviluppati jirnexxilhom jipproteġu l-interessi tagħhom aħjar mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw. It-tieni, minħabba li t-trattati tat-taxxa ntużaw biex titbaxxa t-tassazzjoni fit-trasferimenti finanzjarji transkonfinali, dawn saru għodda ewlenija għall-intrapriżi transnazzjonali biex jittrasferixxu l-profitti tagħhom mill-pajjiżi fejn inkisbu l-profitti, lejn ġurisdizzjonijiet fejn il-korporazzjonijiet multinazzjonali jistgħu iħallsu ftit jew l-ebda taxxi.

Ħafna mit-trattati tat-taxxa tad-dinja huma bbażati fuq il-Mudell ta' Konvenzjoni dwar it-Taxxa tal-OECD, li jistabbilixxi qafas għal kif għandhom jinqasmu d-drittijiet ta’ tassazzjoni bejn il-gvernijiet għall-kumpaniji li jkunu bbażati f’pajjiż wieħed (il-pajjiż ta’ residenza, l-aktar spiss pajjiż żviluppat) u li joperaw f’pajjiż ieħor (il-pajjiż ta' oriġini, ta’ spiss pajjiż li qed jiżviluppa). Peress li l-Mudell ta' Konvenzjoni dwar it-Taxxa tal-OECD kien meqjus li qed jiffavorixxi lill-pajjiżi ta’ residenza (jiġifieri l-pajjiżi tal-OECD), ġie żviluppat Mudell ieħor ta' Konvenzjoni dwar it-Taxxa taħt l-awspiċji tan-NU, biex jiġi żgurat approċċ aktar bilanċjat għall-allokazzjoni tad-drittijiet ta’ tassazzjoni. Madankollu, ħafna pajjiżi żviluppati għadhom jinsistu li jużaw il-Mudell tal-OECD meta jinnegozjaw ma’ pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Azzjoni fuq il-livell dinji: l-OECD - Il-Pjan ta’Azzjoni BEPS

Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Erożjoni tal-Bażi u t-Trasferiment tal-Profitt (BEPS) propost mill-OECD u approvat mill-G20 ifittex li jiddefinixxi mill-ġdid ir-regoli tat-taxxa internazzjonali biex irażżan l-attività ta’ trasferiment tal-profitti, u jiżgura li l-kumpaniji jħallsu t-taxxi fejn isseħħ attività ekonomika u jinħoloq il-valur. Minħabba d-dipendenza qawwija tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fuq it-tassazzjoni korporattiva, il-proċess jista’ jkun ta’ benefiċċju kbir għalihom. Madankollu, hemm bosta raġunijiet għaliex dan il-proċess, fl-istat attwali tiegħu, mhux se jagħti riżultat li jwassal għal sistemi tat-taxxa aktar progressivi madwar id-dinja, jew għaliex dan mhux se jibbenefika lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw:

· Il-BEPS għandu ambitu dejjaq wisq, u jikkonċentra wisq fuq l-interessi tal-pajjiż sinjuri (il-membri tal-OECD). Il-pjan tiegħu ta’ 15-il azzjoni jonqos milli jindirizza numru ta’ preokkupazzjonijiet ewlenin tagħhom (il-problema tal-inċentivi fiskali pereżempju) u l-progress fuq l-aktar azzjonijiet rilevanti għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw għadu lura.

· Billi huwa ddisinjat speċjalment għall-pajjiżi żviluppati, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw m’għandhomx il-miżuri leġiżlattivi meħtieġa biex jindirizzaw l-erożjoni tal-bażi u t-trasferiment tal-profitt. Huma jiffaċċjaw diffikultajiet fil-bini tal-kapaċità meħtieġa biex jimplimentaw regoli kumplessi ħafna u biex jieħdu azzjoni kontra l-korporazzjonijiet multinazzjonali, u l-azzjoni tagħhom ħafna drabi tiġi mxekkla minħabba nuqqas ta’ informazzjoni.

F’termini ta’ governanza, l-OECD hija biss responsabbli lejn il-membri tagħha, u l-proċess tal-BEPS jonqos milli jiżgura rappreżentanza u responsabbiltà xierqa. Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw ġew ikkonsultati, iżda konsultazzjonijiet sekondarji ma jistgħux jikkumpensaw għan-nuqqas ta’ opportunità li jipparteċipaw fuq livell indaqs.

Il-ħtieġa għal Pjan ta’ Azzjoni fil-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw

Minħabba l-importanza ta’ mobilizzazzjoni aħjar tar-riżorsi domestiċi u l-problemi li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiffaċċjaw fl-indirizzar tal-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, ir-rapporteur jissuġġerixxi lista ta’ rakkomandazzjonijiet qawwija li l-PE għandu jappoġġa, fil-prospettiva tal-Konferenza dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp li se ssir f’Addis Ababa u l-firxa ta’ inizjattivi internazzjonali eżistenti għar-riforma tas-sistema tat-taxxa globali.

Fosthom, it-tisħiħ tal-assistenza finanzjarja u teknika lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-oqfsa tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa reġjonali; l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet b’saħħithom biex jittejbu t-trasparenza u l-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa, bħal mekkaniżmu ta’ Skambju Awtomatiku ta’ Informazzjoni u rapportar pajjiż b’pajjiż, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet u r-restrizzjonijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw; it-twettiq ta’ valutazzjoni tal-impatt tal-politiki fiskali fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri ; il-preżervazzjoni tad-drittijiet ta’ tassazzjoni tal-pajjiżi ta' oriġini waqt in-negozjati tat-trattati tat-taxxa u l-ħolqien ta’ korp verament intergovernattiv fejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikunu jistgħu jipparteċipaw fuq livell indaqs fir-riforma globali tar-regoli tat-taxxa internazzjonali eżistenti.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (8.5.2015)

għall-Kumitat għall-Iżvilupp

dwar l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi fiskali bħala sfidi għall-governanza, il-protezzjoni soċjali u l-iżvilupp fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw
(2015/2058(INI))

Rapporteur għal opinjoni (*): Hugues Bayet

(*)       Kumitati assoċjati – Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Itenni l-ħtieġa urġenti, kemm għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw kif ukoll għall-pajjiżi żviluppati, li jintaxxaw il-profitti fejn l-attivitajiet ekonomiċi jsiru; jenfasizza li dan huwa l-każ ukoll meta jkunu qed jiġu nnegozjati trattati fiskali ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw;

2.  Jilqa’ l-isforzi li diġà saru, b’mod partikolari fi ħdan il-qafas tal-OECD, b'appoġġ għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw fit-tisħiħ tas-sistemi tat-taxxa tagħhom u fil-ġlieda kontra l-frodi fiskali, l-evażjoni tat-taxxa, u l-flussi finanzjarji illeċiti;

3.  Jesprimi tħassib dwar il-livell ta’ korruzzjoni u amministrazzjoni pubblika mhux trasparenti f’ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw, li jxekkel id-dħul tat-taxxa milli jiġi investit fil-bini tal-istat, fis-servizzi pubbliċi jew fl-infrastruttura pubblika;

4.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex malajr jilħqu ftehim dwar Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva (BKKTK), li għall-bidu għandha tkun obbligatorja għall-kumpaniji Ewropej u s-soċjetajiet korporattivi Ewropej, u sussegwentement għall-kumpaniji kollha ħlief għall-impriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju, kif tiddisponi r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament tad-19 ta' April 2012 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva (BKKTK)[1];

5.  Itenni l-ħtieġa li, sa tmiem l-2015, titfassal lista sewda ta' rifuġji fiskali u pajjiżi li jgħawġu l-kompetizzjoni permezz ta' kundizzjonijiet tat-taxxa favorevoli, inklużi dawk fl-UE; huwa tal-fehma li d-definizzjoni ta' rifuġju fiskali għandha tal-anqas tinkludi l-kriterji stipulati mill-OECD, flimkien ma' dan li ġej: "arranġament għal miżuri tat-taxxa li jinvolvu taxxi nominali jew ma jinvolvu l-ebda taxxa, nuqqas ta' skambju effettiv ta' informazzjoni mal-awtoritajiet tat-taxxa barranin u nuqqas ta' trasparenza fid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, ġuridiċi jew amministrattivi, jew fejn jingħataw vantaġġi anke mingħajr attività ekonomika reali jew preżenza ekonomika sostanzjali fi ħdan pajjiż li joffri tali vantaġġi tat-taxxa''; jappella, barra minn hekk, li tiġi formulata definizzjoni fil-livell internazzjonali (eż. fin-Nazzjonijiet Uniti);

6.  Jitlob lil dawk l-Istati Membri b’dipendenzi u territorji, li mhumiex parti mill-Unjoni, biex jaħdmu magħhom favur l-adozzjoni ta' prinċipji tat-trasparenza fiskali u biex jiżguraw li dawn ma jservux ta' rifuġji fiskali;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni twaqqaf programm, simili għall-Fiscalis u l-Hercules, biex jgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jibnu l-kapaċità li jiġġieldu l-frodi fiskali, il-korruzzjoni, l-evażjoni tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa li, b'mod partikulari għandu jinkludi assistenza teknika għat-taħriġ tar-riżorsi umani u l-iżvilupp ta' strutturi amministrattivi; jenfasizza l-ħtieġa li din l-assistenza tingħata b’mod trasparenti;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa inizjattivi oħra biex tippromwovi l-governanza tajba fi kwistjonijiet ta' taxxa f'pajjiżi terzi, tindirizza l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, tindirizza l-lakuni fil-qasam tat-tassazzjoni (nontassazzjoni) doppja u tiġġieled l-arranġamenti fiskali artifiċjali; jiddikjara li l-ftehimiet ta' tassazzjoni (nontassazzjoni) doppja bejn Stati Membri u pajjiżi terzi jridu jkunu bbażati fuq standards komuni; jinsisti li m'għandu jsir l-ebda ftehim dwar tassazzjoni (nontassazzjoni) doppja ma' rifuġji fiskali jew ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx;

9.  Jistieden lill-korpi tal-UE sabiex ma jikkooperawx ma’ dawk il-ġurisdizzjonijiet li ġew meqjusa bħala mhux kooperattivi fi kwistjonijiet ta' taxxa, jew ma' kumpaniji misjuba ħatja ta' frodi fiskali, pereżempju billi jiżguraw li istituzzjonijiet bħall-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) ma jikkooperawx aktar, permezz tal-intermedjarji finanzjarji tagħhom, ma' ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx li jipprevedu miżuri tat-taxxa li jinvolvu taxxi nominali jew ma jinvolvu l-ebda taxxa, nuqqas ta' skambju effettiv ta' informazzjoni mal-awtoritajiet tat-taxxa barranin u nuqqas ta' trasparenza fid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, ġuridiċi jew amministrattiv, u billi jimpenjaw ruħhom li ma jagħtux finanzjament tal-UE lil kumpaniji misjuba ħatja ta' frodi fiskali, evażjoni tat-taxxa jew ippjanar aggressiv tat-taxxa;

10. Ifakkar fl-impenn tal-Istati Membri, fil-kuntest tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju, li jallokaw mill-aktar fis possibbli 0,7 % tal-PDG tagħhom għall-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp;

11. Jitlob lill-Kummissjoni tikkoopera bis-sħiħ mal-OECD, il-G20 u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex tindirizza l-erożjoni tal-bażi u t-trasferiment tal-profitt (BEPS) u tirrapporta lura regolarment lill-Parlament u lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar; jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni rivedut tal-Kummissjoni mistenni għall-2015 dwar l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa u jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta direttiva tal-UE kontra l-BEPS;

12. Jappella sabiex proġetti pilota dwar l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar it-taxxa mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiġu implimentati għal perjodu tranżizzjonali u non-reċiproku bħala parti mill-implimentazzjoni tal-istandard globali l-ġdid;

13. Jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tipproponi bidliet għad-dritt soċjetarju tal-UE sabiex, b’mod effettiv, tipprojbixxi l-kumpaniji tal-isem u entitajiet simili billi tintroduċi, pereżempju, rekwiżiti ta’ sustanza u limitazzjoni ta’ direttorati multipli;

14. Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva Spetturi Fiskali Mingħajr Fruntieri tal-OECD u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipparteċipaw fil-proġett;

15. Jinsisti dwar il-ħtieġa urġenti ta' studju dwar l-impatt tat-trattati fiskali internazzjonali, u "analiżi tal-effetti konsegwenzjali" tal-impatti tar-reġimi tat-taxxa korporattiva tal-Istati Membri u tat-trattati bilaterali fiskali tagħhom ma’ pajjiżi li qed jiżviluppaw, abbażi tal-prinċipji u l-metodoloġija tal-istudji mwettqa preċedentement mill-Fond Monetarju Internazzjonali; jappella wkoll, għal valutazzjoni tal-impatt tal-politiki fiskali nazzjonali u tal-entitajiet bi skop speċjali u ta' strutturi legali simili,

16. Jistieden lill-pajjiżi membri tal-OECD jfasslu kodiċi ta' kondotta għall-gvernijiet tagħhom sabiex jiġi żgurat li s-sistemi tat-taxxa jiġu mmaniġġjati b'effiċjenza, li jkun ibbażat fuq eżami tal-ħidma tal-Grupp dwar il-Kodiċi ta’ Kondotta tal-UE eżistenti (Tassazzjoni tal-Intrapriżi);

17. Jenfasizza li l-ambitu għall-ippjanar fiskali kreattiv għall-intrapriżi jista' jiġi limitat, pereżempju billi jiġu imposti standards globali vinkolanti, bir-riżultat li prattiki bħalma huma t-trasferiment tal-profitt u u t-tnaqqis artifiċjali tal-profitt ma jibqgħux utli;

18. Jistieden lill-Istati Membri kollha jagħtu l-appoġġ tagħhom sabiex il-ġlieda kontra l-frodi fiskali tiddaħħal fl-Aġenda għall-Iżvilupp għal wara l-2015;

19. Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-iskambji ta' informazzjoni awtomatiċi u obbligatorji bejn l-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali madwar id-dinja;

20. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jinfurzaw il-prinċipju li l-kumpaniji multinazzjonali jridu jadottaw rapportar pajjiż b’pajjiż bħala standard fis-setturi u fil-pajjiżi kollha (li għandu jiġi ppubblikat bħala parti mir-rapport annwali tagħhom), għalkemm, fl-istess ħin inaqqsu kemm jista' jkun il-piżijiet amministrattivi billi jeskludu l-SMEs;

21. Jappella għat-twaqqif ta' korp fiskali intergovernattiv taħt l-awspiċju tan-Nazzjonijiet Uniti bl-għan li jiżgura li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikunu jistgħu jipparteċipaw b'mod ugwali fil-formulazzjoni u r-riforma tal-politiki tat-taxxa globali;

22. Jappella għall-implimentazzjoni rapida tad-Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus (AMLD) u tar-Regolament dwar it-Trasferiment ta' Fondi; iqis, madankollu, li għad hemm lok għal titjib, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jisfruttaw il-flessibbiltà disponibbli, kif prevista b'mod partikolari fl-AMLD, biex jużaw ir-reġistri pubbliċi mhux ristretti li jippermettu aċċess għal informazzjoni rilevanti dwar is-sjieda fir-rigward tal-kumpaniji, trusts, fondazzjonijiet u entitajiet legali oħra;

23. Jilqa’ l-fatt li l-Pakkett ta' Trasparenza tal-Kummissjoni inkluda impenn li titwettaq valutazzjoni tal-impatt tal-possibilità li r-rappurtar pajjiż b’pajjiż għas-setturi ekonomiċi kollha jiġi ppubblikat; jenfasizza l-ħtieġa li tingħata ħarsa lejn l-ispejjeż relatati mal-pubblikazzjoni tar-rappurtar pajjiż b’pajjiż, iżda wkoll lejn il-benefiċċji għall-pajjiżi Ewropej u dawk li qed jiżviluppaw; ifakkar li t-trasparenza pubblika hija pass importanti biex is-sistema ta’ taxxa attwali tiġi rranġata u tiżdied il-fiduċja tal-pubbliku; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni biex tiżgura li din l-informazzjoni tkun disponibbli pubblikament.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

6.5.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

43

2

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Burkhard Balz, Hugues Bayet, Pervenche Berès, Esther de Lange, Fabio De Masi, Markus Ferber, Jonás Fernández, Sven Giegold, Neena Gill, Roberto Gualtieri, Brian Hayes, Gunnar Hökmark, Cătălin Sorin Ivan, Petr Ježek, Othmar Karas, Georgios Kyrtsos, Alain Lamassoure, Bernd Lucke, Olle Ludvigsson, Ivana Maletić, Fulvio Martusciello, Marisa Matias, Costas Mavrides, Bernard Monot, Luděk Niedermayer, Stanisław Ożóg, Dimitrios Papadimoulis, Dariusz Rosati, Alfred Sant, Molly Scott Cato, Peter Simon, Theodor Dumitru Stolojan, Paul Tang, Michael Theurer, Ramon Tremosa i Balcells, Marco Valli, Tom Vandenkendelaere, Cora van Nieuwenhuizen, Miguel Viegas, Jakob von Weizsäcker, Marco Zanni

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella De Monte, Marian Harkin, Eva Joly, Eva Kaili, Barbara Kappel, Verónica Lope Fontagné, Jacek Saryusz-Wolski, Romana Tomc, Beatrix von Storch

  • [1]  ĠU C 258 E, 7.9.2013, p. 134.

SEJĦA TAL-ISMIJIET GĦALL-VOTAZZJONI FINALI

Membri favur: 24

PPE: Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Maurice Ponga, Cristian Dan Preda, Paul Rübig, Davor Ivo Stier, Bogdan Brunon Wenta, Rainer Wieland, Anna Záborská

 

S-D: Enrique Guerrero Salom, Arne Lietz, Louis-Joseph Manscour, Linda McAvan, Norbert Neuser, Elly Schlein, Pedro Silva Pereira

 

ECR: Bernd Lucke

 

ALDE: Beatriz Becerra Basterrechea, Charles Goerens, Paavo Väyrynen

 

GUE/NGL: Dennis De Jong, Miguel Urbán Crespo

 

Verts/ALE:Heidi Hautala, Maria Heubuch

 

EFDD: Ignazio Corrao

Membri kontra: 0

 

Membri li astjenew: 0

 

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

1.6.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Beatriz Becerra Basterrechea, Ignazio Corrao, Charles Goerens, Enrique Guerrero Salom, Heidi Hautala, Maria Heubuch, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Arne Lietz, Linda McAvan, Norbert Neuser, Maurice Ponga, Cristian Dan Preda, Elly Schlein, Pedro Silva Pereira, Davor Ivo Stier, Paavo Väyrynen, Bogdan Brunon Wenta, Rainer Wieland, Anna Záborská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Bernd Lucke, Louis-Joseph Manscour, Paul Rübig

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Miguel Urbán Crespo, Dennis de Jong