RAPPORT dwar ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat

18.6.2015 - (2015/2002(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur għal opinjoni: Eduard Kukan


Proċedura : 2015/2002(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0194/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat

(2015/2002(INI))

Il-Parlament Ewropew,

       wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(5), 8 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra d-dokument ta’ konsultazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tal-Viċi President/Rappreżentant Għoli bit-titolu ‘Lejn Politika Ewropea tal-Viċinat ġdida’, ippublikat fl-4 ta’ Marzu 2015[1],

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet tal-Viċi President/Rappreżentant Għoli bit-titolu ‘Sħubija għad-demokrazija u l-prosperità komuni fin-Nofsinhar tal-Mediterran’ (COM(2011)0200)[2], ippubblikata fit-8 ta’ Marzu 2011, u ‘Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni’ (COM(2011)0303)[3], ippubblikata fil-25 ta’ Mejju 2011,

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2003 bit-titolu ‘Ewropa Estiża - Viċinat: qafas ġdid għar-relazzjonijiet mal-ġirien tagħna tal-Lvant u tan-Nofsinhar’ (COM(2003)0104)[4],

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat[5] tat-18 ta’ Frar 2008 u tal-20 ta’ April 2015 dwar ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat,

       wara li kkunsidra l-linji gwida għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha mill-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneri u intersesswali (LGBTI), adottati mill-Kunsill Affarijiet Barranin fl-24 ta' Ġunju 2013,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat, primarjament dawk tal-20 ta’ Novembru 2003 dwar relazzjonijiet mal-ġirien tagħna lejn il-Lvant u n-Nofsinhar[6], tal-20 ta’ April 2004 dwar ‘Ewropa estiża - politika tal-viċinat ġdida’[7], tad-19 ta’ Jannar 2006 dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat[8], tal-15 ta’ Novembru 2007 dwar it-tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat[9], tas-7 ta’ April 2011 dwar ir-reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat - dimensjoni tal-Lvant[10], tas-7 ta’ April 2011 dwar ‘Ir-reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat - dimensjoni tan-Nofsinhar’[11], tal-14 ta’ Diċembru 2011 dwar ir-reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat[12], tat-23 ta’ Ottubru 2013 dwar ‘Il-Politika Ewropea tal-Viċinat: lejn ħidma favur sħubija aktar b’saħħitha: il-pożizzjoni tal-PE dwar ir-rapporti tal-2012[13], u tat-12 ta' Marzu 2014 dwar il-valutazzjoni u l-istabbiliment ta’ prijoritajiet għar-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant[14],

       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Riga tas-Summit dwar is-Sħubija tal-Lvant tat-22 ta' Mejju 2015,

       wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta’ Riflessjoni ta’ Livell Għoli dwar il-Komunità tal-Enerġija għall-Futur,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0194/2015),

A.     billi l-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) inħolqot biex tapprofondixxi r-relazzjonijiet, ittejjeb il-kooperazzjoni u ssaħħaħ is-sħubijiet tal-UE mal-pajjiżi ġirien, bil-għan li tiġi żviluppata żona ta’ stabbiltà, sigurtà u prosperità komuni kif enfasizzat fl-Artikolu 8 tat-TUE; billi l-objettiv jibqa’ l-istess;

B.     billi l-viċinat attwalment jinsab f’sitwazzjoni ta’ bidla minħabba l-għadd dejjem jikber ta’ sfidi ta’ sigurtà li ilhom jeżistu u oħrajn emerġenti u ġodda, u huwa konsiderevolment inqas stabbli, konsiderevolment inqas sigur u qed iħabbat wiċċu ma' kriżi ekonomika aktar profonda minn meta tnediet il-PEV;

C.     billi l-politika riveduta għandha tkun ibbażata fuq responsabbiltà reċiproka u impenn kondiviż lejn il-valuri u l-prinċipji tal-UE, inklużi d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u istituzzjonijiet pubbliċi effiċjenti, responsabbli u trasparenti, u billi dawn huma fl-interess ta' soċjetajiet ġirien daqs kemm huma fl-interess tas-soċjeta tagħna f’termini ta’ stabbiltà, sigurtà u prosperità; billi, minkejja d-diffikultajiet u l-isfidi fil-prattika, l-UE trid tibqa’ deċiża fl-appoġġ tagħha għall-proċessi ta’ tranżizzjoni f'kull u fi kwalunkwe pajjiż u d-demokratizzazzjoni, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;

D.     billi partijiet kbar tal-viċinat għadhom qed jiġu affettwati minn kriżijiet u kunflitti armati jew iffriżati; billi l-pajjiżi sħab għandhom iħabirku għal soluzzjoni paċifika tal-kunflitti eżistenti; billi l-eżistenza ta’ kunflitti, inklużi dawk iffriżati jew imtawla, tfixkel it-trasformazzjoni ekonomika, soċjali u politika kif ukoll il-kooperazzjoni reġjonali, l-istabbiltà u s-sikurezza, billi l-UE għandu jkollha rwol iżjed attiv fis-soluzzjoni paċifika tal-kunflitti eżistenti;

E.     billi dawn il-kunflitti jimminaw l-iżvilupp ta' dimensjoni multilaterali ġenwina u effettiva tal-PEV; billi l-paċi u l-istabbiltà huma elementi fundamentali tal-PEV; billi l-pajjiżi sħab għandhom jirrispettaw dawn il-prinċipji;

F.     billi l-UE tikkundanna bil-qawwa l-forom kollha ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, l-istupru, l-iskjavitù, id-delitti tal-unur, iż-żwiġijiet furzati, it-tħaddim tat-tfal u l-mutilazzjoni ġenitali femminili;

G.     billi l-iżviluppi fir-reġjun mill-2004 ’l hawn, iżda b’mod partikolari f'dawn l-aħħar ftit snin, urew li l-PEV mhix kapaċi tirrispondi b’mod adegwat u fil-pront għal ċirkostanzi iebsa u li jinbidlu malajr;

H.     billi l-PEV tibqa' prijorità strateġika tal-politika barranija tal-UE, billi r-rieżami tal-PEV għandu jitwettaq bl-għan li jsaħħaħha u fl-ispirtu li jsostni l-progress lejn Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni tal-UE komprensiva u effikaċi b'mod ġenerali;

I.      billi l-Kummissjoni u s-SEAE, flimkien mal-Kunsill u l-Parlament, ippruvaw jagħtu sura ġdida lill-PEV mill-ġdid sabiex jittrattaw in-nuqqasijiet tagħha u jadattawha għal ċirkostanzi nazzjonali u internazzjonali mibdula, b’mod partikolari wara r-Rebbiegħa Għarbija; billi dan ġie rifless fl-istrument ta' finanzjament il-ġdid għall-PEV għall-2014-2020 - l-Istrument Ewropew ta' Viċinat (ENI); billi l-isfidi attwali ppreżentati mill-kriżi fil-Lvant tal-Ukraina, l-okkupazzjoni tal-Krimea u d-Da’esh għandhom jiġu kkunsidrati fir-rieżami tal-PEV;

J.      billi l-insigurtà, l-instabbiltà u kundizzjonijiet soċjoekonomiċi sfavorevoli fil-pajjiżi ġirien jista’ jkollhom impatti negattivi u jistgħu jreġġgħu lura t-tendenzi demokratiċi tal-passat;

K.     billi mill-introduzzjoni tal-approċċ il-ġdid fl-2011, żviluppi politiċi fil-viċinat urew li l-UE għandha bżonn tqis mill-ġdid ulterjorment ir-relazzjonijiet mal-ġirien tagħha, filwaqt li tikkunsidra r-realtajiet esterni u interni differenti; billi l-UE għandha bżonn tindirizza sfidi ġodda fil-viċinat tagħha u taġġusta l-istrateġija tagħha billi teżamina l-interessi u l-prijoritajiet tagħha u tevalwa l-għodod tal-politika, l-inċentivi u r-riżorsi disponibbli tagħha u l-attrazzjoni tagħhom għal sħabha;

L.     billi r-rieżami li sar fl-2011 tal-PEV iddikjara li l-approċċ il-ġdid għandu jkun ibbażat fuq responsabbiltà reċiproka u impenn kondiviż lejn il-valuri universali tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt;

M.    billi l-UE għandu jkollha rwol iżjed attiv fis-soluzzjoni paċifika tal-kunflitti eżistenti, speċjalment dawk iffriżati jew imtawla, li attwalment jirrappreżentaw ostaklu li ma jistax jingħeleb għall-iżvilupp sħiħ tal-PEV kemm fil-Lvant u kemm fin-Nofsinhar, li jfixklu r-relazzjonijiet tajba ta’ viċinat u l-kooperazzjoni reġjonali;

N.     billi l-PEV tinkludi diversi “viċinati”, li jinkludi pajjiżi b’interessi, ambizzjonijiet u kapaċitajiet differenti;

O.     billi approċċ differenzjat u politika mfassla apposta huma meħtieġa, speċjalment billi l-viċinat tal-UE sar aktar frammentat minn qatt qabel, bil-pajjiżi li huma differenti f’ħafna aspetti, inklużi fl-ambizzjonijiet u l-aspettattivi tagħhom fir-rigward tal-UE, l-isfidi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom u l-ambjent estern tagħhom; billi r-relazzjonijiet bilaterali tal-UE mal-pajjiżi tal-PEV huma fi stadji differenti ta’ żvilupp; billi l-użu effikaċi tal-prinċipju “aktar għal aktar” huwa ta’ importanza fundamentali fit-tiswir u d-differenzjar tar-relazzjonijiet mal-pajjiżi sħab, u l-UE għandha “tippremja” il-pajjiżi li juru kooperazzjoni msaħħa magħha u progress fil-kisba tal-valuri Ewropej, f’termini ta’ riżorsi u ta' inċentivi oħra fi ħdan il-qafas tal-PEV; billi l-ġirien tal-UE għandhom ikunu jistgħu jiddeterminaw il-futur tagħhom mingħajr ebda pressjoni esterna;

P.     billi, b’mod partikolari, il-progress fis-soluzzjoni tal-kunflitti u l-kontroversji bejn il-pajjiżi tal-PEV għandu jitqies bħala kriterju importanti li għandu jiġi vvalutat fir-Rapporti ta' Progress annwali;

Q.     billi r-rispett lejn l-integrità territorjali ta’ stati sovrani huwa prinċipju fundamentali tar-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi fil-viċinat Ewropew u l-okkupazzjoni ta’ territorju ta’ pajjiż minn pajjiż ieħor hija inammissibbli;

R.     billi r-riżorsi disponibbli lill-UE għall-azzjoni tagħha bħala ‘attur globali’ sal-2020 fi ħdan il-qafas finanzjarju pluriennali jammontaw biss għal 6 % tal-baġit totali, u jkopru l-programmi relatati kollha, inklużi l-iżvilupp u l-assistenza għall-kooperazzjoni;

S.     billi l-PEV ikkontribwixxiet għall-artikolazzjoni ta' vuċi waħda tal-UE fil-viċinat kollu kemm hu; billi l-Istati Membri għandu jkollhom rwol importanti fil-viċinat Ewropew billi jallinjaw l-isforzi tagħhom u jżidu l-kredibbiltà u l-kapaċità ta' azzjoni tal-UE billi jitkellmu b’vuċi waħda;

T.     billi l-proċess ta’ konsultazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni u s-SEAE għandu jkun komprensiv u inklussiv sabiex jiżgura li l-partijiet interessati rilevanti kollha jiġu kkonsultati; billi għandha tiġi enfasizzata l-importanza li jitħeġġu l-organizzazzjonijiet għall-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tan-nisa biex jipparteċipaw f’dan il-proċess ta’ konsultazzjoni; billi għandhom isiru aktar sforzi biex jiżdiedu l-viżibbiltà u l-għarfien tal-PEV fl-opinjoni pubblika tal-pajjiżi sħab;

U.     billi l-viċinati tal-Lvant u tan-Nofsinhar iħabbtu wiċċhom ma’ problemi differenti u l-ittrattar ta’ dawn il-problemi b’suċċess jirrikjedi li l-PEV tkun flessibbli u adattabbli f’termini tal-ħtiġijiet u l-isfidi speċifiċi ta’ kull reġjun;

1.      Jenfasizza l-importanza, in-neċessità u l-puntwalità tar-rieżami tal-PEV; jenfasizza li l-PEV riveduta għandha tkun tista’ tipprovdi rispons rapidu, flessibbli u xieraq għas-sitwazzjoni fuq il-post, filwaqt li tippreżenta wkoll viżjoni strateġika ambizzjuża għall-iżvilupp ta' relazzjonijiet mal-pajjiżi ġirien kemm f’qafas bilaterali u kemm f'wieħed multilaterali, b’konformità mal-impenn li jippromwovu l-valuri ewlenin li fuqhom il-PEV hija bbażata;

2.      Jenfasizza li l-PEV hija parti essenzjali tal-politika barranija tal-UE u għandha tibqa’ politika unika; iqis li tifforma parti mill-azzjoni esterna tal-UE li l-potenzjal u l-uniċità tagħha jinsabu f’firxa wiesgħa ta’ strumenti diplomatiċi, ta’ sigurtà, ta’ difiża, ekonomiċi, kummerċjali, ta’ żvilupp u umanitarji disponibbli biex jintużaw; isostni li PEV effikaċi hija essenzjali biex jissaħħu l-kredibbiltà u pożizzjonament globali tal-politika barranija tal-UE, u li l-PEV għandha turi t-tmexxija awtentika tal-UE fil-viċinat u fir-relazzjonijiet ma' sħabna fil-livell globali;

3.      Jemmen fil-kontinwazzjoni tal-valur tal-objettivi dikjarati inizjalment tal-PEV li tinħoloq żona ta’ prosperità, stabbiltà, sigurtà u ta’ relazzjonijiet tajba ta' viċinat, ibbażata fuq il-valuri u l-prinċipji komuni tal-Unjoni, billi tipprovdi assistenza u inċentivi għal riformi strutturali profondi fil-pajjiżi tal-viċinat, imwettqa taħt ir-responsabbiltà tagħhom stess u miftiehma magħhom, li se jippermettu involviment imsaħħaħ mal-UE; jissottolinja, għalhekk, il-ħtieġa li jittieħed kont tal-lezzjonijiet misluta, li jkun hemm ritorn għall-prinċipji fundamentali u li dawn l-objettivi jitqiegħdu lura fil-quċċata tal-aġenda;

4.      Jenfasizza l-importanza strateġika tal-PEV, bħala politika li toħloq relazzjonijiet b’diversi livelli u interdipendenza qawwija bejn l-UE u sħabha fil-viċinat; jenfasizza li l-isfida fundamentali tal-PEV tikkonsisti li tiggarantixxi għaċ-ċittadini tal-pajjiżi sħab titjib tanġibbli u konkret; iqis li l-PEV għandha ssir politika aktar qawwija, aktar politika u aktar effikaċi, anke permezz tat-tisħiħ tal-elementi pożittivi tagħha, fosthom iffukar akbar fuq sħubija mas-soċjetajiet, id-differenzjazzjoni u l-approċċ “aktar għal aktar”;

5.      Jenfasizza li r-rispett għall-valuri universali fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, id-demokrazija, il-libertà, l-ugwaljanza u r-rispett għad-dinjità tal-bniedem li fuqhom hija msejsa l-UE għandhom jibqgħu fil-qalba tal-politika riveduta, kif iddikjarat fl-Artikolu 2 tal-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni bejn l-UE u pajjiżi terzi; itenni li t-tisħiħ tal-istat tad-dritt u l-appoġġ għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem huma fl-interess tal-pajjiżi sħab, u jitlob għal kundizzjonalità aktar b’saħħitha rigward ir-rispett għal dawn il-valuri fundamentali komuni; jenfasizza f'dan il-kuntest ir-rwol tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE (RSUE) għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Fond Ewropew għad-Demokrazija (EED);

6.      Jenfasizza li l-politika mġedda għandha tkun aktar strateġika, iffukata, flessibbli u koerenti kif ukoll politikament motivata; jistieden lill-UE biex tifformula viżjoni politika ċara u ambizzjuża dwar il-PEV, u biex tagħti attenzjoni speċjali lill-prijoritajiet politiċi tagħha stess fil-viċinati tal-Lvant u tan-Nofsinhar, b’kunsiderazzjoni għall-isfidi differenti li qed jiffaċċjaw il-pajjiżi f’kull reġjun, kif ukoll għall-aspirazzjonijiet u l-ambizzjonijiet politiċi differenti tagħhom; isostni li s-sħubiji tal-Lvant u tal-Mediterran huma ta’ importanza kruċjali; jitlob li jinħatru rappreżentanti speċjali għal-Lvant u n-Nofsinhar, bil-kompitu li jikkoordinaw politikament il-politika riveduta u li jkunu involuti f’kull azzjoni tal-UE fil-viċinat;

7.      Jenfasizza r-rwol importanti tal-Istati Membri, l-għarfien espert tagħhom u r-relazzjonijiet bilaterali tagħhom mal-pajjiżi tal-PEV fit-tfassil ta’ politika koerenti tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa għal koordinazzjoni xierqa bejn il-VP/RGħ, il-Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati ta’ Tkabbir, id-delegazzjonijiet tal-UE u r-Rappreżentanti Speċjali tal-UE sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi; isostni li d-delegazzjonijiet tal-UE għandhom rwol ewlieni x’jaqdu fl-implimentazzjoni tal-PEV;

8.      Iħeġġeġ li l-prijoritajiet fuq perjodu qasir, medju u fit-tul kif ukoll l-objettivi strateġiċi jiġu ddefiniti, filwaqt li jżomm f’moħħu li l-PEV għandha l-għan li toħloq approċċ differenzjat biex tippromwovi l-kooperazzjoni f’oqsma differenti fost u mal-pajjiżi tal-PEV; jenfasizza li fid-definizzjoni tal-approċċ tagħha l-UE għandha tħares lejn l-interessi u l-prijoritajiet tagħha u ta' dawk il-pajjiżi individwali kkonċernati, flimkien mal-livell ta’ żvilupp tagħhom, filwaqt li tikkunsidra l-interessi u l-aspirazzjonijiet tas-soċjetajiet, l-ambizzjonijiet politiċi u l-kuntest ġeopolitiku;

9.      jenfasizza li s-sjieda lokali, it-trasparenza, ir-responsabbiltà reċiproka u l-inklużività għandhom ikunu aspetti ewlenin ta’ approċċ ġdid sabiex jiġi żgurat li l-benefiċċji tal-PEV jilħqu l-livelli kollha tal-komunità u tas-soċjetà fil-pajjiżi kkonċernati, flok ma jiġu kkonċentrati fi gruppi partikolari;

10.    Jenfasizza l-konvinzjoni tiegħu li, jekk il-pajjiżi sħab għandhom jiġu megħjuna biex isaħħu l-potenzjal ta' żvilupp tagħhom stess, id-djalogu politiku li bħalissa jikkaratterizza l-PEV għandu jċedi postu għal djalogu soċjali, ekonomiku u kulturali aktar wiesa' li jħaddan l-aspetti kollha tad-diversità politika, soċjali, etnika u kulturali tal-pajjiżi sħab; jenfasizza l-valur tal-progress miksub permezz ta’ kooperazzjoni territorjali bl-involviment dirett tal-awtoritajiet lokali;

11.    Jiddispjaċih mir-riżorsi limitati allokati għall- kooperazzjoni tal-UE ma' sħabha fi ħdan il-viċinat tagħha, b’mod partikolari meta mqabbla mal-livelli ogħla b'mod sinifikanti ta’ riżorsi investiti fil-pajjiżi tal-PEV minn partijiet interessati li jiġu minn pajjiżi terzi; jinnota li dan jipperikola l-abbiltà tal-UE li tippromwovi u timplimenta politiki li jkunu konformi mal-interessi strateġiċi tagħha fil-viċinat tagħha; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi razzjonalizzat l-appoġġ u jiżdiedu l-fondi sabiex effettivament jiġu ppremjati u appoġġati l-pajjiżi sħab li jkunu ġenwinament impenjaw ruħhom li jiksbu riformi, demokratizzazzjoni u rispett għad-drittijiet tal-bniedem permezz ta’ mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u li jagħmlu progress f'din id-direzzjoni;

12.    Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu r-responsabbiltà u l-mekkaniżmi ta’ trasparenza fil-pajjiżi sħab sabiex jiġi żgurat li jkollhom il-kapaċità li jassorbu u jużaw il-Fondi b’mod effiċjenti u b’mod sinifikanti; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, sabiex tiżgura mekkaniżmi ta’ monitoraġġ u sorveljanza tal-infiq effiċjenti tal-assistenza tal-UE fil-pajjiżi tal-PEV, inkluż permezz ta’ skrutinju mis-soċjetà ċivili;

13.    Jistieden lill-UE biex ittejjeb il-koordinazzjoni tagħha ma’ donaturi u istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra, inkluż permezz tal-inizjattiva AMICI, f’konformità mal-impenn tagħha biex issir attur globali aktar konsistenti, rispettat u effikaċi, u jenfasizza l-ħtieġa għal programmar konġunt ma’ u fost l-Istati Membri; jissottolinja li koordinazzjoni aħjar mal-Istati Membri u mal-awtoritajiet reġjonali u lokali hija meħtieġa sabiex jintlaħaq u jinkiseb approċċ komuni, koerenti u effikaċi għall-għanijiet fuq perjodu qasir u medju tal-kooperazzjoni tal-UE mal-pajjiżi tal-viċinat, u jitlob li tinfetaħ diskussjoni dwar din il-kwistjoni mal-Kunsill;

14.    Jissottolinja li l-UE għandha tassoċja l-ambizzjonijiet ta’ impenn imsaħħaħ fil-viċinat tagħha ma finanzjament suffiċjenti; iqis li r-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-istrumenti ta' finanzjament estern għandu jqis il-politika riveduta, u li l-ENI għandu għalhekk jirrifletti l-ambizzjoni li l-PEV issir aktar effiċjenti u jiżgura l-prevedibbiltà u s-sostenibbiltà tal-impenn tal-UE ma' sħabna, kif ukoll livell adegwat ta’ flessibbiltà proċedurali; jitlob, barra minn hekk, għal aktar koerenza u konsistenza bejn il-varji strumenti ta' finanzjament estern tal-UE;

15.    Jenfasizza r-rwol faċilitattiv tal-Fond Ewropew għad-Demokrazija (EED), li jikkomplementa l-istrumenti tal-UE b’approċċ ġdid li huwa aktar flessibbli u reattiv, ineħħi l-lakuni u huwa finanzjarjament effiċjenti; jistieden lill-Kummissjoni biex talloka aktar riżorsi għall-EED;

16.    Jirrikonoxxi li l-atteġġamenti lejn l-Ewropa u l-UE fil-pajjiżi ġirien iħallu impatt reali fuq il-kunflitt, iżda jiċħad kwalunkwe kompliċità mar-repressjoni u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi ġirien li jirriżultaw minn tiftix mhux ġudizzjuż tal-istabbiltà fuq perjodu qasir;

Valur miżjud tal-azzjoni fil-livell tal-UE

L-ifformular mill-ġdid tal-Politika Ewropea tal-Viċinat

17.    Jenfasizza l-ħtieġa li l-PEV tkun ifformulata mill-ġdid sabiex jinbnew sħubiji b’saħħithom, strateġiċi u dejjiema mal-pajjiżi tal-PEV li jkunu bbażati fuq il-preservazzjoni u f'konformità mal-valuri u l-prinċipji tal-UE u fuq il-promozzjoni ta’ interessi reċiproċi; jitlob li l-aspetti tekniċi tal-politika jiġu sostnuti minn viżjoni politika ċara;

18.    Jinnota li l-PEV għandha tuża l-istrumenti u l-metodoloġija tagħha stess, li għandhom jikkorrispondu mal-livell ta’ ambizzjoni u mal-ħtiġijiet u l-objettivi li l-pajjiżi tal-PEV u l-UE jfittxu li jilħqu;

19.    Jistieden lill-Kummissjoni biex tiffoka fuq setturi identifikati flimkien ma' sħabha, fuq il-bażi ta’ interessi komuni, li fihom jista' jinkiseb il-progress u l-valur miżjud universali, u biex gradwalment tespandi l-kooperazzjoni bbażata fuq il-progress u l-ambizzjoni, b’mod partikolari sabiex tikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp tal-bniedem bi ffukar fuq il-ġenerazzjonijiet il-ġodda; jenfasizza li r-riformi ekonomiċi għandhom jimxu skont riformi politiċi u li l-governanza tajba tista' tinkiseb biss permezz ta' proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet li jkun miftuħ, responsabbli u trasparenti bbażat fuq l-istituzzjonijiet demokratiċi;

20.    Jenfasizza li l-politika ta’ tkabbir u l-politika tal-viċinat huma politiki separati b’objettivi differenti; itenni, madanakollu, li l-pajjiżi Ewropej fi ħdan il-PEV, bħal kull pajjiż Ewropew ieħor, jistgħu japplikaw għall-adeżjoni mal-UE jekk jissodisfaw il-kriterji u l-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà u tad-dħul skont l-Artikolu 49 tat-TUE; iqis li, filwaqt li jirrikonoxxi li r-riforma u t-transizzjoni għandhom jiġu l-ewwel u mingħajr ma jrid iqajjem aspettattivi mhux realistiċi, li perspettiva ta' adeżjoni għandha tiġi sostnuta bħala inċentiv għall-pajjiżi kollha li huma eliġibbli u esprimew b’mod ċar aspirazzjonijiet u ambizzjonijiet Ewropej;

Appoġġ għad-demokrazija, ir-riforma ġudizzjarja, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u l-bini tal-kapaċitajiet istituzzjonali

21.    Iqis li l-appoġġ għad-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, il-bini tal-istat u d-drittijiet tal-bniedem kif ukoll il-libertajiet fundamentali hu essenzjali għall-PEV; jenfasizza li l-ebda politiki li jikkontribwixxu biex jikkompromettu dawn il-valuri ċentrali ma għandhom jiġu adottati taħt il-PEV; jenfasizza li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom joffru inċentivi u għarfien tekniku biex jitwettqu u jiġu appoġġati r-riformi demokratiċi u jingħelbu l-isfidi politiċi, ekonomiċi u soċjali;

22.    Jenfasizza l-ħtieġa kontinwa li tingħata attenzjoni partikolari lit-tisħiħ u l-konsolidazzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, l-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, ir-rispett għad-diversità u d-drittijiet tal-minoranzi, inklużi l-gruppi reliġjużi, id-drittijiet ta’ persuni LGBTI, id-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà u d-drittijiet ta’ persuni li jiffurmaw parti minn minoranzi etniċi; jenfasizza li l-bini tal-kapaċitajiet f’istituzzjonijiet nazzjonali, inkluż l-assemblej nazzjonali, flimkien ma' appoġġ għas-soċjetà ċivili, il-gruppi favur id-demokrazija u l-partiti politiċi, se ssaħħaħ id-djalogu politiku u l-pluraliżmu;

23.    Jenfasizza li d-drittijiet tan-nisa, l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-dritt għan-nondiskriminazzjoni huma drittijiet fundamentali u prinċipji ewlenin tal-azzjoni esterna tal-UE; jenfasizza l-importanza li jiġu promossi d-drittijiet tat-tfal u ż-żgħażagħ u l-ugwaljanza bejn is-sessi, kif ukoll l-għoti tas-setgħa ekonomika u politika lin-nisa, bil-għan li jinbnew soċjetajiet inklużivi, prosperi u stabbli fil-viċinat tal-UE;

24.    Iqis li l-PEV riveduta għandha ssaħħaħ il-promozzjoni tal-libertajiet fundamentali fil-pajjiżi tal-PEV billi trawwem il-libertà ta' espressjoni, ta’ assoċjazzjoni u ta’ għaqda paċifika u l-libertà tal-istampa u tal-midja bħala drittijiet li jippermettu t-twettiq tad-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali;

25.    Jenfasizza l-importanza li tiġi żviluppata d-dimensjoni soċjali tal-PEV, bl-involviment mas-sħab fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni, li tistimula l-impjiegi u t-tkabbir ġust, tiffaċilita relazzjonijiet tax-xogħol b’saħħithom u tippromwovi l-edukazzjoni u x-xogħol deċenti, biex b’hekk ikunu qed jiġu ttrattati wħud mill-kawżi primarji tal-migrazzjoni irregolari;

26.    Jirrikonoxxi l-importanza ta’ djalogu kulturali bejn l-UE u l-pajjiżi ġirien, f’oqsma bħall-prevenzjoni tal-kunflitti u l-bini tal-paċi, l-iżvilupp ta' industriji kreattivi, it-tisħiħ tal-libertà ta’ esprezzjoni, l-appoġġ għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku, u t-tisħiħ tad-djalogu mas-soċjetà ċivili u tad-djalogu interkulturali u interreliġjuż, anke sabiex tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni dejjem akbar u l-persekuzzjoni ta’ minoranzi u gruppi reliġjużi, b’mod partikolari l-Kristjani; jitlob għat-tisħiħ tal-qafas għar-relazzjonijiet kulturali, li jippermetti l-iżvilupp ta’ programmi għall-mobbiltà, it-taħriġ u l-bini tal-kapaċitajiet kif ukoll l-iskambji fl-oqsma tal-kultura u l-edukazzjoni;

27.    Jenfasizza li l-approċċ ibbażat fuq “Sħubija mas-Soċjetajiet” għandu jiġi msaħħaħ u promoss; iħeġġeġ li l-interessi komuni u l-għanijiet tal-politika jiġu definiti b’konsultazzjoni mal-partijiet interessati kollha mis-soċjetajiet differenti, u mhux biss mal-awtoritajiet;

28.    Jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp ta’ soċjetà ċivili b’saħħitha u attiva fil-proċessi tat-trasformazzjoni u d-demokratizzazzjoni, li jinkludu s-sħab soċjali u l-komunità tan-negozju; jitlob li jkun hemm aktar appoġġ għas-soċjetà ċivili, għall-SMEs lokali u għal atturi oħra mhux statali, peress li dawn jikkostitwixxu mutur għall-proċess ta’ riforma, u għal djalogu u sħubija aktar involuti bejn l-atturi u s-setturi differenti tas-soċjetà ċivili fl-UE u l-pajjiżi ġirien fil-qafas tal-PEV; jissottolinja l-importanza tal-kumpaniji Ewropej u r-rwol tagħhom fil-promozzjoni u d-disseminazzjoni ta' standards internazzjonali għan-negozju, inkluża r-responsabbiltà soċjali korporattiva;

Differenzjazzjoni u kundizzjonalità

29.    Jitlob li l-PEV tiġi żviluppata f’qafas ta’ politika mfassal b'mod iktar speċifiku u flessibbli li jkun kapaċi jadatta għad-diversità li teżisti fost il-pajjiżi sħab, u għal implimentazzjoni konsistenti tal-approċċ “differenzjat”; jissottolinja li d-differenzjazzjoni għandha sseħħ bejn il-pajjiżi tal-PEV;

30.    Jenfasizza l-bżonn li tiġi applikata kundizzjonalità effettiva fir-rigward ta’ proċessi ta’ riforma, u jenfasizza l-ħtieġa għal approċċ koerenti min-naħa tal-UE bejn il-pożizzjonijiet tagħha u l-kundizzjonalità fl-allokazzjonijiet finanzjarji; jenfasizza li l-UE ma tistax tikkomprometti l-valuri u d-drittijiet fundamentali tagħha u għandha tevita li toħloq standards doppji; jenfasizza li l-pajjiżi li qed jagħmlu progress fl-implimentazzjoni tar-riformi, li jwasslu għal żviluppi politiċi, ekonomiċi u soċjali fit-tul u li jfittxu impenn politiku aktar fil-fond mal-UE, għandhom jingħataw impenn u appoġġ aktar sostanzjali mill-UE u għandhom jiġu vvalutati fuq il-bażi ta' kisbiet individwali f’dawn il-proċessi ta’ riforma; jenfasizza l-importanza li jkun applikat bis-sħiħ il-prinċipju ta’ “aktar għal aktar”;

31.    Jenfasizza li l-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni huma l-pass l-aktar avvanzat iżda mhux l-aħħar wieħed fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-ġirien tagħha;

32.    Iqis li l-UE għandha tistieden lil pajjiżi sħab li magħhom ma għandhiex ftehimiet ta' assoċjazzjoni biex jinvolvu ruħhom f’kooperazzjoni settorjali, inkluża l-possibbiltà li jiġu konklużi ftehimiet settorjali ġodda jew jissaħħu dawk eżistenti, bħall-Komunità tal-Enerġija, b'mod li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni ta’ dawn il-pajjiżi f’partijiet settorjali speċifiċ taż-żona unika tal-erba’ libertajiet bażiċi tal-UE;

33.    Iqis li fl-isforzi biex tinkiseb l-PEV attenzjoni speċjali għandha tingħata lill-kooperazzjoni relatata mal-governanza ekonomika u s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fil-pajjiżi tal-PEV;

Id-dimensjoni tas-sigurtà

34.    Jinnota li l-preservazzjoni tal-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà hija ta' tħassib fundamentali fil-viċinat u li l-ambjent ta’ sigurtà qed imur drastikament għall-agħar; jitlob li fil-PEV ikun hemm komponent ta’ sigurtà qawwi, bi strumenti ta' politika xierqa li sfortunatament sal-lum kienu nieqsa; jenfasizza li l-UE għandha tiffoka fuq li ttejjeb l-effiċjenza u l-effikaċja tal-istrumenti ta’ ġestjoni tal-kriżi attwali tagħha bil-ħsieb li tistabbilixxi kapaċitajiet li jwessgħu l-ispettru tal-interventi ta' ġestjoni tal-kriżi; jenfasizza li s-sigurtà, l-istabbiltà u l-iżvilupp jimxu id f’id u li hemm bżonn ta’ approċċ komprensiv li jittratta t-tħassib tas-sigurtà fir-reġjun u l-kawżi ewlenin tiegħu;

35.    Josserva li l-istabbiltà tal-faxxa Saħel/Saħara għandha titqies bħala ċentru nevralġiku ta’ insigurtà, kemm fit-Tramuntana kif ukoll fin-Nofsinhar tal-Afrika, u li l-instabbiltà ta’ dan ir-reġjun hija kkawżata mill-multiplikazzjoni ta' netwerks ta’ traffikar tal-armi, ta' drogi u bnedmin u qed tkun ta' ħsara għall-istabbiltà tal-Ewropa;

36.    Jitlob għal koordinazzjoni aktar mill-qrib bejn il-PEV u l-attivitajiet aktar wiesgħin tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) u tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK), flimkien mat-tisħiħ tar-rabtiet bejn is-sigurtà interna u esterna u li jindirizzaw aspetti differenti tas-sigurtà tal-pajjiżi tal-PEV u tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa għal koerenza u allinjament sħiħ bejn ir-rieżami tal-PEV u r-reviżjoni tal-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà;

37.    Jenfasizza l-ħtieġa għal strateġija politika globali li tirrestawra l-ordni politiku Ewropew filwaqt li tiżgura konformità sħiħa mad-dritt u l-impenji internazzjonali, kif stipulat fl-Att Finali ta’ Ħelsinki tal-1975, abbażi tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tal-minoranzi u l-libertajiet fundamentali, l-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-istati, l-invjolabbiltà tal-fruntieri, l-ugwaljanza tad-drittijiet u l-awtodeterminazzjoni tal-popli, kif ukoll is-soluzzjoni paċifika ta' kunflitti; Jinnota li l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), bħala l-akbar organizzazzjoni reġjonali responsabbli għas-sigurtà, jista’ jkollha rwol importanti f’dan ir-rigward u jemmen li għandha tikseb impetu ġdid billi tieħu r-rwol ta’ medjatur; jappoġġa d-dritt tas-sħab li jagħmlu għażliet indipendenti u sovrani dwar il-politika barranija u ta’ sigurtà, ħielsa minn kull pressjoni esterna u koersjoni;

38.    Jitlob li l-politika riveduta tappoġġja lill-pajjiżi sħab fil-bini ta’ strutturi statali xierqa biex jindirizzaw kwistjonijiet ta’ sigurtà, bħalma huma l-infurzar effikaċi tal-liġi, it-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, kif ukoll l-intelliġenza u s-sigurtà, inkluża s-sigurtà ċibernetika, żviluppati fuq il-bażi ta’ rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u akkumpanjati minn kontroll demokratiku parlamentari xieraq; jenfasizza li l-UE għandha tipparteċipa f’oqsma bħar-riforma tas-settur tas-sigurtà (SSR), u, f’sitwazzjonijiet ta’ wara l-kunflitt, fid-diżarm, demobilizzazzjoni u reintegrazzjoni (DDR); jistieden lill-UE tiffoka fuq il-bini tal-kapaċitajiet għall-kontroll tal-fruntieri min-naħa tal-pajjiżi sħab; jirrikonoxxi l-kontribut kontinwu li diġà qed jingħata minn uħud minn dawn il-pajjiżi; jistieden lill-pajjiżi ġirien biex jikkontribwixxu għall-missjonijiet tal-PSDK fejn rilevanti; jistieden lill-UE biex tippromwovi inizjattivi konġunti mill-pajjiżi ġirien fil-qasam tas-sigurtà, sabiex ikunu jistgħu jieħdu iktar responsabbiltà u jagħmlu kontribut pożittiv għas-sigurtà fir-reġjun tagħhom;

39.    Ifakkar lill-Istati Membri dwar l-obbligi tagħhom taħt il-Pożizzjoni Komuni tal-UE dwar l-esportazzjoni tal-armi (944/2008), li fost l-oħrajn tirrikjedi li jiċċaħħad il-ħruġ ta’ liċenzja ta’ esportazzjoni għal teknoloġija jew tagħmir militari lil kwalunkwe pajjiż tal-viċinat jekk ikun hemm riskju ċar li t-teknoloġija jew it-tagħmir militari li se jiġi esportat jista’ jiġi użat għal repressjoni interna jew biex jitwettaq ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali, jekk jista’ jipprovoka jew itawwal kunflitti armati jew jaggrava tensjonijiet eżistenti jew kunflitti fil-pajjiż ta' destinazzjoni finali, jew jekk jista’ jiġi esportat b’mod aggressiv kontra pajjiż ieħor jew biex permezz tal-forza ssir rivendikazzjoni territorjali;

40.    Jenfasizza l-ħtieġa li b’mod attiv jippromwovi u jassisti f’riżoluzzjoni paċifika ta’ kunflitti u f'politiki ta’ rikonċiljazzjoni wara l-kunflitti fil-viċinat tal-UE, bl-użu ta’ għodod u strumenti differenti fuq il-bażi tal-valur miżjud li jistgħu jipprovdu; jemmen li miżuri bħal dawn għandhom jinkludu x-xogħol tar-Rappreżentanti Speċjali tal-UE, il-programmi ta' bini tal-kunfidenza, ir-restawr tad-djalogu, il-medjazzjoni li tippromwovi l-kuntatti bejn il-persuni u l-missjonijiet tal-PSDK; jitlob lill-VP/RGĦ u lis-SEAE biex jiżviluppaw miżuri u approċċi innovattivi, inklużi strateġiji ta' komunikazzjoni pubblika u konsultazzjonijiet informali, sabiex jingħata appoġġ lid-djalogu u r-rikonċiljazzjoni; josserva li d-delegazzjonijiet tal-UE għandhom rwol ewlieni fl-istabbiliment ta’ sistemi ta’ twissija bikrija billi jibnu netwerks intreċċati ta’ prevenzjoni mad-diversi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

41.    Itenni l-appoġġ tiegħu għas-sovranità, l-integrità territorjali u l-indipendenza politika tal-pajjiżi msieħba; huwa tal-fehma li l-PEV għandha tikkontribwixxi u tappoġġa dawn il-prinċipji fil-prattika; jenfasizza li l-kunflitti ffriżati u mtawla jfixklu l-iżvilupp sħiħ tal-PEV; jiddispjaċih, f’dan ir-rigward, li mit-tnedija tal-PEV ma sar ebda progress fir-rigward ta' soluzzjoni tal-kunflitti eżistenti; ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu li l-okkupazzjoni tat-territorju ta’ pajjiż sieħeb tikser il-prinċipji fundamentali u l-objettivi tal-PEV; jenfasizza l-ħtieġa għall-aktar soluzzjoni paċifika bikrija possibbli tal-kunflitti ffriżati abbażi tan-normi u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali; jistieden lir-VP/RGĦ biex tieħu rwol aktar attiv filwaqt li tafferma b'mod ċar li l-approfondiment tar-relazzjonijiet bilaterali huwa marbut mas-soluzzjoni paċifika tal-kunflitti u r-rispett tad-dritt internazzjonali; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza li titkompla politika bbażata fuq il-promozzjoni tar-responsabbiltà għall-ksur kollu tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali u li tevita l-istandards doppji, b'mod partikolari f'dan ir-rigward;

42.    Iħeġġeġ lill-UE biex tapplika l-ispirtu u l-lezzjonijiet meħudin mill-esperjenza storika tal-integrazzjoni Ewropea għall-kunflitti reġjonali, peress li kwistjonijiet bilaterali għandhom jissolvew b’mod paċifiku filwaqt li r-relazzjonijiet tajba tal-viċinat u l-kooperazzjoni reġjonali huma elementi fundamentali tal-PEV; jitlob, f’dan ir-rigward, għall-involviment taċ-ċittadini u l-involviment ta’ atturi pubbliċi fi sħubijiet u ġemellaġġi orizzontali ma' kontropartijiet mill-Unjoni, u għall-involviment mas-soċjetà u l-ġenerazzjoni aktar żagħżugħa bħala fattur għal bidla;

Trawwim ta’ integrazzjoni reġjonali

43.    Jenfasizza l-importanza tad-dimensjoni reġjonali tal-PEV u l-ħtieġa tal-promozzjoni u l-kontribuzzjoni għal sinerġiji reġjonali u integrazzjoni permezz ta’ programmi ta' kooperazzjoni reġjonali; jissottolinja li kooperazzjoni ekonomika msaħħa fost il-pajjiżi tal-PEV hija meħtieġa biex jinkisbu l-istabbiltà u l-prosperità fil-viċinat Ewropew;

44.    Jitlob, f'dan ir-rigward, li r-relazzjonijiet bilaterali tal-UE mal-pajjiżi tal-PEV ikunu komplementari mad-dimensjoni multilaterali tagħha billi jiżdied l-għadd ta’ attivitajiet u ta’ inizjattivi f'dan il-kuntest, b'attenzjoni partikolari mogħtija għat-tisħiħ ta' proġetti transkonfinali, iż-żieda ta' programmi min-nies għan-nies, l-iżvilupp ta' inċentivi għall-kooperazzjoni reġjonali u t-tisħiħ ulterjuri ta’ djalogu attiv mas-soċjetà ċivili; iqis li l-PEV tal-ġejjieni għandha toffri pjattaforma reġjonali inklużiva għad-diskussjoni ta' kwistjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem, f'konformità mal-prinċipji ewlenin tal-PEV;

45.    Jitlob għal valutazzjonijiet sistematiċi tal-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem — inklużi perspettivi dwar is-sessi — ta’ ftehimiet kummerċjali u appoġġ finanzjarju tal-UE għal programmi u proġetti fi ħdan il-qafas tal-PEV;

46.    Jitlob li l-politika riveduta ssaħħaħ il-pjattaformi eżistenti għall-kooperazzjoni, primarjament l-Unjoni għall-Mediterran u s-Sħubija tal-Lvant, sabiex tappoġġa aktar l-integrazzjoni reġjonali meta l-prijoritajiet identifikati mis-sħab ikunu simili għal qasam ta’ politika speċifiku, tindirizza kwistjonijiet subreġjonali speċifiċi bħall-mobbiltà, l-enerġija u s-sigurtà u biex tqarreb is-sħab lejn xulxin f’termini ta’ standards ekonomiċi u leġiżlazzjoni; jemmen li l-istrutturi multilaterali tal-PEV għandhom jiġu kkonsolidati u żviluppati b’mod iżjed strateġiku;

47.    Jenfasizza l-importanza tar-rwol ta’ assemblej multilaterali, bħall-Euronest u l-PA-UfM, bħala fora għal djalogu politiku u bħala għodda biex tiġi promossa s-sjieda tal-politika tal-viċinat, u jħeġġiġhom bis-sħiħ biex iżidu l-involviment tagħhom b’mod xieraq u effikaċi;

48.    Jissottolinja l-valur miżjud tad-diplomazija parlamentari u tal-laqgħat interparlamentari bilaterali regolari li l-PE jorganizza mal-kontropartijiet mill-viċinat bħala għodda għall-iskambju ta’ esperjenzi u għall-evalwazzjoni tal-istatus ta’ pajjiżi individwali relatati mal-UE; iħeġġeġ lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri biex jorganizzaw il-laqgħat interparlamentari bilaterali tagħhom fi ħdan il-qafas tal-PEV, bħala mezz biex jiġi żgurat approċċ koerenti;

49.    Jenfasizza l-importanza tal-Konferenza tal-Awtoritajiet Reġjonali u Lokali għas-Sħubija tal-Lvant (CORLEAP) u l-Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja (ARLEM), li jippermettu li r-rappreżentanti lokali u reġjonali jinvolvu ruħhom fi djalogu mal-istituzzjonijiet tal-UE u jipprovaw jiksbu kooperazzjoni ekonomika u soċjali kif ukoll lokali u reġjonali;

50.    Jenfasizza li l-iżvilupp ta’ pjattaformi reġjonali tas-soċjetà ċivili bħas-Sħubija tal-Lvant u tan-Nofsinhar kif ukoll il-Forum tas-Soċjetà Ċivili fil-Viċinat tan-Nofsinhar isaħħaħ l-impenn ta' diversi partijiet interessati li jmexxu ’l quddiem l-aġenda tad-demokratizzazzjoni u r-riforma ekonomika fil-viċinat;

Ġirien tal-ġirien

51.    Jenfasizza l-ħtieġa li jinbnew sħubijiet b'saħħithom mal-pajjiżi ġirien; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-PEV tkun parti mill-politika esterna usa' tal-UE u li jiġu konfermati l-atturi strateġiċi oħrajn li għandhom influwenza fuq il-viċinat — "il-ġirien tal-ġirien" — kif ukoll organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali, billi, fost l-oħrajn, jiġu indirizzati kwistjonijiet ta' interess komuni u tħassib reċiproku, inkluża s-sigurtà reġjonali u globali, permezz ta' oqfsa bilaterali eżistenti jew djalogu multilaterali kull fejn jitqies xieraq u rilevanti;

52.    Jenfasizza li l-UE għandha tikkunsidra b'mod reali l-għażliet ta' politika differenti li jaffaċċjaw sħabha, kif ukoll kif jistgħu jinbnew pontijiet mal-ġirien tagħhom fuq livelli differenti u kif għandha tiġi indirizzata l-politika barranija ta' pajjiżi terzi fil-viċinat tagħha, waqt li tiżgura li huwa l-mandat tal-UE u s-sħab sovrani tagħha jiddeċiedu dwar kif iridu jipproċedu fir-relazzjonijiet tagħhom;

53.    Jistieden lill-UE tiżviluppa mekkaniżmi effikaċi ta' appoġġ għal pajjiżi sħab tal-PEV li qed isegwu aġenda Ewropea ambizzjuża u, bħala konsegwenza, qed ibatu minn miżuri ta' ritaljazzjoni, minn kummerċ imġiegħel jew minn aggressjoni militari diretta minn pajjiżi terzi; itenni li, filwaqt li l-PEV mhijiex immirata kontra xi parteċipant strateġiku ieħor u tiċħad l-idea ta' kompetizzjoni ġeopolitika fejn il-gwadann ta' naħa jissarraf f'telf għan-naħa l-oħra fil-viċinat, l-UE għandha tipprovdi impenji kredibbli u appoġġ politiku b'saħħtu lis-sħab li jixtiequ jallinjaw aktar mill-qrib magħha;

54.    Jistieden lill-UE tieħu vantaġġ mill-kompetenza tal-organizzazzjonijiet reġjonali li l-ġirien huma parti minnhom, bħall-Kunsill tal-Ewropa, l-OSKE, l-Unjoni Afrikana, l-Uffiċċji Reġjonali rilevanti tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Lega tal-Istati Għarab, u biex b'mod attiv jinvolvu ruħhom kif ukoll jikkooperaw magħhom ħalli jindirizzaw il-kunflitti reġjonali; ifakkar li dawn huma fora importanti għall-involviment tas-sħab fit-twettiq tar-riformi, f'li jiġi indirizzat it-tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-kwistjonijiet reġjonali, li għalihom huma għandhom jassumu aktar responsabbiltà, u f'li jrawmu d-demokratizzazzjoni;

Għanijiet tal-politika u għodod

Offerta diversifikata: is-setturi prijoritarji

55.    Jistieden lill-UE tesplora u tidentifika, flimkien ma' sħabha, prijoritajiet għal kooperazzjoni u integrazzjoni msaħħa f'oqsma differenti tal-politika, bħall-iżvilupp ekonomiku u tal-bniedem, il-prevenzjoni ta' kunflitti u diżastri, l-infrastruttura u l-iżvilupp reġjonali, l-ambjent, il-politiki dwar il-kompetizzjoni kummerċjali, l-SMEs, il-migrazzjoni, is-sigurtà, l-enerġija u l-effiċjenza enerġetika, bil-għan li tinħoloq żona ta' prosperità, ta' stabbiltà u ta' viċinanza tajba;

56.    Iqis li l-għan għall-kisba ta' koerenza fil-politiki interni u esterni tal-UE, kif ukoll ir-rabtiet mill-qrib u dawk li qegħdin dejjem jikbru bejn ċerti kwistjonijiet interni u esterni, għandhom jiġu riflessi fil-PEV il-ġdida;

57.    Iqis li kooperazzjoni aktar b'saħħitha fil-qasam tas-suq uniku diġitali futur, l-appoġġ għar-riformi fl-amministrazzjoni elettronika u s-soluzzjonijiet ta' gvern miftuħ, jikkostitwixxu strument għall-involviment taċ-ċittadini;

58.    Jenfasizza l-importanza tal-moviment liberu tal-persuni, u jappoġġa t-titjib tal-mobilità fi ħdan il-viċinat, f'ambjent sikur u ġestit sew, permezz tal-faċilitazzjoni u tal-liberalizzazzjoni tal-viżi, b'mod partikolari għall-istudenti, għaż-żgħażagħ, għall-artisti u għar-riċerkaturi; jistieden lill-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri, biex tkompli ttejjeb is-sħubijiet tal-mobilità fi ħdan il-viċinat u tiżviluppa possibbiltajiet għal skemi tal-migrazzjoni ċirkolari, li se jiftħu rotot sikuri u legali għall-migranti; jistieden lill-UE tagħmel distinzjoni ċara bejn persuni li jfittxu asil li jkunu qed jaħarbu minn persekuzzjoni u migranti ekonomiċi irregolari; jikkundanna t-traffikar tal-bnedmin, li l-biċċa l-kbira tal-vittmi tiegħu huma nisa, u jenfasizza l-importanza li tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-pajjiżi sħab sabiex jiġġielduh;

59.    Jistieden lill-Kummissjoni toqgħod attenta għall-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi meta tippromwovi t-taħriġ vokazzjonali u dak akkademiku, kif ukoll fil-qafas tal-programmi ta' migrazzjoni ċirkolari mal-pajjiżi ġirien, sabiex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-ekonomiji tagħhom;

60.    Jinnota li r-rata għolja ta' qgħad, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ, in-nuqqas ta' aċċess liberu għall-informazzjoni, l-esklużjoni soċjali u l-faqar, u n-nuqqas ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-minoranzi, flimkien mal-ammont baxx ta' parteċipazzjoni politika u soċjoekonomika tan-nisa, il-governanza ħażina u l-livelli għoljin ta' korruzzjoni, huma l-kawżi ewlenija tal-instabbiltà, u jitlob impenn lil hinn minn Żoni ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv (DCFTAs); jinnota li l-prospett biss ta' ftehimiet kummerċjali u ftehimiet ta' kummerċ ħieles ma għadux jipprovdi lieva effikaċi biżżejjed biex issaħħaħ is-sħubija tagħna mal-viċinat, b'mod partikolari fil-pajjiżi Mediterranji tan-Nofsinhar; jinnota n-nuqqas ta' kooperazzjoni ekonomika reġjonali bejn il-pajjiżi ġirien tal-UE, u jitlob li jiġu stabbiliti inizjattivi subreġjonali biex jiżdied il-kummerċ bejniethom;

61.    Jenfasizza l-importanza tal-investiment fi proġetti għaż-żgħażagħ, għan-nisa u għall-mexxejja futuri, billi jsir użu sħiħ mill-opportunitajiet ta' boroż ta' studju taħt il-programm Erasmus+, sabiex jitrawmu l-iskambji tal-istudenti u tal-għalliema bejn il-pajjiżi tal-PEV u l-Istati Membri, li jimmiraw għall-formazzjoni ta' mexxejja futuri kemm mill-pajjiżi tal-PEV u kemm mill-Istati Membri, kif ukoll jippromwovu ulterjorment il-proġetti akkademiċi u edukattivi li diġà wrew il-valur tagħhom f'dan il-qasam, bħall-Kulleġġ tal-Ewropa;

62.    Jistieden lill-Kummissjoni tesplora u toffri lill-pajjiżi tal-PEV livelli differenti ta' parteċipazzjoni, kooperazzjoni u involviment fil-politiki, fil-programmi u fl-aġenziji tal-UE, bħall-EUROPOL, il-FRONTEX, u l-ġestjoni doganali, fil-qasam tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, ir-reati ekonomiċi u transkonfinali u f'dak tal-Komunità tal-Enerġija, li bħala ftehim ta' integrazzjoni ta' suċċess jista' jkollu rwol akbar fil-PEV; jenfasizza l-importanza ta' sigurtà tal-enerġija u kooperazzjoni eqreb fil-qasam tal-enerġija fi ħdan il-viċinat Ewropew, bil-għan li jintlaħaq għan kondiviż ta' provvista kontinwa ta' enerġija affordabbli, sostenibbli, effiċjenti u nadifa; jitlob biex l-Unjoni tal-Enerġija tinfetaħ gradwalment għall-pajjiżi tal-PEV jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tippromwovi l-Konvenzjoni ta' Budapest dwar il-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità fost il-pajjiżi tal-PEV u tistedinhom jingħaqdu magħha jekk għadhom m'għamlux dan;

63.    Jikkunsidra li għandha ssir enfasi akbar fuq l-użu ta' programmi ta' assistenza teknika bħat-TAIEX u l-Ġemellaġġ, u li s-sħab għandhom jiġu inklużi fil-programmi tal-UE bħall-Erasmus u l-Orizzont 2020, minħabba li jikkontribwixxu għall-kondiviżjoni tal-għarfien u l-istabbiliment ta' netwerks fuq livelli differenti u huma l-bażi għall-ħolqien ta' Żona ta' Viċinat Komuni;

64.    Huwa tal-fehma li d-dimensjoni parlamentari tal-politika jeħtieġ tissaħħaħ billi tittejjeb l-effikaċja tal-laqgħat interparlamentari u l-korpi parlamentari konġunti stabbiliti skont ftehimiet mal-UE, u tal-assemblej parlamentari; jilqa', f'dan il-kuntest, l-approċċ il-ġdid li adotta l-Parlament għall-appoġġ tad-demokrazija parlamentari; jissottolinja r-rwol tal-parlamenti tal-pajjiżi tal-PEV sabiex il-gvernijiet jinżammu responsabbli, u jinkoraġġixxi t-tisħiħ tal-kapaċità ta' monitoraġġ tagħhom; jitlob li l-Parlament ikun involut fl-implimentazzjoni tal-PEV il-ġdida u jinżamm regolarment infurmat u kkonsultat dwar il-progress tagħha fil-pajjiżi sħab; huwa tal-fehma li l-partiti politiċi Ewropej u l-gruppi fil-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri u l-Parlament Ewropew jista' jkollhom rwol importanti u jistgħu jieħdu responsabbiltà kruċjali fir-rigward tal-promozzjoni ta' kultura politika bbażata fuq istituzzjonijiet demokratiċi kompluti, l-istat tad-dritt, id-demokrazija ta' aktar minn partit wieħed u l-parteċipazzjoni sħiħa tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet;

65.    Jenfasizza li biex il-PEV tkun politika ta' suċċess, għandha tiżgura wkoll li jkun hemm sjieda mill-Istati Membri, anke billi jiġu estiżi l-Inizjattivi Emblematiċi; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-koordinazzjoni tal-politika u l-programmazzjoni konġunta tal-għajnuna finanzjarja, u tipprovdi mekkaniżmi biex trawwem skambju ta' informazzjoni fost l-Istati Membri u l-istrutturi tal-UE dwar il-pajjiżi tal-PEV, kif ukoll konsultazzjoni bejn l-Istati Membri, l-istrutturi tal-UE u l-pajjiżi ġirien; iqis li l-assistenza finanzjarja u teknika tal-UE għandha tkun kundizzjonali fuq il-kisba b'suċċess ta' punti ta' riferiment tanġibbli fil-proċess ta' riforma, fuq il-bażi li se jiġi allokat aktar appoġġ;

Valutazzjoni u viżibbiltà

66.    Jenfasizza li l-pjanijiet ta' azzjoni stabbiliti fi sħubija mill-qrib mal-awtoritajiet tal-pajjiżi sħab u f'konsultazzjoni mal-OSĊ għandhom jiffukaw fuq numru limitat ta' prijoritajiet realistiċi li għandhom jiġu implimentati, u li l-implimentazzjoni tagħhom għandha tiġi vvalutata fuq bażi regolari jew minħabba l-ħtieġa taċ-ċirkostanzi li qed jinbidlu, b'għażliet ta' politika li jistgħu jkunu miftiehma b'mod konġunt; jindika l-importanza li jiġi żviluppat proċess ta' konsultazzjoni mal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili rigward id-definizzjoni ta' parametri referenzjarji;

67.    Jenfasizza li r-rapporti ta' progress għandhom jiffukaw fuq l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet identifikati fil-pjanijiet ta' azzjoni u għandhom jirriflettu l-livell ta' impenn tal-pajjiż sieħeb; itenni s-sejħa tiegħu biex id-data li tinsab fir-rapporti titqiegħed f'perspettiva billi jitqies il-kuntest nazzjonali u billi jiġu inklużi tendenzi mis-snin ta' qabel; huwa tal-fehma li l-partijiet interessati ewlenin kollha tal-pajjiżi tal-PEV, inkluża s-soċjetà ċivili, għandhom ikunu ġenwinament involuti u kkonsultati qabel l-abbozzar tar-rapporti; jitlob biex dokumenti ewlenin bħar-rapporti ta' progress ikunu disponibbli faċilment fuq is-sit web tad-delegazzjonijiet tal-UE rispettivi u tradotti fil-lingwa lokali; jistieden lill-UE timpjega mezzi aktar kwalitattivi biex tkejjel il-livell ta' progress fil-pajjiżi sħab u biex timplimenta miżuri effikaċi ta' kundizzjonalità rigward il-progress mis-sħab fejn għandhom x'jaqsmu d-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u d-demokrazija;

68.    Jikkunsidra li l-viżibbiltà tal-assistenza tal-UE għandha tittejjeb sabiex il-benefiċċji tal-appoġġ tal-UE jkunu ċari għall-popolazzjonijiet tal-pajjiżi sħab u tal-Istati Membri tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tfassal mekkaniżmu speċjali biex tipprovdi assistenza umanitarja tal-UE lill-pajjiżi ġirien li jkun differenti mill-mudell użat għall-pajjiżi terzi madwar id-dinja kollha u li jiżgura viżibbiltà kbira għall-UE u l-aġenda politika tagħha, fost għanijiet oħra; jissottolinja l-importanza u l-ħtieġa ta' mekkaniżmu li kapaċi jiżgura t-trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam mal-assistenza finanzjarja mogħtija mill-UE;

69.    Jistieden lill-UE ssaħħaħ il-kapaċità tagħha biex tiġġieled kontra l-informazzjoni qarrieqa u l-kampanji ta' propaganda kontriha nnifisha u l-Istati Membri tagħha u li jkollhom l-għan li jnaqqsu l-għaqda u s-solidarjetà tagħhom; jitlob lill-UE ssaħħaħ il-viżibbiltà tagħha sabiex turi b'mod ċar l-appoġġ u l-impenn tagħha kemm mal-pajjiżi sħab u kif ukoll fihom; jissottolinja l-importanza tal-promozzjoni ta' informazzjoni oġġettiva, indipendenti u imparzjali u tal-libertà tal-midja fil-pajjiżi tal-PEV, kif ukoll il-ħtieġa għal sforzi ta' komunikazzjoni strateġika fil-viċinat tagħha, inkluż dwar il-valuri u l-objettivi tagħha permezz tal-iżvilupp ta' strateġija ta' komunikazzjoni komprensiva, effikaċi u sistematika fi ħdan il-politika riveduta;

70.    Jistieden lill-UE żżid il-preżenza tagħha fil-pajjiżi sħab bl-użu ta' aktar mezzi interattivi awdjoviżivi u midja soċjali fil-lingwi lokali rispettivi, sabiex tilħaq lis-soċjetà kollha; jistieden lill-Kummissjoni tħejji strateġija ta' komunikazzjoni ċara għas-soċjetajiet fil-pajjiżi tal-PEV biex tispjegalhom il-benefiċċji tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni, inklużi ż-Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfondit u Komprensiv (DCFTAs), bħala għodda għall-immodernizzar tas-sistemi politiċi u l-ekonomiji tagħhom;

71.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tal-PEV, lill-Assemblej Parlamentari tal-Euronest u l-Unjoni għall-Mediterran, il-Lega tal-Istati Għarab, l-Unjoni Afrikana, il-Kunsill tal-Ewropa u l-OSKE.

SEJĦA TAL-ISMIJIET GĦALL-VOTAZZJONI FINALI

Membri favur: 49

ALDE: Petras Auštrevièius, Ilhan Kyuchyuk, Fernando Maura Barandiarán, Urmas Paet, Jozo Radoš, Hilde Vautmans, Johannes Cornelis van Baalen

 

ECR: Bas Belder, Angel Dzhambazki, Marek Jurek, Charles Tannock

 

PPE: Lars Adaktusson, Michèle Alliot-Marie, Elmar Brok, Arnaud Danjean, Michael Gahler, Andrzej Grzyb, Sandra Kalniete, Tunne Kelam, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Antonio López-Istúriz White, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Alojz Peterle, Andrej Plenkoviæ, Cristian Dan Preda, Ivan Štefanec, Jaromír Štìtina, László Tõkés

 

S&D: Goffredo Maria Bettini, Andi Cristea, Eugen Freund, Richard Howitt, Afzal Khan, Arne Lietz, Andrejs Mamikins, Costas Mavrides, Pier Antonio Panzeri, Ioan Mircea Paºcu, Vincent Peillon, Kati Piri, Kerstin Westphal, Boris Zala

 

Verts/ALE: Klaus Buchner, Barbara Lochbihler, Tamás Meszerics, Alyn Smith, Igor Šoltes

Membri kontra: 6

GUE/NGL: Jean-Luc Mélenchon

 

NI: Mario Borghezio, Aymeric Chauprade, Georgios Epitideios, Janusz Korwin-Mikke, Marcel de Graaff

Membri li astjenew: 5

EFDD: Fabio Massimo Castaldo

 

GUE/NGL: Javier Couso Permuy, Sabine Lösing, Sofia Sakorafa, Helmut Scholz