Proċedura : 2014/2239(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0228/2015

Testi mressqa :

A8-0228/2015

Dibattiti :

PV 07/09/2015 - 30
CRE 07/09/2015 - 30

Votazzjonijiet :

PV 08/09/2015 - 5.14
CRE 08/09/2015 - 5.14

Testi adottati :

P8_TA(2015)0294

RAPPORT     
PDF 341kWORD 260k
15 ta' Lulju 2015
PE 539.669v02-00 A8-0228/2015

dwar is-segwitu għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej "Right2Water"

(2014/2239(INI))

Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

Rapporteur: Lynn Boylan

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar is-segwitu għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej "Right2Water"

(2014/2239(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE tat-3 ta' Novembru 1998 dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (minn hawn ’il quddiem "id-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb")(1),

–       wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (minn hawn ’il quddiem "id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma")(2),

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini(3),

–       wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-għoti ta' kuntratti ta' konċessjoni(4),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Novembru 2012 intitolata "Blueprint għas-Salvagwardja tar-Riżorsi tal-Ilma tal-Ewropa" (COM(2012)0673),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Marzu 2014 dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej "L-ilma u s-sanità huma dritt tal-bniedem! L-ilma huwa ġid pubbliku, mhux komodità!" (COM(2014)0177) (minn hawn ’il quddiem "il-komunikazzjoni"),

–       wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni "Rapport ta’ Sinteżi dwar il-Kwalità tal-Ilma tax-Xorb fl-UE li jeżamina r-rapporti tal-Istati Membri għall-perjodu ta’ bejn l-2008 u l-2010 taħt id-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE" (COM(2014)0363),

–       wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija qabel, maħruġa fid-19 ta' Marzu 2014(5),

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) intitolata "L-Ambjent Ewropew – l-istat u l-prospetti 2015",

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat-28 ta' Lulju 2010, intitolata "The human right to water and sanitation" ("Id-dritt tal-bniedem għall-ilma u s-sanità")(6), u r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat-18 ta’ Diċembru 2013, intitolata "The human right to safe drinking water and sanitation" ("Id-dritt tal-bniedem għall-ilma tax-xorb sikur u s-sanità")(7),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet kollha dwar id-dritt tal-bniedem għal ilma tax-xorb sikur u s-sanità adottati mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ottubru 2008 dwar l-indirizzar tal-isfida tal-iskarsezza tal-ilma u tan-nixfa fl-Unjoni Ewropea(8),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2012 dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ilma, qabel l-approċċ ġenerali neċessarju għall-isfidi Ewropej dwar l-ilma(9),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2014 dwar l-UE u l-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015(10),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A8-0228/2015),

A.     billi r-"Right2Water" hija l-ewwel Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI) li ssodisfat ir-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 211/2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini u li ngħatat l-opportunità li tinstema’ mill-Parlament wara li rċeviet l-appoġġ ta’ kważi 1.9 miljun ċittadin;

B.     billi d-dritt tal-bniedem għall-ilma u s-sanità jinkludi d-dimensjonijiet ta’ disponibbiltà, aċċessibbiltà, aċċettabilità, affordabbiltà u kwalità;

C.     billi l-implimentazzjoni sħiħa tad-dritt tal-bniedem għall-ilma u s-sanità, kif rikonoxxut min-NU u appoġġjat mill-Istati Membri tal-UE, hija essenzjali għall-ħajja, u billi l-ġestjoni korretta tar-riżorsi tal-ilma għandha rwol kruċjali fil-garanzija tal-użu sostenibbli tal-ilma u s-salvagwardja tal-kapital naturali tad-dinja; billi l-effetti kkombinati tal-attività tal-bniedem u t-tibdil fil-klima jfissru li r-reġjun tal-Mediterran tal-UE kollu u wħud mir-reġjuni tal-Ewropa Ċentrali issa huma kklassifikati bħala reġjuni skarsi mill-ilma u semideżerti;

D.     billi, kif iddikjarat fir-rapport 2015 tal-EEA dwar l-istat tal-ambjent, ir-rati ta’ telf minħabba tnixxija mill-pajpijiet fl-Ewropa bħalissa jammontaw għal bejn 10 % u 40 %;

E.     billi l-aċċess għall-ilma huwa fost is-soluzzjonijiet kruċjali għall-kisba ta' żvilupp sostenibbli; billi l-enfasi tal-assistenza għall-iżvilupp fuq it-titjib tal-provvista tal-ilma tax-xorb u s-sanità hija mod effiċjenti sabiex jintlaħqu l-objettivi fundamentali għall-qerda tal-faqar, kif ukoll għall-promozzjoni tal-ugwaljanza soċjali, is-saħħa pubblika, is-sigurtà tal-ikel u t-tkabbir ekonomiku;

F.     billi mill-inqas 748 miljun persuna m'għandhomx aċċess sostenibbli għal ilma tax-xorb sikur, u terz tal-popolazzjoni dinjija m'għandhiex faċilitajiet sanitarji bażiċi; billi, għaldaqstant, id-dritt għas-saħħa jinsab mhedded filwaqt li l-mard qed jinxtered, u dan qed jikkawża tbatija u mwiet u qed joħloq impedimenti kbar għall-iżvilupp; billi madwar 4 000 tifel u tifla jmutu kuljum b'mard trażmess mill-ilma jew minħabba ilma, faċilitajiet sanitarji u iġjene inadegwati; billi n-nuqqas ta' aċċess għall-ilma tax-xorb joqtol aktar tfal mill-AIDS, il-malarja u l-ġidri flimkien; billi hemm, madankollu, xejra ċara 'l isfel f'dawn iċ-ċifri u billi t-tnaqqis jista' u għandu jiġi aċċelerat;

G.     billi l-aċċess għall-ilma għandu wkoll dimensjoni ta' sigurtà li tirrikjedi kooperazzjoni reġjonali mtejba;

H.     billi n-nuqqas ta' aċċess għall-ilma u s-sanità għandu konsegwenzi fuq il-kisba ta' drittijiet tal-bniedem oħra; billi l-isfidi tal-ilma jaffettwaw b'mod sproporzjonat lin-nisa, peress li f'ħafna pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw huma tradizzjonalment responsabbli għall-provvista tal-ilma domestiku; billi n-nisa u l-bniet huma dawk li jsofru l-aktar min-nuqqas ta' aċċess għal faċilitajiet sanitarji adegwati u deċenti, u dan ta' spiss jillimitalhom l-aċċess għall-edukazzjoni u jirrendihom aktar vulnerabbli għall-mard;

I.      billi kull sena, tliet miljun u nofs persuna jmutu b'mard trażmess mill-ilma;

J.      billi l-Protokoll Fakultattiv tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, li daħal fis-seħħ fl-2013, ħoloq mekkaniżmu għall-ilmenti li jippermetti li individwi jew gruppi jressqu lment formali dwar ksur tad-dritt tal-bniedem għall-ilma u s-sanità, fost drittijiet oħra;

K.     billi fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u fl-ekonomiji emerġenti, id-domanda għall-ilma qiegħda tiżdied mis-setturi kollha, b'mod partikolari għall-enerġija u l-agrikoltura; billi t-tibdil fil-klima, l-urbanizzazzjoni u l-iżviluppi demografiċi jistgħu jipperikolaw id-disponibbiltà tal-ilma f'ħafna pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, u sal-2025 madwar żewġ terzi tal-popolazzjoni dinjija mistennija li se jkunu qed jgħixu f'pajjiżi fejn hemm problema tal-ilma;

L.     billi l-UE hija l-ikbar donatur fis-settur tal-ilma, is-sanità u l-iġjene (WASH), b'25 % tal-finanzjament umanitarju annwali globali ddedikat speċifikament għall-appoġġ lis-sħab għall-iżvilupp f'dan il-qasam; billi, madankollu, fl-2012 Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar l-għajnuna għall-iżvilupp mill-Unjoni Ewropea għall-provvista tal-ilma tax-xorb u l-faċilitajiet sanitarji bażiċi fil-pajjiżi Sub-Saħarjani rrimarka l-ħtieġa li titjieb l-effikaċja tal-għajnuna u s-sostenibbiltà tal-proġetti appoġġjati mill-UE;

M.    billi l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa ddikjarat li "l-aċċess għall-ilma jrid ikun rikonoxxut bħala dritt fundamentali tal-bniedem minħabba li huwa essenzjali għall-ħajja fuq id-dinja u huwa riżorsa li trid tinqasam bejn il-bnedmin";

N.     billi l-privatizzazzjoni tas-servizzi bażiċi fl-Afrika sub-Saħarjana fid-disgħinijiet fixklet, fost l-oħrajn, il-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju (MDGs) kemm għall-ilma kif ukoll fir-rigward tas-sanità, peress li l-enfasi tal-investituri fuq l-irkupru tal-ispejjeż, intensifikat, fost affarijiet oħra, l-inugwaljanzi fil-provvista ta' dawn is-servizzi, a skapitu ta' unitajiet domestiċi bi dħul baxx; billi fid-dawl ta' dan il-falliment tal-privatizzazzjoni tal-ilma, it-trasferiment tas-servizzi tal-ilma mill-kumpaniji privati lill-awtoritajiet lokali hija xejra li qiegħda tikber fis-settur tal-ilma madwar id-dinja kollha;

O.     billi l-provvista tal-ilma hija monopolju naturali u d-dħul miċ-ċiklu tal-ġestjoni tal-ilma għandu jkopri u jiġi assenjat dejjem kemm għall-ispejjeż kif ukoll għall-protezzjoni tas-servizzi tal-ilma u t-titjib taċ-ċiklu tal-ġestjoni tal-ilma, bil-kundizzjoni li l-interess pubbliku jiġi salvagwardjat;

P.     billi n-nuqqas ta’ ilma u faċilitajiet sanitarji adegwati għandu impatt serju fuq is-saħħa u l-iżvilupp soċjali, b’mod speċjali għat-tfal; billi l-kontaminazzjoni tar-riżorsi tal-ilma tikkostitwixxi kawża ewlenija ta’ dijarea, it-tieni l-akbar kawża ta’ mewt ta’ tfal fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, u twassal għal mard ewlieni ieħor bħall-kolera, l-iskistosomijażi, u t-trakoma;

Q.     billi l-ilma għandu funzjonalità soċjali, ekonomika u ekoloġika u l-ġestjoni korretta taċ-ċiklu tal-ilma għall-benefiċċju ta' kulħadd se tiżgura d-disponibbiltà kontinwa u stabbli tiegħu fil-kuntest attwali tat-tibdil fil-klima;

R.     billi l-Ewropa hija partikolarment sensittiva għat-tibdil fil-klima u billi l-ilma huwa wieħed mill-ewwel setturi milquta;

S.     billi l-ECI twaqqfet bħala mekkaniżmu ta’ demokrazija parteċipattiva bl-għan li jitħeġġu dibattu fil-livell tal-UE u l-involviment dirett taċ-ċittadini fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, u hija opportunità eċċellenti għall-istituzzjonijiet tal-UE biex jerġgħu jimpenjaw ruħhom maċ-ċittadini, kif meħtieġ;

T.     billi l-istħarriġ tal-Ewrobarometru wera b’mod konsistenti livelli baxxi ħafna ta’ fiduċja fl-UE fost iċ-ċittadini tal-UE matul dawn l-aħħar snin;

L-ECI bħala strument ta' demokrazija parteċipattiva

1.      Huwa tal-fehma li l-ECI hija mekkaniżmu demokratiku uniku b’potenzjal sinifikanti favur l-għeluq tad-distakk bejn il-movimenti soċjali u tas-soċjetà ċivili Ewropej u dawk nazzjonali, u biex tiġi promossa d-demokrazija parteċipattiva fil-livell tal-UE; jemmen, madankollu, li sabiex ikun jista’ jiġi żviluppat aktar il-mekkaniżmu demokratiku, huwa indispensabbli li ssir evalwazzjoni tal-esperjenza tal-passat kif ukoll riforma tal-inizjattiva taċ-ċittadini, u li l-azzjonijiet tal-Kummissjoni – li jistgħu jinkludu, fejn xieraq, il-possibbiltà li jiġu introdotti elementi xierqa f’reviżjonijiet leġiżlattivi jew proposti leġiżlattivi ġodda – għandhom jirriflettu aħjar it-talbiet tal-ECI meta dawn ikunu jaqgħu fi ħdan il-kompetenza tagħha, u speċjalment meta jkunu jesprimu tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem;

2.      Jisħaq fuq il-fatt li ECI ammissibbli u xierqa fil-prinċipju għandha tirriżulta fi proposta leġiżlattiva ġdida tal-Kummissjoni li tissodisfa t-talbiet stipulati fl-ECI, tal-inqas meta l-Kummissjoni tkun impenjat ruħha li tippreżenta tali proposta, bħal fil-każ tal-ECI "Right 2Water"; jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tiżgura l-ogħla livell ta' trasparenza matul il-fażi ta' analiżi ta' xahrejn, li ECI ta' suċċess għandha tirċievi appoġġ legali xieraq u pariri mill-Kummissjoni u għandha tkun publiċizzata kif xieraq, u li l-promoturi u s-sostenituri għandhom jinżammu mgħarrfa u aġġornati b'mod sħiħ matul il-proċess kollu tal-ECI;

3.      Jinsisti li l-Kummissjoni timplimenta b'mod effettiv ir-Regolament dwar l-ECI u timxi lejn it-tneħħija tal-piżijiet amministrattivi kollha li jiltaqgħu magħhom iċ-ċittadini meta jissottomettu u jappoġġjaw ECI, u jħeġġiġha tikkunsidra l-implimentazzjoni ta' sistema ta' reġistrazzjoni komuni tal-ECI għall-Istati Membri kollha;

4.      Jilqa’ l-fatt li l-appoġġ ta’ kważi 1.9 miljun ċittadin tal-UE mill-Istati Membri kollha għal din l-ECI jaqbel mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li teskludi s-servizzi tal-ilma u dawk sanitarji mid-Direttiva dwar il-Konċessjonijiet;

5       Jistieden lill-Kummissjoni żżomm u tikkonferma l-esklużjoni tas-servizzi tal-ilma u dawk sanitarji mid-Direttiva dwar il-Konċessjonijiet fi kwalunkwe reviżjoni eventwali ta’ din id-Direttiva;

6.      Iqis li hu ta' dispjaċir li l-komunikazzjoni ma fiha l-ebda ambizzjoni reali, ma tissodisfax id-domandi speċifiċi li saru fl-ECI u terġa’ ttenni biss l-impenji eżistenti; jenfasizza li r-reazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni għall-ECI "Right 2Water" hija insuffiċjenti, peress li ma tagħmel l-ebda kontribuzzjoni ġdida u ma tintroduċix, kif suppost, il-miżuri kollha li jistgħu jgħinu biex jinkisbu l-għanijiet; jitlob lill-Kummissjoni, fir-rigward ta’ din l-ECI partikolari, biex tmexxi kampanja ta’ informazzjoni komprensiva dwar il-miżuri li diġà ttieħdu fil-qasam tal-ilma u dwar kif dawn il-miżuri jistgħu jikkontribwixxu sabiex jinkisbu l-objettivi tal-ECI "Right2Water";

7.      Jikkunsidra li ħafna mill-petizzjonijiet dwar il-kwalità u l-ġestjoni tal-ilma jiġu minn Stati Membri li mhumiex rappreżentati sew fil-konsultazzjoni pubblika madwar l-UE mnedija f'Ġunju 2014, u jenfasizza li għaldaqstant jista' jkun hemm xi inkonsistenza bejn ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika u s-sitwazzjoni enfasizzata mill-petizzjonijiet;

8.       Jittama li l-Kummissjoni u l-Viċi President responsabbli għas-sostenibilità jieħdu impenn politiku ċar biex jiżguraw li tittieħed azzjoni xierqa b'reazzjoni għat-tħassib imqajjem minn din l-ECI;

9.      Itenni l-impenn tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tiegħu li jagħti vuċi lill-petizzjonanti dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw id-drittijiet fundamentali, u jfakkar li l-petizzjonanti li ppreżentaw l-ECI "Right2Water", esprimew il-qbil tagħhom mad-dikjarazzjoni tal-ilma bħala dritt tal-bniedem garantit fil-livell tal-UE;

10.    Jistieden lill-Kummissjoni biex, b’konformità mal-objettiv primarju tal-ECI "Right2Water", tippreżenta proposti leġiżlattivi u, jekk ikun xieraq, reviżjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, sabiex din tirrikonoxxi l-aċċess universali u d-dritt tal-bniedem għall-ilma, u jikkunsidra li huwa ta’ dispjaċir li dan, sal-lum, għadu ma sarx; jemmen li jekk il-Kummissjoni tonqos milli tagħmel hekk, l-ECI se titlef il-kredibbiltà; huwa favur, barra minn hekk, li l-aċċess universali għall-ilma tax-xorb sikur u s-sanità jiġi rikonoxxut fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

11.    Jenfasizza li jekk il-Kummissjoni tinjora l-ECIs ta' suċċess u appoġġjati b’mod wiesa’ fil-qafas tal-mekkaniżmu demokratiku stabbilit mit-Trattat ta’ Lisbona, l-UE se tispiċċa titlef il-kredibilità f’għajnejn iċ-ċittadini;

12.    Jistieden lill-Kummissjoni biex tintroduċi miżuri biex tingħata informazzjoni u edukazzjoni fil-livell tal-UE biex tkun promossa l-kultura tal-ilma bħala ġid komuni, miżuri ta’ sensibilizzazzjoni u promozzjoni ta' imġiba individwali aktar konxja (għall-iffrankar tal-ilma), miżuri relatati mal-iżvilupp konxjenzjuż ta' politiki li jikkonċernaw il-ġestjoni tar-riżorsi naturali, u appoġġ għal ġestjoni pubblika, parteċipattiva u trasparenti;

13.    Jikkunsidra li huwa meħtieġ li jitfasslu politiki tal-ilma li jħeġġu l-użu razzjonali, ir-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid tar-riżorsi tal-ilma, li huma kwistjonijiet ta' importanza vitali għal ġestjoni integrata; jemmen li dan se jippermetti li jitnaqqsu l-ispejjeż, se jgħin biex jiġu salvati r-riżorsi naturali u se jiżgura li l-ambjent ikun ġestit b’mod xieraq;

14.    Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiskoraġġixxi u tissottoponi għal studji ta’ impatt ambjentali l-prattiki tal-ħtif tal-ilma u l-fratturazzjoni idrawlika;

Id-dritt għall-ilma u s-sanità

15.    Ifakkar li n-Nazzjonijiet Uniti ssostni li d-dritt tal-bniedem għall-ilma u s-sanità jintitola lil kulħadd għal ilma għall-użu personali u domestiku li jkun ta’ kwalità tajba, sikur, fiżikament aċċessibbli, affordabbli, suffiċjenti u aċċettabbli; jenfasizza li b'konformità ma' rakkomandazzjoni oħra tan-Nazzjonijiet Uniti, il-ħlas għas-servizzi tal-ilma, fejn dan ikun previst, għandu jammonta għal massimu ta’ 3 % tad-dħul tal-familja;

16.    Jappoġġja r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-dritt tal-bniedem għall-ilma tax-xorb u s-sanità u jenfasizza l-importanza tal-ħidma tiegħu u tal-predeċessur tiegħu dwar ir-rikonoxximent ta’ dan id-dritt;

17.    Jiddeplora l-fatt li fl-UE-28 hemm aktar minn miljun persuna li għad ma għandhomx aċċess għal provvista tal-ilma tax-xorb sikura u nadifa u kważi 2 % tal-popolazzjoni ma għandhiex aċċess għal faċilitajiet sanitarji skont il-Programm tal-Valutazzjoni tal-Ilma tad-Dinja (WWAP) u għaldaqstant iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex taġixxi b'mod immedjat;

18.    Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrikonoxxi l-importanza tad-dritt tal-bniedem għall-ilma u s-sanità u tal-ilma bħala ġid pubbliku u valur fundamentali għaċ-ċittadini kollha tal-UE u mhux bħala komodità; jesprimi t-tħassib tiegħu li mill-2008, minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika u l-politiki ta’ awsterità li żiedu l-faqar fl-Ewropa u l-għadd ta’ unitajiet domestiċi bi dħul baxx, għadd dejjem jikber ta’ nies qed jiffaċċjaw diffikultajiet biex iħallsu l-kontijiet tal-ilma tagħhom u li l-affordabbiltà qed issir kwistjoni ta’ tħassib dejjem jikber; jikkundanna l-qtugħ tal-ilma u t-tifi infurzat tal-provvista tal-ilma bħala ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u jitlob lill-Istati Membri biex itemmu minnufih dawn is-sitwazzjonijiet meta jkunu dovuti għal fatturi soċjoekonomiċi f’unitajiet domestiċi bi dħul baxx; jilqa’ l-fatt li f’xi Stati Membri qed jintużaw "banek tal-ilma" jew kwoti minimi tal-ilma bi sforz sabiex tingħata għajnuna lil dawk l-aktar vulnerabbli fl-ispejjeż utilitarji tagħhom, biex l-ilma jkun garantit bħala komponent inaljenabbli tad-drittijiet fundamentali;

19.    Jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-effetti tal-kriżi ekonomika reċenti, biex tikkollabora mal-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali biex twettaq studju dwar kwistjonijiet relatati mal-faqar tal-ilma, inklużi kwistjonijiet ta’ aċċess u affordabbiltà; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli tappoġġja u tiffaċilita l-kooperazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ fost l-operaturi tal-ilma bħala għajnuna għal dawk f’żoni rurali u anqas żviluppati sabiex tappoġġja l-aċċess għal ilma ta’ kwalità tajba għaċ-ċittadini kollha li jgħixu f’dawk iż-żoni;

20.     Jistieden lill-Kummissjoni tidentifika oqsma li fihom l-iskarsità tal-ilma hija problema eżistenti jew potenzjali, u tgħin lill-Istati Membri, lir-reġjuni u liż-żoni kkonċernati, b'mod partikolari żoni rurali u żoni urbani deprivati, biex jindirizzaw din il-problema kif jixraq;

21.    Jenfasizza li l-allegata newtralità tal-Kummissjoni dwar is-sjieda u l-ġestjoni tal-ilma jidher li hi kontradittorja mal-programmi ta' privatizzazzjoni imposti fuq xi Stati Membri mit-Trojka;

22.    Jirrikonoxxi li, kif iddikjarat fid-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, l-ilma mhuwiex komodità imma hu ġid pubbliku li huwa ta' importanza vitali għall-ħajja u d-dinjità tal-bniedem, u jfakkar lill-Kummissjoni li r-regoli tat-Trattat jeħtieġu li l-UE tibqa’ newtrali fir-rigward ta’ deċiżjonijiet nazzjonali li jirregolaw ir-reġim ta' sjieda tal-impriżi tal-ilma, u għalhekk bl-ebda mod ma għandha tippromwovi l-privatizzazzjoni tal-impriżi tal-ilma fil-kuntest ta’ programm ta’ aġġustament ekonomiku jew kwalunkwe proċedura oħra tal-UE għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika; peress li dawn huma servizzi ta’ interess ġenerali u għalhekk huma prinċipalment fl-interess pubbliku, jitlob lill-Kummissjoni biex teskludi b’mod permanenti l-ilma u s-sanità u r-rimi tad-drenaġġ tal-ilma mir-regoli tas-suq intern u minn kwalunkwe ftehim kummerċjali, u li jipprovduhom bi prezzijiet affordabbli, u jitlob kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istati Membri biex jassiguraw li dawn ikunu ġestiti b'mod teknikament, finanzjarjament u amministrattivament effiċjenti, effettiv u trasparenti;

23.    Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jeżaminaw mill-ġdid il-politika ta' governanza tal-ilma u jistabbilixxuha mill-ġdid abbażi ta' parteċipazzjoni attiva, jiġifieri permezz ta' trasparenza fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet u atitudni miftuħa lejn iċ-ċittadini;

24.    Huwa tal-fehma li, fi kwistjonijiet ta’ regolamentazzjoni u kontroll, huwa meħtieġ li tiġi protetta s-sjieda pubblika tal-ilma, billi jiġu promossi mudelli ta’ ġestjoni pubbliċi, trasparenti u parteċipattivi li fihom, f’ċerti każijiet biss, l-awtorità ta' sjieda pubblika tkun tista’ tagħti xi kompiti ta’ ġestjoni lil inizjattivi privati, skont termini regolati b’mod strett u dejjem filwaqt li jiġi garantit id-dritt għar-riżorsa u għal faċilitajiet sanitarji adegwati.

25.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jiżguraw provvista tal-ilma komprensiva bi prezzijiet affordabbli, kwalità għolja u kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti kif ukoll li tkun suġġetta għal kontrolli demokratiċi.

26.    Jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw il-promozzjoni ta’ kampanji ta’ edukazzjoni u sensibilizzazzjoni għaċ-ċittadini sabiex jiġu ppreservati u ma jinħlewx ir-riżorsi tal-ilma u biex jiżguraw parteċipazzjoni ċivika ikbar;

27.    Jistieden lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li ma ssirx diskriminazzjoni fl-aċċess għas-servizzi tal-ilma, filwaqt li jiġi żgurat il-forniment tagħhom għal kulħadd, inklużi l-gruppi ta’ utenti marġinalizzati;

28.    Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Bank Ewropew tal-Investiment u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw lill-muniċipalitajiet fl-UE li ma għandhomx il-kapital neċessarju biex jaċċessaw l-assistenza teknika, il-finanzjament disponibbli tal-UE u s-self fit-tul b’rati ta’ interess preferenzjali, partikolarment bl-iskop li l-infrastruttura tal-ilma tinżamm u tiġġedded biex tiġi żgurata provvista ta’ ilma ta’ kwalità għolja u sabiex is-servizzi tal-ilma u dawk sanitarji jiġu estiżi għall-gruppi l-iktar vulnerabbli tal-popolazzjoni, inklużi l-foqra u dawk residenti fir-reġjuni l-aktar imbiegħda u ultraperiferiċi; jenfasizza l-importanza ta’ governanza miftuħa, demokratika u parteċipatorja biex jiġi żgurat li s-soluzzjonijiet l-aktar kosteffikaċi fir-rigward tal-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma jiġu implimentati għall-benefiċċju tas-soċjetà kollha; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw trasparenza sħiħa fir-rigward tal-użu u d-destinazzjoni tar-riżorsi finanzjarji ġġenerati permezz taċ-ċiklu tal-ġestjoni tal-ilma;

29.    Jirrikonoxxi li s-servizzi tal-ilma u dawk sanitarji huma servizzi ta’ interess ġenerali u li l-ilma mhuwiex komodità imma hu ġid komuni, u għaldaqstant għandhom jiġu pprovduti bi prezzijiet affordabbli li jirrispettaw id-dritt tan-nies għal kwalità tal-ilma minima u jipprovdu għall-applikazzjoni ta’ tariffa progressiva; jitlob lill-Istati Membri biex jiżguraw l-applikazzjoni ta’ sistema ġusta, ekwa, trasparenti u adegwata ta’ tariffi għall-ilma u s-sanità sabiex jiġi żgurat l-aċċess għal servizzi ta’ kwalità għolja lill-membri kollha tal-pubbliku, irrispettivament mid-dħul tagħhom;

30.    Jinnota li l-ilma għandu jiġi kkunsidrat bħala assi ekosoċjali minflok sempliċement bħala element ta’ produzzjoni;

31.    Ifakkar li l-aċċess għall-ilma huwa essenzjali għall-agrikoltura sabiex jintlaħaq id-dritt għal ikel adegwat;

32.    Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja b'mod qawwi l-isforzi tal-Istati Membri biex jiżviluppaw u jaġġornaw l-infrastruttura li tagħti aċċess għall-irrigazzjoni, is-sistema tad-drenaġġ u s-servizzi tal-provvista tal-ilma tax-xorb;

33.    Iqis li d-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb ikkontribwixxiet bil-qawwi għad-disponibbiltà ta’ ilma tax-xorb ta’ kwalità għolja madwar l-UE u jitlob azzjoni deċiżiva mill-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex jinkisbu l-benefiċċji ambjentali u tas-saħħa li jinħolqu meta tingħata preferenza lill-konsum tal-ilma tal-vit;

34.    Ifakkar lill-Istati Membri dwar ir-responsabilità tagħhom fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE; iħeġġiġhom biex jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva tal-UE dwar l-Ilma tax-Xorb u l-leġiżlazzjoni relatata kollha; ifakkarhom biex jidentifikaw il-prijoritajiet tal-infiq tagħhom u biex jagħmlu użu sħiħ mill-opportunitajiet ta' appoġġ finanzjarju mill-UE fis-settur tal-ilma mogħti għall-perjodu l-ġdid ta' programmazzjoni finanzjarja (2014-2020), b'mod partikolari permezz ta' prijorità ta' investiment iffukata speċifikament fuq il-ġestjoni tal-ilma;

35.    Ifakkar il-konklużjonijiet tar-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar l-integrazzjoni tal-objettivi tal-politika tal-UE dwar l-ilma mal-Politika Agrikola Komuni, li tiddikjara li "l-istrumenti attwalment użati mill-PAK biex jiġu indirizzati kwistjonijiet dwar l-ilma s’issa ma rnexxilhomx jiksbu progress sinifikanti lejn il-miri ambizzjużi tal-politika ssettjati fir-rigward tal-ilma"; jemmen li l-integrazzjoni aħjar tal-politika dwar l-ilma ma’ politiki oħrajn, bħal dawk dwar l-agrikoltura, hija essenzjali sabiex tittejjeb il-kwalità tal-ilma madwar l-Ewropa;

36.    Jenfasizza l-importanza ta’ implimentazzjoni sħiħa u effikaċi tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, id-Direttiva dwar l-Ilma ta’ Taħt l-Art, id-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb u d-Direttiva dwar l-Ilma Urban Mormi, u jqis li huwa ta' importanza vitali li l-implimentazzjoni tagħhom tiġi kkoordinata aħjar ma’ dik tad-direttivi dwar l-ambjent tal-baħar, il-bijodiversità u l-protezzjoni mill-għargħar; jinsab imħasseb minħabba li l-istrumenti tal-politika settorjali tal-Unjoni ma jikkontribwixxux biżżejjed għall-kisba tal-istandards ta’ kwalità ambjentali għal sustanzi prijoritarji u l-objettiv tal-eliminazzjoni gradwali għar-rilaxx, l-emissjonijiet u t-telf ta’ sustanzi perikolużi prijoritarji skont l-Artikolu 4(1)(a) u l-Artikolu 16(6) tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżommu f’moħħhom li l-ġestjoni tal-ilma għandha tiġi inkorporata bħala fattur trasversali f'leġiżlazzjoni dwar oqsma oħrajn kwintessenzjali għaliha, bħal pereżempju l-enerġija, l-agrikoltura, is-sajd, it-turiżmu, eċċ., sabiex jiġi evitat it-tniġġis pereżempju minn siti illegali u mhux regolati ta' skart perikoluż jew minn estrazzjoni jew esplorazzjoni taż-żejt; ifakkar li l-kundizzjonalità skont il-Politika Agrikola Komuni (PAK) tistabbilixxi rekwiżiti statutorji ta’ ġestjoni abbażi ta’ liġijiet eżistenti tal-UE rilevanti għall-bdiewa u regoli ta’ kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajbin, inkluż dwar l-ilma; ifakkar li l-bdiewa għandhom josservaw dawn ir-regoli sabiex jirċievu ħlasijiet sħaħ mill-PAK;

37.     Jistieden lill-Istati Membri biex:

- Jimponu obbligu fuq il-fornituri tal-ilma biex jindikaw il-karatteristiċi fiżikokimiċi tal-ilma fuq il-kontijiet tal-ilma;

- Jabbozzaw pjanijiet urbani skont id-disponibbiltà tar-riżorsi tal-ilma;

- Iżidu l-kontrolli u l-monitoraġġ tas-sustanzi niġġiesa, u jippjanaw azzjonijiet immedjati mmirati lejn it-tneħħija u s-sanitizzazzjoni ta’ sustanzi tossiċi;

- Jieħdu azzjoni biex jitnaqqsu t-tnixxijiet konsiderevoli mill-pajpijiet fl-Ewropa u jġeddu n-netwerks inadegwati tal-provvista tal-ilma.

38.    Iqis li huwa meħtieġ li tiġi stabbilita ordni ta’ prijoritajiet jew ġerarkija għall-użu sostenibbli tal-ilma; jistieden lill-Kummisssjoni tippreżenta analiżi u proposti kif xieraq;

39.    Jenfasizza li l-Istati Membri kollha impenjaw ruħhom favur id-dritt tal-bniedem għall-ilma permezz tal-appoġġ tagħhom għad-Dikjarazzjoni tan-NU, u li dan id-dritt huwa appoġġjat mill-maġġoranza taċ-ċittadini u l-operaturi fl-UE;

40.    Jenfasizza li l-appoġġ għall-ECI "Right2Water" u l-objettivi tagħha ntwera ulterjorment permezz tal-għadd kbir ta’ ċittadini f’pajjiżi bħall-Ġermanja, l-Awstrija, il-Belġju, is-Slovakkja, is-Slovenja, il-Greċja, il-Finlandja, Spanja, il-Lussemburgu, l-Italja u l-Irlanda li tkellmu dwar il-kwistjoni tal-ilma u s-sjieda u l-provvista tiegħu;

41.    Jinnota li sa mill-1988 il-Kumitat għall-Petizzjonijiet tiegħu rċieva għadd sinifikanti ta' petizzjonijiet miċ-ċittadini tal-UE f'ħafna Stati Membri li jesprimu t-tħassib tagħhom dwar il-provvista u l-kwalità tal-ilma u l-ġestjoni tal-ilma mormi; jiġbed l-attenzjoni lejn numru ta' fatturi negattivi kkundannati mill-petizzjonanti – bħal miżbliet ta' skart, nuqqas mill-awtoritajiet biex jikkontrollaw il-kwalità tal-ilma b'mod effikaċi, u prattiki agrikoli u industrijali irregolari jew illegali – li huma responsabbli għall-kwalità tal-ilma baxxa u għaldaqstant għandhom impatt fuq l-ambjent u fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali; iqis li dawn il-petizzjonijiet juru interess ġenwin min-naħa taċ-ċittadini fl-infurzar eżawrjenti u l-iżvilupp ulterjuri tal-leġiżlazzjoni sostenibbli tal-UE relatata mal-ilma;

42.    Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni biex tqis b'mod serju t-tħassib u t-twissijiet espressi miċ-ċittadini f'tali petizzjonijiet u taġixxi dwarhom, b'mod partikolari minħabba l-ħtieġa urġenti li tiġi indirizzata l-problema tar-riżorsi tal-ilma li dejjem qed jonqsu b'riżultat ta' użu żejjed u tal-bidla fil-klima, filwaqt li għad fadal żmien għall-prevenzjoni tat-tniġġis u tal-ġestjoni ħażina; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-għadd ta' proċeduri ta' ksur b'rabta mal-kwalità u l-ġestjoni tal-ilma;

43.    Jistieden lill-Istati Membri jiffinalizzaw il-Pjanijiet ta' Mmaniġġjar tal-Baċin tax-Xmara tagħhom b'urġenza u bħala element ewlieni fl-infurzar tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, u biex jimplimentawhom kif suppost b'rispett sħiħ għall-kriterji ekoloġiċi prevalenti; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li ċerti Stati Membri qegħdin dejjem aktar jiġu kkonfrontati b'għargħar li jikkawża ħsara u li għandu impatt aħrax fuq il-popolazzjoni lokali; jirrimarka li l-Pjanijiet ta' Mmaniġġjar tal-Baċin tax-Xmara skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u l-Pjanijiet għall-Ġestjoni tar-Riskju tal-Għargħar skont id-Direttiva dwar l-Għargħar jagħtu opportunità mill-aqwa biex jiġu sfruttati s-sinerġiji bejn dawn l-istrumenti, li b'hekk jgħinu biex jinkiseb ilma nadif fi kwantitajiet suffiċjenti filwaqt li jitnaqqas ir-riskju tal-għargħar; ifakkar, barra minn hekk, li kull Stat Membru għandu jkollu sit elettroniku ewlieni biex jipprovdi informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, sabiex tiġi ffaċilitata ħarsa ġenerali lejn il-ġestjoni u l-kwalità tal-ilma;

Is-servizzi tal-ilma u s-suq intern

44.    Jinnota li pajjiżi madwar l-UE, fosthom Spanja, il-Portugall, il-Greċja, l-Irlanda, il-Ġermanja u l-Italja, raw it-telf ta’ sjieda pubblika potenzjali jew reali tas-servizzi tal-ilma ssir kwistjoni ewlenija ta’ tħassib għaċ-ċittadini; ifakkar li l-għażla ta’ metodu ta’ ġestjoni tal-ilma hija bbażata fuq il-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif stipulat fl-Artikolu 14 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u fil-Protokoll (Nru 26) dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali, li jenfasizza l-importanza speċjali tas-servizzi pubbliċi għall-koeżjoni soċjali u territorjali fl-Unjoni; ifakkar li l-impriżi tal-provvista tal-ilma u s-sistemi tad-drenaġġ huma servizzi ta’ interess ġenerali u għandhom il-missjoni ġenerali li jiżguraw li l-popolazzjoni kollha tkun provduta b’ilma ta’ kwalità għolja bi prezzijiet soċjalment aċċettabbli u filwaqt li jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-impatti ambjentali negattivi tal-iskart tal-ilma mormi;

45.    Jenfasizza li, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-Kummissjoni għandha tibqa’ newtrali fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-Istati Membri marbuta mas-sjieda tas-servizzi tal-ilma u m’għandha tippromwovi l-privatizzazzjoni tas-servizzi tal-ilma la permezz ta’ leġiżlazzjoni u lanqas bi kwalunkwe mod ieħor;

46.    Jinnota t-tendenza li qed tikber favur ir-rimuniċipalizzazzjoni tas-servizzi tal-ilma f’diversi Stati Membri, fosthom Franza u l-Ġermanja; ifakkar li l-possibilità tar-rimuniċipalizzazzjoni tas-servizzi tal-ilma għandha tkompli tiġi żgurata fil-futur mingħajr ebda restrizzjoni, u tista’ tinżamm taħt tmexxija lokali jekk l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti jiddeċiedu li jagħmlu dan; ifakkar li l-ilma huwa dritt bażiku tal-bniedem li għandu jkun aċċessibbli u affordabbli għal kulħadd; jenfasizza li l-Istati Membri għandhom id-dmir li jiżguraw li l-ilma jkun garantit għal kulħadd indipendentement mill-operatur, filwaqt li jiġi żgurat li l-operaturi jipprovdu ilma tax-xorb sikur u faċilitajiet sanitarji mtejba;

47.    Jenfasizza li n-natura speċjali tas-servizzi tal-ilma u dawk sanitarji, bħalma huma l-produzzjoni, id-distribuzzjoni u t-trattament, tagħmilha essenzjali li dawn jiġu esklużi minn kwalunkwe ftehimiet kummerċjali li l-UE qed tinnegozja jew tikkunsidra; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti esklużjoni legalment vinkolanti għas-servizzi tal-ilma, is-servizzi sanitarji u s-servizzi tad-disponiment tal-ilma mormi fin-negozjati li għaddejjin għas-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP), u l-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi; Jenfasizza li l-ftehimiet kummerċjali u ta’ investiment futuri kollha għandhom jinkludu klawsoli dwar l-aċċess ġenwin għall-ilma tax-xorb għan-nies tal-pajjiż terz ikkonċernat mill-ftehim b'konformità mal-impenn fit tul tal-Unjoni favur l-iżvilupp sostenibbli u d-drittijiet tal-bniedem, u li l-aċċess ġenwin għall-ilma tax-xorb għan-nies tal-pajjiż terz ikkonċernat mill-ftehim għandu jkun prekundizzjoni għal kwalunkwe ftehim futur ta’ kummerċ ħieles;

48.    Ifakkar fl-għadd sinifikanti ta' petizzjonijiet kontra l-inklużjoni ta' servizzi pubbliċi essenzjali bħall-ilma u s-sanità fin-negozjati għat-TTIP; jistieden lill-Kummissjoni żżid ir-responsabilità tal-fornituri tal-ilma;

49.    Jistieden lill-Kummissjoni biex taġixxi bħala faċilitatur biex tippromwovi l-kooperazzjoni fost l-operaturi tal-ilma permezz tal-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u inizjattivi regolatorji u oħrajn, it-tagħlim reċiproku u l-esperjenza komuni, u billi tappoġġja eżerċizzji volontarji ta’ valutazzjoni komparattiva; jilqa’ s-sejħa fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni għal aktar trasparenza fis-settur tal-ilma u jirrikonoxxi l-isforzi li saru s’issa, filwaqt li jinnota li kwalunkwe eżerċizzju ta’ valutazzjoni komparattiva għandu jkun volontarju fid-dawl tal-varjazzjoni wiesgħa fost is-servizzi tal-ilma u l-ispeċifiċitajiet reġjonali u lokali madwar l-Ewropa; jinnota wkoll li kwalunkwe eżerċizzju bħal dan li jinkludi biss indikaturi finanzjarji m’għandux jitqies bħala ekwivalenti għal miżuri ta’ trasparenza u li għandhom jiġu inklużi kriterji oħra ta' importanza kruċjali għaċ-ċittadini, bħall-kwalità tal-ilma, miżuri biex itaffu l-problemi ta' affordabilità, informazzjoni dwar x'proporzjon tal-popolazzjoni għandha aċċess għal provvisti tal-ilma adegwati u l-livelli ta’ parteċipazzjoni pubblika fil-governanza tal-ilma, b’mod li jinftiehem kemm miċ-ċittadini kif ukoll mir-regolaturi;

50. Jenfasizza l-importanza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fl-iżgurar ta’ kompetizzjoni ġusta u miftuħa bejn il-fornituri tas-servizzi, fl-iffaċilitar tal-implimentazzjoni iktar rapida ta’ soluzzjonijiet innovattivi u progress tekniku, fil-promozzjoni tal-effiċjenza u l-kwalità tas-servizzi tal-ilma, u fl-iżgurar tal-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-inizjattivi għal kooperazzjoni regolatorja fl-UE sabiex taċċellera l-valutazzjoni komparattiva, it-tagħlim reċiproku u l-iskambju tal-aħjar prattiki regolatorji;

51.    Jemmen li għandu jkun hemm valutazzjoni tal-proġetti u l-programmi Ewropej dwar l-ilma u s-sanità mill-perspettiva tad-drittijiet tal-bniedem, bl-għan li jiġu żviluppati politiki, linji gwida u prattiki xierqa; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi sistema ta' valutazzjoni komparattiva (għall-kwalità, l-affordabilità, is-sostenibilità u l-kopertura tal-ilma, eċċ.) sabiex titjieb il-kwalità tal-provvista tal-ilma pubblika u s-servizzi sanitarji madwar l-UE, bħala mod kif tingħata s-setgħa liċ-ċittadini;

52.    Ifakkar li l-konċessjonijiet relatati mas-servizzi tal-ilma u tas-sanità huma suġġetti għall-prinċipji stipulati fit-Trattat u għaldaqstant għandhom jingħataw skont il-prinċipji ta' trasparenza, trattament ugwali u nondiskriminazzjoni;

53.    Jenfasizza li l-produzzjoni, id-distribuzzjoni u t-trattament tal-ilma u s-servizzi sanitarji jridu jibqgħu esklużi mid-Direttiva dwar il-Konċessjonijiet u anki fi kwalunkwe reviżjoni futura tad-Direttiva;

54.    Ifakkar li d-Direttiva 2006/123/KE dwar is-servizzi fis-suq intern ġibdet oppożizzjoni qawwija min-naħa tas-soċjetà ċivili f'ħafna aspetti, inklużi kwistjonijiet relatati ma' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali bħas-servizzi ta' distribuzzjoni u provvista tal-ilma u l-ġestjoni tal-ilma mormi; ifakkar li eventwalment l-istituzzjonijiet tal-UE ġew sfurzati jinkludu dawn is-setturi fost is-servizzi li ma jistgħux jiġu liberalizzati;

55.    Jenfasizza s-suċċess tas-sħubijiet pubbliċi-pubbliċi fl-iskambju tal-aħjar prattika abbażi ta' kooperazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ fost l-operaturi tal-ilma, u jilqa’ l-fatt li fil-komunikazzjoni l-Kummissjoni rrikonoxxiet, għall-ewwel darba, l-importanza tas-sħubijiet pubbliċi-pubbliċi;

56.    Jilqa’ l-isforzi b’suċċess ta’ xi muniċipalitajiet biex iżidu l-parteċipazzjoni pubblika fit-titjib tal-għoti tas-servizzi tal-ilma u l-protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma, u jfakkar li l-istituzzjonijiet lokali għandhom rwol importanti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet rigward il-ġestjoni tal-ilma;

57.    Jistieden lill-Kumitat tar-Reġjuni jinvolvi aktar ruħu f'din l-ECI bl-għan li jħeġġeġ l-involviment ikbar tal-awtoritajiet reġjonali fil-kwistjoni;

58.    Ifakkar fl-obbligu ta' garanzija ta' aċċess għall-ġustizzja u l-informazzjoni fi kwistjonijiet ambjentali, u ta' parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta' deċiżjonijiet, kif stipulat fil-Konvenzjoni ta' Aarhus; jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali tagħhom biex iħarsu l-prinċipji u d-drittijiet imnaqqxa fil-Konvenzjoni ta' Aarhus; ifakkar li s-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini dwar id-drittijiet tagħhom hi fundamentali sabiex tinkiseb l-akbar parteċipazzjoni tagħhom fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex b'mod proattiv tistabbilixxi kampanja ta' informazzjoni għaċ-ċittadini tal-UE dwar il-kisbiet tal-Konvenzjoni ta' Aarhus fil-qasam tat-trasparenza u dwar l-għodod effikaċi diġà għad-dispożizzjoni tagħhom, u biex jiġu ssodisfati d-dispożizzjonijiet li jirreferu għall-istituzzjonijiet tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa kriterji ta' trasparenza, responsabbiltà u parteċipazzjoni bħala mezz kif tiġi mtejba l-prestazzjoni, is-sostenibilità u l-kosteffikaċità tas-servizzi tal-ilma;

59.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jimxu lejn Ftehim Soċjali ġenwin għall-Ilma, bl-għan li jiżguraw id-disponibbiltà, l-istabbiltà u l-ġestjoni sikura tar-riżorsi u, b’mod partikolari, billi jadottaw politiki bħall-istabbiliment ta’ fondi ta’ solidarjetà dwar l-ilma u mekkaniżmi oħra għal azzjoni soċjali biex jiġu appoġġjati dawk il-persuni li ma jaffordjawx l-aċċess għas-servizzi tal-ilma u dawk sanitarji sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ta' sigurtà tal-provvista sabiex id-dritt tal-bniedem għall-ilma ma jiġix ipperikolat; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri kollha biex jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ azzjoni soċjali bħal dawk li diġà jeżistu f’xi pajjiżi tal-UE biex jiżguraw il-provvista tal-ilma tax-xorb lil ċittadini f’sitwazzjoni prekarja reali;

60.    Jistieden lill-Kummissjoni torganizza l-qsim ta’ esperjenzi fost l-Istati Membri dwar l-aspett soċjali tal-politika tal-ilma;

61.    Jikkundanna l-fatt li ċ-ċaħda tal-provvista tal-ilma u s-sanità għal komunitajiet żvantaġġati u vulnerabbli qed tintuża b’mod koerċittiv f’uħud mill-Istati Membri; itenni li f’uħud mill-Istati Membri l-għeluq ta’ bjar pubbliċi mill-awtoritajiet għamilha diffiċli għall-gruppi l-aktar vulnerabbli biex ikollhom aċċess għall-ilma;

62.    Jinnota li l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni speċjali għall-bżonnijiet tal-gruppi vulnerabbli fis-soċjetà u wkoll biex ikun żgurat li dawk fil-bżonn ikollhom aċċess għal ilma ta’ kwalità affordabbli;

63.    Jistieden lill-Istati Membri kollha biex jaħtru Ombudsman tas-servizzi tal-ilma sabiex jiżguraw li l-kwistjonijiet relatati mal-ilma bħal ilmenti u suġġerimenti dwar il-kwalità u l-aċċess tas-servizz tal-ilma jkunu jistgħu jiġu pproċessati minn korp indipendenti;

64.    Jinkoraġġixxi lill-kumpaniji tal-ilma sabiex jinvestu mill-ġdid id-dħul iġġenerat miċ-ċiklu tal-ġestjoni tal-ilma fiż-żamma u t-titjib tas-servizzi tal-ilma u l-protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma; ifakkar li l-prinċipju ta’ rkupru tal-ispejjeż tas-servizzi tal-ilma jinkludi l-ispejjeż ambjentali u tar-riżorsi filwaqt li jiġu rrispettati kemm il-prinċipji ta’ ġustizzja, trasparenza u d-dritt tal-bniedem għall-ilma kif ukoll l-obbligu tal-Istati Membri li jimplimentaw l-irkupru tal-ispejjeż dovuti lilhom bl-aħjar mod possibbli sakemm dan ma jikkompromettix l-iskopijiet u l-kisba tal-objettivi tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma; jirrakkomanda li jintemmu l-prattiki fejn ir-riżorsi ekonomiċi jiġu ddevjati minn mis-settur tal-ilma biex jiffinanzjaw politiki oħra, inkluż meta l-kontijiet tal-ilma jinkludu tariffi ta’ konċessjoni li ma jkunux ġew allokati għall-infrastruttura tal-ilma; ifakkar fl-istat inkwetanti tal-infrastruttura f’xi Stati Membri fejn l-ilma qed jinħela minħabba tnixxijiet minn netwerks ta’ distribuzzjoni mhux xierqa u skaduti, u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex isaħħu l-investiment fit-titjib tal-infrastruttura kif ukoll f'servizzi oħra tal-ilma bħala premessa biex jiġi garantit id-dritt tal-bniedem għall-ilma fil-futur;

65.    Jistieden lill-Kummissjoni tfassal leġiżlazzjoni vinkolanti biex tiżgura li l-awtoritajiet kompetenti jqiegħdu għad-dispożizzjoni taċ-ċittadini kkonċernati l-informazzjoni kollha dwar il-kwalità u l-ġestjoni tal-ilma b'mod faċilment aċċessibbli u li jinftiehem, u li ċ-ċittadini jkunu infurmati u kkonsultati b'mod sħiħ u fil-ħin dwar il-proġetti kollha ta' ġestjoni tal-ilma; jikkunsidra, barra minn hekk, li fil-konsultazzjoni pubblika mnedija mill-Kummissjoni, 80 % tal-parteċipanti qiesu li hu essenzjali li jkun hemm titjib fit-trasparenza tal-monitoraġġ tal-kwalità tal-ilma;

66.    Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja bir-reqqa l-użu ta' fondi diretti u indiretti tal-UE għal proġetti għall-ġestjoni tal-ilma u tiżgura li tali finanzjament jintuża biss għall-proġetti li għalihom kien maħsub, filwaqt li żżomm f'moħħha li l-aċċess għall-ilma huwa kruċjali għat-tnaqqis tad-disparitajiet bejn iċ-ċittadini tal-UE u għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-UE; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Qorti tal-Awdituri, biex tivverifika li l-kriterji ta' effiċjenza u sostenibilità jiġu ssodisfati b'mod sodisfaċenti;

67.    Jistieden lill-Kummissjoni tqis in-nuqqas attwali ta' investiment fil-ġestjoni bilanċjata tal-ilma, filwaqt li żżomm f'moħħha li l-ilma huwa wieħed mill-assi kondiviżi taċ-ċittadini tal-UE;

68. Jitlob, għalhekk, trasparenza ikbar fost l-operaturi tal-ilma, b’mod partikolari permezz tal-iżvilupp ta’ kodiċi ta’ governanza privata u pubblika għall-kumpaniji tal-ilma fl-UE; huwa tal-fehma li dan il-kodiċi għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipju ta’ effiċjenza u dejjem skont id-dispożizzjonijiet ambjentali, ekonomiċi, infrastrutturali u ta’ parteċipazzjoni pubblika tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma; jitlob ukoll il-ħolqien ta’ regolatur nazzjonali;

69.    Jitlob lill-Kummissjoni tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà u s-setgħat u r-responsabbiltà marbuta mal-ilma, fir-rigward kemm tal-livelli varji tal-gvern kif ukoll tal-assoċjazzjonijiet lokali tal-ilma li jiġġestixxu s-servizzi tal-ilma (nixxiegħat u manutenzjoni);

70.    Jiddispjaċih li d-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Mormi Urban għadha ma ġietx implimentata bis-sħiħ fl-Istati Membri; jitlob li r-riżorsi finanzjarji tal-Unjoni jintużaw bħala prijorità f’żoni fejn il-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE mhix rispettata, inkluż it-trattament tal-ilma mormi; jinnota li r-rati ta’ konformità kienu ogħla meta l-ispejjeż ġew irkuprati u l-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” ġie implimentat, u jitlob lill-Kummissjoni tirrevedi l-adegwatezza tal-istrumenti attwali biex jingħata livell għoli ta’ protezzjoni u jsir titjib fil-kwalità tal-ambjent;

71.    Jinnota li, fil-każ tal-ilma, is-settur tas-servizzi joffri potenzjal enormi għall-ħolqien tal-impjiegi permezz tal-integrazzjoni ambjentali, u għat-trawwim tal-innovazzjoni permezz tat-trasferiment tat-teknoloġija bejn is-setturi u permezz tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni applikati għaċ-ċiklu kollu kemm hu tal-ilma; jitlob, għalhekk, li jkun hemm attenzjoni partikolari sabiex tingħata spinta lill-użu sostenibbli tal-ilma bħala enerġija rinnovabbli;

72.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, biex fi kwalunkwe reviżjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma tiżgura li l-valutazzjonijiet kwantitattivi tal-problemi dwar l-affordabbiltà tal-ilma jsiru rekwiżit obbligatorju tal-eżerċizzji ta’ rappurtar mill-Istati Membri fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma;

73.    Jitlob lill-Kummissjoni tesplora l-possibbiltà li l-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound) timmonitorja u tirrapporta rigward kwalunkwe kwistjoni ta’ affordabbiltà tal-ilma fit-28 Stat Membru;

74.    Jirrimarka li l-ġestjoni għaqlija tal-ilma qed issir prijorità, kemm fl-ambitu ekoloġiku kif ukoll f'dak ambjentali, għad-deċennji li ġejjin, filwaqt li tissodisfa l-ħtiġijiet ta' enerġija u agrikultura u tirrispondi għall-ħtiġijiet ekonomiċi u soċjali;

L-internalizzazzjoni tal-ispiża tat-tniġġis

75.    Ifakkar li, permezz tal-kontijiet tal-ilma, iċ-ċittadini tal-UE qed iġarrbu l-ispiża tal-purifikazzjoni tal-ilma u t-trattament tal-ilma, u jenfasizza li l-adozzjoni ta’ politiki li b’mod effikaċi jgħaqqdu u jirrikonċiljaw l-għanijiet tal-ħarsien tar-riżorsi tal-ilma mal-iffrankar tal-ispejjeż, bħalma huma l-approċċi ta' “kontroll f’ras l-għajn”, huma aktar effiċjenti u finanzjarjament preferibbli; ifakkar li skont ir-rapport 2015 tal-EEA dwar l-istat tal-ambjent, aktar minn 40 % tax-xmajjar u l-ilmijiet kostali huma affettwati minn tniġġis mifrux ikkawżat mill-agrikoltura, filwaqt li bejn 20 % u 25 % huma suġġetti għal tniġġis li joriġina minn punti lokalizzati bħal strutturi industrijali, sistemi tad-drenaġġ u netwerks tal-ġestjoni tal-ilma mormi; jenfasizza l-importanza ta’ implimentazzjoni effikaċi tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u d-Direttiva dwar l-ilma tax-xorb, koordinazzjoni aħjar fir-rigward tal-implimentazzjoni tagħhom, aktar koerenza fl-abbozzar tal-leġiżlazzjoni u aktar miżuri proattivi għall-iffrankar tar-riżorsi tal-ilma u żieda sostanzjali tal-effiċjenza fl-użu tal-ilma fis-setturi kollha (l-industriji, l-unitajiet domestiċi, l-agrikoltura u n-netwerks ta’ distribuzzjoni); ifakkar li l-iżgurar tal-protezzjoni sostenibbli ta’ żoni naturali bħall-ekosistemi tal-ilma ħelu huwa wkoll importanti ħafna għall-iżvilupp u huwa kruċjali sabiex jiġu pprovduti l-provvisti tal-ilma għax-xorb, u jnaqqas l-ispejjeż għaċ-ċittadini u l-operaturi;

Il-politika esterna u dik ta’ żvilupp tal-UE fis-settur tal-ilma

76.    Jenfasizza li l-politiki tal-UE għall-iżvilupp għandhom jintegraw bis-sħiħ l-aċċess universali għall-ilma u s-sanità permezz tal-promozzjoni ta’ sħubijiet pubbliċi-pubbliċi bbażati fuq prinċipji mingħajr skop ta' qligħ u fuq is-solidarjetà bejn l-operaturi tal-ilma u l-ħaddiema f’pajjiżi differenti, u għandhom jużaw firxa ta’ strumenti li jvarjaw minn sħubijiet pubbliċi-pubbliċi biex jippromovu l-aħjar prattiki permezz tal-kondiviżjoni tal-għarfien, sa programmi ta’ żvilupp u ta’ kooperazzjoni f’dan is-settur; itenni li l-politki għall-iżvilupp tal-Istati Membri tal-UE għandhom jirrikonoxxu d-dimensjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-aċċess għall-ilma tax-xorb sikur u s-sanità u li approċċ ibbażat fuq id-drittijiet jeħtieġ appoġġ għall-oqfsa leġiżlattivi, finanzjament u tisħiħ tal-vuċi tas-soċjetà ċivili sabiex dawn id-drittijiet isiru realità;

77.    Jafferma mill-ġdid li l-aċċess għall-ilma tax-xorb fi kwantità suffiċjenti u ta' kwalità suffiċjenti huwa dritt bażiku tal-bniedem, u jqis li l-gvernijiet nazzjonali għandhom id-dmir li jwettqu dan l-obbligu;

78.    Jenfasizza b’konformità mal-leġiżlazzjoni attwali tal-UE u r-rekwiżiti tagħha l-importanza ta’ evalwazzjoni regolari tal-kwalità, il-purità u s-sikurezza tal-ilma u tar-riżorsi tal-ilma kemm fi ħdan l-UE, kif ukoll lil hinn mill-fruntieri tagħha;

79.    Jenfasizza li l-assistenza sabiex jiġu pprovduti l-ilma tax-xorb sikur u s-sanità għandha tingħata prijorità għolja fl-allokazzjoni tal-fondi tal-UE u fl-ipprogrammar ta’ assistenza; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura appoġġ finanzjarju adegwat għal azzjonijiet ta’ żvilupp tal-kapaċità fil-qasam tal-ilma, filwaqt li tiddependi fuq u tikkoopera mal-pjattaformi u l-inizjattivi internazzjonali eżistenti;

80.    Jinsisti li s-settur tal-ilma, is-sanità u l-iġjene (WASH) fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, għandu jingħata prijorità għolja kemm fl-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) kif ukoll fil-baġits nazzjonali; ifakkar li l-ġestjoni tal-ilma hija responsabbiltà kollettiva; huwa favur mentalità miftuħa fir-rigward ta' modalitajiet ta' għajnuna differenti, imma b'konformità stretta mal-prinċipji tal-effikaċja tal-iżvilupp, mal-koerenza politika għall-iżvilupp u b'enfasi b'saħħitha fuq il-qerda tal-faqar u l-massimizzazzjoni tal-impatt tal-iżvilupp; jappoġġja, f'dan ir-rigward, l-involviment ta' komunitajiet lokali fit-twettiq ta' proġetti f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, kif ukoll il-prinċipju tas-sjieda tal-komunità;

81.    Jenfasizza li għalkemm il-progress lejn l-Għan ta’ Żvilupp tal-Millennju dwar l-ilma tajjeb għax-xorb jinsab fit-triq it-tajba, 748 miljun persuna madwar id-dinja ma għandhomx aċċess għal provvista tal-ilma mtejba u huwa stmat li mhux inqas minn 1.8 biljun persuna jixorbu ilma li huwa kkontaminat bir-rawt, u li l-mira sanitarji għadha ’l bogħod ħafna biex tinkiseb;

82.    Ifakkar li l-iżgurar ta' ġestjoni sostenibbli tal-ilma ta' taħt l-art huwa indispensabbli għat-tnaqqis tal-faqar u għal prosperità kondiviża, peress li l-ilma ta' taħt l-art għandu l-potenzjal li jipprovdi sors imtejjeb tal-ilma għax-xorb lil miljuni ta' nies fqar f'żoni urbani u rurali;

83.    Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-ilma bħala parti mill-Aġenda għall-Bidla, flimkien mal-agrikoltura sostenibbli;

84.    Iqis li s-suġġett tal-ilma jrid ikun fil-qalba tal-ħidma fit-tħejjija ta' żewġ avvenimenti internazzjonali ewlenin fl-2015, jiġifieri s-summit dwar l-aġenda għal wara l-2015 u l-COP21 dwar it-tibdil fil-klima; jappoġġa bil-qawwa, f’dan il-kuntest, l-inklużjoni ta’ miri ambizzjużi u wesgħin għall-ilma u s-sanità, bħall-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDG) 6 dwar l-iżgurar tad-disponibbiltà u l-ġestjoni sostenibbli tal-ilma u s-sanità għal kulħadd sal-2030, li għandu jiġi adottat f’Settembru 2015; itenni li l-qerda tal-faqar permezz tal-proċess post-2015 tkun possibbli biss jekk niżguraw li kulħadd, kullimkien ikollu aċċess għal ilma nadif, faċilitajiet sanitarji bażiċi u iġjene; jenfasizza li t-twettiq tal-SDGs kollha jeħtieġ il-mobilizzazzjoni ta' ħafna aktar finanzjament għall-iżvilupp minn dak attwali, kemm mill-pajjiżi żviluppati kif ukoll minn dawk li qed jiżviluppaw; jitlob il-ħolqien ta' mekkaniżmu ta' monitoraġġ globali biex jiġi segwit il-progress tal-kisba għall-aċċess universali għall-ilma tax-xorb sikur, l-użu sostenibbli u l-iżvilupp tar-riżorsi tal-ilma u t-tisħiħ ta' governanza tal-ilma ġusta, parteċipattiva u responsabbli fil-pajjiżi kollha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-għajnuna tintefaq b'mod effikaċi u li tkun immirata aħjar għas-settur WASH fil-perspettiva tal-aġenda għall-iżvilupp għal wara l-2015;

85.    Jenfasizza ż-żieda fir-riskju ta’ skarsezza tal-ilma minħabba t-tibdil fil-klima; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex fost is-suġġetti tal-COP21, jinkludu l-ġestjoni strateġika tar-riżorsi tal-ilma u pjanijiet ta’ adattament fit-tul, sabiex jiġi inkorporat approċċ tal-ilma reżiljenti għat-tibdil fil-klima fil-ftehim futur dwar il-klima globali; jenfasizza li l-infrastruttura tal-ilma reżiljenti għat-tibdil fil-klima hija kruċjali għall-iżvilupp u t-tnaqqis tal-faqar; itenni li mingħajr sforzi kontinwi biex jittaffew il-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima, kif ukoll il-ġestjoni mtejba tar-riżorsi tal-ilma, il-progress lejn il-miri tat-tnaqqis tal-faqar, l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju, u l-iżvilupp sostenibbli fid-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali kollha tiegħu, jistgħu jitqiegħdu fil-periklu;

86.    Jinnota bi tħassib li n-nuqqas ta’ aċċess għall-ilma u s-sanità fid-dinja li qed tiżviluppa jista’ jkollu effett sproporzjonat fuq il-bniet u n-nisa, speċjalment dawk li għadhom qed jattendu l-iskola fejn l-assenteiżmu u r-rati tal-abbandun bikri mill-iskola huma marbuta man-nuqqas ta’ faċilitajiet sanitarji nodfa, sikuri u aċċessibbli;

87.    Jitlob biex l-allokazzjoni tal-fondi tal-Unjoni u tal-Istati Membri tirrifletti r-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-dritt tal-bniedem għal ilma tax-xorb sikur u s-sanità, b’mod partikolari fir-rigward ta’ infrastruttura fuq skala żgħira u l-allokazzjoni ta’ aktar fondi għat-tħaddim u l-manutenzjoni, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet u s-sensibilizzazzjoni;

88.    Jikkonstata bi tħassib li, skont ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-dritt tal-bniedem għall-ilma tax-xorb sikur u s-sanità, persuni li jgħixu fi kwartieri fqar ġeneralment ikollhom iħallsu aktar minn dawk li jgħixu f'residenzi formali biex imbagħad jirċievu servizzi li mhumiex regolati u ta' kwalità baxxa; iħeġġeġ lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw sabiex jipprijoritizzaw l-allokazzjonijiet baġitarji għal servizzi għal persuni żvantaġġati u iżolati;

89.    Ifakkar li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ddikjarat li, fis-sitwazzjoni inizjali, mingħajr l-applikazzjoni tat-teknoloġiji l-aktar riċenti tat-trattament u l-konservazzjoni tal-ilma, bejn100 u 200 litru ilma kuljum għal kull persuna huma ottimali, filwaqt li nnutat li 50 sa 100 litru huma meħtieġa biex jiġi żgurat li jiġu ssodisfati l-bżonnijiet bażiċi u ma jinħoloqx ħafna tħassib fir-rigward tas-saħħa; jinnota li, skont id-drittijiet fundamentali tal-bniedem rikonoxxuti, l-iffissar ta’ kwota minima għal kull persuna huwa indispensabbli biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-ilma bażiċi tal-popolazzjonijiet;

90.    Jenfasizza li l-aċċess għal ilma bażiku ta' bżonn għandu jkun dritt tal-bniedem fundamentali indiskutibbli appoġġjat b'mod impliċitu u espliċitu mid-dritt internazzjonali, id-dikjarazzjonijiet u l-prattika tal-istat;

91.    Jistieden lill-gvernijiet, l-aġenziji tal-għajnuna internazzjonali, l-organizzazzjonijiet nongovernattivi u l-komunitajiet lokali sabiex jaħdmu biex jipprovdu lill-bnedmin kollha l-ilma bażiku li għandhom bżonn u jiggarantixxu li l-ilma jkun dritt tal-bniedem;

92.    Jistieden lill-Istati Membri biex, skont il-linji gwida tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, jintroduċu politika tal-prezzijiet li tkun tirrispetta d-dritt tal-persuni għal kwanità minima vitali ta' ilma filwaqt li tirripressa l-ħela, filwaqt li tipprevedi l-applikazzjoni ta' tariffa progressiva proporzjonali għall-kwantità tal-ilma li jintuża;

93.    Jinkoraġġixxa t-teħid ta’ miżuri biex jiġi żgurat l-użu razzjonali tal-konsum tal-ilma, sabiex tiġi evitata l-ħela;

94.    Ifaħħar lil ċerti operaturi tal-ilma li jiddedikaw perċentwali mill-fatturat annwali tagħhom għal sħubijiet tal-ilma f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, u jħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-UE sabiex joħolqu l-qafas legali neċessarju biex tali sħubijiet jidħlu fis-seħħ;

95.    Jitlob monitoraġġ effikaċi ta' proġetti mwettqa permezz tal-għajnuna esterna; jenfasizza l-ħtieġa li l-istrateġiji finanzjarji u l-baġits jiġu sorveljati sabiex jiġi żgurat li l-fondi allokati jindirizzaw id-disparitajiet u l-inugwaljanzi eżistenti għall-aċċess għall-ilma u jirrispettaw il-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem ta' nondiskriminazzjoni, aċċess għall-informazzjoni u parteċipazzjoni;

96.    Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel it-tiġdid tan-netwerks tal-ilma għax-xorb li qed jiqdiemu prijorità fil-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa billi tqiegħed dawn il-proġetti fil-lista ta’ proġetti tal-Unjoni, filwaqt li jiġi rispettat il-prinċipju ġenerali li l-proġetti ffinanzjati mill-UE ma għandhomx joħolqu qligħ għall-benefiċjarji iżda għandhom jgħinuhom jilħqu bilanċ finanzjarju; jenfasizza l-effett ta’ lieva li dawn il-proġetti jkollhom fuq l-impjiegi li ma jistgħux jiġu rilokati, li b’hekk jistimulaw l-ekonomija ekoloġika fl-Ewropa;

97.    Jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi l-kondiviżjoni tal-għarfien biex l-Istati Membri jwettqu stħarriġ dwar il-qagħda tan-netwerks, u dan għandu jippermetti t-tnedija tal-ħidma ta’ tiġdid sabiex tintemm il-ħela;

98.    Jitlob aktar trasparenza biex il-konsumaturi jiġu infurmati aħjar dwar l-ilma u jsir kontribut għall-ġestjoni aktar effiċjenti tar-riżorsi tal-ilma; jinkoraġġixxi, għaldaqstant, lill-Kummissjoni, sabiex tkompli l-ħidma tagħha mal-Istati Membri bl-għan tal-kondiviżjoni tal-esperjenzi nazzjonali relatati mat-twaqqif ta’ sistemi ta’ informazzjoni dwar l-ilma;

99.    Jistieden lill-Kummissjoni biex tistudja l-opportunità li testendi għal-livell Ewropew l-istrumenti ta' appoġġ finanzjarju fis-settur tal-kooperazzjoni internazzjonali b'rabta mal-ilma u l-faċilitajiet sanititarji;

100.    Jenfasizza li l-ġestjoni effiċjenti u ġusta tar-riżorsi tal-ilma tiddependi fuq il-kapaċità tal-gvernijiet lokali li jipprovdu s-servizzi; jistieden, għalhekk, lill-UE biex tkompli tappoġġja t-tisħiħ tal-governanza u tal-infrastruttura tal-ilma fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, filwaqt li tindirizza b'mod partikolari l-ħtiġijiet tal-popolazzjonijiet rurali vulnerabbli;

101.  Jappoġġja l-Pjattaforma Globali ta' Solidarjetà tal-Ilma mnedija mill-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP) sabiex l-awtoritajiet lokali jkunu involuti fit-tfittix ta' soluzzjonijiet għall-isfidi tal-ilma; jilqa' wkoll l-inizjattiva "1 % solidarjetà għall-ilma u s-sanità" u inizjattivi oħra meħuda miċ-ċittadini u l-awtoritajiet f'xi Stati Membri sabiex jappoġġjaw proġetti f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw permezz ta' fondi minn tariffi tal-konsum; jikkonstata li inizjattivi bħal dawn tqiegħdu fil-prattika minn diversi kumpaniji tal-ilma; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni sabiex tħeġġeġ arranġamenti ta' solidarjetà f'dan il-qasam u f'oqsma oħra, pereżempju permezz tat-tqassim ta' informazzjoni, l-iffaċilitar ta' sħubijiet u skambji ta' esperjenzi, inkluż permezz ta' sħubijiet potenzjali bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, b'finanzjament addizzjonali tal-UE mogħti għall-proġetti implimentati permezz ta' din l-inizjattiva; iħeġġeġ, b'mod partikolari, il-promozzjoni ta' sħubijiet pubbliċi-pubbliċi fil-faċilitajiet tal-ilma f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, b'konformità mal-Alleanza Globali ta' Sħubijiet tal-Operaturi tal-Ilma kkoordinata mill-UN Habitat;

102.  Jitlob lill-Kummissjoni tniedi mill-ġdid l-istrument "Faċilità tal-Ilma", li wera li kien effikaċi fit-trawwim ta' aċċess aħjar għas-servizzi tal-ilma f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw billi ppromwova miżuri ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet għall-komunitajiet lokali;

103.  Jilqa’ l-fatt li hemm appoġġ konsiderevoli madwar l-Ewropa għar-riżoluzzjoni tan-NU dwar ir-rikonoxximent tal-aċċess għal ilma nadif u s-sanità bħala dritt tal-bniedem;

°

°    °

104.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 330, 5.12.1998, p. 32.

(2)

ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1.

(3)

ĠU L 65, 11.3.2011, p. 1.

(4)

ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1.

(5)

Għadha mhijiex disponibbli f'Il-Ġurnal Uffiċjali.

(6)

A/RES/64/292.

(7)

A/RES/68/157.

(8)

ĠU C 9 E, 15.1.2010, p. 33.

(9)

ĠU C 349 E , 29.11.2013, p. 9.

(10)

Testi adottati, P8_TA(2014)0059.


NOTA SPJEGATTIVA

L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej ilha mill-1 ta’ April 2012 disponibbli bħala mekkaniżmu ġdid ta' demokrazija parteċipattiva. Il-Kummissjoni Ewropea kienet iddikjarat li kien mixtieq li ċ-ċittadini jkollhom rwol aktar attiv fil-proċess politiku Ewropew u dan l-istrument uniku tfassal bħala mezz biex iċ-ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jsawru u jinfluwenzaw direttament l-aġenda politika Ewropea.

Ir-regoli tal-ECI jiddikjaraw li biex ECI tgħaddi teħtieġ mill-inqas miljun firma minn tal-anqas 7 Stati Membri. L-ECI "L-ilma u s-sanità huma dritt tal-bniedem! L-ilma huwa ġid pubbliku, mhux komodità!" magħrufa wkoll bħala r-"Right2Water" għaddiet b'iktar min 1.6 miljun firma vverifikata meta ġiet ippreżentata u minn dak iż-żmien kisbet kważi 300 000 firma oħra. Hija rnexxielha tirċievi firem mill-Istati Membri kollha (li 13 minnhom għaddew il-kwota) u b'hekk saret l-ewwel Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej ta’ suċċess.

L-objettivi ċentrali tal-ECI "Right2Water" jesiġu li:

-   L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE jkunu obbligati jiżguraw li l-abitanti kollha jgawdu d-dritt għall-ilma u s-sanità

-   Il-provvista tal-ilma u l-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma ma jkunux suġġetti għar-regoli tas-suq intern u s-servizzi tal-ilma jiġu esklużi mil-liberalizzazzjoni

-   L-UE żżid l-isforzi tagħha biex tikseb aċċess universali għall-ilma u s-sanità

Bħala sinjal ċar tal-appell wiesa' u l-importanza tad-dritt tal-bniedem għall-ilma, qabel l-elezzjonijiet Ewropej f’Mejju 2014, erbgħa mill-ħames kandidati għall-President tal-Kummissjoni ħarġu favur l-ECI "Right2Water", inkluż il-kandidat li eventwalment ħa l-kariga, Jean-Claude Juncker.

Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat ir-risposta uffiċjali tagħha għall-ewwel ECI li kienet ta’ suċċess f’Marzu 2014.

Hemm xi stqarrijiet pożittivi fi ħdan din il-Komunikazzjoni li għandhom jintlaqgħu, fosthom li:

•   l-ilma mhuwiex prodott kummerċjali,

•   ir-rikonoxximent li l-provvista tas-servizzi tal-ilma hija, b’mod ġenerali, ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet lokali li jinsabu l-eqreb taċ-ċittadini,

•   u b’mod kruċjali li s-servizzi tal-ilma u dawk sanitarji kellhom jiġu esklużi mid-Direttiva dwar il-Konċessjonijiet.

Madankollu, b’mod ġenerali, l-organizzaturi tal-ECI "Right2Water" kienu tal-fehma li r-risposta vaga tal-Kummissjoni kienet diżappuntanti ħafna. Hija ma tindirizzax it-talba fundamentali tal-firmatarji biex jittieħed impenn favur leġiżlazzjoni li tirrikonoxxi d-dritt tal-bniedem għall-ilma u dan huwa ta' tħassib mhux biss fir-rigward tad-dritt tal-bniedem għall-ilma iżda wkoll fir-rigward tal-integrità tal-mekkaniżmu tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej innifisha.

Diżappunti ulterjuri bir-risposta tal-Kummissjoni jinkludu:

•   l-ebda garanzija mill-Kummissjoni li s-servizzi tal-ilma u dawk sanitarji se jiġu esklużi minn ftehimiet kummerċjali bħat-TTIP

•   l-ebda garanzija biex titwaqqaf il-liberalizzazzjoni ulterjuri tas-servizz tal-ilma u dawk sanitarji

Id-Dritt tal-Bniedem għall-Ilma

In-NU, fil-kumment ġenerali Nru 15 tagħha, spjegat l-ambitu tad-dritt għall-ilma u ċċarat x’inhu mfisser b’ilma suffiċjenti, sikur, aċċettabbli, fiżikament aċċessibbli u affordabbli għal użu personali u domestiku.

Wieħed minn dawn l-aspetti ewlenin, l-affordabbiltà, ifisser li l-ebda individwu jew grupp ma għandu jiġi miċħud l-aċċess għal ilma tax-xorb sikur minħabba li ma jkunx jaffordjah. Dawn il-kriterji jenfasizzaw ukoll li l-irkupru tal-ispejjeż m’għandux isir ostaklu għall-aċċess għall-ilma tax-xorb sikur u l-faċilitajiet sanititarji, b’mod partikolari għall-fqar. Ġie rakkomandat ukoll li l-ħlas ta' 3 % tad-dħul ta' unità domestika għandu jitqies bħala l-ammont massimu għall-pagamenti tal-ilma meta dawn ikunu japplikaw.

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa rrakkomandat li bejn 50 u 100 litru ilma kuljum għal kull persuna huma meħtieġa biex jiġi żgurat li l-bżonnijiet bażiċi jiġu ssodisfati u ma jinħoloqx ħafna tħassib fir-rigward tas-saħħa. Filwaqt li ammont ta' bejn 20 u 25 litru kuljum għal kull persuna jirrappreżenta l-minimu, din iċ-ċifra tqajjem tħassib minħabba li mhux meqjusa biżżejjed biex tissodisfa r-rekwiżiti bażiċi tal-iġjene u l-konsum tal-ilma. Barra minn hekk, iċ-ċifra rakkomandata ta' bejn 50 u 100 litru wkoll tista' tkun insuffiċjenti għal gruppi differenti ta’ nies bħalma huma: in-nisa tqal, in-nies li jgħixu bl-HIV/AIDS jew l-ommijiet li qed ireddgħu.

Is-servizzi tal-Ilma u s-Suq Intern

Filwaqt li l-Kummissjoni Ewropea ddikjarat li hija għandha tibqa’ newtrali fir-rigward tad-deċiżjonijiet nazzjonali dwar is-sjieda tal-ilma, min-naħa l-oħra, hija tifforma parti mit-Trojka, li fittxet il-privatizzazzjoni tas-servizzi tal-ilma fil-pajjiżi tal-programm.

Minħabba n-natura ferm unika tal-ilma u l-monopolju naturali maħluq mill-provvista tal-ilma u n-neċessità tagħha għall-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, il-Kummissjoni Ewropea għandha tirrikonoxxi t-tħassib kbir taċ-ċittadini Ewropej dwar kif tittratta l-ilma u s-servizzi tal-ilma. S’issa, il-Kummissjoni Ewropea fil-biċċa l-kbira kienet favur approċċ ibbażat fuq il-kompetizzjoni u approċċ ibbażat fuq is-suq b’tendenza favur il-liberalizzazzjoni tas-servizzi tal-ilma u s-sanità minflok approċċ ibbażat fuq id-drittijiet li jirrikonoxxi r-rwol tas-servizzi pubbliċi.

Il-mobilizzazzjoni qawwija taċ-ċittadini tal-UE favur il-kampanja "Right2Water" tirrifletti l-movimenti fi Stati Membri individwali. Pajjiżi bħall-Irlanda, il-Ġreċja, l-Italja, il-Ġermanja u Spanja lkoll raw is-sjieda u l-ġestjoni tal-ilma jsiru kwistjonijiet ċentrali ta’ tħassib għaċ-ċittadini matul dawn l-aħħar snin. Fl-istess waqt ta' din il-mobilizzazzjoni u sensibilizzazzjoni ikbar, l-Ewropa esperjenzat xejra dejjem ikbar favur ir-rimuniċipalizzazzjoni tas-servizzi tal-ilma, u dan normalment wara nuqqas ta’ sodisfazzjon u esperjenzi koroh b'mudelli privati u liberalizzati tal-ġestjoni tal-ilma. Minkejja li huwa xi ħaġa rari, il-mudell privat ta’ provvista tal-ilma ma jfissirx prezzijiet aktar baxxi, investiment ikbar jew responsabbiltà adegwata. L-oppożizzjoni pubblika li qed tikber kontra dan il-mudell rat bliet bħal Berlin iwettqu rimuniċipalizzazzjoni fuq l-eżempju ta’ Pariġi u l-kumpanija pubblika tagħha Eau de Paris.

Minħabba l-monopolju naturali maħluq mill-provvista tal-ilma, il-maġġoranza kbira tal-operaturi tal-ilma kemm fl-Ewropa kif ukoll globalment huma operaturi pubbliċi tal-ilma, u dan ifisser li hemm ġabra kbira ta’ għarfien espert u esperjenza li tista' tiġi sfruttata. Għadd dejjem jikber ta’ kumpaniji tal-ilma fis-settur pubbliku kienu involuti fi "sħubijiet pubbliċi-pubbliċi" - impenji kollaborattivi u mhux għaljin bejn żewġ awtoritajiet pubbliċi jew aktar li jkollhom l-għan li jtejbu l-kapaċità permezz tal-kondiviżjoni tal-għarfien dwar l-aħjar prattiki fl-oqsma ta': assistenza teknika, taħriġ u żvilupp ta’ riżorsi umani, finanzjament ta’ servizzi tal-ilma, effiċjenza u titjib tal-parteċipazzjoni pubblika. Huwa inkoraġġanti li fir-risposta uffiċjali tagħha għall-ECI "Right2Water", il-Kummissjoni Ewropea tirrikonoxxi għall-ewwel darba is-sħubijiet pubbliċi-pubbliċi.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (12.5.2015)

għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

dwar is-segwitu għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej 'Right2Water'

(2014/2239(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Cristian Dan Preda

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi r-Riżoluzzjoni 64/292 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-28 ta' Lulju 2010 tirrikonoxxi b'mod espliċitu d-dritt tal-bniedem għal ilma tax-xorb sikur u nadif u s-sanità, u billi dan id-dritt jissemma wkoll b'mod ċar f'diversi strumenti u ftehimiet internazzjonali oħra; billi l-aċċess għall-ilma tax-xorb sikur u s-sanità huwa marbut b'mod indissolubbli mad-dritt għall-ħajja, is-saħħa u d-dinjità tal-bniedem u l-ħtieġa għal livell ta' għajxien xieraq;

B.  billi mill-inqas 748 miljun persuna m'għandhomx aċċess sostenibbli għal ilma tax-xorb sikur, u terz tal-popolazzjoni dinjija m'għandhiex sanità bażika; billi, għaldaqstant, id-dritt għas-saħħa huwa mhedded u l-mard jinxtered, u dan jikkawża tbatija u mwiet u joħloq impedimenti kbar għall-iżvilupp; billi madwar 4 000 tifel u tifla jmutu kuljum b'mard trażmess mill-ilma jew minħabba ilma, sanità u iġjene inadegwati; billi n-nuqqas ta' aċċess għall-ilma tax-xorb joqtol aktar tfal mill-AIDS, il-malarja u l-ġidri flimkien; billi hemm, madankollu, xejra ċara 'l isfel f'dawn iċ-ċifri u billi t-tnaqqis jista' u għandu jiġi aċċelerat;

C. billi l-aċċess għall-ilma għandu wkoll dimensjoni ta' sigurtà li tirrikjedi kooperazzjoni reġjonali mtejba;

D. billi n-nuqqas ta' aċċess għall-ilma u s-sanità għandu konsegwenzi fuq il-kisba ta' drittijiet tal-bniedem oħra; billi l-isfidi tal-ilma jaffettwaw b'mod sproporzjonat lin-nisa, peress li f'ħafna pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw huma tradizzjonalment responsabbli għall-provvista tal-ilma domestiku; billi n-nisa u l-bniet isofru l-aktar min-nuqqas għall-aċċess ta' sanità adegwata u diċenti, li ta' spiss jillimitalhom l-aċċess għall-edukazzjoni u jirrendihom aktar vulnerabbli għall-mard;

E.  billi kull sena, tliet miljun u nofs persuna jmutu b'mard trażmess mill-ilma;

F.  billi l-aċċess għall-ilma huwa fost is-soluzzjonijiet kruċjali għall-kisba ta' żvilupp sostenibbli; billi l-enfasi tal-assistenza għall-iżvilupp fuq it-titjib tal-provvista tal-ilma tax-xorb u tas-sanità huwa mod effiċjenti sabiex jintlaħqu l-objettivi fundamentali għall-qerda tal-faqar, kif ukoll għall-promozzjoni tal-ugwaljanza soċjali, is-saħħa pubblika, is-sigurtà tal-ikel u t-tkabbir ekonomiku;

G. billi l-Protokoll Fakultattiv tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, li daħal fis-seħħ fl-2013, ħoloq mekkaniżmu għall-ilmenti li jippermetti lil individwi jew gruppi jressqu lment formali dwar ksur tad-dritt tal-bniedem għall-ilma u s-sanità, fost drittijiet oħra;

H. billi fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u fl-ekonomiji emerġenti, id-domanda għall-ilma qiegħda tiżdied mis-setturi kollha, b'mod partikolari għall-enerġija u l-agrikoltura; billi t-tibdil fil-klima, l-urbanizzazzjoni u l-iżviluppi demografiċi jistgħu jipperikolaw id-disponibbiltà tal-ilma f'ħafna pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, u sal-2025 madwar żewġ terzi tal-popolazzjoni tad-dinja hija mistennija li se tkun qed tgħix f'pajjiżi fejn hemm problema tal-ilma;

I.   billi l-UE hija l-ikbar donatur fis-settur tal-ilma, is-sanità u l-iġjene (WASH), b'25 % tal-finanzjament umanitarju annwali globali ddedikat speċifikament għall-appoġġ lis-sħab għall-iżvilupp f'dan il-qasam; billi, madankollu, fl-2012 ir-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar l-għajnuna għall-iżvilupp mill-Unjoni Ewropea għall-provvista tal-ilma tax-xorb u s-sanità bażika fil-pajjiżi Sub-Saħarjani rrimarka l-ħtieġa li titjieb l-effikaċja tal-għajnuna u s-sostenibbiltà tal-proġetti appoġġati mill-UE;

J.   billi l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa ddikjarat li "l-aċċess għall-ilma jrid ikun rikonoxxut bħala dritt fundamentali tal-bniedem minħabba li huwa essenzjali għall-ħajja fuq id-dinja u huwa riżorsa li trid tinqasam bejn il-bnedmin";

K. billi d-Direttiva Qafas tal-UE dwar l-ilma tirrikonoxxi li "l-ilma mhuwiex prodott kummerċjali bħal kull prodott ieħor imma, pjuttost, wirt li għandu jiġi protett, difiż u ttrattat bħala tali";

L.  billi l-privatizzazzjoni tas-servizzi bażiċi fl-Afrika sub-Saħarjana fid-disgħinijiet fixklet, fost l-oħrajn, il-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju (MDGs) kemm għall-ilma kif ukoll għas-sanità, peress li l-enfasi tal-investituri fuq l-irkupru tal-ispejjeż, intensifikat, fost affarijiet oħra, l-inugwaljanzi fil-provvista ta' dawn is-servizzi, a skapitu ta' djar bi dħul baxx; billi fid-dawl ta' dan il-falliment tal-privatizzazzjoni tal-ilma, it-trasferiment tas-servizzi tal-ilma mill-kumpaniji privati lill-awtoritajiet lokali hija xejra li qiegħda tikber fis-settur tal-ilma madwar id-dinja kollha;

M. billi l-UE u l-Istati Membri għandhom jonoraw l-impenji tagħhom u jikkunsidraw l-għanijiet li huma approvaw fil-kuntest tan-Nazzjonijiet Uniti u ta' organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti oħra;

N. billi l-aċċess għall-ilma huwa essenzjali għall-ħajja, is-saħħa, l-ikel, il-benessri u l-iżvilupp, u għalhekk l-ilma ma jistax jitqies sempliċement bħala komodità;

1.  Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tiżgura li d-dimensjoni tad-drittijiet tal-bniedem ta' aċċess għall-ilma tax-xorb sikur u s-sanità tibqa' fil-qalba tal-politika tal-iżvilupp tagħha(1); ifaħħar l-importanza tal-istrument tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej u jittama li jsir dejjem aktar effikaċi u, fuq kollox, iwassal għal leġiżlazzjoni;

2.  Jenfasizza li d-dritt tal-bniedem għall-ilma u s-sanità huwa marbut mill-qrib ma' għadd ta' sfidi globali, bħas-saħħa, l-enerġija, l-ikel, l-impjiegi, l-ugwaljanza bejn is-sessi u s-sostenibbiltà tal-ambjent; jappoġġa bil-qawwa l-inklużjoni tal-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG) 6 propost dwar l-iżgurar tad-disponibbiltà u l-immaniġġjar sostenibbli tal-ilma u s-sanità għal kulħadd sal-2030 fi ħdan il-qafas għall-iżvilupp globali għal wara l-2015, inkluż l-objettiv li jintlaħaq aċċess universali u ġust għal ilma tax-xorb sikur u affordabbli għal kulħadd; jenfasizza li t-twettiq tal-SDGs kollha jeħtieġ il-mobilizzazzjoni ta' aktar finanzjament għall-iżvilupp minn dak attwali, kemm minn pajjiżi żviluppati kif ukoll dawk li qegħdin jiżviluppaw, inkluż minn sorsi ġodda u strumenti finanzjarji innovattivi; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jiżguraw li l-aċċess għall-ilma tax-xorb u s-sanità jkunu temi ta' prijorità fil-Konferenza tan-NU li jmiss dwar it-Tibdil fil-Klima (COP21);

3.  Ifakkar li l-aċċess għall-ilma huwa essenzjali għall-agrikoltura sabiex jintlaħaq id-dritt għal ikel adegwat;

4.  Jenfasizza li l-aċċess għal bżonn bażiku għall-ilma għandu jkun dritt fundamentali indiskutibbli tal-bniedem appoġġat b'mod impliċitu u espliċitu mid-dritt internazzjonali, dikjarazzjonijiet u prattika tal-Istat;

5.  Jistieden lill-gvernijiet, l-aġenziji tal-għajnuna internazzjonali, l-organizzazzjonijiet non-governattivi u l-komunitajiet lokali sabiex jaħdmu biex jipprovdu lill-bnedmin kollha l-ilma bażiku li għandhom bżonn u jiggarantixxu li l-ilma jkun dritt tal-bniedem;

6.  Iħeġġeġ li "d-dritt tal-bniedem għall-ilma" jiddaħħal fil-lista tad-drittijiet fundamentali universali tal-bniedem, inkluż id-dritt għal ilma suffiċjenti ta' kwalità xierqa, sabiex jiġi sodisfatt id-dritt espliċitu għall-ħajja u d-drittijiet usa' għas-saħħa u l-benessri;

7.  Jinsisti li s-settur WASH fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw għandu jingħata prijorità kbira kemm mill-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp u kemm mill-baġits nazzjonali; ifakkar li l-immaniġġjar tal-ilma huwa responsabbiltà kollettiva; huwa favur mentalità miftuħa fir-rigward ta' modalitajiet ta' għajnuna differenti, imma f'konformità stretta mal-prinċipji tal-effikaċja tal-iżvilupp, mal-koerenza politika għall-iżvilupp u b'enfasi b'saħħitha fuq il-qerda tal-faqar u l-massimizzazzjoni tal-impatt tal-iżvilupp; jappoġġa, f'dan ir-rigward, l-involviment ta' komunitajiet lokali fit-twettiq ta' proġetti f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, kif ukoll il-prinċipju tas-sjieda tal-komunità;

8.  Ifakkar li l-garanzija ta' ġestjoni sostenibbli tal-ilma ta' taħt l-art hija indispensabbli għat-tnaqqis tal-faqar u għall-prosperità kondiviża, peress li l-ilma ta' taħt l-art għandu l-potenzjal li jipprovdi sors imtejjeb tal-ilma għax-xorb lil miljuni ta' nies fqar f'żoni urbani u rurali;

9.  Jitlob monitoraġġ effikaċi ta' proġetti mwettqa permezz tal-għajnuna esterna; jenfasizza l-ħtieġa li l-istrateġiji finanzjarji u l-baġits jiġu sorveljati sabiex jiġi żgurat li l-fondi allokati jindirizzaw id-disparitajiet u l-inugwaljanzi eżistenti għall-aċċess għall-ilma u jirrispettaw il-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem ta' nondiskriminazzjoni, aċċess għall-informazzjoni u parteċipazzjoni;

10. Jistieden lill-UE tiffoka l-għajnuna tagħha għall-iżvilupp fuq il-kostruzzjoni, l-operat u l-manutenzjoni ta' infrastruttura fuq skala żgħira, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet u s-sensibilizzazzjoni;

11. Jikkonstata bi tħassib li, skont ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-dritt tal-bniedem għall-ilma tax-xorb sikur u s-sanità, persuni li jgħixu fil-bassifondi ġeneralment iridu jħallsu aktar minn dawk li jgħixu f'residenzi formali biex imbagħad jirċievu servizzi li mhumiex irregolati u ta' kwalità baxxa; iħeġġeġ lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw sabiex jipprijoritizzaw l-allokazzjonijiet baġitarji għal servizzi għal persuni żvantaġġati u iżolati;

12. Jissottolinja li ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma effiċjenti u ġusta tiddependi fuq il-kapaċità tal-gvernijiet lokali li jipprovdu servizzi; jistieden, għalhekk, lill-UE tappoġġa aktar it-tisħiħ tal-governanza u tal-infrastruttura tal-ilma fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, filwaqt li tindirizza b'mod partikolari l-ħtiġijiet tal-popolazzjonijiet rurali vulnerabbli;

13. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw politika li timplimenta d-dritt tal-bniedem għall-ilma u s-sanità kif rikonoxxut min-Nazzjonijiet Uniti, u jippromwovu l-provvista tal-ilma u s-sanità bħala servizzi pubbliċi essenzjali għal kulħadd;

14. Jappoġġa l-Pjattaforma Globali ta' Solidarjetà tal-Ilma mnedija mill-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP) sabiex awtoritajiet lokali jkunu involuti fit-tfittix ta' soluzzjonijiet għall-isfidi tal-ilma; jilqa' wkoll l-inizjattiva "1 % solidarjetà għall-ilma u s-sanità" u inizjattivi oħra meħuda miċ-ċittadini u l-awtoritajiet f'xi Stati Membri sabiex jiġu appoġġati proġetti f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw permezz ta' fondi minn tariffi tal-konsum; jikkonstata li inizjattivi bħal dawn tqiegħdu fil-prattika minn diversi korporazzjonijiet tal-ilma; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni sabiex tħeġġeġ arranġamenti ta' solidarjetà f'dan il-qasam u f'oqsma oħra, pereżempju permezz ta' tqassim ta' informazzjoni, iffaċilitar ta' sħubijiet u skambji ta' esperjenzi, inkluż permezz ta' sħubijiet potenzjali bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, b'finanzjament addizzjonali tal-UE mogħti għall-proġetti implimentati permezz ta' din l-inizjattiva; iħeġġeġ, b'mod partikolari, il-promozzjoni ta' sħubijiet pubbliċi-privati fil-faċilitajiet tal-ilma f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, f'konformità mal-Alleanza Globali ta' Sħubijiet tal-Operaturi tal-Ilma kkoordinata mill-UN Habitat;

15. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-għajnuna tintefaq b'mod effikaċi u li tkun immirata aħjar għas-settur WASH fil-perspettiva tal-aġenda għall-iżvilupp ta' wara l-2015; jappella għall-ħolqien ta' mekkaniżmu ta' monitoraġġ globali biex jiġi segwit il-progress tal-kisba għall-aċċess universali għall-ilma tax-xorb sikur, l-użu sostenibbli u l-iżvilupp tar-riżorsi tal-ilma u t-tisħiħ ta' governanza tal-ilma ġusta, parteċipattiva u responsabbli fil-pajjiżi kollha;

16. Jinkoraġġixxi lis-settur privat u lill-kumpaniji tal-ilma li huma parzjalment ta' proprjetà statali u li joperaw f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw sabiex jinvestu mill-ġdid il-profitti kollha ġġenerati miċ-ċiklu tal-ġestjoni tal-ilma fiż-żamma u t-titjib tas-servizzi tal-ilma u l-protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma; jistieden, għal dan l-għan, lill-UE u lill-Istati Membri jippromwovu l-iskambju tal-aħjar prattiċi fl-oqsma tal-immaniġġjar tal-ilma, tat-trattament tal-ilma u tal-konservazzjoni tal-ilma bejn kumpaniji Ewropej u kumpaniji li joperaw f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw;

17. Jitlob lill-Kummissjoni tniedi mill-ġdid l-istrument "Faċilità tal-Ilma", li wera li kien effikaċi fit-trawwim ta' aċċess aħjar għas-servizzi tal-ilma f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw billi ppromwova miżuri ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet għall-komunitajiet lokali;

18. Jafferma mill-ġdid li l-aċċess għall-ilma tax-xorb fi kwantità suffiċjenti u ta' kwalità suffiċjenti huwa dritt bażiku tal-bniedem, u jqis li l-gvernijiet nazzjonali għandhom id-dmir li jwettqu dan l-obbligu;

19. Jinsisti dwar il-ħtieġa li l-awtoritajiet pubbliċi lokali jingħataw appoġġ għall-isforzi tagħhom lejn il-bini ta' sistema innovattiva, parteċipattiva u demokratika ta' mmaniġġjar tal-ilma pubbliku, li tkun effiċjenti, trasparenti u rregolata u li tirrispetta l-objettivi ta' żvilupp sostenibbli;

20. Jenfasizza li d-distribuzzjoni tal-ilma għandha titqies essenzjalment bħala servizz pubbliku u li għalhekk għandha tiġi organizzata bħala tali sabiex tiggarantixxi aċċess affordabbli għal kulħadd.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

6.5.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

25

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Louis Aliot, Beatriz Becerra Basterrechea, Nirj Deva, Charles Goerens, Enrique Guerrero Salom, Heidi Hautala, Maria Heubuch, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Stelios Kouloglou, Arne Lietz, Norbert Neuser, Maurice Ponga, Cristian Dan Preda, Lola Sánchez Caldentey, György Schöpflin, Pedro Silva Pereira, Davor Ivo Stier, Paavo Väyrynen, Bogdan Brunon Wenta, Anna Záborská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Patrizia Toia, Joachim Zeller

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Daniela Aiuto, Tiziana Beghin, Julie Ward

(1)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej "L-Ilma u s-sanità huma dritt tal-bniedem! L-ilma huwa ġid pubbliku, mhux komodità!" (COM(2014)0177), p. 10.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (13.5.2015)

għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

dwar is-segwitu għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej Right2Water

(2014/2239(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Margrete Auken

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Iqis li s-segwitu tal-Kummissjoni għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI) Right2Water (R2W), kif propost fil-komunikazzjoni tagħha, ma jissodisfax l-aspettattivi taċ-ċittadini dwar azzjonijiet konkreti u proposti leġiżlattivi peress li l-Kummissjoni kienet diġà ħabbret li kienet se żżid l-isforzi għall-iżgurar tal-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ilma min-naħa tal-Istati Membri, b'rieżami tad-Direttiva tal-UE dwar l-Ilma tax-Xorb u l-proposta ta' emendi; jittama li l-Kummissjoni u l-Viċi President responsabbli għas-sostenibilità juru impenn politiku ċar biex jiżguraw li tittieħed azzjoni xierqa bħala risposta għat-tħassib imqajjem minn din l-ECI;

2.  Jirrikonoxxi d-dritt tal-bniedem internazzjonali għall-ilma u l-miżuri sanitarji bħala dritt bażiku tal-bniedem, kif riaffermat fir-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 64/292; jemmen li d-dritt għall-ilma għandu jiggarantixxi biżżejjed ilma lil kulħadd li jkun sikur, aċċettabbli, fiżikament aċċessibbli u bi prezz raġjonevoli għall-użu personali u domestiku b'mod ġust u ugwali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex timpenja ruħha fl-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli u fil-proċess tal-Aġenda tal-Iżvilupp ta' wara l-2015 bl-għan li tiżgura objettivi u miri futuri li jkunu sensittivi għad-drittijiet, inkluż ir-rispett għad-dritt għall-ilma;

3.  Itenni l-impenn tal-Kumitat tiegħu dwar il-Petizzjonijiet biex jagħti vuċi lill-petizzjonanti dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw drittijiet fundamentali, u jfakkar li l-petizzjonanti li ppreżentaw l-R2W, jiġifieri l-ECI, esprimew il-qbil tagħhom mad-dikjarazzjoni tal-ilma bħala dritt tal-bniedem li huwa garantit fil-livell tal-UE;

4.  Jenfasizza li l-allegata newtralità tal-Kummissjoni dwar is-sjieda u l-immaniġġjar tal-ilma jidher li hi kontradittorja mal-programmi ta' privatizzazzjoni imposti fuq xi Stati Membri mit-Trojka;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-ilma bħala parti mill-Aġenda għall-Bidla, flimkien mal-agrikoltura sostenibbli;

6.  Jenfasizza li l-ECI hija għodda importanti ta' demokrazija parteċipattiva li tagħti setgħa liċ-ċittadini jsemmgħu leħinhom fil-proċedura leġiżlattiva, u li ECI ammissibbli u xierqa għandha fil-prinċipju twassal għal proposta leġiżlattiva ġdida tal-Kummissjoni li tissodisfa t-talbiet stabbiliti fl-ECI, tal-anqas meta l-Kummissjoni tkun impenjat ruħha biex tippreżenta tali proposta, bħal fil-każ tal-R2W tal-ECI; jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tiżgura l-ogħla livell ta' trasparenza matul il-fażi ta' analiżi ta' xahrejn, li ECI ta' suċċess għandha tirċievi appoġġ legali xieraq u pariri mill-Kummissjoni u għandha tkun publiċizzata kif xieraq, u li l-promoturi u s-sostenituri għandhom jinżammu mgħarrfa u aġġornati b'mod sħiħ matul il-proċess tal-ECI;

7.  Jenfasizza li rispons mhux suffiċjenti għall-ewwel ECI ta' suċċess jista' jkun detrimentali għall-affidabilità tal-ECI bħala għodda ta' demokrazija fost iċ-ċittadini tal-UE;

8.  Jinsisti li l-Kummissjoni timplimenta b'mod effettiv ir-Regolament dwar l-ECI u timxi lejn it-tneħħija tal-piżijiet amministrattivi kollha li jiltaqgħu magħhom iċ-ċittadini meta jissottomettu u jappoġġjaw l-ECI, u jħeġġiġha tikkunsidra l-implimentazzjoni ta' sistema ta' reġistrazzjoni komuni tal-ECI għall-Istati Membri kollha;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa b'mod qawwi l-isforzi tal-Istati Membri biex jiżviluppaw u jaġġornaw l-infrastruttura li tagħti aċċess għall-irrigazzjoni, id-drenaġġ u s-servizzi tal-provvista tal-ilma tax-xorb;

10. Iqis li għandu jsir aktar biex jitjiebu l-kwalità u l-kwantità tal-informazzjoni disponibbli għaċ-ċittadini fir-rigward tal-kwalità u s-servizzi tal-ilma; jinsisti li r-rispons tal-Kummissjoni għall-R2W tal-ECI mhix suffiċjenti; jitlob lill-Kummissjoni b'konnessjoni ma' din l-ECI partikolari, biex tmexxi kampanja ta' informazzjoni serja dwar il-miżuri li diġà ttieħdu fil-qasam tal-ilma u kif dawn il-miżuri jistgħu jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi tar-R2W tal-ECI;

11. Ifakkar lill-Istati Membri dwar ir-responsabilità tagħhom fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE; iħeġġiġhom biex jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva tal-UE dwar l-Ilma tax-Xorb u l-leġiżlazzjoni relatata kollha; ifakkarhom biex jidentifikaw il-prijoritajiet tal-infiq tagħhom u biex jagħmlu użu sħiħ mill-opportunitajiet għal appoġġ finanzjarju mill-UE fis-settur tal-ilma mogħti għall-perjodu l-ġdid ta' programmazzjoni finanzjarja (2014-2020), b'mod partikolari permezz ta' prijorità ta' investiment iffukata speċifikament fuq il-ġestjoni tal-ilma;

12. Ifakkar l-obbligu tal-Istati Membri biex jiggarantixxu li d-dritt għall-ilma u għall-miżuri sanitarji jkunu eżerċitati b'mod ġust u mingħajr diskriminazzjoni; josserva li l-Istati Membri għandhom dmir li jiżguraw li l-aċċessibilità ta' ilma ta' kwalità tajba lil min jeħtieġu tkun garantita u tkun bi prezz raġjonevoli għal kulħadd, u li jiżguraw li l-operaturi jfornu ilma tax-xorb sikur u miżuri sanitarji aħjar; jistieden lill-Istati Membri jadottaw leġiżlazzjoni xierqa u jiżviluppaw u jimplimentaw programmi konkreti li jkollhom ir-riżorsi adegwati u jkunu monitorjati b'mod xieraq; jinnota li l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lil gruppi vulnerabbli fis-soċjetà, bħal dawk f'żoni bi dħul baxx u reġjuni ġeografiċi li għandhom akkumulu estensiv ta' faqar; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika oqsma li fihom l-iskarsità tal-ilma hija problema eżistenti jew potenzjali, u tgħin lill-Istati Membri, lir-reġjuni u liż-żoni kkonċernati, b'mod partikolari żoni rurali u żoni urbani deprivati, biex tindirizza din il-problema kif jixraq;

13. Jirrikonoxxi li l-Istati Membri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, għandhom id-dritt li jagħżlu skemi differenti għat-twassil tal-ilma; jiddikjara li l-ilma m'għandux ikun sors ta' profitt illeġittimu għall-operaturi pubbliċi jew privati; jitlob trasparenza ogħla u għoti ta' informazzjoni akbar fir-rigward tal-immaniġġjar tal-ilma u tal-iskemi ta' prezzar tal-ilma fl-Istati Membri;

14. Ifakkar fl-obbligu ta' garanzija ta' aċċess għall-ġustizzja u għall-informazzjoni fi kwistjonijiet ambjentali, u ta' parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta' deċiżjonijiet, kif stabbilit fil-Konvenzjoni ta' Aarhus; jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali tagħhom biex jikkonformaw mal-prinċipji u d-drittijiet imnaqqxa fil-Konvenzjoni Aarhus; ifakkar li s-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini dwar id-drittijiet tagħhom hi fundamentali sabiex tinkiseb l-akbar parteċipazzjoni tagħhom fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex b'mod proattiv tistabbilixxi kampanja ta' informazzjoni għaċ-ċittadini tal-UE dwar il-kisbiet tal-Konvenzjoni ta' Aarhus fil-qasam tat-trasparenza u dwar l-għodod effettivi diġà għad-dispożizzjoni tagħhom, u tissodisfa d-dispożizzjonijiet li jirreferu għall-istituzzjonijiet tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa t-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-kriterji tal-parteċipazzjoni bħala mezz kif tiġi mtejba l-prestazzjoni, is-sostenibilità u l-kosteffettività tas-servizzi tal-ilma;

15. Ifakkar li d-Direttiva 2006/123/KE dwar is-servizzi fis-suq intern attirat oppożizzjoni qawwija mis-soċjetà ċivili f'ħafna aspetti, inklużi kwistjonijiet relatati ma' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali bħad-distribuzzjoni tal-ilma u s-servizzi ta' provvista kif ukoll l-immaniġġjar tal-ilma mormi; ifakkar li eventwalment l-istituzzjonijiet tal-UE ġew sfurzati jinkludu dawn is-setturi fost is-servizzi li ma jistgħux jiġu liberalizzati;

16. Jinnota li sa mill-1988 il-Kumitat għall-Petizzjonijiet tiegħu rċieva għadd sinifikanti ta' petizzjonijiet miċ-ċittadini tal-UE f'ħafna Stati Membri li jesprimu t-tħassib tagħhom dwar il-kwalità tal-ilma u l-ġestjoni tal-ilma mormi; jiġbed l-attenzjoni lejn numru ta' fatturi negattivi kkundannati mill-petizzjonanti – bħal miżbliet ta' skart, nuqqas mill-awtoritajiet biex jissorveljaw il-kwalità tal-ilma b'mod effettiv, u prattiki agrikulturali u industrijali irregolari jew illegali – li huma responsabbli għall-kwalità tal-ilma baxxa u għaldaqstant għandhom impatt fuq l-ambjent u fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali; iqis li dawn il-petizzjonijiet juru interess ġenwin min-naħa taċ-ċittadini fl-infurzar sħiħ u l-iżvilupp ulterjuri tal-leġiżlazzjoni sostenibbli tal-UE relatata mal-ilma;

17. Jikkunsidra li ħafna mill-petizzjonijiet dwar il-kwalità u l-immaniġġjar tal-ilma jiġu minn Stati Membri li mhumiex rappreżentati sew fil-konsultazzjoni pubblika madwar l-UE mnedija f'Ġunju 2014, u jenfasizza li għaldaqstant jista' jkun hemm xi inkonsistenza bejn ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika u s-sitwazzjoni enfasizzata mill-petizzjonijiet;

18. Jikkundanna l-fatt li fl-UE-28 hemm aktar minn miljun persuna li għad ma għandhomx aċċess għal provvista tal-ilma tax-xorb sikura u nadifa u kważi 2 % tal-popolazzjoni ma għandhiex aċċess għal miżuri sanitarji skont il-Programm tal-Valutazzjoni tal-Ilma tad-Dinja (WWAP) u għaldaqstant iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex taġixxi b'mod immedjat;

19. Jemmen li għandu jkun hemm valutazzjoni tal-ilma Ewropew u l-proġetti u l-programmi ta' miżuri sanitarji mill-perspettiva tad-drittijiet tal-bniedem bl-għan li jiġu żviluppati politiki, linji gwida u prattiki xierqa; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi sistema ta' valutazzjoni komparattiva (għall-kwalità tal-ilma, l-affordabilità, is-sostenibilità, il-kamp ta' applikazzjoni, eċċ.) sabiex ittejjeb il-kwalità tal-provvista tal-ilma pubblika u s-servizzi tas-sanità madwar l-Unjoni Ewropea, bħala mod kif iċ-ċittadini jiġu mogħtija s-setgħa;

20. Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni biex tqis b'mod serju t-tħassib u t-twissijiet espressi miċ-ċittadini f'tali petizzjonijiet u taġixxi fuqhom, b'mod partikolari minħabba l-ħtieġa urġenti li tiġi indirizzata l-problema tar-riżorsi tal-ilma li dejjem jonqsu bħala riżultat ta' użu żejjed u ta' bidla fil-klima, waqt li għad hemm żmien għall-prevenzjoni tat-tniġġis u tal-ġestjoni ħażina; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-numru ta' proċeduri ta' ksur dwar il-kwalità u l-ġestjoni tal-ilma; ifakkar fin-numru sinifikanti ta' petizzjonijiet kontra l-inklużjoni ta' servizzi pubbliċi essenzjali bħall-ilma u l-miżuri sanitarji fin-negozjati għas-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP); jistieden lill-Kummissjoni żżid ir-responsabilità tal-fornituri tal-ilma;

21. Jistieden lill-Kummissjoni tfassal leġiżlazzjoni vinkolanti biex tiżgura li l-awtoritajiet kompetenti jqiegħdu għad-dispożizzjoni taċ-ċittadini kkonċernati l-informazzjoni kollha dwar il-kwalità u l-ġestjoni tal-ilma b'mod faċilment aċċessibbli u li jinftiehem, u li ċ-ċittadini jkunu infurmati u kkonsultati b'mod sħiħ u fil-ħin dwar il-proġetti kollha għall-ġestjoni tal-ilma; jikkunsidra, barra minn hekk, li fil-konsultazzjoni pubblika mnedija mill-Kummissjoni, 80 % tal-parteċipanti qiesu li hu essenzjali titjib fit-trasparenza tal-monitoraġġ tal-kwalità tal-ilma;

22. Jistieden lill-Istati Membri jiffinalizzaw b'urġenza l-Pjanijiet tagħhom għall-Immaniġġjar tal-Baċini tax-Xmajjar u bħala element ewlieni tal-infurzar tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, u jimplimentawhom kif suppost b'rispett sħiħ għall-kriterji ekoloġiċi prevalenti; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li ċerti Stati Membri qegħdin dejjem aktar jiġu kkonfrontati b'għargħar li jikkawża ħsara u li għandu impatt aħrax fuq il-popolazzjoni lokali; jirrimarka li l-Pjanijiet għall-Immaniġġjar tal-Baċini tax-Xmajjar taħt id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u l-Pjanijiet għall-Ġestjoni tar-Riskju tal-Għargħar taħt id-Direttiva dwar l-Għargħar jagħtu opportunità mill-aqwa biex jiġu sfruttati sinerġiji bejn dawn l-istrumenti li għalhekk jgħinu biex jinkiseb ilma nadif fi kwantitajiet suffiċjenti filwaqt li jitnaqqas ir-riskju tal-għargħar; ifakkar, barra minn hekk, li kull Stat Membru għandu jkollu sit elettroniku ewlieni biex jipprovdi informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma sabiex jiffaċilita ħarsa ġenerali lejn l-immaniġġjar u l-kwalità tal-ilma;

23. Jistieden lill-Kumitat tar-Reġjuni jinvolvi aktar ruħu fl-ECI bl-għan li jħeġġeġ l-awtoritajiet reġjonali jkunu aktar involuti fil-kwistjoni;

24. Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja bir-reqqa l-użu ta' fondi diretti u indiretti tal-UE għal proġetti għall-ġestjoni tal-ilma u tiżgura li tali finanzjament jintuża biss għall-proġetti li għalihom kien maħsub, fejn tikkunsidra wkoll li l-aċċess għall-ilma huwa kruċjali għat-tnaqqis tad-disparitajiet bejn iċ-ċittadini tal-UE u t-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-UE; jistieden f'dan ir-rigward lill-Qorti tal-Awdituri timmonitorja li l-kriterji ta' effiċjenza u sostenibilità jiġu ssodisfati b'mod adegwat;

25. Jistieden lill-Kummissjoni tqis in-nuqqas attwali ta' investiment fil-ġestjoni bilanċjata tal-ilma, waqt li jitqies li l-ilma huwa wieħed mill-assi kondiviżi taċ-ċittadini tal-UE;

26. Jirrimarka li ġestjoni għaqlija tal-ilma qed issir prijorità, kemm fl-ambitu ekoloġiku kif ukoll f'dak ambjentali, għad-deċennji li ġejjin, waqt li tissodisfa l-ħtiġijiet ta' enerġija u agrikultura u twieġeb għall-ħtiġijiet ekonomiċi u soċjali.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

5.5.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

26

0

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Margrete Auken, Beatriz Becerra Basterrechea, Andrea Cozzolino, Pál Csáky, Miriam Dalli, Rosa Estaràs Ferragut, Eleonora Evi, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Peter Jahr, Rikke Karlsson, Notis Marias, Edouard Martin, Marlene Mizzi, Julia Pitera, Laurențiu Rebega, Sofia Sakorafa, Jarosław Wałęsa, Cecilia Wikström, Tatjana Ždanoka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Anja Hazekamp, György Hölvényi, Demetris Papadakis, Josep-Maria Terricabras, Ángela Vallina

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Paul Brannen, Norbert Lins, Dario Tamburrano, Martina Werner


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

25.6.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

38

22

6

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marco Affronte, Margrete Auken, Zoltán Balczó, Catherine Bearder, Ivo Belet, Simona Bonafè, Biljana Borzan, Lynn Boylan, Nessa Childers, Birgit Collin-Langen, Mireille D’Ornano, Miriam Dalli, Seb Dance, Angélique Delahaye, Jørn Dohrmann, Ian Duncan, Stefan Eck, Bas Eickhout, Eleonora Evi, José Inácio Faria, Karl-Heinz Florenz, Iratxe García Pérez, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Jens Gieseke, Sylvie Goddyn, Matthias Groote, Françoise Grossetête, Andrzej Grzyb, Jytte Guteland, György Hölvényi, Josu Juaristi Abaunz, Karin Kadenbach, Kateřina Konečná, Peter Liese, Norbert Lins, Valentinas Mazuronis, Susanne Melior, Gilles Pargneaux, Piernicola Pedicini, Bolesław G. Piecha, Pavel Poc, Frédérique Ries, Michèle Rivasi, Annie Schreijer-Pierik, Renate Sommer, Tibor Szanyi, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Jadwiga Wiśniewska, Damiano Zoffoli

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Inés Ayala Sender, Guillaume Balas, Paul Brannen, Albert Deß, Herbert Dorfmann, Christofer Fjellner, Luke Ming Flanagan, Martin Häusling, Jan Huitema, Karol Karski, Marit Paulsen, Gabriele Preuß, Kay Swinburne, Claude Turmes, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Ashley Fox

Aġġornata l-aħħar: 28 t'Awissu 2015Avviż legali