RAKKOMANDAZZJONI GĦAT-TIENI QARI dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari għall-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 881/2004

31.3.2016 - (10578/1/2015 – C8-0415/2015 – 2013/0014(COD)) - ***II

Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
Rapporteur: Roberts Zīle


Proċedura : 2013/0014(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0073/2016
Testi mressqa :
A8-0073/2016
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari għall-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 881/2004

(10578/1/2015 – C8-0415/2015 – 2013/0014(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (10578/1/2015 – C8-0415/2015),

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet motivati ppreżentati mill-Parlament Litwan, is-Senat Rumen u l-Parlament Svediż, fil-qafas tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità, fejn huwa ddikjarat li l-abbozz ta' att leġiżlattiv ma jikkonformax mal-prinċipju ta' sussidjarjetà,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-11 ta' Lulju 2013[1],

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-8 ta' Ottubru 2013[2],

  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari[3] dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2013)0027),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 76 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0073/2016),

1.  Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari;

2.  Jieħu nota tad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni annessi ma' din ir-riżoluzzjoni;

3.  Jinnota li l-att qed jiġi adottat b'konformità mal-pożizzjoni tal-Kunsill;

4.  Jissuġġerixxi li l-att jiġi ċitat bħala 'r-Regolament Zīle-Matīss dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 881/2004'[4];

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jiffirma l-att flimkien mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex jiffirma l-att, wara li jkun ġie vverifikat li l-proċeduri ntemmu kif imiss, u biex, bi qbil mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tal-att f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

Stqarrija tal-Kummissjoni dwar il-bord ta' ġestjoni tal-ERA, u dwar il-proċedura tal-għażla u tat-tneħħija tad-direttur eżekuttiv

Il-Kummissjoni jiddispjaċiha li, meta mqabbel mal-proposta oriġinali ppreżentata mill-Kummissjoni, it-test maqbul dwar ir-Regolament tal-ERA jiddevja mid-dispożizzjonijiet ewlenin maqbula mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fl-2012 skont l-Approċċ Komuni dwar l-aġenziji deċentralizzati tal-UE. Dan jikkonċerna l-għadd ta' rappreżentanti tal-Kummissjoni fil-Bord ta' Ġestjoni, u l-proċedura tal-għażla u tat-tneħħija tad-direttur eżekuttiv. Il-Kummissjoni tenfasizza b'mod partikolari l-fatt li l-ħatra ta' osservatur fost il-membri tal-Bord ta' Ġestjoni biex isegwi l-proċedura tal-għażla applikata mill-Kummissjoni għall-ħatra tad-direttur eżekuttiv, ma għandhiex twassal għal rwoli doppji fil-proċeduri tal-għażla u tal-ħatra (l-Artikolu 51(1)).

Stqarrija tal-Kummissjoni dwar ir-riżorsi neċessarji tal-baġit

Ir-raba' pakkett ferrovjarju jagħti lill-ERA kompetenzi ġodda, b'mod partikolari l-poter li toħroġ awtorizzazzjonijiet għall-vetturi u ċertifikati tas-sikurezza direttament lis-settur. Ma jistax ikun eskluż li fil-perjodu ta' transizzjoni, it-tariffi u l-ħlasijiet ikun għadhom mhumiex disponibbli għall-ERA, minkejja li jkun hemm bżonn li jinħatar u jitħarreġ il-persunal. Sabiex jiġi evitat tfixkil fis-suq ferrovjarju, il-Kummissjoni se taħdem biex tirriżerva l-baġit neċessarju sabiex tkopri l-ispejjeż tal-persunal rilevanti.

NOTA SPJEGATTIVA

1. Il-pilastru tekniku tar-raba' pakkett ferrovjarju

L-aħħar tliet “pakketti ferrovjarji” diġà kienu ġabu bidliet sostanzjali li kellhom l-għan li l-ferroviji Ewropej isiru aktar kompetittivi u interoperabbli, filwaqt li jżommu livell għoli ta' sikurezza. Madankollu, is-settur ikompli jiffaċċja ostakli għall-kompetizzjoni, diskriminazzjoni u nuqqas ta’ ambjent liberalizzat, dinamiku u li jiffavorixxi n-negozju. Hemm wisq regoli nazzjonali differenti, bi proċeduri u standards neqsin mit-trasparenza.

Sabiex jittejbu l-prestazzjoni u l-kompetittività tal-industrija u biex titjieb il-kwalità u l-effiċjenza tas-servizzi ferrovjarji, il-Kummissjoni ressqet dan ir-raba’ pakkett ferrovjarju. Il-proposta għal Regolament dwar l-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea (ERA) tal-Unjoni Ewropea, flimkien mat-tfassil mill-ġdid propost tad-Direttiva 2004/49/KE dwar is-sikurezza ferrovjarja u d-Direttiva 2008/57/KE (id-Direttiva dwar l-Interoperabilità), jiffurmaw il-pilastru tekniku ta’ dan il-pakkett.

Dan il-pilastru jfittex li jtejjeb il-kompatibilità teknika tal-infrastruttura, il-vetturi fuq ir-roti, is-sinjalazzjoni u partijiet oħra tas-sistema ferrovjarja, kif ukoll jissimplifika l-proċeduri għall-approvazzjoni tal-vetturi ferrovjarji għall-użu madwar in-netwerk ferrovjarju Ewropew. It-tliet proposti huma marbuta mill-qrib, mhux l-inqas minħabba li ħafna mill-kompiti tal-ERA huma stipulati fid-Direttivi.

2. Il-prijoritajiet tal-Parlament

Il-Parlament konsistentement appoġġa integrazzjoni akbar taż-żona ferrovjarja Ewropea, u qies din il-forma ta’ trasport bħala mezz li jipprovdi kontribuzzjoni aktar sostenibbli għall-impjiegi u t-tkabbir. Fl-ewwel qari tiegħu, il-Parlament fittex li jiċċara r-rwol tal-ERA, u ra kif isib soluzzjonijiet li jistgħu jnaqqsu l-ispejjeż u l-burokrazija filwaqt li joffru benefiċċji għall-partijiet interessati kollha. L-għan kien li jiżgura kundizzjonijiet ta' negozju u opportunitajiet kompetittivi aħjar għall-atturi kollha tas-suq u b’hekk jipprovdi kwalità aħjar u servizzi orħos għall-utenti finali, kemm fejn ikollha x’taqsam il-merkanzija kif ukoll f’dak li jinvolvi l-passiġġieri.

L-emendi tal-Parlament għalhekk fittxew li:

•  jistabbilixxu approċċ komuni fir-rigward tar-regoli dwar is-sikurezza u l-interoperabilità biex jiżdiedu l-ekonomiji ta' skala għall-impriżi ferrovjarji attivi madwar l-UE;

•  jippermettu li l-ERA toffri proċeduri ta' ċertifikazzjoni u awtorizzazjzoni effiċjenti u favur il-klijent inkluż punt uniku ta' servizz;

•  jiżguraw li l-metodu ta' awtorizzazzjoni ta' elementi tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS) joħloq sistema Ewropea unika minflok għadd ta’ sistemi nazzjonali;

•  jindirizzaw konflitti ta' interess potenzjali, u

•  jħaffu l-proċeduri amministrattivi, filwaqt li tkun evitata diskriminazzjoni moħbija.

Kien hemm tħassib ukoll li l-pakkett għandu jqis is-sitwazzjoni speċifika tan-netwerks ferrovjarji b'wisa' bejn il-binarji li tkun differenti mill-istandard 1 435 mm tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk tal-Istati Baltiċi u l-Finlandja. Dawn in-netwerks huma integrati sew bħala parti mill-wisa' 1 520 mm li tkopri r-Russja u l-pajjiżi tas-KSI, iżda huma iżolati min-netwerk ferrovjarju prinċipali tal-UE.

Barra minn hekk, it-tliet Rapporteurs għamlu ħilithom biex jadottaw approċċ konsistenti minħabba l-ħafna interazzjonijiet bejn it-tliet proposti.

3. Ftehim impenjattiv

Fi tmiem in-negozjati informali bejn il-Parlament u l-Kunsill li damu għal aktar minn disa’ xhur, intlaħaq ftehim li se:

•  jelimina l-ħtieġa għal applikazzjonijiet multipli: L-ERA se toħroġ l-awtorizzazzjonijiet kollha għal vetturi maħsuba għal operazzjonijiet transkonfinali u ċ-ċertifikati tas-sikurezza kollha lill-kumpaniji ferrovjarji li joperaw servizzi transkonfinali. Għal vetturi u operaturi involuti biss fit-trasport nazzjonali, l-applikant se jkun jista’ jagħżel jekk tkunx l-Aġenzija jew l-awtorità nazzjonali li tipproċessa l-applikazzjoni tiegħu;

•  jagħti lill-ERA rwol ikbar fl-iżvilupp tal-ERTMS. Sabiex jiġi żgurat li l-proġetti jkunu interoperabbli, l-ERA se tevalwa s-soluzzjonijiet tekniċi previsti qabel kull sejħa għall-offerti li tinħareġ dwar tagħmir maġenb il-binarji tal-ERTMS;

•  l-ERA tkun tista' twaqqaf "punt uniku ta' servizz" li se jaġixxi bħala punt ta’ dħul uniku għall-applikazzjonijiet kollha. Din is-sistema ta' informazzjoni u ta’ komunikazzjoni se tagħmel mod li l-proċeduri jsiru aktar faċli u trasparenti. Dan il-''punt uniku ta' servizz'' se jippermetti kemm lill-Aġenzija kif ukoll lill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza biex isegwu l-istadji differenti tal-applikazzjoni matul il-proċedura;

•  iwassal għal ftehimiet ta’ kooperazzjoni bejn l-ERA u l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza. Flimkien mal-punt uniku ta’ servizz, dawn il-ftehimiet se jiżguraw diviżjoni ċara tal-kompiti bejn l-awtoritajiet Ewropej u dawk nazzjonali. Huma se jiżguraw ukoll il-konsistenza f’każ ta’ applikazzjonijiet differenti għal awtorizzazzjonijiet jew ċertifikazzjonijiet simili; u

•  jeħtieġu li l-Bord tal-ERA jadotta regoli għall-prevenzjoni u l-ġestjoni ta’ kunflitti ta’ interess u ta' proċeduri għall-kooperazzjoni ma’ awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali.

4 Nimxu 'l quddiem

Dan il-ftehim mistenni jżid l-ekonomiji ta’ skala għall-impriżi u l-manifatturi ferrovjarji mal-UE kollha. Huwa se jnaqqas l-ispejjeż amministrattivi u jħaffef il-proċeduri, filwaqt li jżomm il-livell għoli attwali ta' sikurezza. Fl-istess ħin dan se jgħin biex tiġi evitata kwalunkwe diskriminazzjoni moħbija, b’mod partikolari kontra kumpaniji ġodda li jixtiequ jidħlu f’suq. Se jnaqqas ukoll b’mod sinifikanti l-għadd ta’ regoli nazzjonali f’oqsma fejn qed tiġi introdott regolamentazzjoni armonizzata fuq il-livell tal-UE.

Madankollu, biex tiġi żgurata l-effikaċja sħiħa tiegħu, l-ERA u l-awtoritajiet nazzjonali se jkollhom jaħdmu flimkien mill-qrib, filwaqt li jikkondividu l-għarfien espert u l-informazzjoni. Filwaqt li aġenzija ferrovjarja b’saħħitha, mgħammra tajjeb u effiċjenti hija prekundizzjoni għall-iżvilupp u l-funzjonament tas-suq ferrovjarju Ewropew, l-ERA mhux se tkun mistennija tipprova tagħmel kollox.

Fl-istess ħin, l-awtoritajiet nazzjonali se jkunu meħtieġa li jirrikonoxxu l-importanza ta’ ħidma mal-ERA u ma' xulxin biex joħolqu sistema ferrovjarja integrata, dinamika u transkonfinali. Din il-ħtieġa għal kooperazzjoni hija saħansitra akbar fil-każ ta’ pajjiżi li jużaw wisa' bejn il-binarji ta' 1 520 mm billi għandhom jikkonkludu ftehim multilaterali mal-ERA li jiddefinixxi l-kundizzjonijiet li skonthom awtorizzazzjoni tal-vettura tkun valida wkoll għal Stati Membri oħra kkonċernati. Huwa biss meta dan il-ftehim multilaterali jkun ġie stabbilit, li se jkun possibbli għar-reġjun li jieħu vantaġġ sħiħ mill-flessibbiltajiet addizzjonali li joffri l-pilastru tekniku, bil-għan li jitnaqqas il-piż finanzjarju u amministrattiv għall-applikant f’każijiet bħal dawn.

PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

Titolu

Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji u tħassir tar-Regolament (KE) Nru 881/2004

Referenzi

10578/1/2015 – C8-0415/2015 – 2013/0014(COD)

Data tal-1 qari tal-PE - Numru P

26.2.2014                     T7-0151/2014

Proposta tal-Kummissjoni

COM(2013)0027 - C7-0029/2013

Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja ta’ meta l-Parlament irċieva l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari

4.2.2016

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

TRAN

4.2.2016

 

 

 

Rapporteurs

       Data tal-ħatra

Roberts Zīle

16.7.2014

 

 

 

Eżami fil-kumitat

16.2.2016

 

 

 

Data tal-adozzjoni

15.3.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

38

2

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Lucy Anderson, Inés Ayala Sender, Georges Bach, Izaskun Bilbao Barandica, Deirdre Clune, Michael Cramer, Luis de Grandes Pascual, Andor Deli, Karima Delli, Isabella De Monte, Ismail Ertug, Dieter-Lebrecht Koch, Stelios Kouloglou, Merja Kyllönen, Miltiadis Kyrkos, Peter Lundgren, Marian-Jean Marinescu, Georg Mayer, Gesine Meissner, Cláudia Monteiro de Aguiar, Jens Nilsson, Markus Pieper, Salvatore Domenico Pogliese, Tomasz Piotr Poręba, Gabriele Preuß, Dominique Riquet, Massimiliano Salini, David-Maria Sassoli, Claudia Schmidt, Jill Seymour, Keith Taylor, Pavel Telička, Peter van Dalen, Wim van de Camp, Kosma Złotowski, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Francisco Assis, Rosa D’Amato, Karoline Graswander-Hainz, Werner Kuhn, Franck Proust

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Mylène Troszczynski

Data tat-tressiq

31.3.2016

  • [1]  ĠU C 327, 12.11.2013, p. 122.
  • [2]  ĠU C 356, 5.12.2013, p. 92.
  • [3]  Testi adottati tas-26.2.2014, P7_TA(2014)0151.
  • [4]  Roberts Zīle u Anrijs Matīss mexxew in-negozjati dwar l-att f'isem il-Parlament u l-Kunsill rispettivament.