RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata mill-Iżvezja – EGF/2015/009 SE/Volvo Trucks)

6.4.2016 - (COM(2016)0061 – C8-0033/2016 – 2016/2022(BUD))

Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: Victor Negrescu

Proċedura : 2016/2022(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0077/2016
Testi mressqa :
A8-0077/2016
Dibattiti :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata mill-Iżvezja – EGF/2015/009 SE/Volvo Trucks)

(COM(2016)0061 – C8-0033/2016 – 2016/2022(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0061 – C8-0033/2016),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006[1] ("ir-Regolament dwar il-FEG"),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[2], u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[3] (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0077/2016),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tagħti appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tassistihom fir-reintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bil-għan li jiġu aġevolati r-riklassifikazzjoni u r-reinseriment tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG);

C.  billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiġi introdott mill-ġdid il-kriterju tal-mobilizzazzjoni f'każ ta' kriżi, biex tiġi ffissata l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal 60 % tal-ispejjeż totali stmati tal-miżuri proposti, biex tiżdied l-effiċjenza għat-trattament tal-applikazzjonijiet għall-FEG mill-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u għall-approvazzjoni, biex jiġu estiżi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eleġibbli għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għaż-żgħażagħ, u biex jiġu ffinanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' impriżi proprji;

D.  billi l-Iżvezja ressqet applikazzjoni EGF/2015/009 SE/Volvo Trucks għall-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara sensji fis-settur ekonomiku kklassifikat fid-Diviżjoni 29 ta' NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta' vetturi bil-mutur, trejlers u produtturi downstream), l-aktar fir-reġjun tal-livell NUTS 2 ta' Norrland ta' Fuq (SE33), u billi 500 mis-647 ħaddiem li ngħata s-sensja eleġibbli għal kontribuzzjoni mill-FEG huma mistennija li jipparteċipaw fil-miżuri; billi 470 minn dawn il-ħaddiema ngħataw is-sensja minn Volvo Group Truck Operation EMEA wara tnaqqis fl-impjant ta' produzzjoni ta' Umeå, u 177 oħra f'4 fornituri u produtturi downstream (IL Logistics AB, Lemia, Caverion u Isringhausen);

E.  billi l-applikazzjoni tressqet skont il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG, li jirrekjedi li jrid ikun hemm mill-inqas 500 ħaddiem li ngħata is-sensja matul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'impriża fi Stat Membru, inklużi ħaddiema li ngħataw is-sensja minn fornituri u produtturi downstream u / jew persuni li jaħdmu għal rashom li ntemmet l-attività tagħhom;

F.  billi l-kontroll finanzjarju tal-azzjonijiet sostnuti mill-FEG jinkombi għall-Istat Membru, kif stabbilit mill-Artikolu 21(1) tar-Regolament dwar il-FEG;

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG huma sodisfatti, u li għalhekk l-Iżvezja għandha dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 1 793 710 skont dan ir-Regolament, li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 2 989 518;

2.  Jinnota li l-awtoritajiet Żvediżi ressqu l-applikazzjoni għall-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fis-16 ta' Settembru 2015, u li l-valutazzjoni tagħha tlestliet mill-Kummissjoni fis-16 ta' Frar 2016 u ġiet notifikata lill-Parlament dakinhar stess;

3.  Jesprimi d-dispjaċir tiegħu li l-Kummissjoni ma kinitx kapaċi tirrispetta l-iskadenza tat-tlestija tal-valutazzjoni ta' din l-applikazzjoni minħabba nuqqas eċċezzjonali ta' persunal; ifakkar li fl-interess tal-benefiċjarji, l-assistenza għandha titqiegħed disponibbli malajr u b'mod effiċjenti kemm jista' jkun; jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni involuti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-FEG jagħmlu ħilithom biex jitnaqqas iż-żmien tal-ipproċessar u jiġu ssemplifikati l-proċeduri sabiex tiġi żgurata l-adozzjoni rapida u bla xkiel tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG;

4.  Jinnota li l-manifattura tal-vetturi kummerċjali m'għadhiex iddominata mill-manifatturi Ewropej u tal-Amerika ta' Fuq, minħabba manifatturi emerġenti ġodda tat-trakkijiet Asjatiċi; jindika li l-produzzjoni tat-trakkijiet tqal fl-Unjoni naqset fl-2014, hekk kif naqsu wkoll l-esportazzjonijiet ta' vetturi kummerċjali tqal, karozzi tal-linja u coaches (tnaqqis ta' EUR 6,3 biljun, jew -11 %), filwaqt li l-importazzjonijiet totali ta' vetturi kummerċjali fl-Unjoni żdiedu (+10 %); jinnota li l-industrija tat-trakkijiet sabitha diffiċli sabiex tadatta għal trasformazzjoni kbira u l-ħtieġa li taġġusta filwaqt li ssir dejjem aktar globali; jinnota li l-awtoritajiet Żvediżi jargumentaw li t-trasferiment parzjali tal-impjant ta' produzzjoni ta' Volvo Umeå huwa xprunat mill-ħtieġa li tiżdied l-effiċjenza u jitnaqqsu l-ispejjeż bl-għan li tkun sodisfatta l-kompetizzjoni globali eżistenti u futura, bħala parti minn programm ta' ottimizzazzjoni tal-kumpanija Volvo;

5.  Jindika li s-sensji huma sfida fir-reġjun tal-kontea ta' Västerbotten (li Umeå hija l-belt kapitali tagħha) minħabba li l-postijiet tax-xogħol battala fir-reġjun huma f'oqsma li jirrikjedu kwalifiki għolja filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-ħaddiema kkonċernati għandhom biss edukazzjoni sekondarja; josserva li l-applikazzjoni tirreferi għal rapport reċenti li jafferma li 40 000 ħaddiem ġdid se jkunu meħtieġa fir-reġjun ta' Västerbotten; jilqa' pożittivament il-miżuri li l-għan tagħhom huma l-ħaddiema li għandhom bżonn edukazzjoni speċjalizzata;

6.  Jistieden lill-Istati Membri jħejju, flimkien mas-sħab soċjali, strateġiji intiżi li jantiċipaw il-bidliet projettati fis-suq tax-xogħol u li jipproteġu l-impjiegi u l-ħiliet fl-Unjoni fuq il-bażi ta' valutazzjonijiet tal-impatt komprensivi fil-qasam tal-kummerċ min-naħa tal-Kummissjoni għal kull ftehim kummerċjali;

7.  Josserva li ż-żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) mhumiex inklużi fl-applikazzjoni, billi dan ir-reġjun mhuwiex eleġibbli għal tali intervent fil-qafas tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ;

8.  Jilqa' l-fatt li l-awtoritajiet Żvediżi bdew jipprovdu s-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fit-30 ta' Jannar 2015, ferm qabel id-deċiżjoni dwar l-għoti ta' appoġġ mill-FEG għall-pakkett koordinat propost;

9.  Jinnota li l-Iżvezja qiegħda tippjana disa' tipi ta' miżuri għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja koperti minn din l-applikazzjoni: (i) il-valutazzjoni fil-fond u l-ippjanar individwali; (ii) id-diversi attivitajiet ta' tfittix ta' impjieg u ta' taħriġ; (iii) il-miżuri ta' motivazzjoni u l-miżuri relatati mas-saħħa; (iv) l-imprenditorija u l-ħolqien tan-negozju; (v) l-edukazzjoni u t-taħriġ; (vi) il-validazzjoni tal-kompetenzi; (vii) għajnuna għat-tfittix ta' impjieg ma' fornituri ta' servizzi privati; (viii) l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u spejjeż relatati; (ix) il-kumpens għat-tfittix ta' impjieg;

10.  Jilqa' favorevolment il-miżuri li l-għan tagħhom huwa l-motivazzjoni u s-saħħa tal-ħaddiema; iqis tali azzjonijiet neċessarji biex tissaħħaħ il-motivazzjoni u tingħata għajnuna lil dawk li minħabba s-sensja li ngħataw kellhom riperkussjonijiet fuq saħħithom; japprezza barra minn hekk il-miżuri ta' validazzjoni tal-kompetenzi tal-parteċipanti;

11.  Josserva l-ammont għoli li ntefaq fuq il-kumpensi u l-inċentivi; josserva li l-finanzjament ta' dawn l-azzjonijiet huwa limitat għal ammont massimu ta' 35 % tal-ispejjeż totali għall-pakkett koordinat ta' miżuri personalizzati, kif stabbilit fir-Regolament dwar il-FEG, u li tali azzjonijiet jiddependu mill-parteċipazzjoni attiva tal-benefiċjarji fil-mira fl-attivitajiet ta' tfittix ta' impjiegi jew ta' taħriġ;

12.  Jistenna t-tweġiba mingħand il-Kummissjoni li tikkonferma li l-proposta ta' kumpens għat-tfittix ta' impjieg ma tiħux post l-obbligu tal-Istat Membru rigward il-miżuri ta' suq tax-xogħol attiv jew ta' protezzjoni soċjali; jistenna, minbarra dan, analiżi tal-komplementarjetà tal-miżuri appoġġati mill-FEG;

13.  Jinnota li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati tfassal wara konsultazzjoni mal-benefiċjarji fil-mira u mar-rappreżentanti tagħhom, kif ukoll mal-atturi pubbliċi lokali.

14.  Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, it-tfassil tal-pakkett koordinat tas-servizzi personalizzati għandu jantiċipa l-perspettivi u l-kapaċitajiet meħtieġa fil-ġejjieni mis-suq tax-xogħol u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi;

15.  Ifakkar fl-importanza li titjieb l-impjegabbiltà tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali tal-ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat jiġi adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja, iżda anke għall-ambjent kummerċjali reali, u l-futur prospettiv tas-setturi professjonali;

16.  Jitlob lill-Kummissjoni tispeċifika ulterjorment, fi proposti futuri, f'liema setturi huwa probabbli li l-ħaddiema jsibu impjieg u jekk it-taħriġ offrut huwiex allinjat mal-prospetti ekonomiċi futuri u l-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol fir-reġjuni milqutin mis-sensji;

17.  Jinnota li l-awtoritajiet Żvediżi kkonfermaw li l-azzjonijiet eleġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta' dik id-data fir-rapporti annwali tagħha sabiex tiżgura r-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u li ma jkunx jista' jkun hemm duplikazzjoni tas-servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;

18.  Jinnota li sal-lum, is-settur tal-manifattura ta' vetturi bil-mutur, trejlers u semitrejlers kien is-suġġett ta' 22 applikazzjoni għall-FEG, inkluża din inkwistjoni, li 12 minnhom kienu bbażati fuq globalizzazzjoni relatata mal-kummerċ u 10 mal-kriżi ekonomika u finanzjarja globali.

19.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta bir-reqqa l-każijiet fejn il-finanzjament tal-FEG huwa mitlub għas-sensji li jirriżultaw mill-istraġteiji ta' delokalizzazzjoni tal-impriżi u tiżgura li tali impriżi jikkonformaw bis-sħiħ mar-responsabbiltajiet obbligatorji fil-konfront tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali jew skont ftehimiet kollettivi u li l-FEG jintuża bħala miżura komplementari;

20.  Itenni li l-assistenza mill-FEG ma għandhiex tissostitwixxi la l-azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skont id-dritt nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas il-miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

21.  Japprezza l-proċedura mtejba stabbilita mill-Kummissjoni, b'segwitu għat-talba mill-Parlament għall-aċċelerazzjoni fir-rilaxx tal-għotjiet; jinnota l-pressjoni mil-lat ta' ħin li jġib miegħu l-kalendarju l-ġdid u l-impatt potenzjali fuq l-effikaċja tal-eżami tal-każijiet;

22.  Ifakkar lill-Kummissjoni bir-responsabbiltà u bl-obbligu tagħha li tforni, f'ħin debitu, informazzjoni dettaljata li tikkonferma li l-proposta ta' kumpens għat-tfittix ta' impjieg ma tiħux post l-obbligu tal-Istat Membru rigward il-miżuri ta' suq tax-xogħol attivi jew ta' protezzjoni soċjali kif ukoll analiżi dettaljata li turi l-komplementarjetà ta' tali miżuri tal-FEG;

23.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-pubbliku jkollu aċċess għad-dokumenti kollha relatati ma' każijiet tal-FEG;

24.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

25.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

26.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni(applikazzjoni mill-Iżvezja – EGF/2015/009 SE/Volvo Trucks)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006[4], u b'mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[5], u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)  Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għandu l-għan li jagħti appoġġ lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lill-persuni li jaħdmu għal rashom u kellhom iwaqqfu l-attività tagħhom minħabba bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji bħala riżultat tal-globalizzazzjoni, bħala riżultat tal-kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, jew bħala ta' kriżi finanzjarja u ekonomika globali ġdida, u li jgħinhom fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)  Il-FEG ma għandux jaqbeż ammont massimu annwali ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif previst fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013[6].

(3)  Fis-16 ta' Settembru 2015, l-Iżvezja ressqet l-applikazzjoni EGF/2015/009 SE/Volvo Trucks għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara s-sensji mogħtija minn Volvo Trucks (Volvo Group Truck Operation, EMEA) u f'erba' fornituri u produtturi downstream fl-Iżvezja. Din l-applikazzjoni ġiet issupplimentata b'informazzjoni addizzjonali skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. L-applikazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.

(4)  Għaldaqstant, il-FEG għandu jiġi mobilizzat sabiex jagħti kontribuzzjoni finanzjarja li tammonta għal EUR 1 793 710 fir-rigward tal-applikazzjoni mressqa mill-Iżvezja.

(5)  Sabiex iż-żmien li jittieħed għall-mobilizzazzjoni tal-FEG jitnaqqas kemm jista' jkun, din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea stabbilit għas-sena finanzjarja 2016, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 1 793 710 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din id-deċiżjoni tapplika minn [data ta' adozzjoni ta' din id-deċiżjoni]*.

[7]Għall-Parlament Ewropew  Għall-Kunsill

Il-President  Il-President

NOTA SPJEGATTIVA

I.  Sfond

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jagħti appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[8] u tal-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 1309/2013[9], il-Fond ma jistax jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011). L-ammonti xierqa jiddaħħlu bħala provvediment fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.

Fir-rigward tal-proċedura, skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[10], sabiex jiġi attivat il-Fond, il-Kummissjoni, f'każ ta' valutazzjoni pożittiva ta' applikazzjoni għandha tippreżenta lill-awtorità baġitarja proposta għal mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess waqt, talba korrispondenti għal trasferiment. F'każ ta' nuqqas ta' qbil, għandu jinbeda trilogu.

II.  L-applikazzjoni Volvo Trucks u l-proposta tal-Kummissjoni

Fis-16 ta' Frar 2016, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur l-Iżvezja għall-appoġġ tal-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol ta' ħaddiema li ngħataw s-sensja f'5 intrapriżi li joperaw fid-Diviżjoni 29 ta' NACE Reviżjoni 2 ("Manifattura ta' vetturi bil-mutur, trejlers u semitrejlers") fir-reġjun ta' livell NUTS[11] 2 ta' Norrland ta' Fuq (SE33) fl-Iżvezja.

Din hija t-tieni applikazzjoni li se tiġi eżaminata fil-kuntest tal-baġit tal-2016 u t-22 waħda fir-rigward ta' manifattura ta' vetturi bil-mutur, trejlers u semitrejlers u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta' ammont globali ta' EUR 1 793 710 mill-FEG għall-Iżvezja. Tikkonċerna 500 ħaddiem li ngħataw is-sensja.

L-applikazzjoni ntbagħtet lill-Kummissjoni fis-16 ta' Settembru 2015 u ġiet supplimentata b'informazzjoni addizzjonali sal-11 ta' Novembru 2015. Il-Kummissjoni kkonkludiet, bi qbil mad-dispożizzjonijiet kollha applikabbli tar-Regolament dwar il-FEG, li l-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG.

L-awtoritajiet Żvediżi jsostnu li l-avveniment li wassal għall-għoti tas-sensji huma żviluppi li jolqtu vetturi kummerċjali Ewropej, u b'mod partikolari l-industrija tat-trakkijiet fis-snin riċenti, jiġifieri minħabba l-manifatturi emerġenti ġodda tat-trakkijiet Asjatiċi, u d-diffikultajiet tal-industrija tat-trakkijiet biex tadatta, li wasslitha żżid l-effiċjenza u tnaqqas l-ispejjeż.

Is-servizzi personalizzati li se jiġu offruti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja jikkonsistu f'disa' tipi ta' miżuri: l-applikazzjoni: (i) valutazzjoni fil-fond u ppjanar individwali, (ii) diversi attivitajiet ta' tfittix ta' impjieg u ta' taħriġ, (iii) miżuri ta' motivazzjoni u miżuri relatati mas-saħħa, (iv) imprenditorija u ħolqien tan-negozju, (v) edukazzjoni u taħriġ, (vi) validazzjoni tal-kompetenzi, (vii) għajnuna għat-tfittix ta' impjieg ma' fornituri ta' servizzi privati, (viii) spejjeż tal-ivvjaġġar u spejjeż relatati, (ix) kumpens għat-tfittix ta' impjieg;

Skont il-Kummissjoni, il-miżuri deskritti jikkostitwixxu miżuri attivi fis-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eleġibbli stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG. Dawn l-azzjonijiet ma jissostitwixxux l-miżuri passivi ta' protezzjoni soċjali.

L-awtoritajiet Żvediżi pprovdew il-garanziji neċessarji kollha rigward dan li ġej:

–  il-prinċipji tat-trattament ugwali u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rispettati fl-aċċess għall-azzjonijiet proposti u l-implimentazzjoni tagħhom,

–  ir-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar is-sensji kollettivi ġew sodisfatti,

–  Volvo Trucks, li ssoktat bl-attivitajiet tagħha wara s-sensji, ikkonformat mal-obbligi legali tagħha li jirregolaw is-sensji u pprovdiet għall-ħaddiema tagħha skont dawk l-obbligi,

–  l-azzjonijiet proposti mhumiex se jirċievu appoġġ finanzjarju minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni u mhu se jitħalla jsir l-ebda finanzjament doppju,

–  l-azzjonijiet proposti se jkunu komplementari għall-azzjonijiet ffinanzjati mill-Fondi Strutturali,

–  il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tkun konformi mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

L-Iżvezja nnotifikat lill-Kummissjoni li l-miżuri tal-FEG huma kofinanzjati mill-gvern Żvediż mill-baġit tal-Arbetsförmedlingen (is-Servizz Pubbliku tal-Impjiegi Żvediż).

III.  Proċedura

Sabiex timmobilizza l-Fond, il-Kummissjoni ressqet lill-Awtorità Baġitarja talba għal trasferiment ta' ammont globali ta' EUR 1 793 710 mir-riżerva tal-FEG (40 02 43) għal-linja baġitarja tal-FEG (04 04 01).

Sal-lum, din hija t-tieni proposta ta' trasferiment għall-mobilizzazzjoni tal-Fond trażmessa lill-Awtorità Baġitarja matul l-2016.

F'każ ta' nuqqas ta' qbil, għandha tinbeda proċedura ta' trilogu, kif previst fl-Artikolu 15(4) tar-Regolament dwar il-FEG.

Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali għandu jiġi assoċjat fil-proċess, sabiex joffri appoġġ kostruttiv u jagħti kontribut għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.

ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI

ZP/jb D(2015)12392

Onor. Jean Arthuis

President tal-Kumitat għall-Baġits

ASP 09G205

Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) EGF/2015/009 SE/Volvo Trucks mill-Iżvezja (COM(2016) 61 final)

Onor. President,

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) kif ukoll il-Grupp ta' Ħidma tiegħu dwar il-FEG eżaminaw il-mobilizzazzjoni tal-FEG għall-każ EGF/2015/009 SE Volvo Trucks u adottaw l-opinjoni li ġejja.

Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-FEG huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond fir-rigward ta' din it-talba. F'dan ir-rigward, il-Kumitat EMPL qiegħed jippreżenta xi kummenti mingħajr, madankollu, ma jqajjem dubju dwar it-trasferiment tal-pagamenti.

Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma msejsa fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

A)  billi din l-applikazzjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 (ir-Regolament dwar il-FEG) u tirrigwarda 647 ħaddiem li ngħataw is-sensja f'Volvo Trucks li topera fid-Diviżjoni 29 ta' NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta' vetturi bil-mutur, trejlers u semitrejlers) u erbgħa mill-fornituri u mill-produtturi downstream tagħha li jinsabu prinċipalment fir-reġjun tal-livell NUTS 2 ta' Norrland ta' Fuq (SE33) fl-Iżvezja fil-perjodu ta' referenza mill-24 ta' Frar 2015 sal-24 ta' Ġunju 2015;

B)  billi biex tiġi stabbilita rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji minħabba l-globalizzazzjoni, l-Iżvezja ssostni li l-manifattura ta' vetturi kummerċjali, segment relattivament żgħir fl-industrija kbira tal-karozzi, ma għadhiex iddominata mill-manifatturi Ewropej u tal-Amerika ta' Fuq; billi l-manifatturi emerġenti l-ġodda tat-trakkijiet Asjatiċi fiċ-Ċina u fl-Indja kisbu aċċess għat-teknoloġija l-ġdida permezz ta' impriżi konġunti li huma mexxejja stabbiliti tas-suq fil-Punent;

C)  billi fl-2014 is-segment tal-produzzjoni tat-trakkijiet tqal fis-suq tal-vetturi kummerċjali rreġistra xejra negattiva meta mqabbel mal-2013; billi fl-2014 ġiet irreġistrata bidla serja fil-kummerċ tal-UE, bi tnaqqis fl-esportazzjonijiet tal-manifatturi mill-UE u żieda fl-importazzjoni tal-vetturi;

D)  billi l-maġġoranza (77,4 %) tal-ħaddiema fil-mira tal-miżuri huma rġiel u 22,6 % huma nisa; billi 60 % tal-ħaddiema għandhom età bejn 30 u 54 sena, 15 % bejn 25 u 29 sena u 12,2 % bejn 55 u 64 sena.

Għaldaqstant, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jintegra s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu dwar l-applikazzjoni Żvediża:

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kriterji ta' intervent stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 huma sodisfatti u li għalhekk, l-Iżvezja għandha dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament;

2.  Jesprimi d-dispjaċir tiegħu li l-Kummissjoni ma kinitx kapaċi tirrispetta l-iskadenza tat-tlestija tal-valutazzjoni ta' din l-applikazzjoni  ; josserva li r-raġuni għad-dewmien kienet in-nuqqas eċċezzjonali ta' persunal; iqis li jekk id-dewmien jirriżulta mit-tnaqqis reċenti tal-persunal fil-Kummissjoni, allura ta' min ifakkar li fl-interess tal-benefiċjarji, l-assistenza għandha titqiegħed disponibbli malajr u b'mod effiċjenti kemm jista' jkun; L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni involuti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-FEG għandhom jagħmlu ħilithom biex jitnaqqas iż-żmien tal-ipproċessar u biex jiġu ssemplifikati l-proċeduri sabiex tiġi żgurata l-adozzjoni rapida u bla xkiel tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG.

3.  Josserva li ż-żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) mhumiex inklużi fl-applikazzjoni, billi dan ir-reġjun mhuwiex eleġibbli għal tali intervent fil-qafas tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta bir-reqqa il-każijiet fejn il-finanzjament tal-FEG huwa mitlub għas-sensji li jirriżultaw mill-istraġteiji ta' delokalizzazzjoni tal-impriżi u tiżgura li tali impriżi jikkonformaw bis-sħiħ mar-responsabbiltajiet obbligatorji fil-konfront tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali jew skont ftehimiet kollettivi u li l-FEG jintuża bħala miżura komplementari;

5.  Jistenna t-tweġiba min-naħa tal-Kummissjoni li tikkonferma li l-prosposta ta' kumpens għat-tfittix ta' impjieg ma tiħux post l-obbligu tal-Istat Membru rigward il-miżuri ta' suq tax-xogħol attivi jew ta' protezzjoni soċjali passivi kif ukoll analiżi dettaljata li turi l-komplementarjetà ta' tali miżuri tal-FEG;

6.  Josserva li l-applikazzjoni tirreferi għar-rapport reċenti li jafferma li 40 000 impjegat ġdid se jkunu meħtieġa fir-reġjun ta' Västerbotten; jilqa' b'sodisfazzjon il-miżuri li l-għan tagħhom huma l-ħaddiema li jqisu li l-livell edukattiv tagħhom mhuwiex biżżejjed għall-postijiet tax-xogħol battala identifikati fir-reġjun;

7.  Jilqa' favorevolment il-miżuri li l-għan tagħhom huwa l-motivazzjoni u s-saħħa tal-ħaddiema; iqis tali azzjonijiet neċessarji biex tissaħħaħ il-motivazzjoni u tingħata għajnuna lil dawk li minħabba s-sensja li ngħataw kellhom riperkussjonijiet fuq saħħithom; japprezza barra minn hekk il-miżuri ta' validazzjoni tal-kompetenzi tal-parteċipanti;

8.  Josserva l-ammont għoli li ntefaq fuq il-kumpensi u l-inċentivi; josserva li l-finanzjament ta' dawn l-azzjonijiet huwa limitat għal ammont massimu ta' 35 % tal-pakkett kumplessiv tal-miżuri personalizzati, kif stabbilit fir-Regolament; u li dawn l-azzjonijiet jiddependu mill-parteċipazzjoni attiva tal-benefiċjarji fil-mira f'attivitajiet ta' tfittix tal-impjieg jew ta' taħriġ;

9.  Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jkun imfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol u l-kapaċitajiet meħtieġa, u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli.

Dejjem tiegħek,

Thomas HÄNDEL

President tal-Kumitat EMPL

ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI

Onor. Jean ARTHUIS

President

Kumitat għall-Baġits

Parlament Ewropew

Suġġett:  Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

Onor. Arthuis,

Proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġiet riferuta lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali għall-opinjoni tiegħu. Nifhem li huwa maħsub li se jiġi adottat rapport dwar din il-proposta fil-Kumitat għall-Baġits fl-4 ta' April 2016:

-  COM(2016)0061 jipproponi kontribuzzjoni mill-FEG li tammonta għal EUR 1 793 710 għal 470 ħaddiem li ngħataw is-sensja minn Volvo Trucks u 177 f'erba' fornituri u produtturi downstream. L-impriża ewlenija topera fis-settur ekonomiku kklassifikat fid-Diviżjoni 29 ta' NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta’ vetturi bil-mutur, trejlers u semitrejlers). Is-sensji li ngħataw mill-impriża ewlenija jinsabu primarjament fir-reġjun ta' SE33 (Norrland ta' Fuq) fil-livell NUTS 2, fl-Iżvezja.

Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-FEG huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

Il-koordinaturi tal-Kumitat ivvalutaw din il-proposta u talbuni niktiblek biex nirrappurtalek li l-maġġoranza tal-membri ta' dan il-Kumitat m'għandha l-ebda oġġezzjoni għal din il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni biex l-ammont imsemmi hawn fuq jiġi allokat kif propost mill-Kummissjoni.

Dejjem tiegħek,

Iskra MIHAYLOVA

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

4.4.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

17

4

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean Arthuis, Lefteris Christoforou, Gérard Deprez, José Manuel Fernandes, Jens Geier, Iris Hoffmann, Bernd Kölmel, Ernest Maragall, Clare Moody, Younous Omarjee, Eleftherios Synadinos, Indrek Tarand, Auke Zijlstra

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Anneli Jäätteenmäki, Pavel Poc, Alfred Sant

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella Adinolfi, Jonás Fernández, Arne Gericke, Edouard Martin, Emilian Pavel

  • [1]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
  • [2]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
  • [3]  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
  • [4]   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
  • [5]   ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
  • [6]   Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884);
  • [7] *   Id-data tiddaħħal mill-Parlament qabel il-pubblikazzjoni fil-ĠU.
  • [8]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
  • [9]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
  • [10]  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
  • [11]  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1046/2012 tat-8 ta' Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' klassifikazzjoni komuni ta' unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS), fejn tidħol it-trażmissjoni tas-serje kronoloġiċi għat-tqassim reġjonali l-ġdid (ĠU L 310, 9.11.2012, p. 34).