RAPPORT dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-aġenziji tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014: prestazzjoni, ġestjoni finanzajrja u kontroll

6.4.2016 - (2015/2205(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
Rapporteur: Derek Vaughan


Proċedura : 2015/2205(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0080/2016
Testi mressqa :
A8-0080/2016
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-aġenziji tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014: prestazzjoni, ġestjoni finanzajrja u kontroll

(2015/2205(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-aġenziji tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar is-segwitu tal-kwittanza għas-sena finanzjarja 2013 (COM(2015)0505) u d-dokumenti ta' ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni li jakkumpanjawh (SWD(2015)0194, SWD(2015)0195),

–  wara li kkunsidra r-rapporti annwali speċifiċi tal-Qorti tal-Awdituri[1] dwar il-kontijiet annwali tal-aġenziji deċentralizzati għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002[2], u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej[3],

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[4], u b'mod partikolari l-Artikolu 110 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali kif ukoll tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0080/2016),

A.  billi din ir-riżoluzzjoni tinkludi, għal kull korp imsemmi fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, il-kummenti trasversali li jakkumpanjaw id-deċiżjonijiet ta' kwittanza bi qbil mal-Artikolu 110 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 u l-Artikolu 3 tal-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew;

1.  Itenni l-importanza tal-kompiti mwettqa mill-aġenziji u l-impatt dirett li għandhom fuq il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini tal-Unjoni; itenni wkoll l-importanza tal-awtonomija tal-aġenziji, b'mod partikolari dik tal-aġenziji regolatorji u ta' dawk li għandhom il-funzjoni tal-ġbir indipendenti tal-informazzjoni; ifakkar li r-raġuni ewlenija għat-twaqqif tal-aġenziji kienet għall-fini li jitwettqu valutazzjonijiet indipendenti ta' natura teknika jew xjentifika;

2.  Jinnota mis-sommarju tal-Qorti tal-Awdituri dwar ir-riżultati tal-awditi annwali tagħha għall-2014 tal-aġenziji tal-Unjoni u korpi oħra (is-"Sommarju tal-Qorti") li l-baġit tal-aġenziji għall-2014 ammonta għal madwar EUR 1,9 biljun, li jirrappreżenta tnaqqis ta' madwar 5 % meta mqabbel mal-2013, u madwar 1,4 % tal-baġit ġenerali tal-Unjoni; jirrimarka li madwar 63 % (EUR 1,2 biljun) ġejjin minn finanzjament tal-Unjoni, filwaqt li l-bqija huwa dħul minn tariffi jew minn sorsi oħra;

3.  Jieħu nota li l-aġenziji jimpjegaw 6 578 bejn uffiċjali permanenti u temporanji li jirrappreżentaw żieda ta' 0,64 % meta mqabbla mas-sena preċedenti u 14 % tat-total tal-uffiċjali tal-Unjoni awtorizzati taħt il-baġit ġenerali tal-Unjoni; jinnota, barra minn hekk, li l-aġenziji jħaddmu madwar 3 200 membru tal-persunal kuntrattwali jew issekondat; jirrimarka li ż-żieda fil-persunal hija primarjament ikkonċentrata f'dawk l-aġenzji li ngħataw kompiti addizzjonali, f'dawk b'responsabbiltà superviżorja għall-industrija finanzjarja, u fl-aġenziji eżekuttivi b'responsabbiltajiet addizzjonali taħt Orizzont 2020 u programmi oħra;

Approċċ komuni u pjan direzzjonali tal-Kummissjoni

4.  Ifakkar li f'Lulju 2012 il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottaw Approċċ Komuni dwar l-aġenziji deċentralizzati ("l-Approċċ Komuni"), qbil politiku dwar il-ġestjoni futura u r-riforma tal-aġenziji; jieħu nota li l-Kummissjoni hija responsabbli biex tagħti segwitu għal dan il-qbil;

5.  Jirrikonoxxi r-rapport ta' progress tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Approċċ Komuni, kif ukoll l-isforzi li saru b'mod konġunt mill-Kummissjoni u mill-aġenziji deċentralizzati, li wasslu biex sar progress dimostrabbli; iqis li dan se jiżgura governanza aktar ibbilanċjata, effiċjenza u responsabbiltà mtejba u aktar koerenza. jirrikonoxxi, barra minn hekk, abbażi ta' informazzjoni min-netwerk tal-aġenziji tal-Unjoni ("in-Netwerk"), li l-aġenziji għamlu progress tajjeb fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet previsti fl-Approċċ Komuni, li laħqet rata ta' 99 % fl-ikkompletar tal-azzjonijiet speċifiċi għall-aġenziji fil-pjan direzzjonali;

6.  Jilqa' f'dan ir-rigward il-linji gwida maħruġa mill-Kummissjoni f'konsultazzjoni mal-aġenziji dwar l-indikaturi tal-prestazzjoni bil-għan li jivvalutaw ir-riżultati miksuba mid-diretturi eżekuttivi tal-aġenziji u l-linji gwida żviluppati mill-Kummissjoni għall-adozzjoni tar-regoli ta' implimentazzjoni tal-aġenziji relatati mar-reklutaġġ ta' persunal tal-karrieri; jistenna li dawn se jgħinu lill-aġenziji biex jarmonizzaw il-proċessi u b'hekk jiffrankaw il-ħin u r-riżorsi;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

7.  Ifakkar li l-prinċipju tal-annwalità huwa wieħed mit-tliet prinċipji bażiċi tal-kontabbiltà, flimkien ma' dawk tal-unità u tal-bilanċ, li huma indispensabbli biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effiċjenti tal-baġit tal-Unjoni; jieħu nota mis-sommarju tal-Qorti li livell għoli ta' riporti ta' approprjazzjonijiet impenjati għadu l-aktar kwistjoni frekwenti dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja, u li din il-kwistjoni kienet tikkonċerna 28 aġenzija; jirrimarka, madankollu, li r-riporti ħafna drabi huma parzjalment jew għal kollox ġustifikabbli minħabba n-natura pluriennali tal-programmi operattivi tal-aġenziji, li mhux neċessarjament jindikaw dgħufijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit, u li lanqas ma jmorru dejjem kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità; jirrikonoxxi l-fatt li l-ammonti riportati li jirriżultaw minn dawn il-programmi operattivi huma, f'ħafna każijiet, ippjanati minn qabel mill-aġenziji u jkunu kkomunikati lill-Qorti tal-Awdituri, b'mod li jiffaċilita d-distinzjoni espliċita bejn ir-riporti ppjanati u dawk mhux ippjanati;

8.  Jieħu nota li l-Qorti kkonstatat tmien każijiet ta' livell għoli ta' kanċellazzjonijiet ta' riporti minn snin preċedenti; josserva li tali riporti jindikaw li l-approprjazzjonijiet riportati saru fuq il-bażi ta' stimi ogħla mill-ħtiġijiet reali jew ma kinux ġustifikati b'xi mod ieħor; iħeġġeġ lil dawn l-aġenziji biex jieħdu azzjoni ħalli jevitaw din il-kwistjoni fil-ġejjieni; jirrikonoxxi, abbażi tal-informazzjoni min-Netwerk, li l-livell ta' kanċellazzjonijiet huwa indikattiv ta' kemm l-aġenziji antiċipaw sewwa l-ħtiġijiet finanzjarji tagħhom, u li dan huwa indikatur aqwa ta' ppjanar baġitarju tajjeb milli huwa l-livell ta' riporti; jirrikonoxxi, abbażi tal-informazzjoni min-Netwerk, li l-aġenziji kkonċernati implimentaw diversi miżuri biex itejbu s-sistemi ta' monitoraġġ baġitarju tagħhom u jindirizzaw din il-kwistjoni;

9.  Ifakkar lill-aġenziji li r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 (Regolament Finanzjarju ta' Qafas) jipprevedi rapport annwali tal-attività kkonsolidat (RAAK) li jiġbor flimkien informazzjoni mir-rapporti annwali tal-attività, ir-rapporti ta' awditjar intern u estern kif ukoll ir-rapporti finanzjarji li għandhom jintbagħtu sal-1 ta' Lulju ta' kull sena lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-awtorità ta' kwittanza; jitlob li l-aġenziji li għadhom m'għamlux dan jinkludu informazzjoni dettaljata dwar awditi interni u esterni fir-RAAK tagħhom;

10.  Jinnota mill-informazzjoni min-Netwerk li l-implimentazzjoni prattika tar-Regolament Finanzjarju ta' Qafas mill-aġenziji f'ħafna każijiet joħloq sfidi għall-infiq effiċjenti u simplifikat tal-baġit, b'mod partikolari fl-oqsma tal-akkwist pubbliku, l-ipprogrammar pluriennali, il-ġestjoni tal-għotjiet indiretti u d-dokumentazzjoni kkumplikata għall-pakkett ikkonsolidat tal-kontijiet; jistieden lill-Kummissjoni u lin-Netwerk jesploraw aktar il-possibilità li jissimplifikaw ir-regoli, filwaqt li jqisu l-ħtiġijiet diverġenti tal-aġenziji;

11.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-kontijiet finali tal-aġenziji deċentralizzati kollha jippreżentaw b'mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħhom fil-31 ta' Diċembru 2014, kif ukoll ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħhom u l-flussi tal-flus tagħhom għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-regolamenti finanzjarji applikabbli u r-regoli tal-kontabbiltà adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni;

12.  Jinnota b'sodisfazzjon li, għall-aġenziji deċentralizzati kollha, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2014 kienu legali u regolari fl-aspetti materjali kollha;

13.  Huwa mħasseb li ċerti aġenziji huma parzjalment iffinanzjati permezz tat-tariffi mħallsa mill-industrija, meta dawn ir-rabtiet finanzjarji jistgħu jaffettwaw l-indipendenza tagħhom; jistieden lill-aġenziji kollha sabiex jistabbilixxu miżuri biex jissalvagwardjaw l-indipendenza tal-attivitajiet interni u esterni tagħhom;

Kooperazzjoni fost l-aġenziji u ma' istituzzjonijiet oħra – servizzi u sinerġiji komuni

14.  Jirrikonoxxi min-Netwerk li 93 % tal-aġenziji ddikjaraw li huma jikkondividu servizzi ma' aġenziji u istituzzjonijiet oħrajn; jinnota li 75 % tal-aġenziji diġà għandhom ftehimiet ta' kooperazzjoni, memoranda ta' fehim u arranġamenti ta' ħidma għal kooperazzjoni ma' aġenziji, istituzzjonijiet u Stati Membri oħra; jieħu nota li l-ftehimiet ġenerali qed jiġu implimentati fuq bażi annwali u b'azzjonijiet individwali aktar konkreti fl-oqsma tas-servizzi amministrattivi u servizzi operattivi speċifiċi; jinkoraġġixxi lill-aġenziji biex jagħmlu aktar servizzi kondiviżi fejn dan jirriżulta fl-iffrankar ta' spejjeż u aktar effiċjenza; jenfasizza li meta s-servizzi jiġu kondiviżi, l-ispejjeż għandhom jinqasmu b'mod ġust bejn aġenziji jew istituzzjonijiet parteċipanti sabiex jiġi evitat li parti waħda titgħabba bl-ispejjeż kollha tas-servizz;

15.  Jissuġġerixxi li l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkunsidraw il-lokalizzazzjoni ta' aġenziji ġodda li jistgħu jkunu meħtieġa fil-futur qrib ħafna ta' aġenziji oħra sabiex ikunu jistgħu jikkondividu s-servizzi aktar faċilment;

16.  Jieħu nota tal-opinjoni tan-Netwerk dwar l-amalgamazzjoni ta' aġenziji; ifakkar il-mandat tal-Grupp ta' Ħidma Interistituzzjonali dwar l-aġenziji deċentralizzati biex jikkunsidra l-effiċjenzi f'dan ir-rigward; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħti bidu għal analiżi tal-impatt fit-tul dwar l-amalgamazzjoni tal-aġenziji deċentralizzati li joperaw fl-istess qasam ta' politika wiesa' jew iwettqu kompiti simili;

17.  Jilqa' l-linji gwida għal proċeduri ta' akkwist bejn l-aġenziji u għall-parteċipazzjoni tal-aġenziji fi proċeduri ta' akkwist immexxija mill-Kummissjoni; jirrikonoxxi l-benefiċċji mhux biss għall-aġenziji iżda wkoll għall-Kummissjoni li jinħolqu sinerġiji u ppuljar tal-proċeduri tal-akkwist fil-qafas tal-Approċċ Komuni; jiddispjaċih f'dan il-kuntest li l-Kummissjoni qed tippjana li tibda timponi tariffi amministrattivi lill-aġenziji għas-servizzi tagħha; ifakkar lill-Kummissjoni li l-aġenziji huma mħallsa mill-istess baġit tal-Unjoni u li dawn it-tariffi jistgħu jirriżultaw f'inqas parteċipazzjoni fi proċeduri ta' akkwist konġunti; jistieden lill-Kummissjoni biex terġa' tikkunsidra l-introduzzjoni ta' tariffi għall-aġenziji għall-proċeduri ta' akkwist immexxija mill-Kummissjoni;

Ġestjoni tar-riżorsi umani

18.  Ifakkar li l-paragrafu 27 tal-Ftehim Interistituzzjonali[5] jitlob tnaqqis progressiv ta' 5 % tal-persunal fl-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji kollha li jrid isir bejn l-2013 u l-2017; jilqa' l-fatt li l-biċċa l-kbira tal-aġenziji diġà laħqu jew qabżu t-tnaqqis ta' 5 % abbażi tal-pjanijiet tal-istabbiliment rispettivi tagħhom għall-2012; ifakkar li l-Kummissjoni bdiet timplimenta t-tnaqqis ta' 5 % fil-pjanijiet ta' stabbiliment tal-2013 tagħha, billi tibbaża l-kalkoli fuq il-livell ta' karigi fl-2012; jiddispjaċih ħafna li l-Kummissjoni applikat imposta addizzjonali ta' 5 % tal-persunal għall-aġenziji sabiex toħloq pul ta' riallokazzjoni minn fejn talloka l-'karigi lill-aġenziji bkompiti ġodda fdati lilhom jew waqt fażi ta' tnedija; jirrikonoxxi min-Netwerk li bl-imposti addizzjonali, il-qadi tal-mandati tal-aġenziji u t-twettiq tal-programmi ta' ħidma annwali qed isiru dejjem aktar diffiċli; jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra għażliet oħrajn biex tagħmel dawn il-karigi disponibbli, sabiex ma tkunx imxekkla l-abbiltà tal-aġenziji biex iwettqu l-mandat tagħhom;

19.  Ifakkar fil-pożizzjoni tal-Parlament dwar il-proċedura tal-baġit li l-persunal iffinanzjat minn tariffi magħmula mill-industrija, u konsegwentement mhux iffinanzjat mill-baġit tal-Unjoni, m'għandux jintlaqat mit-tnaqqis annwali ta' 1 % applikat mill-Unjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tittratta bħala każ separat l-aġenziji li huma ffinanzjati primarjament mill-baġit tal-Unjoni, u tressaq qafas speċifiku għall-aġenziji li huma ffinanzjati primarjament mill-industrija, li għandu jkun proporzjonali għas-servizzi mogħtija mill-aġenzija kkonċernata;

20.  Iħeġġeġ lill-aġenziji kollha biex jipprovaw isibu bilanċ bejn is-sessi fil-pożizzjonijiet amministrattivi għolja; jinnota li f'ċerti aġenziji ċ-ċifri huma partikolarment insodisfaċenti; jistieden lin-Netwerk biex jagħti rapport dettaljat lill-awtorità tal-kwittanza dwar il-passi li qed jittieħdu biex jiġi żgurat il-bilanċ bejn is-sessi fil-pożizzjonijiet amministrattivi għolja fl-aġenziji deċentralizzati kollha; barra minn hekk, iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jipprovaw isibu bilanċ bejn is-sessi meta jaħtru l-membri tal-bordijiet;

Kunflitti ta' interess u trasparenza

21.  Jirrikonoxxi min-Netwerk li iktar minn 80 % tal-aġenziji deċentralizzati kollha għandhom strateġija kontra l-frodi fis-seħħ; jinnota li, mill-erba' aġenziji li fadal, tlieta ġew stabbiliti biex jiżviluppaw u jadottaw strateġija kontra l-frodi matul l-2016 filwaqt li r-raba', l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija, tapplika l-prinċipji u l-istandards definiti fl-Istrateġija Kontra l-Frodi tal-Kummissjoni, flimkien ma' mudell finanzjarju qawwi li jinvolvi attivitajiet ta' verifika ex-ante u ex-post kontinwi; jieħu nota li l-istrateġiji kollha adottati jqisu l-metodoloġija u l-gwida tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi għall-istrateġiji kontra l-frodi;

22.  Jirrikonoxxi l-opinjoni tal-aġenziji li l-fiduċja taċ-ċittadini tal-Unjoni fl-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi tal-Unjoni hija tal-ogħla importanza; jinnota li l-aġenziji introduċew għadd ta' miżuri u għodod konkreti sabiex jindirizzaw b'mod adegwat ir-riskji ta' kunflitti ta' interess effettivi u perċepiti; jistieden lill-aġenziji sabiex iqisu strateġija dwar kif jistgħu joqorbu lejn iċ-ċittadini tal-Unjoni; jinnota li l-aġenziji kollha diġà adottaw politiki għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, u li dawn il-politiki huma allinjati mal-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess fl-aġenziji deċentralizzati tal-UE; jinnota li dawn il-politiki jinkludu, inter alia, miżuri għall-identifikazzjoni tar-riskji potenzjali fi stadju bikri, l-identifikazzjoni tal-aħjar prattika f'entitajiet oħra bħalma huma l-Kummissjoni, aġenziji oħra u l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi, kif ukoll il-politiki tal-kunflitti ta' interess għall-persunal u l-kollaboraturi li mhumiex koperti mir-Regolamenti tal-Persunal; jistieden lill-aġenziji sabiex iqisu l-vantaġġi u l-iżvantaġġi li jkun hemm regolamenti komuni li jirregolaw il-kunflitti ta' interess;

23.  Jitlob li jkun hemm titjib globali fil-prevenzjoni tal-korruzzjoni, u t-taqbida kontriha, fis-settur pubbliku, u speċjalment fi ħdan l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE, permezz ta' approċċ olistiku, li jibda b'aċċess pubbliku aħjar għad-dokumenti u regoli aktar stretti dwar il-kunflitti ta' interess, l-introduzzjoni jew it-tisħiħ tar-reġistri ta' trasparenza u l-għoti ta' riżorsi li jkunu biżżejjed għall-miżuri ta' infurzar tal-liġi, kif ukoll permezz ta' koperazzjoni mtejba fost l-Istati Membri u ma' pajjiżi terzi rilevanti;

24.  Jinnota bi tħassib li ċerti aġenziji għad iridu jadottaw linji gwida dwar l-informaturi; jeżiġi li dawk l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni li għadhom ma għamlux dan jadottaw b'mod urġenti regoli interni dwar l-informaturi u jieħdu approċċ komuni lejn l-obbligi tagħhom, b'fokus fuq il-protezzjoni tal-informaturi; jistieden lill-istituzzjonijiet u l-aġenziji biex jagħtu attenzjoni speċjali lill-protezzjoni tal-informaturi fil-kuntest tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li dalwaqt se tiġi adottata, dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni ta' kompetenza u tan-negozju (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi leġiżlazzjoni dwar livell minimu ta' protezzjoni għall-informaturi fl-Unjoni; jistieden lill-istituzzjonijiet u l-aġenziji biex jiżguraw li dawn mhux biss formalment jobbligaw lill-uffiċjali biex jirrapportaw kull tip ta' irregolarità, iżda wkoll jistabbilixxu protezzjoni xierqa għall-informaturi; jistieden lill-istituzzjonijiet u l-aġenziji biex jimplimentaw l-Artikolu 22(c) tar-Regolamenti tal-Persunal mingħajr aktar dewmien;

25.  Jikkonstata min-Netwerk li 16-il aġenzija (52 %) jużaw gruppi ta' esperti, panels u kumitati xjentifiċi u kważi kollha jqisu t-tħassib imqajjem mill-inkjesta fuq inizjattiva proprja tal-Ombudsman Ewropew (OI/6/2014/NF) li bdiet fit-12 ta' Mejju 2014 fil-politiki tagħhom dwar l-impjieg ta' persunal għal dawn il-gruppi; iħeġġeġ lil dawk li ma jkunux diġà jqisu dawn il-fatturi biex jagħmlu dan mingħajr dewmien; jistieden lill-aġenziji japplikaw ir-regoli l-ġodda li għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni dwar il-gruppi ta' esperti;

26.  Jagħraf li 29 aġenzija ('il fuq minn 90 %) għandhom fis-seħħ politiki dwar il-pubblikazzjoni tas-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-membri tal-bord tat-tmexxija, tal-persunal maniġerjali u tal-esperti esterni u interni tagħhom; barra minn hekk jinnota li 23 aġenzija (74 %) jippubblikaw is-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta' interess tagħhom fuq il-websajts tagħhom; jinnota bi tħassib li ċerti aġenziji għandhom problema dwar il-pubblikazzjoni tas-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-membri tal-bord tat-tmexxija tagħhom, peress li m'hemm l-ebda mekkaniżmu li jobbliga lill-membri tal-bord ta' tmexxija jipprovdu dawn id-dokumenti; iħeġġeġ lill-membri tal-bordijiet tat-tmexxija tal-aġenziji li għadhom ma pprovdewx dokumenti li jikkonfermaw in-nuqqas ta' kunflitti ta' interess biex jippreżentaw dawn id-dokumenti sabiex jiġu ppubblikati fuq il-websajts tal-aġenziji rispettivi mingħajr dewmien sabiex tiżdied it-trasparenza;

27.  Jitlob li l-istituzzjonijiet u l-aġenziji kollha tal-Unjoni jimplimentaw l-Artikolu 16 tar-Regolamenti tal-Persunal billi kull sena jippubblikaw l-informazzjoni dwar l-uffiċjali anzjani li telqu mis-servizz, kif ukoll lista ta' kunflitti ta' interess; jitlob li l-istituzzjonijiet u l-aġenziji kollha tal-Unjoni jivvalutaw il-kompatibbiltà ta' wara l-impjieg mal-UE jew is-sitwazzjoni fejn l-uffiċjali u l-ex Membri tal-Parlament Ewropew jiċċaqalqu mis-settur pubbliku għal dak privat (il-kwistjoni "revolving door") u l-possibbiltà ta' kunflitt ta' interess, u jiddefinixxu b'mod ċar il-perjodi ta' preklużjoni, li għandhom ikopru mill-inqas il-perjodu li matulu jingħataw benefiċċji tranżitorji;

28.  Jissottolinja l-ħtieġa li titjieb l-integrità u jitjieb il-qafas etiku permezz ta' implimentazzjoni aħjar tal-kodiċijiet ta' kondotta u l-prinċipji etiċi ħalli tissaħħaħ kultura komuni u effikaċi ta' integrità għall-istituzzjonijiet u l-aġenziji kollha tal-Unjoni;

29.  Jitlob lil dawk l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-Unjoni li daħħlu kodiċijiet ta' kondotta, inkluż lill-Parlament Ewropew, biex jintensifikaw il-miżuri tagħhom ta' implimentazzjoni, bħalma huma l-verifiki tad-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji;

30.  Jistieden lill-aġenziji kollha sabiex jużaw il-qafas li għandu jinħoloq skont il-Ftehim Interistituzzjonali l-ġdid dwar Reġistru Obbligatorju tat-Trasparenza u jużawh biex jiggwida l-interazzjoni tagħhom ma' organizzazzjonijiet u individwi li jaħdmu għal rashom fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni sabiex tinħoloq aktar trasparenza fejn jidħlu l-attivitajiet ta' lobbying;

Prestazzjoni

31.  Jinnota li l-prinċipju ta' "valur għall-flus" u "valur miżjud tal-UE" jgħodd ukoll għall-aġenziji, li għandhom jiżguraw li ċ-ċittadini jkunu infurmati tajjeb dwar ir-riżultati tal-attivitajiet tal-aġenziji; jinnota li l-kisba tar-riżultati hija importanti; jenfasizza li ħafna aġenziji ma jinkludux espliċitament fir-rapporti annwali tagħhom l-informazzjoni dwar l-effikaċja u l-effiċjenza tal-attivitajiet tagħhom b'mod responsabbli; itenni li huwa importanti għan-Netwerk li jsir membru tal-Grupp ta' Ħidma Interistituzzjonali dwar il-Prestazzjoni l-ġdid sabiex jilħaq fehim komuni dwar il-prinċipji tal-ibbaġittjar ibbażat fuq il-prestazzjoni u orjentat lejn ir-riżultati, kif ukoll biex jidentifika titjib possibbli għall-mudelli ta' prestazzjoni attwalment applikati fl-aġenziji; jitlob li l-Qorti tal-Awdituri tipprovdi evalwazzjoni tal-prestazzjoni u r-riżultati tal-aġenziji f'ħin utli għar-rieżami tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali fl-2016;

Komunikazzjoni u viżibilità

32.  Jikkonstata min-Netwerk li kważi l-aġenziji kollha inkludew fuq il-websajts tagħhom id-dikjarazzjoni li huma aġenziji tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol, li tgħid li hija korp konsultattiv indipendenti għall-Parlament, għall-Kunsill u għall-Kummissjoni; barra minn hekk, jinnota li 50 % tal-aġenziji diġà ppubblikaw informazzjoni fuq il-websajt tagħhom fil-lingwi kollha tal-Unjoni, erba' aġenziji offrew informazzjoni fi 23 lingwa tal-Unjoni, 22 % joffru informazzjoni f'mill-inqas żewġ lingwi u 9 % tal-aġenziji għandhom websajts disponibbli biss bl-Ingliż, b'xi wħud li qed jippjanaw li jespandu d-disponibilità għall-Ġermaniż; jirrikonoxxi, barra minn hekk, li approċċ multilingwi sħiħ għall-aġenziji kollha mhuwiex fattibbli għalissa minħabba l-ħtieġa ta' riżorsi addizzjonali; jistieden lill-aġenziji sabiex iqisu li jużaw għodod tal-midja soċjali, stħarriġ u gruppi fokus fuq temi speċifiċi biex ikejlu l-għarfien pubbliku u jevalwaw il-modi kif jistgħu jtejbu l-istrateġija ta' komunikazzjoni tagħhom fil-ġejjieni;

33.  Jirrikonoxxi d-dikjarazzjoni tan-Netwerk li l-aġenziji huma impenjati bis-sħiħ biex iżidu l-preżenza tagħhom fuq il-midja soċjali; jinnota li kienu biss ftit l-aġenziji li għadhom mhumiex preżenti fil-midja soċjali iżda li huma impenjati li jinvolvu ruħhom f'tali komunikazzjoni fil-futur qrib; josserva li l-attivitajiet promozzjonali permezz tal-midja soċjali jinkludu rapporti, avvenimenti, opportunitajiet ta' xogħol u akkwisti; jinnota, barra minn hekk, li l-attivitajiet tal-midja soċjali huma integrati ma' għodod oħra ta' komunikazzjoni tal-aġenziji;

34.  Jappella lill-aġenziji biex ikomplu jsaħħu l-isforzi tagħhom u jtejbu l-politiki tagħhom dwar il-komunikazzjoni, biex jestendu l-viżibilità tagħhom permezz ta' għodod differenti fil-qasam tal-midja soċjali, biex iqajmu għarfien dwar l-attivitajiet u l-kisbiet tagħhom u biex jiżguraw li ċ-ċittadini jkunu informati sew dwar xogħolhom.

Kummenti oħra

35.  Jinnota li fuq il-bażi tal-kontributi tal-aġenziji, il-Kummissjoni elaborat linji gwida b'dispożizzjonijiet standard għall-ftehimiet dwar il-kwartieri ġenerali bejn l-aġenziji deċentralizzati u l-Istati Membri ospitanti; jinnota li sa Jannar 2016, erba' aġenziji kienu għadhom fil-proċess li jinnegozjaw mal-Istat Membru ospitanti tagħhom, meta mqabbla ma' 10 aġenziji fis-sena preċedenti; itenni l-importanza ta' dawn il-ftehimiet għall-operazzjonijiet u s-sigurtà tal-aġenziji; iħeġġeġ l-aġenziji u l-Istati Membri li ma jkunux daħlu fi ftehim dwar kwartieri ġenerali sabiex jagħmlu dan mingħajr iżjed dewmien;

36.  Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-aspetti soċjali tal-ftehim dwar il-kwartieri ġenerali tal-aġenziji mal-pajjiż ospitanti tagħhom, bħall-prevedibilità tal-kondizzjonijiet soċjali u tal-għajxien tal-persunal (miżati skolastiċi, kwistjonijiet dwar status, eċċ.);

37.  Jinnota bi tħassib li ċerti aġenziji għandhom żewġ sedi, u jqis li hu essenzjali li l-każi kollha fejn hemm żewġ sedi li ma joffru l-ebda valur miżjud operattiv għandhom jitneħħew mill-aktar fis possibbli;

38.  Jitlob lill-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-Unjoni biex japplikaw strettament il-miżuri rigward id-diskrezzjoni u l-esklużjoni fl-akkwist pubbliku, b'verifiki ta' sfond xierqa mwettqa f'kull każ, u biex japplikaw il-kriterji ta' esklużjoni ħalli l-kumpaniji ma jitħallewx joperaw f'każ ta' kunflitti ta' interess, billi dan huwa essenzjali għall-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

39.  Ifakkar lill-Qorti tal-Awdituri li l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni qablu dwar il-Paragrafu 54 tal-Approċċ Komuni li l-aspetti kollha tal-awditjar estern esternalizzat jibqgħu taħt ir-responsabbiltà sħiħa tal-Qorti, li tamministra l-proċeduri kollha meħtieġa amministattivi u ta' akkwist; jitlob lill-Kummissjoni tiċċara b'mod urġenti jekk dan għadux applikabbli jew le; jiddispjaċih ħafna li l-approċċ ta' awditjar il-ġdid li jinvolvi l-awdituri tas-settur privat irriżulta f'żieda ta' 85 % fil-piż amministrattiv fuq l-aġenziji, li hija ekwivalenti għal aktar minn 13 000 siegħa addizzjonali jew medja ta' 3,5 ekwivalenti ta' ingaġġ full-time (FTE) imqabbla mal-awditjar preċedenti mmexxi mill-Qorti tal-Awdituri; jiddispjaċih li ż-żmien użat fuq l-akkwist u l-amministrazzjoni tal-kuntratti ta' awditjar ħoloq aktar minn 1 400 siegħa ta' xogħol addizzjonali għall-aġenziji deċentralizzati, u li t-total tan-nefqa addizzjonali tal-awditjar estern tas-settur privat fl-2014 kien jammonta għal EUR 550 000; jistieden lill-Qorti tal-Awdituri tipprovdi gwida aħjar lil awdituri privati b'tali mod li tnaqqas b'mod sinifikanti l-piż amministrattiv miżjud;

40.  Jistieden lill-istituzzjonijiet u l-aġenziji kollha tal-Unjoni biex itejbu l-proċeduri u l-prattiki tagħhom immirati għas-salvagwardja tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u biex jikkontribwixxu attivament għal proċess ta' kwittanza li jkun orjentat lejn ir-riżultati;

41.  Jissuġġerixxi li l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jqisu l-amalgamazzjoni ta' aġenziji iżgħar li jwettqu kompiti simili jew interkonnessi; isostni li dan jista' jipprovdi żidiet fl-effiċjenza fuq perjodu twil;

42.  Jiddikjara li r-rapporti annwali tal-istituzzjonijiet u tal-aġenziji tal-Unjoni jista' jkollhom rwol importanti fl-ottemperanza fir-rigward tat-trasparenza, ir-responsabbiltà politika u l-integrità; jitlob lill-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-Unjoni biex jinkludu kapitolu standard dwar dawn il-komponenti fir-rapporti annwali tagħhom;

43.  Jinnota l-pubblikazzjoni simultanja ta' pjanijiet direzzjonali li jagħtu bidu għar-reviżjoni tar-regolamenti li jistabbilixxu t-tliet aġenziji tripartitiċi tal-Unjoni, is-CEDEFOP, l-EU-OSHA u l-Eurofound; jenfasizza li r-reviżjonijiet għandhom jippreservaw ir-rwoli ewlenin ta' dawn l-aġenziji ta' fama tajba ħafna u n-natura tripartitika tagħhom, filwaqt li jiżguraw il-parteċipazzjoni attiva tal-awtoritajiet nazzjonali, it-trejdunjins u r-rappreżentanti tal-impjegaturi fil-governanza u l-funzjonament tagħhom;

44.  Itenni li d-diskussjoni dwar l-abbozz tal-programmi ta' ħidma annwali u dwar l-istrateġiji pluriennali tal-aġenziji fil-kumitati kompetenti tal-Parlament tgħin biex jiġi żgurat li l-programmi u l-istrateġiji jirriflettu l-prijoritajiet politiċi reali iżda jenfasizza l-ħtieġa li ċ-ċiklu baġitarju tal-UE jiġi allinjat mal-Istrateġija UE 2020 bil-għan li jkun jista' jkun hemm sorveljanza sħiħa u rappurtar komprensiv dwar il-prestazzjoni ta' kull aġenzija fil-kuntest tal-kontribuzzjoni tagħhom biex jintlaħqu l-objettivi UE 2020;

45.  Jirrikonoxxi l-prattika tajba ta' kollaborazzjoni fost l-aġenziji, fl-oqsma tal-kondizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien, it-taħriġ vokazzjonali u s-sikurezza u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol, li timmasimizza s-sinerġiji u l-kooperazzjoni u ssaħħaħ il-komplementarjetà; jilqa' u jħeġġeġ ukoll it-tkomplija tal-iskambju ta' prattiki tajba bejn il-Kummissjoni u l-aġenziji;

o

o o

46.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-aġenziji soġġetti għal din il-proċedura ta' kwittanza, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

26.1.2016

OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-aġenziji tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014: prestazzjoni, ġestjoni finanzjarja u kontroll

(2015/2205(DEC))

Rapporteur għal opinjoni: David Casa

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jinnota l-pubblikazzjoni simultanja ta' pjanijiet direzzjonali li jagħtu bidu għar-reviżjoni tar-regolamenti li jistabbilixxu t-tliet aġenziji tripartitiċi tal-Unjoni, is-CEDEFOP, l-EU-OSHA u l-Eurofound; jenfasizza li r-reviżjonijiet għandhom jippreservaw ir-rwoli ewlenin ta' dawn l-aġenziji ta' fama tajba ħafna u n-natura tripartitika tagħhom, filwaqt li jiżguraw il-parteċipazzjoni attiva tal-awtoritajiet nazzjonali, it-trejdjunjins u r-rappreżentanti tal-impjegaturi fil-governanza u l-funzjonament tagħhom;

2.  Itenni li d-diskussjoni dwar l-abbozz tal-programmi ta' ħidma annwali u dwar l-istrateġiji pluriennali tal-aġenziji fil-kumitati responsabbli tgħin biex jiġi żgurat li l-programmi u l-istrateġiji jirriflettu l-prijoritajiet politiċi reali iżda jenfasizza l-ħtieġa li ċ-ċiklu baġitarju tal-UE jiġi allinjat mal-Istrateġija UE 2020 bil-għan li jkun hemm sorveljanza sħiħa u rappurtar komprensiv dwar il-prestazzjoni ta' kull aġenzija fil-kuntest tal-kontribuzzjoni tagħhom biex jintlaħqu l-objettivi UE 2020;

3.  Jirrikonoxxi li ġie implimentat tnaqqis fir-reklutaġġ b'diffikultà kbira u jopponi t-tnaqqis ulterjuri li jista' jillimita l-abbiltà tal-aġenziji li jwettqu l-mandati tagħhom;

4.  Jirrikonoxxi l-prattika tajba ta' kollaborazzjoni fost l-aġenziji, fl-oqsma tal-kondizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien, it-taħriġ vokazzjonali u s-sikurezza u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol, li timmasimizza s-sinerġiji u l-kooperazzjoni u ssaħħaħ il-komplementarjetà; jilqa' u jħeġġeġ ukoll it-tkomplija tal-iskambju ta' prattiki tajba bejn il-Kummissjoni u l-aġenziji; jenfasizza madankollu li jistgħu jinstabu aktar sinerġiji bl-għan li tkun żgurata l-kosteffiċjenza;

5.  Japprezza l-isforzi u l-progress imwettqa mill-Kummissjoni u l-aġenziji fl-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali; iqis li dan se jiżgura governanza aktar ibbilanċjata, effiċjenza u responsabbiltà mtejba u aktar koerenza.

6.  Jilqa' f'dan ir-rigward il-linji gwida maħruġa mill-Kummissjoni f'konsultazzjoni mal-aġenziji dwar l-indikaturi tal-prestazzjoni bil-għan li jivvalutaw ir-riżultati miksuba mid-diretturi eżekuttivi tal-aġenziji u l-linji gwida żviluppati mill-Kummissjoni għall-adozzjoni tar-regoli ta' implimentazzjoni tal-aġenziji relatati mar-reklutaġġ ta' persunal tal-karrieri; jistenna li dawn se jipprovdu aktar simplifikazzjoni b'rabta mal-iffrankar ta' ħin u riżorsi;

7.  Jiġbed l-attenzjoni fil-prinċipju dwar l-importanza tal-aspetti soċjali tal-ftehim dwar il-kwartieri ġenerali tal-Aġenziji mal-pajjiż ospitanti tagħhom, bħall-garanzija tal-kondizzjonijiet soċjali u tal-għajxien (miżati skolastiċi, kwistjonijiet dwar status, eċċ.); iħeġġeġ, għalhekk, lill-Istati Membri ospitanti li għadhom ma ffirmawx tali ftehim biex jagħmlu dan malajr kemm jista' jkun.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

25.1.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

27

8

7

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Agea, Guillaume Balas, Enrique Calvet Chambon, David Casa, Ole Christensen, Jane Collins, Lampros Fountoulis, Arne Gericke, Thomas Händel, Marian Harkin, Czesław Hoc, Rina Ronja Kari, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Kostadinka Kuneva, Jean Lambert, Jérôme Lavrilleux, Jeroen Lenaers, Dominique Martin, Anthea McIntyre, Joëlle Mélin, Elisabeth Morin-Chartier, Emilian Pavel, Georgi Pirinski, Terry Reintke, Sofia Ribeiro, Claude Rolin, Sven Schulze, Jutta Steinruck, Romana Tomc, Renate Weber, Tatjana Ždanoka, Jana Žitňanská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Arena, Amjad Bashir, Lynn Boylan, Miapetra Kumpula-Natri, Paloma López Bermejo, Edouard Martin, Evelyn Regner, Michaela Šojdrová

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Eleonora Evi, Anneli Jäätteenmäki

18.2.2016

OPINJONI tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-aġenziji tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014: prestazzjoni, ġestjoni finanzjarja u kontroll

(2015/2205(DEC))

Rapporteur għal opinjoni: Monica Macovei

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jisħaq fuq l-importanza tal-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u jħeġġeġ lill-aġenziji li għadhom ma adottawx u ma ppubblikawx fis-sit tagħhom fuq l-internet il-politiki u l-linji gwida prattiċi tagħhom rigward il-ġestjoni u l-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess, b'mod partikolari l-aġenziji EU-LISA, Europol u Frontex, biex jagħmlu dan minnufih u jirrapportaw dwar din il-kwistjoni sa Marzu 2016; jitlob lill-aġenziji jipprovdu rekords dokumentati tal-każijiet ta' kunflitt ta' interess li jkunu identifikaw;

2.  Itenni l-importanza li jiġu ppubblikati s-CVs u d-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-membri tal-bord, tal-persunal maniġerjali, kif ukoll tal-esperti esterni u interni; jissottolinja l-fatt li t-trasparenza hija kruċjali fil-mitigazzjoni tar-riskji ta' kunflitti ta' interess; iħeġġeġ lill-aġenziji jistabbilixxu regoli ċari rigward il-protezzjoni tal-informaturi u "l-bibien iduru";

3.  Jirrakkomanda li l-Qorti tiffoka fuq l-awditjar tal-prestazzjoni operattiva u jitlob lill-aġenziji jtejbu s-sistema ta' rapportar u jipprovdu l-indikaturi tal-prestazzjoni operattiva kollha;

4.  Jinnota li l-aġenziji CEPOL, EASO, EU-LISA u Europol kellhom perċentwali għoljin ta' riporti kkanċellati li jindikaw dgħufijiet fl-ippjanar baġitarju u l-ġestjoni tal-proġetti; Ifakkar li l-prinċipju tal-annwalità hu wieħed mit-tliet prinċipji kontabilistiċi bażiċi; jirrikonoxxi li livell għoli ta' riporti jmur kontra l-prinċipju tal-annwalità; jirrikonoxxi l-kumment tal-Qorti tal-Awdituri li r-riporti spiss jirriżultaw minn ġrajjiet lil hinn mill-kontroll tal-aġenziji jew ikunu ġġustifikati minħabba n-natura pluriennali tal-operazzjonijiet, tal-proċeduri ta' akkwist jew tal-proġetti; jappella madankollu lil dawn l-aġenziji speċifiċi biex inaqqsu r-riporti kkanċellati.

5.  Jappella lill-Aġenziji biex ikomplu jsaħħu l-isforzi tagħhom u jtejbu l-politiki tagħhom dwar il-komunikazzjoni, biex jestendu l-viżibilità tagħhom permezz ta' għodod differenti fil-qasam tal-midja soċjali, biex iqajmu għarfien dwar l-attivitajiet u l-kisbiet tagħhom u biex jiżguraw li ċ-ċittadini jkunu informati sew dwar xogħolhom.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

16.2.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

52

1

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Philipp Albrecht, Gerard Batten, Michał Boni, Caterina Chinnici, Rachida Dati, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Frank Engel, Cornelia Ernst, Tanja Fajon, Laura Ferrara, Monika Flašíková Beňová, Lorenzo Fontana, Kinga Gál, Nathalie Griesbeck, Sylvie Guillaume, Jussi Halla-aho, Monika Hohlmeier, Brice Hortefeux, Sophia in ‘t Veld, Eva Joly, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Timothy Kirkhope, Barbara Kudrycka, Kashetu Kyenge, Marju Lauristin, Monica Macovei, Roberta Metsola, Claude Moraes, József Nagy, Péter Niedermüller, Soraya Post, Judith Sargentini, Birgit Sippel, Branislav Škripek, Helga Stevens, Traian Ungureanu, Bodil Valero, Udo Voigt, Josef Weidenholzer, Cecilia Wikström, Kristina Winberg, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Marina Albiol Guzmán, Carlos Coelho, Anna Maria Corazza Bildt, Pál Csáky, Daniel Dalton, Dennis de Jong, Gérard Deprez, Anna Hedh, Petr Ježek, Emil Radev, Christine Revault D’Allonnes Bonnefoy, Barbara Spinelli, Elissavet Vozemberg-Vrionidi

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

4.4.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

16

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Louis Aliot, Inés Ayala Sender, Dennis de Jong, Martina Dlabajová, Ingeborg Gräßle, Verónica Lope Fontagné, Monica Macovei, Dan Nica, Gilles Pargneaux, Georgi Pirinski, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Marco Valli, Derek Vaughan, Anders Primdahl Vistisen, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Marian-Jean Marinescu

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Bodil Valero

  • [1]  ĠU C 409, 9.12.2015, p. 1.
  • [2]  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1
  • [3]  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.
  • [4]  ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.
  • [5]  Il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (ĠU C 373, 20.12.13, p. 1).