RAPPORT dwar il-Politika ta' Koeżjoni u l-Istrateġiji ta' Riċerka u Innovazzjoni għall-Ispeċjalizzazzjoni Intelliġenti (RIS3)

27.4.2016 - (2015/2278(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali
Rapporteur: Ramón Luis Valcárcel Siso

Proċedura : 2015/2278(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0159/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-Politika ta' Koeżjoni u l-Istrateġiji ta' Riċerka u Innovazzjoni għall-Ispeċjalizzazzjoni Intelliġenti (RIS3)

(2015/2278(INI)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 4, 162 u 174-178 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (minn hawn 'il quddiem "ir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni")[1],

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment għall-mira tat-tkabbir u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006[2],

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006[3],

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea[4],

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1302/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 dwar raggruppament Ewropew ta' kooperazzjoni territorjali (REKT) fir-rigward tal-kjarifika, is-simplifikazzjoni u t-titjib għat-twaqqif u l-funzjonament ta' tali raggruppamenti[5],

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1300/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006[6],

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005[7],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2014 dwar speċjalizzazzjoni intelliġenti: eċċellenza fin-netwerking għal Politika ta' Koeżjoni soda[8],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar "Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi: il-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni"[9],

–  wara li kkunsidra l-ktejjeb tal-Kummissjoni tat-22 ta' Frar 2016 intitolat "il-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa: linji gwida ġodda dwar kif jistgħu jingħaqdu l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej mal-FEIS";

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ġunju 2014 intitolata "Ir-riċerka u l-innovazzjoni bħala sorsi ta' tkabbir imġedded" (COM(2014)0339),

–  wara li kkunsidra s-sitt rapport tal-Kummissjoni dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, intitolat l-"Investiment għall-impjiegi u t-tkabbir", tat-23 ta' Lulju 2014,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2014 intitolata "Pjan ta' Investiment għall-Ewropa" (COM(2014)0903),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Diċembru 2015 intitolata "Ninvestu f'impjiegi u tkabbir - nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej" (COM(2015)0639),

–  wara li kkunsidra l-gwida ppubblikata mill-Kummissjoni fl-2014 intitolata "Enabling synergies between European Structural and Investment Funds, Horizon 2020 and other research, innovation and competitiveness-related Union programmes" ("Niffaċilitaw sinerġiji bejn il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, Orizzont 2020 u programmi oħrajn tal-Unjoni għar-riċerka, l-innovazzjoni u relatati mal-kompetittività"),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2010 intitolata "Politika Reġjonali li tikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti fl-Ewropa 2020" (COM(2010)0553),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Settembru 2013 intitolata "Kejl tar-riżultati tal-innovazzjoni fl-Ewropa: lejn indikatur ġdid" (COM(2013)0624),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tas-27 ta' Lulju 2012 intitolata "Tixjiħ attiv: Innovazzjoni, saħħa intelliġenti, ħajja aħjar" (2012/C 225/05),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-30 ta' Lulju 2013 intitolata "L-eliminazzjoni tad-distakk fl-innovazzjoni" (2013/C 218/03),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-20 ta' Novembru 2014 intitolata "Miżuri biex jiġi appoġġjat il-ħolqien ta' ekosistemi ta' start ups tat-teknoloġija avvanzata" (2014/C 415/02),

–  Wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li ġie ppubblikat fl-2014 li fih gwida għal min ifassal il-politika u għall-korpi ta' implimentazzjoni dwar "Enabling synergies between European Structural and Investment Funds, Horizon 2020 and other research, innovation and competitiveness-related Union programmes" ("Niffaċilitaw sinerġiji bejn il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, Orizzont 2020 u programmi oħrajn tal-Unjoni għar-riċerka, l-innovazzjoni u relatati mal-kompetittività") (SWD(2014) 0205),

–  wara li kkunsidra l-proġett pilota "Il-Politika ta' Koeżjoni u s-sinerġiji mal-fondi ta' riċerka u żvilupp: it-'triq lejn l-eċċellenza'",

–  wara li kkunsidra l-Azzjoni Preparatorja tal-Parlament Ewropew fir-Reġjun tal-Maċedonja tal-Lvant u Traċja (REMTh),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A8-0159/2016),

A.  billi f'dan iż-żmien ta' kriżi ekonomika, finanzjarja u soċjali, l-UE jeħtiġilha tintensifika l-isforzi tagħha biex toħloq tkabbir ekonomiku intelliġenti, sostenibbli u inklużiv;

B.  billi t-tisħiħ tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni (RŻI) huwa wieħed mill-prijoritajiet ta' investiment tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) għall-2014-2020; billi l-appoġġ għall-innovazzjoni jvarja ħafna fl-UE u fl-Istati Membri, speċjalment għall-isfruttament tal-għarfien u tat-teknoloġija fil-promozzjoni tal-innovazzjoni;

C.  billi għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, l-Istati Membri għandhom l-obbligu, għall-ewwel darba, jiżviluppaw strateġiji nazzjonali u/jew reġjonali ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti billi jinvolvu l-awtoritajiet maniġerjali nazzjonali jew reġjonali u l-partijiet interessati, bħal istituzzjonijiet ta' edukazzjoni ogħla, l-industrija kif ukoll is-sħab soċjali fi proċess ta' skoperta intraprenditorjali;

D.  billi l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti tgħaqqad u tlaqqa' flimkien politiki differenti, inklużi dawk għall-intraprenditorija, l-edukazzjoni u l-innovazzjoni, sabiex ir-reġjuni jidentifikaw u jagħżlu oqsma ta' prijorità għall-iżvilupp tagħhom u għall-investimenti relatati billi jiffokaw fuq is-saħħiet u l-vantaġġi komparattivi tagħhom;

E.  billi r-RIS3 għandha tgħin lill-ekonomija Ewropea ssir aktar kompetittiva, tiżviluppa aktar valur miżjud f'dak li jirrigwarda l-innovazzjoni, toħloq aktar impjiegi u impjiegi ta' kwalità aħjar, u twassal għal firxa wiesgħa ta' esperjenzi ġodda; billi dawn għandhom jikkontribwixxu għat-tixrid ta' prattiki tajbin u għall-iżvilupp ta' spirtu intraprenditorjali ġdid, flimkien ma' suq diġitali uniku li jaħdem sew u speċjalizzazzjoni intelliġenti li tista' twassal għal ħiliet, għarfien, innovazzjoni u impjiegi ġodda, sabiex ir-riżultati tar-riċerka jiġu sfruttati aħjar flimkien mal-forom kollha ta' innovazzjoni;

F.  billi l-iżvilupp tal-istrateġija RIS3 tinvolvi proċess ta' żvilupp ta' mekkaniżmi ta' governanza multiparteċipattiva li jidentifikaw l-oqsma bl-akbar potenzjal strateġiku fil-post, l-istabbiliment ta' prijoritajiet strateġiċi u t-tfassil ta' servizzi effiċjenti ta' appoġġ għall-intrapriżi sabiex jiġi mmassimizzat il-potenzjal ta' żvilupp ibbażat fuq l-għarfien ta' kull reġjun;

G.  billi r-RIS3 tikkontribwixxi għall-użu effiċjenti tal-fondi tal-UE, u taffettwa lill-Istati Membri u r-reġjuni kollha tal-Unjoni, u biex jiġi sfruttat il-potenzjal tar-reġjuni kollha, u b'hekk tgħin lill-UE tiġġieled id-diskrepanzi fl-innovazzjoni tagħha, kemm internament kif ukoll esternament, sabiex issir aktar kompetittiva fuq livell globali;

H.  billi l-iżvilupp b'suċċess u f'waqtu tar-RIS3 fl-Istati Membri jiddependi ħafna fuq li dawn isaħħu l-kapaċità amminsitrattiva għall-programmazzjoni, baġitjar, implimentazzjoni u evalwazzjoni fi ħdan il-qafas tal-politika bl-għan li jissaħħaħ l-investiment privat fl-RŻI; billi dan l-iżvilupp irid iqis il-fatt li l-valutazzjonijiet inizjali tal-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti taw stampa mħallta, b'mod partikolari fir-rigward tal-għażla tal-prijoritajiet, li ħafna drabi tiġi meqjusa bħala ġenerika żżejjed jew mhux konnessa biżżejjed ma' strutturi ekonomiċi u ta' innovazzjoni reġjonali, li jfisser li l-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti jridu jittejbu f'dan ir-rigward;

I.  billi l-pjattaforma RIS3 tassisti skambji minn isfel għal fuq u bejn il-pari u t-trasferiment ta' għarfien fost ir-reġjuni parteċipanti; billi jeħtieġ li dan il-proċess jingħata prijorità fir-rigward tad-disinn u tal-prattiki futuri ta' inizjattivi ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti;

Ir-rwol ċentrali tar-RIS3 fil-kontribut għal politika ta' koeżjoni għall-miri tal-istrateġija Ewropa 2020

1.  Jenfasizza li l-istrateġiji għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti jappoġġjaw il-konċentrazzjoni tematika u l-ipprogrammar strateġiku tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (il-Fondi SIE) u jwasslu għal aktar orjentazzjoni lejn il-prestazzjoni fuq il-post, u b'hekk jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-miri ta' Ewropa 2020; jenfasizza li l-għan ta' dawn l-istrateġiji hu li joħloqu tkabbir sostenibbli bbażat fuq l-għarfien, żvilupp bilanċjat u impjiegi ta' kwalità għolja fir-reġjuni kollha, mhux biss f'zoni żviluppati iżda wkoll f'reġjuni fi transizzjoni kif ukoll f'reġjuni anqas żviluppati, reġjuni rurali u ġżejjer;

2.  Jitlob li d-dispożizzjonijiet ex ante l-ġodda ta' kondizzjonalità għall-attribuzzjoni tal-Fondi SIE jiġu osservati b'mod sħiħ sabiex l-istrateġiji għall-speċjalizzazzjoni intelliġenti jaħdmu;

3.  Jistieden lill-atturi kollha involuti biex jiżviluppaw ir-RIS3 fuq il-bażi ta' analiżi tal-kapaċitajiet, assi u kompetenzi eżistenti f'kull reġjun, u jiffokaw fuq l-iskoperta intraprenditorjali sabiex isibu niċeċ ġodda jew vantaġġi komparattivi għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, jevitaw l-ispeċjalizzazzjoni żejda furzata u artifiċjali, u jtejbu sħubija aktar qawwija bejn is-settur pubbliku u dak privat, filwaqt li dejjem jevitaw konflitti ta' interess possibbli bejn is-settur privat u dak pubbliku;

4.  Jappoġġja definizzjoni wiesgħa tal-innovazzjoni bħala t-trasformazzjoni ta' idea fi prodott jew servizz ġdid jew imtejjeb introdott fis-suq, f'fi proċess operattiv ġdid jew imtejjeb użat fl-industrija u l-kummerċ, jew f'approċċ ġdid lejn servizz soċjali;

5.  Jitlob lir-reġjuni biex ifasslu skemi għal servizzi ta' appoġġ innovattivi bl-għan li jikkomplementaw jew jissostitwixxu s-servizzi ta' appoġġ eżistenti, sabiex reġjun ikun jista' jilħaq il-potenzjal kompetittiv tiegħu kollu, jgħin lill-impriżi jassorbu għarfien u teknoloġiji ġodda sabiex jibqgħu kompetittivi, u jiżgura li r-riċerka u l-innovazzjoni jiksbu massa kritika ta' riżorsi;

6.  Jitlob lill-Kummissjoni tallinja r-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa biex jippermetti li l-kundizzjonijiet tas-Siġill ta' Eċċellenza jiġu offruti mill-Fondi ESI;

7.  Jitlob lill-awtoritajiet nazzjonali jinvestu fl-għarfien reġjonali u l-big data mining sabiex ikunu jistgħu juru l-vantaġġ kompetittiv uniku tagħhom, kif ukoll biex jifhmu x-xejriet relatati mal-impriżi reġjonali fil-katina ta' valur globali;

8.  Huwa tal-opinjoni li l-Pjattaforma S3, stabbilita mid-DĠ REGIO tal-Kummissjoni u li tinsab fiċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka f'Sevilja, għandha rwol ewlieni x'taqdi fil-konsulenza li tingħata lir-reġjuni u fl-istabbiliment ta' parametri referenzjarji dwar l-istrateġiji ta' innovazzjoni tagħhom, li tgħin lir-reġjuni li qegħdin lura u ttejjeb il-governanza f'diversi livelli u s-sinerġiji bejn ir-reġjuni, billi tipprovdi informazzjoni, metodoloġiji, għarfien espert u pariri għal dawk li jfasslu l-politika nazzjonali u reġjonali; jenfasizza li din il-pjattaforma għandha tagħmel sforz kontinwu sabiex taġġorna l-bażi tad-data tagħha, filwaqt li tqis il-ħtiġijiet, l-ispeċifiċitajiet u l-prijoritajiet lokali tar-reġjuni u l-bliet;

9.  Huwa tal-fehma li l-Pjattaforma S3 f'Sevilja għandha tagħti attenzjoni partikolari lil dawk ir-reġjuni li għadhom lura u, b'mod partikolari, għandha tgħinhom isawru u jorjentaw l-istrateġiji tagħhom;

10.  Jemmen li reġjuni iżgħar għandhom aktar problemi biex jiżviluppaw u jimplimentaw l-istrateġiji, u jitlob li jiġu żviluppati proposti biex jiżdied l-appoġġ għal dawn ir-reġjuni bil-għan li jittejbu l-implimentazzjoni tal-istrateġiji S3 u l-iskambju tal-aħjar prattiki;

11.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-enfasi tal-Kummissjoni fuq reġjuni li għadhom lura f'forma ta' proġett pilota reċenti dwar l-Azzjoni Preparatorja tal-Parlament Ewropew fir-Reġjun tal-Maċedonja tal-Lvant u Traċja, li se jitwessa' biex iħaddan reġjuni minn tmien Stati Membri sal-aħħar tal-2017;

12.  Jilqa' l-kontinwazzjoni tal-Pjattaforma Monitor tal-Innovazzjoni Reġjonali Plus, stabbilita mid-DĠ Growth tal-Kummissjoni għall-ħolqien ta' Osservatorju tar-Riċerka u l-Innovazzjoni stabbilit mid-DĠ RTD u d-differenti ċentri ta' għarfien relatati mal-politika f'DĠ JRC (KE), li jipprovdu data komprensiva, indikaturi u linji gwida għall-partijiet interessati nazzjonali u reġjonali tal-S3;

13.  Jistenna bil-ħerqa dettalji dwar il-Kunsill Ewropew għall-Innovazzjoni (EIC), bl-għan li jinħoloq "one-stop-shop" għall-innovaturi u, għalhekk, pont bejn il-kisbiet tax-xjenza u l-bżonnijiet tal-impriżi u l-awtoritajiet pubbliċi fl-Ewropa;

14.  Ifakkar li l-finanzjament pubbliku jibqa' mutur b'saħħtu tal-innovazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet kkonċernati biex ikunu prudenti fir-rigward li ssir enfasi akbar fuq l-istrumenti finanzjarji, peress li l-innovazzjoni m'għandhiex tkun iffokata biss fuq l-għotjiet, iżda għandha tkun kapaċi wkoll tidentifika mezzi alternattivi ta' finanzjament, bħalma huma self u garanziji u biex jinstab bilanċ bejn l-għotjiet u l-mezzi alternattivi ta' finanzjament (finanzjament pubbliku u privat);

Governanza f'diversi livelli u l-kapaċità tagħha

15.  Jiddispjaċih li xi Stati Membri ddeċidew li jagħżlu r-RIS3 nazzjonali mingħajr ma taw iċ-ċans lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jiżviluppaw il-fehmiet tagħhom, u b'hekk dgħajfu l-proċess ta' skoperta intraprenditorjali minn isfel għal fuq li r-RIS3 għandu jħaddan; jenfasizza l-importanza ta' approċċ reġjonali, peress li l-implimentazzjoni tar-RIS3 tista' tirnexxi biss jekk tkun ibbażata fuq l-assi lokali u reġjonali; jistieden lill-Istati Membri kkonċernati jikkunsidraw mill-ġdid li jissostitwixxu r-RIS3 nazzjonali b'dawk reġjonali sabiex ma jitilfux opportunitajiet ta' tkabbir, u jitlob koordinazzjoni aħjar bejn l-istrateġiji nazzjonali u reġjonali tal-S3 kull fejn ikun xieraq, sabiex jiġu adattati, jekk ikun meħtieġ, għall-ħtiġijiet u r-rekwiżiti futuri għall-iżvilupp sostenibbli, b'mod partikolari fis-setturi tal-ikel u tal-enerġija; jiddispjaċih li l-prinċipju ta' sħubija stipulat fl-Artikolu 5 tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni mhux dejjem ġie rrispettat; jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw il-prinċipju ta' sħubija fl-istadji kollha tal-preparazzjoni u tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija u tal-Programmi Operattivi;

16.  Huwa tal-fehma li l-kwalità tal-kooperazzjoni bejn il-gvernijiet u l-partijiet interessati rilevanti fir-reġjun għandha influwenza sinifikanti fuq is-suċċess tal-istrateġija RIS 3 u se tnaqqas b'mod sinifikanti r-riskju li jittieħdu għażliet ħżiena fl-iffissar tal-prijoritajiet; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza li jiġu kkonsultati n-negozji, partikolarment l-SMEs, peress li l-"viżjoni ta' innovazzjoni" se tirnexxi biss jekk in-negozji jkollhom ukoll il-potenzjal korrispondenti li jimplimentawha;

17.  Jenfasizza l-importanza ta' koordinazzjoni aħjar bejn il-livelli kollha ta' governanza biex titrawwem viżjoni ta' approċċ minn isfel għal fuq fl-istrateġiji reġjonali, inklużi l-awtoritajiet u l-partijiet interessati kollha tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, kif ukoll l-esperti, is-soċjetà ċivili u l-utenti finali, sabiex jitwarrbu l-mentalitajiet tad-dipartimentaliżmu; jirrimarka li n-nuqqas milli jiġu adattati r-regolamenti rilevanti tal-Istati Membri qed joħloq ostakoli għall-implimentazzjoni tal-investimenti fir-riċerka u fl-innovazzjoni;

18.  Jirrimarka r-rwol limitat tas-soċjetà ċivili fl-istrateġiji RIS3, u jitlob tisħiħ tal-parteċipazzjoni tagħha permezz ta' pjattaformi u sħubijiet kollaborattivi, billi din tista' tgħin biex jitfasslu aħjar l-istrateġiji, tissaħħaħ il-kooperazzjoni mas-soċjetà u twassal għal governanza aħjar;

19.  Jenfasizza l-importanza ta' koordinazzjoni mill-qrib matul il-fażijietkollha ta' implimentazzjoni bejn il-programmi operattivi u r-RIS3;

20.  Jitlob li jkun hemm djalogu u kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-istituzzjonijiet tal-UE (il-PE u l-Kunsill) kif ukoll fil-livell eżekuttiv (il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali ta' implimentazzjoni), sabiex jinkiseb qafas favorevoli għar-riċerka u l-innovazzjoni u t-tisħiħ mill-ġdid tal-implimentazzjoni tar-RIS3 fil-kuntest tar-reviżjoni li jmiss tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-korpi l-oħra kkonċernati biex jipprovdu assistenza ulterjuri lil dawk l-Istati Membri li għandhom bżonnha għall-implimentazzjoni tal-istrateġija RIS 3;

22.  Jappella għal sforzi kontinwi biex titħeġġeġ bidla fil-mentalità u l-promozzjoni ta' approċċi ta' politika innovattivi biex jingħataw spinta l-kollaborazzjonijiet intrareġjonali, interreġjonali, extrareġjonali, transkonfinali u transnazzjonali, inkluż permezz ta' tal-makroreġjuni, permezz ta' għodod eżistenti bħall-INTERREG, sabiex ikompli jingħata spinta l-valur miżjud Ewropew f'dawn l-istrateġiji;

23.  Ifakkar fl-importanza li tiġi enfasizzata l-innovazzjoni soċjali, peress li dan jista' jgħin biex jiġu stabbiliti mudelli u kulturi ġodda tan-negozju u b'hekk jinħoloq ambjent xieraq għall-implimentazzjoni tal-ekonomija ċirkolari;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta komunikazzjoni integrata dwar il-valur miżjud tal-istrateġiji RIS3 u l-implimentazzjoni tagħhom fil-programmi operattivi, li għandhom jiġu segwiti minn proposti għal azzjoni ulterjuri fis-7 Rapport ta' Koeżjoni;

25.  Jiddispjaċih għan-nuqqas ta' kooperazzjoni interreġjonali fuq il-bażi tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti; jinnota li l-Qafas Strateġiku Komuni joffri l-possibbiltà li jintużaw sa 15 % tal-fondi skont ir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni (il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd) għal tali kooperazzjoni barra r-reġjun lokali; jenfasizza li fir-rapport dwar l-Artikolu 16.3 "Ninvestu f'impjiegi u tkabbir - nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej", jirriżulta li s'issa dawn il-possibbiltajiet ma ntużawx biżżejjed; jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali biex jagħmlu użu akbar mill-possibbiltajiet offruti;

26.  Jitlob li jiġu żviluppati mekkaniżmi ta' flessibbiltà u ta' koordinazzjoni biex jorbtu r-riżultati tal-proċess tar-RIS3 mal-implimentazzjoni ta' Orizzont 2020 u ta' programmi oħra; iħeġġeġ lir-reġjuni biex jinvolvu ruħhom f'forom ta' kooperazzjoni transnazzjonali bħalma huma l-inizjattiva Vanguard, is-Siġill ta' Eċċellenza, pjattaforma għall-iskambju tal-għarfien, il-Pjattaformi S3, it-triq lejn l-eċċellenza, u l-iskemi ta' innovazzjoni reġjonali għaċ-ċentri ta' kolokazzjoni tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT); jitlob li jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta' sħubijiet bejn raggruppamenti strateġiċi, bl-għan li tingħata spinta lill-investiment u jittejjeb il-koordinament, jinħolqu sinerġiji u jiġu promossi skambji ta' fehmiet sabiex jiġu evitati d-duplikazzjoni u l-infiq ineffiċjenti tar-riżorsi pubbliċi;

27.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali u Ewropej ikomplu jissorveljaw id-"distakk fl-innovazzjoni", mhux biss fost l-Istati Membri tal-UE u fost ir-reġjuni NUTS 2, iżda, ukoll u dejjem iżjed, fi ħdan l-Istati Membri individwali;

28.  Jemmen li l-proċeduri għandhom jiġu ssimplifikati u l-ostakoli fil-proċess amministrattiv tal-istrateġiji għandhom jitnaqqsu;

29.  Jistieden lill-awtoritajiet rilevanti jissimplifikaw il-proċeduri f'kull livell u jnaqqsu l-ostakoli fil-proċess amministrattiv tal-istrateġiji; jinkoraġġixxi l-investiment fil-kapital uman, inkluż permezz ta' sħubijiet interreġjonali tal-UE, bl-għan li jissaħħu l-kapaċitajiet amministrattivi u ta' ġestjoni, jiġi implimentat u mmonitorjat b'suċċess il-proċess RIS3, filwaqt li jiġi evitat il-ħolqien ta' piżijiet addizzjonali ta' amministrazzjoni; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jagħtu prijorità lir-riċerka u l-innovazzjoni fir-reġjuni li għandhom tali potenzjal iżda fejn l-investiment f'dan il-qasam huwa skars;

30.  Iħeġġeġ lir-reġjuni u lill-Istati Membri jintensifikaw l-użu tal-baġit disponibbli għall-assistenza teknika biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effikaċi u effiċjenti tar-RIS3;

31.  Ifakkar li l-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti għandhom ikunu wkoll strumenti b'saħħithom sabiex jiġu indirizzati l-aspetti soċjali, ambjentali, tal-isfidi relatati mal-klima u l-enerġija u jippromwovu l-effett konsegwenzjali tal-għarfien u d-diversifikazzjoni teknoloġika;

Sinerġiji aħjar għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi

32.  Jikkritika n-nuqqas ta' sinerġiji bejn il-Fondi SIE u l-istrumenti ta' finanzjament l-oħra tal-UE, ħaġa li tfixkel il-koordinament, il-koerenza u l-integrazzjoni tal-għoti ta' fondi mill-UE u tnaqqas ir-riżultati u l-impatt tagħhom; isejjaħ għal aktar attenzjoni u riċerka dwar kif tista' tintlaħaq strateġija mtejba għal sinerġiji u jiġu kkunsidrati il-kombinazzjoni, il-komplementarjetà u l-potenzjal tal-istrumenti ta' finanzjament b'tali mod li jiġi żgurat l-użu sħiħ ta' garanziji tal-UE għall-finanzjament ta' pjattaformi ta' investiment;

33.  Jenfasizza l-ħtieġa li jitkomplew u jiġu approfonditi l-approċċi ta' spirali tripli u kwadrupli għal speċjalizzazzjoni intelliġenti fil-livell reġjonali, li jinvolvu l-amministrazzjonijiet pubbliċi, l-universitajiet, in-negozji u ċ-ċittadini; jenfasizza li r-rwol ta' dawn l-aħħar żewġ settijiet ta' parteċipanti (jiġifieri, l-edukazzjoni għolja u l-istituzzjonijiet ta' riċerka u l-organizzazzjonijiet taċ-ċittadini) għandu jissaħħaħ f'termini ta' programmazzjoni tal-UE u ta' tipi ta' finanzjament;

34.  Jitlob aktar appoġġ għall-SMEs u l-istart-ups, peress li l-maġġoranza l-kbira ta' dawn jinsabu fuq quddiem nett tal-innovazzjoni radikali, kif ukoll li jikkontribwixxu b'mod sinifikattiv għall-identifikazzjoni tat-talent lokali f'varjetà ta' oqsma u li jimpjegaw liż-żgħażagħ;

35.  Iħeġġeġ sforzi kontinwi fit-tfittxija ta' indikaturi affidabbli għall-monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-innovazzjoni, fil-livelli kollha ta' governanza, billi jkunu mobilizzati u kkoordinati aħjar ir-riżorsi tal-Eurostat u DĠs oħra rilevanti tal-Kummissjoni, kont meħud ukoll tal-kisbiet tal-OCED, l-EPSON u atturi oħra f'dan il-qasam bħalma huma l-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika;

36.  Jenfasizza li l-użu kkoordinat u komplementari tal-Fondi SIE ma' Orizzont 2020 u fondi tal-FEIS, f'konformità mal-linji gwida dwar il-kumplimentarjetajiet bejn il-FEIS u l-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi maħruġ mill-Kummissjoni f'Frar 2016, jipprovdi għażliet eċċellenti għall-promozzjoni tal-innovazzjoni fil-livelli reġjonali, nazzjonali u tal-UE billi jsaħħaħ l-attrattività tal-investiment fir-riċerka u fl-innovazzjoni sabiex jattira l-kapital privat biex dan jikkomplementa l-finanzjament pubbliku; jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jagħmlu l-aħjar użu mill-possibbiltajiet biex jgħaqqdu dawn l-għodod;

37.  Jitlob li tinkiseb l-informazzjoni neċessarja għal sinerġiji bejn il-politiki u l-istrumenti varji disponibbli fir-RIS3, bħalma huma l-Politika ta' Koeżjoni għall-2014-2020, il-Pjattaforma ta' Speċjalizzazzjoni Intelliġenti, l-Osservatorju Ewropew tar-Raggruppamenti, is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni, il-Forum Strateġiku Ewropew, it-Teknoloġiji Abilitanti Essenzjali u l-infrastrutturi tar-riċerka;

38.  Jinkoraġġixxi lir-reġjuni, meta jkunu qed jimplimentaw ir-RIS3 tagħhom, isaħħu l-mentalità ta' innovazzjoni miftuħa u l-ekosistema ta' kollaborazzjoni fuq il-bażi tal-mudell spiral kwadruplu;

39.  Jenfasizza l-importanza li l-edukazzjoni u r-riċerka jitfasslu skont il-ħtiġijiet reali tas-suq, fi sforz biex jiġi żgurat li l-innovazzjonijiet ġodda jilqgħu d-domanda u jwasslu għal tkabbir ekonomiku;

Bliet intelliġenti bħala katalisti għar-RIS3

40.  Itenni li ż-żoni urbani tal-UE għandhom rwol ewlieni fit-twettiq tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-Unjoni billi jaġixxu bħala ċentri ta' diversi atturi u setturi, li jgħaqqdu flimkien l-isfidi u l-opportunitajiet ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużivi, u billi jkunu minn ta' quddiem fl-approċċ ta' politika integrata u bbażata fuq il-post; jenfasizza l-importanza ta' żoni urbani biex jikkatalizzaw ir-riżorsi umani, il-potenzjal għall-infrastruttura u l-investiment għall-iżvilupp ta' ragruppamenti ta' innovazzjoni;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tqis ir-RIS3 u programmi oħra ta' innovazzjoni, speċjalment fir-rigward ta' investimenti territorjali integrati, meta tkun qed tiżviluppa l-Aġenda Urbana Ewropea sabiex jinħolqu sinerġiji u rabtiet b'saħħithom għal użu effiċjenti tar-riżorsi;

42.  Jenfasizza l-importanza li tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni innovattiva transsettorjali, ta' spiral triplu u transkonfinali relatata mal-isfidi Ewropej biex ir-reġjuni u l-bliet isiru aktar intelliġenti, aktar ekoloġiċi u aktar pjaċevoli biex tgħix u taħdem fihom;

43.  Jenfasizza l-ħtieġa għal aktar żvilupp u l-estensjoni fl-Ewropa kollha tal-kunċett ta' "bliet intelliġenti u konnessi"; jilqa' l-intenzjoni tal-Presidenza Netherlandiża tal-UE biex toħloq approċċ minn isfel għal fuq, li jagħti s-setgħa lill-bliet, f'koordinazzjoni mal-awtoritajiet reġjonali, biex jiżviluppaw l-Aġenda Urbana tal-UE u biex jevolvu minn bliet intelliġenti għal bliet eċċellenti; jappoġġja, f'dan il-kuntest, il-preparazzjoni tal-"Patt ta' Amsterdam", li jiffoka fuq it-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi, fuq it-trawwim ta' konnessjonijiet bejn il-partijiet kollha, iċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet soċjali, u fuq il-promozzjoni ta' żvilupp sostenibbli u soċjalment inklużiv;

44.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-promozzjoni ta' kooperazzjoni bejn il-bliet differenti u skemi ta' skambju tal-għarfien fil-qasam tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti u tal-innovazzjoni, bħall-programm "Bliet Intelliġenti Miftuħa u Aġili" appoġġjat mill-Kummissjoni;

45.  Jappoġġja l-inizjattivi tal-Kummissjoni u tal-Kunsill favur l-Aġenda Urbana tal-UE fil-kuntest tal-Patt ta' Amsterdam; jistieden lill-Kummissjoni trawwem koerenza bejn il-politiki urbani u reġjonali; jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposti li jallinjaw l-inizjattivi u l-metodoloġija ta' "Bliet Intelliġenti" mar-RIS3 fis-7 Rapport ta' Koeżjoni;

Monitoraġġ u evalwazzjoni

46.  Jinnota li, għalkemm il-biċċa l-kbira tar-reġjuni adottaw ir-RIS3, numru konsiderevoli minnhom għad għandhom bżonn jaħdmu fuq il-konformità mar-rekwiżiti ta' kondizzjonalità ex ante, filwaqt li l-isfidi ewlenin huma l-mekkaniżmu ta' monitoraġġ, il-qafas baġitarju u l-miżuri biex jiġi stimolat l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni;

47.  Ifakkar lil min jieħu d-deċiżjonijiet fil-livelli lokali u reġjonali dwar l-importanza tal-impenn tagħhom li jużaw ir-RIS3 bħala strument ta' trasformazzjoni ekonomika fi ħdan ir-reġjun tagħhom stess, u b'hekk jinfluwenzaw il-politika tal-UE;

48.  Jilqa' l-enfasi ta' dawn l-istrateġiji reġjonali fuq l-enerġija, is-saħħa, it-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, il-materjali avvanzati, l-ikel, is-servizzi, it-turiżmu, l-innovazzjoni sostenibbli u t-trasport, il-bijoekonomija, is-sistemi ta' manifattura, u fl-industriji kulturali u kreattivi, kif ukoll speċjalizzazzjonijiet oħra u b'mod partikolari fis-setturi kompetittivi minn reġjun partikolari; jiddispjaċih, madankollu, dwar in-nuqqas ta' granularità f'ħafna strateġiji, u jitlob li l-proċess ta' prijoritizzazzjoni jiġi rfinat, biex b'hekk jiġi evitat ir-riskju li l-istrateġiji kollha jiffokaw fuq l-istess suġġetti; jitlob li jiġu żviluppati strateġiji mhux biss fil-każ tat-teknoloġija għolja iżda wkoll fil-każ tat-teknoloġija baxxa u l-innovazzjoni soċjali, u jinkoraġġixxi lill-partijiet interessati kollha jfittxu l-kollegamenti bejn is-setturi, peress li dawn il-kollegamenti jistgħu jrawmu l-innovazzjoni;

49.  Jemmen li l-promozzjoni ta' osservatorji nazzjonali għall-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti tista' tgħin biex jinbnew sistemi ta' indikaturi għall-monitoraġġ tar-RIS3, speċjalment fir-rigward tal-metodoloġija u t-taħriġ;

50.  Josserva li xi RIS3 mhumiex dokumentati sew fir-rigward li tiġi murija n-natura unika tal-vantaġġi kompetittivi tar-reġjun ikkonċernat, filwaqt li oħrajn ma jipprovdux evidenza rigward il-kapaċità tal-partijiet interessati biex jappoġġjaw l-intrapriżi fl-innovazzjoni jew tar-riċerkaturi li jfornu r-riċerka applikata jew isibu applikazzjonijiet kummerċjali għar-riżultati; jinnota wkoll li xi reġjuni għandhom firxa wiesgħa ta' strateġiji u li l-indikaturi ta' monitoraġġ huma simplistiċi; iħeġġeġ, għalhekk, żieda fil-kapaċità tal-awtoritajiet pubbliċi biex jiġbru u jivvalutaw l-informazzjoni rilevanti li jirċievu, kif ukoll jixprunaw sforzi kkoordinati mir-reġjuni u mill-awtoritajiet ċentrali biex jiġu identifikati u standardizzati minn bażijiet ta' data eżistenti u tagħmilhom aċċessibbli għall-partijiet interessati;

51.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jużaw għodod eżistenti bħalma hu l-Istħarriġ Komunitarju dwar l-Innovazzjoni (CIS) biex iwettqu monitoraġġ perjodiku (annwali u ta' nofs it-terminu) – kemm kwantittativ kif ukoll kwalittativ – dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġiji, u biex jinvolvu l-partijiet interessati kollha, inkluża s-soċjetà ċivili, fil-proċess; jinnota li kemm ir-reġjuni, kif ukoll l-Istati Membri, jiffaċċjaw problemi simili f'termini ta' evalwazzjoni tal-monitoraġġ, u jistieden lir-reġjuni jippubblikaw rapporti regolari dwar l-ilħuq tal-għanijiet tagħhom, sabiex tanalizza aħjar l-impatt tar-RIS3 u jiġu garantiti t-trasparenza u l-aċċess pubbliku għal informazzjoni dwar il-monitoraġġ; huwa konxju, madankollu, li jridu jgħaddu ħafna snin biex l-istrateġiji jagħtu l-frott tagħhom, u li l-monitoraġġ bikri għandu għaldaqstant jitfassal fir-rispett ta' aspettattivi raġonevoli;

52.  Iħeġġeġ lir-reġjuni u lill-Istati Membri jkunu proattivi fl-implimentazzjoni f'waqtha tal-pjanijiet ta' azzjoni, minħabba li d-data magħżula għall-konformità mal-kondizzjonalità ex ante hi Diċembru 2016; jitlobhom jistabbilixxu u jimplimentaw il-mekkaniżmu ta' monitoraġġ tagħhom f'reviżjoni kontinwa tar-RIS3, iffokat fuq l-ispeċifikar ta' niċeċ ta' investiment fejn l-atturi ta' innovazzjoni reġjonali jistgħu jiksbu jew iżommu vantaġġ kompetittiv;

53.  Huwa tal-opinjoni li l-parteċipazzjoni konġunta fil-monitoraġġ u fl-evalwazzjoni ta' strumenti rilevanti fi ħdan ir-RIS3, kif ukoll l-allinjament ta' monitoraġġ u evalwazzjoni għar-rappurtar ta' strumenti differenti, jistgħu ikunu ta' għajnuna kbira f'dan il-qasam; jistieden, għalhekk, lill-partijiet interessati kollha u lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet sabiex jinħolqu sinerġiji u jiġu żviluppati arranġamenti li jiġbru u jikkonsolidaw id-data minn politiki u strumenti speċifiċi inklużi fir-RIS3;

54.  Ifakkar li "strateġija fuq il-karta" tatjba mhux se iġġenera r-riżultati mistennija mingħajr l-implimentazzjoni ta' servizzi ta' appoġġ għall-intrapriżi;

Lezzjonijiet prinċipali u l-futur tar-RIS3

55.  Jiddispjaċih li r-RIS3 spiss jirrikonoxxu l-ħtieġa li jgħinu lill-intrapriżi jisfruttaw il-forom kollha ta' innovazzjoni, iżda mbagħad jappoġġjaw biss l-innovazzjoni bbażata fuq l-għarfien teknoloġiku; jissuġġerixxi f'dan ir-rigward li r-RIS3 għandha tikkunsidra wkoll l-innovazzjoni f'oqsma oħra, bħas-servizzi u s-settur kreattiv, u jfakkar fl-importanza ta' kull tip ta' sistemi ta' innovazzjoni u ta' istituzzjonijiet irrispettivament mid-daqs tagħhom, kif ukoll tar-rabta tagħhom mar-raggruppamenti lokali u reġjonali;

56.  Jirrimarka li r-RIS3 jridu jiġu implimentati sew jekk għandhom jittrattaw id-distakk fl-innovazzjoni u jżidu l-impjiegi u t-tkabbir fl-Ewropa; jenfasizza li, għal dan l-għan, huwa essenzjali li jiġu promossi strateġiji minn isfel għal fuq u li jissaħħaħ l-iskrutinju fir-rigward tal-potenzjal tar-RIS3 fil-livelli kollha ta' governanza; iqis, f'dan ir-rigward, li l-Istati Membri għandhom jinvolvu l-uffiċċju/i nazzjonali tal-istatistika tagħhom sabiex jgħinu lir-reġjuni jiżviluppaw mekkaniżmi ta' evalwazzjoni u monitoraġġ;

57.  Jemmen li l-approċċ parteċipattiv fl-istrateġiji irid jiġi inkluż fil-proċessi kollha, inkluż il-proċess ta' monitoraġġ u evalwazzjoni, peress li dan se jwessa' l-ambitu għal kooperazzjoni biex jintlaħqu l-miri tar-RIS3;

58.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri biex ma jinsewx li dan l-istrument għandu jkun vijabbli, operattiv u effikaċi sabiex ma jkunx ta' piż burokratiku għall-benefiċjarji;

59.  Jistieden lill-Kummissjoni tinsisti li ssir reviżjoni tal-istrateġiji fl-2017 sabiex jissaħħu l-effiċjenza u l-effettività tagħhom, u biex jipprovdu informazzjoni dwar il-kontribut tagħhom għall-politiki futuri ta' koeżjoni u tal-innovazzjoni wara l-2020, b'kont meħud tal-esperjenza miksuba mill-ewwel snin tal-implimentazzjoni tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tniedi konsultazzjoni pubblika u torganizza konferenza madwar l-Ewropa qabel is-7 Rapport ta' Koeżjoni, mal-Parlament, mal-Kumitat tar-Reġjuni u ma' partijiet interessati oħra;

60.  Jirrikonoxxi li l-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti jistgħu jkunu strumenti b'saħħithom biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-enerġija, tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tas-sigurtà tal-enerġija;

61.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tappoġġja r-rwol tal-Pjattaforma S3, li tgħin biex tiżdied il-granularità tal-istrateġiji, u li tibqa' ffokata fuq l-importanza tal-ingranaġġ ta' investimenti privati;

62.  Jitlob lid-DĠ REGIO u lill-Pjattaforma S3 jabbozzaw, u jxerrdu estensivament, dokument ta' politika dwar l-aħħar esperjenza tar-RIS3, iffokat fuq l-oqsma li ġejjin: 1) l-analiżi SWOT tal-esperjenza; 2) it-tagħlimiet li ħadu r-reġjuni u l-iżvantaġġi ewlenin osservati għal kull wieħed mis-sitt passi deskritti fil-gwida tar-RIS3; 3) ir-rakkomandazzjonijiet u l-mudelli standardizzati għal titjib kontinwu tar-RIS3 biex jitfasslu aħjar l-istrateġiji wara l-2020; u 4) il-kapaċità umana meħtieġa biex titfassal u tiġi implimentata RIS3; iqis li n-netwerks reġjonali kkonċernati mir-riċerka u l-innovazzjoni għandhom jitħeġġu u jiġu appoġġjati b'azzjonijiet biex jippromwovu s-suċċessi u l-lezzjonijiet mitgħallma, sabiex jinkorporaw il-ħsieb rilevanti tar-reġjuni fil-livelli kollha;

63.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

NOTA SPJEGATTIVA

I.  Sfond politiku tar-rapport

Fi żmien ta' riċessjoni ekonomika u tal-limitazzjoni baġitarji li jirriżultaw minnha, kif ukoll b'ambjent globali li qed isir dejjem aktar kompetittiv, huwa kruċjali li l-UE tkompli ttejjeb il-kapaċità ta' innovazzjoni tagħha.

Matul l-aħħar leġiżlatura, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), b'appoġġ tal-Objettiv Tematiku Nru 1, stabbilixxa li r-reġjuni kellhom jiffokaw l-investiment tagħhom fuq ir-RŻI permezz ta' strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020. Għaldaqstant, ir-RIS3 hija kundizzjoni ex ante biex l-Istati Membri u r-reġjuni tal-UE jirċievu l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE). Ir-reġjuni Ewropej kollha għandhom strateġija RIS3. Dawk l-istrateġiji ssawru u bdew jiġu implimentati matul l-2014 u l-2015.

II.  Qafas legali għall-istrateġija RIS3

F'każ ta' assenza ta' strateġija nazzjonali jew reġjonali ta' innovazzjoni għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti fil-mument tal-approvazzjoni tal-Programmi Operattivi, ġew stabbiliti pjanijiet ta' azzjoni biex jiġu żgurati l-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta' tali strateġija, peress li r-RIS3 huma kondizzjonalità ex ante skont il-leġiżlazzjoni tal-2014-2020.

Barra minn hekk, ir-rekwiżi preliminari li ġejjin għandhom jiġu ssodisfati:

•  l-istrateġija għandha titfassal permezz ta' sistema b'saħħitha ta' governanza;

•  l-istrateġija għandha tkun ibbażata fuq analiżi SWOT sabiex ir-riżorsi jiġu ffokati fuq numru limitat ta' prijoritajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni;

•  l-istrateġija trid tinkludi miżuri li jistimolaw l-investiment privat fir-riċerka, it-teknoloġija u l-iżvilupp (RTŻ);

•  l-istrateġija trid tinkludi sistema ta' monitoraġġ u reviżjoni;

•  l-Istati Membri se jadottaw qafas, li jispeċifika r-riżorsi baġitarji disponibbli għall-RŻI, inkluż pjan multiannwali għall-ibbaġittjar u l-għoti ta' prijorità lill-investimenti marbuta mal-prijoritajiet tal-UE (il-Forum Strateġiku Ewropew għall-Infrastrutturi tar-Riċerka – ESFRI).

Matul is-sena 2014, ir-reġjuni bdew jiżviluppaw u jippubblikaw l-istrateġiji RIS3 tagħhom. Issa, wara l-pubblikazzjoni u t-tnedija tal-implimentazzjoni tagħhom, hemm lezzjonijiet li wieħed jista' jislet u nistgħu nippruvaw niffokaw aħjar l-azzjonijiet li għandhom jitwettqu fis-snin li ġejjin sabiex l-istrateġiji RIS3 ikunu aktar effettivi u effiċjenti. Dan ir-rapport jiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn għandu jitwettaq titjib fir-RIS3.

III.  Aspetti ewlenin tal-istrateġija mill-perspettiva tar-rapporteur

Ir-rwol ċentrali tar-RIS3 għall-kontribut tal-Politika ta' Koeżjoni għall-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020

Meta wieħed iqis is-sitwazzjoni attwali tal-istrateġiji RIS3 fl-Ewropa, iridu jiġu enfasizzati xi punti sabiex l-istrateġiji jitfasslu aħjar.

L-istrateġiji RIS3 għandhom jiġu reveduti kontinwament. Qed nitkellmu dwar l-innovazzjoni, qasam li qed jinbidel kontinwament. Din hija r-raġuni għaliex huwa essenzjali li l-istrateġiji jiġu kontinwament adattati għall-bidliet fil-qasam tal-ispeċjalizzazzjoni.

Huwa wkoll importanti li jiġu enfasizzati l-oqsma li jeħtieġu attenzjoni speċjali mill-istrateġiji: l-analiżi tal-prijoritajiet, is-saħħiet u l-potenzjal ta' kull reġjun, l-inkorporazzjoni tal-erba' spirali fid-definizzjoni tal-istrateġiji, l-użu tal-metodoloġija, l-iżvilupp ta' monitoraġġ perjodiku kwalitattiv u kwantitattiv, l-iżvilupp ta' proċessi parteċipatorji, l-istedina ta' partijiet interessati b'attenzjoni speċjali lis-settur privat, il-ħolqien ta' sinerġiji bejn l-atturi pubbliċi u privati, il-koordinament bejn il-livelli kollha ta' governanza u tad-dipartimenti jew is-sejba ta' modi alternattivi ta' finanzjament.

Biex jgħin f'dan, ir-rwol tal-Pjattaforma S3 f'Sevilja huwa importanti ħafna peress li din għandha rwol ewlieni biex tipprovdi informazzjoni, metodoloġiji, għarfien espert u pariri għal dawk li jfasslu l-politika fil-livell nazzjonali u reġjonali, kif ukoll biex tippromwovi t-tagħlim reċiproku, il-kooperazzjoni transnazzjonali u tikkontribwixxi għal dibattiti akkademiċi fuq il-kunċett tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti.

Il-Pjattaforma S3 għandha wkoll rwol importanti, mhux biss fl-għoti ta' pariri lir-reġjuni dwar l-istrateġiji tagħhom, iżda wkoll biex tgħin lir-reġjuni li jibqgħu lura jfasslu u jiffokaw aħjar l-istrateġiji tagħhom.

Flimkien mal-Pjattaforma S3, il-promozzjoni ta' osservatorji nazzjonali ta' strateġiji intelliġenti tista' jgħin biex jinbnew sistemi aktar b'saħħithom ta' indikaturi għall-monitoraġġ tar-RIS3 sabiex permezz tal-assistenza teknika tagħha ttejjeb it-tfassil tal-istrateġiji ffokati fuq qasam konkret, b'mod speċjali fir-rigward tal-metodoloġija u t-taħriġ, tidentifika l-progress fl-iskoperta intraprenditorjali fir-reġjuni u jiġu evitati strateġiji tradizzjonali u ġeneralisti.

Fl-aħħar nett, is-simplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-ostakoli fil-proċess amministrattiv huwa wkoll vitali. F'dan ir-rigward huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-kapaċità amministrattiva tal-awtoritajiet pubbliċi u l-istabbiltà fis-servizz ċivili huma essenzjali għall-implimentazzjoni effettiva tal-istrateġiji. Huwa importanti wkoll li jiġi enfasizzat li koordinament dgħajjef ta' politika jista' jagħmel ħsara lill-implimentazzjoni b'suċċess tal-istrateġiji u jista' jkun ta' theddida għall-ġestjoni politika effettiva.

L-għarfien innovattiv jista' jintuża biex tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva tal-awtoritajiet pubbliċi b'mod sinifikanti, speċjalment fil-livell lokali u reġjonali, anke permezz ta' użu akbar ta' teknoloġiji ġodda u impetu għal proċeduri aktar simplifikati, sabiex titjieb il-possibbiltà tagħhom li joffru servizzi ta' kwalità lill-pubbliku;

Governanza f'diversi livelli

B'kunsiderazzjoni tan-numru ta' programmi u l-ħtieġa għal użu effiċjenti tar-riżorsi, hu essenzjali li jkun hemm bidla fil-mentalità li se twassal biex tingħata spinta lill-kollaborazzjoni interreġjonali u approċċ minn isfel għal fuq. Għandu jkun hemm aktar flessibbiltà u mekkaniżmi ta' koordinazzjoni bejn il-Pjattaforma S3 u l-programm Orizzont 2020 sabiex l-objettivi jiġu allinjati aħjar u jiġu evitati d-disfunzjonijiet. Huwa essenzjali wkoll li l-awtoritajiet reġjonali u lokali jingħataw l-opportunità jiżviluppaw il-fehmiet tagħhom stess, kif ukoll li jħeġġu aktar parteċipazzjoni mis-soċjetà ċivili u aktar kooperazzjoni interreġjonali, sabiex jiġu evitati d-duplikazzjonijiet tal-isforzi u l-infiq mhux effiċjenti tar-riżorsi pubbliċi. Huwa ta' importanza kbira li r-reġjuni jikkooperaw u joħolqu rabtiet b'saħħithom sabiex l-istrateġiji ambizzjużi u mmirata tajjeb jingħataw spinta 'l quddiem. Għal dan l-għan, għodda bħall-Inizjattiva Vanguard, il-Pjattaforma għall-Iskambju tal-Għarfien jew l-iżvilupp ta' sħubiji għar-raggruppamenti strateġiċi biex jiżdied l-investiment, titjieb il-koordinazzjoni, jinħolqu sinerġiji u l-iskambju ta' fehmiet, huma essenzjali.

Sinerġiji aħjar għat-tkabbir u għall-ħolqien tal-impjiegi

Hemm diversi strumenti biex tingħata spinta lir-riċerka u l-innovazzjoni fil-livell tal-UE: il-Politika ta' Koeżjoni 2014-2020, il-Pjattaforma tal-Ispeċjalizzazzjoni Intelliġenti, l-Osservatorju Ewropew tar-Raggruppamenti, is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni, il-Forum Strateġiku Ewropew, it-Teknoloġiji Abilitanti Essenzjali u l-infrastrutturi għar-riċerka.

L-awtoritajiet Ewropej għandhom jagħmlu kull sforz biex isaħħu s-sinerġiji bejn dawn l-istrumenti, u biex jużaw i-riżorsi bl-aktar mod effiċjenti.

Bliet intelliġenti bħala katalisti għar-RIS3

Peress li l-Aġenda Urbana tal-UE hija prijorità għall-Presidenza Netherlandiża, huwa importanti li l-istituzzjonijiet isiru konxji tal-fatt li l-Aġenda Urbana għandha tiġi kkunsidrata wkoll biex jinħolqu sinerġiji u rabtiet b'saħħithom għall-użu effiċjenti tar-riżorsi.

Monitoraġġ u evalwazzjoni

L-evalwazzjoni hija waħda mill-aktar kwistjonijiet importanti fuq xiex wieħed għandu jiffoka. F'dan l-istadju ma nistgħux nipproduċu riżultati finali tanġibbli dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġiji, iżda għandna aċċess għal xi informazzjoni li tikkonċerna l-istatus tal-istrateġiji RIS3 fir-reġjuni tal-UE. F'termini ġenerali, nistgħu naraw li l-kundizzjonalità ex ante kienet pass 'il quddiem importanti, peress li l-biċċa l-kbira tar-reġjuni diġà adottaw strateġija RIS3. Madankollu, xi reġjuni għad iridu jaħdmu biex jikkonformaw mar-rekwiżiti ta' kondizzjonalità ex ante tar-RIS3, u n-nuqqasijiet ewlenin huma l-mekkaniżmu ta' monitoraġġ, il-qafas baġitarju u miżuri li jistimulaw l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni.

Kwistjoni importanti oħra hija l-ispeċjalizzazzjoni. Għalkemm kull reġjun żviluppa t-taħlita tiegħu ta' prijoritajiet, hemm raggruppamenti ta' prijoritajiet popolari, bħall-enerġija rinnovabbli, is-sostenibbiltà, l-aġenda diġitali, it-Teknoloġiji Abilitanti Essenzjali jew is-saħħa pubblika. Huwa importanti li ma jkunx hemm duplikazzjoni tal-proġetti, u li jkun hemm kooperazzjoni msaħħa permezz tal-pjattaformi eżistenti, sabiex jiġi evitat infiq ineffiċjenti tar-riżorsi. Huwa importanti wkoll li wieħed jinnota li l-prijoritajiet inizjali għandhom jinbidlu mal-iżvilupp tal-istrateġija nnifisha, billi dawn iridu jsiru aktar speċifiċi u orjentati lejn l-applikazzjoni fis-snin li ġejjin.

Huwa wkoll importanti ħafna li l-istrateġiji jiżviluppaw indikaturi tar-riżultati li jkejlu l-bidliet mistennija. Għal evalwazzjoni tajba, huwa essenzjali li jiġu żviluppati miżuri kwalitattivi u kwantitattivi b'saħħithom, u li jiġu ppubblikati rapporti regolari dwar kemm laħqu tal-objettivi tagħhom, sabiex jiġi analizzat aħjar l-impatt tal-istrateġiji RIS3.

Lezzjonijiet ewlenin

Ir-rapporteur huwa tal-fehma li l-istrateġiji RIS3 huma għodda ta' valur kbir biex jitnaqqas id-distakk fl-innovazzjoni u biex tingħata spinta lill-impjiegi u t-tkabbir fl-Ewropa. Għalissa, nistgħu naraw li l-ħolqien tal-istrateġiji xorta jħalli lok biex isiru xi bidliet. L-awtoritajiet pubbliċi għandhom jippruvaw jagħtu attenzjoni speċjali lill-monitoraġġ u r-reviżjoni tal-istrateġiji sabiex jiġi mmassimizzat ir-riżultat tagħhom fuq naħa, u l-kooperazzjoni interreġjonali fuq in-naħa l-oħra, sabiex jiġu żviluppati proġetti ambizzjużi li joħolqu valur miżjud għall-ekonomija. Is-simplifikazzjoni, kif ukoll il-koordinament tal-programmi eżistenti, huma wkoll essenzjali biex jikkontribwixxu għal implimentazzjoni tajba ta' dawk l-istrateġiji fis-snin li ġejjin.

Għal dan il-għan, reviżjoni tal-istrateġiji wara l-2017 donnha obbligatorja sabiex tiżdied l-effiċjenza u l-effettività tal-istrateġiji RIS3, b'kunsiderazzjoni tal-lezzjonijiet li jkunu tgħallmu mis-snin inizjali tal-implimentazzjoni tagħhom. L-organizzazzjoni ta' konferenza fil-livell Ewropew qabel is-7 Rapport ta' Koeżjoni mal-Parlament Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-partijiet interessati l-oħra fl-2016 tidher li hi forum tajjeb għal djalogu dwar dawn il-kwistjonijiet.

L-iżvilupp ta' dokument ta' politika, li jinkorpora il-lezzjonijiet ewlenin li ħarġu mill-esperjenza li diġà teżisti f'dan il-qasam, ikun ukoll għodda utli ħafna għal titjib kontinwu.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

19.4.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

33

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Pascal Arimont, Franc Bogovič, Victor Boştinaru, Mercedes Bresso, Andrea Cozzolino, Rosa D’Amato, Bill Etheridge, Michela Giuffrida, Krzysztof Hetman, Ivan Jakovčić, Constanze Krehl, Andrew Lewer, Louis-Joseph Manscour, Iskra Mihaylova, Jens Nilsson, Andrey Novakov, Konstantinos Papadakis, Mirosław Piotrowski, Stanislav Polčák, Julia Reid, Monika Smolková, Ruža Tomašić, Ramón Luis Valcárcel Siso, Monika Vana, Matthijs van Miltenburg, Lambert van Nistelrooij, Derek Vaughan, Kerstin Westphal

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Petras Auštrevičius, Daniel Buda, Salvatore Cicu, Viorica Dăncilă, Andor Deli, Ivana Maletić, Maurice Ponga, Davor Škrlec

  • [1]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.
  • [2]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289.
  • [3]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 470.
  • [4]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259.
  • [5]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 303.
  • [6]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 281.
  • [7]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487.
  • [8]  Testi adottati, P7_TA(2014)0002.
  • [9]  Testi adottati, P8_TA(2015)0308.