RAPPORT dwar ir-Rapport 2015 tal-UE dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp

2.5.2016 - (2015/2317(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp
Rapporteur: Cristian Dan Preda


Proċedura : 2015/2317(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0165/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-Rapport 2015 tal-UE dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp

(2015/2317(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jsostni mill-ġdid li l-Unjoni għandha tqis l-objettiv tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp fl-implimentazzjoni tal-politiki li x'aktarx jolqtu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li jiddikjara li l-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali għandha tkun iggwidata mill-prinċipji li ispiraw il-ħolqien, l-iżvilupp u t-tkabbir tagħha, u li tipprova tippromwovi fil-bqija tad-dinja: id-demokrazija, l-istat ta' dritt, l-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u s-solidarjetà, u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dritt internazzjonali.

–  wara li kkunsidra l-paragrafi 9 u 35 tad-dikjarazzjoni konġunta tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri li ltaqgħu fil-Kunsill, tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni dwar il-Politika għall-Iżvilupp tal-Unjoni Ewropea bit-titolu 'Il-Kunsens Ewropew'[1],

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet suċċessivi tal-Kunsill, ir-rapporti biennali tal-Kummissjoni u r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament assoċjati mal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, u b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2014 dwar ir-Rapport 2011 tal-UE dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp[2],

–  wara li kkunsidra l-ħames rapport biennali tal-Kummissjoni dwar il-koerenza tal-politika għall-iżvilupp, partikolarment id-Dokument ta' Ħidma tagħha dwar il-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp, ippubblikat f'Awwissu 2015 (SWD(2015)0159),

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, adottata waqt is-Summit dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tan-NU fi New York fl-2015, li jinkludi mira li "tissaħħaħ il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp sostenibbli" (il-mira 17.14)[3],

–  wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp ta' Diċembru 2005,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' eżitu tar-Raba' Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna ta' Diċembru 2011 dwar Sħubija għall-Kooperazzjoni Effettiva għall-Iżvilupp,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8–0165/2016),

A.  billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-ħames rapport biennali tal-KE dwar il-koerenza tal-politika għall-iżvilupp, adottat f'Ottubru 2015, enfasizzaw li l-koerenza tal-politika għall-iżvilupp ser tkun parti importanti mill-kontribut tal-UE lejn il-kisba tal-għan usa' tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp sostenibbli;

B.  billi l-adozzjoni ta' Aġenda ta' Żvilupp Sostenibbli għall-2030 tippreżenta sfida ġdida għall-kisba tal-koerenza tal-politika għall-iżvilupp, peress li tistabbilixxi sett uniku u universali ta' għanijiet ta' żvilupp applikabbli għal kulħadd;

C.  billi l-UE trid tkun ta' eżempju fil-promozzjoni tal-koerenza tal-politika għall-iżvilupp;

D.  billi 1.5 biljun persuna għadhom jgħixu fil-faqar bi privazzjoni fil-qasam tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-istandards tal-għajxien; billi l-maġġoranza ta' dawn huma nisa;

E.  billi l-ispazju fiskali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw huwa mrażżan de facto mir-rekwiżiti tal-investituri globali u mis-swieq finanzjarji; billi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw qed joffru bosta inċentivi u eżenzjonijiet fiskali biex jattiraw jew iżommu lill-investituri, u dawn qed iwasslu għal kompetizzjoni fiskali dannuża u għal "ġirja lejn l-aktar livell baxx";

F.  billi l-UE għandha responsabilità diretta u storika fin-negozjati tagħha mal-pajjiżi sħab;

G.  billi l-qafas Ewropew attwali tal-iżvilupp huwa nieqes minn mekkaniżmi effettivi biex jevitaw u jirremedjaw l-inkoerenzi li jirriżultaw mill-politiki mmexxija mill-Unjoni;

Il-koerenza tal-politika għall-iżvilupp fil-qafas tal-Aġenda 2030

1.  Itenni li l-koerenza tal-politika għall-iżvilupp hija element prinċipali biex titwettaq u tinkiseb l-aġenda l-ġdida tal-iżvilupp sostenibbli; jitlob li tittieħed azzjoni proattiva bbażata fuq fehim komuni tal-koerenza tal-politika għall-iżvilupp; jindika li l-approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem għandu jwassal għal fehim aktar profond tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, billi jekk ma jiġux indirizzati l-ostakli għall-kisba tad-drittijiet ma jista' jkun hemm l-ebda progress lejn l-iżvilupp sostenibbli u l-qerda tal-faqar; huwa tal-fehma li l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp għandha tikkontribwixxi għall-istabbiliment tal-istat tad-dritt, għal istituzzjonijiet imparzjali u biex tiġi ttrattata l-isfida ta' governanza tajba fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

2.  Jiddispjaċih li, għalkemm il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp kienet approvata fid-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-NU[4], it-Trattat ta' Lisbona u l-Forum ta' Busan dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna[5], ftit li xejn sar progress dwar l-implimentazzjoni konkreta tagħha;

3.  Jitlob li fl-UE jsir dibattitu dwar il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp fil-qafas tal-Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli 2030 u s-17-il Għan ta' Żvilupp Sostenibbli universali u indiviżibbli tagħha, sabiex nifhmu aħjar kif il-kunċett jista' jaqbel mal-kunċett aktar universali tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp sostenibbli;

4.  Ifakkar li l-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli japplikaw kemm għall-pajjiżi żviluppati kif ukoll għal dawk li qed jiżviluppaw u li l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli għandhom jiġu integrati b'mod komprensiv fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE kemm fil-livell intern kif ukoll fil-livell estern; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati proċessi ta' governanza li jippromwovu l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp fil-livell globali, u jitlob li l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp tiddaħħal bħala kwistjoni ewlenija fid-dibattiti tal-UE dwar il-politiki li jmiss dwar l-Istrateġija Globali l-ġdida u l-QFP;

Il-mekkaniżmi ta' koerenza tal-politiki għall-iżvilupp

5.  Jitlob li l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp tiġi diskussa fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew sabiex jitrawwem dibattitu interistituzzjonali li jinvolvi lill-Kummissjoni, lis-SEAE, lill-Kunsill, u lill-Parlament, kif ukoll dibattitu fil-livell nazzjonali;

6.  Jipproponi li, bi tħejjija għal dak is-summit, il-Kummissjoni u s-SEAE jindirizzaw rakkomandazzjonijiet konkreti lill-kapijiet ta' stat u ta' gvern tal-UE dwar mekkaniżmi effettivi ta' operazzjonalizzazzjoni tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp u ta' integrazzjoni tal-istrateġiji tal-UE sabiex jiġu implimentati aħjar l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, u dwar kif għandhom jiġu definiti b'mod aktar ċar ir-responsabilitajiet ta' kull istituzzjoni tal-UE biex jintlaħqu l-impenji tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp; jemmen li dan il-proċess għandu jkun trasparenti u inklużiv kemm jista' jkun, billi jinvolvi lill-gvernijiet lokali u reġjonali, lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lil gruppi ta' riflessjoni;

7.   Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien ta' grupp ta' Kummissarji involuti fir-relazzjonijiet esterni; jitlob li jsir rappurtar regolari dwar il-ħidma ta' dan il-grupp mill-VP/RGħ lill-Kumitat għall-Iżvilupp;

8.  Iqis li l-mekkaniżmi ntużaw minn xi delegazzjonijiet tal-UE biex jipprovdu feedback lill-Kummissjoni dwar ir-Rapport għall-2015 tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp għandhom jiġu estiżi għad-delegazzjonijiet kollha tal-UE, u li dan għandu jsir eżerċizzju annwali; jistieden lid-delegazzjonijiet tal-UE jiżguraw li l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp tkun fl-aġenda tal-laqgħat bilaterali u laqgħat tal-assemblej konġunti rispettivi, kif ukoll tal-laqgħa annwali tal-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-UE fi Brussell;

9.  Jilqa' l-pakkett ta' Regolamentazzjoni Aħjar, li ġie adottat mill-Kummissjoni fid-19 ta' Mejju 2015; jilqa' wkoll il-fatt li l-koerenza tal-politika għall-iżvilupp tissemma b'mod speċifiku bħala rekwiżit legali fl-Istrument 30 tal-Linji Gida għal Regolamentazzjoni Aħjar (COM(2015)0215);

10.  Jiddispjaċih mill-fatt li għalkemm il-valutazzjonijiet tal-impatt jirrappreżentaw għodda importanti għall-kisba tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, il-valutazzjonijiet ta' impatti tal-iżvilupp għadhom ftit u ma jindirizzawx kif jixraq l-impatt potenzjali fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jittama li l-Pakkett ta' Regolamentazzjoni Aħjar u l-Linji Gwida tiegħu se jtejbu din is-sitwazzjoni billi jqisu l-iżvilupp u d-drittijiet tal-bniedem fil-valutazzjonijiet tal-impatt kollha u billi jsaħħu t-trasparenza; Jistieden lill-Kummissjoni tikkonsulta b'mod sistematiku lill-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fi stadju bikri tal-proċess tat-tfassil tal-politiki u biex idaħħal fis-seħħ salvagwardji u mekkaniżmi aktar b'saħħithom sabiex jinħoloq bilanċ aħjar tar-rappreżentanza tal-partijiet ikkonċernati; jilqa' l-konsultazzjoni pubblika dwar il-pjan direzzjonali, li toffri opportunitajiet għall-partijiet ikkonċernati esterni, inklużi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw u s-soċjetà ċivili, biex jagħtu l-opinjonijiet tagħhom u jipparteċipaw b'mod attiv; jemmen li jeħtieġ li jsiru valutazzjonijiet ex-post aktar sistematiċi matul l-implimentazzjoni tal-politika tal-UE;

11.  Jemmen li għandu jkun hemm enfasi akbar fuq koordinazzjoni istituzzjonali, sew jekk hi bejn l-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll mal-Istati Membri; Jistieden lill-gvernijiet tal-Istati Membri jintegraw il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp f'att legalment vinkolanti u jiddefinixxu pjan ta' azzjoni għal koerenza politika għall-iżvilupp sostenibbli biex joperazzjonalizzawha; iqis li l-parlamenti nazzjonali għandhom jiġu involuti aktar bis-sħiħ fl-aġenda tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, fil-kuntest tal-kapaċità tagħhom li jirresponsabilizzaw lill-gvernijiet tagħhom u jiskrutinizzaw il-progress f'dan il-qasam;

12.  Jenfasizza r-rwol importanti li għandu jkollu l-Parlament fil-proċess tal-promozzjoni tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp billi jagħtiha l-prijorità fl-aġendi tiegħu, iżid l-għadd ta' laqgħat bejn il-kumitati u bejn il-parlamenti relatati mal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, jippromwovi skambji ta' fehmiet dwar il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp mal-pajjiżi sħab, u jrawwem id-djalogu mas-soċjetà ċivili;

13.  Jinnota li xi Stati Membri stabbilixxew mekkaniżmu effettiv ta' koordinazzjoni interministerjali b'mandat speċifiku dwar il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp sostenibbli; jitlob lill-Istati Membri jsegwu u jiskambjaw l-aħjar prattiki li diġà ġew adottati minn Stati Membri oħra;

14.  Jinnota li l-ipprogrammar konġunt huwa għodda ta' suċċess għall-ippjanar koerenti ta' attivitajiet ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE; jilqa' l-fatt li dan jinkludi l-attivitajiet bilaterali tal-Istati Membri fil-pajjiżi sħab, iżda jiddispjaċih li fil-passat ma rnexxilniex norbtu l-azzjoni tal-UE mal-attivitajiet tal-Istati Membri, u dan wassal għat-telf ta' opportunitajiet għall-isfruttament ta' sinerġiji;

15.  Jirrikonoxxi li l-implimentazzjoni korretta tal-koerenza tal-politika għall-iżvilupp ser tirrikjedi livell adegwat ta' riżorsi u persunal; iħeġġeġ li l-punti fokali tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp fil-ministeri nazzjonali u fid-delegazzjonijiet tal-UE għandhom jingħataw ir-riżorsi meħtieġa biex jistabbilixxu strateġiji nazzjonali u Ewropej dwar il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp;

16.  Jenfasizza r-rwol essenzjali li jaqdu l-parlamenti nazzjonali fl-implimentazzjoni tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp sostenibbli billi jiżguraw l-impenji politiċi, il-monitoraġġ u l-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jirċievu skrutinju perjodiku, u billi jiskrutinizzaw ir-rapporti dwar il-valutazzjonijiet tal-impatt mill-gvernijiet;

17.  Ifakkar fil-proposta tiegħu li jkun hemm mekkaniżmu indipendenti fl-Unjoni li jirċievi l-ilmenti mill-persuni jew il-komunitajiet milquta mill-politiki tal-Unjoni; jirrikonoxxi r-rwol importanti tal-Kumitat għall-Iżvilupp tal-Parlament Ewropew u tar-rapporteur permanenti tiegħu għall-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp biex iwasslu t-tħassib espress mill-membri tal-pubbliku jew mill-komunitajiet milquta mill-politiki tal-UE;

18.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tinvesti aktar riżorsi f'analiżi bbażata fuq l-evidenza dwar il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika l-inkoerenzi mingħajr dewmien u tipproduċi analiżi tal-ispejjeż tagħhom, kif ukoll biex tiżviluppa mekkaniżmi ta' monitoraġġ u traċċar tal-progress adegwat dwar il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tinkludi fl-analiżi tagħha proposti dwar kif għandhom jiġu evitati u indirizzati l-inkoerenzi bejn il-politiki differenti; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li tittejjeb ir-referenza għall-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp fid-dokumenti ta' pprogrammar;

19.  Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp fil-kuntest tar-reviżjoni tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp u tad-diskussjonijiet dwar il-futur tal-ftehim ta' wara Cotonou;

L-oqsma prijoritarji

Il-migrazzjoni

20.  Jirrikonoxxi li l-UE qed tiffaċċja l-akbar kriżi tar-refuġjati mit-Tieni Gwerra Dinjija 'l hawn; jenfasizza li t-tisħiħ tar-rabta bejn il-migrazzjoni u l-politiki ta' żvilupp hi essenzjali biex jiġu indirizzati l-kawżi oriġinali ta' dan il-fenomenu; jemmen li l-UE għandha tuża l-għodod kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tindirizza l-kriżi, inklużi strumenti ta' sigurtà u dawk diplomatiċi; jenfasizza li r-reazzjoni għall-kriżi tar-refuġjati m'għandhiex tiffoka biss fuq kwistjonijiet ta' sigurtà u li l-objettivi ta' żvilupp għandhom jiġu integrati aħjar sabiex il-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni ssir kompatibbli ma' dawk li jfittxu li jnaqqsu l-faqar; jenfasizza li l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp tirrappreżenta parti importanti mill-politika l-ġdida tal-UE dwar il-migrazzjoni; jilqa' l-adozzjoni ta' Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni (COM(2015)0240), li tiżviluppa reazzjoni komprensiva għall-kriżi; jemmen li l-implimentazzjoni tagħha għandha tiġi akkumpanjata minn azzjonijiet konkreti biex tingħata spinta għall-iżvilupp ekonomiku, politiku u soċjali u l-governanza tajba fil-pajjiżi ta' oriġini; jenfasizza l-importanza tar-rimessi bħala sors ta' finanzjament għall-iżvilupp; Jenfasizza l-importanza tal-ftehimiet tal-Istati Membri ma' pajjiżi terzi biex jiġi ffaċilitat il-moviment bla periklu u l-mobilità tal-ħaddiema internazzjonali; iqis li l-programmi u l-baġits ta' għajnuna għall-iżvilupp m'għandhomx jintużaw għal finijiet ta' kontroll tal-migrazzjoni; jenfasizza li kwalunkwe politika ta' migrazzjoni komuni teħtieġ tiffoka fuq rotot legali lejn l-Ewropa u fuq l-akkoljenza tal-migranti;

21.  Jenfasizza li l-UE teħtieġ aktar armonizzazzjoni tal-politiki dwar il-migrazzjoni u l-asil, kemm fl-Unjoni nnifisha kif ukoll mas-sħab internazzjonali tagħha; jissuġġerixxi li politika ta' migrazzjoni u asil tassew effikaċi u olistika għandha tintegra bis-sħiħ il-politiki interni u esterni tal-UE, b'mod partikolari fl-istrutturi ta' ħidma tal-UE; jenfasizza l-importanza li tiġi żviluppata politika unika ta' asil u immigrazzjoni komuni; jitlob li jkun hemm approċċ inklużiv biex jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni li jkun marbut mill-qrib mal-iżvilupp sabiex tinkiseb soluzzjoni sostenibbli għall-kriżi attwali tal-migrazzjoni; ifakkar li n-nisa u l-bniet li huma refuġjati jew migranti huma partikolarment vulnerabbli għall-vjolenza u l-isfruttar sesswali u li l-perspettiva tal-ġeneru għandha tkun integrata fil-politika tal-migrazzjoni tal-UE;

22.  Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex, bil-għan li jsaħħu l-koerenza bejn il-politika ta' migrazzjoni u dik ta' żvilupp, ma jirrappurtawx l-ispejjeż tar-refuġjati bħala għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp, għax dan ikollu kost tal-għażla enormi askapitu ta' programmi ta' żvilupp li jindirizzaw b'mod effettiv il-kawżi bażiċi tal-migrazzjoni;

Il-kummerċ u l-finanzi

23.  Jenfasizza li l-UE u l-Istati Membri tagħha flimkien għadhom l-akbar donaturi tal-Għajnuna għall-Kummerċ fid-dinja (EUR 11.7 biljun fl-2013 – SWD(2015)0128); jissuġġerixxi li l-għajnuna tal-UE għall-kummerċ trid ukoll timmira li ttejjeb il-pożizzjoni tal-produtturi fqar, il-kooperattivi, l-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju, tiffaċilita d-diversifikazzjoni tas-swieq domestiċi, ittejjeb l-ugwaljanza tan-nisa, u żżid l-integrazzjoni reġjonali u t-tnaqqis tal-inugwaljanza fl-introjtu; jilqa' l-għan tal-Kummissjoni li tiffoka aktar fuq id-dispożizzjonijiet relatati mal-iżvilupp ta' ftehimiet kummerċjali; ifakkar fl-impenn tal-Istati Membri li jagħmlu sforzi konkreti biex jilħqu l-mira ta' 0.7 % tal-PNG bħala għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, kif ukoll fir-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi/Kumitat ta' Għajnuna għall-Iżvilupp (OECD/DAC) li tintlaħaq element medju ta' għotja tat-total tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp totali ta' 86 %; jenfasizza li l-ftehimiet kummerċjali għandhom jikkontribwixxu għall-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli, id-drittijiet tal-bniedem u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fid-dinja kollha;

24.  Ifakkar li l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ mhuwiex fih innifsu pożittiv għall-qerda tal-faqar, peress li jista' jkollu effetti negattivi fuq l-iżvilupp sostenibbli;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-għajnuna tal-UE għall-kummerċ fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u biex tagħti dettalji tal-ammonti u s-sorsi tal-finanzjament allokat, kemm fil-Kapitolu 4 tal-baġit tal-UE kif ukoll fil-FEŻ; huwa tal-fehma li tali rapport jipprovdi bażi soda għar-rapporti tal-UE dwar il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, li għandhom jiġu ppubblikati kull sentejn;

26.  Ifakkar li l-mira 17.15 tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġi rrispettat l-ispazju politiku ta' kull pajjiż għall-qerda tal-faqar u l-iżvilupp sostenibbli; itenni d-dritt tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw li jirregolaw l-investiment sabiex jiżguraw obbligi u dmirijiet għall-investituri kollha, inklużi l-investituri barranin, bil-għan li jiġu protetti d-drittijiet tal-bniedem, l-impjieg u l-istandards ambjentali;

27.  Jilqa' l-progress li sar minn meta ġie stabbilit il-Patt dwar is-Sostenibilità tal-Bangladexx, u jitlob lill-Kummissjoni tespandi oqfsa vinkolanti biex tkopri setturi oħra; Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, testendi r-responsabilità soċjali korporattiva u l-inizjattivi dwar id-diliġenza dovuta li jikkumplimentaw ir-regolament eżistenti tal-UE dwar l-injam jew li jikkonċernaw ir-regolament propost tal-UE dwar il-minerali ta' kunflitt għal setturi oħra, biex b'hekk tiżgura li l-UE u n-negozjanti u l-operaturi tagħha jonoraw l-obbligu li jirrispettaw kemm id-drittijiet tal-bniedem kif ukoll l-ogħla standards soċjali u ambjentali;

28.  Ifakkar li l-politika ta' investiment tal-UE, speċjalment fil-każ ta' fondi pubbliċi, trid tikkontribwixxi għat-twettiq tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli; ifakkar fil-bżonn li jiżdiedu t-trasparenza u r-responsabilità tal-istituzzjonijiet ta' finanzjament tal-iżvilupp sabiex jiġu intraċċati u mmonitorjati b'mod effettiv il-flussi, is-sostenibilità tad-dejn u l-valur miżjud fir-rigward tal-proġetti ta' żvilupp sostenibbli tagħhom;

29.  Ifakkar fir-rwol uniku tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp fil-kisba ta' riżultati effettivi ta' żvilupp; jitlob li jiġu protetti l-fokus fuq l-iżvilupp u n-natura tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp, inkluża sistema ta' rappurtar trasparenti u responsabbli; ifakkar li l-għajnuna mhux vinkolanti hija kundizzjoni neċessarja biex jingħataw opportunitajiet lill-atturi soċjoekonomiċi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bħal kumpaniji lokali jew esperti tal-għajnuna teknika, u jirrakkomanda li tingħata spinta lill-użu tas-sistemi ta' akkwist tal-pajjiż li qed jiżviluppaw għall-programmi ta' għajnuna b'appoġġ għal attivitajiet ġestiti mis-settur pubbliku bil-għan li jissaħħaħ is-settur privat lokali;

30.  Ifakkar, madankollu, li l-għajnuna waħidha mhijiex biżżejjed; jemmen li jridu jitqiesu sorsi innovattivi u diversifikati ta' finanzjament, bħal taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, taxxa tal-karbonju, imposta fuq il-biljett tal-ajru, kirjiet minn riżorsi naturali, eċċ., u li dawn għandhom jiġu allinjati mal-prinċipji tal-effikaċja tal-iżvilupp; jemmen li għandha tissaħħaħ il-koerenza bejn il-finanzjament pubbliku, privat, internazzjonali u dak domestiku; jirrikonoxxi, f'dan ir-rigward, ir-rwol essenzjali tas-settur privat; jenfasizza li huwa importanti li jinħolqu l-kundizzjonijiet adegwati għall-intrapriżi privati fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u jiġi promoss l-istabbiliment ta' oqfsa politiċi u legali li jiffaċilitaw l-użu tal-kontijiet bankarji u l-ħolqien ta' infrastrutturi diġitali;

31.  Jemmen li l-politika kummerċjali tal-UE trid tqis ir-realtajiet u s-sitwazzjoni tal-iżvilupp fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, kif ukoll id-dritt tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jistabbilixxu l-istrateġiji ta' żvilupp tagħhom stess; Jenfasizza li ftehimiet kummerċjali u ta' investiment konklużi mill-UE u l-Istati Membri tagħha ma għandhomx jikkompromettu, direttament jew indirettament, l-objettivi ta' żvilupp jew il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż sħab; ifakkar li l-kummerċ ġust u regolat b'mod xieraq bi qbil mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ jista' jkollu l-potenzjal għal żvilupp; jilqa' l-inklużjoni ta' kapitoli dwar il-kummerċ komprensiv u l-iżvilupp sostenibbli fil-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment kollha;

32.  Jistieden lill-UE tistabbilixxi qafas adatt biex jiġi indirizzat kif il-korporazzjonijiet jintegraw id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali; jitlob lill-UE u l-Istati Membri tagħha jkomplu jimpenjaw ruħhom b'mod attiv fil-ħidma tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU sabiex jirresponsabilizzaw lill-kumpaniji għall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem;

33.  Jappoġġja sistema fiskali effiċjenti, ġusta u trasparenti skont il-prinċipji ta' governanza tajba; jilqa' l-pakkett ta' miżuri dwar it-trasparenza tat-taxxa ppreżentat mill-Kummissjoni fit-18 ta' Marzu 2015 u l-Pakkett kontra l-Evitar tat-Taxxa ppreżentat fit-28 ta' Jannar 2016, inkluża l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar strateġija esterna biex tiġi promossa governanza fiskali tajba internazzjonalment; jenfasizza l-importanza li titwettaq valutazzjoni tal-impatt u analiżi tal-effetti konsegwenzjali tal-leġiżlazzjoni fiskali l-ġdida tal-UE, sabiex jiġu evitati l-impatti negattivi fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw; ifakkar li l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi permezz tat-tassazzjoni hija l-aktar sors importanti ta' introjtu għall-finanzjament pubbliku tal-iżvilupp sostenibbli; iħeġġeġ lill-UE tappoġġja lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-bini tal-kapaċitajiet fl-oqsma tal-amministrazzjoni tat-taxxa, il-governanza finanzjarja u l-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, u fil-ġlieda kontra l-flussi finanzjarji illegali; jistieden lill-UE tiżgura li l-korporazzjonijiet iħallsu t-taxxi fil-pajjiżi fejn jiġi estratt jew jinħoloq il-valur minnhom; jenfasizza, għalhekk, ir-responsabilità tal-UE li tippromwovi u toperazzjonalizza globalment il-prinċipju tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp fil-kwistjonijiet dwar it-taxxa; iħeġġeġ lill-UE, f'dan ir-rigward, biex tagħmel ħilitha biex tistabbilixxi korp intergovernattiv ġdid taħt l-awspiċji tan-NU dwar il-kooperazzjoni internazzjonali fil-kwistjonijiet dwar it-taxxa, u biex tipprovdi r-riżorsi meħtieġa biex tippermetti li tali korp jopera b'mod effettiv sabiex il-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikunu jistgħu jipparteċipaw fuq livell indaqs fir-riforma globali tar-regoli internazzjonali eżistenti dwar it-taxxa;

34.  Iqis li l-kooperazzjoni internazzjonali hija essenzjali għall-ġlieda kontra l-flussi finanzjarji illegali u l-evażjoni tat-taxxa, u jistieden lill-UE tinkoraġġixxi aktar kooperazzjoni internazzjonali dwar kwistjonijiet ta' taxxa; jistieden lill-UE tiżgura trattament ġust taċ-ċittadini tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw meta tkun qed tinnegozja trattati dwar it-taxxa skont il-Mudellta' Konvenzjoni dwar it-Tassazzjoni Doppja tan-NU , filwaqt li titqies is-sitwazzjoni partikolari tagħhom u tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta tad-drittijiet tat-tassazzjoni; jilqa' l-impenji li saru waqt il-Konferenza ta' Addis Adaba dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp, li saret f'Lulju 2015, bħar-reviżjoni tal-finanzi għall-iżvilupp multilaterali u l-Inizjattiva Fiskali ta' Addis li tfittex li tgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jibnu s-sistemi ta' riżorsi domestiċi tagħhom; jistieden lill-UE tagħmel użu sħiħ mill-Mudell ta' Konvenzjoni Fiskali tal-OECD, li jinkludi dispożizzjoni fakultattiva għall-assistenza fil-ġbir tat-taxxa;

35.  Jitlob li ssir valutazzjoni tal-impatt tas-sussidji tal-prezz fuq l-esportazzjonijiet, it-tariffi u l-ostakli kummerċjali għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

36.  Ifakkar li l-isforzi biex jiġi żgurat l-aċċess għall-materja prima mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw ma jridux jipperikolaw l-iżvilupp lokali u l-qerda tal-faqar, iżda għandhom pjuttost jappoġġjaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex isarrfu l-ġid minerali tagħhom fi żvilupp reali;

Is-sigurtà alimentari

37.  Jenfasizza li l-kisba ta' sigurtà alimentari dinjija se titlob l-introduzzjoni tal-koerenza tal-politika għall-iżvilupp fil-livelli kollha, b'mod partikolari jekk għandhom jintlaħqu l-miri aktar ambizzjużi tal-Aġenda 2030, jiġifieri li jinqered il-ġuħ u li jintemmu l-forom kollha ta' nutrizzjoni ħażina; jemmen li l-UE għandha tippromwovi l-istabbiliment ta' oqfsa regolatorji robusti bi kriterji ċari li jipproteġu d-drittijiet u s-sigurtà alimentari tal-persuni vulnerabbli;

38.  Jistieden lill-UE tevalwa sistematikament l-impatt tal-politiki agrikoli, kummerċjali u enerġetiċi tal-UE, fost fatturi oħra – bħall-politiki dwar il-bijofjuwil – fuq is-sigurtà alimentari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u fuq l-għajxien tal-persuni l-aktar vulnerabbli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tikkonċentra fuq il-kooperattivi, l-azjendi agrikoli ta' daqs mikro, żgħir u medju u l-ħaddiema agrikoli, u tippromwovi prattiki sostenibbli u agroekoloġiċi b'konformità mal-konklużjonijiet tal-Għarfien, ix-Xjenzi u t-Teknoloġiji Agrikoli għall-Iżvilupp (IAASTD), ir-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-dritt għall-ikel, u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli; ifakkar fil-ħtieġa li jkun żgurat li l-varar tal-miżuri tal-PAK ma jipperikolax il-kapaċità tal-produzzjoni tal-ikel u s-sigurtà tal-ikel fuq medda twila ta' żmien tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jenfasizza li kwistjonijiet sostantivi ta' koerenza politika u impatt għandhom jiġu indirizzati fil-monitoraġġ kontinwu tal-qafas ta' politika tal-UE għas-sigurtà alimentari (COM(2010)0127); jenfasizza li l-UE għandha tappoġġja l-istabbiliment tal-industriji tal-ipproċessar fis-settur agrikolu u t-titjib tat-tekniki għall-ħżin tal-ikel; ifakkar fl-importanza li jitqies l-impatt tal-ftehimiet dwar is-sajd fuq is-sigurtà alimentari tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jikkontribwixxu għall-prevenzjoni tal-ħtif tal-art billi jappoġġjaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-implimentazzjoni tagħhom fil-livell nazzjonali tal-Linji Gwida Volontarji tan-NU dwar il-Governanza Responsabbli tal-Pussess tal-Art, is-Sajd u l-Foresti;

Is-Saħħa

39.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-baġit ta' finanzjament tagħhom jipprijoritizzaw l-istabbiliment ta' sistemi tas-saħħa sodi, il-bini ta' infrastrutturi tas-saħħa sostenibbli u l-provvediment ta' servizzi bażiċi u kura ta' kwalità; jistieden lill-UE tappoġġja l-istabbiliment ta' kopertura universali tas-saħħa li tiggarantixxi l-mutwalizzazzjoni tar-riskji tas-saħħa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

It-tibdil fil-klima

40.  Jitlob li jkun hemm azzjoni determinata mill-UE, l-Istati Membri tagħha u s-sħab kollha internazzjonali biex jimplimentaw il-ftehim reċenti dwar il-klima COP21/Pariġi; jenfasizza li l-UE u pajjiżi żviluppati oħra jridu jkomplu jappoġġjaw azzjonijiet favur l-ambjent biex jitnaqqsu l-emissjonijiet u tinbena r-reżiljenza għall-impatti tat-tibdil fil-klima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u b'mod partikolari fil-pajjiżi l-anqas żviluppati; ifakkar fl-importanza kruċjali tal-provvista ta' finanzjament adegwat fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima f'dan il-kuntest; jappoġġja l-proċess ta' tranżizzjoni tal-enerġija tal-UE u l-bidla lejn l-enerġija rinnovabbli f'dan ir-rigward; jisħaq fuq il-fatt li, jekk il-limitazzjoni tat-tisħin globali għal ferm anqas minn 2°C ma tirnexxix, dan jista' jimmina l-kisbiet fil-qasam tal-iżvilupp; jistieden lill-UE tassumi rwol proattiv fl-indirizzar tal-isfida klimatika dinjija billi tistabbilixxi prijoritajiet strateġiċi fil-livelli kollha u fis-setturi kollha, u biex tfassal u timplimenta miri ġodda vinkolanti dwar il-klima, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-enerġija rinnovabbli b'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi;

41.  Jirrikonoxxi li l-finanzjament privat fil-kuntest tal-finanzjament għall-klima ma jistax jissostitwixxi l-finanzjament pubbliku; jenfasizza l-ħtieġa ta' rappurtar u kontabilità trasparenti u li tkun żgurata l-implimentazzjoni tas-salvagwardji rilevanti fil-qasam soċjali u ambjentali fir-rigward tal-finanzjament tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

Il-ġeneru

42.  Jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016–2020 tal-UE u jinkoraġġixxi l-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-objettivi tiegħu fl-azzjoni esterna kollha tal-UE, inkluż fi proġetti ffinanzjati mill-UE fil-livell tal-pajjiżi; jistieden ukoll lill-UE tintegra b'mod effettiv il-perspettiva tal-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa fil-politiki kollha tagħha, inkluż fil-baġits, u biex tiżgura li l-politiki esterni tagħha jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni, inkluż kontra l-persuni leżbjani, gay, bisesswali u transġeneru;

Is-sigurtà

43.  Jirrikonoxxi li mingħajr sigurtà ma jista' jkun hemm ebda żvilupp sostenibbli jew qerda tal-faqar; jirrikonoxxi, barra minn hekk, li din ir-rabta bejn is-sigurtà u l-iżvilupp hija element importanti biex tiġi żgurata l-effikaċja tal-azzjoni esterna tal-UE;

44.  Jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati l-koerenza tal-politiki u l-koordinament bejn l-azzjoni esterna tal-UE u l-politiki fil-qasam tas-sigurtà, id-difiża, il-kummerċ, l-għajnuna umanitarja, il-migrazzjoni u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp; jiġbed l-attenzjoni għall-isfida ta' governanza tajba fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jinsisti li l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp għandha tikkontribwixxi għall-istabbiliment tal-istat tad-dritt u ta' istituzzjonijiet imparzjali, kif ukoll għat-tisħiħ ta' azzjonijiet li jwasslu għad-diżarm u jiżguraw il-kura tas-saħħa pubblika u s-sigurtà alimentari, u politiki relatati li jiżguraw is-sigurtà u l-iżvilupp;

45.  Jistieden lill-UE ssaħħaħ il-kapaċitajiet tagħha għal prevenzjoni u reazzjoni bikrija f'każ ta' kriżijiet biex tqawwi s-sinerġiji bejn il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) u strumenti ta' żvilupp, u jsibu bilanċ bejn reazzjonijiet fuq medda qasira ta' żmien għal kriżijiet u strateġiji ta' żvilupp fit-tul; jissuġġerixxi li jinħoloq strument ġdid iddedikat għall-iżvilupp u s-sigurtà li jista' jnaqqas l-inkoerenzi u jżid l-effiċjenza tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp; jenfasizza li dan l-istrument m'għandux ikun iffinanzjat permezz tal-istrumenti eżistenti għall-iżvilupp, iżda permezz ta' approprjazzjonijiet ġodda fil-baġit; jitlob li l-prijoritajiet u l-politiki tar-reġjuni u l-pajjiżi kkonċernati jiddaħħlu fit-tħejjija tal-istrateġiji tal-UE għas-sigurtà u l-iżvilupp; jilqa' l-użu tal-Qafas Politiku għal Approċċ għal Kriżijiet bħala għodda importanti biex ikun hemm fehim komuni bikri f'każ ta' kriżijiet; jitlob li tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn il-Kummissjoni, is-SEAE u l-Istati Membri sabiex issir analiżi komprensiva li tippermetti għażla infurmata bejn l-azzjonijiet tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) u dawk mhux tal-PSDK fit-trattament ta' kriżi;

46.   Jemmen li l-Istrateġija għas-Sigurtà u l-Iżvilupp fis-Saħel[6], kif ukoll il-Forza ta' Azzjoni Rapida Afrikana u l-Pjan ta' Azzjoni Reġjonali għas-Saħel 2015–2020[7] , huma eżempji tajbin ta' implimentazzjoni b'suċċess tal-approċċ komprensiv tal-UE, li jiġbor flimkien b'mod effettiv ir-reazzjonijiet għas-sigurtà, l-iżvilupp u l-governanza;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jtejbu r-rabtiet bejn l-għajnuna umanitarja, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u r-reżiljenza għad-diżastri sabiex ikun possibbli li jkun hemm reazzjoni aktar flessibbli u effikaċi għall-ħtiġijiet li qed jiżdiedu;

o

o  o

48.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

NOTA SPJEGATTIVA

Il-ħames rapport biennali tal-Kummissjoni Ewropea (KE) dwar il-koerenza tal-politiki għall-Iżvilupp (koerenza tal-politiki għall-iżvilupp) ġie ppubblikat f'Awwissu 2015, ftit qabel ma s-Summit tan-NU ta' Settembru fi New York adotta formalment l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, li tinkludi l-għan li "tissaħħaħ il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp sostenibbli" (il-mira 17.14)[1]. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-ħames rapport biennali tal-KE dwar il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, adottat f'Ottubru 2015, enfasizzaw li l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp se tkun parti importanti mill-kontribut tal-UE lejn il-kisba tal-għan aktar wiesgħa ta' koerenza tal-politiki għall-iżvilupp sostenibbli; Filwaqt li l-UE kemm-il darba rriaffermat l-impenn politiku tagħha għall-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, l-isfida li għadha qed taffaċċja l-Unjoni hija kif dan l-impenn jista' jiġi implimentat fil-prattika.

Ir-rapporti preċedenti tal-Parlament Ewropew kellhom rwol ewlieni biex il-kunċett tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp jitmexxa 'l quddiem billi jiġi istituzzjonalizzat rapporteur permanenti għall-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp fil-Kumitat għall-Iżvilupp, li tafferma li l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp hija kwistjoni li għaliha l-PE huwa politikament responsabbli (fir-rwol tiegħu ta' koleġiżlatur u istituzzjoni eletta b'mod demokratiku), u jressaq proposti konkreti ulterjuri biex il-kunċett jiġi operazzjonalizzat fil-livell tal-UE.

Minbarra li jieħu kont tal-progress irrappurtat mill-Kummissjoni Ewropea u l-identifikazzjoni ta' oqsma għat-titjib tal-mekkaniżmi eżistenti tal-UE dwar il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, dan ir-rapport għandu l-għan li jiftaħ id-dibattitu dwar il-futur ta' dan il-kunċett fil-livell tal-UE.

1. Evalwazzjoni tal-mekkaniżmi tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp

Il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp sostenibbli u l-Aġenda 2030

Il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp dehret għall-ewwel darba fl-aġenda politika tal-UE fil-bidu tas-snin 90, u ġiet istituzzjonalizzata bit-Trattat ta' Maastricht fl-1992. Madankollu, kien biss fl-2005 li l-UE qablet dwar aġenda ambizzjuża tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, li wara ġiet stabbilita fermament fl-Istrateġija tal-UE tal-2005 dwar il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp. Sadanittant, l-adozzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju serviet ta' katalist għal din l-evoluzzjoni, billi deher ċar li biex jinkisbu dawn l-għanijiet kien hemm bżonn aktar minn sempliċi għajnuna għall-iżvilupp fit-tul, u li se jkun hemm bżonn ta' sinerġiji estensivi bejn il-politiki għall-iżvilupp u dawk mhux għall-iżvilupp tal-UE. It-Trattat ta' Lisbona, li daħal fis-seħħ fl-2009, tenna l-obbligu legali tal-UE biex tkompli taħdem favur il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp u kompliet issaħħaħ il-fokus ġenerali fuq il-kisba tal-konsistenza bejn il-politiki interni u esterni tal-UE.

Filwaqt li l-iżgurar li l-politiki fil-pajjiżi żviluppati huma "favur l-iżvilupp" u "li ma jagħmlux ħsara" lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jibqgħu ta' importanza ewlenija, hemm kunsens dejjem akbar dwar il-ħtieġa li nimxu lil hinn minn dan il-mudell. Il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp evolviet f'rekwiżit li tfittex is-sinerġiji bejn il-kooperazzjoni fl-iżvilupp u l-politiki oħrajn, kif ukoll biex tikkoreġi l-inkonsistenzi eżistenti.

Bl-adozzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, fis-sena 2015 kien hemm mument ieħor ewlieni fl-evoluzzjoni tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp. L-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli se jeħtieġu approċċ aktar integrat għat-tfassil tal-politika, b'enfasi akbar fuq il-koerenza: il-kisba tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp se jkollha impatt qawwi ħafna fuq l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli. Filwaqt li l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp oriġinat minn kuntest bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar, li jenfasizza r-responsabilitajiet tal-pajjiżi "żviluppati għonja" lejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw "foqra", l-adozzjoni tal-Aġenda 2030 tikkontesta din il-viżjoni billi tistabbilixxi sett uniku u universali ta' għanijiet ta' żvilupp applikabbli għal kulħadd, li jegħleb il-paradigma donatur-benefiċjarju.

L-UE għandha, għaldaqstant, taqdi rwol ewlieni fil-promozzjoni ta' aġenda universali għall-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp li tmexxi 'l quddiem il-kunċett lejn l-iżvilupp sostenibbli. Filwaqt li organizzazzjonijiet oħrajn bħall-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi ħaddnu l-kunċett ta' koerenza tal-politiki għall-iżvilupp sostenibbli, l-UE għadha trid tieħu pożizzjoni ċara. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-ħames rapport biennali tal-KE, adottati f'Ottubru 2015, inkarigaw lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex, f'konsultazzjoni mill-qrib ma' sħab oħra, jippreżentaw proposti konkreti dwar kif l-aħjar tiġi integrata l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp fil-mod kif l-UE tindirizza l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030. Il-Parlament għandu jiġi involvut fil-qalba ta' dan l-isforz.

Il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp għadha ma tinftehimx sew internazzjonalment; fil-parti l-kbira għadha kunċett Ewropew. L-UE u l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi huma minn ta' quddiem fid-dibattitu dwar il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp. F'dinja dejjem iktar interkonnessa, jeħtieġ li naħdmu lejn approċċ komuni sabiex il-kunċett isir aktar universali. Ma nistgħux niksbu progress reali fl-integrazzjoni tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp fl-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli jekk l-atturi internazzjonali ewlenin l-oħrajn (l-Istati Uniti, il-Ġappun, u l-pajjiżi BRIC) mhumiex familjari mal-kunċett. Il-Parlament għandu, għalhekk, jitlob li jsir dibattitu tal-UE dwar il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp fil-qafas tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, biex jara kif il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp tista' ssir parti mill-kunċett aktar universali tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp sostenibbli.

Mekkaniżmi ta' koerenza tal-politika għall-iżvilupp

Mill-2005 'l hawn, l-UE daħħlet fis-seħħ għadd ta' għodod ewlenin biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effiċjenti u sistematika tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp permezz ta' politiki tal-UE. Irridu nsibu mod aħjar kif nużaw dawn l-għodod. L-implimentazzjoni tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp għadha pjuttost diffiċli għall-UE, minħabba li tinvolvi l-bini ta' sinerġiji bejn il-politiki, kemm orizzontalment (bħall-kummerċ, l-agrikoltura u l-migrazzjoni), kif ukoll vertikalment (fil-livelli globali, reġjonali u nazzjonali). Waħda mill-isfidi ewlenin tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp fl-UE hija kif nistgħu nilħqu oqsma ta' politika oħrajn, barra il-pubbliku speċifiku tal-atturi fl-iżvilupp.

Ir-rapport tal-Kummissjoni fih innifsu huwa għodda utli biex titqajjem kuxjenza dwar il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, iżda r-rapport ikun aktar utli jekk il-progress tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp jiġi indirizzat b'mod aktar analitiku. Ir-rapport għandu jkun fih rakkomandazzjonijiet konkreti dwar kif jistgħu jiġu indirizzati l-isfidi tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp bħala parti integrali minnu. Li titqajjem kuxjenza dwar il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp għandha wkoll tkun ir-responsabilità tal-mexxejja tal-UE, minħabba li hi kwistjoni politika ħafna. Għalhekk, ir-rapporteur jitlob biex issir laqgħa tal-Kunsill Ewropew dwar il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp qabel il-pubblikazzjoni tar-rapport tal-Kummissjoni li jmiss fl-2017. Summit Ewropew dwar il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp għandu jservi żewġ objettivi prinċipali: li jqajjem kuxjenza dwar il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp billi jrawwem dibattitu interistituzzjonali fl-UE (il-Kummissjoni, is-SEAE, il-Kunsill, il-PE) u fil-livell nazzjonali (il-ministeri kollha). Bi tħejjija għas-summit, il-Kummissjoni u s-SEAE għandhom jipprovdu dokument lill-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern tal-UE b'rakkomandazzjonijiet konkreti dwar kif għandha titħaddem l-implimentazzjoni tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp. Dan il-proċess għandu jkun inklużiv bl-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-gruppi ta' riflessjoni. It-tieni objettiv tas-Samit Ewropew dwar il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp ikun li jiġu definiti b'mod aktar ċar ir-responsabbiltajiet ta' kull istituzzjoni tal-UE fil-kisba tal-impenji tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp. Il-Kunsill għandu wkoll rwol fit-tisħiħ tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp billi jressaq il-kwistjoni tas-sajlos mill-qasam tal-iżvilupp u tal-affarijiet barranin għal formazzjonijiet oħrajn tal-Kunsill.

Biex l-implimentazzjoni tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp issir b'mod korrett hemm bżonn ta' biżżejjed riżorsi u persunal. Il-punti fokali tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp fil-ministeri fil-livell nazzjonali u fid-delegazzjonijiet tal-UE għandhom jingħataw ir-riżorsi meħtieġa biex jimplimentaw l-istrateġiji nazzjonali u Ewropej dwar il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp. Il-parti l-kbira tal-punti fokali tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp fid-delegazzjonijiet tal-UE m'għandhomx il-kompetenza legali li jaħdmu esklużivament fuq kwistjonijiet relatati mal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp.

Wara l-pubblikazzjoni tar-Rapport 2013 tal-Kummissjoni dwar il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, diversi għodod ġodda ġew stabbiliti biex itejbu l-implimentazzjoni tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp. Ir-rapporteur jilqa' l-istruttura l-ġdida tal-Kummissjoni ta' Juncker, li taħdem b'mod aktar kolleġġjali b'approċċ transsettorjali u tfassal il-politika b'mod aktar koerenti. Ir-rapporteur jilqa' wkoll il-ħolqien ta' grupp ta' Kummissarji involuti fir-relazzjonijiet esterni, ippresedut mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli. Dan il-grupp ta' Kummissarji huwa eżempju tajjeb tal-bżonn li jkun hemm impenn politiku għall-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp fl-ogħla livell. Il-Parlament għandu jitlob li jsir rappurtar regolari dwar il-ħidma ta' dan il-grupp mill-VP/RGħ lill-Kumitat DEVE.

Innovazzjoni oħra hi r-rwol il-ġdid tad-delegazzjonijiet tal-UE fil-mekkaniżmi ta' rappurtar. Ir-rapport dwar il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp tal-2015 ibbenefika mir-reazzjoni ta' 41 delegazzjoni tal-UE. Dan l-eżerċizzju ta' rappurtar għandu jiġi estiż għad-delegazzjonijiet kollha tal-UE, u jsir eżerċizzju ta' kull sena. It-taħriġ elettroniku tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp għad-delegazzjonijiet huwa wkoll żvilupp pożittiv. Biex jiġu involuti ulterjorment id-delegazzjonijiet tal-UE, mhux biss fir-rappurtar iżda wkoll fl-implimentazzjoni, dan is-suġġett għandu jkun fuq l-aġenda tal-laqgħa annwali tal-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-UE fi Brussell. Il-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-UE għandhom rwol ewlieni x'jaqdu minħabba l-viżjoni komprensiva tagħhom tal-politiki kollha tal-UE f'pajjiżi jew reġjuni speċifiċi, u jistgħu jirrapportaw dwar nuqqasijiet u inkoerenzi - inkluż wara konsultazzjoni ma' atturi lokali bħalma huma l-gvern u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

Ir-rapporteur jilqa' l-Pakkett ta' Regolamentazzjoni Aħjar adottat mill-Kummissjoni Ewropea fid-19 ta' Mejju 2015 (COM(2015)0215). Il-pakkett u s-sett ta' għodod li l-Kummissjoni tuża biex tivvaluta l-impatt tal-politiki tal-UE se jikkontribwixxu b'mod effettiv għall-progress tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, minħabba li l-koerenza se titqies mill-bidu nett taċ-ċiklu tal-politika. Għandna nilqgħu wkoll il-fatt li l-obbligu legali tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp jissemma b'mod speċifiku fl-Għodda 30 tal-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar. Barra minn hekk, il-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar jeħtieġu li l-impatti possibbli fuq id-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi li qed jiżviluppaw jiġu analizzati fl-istadji kollha tat-tfassil u tal-implimentazzjoni ta' politika.

Il-valutazzjonijiet tal-impatt huma għodda importanti għall-kisba tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp. Ir-rapporteur jiddispjaċih li l-valutazzjonijiet ta' impatt fuq l-iżvilupp baqgħu baxxi, u jittama li l-Pakkett ta' Regolamentazzjoni Aħjar u l-Linji Gwida tiegħu se jtejbu s-sitwazzjoni. Il-kejl tal-progress lejn il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, u tal-impatt tiegħu, huma kompitu ta' sfida għall-UE: għandna bżonn intejbu l-approċċ orjentat lejn ir-riżultati, nistabbilixxu miri ta' kwalità u niżviluppaw indikaturi tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp li jkunu aktar ċari. Il-valutazzjoni indipendenti li se tiddaħħal fis-seħħ hija pass pożittiv li se tippermetti l-kisbiet tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp tal-UE jiżdiedu fil-kredibilità tagħhom. Potenzjalment, valutazzjoni indipendenti għandha tissuġġerixxi wkoll għodod ġodda ta' kejl u rappurtar.

L-ipprogrammar konġunt huwa għodda oħra ta' suċċess tal-UE fl-implimentazzjoni tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, waħda li tippermetti l-ippjanar koerenti tal-attivitajiet tal-UE. Ir-rapporteur jilqa' l-fatt li l-ipprogrammar konġunt jinkludi attivitajiet bilaterali tal-Istati Membri tal-UE f'pajjiżi speċifiċi, peress li dan se jikkontribwixxi għall-effiċjenza tal-azzjonijiet tal-UE fuq il-post. Fil-passat, in-nuqqas li azzjoni tal-UE tintrabat ma' attivitajiet fl-Istati Membri wassal għal opportunitajiet mitlufin biex jiġu sfruttati s-sinerġiji.

L-impenn favur il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp min-naħa tal-Istati Membri tal-UE żdied b'mod konsiderevoli mill-2013; rajna żieda fin-numru ta' punti fokali tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp f'ministeri nazzjonali varji. Issa, l-Istati Membri tal-UE jridu jagħmlu sforzi akbar biex jistabbilixxu mekkaniżmi ta' rappurtar marbutin mal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp.

2. Oqsma prijoritarji fokus fuq il-politika esterna tal-UE

Ir-riżoluzzjoni tal-PE dwar il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp għall-2016 tanalizza u tifformula rakkomandazzjonijiet konkreti għal ħames oqsma ta' prijorità (il-kummerċ u l-finanzi, is-sigurtà tal-ikel, it-tibdil fil-klima, il-migrazzjoni u s-sigurtà). Madankollu, ir-rapporteur jipproponi li għandha tiffoka fuq il-politika esterna tal-UE.

Meta wieħed iqis li l-kriżi tar-refuġjati u d-destabilizzazzjoni fil-viċinat tal-UE qed tpoġġi f'dubju l-pedamenti tal-UE nnifishom (pereżempju, is-solidarjetà Ewropea u s-Sistema ta' Schengen), l-azzjoni esterna hija qasam li trid tiffoka fuqha l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp. L-istabbilizzazzjoni tal-viċinat tal-UE għandha tkun prijorità assoluta għall-UE. Sar progress sinifikanti fil-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp applikata għal azzjoni esterna tal-UE minħabba r-rwol ikkombinat tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli (VP/RGħ). L-approċċ komprensiv tal-UE qed isir realtà, anki jekk għadu qed jiffaċċja sfidi serji.

*

* *

L-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tirrappreżenta opportunità unika biex jiġu indirizzati l-isfidi interkonnessi tal-qerda tal-faqar u tal-iżvilupp sostenibbli. Il-koerenza tal-politika għall-iżvilupp tibqa' imperattiv ekonomiku u politiku għall-UE. M'għandhiex għalfejn issir, bħalma qal kummentatur, "missjoni impossibbli"[2], jekk ikun hemm rieda politika, kif ukoll l-applikazzjoni konsistenti u t-titjib kontinwu tal-istrumenti kollha ta' politika tal-UE.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (15.3.2016)

għall-Kumitat għall-Iżvilupp

dwar ir-Rapport 2015 tal-UE dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp
(2015/2317(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Lola Sánchez Caldentey

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Ifakkar li l-kummerċ u l-finanzjament jikkostitwixxu wieħed mill-ħames oqsma ta' prijorità ta' koerenza tal-politiki għall-iżvilupp (PCD); ifakkar li l-politiki esterni kollha tal-UE, inkluż fil-qasam tal-kummerċ u l-investiment, iridu wkoll jiġu allinjati mal-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u jikkontribwixxu għall-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza tal-ġeneru; ifakkar fil-prinċipji msemmija fl-Artikolu 24(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 260/2009; ifakkar fil-fatt li l-PCD taqa' taħt ir-responsabilità tal-pajjiżi żviluppati, iżda, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw ukoll għandhom rwol sinifikanti xi jwettqu biex jiżguraw li tkun effikaċi bis-sħiħ;

2.  Jenfasizza li l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistabbilixxi t-tnaqqis, u, eventwalment, il-qerda tal-faqar, bħala l-objettiv prinċipali tal-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni, u jistabbilixi l-prinċipju tal-PCD, li jeħtieġ li dan il-għan għandu jitqies fil-politiki tal-UE kollha li aktarx jolqtu lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, inkluża l-politika kummerċjali;

3.  Ifakkar, bl-istess mod, fl-impenn tal-UE favur l-integrazzjoni tal-ugwaljanza tal-ġeneru fil-politiki kollha tagħha u l-importanza li jiġi żgurat li l-irġiel u n-nisa jibbenefikaw b'mod indaqs mill-bidliet soċjali, mit-tkabbir ekonomiku u mill-ħolqien ta' impjiegi deċenti, filwaqt li titneħħa d-diskriminazzjoni u jitħeġġeġ ir-rispett tad-drittijiet tan-nisa fid-dinja;

4.  Jappella għall-istabbiliment ta' sħubija ta' żvilupp konġunt UE-Afrika li tiffoka fuq kwistjonijiet strateġiċi bħall-enerġija, il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-innovazzjoni;

5.  Jenfasizza li l-kummerċ għadu kruċjali għat-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp sostenibbli u għen biex mijiet ta' miljuni ta' persuni jinħarġu minn stat ta' faqar; jirrikonoxxi, madankollu, li mhux il-pajjiżi li qed jiżviluppaw kollha gawdew minn tali bidliet pożittivi u li l-pajjiżi l-inqas żviluppati (LDCs) b'mod partikolari jibqgħu emarġinati fil-kummerċ globali;

6.  Ifakkar li l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ ma tridx tkun għan fiha nnifisha, iżda għandha titqies bħala mezz li bih jitrawwem l-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomiji u tas-soċjetajiet; ifakkar li jekk il-kummerċ ġust u regolat b'mod korrett jiġi allinjat mal-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli (SDGs), jista' jkollu l-potenzjal għall-iżvilupp; jappella lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-eżegwibbiltà effettiva tal-SDGs vinkolanti u tinkludi kapitoli dwar l-iżvilupp sostenibbli komprensiv fil-ftehimiet kummerċjali kollha; jenfasizza li sabiex il-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikunu jistgħu jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet ta' kummerċ u ta' investiment, huwa meħtieġ li jibqa' jingħata appoġġ lir-riformi tal-mobilizzazzjoni tad-dħul nazzjonali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, biex tingħatalhom għajnuna biex itejbu l-kapaċità tagħhom li jżidu d-dħul u biex jindirizzaw l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa permezz ta' sostenn għat-tfassil ta' sistemi tat-taxxa effiċjenti, effikaċi, ġusti u trasparenti skont il-prinċipji ta' governanza tajba;

7.  Jenfasizza li l-isforzi għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw biex jimmobbilizzaw ir-riżorsi privati jridu neċessarjament jiġu akkumpanjati minn miżuri għall-ħolqien ta' ambjenti li jiffavorixxu imprenditorija u investiment responsabbli u sostenibbli li jibda bil-qerda tal-korruzzjoni politika u b'tassazzjoni ġusta, effikaċi u trasparenti, akkumpanjata minn azzjoni soda biex tiġi miġġielda l-frodi fiskali, l-evażjoni fiskali u r-rifuġji fiskali; ifakkar li l-politika ta' investiment tal-UE, speċjalment fil-każ ta' fondi pubbliċi, għandha tikkontribwixxi għat-twettiq tal-SDGs; ifakkar fil-bżonn li jiżdiedu t-trasparenza u r-responsabbiltà ta' istituzzjonijiet ta' finanzjament tal-iżvilupp (DFIs), u s-sħubijiet pubbliċi-privati (PPPs) sabiex jitkejlu u jiġu mmonitorjati l-flussi tal-flus, is-sostenibbiltà tad-dejn u l-valur miżjud għall-iżvilupp sostenibbli tal-proġetti tagħhom; jappella lill-UE taħdem lejn kooperazzjoni fiskali internazzjonali aktar mill-qrib kif maqbul mill-G20 u fl-Aġenda ta' Azzjoni ta' Addis Ababa; ifakkar, f'dan ir-rigward, li skemi ta' monitoraġġ bħar-rappurtar skont il-pajjiż għandhom jiġu promossi u applikati b'mod usa';

8.  Ifaħħar lill-UE li hi minn ta' quddiem nett fil-forniment ta' aċċess mingħajr dazju u mingħajr kwota għall-prodotti kollha (ħlief armi u munizzjon) mill-LDCs, permezz tal-inizjattiva "Kollox ħlief Armi" (EBA), bħala parti mill-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (SĠP);

9.  Jirrikonoxxi li, fil-preżent, terz tat-total tal-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) tappoġġa l-ħtiġijiet relatati mal-kummerċ; jistieden lill-UE tibqa' l-mexxej globali fil-forniment ta' appoġġ tal-programmi tal-Għajnuna għall-Kummerċ (AfT) li huma maħsuba biex jgħinu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jaħsdu l-benefiċċji ta' ftehimiet kummerċjali ġodda;

10.  Jilqa' l-impenn li ħadet il-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha "Kummerċ għal Kulħadd", li twettaq analiżi dettaljata tal-effetti potenzjali tal-FTAs il-ġodda fuq l-LDCs, inkluż l-effetti tagħhom fuq it-talba għal prodotti, kwistjonijiet regolatorji u aċċess għas-swieq LDC; jappella lill-Kummissjoni tikkummissjona studji indipendenti u eżawrjenti dwar l-effetti potenzjali ta' ftehimiet ta' kummerċ u ta' investiment fuq pajjiżi li qed jiżviluppaw; jappella wkoll lill-Kummissjoni tressaq miżuri li jiżguraw li l-benefiċċji tal-ftehimiet kummerċjali jaslu għand il-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jappella lill-Kummissjoni tiżgura li l-ftehimiet kummerċjali li jiġu nnegozjati mal-pajjiżi sħab, partikolarment pajjiżi tal-viċinat, ikollhom l-għan espliċitu li jrawmu l-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta' dawk il-pajjiżi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tallinja l-istrumenti kollha tal-UE relatati mal-kummerċ mal-SDGs, inklużi ftehimiet ta' kummerċ ħieles, partikolarment l-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika mal-pajjiżi Afrikani, ftehimiet plurilaterali u multilaterali fl-ambitu tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), l-SĠP, l-Għajnuna għall-Kummerċ, ir-regolamenti tal-UE, u l-istandards internazzjonali u l-kodiċi ta' kondotta, sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ ta' dawn l-istrumenti; iħeġġeġ li dan kollu jitqies meta jiġu indirizzati l-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika u Ftehimiet dwar Prodotti Ambjentali, biex b'hekk jissaħħu b'mod effikaċi l-opportunitajiet pożittivi li joffru għall-iżvilupp sostenibbli;

11.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha biex timxi 'l quddiem fil-fora multilaterali demokratiċi dwar kwistjonijiet kummerċjali fejn il-pajjiżi kollha huma rappreżentati bl-istess mod, u biex tistabbilixxi l-pożizzjoni tagħha bħala difensur tal-interessi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw dwar kwistjonijiet kummerċjali;

12.  Jiddispjaċih li l-livell ta' ambizzjoni muri mill-kapitoli suċċessivi dwar l-iżvilupp sostenibbli (TSD) fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE, spiss ma laħaqx l-ogħla standards; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat monitoraġġ u eżekuzzjoni xierqa tad-dispożizzjonijiet inklużi f'dawn il-kapitoli, u jappella għall-parteċipazzjoni sħiħa tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tas-sħab soċjali f'dan il-qasam, kemm fil-pajjiżi sħab kif ukoll fl-UE;

13.  Jilqa' l-progress li sar mill-istabbiliment tal-Patt dwar is-Sostenibbiltà tal-Bangladesh, filwaqt li jirrikonoxxi li għad fadal sfidi importanti u li jeħtieġ li jiġu indirizzati;

14.  Jappella lill-Kummissjoni tikkunsidra tal-Patt dwar is-Sostenibbiltà tal-Bangladesh bħala eżempju li għandu jiġi segwit u żviluppat aktar fil-futur fir-rigward ta' sitwazzjonijiet simili fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw oħrajn;

15.  Ifakkar fl-impenn tal-Kummissjoni li twettaq Valutazzjonijiet tal-Impatt għas-Sostenibbiltà (SIAs) fir-rigward tan-negozjati kummerċjali kollha; jiddispjaċih li l-SIAs ma sarux fi żmien xieraq; jappella lill-Kummissjoni tikkonkretizza l-impenn tagħha u tiżgura li tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-impatt potenzjali tal-ftehimiet kummerċjali fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

16.  Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jimpenjaw ruħhom biex jiżdied l-appoġġ favur l-Għajnuna għall-Kummerċ (AfT) għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, partikolarment għall-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs), filwaqt li jiġi indirizzat il-kummerċ ġust u etiku fir-reviżjoni li jmiss tal-istrateġija Għajnuna għall-Kummerċ, kif imħabbar fil-Komunikazzjoni "Kummerċ għal kulħadd"; jappella li l-Għajnuna għall-Kummerċ tal-UE u l-assistenza teknika jagħtu s-setgħa lill-produtturi foqra, il-mikroimpriżi u lill-impriżi żgħar, l-intrapriżi u l-kooperattivi mmexxija min-nisa biex tingħata spinta lill-benefiċċji derivati mill-kummerċ għas-swieq lokali u reġjonali;

17.  Huwa tal-fehma li għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-ktajjen ta' valur globalizzat, li l-kundizzjonijiet tax-xogħol u dawk ambjentali għandhom jiġu regolati b'mod ċar f'kull stadju tal-produzzjoni, u li f'dan ir-rigward ir-responsabilità soċjali korporattiva għandha tiġi żviluppata aktar;

18.  Jisħaq fuq l-importanza li jiġi salvagwardjat id-dritt tal-pajjiżi biex jirregolaw u jippreservaw spazju ta' politika sabiex jiġu żviluppati industriji ġodda, skont il-ħtiġijiet speċifiċi tal-pajjiżi sħab, filwaqt li jiġu rispettati l-ftehimiet kummerċjali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-ftehimiet u l-politiki fil-qasam kummerċjali jsostnu lis-setturi ekonomiċi strateġiċi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u ma jxekklux l-isforzi tal-pajjiżi seħab biex iżidu l-valur miżjud nazzjonali sabiex ikunu jistgħu jaġġornaw tul il-ktajjen ta' valur globali, biex jinħolqu impjiegi deċenti fil-livell lokali, tingħata prijorità lill-kontribut tan-nisa għall-iżvilupp ekonomiku, speċjalment f'żoni rurali, bħala elementi essenzjali ta' żvilupp endoġenu; jitlob lill-Kummissjoni tinkludi valutazzjoni ta' dan l-aspett fir-rapporti regolari tagħha dwar l-implimentazzjoni tal-ftehimiet bilaterali;

19.  Jappella lill-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni tal-Pakketti tad-WTO ta' Bali u ta' Nairobi, partikolarment fir-rigward tat-tneħħija tas-sussidji fuq l-esportazzjonijiet agrikoli fil-livell multilaterali, id-deċiżjonijiet ta' benefiċċju speċifiku għall-LDCs u l-Ftehim tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ;

20.  Jappella lill-Kummissjoni tkompli bl-isforzi tagħha biex tagħti appoġġ u tiffaċilita l-aċċess universali għall-mediċini bi prezzijiet raġonevoli, filwaqt li tikseb bilanċ xieraq mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, u tieħu azzjoni politika biex tkompli żżid il-viżibilità tas-saħħa pubblika u l-aċċess universali għall-mediċini fir-relazzjonijiet ta' kummerċ internazzjonali; jappella, għal dan l-għan, lill-Kummissjoni tappoġġa l-għażla ta' Sena Ewropea tas-Saħħa u l-Aċċess għall-Mediċini;

21.  Jenfasizza l-importanza ta' parteċipazzjoni permezz ta' konsultazzjoni wiesgħa u trasparenti tal-parlamenti nazzjonali, tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-partijiet interessati l-oħrajn kemm mill-Istati Membri kif ukoll minn pajjiżi terzi, fin-negozjati, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-ftehimiet u l-politiki ta' kummerċ u investiment;

22.  Jirrikonoxxi l-kontribut tas-settur privat kif ukoll ir-rwol ewlieni tal-UE fil-promozzjoni tar-Responsabilità Soċjali Korporattiva fil-fora internazzjonali; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jippromwovu d-dibattitu multilaterali dwar it-trattati fil-qasam tal-investimenti, jikkunsidraw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Qafas tal-Politika tal-Investiment tal-UNCTAD għall-Iżvilupp Sostenibbli, sabiex jistimolaw aktar investimenti responsabbli, trasparenti u li joffru rendikont, u biex jipparteċipaw b'mod attiv flimkien mal-Kunsill tan-NU tad-Drittijiet tal-Bniedemfil-ħidma tiegħu għal trattat internazzjonali li jkun iżomm lill-korporazzjonjiet transnazzjonali responsabbli għall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, u jfakkar li l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem (il-prinċipji Ruggie - "Protect, Respect, Remedy" (Protezzjoni, Rispett, Rimedju)) għadhom mhumiex implimentati bis-sħiħ fil-politiki tal-UE;

23.  Jappella lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, tħeġġeġ lill-UE u lill-gvernijiet tal-pajjiżi terzi biex jużaw il-politika dwar l-akkwist pubbliku biex jippromwovu l-adeżjoni ma' u r-rispett tal-linji gwida u l-prinċipji tar-Responsabilità Soċjali Korporattiva fost l-impriżi, billi fl-għoti ta' kuntratti ta' akkwist pubbliku, jitqiesu r-riżultati tal-kumpaniji fir-rigward tal-imġiba kummerċjali responsabbli tan-negozju;

24.  Jappella lill-Kummissjoni tistabbilixxi sistemi ta' traċċabilità ta' prodotti u reġistru ta' impriżi tal-UE li pparteċipaw fi proġetti ta' żvilupp tal-UE, sabiex ikun żgurat li l-azzjonijiet tal-impriżi jkunu aktar trasparenti u biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jimmonitorjaw l-azzjonijiet tal-impriżi tal-UE barra mit-territorju tal-UE, filwaqt li fl-istess ħin jiġi ffaċilitat it-tixrid tal-esperjenza fuq skala internazzjonali, u daqstant ieħor importanti, il-viżibilità u l-immaġni pożittiva tal-impriżi tal-UE;

25.  Jappella wkoll lill-Kummissjoni tippromwovi l-ħolqien ta' fora ta' koordinament u laqgħat konġunti għall-impriżiinternazzjonali, awtoritajiet pubbliċi u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi terzi, sabiex jitrawmu skambji ta' prattiki tajba u jiġu stabbiliti sinerġiji li jwasslu għal tkabbir u żvilupp inklużiv.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

15.3.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

31

6

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

William (The Earl of) Dartmouth, Daniel Caspary, Salvatore Cicu, Marielle de Sarnez, Santiago Fisas Ayxelà, Christofer Fjellner, Eleonora Forenza, Karoline Graswander-Hainz, Jude Kirton-Darling, Bernd Lange, Marine Le Pen, David Martin, Emmanuel Maurel, Emma McClarkin, Anne-Marie Mineur, Sorin Moisă, Alessia Maria Mosca, Franz Obermayr, Artis Pabriks, Franck Proust, Tokia Saïfi, Matteo Salvini, Marietje Schaake, Helmut Scholz, Joachim Schuster, Joachim Starbatty, Adam Szejnfeld, Hannu Takkula, Jan Zahradil

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Klaus Buchner, Agnes Jongerius, Frédérique Ries, Fernando Ruas, Pedro Silva Pereira, Jarosław Wałęsa, Pablo Zalba Bidegain

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Angel Dzhambazki, Axel Voss, Tatjana Ždanoka

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

20.4.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

18

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Ignazio Corrao, Nirj Deva, Doru-Claudian Frunzulică, Charles Goerens, Heidi Hautala, Maria Heubuch, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Linda McAvan, Maurice Ponga, Cristian Dan Preda, Lola Sánchez Caldentey, Elly Schlein, Pedro Silva Pereira, Davor Ivo Stier, Bogdan Brunon Wenta, Anna Záborská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Marina Albiol Guzmán, Paul Rübig, Patrizia Toia

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Amjad Bashir