RAPPORT dwar muniti virtwali

3.5.2016 - (2016/2007(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Jakob von Weizsäcker

Proċedura : 2016/2007(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0168/2016
Testi mressqa :
A8-0168/2016
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar muniti virtwali

(2016/2007(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Paper tal-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali dwar Muniti Diġitali ta' Novembru 2015[1],

–  wara li kkunsidra l-publikazzjoni tal-Bank tal-Ingilterra dwar l-ekonomija ta' muniti diġitali (Q3/2014)[2],

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea dwar muniti virtwali ta' Ġunju 2014[3],

–  wara li kkunsidra l-analiżi tal-Bank Ċentrali Ewropew ta' Frar 2015 dwar skemi tal-muniti virtwali[4],

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Frar 2016 biex issaħħaħ il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu[5],

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-Kummissjoni ta' Mejju 2015 dwar id-daqs tad-diskrepanza fil-VAT fl-UE[6],

–  wara li kkunsidra l-istudju taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni dwar l-aġenda diġitali ta' muniti virtwali[7],

–  wara li kkunsidra l-"Guidance for a Risk-Based Approach to Virtual Currencies" (Gwida għal Approċċ Ibbażat fuq ir-Riskju għal Muniti Virtwali) tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja (FATF) ta' Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-12 ta' Frar 2016 dwar il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu[8],

–  wara li kkunsidra s-Sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar it-Trattament tal-VAT ta' Kambju ta' Munita Virtwali (C-264/14)[9], u l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott mogħtija fis-16 ta' Lulju 2015[10],

–  wara li kkunsidra l-konsultazzjoni tal-ESMA ta' Lulju 2015 dwar Investiment bl-użu ta' muniti virtwali jew bit-teknoloġija tar-reġistru distribwit[11],

–  wara li kkunsidra t-tgħarrif tal-EPRS dwar is-suq, l-ekonomija u r-regolamentazzjoni tal-Bitcoin[12],

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Europol "Changes in modus operandi of Islamic State terrorist attacks" tat-18 ta' Jannar 2016[13],

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-FATF ta' Ġunju 2014 dwar Muniti Virtwali[14],

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-OECD bl-isem "The Bitcoin Question - currency versus trust-less transfer technology"[15],

–  wara li kkunsidra n-Nota ta' Diskussjoni tal-Persunal tal-FMI ta' Jannar 2016 dwar Muniti Virtwali u Lil Hinn[16],

–  wara li kkunsidra r-Rapport bl-isem "Distributed Ledger Technology: beyond block chain" tal-2016 mill-Konsulent Xjentifiku Ewlieni, tal-Uffiċċju tal-Gvern għax-Xjenza tar-Renju Unit [17],

–  wara li kkunsidra s-smigħ tal-25 ta' Jannar 2016 tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji dwar muniti virtwali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A8-0168/2016),

A.  billi definizzjoni universali applikabbli għadha ma ġietx stabbilita, iżda l-muniti virtwali (VCs) xi kultant huma msejħa flus diġitali, u l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) tqishom bħala rappreżentazzjoni diġitali ta' valur li la hija maħruġa minn bank ċentrali jew awtorità pubblika u lanqas neċessarjament marbuta ma' munita fiduċjarja, iżda hija aċċettata minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi bħala mezz ta' ħlas, u li jistgħu jiġu ttrasferiti, jinħażnu u jiġu skambjati elettronikament; billi l-VCs huma l-aktar ibbażati fuq it-teknoloġija tar-reġistru distribwit (DLT), il-bażi teknoloġika għal aktar minn 600 skema tal-VC[18], li tiffaċilita l-iskambju bejn il-pari ("peer-to-peer"), bl-aktar waħda prominenti tkun il-Bitcoin; filwaqt li ġiet varata fl-2009 u attwalment għandha sehem fis-suq fost VCs ibbażati fuq id-DLT ta' kważi 90 %, b'valur fis-suq tal-Bitcoins pendenti ta' madwar EUR 5 biljun[19], hi għadha ma laħqitx dimensjonijiet sistematiċi;

B.  billi d-DLT tinkludi bażijiet ta' data b'livelli varji ta' fiduċja u reżiljenza, bil-potenzjal li jipproċessaw numru kbir ta' tranżazzjonijiet b'mod rapidu, u b'kapaċità ta' trasformazzjoni mhux biss fil-qasam tal-VCs iżda wkoll b'mod iktar wiesa' fil-fintech, fejn l-ikklerjar u s-saldu jistgħu jkunu applikazzjoni waħda ovvja, kif ukoll oħrajn lil hinn mill-finanzi, speċjalment fir-rigward tal-prova ta' identità u ta' proprjetà;

C.  billi l-investimenti fid-DLT huma parti integrali miċ-ċiklu ta' innovazzjoni għaddej tal-fintech u sal-lum jammontaw għal aktar minn EUR 1 biljun, kemm minn fond ta' kapital ta' riskju kif ukoll investiment korporattiv[20];

Opportunitajiet u riskji tal-VCs u d-DLT fix-xenarju teknoloġiku tal-ħlasijiet li qed jevolvi b'mod rapidu

1.  Jenfasizza li l-VCs u d-DLT għandhom il-potenzjal li jikkontribwixxu b'mod pożittiv għall-benessri taċ-ċittadini u l-iżvilupp ekonomiku, inkluż fis-settur finanzjarju, permezz ta':

a)  tnaqqis tal-ispejjez operattivi u ta' tranżazzjoni għal pagamenti u speċjalment trasferimenti ta' fondi transfruntiera, possibilment għal ħafna inqas minn 1 %, imqabbla mal-perċentwal tradizzjonali ta' 2 % – 4 % għal sistemi ta' pagament online[21] –, u għal iktar minn medja ta' 7 % għal trasferimenti transfruntiera ta' rimessi[22], għalhekk, bi stima ottimista, potenzjalment jitnaqqsu l-ispejjeż globali għal rimessi totali sa EUR 20 biljun;

b)  tnaqqis, b'mod aktar ġenerali, tal-kost ta' aċċess għall-finanzi anki mingħajr kont bankarju tradizzjonali, u b'hekk jistgħu potenzjalment jikkontribwixxu għall-inklużjoni finanzjarja u għall-"objettiv 5x5" tal-G20 u l-G8[23];

c)  titjieb ir-reżiljenza u, skont l-arkitettura tas-sistema, il-ħeffa tas-sistemi ta' pagament u l-kummerċ ta' prodotti u servizzi grazzi għall-arkitettura deċentralizzata b'mod inerenti tad-DLT, li jistgħu jibqgħu joperaw b'mod affidabbli anke jekk partijiet min-netwerk tagħhom kellhom jiffunzjonaw ħażin jew jiġu aċċessati b'mod illegali;

d)  li jiġu permessi sistemi li jikkombinaw faċilità tal-użu, spejjeż operattivi u ta' tranżazzjoni baxxi u grad għoli ta' privatezza, iżda mingħajr l-anonimità sħiħa sabiex it-tranżazzjonijiet ikunu traċċabbli sa ċertu punt f'każ ta' kondotta ħażina u sabiex it-trasparenza għall-parteċipanti fis-suq b'mod ġenerali tkun tista' tiżdied;

e)  użu ta' tali sistemi biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet ta' mikropagamenti online siguri li jirrispettaw il-privatezza tal-individwi, li eventwalment jista' jissostitwixxi ċerti mudelli ta' negozju online li joħolqu sfida sinifikanti dwar il-privatezza;

f)  li jiġu permessi, potenzjalment, tipi differenti ta' mekkaniżmi ta' pagament tradizzjonali u innovattivi, minn karti ta' kreditu għal soluzzjonijiet mobbli, biex jingħaqdu f'applikazzjoni waħda sigura u faċli għall-utent, li tista' twassal ċerti aspetti ta' kummerċ ekonomiku fl-Ewropa u tapprofondixxi s-Suq Uniku;

2.  Jinnota li mal-VCs u l-iskemi tad-DLT hemm marbuta riskji li jeħtieġ jiġu indirizzati b'mod xieraq sabiex tissaħħaħ il-fiduċja fihom, inkluż fiċ-ċirkostanzi preżenti, bħal:

a)  in-nuqqas ta' strutturi governattivi jew saħansitra definizzjoni ta' tali strutturi li huma flessibbli, iżda reżiljenti u affidabbli, speċjalment f'xi applikazzjonijiet DLT bħal Bitcoin, li toħloq inċertezza u – b'mod aktar wiesa' – problemi għall-protezzjoni tal-utent, speċjalment f'każ ta' sfidi mhux previsti mid-diżinjaturi oriġinali tas-software;

b)  il-volatilità għolja tal-VCs u l-potenzjal għal bżieżaq spekulattivi, u n-nuqqas ta' forom tradizzjonali ta' sorveljanza, salvagwardji u protezzjoni regolatorji, kwistjonijiet li huma partikolarment diffiċli għall-konsumaturi;

c)  il-kapaċità tar-regolaturi li xi drabi tkun limitata fil-qasam ta' teknoloġija ġdida, li tista' tagħmilha diffiċli li jiġu definiti salvagwardji xierqa u fil-ħin, sabiex tiżgura l-funzjonament xieraq u affidabbli tal-applikazzjonijiet DLT meta jew saħansitra qabel ma jikbru tant li jsiru sistematikament rilevanti;

d)  l-inċertezza ġuridika abbinata mal-applikazzjonijiet DLT ġodda;

e)  il-konsum tal-enerġija għat-tħaddim ta' ċerti VCs li, skont ir-rapport tal-Konsulent Xjentifiku Ewlieni tar-Renju Unit dwar id-DLT, fil-każ tal-Bitcoin ġie stmat għal aktar minn 1 GW, li dan isejjaħ għal investimenti fir-riċerka u l-promozzjoni ta' forom aktar effiċjenti ta' mekkaniżmi ta' verifikazzjoni tat-tranżazzjoni;

f)  in-nuqqas ta' dokumentazzjoni teknika trasparenti biżżejjed u aċċessibbli faċilment għall-funzjonament ta' VCs speċifiċi u skemi DLT oħrajn;

g)  sorsi potenzjali ta' instabilità finanzjarja li tista' tkun marbuta ma' prodotti derivattivi bbażati fuq karatteristiċi li ftit li xejn jinftiehmu tal-VCs;

h)  il-limitazzjonijiet fit-tul futuri fuq l-effikaċja tal-politika monetarja jekk l-iskemi VC privati kellhom jintużaw b'mod wiesa' bħala sostituti għal munita fiat uffiċjali;

i)  il-potenzjal għal tranżazzjonijiet tas-suq illeċitu ("black market"), ħasil ta' flus, iffinanzjar tat-terroriżmu[24], il-frodi u l-evażjoni fiskali u attivitajiet kriminali oħra bbażati fuq "psewdonominità" u "taħlit ta' servizzi" li wħud minn dawn is-servizzi joffru u n-natura deċentralizzata ta' xi VCs, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu li t-traċċabilità ta' tranżazzjonijiet fi flus kontanti għandha t-tendenza li tkun ħafna inqas soda;

3.  Jissuġġerixxi li sabiex jiġu indirizzati dawn ir-riskji jeħtieġ kapaċità regolatorja msaħħa, inkluż għarfien espert tekniku, u l-iżvilupp ta' qafas ġuridiku sod li jżomm il-pass mal-innovazzjoni, l-iżgurar ta' rispons f'waqtu u proporzjonat jekk u meta l-użu ta' wħud mill-applikazzjonijiet DLT isiru rilevanti sistematikament;

4.  Jirrimarka, madankollu, li jekk jiġi adottat regolament fi stadju bikri ħafna, jista' ma jiġix adattat għal sitwazzjoni li għadha instabbli u tista' tibgħat messaġġ ħażin lill-pubbliku dwar il-vantaġġi jew is-sigurtà tal-muniti virtwali;

It-tħaddim tad-DLT lil hinn mill-pagamenti

5.  Jinnota li l-potenzjal tad-DLT biex tħaffef, tiddeċentralizza, tawtomatizza u tistandardizza proċessi mmexxija mid-data għandu l-kapaċità li jbiddel b'mod fundamentali l-mod kif l-assi jiġu ttrasferiti u kif jinżammu r-reġistri, b'implikazzjonijiet kemm fis-settur privat kif ukoll f'dak pubbliku, b'dan tal-aħħar ikun ikkonċernat fi tliet dimensjonijiet: bħala fornitur ta' servizz, bħala superviżur u bħala leġiżlatur;

6.  Jirrimarka li l-ikklerjar, is-saldu u proċessi ta' ġestjoni oħrajn ta' wara n-negozju attwalment jiswew lill-industrija finanzjarja globali ħafna aktar minn EUR 50 biljun fis-sena[25], u li dan u l-proċessi ta' rikonċiljazzjoni tal-bank huma oqsma fejn l-użu tad-DLT jista' jirriżulta bħala trasformazzjonali f'termini ta' effiċjenza, ħeffa, u reżiljenza, iżda jqajjem ukoll sfidi regolatorji ġodda;

7.  Jenfasizza l-fatt li, f'dan ir-rigward, ġew stabbiliti diversi inizjattivi minn atturi tas-settur privat, u jistieden lill-awtoritajiet kompetenti, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f'dak nazzjonali, biex jimmonitorjaw inizjattivi bħal dawn;

8.  Jinnota wkoll li d-DLT tista' tiġi wżata biex iżżid il-kondiviżjoni tad-data, it-trasparenza u l-fiduċja mhux biss bejn il-gvern u ċ-ċittadini, iżda wkoll bejn l-atturi fis-settur privat u l-klijenti;

9.  Jirrikonoxxi l-potenzjal tad-DLT li għadu qed jiġi skopert ferm lil hinn mis-settur finanzjarju, inkluż finanzjament parteċipattiv crypto-equity, servizzi ta' medjazzjoni ta' tilwim, b'mod partikolari fis-setturi finanzjarji u ġuridiċi, u l-potenzjal ta' kuntratti intelliġenti flimkien ma' firem diġitali, applikazzjonijiet li jippermettu aktar sigurtà u sinerġiji tad-data bl-iżvilupp tal-Internet tal-Oġġetti;

10.  Jenfasizza d-dinamika li jiġġeneraw it-teknoloġiji blockchain fl-ambjent tan-negozju kif ukoll il-potenzjal tagħhom għal trasformazzjonijiet fl-ekonomija reali fuq perjodu ta' żmien fit-tul;

11.  Jirrikonoxxi l-potenzjal tad-DLT fl-assistenza lill-gvernijiet biex jitnaqqas il-ħasil tal-flus, il-frodi u l-korruzzjoni;

12.  Jinkoraġġixxi aġenziji tal-gvern biex jittestjaw is-sistemi DLT wara li jwettqu analiżi xierqa tal-impatt sabiex tittejjeb il-provvista ta' servizzi liċ-ċittadini u tas-soluzzjonijiet tal-gvern elettroniku, f'konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data tal-UE; jinkoraġġixxi aġenziji tal-gvern biex jevitaw effetti ta' saturazzjoni li jistgħu jkunu marbuta ma' dipendenza fuq skemi DLT propretarji; jirrikonoxxi, b'mod partikolari, il-potenzjal tad-DLT għal titjib f'sistemi tar-reġistrazzjoni tal-art;

13.  Jirrakkomanda li l-aġenziji tal-gvern u l-awtoritajiet kompetenti li għandhom il-kompitu li janalizzaw kwantitajiet kbar ta' data jesploraw l-użu ta' superviżjoni f'ħin reali bbażata fuq DLT u għodod ta' rappurtar bħala parti minn aġenda RegTech fis-settur finanzjarju u lil hinn, inkluż sabiex titnaqqas id-diskrepanza mdaqqsa tal-VAT fl-Unjoni[26];

Regolamentazzjoni intelliġenti lejn it-trawwim tal-innovazzjoni u s-salvagwardja tal-integrità

14.  Jitlob li jkun hemm approċċ regolatorju proporzjonat fil-livell tal-UE sabiex ma tiġix imfixkla l-innovazzjoni jew jiżdiedu magħha spejjeż superfluwi f'dan l-istadju bikri, filwaqt li jittieħdu bis-serjetà l-isfidi regolatorji li l-użu mifrux tad-DLT u l-VCs jistgħu jġibu magħhom;

15.  Jenfasizza s-similaritajiet bejn it-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit (DLT), li tikkonsisti f'sett ta' nodi li jipparteċipaw f'sistema u jikkondividu bażi tad-data komuni, u l-World Wide Web (WWW), definit bħala sett ta' riżorsi globali loġikament interrelatati bil-hyperlinks; jinnota li kemm id-DLT kif ukoll id-WWW huma bbażati fl-internet, sistema globali ta' netwerks tal-kompjuters ċentrali (mainframe), personali u bla fili interkonnessi;

16.  Ifakkar li l-internet, minkejja tentattivi biex jiġi promoss approċċ b'diversi partijiet interessati, għadu mmexxi mill-Amministrazzjoni Nazzjonali tat-Telekomunikazzjonijiet u l-Informazzjoni, aġenzija tad-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti;

17.  Jilqa' l-ħolqien ta' Koalizzjoni Dinamika tat-Teknoloġiji Blockchain fil-Forum ta' Governanza tal-Internet, u jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi governanza kondiviża u inklużiva tad-DLT, sabiex tevita problemi li ġew iffaċċjati preċedentement fl-iżvilupp tal-Internet;

18.  Jinnota li l-leġiżlazzjoni tal-UE ewlenija, bħall-EMIR, is-CSDR, id-DFS, il-MiFID/MiFIR, l-UCITs u l-AIFMD, tista' tipprovdi qafas regolatorju f'konformità mal-attivitajiet imwettqa, irrispettivament mit-teknoloġija li fuqha tkun ibbażata, anke kif VCs u applikazzjonijiet ibbażati fuq DLT jespandu fi swieq ġodda u jestendu l-attivitajiet tagħhom; josserva, madankollu, li tista' tkun meħtieġa aktar leġiżlazzjoni speċifika;

19.  Jilqa' s-suġġerimenti tal-Kummissjoni biex jiġu inklużi pjattaformi ta' skambju tal-VCs fid-Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus (AMLD) sabiex ittemm l-anonimità marbuta ma' tali pjattaformi; jistenna li kwalunkwe proposta f'dan ir-rigward se tkun immirata, ġustifikata permezz ta' analiżi sħiħa tar-riskji assoċjati mal-VCs, u bbażata fuq valutazzjoni tal-impatt dettaljata;

20.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tfassal analiżi komprensiva tal-VCs u, abbażi ta' din il-valutazzjoni, tikkunsidra, jekk xieraq, tirrevedi l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE dwar il-pagamenti, inklużi d-Direttiva dwar il-Kontijiet tal-Pagamenti (PAD), id-Direttiva dwar is-Servizzi ta' Ħlas (PSD) kif ukoll id-Direttiva dwar il-Flus Elettroniċi (EMD), fid-dawl tal-possibbiltajiet il-ġodda offruti minn żviluppi teknoloġiċi ġodda inkluż l-VCs u d-DLT, bil-għan li jissaħħu l-kompetizzjoni u jitbaxxew l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet, inkluż permezz ta' interoperabilità msaħħa u possibilment ukoll permezz tal-promozzjoni ta' portafoll elettroniku universali u nonproprjetarju;

21.  Josserva li diversi muniti virtwali lokali ġew maħluqa fl-Ewropa, mhux biss bħala rispons għall-kriżi finanzjarja u l-problema tal-kriżi tal-kreditu relatati; iħeġġeġ kawtela partikolari meta jiġu definiti muniti virtwali, fil-kuntest ta' kwalunkwe proposta leġiżlattiva futura, bil-għan li jittieħed kont xieraq tal-eżistenza ta' "muniti lokali" ta' natura mingħajr skop ta' qligħ, li ħafna drabi jkollhom funġibilità limitata u li jipprovdu benefiċċji ambjentali u soċjali sinifikanti, u għall-prevenzjoni ta' regolamentazzjoni sproporzjonata f'dan il-qasam, sakemm la jkun hemm evitar u lanqas evażjoni tat-taxxa;

22.  Jitlob għall-ħolqien ta' Task Force DLT orizzontali (TF DLT) taħt it-tmexxija tal-Kummissjoni, li tikkonsisti f'esperti tekniċi u regolatorji, sabiex:

i)  jipprovdu l-għarfien espert tekniku u regolatorju meħtieġ fid-diversi setturi ta' applikazzjonijiet DLT pertinenti, iġibu flimkien lill-partijiet interessati u jappoġġjaw lill-atturi pubbliċi rilevanti fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jimmonitorjaw l-użu tad-DLT fil-livell Ewropew u globali;

ii)  irawmu l-kuxjenza u janalizzaw il-benefiċċji u r-riskji – inkluż għall-utenti finali – tal-applikazzjonijiet DLT sabiex jagħmlu l-aħjar użu mill-potenzjal tagħhom, inkluż billi jimmiraw biex jidentifikaw sett ewlieni ta' attributi ta' skemi DLT favorevoli għall-interess ġenerali, bħal standards nonproprjetarji miftuħa, u billi jidentifikaw standards għall-aħjar prattika fejn tali standards ikunu emerġenti;

iii) jappoġġjaw rispons f'waqtu, infurmat u proporzjonat għall-opportunitajiet u l-isfidi ġodda li jinqalgħu bl-introduzzjoni ta' applikazzjonijiet DLT sinifikanti, inkluż permezz ta' pjan direzzjonali għal passi futuri fil-livell tal-UE u tal-Istat Membri li jkun jinkludi valutazzjoni ta' regolamentazzjoni Ewropea eżistenti, bil-għan li taġġornah b'reazzjoni għall-użu DLT sinifikanti u sistematiku fejn xieraq, u wkoll billi tindirizza l-protezzjoni tal-konsumatur u sfidi sistematiċi;

iv) jiżviluppaw testijiet tal-istress għall-aspetti rilevanti kollha tal-VCs u skemi DLT oħra li jilħqu livell ta' użu li jagħmilhom sistematikament importanti għall-istabbiltà;

23.  Jenfasizza l-importanza ta' għarfien tal-konsumatur, trasparenza u fiduċja meta jintużaw muniti virtwali; jistieden lill-Kummissjoni biex, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-industrija tal-VCs, tiżviluppa linji gwida bil-għan li tiggarantixxi li tkun ipprovduta informazzjoni korretta, ċara u kompleta għall-utenti tal-VC eżistenti u futuri, li tippermettilhom jagħmlu għażla kompletament infurmata u b'hekk tissaħħaħ it-trasparenza tal-iskemi tal-VC f'termini ta' kif jiġu organizzati u mħaddma u kif huma distinti mis-sistemi ta' ħlas li huma rregolati u ssorveljati f'dak li jirrigwarda l-protezzjoni tal-konsumatur;

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

NOTA SPJEGATTIVA

Seba' snin wara t-tnedija ta' Bitcoin, l-ewwel u l-aktar munita virtwali (VC) prominenti, ħareġ ċar li l-innovazzjoni teknoloġika sottostanti, it-teknoloġija tar-reġistru distribwit (DLT), mistennija jkollha impatt sinifikattiv fuq is-settur finanzjarju u lil hinn. Din it-teknoloġija, fil-prinċipju, tippermetti mezz deċentralizzat, rapidu, reżiljenti u pjuttost sigur biex tiġi reġistrata kull xorta ta' tranżazzjoni flimkien mal-istorja tat-tranżazzjonijiet preċedenti f'"reġistru distribwit". L-investiment fid-DLT qed jiżdied u ċerti applikazzjonijiet jistgħu jsiru sistematiċi b'mod rapidu. Filwaqt li għad hemm xi mistoqsijiet dwar il-kamp ta' applikazzjoni ta' din it-trasformazzjoni teknoloġika li għaddejja, l-opportunitajiet konsiderevoli u r-riskji mhux negliġibbli involuti jagħmlu r-rapport mill-Parlament Ewropew dwar il-VC u d-DLT inizjattiva f'waqtha.

Ix-xenarju teknoloġiku li qed jevolvi b'rata mgħaġġla

L-opportunitajiet ewlenin tal-VCs u d-DLT fil-qasam tal-pagamenti jirrelataw ma' tnaqqis fl-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet u l-faċilità tal-użu filwaqt li jipprovdu reżiljenza u livelli varji ta' privatezza. F'dan il-kuntest, ta' min jinnota li l-ispejjeż tat-tranżazzjoni għall-pagamenti jibqgħu għoljin b'mod sorprendenti. Bħala medja, aktar minn 7 fil-mija tar-rimessi transfruntiera jiġu assorbiti mill-ispejjeż tat-trasferiment, li kemm il-G20 kif ukoll il-G8 impenjaw ruħhom li jnaqqsu b'mod sinifikanti. Iżda spejjeż ta' tranżazzjoni aktar kompetittivi jistgħu jinkisbu wkoll permezz tas-suq uniku. Fil-perjodu medju, il-kompetizzjoni tista' tissaħħaħ aktar permezz tal-introduzzjoni ta' portafoll uniku nonproprjetarju u interoperabbli.

Madankollu, ħafna mill-potenzjal tad-DLT x'aktarx jiżviluppa lil hinn mis-settur tal-pagament. Fir-rapport, il-ġestjoni ta' wara n-negozjar hija msemmija bħala każ ta' użu manifestat tad-DLT fis-settur privat. B'mod aktar ġenerali, l-applikazzjonijiet huma mistennija joħorġu f'oqsma fejn l-affidabilità, il-prova tal-identità u s-sjieda u l-istandardizzazzjoni huma importanti: kuntratti intelliġenti, trasferimenti ta' proprjetà intellettwali, ġestjoni tal-katina tal-provvista u għadd ta' servizzi tal-gvern. Pereżempju, bħala parti minn aġenda RegTech, qed jiġi esplorat il-potenzjal li jitnaqqas id-distakk tal-VAT li bħalissa huwa EUR 168 biljun permezz tad-DLT[1].

Bħal kull opportunità, ir-riskji relatati mal-VCs u d-DLT se joħorġu biss b'mod ċar meta l-użu tagħhom isir aktar mifrux. Iżda xi riskji sinifikanti diġà saru evidenti, pereżempju l-abbuż ta' ċerti applikazzjonijiet għall-kondotta kriminali, fosthom il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu[2]. Apparti dan, peress li d-DLT x'aktarx se tintuża f'għadd ta' oqsma sistemiċi, il-funzjonament korrett u r-reżiljenza ta' sistemi bħal dawn jeħtieġ tiġi aċċertata abbażi ta' governanza tajba u strutturi superviżorji. Barra minn hekk, kwistjonijiet dwar il-ħarsien tal-konsumatur x'aktarx se jidhru b'mod prominenti f'numru ta' applikazzjonijiet.

Regolamentazzjoni intelliġenti għad-DLT

Iċ-ċavetta għal regolamentazzjoni intelliġenti f'xenarju ta' innovazzjoni dinamika bħal dan huwa li r-regolatur jiżviluppa biżżejjed kapaċità, inklużi l-kompetenzi tekniċi. Regolamentazzjoni preventiva u ħarxa li toħnoq it-tkabbir għandha u tista' tiġi evitata. Iżda tali reġim regolatorju intelliġenti bbażat fuq eċċellenza analitika u proporzjonalità ma jridx jiġi konfuż ma' regolamentazzjoni li mhix daqstant tassattiva: miżuri regolatorji rapidi u qawwija jeħtieġ ikunu parti minn sett ta' għodod sabiex jindirizzaw ir-riskji qabel isiru sistematiċi jekk u meta xieraq. Sabiex jiġu żgurati l-kapaċitajiet regolatorji meħtieġa għal dan l-approċċ, ir-rapporteur jitlob li tinħoloq Task Force DLT orizzontali li għandha tiġi stabbilita taħt it-tmexxija tal-Kummissjoni.

OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (21.4.2016)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

dwar muniti virtwali
(2016/2007(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Ulrike Trebesius

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jirrimarka li l-industrija tal-munita virtwali u t-teknoloġija tal-munita virtwali qed jikbru;

2.  Jirrimarka li l-industrija tal-munita virtwali u t-teknoloġija tal-munita virtwali huma teknoloġiji innovattivi li mhumiex qegħdin jiġu żviluppati fuq il-bażi tal-infrastruttura eżistenti;

3.  Jirrikonoxxi l-benefiċċji potenzjali assoċjati ma' muniti virtwali u mat-teknoloġija tal-munita virtwali għall-konsumaturi, in-negozji, l-organizzazzjonijiet tal-karità u l-ekonomija inġenerali, li jinkludu aktar ħeffa u effiċjenza u spejjeż imnaqqsa fi ħlasijiet u trasferimenti, b'mod partikolari lil hinn mill-fruntieri, u potenzjalment jippromwovu l-inklużjoni finanzjarja u l-iffaċilitar tal-aċċess għal fondi u riżorsi finanzjarji għas-settur tan-negozju u l-SMEs; jieħu nota wkoll li l-użu tal-muniti virtwali u t-Teknoloġiji tar-Reġistru Distribwit (DLTs) ikkontribwixxa b'mod pożittiv u ffaċilita mikropagamenti għal xiri onlajn ta' oġġetti;

4.  Jenfasizza li l-muniti virtwali huma l-uniku mezz ta' ħlas minbarra l-flus kontanti, li jistgħu jiffaċilitaw ħlasijiet fil-ħin reali (ir-riċevitur jieħu 100 % tal-fondi fil-ħin tal-ħlas);

5.  Jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati kundizzjonijiet ugwali fil-livell Ewropew li jippermettu li jkun sfruttat u żviluppat kompletament il-potenzjal indispensabbli tad-DLTs, peress li dan jista' jintuża f'diversi oqsma innovattivi u f'firxa wiesgħa ta' industriji u servizzi, bħal "kuntratti intelliġenti", il-finanzjament parteċipattiv crypto-equity u servizzi ta' medjazzjoni tat-tilwim, partikolarment fis-setturi finanzjarji u ġuridiċi; barra minn hekk, jinkoraġġixxi entitajiet pubbliċi jevalwaw il-benefiċċji u jesploraw il-possibbiltà li japplikaw dawn it-teknoloġiji innovattivi f'oqsma oħra, bl-iskop li jipprovdu servizzi aħjar, aktar rapidi u aktar effiċjenti liċ-ċittadini tal-UE;

6.  Jirrikonoxxi li l-muniti virtwali jistgħu jippreżentaw riskji b'rabta ma' attivitajiet kriminali bħall-finanzjament tat-terroriżmu, il-ħasil tal-flus, l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi tat-taxxa, kif ukoll attivitajiet illegali u sfidi oħra possibbli; jinnota, madankollu, li ftit li xejn hemm evidenza li l-muniti virtwali ntużaw b'mod mifrux ħafna bħala mezz ta' ħlas għal attività kriminali u li l-livell ta' traċċabbiltà tat-tranżazzjonijiet fi flus kontanti għandu t-tendenza li jkun aktar baxx minn dak tal-muniti virtwali;

7.  Jirrimarka li d-detenturi tal-muniti virtwali huma vulnerabbli għal attivitajiet illegali u sfidi, bħal scams, serq ta' muniti virtwali, iċ-ċiberkriminalità, hacking, funzjonament ħażin ta' softwer/ħardwer, frodi u skemi ta' frodi, pretenzjonijiet foloz, jew dikjarazzjonijiet foloz; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li jkun hemm livell adegwat ta' salvagwardji u rimedji effikaċi għall-konsumaturi li jistgħu jiffaċċjaw xi wħud mill-imsemmija riskji marbuta mal-użu tal-muniti virtwali;

8.  Jirrikonoxxi li l-muniti virtwali, li mhumiex munita nazzjonali jew barranija, jekk jintużaw bħala alternattiva għal muniti fiduċjarji, jistgħu joħolqu riskji potenzjali għas-sistema finanzjarja kemm f'termini ta' regolamentazzjoni kif ukoll ta' sorveljanza u sigurtà tas-suq, u jistgħu jippreżentaw riskji u theddid lill-integrità finanzjarja u lil regolamentazzjoni finanzjarja effettiva; jenfasizza li r-riskji għall-istabbiltà finanzjarja jistgħu jieħdu aktar importanza hekk kif il-muniti virtwali jkomplu jinfirxu;

9.  Jirrikonoxxi li l-persuni li jfittxu l-preservazzjoni tal-ġid jistgħu jużaw muniti indipendenti bħall-Bitcoin fi żminijiet ta' rati tal-imgħax imnaqqsa jew bħala sfera ta' sikurezza fi żminijiet ta' instabbiltà ekonomika;

10.  Jinnota fluttwazzjonijiet sostanzjali osservati fil-passat fir-rati tal-kambju ta' xi muniti virtwali u r-riskji potenzjali li ġejjin mill-użu tal-muniti virtwali għall-konsumaturi; jenfasizza li fl-UE ma teżisti l-ebda protezzjoni regolatorja biex tipproteġi lill-konsumaturi minn telf finanzjarju jekk pjattaforma li tiskambja jew iżżomm muniti virtwali tfalli jew ittemm l-attività tagħha; jinnota li l-muniti virtwali jkunu jistgħu jiġu garantiti b'assi sottostanti; jenfasizza l-ħtieġa tal-protezzjoni tal-konsumatur meta jintużaw il-muniti virtwali, l-aktar f'termini ta' ċiberkriminalità, l-algoritmi użati, il-persuni ta' kuntatt u d-dettalji ta' kuntatt fil-każ ta' mistoqsijiet jew problemi, termini u kundizzjonijiet li jinftehmu faċilment, inkluża dikjarazzjoni ċara tar-riskji, u l-fatt li l-muniti virtwali u l-valur tagħhom mhumiex neċessarjament iggarantiti minn xi bank jew pajjiż; jenfasizza li dawn il-problemi potenzjali għandhom ikunu kkomunikati mill-intrapriżi tas-settur tal-muniti virtwali;

11.  Jirrikonoxxi d-diffikultajiet u l-inċertezzi fil-previżjoni ta' kif il-muniti virtwali jistgħu jiżviluppaw u fl-identifikazzjoni ta' eventwali reazzjonijiet ta' politika potenzjali li huma speċifiċi u aktar fit-tul, mingħajr ma tinħonoq l-innovazzjoni; jitlob lill-Kummissjoni biex tiżviluppa strateġija koerenti u komprensiva fil-livell tal-UE, bil-għan li tidentifika l-benefiċċji u r-riskji tal-muniti virtwali u t-teknoloġiji tal-muniti virtwali u risponsi potenzjali ta' politika fuq żmien itwal, filwaqt li jittieħed kont tal-ħtieġa li tiġi evitata l-frammentazzjoni u d-distorsjoni tas-Suq Uniku, tal-prinċipju ta' regolamentazzjoni aħjar u tal-bżonn li tiġi promossa innovazzjoni teknoloġika u finanzjarja u li taħdem mal-partijiet ikkonċernati rilevanti u kumpaniji tal-muniti virtwali sabiex l-UE tibqa' post attraenti għar-riċerka u l-iżvilupp u t-tħaddim ta' dawn it-teknoloġiji; jenfasizza l-importanza ta' monitoraġġ u analiżi kontinwi tal-mod li bih il-muniti virtwali qegħdin jikbru u l-isfidi politiċi li joħolqu; jissuġġerixxi li Task Force, immexxija mill-Kummissjoni, tappoġġa l-atturi pubbliċi u privati rilevanti kollha, filwaqt li tivvaluta u tanalizza l-possibilitajiet kollha potenzjali ta' evoluzzjoni tat-teknoloġiji tal-muniti virtwali u tal-applikazzjoni tad-DLTs; jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lill-algoritmi użati fil-muniti virtwali u tivvaluta s-sigurtà tagħhom;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis il-kontribuzzjoni tal-muniti virtwali u d-DLTs fis-setturi kollha, inkluż ir-rwol tagħhom fl-iżvilupp tas-suq uniku diġitali, bil-ħsieb li jiġi żgurat li negozji leġittimi fis-settur tal-munita virtwali jtħallew jikbru;

13.  Jagħraf li l-iżvilupp ta' rispons regolatorju effettiv għall-iżvilupp tal-muniti virtwali għadu fi stadju bikri u delikat; jenfasizza li r-regolaturi f'uħud mill-oqsma għamlu progress konsiderevoli fl-iżvilupp ta' rispons effettiv; jinnota, madankollu, li għad fadal ħafna ħidma x'titwettaq biex jiġu stabbiliti oqfsa effikaċi li jirregolaw il-muniti virtwali b'mod li jilqgħu kontra r-riskji filwaqt li ma joħonqux l-innovazzjoni finanzjarja u teknoloġika;

14.  Jenfasizza l-importanza ta' għarfien tal-konsumatur, trasparenza u fiduċja meta jintużaw muniti virtwali; jistieden lill-Kummissjoni biex, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-industrija tal-muniti virtwali, tiżviluppa linji gwida bil-għan li tiggarantixxi li tkun ipprovduta informazzjoni korretta, ċara u kompleta għall-utenti tal-muniti virtwali eżistenti u futuri, li tippermettilhom jagħmlu għażla kompletament infurmata u b'hekk tissaħħaħ it-trasparenza tal-iskemi tal-munita virtwali f'termini ta' kif jiġu organizzati u mħaddma u kif huma distinti mis-sistemi ta' ħlas li huma rregolati u ssorveljati f'dak li jirrigwarda l-protezzjoni tal-konsumatur; jistieden, barra minn hekk, lill-industrija tal-munita virtwali f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex tikkunsidra l-applikazzjoni tar-rekwiżiti AML/CLT rilevanti (kontra l-ħasil tal-flus/kontra l-iffinanzjar tat-terroriżmu) speċifikati mill-istandards internazzjonali għal modi ta' kambju tal-valuta konvertibbli, u kwalunkwe tip ieħor ta' istituzzjoni li taġixxi bħala nodi fejn attivitajiet tal-muniti virtwali konvertibbli jiskambjaw mas-sistema finanzjarja regolamentata ta' munita fiduċjarja, u jitlob lill-Kummissjoni biex tevalwa u tqis l-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus sabiex tinkludi pjattaformi ta' skambju ta' munita virtwali.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

21.4.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

31

2

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Dita Charanzová, Carlos Coelho, Sergio Gaetano Cofferati, Lara Comi, Anna Maria Corazza Bildt, Nicola Danti, Dennis de Jong, Vicky Ford, Ildikó Gáll-Pelcz, Evelyne Gebhardt, Antanas Guoga, Sergio Gutiérrez Prieto, Robert Jarosław Iwaszkiewicz, Liisa Jaakonsaari, Philippe Juvin, Antonio López-Istúriz White, Marlene Mizzi, Robert Rochefort, Virginie Rozière, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Olga Sehnalová, Igor Šoltes, Ivan Štefanec, Mylène Troszczynski, Anneleen Van Bossuyt, Marco Zullo

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Lucy Anderson, Birgit Collin-Langen, Edward Czesak, João Pimenta Lopes, Julia Reda, Ulrike Trebesius, Lambert van Nistelrooij, Sabine Verheyen, Kerstin Westphal

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Georg Mayer

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

26.4.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

54

1

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gerolf Annemans, Hugues Bayet, Pervenche Berès, Esther de Lange, Markus Ferber, Jonás Fernández, Elisa Ferreira, Neena Gill, Roberto Gualtieri, Brian Hayes, Gunnar Hökmark, Danuta Maria Hübner, Cătălin Sorin Ivan, Othmar Karas, Georgios Kyrtsos, Alain Lamassoure, Philippe Lamberts, Werner Langen, Sander Loones, Bernd Lucke, Olle Ludvigsson, Ivana Maletić, Fulvio Martusciello, Bernard Monot, Luděk Niedermayer, Stanisław Ożóg, Dimitrios Papadimoulis, Sirpa Pietikäinen, Dariusz Rosati, Pirkko Ruohonen-Lerner, Alfred Sant, Molly Scott Cato, Peter Simon, Theodor Dumitru Stolojan, Paul Tang, Ramon Tremosa i Balcells, Ernest Urtasun, Marco Valli, Cora van Nieuwenhuizen, Jakob von Weizsäcker, Pablo Zalba Bidegain, Marco Zanni

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Matt Carthy, Philippe De Backer, Mady Delvaux, Ashley Fox, Marian Harkin, Ian Hudghton, Sophia in ‘t Veld, Syed Kamall, Krišjānis Kariņš, Paloma López Bermejo, Emmanuel Maurel, Siôn Simon, Romana Tomc

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Daniela Aiuto, Virginie Rozière