RAPPORT dwar soluzzjonijiet teknoloġiċi għal agrikoltura sostenibbli fl-UE

10.5.2016 - (2015/2225(INI))

Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali
Rapporteur: Anthea McIntyre

Proċedura : 2015/2225(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0174/2016
Testi mressqa :
A8-0174/2016
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar soluzzjonijiet teknoloġiċi għal agrikoltura sostenibbli fl-UE

(2015/2225(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)[1], b'mod partikolari l-Artikoli 11, 114(3), 168(1) u 191 tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/743/UE tat-3 ta' Diċembru 2013 li tistabbilixxi l-programm speċifiku li jimplimenta Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li tħassar id-Deċiżjonijiet 2006/971/KE, 2006/972/KE, 2006/973/KE, 2006/974/KE u 2006/975/KE[2],

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE[3],

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005[4],

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE[5],

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi[6],

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-perjodu 2014-2020[7],

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 870/2004 tal-24 ta' April 2004 li jwaqqaf programm tal-Komunità dwar il-ħarsien, karatterizzazzjoni, ġbir u l-użu ta' riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura u li jħassar Regolament (KE) Nru 1467/94[8], u r-rapport tal-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2013 bl-isem "Ir-Riżorsi Ġenetiċi Agrikoli – mill-konservazzjoni sal-użu sostenibbli" (COM(2013)0838),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament[9],

–  wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Qbil tal-14 ta' Lulju 2014 bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ewropew tal-Investiment għall-kooperazzjoni fl-agrikoltura u l-iżvilupp rurali fl-2014-2020,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2014 dwar il-futur tas-settur tal-ortikoltura fl-Ewropa – strateġiji għat-tkabbir[10],

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-2014 tad-Dipartiment Tematiku B: Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni – Agrikoltura u żvilupp rurali, intitolat "Precision agriculture: An opportunity for EU farmers – potential support with the CAP 2014-2020" (agrikoltura ta' preċiżjoni: Opportunità għall-bdiewa tal-UE – appoġġ potenzjali mal-PAK 2014-2020),

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-2013 ta' Valutazzjoni tal-Għażliet Xjentifiċi u Teknoloġiċi (STOA) intitolat "Technology options for feeding 10 billion people" (Għażliet teknoloġiċi biex jintemgħu 10 biljun ruħ);

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Frar 2012 dwar is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni "Produttività u Sostenibilità fil-qasam Agrikolu" (COM(2012)0079),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Frar 2012 bit-titolu "Ninnovaw għal Tkabbir Sostenibbli: Bijoekonomija għall-Ewropa" (COM(2012)0060),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Ottubru 2015 dwar it-twaqqif ta' Grupp ta' Livell Għoli ta' Konsulenti Xjentifiċi (C(2015)6946),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Mejju 2015 bit-titolu "Regolamentazzjoni aħjar għal riżultati aħjar – Aġenda tal-UE" (COM(2015)0215),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar il-privattivi u d-drittijiet ta' min inissel il-pjanti[11];

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A8-0174/2016),

A.  billi s-soċjetajiet tagħna qed jiffaċċjaw bosta sfidi li jinvolvu l-agrikoltura u jridu jaqdu r-rwol tagħhom, u billi l-popolazzjoni tad-dinja hija stmata li se tilħaq 9,6 biljun ruħ sal-2050, li jfisser li se jkun hemm madwar 2,4 biljun ruħ aktar minn issa;

B.  billi ż-żieda stmata fil-popolazzjoni dinjija tkun teħtieġ li tiżdied il-produzzjoni tal-ikel u l-provvista b'bejn 60 % u 110 %, skont il-firxa ta' stimi derivati minn mudelli u suppożizzjonijiet differenti, biex tintlaħaq din id-domanda[12]; billi medja ta' mill-anqas terz tal-ikel prodott, u f'ċerti setturi, kważi nofs, jinħela, u billi wieħed mill-aktar metodi effettivi biex tintlaħaq din id-domanda mistennija, filwaqt li ma jinħlewx ir-riżorsi skarsi, hu l-isfruttament ta' soluzzjonijiet teknoloġiċi biex tiżdied il-produzzjoni, jittejbu l-mezzi ta' distribuzzjoni u tiġi indirizzata l-ħela tal-ikel;

C.  billi dejjem qiegħda tikber id-domanda għall-produzzjoni ta' aktar ikel li jkun sikur, tajjeb għas-saħħa u nutrittiv għal ċittadini tal-UE u għal ċittadini globali sabiex jiġu indirizzati l-malnutrizzjoni, l-obeżità, il-mard kardjo-vaskulari, eċċ.; u billi l-istandards ta' kwalità għolja tal-ikel tal-UE igawdu rikonoxximent mad-dinja kollha;

D.  billi hemm ħafna alternattivi għall-użu tal-art li jikkompetu mal-biedja, fosthom l-urbanizzazzjoni, l-industrija, it-turiżmu u r-rikreazzjoni;

E.  billi materja prima agrikola toffri prospettivi għal tkabbir fil-kimika ekoloġika;

F.  billi l-objettiv li l-agrikoltura ssir aktar sostenibbli qed isir dejjem aktar importanti għall-operaturi, minħabba l-ħtieġa li jiġu kkontrollati l-ispejjeż sabiex jiġu salvagwardjati l-introjti, min-naħa l-waħda, u sabiex ikun hemm reazzjoni għat-tnaqqis u d-degradazzjoni tar-riżorsi naturali (il-ħamrija, l-ilma, l-arja u l-bijodiversità) min-naħa l-oħra; billi l-agrikoltura hija responsabbli għal 70 % tal-użu tal-ilma ħelu tad-dinja, u billi d-disponibilità tal-ilma diġà hija limitazzjoni ewlenija fuq il-produzzjoni agrikola f'xi reġjuni tal-UE u fid-dinja; billi l-użu ta' ilma tax-xorb fl-agrikoltura jista' jitnaqqas b'mod sinifikanti permezz tal-użu effettiv ta' tekniki ta' irrigazzjoni moderni u permezz tat-tkabbir ta' għelejjel xierqa għall-klima lokali;

G.  billi fertilizzanti tan-nitroġenu jirriżultaw f'rendimenti għoljin iżda l-manifattura tagħhom hi responsabbli għal madwar 50 % tal-enerġija tal-fjuwils fossili kkunsmati mis-sistemi ta' produzzjoni agrikola;

H.  billi huwa previst li d-domanda globali għall-enerġija se tiżdied b'40 % sal-2030, u billi issa għandha tingħata kunsiderazzjoni serja biex tintlaħaq din id-domanda permezz ta' taħlita ta' effiċjenza enerġetika miżjuda u enerġija sigura li tinkludi s-sorsi ta' enerġija rinnovabbli; billi r-riċerka wriet li katini agroalimentari iqsar li jistgħu jwasslu għal użu ta' enerġija mnaqqas, u dan hu ta' benefiċċju ambjentali u għall-ispejjeż;

I.  billi sa 40 % tar-rendimenti tal-għelejjel globali jiġu mitlufa minħabba organiżmi ta' ħsara u mard tal-pjanti kull sena, u billi dan il-perċentwal huwa mistenni li jiżdied b'mod sinifikanti fis-snin li ġejjin; billi jeħtieġ li jiġi evitat li din iċ-ċifra tiżdied aktar, fost l-oħrajn permezz ta' approċċi sistemiċi u l-adattament tal-mudelli ta' produzzjoni eżistenti, u billi t-tibdil fil-klima qed jikkontribwixxi għal dan it-telf u jwassal għall-feġġ ta' organiżmi ta' ħsara u mard tal-pjanti ġodda;

J.  billi t-tisħin globali qed jiġġenera fenomeni metereoloġiċi estremi li jirriżultaw f'nixfiet jew f'għargħar li jikkawżaw dannu sostanzjali lil dawk il-gruppi tal-popolazzjoni milquta u joħolqu riskji serji għas-sigurtà tal-ikel tagħhom; u billi r-reżiljenza klimatika f'agroekosistemi bijoloġikament u strutturalment differenti tista' tgħin biex jitnaqqas dan ir-riskju;

K.  billi l-potenzjal ġenetiku tal-għelejjel tal-UE mhuwiex qiegħed jiġi realizzat konsistentement fl-azjendi agrikoli tal-Ewropa, fejn ir-rendimenti ma baqgħux jikbru f'dawn l-aħħar snin;

L.   billi d-diversità u l-kwalità tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti għandhom rwol kruċjali għar-reżiljenza u l-produttività agrikoli, u għalhekk huma fattur determinanti għall-biedja u s-sigurtà tal-ikel fit-tul;

M.  billi t-tnaqqis tad-"distakk ta' rendiment" joħloq problema partikolari għall-agrikoltura sostenibbli fl-aġenda tar-riċerka;

N.  billi l-biedja ta' preċiżjoni tinvolvi l-użu ta' awtomatizzazzjoni u ta' teknoloġiji oħra biex jittejbu l-preċiżjoni u l-effiċjenza tal-prattiki ewlenin ta' ġestjoni fl-agrikoltura, bl-użu ta' approċċi bbażati fuq sistemi li jiġbru u janalizzaw id-dejta u jottimizzaw l-interazzjonijiet bejn it-temp, il-ħamrija, l-ilma u l-għelejjel, u billi fl-aħħar mill-aħħar il-biedja ta' preċiżjoni hija maħsuba biex tnaqqas l-użu tal-pestiċidi, tal-fertilizzanti u tal-ilma filwaqt li ttejjeb il-fertilità tal-ħamrija u tottimizza r-rendimenti;

O.  billi x-xjenza tal-ħamrija turina li ħamrija b'saħħitha u ħajja trawwem u tipproteġi l-għelejjel permezz ta' speċijiet ta' benefiċċju li jiddefendu kontra patoġeni u organiżmi ta' ħsara u wkoll tipprovdi l-għelejjel b'nutrijenti u ilma waqt li l-għelejjel jipprovdu zokkor mill-efużjonijiet tal-għeruq tal-pjanti; billi l-prattiki agrikoli jista' jkollhom impatt negattiv fuq il-kwalità bijoloġika, kimika u fiżika tal-ħamrija, b'konsegwenzi li jinkludu l-erożjoni tal-ħamrija, id-degradazzjoni tal-istrutturi tal-ħamrija u t-telf tal-fertilità;

P.   billi l-benefiċċji ta' teknoloġiji innovattivi m'għandhomx ikunu limitati għal tip wieħed ta' prattika agrikola u jeħtieġ li jkunu applikabbli għal kull tip ta' biedja, kemm jekk konvenzjonali kif ukoll jekk organika, tat-trobbija tal-bhejjem jew tal-uċuħ tar-raba', fuq skala żgħira jew fuq skala kbira;

Q.  billi n-numru ta' sustanzi attivi fil-pestiċidi naqset b'70 % bejn l-1993 u l-2009, filwaqt li żdiedet il-preżenza tat-tifqigħat ta' organiżmi ta' ħsara fl-Unjoni Ewropea; billi l-proċess ta' approvazzjonijiet, inklużi l-kriterji għad-definizzjoni ta' sustanzi attivi u għal sustanzi ġodda li jikkostitwixxu alternattiva għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, qiegħed isir dejjem aktar ta' sfida għall-agrikoltura tal-UE u għaċ-ċittadini tagħha; billi hemm ħtieġa urġenti biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' sustanzi attivi għal użi minuri;

R.  billi soluzzjonijiet insuffiċjenti għall-protezzjoni tal-għelejjel jipperikolaw il-kwalità, id-diversità u l-produzzjoni sostenibbli ta' għelejjel tal-ikel fl-UE, u dan għandu impatt dirett li ġie stmat li jammonta għal aktar minn EUR 1 biljun, inkluż it-telf fil-produzzjoni u spejjeż addizzjonali għall-bdiewa;

S.  billi ċikli qosra fil-prijoritajiet ta' finanzjament għall-politika u għar-riċerka jistgħu jkunu ta' dannu għall-ħiliet, l-infrastruttura u l-innovazzjoni fl-agrikoltura, u billi għandha tingħata prijorità lit-trasferiment effiċjenti tar-riżultati tar-riċerka mix-xjenza għall-bdiewa, u għal programmi ta' riċerka ffukati fuq it-titjib tas-sostenibilità tal-agrikoltura, it-tnaqqis tal-ispejjeż tal-produzzjoni u ż-żieda fil-kompetittività;

Biedja ta' Preċiżjoni (PF)

1.  Jinnota li s-settur agrikolu dejjem iddependa fuq mudelli ta' negozju u prattiki ġodda tal-biedja li jinkludu tekniki u metodi ta' produzzjoni ġodda li jżidu l-produzzjoni u jadattaw għal ċirkostanzi ġodda u li jinbidlu; jenfasizza li s-servizzi tal-ekosistema, bħaċ-ċiklaġġ tan-nutrijenti, huma ferm importanti għall-agrikoltura, u li xi funzjonijiet bħall-assorbiment tal-karbonju, jmorru lil hinn mill-produzzjoni tal-ikel;

2.  Jinsab konvint li l-innovazzjoni għandha l-potenzjal li tikkontribwixxi għall-kisba ta' agrikoltura sostenibbli fl-UE, u jqis li teknoloġiji ta' biedja ta' preċiżjoni huma partikolarment importanti biex il-progress ikompli, iżda jirrikonoxxi l-limiti tal-adozzjoni mifruxa tagħhom, inklużi l-affidabilità, il-maniġġabilità u l-għarfien limitat ta' din it-teknoloġija u l-adattabilità tagħha għat-tipi u d-daqsijiet kollha tal-azjendi agrikoli;

3.  Huwa tal-fehma li l-prinċipji li fuqhom hija bbażata l-biedja ta' preċiżjoni jistgħu jiġġeneraw benefiċċji sinifikanti għall-ambjent, iżidu l-introjtu tal-bdiewa, jirrazzjonalizzaw l-użu ta' makkinarju agrikolu u jżidu b'mod sinifikanti l-effiċjenza tar-riżorsi, inkluż l-użu tal-ilma għall-irrigazzjoni; għaldaqstant iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippromwovi politiki għall-istimolu tal-iżvilupp u l-użu ta' teknoloġiji ta' biedja ta' preċiżjoni għat-tipi kollha ta' azjendi agrikoli, ikun xi jkun id-daqs tagħhom, u kemm jekk il-biedja tkun tal-għelejjel kif ukoll jekk tal-bhejjem;

4.  Jenfasizza l-ħtieġa partikolari li l-proċess ta' innovazzjoni fil-biedja ta' preċiżjoni jsolvi l-problema ta' "spejjeż għoljin" fl-iżvilupp u l-użu ta' xi teknoloġiji tal-biedja ta' preċiżjoni biex il-bdiewa u l-katina kollha tal-provvista jkunu involuti b'mod attiv fl-iżvilupp ta' dawn it-teknoloġiji biex jiżguraw benefiċċji ċari fil-livell tal-azjendi agrikoli u biex jgħinu lill-azjendi agrikoli jsiru aktar reżiljenti;

5.   Jinsab konvint li l-iżvilupp ekonomiku u l-produzzjoni sostenibbli ma jeskludux lil xulxin u jistgħu jinkisbu prinċipalment permezz tal-innovazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi appoġġata l-innovazzjoni fit-teknoloġija u l-governanza billi jkun hemm koerenza regolatorja, ċarezza u spazju għall-intraprenditorija, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-innovazzjoni tiġi kkunsidrata espliċitament fir-rieżamijiet u r-riformi li ġejjin tal-leġiżlazzjoni rilevanti; jenfasizza l-fatt li l-agrikoltura Ewropea kapaċi tipproduċi prodotti ta' kwalità għolja u ta' valur miżjud għoli flimkien ma' soluzzjonijiet li jrendu bbażati fuq l-għarfien sabiex tintema' l-popolazzjoni dinjija li kulma jmur qiegħda tikber u ssir aktar eżiġenti;

6.  Jistieden lill-industrija, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaħdmu fi sħubija sabiex itejbu l-prestazzjoni u l-adattabilità ta' tekniki robotiċi u ta' biedja ta' preċiżjoni oħra sabiex il-finanzjament għar-riċerka jkun użat b'mod effettiv fl-interessi tal-agrikoltura u l-ortikultura;

7.  Jistieden ukoll lill-industrija biex tisfrutta l-opportunitajiet li jirriżultaw mill-innovazzjoni għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' biedja ta' preċiżjoni li jkunu aċċessibbli għal kulħadd, biex b'hekk tagħti s-setgħa lill-persuni b'diżabilità, tippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi u twessa' l-bażi tal-ħiliet u l-opportunitajiet ta' mpjiegi f'komunitajiet rurali;

8.  Jilqa' l-inklużjoni tar-robotika tal-biedja ta' preċiżjoni fil-programm ta' ħidma Orizzont 2020 għall-2016-2017 li għadu kif ġie ppubblikat, iżda jiddispjaċih li l-proposti skont din is-sejħa ma jeħtiġux approċċ li jinvolvi l-partijiet varji, li jista' jfisser li l-bdiewa jkunu esklużi mill-iżviluppi innovattivi; jenfasizza li l-biedja ta' preċiżjoni tista' tnaqqas l-użu tar-riżorsi b'mill-anqas 15 %; iħeġġeġ l-adozzjoni tal-biedja ta' preċiżjoni li tipprovdi approċċi ġodda ta' ġestjoni tal-azjenda agrikola kollha kemm hi, bħalma hu l-makkinarju mmexxi mit-tekonoloġiji tal-GPS/GNSS użati flimkien ma' sistemi ta' inġenji tal-ajru pilotati mill-bogħod (RPAS);

Big data u informatika

9.  Jirrimarka li l-industrija tal-biedja, bħas-setturi l-oħra kollha tal-ekonomija, għaddejja minn proċess ta' bidla; jenfasizza li l-biedja moderna saret possibbli biss permezz tal-aċċettazzjoni ta' progress xjentifiku u teknoloġiku, u li l-avvanzi diġitali wkoll joffru l-possibilità ta' żvilupp ulterjuri fis-settur tal-biedja;

10.  Jenfasizza li l-kollazzjoni u l-analiżi ta' ġabriet integrati ta' dejta għandhom il-potenzjal li jixprunaw l-innovazzjoni fl-agrikoltura u hija partikolarment utli fl-indirizzar u fl-iżvilupp ta' katina tal-ikel effiċjenti u sostenibbli li minnha se jibbenefikaw il-bdiewa, l-ekonomija, il-konsumaturi u l-ambjent; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jneħħu l-ostakli għall-integrazzjoni ta' sistemi kumplessi u frammentati tal-ICT, u dan jistimula l-investiment u jkopri l-ispejjeż tat-taħriġ, u jagħmel il-faċilitajiet meħtieġa aktar aċċessibbli għall-agrikoltura;

11.  Jilqa' l-progress li sar mill-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) fl-iżvilupp tal-biedja ta' preċiżjoni; huwa tal-fehma li s-satellita Sentinel 2B tal-ESA, li għandha tiġi mqiegħda fl-orbita fl-aħħar tal-2016, tista' tagħti stampa aktar ċara tal-ammont ta' art assimilata mill-għelejjel u l-foresti, b'tali mod li l-politiki agrikoli jkunu jistgħu jiġu implimentati b'mod aktar effettiv, jiġi razzjonalizzat l-użu tar-riżorsi, u jiġu ottimizzati ż-żminijiet tal-ħsad; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw l-użu ta' sistemi bbażati fuq is-satelliti;

Il-ħamrija, l-ilma u l-ġestjoni tan-nutrijenti

12.  Jirrikonoxxi li d-degradazzjoni tal-ħamrija hija restrizzjoni kbira fil-produzzjoni agrikola, u jitlob ambizzjonijiet u sforzi akbar biex jittejbu l-prattiki tal-ġestjoni tal-ħamrija u tal-ilma, b'mod partikolari fid-dawl tat-tibdil fil-klima; jilqa' l-iżvilupp ta' teknoloġiji ta' biedja ta' traffiku kontrollat, li tnaqqas il-ħsara tal-ħamrija kkawżata minn tħaddim żejjed tal-art, u jilqa' wkoll l-isforzi riċenti biex jiġu integrati teknoloġiji ta' telerilevament b'riżoluzzjoni għolja fil-biedja organika; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkwantifika l-benefiċċji ambjentali u tal-produzzjoni u ta' dawn it-teknoloġiji ġodda u tiżgura trasferiment tas-sensibilizzazzjoni, tal-għarfien u tat-teknoloġija;

13.  Jitlob li l-bdiewa jiġu inklużi fit-tfassil, l-ittestjar u t-tixrid ta' teknoloġiji ta' ppjanar kartografiku tan-nutrijenti tal-ħamrija sabiex jiġi megħjun it-titjib tal-effikaċja tagħhom;

14.  Jiddispjaċih li l-effiċjenza fl-użu tan-nutrijenti fl-UE huwa baxx ħafna, u jenfasizza li hija meħtieġa azzjoni biex titjieb l-effiċjenza tal-użu tan-nitroġenu (N), il-fosfru (P) u l-potassju (K), sabiex jitnaqqas l-impatt tagħhom fuq l-ambjent u tittejjeb il-produzzjoni tal-ikel u tal-enerġija; jitlob riċerka mmirata (u l-użu applikat tagħha) sabiex tittejjeb l-effiċjenza tal-monitoraġġ tan-nutrijenti u l-ottimizzazzjoni ulterjuri ta' teknoloġiji b'rata varjabbli;

15.  Jaqbel li l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda u prattiki agrikoli innovattivi jista' jikkontribwixxi b'mod sinifikanti biex jitnaqqas l-użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, tal-fertilizzanti u l-ilma, kif ukoll jiġġieldu kontra l-erożjoni tal-ħamrija;

Diversità ġenetika

16.  Huwa tal-fehma li t-telf tad-diversità ġenetika tul l-aħħar seklu jhedded is-sigurtà tal-ikel/għalf u jimmina l-politiki tal-UE dwar l-agrikoltura sostenibbli, il-protezzjoni tal-bijodiversità u l-istrateġiji ta' adattament għat-tibdil fil-klima; jemmen li l-monokultura u nuqqas ta' rotazzjoni tal-għelejjel huwa fattur ewlieni f'dan it-telf; iqis il-varjetajiet tal-pjanti u l-ispeċijiet ta' bhejjem kollha, inklużi r-razez lokali, il-qraba selvaġġi u kważi selvaġġi tagħhom, u varjetajiet antiki u oriġinali essenzjali biex tinżamm id-diversità ġenetika, programmi ta' tnissil u l-produzzjoni ta' ikel suffiċjenti, nutrittiv u tajjeb għas-saħħa;

17.  Huwa tal-fehma li r-regolamentazzjoni tal-UE għandha tippermetti li l-bdiewa u n-nissiela jagħmlu l-aħjar użu minn dawn ir-riżorsi ġenetiċi għall-ħarsien tal-bijodiversità u l-innovazzjoni fl-iżvilupp ta' varjetajiet ġodda; jenfasizza li r-regolamenti tal-UE dejjem għandu jkollhom l-għan li ma jimminawx tali proċessi innovattivi billi jpoġġu piż amministrattiv mhux meħtieġ fuq in-nissiela u l-bdiewa;

18.  Jenfasizza l-ħtieġa għal djalogu akbar bejn banek ġenetiċi tal-pjanti, riċerka tal-pjanti privata u pubblika, in-nissiela, l-utenti finali u l-atturi l-oħra kollha involuti fil-konservazzjoni u l-użu tar-riżorsi ġenetiċi, sabiex tinbena r-reżiljenza u jintlaqgħu l-isfidi ta' biedja sostenibbli madwar l-Ewropa;

19.  Jenfasizza l-appoġġ preċedenti mid-DĠ għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (AGRI) u d-DĠ Riċerka u Innovazzjoni (RTD) għal attivitajiet ta' konservazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi, pereżempju, in-Netwerk Ewropew għall-Konservazzjoni taż-Żerriegħa Indiġena (ENSCONET), iżda jitlob li programmi suċċessuri tiegħu jkomplu jappoġġaw attivitajiet ta' konservazzjoni ġenetika tal-għelejjel u tal-bhejjem, speċjalment l-użu fl-għalqa ta' riżorsi ġenetiċi permezz ta' miżuri mittieħda fl-azjenda agrikola stess;

20.  Jenfasizza l-importanza tal-ftuħ tal-konservazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi għal diversità akbar ta' speċijiet ta' pjanti u ta' bhejjem u għall-finanzjament tar-riċerka f'dan il-qasam biex jirriżulta f'titjib teknoloġiku għall-agrikoltura u l-ortikultura;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti għal strateġija Ewropea għas-salvagwardja tad-diversità ġenetika fl-agrikoltura prevista fil-Miżura 10 tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2020;

22.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa tal-użu ta' ġabriet ta' ġermoplażma biex jiġu identifikati u karatterizzati l-karatteristiċi għall-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, r-reżistenza għall-organiżmi ta' ħsara u għall-mard u attributi oħra li jagħtu kwalità u reżiljenza mtejba; iqis li dan jeħtieġ li titqiegħed enfasi akbar fuq il-fenotipaġġ, li huwa ostaklu partikolari għal ħafna għelejjel;

23.  Jinnota li l-aktar mod effikaċi biex tinżamm id-diversità ġenetika fl-agrikoltura hija bl-użu tagħha in vivo; jinnota li mit-tliet kriterji DUS (distintività, uniformità u stabilità) applikati għall-katalgi uffiċjali taż-żerriegħa tal-UE, l-uniformità u l-istabilità mhumiex karatteristiċi naturali fi pjanti ġenetikament differenti; jinnota li l-adattament għat-tibdil fil-klima huwa dipendenti fuq varjazzjoni ġenetika għolja; jinnota s-swieq taż-żerriegħa dejjem aktar konċentrati u l-varjazzjoni mnaqqsa għal kull varjetà; iħeġġeġ ir-rwol ta' sistemi ta' biedja taż-żerriegħa u skambji fl-għoti tas-setgħa lill-bdiewa, u jirrikonoxxi t-tnissil parteċipattiv bħala tradizzjoni twila ta' innovazzjoni fil-komunitajiet rurali;

24.   Jirrikonoxxi l-ħtieġa taż-żamma u l-użu ta' riżorsi ġenetiċi sabiex ikun hemm sigurtà tal-ikel fit-tul u t-twessigħ tal-bażi ġenetika ta' programmi moderni għat-tnissil tal-pjanti u tal-bhejjem; jirrikonoxxi li l-azjendi agrikoli organiċi qegħdin jiffaċċjaw nuqqas ta' varjetajiet ġodda li huma reżistenti għall-organiżmi ta' ħsara u għall-mard u li jistgħu jiġu kkultivati mingħajr l-użu ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti; jappoġġa l-kunċett tal-qsim tal-aċċess u tal-benefiċċji, iżda jħeġġeġ implimentazzjoni prammatika u abilitanti tal-Protokoll ta' Nagoya, skont ir-Regolament (UE) Nru 511/2014 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 2015/1866 ħalli n-nissiela ma jiġux skoraġġiti minħabba l-kumplessità u l-ispejjeż tal-użu ta' materjal selvaġġ għall-introduzzjoni ta' karatteristiċi ġodda bħalma huma r-reżistenza għall-organiżmi ta' ħsara u l-mard, il-kwalità nutrittiva u r-reżiljenza ambjentali; jinnota li dan għandu jsir mingħajr ma titneħħa s-setgħa tal-komunitajiet rurali li ħarsu speċijiet u nisslu varjetajiet matul is-snin;

25.  Iqis li huwa essenzjali li tinżamm u tiġi żviluppata l-prestazzjoni ta' razez lokali, minħabba l-kapaċità tagħhom li jadattaw għall-karatteristiċi tal-ambjent nattiv tagħhom, u biex id-drittijiet tal-bdiewa li jnisslu l-pjanti b'mod awtonomu u jaħżnu u jiskambjaw żrieragħ ta' speċijiet u varjetajiet differenti jridu jiġu rrispettati sabiex tiġi garantita d-diversità ġenetika tal-agrikoltura Ewropea;

26.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa tal-appoġġ ta' newba tal-għelejjel adattata li tibqa' profittabbli għall-bdiewa; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li tinżamm firxa ta' għodod ta' protezzjoni tal-għelejjel adattata għal firxa wiesgħa ta' għelejjel, flimkien ma' riżorsi ġenetiċi; jenfasizza li, mingħajr tali għodod, id-diversità tal-għelejjel li jistgħu jiġu prodotti b'mod profittabbli jkun affettwat b'mod gravi;

Tnissil bi preċiżjoni

27.   Jappoġġa l-ħtieġa ta' progress kontinwu fit-tnissil innovattiv tal-pjanti u tal-bhejjem permezz tal-applikazzjoni ta' tekniki sikuri u ppruvati mmirati biex iżidu mhux biss il-firxa ta' karatteristiċi reżistenti għal organiżmi ta' ħsara u għall-mard fl-għelejjel, iżda wkoll il-firxa ta' materja prima għall-ikel b'karatteristiċi nutrittivi u ta' ġid għas-saħħa fis-suq;

28.  Jirrikonoxxi l-importanza tas-selezzjoni assistita mill-markers (MAS) u tat-tnissil SMART (Selection with Markers and Advanced Reproductive Technologies), li issa huma integrati sew f'ħafna programmi ta' tnissil, iżda wkoll il-potenzjal offrut mit-tnissil bi preċiżjoni għat-titjib tal-għelejjel, bħall-użu ta' ZFNs (Zinc Finger Nucleases) u CRISPR (Clustered Regularly Interspaced Short Palindromic Repeats) fl-editjar tal-ġenomi, ODM (Oligonucleotide-Directed Mutagenesis) u l-użu ta' ibridi tas-CMS (Cytoplasmatic Male Sterility) fil-fużjoni ta' protoplasti jew ta' metodi bbażati fuq kulturi tat-tessuti in vitro;

29.  Iqis li huwa importanti li jiġi żgurat appoġġ sostnut għall-iżvilupp u l-użu ta' għodod teknoloġiċi tal-ġejjieni li jistgħu jippermettu t-tnissil b'suċċess biex jiġu indirizzati l-isfidi soċjetali li ġejjin;

30.  Jenfasizza li huwa kruċjali li ma jitfixklux l-applikazzjoni ta', u l-esperimenti li jinvolvu, tekniki ta' tgħammir ta' preċiżjoni għolja - mingħajr raġuni xjentifika, u din il-leġiżlazzjoni għandha tkun adattata għall-iskop tagħha sabiex iżżomm ruħha aġġornata skont l-iżviluppi mingħajr ma tkun ta' piż;

31.  Jirrikonoxxi l-opportunitajiet għal teknoloġiji ġodda għall-iżvilupp immirat ta' karatteristiċi u s-selezzjoni fost il-bhejjem, inklużi dawk b'benefiċċji għall-benessri u għas-saħħa, bħal baqar mingħajr qrun jew ir-reżistenza għall-mard prijoniku; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu investigati u regolati b'mod xieraq dawn it-tekniki qabel ma jiġu applikati, minħabba l-effetti possibbli tagħhom fuq is-saħħa tal-bniedem, fuq is-saħħa u l-benessri tal-bhejjem, u fuq l-ambjent u l-bijodiversità;

32.  Iqis li huwa opportun li l-Kummissjoni tippubblika r-rapport finali tal-grupp ta' ħidma dwar "Tekniki Ġodda" u tuża s-sejbiet xjentifiċi tiegħu bħala l-bażi biex, fost l-oħrajn, jiġi ċċarat l-istatus ġuridiku tat-tekniki ta' tnissil li attwalment jinsabu taħt skrutinju u l-użu ta' analiżi ġuridika soda fid-deliberazzjonijiet tagħha;

33.  Jinkoraġġixxi djalogu miftuħ u trasparenti fost il-partijiet interessati kollha u l-pubbliku dwar l-iżvilupp responsabbli ta' soluzzjonijiet ta' preċiżjoni għolja u innovattivi għal programmi ta' tnissil, fosthom dwar ir-riskji u l-benefiċċji tagħhom; jinnota li dan se jeħtieġ sforzi biex jiżdiedu s-sensibilizzazzjoni u l-fehim ta' tekniki ġodda bejn il-bdiewa u l-pubbliku ġenerali; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-konsumaturi u l-bdiewa jkunu suffiċjentement edukati rigward tekniki ta' tnissil ġodda u emerġenti sabiex jiġi żgurat li dibattitu pubbliku miftuħ u informat ikun jista' jseħħ;

34.  Jesprimi tħassib dwar id-deċiżjoni riċenti tal-Bord Estiż tal-Appell tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (UEP) tal-25 ta' Marzu 2015 fil-Kawżi G2/12 u G2/13;

Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (PPPs)

35.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti ta' rieżami tal-implementazzjoni tal-qafas regolatorju għall-PPPs u l-iżvilupp ta' sistema ta' valutazzjoni u approvazzjoni koerenti, effiċjenti, prevedibbli, ibbażata fuq ir-riskju u xjentifikament soda; iqis li huwa importanti li l-bdiewa kemm jista' jkun inaqqsu d-dipendenza fuq il-pestiċidi, filwaqt li jinnota li l-produzzjoni ta' ikel u għalf topera f'ambjent kompetittiv, internazzjonali; iqis li huwa importanti li jiġu żviluppati PPPs li huma effettivi f'termini ta' nfiq, li jistgħu jintużaw b'mod sikur u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent;

36.  Jilqa' l-inizjattivi REFIT tal-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni tal-2016 li jobbligaw lill-UE twettaq evalwazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u tar-Regolament (KE) Nru 396/2005; jenfasizza li l-proċess REFIT m'għandux iwassal biex jitbaxxew l-istandards ta' sikurezza tal-ikel u tal-protezzjoni tal-ambjent;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fir-rapport tagħha lill-Parlament u lill-Kunsill għażliet għall-emendar u t-titjib tal-leġiżlazzjoni attwali, u b'mod partikolari dwar il-funzjonament tar-rikonoxximent reċiproku tal-awtorizzazzjonijiet u l-proċess tal-evalwazzjonijiet taż-żoni;

38.  Jissottolinja t-tħassib li s-sistema żonali tal-awtorizzazzjonijiet mhux qed tiffunzjona minħabba l-użu kontinwat ta' metodoloġiji ta' awtorizzazzjoni nazzjonali antikwati u jistieden lill-Kummissjoni tarmonizza s-sistema ta' approvazzjoni li tiżgura r-rikonoxximent reċiproku ta' prodotti bejn l-Istati Membri fiż-żoni identifikati fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009;

39.  Jilqa' l-aħħar Netwerk Ewropew ta' Żoni ta' Riċerka (IPM-ERANET) - dwar il-Ġestjoni Integrata tal-Organiżmi ta' Ħsara u l-pjattaforma ta' koordinazzjoni ġdida għal "użu minuri", iżda jqis li l-pjattaforma tista' tiġi sfruttata aħjar biex jiġu koperti r-riċerka u l-innovazzjoni bl-għan li jiġi indirizzat in-nuqqas ta' soluzzjonijiet għall-protezzjoni tal-għelejjel għal użu minuri u għelejjel ta' speċjalità;

40.  Jenfasizza l-importanza ta'l-valutazzjoni trasparenti tal-impatti ta' sustanzi attivi bl-għan li tiġi żgurata agrikoltura sostenibbli f'konformità mal-liġi tal-UE, u tal-evalwazzjoni komprensiva tar-riskji u l-perikli assoċjati mal-użu ta' prodotti, u jfakkar li għandu jintuża l-prinċipju ta' prekawzjoni meta l-livell ta' inċertezza jkun għoli wisq biex tkun żgurata s-saħħa pubblika jew kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajbin;

41.  Jistieden lid-DĠ Saħħa u Sikurezza Alimentari (SANTE) jistabbilixxi kriterji ċari għad-definizzjoni ta' sustanzi attivi b'riskju baxx għall-iżvilupp u l-użu ta' pestiċidi b'riskju baxx, filwaqt li jqis l-għarfien xjentifiku li qed jevolvi u jiggarantixxi li jiġu milħuqa l-għanijiet tas-saħħa u tal-protezzjoni ambjentali, u jiġi garantit li d-dejta dwar is-sikurezza tkun preżenti għall-kriterji applikati għas-sustanzi kollha ta' riskju potenzjali baxx;

42.  Huwa tal-fehma li sustanzi b'riskju baxx, inklużi alternattivi mhux kimiċi għall-PPPs, bħall-kontrolli bijoloġiċi, għandhom jingħataw approvazzjoni proviżorja għall-użu u prijorità għall-evalwazzjoni mill-Istati Membri relaturi u mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) sabiex dan jgħin fl-ilħiq tal-għanijiet tad-Direttiva 2009/128/KE dwar ġestjoni integrata tal-organiżmi ta' ħsara u l-użu sostenibbli tal-pestiċidi, speċjalment għall-użu tal-prodotti fuq għelejjel minuri u ta' speċjalità;

43.  Jenfasizza l-fatt li l-bdiewa għandu jkollhom aktar għażliet disponibbli għalihom biex jipproteġu l-għelejjel tagħhom u biex jiddeċiedu liema miżura tipproteġi l-għelejjel tagħhom bl-aħjar mod; għaldaqstant jinkoraġġixxi użu usa' ta' diversi alternattivi għall-pestiċidi tradizzjonali, inklużi bijopestiċidi, bħala komponent ta' ġestjoni integrata ta' organiżmi ta' ħsara, u jitlob li jsiru aktar sforzi biex jiġu żviluppati alternattivi aktar kosteffikaċi billi tiġi appoġġata riċerka fuq il-post u aktar espożizzjoni ta' alternattivi mhux kimiċi u miżuri ta' riskju baxx u pestiċidi li jirrispettaw aktar lill-ambjent;

44.  Jinnota li l-kontrolli bijoloġiċi huma metodi li jipproteġu l-għelejjel ibbażati fuq l-użu ta' organiżmi ħajjin jew sustanzi naturali u jistgħu jnaqqsu l-użu ta' pestiċidi tradizzjonali u jikkontribwixxu għal reżiljenza tal-pjanti aħjar;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta pjan ta' azzjoni u tistabbilixxi grupp ta' esperti biex taħdem favur sistema ta' ġestjoni tal-organiżmi ta' ħsara aktar sostenibbli; jenfasizza l-potenzjal ta' ġestjoni tal-organiżmi ta' ħsara li ttejjeb l-interazzjoni bejn l-isforzi tat-tnissil tal-pjanti, is-sistemi ta' difiża naturali u l-użu tal-pestiċidi;

46.  Jinnota li proċess ta' approvazzjoni aktar mgħaġġel se jżid id-disponibilità ta' PPPs b'riskju baxx fis-suq u jitnaqqas ir-riskju ta' reżistenza għal ingredjenti attivi u l-effetti fuq speċijiet mhux immirati marbuta ma' PPPs użati regolarment;

47.  Iqis li proċess aktar mgħaġġel tal-approvazzjonijiet jista' jistimula r-riċerka fl-industrija fl-iżvilupp ta' ingredjenti attivi ġodda ta' riskju baxx, inklużi sustanzi ta' riskju baxx ġodda u innovattivi, u b'hekk jiġi żgurat li l-bdiewa jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom biżżejjed għodod ta' protezzjoni tal-pjanti u li jippermettulhom li jibdlu aktar malajr għal PPPs sostenibbli u jżidu l-effiċjenza tal-ġestjoni integrata tal-organiżmi ta' ħsara (IPM);

48.  Jiddispjaċih mill-progress dgħajjef tal-Istati Membri u l-Kummissjoni f'li rispettivament jimplimentaw u jevalwaw l-implimentazzjoni tal-IPM u tad-Direttiva 2009/128/KE;

L-iżvilupp tal-ħiliet u t-trasferiment tal-għarfien

49.  Jirrikonoxxi li l-iżvilupp ta' teknoloġiji marbutin mal-agrikoltura jeħtieġ għadd ta' ħiliet li huma speċjalizzati kif ukoll approċċ transdixxiplinarju – dawn jinkludu, fost dixxiplini oħra, ix-xjenza ġenerali tal-pjanti, tal-bhejjem u tal-ambjent, il-fiżjoloġija u l-inġinerija;

50.  Jiddispjaċih dwar iż-żieda fin-nuqqas ta' ħiliet f'bosta minn dawn il-professjonijiet, u jistieden lill-Istati Membri biex jaħdmu fi sħubija mal-industrija, mal-istituzzjonijiet ta' riċerka u ma' partijiet interessati oħra fit-tfassil ta' programmi ta' żvilupp rurali li jmiss tagħhom, inklużi s-Sħubijiet Ewropej għall-Innovazzjoni (EIPs), bl-għan li jidentifikaw opportunitajiet biex jappoġġaw l-iżvilupp tal-ħiliet u t-trasferiment tal-għarfien f'dawn l-oqsma, inkluż permezz ta' taħriġ u apprendistati għall-bdiewa żgħażagħ u għall-bdiewa ġodda;

51.  Jistieden lis-settur tat-teknoloġiji agrikoli biex itejjeb il-koordinazzjoni u l-integrazzjoni ta' wirjiet fl-azjendi agrikoli u l-użu ta' azjendi agrikoli għall-wiri u l-monitoraġġ bl-għan li tinqasam l-aħjar prattika fil-livell reġjonali, nazzjonali u Ewropew, bl-użu ta' programmi, inizjattivi jew riżorsi attwalment disponibbli jew ġodda;

52.  Jirrikonoxxi l-potenzjal li l-biedja ta' preċiżjoni u l-integrazzjoni tat-teknoloġija diġitali jista' jkollhom biex l-agrikoltura ssir aktar attraenti għall-bdiewa żgħażagħ u jinħolqu opportunitajiet ġodda għat-tkabbir u l-impjiegi fiż-żoni rurali; jemmen li l-investiment fl-iżvilupp ta' dawn it-teknoloġiji jista' jrawwem bidla ġenerazzjonali fil-biedja;

Il-prijoritajiet tar-riċerka u l-finanzjament

53.  Jirrikonoxxi l-isfidi fit-tul marbutin mal-agrikoltura sostenibbli u mal-ortikultura, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw pjan ta' investiment fit-tul, filwaqt li tingħata prijorità lil approċċ settorjali, b'kontinwità fil-finanzjament għal riċerka bażika u applikata, u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex itejbu t-taħriġ għall-ispeċjalisti fl-agrikoltura sostenibbli, u biex jiġi żgurat li l-konsulenza esperta tkun disponibbli;

54.  Iqis li l-pjan għandu jinkludi soluzzjonijiet kosteffikaċi u jkun applikabbli għal produtturi fuq skala żgħira, iż-żoni rurali u dawk ultraperiferiċi u r-reġjuni muntanjużi; jenfasizza li l-bdiewa huma l-akbar protetturi tal-ambjent fl-Ewropa u jeħtieġu aċċess kontinwu għal innovazzjoni u riċerka, li jippermettilhom jipproduċu ikel, għalf u prodotti oħra b'mod aktar sostenibbli u kosteffikaċi, filwaqt li jitħares l-ambjent għall-ġenerazzjonijiet futuri u jittejbu s-servizzi tal-bijodiversità u tal-ekosistemi;

55.  Jilqa' l-progress magħmul fir-riċerka applikata f'dawn l-aħħar snin, iżda jitlob għal sforzi akbar li jiggarantixxu t-trasferiment tal-għarfien lill-utenti finali u li jinvolvu l-bdiewa u utenti oħra tat-teknoloġiji u prodotti agrikoli, inklużi l-azjendi agrikoli żgħar;

56.  Jitlob li s-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni għal agrikoltura kompetittiva u sostenibbli, li tinsab fit-tieni pilastru tal-PAK, tiġi intensifikata sabiex jinħolqu sħubijiet ta' atturi innovattivi, inklużi l-bdiewa kollha, u b'mod partikolari l-bdiewa fuq skala żgħira, aktar 'il bogħod miċ-ċentri ta' teħid ta' deċiżjonijiet Ewropej;

57.  Jinnota li fl-Istati Membri fejn sħubijiet pubbliċi-privati huma użati b'mod intelliġenti, kien hemm mixja aktar qawwija lejn ir-riċerka applikata u involviment akbar tal-utenti finali;

58.  Iqis li hu essenzjali li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżviluppaw proġetti li jiffukaw fuq l-iżvilupp ta' prattiki agrikoli u varjetajiet tal-għelejjel aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, inklużi varjetajiet lokali speċjalizzati, li huma mmirati lejn il-konservazzjoni u t-titjib tal-fertilità tal-ħamrija u l-iskambju tan-nutrijenti, speċjalment minħabba n-nuqqas dejjem jikber ta' disponibilità tal-ilma u ta' ċerti komponenti ewlenin ta' fertilizzanti bħall-fosfat; jistieden lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-investimenti fl-ekonomija ċirkolari u prattiki ta' biedja li jirrispettaw il-klima, b'finanzjament adegwat ta' inċentivi għar-riċerka u użu mill-bdiewa; jissottolinja li l-merti tal-akkwaponika, iċ-ċiklaġġ tas-sustanzi nutrittivi f'ċiklu magħluq, l-agroekoloġija, inkluża l-agroforestrija, l-agrikoltura ta' konservazzjoni u ġestjoni sostenibbli tal-foresti, is-sapropel, il-ktajjen tal-ikel qosra, il-bur ibbażat fuq il-mergħa u l-produzzjoni ta' input baxx għandhom ikunu evalwati, żvelati u inċentivati kif jixraq;

59.  Iqis ukoll li huwa essenzjali li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżviluppaw proġetti innovattivi għall-produzzjoni ta' prodotti u servizzi li mhumiex tal-ikel (il-bijoekonomija, l-enerġija rinnovabbli, eċċ.) bil-ħsieb tal-iżvilupp ta' industrija agrikola aktar effiċjenti fir-riżorsi (użu aħjar tal-ilma, l-enerġija, l-ikel għall-għelejjel u l-bhejjem, eċċ.), u waħda li hija aktar awtonoma;

60.  Jinnota li, fil-biċċa l-kbira tal-UE, ċentri indipendenti jew finanzjati pubblikament għall-edukazzjoni, it-taħriġ u l-innovazzjoni fl-agrikoltura naqsu fl-għadd jew ma jipprovdux adegwatament għal approċċi transdixxiplinari f'oqsma emerġenti bħall-inġinerija agrikola; jirrikonoxxi li f'xi Stati Membri l-kwalifiki tal-bdiewa għadhom limitati, li jfisser li l-aċċess għal, u l-applikazzjoni ta', teknoloġiji ġodda, hija aktar diffiċli, u għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni tfassal pjan Ewropew għall-investiment f'taħriġ u edukazzjoni agrikoli tekniċi jew ta' livell għoli;

61.  Jilqa' s-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni għall-Produttività u Sostenibilità fil-qasam Agrikolu (EIP-AGRI) li tnediet dan l-aħħar, li għandha l-għan li tgħaqqad ir-riċerka u l-biedja fil-prattika, u jistieden lill-Kummissjoni biex ikollha rwol attiv fil-promozzjoni ta' koordinazzjoni f'livell nazzjonali u transfruntier għall-promozzjoni ta' aġenda ta' innovazzjoni espliċita marbuta ma' Orizzont 2020 u li tiggarantixxi t-trasferiment tal-għarfien xieraq għall-utenti finali;

62.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaħdmu aktar biex ikabbru s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar il-valur tal-biedja fl-UE, u biex jiżviluppaw ċentri trans-Ewropej għall-innovazzjoni agrikola li jistgħu juru u jippermettu aċċess xieraq għal teknoloġiji innovattivi ġodda, l-agrikoltura sostenibbli, is-sigurtà tal-ikel u s-sovranità;

63.  Jenfasizza li l-attivitajiet ta' dawn iċ-ċentri għandhom jippermettu l-aċċess għal teknoloġiji ġodda mhux biss għal agrikoltura sostenibbli iżda wkoll għal żvilupp rurali sostenibbli permezz ta' ħidma fi ħdan il-komunitajiet, ma' SMEs rurali, kooperattivi u organizzazzjonijiet tal-produtturi; jissottolinja li dawn għandhom ikunu trasparenti u miftuħa għall-pubbliku ġenerali u l-bdiewa, u għandu jkollhom approċċ transsettorjali, billi jrawmu djalogu fost is-setturi li jistgħu jintlaqtu mill-innovazzjoni b'modi differenti;

64.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li flimkien mal-innovazzjonijiet teknoloġiċi u xjentifiċi, it-tekniki tradizzjonali u l-azjendi agrikoli jkunu jistgħu jkomplu jirnexxu, peress li dawn jikkostitwixxu assi enormi, peress li huma sors ta' diversità kulturali, rurali u turistika, u jipprovdu għajxien għal bosta bdiewa Ewropej fuq skala żgħira f'ħafna reġjuni;

65.  Jistieden lill-Istati Membri jużaw aħjar l-istrumenti finanzjarji maħluqa taħt il-Memorandum ta' Ftehim konġunt bejn il-Kummissjoni u l-Bank Ewropew tal-Investiment fir-rigward tal-iżvilupp agrikolu u rurali għall-perjodu 2014-2020;

66.  Jenfasizza l-valur miżjud assoċjat ma' dawn l-istrumenti, speċjalment f'termini ta' effetti ta' ingranaġġ u garanziji ta' self immirati biex jixprunaw l-implimentazzjoni tal-aġenda għar-riċerka tal-agrikoltura u l-forestrija sostenibbli, inkluża l-Isfida Soċjetali numru 2 tal-Orizzont 2020; isemmi, b'mod partikolari, l-utilità tagħhom għat-tnaqqis tal-ħtiġijiet u r-riskji tal-investiment għall-bdiewa li jixtiequ jadottaw teknoloġija u metodi ta' biedja ta' preċiżjoni li jiswew ħafna;

Inżommu lill-Ewropa fil-qalba tal-iżvilupp xjentifiku u tal-innovazzjoni

67.  Jinnota li żoni rurali, inklużi r-reġjuni l-aktar periferiċi u r-reġjuni muntanjużi, huma aktar esposti għat-tibdil fil-klima reali u potenzjali, li tagħmilhom anqas attraenti u aktar suxxettibbli għal popolazzjoni li qed tixjiħ u għad-depopolazzjoni; jirrikonoxxi li l-agrikoltura għandha titħalla tadatta ruħha sabiex tiffaċċja ċirkostanzi li qed jinbidlu permezz tal-użu tas-soluzzjonijiet teknoloġiċi kollha disponibbli biex ikun żgurat li l-art agrikola tintuża b'mod aktar sostenibbli;

68.  Jinnota li teknoloġiji moderni fl-agrikoltura u settur tal-użu tal-art usa' jistgħu jgħinu biex dawn is-setturi jikkontribwixxu b'mod ġust għall-isforzi ta' mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima globali; f'dan il-kuntest, jenfasizza l-ħtieġa li titwessa' d-definizzjoni ta' "agrikoltura produttiva" u li jiġu appoġġati u rispettati b'mod sħiħ l-artijiet agrikoli li jipprovdu beni pubbliċi fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-assorbiment tal-karbonju, inkluża l-biedja agroekoloġika;

69.  Iqis li huwa essenzjali li tinżamm l-art agrikola f'żoni muntanjużi u żoni periferiċi tal-Unjoni, u jappoġġa l-azzjonijiet kollha biex jiġi żgurat li l-azjendi li jinsabu hemm, fil-biċċa l-kbira fuq skala żgħira, ikollhom ukoll aċċess għal teknoloġija avvanzata mfassla għall-ħtiġijiet tagħhom;

70.  Iqis li huwa essenzjali li teknoloġiji emerġenti jkomplu jiġu żviluppati fl-UE, ma jiġux fgati b'regolamentazzjoni li toħloq piż bla bżonn, u jitħallew juru u jagħtu l-valur u l-benefiċċji tagħhom, peress li regolamentazzjoni tal-UE raġonevoli, orjentata lejn is-sikurezza u s-saħħa tal-konsumatur u l-protezzjoni tal-ambjent, ibbażata fuq xjenza indipendenti rieżaminata mill-pari, tippermetti li l-prodotti tal-azjendi agrikoli tal-UE jkunu kompetittivi u attraenti fis-swieq interni u dinjin, u jitlob li dak il-prinċipju jibqa' jinżamm sod;

71.  Jinnota, b'mod partikolari, l-ispejjeż għoljin, il-perjodi twal u l-inċertezza kummerċjali u ġuridika tal-introduzzjoni fis-suq ta' teknoloġiji ġodda u prodotti sostenibbli skont ir-regolamenti attwali tal-UE; jinnota li dawn il-fatti huma terġ' aktar evidenti fir-reġjuni l-aktar periferali, f'żoni rurali remoti, f'żoni żvantaġġati u f'żoni muntanjużi;

72.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tuża u ttejjeb il-karatteristiċi kollha tar-reġjuni l-aktar periferali billi twettaq proġetti pilota fil-qasam tal-innovazzjoni teknoloġika u xjentifika bl-għan li jitnaqqsu l-iżvantaġġi naturali tagħhom u, minħabba l-iskala żgħira tagħhom, id-diffikultà li jiksbu aċċess u li japplikaw l-aħħar żviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi;

73.  Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-qafas regolatorju tagħha b'konformità mal-prinċipji ta' regolamentazzjoni aħjar biex ikunu żgurati proċeduri deċiżjonali f'waqthom, effiċjenti u effikaċi, li jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp teknoloġiku tal-UE;

74.  Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-Mekkaniżmu l-ġdid ta' Pariri Xjentifiċi (SAM) biex tfassal qafas regolatorju li jpoġġi enfasi akbar fuq l-evidenza xjentifika indipendenti u bbażata fuq ir-riskji waqt li tiddetermina r-riskji, il-perikli u l-benefiċċji fl-adozzjoni jew in-nuqqas ta' adozzjoni ta' teknoloġiji, prodotti u prattiki ġodda;

75.  Jinnota appoġġ wiesa' għall-adozzjoni tal-prinċipju ta' innovazzjoni, li jeħtieġ li l-proposti leġiżlattivi tal-UE jiġu valutati bis-sħiħ f'termini tal-impatt tagħhom fuq l-innovazzjoni;

76.   Jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjonijiet aktar mifruxa fil-qasam tal-kooperazzjoni xjentifika fil-livell internazzjonali, bil-ħsieb, inter alia, ta' intensifikazzjoni tal-iskambju ta' informazzjoni u l-identifikazzjoni ta' opportunitajiet ta' żvilupp;

77.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  ĠU C 326, 26.10.2012, p. 47-390.
  • [2]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 965.
  • [3]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104.
  • [4]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487.
  • [5]  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.
  • [6]  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 71.
  • [7]  ĠU L 77, 15.3.2014, p. 44.
  • [8]  ĠU L 162, 30.4.2004, p. 18.
  • [9]  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.
  • [10]  Testi adottati, P7_TA(2014)0205.
  • [11]  Testi adottati, P8_TA(2015)0473.
  • [12]  Forum ta' Esperti ta' Livell Għoli tal-FAO (Ruma, 12-13 ta' Ottubru 2009), Global agriculture towards 2050 (L-arkitettura globali lejn l-2050); Tilman, D. Blazer, C. Hill, J. & Befort, L.B. Global food demand and the sustainable intensification of agriculture (Id-domanda globali għall-ikel u l-intensifikazzjoni sostenibbli tal-agrikoltura), PNAS, 2011 (http://www.pnas.org/content/108/50/20260).

NOTA SPJEGATTIVA

Waqt li l-popolazzjoni globali tiżdied, l-issodisfar tad-domanda għal ikel tajjeb għas-saħħa u tal-aħjar nutrizzjoni hija waħda mill-akbar sfidi li d-dinja qed tiffaċċja. Id-domanda għall-ikel mistennija tiżdied b'70 % sal-2050. It-tnaqqis tad-disponibilità tal-art, it-telf u d-degradazzjoni ambjentali, l-iskarsezza tal-ilma, iż-żieda fid-domanda għall-enerġija, u l-ħolqien ta' organiżmi ta' ħsara u mard ġdid qed jitfa' pressjoni konsiderevoli fuq l-ambjent naturali tagħna. Ir-riżultat huwa li l-bdiewa qed isibuha dejjem aktar diffiċli biex jipproduċu l-ikel b'mod sostenibbli.

L-innovazzjoni teknoloġika hija parti vitali tas-soluzzjoni. It-teknoloġiji agrikoli, b'mod partikolari, għandhom il-potenzjal li jagħmlu l-biedja aktar produttiva u aktar sostenibbli. Il-bdiewa jagħrfu u japprezzaw dan. Fil-fatt, ħafna jqisu t-teknoloġija – ġenetika, mekkanika u dejjem aktar diġitali – bħala l-uniku mod realistiku biex jingħelbu l-isfidi attwali.

L-UE għandha ssir mexxejja dinjija fit-teknoloġija, fl-innovazzjoni u fis-sostenibilità agrikoli. Dan ir-rapport hu mmirat lejn l-iżgurar li l-Ewropa jkollha settur agrikolu dinamiku li jiżviluppa firxa wiesgħa ta' innovazzjonijiet u teknoloġiji f'kull tip ta' agrikoltura, kemm jekk tradizzjonali, organika jew ta' tip ieħor. Għandna niżguraw li l-benefiċċji tal-innovazzjoni teknoloġika jkunu disponibbli għall-bdiewa kollha tagħna. Is-sejba ta' soluzzjonijiet li jiffunzjonaw fuq skala żgħira fil-komunitajiet rurali hija importanti daqs kemm hu l-indirizzar tal-isfidi li jiffaċċjaw ħafna mill-operaturi fuq skala kbira tagħna.

Il-ħtieġa li tittejjeb il-produttività, il-kompetittività u l-prestazzjoni ambjentali mhijiex relatata biss mal-ekonomija. B'madwar 805 miljun persuna fid-dinja li qed ibatu minn stat kroniku ta' nuqqas ta' ikel sustanzjuż u li dawn kważi kollha jgħixu f'pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw, l-Ewropa ċertament għandha obbligu morali li tottimizza l-produzzjoni agrikola u tkattar il-produzzjoni waqt li tkun qed tagħmel dan bl-aktar mod sostenibbli.

Filwaqt li t-tħassib globali dwar is-sigurtà tal-ikel u tal-ambjent wassal għal enfasi ġdid fuq ir-riċerka u l-iżvilupp fis-settur pubbliku f'dawn l-aħħar snin, l-agrikoltura Ewropea għadha lura meta mqabbla ma' ħafna mill-kompetituri internazzjonali tagħha. Huwa biss investiment sostnut u li jingħata prijorità fil-bażi tar-riċerka li jista' jaqleb din it-tendenza.

Il-punt tat-tluq għandu jkun investiment immirat fir-riċerka applikata u translazzjonali. Ir-riċerka mhux qed tiġi kummerċjalizzata biżżejjed, għalhekk il-bdiewa ma jistgħux jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet li jipprovdu t-teknoloġija ġdida u l-innovazzjoni. Bl-istess mod, fejn qed jiġu żviluppati teknoloġiji agrikoli, dawn it-teknoloġiji mhux kollha qegħdin jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-bdiewa, jew minħabba li t-teknoloġija għad trid tiġi ottimizzata jew adattata għall-kundizzjonijiet lokali tal-biedja, jew minħabba li teħtieġ kapital kbir u mhijiex aċċessibbli għall-bidwi ż-żgħir.

Filwaqt li l-bdiewa u x-xjenzati għandhom rwoli differenti fil-proċess ta' innovazzjoni, riżultati mtejba jistgħu jinkisbu biss fejn iż-żewġ partijiet jaħdmu flimkien aktar mill-qrib. Il-bdiewa huma l-utenti aħħarin ta' teknoloġiji ta' produzzjoni u ta' ġestjoni u l-atturi fil-katina tal-provvista li tiżviluppa dawn it-teknoloġiji għandhom jisfruttaw l-esperjenzi prattiċi tagħhom. Bl-istess mod, fejn il-bdiewa jiltaqgħu ma' sfida partikolari f'dan il-qasam, huma għandu jkollhom aċċess dirett għax-xjenzati u għandhom jagħmlu użu mir-riċerka bażika biex jiġu megħjuna jsibu soluzzjonijiet.

L-UE u l-Istati Membri, il-qasam akkademiku u l-industrija, inklużi n-nissiela, is-settur agrokimiku, il-bdiewa u l-manifatturi tal-ikel, għandhom jaħdmu lkoll flimkien biex itejbu t-transizzjoni mir-riċerka għall-prattika, mil-laboratorju għar-razzett għall-platt tal-ikel. Dan se jippermetti lill-Ewropa tiftaħ fażi ġdida fl-innovazzjoni agrikola.

L-investimenti reċenti u l-prijoritajiet ta' finanzjament ġodda fil-livell tal-Istati Membri u tal-UE joffru sinjali inkoraġġanti. Il-Programm Qafas Orizzont 2020 huwa l-akbar programm ta' riċerka u innovazzjoni tal-UE li qatt kien hemm, b'madwar EUR 80 biljun ta' finanzjament disponibbli tul 7 snin.

Investiment ġdid qiegħed ukoll iseħħ fl-Istati Membri. Fir-Renju Unit pereżempju, il-Gvern Britanniku qed jinvesti fi Strateġija "Agri-Tech" ġdida, li għandha l-għan li tagħmel ir-Renju Unit mexxej dinji fit-teknoloġija, l-innovazzjoni u s-sostenibilità agrikola. Din l-istrateġija għaddejja bħalissa u tinkludi investiment ta' £70 miljun f'Katalizzatur Agriteknoloġiku li jgħin biex jaċċellera l-kummerċjalizzazzjoni tar-riċerka agrikola, u £90 miljun ulterjuri għall-istabbiliment ta' Ċentri għall-Innovazzjoni Agrikola biex jiffinanzjaw progress fl-agrikoltura sostenibbli.

Sabiex dan iseħħ, huwa essenzjali li jiġu garantiti l-ħiliet idonei, u li jiġu attirati t-talent u l-kompetenza adatti lejn l-industrija. Il-ħiliet ta' riċerka meħtieġa għas-sostenn tas-settur qed jinbidlu rapidament u issa hemm riskju reali ta' nuqqas ta' ħiliet ogħla fl-agronomija u l-patoloġija tal-pjanti peress li bosta professjonisti li għandhom esperjenza f'dawn l-oqsma speċifiċi qegħdin joqorbu lejn l-età tal-irtirar. Fil-parti l-kbira tal-Ewropa, ċentri għall-edukazzjoni, it-taħriġ u l-innovazzjoni naqsu fl-għadd u jeħtieġ li jingħataw ħajja ġdida, b'mod partikolari fil-qasam emerġenti tal-inġinerija agrikola. Fi ftit kliem, l-UE u l-Istati Membri għandhom jistinkaw biex jagħmlu s-settur agrikolu Ewropew aktar attraenti għal min jidħol ġdid fis-settur, sew fl-iżvilupp tal-biedja, tar-riċerka jew tat-teknoloġija. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jaħdmu aktar mill-qrib mal-industrija biex jinbidlu l-perċezzjonijiet negattivi tas-settur, bħala industrija ta' ħiliet baxxi u teknoloġija baxxa, sabiex l-agrikultura tkun tista' tattira l-ħiliet meħtieġa.

Huwa wkoll importanti li jinħoloq ambjent regolatorju li jkun aktar favorevoli għall-innovazzjoni u li jiżgura li r-regolamenti tal-UE ma jservux ta' ostakli għall-innovazzjoni. Fin-nuqqas ta' reġim regolatorju ta' appoġġ, l-industrija Ewropea tirriloka għal swieq aktar dinamiċi. Ħafna drabi, il-leġiżlazzjoni tal-UE tqiegħed restrizzjonijiet fuq prodotti u teknoloġiji mingħajr evidenza adegwata tar-riskju. Il-leġiżlazzjoni tal-UE għandha tkun ibbażata fuq l-evidenza sabiex tħeġġeġ l-innovazzjoni.

Ħafna bdiewa u sidien tal-art huma negozji żgħar u huwa essenzjali li l-piż amministrattiv fuq dawn l-SMEs jitnaqqas kemm jista' jkun. Il-marġini fis-settur agrikolu huma żgħar u spejjeż żejda jheddu s-sopravvivenza ta' xi operazzjonijiet agrikoli żgħar.

Fl-aħħar nett, l-isfidi fit-tul tal-agrikoltura sostenibbli għandhom jiġu ssodisfati b'approċċ konġunt bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jiġi żgurat appoġġ għall-innovazzjoni teknoloġika, qafas regolatorju li jkun ibbażat fuq ir-riskju, imsejjes fuq l-evidenza xjentifika, fuq il-kontinwità ta' riċerka bażika u applikata u fuq l-iżvilupp ta' ħiliet marbutin mal-agrikoltura.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

26.4.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

23

14

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew, Clara Eugenia Aguilera García, Eric Andrieu, Richard Ashworth, José Bové, Paul Brannen, Daniel Buda, Nicola Caputo, Matt Carthy, Viorica Dăncilă, Michel Dantin, Paolo De Castro, Albert Deß, Herbert Dorfmann, Norbert Erdős, Edouard Ferrand, Luke Ming Flanagan, Martin Häusling, Anja Hazekamp, Jan Huitema, Peter Jahr, Jarosław Kalinowski, Zbigniew Kuźmiuk, Philippe Loiseau, Mairead McGuinness, Ulrike Müller, James Nicholson, Maria Noichl, Marijana Petir, Laurenţiu Rebega, Bronis Ropė, Jordi Sebastià, Jasenko Selimovic, Maria Lidia Senra Rodríguez, Czesław Adam Siekierski, Marc Tarabella, Janusz Wojciechowski, Marco Zullo

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Pilar Ayuso, Franc Bogovič, Jean-Paul Denanot, Jens Gieseke, Ivan Jakovčić, Norbert Lins, Anthea McIntyre, Sofia Ribeiro, Hannu Takkula, Ramón Luis Valcárcel Siso