Proċedura : 2016/2030(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0290/2016

Testi mressqa :

A8-0290/2016

Dibattiti :

PV 22/11/2016 - 16
CRE 22/11/2016 - 16

Votazzjonijiet :

PV 23/11/2016 - 10.6

Testi adottati :

P8_TA(2016)0441

RAPPORT     
PDF 785kWORD 66k
14 t'Ottubru 2016
PE 582.060v03-00 A8-0290/2016

dwar komunikazzjoni strateġika tal-UE biex tikkontrobatti l-propaganda kontriha minn partijiet terzi

(2016/2030(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Rapporteur: Anna Elżbieta Fotyga

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI TAL-MINORANZA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar komunikazzjoni strateġika tal-UE biex tikkontrobatti l-propaganda kontriha minn partijiet terzi

(2016/2030(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-2 ta' April 2009 dwar il-kuxjenza Ewropea u t-totalitarjaniżmu(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Summit ta' Strasburgu/Kehl tal-4 ta' April 2009 adottata fl-okkażjoni tas-60 anniversarju tan-NATO,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar strateġija dwar il-libertà diġitali fil-politika barranija tal-UE(2),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin kontra t-terroriżmu tad-9 ta' Frar 2015,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta' Marzu 2015,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Istrateġija Reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll għat-theddida tal-ISIL/Daesh, tas-16 ta' Marzu 2015, li ġew ikkonfermati mill-ġdid mill-Kunsill Affarijiet Barranin fit-23 ta' Mejju 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tat-18 ta' Mejju 2015 tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ): L-Unjoni Ewropea f'ambjent globali jinbidel – aktar konnessa, kontestata u kumplessa, u l-ħidma li għaddejja dwar l-Istrateġija ta' Sigurtà Globali l-ġdida tal-UE,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ġunju 2015 dwar l-istat tar-relazzjonijiet UE-Russja(3),

  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Komunikazzjoni Strateġika (Ref. Ares(2015)2608242 - 22/06/2015),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat(4),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Summit tan-NATO li sar f'Wales tal-5 ta' Settembru 2014,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2015 dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u tar-reklutaġġ ta' ċittadini Ewropej minn organizzazzjonijiet terroristiċi(5),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-28 ta' April 2015 dwar l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà (COM(2015)0185),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tas-6 ta' April 2016 bit-titolu ''Qafas konġunt biex jiġi miġġieled it-theddid ibridu: reazzjoni tal-Unjoni Ewropea" (JOIN(2016)0018),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill tal-20 ta' April 2016 dwar azzjoni fuq l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà biex jiġi miġġieled it-terroriżmu u titwitta t-triq lejn Unjoni ta' Sigurtà effettiva u ġenwina (COM(2016)0230),

–  wara li kkunsidra l-istudju ta' fattibbiltà tal-Fond Ewropew għad-Demokrazija dwar Inizjattivi tal-Midja bil-Lingwa Russa fis-Sħubija tal-Lvant u lil hinn, intitolat ''Bringing Plurality and Balance to the Russian Language Media Space'' (it-twassil tal-pluralità u tal-bilanċ fl-ispazju tal-midja bil-lingwa Russa),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali waqt il-ġlieda kontra t-terroriżmu (A/HRC/31/65),

–  wara li kkunsidra l-Kumment Ġenerali Nru 34 tal-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (CCPR/C/GC/34),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0290/2016),

A.  billi l-UE hija impenjata sabiex tiggwida l-azzjonijiet tagħha fix-xena internazzjonali b'konformità ma' prinċipji bħad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kif ukoll il-libertà tal-midja, l-aċċess għall-informazzjoni, il-libertà ta' espressjoni u l-pluraliżmu tal-midja, b'din tal-aħħar madankollu tista' sa ċertu punt tkun limitata kif stipulat fid-dritt internazzjonali, inklużi fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; billi l-atturi ta' partijiet terzi li għandhom l-għan li jiskreditaw l-Unjoni, ma jikkondividux l-istess valuri;

B.  billi l-UE, l-Istati Membri u ċ-ċittadini tagħha qegħdin taħt pressjoni sistematika dejjem tikber biex jittrattaw kampanji ta' informazzjoni, diżinformazzjoni u miżinformazzjoni u propaganda minn pajjiżi u atturi mhux statali, bħal organizzazzjonijiet kriminali u terroristiċi transnazzjonali fil-viċinat tagħha, li għandhom l-għan li jdgħajfu l-kunċett innifsu ta' informazzjoni oġġettiva jew ġurnaliżmu etiku, filwaqt li jiġġudikaw l-informazzjoni kollha bħala ppreġudikata jew strument ta' poter politiku, u li jiffukaw ukoll fuq valuri u interessi demokratiċi;

C.  billi l-libertà tal-midja, l-aċċess għall-informazzjoni u l-libertà ta' espressjoni huma l-pilastri bażiċi ta' sistema demokratika, fejn it-trasparenza tas-sjieda tal-midja u s-sorsi ta' finanzjament tal-midja huma ta' importanza kbira; billi strateġiji biex jiżguraw il-ġurnaliżmu ta' kwalità, il-pluraliżmu tal-midja u l-iċċekjar tal-fatti jistgħu jkunu effettivi biss sakemm il-fornituri tal-informazzjoni jgawdu l-fiduċja u l-kredibbiltà; billi, fl-istess ħin, għandu jkun hemm valutazzjoni kritika ta' kif jiġu ttrattati s-sorsi tal-midja li għandhom rekord ippruvat li ripetutament kienu involuti fi strateġija ta' qerq deliberat u diżinformazzjoni, speċjalment fil-''midja l-ġdida'', in-netwerks soċjali u l-qasam diġitali;

D.  billi l-gwerra tal-informazzjoni hija fenomenu storiku antik daqs il-gwerra nnifisha; billi l-gwerra ta' informazzjoni mmirata kontra l-Punent kienet tintuża b'mod estensiv mill-Unjoni Sovjetika matul il-Gwerra Bierda, u minn dak iż-żmien 'l hawn kienet parti integrali mill-gwerra ibrida moderna, li hija taħlita ta' miżuri ta' natura militari u mhux militari ta' natura moħbija u evidenti, użata biex tiddestabbilizza s-sitwazzjoni politika, ekonomika u soċjali tal-pajjiż taħt attakk, mingħajr dikjarazzjoni formali ta' gwerra, li timmira mhux biss lis-sħab tal-UE, iżda wkoll lill-UE nnifisha, l-istituzzjonijiet tagħha u l-Istati Membri kollha u ċ-ċittadini irrispettivament min-nazzjonalità u r-reliġjon tagħhom;

E.  billi permezz tal-annessjoni tal-Krimea min-naħa tar-Russja u l-gwerra ibrida mmexxija mir-Russja f'Donbass, il-Kremlin eskala l-konfrontazzjoni mal-UE; billi l-Kremlin żied il-gwerra ta' propoganda tiegħu, filwaqt li r-Russja qed taqdi rwol ikbar fl-ambjent tal-midja Ewropea bil-għan li toħloq appoġġ politiku fl-opinjoni pubblika Ewropea għall-azzjoni tar-Russja u ddgħajjef il-koerenza tal-politika estera tal-UE;

F.  billi l-propaganda għall-gwerra u kwalunkwe promozzjoni ta' mibegħda nazzjonali, razzjali jew reliġjuża li tikkostitwixxi inċitament għad-diskriminazzjoni, l-ostilità jew il-vjolenza huma pprojbiti bil-liġi skont l-Artikolu 20 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

G.  billi l-kriżi finanzjarja u l-avvanz ta' forom ġodda ta' midja diġitali ħolqu sfidi serji għal ġurnaliżmu ta' kwalità, u dan iwassal għal tnaqqis fil-ħsieb kritiku fost l-udjenzi, li b'hekk saru aktar suxxettibbli għad-diżinformazzjoni u l-manipulazzjoni;

H.  billi l-gwerra ta' propoganda u l-intrużjoni tal-midja Russa huma partikolarment b'saħħithom u ħafna drabi m'hemmx min jikkompetilhom fil-pajjiżi tal-Viċinat tal-Lvant; billi l-midja nazzjonali f'dawn il-pajjiżi ħafna drabi hija dgħajfa u mhijiex kapaċi tlaħħaq mas-saħħa u s-setgħa tal-midja Russa;

I.  billi t-teknoloġiji tal-gwerra tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni qed jitħaddmu sabiex jilleġittimizzaw azzjonijiet li jheddu s-sovranità tal-Istati Membri tal-UE, l-indipendenza politika, is-sigurtà taċ-ċittadini tagħhom u l-integrità territorjali tagħhom;

J.  billi l-UE ma tirrikonoxxix lill-ISIL/Daesh bħala stat jew organizzazzjoni simili għal stat;

K.  billi l-ISIS/Daesh, l-Al-Qaeda u gruppi terroristiċi ġiħadisti vjolenti jużaw b'mod sistematiku strateġiji ta' komunikazzjoni u propaganda diretta kemm offline kif ukoll online bħala parti mill-ġustifikazzjoni tal-azzjonijiet tagħhom kontra l-UE u l-Istati Membri u kontra l-valuri Ewropej, kif ukoll bil-għan li jsaħħu r-reklutaġġ taż-żgħażagħ Ewropej;

L.  billi wara d-Dikjarazzjoni tas-Summit tan-NATO fi Strasburgu/Kehl li enfasizzat l-importanza dejjem tikber li n-NATO tikkomunika b'mod xieraq, f'waqtu, preċiż u rapidu fuq ir-rwoli, l-objettivi u l-missjonijiet tagħha li qed jevolvu, ġie stabbilit iċ-Ċentru ta' Eċċellenza għall-Komunikazzjonijiet Strateġiċi tan-NATO (NATO StratCom CoE) fil-Latvja fl-2014, fatt li ntlaqa' mid-Dikjarazzjoni tas-Summit tan-NATO li sar f'Wales;

Komunikazzjoni Strateġika tal-UE biex tikkontrobatti l-propaganda kontriha minn partijiet terzi

1.  Jenfasizza li l-propoganda ostili kontra l-UE tieħu ħafna suriet differenti u tuża diversi strumenti, spiss imfassla biex iqabblu l-profili tal-Istati Membri tal-UE, bl-għan li tfixkel il-veritajiet, toħloq dubju, tifred lill-Istati Membri, tfassal firda strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u s-sħab tagħha tal-Amerika ta' Fuq u tipparalizza l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, tiskredita l-istituzzjonijiet tal-UE u s-sħubijiet transatlantiċi, li jaqdu rwol rikonoxxut fl-arkitettura Ewropea tas-sigurtà u dik ekonomika fl-għajnejn u l-imħuħ taċ-ċittadini tal-UE u taċ-ċittadini tal-pajjiżi ġirien, u xxekkel u tkisser in-narrattiva Ewropea bbażata fuq il-valuri demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt; ifakkar li waħda mill-iktar għodod importanti użata hija l-inċitament ta' biża' u inċertezza fiċ-ċittadini tal-UE, kif ukoll li atturi ostili tal-istat u dawk mhux statali jiġu ppreżentati ħafna aktar b'saħħithom milli huma fir-realtà; jinnota li reġimi awtoritarji oħra madwar id-dinja qed jużaw strateġiji simili għal dawk żviluppati mill-Kremlin;

2.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jirrikonoxxu li l-komunikazzjoni strateġika u l-gwerra tal-informazzjoni mhijiex biss kwistjoni esterna tal-UE iżda wkoll waħda interna, u jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-għadd ta' multiplikaturi ta' propoganda ostili li jinsabu fl-Unjoni; jinsab imħasseb dwar l-għarfien limitat fost xi Stati Membri tagħha li huma l-udjenzi u l-areni ta' propaganda u diżinformazzjoni; jistieden f'dan ir-rigward lill-atturi tal-UE biex jindirizzaw in-nuqqas attwali ta' ċarezza u ftehim dwar x'għandu jitqies bħala propaganda u diżinformazzjoni, biex jiżviluppaw b'kooperazzjoni mar-rappreżentanti tal-midja u esperti mill-Istati Membri tal-UE sett komuni ta' definizzjonijiet u jiġbru data u informazzjoni dwar il-konsum ta' propaganda;

3.  Jinnota li d-diżinformazzjoni u l-propaganda jagħmlu parti mill-gwerra ibrida; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li titqajjem kuxjenza u tintwera assertività permezz tal-komunikazzjoni istituzzjonali/politika, ir-riċerka ta' gruppi ta' riflessjoni/ akkademiċi, kampanji tal-midja soċjali, inizjattivi tas-soċjetà ċivili, il-litteriżmu medjatiku u azzjonijiet utli oħra;

4.  Jenfasizza li l-istrateġija ta' propaganda u ta' diżinformazzjoni kontra l-UE minn pajjiżi terzi tista' tieħu diversi forom u tinvolvi, b'mod partikolari, il-midja tradizzjonali, in-netwerks soċjali, il-programmi skolastiċi u l-partiti politiċi, kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll barra minnha;

5.  Jinnota n-natura multidimensjonali tal-komunikazzjoni strateġika attwali tal-UE f'diversi livelli, inklużi l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri, diversi korpi tan-NATO u tan-NU, l-NGOs u l-organizzazzjonijiet ċiviċi, u jitlob li jkun hemm l-aħjar koordinazzjoni possibbli u skambju ta' informazzjoni bejn dawn il-partijiet; jappella għal aktar kooperazzjoni u skambju ta' informazzjoni bejn id-diversi partijiet li esprimew tħassib dwar dawn l-isforzi ta' propaganda u jixtiequ jfasslu strateġiji għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni; jemmen li, fil-kuntest tal-UE, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jiġu fdati b'tali koordinazzjoni;

6.  Jirrikonoxxi li l-UE għandha tikkunsidra l-isforzi ta' komunikazzjoni strateġika tagħha bħala prijorità, li għandha tinvolvi riżorsi rilevanti; itenni li l-UE hija mudell ta' suċċess ta' integrazzjoni li għalkemm fi kriżi, għadha tattira l-pajjiżi li jixtiequ jirreplikaw dan il-mudell u jsiru parti minnha; jenfasizza, għaldaqstant, li l-UE jeħtiġilha tikkomunika l-messaġġ pożittiv tagħha dwar is-suċċessi, il-valuri u l-prinċipji tagħha b'determinazzjoni u kuraġġ, u għandha bżonn tkun offensiva fin-narrattiva tagħha, u mhux difensiva;

Nirrikonoxxu u nesponu d-diżinformazzjoni Russa u l-gwerra ta' propaganda

7.  Jinnota b'dispjaċir li r-Russja tuża kuntatti u laqgħat mal-kontropartijiet tal-UE għal skopijiet ta' propaganda u biex iddgħajjef pubblikament il-pożizzjoni komuni tal-UE, aktar milli biex tistabbilixxi djalogu reali;

8.  Jirrikonoxxi li l-gvern Russu qed juża b'mod aggressiv firxa wiesgħa ta' għodod u strumenti, bħal gruppi ta' riflessjoni u fondazzjonijiet speċjali (pereżempju Russkiy Mir), awtoritajiet speċjali (Rossotrudnichestvo), stazzjonijiet tat-televiżjoni multilingwi (pereżempju RT), aġenziji taparsi tal-aħbarijiet u servizzi multimedjali (pereżempju Sputnik), gruppi transkonfinali soċjali u reliġjużi, hekk kif ir-reġim irid jippreżenta ruħu bħala l-uniku difensur tal-valuri Nsara tradizzjonali, li l-midja soċjali u t-trolls tal-internet jisfidaw il-valuri demokratiċi, li jifred l-Ewropa, jiġbor appoġġ intern u joħloq il-perċezzjoni ta' stati falluti fil-viċinat tal-Lvant tal-UE; jenfasizza li r-Russja tinvesti r-riżorsi finanzjarji tagħha fuq strumenti ta' diżinformazzjoni u propaganda li jintużaw jew direttament mill-istat jew minn kumpaniji u organizzazzjonijiet ikkontrollati mill-Kremlin; jenfasizza li, minn naħa l-waħda, il-Kremlin qed jiffinanzja partiti politiċi u organizzazzjonijiet oħra fi ħdan l-UE bil-ħsieb li jimmina l-koeżjoni politika, u li, min-naħa l-oħra, il-propoganda tal-Kremlin timmira direttament lejn ġurnalisti, politiċi u individwi speċifiċi fl-UE;

9.  Ifakkar li s-servizzi tas-sigurtà u l-intelligence jikkonkludu li r-Russja għandha l-kapaċità u l-intenzjoni li twettaq operazzjonijiet maħsuba biex jiddestabilizzaw pajjiżi oħra; jirrimarka li dan sikwit jieħu l-għamla ta' appoġġ ta' politiċi estremisti u diżinformazzjoni u kampanji tal-midja tal-massa fuq skala kbira; jinnota, barra minn hekk, li tali kumpaniji tal-midja huma preżenti u attivi fl-UE;

10.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-istrateġija ta' informazzjoni tal-Kremlin tikkomplementa l-politika tiegħu li jsaħħaħ ir-relazzjonijiet bilaterali, il-kooperazzjoni ekonomika u proġetti konġunti ma' Stati Membri individwali tal-UE sabiex idgħajjef il-koerenza u jimmina l-politiki tal-UE;

11.  Jargumenta li l-komunikazzjoni strateġika Russa hija parti minn kampanja sovversiva akbar tal-UE biex tiddgħajjef il-kooperazzjoni u s-sovranità tal-UE, kif ukoll l-indipendenza politika u l-integrità territorjali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha; iħeġġeġ lill-gvernijiet tal-Istati Membri joqogħdu attenti għal operazzjonijiet ta' informazzjoni Russi fuq territorju Ewropew u jżidu l-kondiviżjoni tal-kapaċità u l-isforzi ta' kontrospjunaġġ immirati biex jiġġieldu tali operazzjonijiet;

12.  Jesprimi l-kritika qawwija tiegħu għall-isforzi tar-Russja biex tfixkel il-proċess ta' integrazzjoni tal-UE u jiddeplora, f'dan ir-rigward, l-appoġġ tar-Russja għal forzi kontra l-UE fi ħdan l-UE fir-rigward, b'mod partikolari, tal-partiti tal-lemin estrem, il-forzi populisti u l-movimenti li jopponu l-valuri bażiċi ta' demokraziji liberali;

13.  Jinsab serjament imħasseb dwar l-espansjoni rapida ta' attivitajiet ispirati mill-Kremlin fl-Ewropa, inklużi diżinformazzjoni u propaganda li jfittxu li jżommu jew iżidu l-influwenza tar-Russja biex iddgħajjef u taqsam l-UE; jenfasizza li parti kbira tal-propaganda ostili tal-Kremlin għandha l-għan li tgħid li xi pajjiżi Ewropej jappartjenu għall-''isfera tradizzjonali tal-influwenza Russa'' u b'hekk jimminaw is-sovranità tagħhom u l-identità Ewropea profonda tagħhom, li fl-imgħoddi kienet imminata minn reġimi komunisti; jinnota li waħda mill-istrateġiji ewlenin tagħha hija li tiċċirkola u timponi narrativa alternattiva, spiss ibbażata fuq interpretazzjoni manipulata ta' avvenimenti storiċi u mmirata biex tiġġustifika l-azzjonijiet esterni tagħha, u l-interessi ġeopolitiċi; jinnota li l-falsifikazzjoni ta' ġrajjiet storiċi hi waħda mill-istrateġiji ewlenin tagħha; jinnota f'dan ir-rigward il-ħtieġa li titqajjem kuxjenza dwar ir-reati ta' reġimi komunisti permezz ta' kampanji pubbliċi u sistemi edukattivi, u li jiġu appoġġati attivitajiet ta' riċerka u dokumentazzjoni, speċjalment f'dawk li qabel kienu Membri tal-blokk Sovjetiku, biex jegħlbu n-narrativa tal-Kremlin;

14.  Jenfasizza li r-Russja qed tisfrutta n-nuqqas ta' qafas internazzjonali legali f'oqsma bħaċ-ċibersigurtà, u n-nuqqas ta' responsabbiltà fir-regolament dwar il-midja, u qed iddawwar favuriha kull ambigwità f'dawn il-kwistjonijiet; jenfasizza li attivitajiet aggressivi tar-Russja fil-qasam ċibernetiku jiffaċilitaw il-gwerra tal-informazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex jagħtu attenzjoni lir-rwol tal-Punti ta' Skambju tal-Internet bħala infrastruttura kritika fl-istrateġija ta' sigurtà tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa kruċjali li tkun żgurata r-reżiljenza tas-sistemi ta' informazzjoni fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri, speċjalment kontra ċaħdiet u tfixkil li jista' jkollhom rwol ċentrali f'kunflitt ibridu u l-ġlieda kontra l-propaganda, u biex jikkooperaw mill-qrib f'dan ir-rigward man-NATO, b'mod partikolari maċ-Ċentru ta' Eċċellenza fil-qasam taċ-Ċiberdifiża Kooperattiva tan-NATO;

15.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw mekkaniżmi koordinati ta' komunikazzjoni strateġika biex jappoġġaw l-attribuzzjoni u jiġġieldu kontra d-diżinformazzjoni u l-propoganda sabiex jesponu t-theddid ibridu;

Nifhmu u nindirizzaw il-gwerra tal-informazzjoni tal-ISIL/Daesh, il-metodi ta' diżinformazzjoni u ta' radikalizzazzjoni

16.  Huwa konxju tal-firxa ta' strateġiji impjegati mill-ISIL/Daesh kemm fil-livell reġjonali u kemm dak globali biex jippromwovu n-narrativi politiċi, reliġjużi, soċjali, ta' mibegħda u vjolenti tagħhom; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jiżviluppaw kontronarrativa għall-ISIL/Daesh li tinvolvi s-sistema tal-edukazzjoni u tinkludi l-għoti tas-setgħa u ż-żieda fil-viżibbiltà ta' studjużi Musulmani ewlenin li huma kredibbli biex jiddeleġittimizzaw il-propaganda tal-ISIL/Daesh; jilqa' l-isforzi tal-Koalizzjoni Globali biex tiġġieled kontra l-ISIL/Daesh u jappoġġja f'dan ir-rigward l-Istrateġija Reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jiżviluppaw u jxerrdu kontronarrativa li tindirizza l-propaganda ġiħadista, b'enfasi partikolari fuq dimensjoni edukattiva li turi kif il-promozzjoni tal-Iżlam radikali hija teoloġikament korrotta;

17.  Jinnota li organizzazzjonijiet terroristiċi Iżlamiċi, speċjalment l-ISIL/Daesh u l-Al-Qaeda, huma involuti f'kampanji ta' informazzjoni attivi bl-għan li jimminaw u jżidu l-livell ta' mibegħda kontra l-valuri u l-interessi Ewropej; jinsab imħasseb dwar l-użu mifrux mill-ISIL/Daesh tal-għodod tal-midja soċjali u speċjalment Twitter u Facebook biex javvanzaw l-objettivi ta' propoganda u ta' reklutaġġ tagħhom, speċjalment fost iż-żgħażagħ; jenfasizza l-importanza li tiġi inkluża l-istrateġija ta' kontropropaganda kontra l-ISIL/Daesh fi ħdan strateġija reġjonali usa' u komprensiva li tgħaqqad għodod diplomatiċi, soċjoekonomiċi, tal-iżvilupp u tal-prevenzjoni tal-kunflitti; jilqa' l-ħolqien ta' Task Force StratCom iddedikata għan-Nofsinhar, li għandha l-potenzjal li tikkontribwixxi b'mod effettiv biex tkisser u tiġġieled il-propoganda estremista u l-influwenza tal-ISIL/Daesh;

18.  Jenfasizza li l-UE u ċ-ċittadini Ewropej huma mira ewlenija għall-ISIL/Daesh u jappella lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jaħdmu aktar mill-qrib sabiex iħarsu lis-soċjetà, b'mod partikolari liż-żgħażagħ, mir-reklutaġġ, u b'hekk titjieb ir-reżiljenza tagħhom kontra r-radikalizzazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa għal enfasi aktar imsaħħa fuq it-titjib tal-għodod u l-metodi tal-UE, l-aktar fil-qasam ċibernetiku; iħeġġeġ lil kull Stat Membru, b'ħidma mill-qrib maċ-Ċentru ta' Eċċellenza tan-Netwerk ta' Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni stabbilit f'Ottubru 2015, jinvestiga u jindirizza b'mod effettiv ir-raġunijiet soċjodemografiċi sottostanti li huma l-kawża ewlenija tal-vulnerabbiltà għar-radikalizzazzjoni kif ukoll l-arranġamenti istituzzjonali multidimensjonali (li jgħaqqdu r-riċerka universitarja, l-amministrazzjonijiet tal-ħabsijiet, il-pulizija, il-qrati, is-servizzi soċjali u s-sistemi edukattivi) u jiġġilidhom; jenfasizza li l-Kunsill appella għall-promozzjoni ta' miżuri ta' reazzjoni tal-ġustizzja kriminali biex jiġġieled ir-radikalizzazzjoni li twassal għat-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti;

19.  Jistieden lill-Istati Membri jaħdmu biex iwaqqfu l-aċċess tal-ISIL/Daesh għall-finanzjament u għall-fondi u jippromwovu dan il-prinċipju fl-azzjoni esterna tal-UE, u jenfasizza l-bżonn li jesponu in-natura vera tal-ISIL/Daesh u jirrinunzjaw il-leġittimizzazzjoni ideoloġika tagħhom;

20.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jieħdu azzjoni konsistenti mal-UE kollha kontra d-diskors ta' mibegħda li qed jiġi promoss b'mod sistematiku minn predikaturi intolleranti u radikali permezz ta' priedki, kotba, programmi televiżivi, l-internet u mezzi oħra ta' komunikazzjoni li joħolqu art għammiela biex jirnexxu organizzazzjonijiet terroristiċi bħall-ISIL/Daesh u l-Al-Qaeda;

21.  Jenfasizza l-importanza li l-UE u l-Istati Membri jikkooperaw ma' fornituri tas-servizzi tal-midja soċjali biex il-propaganda tal-ISIL/Daesh tinfirex permezz ta' mezzi tal-midja soċjali;

22.  Jenfasizza li l-organizzazzjonijiet terroristiċi Iżlamiċi, speċjalment l-ISIL/Daesh u l-Al-Qaeda, huma involuti f'kampanji ta' diżinformazzjoni attivi bil-għan li jimminaw il-valuri u l-interessi Ewropej; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza ta' strateġija speċifika biex jiġu miġġielda l-propaganda u d-diżinformazzjoni Iżlamisti kontra l-UE;

23.  Jenfasizza li komunikazzjoni mhux ippreġudikata, affidabbli u oġġettiva u flussi ta' informazzjoni bbażati fuq il-fatti dwar l-iżviluppi fil-pajjiżi tal-UE jipprevjenu t-tixrid tal-propaganda mħeġġa minn partijiet terzi;

L-istrateġija tal-UE biex tikkontrobatti l-propaganda

24.  Jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Komunikazzjoni Strateġika; jilqa' l-komunikazzjoni konġunta dwar il-Qafas Konġunt biex jiġi miġġieled it-theddid ibridu u jappella li r-rakkomandazzjonijiet tiegħu jiġu approvati u implimentati mingħajr dewmien; jenfasizza li l-azzjonijiet proposti jirrikjedu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni tal-atturi rilevanti kollha fil-livell tal-UE u dak nazzjonali; huwa tal-opinjoni li approċċ komprensiv biss jista' jwassal għas-suċċess tal-isforzi tal-UE; jistieden lill-Istati Membri li jkollhom il-presidenza b'rotazzjoni tal-UE biex dejjem jinkludu l-komunikazzjonijiet strateġiċi bħala parti mill-programm tagħhom sabiex jiżguraw il-kontinwità tal-ħidma dwar dan is-suġġett; jilqa' l-inizjattivi u l-kisbiet tal-Presidenza Latvjana f'dan ir-rigward; jistieden lill-VP/RGħ tiżgura komunikazzjoni frekwenti fil-livell politiku mal-Istati Membri sabiex l-azzjonijiet tal-UE jiġu koordinati aħjar; jenfasizza li l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO fil-qasam tal-komunikazzjoni strateġika għandha tissaħħaħ b'mod sostanzjali; jilqa' l-intenzjoni tal-Presidenza Slovakka li torganizza konferenza dwar it-totalitarjaniżmu fl-okkażjoni tal-Jum Ewropew għat-tifkira tal-vittmi tar-reġimi totalitarji;

25.  Jitlob lill-istituzzjonijiet kompetenti tal-UE u lill-awtoritajiet jimmonitorjaw mill-qrib s-sorsi ta' finanzjament ta' propaganda kontra l-Ewropa;

26.  Jenfasizza li huwa meħtieġ aktar finanzjament biex tiġi appoġġata l-libertà tal-midja fil-pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) fil-kamp ta' applikazzjoni tal-istrumenti demokratiċi tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni f'dan ir-rigward tiżgura l-isfruttament sħiħ tal-istrumenti eżistenti bħalma huma l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR), il-PEV, l-Osservatorju tal-Libertà tal-Midja tas-Sħubija tal-Lvant u l-EED fir-rigward tal-ħarsien tal-libertà u l-pluraliżmu tal-midja;

27.  Jinnota r-riżorsi enormi ddedikati għal attivitajiet ta' propaganda mir-Russja u l-impatt possibbli ta' propaganda ostili dwar proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet fl-UE u d-dgħufija tal-fiduċja pubblika, it-trasparenza u d-demokrazija; ifaħħar il-ħidma sinifikanti mwettqa mit-Task Force għall-Komunikazzjoni Strateġika tal-UE; jitlob għalhekk li t-Task Force għall-Komunikazzjoni Strateġika tal-UE għall-komunikazzjoni tissaħħaħ billi ssir unità kompluta fi ħdan is-SEAE, responsabbli għall-viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar, b'persunal u b'riżorsi baġitarji adegwati, possibbilment permezz ta' linja tal-baġit speċifika addizzjonali; jitlob li jkun hemm kooperazzjoni msaħħa bejn is-servizzi tal-intelligence tal-Istati Membri, bil-għan li tiġi vvalutata l-influwenza eżerċitata minn pajjiżi terzi li qed ifittxu li jimminaw il-bażi demokratika u l-valuri tal-UE; jappella għal kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-Parlament u s-SEAE dwar il-komunikazzjoni strateġika, inkluż permezz tal-użu tal-kapaċitajiet analitiċi tal-Parlament u l-Uffiċċji ta' Informazzjoni fl-Istati Membri;

28.  Jenfasizza li huwa essenzjali li l-UE tkompli tippromwovi b'mod attiv ir-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali permezz tal-azzjonijiet esterni tagħha; iqis li l-appoġġ għal-libertà ta' espressjoni, il-libertà ta' għaqda, id-dritt tal-aċċess għall-informazzjoni u l-indipendenza tal-midja fil-pajjiżi ġirien għandhom jirfdu l-azzjonijiet tal-UE fil-ġlieda kontra l-propaganda;

29.  Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-pluralità tal-midja u l-oġġettività, l-imparzjalità u l-indipendenza tal-midja fl-Unjoni Ewropea u fil-viċinat tagħha, inklużi l-atturi mhux statali, fost l-oħrajn permezz ta' appoġġ għall-ġurnalisti u l-iżvilupp ta' programmi ta' bini tal-kapaċità għall-atturi tal-midja, bit-trawwim ta' sħubiji u netwerks ta' skambju ta' informazzjoni, bħalma huma pjattaformi ta' kondiviżjoni tal-kontenut, riċerka relatata mal-midja, opportunitajiet ta' mobbiltà u ta' taħriġ għall-ġurnalisti u kollokamenti ma' entitajiet tal-midja bbażati fl-UE biex jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-aqwa prattiki;

30.  Jenfasizza r-rwol importanti ta' edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità fil-ġurnaliżmu ġewwa u barra l-UE bil-għan li jiġu prodotti analiżijiet ġurnalistiċi ta' kwalità u standards editorjali għoljin; jisħaq li l-promozzjoni tal-valuri tal-UE tal-libertà tal-istampa u ta' espressjoni u l-pluralità tal-midja tinkludi l-għoti ta' appoġġ lill-ġurnalisti ppersegwitati u li qed jinżammu l-ħabs u lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi;

31.  Iħeġġeġ kooperazzjoni aktar b'saħħitha bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, il-Fond Ewropew għad-Demokrazija (EED), l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), il-Kunsill tal-Ewropa u l-Istati Membri sabiex tiġi evitata duplikazzjoni u tiġi żgurata sinerġija f'inizjattivi simili;

32.  Jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward tal-problemi ewlenin relatati mal-indipendenza u l-libertà tal-midja f'ċerti Stati Membri, kif rappurtat minn organizzazzjonijiet internazzjonali bħal Reporters mingħajr fruntieri; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jadottaw miżuri xierqa biex itejbu s-sitwazzjoni eżistenti fis-settur tal-midja, bil-ħsieb li tiġi żgurata li l-azzjoni esterna tal-UE favur il-libertà, l-imparzjalità u l-indipendenza tal-midja tkun kredibbli;

33.  Jitlob lit-Task Force għall-Komunikazzjoni Strateġika, imsaħħa kif propost u taħt l-isem tal-utent ta' Twitter @EUvsDisInfo, twaqqaf spazju fuq l-internet fejn il-pubbliku inġenerali jista' jsib firxa ta' għodod għall-identifikazzjoni ta' diżinformazzjoni, bi spjegazzjoni ta' kif jaħdmu, u li jistgħu jservu ta' mezz ta' trażmissjoni għall-bosta inizjattivi tas-soċjetà ċivili ffukati fuq din il-kwistjoni;

34.  Jafferma li strateġija ta' komunikazzjoni effiċjenti għandha tinkludi lill-komunitajiet lokali f'diskussjonijiet dwar l-azzjonijiet tal-UE, tipprovdi appoġġ għal kuntatt interpersonali, u tagħti kunsiderazzjoni adegwata lill-iskambji kulturali u soċjali bħala pjattaformi ewlenin fil-ġlieda kontra l-preġudizzji tal-popolazzjonijiet lokali; ifakkar f'dan ir-rigward, li d-delegazzjonijiet tal-UE għandhom iżommu kuntatt dirett mal-partijiet ikkonċernati fil-livell lokali u mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili;

35.  Jenfasizza li l-inċitament għall-mibegħda, il-vjolenza jew il-gwerra ma jistax "jinħeba" wara l-libertà ta' espressjoni; jinkoraġġixxi li jittieħdu inizjattivi ġuridiċi f'dan ir-rigward biex ikun hemm aktar responsabbiltà fit-trattament tad-diżinformazzjoni;

36.  Jenfasizza l-importanza li l-politiki tal-UE jiġu kkomunikati b'mod koerenti u effettiv, kemm internament kif ukoll esternament, u li jiġu pprovduti komunikazzjonijiet imfassla apposta lil reġjuni speċifiċi, inkluż l-aċċess għall-informazzjoni bil-lingwi lokali; jilqa' f'dan il-kuntest, il-varar tas-sit web tas-SEAE bir-Russu bħala l-ewwel pass fid-direzzjoni t-tajba, u jħeġġeġ li s-sit web tas-SEAE jiġi tradott għal aktar lingwi, bħalma huma l-Għarbi u t-Tork;

37.  Jenfasizza r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jkunu attivi, preventivi u kooperattivi fil-ġlieda kontra operazzjonijiet ta' informazzjoni ostili fit-territorji tagħhom jew immirati li jimminaw l-interessi tagħhom; iħeġġeġ lill-gvernijiet tal-Istati Membri biex jiżviluppaw il-kapaċitajiet ta' komunikazzjoni strateġiċi tagħhom;

38.  Jistieden lil kull Stat Membru biex iż-żewġ bullettini ta' kull ġimgħa, The Disinformation Digest u The Disinformation Review tat-Task Force għall-Komunikazzjoni Strateġika tal-UE, isiru disponibbli għaċ-ċittadini tagħhom sabiex tinħoloq sensibilizzazzjoni fost il-pubbliku inġenerali dwar il-metodi ta' propoganda użati minn partijiet terzi;

39.  Jinsisti fuq id-differenza bejn propaganda u kritika;

40.  Jenfasizza li filwaqt li mhux neċessarjament il-kritika kollha tal-UE jew il-politiki tagħha tikkostitwixxi propaganda jew diżinformazzjoni, partikolarment meta din issir fil-kuntest tal-espressjoni politika, każijiet ta' manipulazzjoni jew appoġġ marbuta ma' pajjiżi terzi u intenzjonati biex jagħtu n-nar jew jaggravaw lil din il-kritika jagħtu lok biex wieħed jiddubita l-affidabbiltà ta' dawn il-messaġġi;

41.  Jenfasizza li filwaqt li wieħed għandu jieħu pożizzjoni rigward il-propaganda u d-diżinformazzjoni kontra l-UE minn pajjiżi terzi, dan ma għandux jixħet dubju fuq l-importanza li jinżammu relazzjonijiet kostruttivi mal-pajjiżi terzi u li dawn isiru sħab strateġiċi fl-indirizzar ta' sfidi komuni;

42.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Komunikazzjoni Strateġika u l-istabbiliment tat-Tim StratCom tal-Lvant fi ħdan is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), bil-għan li jikkomunika l-politiki tal-UE u jiġġieled il-propaganda u d-diżinformazzjoni kontra l-UE; jitlob biex tiġi intensifikata aktar il-komunikazzjoni strateġika; jemmen li l-effiċjenza u t-trasparenza tal-ħidma tat-Tim StratCom tal-Lvant jeħtieġ li jittejbu aktar; jistieden lis-SEAE jiżviluppa kriterji biex ikejjel l-effiċjenza ta' ħidmietu; jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati finanzjament suffiċjenti u persunal adegwat għat-Tim StratCom tal-Lvant;

43.  Jinnota li l-Analiżi tad-Diżinformazzjoni, ippubblikata mit-Task Force StratCom tal-Lvant trid tissodisfa l-istandards ipprovduti fid-Dikjarazzjoni tal-Prinċipji tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Ġurnalisti (IFJ) dwar l-Imġiba tal-Ġurnalisti; jenfasizza li din l-analiżi għandha tiġi abbozzata b'mod xieraq, mingħajr l-użu ta' lingwaġġ offensiv jew ġudizzji ta' valur; jistieden lit-Task Force StratCom tal-Lvant teżamina mill-ġdid il-kriterji użati għall-abbozzar ta' din l-analiżi;

44.  Jemmen li strateġija effiċjenti biex wieħed jiġġieled il-propaganda kontra l-UE tista' tkun l-adozzjoni ta' miżuri biex tingħata informazzjoni adegwata u interessanti lill-udjenza fil-mira dwar l-attivitajiet tal-UE, il-valuri Ewropej u kwistjonijiet oħra ta' interess pubbliku, u jenfasizza li għal skopijiet bħal dawn jistgħu jintużaw teknoloġiji moderni u netwerks soċjali;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproċedi b'ċerti inizjattivi legali sabiex tkun aktar effettiva u responsabbli meta tittratta d-diżinformazzjoni u l-propaganda u tuża r-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat biex tippromwovi t-tisħiħ tar-reżiljenza tal-midja bħala prijorità strateġika; jistieden lill-Kummissjoni twettaq rieżami bir-reqqa tal-effiċjenza ta' strumenti finanzjarji eżistenti tal-UE u tippreżenta proposta għal soluzzjoni komprensiva u flessibbli li tista' tipprovdi appoġġ dirett għall-mezzi tax-xandir indipendenti, il-gruppi ta' riflessjoni u l-NGOs speċjalment fil-lingwa materna tal-grupp fil-mira, u tippermetti l-użu ta' riżorsi addizzjonali lill-organizzazzjonijiet li għandhom il-kapaċità jagħmlu dan, bħall-Fond Ewropew għad-Demokrazija, filwaqt li tnaqqas il-flussi finanzjarji mmirati lejn l-iffinanzjar ta' individwi u entitajiet involuti f'attivitajiet StratCom, l-inċitament għall-vjolenza u l-mibegħda; jistieden lill-Kummissjoni twettaq awditjar bir-reqqa tal-effiċjenza ta' proġetti tal-midja fuq skala kbira ffinanzjati mill-UE, bħal Euronews;

46.  Jenfasizza l-importanza li jkun hemm sensibilizzazzjoni, edukazzjoni, midja online u litteriżmu tal-informazzjoni fl-UE u fil-Viċinat, bil-għan li ċ-ċittadini jingħataw is-setgħa janalizzaw b'mod kritiku l-kontenut tal-midja sabiex jidentifikaw il-propaganda; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza li jissaħħaħ l-għarfien fil-livelli kollha tas-sistema edukattiva; jenfasizza l-ħtieġa li n-nies jiġu mħeġġa favur ċittadinanza attiva u jiżviluppaw l-għarfien tagħhom bħala konsumaturi tal-midja; jenfasizza r-rwol ewlieni ta' għodod online, speċjalment il-midja soċjali fejn it-tixrid ta' informazzjoni ħażina u t-tnedija ta' kampanji ta' diżinformazzjoni huma aktar faċli u ħafna drabi ma jiffaċċjaw l-ebda ostaklu; ifakkar li l-ġlieda kontra l-propaganda permezz ta' propaganda hija kontroproduttiva, u għalhekk jifhem li l-UE, bħala entità sħiħa, u l-Istati Membri, fil-livell individwali, jistgħu jiġġieldu l-propaganda minn partijiet terzi biss billi jiskreditaw kampanji ta' diżinformazzjoni u jagħmlu użu minn messaġġi u informazzjoni pożittivi, u għandhom jiżviluppaw strateġija verament effettiva li tkun divrenzjata u adattata għan-natura tal-atturi li qed ixerrdu l-propaganda; jirrikonoxxi li l-kriżi finanzjarja u l-avvanz ta' forom ġodda ta' midja diġitali ħolqu sfidi serji għal ġurnaliżmu ta' kwalità;

47.  Jesprimi tħassib dwar l-użu tal-midja soċjali u l-pjattaformi online għal diskors ta' mibegħda kriminali u l-inċitament għall-vjolenza, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jadattaw u jaġġornaw il-leġiżlazzjoni sabiex jindirizzaw l-iżviluppi li għaddejjin, jew jimplimentaw u jinfurzaw bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni eżistenti dwar id-diskors ta' mibegħda, kemm offline kif ukoll online; jisħaq li tinħtieġ kollaborazzjoni akbar mal-pjattaformi online u mal-kumpaniji ewlenin tal-internet u tal-midja;

48.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu u jiżguraw il-qafas meħtieġ għal ġurnaliżmu ta' kwalità u għal varjetà ta' informazzjoni billi jiġġieldu kontra l-konċentrazzjonijiet tal-midja, li għandhom impatt negattiv fuq il-pluraliżmu tal-midja;

49.  Jinnota li l-edukazzjoni fil-midja tipprovdi għarfien u ħiliet, u tagħti s-setgħa liċ-ċittadini biex jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà ta' espressjoni, janalizzaw b'mod kritiku l-kontenut tal-midja u jirreaġixxu għad-diżinformazzjoni; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li jkun hemm sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji tad-diżinformazzjoni permezz ta' azzjonijiet ta' litteriżmu medjatiku fil-livelli kollha, inkluż permezz ta' kampanja ta' informazzjoni Ewropea dwar l-etika medjatika, ġurnalistika u editorjali u billi titrawwem kooperazzjoni aħjar mal-pjattaformi soċjali u jiġu promossi inizjattivi konġunti biex jiġu indirizzati d-diskors ta' mibegħda, l-inċitament għall-vjolenza u d-diskriminazzjoni online;

50.  Jinnota li l-ebda strateġija ta' setgħa ta' persważjoni ma tista' tirnexxi mingħajr id-diplomazija kulturali u l-promozzjoni tad-djalogu interkulturali bejn u fi ħdan il-pajjiżi, fl-UE u lil hinn minnha; jinkoraġġixxi, għaldaqstant, azzjonijiet u inizjattivi diplomatiċi pubbliċi u kulturali fit-tul, bħalma huma boroż ta' studju u programmi ta' skambju għall-istudenti u l-professjonisti żgħażagħ, inklużi inizjattivi biex jingħata appoġġ lid-djalogu interkulturali, jissaħħu r-rabtiet kulturali mal-UE u jiġu promossi r-rabtiet kulturali u l-wirt kulturali komuni, u l-għoti ta' taħriġ adatt għall-persunal tad-delegazzjonijiet tal-UE u tas-SEAE biex jgħammruhom b'ħiliet interkulturali adegwati;

51.  Jemmen li l-midja pubblika għandha tagħti eżempju ta' kif tingħata informazzjoni imparzjali u oġġettiva f'konformità mal-aħjar prattiki u l-etika tal-ġurnaliżmu;

52.  Jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni partikolari lit-teknoloġiji ġodda – inklużi x-xandir diġitali, il-komunikazzjonijiet mobbli, il-midja online u n-netwerks soċjali, inklużi dawk ta' natura reġjonali – li jiffaċilitaw it-tixrid ta' informazzjoni dwar il-valuri Ewropej imnaqqxa fit-Trattati u jiffaċilitaw ukoll l-għarfien akbar tagħhom; ifakkar li komunikazzjonijiet bħal dawn għandhom ikunu tal-ogħla standard, jinkludu l-aqwa prattiki konkreti u jenfasizzaw l-impatt tal-UE fuq pajjiżi terzi, inklużi l-assistenza umanitarja tal-UE kif ukoll l-opportunitajiet u l-benefiċċji li assoċjazzjoni u kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-UE jġibu għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ, bħalma huma l-ivvjaġġar mingħajr viża jew il-bini tal-kapaċità, programmi ta' mobbiltà u ta' skambju fejn applikabbli;

53.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-portal il-ġdid tal-PEV – li bħalissa qiegħed jiġi żviluppat fil-qafas tal-Programm tal-Viċinat OPEN – ma jakkumulax biss kontenut indirizzat lill-komunitajiet esperti, iżda jkun fih ukoll taqsima mfassla apposta għal udjenzi akbar; huwa tal-opinjoni li l-portal għandu jinkludi taqsima dwar is-Sħubija tal-Lvant, li tiġbor flimkien informazzjoni dwar inizjattivi li bħalissa hija frammentata bejn għadd ta' siti web;

54.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-potenzjal tal-kultura popolari u tad-divertiment għall-edukazzjoni (EE) bħala mezz biex jiġu espressi l-valuri umani kondiviżi u kkomunikati l-politiki tal-UE;

55.  Jenfasizza l-appoġġ tiegħu għal inizjattivi bħalma huma ċ-Ċentru Baltiku ta' Eċċellenza fil-Midja, li jinsab f'Riga, iċ-Ċentru ta' Eċċellenza tan-NATO għall-Komunikazzjonijiet Strateġiċi (NATO StratCom COE) jew iċ-Ċentru ta' Eċċellenza tan-Netwerk ta' Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li jintużaw is-sejbiet u l-analiżi tagħhom u li jissaħħu l-kapaċitajiet analitiċi tal-UE fil-livelli kollha; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jibdew proġetti simili, jieħdu sehem fit-taħriġ tal-ġurnalisti, jappoġġaw mezzi tax-xandir indipendenti u d-diversità tal-midja, jinkoraġġixxu n-netwerking u l-kooperazzjoni bejn il-midja u gruppi ta' riflessjoni u jaqsmu l-aħjar prattiki u l-informazzjoni f'dawn l-oqsma;

56.  Jikkundanna t-trażżin regolari fil-konfront tal-midja indipendenti, il-ġurnalisti u l-attivisti tas-soċjetà ċivili fir-Russja u fit-territorji okkupati, inkluż fil-Krimea minn meta saret l-annessjoni illegali tagħha; jenfasizza li mill-1999 'l hawn fir-Russja, għexieren ta' ġurnalisti nqatlu, għebu mingħajr ħjiel jew tqiegħdu l-ħabs; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-protezzjoni tal-ġurnalisti fir-Russja u fil-Viċinat tal-UE u jappoġġaw is-soċjetà ċivili Russa u jinvestu f'kuntatti interpersonali; jappella għall-ħelsien immedjat tal-ġurnalisti; jinnota li l-UE qiegħda ssaħħaħ ir-relazzjonijiet mas-sħab tagħha tal-Lvant u pajjiżi ġirien oħra, u qed iżżomm miftuħa l-linji ta' komunikazzjoni mar-Russja; jirrikonoxxi li l-ikbar ostaklu għall-kampanji ta' diżinformazzjoni Russi jkun l-eżistenza ta' midja ħielsa u indipendenti fir-Russja nnifisha; iqis li dan għandu jkun l-għan tal-UE; jitlob li jingħataw attenzjoni speċjali u riżorsi suffiċjenti għall-pluraliżmu tal-midja, il-midja lokali, il-ġurnaliżmu investigattiv, u l-midja f'lingwi barranin, partikolarment bir-Russu, l-Għarbi, il-Farsi, it-Tork u l-Urdu, kif ukoll b'lingwi oħrajn mitkellma minn popolazzjonijiet vulnerabbli għall-propaganda;

57.  Jappoġġa l-kampanji ta' komunikazzjoni mwettqa minn atturi rilevanti fis-Sirja, l-Iraq u fir-reġjun (inklużi f'pajjiżi tal-oriġini tal-ġellieda barranin) biex tkun skreditata l-ideoloġija tal-ISIS/Daesh u jiġi ddenunzjat il-ksur tagħhom tad-drittijiet tal-bniedem, u biex ikun miġġieled l-estremiżmu vjolenti u d-diskors ta' mibegħda marbut ma' gruppi oħrajn fir-reġjun; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex, fid-djalogu tagħhom mal-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq, jenfasizzaw li l-governanza tajba, ir-responsabbiltà, it-trasparenza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem huma prerekwiżiti essenzjali biex jipproteġu lil dawn is-soċjetajiet mit-tixrid ta' ideoloġiji vjolenti u intolleranti li jispiraw organizzazzjonijiet terroristiċi bħall-ISIS/Daesh u l-Al-Qaeda; jenfasizza, fid-dawl taż-żieda fit-theddid terroristiku mill-ISIS/Daesh u organizzazzjonijiet terroristiċi internazzjonali oħra, il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta' sigurtà ma' pajjiżi li għandhom esperjenza estensiva fil-ġlieda kontra t-terroriżmu;

58.  Jistieden lir-RGħ/VP u lill-Kunsill jikkonfermaw l-appoġġ sħiħ tal-UE għall-proċess ta' implimentazzjoni li għaddej u jikkontribwixxu finanzjarjament għat-twettiq tar-rakkomandazzjonijiet tal-istudju ta' fattibbiltà dwar l-Inizjattivi tal-Midja bil-Lingwa Russa fis-Sħubija tal-Lvant u lil hinn, li sar mill-Fond Ewropew għad-Demokrazija fl-2015;

59.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-SEAE u lin-NATO.

(1)

ĠU C 137E, 27.5.2010, p. 25.

(2)

ĠU C 434, 23.12.2015, p. 24.

(3)

Testi adottati P8_TA(2015)0225.

(4)

Testi adottati, P8_TA (2015)0272.

(5)

Testi adottati, P8_TA (2015)0410.


OPINJONI TAL-MINORANZA

dwar komunikazzjoni strateġika tal-UE biex tikkontrobatti l-propaganda kontriha minn partijiet terzi

(2016/2030(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin, Rapporteur: Anna Elżbieta Fotyga

Opinjoni tal-Minoranza mressqa mill-Membru tal-PE GUE/NGL Javier Couso

Ir-rapport jidentifika żewġ theddidiet dwar il-propaganda: attur tal-Istat, jiġifieri r-Russja, u gruppi terroristiċi bħal Daesh. Dan għandu l-għan li jindirizza r-radikalizzazzjoni u l-propaganda terroristika permezz ta' kooperazzjoni msaħħa tal-Istati Membri u l-UE. Dan iżda jiffoka fuq il-fatt li l-UE tingħata l-mezz biex tappoġġa l-kampaniji ta' propaganda strateġiċi tagħha stess, l-aktar kontra r-Russja.

Aħna nirrifjutaw ir-rapport peress li:

•  Huwa irresponsabbli li Stat bħar-Russja jitpoġġa fuq l-istess livell ta' perikolu bħad-Daesh

•  jippromwovi t-tellieqa tal-UE għal Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles fil-Viċinat tal-Lvant u lil hinn minnu u hekk jippromwovi eskalazzjoni tat-tensjonijiet mar-Russja u l-Unjoni Ekonomika Ewro-Asjatika

•  ma jirriflettix ir-rwol negattiv u dejjem akbar tal-UE rigward il-kunflitti attwali fil-viċinat tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-UE u lanqas il-propaganda żviluppata, prinċipalment mill-Istati Uniti, biex tilleġittima l-interventi tagħha tal-passat fl-Iraq li wassal għal kaos reġjonali

•  ma jirrikonoxxix il-propaganda tiegħu stess dwar id-demokrazija tal-UE bħala l-unika waħda possibbli, li tenfasizza superjorità preżunta li tista' tkun offensiva

•  dan iwiegħed paradossalment li tiġi appoġġata ''midja indipendenti'' mill-UE

Aħna nesiġu:

-  li r-Russja tiġi rikonoxxuta għal dak li hi: sieħeb ewlieni għall-UE u attur globali ewlieni, kemm fir-rigward tas-sigurtà barranija u kemm għall-ġlieda komuni kontra d-Daesh

-  li jiġu rtirati s-sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja li qed jagħmlu ħsara liċ-ċittadini fuq iż-żewġ naħat

-  li jkun hemm ftehim ta' kooperazzjoni paċifiku u mġedded mar-Russja biex jintemmu t-tensjonijiet

-  separazzjoni stretta tal-UE min-NATO

-  li jiġu appoġġati l-isforzi internazzjonali biex jinqered id-Daesh, fejn ir-Russja kellha rwol prinċipali, fi ħdan il-qafas tan-NU

-  li ssir ħidma sabiex jinqata' l-aċċess tad-Daesh għall-finanzjament u l-fondi, inkluż permezz tal-kummerċ fil-petrol jew fl-armi, u biex l-Istati Membri jikkunsidraw mill-ġdid kif xieraq ir-relazzjoni tagħhom ma' xi pajjiżi terzi bħat-Turkija, il-Qatar u l-Arabja Sawdija għat-tolleranza tagħhom ta' xi organizzazzjonijiet estremisti

-  li l-propaganda terroristika u r-radikalizzazzjoni jiġu indirizzati permezz ta' investimenti soċjali u servizzi pubbliċi kif ukoll biex tiġi evitata kull diskriminazzjoni fil-konfront tal-Istati Membri.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (23.6.2016)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar komunikazzjoni strateġika tal-UE biex tikkontrobatti l-propaganda kontriha minn partijiet terzi

(2016/2030(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Bogdan Andrzej Zdrojewski

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi fl-Unjoni t-terminu "propaganda" huwa normalment mifhum li jfisser it-tixrid ta' ideat, kunċetti, informazzjoni u duttrini politiċi għall-fini li tinħoloq jew tinbidel l-opinjoni pubblika, u t-terminu "diżinformazzjoni" huwa ġeneralment mifhum li jfisser it-tixrid apposta ta' informazzjoni li tkun intenzjonalment falza jew mhux korretta;

B.  billi l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem jiżgura l-libertà ta' espressjoni iżda jistipula wkoll li din il-libertà tista' tkun soġġetta għal tali formalitajiet, kundizzjonijiet, restrizzjonijiet jew penalitajiet kif inhuma preskritti mil-liġi u kif huma meħtieġa f'soċjetà demokratika;

C.  billi l-propaganda għall-gwerra u kwalunkwe promozzjoni ta' mibegħda nazzjonali, razzjali jew reliġjuża li tikkostitwixxi inċitament għad-diskriminazzjoni, l-ostilità jew il-vjolenza għandhom ikunu pprojbiti bil-liġi skont l-Artikolu 20 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

D.  billi l-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jiddisponi li kulħadd għandu d-dritt għal-libertà ta' espressjoni u li dan id-dritt għandu jinkludi l-libertà li wieħed ikollu opinjonijiet u li jirċievi u jagħti informazzjoni u ideat mingħajr indħil mill-awtorità pubblika u irrispettivament mill-fruntieri;

1.  Jinnota li d-diżinformazzjoni u l-propaganda jagħmlu parti mill-gwerra ibrida; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li titqajjem kuxjenza u tintwera assertività permezz tal-komunikazzjoni istituzzjonali/politika, ir-riċerka tal-gruppi ta' riflessjoni/l-akkademiċi, kampanji tal-midja soċjali, inizjattivi tas-soċjetà ċivili, il-litteriżmu medjatiku u azzjonijiet utli oħra;

2.  Jenfasizza li l-istrateġija ta' propaganda u ta' diżinformazzjoni kontra l-Unjoni Ewropea minn pajjiżi terzi tista' tieħu diversi forom u tinvolvi, b'mod partikolari, il-midja tradizzjonali, in-netwerks soċjali, il-programmi tal-iskola u l-partiti politiċi, kemm jekk fl-Unjoni Ewropea kif ukoll barra minnha;

3.  Jinsisti fuq id-differenza bejn propaganda u kritika;

4.  Jenfasizza li filwaqt li mhux il-kritika kollha tal-Unjoni Ewropea jew il-politiki tagħha neċessarjament tikkostitwixxi propaganda jew diżinformazzjoni, partikolarment meta din issir fil-kuntest tal-espressjoni politika, każijiet ta' manipulazzjoni jew appoġġ marbuta ma' pajjiżi terzi u intenzjonati biex jagħtu n-nar jew jaggravaw lil din il-kritika jagħtu l-għala wieħed jiddubita l-affidabbiltà ta' dawn il-messaġġi;

5.  Jenfasizza li filwaqt li wieħed għandu jieħu pożizzjoni kontra l-propaganda u d-diżinformazzjonji ta' kontra l-Unjoni Ewropea minn pajjiżi terzi, dan ma għandux jitfa' fid-dubju l-importanza li jinżammu relazzjonijiet kostruttivi mal-pajjiżi terzi u l-importanza li dawn isiru sħab strateġiċi fl-indirizzar determinat tal-isfidi komuni;

6.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Komunikazzjoni Strateġika u l-istabbiliment tat-Tim StratCom tal-Lvant fi ħdan is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) bil-għan li jikkomunikaw il-politiki tal-UE u jiġġieldu l-propaganda u d-diżinformazzjoni kontra l-UE; jappella biex il-komunikazzjoni strateġika tiżdied aktar; jemmen li l-effiċjenza u t-trasparenza tal-ħidma tat-Tim StratCom tal-Lvant jeħtieġ li jittejbu aktar; jistieden lis-SEAE jiżviluppa kriterji għat-tikjil tal-effiċjenza tal-ħidma tiegħu; jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati finanzjament suffiċjenti u persunal adegwat għat-tim;

7.  Jinnota li d-Disinformation Review (Rivista tad-Diżinformazzjoni) ppubblikata mit-Task Force tal-iStratCom tal-Lvant trid tissodisfa l-istandards li tiddisponi għalihom id-Dikjarazzjoni tal-Prinċipji tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Ġurnalisti (IFJ) dwar l-Imġiba tal-Ġurnalisti; jenfasizza li din ir-Rivista għandha tiġi mfassla b'mod xieraq, mingħajr l-użu ta' lingwaġġ offensiv jew ġudizzji ta' valur; jistieden lit-Task Force tal-iStratCom tal-Lvant teżamina mill-ġdid il-kriterji użati għall-abbozzar ta' din ir-Rivista;

8.  Jemmen li strateġija effiċjenti biex wieħed jiġġieled lill-propaganda ta' kontra l-UE tista' tkun l-adozzjoni ta' miżuri biex tingħata informazzjoni adegwata u interessanti dwar l-attivitajiet tal-UE, il-valuri Ewropej u kwistjonijiet oħra ta' interess pubbliku lil udjenza fil-mira, u jenfasizza li t-teknoloġiji moderni u n-netwerks soċjali jistgħu jintużaw għal dawn l-iskopijiet;

9.  Jenfasizza li l-organizzazzjonijiet terroristiċi Iżlamiċi, speċjalment l-ISIS u l-Al-Qaeda, huma involuti f'kampanji ta' diżinformazzjoni attivi bil-għan li jimminaw il-valuri u l-interessi Ewropej; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza ta' strateġija speċifika biex wieħed jiġġieled kontra l-propaganda u d-diżinformazzjoni Iżlamisti kontra l-UE;

10.  Jenfasizza li komunikazzjoni mhux ippreġudikata, affidabbli u oġġettiva u flussi ta' informazzjoni bbażati fuq il-fatti dwar l-iżviluppi fil-pajjiżi tal-UE jipprevjeni d-disseminazzjoni tal-propaganda li tiġi mħeġġa minn partijiet terzi;

11.  Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-pluralità tal-midja u l-oġġettività, l-imparzjalità u l-indipendenza tal-midja fl-Unjoni Ewropea u fil-viċinat tagħha, inklużi l-atturi mhux statali, inter alia permezz ta' appoġġ għall-ġurnalisti u l-iżvilupp ta' programmi ta' bini tal-kapaċità għall-atturi tal-midja, bit-trawwim ta' sħubiji u netwerks ta' skambju ta' informazzjoni, bħalma huma pjattaformi ta' kondiviżjoni tal-kontenut, riċerka relatata mal-midja, opportunitajiet ta' mobbiltà u ta' taħriġ għall-ġurnalisti u kollokamenti ma' entitajiet tal-midja bbażati fl-UE biex jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-aqwa prattiki;

12.  Jenfasizza r-rwol importanti ta' edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità fil-ġurnaliżmu ġewwa u barra l-UE bil-għan li jiġu prodotti analiżijiet ġurnalistiċi ta' kwalità u standards editorjali għolja; jargumenta li l-promozzjoni tal-valuri Ewropej tal-libertà tal-istampa u tal-espressjoni u tal-pluralità tal-midja tinkludi l-għoti ta' appoġġ lill-ġurnalisti ippersegwitati u li qed jinżammu l-ħabs u lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi;

13.  Iħeġġeġ kooperazzjoni aktar b'saħħitha bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, il-Fond Ewropew għad-Demokrazija (EED), l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), il-Kunsill tal-Ewropa u l-Istati Membri sabiex tiġi evitata duplikazzjoni u tiġi żgurata s-sinerġija f'inizjattivi simili;

14.  Jesprimi kemm hu xxokkjat bil-problemi maġġuri relatati mal-indipendenza u mal-libertà tal-midja f'ċerti Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, kif ġie rrapportat minn organizzazzjonijiet internazzjonali bħalma huma r-Reporters Mingħajr Fruntieri; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jadottaw miżuri xierqa bil-għan li jiżguraw li jkun hemm titjib fis-sitwazzjoni eżistenti fis-settur tal-midja, bil-ħsieb li tiġi żgurata wkoll il-kredibbiltà tal-Azzjoni Esterna tal-UE b'appoġġ għal-libertà, l-imparzjalità u l-indipendenza tal-midja;

15.  Jenfasizza li huwa meħtieġ aktar finanzjament biex tiġi appoġġjata l-libertà tal-midja fil-pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) fil-kamp ta' applikazzjoni tal-istrumenti demokratiċi tal-UE; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-isfruttament sħiħ tal-istrumenti eżistenti bħalma huma l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR), il-PEV, l-Osservatorju tal-Libertà tal-Midja tas-Sħubija tal-Lvant u l-EED fir-rigward tal-ħarsien tal-libertà u l-pluraliżmu tal-midja;

16.  Jesprimi tħassib dwar l-użu tal-midja soċjali u l-pjattaformi onlajn għal diskors ta' mibegħda kriminali u l-inċitament għall-vjolenza, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jadattaw u jaġġornaw il-leġiżlazzjoni sabiex tindirizza l-iżviluppi li għaddejjin, jew jimplimentaw u jinfurzaw bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni eżistenti dwar id-diskors ta' mibegħda, kemm offlajn kif ukoll onlajn; jargumenta li tinħtieġ kollaborazzjoni akbar mal-pjattaformi onlajn u mal-kumpaniji ewlenin tal-internet u tal-midja;

17.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu u jiżguraw il-qafas meħtieġ għal ġurnaliżmu ta' kwalità u għal varjetà ta' informazzjoni billi jiġġieldu kontra l-konċentrazzjonijiet tal-midja, li għandhom impatt negattiv fuq il-pluraliżmu tal-midja;

18.  Jinnota li l-edukazzjoni fil-midja tipprovdi għarfien u ħiliet, u tagħti s-setgħa liċ-ċittadini biex jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà ta' espressjoni, biex janalizzaw b'mod kritiku l-kontenut tal-midja u jirreaġixxu għad-diżinformazzjoni; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li titqajjem kuxjenza dwar ir-riskji tad-diżinformazzjoni permezz ta' azzjonijiet ta' litteriżmu medjatiku fil-livelli kollha, inkluż permezz ta' kampanja ta' informazzjoni Ewropea dwar l-etika medjatika, ġurnalistika u editorjali u billi titrawwem kooperazzjoni aħjar mal-pjattaformi soċjali u billi jiġu promossi inizjattivi konġunti biex jiġu indirizzati d-diskors ta' mibegħda, l-inċitament għall-vjolenza u d-diskriminazzjoni onlajn;

19.  Jinnota li l-ebda strateġija ta' setgħa ta' persważjoni ma tista' tirnexxi mingħajr id-diplomazija kulturali u l-promozzjoni tad-djalogu interkulturali bejn u fi ħdan il-pajjiżi, fl-UE u lil hinn minnha; jinkoraġġixxi, għaldaqstant, azzjonijiet u inizjattivi diplomatiċi pubbliċi u kulturali fit-tul, bħalma huma boroż ta' studju u programmi ta' skambju għall-istudenti u l-professjonisti żgħażagħ, inklużi inizjattivi biex jingħata appoġġ lid-djalogu interkulturali, jissaħħu r-rabtiet kulturali mal-UE u jiġu promossi r-rabtiet kulturali u l-wirt kulturali komuni, u l-għoti ta' taħriġ adatt għall-persunal tad-delegazzjonijiet tal-UE u tas-SEAE biex iħejjuhom b'ħiliet interkulturali adegwati;

20.  Jinsab konvint b'qawwa li, bil-għan li l-prinċipji msemmija fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiġu promossi b'mod konsistenti, l-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea għandha tevita kwalunkwe tip ta' propaganda;

21.  Jafferma li strateġija ta' komunikazzjoni effiċjenti għandha tinkludi l-komunitajiet lokali fid-diskussjonijiet dwar l-azzjonijet tal-UE, tipprovdi l-appoġġ għall-kuntatt personali bejn in-nies, u tagħti kunsiderazzjoni xierqa lill-iskambji kulturali u soċjali bħala l-pjattaformi ewlenin fil-ġlieda kontra l-preġudizzji tal-popolazzjonijiet lokali; ifakkar li, f'dan ir-rigward, id-delegazzjonijiet tal-UE għandhom iżommu kuntatt dirett mal-partijiet ikkonċernati fil-livell lokali u mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili;

22.  Jenfasizza li l-inċitament għall-mibegħda, il-vjolenza jew il-gwerra ma jistax "jinħeba" wara l-libertà ta' espressjoni; jinkoraġġixxi li jittieħdu inizjattivi ġuridiċi f'dan ir-rigward biex ikun hemm aktar responsabbiltà fit-trattament tad-diżinformazzjoni;

23.  Jenfasizza l-importanza li l-politiki tal-UE jiġu kkomunikati b'mod koerenti effikaċi, kemm internament kif ukoll esternament, u li jiġu pprovduti komunikazzjonijiet imfassla apposta lil reġjuni speċifiċi, inkluż l-aċċess għall-informazzjoni bil-lingwi lokali; jilqa', f'dan il-kuntest, il-varar tas-sit web tas-SEAE bir-Russu bħala l-ewwel pass fid-direzzjoni t-tajba u jħeġġeġ li s-sit web tal-SEAE jiġi tradott għal aktar lingwi, bħalma huma l-Għarbi u t-Tork;

24.  Jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni partikolari lit-teknoloġiji ġodda – inklużi x-xandir diġitali, il-komunikazzjonijiet mobbli, il-midja onlajn u n-netwerks soċjali onlajn, inklużi dawk ta' natura reġjonali – li jiffaċilitaw it-tixrid ta' informazzjoni dwar il-valuri Ewropej imnaqqxa fit-Trattati u jiffaċilitaw ukoll l-għarfien akbar tagħhom; ifakkar li komunikazzjonijiet bħal dawn għandhom ikunu tal-ogħla standard, jinkludu l-aqwa prattiki konkreti u jenfasizzaw l-impatt tal-UE fuq pajjiżi terzi, inklużi l-assistenza umanitarja tal-UE kif ukoll l-opportunitajiet u l-benefiċċji li l-assoċjazzjoni u l-kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-UE jġibu liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ, bħalma huma l-ivvjaġġar mingħajr visa jew il-bini tal-kapaċità, programmi ta' mobbiltà u ta' skambju fejn applikabbli;

25.  Jesprimi tħassib li l-aħbarijiet relatati mal-UE spiss huma wisq tekniċi, b'tali mod li jrendu l-informazzjoni inkomprensibbli u li ma tiġbidx l-udjenza; jenfasizza l-ħtieġa li l-materjali tal-komunikazzjoni jiġu kkonċentrait fuq is-sustanza u l-kontenut tal-laqgħat politiċi, tal-inizjattivi u tal-proġetti u fuq l-impatt reġjonali sussegwenti tagħhom, permezz ta' metodi ta' disseminazzjoni komprensibbli, innovattivi u kreattivi, u jitlob rieżami u aġġornament kif xieraq tas-siti web rilevanti tal-UE;

26.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-portal il-ġdid tal-PEV – li bħalissa qiegħed jiġi żviluppat fil-qafas tal-Programm tal-Viċinat OPEN – mhux biss jakkumula kontenut indirizzat lill-komunitajiet esperti, iżda li jkun fih ukoll taqsima mfassla apposta għal udjenzi ikbar; huwa tal-opinjoni li l-portal għandu jinkludi taqsima dwar is-Sħubija tal-Lvant, u b'hekk tiġbor flimkien l-informazzjoni dwar l-inizjattivi li bħalissa hija frammentata bejn għadd kbri ta' siti web;

27.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-potenzjal tal-kultura popolari u tal-edukazzjoni fid-divertiment (entertainment education - EE) bħala mezz biex jiġu artikolati l-valuri umani kondiviżi u biex jiġu kkomunikati l-politiki tal-UE.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

21.6.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

25

3

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella Adinolfi, Dominique Bilde, Andrea Bocskor, Nikolaos Chountis, Silvia Costa, Mircea Diaconu, Angel Dzhambazki, María Teresa Giménez Barbat, Giorgos Grammatikakis, Petra Kammerevert, Svetoslav Hristov Malinov, Curzio Maltese, Stefano Maullu, Luigi Morgano, Momchil Nekov, Michaela Šojdrová, Yana Toom, Helga Trüpel, Sabine Verheyen, Bogdan Brunon Wenta, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Milan Zver, Krystyna Łybacka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Rosa D’Amato, Santiago Fisas Ayxelà, Eider Gardiazabal Rubial, Zdzisław Krasnodębski, Ernest Maragall, Emma McClarkin, Liliana Rodrigues


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

10.10.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

33

8

14

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Lars Adaktusson, Michèle Alliot-Marie, Petras Auštrevičius, Mario Borghezio, Elmar Brok, Klaus Buchner, Lorenzo Cesa, Aymeric Chauprade, Javier Couso Permuy, Andi Cristea, Mark Demesmaeker, Eugen Freund, Michael Gahler, Iveta Grigule, Richard Howitt, Sandra Kalniete, Manolis Kefalogiannis, Tunne Kelam, Afzal Khan, Janusz Korwin-Mikke, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Ilhan Kyuchyuk, Ryszard Antoni Legutko, Arne Lietz, Barbara Lochbihler, Ramona Nicole Mănescu, David McAllister, Tamás Meszerics, Francisco José Millán Mon, Alojz Peterle, Tonino Picula, Kati Piri, Jaromír Štětina, Charles Tannock, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Geoffrey Van Orden

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Neena Gill, María Teresa Giménez Barbat, Ana Gomes, Rebecca Harms, Marek Jurek, Othmar Karas, Javi López, Antonio López-Istúriz White, Urmas Paet, Eleni Theocharous, Traian Ungureanu, Paavo Väyrynen

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Edward Czesak, Heidi Hautala, Emilian Pavel, Mylène Troszczynski, Michaela Šojdrová

Aġġornata l-aħħar: 9 ta' Novembru 2016Avviż legali