Proċedura : 2016/0193(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0292/2016

Testi mressqa :

A8-0292/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 25/10/2016 - 5.4

Testi adottati :

P8_TA(2016)0394

RAPPORT     ***I
PDF 716kWORD 60k
17 t'Ottubru 2016
PE 587.491v01-00 A8-0292/2016

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward ta' ċerti dispożizzjonijiet relatati mal-ġestjoni finanzjarja għal ċerti Stati Membri li qed jesperjenzaw jew jinsabu mhedda minn diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabilità finanzjarja tagħhom

(COM(2016)0418 – C8-0238/2016 – 2016/0193(COD))

Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

Rapporteur: Iskra Mihaylova

(Proċedura simplifikata – Artikolu 50(1) tar-Regoli ta' Proċedura)

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
 ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA
 NOTA SPJEGATTIVA
 ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-BAĠITS
 PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward ta' ċerti dispożizzjonijiet relatati mal-ġestjoni finanzjarja għal ċerti Stati Membri li qed jesperjenzaw jew jinsabu mhedda minn diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabilità finanzjarja tagħhom

(COM(2016)0418 – C8-0238/2016 – 2016/0193(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0418),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 177 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0238/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-21 ta' Settembru 2016(1),

–  wara li kkonsulta lill-Kumitat tar-Reġjuni,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Baġits,

–  wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-21 ta' Settembru 2016, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 59 u 50(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A8-0292/2016),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1)

Għadha mhix ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali.


ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

REGOLAMENT (UE) 2016/...

TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

ta’

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet relatati mal-ġestjoni finanzjarja għal ċerti Stati Membri li jesperjenzaw jew ikunu mhedda minn diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 177 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja(2)2,

Billi:

(1)  L-Artikolu 24(3) tar-Regolament (KE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(3)1jipprovdi li l-Kummissjoni għandha teżamina ż-żieda ta’ pagamenti interim mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej b’ammont li jikkorrispondi għal għaxar punti perċentwali fuq ir-rata ta’ kofinanzjament attwali għal kull prijorità jew miżura għall-Istati Membri li kienu taħt programm ta’ aġġustament wara l-21 ta’ Diċembru 2013 u li talbu biex jibbenefikaw minn dik iż-żieda sat-30 ta’ Ġunju 2016 u għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport bil-valutazzjoni tagħha u, jekk meħtieġ, proposta leġiżlattiva qabel it-30 ta’ Ġunju 2016. Il-Kummissjoni ssottomettiet dak ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fis-27 ta’ Ġunju 2016.

(2)  Ħames Stati Membri kienu eliġibbli għal żieda fil-pagament taħt l-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, jiġifieri r-Rumanija, l-Irlanda, il-Portugall, Ċipru u l-Greċja. Ir-Rumanija, l-Irlanda, il-Portugall u Ċipru lestew il-programmi ta’ aġġustament ekonomiku rispettivi tagħhom. Hija biss il-Greċja li għadha taħt programm ta’ aġġustament u tibbenefika minn assistenza finanzjarja relatata sat-tielet kwart tal-2018. Peress li l-Greċja għadha qed tiffaċċja diffikultajiet serji fejn tidħol l-istabbiltà finanzjarja tagħha, jenħtieġ li t-tul tal-applikazzjoni ta’ żieda fil-pagamenti għall-Istati Membri b’diffikultajiet baġitarji temporanji jiġi estiż.

(3)  Madankollu, jenħtieġ li l-possibbiltà għal pagamenti miżjuda tintemm fit-30 ta’ Ġunju tas-sena ta’ wara s-sena kalendarja li fiha Stat Membru ma jibqax jirċievi assistenza finanzjarja taħt programm ta’ aġġustament.

(4)  L-Artikolu 120(3) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jeħtieġ li l-Kummissjoni twettaq analiżi biex tivvaluta l-ġustifikazzjoni għaż-żamma ta’ rata massima ta’ kofinanzjament ta’ 85 % fil-livell ta’ kull prijorità għall-programmi operazzjonali kollha appoġġati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond Soċjali Ewropew (FSE) f’Ċipru wara t-30 ta’ Ġunju 2017 u biex tagħmel, jekk meħtieġ, proposta leġiżlattiva qabel it-30 ta’ Ġunju 2016.

(5)  Ċipru ħareġ mill-programm ta’ aġġustament tiegħu fl-aħħar ta’ Marzu 2016. Madankollu, is-sitwazzjoni ekonomika ta’ Ċipru għadha fraġli, kif jidher mir-rata ta’ tkabbir kajmana tiegħu, it-tnaqqis fl-investiment, il-qgħad għoli u s-settur finanzjarju taħt pressjoni. Biex titnaqqas il-pressjoni fuq il-baġit nazzjonali u jiġu mħaffa l-investimenti ferm meħtieġa, jenħtieġ li r-rata ta’ kofinanzjament ta’ 85 % għall-programmi operazzjonali kollha appoġġati mill-FEŻR u l-FSE f’Ċipru għalhekk tiġi estiża sal-għeluq tal-programm operazzjonali.

(6)  Sabiex tkun tista' ssir applikazzjoni fil-pront tal-miżuri previsti f'dan ir-Regolament, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)  l-Artikolu 24 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 24

Żieda fil-pagamenti għall-Istati Membri b'diffikultajiet baġitarji temporanji

1.   Fuq it-talba ta' Stat Membru, il-pagamenti interim jistgħu jiżdiedu b'10 punti perċentwali aktar mir-rata ta' kofinanzjament applikabbli għal kull prijorità għall-FEŻR, il-FSE u l-Fond ta' Koeżjoni jew għal kull miżura għall-FAEŻR u l-FEMS.

Jekk Stat Membru jissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin wara l-21 ta’ Diċembru 2013, ir-rata miżjuda, li ma tistax taqbeż il-100 %, għandha tapplika għat-talbiet tiegħu għal pagamenti għall-perjodu sat-30 ta' Ġunju 2016:

(a)   fejn l-Istat Membru kkonċernat jirċievi self mill-Unjoni taħt ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010;

(b)   fejn l-Istat Membru kkonċernat jirċievi għajnuna finanzjarja fuq perjodu ta’ żmien medju skont ir-Regolament (KE) Nru 332/2002 taħt il-kondizzjoni tal-implimentazzjoni ta' programm ta' aġġustament makroekonomiku;

(c)   fejn l-għajnuna finanzjarja ssir disponibbli għall-Istat Membru kkonċernat taħt il-kondizzjoni tal-implimentazzjoni ta' programm ta' aġġustament makroekonomiku kif speċifikat fir-Regolament (UE) Nru 472/2013.

Jekk Stat Membru jissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fit-tieni subparagrafu wara t-30 ta’ Ġunju 2016, ir-rata miżjuda għandha tapplika għall-applikazzjonijiet għal pagamenti tiegħu għall-perjodu sat-30 ta’ Ġunju tas-sena ta’ wara s-sena kalendarja li matulha l-assistenza finanzjarja relatata tasal fi tmiemha.

Dan il-paragrafu ma japplikax għal programmi taħt ir-Regolament KTE.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, l-appoġġ tal-Unjoni permezz tal-pagamenti interim u l-pagamenti tal-bilanċ finali ma għandux ikun ogħla minn:

(a)  in-nefqa pubblika; jew

(b)  l-ammont massimu ta’ appoġġ mill-Fondi SIE għal kull prijorità għall-FEŻR, l-FSE u l-Fond ta' Koeżjoni, jew għal kull waħda mill-miżuri tal-FAEŻR u l-FEMS, kif stabbilit fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-programm,

skont liema wieħed ikun l-inqas.";

(2)  fl-Artikolu 120(3) it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2014 sal-għeluq tal-programm operazzjonali, ir-rata ta' kofinanzjament fil-livell ta' kull assi ta' prijorità għall-programmi operazzjonali kollha f'Ċipru m'għandhiex tkun ogħla minn 85 %.".

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi ,

Għall-Parlament Ewropew  Għall-Kunsill

Il-President  Il-President

(1)

  Opinjoni tal-21 ta’ Settembru 2016 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)

2   Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta’...[(ĠU(/(għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)] u d-deċiżjoni tal-Kunsill ta’....

(3)

1   Regolament (KE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).


NOTA SPJEGATTIVA

Il-kriżi finanzjarja u ekonomika tefgħet pressjoni fuq l-ekonomiji nazzjonali, u l-Istati Membri ħadu miżuri ta' awsterità biex jibbilanċjaw il-baġits tagħhom. F'din is-sitwazzjoni, huwa importanti li tiġi żgurata l-implimentazzjoni bla xkiel tal-għodda ta' finanzjament prinċipali tal-UE, il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE). Peress li l-baġits nazzjonali huma taħt pressjoni, jista' jkun diffiċli għall-pajjiżi li qed jesperjenzaw diffikultajiet baġitarji biex isibu biżżejjed fondi għall-kofinanzjament nazzjonali ta' proġetti fil-qasam tal-politika reġjonali.

L-Artikoli 24 u 120(3) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (CPR)(1), kienu maħsuba biex jgħinu lill-Istati Membri li kienu għaddejjin minn diffikultajiet baġitarji temporanji u li qegħdin jirċievu assistenza finanzjarja biex jisfruttaw l-opportunitajiet ta' investiment offruti mill-Fondi SIE fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020.

Il-leġiżlazzjoni għamlitha ċara li l-Kummissjoni se twettaq rieżami qabel it-30 ta' Ġunju 2016 u li, fil-każ li s-sitwazzjoni ekonomika tal-pajjiżi inkwistjoni tkun teħtieġ dan, iż-żmien li matulu seta' jingħata appoġġ addizzjonali kien miftuħ għal estensjoni. Il-Kummissjoni għamlet proposta leġiżlattiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-estensjoni fis-27 ta' Ġunju 2016.

L-Artikolu 24 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni

L-Artikolu 24 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni jippermetti lill-Kummissjoni tagħmel aktar pagamenti taħt il-programmi FSIE - l-hekk imsejħa pagament supplimentari ("top-ups") - għal pajjiżi li qed jesperjenzaw diffikultajiet ekonomiċi. Fuq it-talba ta' Stat Membru, il-pagamenti interim jistgħu jiżdiedu b'10 punti perċentwali aktar mir-rata ta' kofinanzjament applikabbli għal kull prijorità għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Fond ta' Koeżjoni jew għal kull miżura għall-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u l-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd (FEMS). Il-pagament supplimentari b'mod ġenerali ma jibdilx l-allokazzjonijiet tal-FSIE fl-2014-2020.

Il-Greċja, Ċipru, l-Irlanda, ir-Rumanija u l-Portugall kienu eliġibbli għad-dispożizzjoni ta' pagament supplimentari bejn l-1 ta' Jannar 2014 u t-30 ta' Ġunju 2016. Il-programmi ta' assistenza finanzjarja għal Ċipru, l-Irlanda, il-Portugall u r-Rumanija skadew matul dak il-perjodu: il-Greċja hija l-uniku pajjiż li attwalment għandu programm ta' assistenza finanzjarja.

L-Artikolu 24(3) jiddikjara li l-Kummissjoni se teżamina l-applikazzjoni tal-Artikolu 24 (1 u 2) u, jekk ikun meħtieġ, tressaq proposta leġiżlattiva qabel it-30 ta' Ġunju 2016. Minħabba li s-sitwazzjoni ekonomika tal-Greċja għadha fraġli ħafna, il-Kummissjoni pproponiet il-kontinwazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' pagament supplimentari. Iżda l-estensjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet se tapplika mhux biss għall-Greċja, iżda wkoll għal kwalunkwe Stat Membru li jkun jeħtieġ dan, u jkun eliġibbli għal assistenza finanzjarja wara li jaqa' taħt programmi ta' aġġustament ekonomiku.

Il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll modifika tal-perjodu li matulu pajjiż li jirċievi għajnuna finanzjarja jkun eliġibbli għaż-żieda fil-pagament supplimentari. Il-pagament supplimentari ġie introdott fl-2010 u, matul il-perjodu ta' finanzjament 2007-2013, il-possibilità ta' pagament supplimentari kienet tintemm fil-jum li l-pajjiż inkwistjoni jkun waqaf jirċievi assistenza finanzjarja. Għall-perjodu 2014-2020, l-eliġibilità għaż-żieda fil-pagament supplimentari ġiet allinjata mat-tmiem tas-sena fiskali, li attwalment hija mill-1 ta' Lulju sat-30 ta' Ġunju. Il-Kummissjoni tipproponi li tkompli l-eliġibilità ta' Stat Membru sat-30 ta' Ġunju tas-sena ta' wara s-sena kalendarja li fiha l-Istat Membru ma jibqax jirċievi assistenza finanzjarja taħt programm ta' aġġustament ekonomiku.

L-Artikolu 120(3) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni

Ċipru għandu l-istatus ta' reġjun aktar żviluppat fil-politika ta' koeżjoni attwali u f'ċirkostanzi normali jirċievi kofinanzjament ta' 50 % għall-programmi tal-FEŻR u tal-FSE. Iżda, minħabba li Ċipru qed jesperjenza diffikultajiet ekonomiċi u investiment dejjem jonqos fuq perjodu twil, ingħata rata ogħla ta' kofinanzjament ta' 85 % bejn l-1 ta' Jannar 2014 u t-30 ta' Ġunju 2017, abbażi tal-Artikolu 120(3) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni.

Il-Kummissjoni ġiet inkarigata twettaq rieżami biex tivvaluta jekk iż-żamma ta' rata ogħla ta' kofinanzjament lil hinn minn Ġunju 2017 tkunx raġonevoli; u biex tippreżenta proposta leġiżlattiva qabel it-30 ta' Ġunju 2016 jekk estensjoni ta' din id-dispożizzjoni tkun meqjusa meħtieġa.

Huwa ċar li kofinanzjament miżjud ikollu effett pożittiv fuq l-ekonomija Ċiprijotta, peress li dan inaqqas l-ammonti intiżi għal kofinanzjament nazzjonali u b'hekk jappoġġa l-konsolidazzjoni fiskali u l-isforzi ta' investiment.

Għalhekk il-Kummissjoni ddeċidiet li tipproponi li l-perjodu ta' eliġibilità għal Ċipru għar-rata ta' kofinanzjament ta' 85 % se jkompli sa tmiem il-programmi 2014-2020. Dan se jagħti aktar żmien lil Ċipru biex jibbilanċja l-baġit tiegħu u fl-istess ħin iħaddem il-proġetti tal-FEŻR u tal-FSE b'suċċess.

Ta' min wieħed jinnota li skont il-Kummissjoni is-sitwazzjoni ekonomika fil-pajjiż kienet qed tiddeterjora u huwa probabbli li Ċipru se jsir eliġibbli b'mod sħiħ għall-Fond ta' Koeżjoni meta l-Kummissjoni tevalwa ċ-ċifri tal-ING tal-Istati Membri fl-2016 (Artikolu 90(5) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni), peress li l-ING nominali per capita f'Ċipru se jkun ta' inqas minn 90 tal-medja.

L-implikazzjonijiet baġitarji

Il-modifiki proposti għal-leġiżlazzjoni jistgħu temporanjament iżidu l-approprjazzjonijiet ta' pagament, u dan ikun ikkumpensat minn pagamenti aktar baxxi lejn it-tmiem tal-programmi 2014-2020. Ma għandu jkun hemm l-ebda tibdil fil-limiti massimi annwali tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għal impenji u pagamenti, li huma stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1311/2013.

Il-pożizzjoni tar-rapporteur

Ir-rapporteur tilqa' l-proposta tal-Kummissjoni bħala soluzzjoni ffukata u newtrali fuq il-baġit għall-problemi temporanji ta' likwidità ffaċċjati minn żewġ Stati Membri. Għaldaqstant tirrakkomanda li l-Kumitat u l-Parlament fl-istadju tas-sessjoni plenarja jaċċettaw il-proposta tal-Kummissjoni mingħajr emendi.

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006,

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.


ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-BAĠITS

Is-Sinjura Iskra Mihaylova  

President tal-Kumitat REGI

Parlament Ewropew

Għażiża Sinjura Mihaylova,

Nixtieq nippreżentalek l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits għar-rapport tiegħek b'rabta ma' ċerti dispożizzjonijiet marbuta mal-ġestjoni finanzjarja għal ċerti Stati Membri li qed jesperjenzaw jew huma mhedda b'diffikultajiet serji fejn tidħol l-istabilità finanzjarja tagħhom.

Il-proposta tal-Kummissjoni għandha l-għan li żżid il-pagamenti lil Stat Membru taħt programm ta' aġġustament, billi tiġi applikata żieda ta' għaxar punti perċentwali fuq ir-rati ta' kofinanzjament applikabbli għall-prijoritajiet (taħt l-FEŻR, il-FSE u l-Fond ta' Koeżjoni) jew miżuri (taħt il-FAEŻR u l-FEMS) tal-programmi. Dan ikun japplika għal nefqa ċertifikata mressqa matul il-perjodu sat-30 ta' Ġunju tas-sena ta' wara s-sena kalendarja li fiha l-Istat Membru ma jibqax jirċievi assistenza finanzjarja, sakemm jintlaħaq il-limitu għall-pagamenti. Skont il-proposta, rata ogħla ta' kofinanzjament għandha wkoll tiġi estiża għal Ċipru.

Il-Kumitat għall-Baġits jappoġġa din il-proposta b'mod ġenerali.

Filwaqt li huwa konxju mil-limiti finanzjarji tal-Istati Membri, il-Kumitat tagħna huwa wkoll allarmat mill-użu li s'issa kien insuffiċjenti tal-Fondi SIE min-naħa tal-Istati Membri fil-perjodu ta' programmazzjoni attwali. Ninsabu mħassba dwar il-possibilità ta' akkumulazzjoni ta' arretrati ta' kontijiet mhux imħallsa fi tmiem il-QFP attwali, li tista' twassal għal sitwazzjoni diffiċli ta' ħlas li possibilment tista' taffettwa wkoll lil oqsma oħra tan-nefqa tal-UE. Għaldaqstant, il-Kumitat għall-Baġits jilqa' kwalunkwe sforz li jiżgura rimborż aħjar u aktar rapidu lill-Istati Membri, speċjalment dawk li qed jesperjenzaw diffikultajiet ta' likwidità.

Il-Kumitat għall-Baġits jinnota l-effett pożittiv li żieda tal-kofinanzjament ikollha fuq l-ekonomiji tal-Istati Membri kkonċernati, li jkunu jistgħu jiddedikaw aktar riżorsi għal sforzi supplimentari ta' investiment.

Il-Kumitat għall-Baġits jinnota li l-proposta mhux se jkollha impatt fuq l-approprjazzjonijiet ta' impenn, billi l-ammonti massimi tal-finanzjament mill-FSIE previsti fil-programmi operattivi għall-perjodu ta' programmazzjoni attwali jibqgħu l-istess. Barra minn hekk, il-modifika mhi se timplika ebda tibdil fil-limiti massimi annwali tal-QFP għal impenji u pagamenti, li huma stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1311/2013. L-effett baġitarju tal-estensjoni tad-dispożizzjoni dwar iż-żieda għalhekk se jkun żieda fl-approprjazzjonijiet ta' pagament għall-Istati Membri kkonċernati, li għandha tkun ikkumpensata bi ħlasijiet aktar baxxi fi tmiem iċ-ċiklu ta' ħajja bejn l-2014 u l-2020.

Madankollu, huwa kruċjali li l-Istati Membri koperti mill-proposta jkollhom biżżejjed kapaċità amministrattiva biex jagħmlu użu akbar mill-fondi, filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Finanzjarju u d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-Fondi SIE, u jiżguraw li l-fondi jiġu użati b'mod effiċjenti u utli.

Il-Kumitat għall-Baġits għalhekk jappoġġa l-proposta tiegħek li tintlaqa' l-proposta tal-Kummissjoni mingħajr emendi b'approċċ rapidu.

Fid-dawl tal-iżviluppi reċenti b'rabta mas-sospensjonijiet imħabbra tal-pagamenti lil Spanja u lill-Portugall abbażi tal-Artikolu 23 tas-CPR, il-Kumitat tagħna madankollu japprezza li kieku ssir riflessjoni konġunta dwar il-koerenza bejn l-Artikolu 23 u l-Artikolu 24 tas-CPR.

Dejjem tiegħek,

Jean Arthuis


PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

Titolu

Emenda tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet relatati mal-ġestjoni finanzjarja għal ċerti Stati Membri li qed jesperjenzaw jew jinsabu mhedda minn diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom

Referenzi

COM(2016)0418 – C8-0238/2016 – 2016/0193(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

27.6.2016

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

REGI

4.7.2016

 

 

 

Kumitati mitluba jagħtu opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

BUDG

4.7.2016

CONT

4.7.2016

ECON

4.7.2016

EMPL

4.7.2016

 

ENVI

4.7.2016

ITRE

4.7.2016

TRAN

4.7.2016

AGRI

4.7.2016

 

PECH

4.7.2016

CULT

4.7.2016

FEMM

4.7.2016

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

BUDG

31.8.2016

CONT

13.9.2016

ECON

15.9.2016

EMPL

13.9.2016

 

ENVI

12.7.2016

ITRE

12.7.2016

TRAN

11.7.2016

AGRI

13.7.2016

 

PECH

15.9.2016

CULT

13.7.2016

FEMM

30.8.2016

 

Rapporteurs

       Data tal-ħatra

Iskra Mihaylova

14.7.2016

 

 

 

Proċedura simplifikata - data tad-deċiżjoni

11.10.2016

Data tat-tressiq

17.10.2016

Aġġornata l-aħħar: 21 t'Ottubru 2016Avviż legali