Proċedura : 2014/2248(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0390/2016

Testi mressqa :

A8-0390/2016

Dibattiti :

PV 14/02/2017 - 3

Votazzjonijiet :

PV 16/02/2017 - 6.6

Testi adottati :

P8_TA(2017)0048

RAPPORT     
PDF 963kWORD 81k
20 ta' Diċembru 2016
PE 585.741v02-00 A8-0390/2016

dwar evoluzzjonijiet u aġġustamenti possibbli tal-istruttura istituzzjonali attwali tal-Unjoni Ewropea

(2014/2248(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali

Rapporteur: Guy Verhofstadt

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI TAL-MINORANZA
 OPINJONI TAL-MINORANZA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar evoluzzjonijiet u aġġustamenti possibbli tal-istruttura istituzzjonali attwali tal-Unjoni Ewropea

(2014/2248(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra b'mod partikolari l-Artikoli 1, 2, 3, 6, 9, 10, 14, 15, 16, 17, 48 u 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (it-TUE) u l-Artikoli 119, 120-126, 127-133, 136-138, 139-144, 194 u 352 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE) u l-Protokolli tagħhom,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rapport tat-22 ta' Ġunju 2015 tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Presidenti tal-Kunsill Ewropew, il-Parlament Ewropew, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Grupp tal-Euro bit-titolu "Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa" ("ir-Rapport tal-Ħames Presidenti")(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tad-19 ta' Novembru 2013 dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) għas-snin 2014-2020(2), u d-deċiżjoni tiegħu tad-19 ta' Novembru 2013 dwar il-konklużjoni ta' ftehim interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3),

–  wara li kkunsidra l-QFP u l-Ftehim Interistituzzjonali kif adottati fit-2 ta' Diċembru 2013(4),

–  wara li kkunsidra l-ħidma u r-rapport interim tal-grupp ta' livell għoli dwar ir-riżorsi proprji(5),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-18-19 ta' Frar 2016 dwar soluzzjoni ġdida għar-Renju Unit fi ħdan l-Unjoni Ewropea, li saret bla effett bid-deċiżjoni tar-Renju Unit li jħalli l-Unjoni,

–  wara li kkunsidra l-votazzjoni fir-referendum tar-Renju Unit dwar is-sħubija mal-UE biex iħalli l-UE,

–  wara li kkunsidra l-Ewrobarometru Standard 84 tal-Ħarifa 2015 bit-titolu "L-opinjoni pubblika fl-Unjoni Ewropea" u l-Barometru Speċjali tal-Parlament Ewropew ta' Ġunju 2016 bit-titolu "L-Ewropej fl-2016: Il-perċezzjonijiet u l-aspettattivi, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni",

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni 2/13 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea rigward l-abbozz ta' ftehim li jipprevedi l-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ("Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem" – KEDB)(6),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li tistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Ġunju 2013(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar problemi kostituzzjonali ta' governanza b'diversi livelli fl-Unjoni Ewropea(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' April 2014 dwar il-QFP għall-perjodu 2014-2020: it-tagħlimiet li għandhom jittieħdu u t-triq 'il quddiem(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-22 ta' Novembru 2012 dwar l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2014(10), u tal-4 ta' Lulju 2013 dwar it-titjib tal-modalitajiet prattiċi ta' organizzazzjoni tal-elezzjonijiet Ewropej tal-2014(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Novembru 2013 dwar is-siti tas-sedi tal-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea(12),

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Ottubru 2015 dwar l-Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej(13),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Novembru 2015 dwar ir-riforma tal-liġi elettorali tal-Unjoni Ewropea, u l-proposta tiegħu għall-emendar tal-att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett(14),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Ġunju 2016 dwar id-deċiżjoni ta' ħruġ mill-UE bħala konsegwenza tar-referendum fir-Renju Unit(15),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni ta' XXXXX dwar titjib tal-funzjonament tal-Unjoni Ewropea bl-isfruttament tal-potenzjal tat-Trattat ta' Lisbona,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' XXXXX dwar il-kapaċità baġitarja għaż-żona tal-euro,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali(16),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta(17),

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-16 ta' Settembru 2015(18) u tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-8 ta' Lulju 2015(19),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni "integrazzjoni Ewropea akbar: It-triq 'il quddiem" mill-Presidenti tal-Camera dei Deputati tal-Italja, l-Assemblée nationale ta' Franza, il-Bundestag tal-Ġermanja u x-Chambre des Députés tal-Lussemburgu, li ġie ffirmat fl-14 ta' Settembru 2015 u attwalment approvati minn bosta kmamar tal-parlamenti nazzjonali fl-UE,

  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-31 ta' Jannar 2016 bit-titolu "Insaħħu ċ-ċittadinanza tal-UE: il-promozzjoni tad-drittijiet elettorali taċ-ċittadini tal-UE"(20),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits u l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0390/2016),

A.   billi din ir-riżoluzzjoni għandha l-għan li tipprovdi soluzzjonijiet li ma jistgħux jintlaħqu bl-użu tal-għodod previsti attwalment fit-Trattati u li għalhekk huma fattibbli biss permezz ta' bidla futura fit-Trattati;

B.  billi l-inabilità tal-istituzzjonijiet tal-UE biex ilaħħqu mal-kriżijiet profondi u multipli li attwalment qiegħda tiffaċċja l-Unjoni, l-hekk imsejħa "polikriżi", inklużi l-konsegwenzi finanzjarji, ekonomiċi, soċjali u migratorji tagħha u l-qawmien ta' partiti populisti u movimenti nazzjonalisti, kollha wasslu għal żieda fl-iskuntentizza qalb sezzjoni dejjem tikber tal-popolazzjoni rigward il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea attwali;

C.   billi dawn l-isfidi sinifikanti Ewropej ma jistgħux jiġu indirizzati minn Stati Membri individwali, iżda biss permezz ta' rispons konġunt mill-Unjoni Ewropea;

D.  billi l-progress lejn Unjoni li tista' tassew twassal riżultati u tikseb l-għanijiet tagħha huwa mxekkel mill-falliment tal-governanza minħabba l-isforz kontinwu u sistematiku biex tintlaħaq unanimità fil-Kunsill (li għadu bbażat fuq l-hekk imsejjaħ Kompromess tal-Lussemburgu) u n-nuqqas ta' awtorità eżekuttiva unika kredibbli li tgawdi leġittimità demokratika sħiħa u li jkollha kompetenza biex tieħu azzjoni effettiva fuq firxa wiesgħa ta' politiki; billi eżempji reċenti, bħall-ġestjoni inadegwata tal-flussi tar-rifuġjati, ir-ritmu batut tat-tindif tal-banek tagħna wara li faqqgħet il-kriżi finanzjarja u n-nuqqas ta' rispons komuni immedjat għat-theddida interna u esterna tat-terroriżmu wrew biċ-ċar l-inabilità tal-Unjoni li tirreaġixxi b'mod effettiv u rapidu;

E.  billi l-UE ma tistax tissodisfa l-aspettattivi taċ-ċittadini Ewropej, għaliex it-Trattati attwali mhumiex qed jiġu sfruttati bis-sħiħ u ma jipprovdux l-istrumenti, il-kompetenzi u l-proċeduri ta' teħid ta' deċiżjonijiet kollha meħtieġa biex jindirizzaw b'mod effettiv dawn l-oġġettivi komuni;

F.  billi din il-problema, flimkien ma' nuqqas ta' viżjoni komuni min-naħa tal-Istati Membri fir-rigwatd tal-futur tal-kontinent tagħna, wasslet għal livelli mingħajr preċedent ta' "ewroxettiċiżmu" li qed iwassal għar-ritorn tan-nazzjonaliżmu u qed jirriskja li jimmina l-Unjoni u possibilment anki jwassal għad-diżintegrazzjoni tagħha;

G.  billi, minflok tagħti spinta 'l quddiem lill-Unjoni, is-sistema li biha l-Istati Membri jirrikorru għal soluzzjonijiet "à la carte", li kompliet tissaħħaħ fit-Trattat ta' Lisbona, żiedet il-kumplessità tal-Unjoni u aċċentwat id-differenzjazzjoni fi ħdanha; billi, minkejja l-flessibbiltà offruta mit-Trattati, għadd ta' possibilitajiet ta' opt-outs tad-dritt primarju ġew mogħtija lil diversi Stati Membri, u dan ħoloq sistema opaka ta' ċrieki ta' intersezzjoni ta' kooperazzjoni u fixkel il-kontroll u r-responsabilità demokratiċi;

H.  billi t-Trattati joffru forom ta' integrazzjoni flessibbli u differenzjati fil-livell tad-dritt sekondarju permezz tal-istrumenti ta' kooperazzjoni msaħħa u strutturata li għandhom jiġu applikati biss għal numru limitat ta' linji politiċi waqt li jkunu inklużivi sabiex jippermettu lill-Istati Membri kollha jipparteċipaw; billi għoxrin sena wara l-introduzzjoni tagħha, l-impatt tal-kooperazzjoni msaħħa jibqa' limitat; billi l-kooperazzjoni msaħħa ngħatat fi tliet każijiet, jiġifieri fir-rigward ta' regoli komuni dwar il-liġijiet applikabbli għal divorzji ta' koppji internazzjonali, il-privattiva Ewropea b'effett unitarju u l-introduzzjoni ta' Imposta fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji (TTF); billi l-kooperazzjoni msaħħa trid tintuża bħala l-ewwel pass lejn integrazzjoni akbar tal-politiki bħal pereżempju l-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) u mhux bħala mezz biex jiġu ffaċilitati soluzzjonijiet "à la carte";

I.  billi l-metodu tal-Komunità jrid jiġi ppreservat u mhux imminat minn soluzzjonijiet intergovernattivi, anki f'oqsma fejn mhux l-Istati Membri kollha jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni;

J.  billi, madankollu, l-euro hija l-munita tal-Unjoni (l-Artikolu 3(4) tat-TUE), ir-Renju Unit kiseb deroga permanenti milli jingħaqad maż-żona tal-euro (il-Protokoll Nru 15), id-Danimarka għandha eżenzjoni kostituzzjonali (il-Protokoll Nru 16), l-Isvezja waqfet milli ssegwi l-kriterji ta' konverġenza tal-euro u l-possibiltà li l-Greċja tħalli l-munita unika ġiet diskussa b'mod miftuħ fil-Kunsill Ewropew; billi l-Istati Membri kollha huma obbligati jissieħbu fil-munita ladarba jilħqu r-rekwiżiti kollha meħtieġa, filwaqt li ma ġiet iffissata l-ebda skeda ta' żmien għall-Istati Membri biex jissieħbu maż-żona tal-euro wara l-ħolqien tagħha;

K.  billi, f'dak li għandu x'jaqsam ma' Schengen, il-moviment liberu tal-persuni u l-abolizzjoni tal-kontrolli tal-fruntieri interni li tirriżulta minnu, li huma kollha integrati formalment fit-Trattati, ir-Renju Unit u l-Irlanda ngħataw klawsola ta' "opt-out" (nonparteċipazzjoni); billi erba' Stati Membri oħra wkoll mhux qed jipparteċipaw, iżda għandhom l-obbligu li jagħmlu dan, filwaqt li ngħataw klawsoli ta' parteċipazzjoni lil tliet pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea; billi din il-frammentazzjoni mhux biss tipprevjeni l-abolizzjoni totali ta' uħud mill-fruntieri interni li għad baqa', iżda toħloq diffikultajiet ukoll għall-istabbiliment ta' suq intern reali u żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja integrata bis-sħiħ; ifakkar li l-integrazzjoni fiż-żona Schengen trid tibqa' l-objettiv għall-Istati Membri kollha tal-UE;

L.  billi l-klawsoli ta' nonparteċipazzjoni għall-istati Membri individwali jipperikolaw l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-UE, iwasslu għal kumplessità eċċessiva f'dak li jikkonċerna l-governanza, jipperikolaw il-koeżjoni tal-Unjoni u jimminaw is-solidarjetà fost iċ-ċittadini tagħha;

M.  billi, wara t-Trattat ta' Lisbona, aċċelerat ulterjorment minħabba l-kriżijiet ekonomiċi u finanzjarji, u l-kriżijiet tal-migrazzjoni u tas-sigurtà, il-Kunsill Ewropew wessa' r-rwol tiegħu biex jinkludi l-ġestjoni ta' kuljum permezz tal-adozzjoni ta' strumenti intergovernattivi barra mill-qafas tal-UE, minkejja l-fatt li r-rwol tiegħu mhuwiex li jeżerċita funzjonijiet leġiżlattivi iżda li jipprovdi lill-Unjoni bl-impetu meħtieġ għall-iżvilupp tagħha u jiddefinixxi d-direzzjoni u l-prijoritajiet politiċi ġenerali (l-Artikolu 15(1) tat-TUE);

N.  billi d-dipendenza fuq l-unanimità fil-Kunsill Ewropew u l-inkapaċità li jikseb tali unanimità wasslet għall-adozzjoni ta' strumenti intergovernattivi barra mill-qafas legali tal-UE bħall-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabilità u t-Trattat dwar l-Istabilità, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (TSCG jew il-"Patt Fiskali"); billi l-istess japplika għall-ftehim mat-Turkija dwar il-kriżi tar-rifuġjati Sirjani;

O.  billi, filwaqt li l-Artikolu 16 tat-TSCG jipprevedi li fi żmien ħames snin mid-data tad-dħul fis-seħħ (qabel l-1 ta' Jannar 2018) il-passi meħtieġa jridu jkunu ttieħdu sabiex il-Patt Fiskali jiġi inkorporat fil-qafas legali tal-Unjoni, u filwaqt li dispożizzjonijiet simili huma inklużi fil-Ftehim Intergovernattiv dwar it-trasferiment u l-mutwalizzazzjoni ta' kontribuzzjonijiet lejn il-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni, huwa ċar li r-reżiljenza taż-żona tal-euro, inkluża t-tlestija tal-unjoni bankarja, ma tistax tintlaħaq mingħajr passi ulterjuri ta' approfondiment fiskali flimkien mal-istabbiliment ta' forma ta' governanza aktar affidabbli, effettiva u demokratika;

P.  billi din is-sistema ġdida ta' governanza timplika li l-Kummissjoni għandha ssir gvern ġenwin, responsabbli lejn il-Parlament u mgħammar biex jifformula u jimplimenta l-politiki komuni fiskali u makroekonomiċi li ż-żona tal-euro teħtieġ, u trid tkun mogħnija b'teżor u b'baġit proporzjonati għall-iskala tal-kompiti assenjati lilha; billi dan jirrikjedi, minbarra l-miżuri fi ħdan id-dritt primarju eżistenti, riforma fit-Trattat ta' Lisbona;

Q.  billi dan huwa wkoll il-każ għar-riforma u l-modernizzazzjoni meħtieġa tar-riżorsi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea kollha kemm hi; billi l-ftehim dwar il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) intlaħaq biss wara negozjati twal u diffiċli u kien akkumpanjat minn deċiżjoni li jiġi stabbilit grupp ta' livell għoli biex jirrevedi s-sistema ta' dħul ta' "riżorsi proprji" tal-Unjoni, li se jippreżenta r-rapport tiegħu fl-2016; billi l-QFP attwali jillimita serjament l-awtonomija finanzjarja u politika tal-Unjoni, peress li l-parti l-kbira tad-dħul jikkonsisti minn kontribuzzjonijiet nazzjonali mill-Istati Membri u parti kbira min-nefqa hija predeterminata permezz ta' flus restitwiti lil dawn l-istess Stati Membri; billi l-kontribuzzjonijiet nazzjonali bbażati fuq il-prodott nazzjonali gross/id-dħul nazjonali gross saru l-akbar sors ta' dħul;

R.  billi l-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali huwa inferjuri f'termini nominali meta mqabbel ma' dak preċedenti filwaqt li ċ-ċirkostanzi jeħtieġu sforzi kbar ħafna fil-baġit biex jgħinu lir-rifuġjati u jistimulaw it-tkabbir ekonomiku, il-koeżjoni soċjali u l-istabilità finanzjarja;

S.  billi r-rekwiżit tal-unanimità għall-politika fiskali qiegħda tfixkel il-ġlieda kontra l-eżistenza ta' rifuġji fiskali fi ħdan l-Unjoni Ewropea u politiki fiskali dannużi tal-Istati Membri; billi ħafna minn dawn il-prattiki jxekklu l-funzjonament tas-suq intern, jipperikolaw id-dħul tal-Istati Membri, u fl-aħħar mill-aħħar jitfgħu l-piż fuq iċ-ċittadini u l-SMEs;

T.  billi l-Unjoni Ewropea hija sistema kostituzzjonali msejsa fuq l-istat tad-dritt; billi t-Trattati jridu jinbidlu biex jagħtu lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ġurisdizzjoni fuq l-aspetti kollha tal-liġi tal-UE, f'konformità mal-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat;

U.  billi l-UE hija msejsa wkoll fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi; billi l-istrumenti eżistenti tal-UE għall-valutazzjoni u s-sanzjonar ta' vjolazzjonijiet ta' dawn il-prinċipji mill-Istati Membri wrew li ma kinux biżżejjed; billi l-proċeduri ta' ksur imnedija kontra atti legali speċifiċi jew azzjonijiet minn Stat Membru li jmorru kontra d-dritt tal-UE mhumiex adegwati biex jindirizzaw ksur sistematiku tal-valuri fundamentali tal-UE; billi skont l-Artikolu 7(1) tat-TUE, il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza ta' erbgħa minn ħamsa tal-membri tiegħu meta jistabbilixxi riskju ċar ta' ksur serju tal-valuri fundamentali, u skont l-Artikolu 7(2) TUE, il-Kunsill Ewropew huwa obbligat jaġixxi b'mod unanimu meta jiddetermina l-eżistenza ta' ksur serju u persistenti; billi bħala konsegwenza la miżura preventiva skont l-Artikolu 7(1) TUE u lanqas il-mekkaniżmi ta' sanzjonijiet skont l-Artikolu 7(2) u (3) ma ġew invokati;

V.  billi l-UE tidher li hija f'pożizzjoni aħjar biex tinfluwenza l-politiki dwar id-drittijiet fundamentali, l-istat tad-dritt u l-korruzzjoni meta pajjiżi għadhom kandidati għal sħubija fl-Unjoni; billi l-mekkaniżmu tal-istat tad-dritt jeħtieġ li jiġi applikat b'saħħa ugwali għall-Istati Membri kollha;

W.  billi r-rieżami huwa meħtieġ ukoll biex jiġi bbilanċjat mill-ġdid u rinnovat b'mod fundamentali l-funzjonament tal-Unjoni, bl-għan ta' regolamentazzjoni anqas burokratika u tfassil ta' politika aktar effikaċi, eqreb lejn il-ħtiġijiet taċ-ċittadini; billi l-Unjoni tesiġi li l-kompetenzi meħtieġa jagħmlu progress lejn uħud mill-għanijiet iddikjarati tagħha bħalma huma t-tlestija tas-suq uniku, inkluża l-unjoni tal-enerġija, il-koeżjoni soċjali, filwaqt li timmira lejn impjieg sħiħ, migrazzjoni u ġestoni tal-asil ġusti u komuni, kif ukoll politika tas-sigurtà interna u esterna;

X.  billi l-bini ta' djalogu sistematiku mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u t-tisħiħ tad-djalogu soċjali fil-livelli kollha, skont il-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 11 tat-TFUE, huma kruċjali biex jingħeleb l-ewroxettiċiżmu u terġa' tiġi affermata l-importanza tad-dimensjoni tal-Ewropa bbażata fuq is-solidarjetà, il-koeżjoni soċjali u l-bini ta' demokrazija parteċipattiva u inklużiva, bħala suppliment għal demokrazija rappreżentattiva;

Y.  billi f'dawn l-aħħar għaxar snin is-sitwazzjoni tas-sigurtà fl-Ewropa marret lura ħafna, speċjalment fil-viċinat tagħna: Stat Membru m'għadux jista' jiggarantixxi s-sigurtà interna u esterna tiegħu waħdu;

Z.  billi d-deklin tal-kapaċitajiet tad-difiża tal-Ewropa jillimita l-kapaċità tagħha li twassal l-istabilità lil hinn mill-fruntieri immedjati tagħna; billi dan għandu jitqies flimkien man-nuqqas ta' rieda tal-alleati tagħna tal-Istati Uniti biex jintervjenu jekk l-Ewropa ma tkunx lesta tagħti s-sehem ġust tagħha ta' responsabilità; billi l-politika tal-UE għad-difiża għandha tissaħħaħ u għandha tiġi stabbilita sħubija komprensiva bejn l-UE u n-NATO, filwaqt li l-Unjoni tkun tista' taġixxi b'mod awtonomu f'operazzjonijiet barra l-pajjiż, primarjament bil-ħsieb li tistabbilizza l-viċinat; billi dan ifisser li hi meħtieġa kooperazzjoni aktar intensiva fost l-Istati Membri kif ukoll l-integrazzjoni ta' ċerti kapaċitajiet ta' difiża tagħhom f'komunità Ewropea għad-Difiża, it-tnejn f'konformità ma' strateġija Ewropea ta' sigurtà ġdida;

AA.  billi l-ebda "klawsola passerelle" prevista fit-Trattat ta' Lisbona bl-għan li tissimplifika l-governanza tal-Unjoni ma ġiet introdotta, u x'aktarx mhux se jkun introdotta fiċ-ċirkostanzi preżenti; billi, għall-kuntrarju, minħabba d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tat-18 u d-19 ta' Ġunju 2009 dwar it-tnaqqis fl-għadd ta' membri tal-Kummissjoni kif previst fit-Trattat ta' Lisbona, il-klawsola ta' ħruġ intużat immedjatament;

AB.  billi, l-elezzjonijiet parlamentari Ewropej tal-2014 wasslu għall-ewwel darba direttament għan-nomina tal-kandidat għal President tal-Kummissjoni; billi, madankollu, iċ-ċittadini sfortunatament ma setgħux jivvutaw għall-kandidati direttament; billi l-karattru sovranazzjonali tal-elezzjonijiet Ewropej jenħtieġ li jiġi msaħħaħ aktar permezz tal-introduzzjoni ta' bażi legali ċara biex jiġi żgurat li din is-sistema l-ġdida tiġi ppreservata u żviluppata; billi, barra minn hekk, iċ-ċittadini bilkemm jistgħu jifhmu l-interrelazzjoni tal-Presidenti tal-Kummissjoni u l-Kunsill Ewropew;

AC.  billi l-urġenza għal riforma tal-Unjoni żdiedet b'mod drammatiku bil-vot tar-referendum tar-Renju Unit biex iħalli l-Unjoni Ewropea; billi n-negozjati għall-istabbiliment tal-arranġamenti għall-irtirar tar-Renju Unit ukoll jeħtieġ li jqisu l-qafas għar-relazzjonijiet futuri tiegħu mal-Unjoni; billi dan il-ftehim irid jiġi nnegozjat f'konformità mal-Artikolu 218(3) tat-TFUE u jiġi konkluż f'isem l-Unjoni mill-Kunsill, li jaġixxi bħala maġġoranza kkwalifikata, wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew; billi, għalhekk, il-Parlament għandu jkun involut bis-sħiħ matul il-proċess tan-negozjati;

AD.  billi t-tluq tar-Renju Unit joħloq opportunità biex titnaqqas il-kumplessità tal-Unjoni u li jiġi ċċarat xi tfisser verament is-sħubija fl-Unjoni; billi qafas ċar huwa meħtieġ fil-futur għar-relazzjoni tal-UE ma' dawk li mhumiex Membri fil-viċinat tagħha (ir-Renju Unit, in-Norveġja, l-Isvizzera, it-Turkija, l-Ukraina, eċċ.); billi l-fundaturi tal-Unjoni diġà kienu pprevedew tip ta' "status ta' assoċjat";

AE.  billi f'dan l-eżerċizzju importanti t-Trattati jagħtu sitt prerogattivi speċifiċi lill-Parlament Ewropew, jiġifieri: id-dritt li jipproponi emendi għat-Trattati (l-Artikolu 48(2) tat-TUE), id-dritt li jiġi kkonsultat mill-Kunsill Ewropew rigward l-emendi għat-Trattati (l-Artikolu 48(3)(1) tat-TUE), id-dritt li jinsisti biex tissejjaħ Konvenzjoni kontra x-xewqa tal-Kunsill Ewropew (l-Artikolu 48(3)(2) tat-TUE), id-dritt li jiġi kkonsultat rigward deċiżjoni meħuda mill-Kunsill Ewropew sabiex temenda id-dispożizzjonijiet kollha jew parzjalment tat-tielet parti tat-TFUE (l-Artikolu 48(6)(2) tat-TUE), id-dritt li jagħti bidu għar-riallokazzjoni tas-siġġijiet fil-Parlament qabel l-elezzjoni li jmiss (l-Artikolu 14(2) tat-TUE) u d-dritt li jipproponi proċedura elettorali uniformi (l-Artikolu 223(1) tat-TFUE);

AF.  billi r-rwol tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) u l-Kumitat tar-Reġjuni (KtR) iridu jiġu salvagwardjati bħala rappreżentanti istituzzjonali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-atturi reġjonali u lokali, peress li l-opinjonijiet tagħhom jikkontribwixxu biex tiżdied il-leġittimità demokratika ta' tfassil tal-politiki u ta' proċessi leġiżlattivi;

AG.  billi maġġoranza ċara tal-Unjoni tal-gvernijiet reġjonali u lokali esprimew b'mod konsistenti l-opinjoni tagħhom, permezz tal-Kumitat tar-Reġjuni, favur UE aktar integrata b'governanza effettiva;

1.  Iqis li ż-żmien tal-ġestjoni tal-kriżijiet permezz ta' deċiżjonijiet ad hoc u inkrementali għadda, peress li dan iwassal biss għal miżuri li jagħmlu ftit wisq, tard wisq; huwa konvint li wasal iż-żmien għal riflessjoni profonda dwar kif jiġu indirizzati n-nuqqasijiet tal-governanza tal-Unjoni Ewropea permezz ta' rieżami komprensiv u fil-fond tat-Trattat ta' Lisbona; iqis li soluzzjonijiet għal żmien qasir u medju jistgħu jintlaħqu billi t-Trattati eżistenti jiġu sfruttati sal-potenzjal sħiħ tagħhom f'dak iż-żmien;

2.  Jinnota li d-direzzjoni tar-riforma tal-Unjoni jenħtieġ li twassal għall-immodernizzar tagħha billi tistabbilixxi strumenti ġodda, kapaċitajiet Ewropej effettivi ġodda, u billi l-proċessi tat-teħid ta' deċiżjoni jsiru aktar demokratiċi, pjuttost mir-rinazzjonalizzazzjoni tagħha permezz ta' aktar intergovernamentaliżmu;

3.  Jissottolinja li stħarriġ reċenti tal-Ewrobarometru juri li, għall-kuntrarju ta' dak li huwa maħsub, iċ-ċittadini tal-UE għadhom konxji sew dwar l-importanza ta' soluzzjonijiet Ewropej ġenwini u jappoġġawhom bis-sħiħ(21), inter alia fil-qasam tas-sigurtà, id-difiża u l-migrazzjoni;

4.  Josserva bi tħassib kbir il-proliferazzjoni ta' sottogruppi ta' Stati Membri li qed jimminaw l-unità tal-Unjoni billi jikkawżaw nuqqas ta' trasparenza, u kif ukoll qed inaqqsu l-fiduċja tal-poplu; iqis li l-format adattat biex titmexxa d-diskussjoni dwar il-ġejjieni tal-Unjoni huwa dak tas-27 Stat Membru tal-UE; jenfasizza li l-frammentazzjoni tad-diskussjoni f'formati varji jew gruppi ta' Stati Membri tkun kontroproduttiva;

5.  Jenfasizza li riforma demokratika komprensiva tat-Trattati trid tinkiseb permezz ta' riflessjoni dwar il-futur tal-UE u ftehim dwar viżjoni għal ġenerazzjonijiet preżenti u futuri taċ-ċittadini Ewropej, u dan iwassal għal Konvenzjoni li tiggarantixxi li l-inklużività permezz tal-kompożizzjoni tiegħu ta' rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali, tal-gvernijiet tal-Istati Membri kollha, tal-Kummissjoni, tal-Parlament Ewropew u l-korpi konsultattivi tal-UE bħall-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, u tipprovdi wkoll pjattaforma xierqa għal tali riflessjoni u l-involviment maċ-ċittadini Ewropej u mas-soċjetà ċivili;

It-tmiem ta' "Ewropa à la carte"

6.  Jiddeplora l-fatt li kull darba li l-Kunsill Ewropew jiddeċiedi li japplika metodi intergovernattivi u li jevita l-"metodu tal-Komunità jew tal-Unjoni" kif definit fit-Trattati, dan mhux biss iwassal għal tfassil tal-politiki inqas effettiv iżda wkoll jikkontribwixxi għal nuqqas dejjem jikber ta' trasparenza, responsabilità u kontroll demokratiku; jikkunsidra li triq differenzjata hija konċepibbli biss bħala pass temporanju lejn tfassil tal-politika tal-UE iktar effettiv u integrat;

7.  Iqis li "l-metodu tal-Unjoni" huwa l-uniku metodu demokratiku ta' leġiżlazzjoni li jiżgura li jiġu kkunsidrati l-interessi kollha, speċjalment l-interess komuni Ewropew; jifhem b’"metodu tal-Unjoni" l-proċedura leġiżlattiva li biha l-Kummissjoni, bħala parti mill-kompetenza tagħha bħala l-eżekuttiv, tagħti bidu għal leġiżlazzjoni, il-Parlament u l-Kunsill, li jirrappreżentaw rispettivament liċ-ċittadini u l-istati, jiddeċiedu b'kodeċiżjoni bil-vot tal-maġġoranza filwaqt li l-obbligi ta' unanimità f'dan tal-aħħar isiru eċċezzjoni assoluta, u l-Qorti tal-Ġustizzja tissorvelja u tipprovdi kontroll ġudizzjarju finali; jinsisti li anke f'każijiet ta' urġenza "l-metodu tal-Unjoni" jenħtieġ li jiġi rispettat;

8.  Iqis li huwa essenzjali li f'dawn iċ-ċirkostanzi tiġi affermata mill-ġdid il-missjoni ta' "għaqda dejjem iżjed ravviċinata fost il-popli tal-Ewropa" (l-Artikolu 1 tat-TUE) sabiex titnaqqas kwalunkwe tendenza lejn id-diżintegrazzjoni u biex għal darb'oħra jiġi ċċarat l-għan morali, politiku u storiku, kif ukoll in-natura kostituzzjonali tal-UE;

9.  Jissuġġerixxi li r-rekwiżiti biex tiġi stabbilita u msaħħa kooperazzjoni strutturata jenħtieġ li jsiru inqas restrittivi, fost l-oħrajn billi jitnaqqas l-għadd minimu ta' Stati Membri parteċipanti;

10.  Jipproponi li r-reviżjoni li jmiss tat-Trattati tirrazzjonalizza d-differenzjazzjoni diżordinata attwali billi tintemm, jew għall-inqas titnaqqas drastikament, il-prattika ta' nonparteċipazzjoni, ta' inklużjonijiet fakultattivi u ta' eċċezzjonijiet għall-Istati Membri individwali fil-livell tad-dritt primarju tal-UE;

11.  Jirrakkomanda li sħubija tiġi definita u żviluppata sabiex jiġi stabbilit ċirku ta' sħab madwar l-UE għal stati li ma jistgħux jew mhumiex se jingħaqdu mal-Unjoni, iżda minkejja dan, iridu relazzjoni mill-qrib mal-UE; iqis li din ir-relazzjoni għandha tkun akkumpanjata minn obbligi li jikkorrispondu għad-drittijiet rispettivi, bħal kontribuzzjoni finanzjarja u, aktar importanti, ir-rispett tal-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Istat tad-dritt;

12.  Jemmen li l-qafas istituzzjonali uniku jenħtieġ li jiġi ppreservat sabiex jinkisbu l-objettivi komuni tal-Unjoni u biex jiġi ggarantit il-prinċipju ta' ugwaljanza taċ-ċittadini kollha u tal-Istati Membri;

Il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea

13.  Jinnota li din il-forma ġdida ta' sħubija tista' tkun waħda mill-eżiti possibbli biex tiġi rrispettata r-rieda tal-maġġoranza taċ-ċittadini tar-Renju Unit biex joħorġu mill-UE; jenfasizza li l-irtirar tar-Renju Unit, bħala wieħed mill-Istati Membri l-kbar, u bħala l-akbar membri mhux fiż-żona tal-euro, jaffettwa s-saħħa u l-bilanċ istituzzjonali tal-Unjoni;

14.  Jafferma mill-ġdid li elementi kostituzzjonali tal-Unjoni, b'mod partikolari l-integrità tas-suq uniku u l-fatt li dan ma jistax jinfired mill-erba' libertajiet fundamentali tal-Unjoni (il-moviment ħieles tal-kapital, tal-persuni, tal-oġġetti u tas-servizzi), huma pilastri essenzjali u indiviżibbli tal-Unjoni, kif hija l-eżistenza ta' stat tad-dritt, kif iggarantit mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja; jafferma mill-ġdid li din l-unità kostituzzjonali ma tistax tiġi rrimedjata matul in-negozjati dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni;

15.  Jitlob li l-kwartieri ġenerali tal-Awtorità Bankarja Ewropea u l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, it-tnejn li huma bħalissa f'Londra, jiġu trasferiti lejn Stat Membru ieħor, minħabba l-għażla magħmula minn ċittadini tar-Renju Unit li joħroġ mill-UE;

Governanza ekonomika ġdida għat-tkabbir ekonomiku, il-koeżjoni soċjali u l-istabilità finanzjarja

16.  Jinsab ferm imħasseb dwar diverġenzi ekonomiċi u soċjali li qed jikbru u n-nuqqas ta' riforma ekonomika u stabilità finanzjarja fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) kif ukoll it-telf tal-kompetittività tal-ekonomiji ta' bosta Stati Membri tagħha; u dan huwa dovut, b'mod partikolari, għan-nuqqas ta' politika fiskali u ekonomika komuni; iqis, għalhekk, li l-politika fiskali u ekonomika komuni għandha tkun kompetenza kondiviża tal-Unjoni u l-Istati Membri;

17.  Iqis li fil-forma attwali tagħhom mal-Patt ta' Stabilità u Tkabbir u l-klawżola "li tipprojbixxi s-salvataġġ finanzjarju" (Artikolu 125 tat-TFUE) sfortunatament ma jilħqux l-objettivi intenzjonati; jemmen li l-UE għandha tirrifjuta t-tentattivi li terġa' lura għal politiki nazzjonali protezzjonistiċi, u jenħtieġ tkompli tkun ekonomija miftuħa fil-ġejjieni; iwissi li dan ma jistax jinkiseb billi l-mudell soċjali jinħatt;

18.  Jirrikonoxxi t-titjib li sar permezz tas-Semestru Ewropew, "is-six-pack" u "t-two-pack" li għandhom l-għan li jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet, iżda jikkonkludi li dawn ma solvewx il-problemi; jemmen li jeħtieġ li l-leġiżlazzjoni tiġi applikata u infurzata b'mod iktar konsistenti u jiddeplora l-fatt li r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż mhumiex vinkolanti u ma jkoprux ir-riperkussjonijiet bejn Stat Membru u ieħor, iż-żona tal-euro jew l-UE kollha kemm hi;

19.  Jinnota, barra minn hekk, li s-sistema attwali ma tiżgurax b'mod suffiċjenti s-sjieda nazzjonali ta' Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż; huwa interessat f'dan ir-rigward fil-potenzjal offrut mill-Bord Ewropew ta' Konsulenza Fiskali u l-missjoni futura tagħha li tagħti pariri lill-Kummissjoni dwar qagħda fiskali li tkun xierqa għaż-żona tal-euro kollha kemm hi;

20.  Huwa konxju tal-ħtieġa li jsir rieżami tal-effikaċja tal-bosta miżuri reċenti ta' ġestjoni tal-kriżijiet li ttieħdu mill-UE, u li fid-dritt primarju jiġu kkodifikati ċerti proċeduri ta' teħid ta' deċiżjonijiet kif ukoll il-ħtieġa li jissaħħu l-bażijiet ġuridiċi tal-qafas regolatorju l-ġdid għas-settur finanzjarju; jaqbel mar-Rapport tal-Ħames Presidenti li l-"metodu miftuħ ta' koordinazzjoni" bħala l-bażi għal strateġija ekonomika tal-Ewropa ma ħadimx;

21.  Jipproponi, għalhekk, l-adozzjoni ta' "kodiċi ta' konverġenza", bħala att legali skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, li jistabbilixxi miri konverġenti (pereżempju għat-tassazzjoni, il-mobilità tax-xogħol, l-investiment, il-koeżjoni soċjali, il-pensjonijiet, il-finanzi pubbliċi u kapaċitajiet amministrattivi ta' governanza tajba); jissuġġerixxi li l-osservanza ta' dan il-kodiċi jippermetti l-aċċess għall-fondi tal-UE għal proġetti ta' investiment jew parteċipazzjoni fi strumenti ġodda li jikkombinaw riforma ekonomika ma' inċentivi fiskali; jinsisti li l-membri taż-żona tal-euro jistgħu biss jipparteċipaw meta jaġixxu b'mod konformi mal-kodiċi ta' konverġenza, minħabba li dan jipprevjeni periklu morali; jenfasizza li l-istandards u l-inċentivi fiskali jeħtieġ li jiġu determinati fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar kapaċità baġitarja għaż-żona tal-euro;

22.  Jappella għall-integrazzjoni tal-Patt Fiskali fil-qafas ġuridiku tal-UE u kif ukoll l-inklużjoni tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabilità u l-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni fid-dritt tal-UE, abbażi ta' valutazzjoni komprensiva tal-implimentazzjoni tagħhom u b'sorveljanza demokratika mill-Parlament biex jiżgura li l-kontroll u r-responsabiltà jkunu responabbli għalihom dawk li jikkontribwixxu għalihom; jappella wkoll għal aktar żvilupp tal-konferenza interparlamentari prevista fl-Artikolu 13, sabiex ikunu jistgħu jsiru diskussjonijiet sostanzjali u f'waqthom bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali fejn meħtieġ;

23.  Huwa tal-fehma li, biex tiżdied l-istabilità finanzjarja, jittaffew l-iskossi asimmetriċi u simmetriċi transfruntiera, jitnaqqsu l-effetti tar-riċessjoni, u jiġi żgurat livell xieraq ta' investiment, iż-żona tal-euro teħtieġ kapaċità fiskali bbażata fuq riżorsi proprji ġenwini u teżor Ewropew mgħammar bil-kapaċità li jissellef; jinnota li dan it-teżor għandu jkun ibbażat fil-Kummissjoni u jkun soġġett għall-iskrutinju demokratiku u r-responsabilità ta' rendikont permezz tal-Parlament u l-Kunsill;

24.  Jirrimarka li, minħabba l-fatt li l-konformità hija kruċjali għall-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, huma meħtieġa funzjonijiet governattivi aktar b'saħħithom milli dawk attwalment ipprovduti mill-Kummissjoni u/jew mill-Grupp tal-euro, kif ukoll kontrolli u bilanċi demokratiċi sħaħ permezz tal-involviment tal-Parlament Ewropew fl-aspetti kollha tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja; jemmen li b'mod parallel, biex tittejjeb is-sjieda, ir-responsabilità trid tiġi żgurata fil-livell fejn jittieħdu jew jiġu implimentati d-deċiżjonijiet, bil-parlamenti nazzjonali jeżaminaw bir-reqqa l-gvernijiet nazzjonali u l-Parlament Ewropew li jeżamina bir-reqqa l-eżekuttiv Ewropew;

25.  Jitlob, għaldaqstant, li l-awtorità eżekuttiva tkun ikkonċentrata fi ħdan il-Kummissjoni, fir-rwol ta' Ministru għall-Finanzi tal-UE, billi lill-Kummissjoni tingħata l-kapaċità li tifformula u timplimenta politika ekonomika komuni tal-UE billi tgħaqqad flimkien strumenti makroekonomiċi, fiskali u monetarji, bl-appoġġ ta' kapaċità baġitarja taż-żona tal-euro; il-Ministru għall-Finanzi jenħtieġ li jkun responsabbli għall-operat tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabilità u strumenti mutwalizzati oħra, inkluża l-kapaċità baġitarja, u jkun l-uniku rappreżentant estern taż-żona tal-euro f'organizzazzjonijiet internazzjonali, b'mod speċjali fis-settur finanzjarju;

26.  Iqis li huwa meħtieġ li l-Ministru tal-Finanzi jkun mogħni b'poteri proporzjonati biex jintervjeni sabiex jimmonitorja l-kodiċi ta' konverġenza, u jkollu s-setgħa li juża l-inċentivi fiskali deskritti aktar 'il fuq;

27.  Iqis li huwa neċessarju, mingħajr preġudizzju għall-kompiti tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali, li l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabilità jaġixxi bħala l-ewwel sellief tal-aħħar istanza għal istituzzjonijiet finanzjarji direttament taħt is-superviżjoni jew is-sorveljanza tal-Bank Ċentrali Ewropew; iqis neċessarju, barra minn hekk, li l-Bank Ċentrali Ewropew igawdi s-setgħat sħaħ ta' riżerva federali, filwaqt li jżomm l-indipendenza tiegħu;

28.  Fl-aħħar nett, jitlob li l-Unjoni Bankarja u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali jitlestew pass pass, iżda kemm jista' jkun malajr fuq il-bażi ta' skeda ta' żmien mgħaġla.

29.  Iqis li huwa neċessarju li titneħħa l-unanimità għal ċerti prattiki fiskali li jippermettu lill-UE tissalvagwardja l-funzjonament ġust u bla xkiel tas-suq intern u biex jiġu evitati politiki fiskali dannużi min-naħa tal-Istati Membri;

Sfidi ġodda

30.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa ġeopolitika, ekonomika u ambjentali għall-ħolqien ta' unjoni tal-enerġija Ewropea ġenwina; jissottolinja li t-tibdil fil-klima huwa waħda mill-isfidi globali ewlenin li qed tiffaċċja l-UE; jenfasizza, flimkien mal-ħtieġa ta' ratifika u implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim ta' Pariġi u l-adattament ta' miri u azzjonijiet vinkolanti tal-UE dwar il-klima, li r-restrizzjoni li l-politika tal-UE ma tridx taffettwa d-dritt ta' stat li jiddetermina l-kundizzjonijiet għall-isfruttament tar-riżorsi ta' enerġija tiegħu, l-għażla tiegħu bejn sorsi differenti ta' enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista ta' enerġija tiegħu (Artikolu 194(2) tat-TFUE) jeħtieġ li tiġi emendata sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni b'suċċess ta' politiki nodfa u rinnovabbli komuni tal-enerġija;

31.  Jenfasizza li l-iżvilupp ta' riżorsi tal-enerġija ġodda u rinnovabbli jenħtieġ li jiġu inkorporati fit-Trattati bħala objettiv ewlieni kemm għall-Unjoni kif ukoll għall-Istati Membri;

32.  Jinnota li t-Trattati jipprovdu biżżejjed mezzi biex jistabbilixxu sistema ta' ġestjoni tal-migrazzjoni u tal-asil umani u li jiffunzonaw tajjeb, inkluż Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, u jilqa' l-progress li sar f'dan ir-rigward; jemmen, madankollu, li t-Trattati, b'mod partikolari l-Artikolu 79(5) tat-TFUE, huma restrittivi wisq fir-rigward ta' aspetti oħra tal-migrazzjoni, speċjalment f'dak li jikkonċerna l-istabbiliment ta' sistema ta' migrazzjoni legali Ewropea ġenwina; jissottolinja li s-sistema tal-migrazzjoni tal-UE għall-ġejjieni trid tifforma sinerġija mal-għajnuna barranija tagħha u l-politika barranija tagħha, u tgħaqqad il-kriterji nazzjonali għall-għoti tal-asil u l-aċċess għas-suq tax-xogħol; jinsisti li jeħtieġ li l-Parlament iwettaq skrutinju demokratiku fuq l-implimentazzjoni tal-kontroll fil-fruntieri, il-ftehimiet ma' pajjiżi terzi, inkluża l-kooperazzjoni dwar il-politiki ta' ammissjoni mill-ġdid u ritorn, l-asil u l-migrazzjoni, u li s-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali ma tistax tintuża bħala pretest biex tiġi evitata azzjoni Ewropea;

33.  Iqis li, fid-dawl tal-intensità tat-theddida terroristika, huwa meħtieġ li jittejbu l-kapaċitajiet tal-UE fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata internazzjonali; jenfasizza li, minbarra t-tisħiħ tal-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-aġenziji fl-Istati Membri, l-Europol u l-Eurojust jenħtieġ li jingħataw kompetenzi u kapaċitajiet ġenwini ta' investigazzjoni u prosekuzzjoni, possibbilment permezz ta' trasformazzjoni f'Uffiċċju Ewropew ta' Investigazzjoni u Ħidma kontra t-Terroriżmu effettiv, bi skrutinju parlamentari dovut;

34.  Jikkonkludi li l-attakki terroristiċi diversi mwettqa fuq art Ewropea wrew li s-sigurtà tkun żgurata aħjar kieku ma kinitx kompetenza esklużiva tal-Istati Membri; jipproponi, għalhekk, li ssir kompetenza kondiviża sabiex jiġi ffaċilitat it-twaqqif ta' kapaċità ta' investigazzjoni u intelligence Ewropea fi ħdan Europol u taħt il-kontroll tal-ġudikatura; jistipula li fil-frattemp, f'konformità mal-Artikolu 73 tat-TFUE m'hemm xejn li jimpedixxi lill-Istati Membri milli joħolqu dan it-tip ta' kooperazzjoni bejn is-servizzi tagħhom;

It-tisħiħ tal-politika barranija tagħna

35.  Jiddispjaċih, kif iddikjarat fir-riżoluzzjoni tiegħu ta' XXXXX dwar it-titjib fil-funzjonament tal-Unjoni Ewropea bl-isfruttament tal-potenzjal tat-Trattat ta' Lisbona, li l-UE m'għamlitx aktar progress fl-iżvilupp tal-kapaċità tagħha biex taqbel dwar u timplimenta Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK); jinnota li l-isforzi tagħha biex tagħti bidu għal politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni ma kinux partikolarment ta' suċċess, speċjalment fir-rigward tal-qsim tal-ispejjeż u r-responsabilitajiet;

36.  Jinnota li huwa biss bit-tisħiħ tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni li l-UE tista' tipprovdi tweġibiet kredibbli għal theddid u l-isfidi ġodda għas-sigurtà, u b'hekk jiġġieled it-terroriżmu u ġġib il-paċi, l-istabilità u l-ordni fil-viċinat tagħha;

37.  Huwa tal-fehma, filwaqt li jtenni li jista' jsir u jenħtieġ li jsir aktar progress fil-qafas tat-Trattat ta' Lisbona, inkluż l-użu tad-dispożizzjonijiet li jippermettu li ssir votazzjoni b'maġġoranza kkwalifikata, li l-Viċi President / ir-Rappreżentant Għoli tiġi nominata bħala Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-UE u tiġi appoġġata fl-isforzi tagħha li ssir ir-rappreżentant estern ewlieni tal-Unjoni Ewropea fil-fora internazzjonali, mhux l-inqas fil-livell tan-NU; iqis li l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jenħtieġ li jkun jista' jaħtar deputati politiċi; jipproponi reviżjoni tal-funzjonalità tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, inkluż il-bżonn ta' riżorsi baġitarji xierqa;

38.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-istabbiliment rapidu ta' Unjoni Ewropea ta' Difiża li jsaħħaħ id-difiża tat-territorju tal-UE, li, fi sħubija strateġika man-NATO, jippermetti lill-Unjoni taġixxi b'mod awtonomu f'operazzjonijiet barra l-pajjiż, primarjament bl-għan li jiġi stabbilizzat il-viċinat tagħha u b'hekk jittejjeb ir-rwol tal-UE bħala garanti għad-difiża tagħha stess u bħala fornitur tas-sigurtà, f'konformità mal-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti; jiġbed l-attenzjoni lejn l-inizjattiva Franko-Ġermaniża ta' Settembru 2016, kif ukoll l-inizjattiva Taljana ta' Awwissu 2016, li tipprovdi kontributi siewja għal din il-kwistjoni; jenfasizza li l-Parlament Ewropew jeħtieġ li jkun involut bis-sħiħ fl-istadji kollha tal-ħolqien tal-Unjoni Ewropea ta' Difiża u jeħtieġ li jkollu d-dritt ta' approvazzjoni f'każ ta' operazzjonijiet barra mill-pajjiż; fid-dawl tar-rilevanza tagħha, it-Trattati jenħtieġ li jipprovdu speċifikament għall-possibilità li tiġi stabbilita Unjoni Ewropea ta' Difiża; barra minn hekk, flimkien mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, jenħtieġ li jiġi stabbilit Direttorat Ġenerali għad-Difiża (DG Defence) responsabbli għall-aspetti interni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni;

39.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiżdiedu r-riżorsi allokati għall-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni, sabiex jiġi żgurat li l-ispiża tal-operazzjonijiet militari mwettqa fil-qafas tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni u l-Unjoni Ewropea ta' Difiża tinqasam b'mod iktar ġust;

40.  Jipproponi li jitwaqqaf Uffiċċju ta' Intelligence Ewropew għall-appoġġ tal-PESK;

Nissalvagwardjaw id-Drittijiet Fundamentali

41.  Itenni li l-Kummissjoni hija l-gwardjan tat-Trattati u tal-valuri tal-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 2 tat-TUE; jikkonkludi, fid-dawl ta' diversi vjolazzjonijiet possibbli tal-valuri tal-Unjoni f'għadd ta' Stati Membri, li l-proċedura attwali skont l-Artikolu 7 TUE hija defiċjenti u kkumplikata;

42.  Jissottolinja li r-rispett u s-salvagwardjar tal-valuri fundamentali tal-UE huma l-pedament tal-Unjoni Ewropea bħala komunità bbażata fuq valuri u li jorbtu l-Istati Membri flimkien;

43.  Jipproponi li l-Artikolu 258 tat-TFUE jiġi emendat sabiex espliċitament il-Kummissjoni tkun tista' tieħu "azzjoni ta' ksur sistemiku" kontra l-Istati Membri li jiksru l-valuri fundamentali; jifhem "azzjoni ta' ksur sistemiku" bħala l-akkumulazzjoni ta' għadd ta' azzjonijiet ta' vjolazzjonijiet individwali li jissuġġerixxu ksur serju u persistenti tal-Artikolu 2 tat-TUE minn Stat Membru;

44.  Jipproponi l-estensjoni tad-dritt ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi li huma direttament u individwalment affetwati minn azzjoni biex jitressaq każ quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja għal ksur allegat tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jew minn istituzzjonijiet tal-UE jew minn Stat Membru, billi jiġu emendati l-Artikoli 258 u 259 tat-TFUE;

45.  Jirrakkomanda l-abolizzjoni tal-Artikolu 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u l-konverżjoni tagħha f'Karta tad-Drittijiet tal-Unjoni;

46.  Jemmen, barra minn hekk, li ċ-ċittadini jenħtieġ ikunu mogħnija b'aktar strumenti ta' demokrazija parteċipattiva fil-livell tal-Unjoni; jipproponi, għalhekk, l-evalwazzjoni tal-introduzzjoni, fit-Trattati, tal-provvista għal referendum fil-livell tal-UE dwar materji rilevanti għal azzjonijiet u l-politiki tal-Unjoni;

Aktar demokrazija, trasparenza u responsabilità

47.  Jipproponi li l-Kummissjoni tiġi ttrasformata fl-awtorità eżekuttiva prinċipali jew gvern tal-Unjoni bil-għan li jissaħħaħ "il-metodu tal-Unjoni", tiżdied it-trasparenza u tittejjeb l-effiċjenza u l-effikaċja tal-azzjoni meħuda fil-livell tal-Unjoni Ewropea;

48.  Itenni t-talba tiegħu biex id-daqs tal-Kummissjoni mġedda jitnaqqas sostanzjalment u biex il-Viċi Presidenti tagħha jitnaqqsu għal tnejn: il-Ministru tal-Finanzi u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin; jissuġġerixxi li l-istess tnaqqis jiġi applikat għall-Qorti tal-Awdituri;

49.  Jilqa' l-proċedura l-ġdida ta' suċċess fejn il-partiti politiċi Ewropej jippromwovu l-kandidati prinċipali tagħhom għal President tal-Eżekuttiv Ewropew, elett mill-Parlament Ewropew fuq proposta mill-Kunsill Ewropew, iżda jemmen li dawn għandhom ikunu jistgħu joħorġu bħala kandidati uffiċjali fl-elezzjonijiet li jmiss fl-Istati Membri kollha;

50.  Jenfasizza li l-involviment taċ-ċittadini fil-proċess politiku tal-pajjiż ta' residenza tagħhom jgħin biex tinbena d-demokrazija Ewropea, u jitlob li d-drittijiet elettorali taċ-ċittadini residenti fi Stat Membru li tiegħu ma jkunux ċittadini, kif stipulat fl-Artikolu 22 tat-TFUE, jiġu estiżi biex jinkludu l-bqija tal-elezzjonijiet;

51.  Jappoġġa d-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tat-28 ta' Ġunju 2013 sabiex tiġi stabbilita sistema li tippermetti li, qabel kull elezzjoni ġdida għall-Parlament Ewropew, jerġgħu jiġu allokati s-siġġijiet bejn l-Istati Membri b'mod oġġettiv, ġust, durabbli u trasparenti, b'rispett tal-prinċipju ta' proporzjonalità digressiva, u dan filwaqt li jittieħed kont ta' kwalunkwe bidla fl-għadd ta' Stati Membri u t-tendenzi demografiċi;

52.    Ifakkar fil-bosta dikjarazzjonijiet favur sede waħda għall-Parlament Ewropew, minħabba l-valur simboliku ta' deċiżjoni bħal din u l-iffrankar reali li jkun hemm kieku jsir dan;

53.  Itenni t-talba tiegħu għal sede unika għall-Parlament Ewropew u l-impenn tiegħu li jagħti bidu għal proċedura ta' reviżjoni ordinarja tat-Trattati skont l-Artikolu 48 tat-TUE bil-ħsieb li jipproponi tibdil fl-Artikolu 341 tat-TFUE u fil-Protokoll 6, meħtieġa biex jippermettu lill-Parlament jiddeċiedi dwar il-lokazzjoni tas-sede u l-organizzazzjoni interna tiegħu;

54.  Jipproponi li l-konfigurazzjonijiet kollha tal-Kunsill, inkluż il-Kunsill Ewropew, jiġu ttrasformati f'Kunsill tal-Istati fejn ir-responsabilità prinċipali tal-Kunsill Ewropew tkun li tipprovdi direzzjoni u koerenza ma' konfigurazzjonijiet oħra;

55.  Iqis li dan il-Kunsill u l-konfigurazzjonijiet speċjalizzati tiegħu, bħala t-tieni kamra tal-leġiżlatura tal-UE, jenħtieġ li, fl-interess tal-ispeċjalizzazzjoni, il-professjonalità u l-kontinwità, jibdel il-prattika tal-presidenza li tinbidel kull sitt xhur għal sistema ta' presidenti permanenti magħżula minn fosthom; jissuġġerixxi li d-deċiżjonijiet tal-Kunsill jittieħdu minn Kunsill leġiżlattiv wieħed, filwaqt li l-konfigurazzjonijiet tal-Kunsill leġiżlattiv speċjalizzati eżistenti jinbidlu f'korpi preparatorji, simili għall-kumitati fil-Parlament;

56.  Jissuġġerixxi li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeterminaw il-kompożizzjoni tar-rappreżentanza nazzjonali tagħhom fil-konfigurazzjonijiet, sew jekk jikkonsistu f'rappreżentanti mill-parlamenti jew gvernijiet nazzjonali rispettivi tagħhom jew kombinazzjoni tat-tnejn;

57.  Jenfasizza li, wara l-ħolqien tar-rwol ta' Ministru tal-Finanzi tal-UE, il-Grupp tal-Euro għandu jitqies bħala konfigurazzjoni formali speċjalizzata tal-Kunsill b'funzjonijiet leġiżlattivi u ta' kontroll;

58.  Jitlob tnaqqis addizzjonali fil-proċeduri ta' votazzjoni fil-Kunsill minn unanimità, kull fejn għadha tiġi applikata, pereżempju fi kwistjonijiet ta' affarijiet barranin u ta' difiża, affarijiet fiskali u l-politika soċjali, għal maġġoranza kwalifikata, sabiex il-proċeduri leġiżlattivi speċjali eżistenti jiġu kkonvertiti fi proċeduri leġiżlattivi ordinarji, u għas-sostituzzjoni sħiħa tal-proċedura ta' konsultazzjoni b'kodeċiżjoni bejn il-Parlament u l-Kunsill;

59.  Jipproponi li, wara l-adozzjoni ta' kapaċità baġitarja għaż-żona tal-euro, meta l-Parlament u l-Kunsill jivvotaw fuq deċiżjonijiet speċifiċi għaż-żona tal-euro, il-MPE kollha jistgħu jieħdu sehem fil-votazzjoni; madankollu, jista' jitqies approċċ fejn il-voti biss ta' MPE eletti fiż-żona tal-euro jiġu kkunsidrati filwaqt li voti tal-MPE u rappreżentanti minn Stati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro jitqiesu bħala voti konsultattivi mhux vinkolanti, sabiex tiġi ppreservata l-istruttura istituzzjonali unika; dan jiżgura li l-kontroll demokratiku u r-responsabilità jassumuhom il-membri taż-żona tal-euro, filwaqt li l-interessi ta' dawk il-pajjiżi li mhumiex fiż-żona tal-euro li huma obbligati u mistennija jissieħbu mal-UEM jiġu kkunsidrati;

60.  Jemmen li, fit-tisħiħ tal-governanza taż-żona tal-euro, għandu jingħata r-rispett dovut lill-interessi tal-Istati Membri li għadhom mhumiex parti miż-żona tal-euro (il-"pre-ins");

61.  Jirrikonoxxi r-rwol sinifikanti li għandhom il-parlamenti nazzjonali fl-ordni istituzzjonali attwali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari r-rwol tagħhom fit-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE fid-dritt nazzjonali u r-rwol li jkollhom kemm fil-kontroll ex ante u ex post tad-deċiżjonijiet leġiżlattivi u l-għażliet politiċi li jsiru mill-membri tal-Kunsill, inklużi l-konfigurazzjonijiet speċjalizzati tiegħu; jissuġġerixxi, għaldaqstant, li s-setgħat tal-parlamenti nazzjonali jiġu kkomplementati u mtejba permezz tal-introduzzjoni tal-proċedura "tal-karta ħadra", li biha l-parlamenti nazzjonali jkunu jistgħu jippreżentaw proposta leġiżlattiva lill-Kunsill biex jeżaminaha;

62.  Filwaqt li jirrispetta r-rwol tal-parlamenti nazzjonali u l-prinċipju tas-sussidjarjetà, jirrikonoxxi l-kompetenzi esklużivi tal-UE dwar il-Politika Kummerċjali Komuni; jitlob li ssir delimitazzjoni ċara ta' kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri f'dan ir-rigward; jinnota li din id-delimitazzjoni jkollha effetti pożittivi fuq l-impjiegi u t-tkabbir kemm fl-UE kif ukoll fis-sħab kummerċjali tagħha;

63.  Jipproponi, barra minn hekk, li f'konformità ma' prattika komuni f'għadd ta' Stati Membri, iż-żewġ kmamar tal-leġiżlatura tal-UE, il-Kunsill u, b'mod partikolari, il-Parlament, bħala l-unika istituzzjoni eletta direttament miċ-ċittadini, jenħtieġ li jingħataw id-dritt ta' inizjattiva leġiżlattiva, mingħajr preġudizzju għall-prerogattiva leġiżlattiva bażika tal-Kummissjoni;

64.  Huwa tal-fehma li, skont l-Artikoli 245 u 247 tat-TFUE, mhux biss il-Kunsill u l-Kummissjoni, iżda wkoll il-Parlament Ewropew jenħtieġ li jkollhom id-dritt li jressqu azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jekk Membru jew ex Membru tal-Kummissjoni Ewropea jikser l-obbligi tiegħu skont it-Trattati, huwa ħati ta' mġiba ħażina serja jew ma jibqax jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-qadi ta' dmirijietu;

65.  Jinsisti li d-dritt ta' inkjesta tal-Parlament jenħtieġ li jissaħħaħ u li jingħata setgħat speċifiċi, ġenwini u delimitati b'mod ċar, li huma aktar konformi aktar mal-istatura u l-kompetenzi politiċi tiegħu, inkluż id-dritt li jsejjaħ xhieda, id-dritt li jkollu aċċess sħiħ għad-dokumenti, id-dritt li jmexxi investigazzjonijiet fuq il-post u d-dritt li jimponi sanzjonijiet f'każ ta' nuqqas ta' konformità;

66.    Jinsab konvint li l-baġit tal-UE jeħtieġ jiġi mogħni b'sistema ġenwina ta' riżorsi proprji, u għandu jitmexxa skont il-prinċipji gwida tas-sempliċità, il-korrettezza u t-trasparenza; iqis li x-xogħol tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji huwa ta' importanza primarja, u jistenna li jwettaq proposti f'waqthom, effettivi u ambizzjużi; iqis li jenħtieġ li din is-sistema tnaqqas il-proporzjon tal-kontribuzzjonijiet tad-dħul nazzjonali gross mill-baġit tal-UE bil-għan li jiġi abbandunat l-approċċ ta' "juste retour" tal-Istati Membri; jinsisti, f'dan il-kuntest, li jiġu eliminati gradwalment il-forom kollha ta' rifużjonijiet;

67.  Jipproponi, f'dan ir-rigward, li l-proċeduri ta' teħid ta' deċiżjonijiet kemm għar-riżorsi proprji kif ukoll għall-QFP jinbidlu minn unanimità għal votazzjoni b'maġġoranza kkwalifikata, u b'hekk ikun hemm kodeċiżjoni reali bejn il-Kunsill u l-Parlament dwar l-aspetti baġitarji kollha; itenni t-talba tiegħu, barra minn hekk, biex il-QFP jikkoinċidi mal-mandati tal-Parlament u l-eżekuttiv Ewropew, u jinsisti li l-finanzi tal-aġenziji kollha tal-Unjoni jsiru parti integrali mill-baġit tal-UE;

68.    Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi applikata l-proċedura leġiżlattiva ordinarja għall-adozzjoni tar-Regolament QFP, sabiex jiġi allinjat mal-proċedura tat-teħid ta' deċiżjonijiet ta' kważi l-programmi pluriennali kollha tal-UE, inklużi l-allokazzjonijiet finanzjarji rispettivi tagħhom, kif ukoll il-baġit tal-UE; jemmen li l-proċedura ta' approvazzjoni tiċħad lill-Parlament mis-setgħa tat-teħid ta' deċiżjonijiet li huwa jeżerċita fuq l-adozzjoni tal-baġits annwali, filwaqt li r-regola tal-unanimità fil-Kunsill tfisser li l-ftehim jirrappreżenta l-iżgħar denominatur komuni, abbażi tal-bżonn li jiġi evitat il-veto ta' Stat Membru wieħed;

69.  Jinnota l-fatt li l-lista ta' istituzzjonijiet definita fl-Artikolu 13 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea hija differenti minn dik imsemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament Finanzjarju; iqis li r-Regolament Finanzjarju diġà jirrifletti l-prattika attwali;

70.  Iqis li hemm ftit każijiet fejn id-diċitura tat-TFUE hija differenti mill-prattika u mill-ispirtu tat-Trattat; huwa tal-opinjoni li dawn l-inkoerenzi jeħtieġ li jiġu rettifikati skont il-prinċipji tad-demokrazija u t-trasparenza;

71.  Ifakkar li kull waħda mill-istituzzjonijiet, kif definiti fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament Finanzjarju, għandha l-awtonomija li timplimenta t-taqsima tagħha tal-baġit skont l-Artikolu 55 tar-Regolament Finanzjarju; jirrimarka li tali awtonomija tirrikjedi wkoll livell sostanzjali ta' responsabilità fir-rigward tal-użu tal-finanzjament allokat;

72.  Jirrimarka li superviżjoni effettiva tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE mill-istituzzjonijiet u mill-korpi tirrikjedi kooperazzjoni bona fide u aktar effettiva mal-Parlament u trasparenza sħiħa fir-rigward tal-użu tal-finanzjament, kif ukoll dokument ta' segwitu annwali mill-istituzzjonijiet kollha dwar ir-rakkomandazzjonijiet ta' kwittanza tal-Parlament; jiddispjaċih li l-Kunsill mhuwiex qiegħed jaderixxi ma' din il-proċedura, u jqis li din is-sitwazzjoni li ilha għaddejja għal żmien twil mhijiex ġustifikata u timmina r-reputazzjoni tal-Unjoni kollha kemm hi;

73.  Jinnota li l-proċedura li l-kwittanza tingħata b'mod separat għal kull istituzzjoni u korp tal-UE hija prattika li ilha teżisti u li ġiet żviluppata biex tiggarantixxi trasparenza u responsabilità demokratika lejn il-kontribwenti tat-taxxa fl-UE u hija mod kif jiġu vverifikati r-rilevanza u t-trasparenza tal-użu tal-finanzjament tal-UE; jissottolinja li dan effettivament jiggarantixxi d-dritt u d-dmir tal-Parlament li jiskrutinja l-baġit tal-UE kollu kemm hu; ifakkar fil-fehma tal-Kummissjoni, kif espressa f'Jannar 2014, li l-istituzzjonijiet kollha, mingħajr eċċezzjoni, huma parti sħiħa mill-proċess ta' segwitu għall-osservazzjonijiet magħmula mill-Parlament fl-eżerċizzju ta' kwittanza, u li lkoll għandhom jikkooperaw bis-sħiħ biex jiżguraw il-funzjonament mingħajr xkiel tal-proċedura ta' kwittanza;

74.  Jirrikjedi li l-istituzzjonijiet jipprovdu direttament lill-Parlament ir-rapporti annwali tal-attività tagħhom u jagħtu lill-Parlament l-informazzjoni kollha għall-mistoqsijiet tiegħu matul il-proċess ta' kwittanza, b'mod li huwa jkun jista' jieħu deċiżjoni infurmata dwar l-għoti ta' kwittanza;

75.  Huwa tal-opinjoni li t-TFUE jeħtieġ li jiggarantixxi d-dritt tal-Parlament li jiskrutinja l-baġit kollu tal-UE u mhux biss il-parti ġestita mill-Kummissjoni; iħeġġeġ, għalhekk, li l-Kapitolu 4 tat-Titolu II tat-TFUE – Dispożizzjonijiet Finanzjarji – jiġi aġġornat kif meħtieġ sabiex l-istituzzjonijiet u l-korpi kollha jiġu inklużi fir-rigward tad-drittijiet u l-obbligi previsti f'dan il-kapitolu u b'koerenza mar-Regolament Finanzjarju;

76.  Jenfasizza li l-Istati Membri kollha għandhom ikunu obbligati jipprovdu dikjarazzjoni annwali li fiha jagħtu rendikont dwar l-użu li huma għamlu mill-fondi tal-UE;

77.  Jirrikonoxxi r-rwol kruċjali tal-Qorti tal-Awdituri biex tiżgura nfiq aħjar u aktar intelliġenti tal-baġit tal-UE, biex tidentifika każijiet ta' frodi, korruzzjoni u użu illegali ta' fondi tal-UE, u biex tagħti opinjoni professjonali dwar kif il-finanzjament tal-UE jista' jiġi ġestit aħjar; ifakkar fl-importanza tar-rwol tal-Qorti bħala awtorità Ewropea ta' awditjar pubbliku;

78.  Iqis li, fid-dawl tar-rwol importanti li għandha l-Qorti Ewropea tal-Awdituri fl-awditjar tal-ġbir u l-użu tal-fondi tal-UE, huwa assolutament essenzjali li l-istituzzjonijiet iqisu kompletament ir-rakkomandazzjonijiet tagħha;

79.  Jinnota li l-kompożizzjoni tal-Qorti u l-proċedura tal-ħatra tagħha huma stabbiliti fl-Artikoli 285 u 286 tat-TFUE; iqis li l-Parlament u l-Kunsill għandhom ikunu fuq l-istess livell meta jaħtru l-Membri tal-Qorti tal-Awdituri, sabiex jiġu ggarantiti l-leġittimità demokratika, it-trasparenza u l-indipendenza sħiħa ta' dawn il-Membri; jappella lill-Kunsill biex jaċċetta bis-sħiħ id-deċiżjonijiet meħuda mill-Parlament wara s-smigħ tal-kandidati nnominati bħala Membri tal-Qorti tal-Awdituri;

80.  Jiddeplora l-fatt li ċerti proċeduri tal-ħatra wasslu għal kunflitti bejn il-Parlament u l-Kunsill dwar il-kandidati; jenfasizza li, kif previst fit-Trattat, huwa d-dover tal-Parlament li jivvaluta l-persuni nominati; jenfasizza li dawn il-kunflitti jistgħu jagħmlu ħsara lir-relazzjonijiet ta' ħidma tajbin bejn il-Qorti u l-istituzzjonijiet imsemmija aktar 'il fuq, u possibbilment ikollhom konsegwenzi negattivi serji għall-kredibilità, u għaldaqstant għall-effikaċja tal-Qorti; huwa tal-opinjoni li, fl-ispirtu ta' kooperazzjoni tajba fost l-istituzzjonijiet tal-UE, il-Kunsill jenħtieġ li jaċċetta d-deċiżjonijiet meħuda mill-Parlament wara s-seduti ta' smigħ;

81.  Jitlob l-introduzzjoni ta' bażi ġuridika sabiex jiġu stabbiliti aġenziji tal-Unjoni li jistgħu jwettqu funzjonijiet eżekuttivi u implimentattivi speċifiċi mogħtija lilhom mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja;

82.  Jindika li, f'konformità mat-Trattati, il-Parlament jagħti kwittanza lill-Kummissjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit; huwa tal-fehma li, peress li l-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-UE jamministraw il-baġits tagħhom b'mod indipendenti, il-Parlament jenħtieġ li jingħata kompetenza espliċita biex jagħti kwittanza lill-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-UE, u li dawn tal-aħħar jenħtieġ li jkunu obbligati jikkooperaw bis-sħiħ mal-Parlament;

83.  Jemmen, fl-aħħar nett, li l-proċedura ta' ratifika tat-Trattat attwali hija riġida wisq biex tkun adattata għal entità sovranazzjonali bħalma hi l-Unjoni Ewropea; jipproponi li l-emendi għat-Trattati jitħallew jidħlu fis-seħħ, jekk mhux permezz ta' referendum mal-UE kollha permezz ta' ratifika minn maġġoranza kkwalifikata ta' erba' Stati Membri minn kull ħamsa, wara li tkun kisbet l-approvazzjoni tal-Parlament;

84.  Jitlob li l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tikseb ġurisdizzjoni sħiħa fuq il-politiki kollha tal-UE dwar kwistjonijiet ta' natura legali, kif hu xieraq f'sistema demokratika bbażata fuq l-istat tad-dritt u s-separazzjoni tal-poteri;

Il-proċess kostitwenti

85.  Jimpenja ruħu biex jaqdi rwol ewlieni f'dawn l-iżviluppi kostituzzjonali importanti, u jinsab determinat li jressaq il-proposti tiegħu stess għall-emenda tat-Trattat f'ħin opportun;

86.  Huwa tal-fehma li s-60 anniversarju tat-Trattat ta' Ruma jkun mument xieraq biex tibda riflessjoni dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea u jsir qbil dwar viżjoni għall-ġenerazzjonijiet attwali u futuri taċ-ċittadini Ewropej li jwasslu għal Konvenzjoni bl-għan li l-Unjoni Ewropea tkun tista' tiffaċċa d-deċennji li ġejjin;

°

°  °

87.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri.

08/12/2016

(1)

http://ec.europa.eu/priorities/economic-monetary-union/docs/5-presidents-report_en.pdf

(2)

ĠU C 436, 24.11.2016, p. 49.

(3)

ĠU C 346, 24.11.2016, p. 47.

(4)

ĠU L 347, 20.12.2013, p.884.

(5)

http://ec.europa.eu/budget/mff/hlgor/index_en.cfm

(6)

Opinjoni 2/13 tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta' Diċembru 2014.

(7)

ĠU L 181, 29.6.2013, p. 57.

(8)

Testi adottati, P7_TA(2013)0598.

(9)

Testi adottati, P7_TA(2014)0378.

(10)

Testi adottati, P7_TA(2012)0462.

(11)

Testi adottati, P7_TA(2013)0323.

(12)

Testi adottati, P7_TA (2013)0498.

(13)

Testi adottati, P8_TA(2015)0382.

(14)

Testi adottati, P8_TA(2015)0395.

(15)

Testi adottati, P8_TA(2016)0294.

(16)

Testi adottati, P8_TA(2016)0409.

(17)

ĠU L 251, 16.9.2016, p. 1.

(18)

OJ C 013, 15.1.2016, p. 183.

(19)

OJ C 313, 22.9.2015, p. 9.

(20)

ĠU C 62, 2.3.2013, p. 26.

(21)

Ewrobarometru Standard 84 - Ħarifa 2015 & l-Ewrobarometru Speċjali tal-PE, Ġunju 2016.


OPINJONI TAL-MINORANZA

imressqa skont l-Artikolu 56(3) tar-Regoli ta' Proċedura

mill-Membri mill-grupp ECR, Ashley Fox u Kazimierz Michał Ujazdowski

1.   L-inabilità tal-Unjoni Ewropea li tindirizza b'mod effettiv il-kriżijiet li qed tiffaċċa hija xhieda tal-fatt li marret lil hinn mill-għanijiet tagħha. Saret wisq ċentralizzata u nqatgħet miċ-ċittadini tagħha. Tagħmel wisq u dak li tagħmel tagħmlu ħażin. Elezzjonijiet u referendums riċenti wrew li l-opinjoni pubblika hija dejjem iżjed xettika dwar il-valur tal-Unjoni, l-objettivi tagħha u l-kapaċità tagħha li twettaq dak li twiegħed.

2.   L-Unjoni Ewropea jeħtiġilha tinbidel. Għandna bżonn Komunità ta' Stati Membri li jikkooperaw f'oqsma fejn għandhom interessi komuni.

3.   Aħna nitolbu li tissejjaħ konferenza intergovernattiva li tistabbilixxi l-pedamenti għal Unjoni Ewropea riformata. Ir-riformi li jsiru jirrispettaw is-sovranità tal-Istati Membri individwali. Il-leġittimità demokratika għad-deċiżjonijiet tkun onorata permezz tal-użu tas-sistema tal-veto, u l-Unjoni tkun flessibbli biżżejjed sabiex tirreaġixxi għal ċirkostanzi u interessi li jinbidlu. Hija tgħin favur kooperazzjoni bejn l-Istati Membri li jixtiequ jaħdmu flimkien, billi tiffoka biss fuq oqsma fejn tista' żżid il-valur u tikseb valur għall-flus li jintefqu. Hija tiżgura l-prominenza tal-istituzzjonijiet politiċi fuq dawk tekniċi, involviment sħiħ tal-parlamenti nazzjonali, u lista ċara u limitata ta' kompetenzi delegati.

08/12/2016


OPINJONI TAL-MINORANZA

imressqa skont l-Artikolu 56(3) tar-Regoli ta' Proċedura

mill-Membru tal-ENF Gerolf Annemans

Il-Grupp ENF jopponi dan ir-rapport għal raġunijiet ta' prinċipju.  Ir-rapporteur jiffavorixxi b'mod devozzjonali d-dogma u l-loġika ta' Unjoni li qiegħda kostantement twessa' l-għanijiet tagħha u tintensifika l-azzjoni tagħha.  Dan mhuwiex sorprendenti, billi huwa diġà magħruf li jiffavorixxi "Stati Uniti tal-Ewropa", idea u direzzjoni li nemmnu li tmur kontra l-identità Ewropea, li l-prinċipju fundamentali tagħha jrid ikun is-supremazija u l-valur ta' identità nazzjonali.  Dan il-prinċipju huwa, inċidentalment, ukoll is-saħħa tal-kontinent tal-Ewropa, u dan il-prinċipju biss jista' jitqies bħala l-premessa għal kwalunkwe forma ta' kooperazzjoni bbażata fuq il-libertà u l-impenn volontarju. L-Unjoni Ewropea, li kienet diġà żvijat bit-Trattat ta' Lisbona, li qed tfalli f'ħafna oqsma u li tilfet il-kredibilità tagħha, issa qed tfittex li ssolvi l-problemi tagħha billi ssegwi l-approċċ li wara kollox ikkawża problemi fil-bidu: grad ta' integrazzjoni estremament eċċessiv. Huwa biss billi twaqqaf din l-aggressjoni fir-rigward tal-eżistenza tal-Istati Membri Ewropej u tagħti lura s-sovranità nazzjonali li aktar diżastri jistgħu jiġu evitati.  Dan huwa wkoll l-uniku mod korrett biex wieħed jirrispondi għar-riżultati ta' tant referendums dwar il-futur tal-Ewropa li jew ġew injorati jew ġew skreditati.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits (28.9.2016)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali

dwar evoluzzjonijiet u aġġustamenti possibbli tal-istruttura istituzzjonali attwali tal-Unjoni Ewropea

(2014/2248(INI))

Rapporteur għal opinjoni: José Manuel Fernandes

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jissottolinja li l-isfidi identifikati mill-Istrateġija Ewropa 2020 qed jippersistu u aktarx jintensifikaw fis-snin li ġejjin; jiġbed l-attenzjoni b'mod partikolari għall-prijorità ewlenija ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u l-miri stabbiliti għall-oqsma tal-impjiegi, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni, l-inklużjoni soċjali u l-klima / l-enerġija;

2.  Jemmen li biex l-Unjoni tilħaq l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 u tindirizza l-isfidi attwali u ġodda b'mod effikaċi, jeħtieġ li tingħata baġit proporzjonat mal-missjoni li hija msejħa twettaq; iqis li l-livell attwali tal-baġit tal-UE, li jikkorrispondi għal 1 % tal-PDG tal-UE-28, mhuwiex biżżejjed biex jintlaħqu dawn l-għanijiet;

3.  Jinsab konvint li l-baġit tal-UE jeħtieġ ikollu sistema ġenwina ta' riżorsi proprji, u għandu jitmexxa skont il-prinċipji gwida tas-sempliċità, il-korrettezza u t-trasparenza; iqis li x-xogħol tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji huwa ta' importanza primarja u jistenna li jwettaq proposti f'waqthom, effikaċi u ambizzjużi; iqis li din is-sistema għandha tnaqqas il-proporzjon tal-kontribuzzjonijiet tal-ING għall-baġit tal-UE bil-għan li jiġi abbandunat l-approċċ ta' "juste retour" tal-Istati Membri; jinsisti, f'dan il-kuntest, biex jiġu eliminati gradwalment il-forom kollha ta' rifużjonijiet;

4.  Jissottolinja l-ħtieġa li l-baġit tal-UE jkun sempliċi, ċar u li jinftiehem faċilment miċ-ċittadini tal-UE, u li jkun ikkoordinat mal-baġits nazzjonali; iqis li dawn għandhom ikunu l-prinċipji fundamentali kemm għan-naħa tan-nefqa kif ukoll għan-naħa tad-dħul tal-baġit tal-UE;

5.  Jappella għal kampanja ta' informazzjoni sabiex ikun żgurat li ċ-ċittadini fl-Ewropa kollha jkunu informati aħjar dwar il-baġit tal-UE, u għaldaqstant ikunu konxji dwar kif qed jintefqu flushom u dwar il-bidliet fil-baġit li jaf ikollhom impatt fuqhom;

6.  Ifakkar il-bosta dikjarazzjonijiet favur sede waħda għall-Parlament Ewropew, minħabba l-valur simboliku ta' dan iċ-ċaqliq u l-iffrankar reali li kieku jsir;

7.  Iqis li l-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) għandu jippermetti flessibbiltà massima bil-għan li jkun hemm reazzjoni għall-kriżijiet u l-prijoritajiet politiċi li qed jevolvu; jissottolinja, f'dan ir-rigward, li reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP 2014-2020 hija indispensabbli; jisħaq, f'dan il-kuntest, fuq il-ħtieġa li fil-baġit isir disponibbli d-dħul straordinarju kollu li jirriżulta mid-diżimpenji taħt il-baġit tal-UE jew mill-multi tal-kompetizzjoni;

8.  Jinnota li l-baġit tal-UE spiss jintuża biex jiffinanzja ħtiġijiet straordinarji jew prijoritajiet politiċi ġodda li ma kinux antiċipati fiż-żmien li ġie adottat il-QFP; jisħaq fuq il-fatt li l-impenji tal-UE għandhom, madankollu, jiġu rispettati bis-sħiħ u li kwalunkwe inizjattiva u ħtieġa ġdida ma għandhiex tiġi ffinanzjata għad-detriment tal-programmi u politiki eżistenti tal-UE; iqis li l-istrumenti speċjali tal-QFP għandhom jiġu mobilizzati, kif xieraq, għal dan il-għan, u għandhom jiġu magħduda separatament mil-limiti massimi tal-QFP, kemm f'approprjazzjonijiet ta' impenn kif ukoll ta' pagament;

9.  Jissottolinja l-ħtieġa li jitħares il-prinċipju tal-unità tal-baġit, u jinsab imħasseb dwar iċ-ċaqliq li sar dan l-aħħar mill-metodu Komunitarju għal teħid ta' deċiżjonijiet intergovernattiv, kif wieħed jista' jara fit-twaqqif ta' strumenti satelliti ad hoc 'il barra mill-baġit tal-UE, bħalma huma l-Fondi Fiduċjarji; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata sorveljanza parlamentari fuq in-nefqa kollha tal-UE;

10.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi applikata l-proċedura leġiżlattiva ordinarja għall-adozzjoni tar-Regolament QFP, sabiex tallinjah mal-proċedura tat-teħid ta' deċiżjonijiet ta' kważi l-programmi pluriennali kollha tal-UE, inklużi l-allokazzjonijiet finanzjarji rispettivi tagħhom, kif ukoll il-baġit tal-UE; jemmen li l-proċedura ta' kunsens tiċħad lill-Parlament mis-setgħa tat-teħid ta' deċiżjonijiet li huwa jeżerċita fuq l-adozzjoni tal-baġits annwali, filwaqt li r-regola tal-unanimità fil-Kunsill tfisser li l-ftehim jirrappreżenta l-iżgħar denominatur komuni, abbażi tal-bżonn li jiġi evitat il-veto ta' Stat Membru wieħed.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

28.9.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

28

7

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Jonathan Arnott, Richard Ashworth, Reimer Böge, Lefteris Christoforou, Jean-Paul Denanot, Gérard Deprez, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Esteban González Pons, Ingeborg Gräßle, Iris Hoffmann, Monika Hohlmeier, Bernd Kölmel, Zbigniew Kuźmiuk, Vladimír Maňka, Ernest Maragall, Siegfried Mureşan, Urmas Paet, Pina Picierno, Paul Rübig, Petri Sarvamaa, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Paul Tang, Indrek Tarand, Isabelle Thomas, Inese Vaidere, Monika Vana, Daniele Viotti, Auke Zijlstra, Auke Zijlstra

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Andrey Novakov, Nils Torvalds, Marco Valli


OPINJONI tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (13.10.2016  )

għall-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali

dwar evoluzzjonijiet u aġġustamenti possibbli tal-istruttura istituzzjonali attwali tal-Unjoni Ewropea

(2014/2248(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Petri Sarvamaa

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi t-trasparenza u l-iskrutinju tal-kontijiet pubbliċi huma prinċipji demokratiċi fundamentali li japplikaw għall-UE;

B.  billi l-istituzzjonijiet kollha tal-UE għandhom ikunu trasparenti u obbligati jagħtu rendikont sħiħ liċ-ċittadini tal-UE fir-rigward tal-fondi fdati lilhom bħala istituzzjonijiet tal-UE;

C.  billi l-proċedura ta' kwittanza hija parti mill-kunċett ta' demokrazija rappreżentattiva;

1.  Iqis li s-setgħat tal-Parlament ta' sorveljanza u monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE huma kruċjali biex tiġi żgurata r-responsabbiltà effettiva tal-istituzzjonijiet u għandhom għalhekk jissaħħu;

2.  Jenfasizza li kwalunkwe bidla fil-kompetenzi ta' istituzzjoni waħda jew aktar tal-UE għandha timxi id f'id ma' miżuri li jissalvagwardjaw r-responsabbiltà demokratika u finanzjarja ta' dawn l-istituzzjonijiet, u għandha, b'mod partikolari, tkun akkumpanjata b'miżuri li jiżguraw kontroll baġitarju sħiħ mill-Parlament, kull meta l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jiġu affettwati;

3.  Jinnota l-fatt li l-lista ta' istituzzjonijiet definita fl-Artikolu 13 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) hija differenti minn dik imsemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament Finanzjarju; iqis li r-Regolament Finanzjarju diġà jirrifletti l-prattika attwali;

4.  Iqis li hemm ftit każijiet fejn id-diċitura tat-TFUE hija differenti mill-prattika u mill-ispirtu tat-Trattat; huwa tal-opinjoni li dawn l-inkonsistenzi jeħtieġ li jiġu rettifikati skont il-prinċipji tad-demokrazija u t-trasparenza;

5.  Ifakkar li kull waħda mill-istituzzjonijiet, kif definiti fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament Finanzjarju, għandha l-awtonomija li timplimenta t-taqsima tagħha tal-baġit skont l-Artikolu 55 tar-Regolament Finanzjarju; jirrimarka li tali awtonomija tirrikjedi wkoll livell sostanzjali ta' responsabbiltà fir-rigward tal-użu tal-finanzjament allokat;

6.  Jirrimarka li superviżjoni effettiva tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE mill-istituzzjonijiet u mill-korpi tirrikjedi bona fide u kooperazzjoni aktar effikaċi mal-Parlament u trasparenza sħiħa fir-rigward tal-użu tal-finanzjament, kif ukoll dokument ta' segwitu annwali mill-istituzzjonijiet kollha dwar ir-rakkomandazzjonijiet ta' kwittanza tal-Parlament; jiddispjaċih li l-Kunsill mhuwiex qiegħed jaderixxi ma' din il-proċedura, u jqis li din is-sitwazzjoni li ilha għaddejja għal żmien twil mhijiex ġustifikata u timmina r-reputazzjoni tal-Unjoni kollha kemm hi;

7.  Jinnota li l-proċedura li l-kwittanza tingħata b'mod separat għal kull istituzzjoni u korp tal-UE hija prattika li ilha teżisti u li ġiet żviluppata biex tiggarantixxi trasparenza u responsabbiltà demokratika lejn il-kontribwenti fl-UE u hija mod kif jiġu vverifikati r-rilevanza u t-trasparenza tal-użu tal-finanzjament tal-UE; jissottolinja li dan effettivament jiggarantixxi d-dritt u d-dmir tal-Parlament li jiskrutinja l-baġit tal-UE kollu kemm hu; ifakkar fil-fehma tal-Kummissjoni, kif espressa f'Jannar 2014, li l-istituzzjonijiet kollha, mingħajr eċċezzjoni, huma parti sħiħa mill-proċess ta' segwitu għall-osservazzjonijiet magħmula mill-Parlament fl-eżerċizzju ta' kwittanza, u li lkoll għandhom jikkooperaw bis-sħiħ biex jiżguraw il-funzjonament mingħajr xkiel tal-proċedura ta' kwittanza;

8.  Jirrikjedi li l-istituzzjonijiet jipprovdu direttament lill-Parlament ir-rapporti annwali tal-attività tagħhom u jagħtu lill-Parlament l-informazzjoni kollha għall-mistoqsijiet tiegħu matul il-proċess ta' kwittanza, b'mod li huwa jkun jista' jieħu deċiżjoni infurmata dwar l-għoti ta' kwittanza,;

9.  Huwa tal-opinjoni li t-TFUE jeħtieġ li jiggarantixxi d-dritt tal-Parlament li jiskrutinja l-baġit kollu tal-UE u mhux biss il-parti ġestita mill-Kummissjoni; iħeġġeġ, għalhekk, li l-Kapitolu 4 tat-Titolu II tat-TFUE – Dispożizzjonijiet Finanzjarji – jiġi aġġornat kif meħtieġ sabiex l-istituzzjonijiet u l-korpi kollha jiġu inklużi fir-rigward tad-drittijiet u l-obbligi previsti f'dan il-kapitolu u b'koerenza mar-Regolament Finanzjarju;

10.  Jenfasizza li l-Istati Membri kollha għandhom ikunu obbligati jipprovdu dikjarazzjoni annwali li fiha jagħtu rendikont dwar l-użu li huma għamlu mill-fondi tal-UE;

11.  Jitlob li r-Regolament Finanzjarju jiġi emendat b'mod li jikkjarifika l-objettivi tal-proċedura ta' kwittanza u jipprovdi miżuri li jiżguraw li l-proċess ta' kwittanza jiġi rispettat, inkluża l-possibbiltà ta' miżuri ta' infurzar li jiżguraw segwitu xieraq, bħal pereżempju l-użu ta' sanzjonijiet; jirrileva li dan għandu jsir sabiex l-istituzzjonijiet tal-UE jinżammu responsabbli bl-għan li jitħarsu l-interessi finanzjarji taċ-ċittadini tal-Unjoni; jenfasizza li ma għandu jkun hemm ebda eċċezzjoni;

12.  Jirrikonoxxi r-rwol kruċjali tal-Qorti tal-Awdituri biex tiżgura infiq aħjar u aktar intelliġenti tal-baġit tal-UE, biex tidentifika każijiet ta' frodi, korruzzjoni u użu illegali ta' fondi tal-UE, u biex tagħti opinjoni professjonali dwar kif il-finanzjament tal-UE jista' jiġi ġestit aħjar; ifakkar fl-importanza tar-rwol tal-Qorti bħala awtorità Ewropea ta' awditjar pubbliku;

13.  Iqis li, fid-dawl tar-rwol importanti li għandha l-Qorti Ewropea tal-Awdituri fl-awditjar tal-ġbir u l-użu tal-fondi tal-UE, huwa assolutament essenzjali li l-istituzzjonijiet jqisu kompletament ir-rakkomandazzjonijiet tagħha;

14.  Jinnota li l-kompożizzjoni tal-Qorti u l-proċedura tal-ħatra tagħha huma stabbiliti fl-Artikoli 285 u 286 tat-TFUE; iqis li l-Parlament u l-Kunsill għandhom ikunu fuq l-istess livell meta jaħtru l-Membri tal-Qorti tal-Awdituri, sabiex jiġu ggarantiti l-leġittimità demokratika, it-trasparenza u l-indipendenza sħiħa ta' dawn il-Membri; jappella lill-Kunsill biex jaċċetta bis-sħiħ id-deċiżjonijiet meħuda mill-Parlament wara s-smigħ tal-kandidati nnominati bħala Membri tal-Qorti tal-Awdituri;

15.  Jiddeplora l-fatt li ċerti proċeduri tal-ħatra wasslu għal kunflitti bejn il-Parlament u l-Kunsill dwar il-kandidati; jenfasizza li, kif previst fit-Trattat, huwa d-dover tal-Parlament li jivvaluta l-persuni nominati; jenfasizza li dawn il-kunflitti jistgħu jagħmlu ħsara lir-relazzjonijiet ta' ħidma tajbin bejn il-Qorti u l-istituzzjonijiet imsemmija qabel, u possibbilment ikollhom konsegwenzi negattivi serji għall-kredibbiltà, u għaldaqstant għall-effikaċja tal-Qorti; huwa tal-opinjoni li, fl-ispirtu ta' kooperazzjoni tajba fost l-istituzzjonijiet tal-UE, il-Kunsill għandu jaċċetta d-deċiżjonijiet meħuda mill-Parlament wara s-seduti ta' smigħ;

16.  Ifakkar fil-bosta dikjarazzjonijiet favur sede waħda għall-Parlament Ewropew, minħabba l-valur simboliku ta' dan iċ-ċaqliq u l-iffrankar reali li kieku dan jirrapreżenta;

17.  Huwa tal-fehma li s-sittin anniversarju tat-Trattati ta' Ruma fil-bidu tal-2017 huwa l-okkażjoni ideali biex jerġa' jitnieda dibattitu fl-ogħla livell istituzzjonali, li jiffoka b'mod partikolari fuq użu aktar effiċjenti tar-riżorsi finanzjarji u tal-mekkaniżmi ta' kontroll demokratiku tal-baġit tal-UE.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

12.10.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

2

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Louis Aliot, Dennis de Jong, Martina Dlabajová, Luke Ming Flanagan, Ingeborg Gräßle, Verónica Lope Fontagné, Monica Macovei, Dan Nica, Georgi Pirinski, Petri Sarvamaa, Bart Staes, Marco Valli, Derek Vaughan, Anders Primdahl Vistisen, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Richard Ashworth, Karin Kadenbach, Andrey Novakov, Markus Pieper, Julia Pitera, Miroslav Poche, Patricija Šulin


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

8.12.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

16

5

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Mercedes Bresso, Elmar Brok, Fabio Massimo Castaldo, Richard Corbett, Pascal Durand, Danuta Maria Hübner, Ramón Jáuregui Atondo, Constance Le Grip, Jo Leinen, Paulo Rangel, Barbara Spinelli, Claudia Țapardel, Kazimierz Michał Ujazdowski, Guy Verhofstadt, Rainer Wieland

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Gerolf Annemans, Ashley Fox, Charles Goerens, Jérôme Lavrilleux, Viviane Reding

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Inés Ayala Sender, Ramón Luis Valcárcel Siso

Aġġornata l-aħħar: 20 ta' Jannar 2017Avviż legali