RAPPORT dwar il-Politika Kummerċjali Komuni tal-UE fil-kuntest tal-imperattivi rigward is-sostenibbiltà tal-organiżmi selvaġġi

30.1.2017 - (2016/2054(INI))

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Rapporteur: Emma McClarkin


Proċedura : 2016/2054(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0012/2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-Politika Kummerċjali Komuni tal-UE fil-kuntest tal-imperattivi rigward is-sostenibbiltà tal-organiżmi selvaġġi

(2016/2054(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 191 u 207 tiegħu,

–   wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 21(2) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Kummerċ għal kulħadd – Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment'' (COM(2015)0497),

–  wara li kkunsidra l-proposta testwali tal-UE għal kapitolu dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli fis-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP), b'mod partikolari l-Artikoli 10 sa 16 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-riżultat tas-Summit tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tal-2015, "Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli", b'mod partikolari l-paragrafi 9 u 33 u l-għan nru 15 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT), b'mod partikolari l-Artikolu XX(a) u (g) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar ta' Organiżmi Selvaġġi 2016 (COM(2016)0087) (minn hawn 'il quddiem il-"Pjan ta' Azzjoni"),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2016, dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar ta' Organiżmi Selvaġġi,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 tad-9 ta' Diċembru 1996 dwar il-protezzjoni ta' speċi ta' fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom[1], u d-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali[2],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 69/314 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar "Il-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta' organiżmi selvaġġi" u r-riżoluzzjoni 1/3 tal-Assemblea tan-NU għall-Ambjent dwar "Il-kummerċ illegali ta' organiżmi selvaġġi";

–  wara li kkunsidra r-riżultati tal-COP17 tal-Konvenzjoni CITES li saret f'Johannesburg,

–  wara li kkunsidra r-riżultati tal-Konferenza ta' Londra ta' Frar 2014 dwar il-kummerċ illegali ta' organiżmi selvaġġi u l-analiżi tal-progress miksub li saret waqt il-Konferenza ta' Kasane ta' Marzu 2015,

–  wara li kkunsidra r-riżultat tal-Kungress għall-Konservazzjoni Globali tal-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura (IUCN) li sar fl-2016 fil-Hawaii,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Programm Dinji għall-Organiżmi Selvaġġi (GWP) tal-Fond għall-Ambjent Dinji (GEF) tal-Bank Dinji,

–  wara li kkunsidra r-Rapport 2016 dwar il-Kriminalità Dinjija marbuta mal-Organiżmi Selvaġġi tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' Ġunju 2014 tal-Kunsill għall-Kooperazzjoni Doganali tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO) dwar il-kummerċ illegali ta' organiżmi selvaġġi,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni magħmula f'Buckingham Palace (Londra) mit-Taskforce tat-Trasport tal-"United for Wildlife" (minn hawn 'il quddiem id-"Dikjarazzjoni ta' Buckingham Palace"),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0012/2017),

A.  billi d-dinja għaddejja minn żieda bla preċedent fit-traffikar ta' organiżmi selvaġġi, u kriżijiet bijoloġiċi konkomitanti qed ifaqqgħu minħabba l-isfruttament u l-kummerċjalizzazzjoni kontinwi, illegali u insostenibbli tal-fawna u l-flora globali;

B.  billi l-użu inkontrollat u eċċessiv ta' speċijiet ta' fawna u flora selvaġġi jirrappreżenta t-tieni theddida l-aktar serja għad-sopravivenza tagħhom fl-ambjent naturali, immedjatament wara l-qerda tal-ħabitats;

C.  billi, skont l-istimi, il-kummerċ illegali ta' flora u fawna selvaġġi huwa r-raba' qasam tal-attività kriminali li l-aktar iqalla' profitt, b'fatturat stmat li jilħaq l-EUR 20 biljun;

D.  billi l-aktar xejriet reċenti jindikaw l-involviment dejjem jikber ta' netwerks kriminali organizzati fuq skala kbira li jużaw metodi dejjem aktar sofistikati;

E.  billi t-traffikar ta' organiżmi selvaġġi jikkontribwixxi biex ikebbes il-kunflitti u huwa suspettat li n-netwerks terroristiċi jiffinanzjaw ruħhom, fost ħwejjeġ oħra, mill-kummerċ illegali ta' organiżmi selvaġġi, li jiġġenera profitti sinifikanti;

F.  billi l-problemi relatati mal-korruzzjoni u mal-istrutturi dgħajfa ta' governanza jaggravaw il-vulnerabbiltajiet eżistenti fil-kuntest tal-kummerċ ta' organiżmi selvaġġi;

G.  billi l-Unjoni Ewropea attwalment hi suq ta' destinazzjoni għal dawn l-ispeċijiet, pjattaforma ta' tranżitu lejn reġjuni oħra kif ukoll reġjun li minnu jinkisbu ċerti speċijiet għall-kummerċ illegali;

H.  billi huwa essenzjali li jiġu żgurati l-involviment tal-komunitajiet rurali tal-pajjiżi ta' oriġini fil-konservazzjoni tal-organiżmi selvaġġi u l-benefiċċju ta' tali konservazzjoni għal dawn il-komunitajiet, sabiex jiġu affrontati l-kawżi profondi tat-traffikar illegali ta' organiżmi selvaġġi;

I.  billi ċ-ċiberkriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi tikkostitwixxi theddia serja għall-ispeċijiet selvaġġi fil-periklu, inklużi l-iljunfanti, ir-rinoċeronti, il-pangolini, ir-rettili, l-anfibji, l-għasafar u l-ġiraffi;

J.  billi l-politika kummerċjali, meta abbinata mal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, tista' tirrappreżenta xprun qawwi ta' tkabbir ekonomiku fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

K.  billi ż-żieda fil-kummerċ illegali ta' bosta speċijiet ta' flora u fawna tirriżulta f'telf tal-bijodiversità u fil-qerda tal-ekosistemi, b'numri dejjem akbar ta' speċijiet li jsiru vulnerabbli jew saħansitra estinti;

L.  billi l-kummerċ sostenibbli ta' organiżmi selvaġġi jista' jkun ta' importanza kruċjali għal ċerti komunitajiet emarġinati, li jiddependu minn oqfsa ġuridiċi biex jikkonservaw ir-riżorsi lokali u jikkontribwixxu għat-tnaqqis fil-faqar;

Xejriet, prinċipji u kunsiderazzjonijiet ġenerali

1.  Josserva bi tħassib serju ż-żieda reċenti fit-traffikar ta' organiżmi selvaġġi u fil-kriminalità marbuta magħhom, li, jekk ma jitwaqqfux u ma jitreġġgħux lura, jheddu li jkun hemm konsegwenzi serji u permanenti għall-konservazzjoni tal-bijodiversità u s-sostenibbiltà ambjentali;

2.  Jinnota li l-UE, bħala firmatarja ta' bosta konvenzjonijiet globali mmirati lejn il-ħarsien tal-ambjent, għandha obbligu ġuridiku li tiżgura li l-politiki u t-trattati internazzjonali tagħha jikkontribwixxu għal dak l-għan;

3.  Jemmen li aktar żvilupp ekonomiku li ġej mill-integrazzjoni fis-swieq globali u l-użu tar-riżorsi naturali għal skopijiet ta' żvilupp ekonomiku sostenibbli ma jeskludux lil xulxin, iżda pjuttost għandhom jitqiesu bħala elementi li jsaħħu lil xulxin,

4.  Jappoġġa bil-qawwa, għaldaqstant, approċċ fil-konfront tal-kwistjonijiet marbuta mal-organiżmi selvaġġi li mhux biss jirrispetta l-objettivi tal-UE u tas-sħab kummerċjali tagħha fil-qasam tal-ħarsien tal-ambjent, iżda li jippermetti wkoll il-ħolqien ta' oqfsa kummerċjali sostenibbli u legali li jsaħħu l-kontribut pożittiv tal-politika kummerċjali għall-iżvilupp sostenibbli;

5.  Jenfasizza bi tħassib il-fatt li l-UE, flimkien mal-Istati Uniti tal-Amerka, għadha tirrappreżenta suq ta' destinazzjoni u rotta ta' tranżitu sinifikanti għall-prodotti tal-organiżmi selvaġġi ta' oriġini illeċita;

6.  Jilqa' pożittivament il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar ta' Organiżmi Selvaġġi, li se jiżvolġi rwol kruċjali fil-ġlieda kontra ż-żieda allarmanti fil-kummerċ illegali ta' organiżmi selvaġġi li jħalli ħafna qligħ, li jiddestabbilizza l-ekonomiji u l-komunitajiet li jiddependu mill-ħajja selvaġġa għall-għajxien tagħhom, u li jhedded il-paċi u s-sigurtà ta' reġjuni fraġli tas-sħab kummerċjali tal-UE billi jsaħħaħ ir-rotot illegali;

7.  Jemmen li huwa biss approċċ integrat fir-rigward tal-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi li jista' fl-aħħar mill-aħħar ikun ta' suċċess biex inaqqas u jelimina l-kummerċ illegali, u li l-UE jeħtiġilha tassumi rwol ta' tmexxija fl-isforzi biex jiġu indirizzati mhux biss kwistjonijiet fuq in-naħa tal-offerta, inklużi kwistjonijiet ta' żvilupp fuq il-post f'pajjiżi terzi, iżda saħansitra d-domanda għall-prodotti illegali fis-swieq nazzjonali, inklużi l-pjattaformi online;

Istituzzjonijiet internazzjonali u gvernijiet

8.  Ifakkar li, skont il-leġiżlazzjoni tad-WTO, il-pajjiżi jistgħu jintroduċu eċċezzjonijiet għar-regoli ġenerali tal-GATT fl-Artikolu XX(g) sabiex jirregolaw ir-riżorsi naturali eżawribbli u fl-Artikolu Xx(a) biex iħarsu l-morali pubblika; josserva li l-Korp tal-Appell tad-WTO interpreta l-kunċett ta' "riżorsi naturali eżawribbli" f'sens wiesa', u fihom daħħal ukoll l-ispeċijiet ħajjin li jafu jkunu suġġetti għall-eżawriment, u li l-ġurisprudenza tad-WTO enfasizzat speċifikament l-inklużjoni ta' speċijiet fl-annessi tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES) bħala prova tal-eżawribbiltà tagħhom; josserva wkoll li l-Korp tal-Appell tad-WTO interpreta l-kunċett ta' "morali pubblika" f'sens wiesa' biex jinkludi l-problemi relatati mal-prevenzjoni tal-krudeltà fil-konfront tal-annimali;

9.  Japprezza l-isforzi li għamlet l-UE fl-ambitu tad-WTO biex tnaqqas is-sussidji għall-prattiki ta' sajd dannużi, li jistgħu jimminaw il-ġestjoni sostenibbli tas-sajd u jipperikolaw il-konservazzjoni tal-ispeċijiet bħall-fkieren, il-klieb il-baħar, l-għasafar tal-baħar u l-mammiferi tal-baħar;

10.  Itenni l-impenn qawwi tiegħu favur l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU u favur l-iżgurar tas-suċċess aħħari tal-Għan nru 15, li jinkludi impenn sabiex jintemmu l-kaċċa illegali u t-traffikar ta' speċijiet protetti ta' flora u fawna, kif ukoll sabiex jiġu miġġielda kemm l-offerta kif ukoll id-domanda fir-rigward tal-prodotti traffikati;

11.  Jilqa' favorevolment l-attività kontinwa tal-Konsorzju Internazzjonali għall-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Organiżmi Selvaġġi, inizjattiva li tinvolvi s-CITES, l-Interpol, il-UNODC, il-Bank Dinji u d-WCO;

Dwana u kummerċ online

12.  Jilqa' b'sodisfazzjon ukoll il-proġett INAMA tad-WCO li għandu l-għan li jsaħħaħ il-kapaċità tal-awtoritajiet doganali li jtejbu l-bini tal-kapaċitajiet fil-ġlieda kontra l-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi; jitlob li l-awtoritajiet doganali jipparteċipaw aktar fl-infurzar tal-operazzjonijiet immirati lejn il-ġlieda kontra l-kummerċ illegali ta' organiżmi selvaġġi, u jitlob li jsiru aktar attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni bl-għan li jitjiebu t-taħriġ u l-funzjonament tal-awtoritajiet doganali;

13.  Iqis li l-kriminalità online marbuta mal-organiżmi selvaġġi tikkostitwixxi theddida serja għall-annimali fil-periklu, inklużi l-iljunfanti, ir-rinoċeronti, l-anfibji, ir-rettili u l-għasafar, u li l-gvernijiet, il-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi għandhom jikkollaboraw kontra dan il-fenomenu;

14.  Iqis li d-dimensjoni doganali tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Unjoni Ewropea għandha tissaħħaħ aktar, kemm fir-rigward tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi sħab kif ukoll tal-implimentazzjoni aħjar u aktar effikaċi fi ħdan l-Unjoni; jistenna bil-ħerqa, għalhekk, ir-rieżami tal-Kummissjoni tal-2016 dwar l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-qafas ġuridiku attwali tal-UE, u jitlob li dan ir-rieżami jinkludi valutazzjoni tal-proċeduri doganali;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga sa liema punt il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kummerċ ta' organiżmi selvaġġi tiġi applikata b'mod uniformi fid-diversi Stati Membri mill-uffiċjali tad-dwana responsabbli mill-kontroli;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu fuq il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-bini tal-kapaċitajiet, inkluż taħriġ speċifiku, għall-uffiċjali tad-dwana;

Ir-rwol tas-settur privat u tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi

17.  Jevidenzja l-importanza li jiġi żgurat l-involviment tas-settur privat fil-ġlieda kontra t-traffikar illegali ta' organiżmi selvaġġi, inkluż l-involviment tas-swieq online u tal-midja soċjali;

18.  Jilqa' b'sodisfazzjon soluzzjonijiet fattibbli li, meta jiġu integrati fis-sistemi eżistenti ta' ġestjoni tal-katina tal-provvista u tal-kummerċ, se jippermettu lis-settur privat jiżvolġi rwol bħala sieħeb ġenwin tal-gvernijiet u tal-korpi internazzjonali biex jiżgura l-ġestjoni responsabbli tal-ktajjen tal-provvista globali; jenfasizza, madankollu, li l-politika kummerċjali komuni għandha tippromwovi standards ta' responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji, u tiggwida u ssostni lis-settur privat fil-qasam tal-prattiki soċjalment responsabbli; iqis li l-istandards tar-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji huma ta' importanza partikolari fil-kuntest tan-netwerks tat-trasport;

19.  Jilqa' pożittivament l-approċċi kollaborattivi emerġenti ta' tolleranza żero bejn l-esperti dwar il-kummerċ ta' organiżmi selvaġġi u l-kumpaniji tal-loġistika; iqis li l-Kummissjoni għandha tirrifletti dwar l-aħjar mod kif tiżgura li l-oqfsa ġuridiċi rilevanti jistgħu jindirizzaw aħjar ir-riskji relatati mal-kummerċ elettroniku u mar-reklamar kummerċjali online u offline;

20.  Jilqa' favorevolment ir-rwol li jiżvolġu l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u s-soċjetà ċivili mhux biss fil-ġlieda kontra l-kummerċ illegali ta' flora u fawna selvaġġi, anki bis-saħħa tas-sensibilizzazzjoni, u fit-tnaqqis tad-domanda kemm fl-UE kif ukoll fit-territorju tal-pajjiżi terzi li minnhom joriġinaw tali flora u fawna selvaġġi, iżda wkoll fi ħdan il-gruppi konsultattivi nazzjonali previsti mill-ftehimiet ta' kummerċ ħieles tal-UE bil-għan li jissorveljaw l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-kummerċ u tal-iżvilupp sostenibbli;

21.  Jilqa' favorevolment id-Dikjarazzjoni ta' Buckingham Palace tat-Taskforce tat-Trasport tal-"United for Wildlife" ta' Marzu 2016, li timmira li tinvolvi lill-atturi tas-settur privat fl-indirizzar tal-vulnerabbiltajiet tat-trasport u tal-proċeduri doganali, li huma sfruttati mit-traffikanti, u li ttejjeb il-kondiviżjoni tal-informazzjoni matul il-ktajjen tal-provvista globali u r-rotot kummerċjali;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkollaboraw mal-organizzazzjonijiet mhux governattivi fit-tnaqqis tat-traffikar, fit-tibdil fl-imġiba tal-konsumaturi u fit-tnaqqis tad-domanda għal prodotti tal-organiżmi selvaġġi ta' oriġini illegali, permezz ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni fil-konfront tal-kwistjonijiet marbutin mal-isfida tal-ġlieda kontra t-traffikar ta' organiżmi selvaġġi, speċjalment fil-pajjiżi li fihom id-domanda hija akbar;

Il-qafas ġuridiku u l-ftehimiet kummerċjali tal-UE

23.  Iqis li fil-qafas ġuridiku nazzjonali eżistenti l-isfida u l-prijorità ewlenin għall-Istati Membri tal-UE, f'dan l-istadju, huma rrappreżentati mill-implimentazzjoni tar-regoli eżistenti; jirrikonoxxi, madankollu, li għandhom jiġu eżaminati dispożizzjonijiet supplimentari li jqisu r-regoli eżistenti fi Stati oħrajn, bil-għan li jiġu pprojbiti t-tqegħid għad-dispożizzjoni u l-introduzzjoni fis-suq, it-trasport u l-akkwist ta' organiżmi selvaġġi sfruttati jew kummerċjalizzati illegalment fil-pajjiżi terzi, fuq il-bażi tal-qafas ġuridiku tal-Istat ikkonċernat; iqis li l-qafas ġuridiku attwali għandu jiġi eżaminat anki bl-għan li jindirizza aħjar ir-riskji marbutin mal-kummerċ elettroniku;

24.  Isostni l-approċċ li fil-ftehimiet kummerċjali futuri tal-UE jiġu inklużi dispożizzjonijiet intiżi li jaffrontaw it-traffikar ta' organiżmi selvaġġi;

25.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni għal kapitolu dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli fit-TTIP, bħala parti mill-impenn kontinwu tagħha biex tiżgura żvilupp sostenibbli; josserva li l-Istati Uniti ppruvaw, fil-ftehimiet kummerċjali tagħhom, jinnegozjaw standards fil-qasam tal-kummerċ ta' organiżmi selvaġġi, anki billi jillimitaw is-sussidji għas-sajd; jenfasizza li dispożizzjonijiet robusti dwar il-ħarsien tal-organiżmi selvaġġi għandhom jiġu nnegozjati fil-ftehimiet ta' kummerċ ħieles futuri kollha tal-UE, inklużi dispożizzjonijiet u impenji għal implimentazzjoni xierqa tal-ftehimiet ambjentali multilaterali maqbula, bħala parti mill-kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli;

26.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-approċċ aktar ambizzjuż tal-UE dwar il-ħarsien tal-organiżmi selvaġġi fil-kapitolu dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles UE-Vjetnam, li jinkludi mhux biss impenji għal implimentazzjoni u eżekuzzjoni xierqa tal-ftehimiet ambjentali multilaterali bħal CITES, il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB) u l-Konvenzjoni Internazzjonali għar-Regolamentazzjoni tal-Kaċċa tal-Baleni (ICRW), iżda wkoll dispożizzjonijiet relatati mal-bini tal-kapaċitajiet f'ambitu kummerċjali, mal-iskambju tal-informazzjoni u mas-sensibilizzazzjoni, u jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jiggarantixxu implimentazzjoni xierqa ta' tali impenji u dispożizzjonijiet; iqis li tali impenji għandhom ikunu eżegwibbli bl-għan li jkunilhom garantit ir-rispett effikaċi u kontinwu, inkluż billi jkun previst rwol xieraq għall-organizzazzjonijiet mhux governattivi u għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

27.  Isostni l-approċċ, deskritt fl-istrateġija "Kummerċ għal Kulħadd", li jipprevedi l-inklużjoni tad-dispożizzjonijiet kontra l-korruzzjoni fil-ftehmiet kummerċjali futuri, fid-dawl tar-rwol magħruf li l-korruzzjoni tiżvolġi fl-aġevolazzjoni tal-kummerċ illegali ta' organiżmi selvaġġi, u jsostni, barra minn dan, l-impenn tal-UE li timplimenta politiki kummerċjali li jippromwovu żvilupp sostenibbli u li jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi globali maqbula bħala parti mill-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli;

Rakkomandazzjonijiet

28.  Isostni approċċ fil-konfront tal-politika kummerċjali tal-UE li mhux biss jagħti prijorità lill-ġlieda kontra l-kummerċ illegali ta' organiżmi selvaġġi, imma li jinkludi wkoll, fil-ftehimiet futuri kollha, dispożizzjonijiet immirati lejn it-tnaqqis u fl-aħħar mill-aħħar l-eliminazzjoni ta' tali kummerċ, kif ukoll miżuri komplementari sodi u effikaċi, b'mod partikolari fil-livell ta' taħriġ, prevenzjoni u applikazzjoni ta' sanzjonijiet fil-qasam tal-ġestjoni forestali, sanitarja u doganali;

29.  Jissottolinja li fir-rigward tal-politika kummerċjali tal-UE xejn ma għandu jwaqqaf lill-UE jew lis-sħab kummerċjali tagħha milli jieħdu deċiżjonijiet li huma meħtieġa għall-ħarsien tal-organiżmi selvaġġi u tar-riżorsi naturali, dment li tali miżuri jibqgħu favur il-ksib tal-objettivi leġittimi tal-politika pubblika u ma jikkostitwux diskriminazzjoni arbitrarja jew inġustifikabbli;

30.  Jemmen li ma hemm ebda soluzzjoni uniformi għas-sostenibbiltà globali tal-organiżmi selvaġġi u għall-ġlieda kontra l-kummerċ illegali; ifakkar, fid-dawl ta' dan, il-bżonn ta' garanzija ta' flessibbiltà sħiħa u tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni, id-data u l-aħjar prattiki, bl-għan li jkun faċilitat id-djalogu għal kooperazzjoni msaħħa, filwaqt li jittieħed kont tan-natura transfruntiera ta' dan it-tip ta' ksur;

31.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri tal-UE jikkunsidraw soluzzjonijiet ta' politika li jippermettu t-tneħħija tas-sotterfuġji ġuridiċi kollha pendenti li jistgħu jiffaċilitaw il-"ħasil" ta' organiżmi selvaġġi u ta' prodotti tal-organiżmi selvaġġi ta' oriġini illegali; jirrakkomanda, barra minn dan, li jsir monitoraġġ rigoruż f'dan ir-rigward, kif ukoll użu effiċjenti tar-riżorsi u tal-aġenziji eżistenti, bl-għan li jintlaħaq dan l-objettiv;

32.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jqisu l-possibbiltà ta' projbizzjoni fil-livell Ewropew fil-konfront tal-kummerċ, tal-esportazzjoni u tar-riesportazzjoni fi ħdan l-UE u barra minnha tal-avorju tal-iljunfanti, inkluż l-avorju "pre-Konvenzjoni", b'mod konformi mal-leġiżlazzjoni tad-WTO;

33.  Jitlob li jiġu allokati riżorsi suffiċjenti għal politiki u miżuri mfassla biex jiksbu l-objettivi tal-UE rigward il-ġlieda kontra l-kummerċ illegali ta' organiżmi selvaġġi, inklużi riżorsi għal pajjiżi terzi f'termini tal-bini tal-kapaċitajiet, b'mod partikolari għall-proċeduri doganali, l-awtoritajiet, it-trasparenza u l-governanza tajba;

34.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jikkollaboraw mal-atturi kollha involuti biex ikun garantit approċċ integrat li jimmira mhux biss lejn is-sorsi tal-organiżmi selvaġġi illegali u l-prodotti tagħhom, iżda li jaġixxi wkoll biex inaqqas id-domanda u jissensibilizza lis-swieq tad-domanda;

35.  Jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jagħmlu aktar sforzi biex jiggarantixxu li n-netwerks illegali kriminali u l-gruppi attivi fil-kummerċ illegali ta' organiżmi selvaġġi jkunu fil-mira biex jitħarbtu, jinqerdu u jittellgħu quddiem il-ġustizzja, u li l-Istati Membri jiggarantixxu li l-pieni u l-kundanni riservati għad-delitti kontra l-organiżmi selvaġġi jkunu proporzjonati, dissważivi u konformi mal-impenji, jekk ikun il-każ, kif definiti fil-Konvenzjoni tan-NU Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali;

36.  Jistieden lill-UE teżamina, fl-ambitu tal-qafas tad-WTO, il-mod kif ir-reġimi kummerċjali u ambjentali globali jistgħu jappoġġaw aħjar lil xulxin, speċjalment fil-kuntest tal-ħidma li għaddejja dwar it-tisħiħ tal-koerenza bejn id-WTO u l-ftehimiet ambjentali multilaterali, kif ukoll fid-dawl tal-Ftehim ta' Faċilitazzjoni tal-Kummerċ;

37.  Iqis li għandhom jiġu eżaminati opportunitajiet ulterjuri għall-kooperazzjoni bejn id-WTO u s-CITES, partikolarment f'termini ta' għoti ta' assistena teknika u bini tal-kapaċitajiet dwar kwistjonijiet kummerċjali u ambjentali lill-uffiċjali minn pajjiżi li qed jiżviluppaw; jitlob lill-Kummissjoni tkompli tirrifletti dwar dan, bħala parti mid-dibattiti post-Nairobi u mill-elementi futuri li se jiġu kkunsidrati fil-Konferenza Ministerjali li jmiss fi Buenos Aires fl-2017;

°

°  °

38.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lis-CITES, lill-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità, lid-WCO, lid-WTO u lill-Interpol.

Id-dinja qed tesperjenza żieda bla preċedent fil-kummerċ illegali ta' organiżmi selvaġġi u tal-prodotti tagħhom, u dan qed jhedded li jibdel deċennji ta' kisbiet fil-konservazzjoni li kienu diffiċli biex inkisbu. Fil-fatt, it-traffikar illegali ta' organiżmi selvaġġi u tal-prodotti tagħhom sar waħda mill-aktar attivitajiet kriminali li jiġġeneraw profitt fid-dinja, u l-valur totali tiegħu huwa stmat bejn EUR 8 u 20 biljun kull sena. Il-kummerċ illeċitu ta' organiżmi selvaġġi mhux biss għandu effetti devastanti fuq il-bijodiversità, iżda għandu impatt negattiv ukoll fuq l-iżvilupp u fuq l-istat tad-dritt, minħabba r-rabtiet mill-qrib tiegħu mal-korruzzjoni, fattur li jikkontribwixxi għad-destabbilizzazzjoni tas-sigurtà f'ċerti pajjiżi f'riskju.

Nhar is-26 ta' Frar 2016, il-Kummissjoni Ewropea adottat, fuq talba tal-Parlament Ewropew, komunikazzjoni dwar "Pjan ta' Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar ta' Organiżmi Selvaġġi" (COM (2016)0087). Il-Pjan ta' Azzjoni għandu l-għan li jipproponi pjan komprensiv għal sforzi konġunti biex tiġi miġġielda l-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi fl-UE u jissaħħaħ ir-rwol tal-UE fil-ġlieda dinjija kontra dawn l-attivitajiet illegali. Il-Pjan ta' Azzjoni jagħmel għadd ta' proposti mfassla bħala parti mir-reazzjoni tal-UE għall-Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti, u b'mod partikolari l-Għan Nru 15, li għandu l-għan li jieħu azzjoni immedjata biex tintemm il-kaċċa illegali u t-traffikar ta' speċijiet protetti u jiġu indirizzati kemm id-domanda kif ukoll il-provvista ta' prodotti tal-organiżmi selvaġġi ta' oriġini illegali.

Barra minn hekk, l-istrateġija kummerċjali komprensiva ġdida tal-Kummissjoni "Kummerċ għal kulħadd: lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment" (COM (2015)0497) tpoġġi enfasi aktar qawwija fuq il-ħtieġa tal-koerenza politika u l-komplementarjetà bejn il-Politika Kummerċjali Komuni u l-politiki barranin u ta' żvilupp usa', speċjalment bejn l-għanijiet tal-kummerċ u dawk tal-iżvilupp sostenibbli bħall-konservazzjoni tal-organiżmi selvaġġi. Il-Kummissjoni talbet li l-Parlament Ewropew iwettaq riflessjoni dwar l-aħjar modi kif tista' tinkiseb il-koerenza bejn il-Politika Kummerċjali Komuni, stabbilita fl-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u l-politika ambjentali.

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala reazzjoni, iddeċieda li jfassal rapport mhux leġiżlattiv, bl-għan tiegħu li jeżamina fid-dettall l-oqfsa tal-politika kummerċjali u tal-politika doganali esterna, li jappoġġjaw u jimplimentaw l-impenji internazzjonali li diġà ttieħdu f'dan il-qasam. Dan ir-rapport jipprovdi ħarsa ġenerali fil-qosor lejn l-isfidi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom l-UE u l-pajjiżi madwar id-dinja kollha jekk iridu jirnexxu fit-tnaqqis, u eventwalment fl-eliminazzjoni, ta' din iż-żieda mingħajr preċedent fit-traffikar ta' organiżmi selvaġġi.

Problemi ġodda assoċjati maż-żieda fid-domanda, l-espansjoni tal-kummerċ elettroniku, it-trasport bil-kontejners, iċ-ċentri tal-posta privati, u l-involviment tan-netwerks kriminali organizzati jridu jiġu indirizzati, kif trid tiġi indirizzata wkoll dik tal-garanzija li l-kummerċ legali u sostenibbli, li spiss il-komunitajiet lokali jistgħu jiddependu minnu għall-għajxien tagħhom, jitħalla jitkompla u jikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku sostenibbli. Sfidi ġodda u emerġenti jirrikjedu approċċ determinat u integrat u l-politiki tal-UE fil-qasam tal-kummerċ, tad-dwana, tal-infurzar tal-liġi u tal-iżvilupp iridu jkomplu jiżvolġu r-rwol tagħhom.

Fid-dawl ta' dawn l-isfidi, ir-rapporteur tirrakkomanda ħames azzjonijiet ewlenin.

L-ewwel nett, dawk li jfasslu l-politika fl-UE u fl-Istati Membri jeħtiġilhom jiżguraw li l-kummerċ illegali ta' organiżmi selvaġġi jibqa' prijorità politika. In-negozjati attwali u futuri dwar il-ftehimiet kummerċjali jridu jħarsu lejn kull miżura possibbli marbuta kemm mal-kummerċ legali kif ukoll illegali ta' organiżmi selvaġġi. Dan għandu jkopri b'mod partikolari t-TTIP, fejn l-UE għandha tikkunsidra l-istandards ogħla u -ż-żieda fl-ambizzjoni li l-Istati Uniti inkludew fit-TTP bħala punt ta' riferiment globali ġdid. Barra minn hekk, il-Programm "Għajnuna għall-Kummerċ" tal-UE u l-SĠP+ għandhom jintużaw b'mod aktar espliċitu bħala għodda biex jassistu aktar fit-tfassil u t-tisħiħ tal-ġestjoni tar-riżorsi naturali, kif ukoll biex jgħinu lill-komunitajiet emarġinati jieħdu vantaġġ mill-kummerċ sostenibbli legali.

It-tieni nett, l-UE jeħtiġilha tiffoka fuq infurzar akbar mhux biss tal-oqfsa ġuridiċi tagħha stess, iżda anke ta' dispożizzjonijiet miftehmin ma' pajjiżi terzi, b'mod bilaterali, plurilaterali u multilaterali. Dan jinkludi enfasi fuq l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-impenji nazzjonali eżistenti pjuttost milli fuq l-iżvilupp ta' oqfsa ġodda jew it-tibdil tar-regoli eżistenti. L-UE jeħtiġilha tmexxi bl-eżempju, u l-Istati Membri jeħtiġilhom jistinkaw aktar biex mhux biss jiżguraw li l-pieni għall-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi jkunu skont il-grad tal-gravità tagħhom, iżda saħansitra li jkunu dissważivi biżżejjed. Barra minn hekk, l-UE għandha tikkunsidra xi rwol tista' tiżvolġi f'termini tat-tnaqqis fid-domanda f'pajjiżi fejn hemm swieq kbar għal organiżmi selvaġġi u prodotti tagħhom ikkummerċjalizzati illegalment.

It-tielet nett, jekk l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet internazzjonali u n-netwerks globali għandhom jaħdmu aħjar flimkien biex jiżguraw riżultati ta' benefiċċju b'mod reċiproku, ikun essenzjali aktar skambju ta' informazzjoni dwar l-aħħar żviluppi u xejriet fil-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi. L-isforzi jridu jkunu mmirati biex jipprevedu l-ġbir tad-data u pjattaformi għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni, bħal EU-Twix, u jiżguraw li r-rwol tal-aġenziji bħad-WCO u l-UNODC huma appoġġjati u msaħħa. Dan huwa partikolarment importanti għall-awtoritajiet doganali, li jinsabu fuq quddiem nett tal-isforzi biex jiġġieldu t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi u li jeħtieġu informazzjoni aġġornata u rilevanti sabiex jillokalizzaw il-merkanzija suspetta u jiżolaw ir-rotot tat-traffikar.

Ir-raba' nett, l-UE jeħtiġilha żżid l-isforzi tagħha biex tindirizza l-problema tal-korruzzjoni, li hija wieħed mill-mezzi ewlenin tal-kummerċ illegali ta' organiżmi selvaġġi. F'dan ir-rigward, ir-rapporteur tilqa' favorevolment l-impenn fl-istrateġija "Kummerċ għal Kulħadd" tal-Kummissjoni li jiġu negozjati dispożizzjonijiet kontra l-korruzzjoni fil-ftehimiet ta' kummerċ ħieles futuri. Filwaqt li n-natura eżatta ta' dawn id-dispożizzjonijiet għadha soġġetta għal negozjar fost l-istituzzjonijiet tal-UE u ma' pajjiżi terzi, ir-rapporteur tqis it-TPP li ġiet konkluża reċentement bħala standard tad-deheb ġdid li għandu jiġi eżaminat b'mod favorevoli minn dawk li jfasslu l-politika fl-Ewropa.

Fl-aħħar nett, l-UE teħtiġilha tiżgura li jkun hemm biżżejjed fondi allokati għal miżuri ta' bini tal-kapaċitajiet. L-UE għandha tħares lejn l-għoti ta' appoġġ għal taħriġ f'pajjiżi produtturi, mhux biss għall-awtoritajiet doganali u dawk tal-infurzar tal-liġi, iżda anke għall-assoċjazzjonijiet ta' produtturi, kooperattivi u intrapriżi soċjali li jippermettu lill-komunitajiet lokali jieħdu vantaġġ mill-kummerċ sostenibbli. Ir-rwol tal-NGOs u tas-settur privat għandu jiġi eżaminat ukoll fid-dawl ta' dan l-għan, minħabba r-rwol ċentrali li se jkollhom biex jgħinu lill-gvernijiet fil-kisba tal-għanijiet tagħhom għall-ħarsien tal-organiżmi selvaġġi.

  • [1]  ĠU L 61, 3.3.1997, p. 1.
  • [2]  ĠU L 328, 6.12.2008, p. 28.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

24.1.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

40

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Maria Arena, Tiziana Beghin, David Borrelli, David Campbell Bannerman, Salvatore Cicu, Marielle de Sarnez, Santiago Fisas Ayxelà, Christofer Fjellner, Eleonora Forenza, Karoline Graswander-Hainz, Heidi Hautala, Yannick Jadot, Bernd Lange, David Martin, Emmanuel Maurel, Emma McClarkin, Anne-Marie Mineur, Sorin Moisă, Alessia Maria Mosca, Franz Obermayr, Artis Pabriks, Franck Proust, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Tokia Saïfi, Matteo Salvini, Marietje Schaake, Joachim Schuster, Joachim Starbatty, Adam Szejnfeld, Hannu Takkula, Iuliu Winkler, Jan Zahradil

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Eric Andrieu, Bendt Bendtsen, Edouard Ferrand, Seán Kelly, Lola Sánchez Caldentey, Ramon Tremosa i Balcells