RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni min-Netherlands – EGF/2016/005 NL/Drenthe Overijssel Retail)

10.2.2017 - (COM(2016)0742 – C8-0018/2017 – 2017/2014(BUD))

Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: Nedzhmi Ali

Proċedura : 2017/2014(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0036/2017
Testi mressqa :
A8-0036/2017
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni min-Netherlands – EGF/2016/005 NL/Drenthe Overijssel Retail)

(COM(2016)0742 – C8-0018/2017 –2017/2014(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0742 – C8-0018/2017),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006[1] ("ir-Regolament dwar il-FEG"),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[2], u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[3] (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0036/2017),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tassistihom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi jenħtieġ li l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi utilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (il-"FEG");

C.  billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiġi introdott mill-ġdid il-kriterju tal-mobilizzazzjoni f'każ ta' kriżi, biex il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni tiġi stabbilita għal 60 % tal-istima tal-ammont totali kemm se jiġu jiswew il-miżuri proposti, biex tiżdied l-effiċjenza għat-trattament tal-applikazzjonijiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u għall-approvazzjoni, biex l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eliġibbli jiġu estiżi għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għaż-żgħażagħ, u biex jiġu ffinanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' impriżi proprji;

D.  billi n-Netherlands ippreżentat l-applikazzjoni EGF/2016/005 NL/Drenthe Overijssel Retail għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b'segwitu għal sensji fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 47 ta' NACE Reviżjoni 2 (Negozju bl-imnut, għajr ta' vetturi bil-mutur u muturi), prinċipalment fir-reġjuni fil-livell NUTS 2 ta' Drenthe (NL13) u ta' Overijssel (NL21) u billi hu mistenni li 800 mill-1 096 ħaddiem eliġibbli għall-kontribuzzjoni mill-FEG se jieħdu sehem fil-miżuri;

E.  billi l-applikazzjoni ġiet ippreżentata skont il-kriterju ta' intervent tal-punt (b) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG, li jirrikjedi li jkun hemm tal-anqas 500 sensja matul perjodu ta' referenza ta' disa' xhur f'impriżi li joperaw fl-istess settur ekonomiku definit f'Diviżjoni ta' NACE Reviżjoni 2 u li jinsabu f'żewġ reġjuni kontigwi definiti fil-livell NUTS 2 fi Stat Membru;

F.  billi kien hemm bidliet sinifikanti fl-atteġġament tal-konsumaturi, bħat-tnaqqis tal-bejgħ fil-kategorija ta' prezzijiet medji u l-popolarità dejjem tikber tax-xiri min fuq l-internet; billi anke l-iżvilupp ta' ħafna żoni kummerċjali ġodda f'ħafna bliet tan-Netherlands barra miċ-ċentri tal-bliet u l-fiduċja dejjem tonqos tal-konsumaturi[4] fl-ekonomija laqtu b'mod ħażin il-qagħda tas-settur tal-bejgħ bl-imnut konvenzjonali;

G.  billi n-Netherlands qed targumenta li s-settur finanzjarju tagħha, bħala attur fil-livell globali, huwa marbut mir-regoli internazzjonali, inklużi r-regoli għar-riżervi finanzjarji, u li, peress li qed ikollhom jirrispettaw l-istandards internazzjonali ġodda, il-banek għandhom inqas riżorsi milli kellhom qabel biex jiffinanzjaw lill-ekonomija;

H.   billi bejn l-1 ta' Awwissu 2015 u l-1 ta' Mejju 2016 ingħataw 1 096 sensja fis-settur tal-bejgħ bl-imnut fir-reġjuni ta' Drenthe u Overijssel, fin-Netherlands;

I.  billi, għalkemm is-servizzi tal-bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa jipprovdu 11 % tal-PDG tal-Unjoni u 15 % tal-impjiegi totali fl-Unjoni, is-settur xorta waħda għadu jbati mill-kriżi;

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (b) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG ġew sodisfatti, u li għalhekk in-Netherlands hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 1 818 750 skont dan ir-Regolament, li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 3 031 250;

2.  Jinnota li n-Netherlands ippreżentat l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fil-12 ta' Lulju 2016, u li l-valutazzjoni ta' din l-applikazzjoni ġiet iffinalizzata mill-Kummissjoni fit-29 ta' Novembru 2016 u ġiet innotifikata lill-Parlament fit-23 ta' Jannar 2017;

3.  Jinnota li s-settur tan-negozju bl-imnut, għajr ta' vetturi bil-mutur u muturi, kien is-suġġett ta' 6 applikazzjonijiet oħra għall-FEG, li kollha kienu bbażati fuq il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali[5];

4.  Jinnota li l-pożizzjoni finanzjarja dgħajfa tal-akbar department stores għamlithielhom impossibbli li jinvestu f'mudelli ta' ħwienet oħra sabiex jiksbu l-bidliet meħtieġa u jerġgħu jsiru kompetittivi;

5.  Jindika li, fin-Netherlands, is-suq tax-xogħol qed jirkupra bil-mod mill-kriżi u li l-effetti għadhom viżibbli f'ċerti setturi u li huwa biss dan l-aħħar li xi setturi, bħal dak tan-negozju bl-imnut, bdew ibatu tassew mill-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika u finanzjarja;

6.  Jinnota l-ħafna sensji li ngħataw fis-settur tal-bejgħ bl-imnut fin-Netherlands f'dawn l-aħħar xhur, bil-fallimenti tad-department stores ewlenin tas-settur li wasslu biex b'kollox ingħataw 27 052 sensja[6] fil-perjodu 2011-2015; jinnota b'dispjaċir li l-volum tal-prodotti mibjugħa fis-settur tal-bejgħ bl-imnut segwa din ix-xejra, u niżel minn -2 % fl-2011 għal -4 % fl-2013, bix-xiri għadu 2,7 % taħt il-livell tal-2008[7];

7.  Jenfasizza li s-settur tal-bejgħ bl-imnut jirrappreżenta sehem konsiderevoli tal-impjiegi (17-19 %) fir-reġjuni fil-livell NUTS 2 ta' Drenthe u Overeijssel; jinnota li fallew 5 200 ħanut li jbigħu bl-imnut mill-bidu tal-kriżi, imma kien biss dan l-aħħar li bdew jintlaqtu l-akbar department stores; jiddispjaċih li dan wassal biex bejn Jannar 2015 u Marzu 2016 l-għadd tal-persuni li jirċievu l-benefiċċji tal-qgħad f'dawn ir-reġjuni fis-settur tal-bejgħ bl-imnut żdied bi 3 461[8];

8.  Jiddispjaċih li l-aktar li qed jintlaqtu huma l-ħaddiema żgħażagħ: mill-benefiċjarji indirizzati, 67,1 % għandhom anqas minn 30 sena;

9.  Jisħaq fuq il-perjodu twil li l-benefiċjarji indirizzati jqattgħu mingħajr ma jaħdmu jew mingħajr ma jkunu f'edukazzjoni jew f'taħriġ, kif ukoll il-perjodu twil ta' iżjed minn sena bejn id-data meta ngħatat l-aħħar sensja (fl-1 ta' Mejju 2016) u ż-żmien meta l-Istat Membru applikant se jibda jirċievi l-għajnuna mill-FEG;

10.  Jirrikonoxxi l-fatt li n-Netherlands indikat li l-applikazzjoni, b'mod partikolari l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati, tfasslet f'konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, mas-sħab soċjali u ma' rappreżentanti tas-settur tal-bejgħ bl-imnut u tar-reġjuni kkonċernati;

11.  Jinnota li l-applikazzjoni ma tinkludi l-ebda allowance jew inċentiv minn dawk msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament dwar il-FEG; jilqa' d-deċiżjoni li l-ispejjeż tal-assistenza teknika jiġu limitati għal 4 % tal-ispejjeż totali, b'mod li jibqa' 96 % biex jintużaw għall-pakkett ta' servizzi personalizzati;

12.  Jappella lill-Kummissjoni biex teżamina metodi ġodda biex tnaqqas id-dewmien fl-għoti tal-appoġġ mill-FEG billi tnaqqas il-burokrazija marbuta mal-proċedura ta' applikazzjoni;

13.  Jinnota li s-servizzi personalizzati kofinanzjati mill-FEG għall-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja jinkludu valutazzjonijiet tal-kapaċitajiet, il-potenzjalitajiet u l-prospettivi ta' impjieg tal-parteċipanti; għajnuna għat-tfittix ta' impjieg u ġestjoni tal-każijiet; "riżerva ta' mobilità" flessibbli b'impjiegi temporanji għal min ikun qed ifittex xogħol u għall-impjegaturi; għajnuna għar-rikollokament: taħriġ u taħriġ mill-ġdid inklużi taħriġ, trawwim u għotjiet għall-promozzjoni tal-intraprenditorija;

14.  Ifakkar li, bi qbil mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, jenħtieġ li t-tfassil tal-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati jantiċipa l-perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa, u li jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija li hija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli;

15.  Jinnota li l-awtoritajiet Netherlandiżi pprovdew assigurazzjonijiet li l-azzjonijiet proposti mhux se jirċievu appoġġ minn strumenti finanzjarji jew fondi oħra tal-Unjoni, li kull finanzjament doppju se jiġi evitat, li dawn se jkunu komplimentari ma' azzjonjijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali u li r-rekwiżiti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-Unjoni li jirrigwardaw sensji kollettivi se jiġu rrispettati;

16.  Ifakkar fl-importanza li tittejjeb l-impjegabilità tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali ta' ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett ikkoordinat jiġi adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, iżda anke għall-ambjent kummerċjali nnifsu;

17.  Itenni l-fatt li l-assistenza mill-FEG ma tistax tissostitwixxi la l-azzjonijiet li jkunu r-responsabilità tal-kumpaniji bis-saħħa tad-dritt nazzjonali jew ta' ftehimiet kollettivi, u lanqas il-miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

18.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-pubbliku jkollu aċċess għad-dokumenti relatati mal-każijiet tal-FEG;

19.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni min-Netherlands – EGF/2016/005 NL/Drenthe Overijssel Retail

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006[1], u b'mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[2], u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)  Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għandu l-għan li jipprovdi appoġġ għall-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u għal dawk il-persuni li jaħdmu għal rashom u li l-attività tagħhom tkun intemmet b'riżultat ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, b'riżultat ta' kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, jew b'riżultat ta' kriżi ekonomika u finanzjarja globali ġdida, u li jassistihom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)  Il-FEG m'għandux jaqbeż l-ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (fi prezzijiet tal-2011), kif stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013[3].

(3)  Fit-12 ta' Lulju 2016, in-Netherlands ippreżentat applikazzjoni biex jiġi mobilizzat il-FEG fir-rigward tas-sensji f'sitt intrapriżi li joperaw fis-settur tal-bejgħ bl-imnut f'żewġ reġjuni (Drenthe u Overijssel) fin-Netherlands. Din kienet issupplimentata b'informazzjoni addizzjonali pprovduta skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. Dik l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.

(4)  Għaldaqstant, jenħtieġ li l-FEG jiġi mobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 1 818 750 fir-rigward tal-applikazzjoni mressqa min-Netherlands.

(5)  Biex jitnaqqas kemm jista' jkun iż-żmien għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2017, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi l-ammont ta' EUR 1 818 750 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Hija għandha tapplika [mid-data tal-adozzjoni tagħha]*.

[4]Magħmul fi [...],

Għall-Parlament Ewropew  Għall-Kunsill

Il-President  Il-President

  • [1]   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
  • [2]   ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
  • [3]   Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p 884).
  • [4] *  Id-data għandha tiddaħħal mill-Parlament qabel il-pubblikazzjoni fil-ĠU.

NOTA SPJEGATTIVA

I. Sfond

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jipprovdi assistenza addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[1][1] u tal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013[2][2], il-Fond ma jistax jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (fi prezzijiet tal-2011). L-ammonti xierqa jiddaħħlu bħala provvediment fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.

Fir-rigward tal-proċedura, skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[3][3], sabiex jiġi attivat il-Fond, il-Kummissjoni, f'każ ta' valutazzjoni pożittiva ta' applikazzjoni, tippreżenta lill-awtorità baġitarja proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess waqt, talba korrispondenti għal trasferiment. Fil-każ ta' nuqqas ta' qbil, għandu jinbeda trilogu.

II. L-applikazzjoni tan-Netherlands u l-proposta tal-Kummissjoni

1.  Nhar id-29 ta' Novembru 2016, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur in-Netherlands bħala appoġġ għar-riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja b'segwitu għall-falliment u l-għeluq ta' 6 intrapriżi fid-Diviżjoni 47 ta' NACE Reviżjoni 2 (Negozju bl-imnut, għajr ta' vetturi bil-mutur u muturi), prinċipalment fir-reġjuni fil-livell NUTS 2[4][4] ta' NL13 - Drenthe u ta' NL21 - Overijssel.

L-intrapriżi u l-għadd ta' sensji fil-perjodu ta' referenza

Aktiesport (Drenthe)

41

Perry Sport (Drenthe)

19

Aktiesport (Overijssel)

84

Perry Sport (Overijssel)

36

Dolcis (Drenthe)

19

Scapino (Drenthe)

209

Dolcis (Overijssel)

44

Scapino (Overijssel)

213

Manfield (Drenthe)

11

V&D (Drenthe)

125

Manfield (Overijsse)

27

V&D (Overijssel)

268

Nru totali ta' intrapriżi: 6

Nru totali ta' sensji:

1 096

Nru totali tal-persuni jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom intemmet:

0

Nru totali tal-ħaddiema u l-persuni jaħdmu għal rashom eliġibbli:

1 096

 

 

 

 

 

 

Din hija l-ewwel applikazzjoni li qed tiġi eżaminata taħt il-baġit tal-2017 u s-seba' waħda għas-settur tan-negozju bl-imnut, għajr dak ta' vetturi bil-mutur u muturi, u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta' ammont totali ta' EUR 1 818 750 mill-FEG għan-Netherlands. Tirrigwarda 800 ħaddiem li ngħataw is-sensja.

L-applikazzjoni ntbagħtet lill-Kummissjoni fit-12 ta' Lulju 2016 u ġiet issupplimentata b'informazzjoni addizzjonali sas-6 ta' Settembru 2016. Il-Kummissjoni kkonkludiet, bi qbil mad-dispożizzjonijiet kollha applikabbli tar-Regolament dwar il-FEG, li l-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, kif imsemmi fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament dwar il-FEG.

Għalkemm is-suq tax-xogħol tan-Netherlands qed jirkupra bil-mod mill-kriżi, l-effetti għadhom jidhru f'ċerti setturi. Huwa biss dan l-aħħar li wħud mis-setturi bħal dak tal-bejgħ bl-imnut bdew tassew ibatu mill-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika finanzjarja. Uħud mill-ikbar ħwienet għall-bejgħ bl-imnut fin-Netherlands fallew qabel spiċċat l-2015. Saret analiżi li turi l-għaxar l-akbar fallimenti fis-settur tal-bejgħ bl-imnut tul is-snin, l-għadd tal-fergħat/ħwienet li ngħalqu u l-għadd tal-impjiegi mitlufa[5][5]. It-tendenza tal-fallimenti diġà kienet għaddejja fin-nofs tal-kriżi (2011-2013), u l-ewwel laqtet lill-ktajjen żgħar tal-bejgħ bl-imnut u issa (2015-2016) qed tolqot lil dawk ta' daqs ikbar[6][6].

Is-sitt' azzjonijiet li għandhom jiġu pprovduti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja jinkludu:

–  Ammissjoni: din il-miżura se tqassam lill-parteċipanti skont il-kapaċitajiet, il-potenzjalitajiet u l-prospetti għal impjieg tagħhom. Kull ammissjoni tikkonkludi b'konsulenza.

–  Għajnuna għat-tfittix ta' impjieg u ġestjoni tal-każijiet: din il-miżura se tibda b'offerta għal programm personalizzat. Fost l-oħrajn, se tinkludi t-tħejjija tad-dokumenti ta' trasferiment, taħriġ intensiv dwar l-applikazzjonijiet għal xogħol, l-organizzazzjoni tas-swieq tax-xogħol u kuntatt intensiv ma' min jimpjega.

–   Riżerva ta' mobilità: din il-miżura tinkludi riżerva flessibbli b'impjiegi temporanji għal min ikun qed ifittex xogħol u għall-impjegaturi. Dan is-servizz jista' jintuża għal kollokazzjonijiet flessibbli. Din il-miżura se tipprovdi esperjenza ta' xogħol għall-ħaddiema (imħarrġa mill-ġdid) u tgħinhom jippreżentaw rwieħhom lill-impjegaturi ġodda.

–  Għajnuna għar-rikollokament: din il-miżura se toffri orjentazzjoni lejn l-impjiegi, konsulenza dwar ix-xogħol u taħriġ f'kompetenzi.

–  Taħriġ u taħriġ mill-ġdid: din il-miżura se tipprovdi taħriġ, taħriġ mill-ġdid u faċilitajiet edukattivi oħra għas-settur tal-bejgħ bl-imnut u għal profili okkupazzjonali ġodda, bħat-trasport, is-servizzi informatiċi, il-professjonijiet tekniċi u oħrajn.

–  Taħriġ u trawwim għall-promozzjoni tal-intraprenditorija: uħud mill-parteċipanti jistgħu jużaw il-ħiliet u l-esperjenza kummerċjali tagħhom biex jibdew negozju għal rashom. Din il-miżura se tipprovdilhom taħriġ u trawwim fl-iżvilupp ta' ħiliethom, it-tfassil ta' pjan sostenibbli ta' direzzjoni tan-negozju u billi tiggwidahom fil-proċeduri leġiżlattivi.

–  Għotjiet għall-promozzjoni tal-intraprenditorija: din il-miżura se tipprovdi għotja li tkopri l-ispejjeż ta' investiment, jekk il-parteċipant jikseb il-ħiliet meħtieġa u jkollu pjan sostenibbli ta' direzzjoni tan-negozju.

Il-pakkett ta' miżuri msemmi hawn fuq huwa addizzjonali għas-servizzi regolari li jiġu pprovduti għal min ikun ingħata s-sensja. Dawn il-miżuri huma personalizzati u mmirati lejn il-ħaddiema li ngħataw is-sensja, waqt li l-miżuri fil-qasam tal-intraprenditorija huma mmirati lejn għadd limitat ta' persuni bi proġetti kummerċjali realistiċi.

Skont il-Kummissjoni, il-miżuri deskritti jikkostitwixxu miżuri attivi tas-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbli stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG. Dawn l-azzjonijiet ma jissostitwixxux il-miżuri passivi ta' protezzjoni soċjali.

In-Netherlands ipprovdiet l-assigurazzjonijiet kollha meħtieġa rigward dawn li ġejjin:

–  il-prinċipji tat-trattament ugwali u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rispettati fl-aċċess għall-azzjonijiet proposti u l-implimentazzjoni tagħhom,

–  hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE rigward is-sensji kollettivi,

–  l-azzjonijiet proposti mhux se jirċievu appoġġ finanzjarju minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni u mhu se jitħalla jsir l-ebda finanzjament doppju,

–  l-azzjonijiet proposti se jkunu komplementari għall-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali,

–  il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tkun konformi mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

III. Proċedura

Għall-mobilizzazzjoni tal-Fond, il-Kummissjoni se tippreżenta lill-Awtorità Baġitarja trasferiment ta' approprjazzjoni għal ammont globali ta' EUR 1 818 750.

Sal-lum, din hija l-ewwel proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond trażmessa lill-Awtorità Baġitarja matul l-2017.

F'każ ta' nuqqas ta' qbil għandha tinbeda l-proċedura ta' trilogu, kif previst fl-Artikolu 15(4) tar-Regolament dwar il-FEG.

Skont ftehim intern, jenħtieġ li l-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jiġi assoċjat fil-proċess, sabiex joffri appoġġ kostruttiv u jagħti kontribut għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.

ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI

D(2017)3389

Onor. Jean Arthuis

President tal-Kumitat għall-Baġits

ASP 09G205

Suġġett:   Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għall-każ EGF/2016/005 NL/Drenthe Overijssel Retail

Sur President,

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) kif ukoll il-Grupp ta' Ħidma tiegħu dwar il-FEG eżamina l-mobilizzazzjoni tal-FEG għall-każ EGF/2016/005/NL/Drenthe Overijssel Retail u adotta l-opinjoni li ġejja.

Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-FEG huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond fir-rigward ta' din l-applikazzjoni. F'dan ir-rigward, il-Kumitat EMPL qed jippreżenta xi rimarki mingħajr, madankollu, ma jqajjem dubji dwar it-trasferiment tal-pagamenti.

Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma msejsa fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

A)  Billi din l-applikazzjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 (ir-Regolament dwar il-FEG) u tirrigwarda 1 096 ħaddiem li ngħataw is-sensja f'6 intrapriżi li joperaw fis-settur ekonomiku kklassifikati taħt id-Diviżjoni 47 ta' NACE Reviżjoni 2 (Negozju bl-imnut, għajr ta' vetturi bil-mutur u muturi);

B)  Billi, sabiex tiġi stabbilita r-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, in-Netherlands targumenta li s-settur tal-bejgħ bl-imnut huwa settur fi kriżi minħabba li x-xiri minn fuq l-internet qed isir dejjem iktar popolari u minħabba l-iżvilupp ta' żoni kummerċjali ġodda barra miċ-ċentri urbani kif ukoll minħabba regoli bankarji aktar stretti, implimentati b'riżultat tal-kriżi ekonomika finanzjarja, li wasslu biex il-banek saru aktar iebsa biex jipprovdu kreditu lill-kumpaniji.

C)  Billi 71,2% tal-ħaddiema kkonċernati mill-miżura huma rġiel u 28,8% huma nisa; billi 61,5 % tal-benefiċjarji fil-mira għandhom bejn il-15 u l-24 sena, filwaqt li 24,8 % għandhom bejn it-30 u l-54 sena u 8 % għandhom bejn il-55 u l-64 sena;

D)  Billi din hija s-seba' applikazzjoni tal-FEG li tirrigwarda d-Diviżjoni 47 ta' NACE (Negozju bl-imnut, għajr ta' vetturi bil-mutur u muturi)

Għalhekk, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu dwar l-applikazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi:

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kriterji ta' intervent stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 huma ssodisfati u li, għalhekk, in-Netherlands hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 1 818 750 skont dan ir-Regolament, li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 3 031 250;

2.  Jinnota li l-Kummissjoni osservat l-iskadenza ta' 12-il ġimgħa mill-wasla tal-applikazzjoni kompluta mill-awtoritajiet tan-Netherlands sal-finalizzazzjoni tal-valutazzjoni tagħha dwar il-konformità mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta' kontribuzzjoni finanzjarja, fid-29 ta' Novembru 2016, u nnotifikatha lill-Parlament fit-23 ta' Jannar 2017;

3.  Jenfasizza li s-settur tal-bejgħ bl-imnut jirrappreżenta sehem konsiderevoli tal-impjiegi (17-19 %) fir-reġjuni fil-livell NUTS 2 ta' Drenthe u Overeijssel; jinnota, li mill-bidu tal-kriżi 'l hawn, fallew 5 200 ħanut tal-bejgħ bl-imnut, bl-akbar department stores jiġu affettwati biss reċentement jiddispjaċih li dan wassal biex bejn Jannar 2015 u Marzu 2016 il-persuni li jirċievu l-benefiċċji tal-qgħad f'dawn ir-reġjuni fis-settur tal-bejgħ bl-imnut żiedu bi 3 461;

4.  Jinnota li s-servizzi personalizzati kofinanzjati mill-FEG għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja jinkludu valutazzjonijiet tal-kapaċitajiet tal-parteċipanti, il-potenzjalitajiet u l-prospettivi ta' impjieg tagħhom; għajnuna għat-tfittix ta' impjieg u ġestjoni tal-każijiet; "Riżerva ta' mobilità" flessibbli għal dawk li qed ifittxu impjieg u impjegaturi b'impjiegi temporanji; għajnuna għar-rikollokament: taħriġ u taħriġ mill-ġdid inklużi taħriġ, trawwim u għotjiet għall-promozzjoni tal-intraprenditorija;

5.  Jilqa' l-assigurazzoni tan-Netherlands li l-applikazzjoni, b'mod partikolari l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati, tfasslet f'konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, mas-sħab soċjali, ma' ħaddiema li ngħataw is-sensja u ma' rappreżentanti tas-settur tal-bejgħ bl-imnut u tar-reġjuni;

6.  Jinnota li l-applikazzjoni ma tinkludi ebda allowances jew inċentivi taħt l-Artikolu

7(1)(b) tar-Regolament dwar il-FEG; jilqa' id-deċiżjoni li l-ispejjeż tal-assistenza teknika jiġu limitati għal 4 % tal-ispejjeż totali li jħalli 96% jintużaw għall-pakkett ta' servizzi personalizzati;

7.  Jinnota li l-awtoritajiet Netherlandiżi pprovdew assigurazzjonijiet li l-azzjonijiet proposti mhux se jirċevu appoġġ minn strumenti finanzjarji jew fondi oħra tal-Unjoni, li kull finanzjament doppju se jiġi evitat, li dawn se jkunu komplimentari ma' azzjonjijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali u li r-rekwiżiti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE li jirrigwardaw sensji kollettivi se jiġu osservati;

8.  Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, it-tfassil tal-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati għandu jantiċipa l-perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli.

Dejjem tiegħek,

Thomas HÄNDEL

President tal-Kumitat EMPL

ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI

Is-Sur Jean ARTHUIS

President

Kumitat għall-Baġits

Parlament Ewropew

Suġġett:  Il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

Sur Arthuis,

Proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġiet riferuta lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali għall-opinjoni tiegħu. Nifhem li hemm il-ħsieb li jiġi adottat rapport dwar din il-proposta fil-Kumitat għall-Baġits fid-9 ta' Frar 2017:

-  COM(2016)0742/1 tipproponi kontribuzzjoni mill-FEG ta' EUR 1 818 750 għal 1 096 ħaddiem li ngħataw is-sensja fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 47 ta' NACE Reviżjoni 2 (Negozju bl-imnut, għajr ta' vetturi bil-mutur u muturi) Is-sensji li ngħataw huma lokalizzati fir-reġjuni tal-livell NUTS 2 ta' NL13 - Drenthe u ta' NL21 - Overijssel fin-Netherlands.

Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-FEG huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

Il-koordinaturi tal-Kumitat ivvalutaw din il-proposta u talbuni niktiblek biex ninfurmak li l-maġġoranza tal-membri ta' dan il-Kumitat m'għandhom l-ebda oġġezzjoni għal din il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni biex l-ammont imsemmi hawn fuq jiġi allokat kif propost mill-Kummissjoni.

Dejjem tiegħek,

Iskra MIHAYLOVA

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

9.2.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

23

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean Arthuis, Richard Ashworth, Reimer Böge, Lefteris Christoforou, Manuel dos Santos, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Ingeborg Gräßle, Vladimír Maňka, Clare Moody, Siegfried Mureşan, Jan Olbrycht, Stanisław Ożóg, Jordi Solé, Eleftherios Synadinos, Indrek Tarand, Isabelle Thomas, Inese Vaidere, Daniele Viotti, Tiemo Wölken, Marco Zanni

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Jean-Paul Denanot, Andrey Novakov, Ivan Štefanec, Marco Valli

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

23

+

ALDE

Jean Arthuis

EFDD

Marco Valli

ENF

Marco Zanni

PPE

Reimer Böge, Lefteris Christoforou, , José Manuel Fernandes, Ingeborg Gräßle, Siegfried Mureşan, Andrey Novakov, Jan Olbrycht, Inese Vaidere, , Ivan Štefanec

S&D

Jean-Paul Denanot, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Vladimír Maňka, Clare Moody, , Isabelle Thomas, Daniele Viotti, Tiemo Wölken, Manuel dos Santos

Verts/ALE

Jordi Solé, Indrek Tarand

3

-

ECR

Richard Ashworth, Stanisław Ożóg

NI

Eleftherios Synadinos

0

0

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni